SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

7 ta’ Settembru 2016 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ambjent — Direttiva 2006/12/KE — Direttiva 91/689/KEE — Direttiva 1999/31/KE — Immaniġġar ta’ skart — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni — Artikolu 260(2) TFUE — Sanzjonijiet pekunjarji — Pagamenti ta’ penalità — Somma f’daqqa”

Fil-Kawża C‑584/14,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE, ippreżentat fit-18 ta’ Diċembru 2014,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Patakia u E. Sanfrutos Cano kif ukoll minn D. Loma-Osorio Lerena, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn E. Skandalou, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, F. Biltgen, A. Borg Barthet (Relatur), E. Levits u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Frar 2016,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tikkonstata li, billi ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑286/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:543), ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE;

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika tħallas lill-Kummissjoni s-somma f’daqqa ta’ EUR 72864 għal kull jum ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-286/08, EU:C:2009:543), mid-data li fiha tingħata din is-sentenza sad-data meta tiġi eżegwita s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-286/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:543);

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika tħallas lill-Kummissjoni s-somma f’daqqa ta’ EUR 8096 għal kull jum, mid-data li fiha ngħatat is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-286/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:543), sad-data li fiha tingħata s-sentenza f’din il-kawża jew sad-data meta tiġi eżegwita b’mod sħiħ is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-286/08, EU:C:2009:543), jekk din l-eżekuzzjoni ssir qabel;

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 75/442/KEE

2

Id-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 23) kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/156/KEE, tat-18 ta’ Marzu 1991, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 3, (iktar 'il quddiem id-“Direttiva 75/442”), kellha bħala għan essenzjali l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent kontra l-effetti dannużi kkawżati mill-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar, il-ħżin u d-depożitu tal-iskart.

3

Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 75/442:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jinkoraġġixxu:

a)

l-ewwel, il-prevenzjoni jew it-tnaqqis tal-produzzjoni ta’ l-iskart u l-ħsara li jikkawża […]

[…]

b)

it-tieni:

l-irkupru ta’ l-iskart permezz tar-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid jew it-treġġigħ lura (riklamazzjoni) jew kull proċess ieħor bil-ħsieb li jiġu estratti materji primi sekondarji, jew

l-użu ta’ l-iskart bħala sors ta’ enerġija.”

4

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 75/442 kien jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw illi l-iskart jiġi rkuprat jew mormi mingħajr ma jipperikola saħħet il-bniedem u mingħajr l-użu ta’ proċessi jew ta’ metodi li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-ambjent, u b’mod partikolari:

mingħajr riskju għall-ilma, l-arja, il-ħamrija u l-pjanti u l-annimali,

mingħajr ma jikkawżaw irritazzjoni permezz tal-ħsejjes u bl-irwejjaħ,

mingħajr ma jaffettwaw ħażin il-kampanja u l-postijiet ta’ interess speċjali.

L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jipprojbixxu l-abbandun, it-tfigħ u r-rimi mhux ikkontrollat ta’ l-iskart.”

5

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 75/442 kien jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa, f’koperazzjoni ma’ l-Istati Membri l-oħra, fejn ikun meħtieġ jew fuq parir, li jistabbilixxu xibka [network] ta’ komunikazzjoni integrata u adekwata ta’ l-istallazzjonijiet tar-rimi ta’ l-iskart, filwaqt li jagħmlu użu ta’ l-aħħar teknoloġija disponibblili li ma tinvolvix spejjeż eċċessivi. Ix-xibka ta’ komunikazzjoni għandha tgħin lill-Komunità kollha biex issir aktar suffiċjenti fiha nfisha fir-rimi ta’ l-iskart u lill-Istati Membri biex jimxu lejn din il-mira individwalment, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi ġeografiċi jew il-ħtieġa ta’ stallazzjonijiet speċjalizati għal ċerti tipi ta’ skart.

2.   Ix-xibka ta’ komunikazzjoni trid tgħin ukoll sabiex l-iskart jiġi mormi f’waħda mill-eqreb stallazzjoni xierqa, permezz ta’ l-iktar metodi u teknoloġiji xierqa sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ ħarsien tal-ambjent u ta’ protezzjoni għas-saħħa pubblika.”

6

Skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 75/442:

“Sabiex jinkisbu l-għanijiet immedjati msemmija fl-Artikoli 3, 4 u 5, l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 6 għandhom ikunu meħtieġa li jfasslu malajr kemm jista’ jkun pjan jew pjani għall-immaniġġjar ta’ l-iskart. Tali pjani għandhom b’mod partikolari jkollhom x’jaqsmu ma’:

it-tip, il-kwantità u l-oriġini ta’ l-iskart li jrid jiġi rkuprat jew mormi;

il-ħtiġiet ġenerali tekniċi,

kull arranġament speċjali għal skart partikolari,

il-postijiet jew l-istallazzjonijiet xierqa għar-rimi (ta’ l-iskart).”

7

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 75/442 kien ifformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-pussessur ta’ l-iskart:

ikun qandlu permezz ta’ kollettur privat jew pubbliku ta’ l-iskart jew permezz ta’ impriża li twettaq ix-xogħlijiet imniżżla fil-lista fl-Annes II A jew B, jew

ikopri jew jiddisponi minnu huwa nnifsu b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

8

It-tħassir tad-Direttiva 75/442 permezz tad-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006, dwar l-iskart (ĠU 2006, L 114, p. 9), li daħlet fis-seħħ fis-17 ta’ Mejju 2006, ma għandux effett fuq dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fil-fatt, din id-direttiva tal-aħħar, li bl-għan ta’ kjarezza u ta’ razzjonalità tikkodifika d-Direttiva 75/442, tirriproduċi d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 3 sa 7 ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 2006/12 jipprovdi li d-Direttiva 75/442 “hija b’dan imħassra, mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali stabbiliti fl-Anness III, Parti B”.

Id-Direttiva 91/689/KEE

9

Id-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE, tat-12 ta’ Diċembru 1991, fuq skart perikoluż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 78), kellha l-għan, skont l-Artikolu 1 tagħha, li tqarreb il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fuq l-immaniġġar ikkontrollat ta’ skart perikoluż.

10

Skont l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva:

“Bla ħsara [għad-] Direttiva [91/689], id-Direttiva 75/442/KEE [tal-Kunsill, tal-15 ta’ Lulju 1975, dwar l-iskart (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 23),] għandha tgħodd [tapplika] għal skart perikoluż.”

11

L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:

“Kif hemm ipprovdut fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 75/442/KEE, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ifasslu, jew separatament jew fil-qafas tal-pjani ġenerali ta’ l-immaneġġjar tagħhom, pjani għall-immaneġġjar ta’ skart perikoluż u għandhom jagħmlu dawn il-pjani pubbliċi.”

12

Id-Direttiva 91/689 tħassret permezz tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3). L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/689 ġie riprodott, essenzjalment, fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 2008/98.

Id-Direttiva 1999/31/KE

13

Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 1999/31/KE, tas-26 ta’ April 1999, dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 228), din għandha l-għan li tipprovdi miżuri, proċeduri u linji gwida intiżi għall-prevenzjoni jew għat-tnaqqis kemm jista’ jkun possibbli tal-effetti negattivi tar-rimi ta’ skart fuq l-ambjent matul iċ-ċiklu sħiħ ta’ landfill.

14

Skont l-Artikolu 2(g) ta’ din id-direttiva:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

g)

‘terraferma [landfill]’ tfisser sit ta’ rifjut ta’ skart għal depożitu ta’ l-iskart fuq jew fl-art (per eżempju taħt l-art), inkluż:

[...] sit permanenti (per eżempju ta’ aktar minn sena) li jintuża għal ħażna temporanja ta’ skart,

[...]”

15

l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom japplikaw din id-Direttiva għal kull terraferma [landfill] kif imsemmi fl-Artikolu 2(g).”

16

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 1999/31 huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri jridu jieħdu miżuri sabiex:

a)

skart li ġie soġġett għat-trattament biss ikun mitfugħ fit-terraferma [landfill]. Din id-disposizzjoni tistgħa [tista’] ma tapplikax għall-iskart inerti fejn trattament ma jkunx teknikament possibbli, l-anqas għal kull skart ieħor fejn ċerti trattamenti ma jikkontribwixxux għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, kif stipulat fl-Artikolu 1, bir-riduzzjoni tal-kwantità ta’ l-iskart jew il-perikli għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent;

b)

skart perikoluż biss li jikkonforma mall-kriterji stipulati bi qbil ma’ l-Anness II huwa destinat għal terraferma perikoluża;

ċ)

terraferma għal skart mhux perikoluż jista’ jiġi użat għal:

i)

skart muniċipali;

ii)

skart mhux perikoluż ta’ kull oriġini oħra, li jikkonforma mall-kriterji għall-aċċettazzjoni ta’ skart f’terraferma għal skart mhux perikoluż stipulat bi qbil ma’ l-Anness II;

iii)

skart stabbli, skart perikoluż mhux reattiv (per eżempju solidifikat, vitrifikat), b-imġieba lissija ekwivalenti għal dawk ta’ skart mhux perikoluż imsemmija fil-punt (ii), li jikkonforma mall-kriterj ta’ aċċettazzjoni rilevanti stipulati bi qbil ma’ l-Anness II. Dan l-iskart perikoluż ma jridx jiġi mormi f’ċelli destinati għall-iskart bijodegradabbli mhux perikoluż,

d)

siti ta’ terraferma ta’ skart inerti jridu jiġu użati biss għal skart inerti.”

17

Skont l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri jridu jieħdu miżuri sabiex l-applikazzjoni għal permess ta’ terraferma [landfill] irid ikun fih għall-inqas il-partikularitajiet li ġejjin:

a)

l-identá ta’ l-applikant u tal-operatur meta jkunu entitajiet differenti;

b)

id-deskrizzjoni tat-tipi ta’ kwantitá totali ta’ skart li se jiġi depożitat;

ċ)

il-kapaċitá proposta tas-sit tar-rimi;

d)

id-deskrizzjoni tas-sit, inklużi l-karatteristiċi idroġeoloġiċi u ġeoloġiċi tiegħu;

e)

il-metodi proposti għat-tnaqqis u prevenzjoni ta’ tniġġiż;

f)

l-operazzjoni, sorveljanza u pjan ta’ kontroll proposti;

g)

il-pjan ta’ proċeduri ta’ għeluq u kura ta’ wara proposti;

h)

fejn stima ta’ impatt tkun meħtieġa skont id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE tas-27 ta’ Ġunju 1985 fuq l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-Ambjent [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248) ], l-informazzjoni li hemm provvduta mill-iżviluppatur bi qbil mal-Artikolu 5 ta’ dik id-Direttiva;

i)

is-sigurtá finanzjarja mill-applikant, jew kull dispożizzjoni ekwivalenti oħra, kif meħtieġ skont l-Artikolu 8(a)(iv) ta’ din id-Direttiva.

Wara applikazzjoni għal permess li rnexxiet, din l-informazzjoni trid issir disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti tal-istatistika Komunitarji u nazzjonali meta tiġi mitluba għal skopijiet ta’ statistika.”

18

L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri jridu jieħdu miżuri sabiex:

a)

l-awtorità kompetenti ma toħroġġ permess għall-terraferma [landfill] sakemm tkun sodisfatta li:

i)

mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3(4) u (5), il-proġett tat-terraferma jaqbel mal-ħtiġijiet kollha rilevanti ta’ din id-Direttiva, inklużi l-Annessi;

ii)

l-amministrazzjoni tas-sit tat-terraferma tkun f’idejn persuna naturali li hija teknikament kompetenti li s-sit; taħriġ u żvilupp professjonali u tekniku għal ħaddiema u l-impjegati tat-terraferma ikunu provduti;

iii)

it-terraferma trid tiġi operata b’manjiera tali li miżuri neċessarji huma meħuda biex jiġu prevenuti inċidenti u jillimitaw il-konsegwenzi tagħhom;

iv)

dispożizzjonijiet adegwati, bil-mod ta’ sigurtá finanzjarja jew oħra ekwivalenti, fuq il-bażi ta’ modalitajiet li jiġu deċiżi milll-Istati Membri, saru jew se jsiru mill-applikant qabel il-bidu ta’ operazzjonijiet tar-rifjut biex jiżgura li l-obligi (inklużi d-dispożizzjonijiet tal-kura ta’ wara) li jiġu skont il-permess maħruġ bid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma rispettati u li l-proċeduri tal-għeluq meħtieġa skont l-Artikolu 13 ikunu segwiti. Is-sigurtá jew l-ekwivalenti tagħha trid tinżamm kemm jista’ jkun meħtieġ mill-operazzjoni ta’ manutenzjoni u kura ta’ wara tas-sit bi qbli ma l-Artikolu 13(d). L-Istati Membri jistgħu jiddikjaraw, fl-għażla tagħhom, li dan il-punt ma japplikax għat-terraferma għal skart inermi [inerti];

b)

il-proġett tat-terraferma huwa skont il-pjan jew pjanijiet ta’ amministrazzjoni tal-iskart rilevanti imsemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 75/442/KEE;

ċ)

qabel il-bidu ta’ operazzjonijiet tar-rifjut, l-awtorità kompetenti trid tispezzjona is-sit sabiex tiżgura li taqbel mal-kundizzjonijiet rilevanti tal-permess. Dan ma jnaqqas bl-ebda mod ir-responsabbiltà tal[-]operatur skond il-kundizzjonijiet tal-permess.”

19

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 1999/31 jipprovdi:

“Barra li jispeċifika u jissupplixxi l-provvedimenti stipulati fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 75/442/KEE u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 96/61/KE, il-permess tat-terraferma [landfill] għandu jinkludi għall-inqas dan li ġej:

a)

il-klassi tat-terraferma;

b)

il-lista ta’ tipi definiti u l-kwantitá totali ta’ skart li huma awtorizzati li jiġu depożitati fit-terraferma;

ċ)

ħtiġijiet tal-preparazzjonijiet tat-terraferma, proċeduri ta’ kontroll sorveljar u operazzjonijiet tat-terraferma, inklużi pjanijiet ta’ kontinġenza (l-Anness III, il-punt 4.B), kif ukoll id-dispożizzjonijiet għall-operazzjonijiet għall-għeluq u kura ta’ wara;

d)

l-obligi tal-applikant biex jirraporta għall-inqas kull sena lill-awtoritá kompetenti fuq it-tipi u kwantitajiet ta’ skart mormi u fuq ir-riżultati ta’ programm ta’ sorveljar kif meħtieġ skont l-Artikoli 12 u 13 u l-Anness III.”

20

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 1999/31 jipprovdi:

“L-Istati Membri jridu jieħdu miżuri sabiex, bi qbil, fejn xieraq, mall-permess:

a)

terraferma [landfill] jew parti minnha trid tibda proċedura ta’ l-għeluq:

i)

meta l-kundizzjonijiet rilevanti imsemmija fil-permess jintlaħqu

jew

ii)

skond l-awtorizzazzjoni ta’ l-awtoritá kompetenti, wara talba ta’ l-operatur;

jew

iii)

b’deċiżjoni raġjonata ta’ l-awtoritá kompetenti;

b)

terraferma jew parti minnha tista’ tiġi biss kunsiderata bħala magħluqa definittivament wara li l-awtoritá kompetenti tkun għamlet l-aħħar spezzjoni fuq is-sit, u tkun assessjat [evalwat] ir-rapporti kollha mogħtija mill-operatur u tkun ikkomunikat lill-operatur l-approvazzjoni tagħha għall-għeluq. Dan ma jnaqqas bl-ebda mod ir-responsabilitá tal-operatur skont il-kundizzjonijiet tal-permess;

ċ)

wara li terraferma tkun definittivament magħluqa, l-operatur għandu ikun responsabbli għall-manutenzjoni, fażi ta’ sorveljar u kontroll u tal-kura ta’ wara tagħha sakemm ikun meħtieġ mill-awtorità kompetenti, bil-kunsiderazzjoni taż-żmien li matulu it-terraferma tista tkun ta’ periklu.

L-operatur irid jinnotifika lill-awtoritá kompetenti b’kull effett ħażin sinifikanti għall-ambjent li ġie skopert mill-proċeduri ta’ kontroll u skont id-deċiżjoni tal-awtoritá kompetenti fuq in-natura u termini ta’ żmien tal-miżuri korrettivi li jridu jittieħdu;

d)

sakemm l-awtoritá kompetenti tikkonsidra li t-terraferma x’aktarx tista tikkawża periklu għall-ambjent u mingħajr preġudizzju għall-leġilazzjoni Komunitarja u nazzjonali skont ir-responsabbilità tad-detentur tal-iskart, l-operatur tas-sit irid ikun responsabbli għas-sorveljar u analizzar ta’ gass u lissija tat-terraferma mis-sit u r-reġim tal-ilma tal-qiegħ fil-viċinanza tas-sit bi qbil ma l-Anness III.”

21

Skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex terraferma li ġew mogħtija permess, jew li huma diġa qed jitħaddmu fil-ħin ta’ trasposizzjoni ta’ din id-Direttiva, ma jistgħux ikomplu jaħdmu sakemm il-passi indikati hawn taħt jiġu mtemma malajr kemm jista’ jkun u fi żmien tmien snin minn wara d-data stipulata fl-Artikolu 18(1) l-aktar tard:

a)

f’perijodu ta’ sena min wara d-data stipulata fl-Artikolu 18(1), l-operatur ta’ terraferma [landfill] irid jipprepara u jippreżenta lill-awtoritajiet kompetenti, għall-approvazzjoni tagħhom, pjan ta’ kondizzjonament għas-sit inklużi l-partikolari elenkati fl-Artikolu 8 u kull miżura korrettiva li l-operatur jikkonsidera li tkun meħtieġa sabiex ikun konformi mal-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva bl-eċċezzjoni tal-ħtiġijiet fl-Anness I, punt 1;

b)

skond il-preżentazzjoni tal-pjan ta’ kondizzjonament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu deċiżjoni definit[tiv]a fuq jekk l-operazzjonijiet ikomplux fuq il-bażi tal-imsemmi pjan ta’ kundizzjonament u ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jagħlqu malajr kemm jista’ jkun possibbli, bi qbil ma l-Artikolu 7(g) u 13, siti li ma ġewx mogħtija, bi qbil ma’ l-Artikolu 8, permess biex ikomplu joperaw;

ċ)

fuq il-bażi tal-pjan ta’ kondizzjonament tas-sit approvat, l-awtortá kompetenti għandha tawtorizza x-xogħol neċessarju u tistipula perijodu tranżitorju għat-temma tal-pjan. Terraferma eżistenti trid taqbel mall-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva bl-eċċezzjoni tal-ħtiġijiet fl-Anness I, punt 1 fi żmien tmien snin wara d-data stipulata fl-Artikolu 18(1);

d)

(i)

fi żmien sena wara d-data stipulata fl-Artikolu 18(1), l-Artikoli 4, 5, u 11 u l-Anness II għandhom jgħoddu għal terraferma għal skart perikoluż;

(ii)

fi żmien tlett snin wara d-data stipulata fl-Artikolu 18(1), l-Artikolu 6 għandu jgħodd għal terraferma ta’ skart perikoluż. ”

Is-sentenza tal- 10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑286/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:543)

22

Fis-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑286/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:543), il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 TFUE, u ddeċidiet li r-Repubblika Ellenika:

“billi ma fasslitx u ma adottatx, f’terminu raġonevoli, pjan għall-immaniġġar tal-iskart perikoluż inkonformità mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni Komunitarja applikabbli u billi ma stabbilixxietx netwerk integrat u adegwat ta’ impjanti għar-rimi ta’ skart perikoluż, ikkaratterizzat mill-użu tal-iktar metodi xierqa sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ ħarsien tal-ambjent u tas-saħħa pubblika,

billi ma ħaditx il-miżuri neċessarji kollha sabiex tiżgura, fir-rigward tal‑immaniġġar tal-iskart perikoluż, l-osservanza tal-Artikoli 4 u 8 tad‑Direttiva 2006/12 [...] kif ukoll tal-Artikoli 3(1), 6 sa 9, 13 u 14 tad‑Direttiva [...] 1999/31 [...],

naqset milli twettaq l-obbligi tagħha, fl-ewwel lok, taħt l-Artikoli 1(2) u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689 [...] flimkien mal-Artikoli 5(1) u (2), kif ukoll mal‑Artikolu 7(1), tad-Direttiva 2006/12, fit-tieni lok, taħt l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/689, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4 u 8 tad-Direttiva 2006/12, kif ukoll, fit-tielet lok, taħt l-Artikoli 3(1), 6 sa 9, 13 u 14 tad-Direttiva 1999/31.”

Il-proċedura prekontenzjuża skont l-Artikolu 260(2) TFUE

23

Fil-kuntest tal-istħarriġ tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-286/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:543), is-servizzi tal-Kummissjoni, fil-5 ta’ Ottubru 2009, talbu lill-awtoritajiet Griegi informazzjoni dwar il-miżuri meħuda għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tagħha. Fit-22 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni stiednet lil dawn tal-aħħar jinformawha kull sitt xhur bl-istat tal-progress fl-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza u sabiex ma’ din l-informazzjoni jipprovdu kalendarju komplut u aġġornat.

24

L-awtoritajiet Griegi rrispondew lill-Kummissjoni permezz ta’ ittri tal-24 ta’ Novembru 2009, tat-2 ta’ Marzu 2010, tas-16 ta’ Mejju u tat-22 ta’ Diċembru 2011 kif ukoll tat-3 ta’ Lulju 2012.

25

Wara li eżaminat l-informazzjoni kollha pprovduta mill-awtoritajiet Griegi, il-Kummissjoni, filwaqt li qieset li r-Repubblika Ellenika ma kinitx għadha ħadet il-miżuri kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-286/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:543), permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni tal-25 ta’ Jannar 2013, stiednet lil dan l-Istat Membru jippreżenta, f’terminu ta’ xahrejn, l-osservazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward.

26

Ir-Repubblika Ellenika rrispondiet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni permezz ta’ ittri tat-22 ta’ Marzu u tad-19 ta’ Awwissu 2013.

27

Billi qieset li r-Repubblika Ellenika ma kinitx ħadet, fit-terminu stabbilit, il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-286/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:543), il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

Fuq in-nuqqas ta ’ twettiq ta ’ obbligu

L-argumenti tal-partijiet

28

Il-Kummissjoni tressaq tliet motivi insostenn tar-rikors tagħha.

29

F’dak li jikkonċerna l-ewwel ilment dwar it-tfassil u l-adozzjoni ta’ pjan għall-immaniġġar tal-iskart perikoluż, skont l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/689, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2006/12, il-Kummissjoni tosserva li, minkejja l-fatt li ċertu numru ta’ kriterji stabbiliti fis-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-286/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:543), jidher li ġew adottati fil-leġiżlazzjoni Griega, b’mod partikolari fiċ-Ċirkolari 18/2011, u li mapep jippermettu li jiġu lokalizzati espliċitament id-diversi installazzjonijiet ta’ proċessar ta’ iskart perikoluż, il-pjan għadu ma ġiex approvat għal diversi raġunijiet u l-awtoritajiet Griegi għadhom, sal-ġurnata tal-lum, ma pprovdewx kalendarju f’dan ir-rigward.

30

Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li sempliċi prassi amministrattiva, li min-natura tagħha tista’ tinbidel skont id-diskrezzjoni tal-amministrazzjoni u li ma tgawdix minn pubbliċità adegwata, ma tistax titqies li tikkostitwixxi eżekuzzjoni valida tal-obbligi ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-286/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:543), punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għal din ir-raġuni, ċirkulari ma tistax tissostitwixxi deċiżjoni ministerjali.

31

Fir-rigward tat-tieni lment relatat man-nuqqas ta’ network integrat u adegwat ta’ impjanti għar-rimi ta’ skart perikoluż, ikkaratterizzat mill-użu tal-iktar metodi xierqa sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ ħarsien tal-ambjent u tas-saħħa pubblika, skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/689, moqri flimkien mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/12, il-Kummissjoni ssostni li, minkejja l-preżenza ta’ ċerti installazzjonijiet ta’ proċessar ta’ skart perikoluż u ta’ ċerti deċiżjonijiet ta’ għoti ta’ awtorizzazzjonijiet għall-oħrajn, in-network ma jistax jitqies li huwa “adegwat u integrat”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

32

Hija tosserva, minn naħa, li l-awtoritajiet Griegi jirrikonoxxu li 33 % tal-iskart perikoluż ma huwiex immaniġġat kif xieraq.

33

Hija tikkonstata, min-naħa l-oħra, li l-pjan nazzjonali tal-immaniġġar ta’ skart perikoluż ma ġiex approvat minn deċiżjoni ministerjali konġunta u li, għaldaqstant, il-miżuri għal terminu medju għadhom ma ġewx ikkomunikati lill-Kummissjoni.

34

Il-Kummissjoni osservat ukoll li, peress li l-ambjent ekonomiku diffiċli ma jippermettix lill-produtturi ta’ skart jew lill-investituri l-oħra li jinvestu fil-ħolqien ta’ unitajiet ta’ mmaniġġar ta’ skart perikoluż, l-obbligu ta’ dawn tal-aħħar li joħolqu l-installazzjonijiet tagħhom ma ġiex osservat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tippreċiża li l-awtoritajiet Griegi jqisu li għandha tinstab soluzzjoni alternattiva, jiġifieri l-identifikazzjoni ta’ entità pubblika li tkun responsabbli għall-kostruzzjoni tal-landfills għal skart perikoluż.

35

Fir-rigward, fl-aħħar nett, tat-tielet ilment dwar il-miżuri neċessarji li għandhom jittieħdu sabiex jiġi żgurat, f’dak li jikkonċerna l-immaniġġar ta’ skart perikoluż, l-osservanza tal-Artikolu 4 u 8 tad-Direttiva 2006/12 u tal-Artikolu 3(1), u tal-Artikoli 6 sa 9, 13 u 14 tad-Direttiva 1999/31, il-Kummissjoni ssostni li peress li r-Repubblika Ellenika għadha ma ħolqitx network integrat u adegwat ta’ installazzjonijiet għall-eliminazzjoni tal-iskart perikoluż, hija ma tistax, konsegwentement, tkun f’pożizzjoni li timmaniġġa korrettement dan it-tip ta’ skart.

36

Skont il-Kummissjoni, dan jirriżulta, mhux biss mill-fatt li parti kbira mill-iskart, jiġifieri 33 % minnu, għadu ma ġiex ipproċessat, iżda wkoll mill-eżistenza ta’ “skart storiku”.

37

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li r-Repubblika Ellenika tista’ tikkontribwixxi sabiex tnaqqas il-problema tal-preżenza ta’ “skart storiku” jew anki tal-produzzjoni ta’ skart ġdid kieku kellha tesporta, matul perijodu tranżitorju, l-iskart perikoluż lejn installazzjonijiet li jinsabu fuq it-territorju ta’ Stati Membri oħra. Madankollu, jidher li l-produzzjoni totali ta’ skart perikoluż għas-sena 2011 titla’ għal 184863.50 tunnellata, li l-“iskart storiku” jirrappreżenta bejn wieħed u ieħor 323452.40 tunnellata u li l-esportazzjonijiet huma limitati għal 5147.40 tunnellata.

38

Ir-Repubblika Ellenika ssostni li s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-286/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:543), ġiet eżegwita fil-parti l-kbira tagħha.

39

F’dan ir-rigward, l-istudju tal-pjan nazzjonali rivedut tal-immaniġġar tal-iskart tlesta u ġie ppubblikat fuq is-sit internet tal-Ministeru tar-rikostruzzjoni produttiva, tal-ambjent u tal-enerġija (Ypapen). Dan il-pjan jiddefinixxi l-politika nazzjonali u jiddetermina l-miżuri xierqa u l-azzjonijiet neċessarji sabiex id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/98 jiġu osservati. Il-pjan nazzjonali ta’ mmaniġġar ta’ skart perikoluż ġie aġġornat fil-kuntest ta’ dan il-pjan.

40

Ir-Repubblika Ellenika tfakkar li, sabiex jiġu evalwati l-effetti tal-pjan nazzjonali ta’ mmaniġġar tal-iskart fuq l-ambjent, bħalissa qiegħda ssir evalwazzjoni ambjentali strateġika. Ladarba din l-evalwazzjoni ambjentali strateġika tintemm, il-pjan nazzjonali rivedut ta’ mmaniġġar ta’ skart u, konsegwentement, il-pjan nazzjonali aġġornat ta’ immaniġġar ta’ skart perikoluż jiġu adottati u immedjatament mibgħuta lill-Kummissjoni.

41

Fir-rigward tal-parti ta’ 33 % tat-total ta’ skart prodott li ma huwiex immaniġġat b’mod integrat u xieraq, ir-Repubblika Ellenika tosserva li, skont il-pjan nazzjonali aġġornat ta’ mmaniġġar ta’ skart perikoluż, din il-parti tikkonċerna “immaniġġar mhux irreġistrat fejn jintbagħat il-porzjon li jifdal tal-produzzjoni annwali ta’ skart kif evalwat fl-istadju finali tal-ipproċessar, porzjon li ma teżistix biżżejjed data fir-rigward tiegħu”. Mid-data ta’ immaniġġar jirriżulta li, fil-każ ta’ skart industrijali perikoluż, 30 % ta’ dan l-iskart ġie maħżun f’installazzjonijiet ta’ produzzjoni sakemm jiġi sottopost għal iktar ipproċessar, filwaqt li kwantità simili ta’ skart, bejn wieħed u ieħor 37 %, ġie suġġett għal ipproċessar għal użu mill-ġdid.

42

F’dak li jikkonċerna l-infrastruttura ta’ mmaniġġar ta’ skart perikoluż, ir-Repubblika Ellenika ssostni li attwalment jaħdmu tliet sistemi relatati ma’ skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi tal-karozzi u ta’ skart industrijali, sistema relatata mal-iskart ta’ żjut u sistema relatata mal-vetturi li ma għadhomx jintużaw. Hija tindika li, fuq it-territorju tagħha, l-iskart ta’ żjut miġbura huwa mibgħut kollu kemm hu lejn installazzjonijiet ta’ riġenerazzjoni, li fl-2013 kienu jammontaw għal disgħa, u li skart ta’ żjut huwa importat sabiex jiġi kopert il-bżonn tal-imsemmija installazzjonijiet. Barra minn hekk, matul din l-istess sena, kien hemm seba’ installazzjonijiet ta’ riċiklaġġ ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi taċ-ċomb u tal-aċtu, fejn dawn l-installazzjonijiet ikopru sew il-bżonnijiet tal-pajjiż, u anki f’dan il-każ jiġi importat skart. F’dak li jikkonċerna l-installazzjonijiet ta’ dekontaminazzjoni/żarmar ta’ vetturi li ma għadhomx jintużaw, dawn kienu jammontaw, fl-2013, għal 120. Barra minn hekk, fil-Greċja jaħdmu ħames unitajiet ta’ sterilizzazzjoni u unità waħda ta’ inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż fl-unitajiet sanitarji.

43

Fir-rigward ta’ data reċenti dwar l-awtorizzazzjoni ambjentali mogħtija lill-installazzjonijiet ta’ mmaniġġar ta’ skart perikoluż, ir-Repubblika Ellenika ssostni li attwalment qegħdin jiġu eżaminati l-fajl tal-proġett li jikkonċerna l-kostruzzjoni u l-finanzjament ta’ landfill għal skart perikoluż tal-asbestos, il-fajl dwar unità ta’ inċinerazzjoni ta’ skart perikoluż fl-unitajiet sanitarji taż-żona industrijali ta’ Tripoli (il-Greċja), il-fajl ta’ reviżjoni dwar il-kostruzzjoni ta’ unità ta’ newtralizzazzjoni ta’ skart ta’ aċtu kif ukoll il-fajl dwar il-kostruzzjoni u l-funzjonament ta’ landfill (tajn li joriġina minn unitajiet ta’ pproċessar fiżiko-kimiku tal-ilma użat, jiġifieri kwantità ta’ “skart storiku” evalwat għal 130000 tunnellata fl-2010), fuq l-art tal-unità industrijali tal-kumpannija Anonymi Elliniki Etaireia Halyva (AEEX) li hija attiva f’Ionia (il-Greċja) (bħala proġett ta’ akkumpanjament tal-unità industrijali).

44

F’dak li jikkonċerna l-landfills għal skart perikoluż u/jew il-landfills għal skart perikoluż li jinkludu installazzjoni ta’ prepproċessar ta’ skart perikoluż, ġie ffirmat ftehim ta’ kooperazzjoni bejn il-Ypapen u l-Ministeru tad-difiża nazzjonali, sabiex jiġu adottati diversi miżuri.

45

Fir-rigward tal-immaniġġar tal-“iskart storiku”, ir-Repubblika Ellenika tindika li bħalissa għaddejja l-implementazzjoni ta’ proġett li jinkludi l-inventarju u l-kwalifika tas-siti kontaminati, l-evalwazzjoni tal-impatt fuq ir-riċetturi, il-gwida ta’ identifikazzjoni, ta’ reġistrazzjoni u ta’ evalwazzjoni tar-riskji li jippreżentaw is-siti u l-iżvilupp ta’ database tas-siti kontaminati. Hija tenfasizza li ż-żoni ta’ depożitu ta’ “skart storiku” perikoluż jagħmlu parti mis-siti eżaminati.

46

Hija ssostni li l-azzjonijiet previsti mill-pjan nazzjonali rivedut ta’ mmaniġġar ta’ skart u l-pjan nazzjonali ġdid ta’ mmaniġġar ta’ skart perikoluż jinkludu diversi kategoriji ta’ miżuri li jinkludu miżuri organizzattivi u amministrattivi, proġetti ta’ żvilupp ta’ infrastrutturi ta’ mmaniġġar, ta’ titjib/estensjonijiet u ta’ żvilupp ta’ networks ta’ ġbir, ta’ trasbord u ta’ trasport ta’ skart, ta’ miżuri finanzjarji u ta’ miżuri ta’ informazzjoni, ta’ sensibilizzazzjoni u edukattivi, li l-implementazzjoni tagħhom tippermetti l-applikazzjoni sħiħa tar-rekwiżiti tad-Direttivi 2008/98 u 1999/31.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

47

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, peress li t-Trattat FUE ħassar, fil-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE, il-fażi tal-opinjoni motivata, id-data ta’ riferiment sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ tali nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni mibgħuta skont din id-dispożizzjoni (sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑196/13, EU:C:2014:2407, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

F’din il-kawża, peress li l-Kummissjoni bagħtet l-ittra ta’ intimazzjoni fil-25 ta’ Jannar 2013, id-data ta’ riferiment sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija dik ta’ meta jiskadi t-terminu stabbilit f’din l-ittra, jiġifieri fil-25 ta’ Marzu 2013.

49

Issa, huwa paċifiku li, f’din id-data, ir-Repubblika Ellenika ma kinitx għadha implementat is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-286/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:543).

50

Fil-fatt, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment tal-Kummissjoni bbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/689, moqrija flimkien mal‑Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2006/12, ir-Repubblika Ellenika rrikonoxxiet hija stess matul is-seduta li, għalkemm il-pjan għall-immaniġġar ta’ skart perikoluż kien ġie approvat, madankollu kien għadu ma ġiex adottat. Għalhekk, fid-data ta’ riferiment għall-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, jiġifieri l-25 ta’ Marzu 2013, huwa paċifiku li r-Repubblika Ellenika ma kinitx adottat il-pjan għall-immaniġġar tal-iskart perikoluż, skont l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/689, moqrija flimkien mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2006/12. Għaldaqstant, l-ewwel ilment huwa fondat.

51

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/12, li jipprovdi li n-network integrat u xieraq ta’ installazzjonijiet għar-rimi ta’ skart perikoluż stabbilit mill-Istati Membri, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri l-oħra, “għandu jagħmilha possibbli li l-[Unjoni] sħiħa ssir awto-suffiċjenti fir-rimi ta’ l-iskart u l-Istati Membri jersqu lejn dak il-għan b’mod individwali”, ir-Repubblika Ellenika tirrikonoxxi li l-proġetti ta’ infrastruttura ta’ mmaniġġar ta’ skart perikoluż ġewwa l-pajjiż għadhom qegħdin jiġu eżaminati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni lment huwa wkoll fondat.

52

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-ilment ibbażat fuq il-miżuri neċessarji li kellhom jittieħdu sabiex tiġi żgurata, f’dak li jikkonċerna l-immaniġġar tal-iskart perikoluż, l-osservanza tar-rekwiżiti tal-Artikoli 4 u 8 tad-Direttiva 2006/12 kif ukoll tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikoli 6 sa 9, 13 u 14 tad-Direttiva 1999/31, ir-Repubblika Ellenika sempliċement tillimita ruħha sabiex tfakkar il-miżuri li huma attwalment implementati sabiex jiġu osservati l-imsemmija dispożizzjonijiet. Għaldaqstant, huwa paċifiku li, meta skada t-terminu stabbilit fl-ittra ta’ intimazzjoni, ir-Repubblika Ellenika ma kinitx timmaniġġa, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 1999/31 u 2006/12, l-iskart perikoluż, u lanqas l-“iskart storiku”. Għaldaqstant, it-tielet ilment huwa fondat.

53

Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika Ellenika bbażat fuq id-diffikultajiet li kellha tikkonfronta ruħha sabiex tissodisfa l-obbligi inkwistjoni, għandu jitfakkar li, peress li Stat Membru ma jistax jeċċepixxi dispożizzjonijiet, prattiki jew sitwazzjonijiet fl-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, tali argument ma jistax jintlaqa’ (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-167/14, mhux ippubblikat, EU:C:2015:684, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-286/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:543), ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE.

Fuq is-sanzjonijiet pekunjarji

55

Il-Kummissjoni titlob li għandhom jiġu imposti kemm pagamenti ta’ penalità kif ukoll somma f’daqqa, minħabba l-fatt li l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità biss skont l-Artikolu 260 TFUE ma hijiex biżżejjed sabiex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jeżegwixxu mingħajr dewmien l-obbligi tagħhom wara li jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE.

56

Fir-rigward tal-ammont tal-imsemmija pagamenti ta’ penalità u tas-somma f’daqqa, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-Komunikazzjoni tagħha tat-13 ta’ Diċembru 2005, intitolata “Implementazzjoni tal-Artikolu [260 TFUE]” [SEC(2005) 1658], kif aġġornata bil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Settembru 2014, intitolata “L-aġġornament tad-dejta użata biex jiġu kkalkolati s-somma sħiħa u l-pagamenti ta’ penali li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċedimenti ta’ ksur” (iktar 'il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Diċembru 2005”).

Fuq il-pagamenti ta ’ penalità

L-argumenti tal-partijiet

57

Skont il-punt 6 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Diċembru 2005, l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità li għandu jiġi propost għandu jkun ibbażat fuq tliet kriterji fundamentali, jiġifieri l-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu u l-ħtieġa li jiġi żgurat l-effett dissważiv tas-sanzjoni nnifisha.

58

Il-Kummissjoni ssostni li l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum li hija tipproponi huwa kkalkolat billi tiġi mmultiplikata somma f’daqqa bażika uniformi b’koeffiċjent ta’ gravità u ta’ tul, fejn ir-riżultat miksub jiġi mmultiplikat b’fattur fiss għal kull pajjiż fejn jittieħed inkunsiderazzjoni kemm il-kapaċità tal-Istat Membru inkriminat li jħallas u n-numru ta’ voti li għandu fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

59

Fir-rigward tal-gravità tal-ksur ikkonstatat, il-Kummissjoni ssostni, fid-dawl, fl-ewwel lok, tal-importanza tar-regoli tal-Unjoni li huma s-suġġett tal-ksur, fit-tieni lok, tal-konsegwenzi ta’ dan tal-aħħar fuq l-interessi ġenerali u individwali bħal, b’mod partikolari, ir-riskju għoli ta’ tniġġis tal-ambjent, l-effetti dannużi fuq is-saħħa u l-funzjonament tajjeb tal-attività ekonomika tal-pajjiż, fit-tielet lok, tal-fatti attenwanti li jikkonsistu fil-ħolqien ta’ kriterji speċifiċi għall-għażla tas-siti xierqa u tal-inventarju annwali tal-iskart perikoluż, iżda wkoll tal-fatt aggravanti relatat mal-progress debboli li sar sal-preżent u l-perikolożità tal-iskart, fir-raba’ lok, ta’ kemm huma ċari d-dispożizzjonijiet miksura u, fl-aħħar lok, tal-aġir ta’ ksur ripetut tar-Repubblika Ellenika fil-qasam tal-osservanza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-iskart, koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10 huwa xieraq.

60

Fir-rigward tat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni li jinbdew dawn il-proċeduri ttieħdet fil-25 ta’ Settembru 2014, jiġifieri 60 xahar wara li ngħatat is‑sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-286/08, EU:C:2009:543), fatt li jiġġustifika l-applikazzjoni tal-koeffiċjent massimu ta’ 3.

61

Fir-rigward tal-koeffiċjent relatat mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru li kontrih tressqu l-proċeduri, imsejjaħ fattur “n”, din l-istituzzjoni tfakkar li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Diċembru 2005 tistabbilixxih għal 3.68 għar-Repubblika Ellenika.

62

Il-Kummissjoni tirrileva li, skont il-formola ċċitata fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, il-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum huma ugwali għall-ammont bażiku uniformi, ta’ EUR 660, immultiplikat bil-koeffiċjent ta’ gravità, bil-koeffiċjent ta’ tul u bil-fattur “n”. Għalhekk, f’dan il-każ, hija tipproponi pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum ta’ EUR 72864 (660 × 10 × 3 × 3,68).

63

Madankollu, din l-istituzzjoni tipproponi pagamenti ta’ penalità li degressivi, evalwati kull sitt xhur, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-progress imwettaq fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-286/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:543). Għalhekk, sabiex jiġi ggarantit it-tnaqqis tal-pagamenti ta’ penalità, hija tipproponi li tiġi mistħarrġa l-konformità fir-rigward tat-tliet ilmenti mressqa, jiġifieri l-approvazzjoni ta’ pjan ta’ mmaniġġar, il-ħolqien ta’ infrastruttura xierqa u l-immaniġġar xieraq tal-iskart storiku maħżun b’mod provviżorju f’siti li ma humiex intiżi għal dan il-għan. Għalhekk, l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum huwa maqsum fi tliet kategoriji li jikkorrispondu għat-tliet ilmenti tal-Kummissjoni, li jirrappreżenta, għall-ewwel kategorija, 30 % tal-ammont totali tal-pagamenti ta’ penalità, jiġifieri EUR 21859.20, u, għat-tieni u t-tielet kategoriji, 35 % kull waħda, tal-ammont totali tagħha, jiġifieri EUR 25502.40 għal kull kategorija.

64

Bl-applikazzjoni ta’ dan il-metodu ta’ kalkolu, il-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum b’hekk jitnaqqsu b’ammont ta’ EUR 21859.20 meta l-pjan ta’ mmaniġġar nazzjonali ġdid jiġi approvat, bil-kundizzjoni li josserva s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-286/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:543). Fir-rigward tal-ħolqien ta’ networks xierqa għall-iskart perikoluż, il-Kummissjoni tipproponi li s-somma ta’ EUR 25502.40 tinqasam bejn il-volum totali ta’ skart perikoluż li għandu jiġi pproċessat fl-installazzjonijiet li għandhom jinbnew u li jitnaqqas mill-ammont tal-pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum, meta tibda topera installazzjoni ta’ pproċessar ta’ skart perikoluż, is-somma li tikkorrispondi għall-volum ta’ skart li din l-installazzjoni l-ġdida tkun tista’ tipproċessa. F’dak li jikkonċerna l-“iskart storiku”, il-Kummissjoni tixtieq taqsam is-somma ta’ EUR 25502.40 fuq il-bażi tal-volumi ta’ dan l-iskart stabbiliti fil-proġett il-ġdid.

65

Ir-Repubblika Ellenika ssostni li la l-gravità, la t-tul tal-ksur, la l-kooperazzjoni u d-diliġenza li hija wriet matul il-proċeduri u lanqas il-progress li sar fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-286/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:543), ma jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità u ta’ somma f’daqqa f’din is-sentenza. Sussidjarjament, ir-Repubblika Ellenika tikkontesta l-metodu ta’ kalkolu tal-ammonti proposti.

66

Dan l-Istat Membru jikkunsidra li l-ammont ta’ EUR 72864 mitlub mill-Kummissjoni għall-pagamenti ta’ penalità huwa eċċessivament għoli u sproporzjonat meta mqabbel mal-gravità tal-ksur, li l-konsegwenzi tiegħu, fosthom il-konsegwenzi fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, li ma ġewx evalwati konkretament, huma ipotetiċi.

67

Fir-rigward tal-gravità u tat-tul tal-ksur, il-proposta tal-Kummissjoni li jiġi applikat koeffiċjent ta’ 10 ma tiħux inkunsiderazzjoni d-diffikultajiet prattiċi li timponi l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-286/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:543) kif ukoll il-fatt li din is-sentenza diġà ġiet parzjalment eżegwita.

68

Barra minn hekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, l-imsemmija pagamenti ta’ penalità huma sproporzjonati meta mqabbla mat-tul tal-ksur, kif ukoll mal-kapaċità ta’ ħlas minima tar-Repubblika Ellenika minħabba l-kriżi ekonomika li għaddejja minnha din tal-aħħar. Ir-Repubblika Ellenika topponi wkoll id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni li hija naqset fil-passat, b’mod ripetut, milli twettaq l-obbligi tagħha fil-qasam tal-ipproċessar tal-iskart.

69

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja timponi tali pagamenti ta’ penalità, ir-Repubblika Ellenika titlob li tiġi emendata l-parti tal-pagamenti ta’ penalità attribwita għal kull tip ta’ ksur. Dan l-Istat Membru jipproponi għalhekk li 70 % tal-ammont tal-multa, jiġifieri EUR 51004.80 jgħaddi għall-ewwel kategorija ta’ ksur u 15 % tal-ammont tagħha, jiġifieri EUR 10929.60 rispettivament, għat-tieni u t-tielet kategorija ta’ ksur.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

70

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità, bħala prinċipju, hija ġġustifikata biss sakemm jippersisti n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bbażat fuq in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ sentenza preċedenti sal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-GreċjaC-167/14, mhux ippubblikat, EU:C:2015:684, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

F’dan il-każ, huwa paċifiku li, fid-data tas-seduta, ir-Repubblika Ellenika ma kinitx għadha adottat pjan speċifiku għall-immaniġġar ta’ skart perikoluż, u lanqas ma żviluppat network integrat u xieraq ta’ installazzjonijiet ta’ rimi ta’ skart perikoluż u lanqas ma implementat immaniġġar ta’ “skart storiku” li huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni.

72

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-kundanna tar-Repubblika Ellenika għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità tikkostitwixxi mezz finanzjarju adattat sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-286/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:543) (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-533/11, EU:C:2013:659, punt 66).

73

Mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-pagamenti ta’ penalità għandhom ikunu deċiżi skont il-grad ta’ persważjoni neċessarju sabiex l-Istat Membru li jonqos milli jeżegwixxi sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jbiddel l-aġir tiegħu u jtemm il-ksur li bih huwa akkużat (sentenza tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑369/07, EU:C:2009:428, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74

Fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha f’dan il-qasam, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi l-pagamenti ta’ penalità b’tali mod li dawn ikunu, minn naħa, adattati għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat u mal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat (sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑533/11, EU:C:2013:659, punt 68, u tal-4 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, C‑243/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2413, punt 50).

75

Il-proposti tal-Kummissjoni dwar il-pagamenti ta’ penalità ma jistgħux jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja u huma biss punt ta’ riferiment utli. Bl-istess mod, linji gwida bħal dawk inklużi fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jikkontribwixxu sabiex tiġi ggarantita t-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni nnifisha meta din l-istituzzjoni tagħmel proposti lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ proċedura bbażata fuq l-Artikolu 260(2) TFUE, dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ Stat Membru li jippersisti minkejja l-fatt li dan in-nuqqas stess ta’ twettiq ta’ obbligu diġà ġie kkonstatat fl-ewwel sentenza mogħtija skont l-Artikolu 226 KE jew l-Artikolu 258 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibqa’ libera li tistabbilixxi l-pagamenti ta’ penalità fl-ammont u fil-forma li hija tqis adatti sabiex tinċita lil dan l-Istat Membru jtemm in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw minn din l-ewwel sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-378/13, EU:C:2014:2405, punt 52).

76

Għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità, il-kriterji bażiċi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi żgurata n-natura koerċittiva ta’ dawn tal-aħħar, fid-dawl ta’ applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt tal-Unjoni, huma, fil-prinċipju, il-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu u l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni. Għall-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, hemm lok li jiġu kkunsidrati, b’mod partikolari, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fuq l-interessi privati u pubbliċi, kif ukoll l-urġenza li teżisti li l-Istat Membru kkonċernat jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu (sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-167/14, mhux ippubblikat, EU:C:2015:684, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-gravità tal-ksur, għandu jitfakkar, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-obbligu li l-iskart jintrema mingħajr ma joħloq perikolu għas-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma joħloq dannu għall-ambjent jagħmel parti mill-għanijiet stess tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, kif jirriżulta mill-Artikolu 191 TFUE. In-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/12 għandu r-riskju li, permezz tan-natura stess ta’ dan l-obbligu, ipoġġi direttament f’perikolu s-saħħa tal-bniedem u jikkawża dannu lill-ambjent, u għandu jitqies li huwa partikolarment gravi (ara s-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑378/13, EU:C:2014:2405, punt 54).

78

Għandu jiġi rrilevat li s-sitwazzjoni sadanittant tjiebet ftit meta mqabbla ma’ dik ikkonstatata fis-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-286/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:543), sa fejn ir-Repubblika Ellenika kkonfermat, matul is-seduta, li, għalkemm il-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart perikoluż għadu ma ġiex adottat, kien madankollu tfassal, u sussegwentement approvat. Mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li r-Repubblika Ellenika għamlet sforzi ta’ investiment importanti sabiex teżegwixxi s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-286/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:543), u kkooperat mal-Kummissjoni.

79

Madankollu, huwa paċifiku li r-Repubblika Ellenika, sad-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja, kienet għadha ma stabbilixxietx network adegwat u integrat ta’ installazzjonijiet ta’ rimi u li, konsegwentement, ma setgħetx tkun f’sitwazzjoni li timmaniġġa korrettament l-iskart perikoluż. B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-informazzjoni kkomunikata lill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta, il-kostruzzjoni ta’ diversi installazzjonijiet kif ukoll ta’ tliet landfills għall-ipproċessar ta’ skart perikoluż kienet għadha ma bdietx. F’dawn iċ-ċirkustanzi, minkejja t-titjib żgħir li ġie osservat, għandu jiġi kkonstatat li d-dannu kkawżat lis-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent minħabba l-ksur inizjali jibqa’ partikolarment gravi.

80

Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-tul tal-ksur sa mid-data tas-sentenza ta’ ksur inizjali, għandu jitfakkar li din għandha tiġi evalwata billi tittieħed inkunsiderazzjoni mhux id-data tal-bidu tal-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE mill-Kummissjoni, iżda dik meta l-Qorti tal-Ġustizzja evalwat il-fatti fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri (ara s-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-378/13, EU:C:2014:2405, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, f’dan il-każ, it-tul tal-ksur, jiġifieri iktar minn sitt snin mid-data li fiha ngħatat is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-286/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:543), huwa kunsiderevoli.

81

It-tielet nett, fir-rigward tal-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-argumenti tar-Repubblika Ellenika, ibbażati fuq il-fatt li, mill-2012, il-prodott gross domestiku PGD tagħha naqas. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni reċenti tal-PGD ta’ Stat Membru kif tkun fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-378/13, EU:C:2014:2405, punt 58).

82

Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet lill-Qorti tal-Ġustizzja tnaqqas gradwalment il-pagamenti ta’ penalità skont il-progress imwettaq fl-eżekuzzjoni s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-286/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:543).

83

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm, sabiex tiġi ggarantita l-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-pagamenti ta’ penalità għandhom jintalbu fl-intier tagħhom sakemm l-Istat Membru jkun ħa l-miżuri kollha neċessarji sabiex itemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, f’ċerti każijiet partikolari tista’, madankollu, tiġi prevista sanzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-progress li jkun eventwalment sar mill-Istat Membru fl-eżekuzzjoni tal-obbligi tiegħu (sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-378/13, EU:C:2014:2405, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84

F’dan il-każ, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li jittieħed inkunsiderazzjoni, għall-kalkolu tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità, il-progress li sar fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-286/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:543), fir-rigward tat-tliet ilmenti mressqa, jiġifieri l-approvazzjoni tal-pjan ta’ mmaniġġar, l-implementazzjoni ta’ infrastrutturi ta’ pproċessar ta’ skart perikoluż xierqa u l-immaniġġar tajjeb tal-iskart storiku maħżun provviżorjament f’siti li ma humiex intiżi għal dan il-għan.

85

Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, u fid-dawl, b’mod partikolari, tal-informazzjoni pprovduta mill-partijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hemm lok li jiġu stabbiliti pagamenti ta’ penalità li jinkludu komponent kostanti u komponent degressiv. Għalhekk, huwa neċessarju li jiġu ddeterminati l-metodi ta’ kalkolu ta’ dawn il-pagamenti ta’ penalità kif ukoll, fir-rigward tal-komponent degressiv, il-perjodiċità tiegħu.

86

F’dak li jikkonċerna l-metodu ta’ kalkolu tal-pagamenti ta’ penalità, għandu jiġi kkonstatat, kif jirriżulta mill-punti 50 sa 52 ta’ din is-sentenza, li r-Repubblika Ellenika ma kkonformatx ruħha ma’ tliet obbligi differenti.

87

Sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri adottati mir-Repubblika Ellenika relatati ma’ dawn l-obbligi meħuda individwalment, għandu jitnaqqas l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità skont il-grad ta’ eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi.

88

Fid-dawl tal-fatti kollha ta’ dan il-każ u fid-dawl tal-bżonn li l-Istat Membru kkonċernat jiġi inkoraġġut itemm il-ksur li huwa akkużat bih, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa xieraq, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, li tistabbilixxi pagamenti ta’ penalità ta’ kull jum ta’ EUR 30000. Dan l-ammont huwa maqsum fi tliet partijiet, li jikkorrispondu għat-tliet ilmenti invokati mill-Kummissjoni u ekwivalenti, għall-ewwel ilment, għal 10 % tal-ammont totali tal‑pagamenti ta’ penalità, jiġifieri EUR 3000, u, għat-tieni u t-tielet ilmenti, għal 45 % kull wieħed, ta’ dan l-ammont, jiġifieri EUR 13500 għal kull ilment.

89

Il-parti tal-pagamenti ta’ penalità relatata mal-ewwel żewġ ilmenti tinkludi biss komponent kostanti. B’hekk, il-pagamenti ta’ penalità għandhom jiġu mnaqqsa mill-ammont integrali li jikkorrispondi għall-ewwel u għat-tieni lment ladarba r-Repubblika Ellenika tkun ħadet il-miżuri kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-286/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:543)

90

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tielet parti tal-pagamenti ta’ penalità, relatata mal-ilment dwar l-immaniġġar tal-iskart imsejjaħ “storiku”, għandu jitnaqqas progressivament l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità bi prorata tal-konformità tal-immaniġġar tiegħu, fejn dan il-kalkolu jsir abbażi tal-volum tal-iskart imsejjaħ “storiku” li għandu jiġi stabbilit mill-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart perikoluż ġdid. Madankollu, it-tnaqqis tal-pagamenti ta’ penalità f’dak li jikkonċerna dan l-ilment għandu jiġi limitat, peress li dan ma jistax jitnaqqas iżjed mill-mument li l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità li jibqa’ biex jitħallas ikun laħaq 50 % tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità korrispondenti għal dan l-ilment, jiġifieri EUR 6750. Mill-mument li jintlaħaq dan l-ammont, il-pagamenti ta’ penalità jistgħu jitnaqqsu biss fil-mument li l-ksur imsemmi fit-tielet ilment jkun ġie eliminat fit-totalità tiegħu.

91

F’dak li jikkonċerna l-perjodiċità tal-pagamenti ta’ penalità, il-komponent degressiv tagħhom huwa stabbilit fuq bażi semestrali sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa l-istat ta’ progress fl-immaniġġar konformi tal-iskart imsejjaħ “storiku”.

92

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-Repubblika Ellenika tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 30000 għal kull jum ta’ dewmien fl-implementazzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-286/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:543), mill-jum li fih tingħata din is-sentenza, u sal-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-286/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:543). Dan l-ammont huwa maqsum fi tliet partijiet, li jikkorrispondu għat-tliet ilmenti invokati mill-Kummissjoni u huwa ekwivalenti, għall-ewwel ilment, għal 10 % tal-ammont totali tal-pagamenti ta’ penalità, jiġifieri EUR 3000, għat-tieni lment, għal 45 % ta’ dan l-ammont, jiġifieri EUR 13500, u l-istess għat-tielet ilment, li, f’dak li jikkonċerna l-immaniġġar tajjeb tal-iskart imsejjaħ “storiku” ser jitnaqqas kull semestru bi prorata tal-volum ta’ dan l-iskart li l-immaniġġar tiegħu jkun f’konformità, tnaqqis li għalih japplika limitu taħt liema t-tnaqqis tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità dovut ma jistax jinżel, jiġifieri 50 % tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità korrispondenti għal dan l-ilment, jiġifieri EUR 6750.

Fuq is-somma f’daqqa

L-argumenti tal-partijiet

93

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna lir-Repubblika Ellenika tħallas somma f’daqqa ta’ kuljum ta’ EUR 8096, li l-ammont tagħha jirriżulta mill-multiplikazzjoni tal-ammont bażiku uniformi, stabbilit għal EUR 220, bil-koeffiċjent ta’ gravità ta’ 10 u bil-fattur “n” ta’ 3.68, mid-data li fiha ngħatat is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-286/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:543), sad-data ta’ din is-sentenza jew sa dik li fiha tiġi eżegwita s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-286/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:543), jekk din l-eżekuzzjoni ssir qabel dawn id-dati.

94

Ir-Repubblika Ellenika ssostni li diġà ħadet il-passi kollha neċessarji għall-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-286/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:543), billi kkooperat sistematikament u b’mod leali mad-dipartimenti tal-Kummissjoni, tant li, fil-ġurnata tal-lum, huwa porzjon żgħir minn din is-sentenza li għadu ma ġiex eżegwit. Għaldaqstant, hija ma għandhiex tħallas is-somma f’daqqa proposta mill-Kummissjoni.

95

Fi kwalunkwe każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwa jekk, f’sitwazzjoni ekonomika estremament diffiċli, il-kundizzjonijiet oġġettivi jippermettux li tiġi deċiża kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa bħal dik proposta mill-Kummissjoni, jew jekk, għall-kuntrarju, dawn humiex tali li r-Repubblika Ellenika tiġi eżentata kompletament.

96

Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika hija tal-opinjoni li, jekk tiġi deċiża tali kundanna, id-data li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ammont tas-somma f’daqqa għandha tikkoinċidi mad-data tal-għoti tas-sentenza li kkonstatat l-ewwel ksur, peress li l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza setgħet biss isseħħ wara din id-data, wara li jkun għadda terminu raġonevoli.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

97

Għandu jitfakkar, preliminarjament, li l-Qorti tal-Ġustizzja hija awtorizzata, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha fil-qasam ikkunsidrat, timponi, simultanjament, pagamenti ta’ penalità u somma f’daqqa (sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-378/13, EU:C:2014:2405, punt 71).

98

Il-prinċipju tal-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa huwa essenzjalment ibbażat fuq l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat għall-interessi privati u pubbliċi, b’mod partikolari meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jissokta għal żmien twil wara l-għoti tas-sentenza li tkun inizjalment ikkonstatat tali nuqqas (sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑184/11, EU:C:2014:316, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99

Il-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa u l-iffissar tal-ammont eventwali ta’ din is-somma għandhom, f’kull każ, jibqgħu suġġetti għall-elementi rilevanti kollha relatati kemm mal-karatteristiċi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll mal-attitudni stess tal-Istat Membru kkonċernat mill-proċedura mibdija abbażi tal-Artikolu 260 TFUE. F’dan ir-rigward, dan jikkonferixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi dwar l-impożizzjoni jew le ta’ tali sanzjoni u sabiex tiddetermina, jekk ikun meħtieġ, l-ammont tagħha (sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-196/13, EU:C:2014:2407, punt 114).

100

F’din il-kawża, l-elementi kollha legali u fattwali li wasslu għall-ksur ikkonstatat, b’mod partikolari l-fatt li l-pjan ta’ mmaniġġar ta’ skart perikoluż għadu ma ġiex adottat, li għadu ma ġiex stabbilit network integrat u adegwat ta’ installazzjonijiet ta’ rimi ta’ skart perikoluż u li l-immaniġġar ta’ skart storiku kien għadu ma seħħx, meta dan jippreżenta perikolu għoli għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, jikkostitwixxi indikatur li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni ta’ ksur futur analogu tad-dritt tal-Unjoni hija ta’ natura li teħtieġ l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva bħall-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa.

101

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, li għandha tistabbilixxi l-ammont ta’ din is-somma f’daqqa b’mod li din tkun, minn naħa, adatta għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonata mal-ksur imwettaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-369/07, EU:C:2009:428, punt 146).

102

Fost il-fatturi kollha rilevanti f’dan ir-rigward, jinsabu elementi bħall-perijodu li matulu n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jkun akkużat bih l-Istat Membru jkun ippersista mis-sentenza li kkonstatatu u l-gravità tal-ksur (sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 94).

103

Fir-rigward ta’ dawn il-fatturi, iċ-ċirkustanzi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni jirriżultaw b’mod partikolari mill-kunsiderazzjonijiet li saru fil-punti 77 sa 81 ta’ din is-sentenza. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, b’mod partikolari, li l-pjan ta’ immaniġġar ta’ skart perikoluż ma ġiex adottat, li n-network integrat u adegwat ta’ installazzjonijiet ta’ skart perikoluż ma ġiex stabbilit u li hemm siti li jinkludu skart perikoluż u storiku mhux ipproċessat li jippreżenta perikolu għoli għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

104

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li ssir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi inkwistjoni jekk l-ammont tas-somma f’daqqa li r-Repubblika Ellenika għandha tħallas jiġi stabbilit għal EUR 10 miljun.

105

Konsegwentement, ir-Repubblika Ellenika għandha tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, is-somma f’daqqa ta’ EUR 10 miljun.

Fuq l-ispejjeż

106

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef hija kkundannata għall-ispejjeż jekk dan ikun mitlub. Peress li r-Repubblika Ellenika tilfet, u peress li ġie kkonstatat li hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha, hija għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑286/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:543), ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE.

 

2)

Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 30000 għal kull jum ta’ dewmien fl-implementazzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-286/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:543), mill-jum li fih tingħata din is-sentenza, u sal-eżekuzzjoni sħiħa tas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-286/08, mhux ippubblikat, EU:C:2009:543). Dan l-ammont huwa maqsum fi tliet partijiet, li jikkorrispondu għat-tliet ilmenti invokati mill-Kummissjoni Ewropea u huwa ekwivalenti, għall-ewwel ilment, għal 10 % tal-ammont totali tal-pagamenti ta’ penalità, jiġifieri EUR 3000, għat-tieni lment, għal 45 %, ta’ dan l-ammont, jiġifieri EUR 13500, u l-istess għat-tielet ilment, li, f’dak li jikkonċerna l-immaniġġar tajjeb tal-iskart imsejjaħ “storiku” ser jitnaqqas kull semestru bi prorata tal-volum ta’ dan l-iskart li l-immaniġġar tiegħu jkun f’konformità, tnaqqis li għalih japplika limitu taħt liema t-tnaqqis tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità dovut ma jistax jinżel, jiġifieri 50 % tal-ammont tal-pagamenti ta’ penalità korrispondenti għal dan l-ilment, jiġifieri EUR 6750.

 

3)

Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea, fuq il-kont “Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”, somma f’daqqa ta’ EUR 10000000.

 

4)

Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.