SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
21 ta’ Settembru 2016 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tassazzjoni — Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni — Ugwaljanza fit-trattament — Taxxa fuq id-dħul — Eżenzjoni tad-dħul mit-twettiq ta’ attività ta’ tagħlim b’mod anċillari fis-servizz ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku bis-sede tagħha fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta’ Stat li għalih japplika l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi minn din l-eżenzjoni dħul minn attività bħal din imwettqa fis-servizz ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku bis-sede tagħha fl-Isvizzera”
Fil-Kawża C‑478/15,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminiari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Baden-Württemberg (qorti tal-finanzi ta’ Baden-Württemberg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Lulju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Settembru 2015, fil-proċedura
Peter Radgen,
Lilian Radgen
vs
Finanzamt Ettlingen,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, C. G. Fernlund (Relatur) u E. Regan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Wathelet,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann u W. Roels, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2002, L 114, p. 6, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni”). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Peter Radgen u martu Lilian Radgen (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“konjuġi Radgen”), ċittadini u residenti Ġermaniżi minn naħa u l-Finanzamt Ettlingen (dipartiment tat-taxxi ta’ Ettlingen, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni fiskali”) min-naħa l-oħra, dwar ir-rifjut ta’ din l-amministrazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, bħala dħul eżentat mit-taxxa fuq id-dħul għas-sena fiskali 2009, id-dħul riċevut minn P. Radgen fil-kuntest ta’ attività ta’ tagħlim imwettqa minnu b’mod anċillari f’istituzzjoni rregolata mid-dritt pubbliku stabbilita fl-Isvizzera. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Fil-21 ta’ Ġunju 1999, il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, iffirmaw seba’ ftehimiet, fosthom il-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni. Permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/309/KE, Euratom, tal-4 ta’ April 2002, dwar il-Ftehim ta’ kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika (ĠU 2002 L 114, p. 1), dawn il-ftehimiet ġew approvati f’isem il-Komunità u daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2002. |
4 |
Skont il-preambolu tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni, il-partijiet kontraenti huma “[d]eterminati li jġibu fis-seħħ il-moviment liberu tal-persuni [bejniethom] ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet li japplikaw fil-Komunità Ewropea” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
5 |
L-Artikolu 1 ta’ dan il-Ftehim jipprovdi li: “L-għan ta’ dan il-ftehim, favur iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u tal-Isvizzera, huwa:
[...]
|
6 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmi Ftehim, intitolat “Nondiskriminazzjoni”, [traduzzjoni mhux uffiċjali], jipprevedi: “Fl-applikazzjoni u konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Annessi I, II u III ta’ dan il-ftehim, iċ-ċittadini ta’ parti kontraenti li jkunu legalment residenti fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra ma għandhomx ikunu suġġetti għal diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità tagħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
7 |
Skont l-Artikolu 4 tal-istess ftehim, intitolat “Dritt ta’ residenza u ta’ aċċess għal attività ekonomika”: [traduzzjoni mhux uffiċjali] “Id-dritt ta’ residenza u ta’ aċċess għal attività ekonomika għandu jiġi ggarantit [...] skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness I.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
8 |
L-Artikolu 11(1) tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni intitolat “Smigħ tal-appelli” [traduzzjoni mhux uffiċjali], jistabbilixxi dritt ta’ appell għall-persuni koperti minn dan il-ftehim għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu mal-awtoritajiet kompetenti. |
9 |
Skont l-Artikolu 15 tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni, l-annessi u l-protokolli ta’ dan tal-aħħar għandhom jifformaw parti integrali minnu. |
10 |
L-Artikolu 16(2) ta’ dan il-Ftehim, intitolat “Riferiment għad-dritt Komunitarju” huwa fformulat kif ġej: [traduzzjoni mhux uffiċjali] “Sa fejn l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim tinvolvi kunċetti tal-liġi Komunitarja, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej li tippreċedi d-data tal-iffirmar tiegħu. Il-ġurisprudenza ta’ wara d-data tal-iffirmar tiegħu għandha tiġi kkomunikata lill-Isvizzera. Sabiex jiġi żgurat li l-Ftehim jiffunzjona korrettament, il-Kumitat Konġunt għandu, fuq talba ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet Kontraenti, jiddetermina l-implikazzjonijiet ta’ din il-ġurisprudenza.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
11 |
L-Artikolu 21 tal-imsemmi ftehim, intitolat “Relazzjoni ma’ ftehim bilaterali dwar it-tassazzjoni doppja”, jipprovdi: [traduzzjoni mhux uffiċjali] “1. Id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim bilaterali bejn l-Isvizzera u l-Istati Membri tal-Komunità Ewropea dwar it-tassazzjoni doppja ma għandhomx jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. B’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim ma għandhomx jaffettwaw id-definizzjoni ta’ ħaddiem tal-fruntiera fi ftehim dwar it-tassazzjoni doppja. 2. L-ebda dispożizzjoni minn dan il-ftehim ma għandha tiġi interpretata b’mod li tipprekludi lill-partijiet kontraenti milli jistabbilixxu distinzjoni, fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni fiskali tagħhom, bejn il-persuni taxxabbli li ma jinsabux f’sitwazzjonijiet paragunabbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-post ta’ residenza tagħhom. [traduzzjoni mhux uffiċjali] [...]” |
12 |
L-Anness I ta’ dan l-istess ftehim huwa ddedikat għall-moviment liberu tal-persuni u l-Kapitolu II ta’ dan l-anness jinkludi d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-ħaddiema impjegati. |
13 |
L-Artikolu 6(1) ta’ dan l-anness intitolat “Leġiżlazzjoni tar-residenza” jipprovdi li “[i]l-ħaddiem impjegat ċittadin ta’ parti kontraenti (iktar ’il quddiem imsejjaħ il-ħaddiem impjegat) li għandu impjieg ta’ perijodu daqs jew itwal minn sena fis-servizz ta’ persuna li timpjega fl-Istat ospitanti għandu jirċievi permess ta’ residenza għal perijodu ta’ ħames snin mill-inqas mid-data tal-għoti tal-permess [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jirregola l-kwistjoni ta’ permess ta’ residenza mogħti lil ħaddiema impjegati li għandhom impjieg għal perijodu ta’ inqas minn sena. Il-paragrafi 3 sa 7 tal-imsemmi artikolu jinkludu, min-naħa tagħhom, dispożizzjonijiet proċedurali dwar il-permess ta’ residenza ta’ ħaddiema impjegati. |
14 |
Konformement mal-Artikolu 7(1) tal-imsemmi anness, “[ħ]addiem tal-fruntiera impjegat huwa ċittadin ta’ parti kontraenti li jkollu r-residenza tiegħu fit-territorju ta’ parti kontraenti u jwettaq attività bħala persuna impjegata fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra, fejn ġeneralment jirritorna lejn il-post ta’ residenza tiegħu kuljum, jew mill-inqas darba f’ġimgħa” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
15 |
L-Artikolu 9(1) u (2) tal-Anness I tal-Ftehim tal-moviment liberu tal-persuni, intitolat “Ugwaljanza fit-trattament”, jipprovdi: “1. Ħaddiem impjegat li jkun ċittadin ta’ parti kontraenti ma jistax jiġi ttrattat b’mod differenti fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra, minħabba n-nazzjonalità tiegħu, minn ħaddiema impjegati nazzjonali fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-impjieg u tax-xogħol, b’mod partikolari fir-rigward tal-paga, tat-tkeċċija, jew tal-għoti lura tal-post jew tal-impjieg jekk issir qiegħda. 2. Il-ħaddiem impjegat u l-membri tal-familja tiegħu msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan l-anness għandhom igawdu mill-istess vantaġġi fiskali u soċjali bħall-ħaddiema impjegati nazzjonali u l-membri tal-familja tagħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
16 |
Il-Kapitolu III tal-Anness I ta’ dan il-ftehim, intitolat “Ħaddiema li jaħdmu għal rashom” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jinkludi dispożizzjonijiet dwar ħaddiema li jaħdmu għal rashom. |
Id-dritt Ġermaniż
17 |
Konformement mal-Artikolu 1(1) tal-Einkommensteuergesetz (liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, BGB1. 2002 I, p. 4212), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-liġi fiskali annwali, tad-19 ta’ Diċembru 2008, dwar is-sena fiskali 2009 (BGBI. 2009 I, p. 2794) (iktar ’il quddiem l-“EstG”), persuni fiżiċi li għandhom id-domiċilju tagħhom jew ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju nazzjonali huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul b’mod illimitat. |
18 |
Il-punt 26 tal-Artikolu 3 tal-EstG jipprevedi li d-dħul minn attivitajiet imwettqa b’mod anċillari bħal persuna responsabbli mill-organizzazzjoni ta’ korsijiet, trejner, edukatur, monitur jew attivitajiet komparabbli oħra mwettqa b’mod anċillari fis-servizz ta’ jew f’isem persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku li tinsab fi Stat Membru tal-Unjoni jew fi Stat li għalih japplika l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”) huma eżenti mit-taxxa sal-ammont totali ta’ EUR 2100 fis-sena. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
19 |
Mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-konjuġi Radgen huma ċittadini Ġermaniżi li huma residenti fil-Ġermanja. Huma jiġu ntaxxati flimkien taħt it-taxxa fuq id-dħul f’dan l-Istat Membru. Minn dan il-fajl jirriżulta wkoll li P. Radgen huwa suġġett għal taxxa fuq id-dħul b’mod illimitat fl-imsemmi Stat Membru. |
20 |
Matul is-sena 2009. P. Radgen wettaq attività ta’ tagħlim b’mod anċillari fi stabbiliment irregolat mid-dritt pubbliku fl-Isvizzera. It-twettiq ta’ din l-attività kien suġġett għal kuntratt ta’ xogħol bejn P. Radgen u dan l-istabbiliment. Sabiex jagħti l-korsijiet tiegħu, P. Radgen kien imur Zürich, fl-Isvizzera, u wara kien jirritorna l-Ġermanja. Għal din l-attività huwa rċieva ammont ta’ CHF 4095 (madwar EUR 2702). Il-konjuġi Radgen kkunsidraw li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 3(26) tal-EstG kienet applikabbli għal din ir-remunerazzjoni. |
21 |
Fl-avviż ta’ taxxa fuq id-dħul tiegħu għas-sena 2009, l-amministrazzjoni fiskali ssuġġettat dan l-ammont għat-taxxa fuq id-dħul wara li tnaqqas l-ammont dovut taħt din it-taxxa li tinġabar f’ras il-għajn mill-amministrazzjoni fiskali Svizzera, li tammonta għal EUR 121.44. |
22 |
Il-konjuġi Radgeni ressqu lment kontra dan l-avviż. L-amministrazzjoni fiskali ċaħditu bħala infondat, għar-raġuni li r-rifjut li tingħata l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 3(26) tal-EstG ma jikkostitwixxix ostakolu għall-ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni. |
23 |
Il-konjuġi Radgen ippreżentaw rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, il- Finanzgericht Baden-Württemberg (qorti tal-finanzi ta’ Baden-Württemberg, il-Ġermanja). Filwaqt li kklassifikat lil P. Radgen bħala “ħaddiem tal-fruntiera impjegat”, skont l-Artikolu 7(1) tal-Anness I tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipji stabbiliti mis-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Jundt (C‑281/06, EU:C:2007:816) jistgħux ukoll jiġu applikati fil-kuntest ta’ dan il-ftehim. |
24 |
F’dan il-kuntest, din il-qorti tenfasizza li, mill-perspettiva tad-dritt fiskali Ġermaniż, ma tagħmilx differenza jekk l-attività li għaliha qed tintalab l-eżenzjoni hija mwettqa bħala ħaddiem jaħdem għal rasu jew bħala impjegat. Barra minn hekk, il-qorti tqis li għalkemm is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Jundt (C‑281/06, EU:C:2007:816), ingħatat wara l-iffirmar tal-imsemmi ftehim, din is-sentenza sempliċement tiċċara l-istat ta’ dritt li kien jeżisti qabel l-iffirmar ta’ dan l-istess ftehim. |
25 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Baden-Württemberg (qorti tal-finanzi ta’ Baden-Württemberg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja: “Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim tal-21 ta’ Ġunju 1999 bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, partikolarment il-preambolu tiegħu, l-Artikoli 1, 2 ,4 ,11, 16 u 21 tiegħu kif ukoll l-Artikoli 7, 9 u 15 tal-Anness I tiegħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu regola ta’ Stat Membru li tirrifjuta lil ċittadin suġġett għat-taxxa b’mod illimitat f’dan l-istat il-benefiċċju ta’ tnaqqis għal attività ta’ tagħlim b’mod anċillari, minħabba li din ma hijiex eżerċitata fis-servizz jew għan-nom ta’ persuna ġuridika [rregolata mid]-dritt pubbliku stabbilita fi Stat Membru tal-Unjoni jew fi Stat li fih japplika l-Ftehim [ŻEE], iżda fis-servizz jew għan-nom ta’ persuna ġuridika [rregolata mid]-dritt pubbliku stabbilita fi Stat Membru tal-Unjoni jew fi Stat li fih japplika l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, iżda fis-servizz jew għan-nom ta’ persuna ġuridika [rregolata mid]-dritt pubbliku fit-territorju tal-Konfederazzjoni Svizzera?” |
Fuq id-domanda preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
26 |
Fl-ewwel lok, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea jsostnu li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni dwar is-smigħ ta’ appelli u dik tal-Artikolu 15 tal-Anness I ta’ din ftehim dwar il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom huma irrilevanti għall-eżitu tal-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. |
27 |
F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-eżattezza tagħha ma għandhiex tiġi vverifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq domanda mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tas-7 ta’ April 2016, KA Finanz, C‑483/14, EU:C:2016:205, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
28 |
F’dan il-każ, minn naħa, mill-Artikolu 11 tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni jirriżulta li dan l-artikolu jiggarantixxi lill-persuni koperti minn dan il-ftehim dritt ta’ appell fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim mal-awtoritajiet kompetenti. Madankollu, ma jirriżultax mill-fajl sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja li dan id-dritt ġie miċħud lill-konjuġi Radgen. |
29 |
Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku li l-attività mwettqa minn P. Radgen fl-Isvizzera hija attività bħala persuna impjegata. L-Artikolu 15 tal-Anness I tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni japplika għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, jiġifieri l-persuni li jwettqu attività bħala persuna li taħdem għal rasha, P. Radgen ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu. |
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni u dik tal-Artikolu 15 tal-Anness I ta’ dan il-ftehim huma irrilevanti għall-eżitu tal-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Għaldaqstant, id-domanda preliminari, sa fejn tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, hija inammissibbli. |
31 |
Fit-tieni lok, il-Gvern Ġermaniż iqis li P. Radgen ma jistax jiġi kklassifikat bħala “ħaddiem tal-fruntiera impjegat”, skont l-Artikolu 7 tal-Anness I tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni. Min-naħa l-oħra, dan il-gvern ma jsostnix li P. Radgen, għat-twettiq tal-attività bħala impjegat, ma għamilx użu mid-dritt tiegħu ta’ moviment liberu. |
32 |
Kif jirriżulta mill-punt 27 ta’ din is-sentenza, hija r-responsabbiltà tal-qorti nazzjonali li tiddefinixxi l-kuntest leġiżlattiv u fattwali tal-kawża quddiemha. Peress li l-qorti tar-rinviju kklassifikat, mingħajr ekwivoku, lil P. Radgen bħala “ħaddiem tal-fruntiera impjegat”, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Anness I tal-imsemmi, hemm lok, għall-Qorti tal-Ġustizzja, li tibbaża ruħha fuq il-premessa li P. Radgen għandu din il-kwalità. |
33 |
Fi kwalunkwe każ, ġaladarba huwa paċifiku li P. Radgen għamel użu mid-dritt tiegħu ta’ moviment liberu sabiex iwettaq attività ta’ persuna impjegata fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra għall-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni, jiġifieri l-Konfederazzjoni Svizzera, l-interpretazzjoni mitluba tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim dwar l-ugwaljanza fit-trattament ta’ ħaddiema impjegati ma jidhirx li hija ta’ natura ipotetika, b’tali mod li d-domanda preliminari, sa fejn din tirrigwarda din l-interpretazzjoni, hija ammissibbli. |
34 |
Fil-fatt, il-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni jagħmel distinzjoni bejn il-ħaddiema tal-fruntiera impjegati f’artikolu wieħed biss, f’dan il-każ fl-Artikolu 7 tal-Anness I, u għal għan speċifiku, jiġifieri sabiex jiġu stabbiliti, kif jirriżulta minn dan l-Artikolu 7, moqri flimkien mal-Artikolu 6 ta’ dan l-Anness, termini iktar favorevoli li jirrigwardawhom fil-qasam tad-dritt ta’ residenza minn dawk stabbiliti għall-ħaddiema impjegati oħra li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Stamm u Hauser, C‑13/08, EU:C:2008:774, punt 39). |
Fuq il-mertu
35 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni dwar l-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema impjegati għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tagħtix lil ċittadin residenti suġġett għat-taxxa fuq id-dħul b’mod illimitat, li jkun għamel użu mid-dritt tiegħu ta’ moviment liberu sabiex iwettaq attività ta’ tagħlim bħala persuna impjegata b’mod anċillari fis-servizz ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku stabbilita fl-Isvizzera, il-benefiċċju tal-eżenzjoni mit-taxxa relatata mad-dħul li ġej minn din l-attività bħala persuna impjegata, meta tali eżenzjoni kienet tingħata li kieku l-imsemmija attività kellha titwettaq fis-servizz ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku stabbilita f’dan l-Istat Membru, fi Stat Membru ieħor jew fi Stat ieħor li għalih japplika l-Ftehim ŻEE. |
36 |
Kif jirriżulta mill-preambolu, mill-Artikolu 1 u mill-Artikolu 16(2) tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni, dan tal-aħħar huwa intiż sabiex iwettaq, favur iċ-ċittadini tal-Unjoni u dawk tal-Konfederazzjoni Svizzera, il-moviment liberu tal-persuni fit-territorji tal-partijiet kontraenti ta’ dan il-ftehim billi jibbaża ruħu fuq id-dispożizzjonijiet li japplikaw fl-Unjoni, li l-kunċetti tagħhom għandhom jiġu interpretati skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2015, Bukovansky, C‑241/14, EU:C:2015:766, punt 40). |
37 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li dan il-għan jinkludi, skont l-Artikolu 1(a) u (d) tal-imsemmi ftehim, dak li jingħata lil dawn iċ-ċittadini, fost oħrajn, id-dritt ta’ dħul, ta’ residenza, ta’ aċċess għal attività ekonomika bi ħlas kif ukoll l-istess kundizzjonijiet ta’ ħajja, ta’ impjieg u ta’ xogħol bħal dawk mogħtija liċ-ċittadini nazzjonali. |
38 |
Għalhekk, l-Artikolu 4 tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni jiggarantixxi d-dritt ta’ aċċess għal attività ekonomika konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Anness I ta’ dan il-ftehim, fejn il-Kapitolu II ta’ dan l-anness jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu ta’ ħaddiema impjegati, b’mod partikolari dawk dwar il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
39 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni, intitolat “Ugwaljanza fit-trattament”, jiggarantixxi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 2 ta’ dan il-ftehim fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2015, Bukovansky, C‑241/14, EU:C:2015:766, punt 47). |
40 |
Dan l-Artikolu 9 jistabbilixxi fil-paragrafu 2 tiegħu regola speċifika intiża sabiex il-ħaddiem impjegat u l-membri tal-familja tiegħu jgawdu mill-istess benefiċċji fiskali u soċjali bħal dawk disponibbli għall-ħaddiema impjegati nazzjonali u l-membri tal-familja tagħhom. Fil-qasam ta’ benefiċċji fiskali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, previst taħt din id-dispożizzjoni, jista’ jiġi invokat ukoll minn ħaddiem ċittadin ta’ parti kontraenti, wara li jkun eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu, fir-rigward tal-Istat ta’ oriġini tiegħu (sentenza tad-19 ta’ Novembru 2015, Bukovansky, C‑241/14, EU:C:2015:766, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
Fir-rigward tal-kawża prinċipali, kif ġie indikat fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, huwa paċifiku li P. Radgen għamel użu mid-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi wettaq attività bħala persuna impjegata fit-territorju tal-Konfederazzjoni Svizzera. Minn dan isegwi li huwa jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu II tal-Anness I tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni u, għaldaqstant, jista’ jinvoka l-Artikolu 9 tal-Kapitolu II ta’ dan l-anness fir-rigward tal-Istat ta’ oriġini tiegħu. |
42 |
Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk P. Radgen ġarrabx żvantaġġ fiskali meta mqabbel ma’ ċittadini residenti Ġermaniżi oħra li jwettqu attività bħala persuna impjegata analoga għal tiegħu u li, kuntrarjament, iwettqu din l-attività fis-servizz ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku stabbilita fit-territorju nazzjonali, fi Stat Membru tal-Unjoni jew fi Stat Membru ieħor li għalih japplika l-Ftehim ŻEE. |
43 |
F’dan il-każ, huwa biżżejjed li wieħed jikkonstata li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrifjuta lill-persuni taxxabbli residenti Ġermaniżi li jwettqu attività ta’ tagħlim b’mod anċillari fis-servizz ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku stabbilita fl-Isvizzera d-dritt li jibbenefikaw mill-eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul relatat mad-dħul minn din l-attività bħala persuna impjegata, filwaqt li tali eżenzjoni kienet tingħata li kieku l-attività kellha titwettaq fis-servizz ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku stabbilita fit-territorju nazzjonali, fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni jew fi Stat Membru ieħor li għalih japplika l-Ftehim ŻEE, twassal għal differenza fit-trattament fiskali bejn persuni taxxabbli residenti Ġermaniżi skont l-oriġini tad-dħul tagħhom. |
44 |
Din id-differenza fit-trattament tista’ tiddiswadi lill-persuni taxxabbli residenti Ġermaniżi milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu billi jwettqu attività ta’ tagħlim bħala persuna impjegata fit-territorju tal-Konfederazzjoni Svizzera filwaqt li jkomplu jirrisjedu fl-Istat ta’ residenza tagħhom u, għalhekk, tikkostitwixxi inugwaljanza fit-trattament, bħala prinċipju, kuntrarja għall-Artikolu 9(2) tal-Anness I tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni. |
45 |
Madankollu, għandu jittieħed ukoll inkunsiderazzjoni, fl-ewwel lok, l-Artikolu 21(2), ta’ dan il-ftehim li jippermetti l-applikazzjoni ta’ trattament iddifferenzjat, fil-qasam fiskali, għall-persuni taxxabbli li ma jinstabux f’sitwazzjoni paragunabbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-post tagħhom ta’ residenza. |
46 |
Fit-tieni lok, meta l-persuni taxxabbli jsibu ruħhom f’sitwazzjoni paragunabbli, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-moviment liberu ggarantit mit-Trattat jirriżulta li differenza fit-trattament tista’ wkoll tiġi ġġustifikata għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku. Huwa wkoll neċessarju, f’din l-ipoteżi, li din tkun xierqa sabiex tiggarantixxi li l-għan inkwistjoni jintlaħaq u li din ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jintlaħaq (ara, fost oħrajn, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus, C‑19/92, EU:C:1993:125, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais, C‑325/08, EU:C:2010:143, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
47 |
Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi kunċett ta’ dritt tal-Unjoni (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2011, Graf u Engel, C‑506/10, EU:C:2011:643, punt 26), sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza possibbli ta’ inugwaljanza fit-trattament fil-kuntest tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni, hemm lok, kif jirriżulta mill-punt 36 ta’ din is-sentenza, li jsir riferiment, b’analoġija, għall-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza. |
48 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li ma ġiex allegat li persuni taxxabbli residenti Ġermaniżi li jwettqu attività ta’ tagħlim bħala persuna impjegata b’mod anċillari fit-territorju tal-Konfederazzjoni Svizzera ma jinsabux, f’dak li jirrigwarda t-taxxa fuq id-dħul, f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-persuni taxxabbli residenti Ġermaniżi li lilhom ingħatat l-eżenzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
49 |
Il-ġustifikazzjoni ta’ inugwaljanza fit-trattament tista’, għalhekk, tirrigwarda biss raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Huwa wkoll neċessarju, f’din l-ipoteżi, li din tkun xierqa sabiex tiggarantixxi li l-għan inkwistjoni jintlaħaq u li din ma teċċedix dak li huwa meħtieġ sabiex dan il-għan jintlaħaq. |
50 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza tagħha tat-18 ta’ Diċembru 2007, Jundt (C‑281/06, EU:C:2007:816) il-Qorti tal-Ġustizzja kellha, fir-rigward ta’ persuni fiżiċi li eżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom, billi wettqu attività ta’ tagħlim b’mod anċillari għal rashom f’università stabbilita fi Stat Membru ieħor, filwaqt li jkomplu jirrisjedu fl-Istat ta’ residenza tagħhom, teżamina jekk id-differenza fit-trattament ipprojbit, bejn dawn il-persuni u dawk li jwettqu attività bħal din fit-territorju nazzjonali, li jirriżulta mill-punt 26 tal-Artikolu3 tal-EstG, tistax tiġi ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. |
51 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-punti 63 u 64 tas-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Jundt (C‑281/06, EU:C:2007:816) li tali differenza fit-trattament ma tistax tiġi ġġustifikata bir-raġuni ta’ interess ġenerali marbuta mal-promozzjoni tat-tagħlim, tar-riċerka u tal-iżvilupp, billi dawn id-differenzi jaffettwaw il-libertà tal-għalliema li jwettqu l-attività b’mod anċillari tagħhom li jagħżlu l-post tas-servizzi tagħhom fi ħdan l-Unjoni qabel ma jkun ġie stabbilit li, sabiex jinkiseb l-għan allegat tal-promozzjoni tat-tagħlim, huwa neċessarju li jiġi rriżervat il-benefiċċju tal-eżenzjoni fiskali rilevanti għall-persuni taxxabbli li jwettqu attività simili fl-universitajiet stabbiliti fit-territorju nazzjonali. |
52 |
Ġustifikazzjoni bbażata fuq raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali marbuta man-neċessità li tiġi żgurata l-koerenza tas-sistema fiskali Germaniża, fl-assenza tal-eżistenza ta’ rabta diretta, mill-perspettiva tas-sistema fiskali, bejn l-eżenzjoni fiskali ta’ indennizz għal spejjeż professjonali mħallsa minn universitajiet nazzjonali u kumpens għal dan il-vantaġġ permezz ta’ impożizzjoni fiskali speċifika, ukoll ġiet eskluża mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 69 sa 71 ta’ din is-sentenza. |
53 |
Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, fil-punti 83 sa 88 tas-sentenza msemmija, minn naħa, li l-eżenzjoni fiskali prevista fil-punt 26 tal-Artikolu 3 tal-EStG ma hijiex miżura dwar il-kontenut tat-tagħlim jew l-organizzazzjoni tas-sistema edukattiva, iżda miżura fiskali ta’ natura ġenerali li tagħti vantaġġ fiskali meta individwu jiddedika ruħu għal attivitajiet għall-benefiċċju tal-komunità. Min-naħa l-oħra, l-Istati Membri għandhom, fi kwalunkwe każ, fl-eżerċizzju tal-kompetenza u tar-responsabbiltà li huma għandhom sabiex jorganizzaw is-sistema edukattiva tagħhom, josservaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ moviment. Minn dan isegwi li anki jekk tali leġiżlazzjoni tikkostitwixxi miżura marbuta mal-organizzazzjoni tas-sistema edukattiva, hija xorta waħda tibqa’ inkompatibbli mat-Trattat sa fejn taffettwa l-għażla tal-għalliema li jwettqu l-attività tagħhom b’mod anċillari fir-rigward ta’ fejn joffru s-servizzi tagħhom. |
54 |
Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-fatt li l-attività inkwistjoni titwettaq minn persuna li qed taħdem għal rasha, bħal fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, Jundt (C‑281/06, EU:C:2007:816), jew li hija impjegata, bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipli, ma huwiex determinanti. Min-naħa l-oħra, fiż-żewġ każijiet, il-leġiżlazzjoni fiskali inkwistjoni, f’dan il-każ il-punt 26 tal-Artikolu 3 tal-EstG, tista’ taffettwa l-għażla tal-persuni taxxabbli residenti li jwettqu attività ta’ tagħlim b’mod anċillari f’dak li jirrigwarda l-post tat-twettiq ta’ din l-attività. |
55 |
L-imsemmija kunsiderazzjonijiet huma wkoll konformi mal-għan tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni li, kif jirriżulta mill-preambolu tiegħu, huwa li jwettaq favur ċittadini tal-Unjoni u dawk tal-Konfederazzjoni Svizzera l-moviment liberu tal-persuni fit-territorji tal-partijiet kontraenti ta’ dan il-ftehim, abbażi tad-dispożizzjonijiet applikati fl-Unjoni. |
56 |
Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiċħad l-għoti ta’ eżenzjoni lil persuni taxxabbli residenti li għamlu użu mid-dritt tagħhom ta’ moviment liberu billi wettqu attività ta’ tagħlim bħala persuni impjegati b’mod anċillari fis-servizz ta’ persuna ġuridika stabbilita fit-territorju tal-Konfederazzjoni Svizzera, minħabba l-post tat-twettiq ta’ din l-attività, tistabbilixxi inugwaljanza fit-trattament mhux iġġustifikata u, għaldaqstant, hija kontra l-Artikolu 9(2) tal-Anness I tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni. |
57 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni dwar l-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema impjegati għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tagħtix lil ċittadin residenti suġġett b’mod illimitat għat-taxxa fuq id-dħul, li għamel użu mid-dritt tiegħu ta’ moviment liberu sabiex iwettaq attività ta’ tagħlim bħala persuna impjegata b’mod anċillari fis-servizz ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku stabbilita fl-Isvizzera, il-benefiċċju tal-eżenzjoni fiskali relatata mad-dħul li ġej minn din l-attività bi ħlas, filwaqt li tali eżenzjoni kienet tingħata li kieku l-imsemmija attività kellha titwettaq fis-servizz ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku stabbilita f’dan l-Istat Membru, fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni jew fi Stat ieħor li għalih japplika l-Ftehim ŻEE. |
Fuq l-ispejjeż
58 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999, dwar l-ugwaljanza fit-trattament ta’ ħaddiema impjegati għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tagħtix lil ċittadin residenti suġġett b’mod illimitat għat-taxxa fuq id-dħul, li għamel użu mid-dritt tiegħu ta’ moviment liberu sabiex iwettaq attività ta’ tagħlim bħala persuna impjegata b’mod anċillari fis-servizz ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku stabbilita fl-Isvizzera, il-benefiċċju tal-eżenzjoni fiskali relatata mad-dħul li ġej minn din l-attività bi ħlas, filwaqt li tali eżenzjoni kienet tingħata li kieku l-imsemmija attività kellha titwettaq fis-servizz ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku stabbilita f’dan l-Istat Membru, fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni jew fi Stat ieħor li għalih japplika l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.