SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
30 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Ambjent — Politika tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ilma — Direttiva 2000/60/KE — Monitoraġġ tal-istat ekoloġiku u tal-istat kimiku għall-ilmijiet tal-wiċċ — Pjanijiet ta’ mmaniġġar ta’ baċin tax-xmara”
Fil-Kawża C‑648/13,
li għandha bħala suġġett rikors għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fis-6 ta’ Diċembru 2013,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Herrmann u E. Manhaeve, bħala aġenti,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, K. Majcher u M. Drwięcki, bħala aġenti,
konvenuta,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn F. Biltgen, President tal-Għaxar Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, M. Berger (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Wathelet,
Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Jannar 2015,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma ttrasponietx totalment jew korrettament l-Artikolu 2, punti 19, 20, 26 u 27, l-Artikolu 8(1), l-Artikolu 9(2), l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275) kif emendata mid-Direttiva 2008/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2008 (ĠU L 81, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2000/60”) kif ukoll il-punti 1.3,1.3.4, 1.3.5, 1.4 u 2.4.1 tal-Anness V tal-imsemmija direttiva u l-Parti A, punti 7.2 sa 7.10, tal-Anness VII tal-istess direttiva, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq obbligi li hija kienet responsabbli għalihom skont dawn id-dispożizzjonijiet u skont l-Artikolu 24 tal-istess direttiva. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
2 |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60, bl-isem “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi fil-punti 19, 20, 26 u 27: “[...]
[...]
[...]” |
3 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60, intitolat “Għanijiet ambjentali”, jipprovdi: “1. Meta l-programmi ta’ miżuri speċifikati fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara ikunu qed isiru operazzjonali:
2. Fejn aktar minn wieħed mill-għanijiet taħt paragrafu 1 relatat ma’ korp ta’ l-ilma partikolari, l-aktar wieħed strett għandu japplika. 3. L-Istati Membri jistgħu jinnominaw korp ta’ l-ilma tal-wiċċ bħala artifiċjali jew modifikat ħafna, meta:
4. It-termini taż-żmien stabbiliti bil-paragrafu 1 jistgħu jiġu estiżi għall-iskopijiet li jinkisbu f’fażijiet l-għanijiet għal korpi ta’ l-ilma, sakemm aktar deterjorazzjoni ma’ titfaċċax fl-istat tal-korp ta’ l-ilma affetwat meta l-kundizzjonijiet kollha li jmiss jintlaħqu:
5. L-Istati Membri jistgħu jimmiraw biex jiksbu għanijiet ambjentali anqas stretti minn dawk meħtieġa taħt paragrafu 1 għal korpi speċifiċi ta’ l-ilma meta jkunu tant affetwati minn attività umana, kif stabbiliti skond l-Artikolu 5(1), jew il-kundizzjoni naturali tagħhom hija tant li l-kisba ta’ dawn l-għanijiet jistgħu ikunu għolja disproporzjonalment jew mhux fattibli, u l-kondizzjonijiet li ġejjin kollha jkunu milħuqa:
6. Deterjorazzjoni temporanja fl-istat ta’ korpi ta’ l-ilma ma tiksirx il-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva jekk din tirriżulta minn ċirkostanzi ta’ kawżi naturali jew forzi maġġuri li huma eċċezzjonali jew li ma’ setgħux ikunu raġonevolment imbassra, partikolarment dulluvji estremi u nuqqas ta’ xita għal tul ta’ żmien, jew ir-riżultat ta’ ċirkostanzi minħabba aċċidenti li ma’ setgħux raġonevolment ikunu mbassra, meta l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu intlaħqu:
7. L-Istati Membri ma’ jkunux qed jiksru din id-Direttiva meta:
u l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu milħuqa:
8. Meta jkun qed japplika l-paragrafi 3, 4, 5, 6, 7, Stat Membru jrid jiżgura li l-applikazzjoni ma’ teskludix b’mod permaneti jew tikkomprometti l-kisba ta’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva f’korpi oħra ta’ l-ilma fi ħdan l-istess distrett tal-baċin tax-xmara u huwa konsistenti ma’ l-implimentazzjoni ta’ leġislazzjoni Komunitarja oħra ambjentali. 9. Passi għandhom jittieħdu biex jiżguraw li l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet ġodda, inklużi l-applikazzjoni ta’ paragrafi 3, 4, 5, 6 u 7, jiggarantixxu għall-anqas l-istess livell ta’ protezzjoni bħal-leġislazzjoni Komunitarja eżistenti.” |
4 |
L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/60, intitolat “Monitoraġġ ta’ l-istat ta’ l-ilma tal-wiċċ, l-istat ta’ l-ilma ta’ taħt l-art u żoni protetti”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri jridu jiżguraw li jkunu stabbiliti l-programmi għall-monitoraġġ ta’ l-istat ta’ l-ilma sabiex titwaqqaf deskrizzjoni ġenerika koerenti u komprensiva ta’ l-istat ta’ l-ilma fi ħdan kull distrett ta’ baċin tax-xmara:
|
5 |
L-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva 2000/60 jipprevedi: “1. L-Istati Membri jridu jikkunsidraw il-prinċipju ta’ rkuprar ta’ l-ispejjeż tas-servizzi ta’ l-ilma, inklużi l-ispejjeż ta’ l-ambjent u tar-riżorsi, wara li jiġu kkunsidrati l-analiżi ekonomiċi imwettqa skond l-Anness III, u bi qbil partikolarment mal-prinċipju ta’ minn iniġġes iħallas. L-Istati Membri jridu jiżguraw sa’ s-sena 2010
L-Istati Membri jistgħu meta qed jagħmlu dan, jikkunsidraw l-effetti soċjali, ambjentali u ekonomiċi tal-irkupru kif ukoll il-kundizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi tar-reġjun jew reġjuni affetwati. 2. L-Istati Membri għandhom jirraportaw fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara fuq il-passi pjanati għall-implimentazzjoni ta’ paragrafu 1 li għandhom jikkontribwixxu għall-kisba ta’ l-għanijiet ambjentali ta’ din id-Direttiva u fuq il-kontribuzzjoni magħmula minn użi varji ta’ l-ilma għall-irkuprar ta’ l-ispejjeż tas-servizzi ta’ l-ilma.” |
6 |
L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2000/60, intitolat “Il-metodu kombinat għal-sorsi ta’ tixrid u ta’ punt”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri jridu jiżguraw li l-ħruġ kollha msemmija f’paragrafu 2 fl-ilma tal-wiċċ huma kontrollati skond il-metodu kombinat stabbilit f’dan l-Artikolu. 2. L-Istati Membri jridu jiżguraw li jkunu stabbiliti u/jew implimentati ta’:
stabbiliti:
sa mhux aktar minn 12 il-sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, sakemm ma’ jkunx speċifikat mod ieħor fil-leġislazzjoni konċernata. 3. Fejn għan ta’ kwalità jew standard ta’ kwalità, kemm jekk imwaqqaf skond din id-Direttiva, fid-Direttivi elenkati fl-Anness IX, jew skond kull leġislazzjoni Komunitarja oħra, jeħtieġ kundizzjonijiet aktar stretti minn dawk li jistgħu jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ paragrafu 2, kontrolli ta’ emmissjoni aktar stretti għandhom ikunu stabbiliti kif xieraq.” |
7 |
L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/60, intitolat “Programm ta’ miżuri”, jipprovdi fil-paragrafu 5 tiegħu: “Fejn osservazzjoni kontinwa jew data oħra jindikaw li l-għanijiet stabbiliti taħt l-Artikolu 4 għall-korp ta’ l-ilma x’aktarx ma’ jinkisbux, l-Istati Membri jridu jiżguraw li:
Fejn dawk il-kawżi huma ir-riżultat ta’ ċirkostanzi ta’ kawżi naturali jew forza maġġura li huma eċċezzjonali u li ma’ setgħux raġonevolment jiġu mbassra, partikolarment dulluvji estremi u nuqqas ta’ xita fit-tul, l-Istat Membru jista’ jistabilixxi li miżuri addizzjonali mhumiex prattikabbli, bla ħsara għall-Artikolu 4(6).” |
8 |
Il-punti 1.3, 1.3.4, 1.3.5, 1.4 u 2.4.1 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 jipprovdu: “1.3. Monitoraġġ ta’ stat ekoloġiku u stat kimiku għall-ilmijiet tal-wiċċ In-networks ta’ monitoraġġ ta’ l-ilma tal-wiċċ iridu jitwaqqfu bi qbil mal-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 8. In-networks ta’ monitoraġġ iridu jiġu disinjati sabiex jipprovdu diskrezzjoni koerenti u komprensiva ta’ stat ekoloġiku u kimiku fi ħdan kull baċin tax-xmara u jridu jippermettu klassifikazzjoni ta’ korpi ta’ l-ilma f’ħames klassijiet konsistenti mad-definizzjonijiet normattivi f’sezzjoni 1.2. L-Istati Membri jridu jipprovdu mappa jew mapep li juru n-networks ta’ monitoraġġ ta’ l-ilma tal-wiċċ fil-pjan ta’ l-immaniġġjar tal-baċin tax-xmara. Fuq il-bażi tal-istima tal-karatterizzazzjoni u tal-impatt magħmula skond l-Artikolu 5 u l-Anness II, l-Istati Membri jridu għal kull perjodu ta’ fejn pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin ta’ l-ilma japplika, jistabbilixxu programm ta’ monitoraġġ ta’ sorveljanza u programm ta’ monitoraġġ operazzjonali. L-Istati Membri jistgħu wkoll jeħtieġu f’ċerta każi li jwaqqfu programmi ta’ monitoraġġ investigattiv. L-Istati Membri jridu jimmunituraw paramentri li huma indikattivi għall-istat ta’ kull element ta’ kwalià relevanti. Fis-selezzjoni tal-paramentri għal elementi ta’ kwalità bioloġika l-Istati Membri jridu jidentifikaw il-livell taksonomiku xieraq meħtieġ għal ksib ta’ kunfidenza adegwata u preċiżjoni fil-klassifikazzjoni tal-elementi ta’ kwalità. Stimi tal-livell ta’ kunfidenza u preċiżjoni tar-riżultati provduti mill-programmi ta’ monitoraġġ iridu jingħataw fil-pjan. [...] 1.3.4 Frekwenza ta’ monitoraġġ Għall-perjodu ta’ monitoraġġ ta’ sorveljanza, il-frekwenzi għal monitoraġġ ta’ parametri indikattivi ta’ elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika mogħtija hawn taħt iridu jiġu applikati sakemm intervalli akbar ma’ jkunux ġustifikati fuq il-bażi ta’ taħriġ tekniku u ġudizzju ta’ espert. Għal elementi ta’ kwalità bioloġika jew idromorfoloġika monitoraġġ irid isir għall-inqas darba matul il-perjodu ta’ monitoraġġ ta’ sorveljanza. Għal monitoraġġ operazzjonali, il-frekwenza ta’ monitoraġġ meħtieġa għal kull paramentru trid tkun stabbilita minn Stati Membri sabiex tipprovdi data suffiċenti għal stat ta’ min joqgħod fuqu tal-element ta’ kwalità relevanti. Bħala linja ta’ gwida, monitoraġġ irid jitwettaq f’intervalli li ma’ jeċedux dawk li jidhru fit-tabella hawn taħt sakemm intervalli akbar ma’ jiġux ġustifikati fuq il-bażi ta’ taħriġ tekniku u ġudizzju ta’ espert. Frekwenzi jridu jiġu magħżula sabiex jinkiseb livell aċċettabbli ta’ kunfidenza u preċiżjoni. Stimi tal-kunfidenza u preċiżjoni milħuqa mis-sistema ta’ monitoraġġ użata jridu jiġu ddikjarati fil-pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara. Frekwenzi ta’ monitoraġġ iridu jiġu magħżula li jieħdu konsiderazzjoni tal-varjabilità fil-parametri li jirriżultaw kemm mill-kundizzjonijiet naturali u wkoll minn dawk antropoġeniċi. Iż-żminijiet ta’ meta jitwettaq monitoraġġ iridu jiġu magħżula sabiex jitnaqqas l-impatt ta’ varjazzjoni tal-istaġuni fuq ir-riżultati, u b’hekk jiżguraw li r-riżultati jirriflettu bdil fil-korp ta’ l-ilma bħala riżultat ta’ bdil minħabba pressa antropoġenika. Monitoraġġ addizzjonali matul staġuni differenti tal-istess sena jridu jsiru, fejn meħtieġ, biex jinkiseb dan il-għan. Element ta’ kwalitàXmajjarLagiTemporanjiTal-kostaBioloġikaliPhytoplankton6 xhur6 xhur6 xhur6 xhurFlora akkwatika oħra3 snin3 snin3 snin3 sninMakro invertibri3 snin3 snin3 snin3 sninĦut3 snin3 snin3 sninIdromorfoloġikaliKontinwità6 sninIdroloġijaKontinwaxhar 1Morfoloġija6 snin6 snin6 snin6 sninFiżiko-kimikuKundizzjonijiet termali3 xhur3 xhur3 xhur3 xhurOssiġenazzjoni3 xhur3 xhur3 xhur3 xhurSalinitá3 xhur3 xhur3 xhurStat nutrienti3 xhur3 xhur3 xhur3 xhurStat ta’ aċidifikazzjoni3 xhur3 xhurKontaminanti oħra3 xhur3 xhur3 xhur3 xhurSustanzi prioritarjixhar 1xhar 1xhar 1xhar 11.3.5 Ħtiġiet ta’ monitoraġġ addizzjonali għal żoni protetti Il-programmi ta’ monitoraġġ meħtieġa hawn fuq iridu jiġu supplementati sabiex jaderixxi mal-ħtiġiet meħtieġa: Punti ta ’ estrazzjoni ta ’ l-ilma tax-xorb Korpi ta’ l-ilma tal-wiċċ nominati fl-Artikolu 7 li jipprovdu aktar minn 100 m3 kuljum bħala medja jridu jiġu nominati mħala bħala siti ta’ monitoraġġ u jridu jkunu soġġetti għal ċerta monitoraġġ addizzjonali kif jista’ jkun meħtieġ biex jintlaħqu l-ħtiġiet ta’ dak l-Artikolu. Dawn il-korpi jridu jkunu monitorjati għal kull sustanza prioritarja mitfugħa u kull sustanzi oħra mitfugħa fi kwantitajiet sinifikanti li jistgħu jaffetwaw l-istat tal-korp ta’ l-ilma u li huma kontrollati taħt id-disposizzjonijiet tad-Direttiva ta’ l-ilma tax-xorb. Monitoraġġ irid isir bi qbil mal-frekwenzi maħruġa hawn taħt: Komunità servutaFrekwenza< 100004 kull sena10000 sa 300008 kull sena> 3000012 kull senaŻoni ta ’ protezzjoni ta ’ abitanti u speċi Korp ta’ l-ilma li jifforma dawn iż-żoni jrid jiġi inkluż fi ħdan il-programm ta’ monitoraġġ operazzjoniali riferut hawn fuq fejn, fuq il-bażi tal-istima tal-impatt u l-monitoraġġ ta’ sorveljanza, huma identifikati li jkunu fir-riskju li jonqsu li jilħqu l-għanjiet ambjentali tagħhom taħt l-Artikolu 4. Monitoraġġ irid isir biex issir stima tal-importanza u impatt tal-pressi kollha sinifikanti relevanti fuq dawn il-korpi u, fejn meħtieġ, biex jiġu stmati bdil fl-istat ta’ dawn il-korpi li jirriżultaw mill-programmi ta’ miżuri. Monitoraġġ irid jibqa’ sakemm iż-żoni jissodifaw il-ħtiġiet relatati ma’ l-ilma tal-leġislazzjoni taħt fejn huma nominati u jilħqu l-għanijiet tagħhom taħt l-Artikolu 4. [...] 1.4. Klassifikazzjoni u preżentazzjoni ta’ stat ekoloġiku 1.4.1 Komparabilità ta’ riżultati ta’ monitoraġġ bioloġiku
1.4.2 Preżentazzjoni ta’ riżultati ta’ monitoraġġ u klassifikazzjoni ta’ stat ekoloġiku u potenzjal ekoloġiku
1.4.3 Preżentazzjoni ta’ riżultati ta’ monitoraġġ u klassifikazzjoni ta’ stat kimiku Fejn korp ta’ l-ilma jikseb konformità ma’ l-istandards kollha ta’ kwalità ambjentali stabbiliti fl-Anness IX, l-Artikolu 16 u taħt leġislazzjoni oħra Komunitarja relevanti li tistabbilixxi standards ta’ kwalità ambjentali jrid jiġi reġistrat li jikseb stat kimiku tajjeb. Jekk le, il-korp irid jiġi reġistrat li jonqos milli jikseb stat kimiku tajjeb. [...] 2.4. Monitoraġġ ta’ stat kimiku ta’ l-ilma ta’ taħt l-art 2.4.1 Networks ta’ monitoraġġ ta’ l-ilma ta taħt l-art In-networks ta’ monitoraġġ ta’ l-ilma ta’ taħt l-art iridu jitwaqqfu bi qbil mal-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 7 u 8. In-networks ta’ monitoraġġ iridu jkunu disinjati sabiex jipprovdu diskrezzjoni koerenti u komprensiva tal-istat kimiku ta’ l-ilma ta’ taħt l-art fi ħdan kull baċin tax-xmara u biex jikxfu l-preżenza ta’ direzzjonijiet il-fuq antropoġenikali imdaħħla għal żmien twil f’kontaminati. Fuq il-bażi tal-istima tal-karatterizzazzjoni u tal-impatt magħmula skond l-Artikolu 5 u l-Anness II, l-Istati Membri jridu għal kull perjodu ta’ fejn pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara japplika, iwaqqfu programm ta’ monitoraġġ ta’ sorveljanza. Ir-riżultati ta’ dan il-programm iridu jintużaw biex jitwaqqaf programm ta’ monitoraġġ operazzjonali biex ikun applikat għall-perjodu li fadal tal-pjan. Stimi tal-livell ta’ kunfidenza u preċiżjoni tar-riżultati provduti mill-programmi ta’ monitoraġġ iridu jingħataw fil-pjan. [...]” |
9 |
L-Anness VII tad-Direttiva 2000/60, intitolat “Pjanijiet ta’ l-immaniġġjar tal-baċin tax-xmara”, jipprovdi fil-Parti A tiegħu, punti 7.2 sa 7.10:
[...]” |
Id-dritt Pollakk
Il-Liġi dwar l-ilma
10 |
L-Artikolu 113 tal-Liġi dwar l-ilma tat-18 ta’ Lulju 2001 (Dz. U. de 2001, Nru 115, pożizzjoni 1229), fil-verżjoni applikabbli tiegħu tat-28 ta’ Awwissu 2010 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-ilma”), jipprovdi: “[...] 4. Ir-reġistru taż-żoni protetti jinkludi l-listi:
|
11 |
L-Artikolu 113a tal-Liġi dwar l-ilma jipprovdi: “[...] 2. Il-miżuri bażiċi msemmija fil-paragrafu 1 huma intiżi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet minimi u jinkludu: [...]
[...] 4. Matul l-elaborazzjoni tal-programm nazzjonali idro-ambjentali, għandhom isiru l-analiżi ekonomiċi tal-użu tal-ilma billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż tas-servizzi marbutin mal-użu tal-ilma kif ukoll projezzjonijiet għal żmien twil dwar is-sodisfazzjon tal-bżonnijiet fil-qasam tal-użu tar-riżorsi tal-ilma fil-baċini tax-xmara. [...]” |
12 |
L-Artikolu 114 tal-Liġi dwar l-ilma jipprovdi: “1. Il-pjan tal-immaniġġar tal-baċin tax-xmara jinkludi l-elementi li jmiss:
[...] 4. L-aġġornament tal-pjan ta’ mmaniġġar tal-baċin tax-xmara għandu jinkludu, minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1:
[...]” |
13 |
L-Artikolu 155a tal-Liġi dwar l-ilma jipprovdi: “1. Il-monitoraġġ tal-ilma intiż li jikseb informazzjoni fuq l-istat tal-ilma tal-wiċċ u l-ilma ta’ taħt l-art għall-bżonnijiet tal-ippjanar tal-immaniġġar tal-ilma u tal-evalwazzjoni tat-twettiq tal-għanijiet ambjentali. 2. L-analiżi u l-evalwazzjoni tal-istat tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art jitwettqu fil-kuntest tal-monitoraġġ nazzjonali tal-ambjent. 3. L-ispettur reġjonali fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent iwettaq l-analiżi tal-ilma tal-wiċċ fir-rigward tal-parametri fisjo-kimiċi, kimiċi u bioloġiċi. 4. Is-servizz idroloġiku-meteoroloġiku nazzjonali jwettaq l-analiżi tal-ilma tal-wiċċ fir-rigward tal-parametri idroloġiċi u morfoloġiċi. 5. Is-servizz idroloġiku nazzjonali janalizza u jevalwa l-istat tal-ilma ta’ taħt l-art fir-rigward tal-parametri fisjo-kimiċi u kwantitattivi. 6. Fil-każijiet debitament motivati, l-ispettur reġjonali fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent iwettaq, bi ftehim mas-servizz idroloġiku nazzjonali, analiżi supplimentari li tkopri parametri fisjo-kimiċi tal-ilma ta’ taħt l-art u jipprovdi r-riżultati ta’ dawn l-analiżi, permezz tal-intermedjarju tal-ispettur prinċipali fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent, għas-servizz idroloġiku nazzjonali. 7. F’każijiet debitament motivati, l-ispettur prinċipali fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent iwettaq, bi ftehim mal-President tal-amministrazzjoni nazzjonali tal-ilma, fuq il-bażi tar-riżultati tal-analiżi msemmija fil-paragrafi 3 sa 6, evalwazzjoni eżawrjenti tal-istat tal-ilma fil-baċin tax-xmara billi jieħu inkunsiderazzjoni t-tqassim f’żoni idriċi u, jekk l-ispeċifikazzjonijiet tal-analiżi jiġġustifikawha, jwettaq l-analiżi msemmija fil-paragrafu 2.” |
Il-Liġi dwar il-protezzjoni tal-ambjent
14 |
L-Artikolu 25(2) tal-Liġi dwar il-protezzjoni tal-ambjent tas-27 ta’ April 2001 (Dz. U. Nru 62, pożizzjoni 627, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-protezzjoni tal-ambjent”) jipprovdi li l-monitoraġġ tal-ambjent mill-Istat jikkonsisti f’sistema ta’ miżura, ta’ evalwazzjoni u ta’ dijanjosi tal-istat ekoloġiku u ta’ ġbir, ta’ pproċessar u ta’ tixrid ta’ informazzjoni dwar l-ambjent. |
15 |
Skont l-Artikolu 25(3) ta’ din il-liġi, il-monitoraġġ tal-ambjent mill-Istat jikkontribwixxi għall-miżuri ta’ protezzjoni tal-ambjent permezz tal-informazzjoni sistematika tal-awtoritajiet tal-amministrazzjoni u tal-pubbliku dwar: “[...]
|
Il-Liġi dwar il-protezzjoni tan-natura
16 |
Bis-saħħa tal-Artikolu 112 tal-Liġi dwar il-protezzjoni tan-natura tal-14 ta’ Mejju 2013 (verżjoni kkonsolidata tal-Liġi tas-16 ta’ April 2004, Dz. U. tal-2013, pożizzjoni 627, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-protezzjoni tan-natura”), il-monitoraġġ tal-ambjent mill-Istat jinkludi monitoraġġ ambjentali tad-diversità bijoloġika u tal-pajsaġġ. |
17 |
Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li l-monitoraġġ ambjentali jikkonsisti fl-osservazzjoni u l-eżaminazzjoni tal-istat u l-modifiki tal-komponenti tad-diversità bijoloġika u tal-pajsaġġ, inkluż fih it-tipi ta’ habitats naturali u l-ispeċji ta’ interess tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-tipi ta’ habitats naturali u l-ispeċji prijoritarji, kif ukoll li tiġi eżaminata l-effettività tal-metodi ta’ protezzjoni tan-natura. |
Ir-Regolament tat-3 ta’ Ottubru 2005
18 |
Ir-regolament tal-Ministeru tal-Ambjent tat-3 ta’ Ottubru 2005 dwar il-kundizzjonijiet partikolari li għandhom jissodisfaw id-dokumenti idroloġiċi u ġeoloġiċi-inġinerija (Dz. U. Nru 201, iktar ’il quddiem ir-“Regolament tat-3 ta’ Ottubru 2005”), jistabbilixxi fil-punt 13 tal-Artikolu 2(1) u (2) tiegħu: “1. Għall-iskopijiet ta’ dan l-Att, huma applikabbli definizzjonijiet li ġejjin: [...]
[...] 2. Ir-riżorsi disponibbli f’ilma ta’ taħt l-art taż-żona ta’ bilanċ stabbiliti fid-dokumentazzjoni idroloġika jippermettu:
[...]” |
Ir-Regolament tat-23 ta’ Lulju 2008
19 |
L-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Ministeru tal-Ambjent tat-23 ta’ Lulju 2008 dwar il-kriterji u l-modalitajiet ta’ evalwazzjoni tal-istat tal-ilma ta’ taħt l-art (Dz. U. Nru 143, pożizzjoni 896, iktar ’il quddiem ir-“Regolament tat-23 ta’ Lulju 2008”) jipprovdi: “Il-klassifikazzjoni tal-istat tal-ilma ta’ taħt l-art skont il-parametri fisjo-kimiċi tibbaża fuq il-ħames klassijiet kwalitattivi li jmiss: [...]
[...]” |
20 |
L-Artikolu 8(2) sa (4) tal jipprovdi: “2. L-evalwazzjonijiet tal-istat kwantitattiv tal-ilma ta’ taħt l-art isiru fuq il-korpi uniformi tal-ilma ta’ taħt l-art partikolari. [...] 3. L-evalwazzjoni tal-istat kwantitattiv tal-ilma ta’ taħt l-art isseħħ billi tiġi determinata l-importanza tar-riżervi tar-riżorsi fil-korpi uniformi ta’ ilma ta’ taħt l-art u billi jiġu interpretati r-riżultati tal-kontrolli li jkopru s-sitwazzjoni tal-mera tal-ilma ta’ taħt l-art. [...] 4. L-importanza tar-riżervi tar-riżorsi f’ilma ta’ taħt l-art hija ddeterminata permezz ta’ paragun tal-estrazzjoni reali medja fuq diversi snin li tirriżulta mill-punti ta’ estrazzjonijiet tal-ilma ta’ taħt l-art, espressa f’m3 / ġurnata bil-volum tar-riżervi tal-ilma ta’ taħt l-art disponibbli għall-ġestjoni, espressa f’m3 / ġurnata, stabbiliti fuq il-bażi tar-riżorsi disponibbli stabbiliti għal żona f’bilanċ, li jinkludu korp partikolari uniformi tal-ilma ta’ taħt l-art; meta korp tal-ilma ta’ taħt l-art partikolari ma hijiex kompletament koperta minn żona ta’ bilanċ li għaliha r-riżorsi disponibbli ġew determinati, huwa possibbli li jitwettaq il-paragun billi jiġi bbażat fuq il-kalkolu tal-użu tar-riżorsi ppjanat sa fejn ir-riżorsi disponibbli jkunu determinati għal dan il-korp ta’ ilma.” |
Ir-Regolament tal-20 ta’ Awwissu 2008
21 |
Ir-regolament tal-Ministeru tal-Ambjent tal-20 ta’ Awwissu 2008 dwar il-modalitajiet tal-klassifikazzjoni tal-istat tal-korpi uniformi tal-ilma tal-wiċċ (Dz. U. Nru 162, pożizzjoni 1008, iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-20 ta’ Awwissu 2008”), jistabbilixxi fil-Parti B, punt XIV tal-Anness 6 tiegħu: “Klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ u interpretazzjoni tar-riżultati tal-analiżi tal-indikaturi ta’ kwalità tal-ilma skont il-parametri fisjo-kimiċi, bijoloġiċi u idromorfoloġiċi [...]
[...]
|
22 |
Il-Parti B, punt XV, tal-Anness 7 tar-Regolament tal-20 ta’ Awwissu 2008 tipprovdi: “Klassifikazzjoni tal-potenzjal ekoloġiku tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ artifiċjali u mmodifikati ħafna, u interpretazzjoni tar-riżultati tal-analiżi tal-indikaturi ta’ kwalità tal-ilma skont il-parametri fisjo-kimiċi, bijoloġiċi u idromorfoloġiċi [...]
[...]
|
Ir-Regolament tat-13 ta’ Mejju 2009
23 |
Punt 3 tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Ministeru tal-Ambjent tat-13 ta’ Mejju 2009 dwar il-modalitajiet ta’ ġestjoni tal-monitoraġġ tal-korpi uniformi tal-ilma tal-wiċċ u tal-ilma ta’ taħt l-art (Dz. U. Nru 81, pożizzjoni 685, iktar ’il quddiem ir-“Regolament tat-13 ta’ Mejju 2009”) jipprovdi: “Il-monitoraġġ operazzjonali tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ jitwettaq bl-għanijiet li ġejjin: [...]
|
24 |
L-Anness 1 tar-Regolament tat-13 ta’ Mejju 2009 jipprovdi: “[...]
|
25 |
Ir-“Rimarki taħt it-Tabella 2” li jidhru fir-Regolament tat-13 ta’ Mejju 2009 jistabbilixxu: “[...]
|
Ir-Regolament tat-18 ta’ Ġunju 2009
26 |
L-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill tal-Ministri tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar il-portata speċifika tal-elaborazzjoni tal-pjanijiet ta’ mmaniġġar tal-baċin tax-xmara (Dz. U. Nru 106, pożizzjoni 882, iktar ’il quddiem ir-“Regolament tat-18 ta’ Ġunju 2009”) jipprovdi: “Il-kuntest dettaljat tal-informazzjoni neċessarja fl-istabbiliment tal-pjanijiet ta’ mmaniġġar tal-baċin tax-xmara jinkludi: [...]
[...]
[...]
|
27 |
Punt 11 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tat-18 ta’ Ġunju 2009 jipprovdi li l-informazzjoni partikolari meħtieġa biex jiġi stabbilit pjan ta’ mmaniġġar ta’ baċin tax-xmara tinkludi sommarju tal-miżuri inklużi fil-programm nazzjonali li jikkonċerna l-ilma u l-ambjent imsemmija, attwalment, fl-Artikolu 113b tal-Liġi dwar l-ilma. |
28 |
L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Matul id-definizzjoni tal-għanijiet ambjentali għall-korpi tal-ilma u ż-żoni protetti, għandhom jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti li ġejjin: [...]
|
Ir-Regolament tal-15 ta’ Novembru 2011
29 |
Konformement mal-Artikolu4(1) tar-Regolament tal-Ministeru tal-Ambjent tal-15 ta’ Novembru 2011 dwar il-modalitajiet ta’ ġestjoni tal-monitoraġġ tal-korpi uniformi tal-ilma tal-wiċċ u tal-ilma ta’ taħt l-art (Dz. U. Nru 258, pożizzjoni 1550, iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-15 ta’ Novembru 2011”) wieħed mill-modi ta’ kif jiġu mmonitorjati l-korpi uniformi tal-ilma tal-wiċċ huwa li jiġu mmonitorjati ż-żoni protetti. |
30 |
L-Artikolu 5(4) tar-Regolament tal-15 ta’ Novembru 2011 jipprovdi: “Monitoraġġ taż-żoni protetti huwa introdott sabiex:
[...]
[...]” |
31 |
Bis-saħħa tal-punt 7 tat-Taqsima 1 tal-Anness 1 tal-imsemmi regolament, wieħed mill-kriterji ta’ selezzjoni tal-korpi uniformi tal-ilma tal-wiċċ li kellu jiġi mmonitorjat fil-kuntest tal-monitoraġġ dijanjostiku huwa relatat mal-eżistenza ta’ korpi tal-ilma uniformi fuq iż-żoni protetti, intiżi għall-protezzjoni tal-habitats jew tal-ispeċji li għalihom iż-żamma jew it-titjib tal-istat tal-ilma huwa fattur importanti tal-protezzjoni tagħhom, kif imsemmija fil-punt 6 tal-Artikolu 113(4) tal-Liġi dwar l-ilma. |
32 |
Bis-saħħa tal-punt 9 tat-Taqsima 2 tal-Anness 1 tar-Regolament tal-15 ta’ Novembru 2011, wieħed mill-kriterji ta’ selezzjoni għall-monitoraġġ fil-kuntest tal-monitoraġġ operazzjonali huwa relatat mal-identifikazzjoni, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tal-effetti ta’ pressjonijiet importanti antropoġeniċi fuq l-istat tal-ilma tal-wiċċ u tal-monitoraġġ dijanjostiku, ta’ korpi uniformi tal-ilma tal-wiċċ li jeżistu f’żoni protetti msemmija fil-punt 6 tal-Artikolu 113(4) tal-Liġi dwar l-ilma, u li tirriskja li ma tissodisfax l-għanijiet tagħhom ambjentali. |
33 |
Bis-saħħa tal-punt 25 tal-Parti V tal-Anness 2 tal-imsemmi regolament, il-monitoraġġ taż-żoni protetti huwa segwit sakemm iż-żoni jkunu konformi mar-rekwiżiti previsti mid-dispożizzjonijiet partikolari li bdewhom u li huma jissodisfaw l-għanijiet ambjentali msemmija fl-Artikolu 38d(1) u (2) u l-Artikolu 38f tal-Liġi dwar l-ilma. |
34 |
L-Anness 3 tal-istess regolament jiddefinixxi l-portata u l-frekwenza tal-istudji li jwettqu għall-parametri differenti ta’ klassifikazzjoni tal-istat ekoloġiku u kimiku tal-korpi uniformi tal-ilma tal-wiċċ, l-istess li l-portata tal-istudji relatati mal-parametri differenti ta’ klassifikazzjoni tal-potenzjal ekoloġiku u tal-istat kimiku tal-korpi uniformi tal-ilma tal-wiċċ artifiċjali u mmodifikati ħafna, li tagħhom il-korpi uniformi tal-ilma li jaqgħu taħt iż-żoni ta’ protezzjoni. It-Tabella Nru 1 tal-imsemmi Anness 3 tipprovdi lista ta’ indikaturi u ta’ parametri ta’ studji tal-monitoraġġ dijanjostiku, komposta minn:
|
Il-proċedura prekontenzjuża
35 |
Fis-27 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni indirizzat lir-Repubblika tal-Polonja ittra ta’ intimazzjoni li fiha ddenunzjat lakuni fil-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/60 li ġew innotifikati lilha u ddikjarat li dan l-Istat Membru kien naqas mill-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 2 sa 11, 13, 14 u 24 kif ukoll mill-Annessi II sa V, VII u VIII ta’ din id-direttiva. |
36 |
Ir-Repubblika tal-Polonja wieġbet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni b’ittra tat-22 ta’ Awwissu 2008. |
37 |
Fis-7 ta’ Mejju 2009, ir-Repubblika tal-Polonja nnotifikat lill-Kummissjoni, bħala traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/60, ir-Regolament tat-23 ta’ Lulju 2008. |
38 |
Fl-10 ta’ Lulju ta’ din l-istess sena, ir-Repubblika tal-Polonja nnotifikat lill-Kummissjoni r-Regolament tat-18 ta’ Ġunju 2009. |
39 |
Fis-6 ta’ Ottubru 2009, ir-Repubblika tal-Polonja nnotifikat lill-Kummissjoni, tliet regolamenti oħra, jiġifieri r-Regolamenti tal-20 ta’ Awwissu 2008, 13 ta’ Mejju 2009 u 22 ta’ Lulju 2009. |
40 |
Fit-28 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika tal-Polonja opinjoni motivata u stiednet lil din tal-aħħar tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ din l-opinjoni, fi żmien xahrejn minn meta tirċieviha. Dan it-terminu skada fit-28 ta’ Awwissu 2010. |
41 |
F’din l-opinjoni motivata, il-Kummissjoni indikat li d-dritt Pollakk ma kienx jassigura traspożizzjoni kompleta u adattata tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/60 elenkati fl-ittra ta’ intimazzjoni. |
42 |
Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Awwissu 2010, ir-Repubblika tal-Polonja wieġbet għal din l-opinjoni motivata. |
43 |
It-traspożizzjoni tad-Direttiva 2006 kienet is-suġġett ta’ diskussjonijiet, fit-28 ta’ Settembru 2010, bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Pollakki. Seħħew laqgħat ta’ xogħol fuq dan is-suġġett fit-12 ta’ Ottubru 2010 u fit-22 ta’ Marzu 2011. |
44 |
Fit-23 ta’ Frar 2011, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, ir-Repubblika tal-Polonja nnotifikat lill-Kummissjoni l-Liġi tal-5 ta’ Jannar 2011 li temenda l-Liġi fuq l-ilma u ċerti liġijiet oħra (Dz. U. Nru 32, pożizzjoni 159, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-5 ta’ Jannar 2011”), li daħlet fis-seħħ fit-18 ta’ Marzu 2011. |
45 |
Fit-30 ta’ Novembru u s-7 ta’ Diċembru 2011, ir-Repubblika tal-Polonja nnotifikat barra minn hekk lill-Kummissjoni, bħala traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/60, ir-regolamenti li ġejjin:
|
46 |
Għalkemm dawn ir-regolamenti u l-Liġi tal-5 ta’ Jannar 2011 kienu ġew adottati wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri fit-28 ta’ Awwissu 2010, il-Kummissjoni ħadithom inkunsiderazzjoni bil-kundizzjoni li d-dispożizzjonijiet il-ġodda jġieħlu jisparixxu n-nuqqasijiet osservati qabel. |
47 |
Fid-29 ta’ Marzu 2013, ir-Repubblika tal-Polonja nnotifikat lill-Kummissjoni r-Regolament tal-Kunsill tal-Ministri tad-29 ta’ Marzu 2013 dwar il-portata speċifika tal-iżvilupp tal-pjanijiet ta’ mmaniġġar tal-baċini tax-xmara (Dz. U. pożizzjoni 578, iktar ’il quddiem ir-“Regolament tad-29 ta’ Marzu 2013”), li daħal fis-seħħ fl-20 ta’ Mejju 2013. Il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni dan ir-regolament sa fejn ġiegħel li jisparixxu n-nuqqasijiet osservati qabel. |
48 |
Fid-dawl tar-risposti u tal-atti leġiżlattivi nnotifikati, il-Kummissjoni, peress li kkanċellat parti mill-ilmenti tagħha, ikkunsidrat li s-sitwazzjoni baqgħet insodisfaċenti fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/60 u, għaldaqstant, iddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors. |
49 |
Fl-20 ta’ Novembru 2014, ir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja indirizza lill-partijiet ittra ta’ konvokazzjoni għas-seduta tal-15 ta’ Jannar 2015, li fiha l-Kummissjoni kienet, b’mod partikolari, mistiedna li tipproduċi, għat-8 ta’ Diċembru l-iktar tard, u dan bil-lingwa tal-proċedura u bil-lingwa Franċiża, it-test integrali tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti li jistgħu jagħtu prova tat-traspożizzjoni inkorretta jew inkompleta tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/60 li kienu fis-seħħ fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. |
50 |
Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni bagħtet id-dokumenti mitluba u, barra minn hekk, informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li r-rikors promotur f’din il-kawża ma kienx isemmi l-eżistenza tal-opinjoni motivata supplimentari li kienet bagħtet lir-Repubblika tal-Polonja fit-28 ta’ Frar 2012 (iktar ’il quddiem l-“opinjoni motivata supplimentari”). Fl-opinjoni motivata, ir-Repubblika tal-Polonja ġiet mistiedna tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha, fi żmien xahar, mir-riċezzjoni tal-imsemmija opinjoni, li interveniet hija wkoll fit-28 ta’ Frar 2012. |
51 |
Fl-opinjoni motivata supplimentari, il-Kummissjoni, wara li evalwat ir-Regolament tal-15 ta’ Novembru 2011, ikkonstatat, b’mod addizzjonali lmenti mqajma fl-opinjoni motivata tagħha tat-28 ta’ Ġunju 2010, traspożizzjoni inkorretta tal-ewwel inċiż (i) tal-Artikolu 8(1) u tal-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2000/60 kif ukoll tal-punti 1.1 u 1.3 tal-Anness V ta’ din id-direttiva. |
52 |
Madankollu, wara l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-Repubblika tal-Polonja, fit-28 ta’ Marzu 2012, f’risposta għall-opinjoni motivata supplimentari, il‑Kummissjoni ddeċidiet li ma tipproċedix quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-ilment imqajjem fl-imsemmija opinjoni. |
Fuq ir-rikors
Fit-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata supplimentari
53 |
Għandu jiġi rrilevat li, matul is-seduta, ir-Repubblika tal-Polonja ddikjarat li l-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata teżamina, f’din il-kawża, l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fid-data għall-estensjoni tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata supplimentari, jiġifieri fit-28 ta’ Marzu 2012, u mhux għat-tmiem tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata oriġinali, din fir-rigward tal-ilmenti kollha u mhux l-uniku lment invokat fl-opinjoni motivata supplimentari. |
54 |
Il-Kummissjoni targumenta li, wara l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-Repubblika tal-Polonja f’risposta għall-opinjoni motivata supplimentari, hija ddeċidiet li ma tipproċedix quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-ilment distint imqajjem fl-imsemmija opinjoni u li kien għal dan ir-raġuni li dan ma kienx jidher fir-rikors promotur tagħha. |
55 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, ċertament, indirizzat l-opinjoni motivata supplimentari lir-Repubblika tal-Polonja, li fiha kienet ġiet stabbilita data oħra minn dik stabbilita fl-opinjoni motivata tat-28 ta’ Ġunju 2010 sabiex dan l-Istat Membru jikkonforma ruħu mal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2000/60. |
56 |
Madankollu, mill-kliem tal-opinjoni motivata supplimentari jirriżulta li din tal-aħħar kienet tikkonċerna lment uniku speċifikament limitat, distint mill-ilmenti mqajma fl-opinjoni motivata tat-28 ta’ Ġunju 2010, u li t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata supplimentari mill-Kummissjoni kien b’mod inseparabbli u esklużiv marbut ma’ dan l-ilment, mingħajr ma jitqiegħed inkwistjoni t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tat-28 ta’ Ġunju 2010. |
57 |
Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, l-ilment imqajjem fl-opinjoni motivata supplimentari ma huwiex is-suġġett ta’ dan ir-rikors, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-Istat Membru kif hija tippreżenta ruħha fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata oriġinali, jiġifieri fit-28 ta’ Awwissu 2010. |
Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq traspożizzjoni mhux kompleta u mhux korretta tad-definizzjonijiet li jidhru fil-punti 19, 20, 26 u 27 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60
L-argumenti tal-partijiet
58 |
Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li wħud mid-definizzjonijiet li jidhru fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60 ma humiex trasposti fid-dritt nazzjonali. F’dan ir-rigward, hija tal-opinjoni li għandhom jiġu riprodotti, b’mod litterali, fl-atti nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, id-definizzjonijiet li jidhru fil-punti 19, 20, 26 u 27 tagħha sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-imsemmija direttiva fl-Istat Membru kkonċernat. |
59 |
Fir-rigward tad-definizzjonijiet tal-kliem “Stat ta’ l-ilma ta’ taħt l-art”, “Stat tajjeb ta’ ilma ta’ taħt l-art” u “Stat kwantitattiv”, li jidhru fil-punti 19, 20 u 26 tad-Direttiva 2000/60, il-Kummissjoni tfakkar li r-Repubblika tal-Polonja, matul il-proċedura prekontenzjuża, ma kkontestatx l-ilment li jirrigwarda l-assenza ta’ traspożizzjoni distinta ta’ dawn id-definizzjonijiet u li hija rrapportat li “kienet qed tagħmel dak kollu possibbli biex tirrimedja dawn in-nuqqasijiet billi tinserixxi d-definizzjonijiet adegwati fit-testi tal-liġi jew fid-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tagħhom”. |
60 |
F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari d-definizzjoni tal-kliem “Stat ta’ l-ilma ta’ taħt l-art”, il-Kummissjoni targumenta li, jekk huwa veru li r-Regolament tat-23 ta’ Lulju 2008 introduċa d-definizzjoni tal-kliem “Stat kimiku tajjeb ta’ ilma ta’ taħt l-art” u “Stat tajjeb kwantitattiv”, id-definizzjoni tal-kliem “Stat ta’ l-ilma ta’ taħt l-art”, li hija indispensabbli għat-traspożizzjoni korretta u għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/60 u tal-punt 2.5 tal-Anness V ta’ din id-direttiva, madankollu, hija nieqsa. It-traspożizzjoni ta’ din id-definizzjoni hija partikolarment importanti meta mqabbla mar-rekwiżit li jgħid li stat tal-ilma ta’ taħt l-art hija stabbilita mill-ifqar valur tal-istat kwantitattiv tagħha u tal-istat kimiku tagħha. |
61 |
Fir-rigward tad-definizzjoni tal-kliem “Stat tajjeb ta’ ilma ta’ taħt l-art”, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tat-23 ta’ Lulju 2008 ma ttrasponiex b’mod korrett l-imsemmija definizzjoni sa fejn jipprovdi li jaqgħu taħt il-Klassi II tal-ilmijiet li fihom, l-ewwel nett, il-valuri ta’ ċerti parametri fisjo-kimiċi huma għoljin minħabba proċessi naturali li jseħħu fl-ilmijiet ta’ taħt l-art u, it-tieni nett, il-valuri tal-parametri fisjo-kimiċi ma jindikawx l-effett tal-attività tal-bniedem jew billi tindika waħda baxxa ħafna. |
62 |
Madankollu, skont il-Kummissjoni, il-punt 20 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60 jipprovdi bl-iktar ċarezza kbira li l-“[Is]tat tajjeb ta’ ilma ta’ taħt l-art” huwa l-istat milħuq minn korp tal-ilma ta’ taħt l-art meta l-istat kwantitattiv u l-istat kimiku tiegħu huma għall-inqas “tajbin”. Konsegwentement, id-definizzjoni li tidher fir-Regolament tat-23 ta’ Lulju 2008, sa fejn tirrigwarda biss il-parametri fisjo-kimiċi tal-ilmijiet u mhux l-istat kwantitattiv tagħhom, ma jikkorrispondix għall-portata iktar wiesgħa tad-definizzjoni li tidher fl-imsemmija direttiva. |
63 |
Madankollu, id-definizzjoni tal-“[Is]tat tajjeb ta’ ilma ta’ taħt l-art” hija essenzjali biex tiżgura t-traspożizzjoni korretta u l-applikazzjoni tal-obbligu impost fl-Artikolu 4(1)(b)(ii) tad-Direttiva 2000/60, li jipprovdi li l-Istati Membri huma obbligati li jiksbu stat tajjeb tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art. Skont il-Kummissjoni, it-traspożizzjoni tal-imsemmija definizzjoni hija wkoll essenzjali għall-applikazzjoni tad-derogi għal dan l-obbligu, jiġifieri tad-deroga li tippermetti li jintlaħqu għanijiet ambjentali inqas stretti, prevista fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2000/60, jew ta’ dik li tippermetti li jiġu introdotti emendi ġodda jew tibdiliet tal-livell tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art, peress li din tal-aħħar hija prevista fl-Artikolu 4(7) tal-imsemmija direttiva. Fl-assenza tad-definizzjoni tal-kliem “Stat tajjeb ta’ ilma ta’ taħt l-art”, ma huwiex possibbli, mingħajr ma wieħed jirrikorri r-riskju li ma jintlaħqux l-għanijiet ambjentali, li jiġu introdotti derogi għall-imsemmi obbligu. |
64 |
Fir-rigward tad-definizzjoni tal-kliem “Stat kwantitattiv”, li, skont il-punt 26 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60, “hija espressjoni tal-grad ta’ fejn korp ta’ l-ilma ta’ taħt l-art huwa affetwat b’estrazzjonijiet diretti u indiretti”, il-Kummissjoni ssostni traspożizzjoni mhux korretta mill-Artikolu 8 tar-Regolament tat-23 ta’ Lulju 2008. Dan l-Artikolu 8(2) jipprovdi li “l-evalwazzjonijiet tal-istat kwantitattiv tal-ilma ta’ taħt l-art isiru fuq il-korpi uniformi tal-ilma ta’ taħt l-art”, filwaqt li l-imsemmi Artikolu 8(3) jipprovdi li “l-evalwazzjoni tal-istat kwantitattiv tal-ilma ta’ taħt l-art isseħħ billi tiġi determinata l-importanza tar-riżervi tar-riżorsi fil-korpi uniformi ta’ ilma ta’ taħt l-art u billi jiġu interpretati r-riżultati tal-kontrolli li jkopru s-sitwazzjoni tal-mera tal-ilma ta’ taħt l-art. [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
65 |
Skont il-Kummissjoni, l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt Pollakk ma jagħmlux riferiment għall-estrazzjonijiet diretti u indiretti, lanqas għall-effett tagħhom fuq il-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art. Madankollu, id-definizzjoni tal-“[i]stat kwantitattiv” hija essenzjali biex tiżgura t-traspożizzjoni korretta u l-applikazzjoni tar-rekwiżiti li jidhru fid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 8 u tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, kemm fil-qasam tal-kwalifika tal-istat kwantitattiv tal-ilma kif ukoll f’dak tal-monitoraġġ ta’ dan l-istat, konformement mal-punti 2.1 u 2.2 tal-imsemmi anness. |
66 |
Fir-rigward tad-definizzjoni tal-kliem “Riżorsi disponibbli ta’ l-ilma ta’ taħt l-art”, li tidher fil-punt 27 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60, il-Kummissjoni tfakkar li, fir-risposta tagħha għall-opinjoni motivata, ir-Repubblika tal-Polonja kkonfermat li dawn il-kliem ma jidhrux kif inhuma fil-leġiżlazzjoni Pollakka. Il-punt 13 tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament tat-3 ta’ Ottubru 2005 fih il-kunċett ta’ “riżorsi disponibbli tal-ilma”, definit bħala “l-kwantità ta’ ilma ta’ taħt l-art li wieħed jista’ jestratta f’żona f’ekwilibriju fil-kundizzjonijiet ambjentali u idroloġiċi determinati, mingħajr indikazzjoni tal-lokazzjoni partikolari lanqas kundizzjonijiet tekniċi jew ekonomiċi fil-qasam ta’ estrazzjoni tal-ilma”. |
67 |
Madankollu, skont il-Kummissjoni, mill-analiżi tal-ordinament ġuridiku Pollakk jirriżulta ċarament li ebda wieħed mill-elementi tad-definizzjoni li jidhru fil-punt 27 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60 ma jeżisti fid-dritt Pollakk. |
68 |
Barra minn hekk, ma teżisti ebda relazzjoni bejn il-kliem “riżorsi disponibbli ta’ l-ilma ta’ taħt l-art” li jidhru fid-Direttiva 2000/60 u l-kliem li jidhru fir-Regolament tat-3 ta’ Ottubru 2005, jiġifieri l-“estrazzjoni tal-ilma” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Tal-ewwel jikkorrispondu fil-fatt għal proċessi naturali mingħajr interferenza tal-bniedem. L-imsemmija interferenza, li tikkaratterizza l-estrazzjoni tal-ilma, taqa’ taħt il-punt 28 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva. Il-Kummissjoni targumenta li wieħed għandu jżid jgħid li d-definizzjoni tal-kliem “Riżorsi disponibbli ta’ l-ilma ta’ taħt l-art” li tidher fil-punt 27 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, tagħmel riferiment għall-obbligu ta’ monitoraġġ imsemmi fil-punt 2.2.1 tal-Anness V tagħha, li jirrigwarda daqstant tajjeb il-proċessi naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem. Jekk dawn iż-żewġ kategoriji jibqgħu mhux iddifferenzjati, ikun hemm riskju li l-effetti tal-intervent tal-bniedem ma jkunux koperti. Konsegwentement ikun diffiċli li jiġi ddeterminat b’mod adegwat il-miżuri li għandhom jittieħdu biex jiggarantixxu stat tajjeb tal-ilma konformement mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60. |
69 |
Skont il-Kummissjoni, l-imsemmija kliem tad-Direttiva 2000/60 huma madankollu essenzjali għat-traspożizzjoni korretta u għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 8 u tal-Anness V ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari biex issir kwalifika korretta tal-istat tal-ilma, kif jiddefinixxih il-Punt 1.4 tal-Anness V tal-imsemmija direttiva, kif ukoll monitoraġġ korrett tal-istat kwantitattiv tal-ilma ta’ taħt l-art, kif jipprovdi l-Punt 2.2 tal-Anness V tagħha. |
70 |
Fir-rigward tal-ewwel ilment, ir-Repubblika tal-Polonja tfakkar qabelxejn il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li t-traspożizzjoni ta’ direttiva fid-dritt nazzjonali ma teħtieġx neċessarjament riproduzzjoni formali u testwali tad-dispożizzjonijiet tagħha f’dispożizzjoni legali jew regolamentari espressa u speċifika, iżda kuntest ġuridiku ġenerali jista’ jkun suffiċjenti jekk dan jiżgura effettivament l-applikazzjoni sħiħa ta’ din id-direttiva b’mod suffiċjentement ċar u preċiż. |
71 |
Skont ir-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni ma ppreżentat l-ebda raġuni li tista’ tistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li għandhom jittrasponu verbatim il-kunċetti definiti fil-punti 19, 20, 26 u 27 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60 u ma speċifikatx kif in-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ dawn id-definizzjonijiet jista’ jikkomprometti t-twettiq tal-għanijiet tal-imsemmija direttiva. Barra minn hekk, għalkemm il-Kummissjoni tfakkar ir-rabta eżistenti bejn l-imsemmija definizzjonijiet u d-dispożizzjonijiet materjali tad‑Direttiva 2000/60, din l-istituzzjoni bl-ebda mod ma tqiegħed f’dubju r-rilevanza tat-traspożizzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet materjali. |
72 |
Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza li d-definizzjonijiet li l-Kummissjoni tiddenunzja n-nuqqas ta’ traspożizzjoni tagħhom jidhru fl-abbozz tar-riforma tal-liġi fuq l-ilma u ċerti liġijiet oħra. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
73 |
Fir-rigward tal-argument invokat mir-Repubblika tal-Polonja li jgħid li Stat Membru ma huwiex obbligat li jwettaq traspożizzjoni letterali tad-definizzjonijiet ipprovduti mid-Direttiva 2000/60, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, it-traspożizzjoni ta’ direttiva fid-dritt nazzjonali ma teħtieġx neċessarjament riproduzzjoni formali u testwali tad-dispożizzjonijiet tagħha f’dispożizzjoni legali jew regolamentari espressa u speċifika, iżda kuntest ġuridiku ġenerali jista’ jkun suffiċjenti jekk dan jiżgura effettivament l-applikazzjoni sħiħa ta’ din id-direttiva b’mod suffiċjentement ċar u preċiż (ara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑281/11, EU:C:2013:855, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
74 |
Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Polonja ma kinitx f’pożizzjoni li tispeċifika d-dispożizzjonijiet nazzjonali konkreti li jippermettu li jikkonkludu li d-dispożizzjonijiet sostantivi tad-Direttiva 2000/60 li jibbażaw fuq id-definizzjonijiet inkwistjoni, ġew korrettament trasposti. B’hekk, ma jirriżultax mil-leġiżlazzjoni Pollakka li l-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva 2000/60 hija żgurata b’mod suffiċjentement ċar u preċiż. |
75 |
Madankollu, sa fejn l-imsemmija definizzjonijiet iservu li jiggarantixxu traspożizzjoni korretta tal-obbligi li jaqgħu fuq l-Istati Membri konformement mad-dispożizzjonijiet sostantitivi tad-Direttiva 2000/60, huwa essenzjali li jkunu meħudin inkunsiderazzjoni korrettament fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet sostantivi li jużaw il-kliem definiti meta l-Istat Membru jirrinunzja għat-traspożizzjoni distinta tagħhom. |
76 |
Fil-fatt, fir-rigward tal-kliem “Stat ta’ l-ilma ta’ taħt l-art”, li jidhru fil-punt 19 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament tat-23 ta’ Lulju 2008 introduċa d-definizzjoni tal-kliem “Stat kimiku tajjeb ta’ ilma ta’ taħt l-art”, li tidher fil-punt 25 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, u “Stat tajjeb kwantitattiv”, li tidher fil-punt 28 tal-Artikolu 2 kif ukoll fil-punt 2.1.2 tal-Anness V tal-imsemmija direttiva, iżda mhux id-definizzjoni tal-kliem “Stat ta’ l-ilma ta’ taħt l-art”, li hija madankollu essenzjali għat-traspożizzjoni u għall-applikazzjoni korretti tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/60 u tal-punt 2.5 tal-Anness V ta’ din id-direttiva, fid-dawl tal-fatt li l-istat ta’ ilma ta’ taħt l-art huwa ddeterminat mill-agħar valur tal-istat kwantitattiv u tal-istat kimiku tagħha. |
77 |
Barra minn hekk minn ebda att ġuridiku Pollakk ieħor ma jirriżulta li l-imsemmija definizzjoni ġiet trasposta fi dritt Pollakk, konstatazzjoni li r-Repubblika tal-Polonja ma kkontestatx la fl-atti tagħha u lanqas matul is-seduta, li matulha dan l-Istat Membru sempliċement iddikjara li, fil-prattika, ma kellu ebda dubju f’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tad-definizzjonijiet inkwistjoni u li d-dispożizzjonijiet materjali kollha kienu implementati b’mod korrett. |
78 |
F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implementati b’mod li jkollhom saħħa vinkolanti inkontestabbli, bl-ispeċifiċità, bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza meħtieġa sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑281/11, EU:C:2013:855, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
79 |
Minn sempliċi prattiċi amministrattivi, li min-natura tagħhom jistgħu jinbidlu skont il-volontà tal-amministrazzjoni u li huma neqsin minn pubbliċità adegwata, ma jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu t-twettiq validu tal-obbligi ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva. Bl-istess mod, interpretazzjoni, mill-qrati nazzjonali, tad-dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali konformement ma’ dawk ta’ direttiva ma tistax, waħedha, tippreżenta ċ-ċarezza u l-preċiżjoni meħtieġa sabiex ikun issodisfatt ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑281/11, EU:C:2013:855, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
80 |
Fir-rigward tad-definizzjoni tal-kliem “Stat tajjeb ta’ ilma ta’ taħt l-art”, li tidher fil-punt 20 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tat-23 ta’ Lulju 2008 jipprovdi li, taħt il-Klassi II, l-ilma ta’ kwalità tajba hija definita bħala dik li fiha, l-ewwel nett, il-valuri ta’ ċerti parametri fisjo-kimiċi huma għoljin minħabba proċessi naturali li jseħħu fl-ilma ta’ taħt l-art u, it-tieni nett, il-valuri tal-parametri fisjo-kimiċi ma jindikawx l-effett tal-attività tal-bniedem jew billi tindika waħda baxxa ħafna. |
81 |
Madankollu, minn naħa, il-punt 20 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60 jipprovdi espliċitament li l-istat tajjeb ta’ ilma ta’ taħt l-art huwa l-istat milħuq minn korp tal-ilma ta’ taħt l-art meta l-istat kwantitattiv u l-istat kimiku tiegħu huma għall-inqas “tajbin”. Id-definizzjoni li tidher fir-Regolament tat-23 ta’ Lulju 2008, madankollu tikkunsidra biss il-parametri fisjo-kimiċi u ma tikkorrispondix għaldaqstant għall-portata, ħafna iktar wiesgħa, tad-definizzjoni pprovduta mill-imsemmija direttiva. |
82 |
Min-naħa l-oħra, id-definizzjoni tal-“[Is]tat tajjeb ta’ ilma ta’ taħt l-art” hija essenzjali biex tiżgura t-traspożizzjoni korretta u l-applikazzjoni tal-obbligu fundamentali impost fl-Artikolu 4(1)(b)(ii) tad-Direttiva 2000/60, li jipprovdi li l-Istati Membri huma obbligati li jiksbu stat tajjeb tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art. Għaldaqstant, it-traspożizzjoni tad-definizzjoni li tidher fil-punt 20 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva hija wkoll essenzjali għall-applikazzjoni tad-derogi għal dan l-obbligu li jinkiseb stat tajjeb tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art, jiġifieri tad-deroga li tippermetti li jintlaħqu għanijiet ambjentali inqas stretti, kif previst fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2000/60, jew ta’ dik li tippermetti li jiġu introdotti emendi ġodda jew tibdiliet tal-livell tal-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art, stabbilita fl-Artikolu 4(7) ta’ din l-istess direttiva. Mingħajr ma jiġi ddeterminat stat tajjeb ta’ ilma ta’ taħt l-art, ma huwiex possibbli, mingħajr ma wieħed jirrikorri r-riskju li ma jintlaħqux l-għanijiet ambjentali, li jiġu introdotti derogi f’dan ir-rigward. |
83 |
Fir-rigward tal-kunċett ta’ “stat kwantitattiv”, prevista fil-punt 26 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 8(2) tar-Regolament tat-23 ta’ Lulju 2008 jipprovdi li “l-evalwazzjonijiet tal-istat kwantitattiv tal-ilma ta’ taħt l-art isiru fuq il-korpi uniformi tal-ilma ta’ taħt l-art”, filwaqt li l-imsemmi Artikolu 8(3) jipprovdi li “l-evalwazzjoni tal-istat kwantitattiv tal-ilma ta’ taħt l-art isseħħ billi tiġi determinata l-importanza tar-riżervi tar-riżorsi fil-korpi uniformi ta’ ilma ta’ taħt l-art u billi jiġu interpretati r-riżultati tal-kontrolli li jkopru s-sitwazzjoni tal-mera tal-ilma ta’ taħt l-art”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
84 |
Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jittrasponux korrettament id-definizzjoni tal-“[i]stat kwantitattiv” li tidher fid-Direttiva 2000/60, sa fejn il-punt 26 tal-Artikolu 2 tagħha jistabbilixxi li l-istat kwantitattiv hija espressjoni tal-grad ta’ fejn korp tal-ilma ta’ taħt l-art huwa affetwat b’estrazzjonijiet diretti u indiretti. Id-dispożizzjonijiet tad-dritt Pollakk ma jagħmlux riferiment madankollu la għall-estrazzjonijiet diretti u indiretti, lanqas għall-effett tagħhom fuq il-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art. Id-definizzjoni tal-“[i]stat kwantitattiv” hija madankollu essenzjali biex tiżgura t-traspożizzjoni u l-applikazzjoni korretti tar-rekwiżiti li jidhru fid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 8 u tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, kemm fil-qasam tal-kwalifika tal-istat kwantitattiv tal-ilma, previst fil-punt 2.1 ta’ dan l-anness, kif ukoll f’dak tal-monitoraġġ ta’ dan l-istat, konformement mal-punt 2.2 tal-imsemmi anness, minn dan isegwi li l-imsemmija definizzjoni ma ġietx trasposta korrettament fid-dritt Pollakk. |
85 |
Fir-rigward tal-kliem “Riżorsi disponibbli ta’ l-ilma ta’ taħt l-art”, li jidhru fil-punt 27 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60, li d-definizzjoni tagħhom hija kkaratterizzata minn ċerta kumplessità, għandu jitfakkar li r-Repubblika tal-Polonja ssostni li, konformement ma’ prattika stabbilita u ma’ terminoloġija proprja tad-dritt Pollakk, il-punt 13 tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament tat-3 ta’ Ottubru 2005 juża l-espressjoni ekwivalenti “Riżorsi disponibbli tal-ilma” (“zasoby dyspozycyjne wód”) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dan l-Istat Membru jispeċifika li din l-espressjoni ssemmi l-kwantità ta’ ilma ta’ taħt l-art li wieħed jista’ jestratta f’żona f’ekwilibriju fil-kundizzjonijiet ambjentali u idroloġiċi determinati, mingħajr indikazzjoni tal-lokazzjoni partikolari lanqas kundizzjonijiet tekniċi jew ekonomiċi fil-qasam ta’ estrazzjoni tal-ilma. |
86 |
Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja targumenta li d-definizzjoni li tidher fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament tat-23 ta’ Lulju 2008, li tipprovdi li “l-importanza tar-riżervi ta’ riżorsi f’ilma ta’ taħt l-art hija ddeterminata b’paragun mal‑estrazzjoni reali medja fuq diversi snin bl-estrazzjonijiet ta’ ilma ta’ taħt l-art, espressa f’m3/jum, bil-volum tar-riżervi ta’ ilma ta’ taħt l-art disponibbli għall-ġestjoni, espressi f’m3/jum, stabbiliti abbażi tar-riżorsi disponibbli stabbiliti għal żona f’ekwilibriju, li tinkludi massa uniformi partikolari ta’ ilma ta’ taħt l-art” għandha tiġi interpretat konformement mal-punt 13 tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament tat-3 ta’ Ottubru 2005. Finalment, l-Artikolu 38(3) tal-Liġi fuq l-ilma kif ukoll l-Artikolu 97(1) u (2) tal-Liġi fuq il-protezzjoni tal-ambjent għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. |
87 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 78 ta’ din is-sentenza, li hija ġurisprudenza stabbilita li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implementati b’mod li jkollhom saħħa vinkolanti inkontestabbli, bl-ispeċifiċità, bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza meħtieġa sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑281/11, EU:C:2013:855, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
88 |
Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-ilma konformement ma’ diversi dispożizzjonijiet oħra mifruxin f’diversi liġijiet differenti li, minbarra dan, prima facie, ma ttrattawx il-protezzjoni tal-ilma ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti. |
89 |
Barra minn hekk, mill-analiżi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ordinament ġuridiku Pollakk jirriżulta li ebda wieħed mill-elementi tad-definizzjoni li tidher fil-punt 27 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60 ma jeżisti fid-dritt Pollakk sa fejn ma ssirx riferiment la għar-rata ta’ bejn wieħed u ieħor annwali ta’ żmien twil ta’ mili mill-ġdid ġenerali tal-korp tal-ilma ta’ taħt l-art li minnu tnaqqas ir-rata ta’ bejn wieħed u ieħor annwali ta’ żmien twil ta’ tnixxija meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ kwalità ekoloġika għall-ilma tal-wiċċ speċifikat taħt l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, lanqas għar-rekwiżit li jipprovdi li għandhom jiġu evitati kull tnaqqis sinjifikanti fl-istat ekoloġiku ta’ dawn l-ilmijiet u biex tiġi evitata kull ħsara sinjifikanti għal ekosistemi sinjifikanti terrestri. |
90 |
Finalment, kif targumenta l-Kummissjoni, ma teżisti ebda relazzjoni bejn il-kliem “Riżorsi disponibbli ta’ l-ilma ta’ taħt l-art” u l-kliem “estrazzjoni tal-ilma”. Tal-ewwel jikkorrispondu fil-fatt għal proċessi naturali, peress li d-definizzjoni li tidher fid-Direttiva 2000/60 tagħmel riferiment għal stat ta’ ekwilibriju naturali, jiġifieri r-rata ta’ mili mill-ġdid ġenerali tal-korp tal-ilma ta’ taħt l-art li minnu titnaqqas ir-rata ta’ tnixxija, mingħajr l-interferenza tal-bniedem. L-imsemmija interferenza, li tikkaratterizza l-estrazzjoni tal-ilma, taqa’ taħt il-punt 28 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva. Wieħed għandu jżid jgħid li d-definizzjoni li tidher fil-punt 27 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, tagħmel riferiment impliċitu għall-obbligu ta’ monitoraġġ imsemmi fil-punt 2.2.1 tal-Anness V tal-istess direttiva, li jirrigwarda daqstant tajjeb il-proċessi naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem. Jekk dawn iż-żewġ kategoriji jibqgħu mhux iddifferenzjati, ikun hemm riskju li l-effetti tal-intervent tal-bniedem ma jkunux koperti. Konsegwentement ikun diffiċli li jiġi ddeterminat b’mod adegwat il-miżuri li għandhom jittieħdu biex jiggarantixxu stat tajjeb tal-ilma konformement mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60. |
91 |
Mill-argumenti preċedenti jirriżulta li d-definizzjonijiet li jidhru fil-punti 19, 20, 26 u 27 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60 ma kinux jidhru fil-leġiżlazzjoni rilevanti fis-seħħ fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li dan in-nuqqas ta’ traspożizzjoni jista’ jikkomprometti t-twettiq tal-għanijiet segwiti minn din id-direttiva. |
92 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni ppreċiżat, fl-atti tagħha, il-konsegwenzi tal-assenza ta’ traspożizzjoni jew tat-traspożizzjoni inkorretta tad-definizzjonijiet li jidhru fil-punti 19, 20, 26 u 27 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60 fuq it-traspożizzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet sostantivi tagħha u, b’mod partikolari, l-effett tagħhom fuq it-twettiq tal-għanijiet ta’ din id-direttiva. |
93 |
Għalhekk ma huwiex neċessarju, kuntrarjament għal dak li tiddikjara r-Repubblika tal-Polonja, li l-Kummissjoni tqajjem ilmenti relatati mat-traspożizzjoni inkorretta ta’ kull waħda mid-dispożizzjonijiet sostantivi tad-Direttiva 2000/60 li tinkludi jew tagħmel riferiment għad-definizzjonijiet inkwistjoni flimkien mal-ilment relatat mat-traspożizzjoni inkorretta tal-imsemmija definizzjonijiet, previsti fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva. |
94 |
Finalment, għandu jitfakkar li, fir-rigward tad-definizzjonijiet tal-kliem “Stat ta’ l-ilma ta’ taħt l-art”, “Stat tajjeb ta’ ilma ta’ taħt l-art” u “Stat kwantitattiv”, li jidhru fil-punti 19, 20 u 26 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60, ir-Repubblika tal-Polonja, matul il-proċedura prekontenzjuża, ma kkontestatx in-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ dawn id-definizzjonijiet u rrapportat li kienet qiegħda tagħmel dak kollu possibbli biex tirrimedja dawn in-nuqqasijiet billi tinserixxi d-definizzjonijiet adegwati fit-testi tal-liġi jew fid-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni sussegwenti tagħhom. |
95 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel ilment, ibbażat fuq l-assenza ta’ traspożizzjoni kompleta u korretta tad-definizzjonijiet li jidhru fil-punti 19, 20, 26 u 27 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60, għandu jitqies li huwa fondat. |
Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq traspożizzjoni inkompleta tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/60, għal dak li huwa l-monitoraġġ taż-żoni protetti
L-argumenti tal-partijiet
96 |
Il-Kummissjoni tfakkar li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/60 timponi fuq l-Istati Membri monitoraġġ tal-istat tal-ilma tal-wiċċ, tal-ilma ta’ taħt l-art u ż-żoni protetti billi tistabbilixxi u tapplika programmi ta’ monitoraġġ. |
97 |
Fir-rigward taż-żoni protetti, it-tielet inċiż ta’ din id-dispożizzjoni jipprovdi li l-programmi ta’ monitoraġġ iridu jiġu msaħħa bl-ispeċifikazzjonijiet li jinsabu fil‑leġiżlazzjoni tal-Unjoni taħt liema bażi żona protetta ġiet stabbilita. Il-Kummissjoni targumenta li, għalkemm dawn l-elementi jinsabu fid-dispożizzjonijiet rilevanti Pollakki fir-rigward tal-ilma użat għall-għawm jew tal-estrazzjoni tal-ilma ddestinat għall-konsum, hija tikkonstata l-assenza tar-rekwiżiti adegwati li jikkorrispondu għall-ispeċifikazzjonijiet taż-żoni stabbiliti konformement mad-Direttivi tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102), u 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7), jiġifieri taż-żoni indikati “Natura 2000”. Minbarra dan, għal dak li huma żoni protetti, il-kontrolli addizzjonali ta’ monitoraġġ previsti fil-punt 1.3.5 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 ma jiġux lanqas trasposti kif jixraq fl-ordinament ġuridiku Pollakk. |
98 |
Il-Kummissjoni targumenta li, fir-risposta tagħha għall-opinjoni motivata, ir-Repubblika tal-Polonja rrikonoxxiet li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/60 ma ġietx korrettament trasposta u indikat li l-emenda tar-Regolament tat-13 ta’ Mejju 2009 ser tiżgura traspożizzjoni korretta ta’ din id-dispożizzjoni. |
99 |
L-analiżi tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Pollakka li tistabbilixxi l-programmi ta’ monitoraġġ taż-żoni protetti Natura 2000 turi li, għalkemm monitoraġġ operazzjonali tipprovdi monitoraġġ ta’ ċerti sustanzi kimiċi li minnhom, pereżempju, il-ħadid jew ir-ram, il-monitoraġġ ta’ dawn is-sustanzi ma jippermettix, madankollu, li jiġi kkonstatat l-effett fuq il-monitoraġġ tal-ilma ta’ dawn iż-żoni protetti. Il-leġiżlazzjoni Pollakka ma stabbilietx fatturi li jippermettu li jiġi ddeterminat l-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet u l-habitats b’konnessjoni mal-ilma. Ma jistax jiġi kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet Pollakki jittrasponu korrettament il-bżonn li jiġu kkompletati l-programmi ta’ monitoraġġ permezz tal-ispeċifikazzjonijiet inklużi fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li fuq il-bażi tiegħu l-imsemmija żoni ġew stabbiliti, għal dak li huma żoni stabbiliti konformement mad-Direttivi 92/43 u 2009/147. |
100 |
Il-Kummissjoni tenfasizza l-fatt li l-imsemmija programmi ta’ monitoraġġ tal-istat tal-ilma, previsti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/60, għandhom jippermettu l-ġbir tad-data bil-għan li jinkiseb stat tajjeb tal-ilma fiż-żoni protetti filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni li fuq il-bażi tagħha l-imsemmija żoni ġew stabbiliti. Il-programm ta’ monitoraġġ imsemmi fit-tielet inċiż tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/60 għandu għalhekk jiżgura l-monitoraġġ tal-parametri tal-istat tal-ilma li huma indikaturi strutturali u funzjonali, jew li għandhom effett fuq l-evalwazzjoni tal-perspettivi ta’ protezzjoni tal-ispeċijiet u tal-ambjenti naturali li għall-protezzjoni tagħhom dawn iż-żoni ġew stabbiliti. |
101 |
Ir-Repubblika tal-Polonja targumenta, essenzjalment, li t-tielet inċiż tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/60 ġie traspost permezz ta’ monitoraġġ nazzjonali tal-ambjent, previst, b’mod partikolari, fl-Artikolu 25(2) tal-Liġi fuq il‑protezzjoni tal-ambjent u fl-Artikolu 112 tal-Liġi fuq il-protezzjoni tan-natura, ta’ monitoraġġ li twettaq fiż-żoni Natura 2000 fil-kuntest tal-pjanijiet ta’ missjoni ta’ protezzjoni u tal-punt 2 tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament tal-15 ta’ Novembru 2011. |
102 |
Il-portata tal-monitoraġġ definita fil-kuntest tal-pjanijiet ta’ attività ta’ protezzjoni u tal-pjanijiet ta’ missjoni ta’ protezzjoni jirrigwardaw l-habitats u l-ispeċijiet li jinsabu f’dawn iż-żoni u li huma protetti skont in-netwerk Natura 2000 u, qabelxejn, fuq l-habitats jew l-ispeċijiet li għalihom żona Natura 2000 ġiet maħluqa. Dan il-monitoraġġ huwa madankollu bbażat fuq dispożizzjonijiet iktar wiesgħa mid-Direttivi 92/43 u 2009/147. Fuq din il-bażi, ittieħdu wkoll inkunsiderazzjoni l-obbligi l-oħra kollha tar-Repubblika tal-Polonja li jirriżultaw mill-konvenzjonijiet ratifikati fil-qasam tal-protezzjoni tan-natura, mingħajr ma wieħed jinsa dawk li jirriżultaw mid-Direttiva 2000/60. |
103 |
Bis-saħħa tal-punt 2 tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament tal-15 ta’ Novembru 2011, il-monitoraġġ taż-żoni protetti huwa stabbilit sabiex jiġi kkonstatat il-livell ta’ konformità mar-rekwiżiti addizzjonali previsti minn dispożizzjonijiet oħra għal dawn iż-żoni. Dawn id-dispożizzjonijiet l-oħra jinkludu b’mod partikolari xi dispożizzjonijiet tal-Liġi fuq il-protezzjoni tan-natura, li bis-saħħa tagħhom xi żoni protetti ġew indikati. Il-monitoraġġ tal-ilma għandu għalhekk jieħu inkunsiderazzjoni xi riżultati tal-monitoraġġ imwettaq skont l-Artikolu 112 tal-Liġi fuq il-protezzjoni tan-natura u pjanijiet ta’ attività ta’ protezzjoni jew pjanijiet ta’ missjoni ta’ protezzjoni. |
104 |
Minħabba l-monitoraġġ ta’ korpi uniformi ta’ ilma tal-wiċċ u ta’ ilma ta’ taħt l-art, jittieħdu inkunsiderazzjoni għalhekk rekwiżiti oħra previsti għaż-żoni Natura 2000 li jiddependu fuq l-ilma. Min-naħa l-oħra, il-livell ta’ konformità mar-rekwiżiti relatati maż-żoni Natura 200 huwa definit fil-kuntest ta’ monitoraġġ imwettaq skont l-Artikolu 112 tal-Liġi fuq il-protezzjoni tan-natura u skont pjanijiet ta’ attività ta’ protezzjoni. Konsegwentement, skont ir-Repubblika tal-Polonja, id-dritt Pollakk jissodisfa r-rekwiżiti fil-qasam ta’ programmi ta’ monitoraġġ, imsemmija fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/60. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
105 |
Għandu jiġi kkonstatat li t-traspożizzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/60 fid-dritt nazzjonali tikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżit li jgħid li l-programmi ta’ monitoraġġ tal-istat tal-ilma fiż-żoni protetti għandhom jiġu kkompletati mill-ispeċifikazzjonijiet inklużi fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li abbażi tagħha ż-żoni protetti ġew stabbiliti. |
106 |
Madankollu, l-Artikolu 25(2) tal-Liġi fuq il-protezzjoni tal-ambjent, ikkunsidrat bħala dispożizzjoni ta’ traspożizzjoni mir-Repubblika tal-Polonja, ma jiddefinixxix il-kliem “monitoraġġ tal-ambjent”. L-Artikolu 112 tal-Liġi fuq il-protezzjoni tan-natura jindika, min-naħa l-oħra, li l-monitoraġġ tan-natura jibbaża fuq l-osservazzjoni u l-evalwazzjoni tal-istat attwali tal-komponenti tad-diversità bijoloġika u tal-pajsaġġ, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-habitats naturali u l-ispeċijiet ta’ importanza prijoritarja. Dan l-aħħar tip ta’ monitoraġġ ikopri għalhekk pjuttost l-osservazzjoni tal-modifiki tal-elementi naturali, għad-differenza tal-monitoraġġ ġenerali tal-ambjent li twettaq fuq il-bażi tal-Artikolu 25 tal-Liġi fuq il-protezzjoni tal-ambjent. Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma jippermettux, għalhekk, li jiġi konkluż li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti huma obbligati li jużaw ir-riżultati miksuba fil-kuntest ta’ dan il-monitoraġġ biex jiġi mmonitorjat u rrapportat l-istat tal-ilma kkonċernat, konformement mad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 8 u tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60. |
107 |
Id-dispożizzjonijiet l-oħra invokati mir-Repubblika tal-Polonja ma jissodisfawx lanqas ir-rekwiżit li jirriżulta mit-traspożizzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/60 u li jikkonsisti fl-użu tar-riżultati tal-monitoraġġ eżerċitat fil-livell taż-żoni differenti Natura 2000 fil-kuntest tal-monitoraġġ previst fuq il-bażi ta’ din id-direttiva u matul il-kwalifika tal-istat tal-ilma peress li sempliċement jipprovdu tali monitoraġġ mingħajr ma jimponu l-obbligu li jwettqu użu tad-data li jirriżulta. |
108 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel terminu stabbilit biex jistabbilixxi żoni ta’ protezzjoni speċjali li għalihom il-preparazzjoni ta’ pjanijiet ta’ protezzjoni hija meħtieġa, konformement mad-Direttiva 92/43, skada matul is-sena 2013. Konsegwentement, jekk il-monitoraġġ li kien ser jitwettaq fil-kuntest tal-pjanijiet ta’ missjoni ta’ protezzjoni u tal-pjanijiet ta’ attività ta’ protezzjoni kellu jitqies li huwa forma ta’ traspożizzjoni tat-tielet inċiż tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/60, tali traspożizzjoni tiddependi mill-istabbiliment tal-imsemmija pjanijiet. |
109 |
L-uniku fatt li tinżamm sussegwentement xi data li tirrigwarda l-habitats u l-ispeċijiet jew anki l-istat tal-ilma, kif tinvoka r-Repubblika tal-Polonja, madankollu ma tiggarantixxix li l-programmi ta’ monitoraġġ stabbiliti konformement mad-dispożizzjonijiet li jittrasponu d-Direttiva 2000/60 ikunu kompletati mill-ispeċifikazzjonijiet inklużi fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. |
110 |
Finalment, huwa stabbilit li, anki jekk wieħed jippreżumi li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-punt 2 tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament tal-15 ta’ Novembru 2011, adottat abbażi tal-Artikolu 155b tal-Liġi fuq l-ilma wara l-estensjoni tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, liema jeħtieġ li jkun stabbilit monitoraġġ taż-żoni protetti sabiex jiġu ddeterminati l-gradi fl-osservazzjoni tar-rekwiżiti supplimentari previsti fid-dispożizzjonijiet separati li jirrigwardaw dawn iż-żoni, it-tielet inċiż tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/60 ma ġiex traspost korrettament fid-dritt Pollakk peress li l-imsemmija dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ma teħtieġx li l-monitoraġġ taż-żoni protetti jkun stabbilit b’mod li tiġi kkompletata l-portata tal-parametri ta’ monitoraġġ billi jiżdiedu dawk li jidhru fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li fuq il-bażi tagħha ż-żoni Natura 2000 ġew indikati, iżda tistabbilixxi biss l-għan ta’ dan il-monitoraġġ, jiġifieri l-evalwazzjoni tal-grad tal-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet separati. |
111 |
Għalhekk, għandu jitqies li huwa fondat it-tieni lment, ibbażat fuq traspożizzjoni inkorretta tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/60, għal dak li huwa l-monitoraġġ taż-żoni protetti. |
Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq traspożizzjoni inkorretta tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2000/60
L-argumenti tal-partijiet
112 |
Il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2000/60, li jimponi fuq l-Istati Membri li għandhom jirrapportaw fil-pjanijiet ta’ mmaniġġar tal-baċin tax-xmara fuq il-passi pjanati għall-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ rkupru tal-ispejjeż tas-servizzi marbutin mal-użu tal-ilma, li għandhom jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet ambjentali tal-imsemmija direttiva kif ukoll fuq il-kontribuzzjoni magħmula minn użi varji tal-ilma għall-irkuprar tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma, ma ġiex traspost fid-dritt Pollakk. |
113 |
Il-Kummissjoni targumenta f’dan ir-rigward li ma jeżistux dispożizzjonijiet nazzjonali adegwati għal dan is-suġġett u li l-Artikolu 113a(2) tal-Liġi fuq l-ilma jistabbilixxi biss li l-miżuri bażiċi huma intiżi li jissodisfaw l-kundizzjonijiet minimi u jinkludu azzjonijiet li għandhom bħala skop li jimplementaw il-prinċipju ta’ rkupru tal-ispejjeż tas-servizzi marbutin mal-użu tal-ilma. F’dan il-kuntest, skont il-Kummissjoni, għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni l-analiżi ekonomika li twettqet konformement mal-Anness III tad-Direttiva 2000/60. |
114 |
Fir-risposta tagħha tal-opinjoni motivata, ir-Repubblika tal-Polonja ddikjarat li t-traspożizzjoni tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2000/60 kienet twettqet permezz tal-punt 2 tal-Artikolu 113a(2) u tal-punt 6 tal-Artikolu 114(1) tal-Liġi fuq l-ilma u li dawn id-dispożizzjonijiet kienu ġew ikkompletati permezz tal-punt 2 tal-Artikolu 113b(2) tal-imsemmija liġi, kif emendata permezz tal-Liġi tal-5 ta’ Jannar 2011 (iktar ’il quddiem il-“Liġi fuq l-ilma emendata”), li b’hekk tissostitwixxi l-punt 2 tal-Artikolu 113a(2) tal-Liġi fuq l-ilma. |
115 |
Fil-5 ta’ Jannar 2011, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, din l-emenda interveniet u ttieħdet inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni. Madankollu, dan l-istitut jikkunsidra li l-imsemmija emenda temmet in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li għalih għamel l-ilment. |
116 |
Bl-istess mod, skont il-Kummissjoni, il-punt 6 tal-Artikolu 114(1) tal-Liġi fuq l-ilma, sa fejn jipprovdi biss li l-pjan ta’ mmaniġġar tal-baċini tax-xmara għandu jinkludi sunt tar-riżultati tal-analiżi ekonomika marbuta mal-użu tal-ilma, jista’ jitqies li jittrasponi l-punt 6 tal-Parti A tal-Anness VII tad-Direttiva 2000/60, li jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandu jippreżenta l-pjan ta’ mmaniġġar tal-baċin tax-xmara, jiġifieri s-sunt tal-analiżi ekonomika, iżda mhux bħala traspożizzjoni tal-Artikolu 9(2) ta’ din id-direttiva. |
117 |
Ir-Repubblika tal-Polonja targumenta, fir-rigward tat-tielet ilment li, għalkemm l-obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni msemmi fl-imsemmija dispożizzjoni ma ġiex direttament previst fid-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti, huwa jirriżulta madankollu deċiżament mid-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt Pollakk, fid-dawl tal-ekonomija tiegħu u tal-għanijiet tiegħu. |
118 |
Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jiddikjara li ttraspona l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2000/60 b’mod partikolari permezz tar-Regolament tad-29 ta’ Marzu 2013, sa fejn id-dritt Pollakk jittrasponi b’mod konġunt l-Artikoli 9 u 11 ta’ din id-direttiva, fid-dawl tal-fatt li l-miżuri adottati, skont l-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, fil-qasam tal-irkupru tal-ispejjeż tas-servizzi marbutin mal-użu tal-ilma, huma wieħed mill-elementi kostituttivi tal-programm ta’ miżuri msemmija fl-imsemmi Artikolu 11. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
119 |
Fir-rigward tat-tielet ilment, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implementati b’mod li jkollhom saħħa vinkolanti inkontestabbli, bl-ispeċifiċità, bil-preċiżjoni u biċ-ċarezza meħtieġa sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑281/11, EU:C:2013:855, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
120 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-unika dikjarazzjoni li obbligu previst minn direttiva jirriżulta mid-dispożizzjonijiet kollha tal-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru kkonċernat ma jissodisfax l-imsemmi rekwiżit. |
121 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni li kienet teżisti fl-Istat Membru fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni bidliet li jkunu seħħew wara (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑313/11, EU:C:2013:481, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
122 |
Peress li r-Repubblika tal-Polonja, fir-risposta tagħha, targumenta li hija ttrasponiet l-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2000/60 permezz tar-Regolament tad-29 ta’ Marzu 2013, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan ġie adottat wara estensjoni tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, b’mod li t-tibdiliet li saru fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
123 |
Għalhekk, għandu jitqies li huwa fondat it-tielet ilment, ibbażat fuq traspożizzjoni inkorretta tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2000/60. |
Fuq ir-raba ’ u l-ħames ilmenti, ibbażati fuq in-nuqqas ta ’ traspożizzjoni tal-Artikoli 10(3) u 11(5) tad-Direttiva 2000/60
L-argumenti tal-partijiet
124 |
Fir-rigward tar-raba’ lment, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ traspożizzjoni tal-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2000/60, il-Kummissjoni tfakkar li din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu l-kontrolli ta’ emissjonijiet iktar stretti jekk għan jew regola ta’ kwalità, stabbiliti skont din id-direttiva, teħtieġ kundizzjonijiet iktar stretti minn dawk li jirriżultaw mid-direttivi tal-Unjoni ċċitati fl-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva. |
125 |
Il-Kummissjoni tqis li t-traspożizzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni hija essenzjali sabiex l-għanijiet tad-Direttiva 2000/60 jistgħu jintlaħqu. Huwa tajjeb jekk il-kontrolli ta’ emissjonijiet jew l-iffissar ta’ valuri limiti ta’ emissjonijiet fuq il-bażi ta’ direttivi tal-Unjoni, bħad-Direttiva 91/676, jagħtu prova fil-livell għoli ta’ algae ħodor mill-agrikoltura fl-ilma, li huma insuffiċjenti biex jilħqu l-għanijiet ambjentali tad-Direttiva 2000/60 li l-Istat Membru kellu l-obbligu jadotta kontrolli ta’ emissjonijiet u kriterji l-iktar stretti minn dawk li jirriżultaw mid-Direttiva 91/676. |
126 |
Fir-rigward tal-ħames ilment, ibbażat fuq traspożizzjoni inkorretta tal-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2000/60, il-Kummissjoni targumenta li, għalkemm l-Artikolu 113b(8) tal-Liġi fuq l-ilma emendata jinkludi l-miżuri mniżżla fl-imsemmija dispożizzjoni tad-direttiva, il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa iktar strett minn din id-dispożizzjoni tad-direttiva. |
127 |
Il-kliem “matul l-elaborazzjoni tal-abbozz tal-programm nazzjonali dwar l-ilma u l-ambjent”, li jidhru fl-imsemmi Artikolu 113b(8), fil-fatt ser jirrestrinġu l-portata tad-dispożizzjoni tad-dritt Pollakk biss għall-elaborazzjoni tal-programm nazzjonali dwar l-ilma u l-ambjent. Konsegwentement, il-miżuri ċċitati fl-Artikolu 113b(8) tal-Liġi fuq l-ilma emendata jistgħu jittieħdu biss, barra mill-istadju tal-elaborazzjoni tal-abbozz tal-programm, fil-kuntest tal-eżami tal-programmi ta’ miżuri msemmija fl-Artikolu 11(8) tad-Direttiva 2000/60, jiġifieri fil-kuntest tal-eżamijiet regolari meħtieġa minn din id-direttiva. |
128 |
Madankollu, l-obbligu li jirriżulta mill-imsemmi Artikolu 113b(8) ma jistax jiġi konfuż ma’ dak imsemmi fl-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2000/60, li għandu bħala raġuni li jiżdiedu mal-eżamijiet ċikliki obbligatorji msemmija fl-Artikolu 11(8) ta’ din id-direttiva l-obbligu li jittieħdu l-miżuri li ġew imfakkra meta l-għanijiet ambjentali indikati għandhom ftit ċans li jintlaħqu. |
129 |
Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, fir-rigward tar-raba’ u l-ħames ilmenti, li l-Artikoli 10(3) u 11(5) tad-Direttiva 2000/60 għandhom jiġu trasposti fil-kuntest tal-abbozz tal-Liġi ta’ riforma li tkopri l-Liġi fuq l-ilma u ċerti liġijiet oħra li x-xogħlijiet leġiżlattivi tagħhom huma fi stadju avvanzat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
130 |
Fir-rigward tar-raba’ u l-ħames ilmenti, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, imsemmija fil-punt 121 ta’ din is-sentenza li tgħid li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni li kienet teżisti fl-Istat Membru fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni bidliet li jkunu seħħew wara (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑313/11, EU:C:2013:481, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
131 |
Peress li jirriżulta mill-argumentazzjoni avvanzata mir-Repubblika tal-Polonja li l-Artikoli 10(3) u 11(5) tad-Direttiva 2000/60 għandhom jiġu trasposti fil-kuntest tal-abbozz tal-emenda tal-Liġi fuq l-ilma u ċerti liġijiet oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija miżuri ta’ traspożizzjoni ma ġewx adottati fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. |
132 |
Għaldaqstant, ir-raba’ u l-ħames ilmenti għandhom jitqiesu li huma fondati. |
Fuq is-sitt ilment, ibbażat fuq it-traspożizzjoni inkorretta tal-punti 1.3, 1.3.4, 1.3.5, 1.4 u 2.4.1 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60
L-argumenti tal-partijiet
133 |
Fir-rigward tas-sitt ilment, ibbażat fuq traspożizzjoni inkorretta tal-punti 1.3, 1.3.4, 1.3.5, 1.4 u 2.4.1 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, il-Kummissjoni tenfasizza li l-punti 1.3, 1.4 u 2.4.1 ta’ dan l-anness jirrigwardaw rekwiżiti fundamentali tal-imsemmija direttiva, peress li jiffissaw metodu ta’ monitoraġġ tal-istat ekoloġiku u tal-istat kimiku tal-ilma tal-wiċċ, kwalifika u preżentazzjoni tal-istat ekoloġiku tal-ilma kif ukoll netwerk ta’ monitoraġġ tal-ilma ta’ taħt l-art. Dawn huma, għalhekk, elementi essenzjali biex jippermettu li jitwettaq il-monitoraġġ meħtieġ għad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 7(1) u 8 tad-Direttiva 2000/60. |
134 |
Fir-rigward tal-punti 1.3, 1.3.4 u 2.4.1 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, il-Kummissjoni tirrileva li l-problema tat-traspożizzjoni fid-dritt Pollakk ta’ dawn il-punti tikkonċerna l-obbligu li jiġu mehmuża mal-pjan ta’ mmaniġġar tal-baċini tax-xmara evalwazzjonijiet dwar il-livell ta’ kunfidenza u ta’ preċiżjoni tar-riżultati tal-monitoraġġ. |
135 |
Għalkemm l-Artikolu 114(1) tal-Liġi fuq l-ilma jistabbilixxi, ċertament, ċertu numru ta’ elementi li jġegħilhom jidhru fil-pjan ta’ mmaniġġar tal-baċin tax-xmara, dan il-pjan ma jinkludix, madankollu, karta tan-netwerk tal-monitoraġġ u lanqas ta’ preżentazzjoni tal-programmi ta’ monitoraġġ. Kuntrarjament għal dak li jeħtieġu l-punti 1.3 u 2.4.1 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ma jeħtiġux li l-imsemmi pjan jinkludi evalwazzjonijiet dwar il-livell ta’ kunfidenzjalità u ta’ preċiżjoni tar‑riżultati tal-programmi ta’ monitoraġġ. Id-dispożizzjonijiet l-oħra tad-dritt Pollakk ma jinkludux lanqas dan ir-rekwiżit. |
136 |
Dwar il-punt 1.3.5 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, il-Kummissjoni tispeċifika li huwa meħtieġ li l-korpi tal-ilma li jifformaw żoni ta’ habitat u żoni ta’ protezzjoni tal-ispeċijiet jridu jiġu inklużi fi ħdan il-programm ta’ monitoraġġ operazzjonali jekk, fuq il-bażi tal-istima tal-impatt u l-kontroll ta’ monitoraġġ, huma identifikati li jkunu fir-riskju li jonqsu li jilħqu l-għanijiet ambjentali msemmija taħt l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva. Dan jorbot, għalhekk, espressament l-obbligu li jitwettaq kontroll operazzjonali mar-riskju li ma jintlaħqux l-għanijiet ambjentali li dwar dan huwa diskuss fl-Artikolu 4(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva. |
137 |
Madankollu mit-traspożizzjoni li twettqet permezz tal-punt 3 tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament tat-13 ta’ Mejju 2009 jirriżulta li l-kontroll operazzjonali għall-ilma tal-wiċċ huwa stabbilit sabiex jiġi kkonstatat l-istat tal-ilma tal-wiċċ fiż-żoni li jidhru fil-listi msemmija fl-Artikolu 113(4) tal-Liġi fuq l-ilma, jiġifieri, b’mod partikolari, iż-żoni ta’ habitat u ż-żoni ta’ protezzjoni tal-ispeċijiet. Sussegwentement, huma mniżżla fil-punt 6 tat-Taqsima 2 tal-Anness 1 ta’ dan ir-regolament, il-kriterji li jistabbilixxu l-imsemmi kontroll operazzjonali. Madankollu, skont il-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni ma tiggarantixxix li titwettaq l-evalwazzjoni tal-firxa u l-impatt tal-pressjonijiet eżerċitati fuq dawn il-korpi tal-ilma taż-żoni protetti. |
138 |
Minbarra dan, ma teżistix, fil-leġiżlazzjoni Pollakka, dispożizzjoni li tagħmel riferiment għall-għan intiża li tiggarantixxi stat ta’ protezzjoni adattat kif ukoll l-obbligu li jiġu segwiti l-kontrolli sakemm iż-żoni jissodisfaw il-ħtiġiet relatati mal-ilma previsti mil-leġiżlazzjoni taħt fejn huma nominati bħala tali u jilħqu l-għanijiet ambjentali li ġew stabbiliti. |
139 |
Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li r-Regolament tal-15 ta’ Novembru 2011 ma ġġegħilx jisparixxi n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu msemmi iktar ’il fuq għaliex ma jagħmilx riferiment speċifiku għall-monitoraġġ tal-habitats u tal-ispeċijiet fiż-żoni protetti. |
140 |
Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni Pollakka ma ssemmiex il-bżonn li l-kontrolli jiġu segwiti sakemm iż-żoni ta’ protezzjoni jissodisfaw il-ħtiġiet relatati mal-ilma previsti mid-dispożizzjonijiet taħt fejn huma nominati bħala tali u jilħqu l-għanijiet ambjentali msemmija taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60. |
141 |
Fid-dawl tal-punt 1.4 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-kwalifika u l-preżentazzjoni tal-istati ekoloġiċi u tal-potenzjali ekoloġiċi tal-ilma jeħtieġu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-parametri idromorfoloġiċi, peress li dawn jikkostitwixxu parametri inevitabbli tal-istat ekoloġiku. Il-punt 1.4.2(i) u (ii) tal-Anness V tal-imsemmija direttiva jeħtieġ fil‑fatt li l-parametri kollha jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kwalifika tal-istat ekoloġiku. |
142 |
Madankollu, ir-Regolament tal-20 ta’ Awwissu 2008 ipprovda, fil-punt XIV tal-Parti B tal-Anness 6 tiegħu u fil-punt XV tal-Parti B tal-Anness 7 tiegħu, li “sal-elaborazzjoni tal-metodi ta’ evalwazzjoni tal-potenzjal ekoloġiku fuq il-bażi tal-parametri idromorfoloġiċi, il-kwalifika tal-istat ekoloġiku tal-ilma tista’ sseħħ mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn il-parametri”. Bl-istess mod, ir-Regolament tad-9 ta’ Novembru 2011 relatat mal-modalitajiet ta’ kwalifika tal-istat tal-korpi uniformi tal-ilma tal-wiċċ ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-parametri idromorfoloġiċi fil-kwalifika tal-istat ekoloġiku tal-korpi tal-ilma. |
143 |
Skont il-Kummissjoni, l-esklużjoni tal-parametri idromorfoloġiċi mill-kwalifika tal-istat tal-ilma ser ikollha inevitabbilment bħala konsegwenza li l-evalwazzjoni tal-istat ekoloġiku ser tkun inkompleta u li din l-evalwazzjoni inkompleta ser ikollha, imbagħad, impatt fuq it-twettiq tal-għanijiet ambjentali bażiċi msemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60. |
144 |
Il-Kummissjoni ssostni f’dan ir-rigward li l-punt 1.4.2(i) u (ii) tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 isemmi l-“elementi ta’ kwalità”. Dawn huma mniżżla fil-punt 1.1 ta’ dan l-anness, intitolat “Elementi ta’ kwalità għall-kwalifika tal-istat ekoloġiku”. Mill-punti 1.1.1 sa 1.1.5 tal-imsemmi anness jirriżulta li l-parametri idroloġiċi jsostnu l-parametri bijoloġiċi u li l-elementi ta’ kwalità huma effettivament indispensabbli għall-evalwazzjoni tal-istat tal-ilma. Din id-direttiva tqis, fil-punti 1.1.1 u 1.1.2 tal-Anness V tagħha, bħala “parametri idromorfoloġiċi tax-xmajjar u lagi”, il-kwantità u d-dinamika tal-fluss tal-ilma, il-ħin ta’ residenza, il-konnessjoni għall-korp tal-ilma ta’ taħt l-art, il-varjazzjoni tal-fond, il-kwantità, l-istruttura u s-sottostrat tal-qiegħ. |
145 |
Ir-Repubblika tal-Polonja tiddikjara, fl-ewwel lok, li ttrasponiet il-punti 1.3, 1.3.4 u 2.4.1 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60 permezz tal-punt 5 tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament tad-29 ta’ Marzu 2013. |
146 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-punt 1.3.5 tal-Anness V tal-imsemmija direttiva, ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka li dan ġie traspost, b’mod partikolari, permezz tal-punt 4 tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament tal-15 ta’ Novembru 2011, li jiddefinixxi l-għan segwit mill-immaniġġar tal-monitoraġġ taż-żoni protetti, jiġifieri “evalwazzjoni tal-modifika tal-istat tal-korpi uniformi tal-ilma tal-wiċċ fiż-żoni protetti”. |
147 |
Minn dan jirriżulta, skont ir-Repubblika tal-Polonja, li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Pollakk jippermettu li jiġu evalwati l-kobor u l-impatt tal-pressjonijiet eżerċitati fuq il-korpi tal-ilma taż-żoni protetti, li huwa intiż li jiggarantixxi stat ta’ protezzjoni adegwata ta’ dawn iż-żoni. |
148 |
Ir-Repubblika tal-Polonja tirreferi wkoll għall-Anness 2 tar-Regolament tal-15 ta’ Novembru 2011, li l-punt 25 tal-Parti V tiegħu, jittrasponi r-rekwiżit li jirriżulta mill-aħħar sentenza tal-punt 1.3.5 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60. |
149 |
Fit-tielet lok, fir-rigward tal-punt 1.4 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, ir-Repubblika tal-Polonja tiddikjara li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-parametri idromorfoloġiċi fil-kwalifika u l-preżentazzjoni tal-istat ekoloġiku ser ikun is-suġġett ta’ riforma tar-Regolament tad-9 ta’ Novembru 2011 dwar il-modalitajiet ta’ kwalifika tal-istat tal-korpi uniformi ta’ ilma tal-wiċċ u r-regoli ambjentali ta’ kwalità għas-sustanzi prijoritarji. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
150 |
Fir-rigward tat-traspożizzjoni inkorretta tal-punti 1.3, 1.3.4, 1.4 u 2.4.1 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, għandu jiġi rrilevat li t-traspożizzjoni allegata mir-Regolament tad-29 ta’ Marzu 2013 twettqet wara l-iskadenza tat-terminu indikat fl-opinjoni motivata. |
151 |
Din il-konstatazzjoni tapplika wkoll għat-traspożizzjoni tal-punt 1.3.5 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, anki jekk il-Kummissjoni targumenta li tirrikonoxxi li r-Regolament tal-15 ta’ Novembru 2011 neħħa ċerti elementi tat-traspożizzjoni inkorretta tal-imsemmi punt, kif dehret fir-Regolament tat-13 ta’ Mejju 2009. |
152 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, diġà msemmija fil-punt 121 u 130 ta’ din is-sentenza li tgħid li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni li kienet teżisti fl-Istat Membru fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni bidliet li jkunu seħħew wara (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑313/11, EU:C:2013:481, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
153 |
Konsegwentement, is-sitt ilment, ibbażat fuq it-traspożizzjoni inkorretta tal-punti 1.3, 1.3.4, 1.3.5, 1.4 u 2.4.1 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, għandu jitqies li huwa fondat. |
Fuq is-seba ’ lment, ibbażat fuq traspożizzjoni inkorretta tal-punti 7.2 sa 7.10 tal-Parti A tal-Anness VII tad-Direttiva 2000/60
L-argumenti tal-partijiet
154 |
Fir-rigward tas-seba’ lment, ibbażat fuq traspożizzjoni inkorretta tal-punti 7.2 sa 7.10 tal-Parti A tal-Anness VII tad-Direttiva 2000/60, il-Kummissjoni targumenta li, fir-risposta tagħha għall-opinjoni motivata, ir-Repubblika tal-Polonja informatha li l-imsemmija punti kienu ġew trasposti mill-Artikoli 113, 113a u 114 tal-Liġi fuq l-ilma kif ukoll mill-Artikolu 113b tal-Liġi fuq l-ilma emendata u li kienet, barra minn hekk, għamlet riferiment għall-abbozz tal-Liġi li temenda l-Liġi fuq l-ilma kif ukoll liġijiet oħra. |
155 |
Madankollu, skont il-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet nazzjonali indikati li jirrigwardaw il-programm nazzjonali dwar l-ilma u l-ambjent, li jikkostitwixxi t-traspożizzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/60, huwa stabbilit fil-programm ta’ miżuri. Għandu jkun iddifferenzjat dan il-programm tal-pjan ta’ mmaniġġar ta’ baċin tax-xmara fis-sens tal-Anness VII tad-Direttiva 2000/60, li jeħtieġ fil-fatt li jidher, fil-pjan ta’ mmaniġġar tal-baċin tax-xmara, sunt tal-programm ta’ miżuri adottati skont l-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva. It-traspożizzjoni tal-imsemmi artikolu stess ma hijiex biżżejjed għalhekk għat-traspożizzjoni tar-rekwiżiti li jidhru fil-punti 7.2 sa 7.10 tal-Anness VII tad-Direttiva 2000/60. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-punt 7 tal-Artikolu 114(1) tal-Liġi fuq l-ilma jimponi l-obbligu li jidher, fil-pjanijiet ta’ mmaniġġar tal-baċin tax-xmara, sunt tal-miżuri inklużi fil-programm nazzjonali dwar l-ilma u l-ambjent. Din id-dispożizzjoni hija madankollu wisq ġenerali biex tiggarantixxi t-traspożizzjoni tar-rekwiżiti li jidhru fil-punti 7.2 sa 7.10 tal-Anness VII tad-Direttiva 2000/60. Minbarra dan, mill-kliem tal-varji sub-punti tal-punt 7 tal-Anness VII ta’ din id-direttiva jirriżulta ċarament li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien jixtieq li jkun hemm mhux biss, fil-pjanijiet ta’ mmaniġġar tal-baċin tax-xmara, sunt tal-miżuri li kellhom jiġu sodisfatti skont l-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, iżda li jkun hemm ukoll sunt tal-miżuri adottati f’dan il-qasam. |
156 |
Fir-rigward tas-seba’ lment, ir-Repubblika tal-Polonja targumenta li traspożizzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni tad-Direttiva 2000/60 seħħet permezz tal-Artikolu 113b tal-Liġi fuq l-ilma emendata, li tittrasponi l-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva. Ukoll, ir-Regolament tad-29 ta’ Marzu 2013 jinkludi riferiment għal dan l-Artikolu sa fejn punt 10 tal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-informazzjoni partikolari meħtieġa biex jiġi stabbilit pjan ta’ mmaniġġar tal-baċin tax-xmara tinkludi sunt tal-miżuri inklużi fil-programm nazzjonali li jikkonċerna l-ilma u l-ambjent msemmija, attwalment, f’dan l-Artikolu 113b. |
157 |
Minn dan isegwi, skont ir-Repubblika tal-Polonja, li pjan ta’ mmaniġġar ta’ baċin tax-xmara għandu jinkludi sew sunt tal-miżuri inklużi fil-programm nazzjonali dwar l-ilma u l-ambjent, jiġifieri programm tal-miżuri adottati bis-saħħa tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/60, li jippermetti li tiġi żgurata t-traspożizzjoni korretta tal-punt 7, Parti A tal-Anness VII ta’ din id-direttiva, li fuq il-bażi tiegħu pjan ta’ mmaniġġar tal-baċin tax-xmara jinkludi ġustament informazzjoni dwar is-suġġett tal-miżuri meħuda konformement mal-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
158 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-argument prinċipali ppreżentat mir-Repubblika tal-Polonja fil-kuntest tas-seba’ lment huwa analogu għal dak invokat minn dan l-Istat Membru fil-kuntest tat-tielet ilment. Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, essenzjalment, li huwa biżżejjed biex tiġi żgurata traspożizzjoni korretta tal-punti 7.2 sa 7.10 tal-Anness VII tad-Direttiva 2000/60, li l-Istati Membri jipprovdu l-obbligu li l-pjan ta’ mmaniġġar tal-baċin tax-xmara, jinkludi sunt tal-programm ta’ miżuri adottati skont l-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva. Madankollu, f’dan il-każ, l-osservanza ta’ dan l-obbligu huwa ggarantit permezz tar-riferiment għall-Artikolu 113b tal-Liġi fuq l-ilma emendata u permezz tal-punt 10 tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament tad-29 ta’ Marzu 2013. |
159 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ġiet adottata wara l-estensjoni tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata, b’mod li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax teħodha inkunsiderazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑313/11, EU:C:2013:481, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
160 |
Għaldaqstant, is-seba’ lment, ibbażat fuq l-assenza ta’ traspożizzjoni korretta fl-ordinament ġuridiku Pollakk tal-punti 7.2 sa 7.10 tal-Parti A tal-Anness VII tad-Direttiva 2000/60, hija fondata. |
161 |
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha magħmulin iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikors għandu jitqies li huwa fondat. |
162 |
Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma ttrasponietx totalment jew korrettament l-Artikolu 2, punti 19, 20, 26 u 27, l-Artikolu 8(1), l-Artikolu 9(2), l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2000/60 kif ukoll il-punti 1.3,1.3.4, 1.3.5, 1.4 u 2.4.1 tal-Anness V tal-imsemmija direttiva u l-Parti A, punti 7.2 sa 7.10, tal-Anness VII tal-istess direttiva, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq obbligi li hija kienet responsabbli għalihom skont dawn id-dispożizzjonijiet u skont l-Artikolu 24 ta’ din l-istess direttiva. |
Fuq l-ispejjeż
163 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni talbet il-kundanna għall-ispejjeż għar-Repubblika Portugiża u din tilfet, hemm lok li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.