SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

22 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Trasport bl-ajru — Regolament (KE) Nru 261/2004 — Artikolu 2(f) u Artikolu 10(2) — Rimbors parzjali tal-prezz tal-biljett fil-każ li l-passiġġier fuq titjira jitqiegħed fi klassi inferjuri — Kunċetti ta’ ‘biljett’ u ta’ ‘prezz tal-biljett’ — Kalkolu tar-rimbors dovut lill-passiġġier”

Fil-Kawża C‑255/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Amtsgericht Düsseldorf (qorti distrettwali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ April 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Mejju 2015, fil-proċedura

Steef Mennens

vs

Emirates Direktion für Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, D. Šváby, J. Malenovský (Relatur), M. Safjan u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal S. Mennens, minnu stess,

għal Emirates Direktion für Deutschland, minn U. Steppler, avukat,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn C. Colelli u de F. Di Matteo, avvocati dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls u K.P. Wojcik kif ukoll minn N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(f) u 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Steef Mennens u Emirates Direktion für Deutschland (iktar ’il quddiem “Emirates”) dwar talba għal rimbors parzjali tal-prezz ta’ biljett wara tqegħid fi klassi inferjuri.

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessi 1, 2 u 4 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprevedu:

“(1)

Azzjoni mil-Komunitá fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

(2)

Il-fatt li ma jitħallewx jitilgħu u l-kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet jistgħu jikkawżaw problemi serji u inkonvenjenza għall-passiġġieri.

[...]

(4)

Il-Komunitá għandha għalhekk togħla l-istandards ta’ protezzjoni stabbiliti minn dak ir-Regolament kemm biex issaħħaħ id-drittijiet ta’ passiġġieri u biex tassigura li trasportaturi ta’ l-ajru jaħdmu taħt kondizzjonijiet armonizzati f’suq illiberalizzat.”

4

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi li, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

“(f)

‘biljett’ ifisser dokument validu li jagħti intitolament għal transport jew xi ħaġa ekwivalenti mhux fil-forma ta’ karta, inkluża forma elettronika, maħruġ jew awtorizzat mil-trasportatur ta’ l-ajru jew l-aġent awtorizzat tiegħu”.

5

L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dritt għar-rimbors jew rotta differenti”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti l-għażla bejn:

(a)

rimbors fi żmien sebat ijiem, permezz tal-mezzi previsti fl-Artikolu 7(3), tal-prezz sħiħ tal-biljett bil-prezz b’liema ġie mixtri, għall-parti jew partijiet tal-vjaġġ li ma ġewx magħmulin, u għall-parti jew partijiet li diġá ġew magħmulin jekk it-titjira m’għadhiex qed taqdi kwalunkwe skop fir-rigward tal-pjan ta’ vjaġġ oriġinali tal-passiġġier, flimkien ma’, meta rilevanti,

titjira lura għall-ewwel punt ta’ tluq, ma’ l-ewwel opportunitá;

[...]”

6

L-Artikolu 10 tal-istess regolament, intitolat “Titjieb u tnaqqis fil-grad [klassi]”, jipprevedi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Jekk trasportatur ta’ l-ajru li jopera jpoġġi passiġġier fi klassi aktar baxxa minn dik għal liema l-biljett ġie akkwistat, għandu fi żmien sebat ijiem, permezz tal-mezzi previsti fl-Artikolu 7(3), jagħti rimbors ta’

(a)

30 % tal-prezz tal-biljett għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas, jew

(b)

50 % tal-prezz tal-biljett għat-titjiriet kollha intra-Komunitarji ta’ inqas minn 1500 kilometru, ħlief għal titjiriet bejn it-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri u d-dipartimenti Franċiżi barranin, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilometru, jew

(ċ)

75 % tal-prezz tal-biljett għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b), inklużi titjiriet bejn it-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri u d-dipartimenti Franċiżi barranin.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7

S. Mennens irriżerva u xtara biljett kollox kompriż li jippermettih jieħu sensiela ta’ titjiriet operati minn Emirates. Dawn it-titjiriet kienu rispettivament minn Düsseldorf (il-Ġermanja) lejn Dubaï (l-Emirati Għarab Magħquda), matul il-lejl tas-26 sas-27 ta’ Lulju 2013, minn Dubaï lejn Tokjo (il-Ġappun), fid-29 ta’ Lulju 2013, minn Singapor (Singapor) lejn Dubaï, matul il-lejl tat-23 sal-24 ta’ Awwissu 2013 u minn Dubaï lejn Frankfurt (il-Ġermanja), fl-24 ta’ Awwissu 2013. Għal dak li jirrigwarda t-titjiriet bejn Düsseldorf, Dubaï u Tokjo, il-passiġġier kellu jivvjaġġa fl-ewwel klassi, filwaqt li għal dak li jirrigwarda t-titjiriet bejn Singapor, Dubaï u Frankfurt, il-passiġġier kellu jivvjaġġa f’business class. Il-biljett kien jindika separatament it-“tariffa” tat-titjiriet kollha mixtrija minn S. Mennens, jiġiferi EUR 2371, il-varji “taxxi u miżati” relatati u t-“total” ta’ dawn l-elementi, jiġifieri EUR 471.92, iżda ma kienx jindika l-prezz ta’ kull waħda mit-titjiriet ikkonċernati.

8

Billi Emirates niżżlet lil S. Mennens mill-ewwel klassi għal business class bejn Düsseldorf u Dubaï, il-persuna kkonċernata talbitha r-rimbors ta’ EUR 1853.94, li jikkorrispondi għal 75 % tal-prezz tal-biljett tiegħu, taxxi u miżati inklużi, skont l-Artikolu 10(2)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004. Bi tweġiba għal din it-talba, Emirates irrimborsat lil S. Mennens is-somma ta’ EUR 376.

9

Fil-kuntest tal-kawża bejn Emirates u S. Mennens quddiem l-Amtsgericht Düsseldorf (qorti distrettwali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), Emirates sostniet essenzjalment, minn naħa, li, fil-każ li biljett jippermetti li jittieħdu sensiela ta’ titjiriet u li fuq waħda minn dawn it-titjiriet jew sensiela ta’ titjiriet il-passiġġier jitqiegħed fi klassi inferjuri, il-perċentwali ta’ rimbors prevista fl-Artikolu 10(2)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 ma għandhiex tiġi applikata għall-prezz globali ta’ dan il-biljett iżda biss għall-prezz tat-titjira jew sensiela ta’ titjiriet ikkonċernata. Hija ssostni, min-naħa l-oħra, li din il-perċentwali ma għandhiex tiġi applikata għall-prezz li jinkludi t-taxxi u l-miżati tal-imsemmija titjira jew sensiela ta’ titjiriet, iżda biss għall-prezz mingħajr taxxi.

10

Il-qorti tar-rinviju ssostni li s-soluzzjoni għal dan l-aspett tat-tilwima tiddependi mill-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 2(f) flimkien mal-Artikolu 10(2)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004.

11

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Amtsgericht Düsseldorf (qorti distrettwali ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dipożizzjonijiet tal-Artikolu 10(2) flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 2(f) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ‘biljett’ huwa dokument li jagħti lill-passiġġier (ukoll) dritt għat-trasport fuq it-titjira li fir-rigward tagħha tqiegħed fi klassi inferjuri, irrispettivament minn jekk titjiriet oħra, bħal titjiriet ta’ konnessjoni jew titjiriet ta’ ritorn, huma indikati fuq dan id-dokument?

2)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv [għall-ewwel domanda], [i]d-dipożizzjonijiet tal-Artikolu 10(2) flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 2(f) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li [l-] “prezz tal-biljett” jikkorrispondi għall-ammont imħallas mill-vjaġġatur għat-tijiriet kollha indikati fuq il-biljett, anki jekk it-tnaqqis fil-klassi kien jirrigwarda biss waħda mit-titjiriet?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv [għall-ewwel domanda], [s]abiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku għar-rimbors skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss il-prezz ippubblikat mill-kumpannija tal-ajru għat-trasport, fil-klassi rriżervata, fuq ir-rotta kkonċernata mit-tnaqqis fil-klassi jew għandu jiġi stabbilit il-kwozjent bejn id-distanza tar-rotta kkonċernata mit-tnaqqis fil-klassi u d-distanza totali tat-titjira, immultiplikat bil-prezz totali tat-titjira?

3)

L-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat ukoll fis-sens li l-“prezz tal-biljett” jikkorrispondi unikament għall-prezz tat-titjira biss, bl-esklużjoni tat-taxxi u tat-tariffi?”

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

12

Emirates tikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari, billi ssostni li l-qorti tar-rinviju stess ma għandhiex il-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża prinċipali.

13

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-allegat nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju huwa irrilevanti għal dak li jirrigwarda l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

14

Fil-fatt, permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 261/2004. Billi dan tal-aħħar jikkostitwixxi att meħud mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha evidentement il-ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-imsemmija talba, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE.

15

Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li l-interpretazzjoni mitluba lill-Qorti tal-Ġustizzja hija neċessarja sabiex tippermetti lill-qorti tar-rinviju tagħti d-deċiżjoni tagħha fil-kawża prinċipali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tat-tqassim ta’ funzjonijiet bejnha u l-qrati nazzjonali, li għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni li biha hija ġiet adita ttieħditx skont ir-regoli ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura tad-dritt nazzjonali (sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado, C‑238/05, EU:C:2006:734, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata) jew, għaldaqstant, li tiċħad it-talba għal deċiżjoni preliminari.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

16

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġi eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 10(2) flimkien mal-Artikolu 2(f) tar-Regolament Nru 261/2004 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ li passiġġier fuq titjira jitqiegħed fi klassi inferjuri:

il-biljett li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat ir-rimbors dovut f’dan ir-rigward lill-passiġġier ikkonċernat huwa d-dokument li jistabbilixxi d-dritt tiegħu għat-trasport fuq din it-titjira biss, minkejja li titjiriet oħra huma indikati fuq dan id-dokument, u

il-prezz li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat dan ir-rimbors huwa, jew l-ammont imħallas mill-vjaġġatur għas-sensiela ta’ tijiriet indikata fuq il-biljett tiegħu, jew il-prezz ippubblikat mit-trasportatur tal-ajru għat-titjira u għall-klassi kkonċernati mit-tnaqqis fil-klassi, jew inkella l-prezz tal-biljett li jikkorrispondi għall-kwozjent li jirriżulta mid-distanza tat-titjira inkwistjoni u d-distanza totali li l-passiġġier huwa intitolat jivvjaġġa.

17

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 10(2)(a) sa (ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 jipprevedi li, jekk trasportatur tal-ajru li jopera jpoġġi passiġġier fi klassi inferjuri minn dik li għaliha l-biljett ikun inxtara, huwa għandu jirrimborsa parti mill-prezz ta’ dan il-biljett, li huwa ddeterminat fih innifsu skont, b’mod partikolari, id-distanza tat-titjiriet ikkonċernati.

18

Għaldaqstant, din id-distinzjoni toħloq rabta bejn il-kunċetti ta’ “biljett” u ta’ “titjira”.

19

Il-kunċett ta’ “biljett” huwa ddefinit, skont il-kliem tal-Artikolu 2(f) tar-Regolament Nru 261/2004, bħala dokument validu li jistabbilixxi d-dritt għat-transport tal-passiġġier, jew dokument ekwivalenti mhux fil-forma ta’ karta, maħruġ jew awtorizzat mit-trasportatur tal-ajru jew mill-aġent awtorizzat tiegħu.

20

Min-naħa tiegħu, il-kunċett ta’ “titjira” ma huwiex iddefinit mir-Regolament Nru 261/2004. Madankollu, minn ġursiprudenza stabbilita jirriżulta li titjira essenzjalment tikkonsisti f’operazzjoni tat-trasport bl-ajru, li hija b’hekk, b’ċertu mod, “unità” ta’ dan it-trasport, imwettqa minn trasportatur tal-ajru li jistabbilixxi r-rotta tiegħu (sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2008, Emirates Airlines, C‑173/07, EU:C:2008:400, punt 40, u tat-13 ta’ Ottubru 2011, Sousa Rodríguez et, C‑83/10, EU:C:2011:652, punt 27).

21

Għaldaqstant, il-biljett huwa d-dokument li jagħti lill-passiġġier dritt għal trasport, li huwa stess jista’ jirrigwarda, skont il-każ, titjira waħda jew iktar.

22

Kull waħda minn dawn it-titjiriet li tikkostitwixxi unità ta’ trasport hija, bħala prinċipju, intiża li titwettaq skont il-kundizzjonijiet miftiehma bejn il-passiġġier u t-trasportatur tal-ajru. Fost dawn il-kundizzjonijiet hemm b’mod partikolari t-tqegħid tal-imsemmi passiġġier fi klassi speċifika, li għaliha jkun inxtara l-biljett tiegħu skont il-kliem stess tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 261/2004.

23

Għaldaqstant, il-biljett fil-pussess tal-passiġġier jagħti, b’mod partikolari, lil dan tal-aħħar id-dritt li jiġi ttrasportat fuq titjira waħda speċifika jew iktar, billi jitqiegħed fil-klassi miftiehma fuq kull waħda minn dawn it-titjiriet.

24

Issa, meta t-trasportatur tal-ajru jqiegħed dan il-passiġġier, fuq titjira partikolari, fi klassi inferjuri għal dik li għalija l-biljett tiegħu jkun nxtara, l-imsemmi passiġġier ma jibbenefikax, fuq it-titjira inkwistjoni, mis-servizz miftiehem inkambju għall-prezz imħallas. Min-naħa l-oħra, dan it-tnaqqis fil-klassi ma jaffettwax is-servizzi miftiehma għat-titjiriet l-oħra li l-biljett jippermetti, jekk ikun il-każ, lill-imsemmi passiġġieri jieħu.

25

Konsegwentement, l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 261/2004 ma japplikax għal dawn it-titjiriet l-oħra.

26

Din l-analiżi hija kkorroborata mill-għan tar-Regolament Nru 261/2004, li jikkonsisti, hekk kif jirriżulta mill-premessi 1, 2 u 4 ta’ dan tal-aħħar, f’li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri u tal-konsumaturi, billi jissaħħu d-drittijiet tagħhom f’ċertu numru ta’ sitwazzjonijiet li jinvolvu diffikultajiet u inkonvenjenzi serji, kif ukoll billi dawn tal-aħħar jiġi rrimedjati b’mod standardizzat u immedjat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C‑344/04, EU:C:2006:10, punt 82).

27

Fil-fatt, meta, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, trasportatur tal-ajru jqiegħed passiġġier fi klassi inferjuri għal dik li għaliha dan tal-aħħar ikun xtara l-biljett tiegħu, fuq titjira speċifika, l-inkonvenjenza kkawżata lil dan il-passiġġier tirriżulta mill-fatt li dan ma jibbenefikax, matul it-titjira, mill-kumdità li tikkorrispondi għall-klassi indikata fuq dan il-biljett.

28

Għaldaqstant, għandu jitqies li l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 261/2004 huwa intiż li jikkumpensa inkonvenjenza preċiża, marbuta ma’ titjira partikolari u mhux mat-trasport tal-passiġġier fl-intier tiegħu.

29

Konsegwentement, huwa biss il-prezz tat-titjira li fuqha l-imsemmi passiġġier tqiegħed fi klassi inferjuri li għandu jservi bħala bażi għar-rimbors previst minn din id-dispożizzjoni, u mhux il-prezz tat-trasport kollu li l-biljett jagħti d-dritt għalih.

30

Madankollu, fil-każ li l-biljett jindika biss il-prezz tat-trasport kollu tal-passiġġier u ma jippreċiżax għalhekk, barra minn hekk, il-prezz tat-titjira li fuqha l-passiġġier tqiegħed fi klassi inferjuri, il-bażi għandha tkun il-parti tal-prezz ta’ dan il-biljett li tikkorrispondi għall-kwozjent li jirriżulta mid-distanza tat-titjira kkonċernata u d-distanza totali li l-passiġġier huwa intitolat jivvjaġġa.

31

Fil-fatt, sa fejn it-tqegħid tal-passiġġier fi klassi inferjuri jikkonċerna biss segment tat-trasport tiegħu, li jikkorrispondi għal distanza partikolari, l-użu ta’ dan il-metodu jippermetti li r-rimbors miksub mill-passiġġier jiġi aġġustat sabiex ikun proporzjonali għall-parti tat-trasport tiegħu li matulu tali tnaqqis fil-klassi kkawżalu inkonvenjenza.

32

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda hija l-Artikolu 10(2) flimkien mal-Artikolu 2(f) tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ li passiġġier fuq titjira jitqiegħed fi klassi inferjuri, il-prezz li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat ir-rimbors dovut lill-passiġġier ikkonċernat huwa l-prezz tat-titjira li fuqha huwa tqiegħed fi klassi inferjuri, sakemm tali prezz ma huwiex indikat fuq il-biljett li jistabbilixxi d-dritt tiegħu għat-trasport fuq din it-titjira, f’liema każ il-bażi għar-rimbors għandha tkun il-parti tal-prezz tal-biljett li tikkorrispondi għall-kwozjent li jirriżulta mid-distanza tat-titjira kkonċernata u d-distanza totali li l-passiġġier huwa intitolat jivvjaġġa.

Fuq it-tielet domanda

33

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li passiġġier fuq titjira jitqiegħed fi klassi inferjuri, il-prezz tal-biljett li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat ir-rimbors dovut lil dan il-passiġġier jikkorrispondi unikament għall-prezz tat-titjira nnifisha, bl-esklużjoni tat-taxxi u tal-miżati.

34

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 10(2)(a) sa (ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 jirreferi, mingħajr ebda kjarifika addizzjonali, għall-“prezz tal-biljett”, li, hekk kif jirriżulta mir-risposta għat-tieni domanda magħmula, huwa l-prezz tat-titjira li fuqha l-passiġġier ikkonċernat tqiegħed fi klassi inferjuri.

35

Huwa minnu li dan il-prezz jinkludi b’mod partikolari żewġ komponenti distinti, jiġifieri, minn naħa, it-“tariffa” applikata mit-trasportatur tal-ajru għat-trasport tal-passiġġier li xtara l-biljett, u, min-naħa l-oħra, it-taxxi u l-miżati imposti minn dan it-trasportatur f’din l-okkażjoni.

36

Issa, dawn it-taxxi u miżati jikkostitwixxu komponenti inevitabbli tal-prezz definittiv li għandu jitħallas mill-passiġġier sabiex jibbenefika mis-servizz propost mit-trasportatur tal-ajru (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-19 ta’ Lulju 2012, ebookers.com Deutschland, C‑112/11, EU:C:2012:487, punt 14, u tat-18 ta’ Settembru 2014, Vueling Airlines, C‑487/12, EU:C:2014:2232, punt 36).

37

Madankollu, mill-frażi li tikkostitwixxi l-introduzzjoni komuni għall-punti (a) sa (ċ) tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 261/2004, jekk trasportatur tal-ajru li jopera jpoġġi passiġġier fi klassi inferjuri minn dik li għaliha l-biljett ikun inxtara, huwa għandu jirrimborsa parti mill-prezz ta’ dan il-biljett, skont il-modalitajiet previsti f’dawn il-punti (a) sa (ċ).

38

Din il-frażi tenfasizza impliċitament ir-responsabbiltà li taqa’ fuq it-trasportatur tal-ajru li jopera fil-qasam tat-tnaqqis fil-klassi, fis-sens li d-deċiżjoni li passiġġier jitqiegħed, kuntrarjament għal dak li jkun ġie miftiehem mal-persuna kkonċernata u mixtri minn din tal-aħħar, fi klassi inferjuri għal dik prevista fil-biljett tagħha, hija imputabbli biss lit-trasportatur tal-ajru, fil-kwalità tiegħu bħala persuna li tkun qed twettaq titjira partikolari.

39

Għaldaqstant, l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu, fl-intier tiegħu, jinqara fis-sens li, sabiex jiġi ddeterminat ir-rimbors dovut lill-passiġġier, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni l-komponenti tal-prezz tat-titjira bħat-taxxi u l-miżati meta, minkejja li jkunu marbuta mal-imsemmija titjira, dawn ma jkunux inerenti għal din tal-aħħar.

40

Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-għan tal-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 261/2004 li jikkonsisti, hekk kif ġie osservat fil-punti 26 sa 28 ta’ din is-sentenza, f’li tiġi kkumpensata, f’forma ta’ somma f’daqqa, l-inkonvenjenza kkawżata mit-tnaqqis fil-kumdità assoċjat mat-tnaqqis fil-klassi mwettaq mit-trasportatur tal-ajru, għad-distanza kollha u għat-tul kollu tat-titjira kkonċernata.

41

Fil-fatt, fid-dawl ta’ tali għan, dan ir-regolament ma jistax jitqies bħala li jikkostitwixxi bażi legali li tippermetti li jiġi impost ir-rimbors, għalkemm f’forma parzjali u ta’ somma f’daqqa, tal-komponenti tal-prezz li la l-eżiġibbiltà u lanqas l-ammont tagħhom ma huma assoċjati ma’ din l-inkonvenjenza u, konsegwentement, mat-twettiq tat-titjira kkonċernata.

42

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk it-taxxi u l-miżati inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfawx jew le dawn ir-rekwiziti.

43

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prezz tal-biljett li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat ir-rimbors dovut lil passiġġier, fil-każ ta’ tnaqqis fil-klassi fuq titjira, jikkorrispondi unikament għall-prezz tat-titjira nnifisha, bl-esklużjoni tat-taxxi u tal-miżati indikati fuq dan il-biljett, bil-kundizzjoni li la l-eżiġibbiltà u lanqas l-ammont tagħhom ma jiddependu mill-klassi li għaliha l-imsemmi biljett ikun inxtara.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 10(2) flimkien mal-Artikolu 2(f) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ li passiġġier fuq titjira jitqiegħed fi klassi inferjuri, il-prezz li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat ir-rimbors dovut lill-passiġġier ikkonċernat huwa l-prezz tat-titjira li fuqha huwa tqiegħed fi klassi inferjuri, sakemm tali prezz ma huwiex indikat fuq il-biljett li jistabbilixxi d-dritt tiegħu għat-trasport fuq din it-titjira, f’liema każ il-bażi għar-rimbors għandha tkun il-parti tal-prezz tal-biljett li tikkorrispondi għall-kwozjent li jirriżulta mid-distanza tat-titjira kkonċernata u d-distanza totali li l-passiġġier huwa intitolat jivvjaġġa.

 

2)

L-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prezz tal-biljett li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat ir-rimbors dovut lil passiġġier, fil-każ ta’ tnaqqis fil-klassi fuq titjira, jikkorrispondi unikament għall-prezz tat-titjira nnifisha, bl-esklużjoni tat-taxxi u tal-miżati indikati fuq dan il-biljett, bil-kundizzjoni li la l-eżiġibbiltà u lanqas l-ammont tagħhom ma jiddependu mill-klassi li għaliha l-imsemmi biljett ikun inxtara.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.