KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil-31 ta’ Mejju 2016 ( 1 )

Kawża C‑157/15

Samira Achbita

u

Centrum voor gelijkheid van kansen en voor racismebestrijding

vs

G4S Secure Solutions NV

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van Cassatie (qorti ta’ kassazzjoni, il-Belġju)]

“Drittijiet fundamentali — Direttiva 2000/78/KE — Ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol — Kunċett ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew l-ideoloġija — Distinzjoni bejn diskriminazzjoni diretta u diskriminazzjoni indiretta — Ġustifikazzjoni — Projbizzjoni fi ħdan kumpannija li jintlibsu simboli politiċi, filosofiċi u reliġjużi viżibbli — Newtralità reliġjuża u ideoloġika — Tkeċċija ta’ impjegata Musulmana minħabba l-intenzjoni riżoluta tagħha li tilbes velu Iżlamiku fuq il-post tax-xogħol”

I – Introduzzjoni

1.

Persuna li timpjega fis-settur privat tista’ tipprojbixxi impjegata ta’ twemmin Musulman milli tilbes velu fuq il-post tax-xogħol? U l-persuna li timpjega tista’ tkeċċiha, meta hija tirrifjuta li tneħħi l-velu fuq il-post tax-xogħol? Dawn huma essenzjalment il-kwistjonijiet li fil-kawża preżenti l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta għalihom għall-ewwel darba mill-aspett tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mill-perspettiva tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin.

2.

F’dan il-punt, ma huwiex meħtieġ li tiġi enfasizzata s-sensittività soċjali inerenti f’din il-kwistjoni, speċjalment fil-kuntest politiku u soċjali attwali fejn l-Ewropa qed taffaċċja fluss possibbilment bla preċedent ta’ migranti minn pajjiżi terzi u fejn qed ikun hemm dibattiti qawwija dwar il-mezzi għall-aħjar integrazzjoni tal-persuni bi sfond ta’ migrazzjoni.

3.

Finalment, il-kwistjonijiet legali rigward il-velu Iżlamiku jirrappreżentaw il-kwistjoni l-iktar fundamentali dwar il-livell ta’ differenza u diversità li soċjetà Ewropea miftuħa u pluralistika għandha tittollera fi ħdanha u, b’mod reċiproku, dwar il-livell ta’ adattament li hija tista’ tirrikjedi minn ċerti minoritajiet.

4.

Konsegwentement, id-dibattiti dwar il-velu Iżlamiku ta’ spiss kienu u, ikomplu jkunu, intensi. F’dawn l-aħħar snin diġà tressqu kawżi quddiem numru ta’ qrati kemm fi ħdan l-Unjoni kif ukoll barra minnha, u dawn ingħataw ħafna attenzjoni fil-media kif ukoll fil-letteratura professjonali.

5.

Mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, il-fattur ta’ konnessjoni għas-soluzzjoni tal-problema jinsab fid-Direttiva kontra d-diskriminazzjoni 2000/78/KE ( 2 ), li l-Qorti tal-Ġustizzja hawnhekk intalbet tagħti interpretazzjoni tagħha minn qorti superjuri Belġjana. Il-Kawża C‑188/15 (Bougnaoui u ADDH) li toriġina minn Franza u li bħalissa tinsab quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda kwistjoni simili ħafna.

6.

Fiż-żewġ każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja mitluba tagħti deċiżjoni ta’ prinċipju li tista’ twitti t-triq fid-dinja tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea kollha, lil hinn mill-kuntest speċifiku tal-kawżi prinċipali, fi kwalunkwe każ, sa fejn ikun ikkonċernat is-settur privat. Fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol applikabbli għall-impjegati fis-settur pubbliku (pereżempju skejjel, awtoritajiet amministrattivi u qrati, iżda wkoll il-kumpanniji privati responsabbli għall-provvista ta’ servizzi pubbliċi), jistgħu japplikaw ċerti karatteristiċi partikolari, li madankollu ma humiex rilevanti fil-każ preżenti. Lanqas ma hemm bżonn li jiġu diskussi hawnhekk il-kwistjonijiet legali marbuta mal-imġiba ta’ individwi f’postijiet pubbliċi (pereżempju, in-nies li jkunu għaddejjin minn toroq u pjazez, utenti ta’ faċilitajiet pubbliċi, kif ukoll klijenti f’ristoranti jew stabbilimenti).

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

7.

Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni f’din il-kawża huwa ddeterminat mid-Direttiva 2000/78. Din id-direttiva, skont l-Artikolu 1 tagħha, hija intiża sabiex:

“tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

8.

Taħt it-titolu “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78 jipprevedi kif ġej:

“(1)   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

(2)   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

b)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

i)

meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, jew […]

[…]

(5)   Din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika dawk il-miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għall-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ offiżi kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

9.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 huwa ddeterminat fl-Artikolu 3 tagħha:

“(1)   Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[…]

(ċ)

il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]”

10.

Finalment, għandu jsir riferiment għall-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/78, li jinsab taħt it-titolu “Il-ħtiġiet tax-xogħol” u jipprevedi dan li ġej fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Minkejja l-Artikolu 2(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina [rekwiżit essenzjali] u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat.”

B – Id-dritt nazzjonali

11.

Fil-perijodu rilevanti għat-tilwima fil-kawża prinċipali, fil-Belġju kienet tapplika l-liġi kontra d-diskriminazzjoni tal-25 ta’ Frar 2003 ( 3 ), li ġiet adottata sabiex tittrasponi d-Direttiva 2000/78.

12.

Skont l-Artikolu 2 § 1 ta’ din il-liġi, ikun hemm diskriminazzjoni diretta:

“meta differenza fit-trattament li ma tkunx iġġustifikata b’mod oġġettiv u raġonevoli tkun ibbażata direttament fuq il-ġeneru, razza allegata, il-kulur tal-ġilda, l-antenati, l-oriġini nazzjonali jew etnika, l-orjentazzjoni sesswali, l-istat ċivili, it-twelid, l-assi, l-età, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, l-istat ta’ saħħa attwali jew futur, diżabbiltà jew karatteristika fiżika”.

13.

Skont l-Artikolu 2 § 2 tal-istess liġi, ikun hemm diskriminazzjoni indiretta:

“meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentament newtrali jkollha bħala tali effett ta’ ħsara fuq il-persuni li għalihom tapplika waħda mir-raġunijiet ta’ diskriminazzjoni elenkati f’§ 1, ħlief fejn din id-dispożizzjoni, dan il-kriterju jew din il-prattika tkun oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata.”

14.

Il-qorti tal-arbitraġġ Belġjana – illum il-qorti kostituzzjonali – permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2004, iddikjarat bħala inkompatibbli mal-Kostituzzjoni Belġjana l-lista eżawrjenti ta’ raġunijiet individwali ta’ diskriminazzjoni li kienet prevista fl-Artikolu 2 tal-liġi kontra d-diskriminazzjoni. Minn dakinhar, l-Artikolu 2 kien applikabbli għat-tipi kollha ta’ diskriminazzjoni, irrispettivament mir-raġuni li fuqhom tkun ibbażata d-diskriminazzjoni ( 4 ).

15.

Sadanittant, il-liġi kontra d-diskriminazzjoni ġiet issostitwita bil-Liġi tal-10 ta’ Mejju 2007 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom ta’ diskriminazzjoni ( 5 ). Madankollu, din il-liġi l-ġdida kienet għadha ma hijiex applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali.

III – Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

16.

G4S Secure Solutions NV (iktar ’il quddiem, “G4S”) hija impriża li inter alia tipprovdi servizzi ta’ sorveljanza u ta’ sigurtà, kif ukoll servizzi ta’ akkoljenza lil klijentela varjata kemm mis-settur pubbliku kif ukoll minn dak privat. Fit-12 ta’ Frar 2003, Samira Achbita daħlet bħala receptionist ma’ G4S taħt kuntratt għal żmien indeterminat.

17.

L-impjegati ta’ G4S ma jistgħux jilbsu simboli reliġjużi, politiċi jew filosofiċi waqt ix-xogħol. Inizjalment, din il-projbizzjoni kienet tapplika biss bħala regola tax-xogħol mhux bil-miktub. Bl-approvazzjoni tal-organizzazzjoni tal-impjegati, fit-13 ta’ Ġunju 2006, daħlet il-formulazzjoni bil-miktub li ġejja fir-regolamenti tax-xogħol:

“L-impjegati huma pprojbiti milli jilbsu simboli b’rabta mal-konvinzjonijiet politiċi, filosofiċi jew reliġjużi tagħhom li jkunu viżibbli fuq il-post tax-xogħol u/jew li jwettqu kwalunkwe ritwal li jirriżulta minnhom.”

18.

Mingħajr ma pprotestat għal din ir-regola tax-xogħol, S. Achbita, li meta bdiet taħdem diġà kienet Musulmana, kienet tilbes il-velu biss barra mill-post tax-xogħol għal iktar minn tliet snin. F’April 2006, madankollu, hija ħabbret li fil-futur hija kellha l-intenzjoni li tilbes il-velu anki waqt il-ħinijiet tax-xogħol għal raġunijiet reliġjużi. Il-maniġment tal-impriża avżaha li dan kien kontra l-prinċipju ta’ newtralità segwit minn G4S.

19.

Wara perijodu ta’ mard, S. Achbita, fit-12 ta’ Mejju 2006, informat li fil-15 ta’ Mejju 2006 kienet ser terġa’ tidħol ix-xogħol u li kienet ser tilbes il-velu. Fit-12 ta’ Ġunju 2006, S. Achbita tkeċċiet minħabba l-intenzjoni riżoluta tagħha li tilbes il-velu Iżlamiku bħala Musulmana. Hija ngħatat allowance ta’ tkeċċija.

20.

Fis-26 ta’ April 2007, S. Achbita ppreżentat rikors għad-danni kontra G4S quddiem l-Arbeidsrechtbank te Antwerpen ( 6 ) minħabba tkeċċija abbużiva, u sussidjarjament talbet kumpens għad-danni minħabba ksur tal-liġi kontra d-diskriminazzjoni. Is-Centrum voor gelijkheid van kansen en voor racismebestrijding Belġjan (ċentru għall-opportunitajiet ugwali u għall-ġlieda kontra r-razziżmu, iktar ’il quddiem iċ-“Ċentru”) ( 7 ) intervjena fil-kawża insostenn ta’ S. Achbita fl-2009.

21.

Permezz ta’ sentenza tas-27 ta’ April 2010, l-Arbeidsrechtbank ċaħad ir-rikors ta’ S. Achbita peress li ma kien hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta. Fl-istadju tal-appell, l-Arbeidshof te Antwerpen ( 8 ) ċaħad ukoll it-talbiet tagħha permezz tas-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2011, minħabba li G4S, fid-dawl tal-opinjoni inkonsistenti fil-ġurisprudenza u l-letteratura, ma kinitx fl-obbligu li tassumi li l-projbizzjoni interna tagħha kienet illegali, u għalhekk it-tkeċċija ta’ S. Achbita ma għandhiex titqies bħala manifestament mhux xierqa jew diskriminatorja. Il-Hof van Cassatie ( 9 ) Belġjan, il-qorti tar-rinviju, issa hija adita b’appell ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza fit-tieni istanza, li ġie ppreżentat minn S. Achbita minn naħa waħda, u miċ-Ċentru min-naħa l-oħra.

IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22.

B’sentenza tad-9 ta’ Marzu 2015, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ April 2015, il-qorti ta’ kassazzjoni ssospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

L-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni li, bħala musulmana, persuna tilbes velu fuq il-post tax-xogħol ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta meta r-regola fis-seħħ tal-persuna li timpjega tipprojbixxi lill-ħaddiema kollha milli jilbsu fuq il-post tax-xogħol sinjali [simboli] esterni li juru konvinzjonijiet politiċi, filosofiċi jew reliġjużi?

23.

Fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, G4S, iċ-Ċentru, il-Gvernijiet tal-Belġju u ta’ Franza kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. L-istess partijiet kienu rrappreżentati wkoll fis-seduta tal-15 ta’ Marzu 2016, u li fiha pparteċipa wkoll ir-Renju Unit. Fil-Kawża C‑188/15, is-seduta għas-sottomissjonijiet orali saret fl-istess jum.

V – Evalwazzjoni

24.

Is-suġġett ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari huwa l-kunċett ta’ “diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin” fis-sens tal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2000/78.

25.

Diskriminazzjoni hija inugwaljanza fit-trattament li ma hijiex iġġustifikata ( 10 ). Huwa minnu li, kważi mingħajr eċċezzjoni, il-kliem tad-Direttiva 2000/78 huwa nieqes minn distinzjoni ċara bejn il-kunċetti ta’ “inugwaljanza fit-trattament” u “diskriminazzjoni”, iżda anki l-leġiżlatur tal-Unjoni evidentement jassumi li huwa “essenzjali li jkun hemm distinzjoni bejn id-differenzi fi trattament li huma ġġustifikati, […] u diskriminazzjoni li għandha tiġi pprojbita” ( 11 ).

26.

B’mod differenti mill-Kawża C‑188/15 li hija parallela, f’din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sens strett tal-kelma, qed tiġi mistoqsija biss dwar il-kunċett ta’ diskriminazzjoni diretta fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 u b’hekk, finalment, anki dwar id-distinzjoni bejn diskriminazzjoni diretta u diskriminazzjoni indiretta, iżda mhux dwar il-ġustifikazzjoni possibbli ta’ – kwalunkwe tip ta’ – diskriminazzjoni (jew inugwaljanza fit-trattament). Dan jista’ jkun dovut għall-fatt li l-qorti ta’ kassazzjoni Belġjana donnha tibbaża ruħha fuq il-prinċipju li, f’każ bħal dak preżenti, wieħed jista’ jiġġustifika diskriminazzjoni indiretta, iżda mhux waħda diretta.

27.

Madankollu, kif ser nispjega iktar fid-dettall sussegwentement, anki differenza fit-trattament indiretta tista’ assolutament tiġi ġġustifikata f’ċerti kundizzjonijiet. Fl-istess waqt, għandu jiġi nnotat li kemm il-ġustifikazzjoni ta’ differenza fit-trattament diretta kif ukoll il-ġustifikazzjoni ta’ differenza fit-trattament indiretta huma suġġetti għall-osservanza ta’ rekwiżiti speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni. B’hekk, biex il-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli ( 12 ), u dan anki fl-isfond tal-ġurisprudenza inkonsistenti tal-qrati nazzjonali fi ħdan, kif ukoll barra minn l-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ preżenti ma tistax toqgħod lura milli tindirizza l-kwistjoni ta’ diskriminazzjoni b’mod globali, inkluża kwalunkwe ġustifikazzjoni. Anki l-Kummissjoni, ġustament, talbet dan fis-seduta.

28.

L-ewwel nett, ser niddiskuti fil-qosor il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima A), qabel ma nindirizza l-kunċett ta’ diskriminazzjoni bbażat fuq ir-reliġjon (ara t-Taqsima B iktar ’l isfel) u finalment ser nagħti opinjoni dwar il-possibbiltajiet ta’ ġustifikazzjoni (ara, fl-aħħar nett, it-Taqsima C).

A – Il-kamp ta ’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78

29.

Skont l-Artikolu 3(1)(ċ) tagħha, id-Direttiva 2000/78 tapplika “[f]il-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità […] għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda […] il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji [tkeċċijiet] u paga”.

30.

Peress li l-projbizzjoni li jintlibes velu Iżlamiku fuq il-post tax-xogħol, bħala riżultat ta’ projbizzjoni ġenerali stabbilita mill-impriża ta’ simboli reliġjużi viżibbli kellha rwol deċiżiv biex tintemm ir-relazzjoni ta’ xogħol ta’ S. Achbita minn G4S, din hija waħda mill-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija fis-sens tal-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78. Għaldaqstant, din il-kawża taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

31.

Franza tenfasizza li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, skont il-parti introduttorja tal-Artikolu 3(1), huwa stabbilit biss fil-limiti tal-kompetenzi kkonferiti lill-Komunità (illum l-Unjoni). Fil-fehma ta’ Franza, b’hekk id-Direttiva ma hijiex intiża sabiex tapplika għal sitwazzjonijiet li jikkonċernaw l-identità nazzjonali tal-Istati Membri. B’mod partikolari, dan l-Istat Membru huwa tal-fehma li l-applikazzjoni tad-Direttiva għas-servizz pubbliku (“service public”) hija suġġetta għal restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-prinċipju kostituzzjonali tal-lajċiżmu ( 13 ) (“laïcité”) applikabbli fi Franza. F’dan il-kuntest, Franza tinvoka l-obbligu tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 4(2) TUE, li tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri, li hija inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali fundamentali tagħhom.

32.

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi nnotat li l-proċedura preżenti ma tirrigwardax impjieg fis-servizz pubbliku. Minbarra dan, it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jirriżulta mit-Trattati. Mis-sempliċi obbligu tal-Unjoni li tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri tagħha skont l-Artikolu 4(2) TUE, ma jistax jiġi konkluż li ċerti materji jew oqsma ta’ attività jkunu eliminati kompletament mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 ( 14 ). hija pjuttost l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva li ma tistax tippreġudika l-identità nazzjonali tal-Istati Membri. B’hekk, l-identità nazzjonali, bħala tali, ma tirrestrinġix il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, iżda għandha tittieħed inkunsiderazzjoni kif dovut fl-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li hija tipprevedi kif ukoll tal-ġustifikazzjonijiet għal kwalunkwe differenza fit-trattament ( 15 ). Anki Franza, fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li tali approċċ huwa mod iktar vijabbli biex tiġi ppreżervata l-identità nazzjonali.

B – Il-kunċett ta ’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon

33.

Kif jirriżulta mill-Artikolu 1 flimkien mal-Artikolu 2(1) tagħha, id-Direttiva 2000/78 tiġġieled id-diskriminazzjoni diretta kif ukoll dik indiretta li tkun ibbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin fl-impjieg u fix-xogħol. Għall-finijiet tal-każ preżenti, ma huwiex meħtieġ li ssir distinzjoni iktar preċiża bejn “reliġjon” u “twemmin”. B’hekk, għal finijiet ta’ semplifikazzjoni, ser nitkellem biss dwar “diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon” jew fuq “diskriminazzjoni reliġjuża”.

1. Fuq l-aspett reliġjuż tal-każ preżenti

34.

Dak li jaqa’ taħt il-kunċett “reliġjon” naturalment huwa kwistjoni kumplessa, li tinvolvi kunsiderazzjonijiet oġġettivi mħallta ma’ elementi tal-konvinzjoni suġġettiva ta’ kull individwu.

35.

Il-kunċett ta’ “reliġjon” użat fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 għandu jinftiehem b’mod wiesa’. Dan ma jinkludix biss it-twemmin ta’ persuna bħala tali (forum internum), iżda wkoll il-prattika ta’ din ir-reliġjon kif ukoll l-istqarrija tal-fidi tagħha, anki fl-isfera pubblika (forum externum). Kif jissuġġerixxu b’mod partikolari t-titolu, il-preambolu u l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2000/78 għandha l-għan li tiġġieled id-diskriminazzjoni fl-impjieg u fix-xogħol. L-għan ġenerali ta’ din id-direttiva huwa li jinħoloq ambjent tax-xogħol ħieles mid-diskriminazzjoni ( 16 ). Sabiex dan l-għan jintlaħaq bl-aħjar mod, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ma jistax jiġi ddefinit b’mod restrittiv ( 17 ). Dan japplika iktar u iktar peress li d-Direttiva 2000/78 tikkonkretizza l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li huwa ta’ natura fundamentali u li huwa espress b’mod prominenti mill-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ( 18 ).

36.

B’mod simili, it-tieni sentenza tal-Artikolu 10(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tistipula li l-libertà ta’ reliġjon tinkludi wkoll il-libertà ta’ kull persuna li tistqarr ir-reliġjon tagħha fil-pubbliku jew fil-privat, inkluż permezz ta’ riti.

37.

Ċertament, interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “reliġjon” ma tfissirx li kwalunkwe aġir jew azzjoni tal-persuni jinsabu awtomatikament protetti taħt l-ordinament ġuridiku, sempliċiment minħabba l-fatt li dawn ikunu ispirati minn xi tip ta’ konvinzjoni reliġjuża ( 19 ).

38.

Madankollu, fil-każ preżenti, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod inekwivoku li S. Achbita – bħal ħafna Musulmani nisa oħrajn – tilbes il-velu tagħha għal raġunijiet reliġjużi, u ma teżisti l-ebda raġuni biex wieħed jiddubita s-sinċerità tal-motivazzjoni reliġjuża tagħha. Fuq il-bażi tal-approċċ adottat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) rigward l-Artikolu 9 KEDB ( 20 ) u tal-prattika ta’ għadd ta’ qrati u istituzzjonijiet nazzjonali ( 21 ), anki l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tqis dan bħala punt ta’ rabta suffiċjenti mar-reliġjon, b’tali mod li dan il-każ jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-projbizzjoni taħt id-dritt tal-Unjoni ta’ diskriminazzjoni reliġjuża.

2. Fuq id-distinzjoni bejn diskriminazzjoni diretta u indiretta

39.

Il-qofol tal-interess tal-qorti tar-rinviju huwa l-kwistjoni dwar jekk il-projbizzjoni kkontestata tikkostitwixxix diskriminazzjoni reliġjuża diretta jew indiretta.

40.

Id-distinzjoni bejn diskriminazzjoni diretta u diskriminazzjoni indiretta hija importanti mill-aspett ġuridiku speċjalment peress li l-possibbiltajiet ta’ ġustifikazzjoni jistgħu jkunu differenti, skont jekk id-differenza fit-trattament li fuqha hija tkun ibbażata tkunx marbuta mar-reliġjon direttament jew indirettament. B’mod partikolari, l-għanijiet eventwali li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biex tiġi ġġustifikata inugwaljanza fit-trattament diretta bbażata fuq ir-reliġjon huma ħafna inqas varji minn dawk li jistgħu jiġġustifikaw inugwaljanza fit-trattament indiretta ( 22 ).

41.

Filwaqt li G4S tassumi li ma teżisti l-ebda diskriminazzjoni, u Franza u r-Renju Unit jassumu li hemm diskriminazzjoni indiretta, il-Belġju u ċ-Ċentru jqisu li teżisti diskriminazzjoni diretta ( 23 ). Fil-Kawża preżenti C‑157/15, il-Kummissjoni targumenta favur il-konstatazzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta, u fil-Kawża parallela C‑188/15, favur il-preżunzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta. Il-prassi tal-qrati nazzjonali wkoll hija inkonsistenti f’tali każijiet ( 24 ).

42.

Diskriminazzjoni reliġjuża diretta fis-sens tad-Direttiva 2000/78 isseħħ jekk persuna, minħabba r-reliġjon, tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi, tkun ġiet jew tkun ittrattata persuna oħra f’sitwazzjoni simili [Artikolu 2(2)(a) flimkien mal-Artikolu 1]; għaldaqstant l-inugwaljanza fit-trattament li fuqha hija bbażata tali sitwazzjoni hija marbuta direttament mar-reliġjon. Min-naħa l-oħra, għandu jitqies li sseħħ diskriminazzjoni reliġjuża indiretta biss meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tista’ tqiegħed persuni li għandhom reliġjon partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni oħra [Artikolu 2(2)(b)].

43.

Mal-ewwel daqqa t’għajn, dak li jkun jista’ jqis projbizzjoni bħal dik iddikjarata minn G4S bħala diskriminazzjoni diretta fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva. Fil-fatt, skont ir-regola tal-kumpannija interna, huwa espressament ipprojbit għall-impjegati ta’ G4S li jilbsu simboli viżibbli tal-konvinzjonijiet reliġjużi tagħhom fuq il-post tax-xogħol, b’tali mod li l-kliem ta’ din ir-regola huwa direttament marbut mar-reliġjon. B’applikazzjoni ta’ din ir-regola, S. Achbita, impjegata ta’ twemmin Musulman, tkeċċiet minħabba li abbażi tal-konvinzjonijiet reliġjużi tagħha insistiet li tilbes velu Iżlamiku fuq il-post tax-xogħol, jew minħabba li hija rrifjutat li tneħħi dan il-velu waqt il-ħinijiet tax-xogħol.

44.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-ġurisprudenza preċedenti tagħha dwar diversi projbizzjonijiet ta’ diskriminazzjoni taħt id-dritt tal-Unjoni, ġeneralment ħadet bħala bażi interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ diskriminazzjoni diretta, u dejjem assumiet li hemm tali diskriminazzjoni meta miżura tkun marbuta b’mod inseparabbli mar-raġuni għal differenza fit-trattament inkwistjoni ( 25 ).

45.

F’dawn il-każijiet kollha, madankollu, dejjem kienu kkonċernati karatteristiċi fiżiċi jew karatteristiċi personali li ma jistgħux jiġu mibdula, bħall-ġeneru ( 26 ), l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, u mhux l-imġiba bbażata fuq deċiżjoni jew konvinzjoni suġġettiva, bħall-kwistjoni ta’ jekk persuna tilbisx xedd ir-ras jew le, inkwistjoni fil-każ preżenti.

46.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, meta titqies iktar mill-qrib, it-tema tad-diskriminazzjoni diretta ma hijiex xierqa sabiex tkopri korrettament projbizzjoni bħal dik inkwistjoni hawnhekk.

47.

Fil-fatt, biex tiġi preżunta diskriminazzjoni reliġjuża diretta fis-sens tad-definizzjoni tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78, l-element deċiżiv huwa li persuna, minħabba r-reliġjon“tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili”.

48.

Fil-każ preżenti ma teżisti l-ebda indikazzjoni ta’ tali trattament “inqas favorevoli”. Kif ser nispjega iktar fid-dettall sussegwentement, hawnhekk la jiġi kkonstatat li membri f’komunità reliġjuża partikolari ġew ittrattati b’mod inqas favorevoli minn persuni ta’ fidi reliġjuża oħra, u lanqas ma jista’ jiġi nnotat li persuni reliġjużi jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minn persuni mhux reliġjużi jew ma’ ateisti li stqarrew il-pożizzjoni tagħhom.

49.

L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li l-projbizzjoni inkwistjoni tapplika għas-simboli reliġjużi viżibbli kollha b’mod ugwali. B’hekk, ma teżisti l-ebda diskriminazzjoni bejn ir-reliġjonijiet. B’mod partikolari, skont l-informazzjoni kollha disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja, ma hijiex miżura li hija diretta b’mod speċjali kontra l-impjegati ta’ twemmin Musulman jew b’mod speċifiku kontra impjegati nisa ta’ din ir-reliġjon. Fil-fatt, regola tal-kumpannija bħal dik ta’ G4S tista’ taffettwa wkoll lil impjegati rġiel Lhudin, li jiġu x-xogħol b’kipah, jew sikh, li jkun irid iwettaq xogħlu bid-dastar (turban), jew ukoll impjegati nisa u rġiel ta’ twemmin Kristjan, li jkunu jridu jilbsu salib viżibbli biċ-ċar jew flokk bil-kliem “Jesus is great” għax-xogħol.

50.

Huwa minnu li d-Direttiva, li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ ( 27 ), mhux biss tipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon waħda, iżda kull diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon [Artikolu 2(1) flimkien mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 u l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali]. Anki minn din il-perspettiva, madankollu, każ bħal dak preżenti ma jippermettix li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni reliġjuża diretta.

51.

Fil-fatt, wieħed għandu jqis li regola tal-kumpannija bħal dik ta’ G4S ma hijiex ristretta għal projbizzjoni li jintlibsu simboli viżibbli ta’ konvinzjoni reliġjuża, iżda fl-istess waqt tipprojbixxi wkoll espressament l-ilbies ta’ simboli viżibbli ta’ konvinzjoni politika jew filosofika. Ir-regola tal-kumpannija għalhekk hija espressjoni ta’ politika ġenerali tal-impriża b’applikazzjoni għalkollox indiskriminata, u hija newtrali mill-perspettiva tar-reliġjon u tal-ideoloġija.

52.

Dan ir-rekwiżit ta’ newtralità jaffettwa impjegat reliġjuż eżattament bl-istess mod bħalma jaffettwa ateist konvint, li jesprimi l-pożizzjoni antireliġjuża tiegħu permezz ta’ lbies viżibbli b’mod ċar, jew impjegat politikament attiv li jiżvela l-partit politiku ppreferut tiegħu jew kontenut politiku partikolari permezz tal-ilbies (pereżempju b’simboli, badges jew slogans fuq il-qmis, il-flokk jew ix-xedd ir-ras tiegħu).

53.

Għaldaqstant, dak li jibqa’ fil-każ preżenti hija biss inugwaljanza fit-trattament bejn l-impjegati li jkunu jixtiequ jesprimu b’mod attiv konvinzjoni partikolari– irrispettivament minn jekk din tkunx ta’ natura reliġjuża, politika jew filosofika – u l-kollegi tagħhom li ma jħossux dan il-bżonn. Madankollu, dan ma jinvolvi l-ebda trattament “inqas favorevoli” li huwa marbut b’mod dirett u speċifiku mar-reliġjon.

54.

Is-sempliċi fatt li l-projbizzjoni li jintlibsu simboli reliġjużi viżibbli fuq il-post tax-xogħol tista’ tikkostitwixxi ndħil fil-libertà ta’ reliġjon ( 28 ) (Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ( 29 )) ma huwiex tali li jibdel din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, mhux kwalunkwe ndħil f’din il-libertà għandu neċessarjament jiġi kklassifikat bħala diskriminatorju, wisq inqas bħala direttament diskriminatorju, mill-perspettiva tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament.

55.

L-affarijiet kienu ċertament ikunu differenti jekk jirriżulta li projbizzjoni bħal dik inkwistjoni hawnhekk hija bbażata fuq stereotipi jew fuq preġudizzji fir-rigward ta’ reliġjon waħda jew diversi reliġjonijiet speċifiċi, jew ukoll biss fir-rigward tal-konvinzjonijiet reliġjużi b’mod ġenerali. F’dak il-każ, mingħajr ebda dubju, għandha tiġi preżunta diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon ( 30 ). Iżda skont l-informazzjoni disponibbli, ma hemm l-ebda indikazzjoni f’dan is-sens.

56.

Kollox ma’ kollox, b’hekk, projbizzjoni bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ ma għandhiex titqies bħala diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon [Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78].

57.

Sa fejn tali regola, madankollu, fil-prattika tista’ tqiegħed fi żvantaġġ partikolari persuni ta’ ċerti reliġjonijiet jew ideoloġiji – f’dan il-każ impjegati nisa ta’ twemmin Musulman – meta mqabbla ma’ impjegati oħra, din ir-regola, bla ħsara għal eventwali ġustifikazzjoni, tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni reliġjuża indiretta [Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78].

C – Il-possibbiltajiet ta ’ ġustifikazzjoni

58.

Jekk wieħed jikklassifika projbizzjoni bħal dik imposta minn G4S bħala diskriminazzjoni – indiretta jew diretta – ibbażata fuq ir-reliġjon, ikun għad irid jiġi diskuss jekk l-inugwaljanza fit-trattament sottostanti tistax tiġi ġġustifikata taħt id-Direttiva 2000/78 jew jekk, fin-nuqqas ta’ tali ġustifikazzjoni, din tikkostitwixxix diskriminazzjoni pprojbita.

59.

Inugwaljanza fit-trattament reliġjuża indiretta ( 31 ) tista’ tkun iġġustifikata oġġettivament permezz ta’ kull għan leġittimu, biss sakemm il-miżura kkontestata– f’dan il-każ il-projbizzjoni li jintlibsu simboli politiċi, filosofiċi u reliġjużi viżibbli – tkun xierqa u neċessarja biex jintlaħaq dan l-għan [Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78].

60.

Mingħajr ebda dubju, l-għanijiet leġittimi fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78 jinkludu dawk stabbiliti b’mod espliċitu mil-leġiżlatur tal-Unjoni nnifsu, jiġifieri l-osservanza ta’ rekwiżiti professjonali partikolari [Artikolu 4(1) tad-Direttiva] minn naħa, u l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn [Artikolu 2(5) tad-Direttiva] min-naħa l-oħra. Ser niffoka issa fuq dawn iż-żewġ għanijiet.

61.

Permezz ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, huma kkonkretizzati fuq il-livell tad-dritt sekondarju l-limiti li għalihom huma suġġetti l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif ukoll id-drittijiet fundamentali tal-Unjoni kollha [f’dan ir-rigward, ara, b’mod ġenerali, l-Artikolu 52(1) tal-Karta].

62.

Peress li l-Artikoli 2(5) u 4(1) tad-Direttiva huma dejjem applikabbli indipendentement mit-tip ta’ diskriminazzjoni, l-osservazzjonijiet tiegħi dwar dawn iż-żewġ motivi ta’ ġustifikazzjoni huma wkoll validi fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja – għall-kuntrarju ta’ dak li ssuġġerejt iktar ’il fuq – tqis li hemm diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon, minflok waħda indiretta.

63.

Hemm nuqqas ta’ qbil serju bejn il-partijiet fil-proċedura dwar jekk projbizzjoni bħal dik inkwistjoni hawnhekk issegwix għan leġittimu, wisq inqas għan leġittimu fis-sens taż-żewġ dispożizzjonijiet tad-direttiva msemmija hawn fuq, u dwar jekk hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. G4S tafferma dan, filwaqt li ċ-Ċentru, il-Belġju u Franza jargumentaw bil-kontra. Anki l-Kummissjoni tesprimi ċertu xettiċiżmu ( 32 ). Il-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali dwar din il-kwistjoni hija inkonsistenti ( 33 ).

64.

Jien ser nindirizza din il-kwistjoni l-ewwel nett mill-perspettiva tar-rekwiżiti professjonali [Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78; ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima 1] u mbagħad mil-lat tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn [Artikolu 2(5) tad-Direttiva; ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima 2 iktar ’l isfel].

1. Il-projbizzjoni kontenzjuża inkwantu rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti (Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78)

65.

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2007/78, “l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 [tad-Direttiva] m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina [rekwiżit essenzjali] u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat”.

66.

F’termini sempliċi, ir-rekwiżiti professjonali fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, li jirriżultaw min-natura ta’ attività jew mill-kuntest li fihom jitwettqu, jistgħu jkunu espressjoni ta’ għan leġittimu u għalhekk jikkostitwixxu raġuni oġġettiva li tkun tista’ tiġġustifika differenza fit-trattament ibbażata fuq ir-reliġjon, b’mod li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni pprojbita.

67.

B’mod differenti minn dak li jista’ jissuġġerixxi mal-ewwel daqqa t’għajn il-kliem tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva ([…] l-Istati Membri jistgħu jipprovdu […]), biex tkun iġġustifikata inugwaljanza fit-trattament, ir-rekwiżiti professjonali mhux neċessarjament għandhom ikunu ġew stabbiliti mill-Istati Membri b’mod statutorju fl-għamla ta’ liġijiet jew digrieti, għall-kuntrarju huwa biżżejjed li regola tal-kumpannija f’dan is-sens tkun fis-seħħ fi ħdan impriża ( 34 ). Dan huwa preċiżament il-każ ta’ G4S, minħabba li l-projbizzjoni kontenzjuża hija bbażata fuq regola tal-kumpannija interna, li saħansitra ġiet adottata bl-approvazzjoni tal-organizzazzjoni tal-impjegati.

68.

Imbagħad, il-prerekwiżit essenzjali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva huwa, kif diġà ċċarat il-Qorti tal-Ġustizzja, li ma hijiex ir-raġuni li fuqha hija bbażata differenza fit-trattament – f’dan il-każ ir-reliġjon – iżda karatteristika marbuta ma’ din ir-raġuni li għandha tikkostitwixxi tali rekwiżit professjonali ( 35 ).

69.

Dan huwa l-każ hawnhekk, minħabba li G4S ma tipprojbixxix lill-impjegati tagħha milli jkunu parti minn, jew jipprattikaw, reliġjon partikolari, iżda titlobhom biss li ma jilbsux ċerti ħwejjeġ bħall-velu, li jistgħu jkunu marbuta ma’ reliġjon. B’hekk, il-kwistjoni hija dwar jekk il-persuna li timpjega tistax tistabbilixxi bħala rekwiżit professjonali li impjegata mara tikkonforma ma’ numru ta’ speċifikazzjonijiet rigward karatteristiċi speċifiċi tad-dehra esterna, b’mod partikolari ċerti aspetti tal-ilbies tagħha meta dawn jista’ jkollhom riferiment reliġjuż.

70.

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 jistabbilixxi żewġ kundizzjonijiet għal dan: minn naħa, għandu jkun hemm “ħtieġa ġenwina [rekwiżit essenzjali] u determinanti tax-xogħol” u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit għandu jkun “proporzjonat”, u għandu jkun ġie stabbilit sabiex jintlaħaq “għan […] leġittimu”.

a) Il-kriterju ta’ rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti

71.

L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk projbizzjoni bħal dik inkwistjoni hawnhekk tistax tassew tikkostitwixxi rekwiżit professjonali fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, jerġa’ qabel wieħed jeżamina jekk għandhiex titqies bħala rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti. Il-biċċa l-kbira tal-partijiet jikkontestaw dan.

i) Rekwiżit professjonali

72.

Bħala deroga minn projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni ta’ natura fundamentali, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat b’mod strett ( 36 ). Dan l-approċċ mhux biss huwa appoġġat mill-kliem komparattivament restrittiv ta’ din id-dispożizzjoni ( 37 ), iżda wkoll mill-preambolu tad-Direttiva ( 38 ), fejn huwa enfasizzat b’mod partikolari li l-imsemmija raġuni ta’ ġustifikazzjoni għandu japplika biss “f’ċirkostanzi limitati ħafna”.

73.

Madankollu, anki jekk jiġi interpretat bil-mod l-iktar restrittiv, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva jħalli marġni sabiex jiġi kkonċepit li impriża timponi kodiċi ta’ lbies. Dan peress li din id-dispożizzjoni ma tikkonċernax biss it-twettiq tal-“attivitajiet […] tax-xogħol” bħala tali, iżda wkoll il-“kuntest li fihom jitwettqu”. Bħalma tikkonferma wkoll il-kelma “jew” fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, il-“kuntest tat-twettiq” għandu kontenut assolutament awtonomu fir-rigward tan-“natura tal-attività professjonali”. Kull wieħed minn dawn iż-żewġ elementi meħud waħdu b’hekk diġà jista’ jservi bħala raġuni ta’ ġustifikazzjoni għal inugwaljanza fit-trattament ibbażata fuq ir-reliġjon.

74.

Applikat għal każ bħal dak preżenti, dan ifisser li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva bl-ebda mod ma jkopri biss rekwiżiti dwar il-proċessi operazzjonali tal-attività ta’ receptionist f’impriża jew awtorità (bħal pereżempju li tilqa’ l-viżitaturi, l-għoti ta’ informazzjoni, it-twettiq ta’ kontrolli fuq l-aċċess jew il-ftuħ u l-għeluq ta’ bibien u xtiebi), iżda, fil-“kuntest li fihom jitwettqu”, ukoll il-kuntest li fih jiġu pprovduti dawn is-servizzi ( 39 ).

75.

Għalkemm l-attività ta’ receptionist tista’, inkwantu tali, tiġi eżerċitata tajjeb kemm bl-ilbies ta’ velu kif ukoll mingħajru, madankollu l-osservanza tal-kodiċi tal-ilbies stabbilit mill-persuna li timpjega (pereżempju l-obbligu li tilbes ilbies tax-xogħol jew uniformi kif ukoll kwalunkwe projbizzjoni li tilbes simboli reliġjużi, politiċi jew filosofiċi viżibbli) tista’ tkun parti mill-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ din l-attività, bil-konsegwenza li l-impjegata twettaq xogħolha f’kuntest fejn hija għandha tibqa’ lura milli tilbes il-velu tagħha.

76.

Ċerti impriżi jistgħu intenzjonalment jistabbilixxu l-għan li jirreklutaw persunal varjat u ddiversifikat u anki jagħmlu din id-diversità li jiftaħru biha parti mill-immaġni tad-ditta tagħhom. Iżda impriża, b’mod daqstant leġittimu – bħal G4S f’dan il-każ – tista’ tiddeċiedi favur politika ta’ newtralità stretta fir-rigward tar-reliġjon u tal-ideoloġija bħala regola professjonali sabiex tikkonkretizza din l-immaġni, u tirrikjedi preżenza newtrali korrispondenti fuq il-post tax-xogħol mingħand l-impjegati tagħha.

ii) Rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti

77.

Minkejja dan, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, impjegata tista’ tintalab tosserva kodiċi tal-ilbies partikolari u l-obbligu b’rabta miegħu inkwistjoni hawnhekk, li ma tilbisx il-velu, biss jekk dan ikun “rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti”.

78.

Għalhekk, l-iżbarra li għandha tinqabeż sabiex tiġi ġġustifikata differenza fit-trattament ibbażata fuq ir-reliġjon hija għolja, iżda bl-ebda mod ma huwa impossibbli li tinqabeż.

79.

B’mod partikolari, f’każ bħal dak preżenti, l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva ma għandhiex tiġi miċħuda b’mod ġenerali b’riferiment għall-ġurisprudenza li skontha diskriminazzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata b’raġunijiet purament ekonomiċi ( 40 ). Għall-kuntrarju, hija proprju l-kwintessenza ta’ din id-dispożizzjoni li tippermetti ġustifikazzjoni ta’ inugwaljanza fit-trattament għal raġunijiet ekonomiċi, iktar preċiżament, għal raġunijiet relatati mal-impriża, anki jekk biss taħt kundizzjonijiet stretti stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni

80.

Il-kwistjoni jekk, fid-dawl tan-natura tal-attività inkwistjoni jew ukoll tal-kuntest li tiġi eżerċitata fih, ir-rekwiżiti professjonali jistgħux jitqiesu bħala essenzjali u determinanti, u jekk iva, liema fosthom, għandha tiġi deċiża abbażi ta’ kriterji oġġettivi filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-każ speċifiku.

81.

F’dan il-kuntest, il-persuna li timpjega għandu jkollha marġni ta’ diskrezzjoni fi ħdan l-impriża, li l-bażi tagħha finalment tinsab fid-dritt fundamentali tal-libertà ta’ intrapriża (Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ( 41 )). Din il-libertà timplika li fil-prinċipju l-imprenditur jista’ jiddetermina b’liema mod kif ukoll taħt liema kundizzjonijiet għandhom jiġu organizzati u mwettqa l-kompiti li jaqgħu taħt l-attività tiegħu, kif ukoll f’liema għamla jiġu offruti l-prodotti u s-servizzi tiegħu.

82.

Apparti mill-każijiet partikolarment evidenti fejn l-osservanza stretta ta’ regoli dwar l-ilbies hija indispensabbli għal raġunijiet ta’ iġjene jew ta’ sigurtà fuq il-post tax-xogħol (pereżempju fi sptarijiet ( 42 ), laboratorji, kċejjen, fabbriki jew siti ta’ kostruzzjoni), persuna li timpjega tista’ titlob ukoll, fil-kuntest ta’ kwalunkwe politika tal-impriża stabbilita minnha, li l-impjegati tagħha jġibu ruħhom jew jilbsu b’mod speċifiku fuq il-post tax-xogħol ( 43 ). Dan japplika iktar u iktar jekk l-impjegati kkonċernati – bħal S. Achbita f’dan il-każ – ikollhom kuntatt regolari wiċċ imb’wiċċ mal-klijenti meta jeżerċitaw l-attività tagħhom ( 44 ).

83.

Regoli ta’ dan it-tip huma komuni. Dawn jistgħu jkunu limitati għal stil ta’ lbies speċifiku (pereżempju l-ilbies ta’ ġlekk u qalziet, u ingravata għall-impjegati rġiel f’diversi amministrazzjonijiet jew impriżi, iż-żamma ma’ ċerta tip ta’ moda għall-bejjiegħa fid-department stores u fil-ħwienet tal-ħwejjeġ), iżda li f’ċerti każijiet jinkludu anki l-obbligu li jintlibsu ħwejjeġ tas-servizz jew uniformi (pereżempju għall-pulizija, suldati kif ukoll impjegati ta’ servizzi tas-sigurtà u linji tal-ajru, li l-ilbies tagħhom għandu jispira r-rispett u l-fiduċja u għandu jiggarantixxi li jiġu distinti u rikonoxxuti).

84.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, wara eżami b’mod oġġettiv u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-impriża, bl-ebda mod ma jidher mhux raġonevoli li receptionist bħal S. Achbita jkollha teżerċita l-attività tagħha filwaqt li tosserva ċertu kodiċi tal-ilbies – f’dan il-każ billi ma tilbisx il-velu Iżlamiku tagħha. Projbizzjoni bħal dik iddikjarata minn G4S tista’ titqies bħala rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78.

b) Il-kriterju tal-għan leġittimu u tar-rekwiżit proporzjonat

85.

Għad irid jiġi diskuss jekk projbizzjoni bħal dik imposta minn G4S tikkostitwixxix rekwiżit professjonali proporzjonat b’għan leġittimu. Permezz ta’ dawn iż-żewġ kriterji addizzjonali, li jinsabu stabbiliti fl-aħħar parti tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, finalment huwa ċċarat li l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-persuna li timpjega sabiex tiddetermina rekwiżiti professjonali huwa suġġett għal limiti stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni.

86.

Filwaqt li kriterju wieħed (rekwiżit “proporzjonat”) ifakkar biss fil-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 45 ), li jien ser nindirizza iktar tard (ara t-Taqsima ii, iktar ’il quddiem), il-kriterju l-ieħor (“għan leġittimu”) juru biċ-ċar li, meta tistabbilixxi rekwiżiti professjonali, il-persuna li timpjega ma tistax issegwi arbitrarjament kwalunkwe għan tal-għażla tagħha, iżda tista’ ssegwi biss dawk leġittimi (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima i hawn taħt).

i) Għan leġittimu

87.

Sabiex jiġi deċiż jekk l-għan segwit mill-persuna li timpjega huwiex leġittimu, għandu jittieħed approċċ normattiv, fejn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux l-inqas il-valuri fundamentali tal-Unjoni u l-għanijiet essenzjali segwiti minnha (Artikoli 2 u 3 TUE). Barra minn hekk, isir riferiment b’mod prominenti għal dawn il-valuri u għanijiet ukoll fil-preambolu tad-Direttiva 2000/78 ( 46 ).

88.

Meta dan jiġi applikat għal każ bħal dak preżenti, dan ifisser li l-kodiċi tal-ilbies stabbilit minn impriża bħal G4S għall-impjegati tagħha, inkluża projbizzjoni tal-ilbies tal-velu inkluża fih, jista’ jservi bħala ġustifikazzjoni ta’ inugwaljanza fit-trattament ibbażata fuq ir-reliġjon biss jekk dan il-kodiċi tal-ilbies u l-immaġni tal-kumpannija li dan jesprimi (“corporate image” jew “corporate identity”) min-naħa tagħhom, ikunu leġittimi u, b’mod partikolari, konformi mad-dritt tal-Unjoni.

89.

Pereżempju, jekk impriża tkun tixtieq toħloq “corporate image”, li permezz tiegħu tiġi promossa ideoloġija inumana, dan l-aġir ikun manifestament kontra l-valuri fundamentali tal-Unjoni (Artikolu 2 TUE). Kodiċi tal-ilbies b’bażi bħal din ma jkunux isegwi “għan leġittimu” fis-sens tal-aħħar parti tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 u għaldaqstant ma jkunx xieraq sabiex jiġġustifika kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni bejn l-impjegati.

90.

L-istess jgħodd fil-każ tat-teħid inkunsiderazzjoni mill-impriża tax-xewqat ta’ terzi: huwa minnu li fil-prattiki kummerċjali tagħha, impriża tista’ u għandha naturalment tqis b’attenzjoni l-preferenzi u x-xewqat tal-imsieħba kummerċjali tagħha, speċjalment tal-klijenti tagħha. Jekk ma tagħmilx dan, ma tkunx tista’ tibqa’ fis-suq fit-tul. Minkejja dan, l-impriża ma tistax takkomoda kwalunkwe talba jew xewqa ta’ terzi bl-addoċċ u mingħajr riflessjoni.

91.

Pereżempju, jekk klijent, anki jekk ikun wieħed importanti, ikun jixtieq jitlob lill-impriża sabiex huwa jinqeda mingħand impjegati ta’ ċertu reliġjon, ta’ ċerta oriġini etnika, ta’ ċertu kulur tal-ġilda, ta’ ċertu ġeneru, ta’ ċerta età, ta’ ċerta orjentazzjoni sesswali jew mingħand impjegati mingħajr diżabbiltà, din ovvjament ma tkunx talba leġittima ( 47 ), li fuq abbażi tagħha l-impriża kkonċernata tista’ tistabbilixxi rekwiżiti professjonali fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 ( 48 ) fuq l-impjegati tagħha.

92.

B’kuntrast ma’ dan, min-naħa tiegħu, kull klijent jista’ jitlob, b’intenzjonijiet sinċieri, li jinqeda mingħajr diskriminazzjoni kif ukoll b’attenzjoni u filwaqt li jiġu osservati manjieri tajba elementari ( 49 ). Huwa kompletament leġittimu li impriża tagħmel l-osservanza ta’ tali aspettattivi tal-klijenti tagħha kundizzjoni għall-eżerċizzju tal-attività tal-impjegati tagħha, u b’hekk rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 ( 50 ).

93.

Fil-każ preżenti, il-projbizzjoni tal-velu hija riżultat tal-politika ta’ newtralità reliġjuża u ideoloġika ta’ G4S, li ġiet imposta mill-impriża stess. Tali politika ta’ newtralità ma tmurx lil hinn mil-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-impriża. Dan japplika iktar u iktar peress li G4S hija impriża li inter alia tipprovdi servizzi ta’ monitoraġġ u ta’ sigurtà, iżda wkoll servizzi ta’ akkoljenza lil diversi klijenti mis-settur pubbliku kif ukoll minn dak privat, u l-impjegati tagħha għandhom ikunu kapaċi jaħdmu b’mod flessibbli għal dawn il-klijenti kollha.

94.

F’każ bħal dan, politika ta’ newtralità hija assolutament neċessarja, mhux biss minħabba d-diversità tal-klijenti moqdija minn G4S, iżda wkoll minħabba n-natura partikolari tal-attivitajiet imwettqa mill-persunal ta’ G4S f’dan il-każ, li huma kkaratterizzati minn kuntatt kostanti wiċċ imb’wiċċ ma’ persuni esterni għall-impriża u li għandhom rwol importanti għall-immaġni ta’ G4S innifisha, iżda fuq kollox ukoll għall-immaġni pubblika tal-klijenti tagħha.

95.

Kif Franza enfasizzat ġustament f’dan ir-rigward, l-aħħar iżda mhux l-inqas, għandu jiġi evitat li tingħata l-impressjoni li persuni barranin jistgħu jassoċjaw ma’ G4S innifisha jew ma’ wieħed mill-klijenti tagħha, jew saħansitra li jiġu attribwiti lil dawn tal-aħħar, il-konvinzjonijiet politiċi, filosofiċi jew reliġjużi li impjegata tesprimi permezz tal-ilbies tagħha.

ii) Stħarriġ tal-proporzjonalità (“ħtieġa proporzjonata [rekwiżit proporzjonat]”)

96.

Finalment, għandu jiġi eżaminat jekk projbizzjoni bħal dik imposta minn G4S tikkostitwixxix “ħtieġa [rekwiżit] proporzjonata [rekwiżit proporzjonat]” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, u b’hekk tgħaddix minn stħarriġ tal-proporzjonalità ( 51 ).

97.

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Dan jeżiġi li l-miżuri jkunu adatti sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu ( 52 ). F’dan ir-rigward, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri adegwati, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva; barra minn hekk, il-piżijiet imposti għandhom ikunu proporzjonati mal-għanijiet segwit ( 53 ).

98.

Il-ġurisprudenza stabbilita tal-qrati Franċiżi tuża kliem li huwa bil-ħafna iktar eleganti, iżda sostanzjalment għalkollox konsistenti fis-sens li miżura għandha tkun “xierqa, neċessarja u proporzjonata” għall-għan li hija ssegwi ( 54 ). Il-kliem użat fil-ġurisprudenza Ġermaniża wkoll huwa ta’ natura konċiża, u jirrikjedi li ksur ta’ dritt fundamentali għandu “jkollu għan leġittimu u jkun mezz xieraq, neċessarju u raġonevoli biex jintlaħaq dan il-għan” ( 55 ).

99.

F’każ bħal dak inkwistjoni hawnhekk, l-istħarriġ tal-proporzjonalità huwa kwistjoni delikata li, fir-rigward tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tal-ġurisprudenza tal-QEDB rigward l-Artikolu 9 KEDB u l-Artikolu 14 KEDB ( 56 ), għandha tagħti lill-awtoritajiet nazzjonali – b’mod partikolari l-qrati nazzjonali – ċertu marġni ta’ diskrezzjoni, li jkunu jistgħu jagħmlu użu minnu b’osservanza stretta tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Lussemburgu ma għandux neċessarjament jimponi soluzzjoni uniformi għall-Unjoni Ewropea kollha. Għall-kuntrarju, jidhirli li huwa suffiċjenti li l-Qorti tal-Ġustizzja tindika lill-qorti tar-rinviju l-aspetti rilevanti kollha li tkun ħadet inkunsiderazzjoni fl-istħarriġ tal-proporzjonalità tagħha, u għall-bqija tħalli f’idejn din il-qorti sabiex tibbilanċja l-interessi involuti.

– In-natura xierqa tal-projbizzjoni sabiex jintlaħaq l-għan segwit

100.

L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk projbizzjoni bħal dik inkwistjoni hawnhekk hijiex xierqa, inkwantu rekwiżit professjonali, sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu segwit mill-impriża G4S.

101.

Fil-prinċipju, ma jista’ jkun hemm l-ebda dubju dwar din in-natura xierqa. Dan għaliex jekk l-impjegati kollha kkonċernati jwettqu l-attività tagħhom mingħajr ma jesibixxu simboli reliġjużi viżibbli, u b’hekk l-impjegati nisa ta’ twemmin Musulman bħal S. Achbita ma jilbsux il-velu Iżlamiku, dan jikkontribwixxi għall-implementazzjoni tal-politika ta’ newtralità reliġjuża u ideoloġika tal-impriża, li ġiet imposta minn G4S.

102.

Għal finijiet ta’ kompletezza biss, b’mod supplimentari nindika li rekwiżit professjonali jista’ ma jkunx xieraq sabiex jintlaħaq l-għan segwit, jekk il-kontenut tiegħu ma jkunx ċar u ma jkunx rikonoxxibbli b’mod inekwivoku mill-impjegat. Madankollu, fil-każ preżenti ma hemm l-ebda indikazzjoni ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ ċarezza jew ta’ kwalunkwe ambigwità tar-regola inkwistjoni. Huwa paċifiku li anki fil-perijodu ta’ qabel it-13 ta’ Ġunju 2006, meta kien jidher li ma kienx għad hemm regola bil-miktub, il-projbizzjoni tal-ilbies ta’ simboli reliġjużi, politiċi u filosofiċi f’G4S diġà kienet fis-seħħ b’mod mhux ikkontestat bħala regola professjonali mhux bil-miktub. Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma tqajjem ebda dubju fir-rigward tal-kontenut ta’ din ir-regola mhux miktuba.

103.

Barra minn hekk, leġiżlazzjoni li tinkludi rekwiżiti professjonali ma tistax tkun kontradittorja fiha nnifisha u konsegwentement għandha tiġi applikata u nfurzata b’mod konsistenti mill-persuna li timpjega fir-rigward tal-impjegati kollha tagħha. Tali leġiżlazzjoni hija adegwata sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan invokat biss jekk hija verament tipprovdi sabiex dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku ( 57 ). Fil-każ preżenti, madankollu, ma teżisti l-ebda indikazzjoni li r-regola tal-kumpannija inkwistjoni ta’ G4S tista’ tkun nieqsa mill-koerenza u l-infurzar sistematiku. F’dan ir-rigward, dan il-każ huwa differenti sew mill-kawża Eweida et vs Ir-Renju Unit, li tressqet quddiem il-QEDB diversi snin ilu ( 58 ).

– In-natura neċessarja tal-projbizzjoni sabiex jintlaħaq l-għan segwit

104.

It-tieni nett, għandu jiġi mistoqsi jekk projbizzjoni bħal dik inkwistjoni hawnhekk kinitx neċessarja għall-ilħuq tal-għan segwit. F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat jekk l-istess għan setax jintlaħaq permezz ta’ miżuri inqas restrittivi minn projbizzjoni. Tali eżami ntalab b’mod partikolari minn Franza, filwaqt li indikat li regola tal-kumpannija bħal dik ta’ G4S setgħet titqies bħala “wisq assoluta u wisq ġenerali”. Il-Kummissjoni esprimiet ruħha b’mod simili.

105.

Minn naħa, fuq il-bażi tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, huwa konċepibbli li G4S tipprovdi uniformi għall-impjegati nisa tagħha, li tinkludi, bħala element opzjonali, xedd ir-ras jew velu ta’ kulur u stil li jaqblu, li jkun jista’ jintlibes b’mod volontarju minn impjegati nisa ta’ twemmin Musulman fuq xewqa espressa tagħhom.

106.

Mingħajr dubju, tali approċċ ikun inqas restrittiv għal impjegati nisa bħal S. Achbita mill-projbizzjoni tal-velu applikabbli fi ħdan G4S, għaliex il-persuni kkonċernati xorta jkunu jistgħu jkomplu jiġu x-xogħol u jilbsu xedd ir-ras, anki jekk ix-xedd ir-ras ikun ipprovdut mill-persuna li timpjega jew fi kwalunkwe każ ikun jikkorrispondi esternament mal-ispeċifikazzjonijiet tagħha.

107.

Minkejja dan, wieħed għandu jżomm f’moħħu li tali approċċ ikun ħafna inqas tajjeb, jew kompletament mhux xieraq sabiex jintlaħaq l-għan impost minn G4S ta’ newtralità reliġjuża u ideoloġika bħala rekwiżit professjonali. Dan peress li impjegata li tilbes velu Iżlamiku tkun qed tilbes simbolu reliġjuż viżibbli, irrispettivament minn jekk dan il-velu jkunx ta’ kulur u stil li jaqbel mal-ilbies professjonali tagħha jew le. Barra minn hekk: meta s-simbolu reliġjuż ikun parti minn uniformi, il-persuna li timpjega fil-fatt tirrinunzja għall-għan ta’ newtralità stabbilit minnha stess.

108.

Min-naħa l-oħra għandu jiġi kkunsidrat li impriża li timpjega n-nies, bħalma hija G4S, tittrasferixxi lil impjegati bħal S. Achbita fid-dipartiment intern, fejn ma jkollha ebda kuntatt importanti wiċċ imb’wiċċ ma’ persuni barranin għall-impriża, jew li, sabiex tevita kunflitti imminenti, tassenjaha biss ma’ dawk il-klijenti li ma jqajmu ebda lment dwar l-impjegar ta’ receptionists li jilbsu simboli viżibbli u li jagħtu fl-għajn ta’ konvinzjoni reliġjuża, bħalma huwa velu Iżlamiku.

109.

Iżda kontra tali approċċ, fejn kull każ individwali jiġi analizzat b’mod separat u analizzat fir-rigward ta’ eventwali kunflitti, għal darb’ oħra hemm il-fatt li dan ikun manifestament inqas xieraq sabiex tiġi implementata l-politika ta’ newtralità reliġjuża u ideoloġika tal-impriża. Dan għaliex anki jekk klijent ta’ G4S li jiltaqa’ ma’ impjegata assenjata bħala receptionist, ikun jittollera l-velu Iżlamiku, ilbies bħal dak ta’ S. Achbita jkompli jdgħajjef il-politika ta’ newtralità tal-persuna li timpjegaha, f’dan il-każ G4S.

110.

Għal finijiet ta’ kompletezza biss, inżid ngħid li t-tfittxija konkreta għal possibbiltajiet alternattivi ta’ assenjazzjoni għal kull impjegata individwali tkun ta’ spiża organizzazzjonali addizzjonali għall-persuna li timpjega, li mhux kull impriża tkun kapaċi ssostni. F’dan ir-rigward, huwa xieraq li tingħata attenzjoni b’mod partikolari lill-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni bħala regola jippreskrivi“akkomodazzjoni raġjonevoli” biss fir-rigward ta’ persuni b’diżabbiltà, “[s]abiex tiġi ggarantita konformità mal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament” (Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78). B’rabta ma’ kriterji oħra ta’ inugwaljanza fit-trattament, b’mod partikolari b’rabta mar-reliġjon, huma min-naħa l-oħra konformi mal-evalwazzjoni tal-leġiżlatur tad-Direttiva 2000/78, li l-persuna li timpjega ma tintalabx tipprevedi arranġamenti ta’ dan it-tip ( 59 ). Dan ċertament ma jeskludix li xorta waħda jiġu mfittxija soluzzjonijiet individwali skont is-sitwazzjoni, madankollu f’dan ir-rigward il-persuna li timpjega ma għandhiex tintalab tagħmel sforz ta’ organizzazzjoni partikolarment kbir. Dan minħabba li l-impjegat ma għandux neċessarjament josserva ċerti prattiki reliġjużi fuq il-post tax-xogħol, għall-kuntrarju bħala regola huwa jista’ jagħmel dan ukoll fil-ħin liberu tiegħu.

111.

Kollox ma’ kollox, projbizzjoni bħal dik ipprattikata minn G4S għaldaqstant tikkostitwixxi miżura neċessarja għall-implementazzjoni ta’ politika ta’ newtralità reliġjuża u ideoloġika tal-impriża. Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma ġewx identifikati alternattivi inqas restrittivi u madankollu ugwalment xierqa sabiex jintlaħaq l-għan segwit minn G4S.

– L-ebda ħsara eċċessiva għall-impjegat

112.

It-tielet nett, finalment għad trid tiġi eżaminata l-proporzjonalità fis-sens strett. Bis-saħħa ta’ dan il-prinċipju, l-atti adottati, għalkemm xierqa u neċessarji għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi, ma għandhomx jikkaġunaw inkonvenjenzi li jkunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet segwiti. Fi kliem ieħor, għandu jiġi żgurat li projbizzjoni bħal dik ikkontestata f’dan il-każ ma tirriżultax li hija ta’ preġudizzju eċċessiv għall-interessi leġittimi tal-impjegati ( 60 ). Finalment, f’dan ir-rigward, għandu jinstab bilanċ ġust bejn l-interessi kunfliġġenti ta’ impjegati nisa bħal S. Achbita u dawk ta’ impriżi bħal G4S.

113.

Minn naħa, f’dan il-kuntest għandu jiġi rrikonoxxut li r-reliġjon hija parti importanti tal-identità personali ta’ ħafna persuni. Anki jekk impjegat ma jkunx jista’ jinvoka l-libertà ta’ reliġjon direttament kontra l-persuna privata li timpjegah (Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali), minħabba li dan id-dritt jorbot biss lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u – fl-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – lill-Istati Membri [Artikolu 51(1) tal-Karta], dan il-prinċipju huwa wieħed mill-bażijiet ta’ soċjetà demokratika ( 61 ) u huwa espressjoni tas-sistema ta’ valuri li fuqha hija bbażata l-Unjoni Ewropea (ara wkoll, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 2 TUE). Konsegwentement, il-valuri espressi fil-libertà tar-reliġjon jestendu wkoll, mill-inqas indirettament, għar-relazzjonijiet tax-xogħol privati. Fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, dawn il-valuri għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kif xieraq, fid-dawl tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament, meta jiġi mfittex bilanċ ġust bejn l-interessi tal-persuna li timpjega u dawk tal-impjegati ( 62 ).

114.

Min-naħa l-oħra, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-projbizzjoni bħal dik inkwistjoni hawnhekk, ma tirrigwardax daqstant ir-reliġjon inkwantu tali, jiġifieri t-twemmin ta’ persuna (forum internum) jew possibbilment l-appartenenza tagħha f’komunità reliġjuża. Dan peress li impriża bħal G4S, sa fejn wieħed jista’ jara, ma tagħżilx lill-impjegati tagħha skont l-affiljazzjoni reliġjuża tagħhom ( 63 ), u ma tużax l-affiljazzjoni reliġjuża tagħhom bħala tali bħala raġuni għal trattament iktar jew inqas favorevoli fl-impjieg u fix-xogħol. Il-fattur ta’ konnessjoni għal inugwaljanza fit-trattament li hija assoċjata ma’ projbizzjoni bħal dik imposta minn G4S pjuttost hija l-manifestazzjoni esterna mill-impjegat tar-reliġjon tiegħu, li hija viżibbli mill-ilbies tiegħu, u b’hekk aspett wieħed tal-prattika reliġjuża tiegħu (forum externum).

115.

Huwa minnu li dan it-tip ta’ prattika reliġjuża, li hija rrikonoxxuta taħt id-dritt tal-Unjoni fit-tieni sentenza tal-Artikolu 10(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, mingħajr dubju jista’ jkun parti importanti mill-iżvilupp tal-personalità, li jingħata attenzjoni speċjali fid-Direttiva 2000/78 ( 64 ).

116.

B’mod differenti mill-każ tal-ġeneru, il-kulur tal-ġilda, l-orjentazzjoni sesswali, l-età u d-diżabbiltà ta’ persuna, il-prattika ta’ reliġjon ma hijiex daqstant fatt li ma jistax jiġi sseparat mill-persuna iżda hija aspett tal-ħajja privata tagħha, li l-impjegati kkonċernati jistgħu jinfluwenzaw b’mod volontarju. Filwaqt li impjegat ma jistax “iħalli fil-gwardarobba” l-ġeneru, il-kulur tal-ġilda, l-oriġini etnika, l-orjentazzjoni sesswali, l-età jew id-diżabbiltà tiegħu, ladarba jidħol fl-istabbiliment tal-persuna li timpjegah, huwa jista’ jkun mistenni jżomm ċerta riżervatezza fir-rigward tal-prattiki reliġjużi tiegħu fuq il-post tax-xogħol, kemm jekk ikun fir-rigward ta’ prattiki reliġjużi, aġir mmotivat mir-reliġjon jew – bħalma huwa l-każ hawnhekk – fir-rigward tal-ilbies tiegħu.

117.

F’dan ir-rigward, il-livell ta’ riżervatezza li jista’ jintalab minn impjegat jiddependi minn eżami globali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ speċifiku.

118.

L-ewwel nett, fir-rigward tal-użu ta’ simboli reliġjużi bħala parti mill-ilbies, il-kriterju deċiżiv huwa kemm huma viżibbli u kospikwi l-elementi inkwistjoni b’rabta mad-dehra ġenerali tal-impjegat ( 65 ). F’każ ta’ dubju, simbolu reliġjuż żgħir u diskret – bħal pereżempju fil-forma ta’ msielet, ġiżirana jew labra – probabbilment ikun iktar aċċettabbli minn xedd ir-ras apparenti bħal kappell, turban jew velu. U fir-rigward tal-impjegati li huma mitluba jilbsu lbies okkupazzjonali jew uniformi, jistgħu japplikaw projbizzjonijiet iktar stretti fir-rigward tal-ilbies ta’ simboli reliġjużi viżibbli milli għal persuni li ġeneralment huma liberi li jagħżlu l-ħwejjeġ li jilbsu għax-xogħol.

119.

It-tieni nett, f’każ ta’ dubju, impjegat f’pożizzjoni iktar prominenti jew persuna ta’ awtorità huma mistennija juru iktar riżervatezza minn impjegat li jeżerċita biss attivitajiet subordinati. Barra minn hekk, impjegat li waqt l-attività professjonali tiegħu jkollu kuntatti spissi u diversi wiċċ imb’wiċċ ma’ persuni esterni għall-impriża jista’ jkun mistenni jeżerċita iktar riżervatezza minn impjegat li jaħdem esklużivament fid-dipartimenti interni u li ma jkollux tali kuntatt mal-klijenti.

120.

It-tielet nett, għandu jiġi osservat li regola tal-kumpannija bħal dik stabbilita minn G4S tirrikjedi mingħand l-impjegati biss in-newtralità fir-rigward tal-konvinzjonijiet reliġjużi, politiċi u filosofiċi tagħhom. Huwa iktar probabbli li impjegati jkollhom sempliċi obbligu ta’ riżervatezza milli jkunu suġġetti għall-obbligu attiv li jieħdu ċerta pożizzjoni dwar kwistjonijiet reliġjużi, politiċi jew filosofiċi jew li jaġixxu skont ċerta duttrina ( 66 ).

121.

Ir-raba’ nett, fl-ibbilanċjar tal-interessi għandu jittieħed inkunsiderazzjoni jekk humiex preżenti kriterji ta’ inugwaljanza fit-trattament oħrajn. Projbizzjoni imposta minn persuna li timpjega tista’ ma tkunx proporzjonata jekk din il-projbizzjoni fl-istess ħin tkun ta’ żvantaġġ partikolari mhux biss għall-impjegati ta’ reliġjon partikolari, iżda wkoll għall-impjegati ta’ ċertu ġeneru, ċertu kulur tal-ġilda jew ċerta oriġini etnika [Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78]. Madankollu, minn dak li jidher, regola tal-kumpannija bħal dik inkwistjoni hawnhekk ta’ G4S tista’ taffettwa lill-irġiel bl-istess mod bħan-nisa ( 67 ) u, barra minn hekk, ma tidhirx li tqiegħed fi żvantaġġ partikolari lill-impjegati ta’ kulur tal-ġilda partikolari jew ta’ oriġini etnika partikolari.

122.

Il-ħames nett, finalment, jista’ jkun rilevanti l-kuntest usa’ ta’ kwalunkwe kunflitt bejn impjegat u l-persuna li timpjegah b’rabta mal-ilbies ta’ simboli reliġjużi viżibbli fuq il-post tax-xogħol.

123.

Minn naħa, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif stabbilit fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u kif speċifikat fid-Direttiva 2000/78 huwa intiż b’mod espliċitu sabiex jiffaċilita l-aċċess għall-impjieg u x-xogħol għal gruppi tal-popolazzjoni li huma żvantaġġati, sabiex tiġi promossa l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja ekonomika, kulturali u soċjali kif ukoll l-iżvilupp individwali tal-persuna ( 68 ). F’dan ir-rigward, għandhom jiġu eliminati, b’mod partikolari, il-preġudizzji konvenzjonali u l-istrutturi antikwati. B’hekk, ma għandhom bl-ebda mod jiġu perpetwati inugwaljanzi fit-trattament eżistenti sempliċiment minħabba li dan jikkorrispondi għal ċerti tradizzjonijiet, drawwiet jew strutturi soċjali.

124.

Min-naħa l-oħra, madankollu, fir-rigward ta’ projbizzjoni tal-ilbies tal-velu, ma għandux jingħad b’mod prematur u ġenerali li tali miżura tirrendi eċċessivament diffiċli l-integrazzjoni ta’ nisa Musulmani fil-ħajja tax-xogħol u soċjali. Il-każ ta’ S. Achbita juri dan b’mod partikolarment ċar: il-persuna kkonċernata ħadmet ma’ G4S bħala receptionist għal tliet snin mingħajr ma libset velu Iżlamiku fuq il-post tax-xogħol, u b’hekk kienet integrata bis-sħiħ fil-ħajja professjonali bħala Musulmana minkejja l-projbizzjoni tal-velu. Kien biss wara li kien ilha impjegata għal iktar minn tliet snin mal-impriża G4S li insistiet li hija tkun tista’ tmur ix-xogħol bil-velu, u konsegwentement tilfet l-impjieg tagħha.

125.

Finalment, meta jiġi interpretat u applikat il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandha titqies ukoll l-identità nazzjonali tal-Istati Membri inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali fundamentali tagħhom [Artikolu 4(2) TUE]. Fir-rigward ta’ kwistjoni bħal dik ikkonċernata hawnhekk, dan jista’ jfisser li, fi Stati Membri bħal Franza, fejn il-lajċiżmu għandu status kostituzzjonali u b’hekk huwa fattur ewlieni għall-koeżistenza fis-soċjetà ( 69 ), l-ilbies ta’ simboli reliġjużi viżibbli jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet iktar stretti, – anki fis-settur privat ( 70 ) u b’mod ġenerali fis-settur pubbliku ( 71 ) – milli fi Stati Membri oħra li l-ordni kostituzzjonali tagħhom tagħmel enfasi differenti jew inqas qawwi fuq dan l-aspett.

126.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, hemm bosta elementi li jindikaw li projbizzjoni bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ ma tippreġudikax b’mod eċċessiv l-interessi leġittimi tal-impjegati nisa kkonċernati u għaldaqstant għandha titqies bħala proporzjonata.

127.

Fl-aħħar nett, madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha ssib bilanċ ġust bejn l-interessi kunfliġġenti fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ speċifiku, b’mod partikolari d-daqs u n-natura kospikwa tas-simbolu reliġjuż, it-tip ta’ attività tal-impjegata u l-kuntest li fih hija għandha teżerċita l-attività tagħha, kif ukoll l-identità nazzjonali tal-Belġju.

c) Konklużjoni intermedja

128.

Kollox ma’ kollox, projbizzjoni bħal dik imposta minn G4S tista’ għaldaqstant titqies bħala rekwiżit professjonali essenzjali, determinanti u leġittimu fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, li fil-prinċipju huwa xieraq sabiex jiġġustifika inugwaljanzi fit-trattament – irrispettivament minn jekk dawn ikunux ta’ natura diretta jew indiretta – ibbażati fuq ir-reliġjon, sakemm jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

129.

Konsegwentement, il-projbizzjoni kontenzjuża tissodisfa b’mod sħiħ ir-rekwiżiti ta’ għan leġittimu fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78 jekk jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva u jekk tiġi ggarantita l-proporzjonalità.

2. Il-projbizzjoni inkwistjoni, meqjusa mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn [Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78]

130.

Minbarra l-klassifikazzjoni tagħha bħala rekwiżit professjonali fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78, projbizzjoni bħal dik inkwistjoni hawnhekk fil-prinċipju tista’ titqies ukoll mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni oħrajn, imsemmija fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78. Kif jirriżulta minn din id-dispożizzjoni tal-aħħar, id-Direttiva hija bla ħsara għall-miżuri previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li huma meħtieġa f’soċjetà demokratika, inter alia, għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

131.

Bl-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li oriġinarjament bl-ebda mod ma kienet prevista fil-proposta tal-Kummissjoni ( 72 ), il-leġiżlatur tal-Unjoni, fir-rigward tal-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, kellu l-intenzjoni li jipprevjeni u “joffri medjazzjoni” għall-kunflitt bejn, minn naħa, il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-individwi, li huma indispensabbli għall-funzjonament ta’ soċjetà demokratika ( 73 ).

a) Id-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn ikkonċernati

132.

Jekk l-impjegati nisa jew irġiel jilbsu simboli viżibbli tal-konvinzjonijiet reliġjużi tagħhom fuq il-post tax-xogħol, bħal pereżempju velu Iżlamiku ( 74 ), dan fost l-oħrajn jista’ jaffettwa d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn b’żewġ modi: minn naħa, dan jista’ jkollu impatt fuq il-libertajiet tal-kollegi tax-xogħol tagħhom, iżda wkoll fuq il-klijenti tal-impriża, speċjalment mil-lat tal-libertà negattiva ta’ reliġjon u, min-naħa l-oħra, il-libertà ta’ intrapriża tal-persuna li timpjega tista’ tiġi ppreġudikata.

133.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tal-qorti ta’ kassazzjoni Belġjana teżamina r-regola tal-kumpannija ta’ G4S biss mill-aspett tal-politika ta’ newtralità ta’ din l-impriża. Konsegwentement, fl-eżami tiegħi tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn, ser niffoka b’mod speċjali fuq l-aspett tal-libertà ta’ intrapriża.

134.

F’Unjoni li hija impenjata favur ekonomija tas-suq [it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(3) TUE] u li tixtieq tikseb din filwaqt li tosserva r-rekwiżiti ta’ ekonomija ta’ suq miftuħ b’kompetizzjoni libera [Artikoli 119(1) TFUE u 120 TFUE], l-importanza tal-libertà ta’ intrapriża ma għandhiex tiġi ssottovalutata. Dan id-dritt fundamentali qabel kien diġà prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ( 75 ) u llum jinsab stabbilit b’mod prominenti fl-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

135.

Għaldaqstant, ma għandux jiġi eskluż awtomatikament li l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78 jittollera deroga mill-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni sabiex tiġi protetta l-libertà ta’ intrapriża.

b) Il-kunċett ta’ miżuri għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn

136.

Minkejja dan, id-dritt fundamentali tal-libertà ta’ intrapriża, li min-naħa tiegħu jista’ jiġi suġġett għal restrizzjonijiet diversi ( 76 ), ma jiġġustifikax awtomatikament tali deroga mill-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78, li għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv bħala eċċezzjoni għall-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament ( 77 ), jirrikjedi l-eżistenza ta’ miżuri speċifiċi għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

137.

B’mod differenti mir-rekwiżiti professjonali fis-sens tal-Artikolu 4(1), tali miżuri, skont l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva, għandhom, barra minn hekk, jinħarġu jew, mill-inqas, ikunu awtorizzati, minn awtorità pubblika ( 78 ). Dan għaliex l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva, bir-riferiment tiegħu għall-“miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali” isegwi b’mod strett ir-regola applikabbli għal-libertà tar-reliġjon skont l-Artikolu 9(2) KEDB, li skontha huma permessi biss dawk ir-restrizzjonijiet li “jkunu preskritti b’liġi u li jkunu meħtieġa f’soċjeta demokratika”, inter alia“għall-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor”.

138.

Huwa minnu li regola tal-kumpannija bħal dik ta’ G4S, li fuqha hija bbażata l-projbizzjoni inkwistjoni, bħala tali la hija ta’ natura sovrana u lanqas ma huma bbażati fuq awtorizzazzjoni sovrana suffiċjentement preċiża ( 79 ). Għall-inqas, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha l-ebda indikazzjoni tal-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni speċifika minn awtorità pubblika fid-dritt nazzjonali, li tkun tista’ sservi bħala bażi legali għal miżura bħal dik imposta minn G4S.

139.

B’hekk, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li ġew adottati fuq il-livell nazzjonali għat-traspożizzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 mill-iktar jistgħu jitqiesu bħala awtorizzazzjoni għall-adozzjoni ta’ miżuri fis-sens tal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva. F’dan ir-rigward, madankollu, l-Artikolu 4(1) għandu jitqies bħala lex specialis b’rabta mal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva u bħala speċifikazzjoni tal-miżuri li l-leġiżlatur tal-Unjoni jqis xierqa għall-protezzjoni tal-libertà ta’ intrapriża.

c) Konklużjoni intermedja

140.

Kollox ma’ kollox, għaldaqstant, f’każ bħal dak preżenti, l-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78 ma għandux portata awtonoma mill-Artikolu 4(1) inkwantu ġustifikazzjoni għal inugwaljanza fit-trattament ibbażata fuq ir-reliġjon. Il-kwistjoni tal-ġustifikazzjoni ta’ projbizzjoni, bħal dik li hija fis-seħħ fl-impriża G4S fil-każ preżenti b’hekk għandha tiġi deċiża biss skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva.

VI – Konklużjoni

141.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari tal-Hof van Cassatie (qorti ta’ kassazzjoni) Belġjana kif ġej:

1)

Il-fatt li impjegata mara ta’ twemmin Musulman tiġi pprojbita tilbes velu Iżlamiku fuq il-post tax-xogħol ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/778/KE, jekk din il-projbizzjoni tkun ibbażata fuq regola ġenerali tal-kumpannija li tipprojbixxi simboli politiċi, filosofiċi u reliġjużi viżibbli fuq il-post tax-xogħol, u ma tkunx ibbażata fuq stereotipi jew preġudizzji kontra reliġjon speċifika jew diversi reliġjonijiet speċifiċi jew kontra konvinzjonijiet reliġjużi b’mod ġenerali. L-imsemmija projbizzjoni madankollu tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq ir-reliġjon fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva.

2)

Tali diskriminazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata sabiex tiġi infurzata fil-kumpannija kkonċernata politika ta’ newtralità reliġjuża u ideoloġika segwita mill-persuna li timpjega, sakemm jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari:

id-daqs u n-natura kospikwa tas-simbolu reliġjuż,

in-natura tal-attività tal-impjegata,

il-kuntest li fih hija għandha teżerċita din l-attività, kif ukoll

l-identità nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79); iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2000/78” jew sempliċiment id-“Direttiva”.

( 3 ) Moniteur belge tas-17 ta’ Marzu 2003, p. 12844.

( 4 ) Sentenza Nru 157/2004 tal-qorti tal-arbitraġġ Belġjana.

( 5 ) Moniteur belge tat-30 ta’ Mejju 2007, p. 29016.

( 6 ) Il-qorti industrijali ta’ Antwerp.

( 7 ) Dan huwa korp tad-dritt pubbliku Belġjan li nħoloq fl-1993 permezz ta’ liġi, u li għandu l-kompitu li b’mod speċjali jiġġieled kontra r-razziżmu kif ukoll kontra diversi forom ta’ diskriminazzjoni. Iċ-Ċentru huwa magħruf mill-Qorti tal-Ġustizzja, inter alia, mill-Kawża Feryn (C‑54/07).

( 8 ) Qorti industrijali ogħla ta’ Antwerp.

( 9 ) Iktar ’il quddiem, il-“qorti ta’ kassazzjoni”.

( 10 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Andersen (C‑499/08, EU:C:2010:248, punt 28).

( 11 ) Ara, f’dan ir-rigward, – anki jekk b’rabta mad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, l-aħħar sentenza tal-premessa 25 tad-Direttiva 2000/78. Ara, barra minn hekk, il-kliem tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, li skontu l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li, taħt il-kundizzjonijiet ta’ ġustifikazzjoni msemmija iktar fid-dettall hemmhekk, “differenza ta’ trattament […] m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni”. Il-ġurisprudenza, li ma hijiex dejjem uniformi, tagħmel konstatazzjonijiet simili, ara pereżempju, dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez (C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 27).

( 12 ) Fuq il-ħtieġa li l-qorti tar-rinviju tingħata risposta utli u b’dan il-mod jekk ikun hemm bżonn jiġu diskussi wkoll aspetti tad-dritt tal-Unjoni, li ma humiex espressament is-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari, ara s-sentenzi SARPP (C‑241/89, EU:C:1990:459, punt 8), Aventis Pasteur (C‑358/08, EU:C:2009:744, punt 50), Centre public d’action sociale d’Ottignies-Louvain-La-Neuve (C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 37) u Neptune Distribution (C‑157/14, EU:C:2015:823, punti 33 u 34) kif ukoll, fir-rigward b’mod partikolari tad-Direttiva 2000/78, is-sentenzi tat-12 ta’ Jannar 2010, Wolf (C‑229/08, EU:C:2010:3, punt 32), Petersen (C‑341/08, EU:C:2010:4, punt 48) u Hay (C‑267/12, EU:C:2013:823, punt 23).

( 13 ) Ara l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża, tal-4 ta’ Ottubru 1958. Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB), 10 ta’ Novembru 2005 Şahin vs It-Turkija (Rikors Nru 44774/98, CE:ECHR:2005:1110JUD004477498, punt 56) u tas-26 ta’ Novembru 2015 Ebrahimian vs Franza (Rikors Nru 64846/11, CE:ECHR:2015:1126JUD006484611, punt 47).

( 14 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenzi Sayn-Wittgenstein (C‑208/09, EU:C:2010:806, punti 92 sa 94) u tat-12 ta’ Mejju 2011, Runevič-Vardyn u Wardyn (C‑391/09, EU:C:2011:291, punti 86 u 87), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll ma trattatx l-identità nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE, bħala limitu tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda bħala għan leġittimu li jiġġustifika ndħil mill-Istati Membri fid-drittijiet tal-individwi ggarantiti taħt id-dritt tal-Unjoni.

( 15 ) Ara l-punt 123 ta’ dawn il-konklużjonijiet, iktar ’l isfel.

( 16 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Ottubru 2010, Ingeniørforeningen i Danmark (C‑499/08, EU:C:2010:600, punt 19), tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 39) u tat-13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez (C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 28).

( 17 ) Ara, fl-istess sens, rigward id-Direttiva 2000/43/KE relatata, is-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2011, Runevič-Vardyn u Wardyn (C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 43) u tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria (C‑83/14, EU:C:2015:480, punti 42 u 66).

( 18 ) Sentenzi tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci (C‑555/07, EU:C:2010:21, punt 21) u tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 38).

( 19 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, 10 ta’ Novembru 2005, Şahin vs It-Turkija (Rikors Nru 44774/98, CE:ECHR:2005:1110JUD004477498, punt 105), tal-1 ta’ Lulju 2014, S.A.S. vs Franza (Rikors Nru 43835/11, CE:ECHR:2014:0701JUD004383511, punt 125) u tas-26 ta’ Novembru 2015, Ebrahimian vs Franza (Rikors Nru 64846/11, CE:ECHR:2015:1126JUD006484611, punt 54), rigward l-Artikolu 9 KEDB.

( 20 ) Ara s-sentenzi reċenti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-15 ta’ Jannar 2013, Eweida et vs Ir-Renju Unit (Rikors Nru 48420/10 et, CE:ECHR:2013:0115JUD004842010, punti 83, 84 u 97) u tas-26 ta’ Novembru 2015, Ebrahimian vs Franza (Rikors Nru 64846/11, CE:ECHR:2015:1126JUD006484611, punti 21 sa 28 u 63).

( 21 ) Ara, pereżempju, il-ġurisprudenza reċenti tal-Bundesverfassungsgericht (qorti kostituzzjonali federali Ġermaniża) (Digriet tas-27 ta’ Jannar 2015, 1 BvR 471/10, DE:BVerfG:2015:rs20150127.1bvr047110, punti 83 sa 87), tal-Højesteret (qorti suprema Daniża) (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2005, Ufr.2005.1265H), tal-Cour de cassation (qorti ta’ kassazzjoni Franċiża) (sentenza Nru 13-28.369, “Baby Loup”, FR:CCASS:2014:AP00612) u l-prassi deċiżjonali tal-College voor de Rechten van de Mens (istitut Olandiż għad-drittijiet tal-bniedem) (deċiżjoni [oordeel] Nru 2015-145, tat-18 ta’ Diċembru 2015); ara, ukoll, – barra l-Unjoni Ewropea – il-ġurisprudenza tal-U.S. Supreme Court (qorti suprema tal- Istati Uniti tal-Amerika) (sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2015, punti 14 sa 86, EEOC vs Abercrombie & Fitch Stores, 575 U.S. _ 2015).

( 22 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Andersen (C‑499/08, EU:C:2010:248, punt 31) u – fir-rigward tad-Direttiva 2000/43 relatata – il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża CHEZ Razpredelenie Bulgaria (C‑83/14, EU:C:2015:170, punt 73); ara, barra minn hekk, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Hay (C‑267/12, EU:C:2013:823, punt 45).

( 23 ) Fil-Kawża C‑188/15, anki l-Isvezja targumenta favur il-preżunzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta.

( 24 ) Ara, b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tal-qrati u l-istituzzjonijiet nazzjonali msemmija iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21.

( 25 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 1990, Dekker (C‑177/88, EU:C:1990:383, punti 12 u 17), tat-8 ta’ Novembru 1990, Handels- og Kontorfunktionærernes Forbund (C‑179/88, EU:C:1990:384, punt 13), tas-27 ta’ Frar 2003, Busch (C‑320/01, EU:C:2003:114, punt 39), tal-20 ta’ Settembru 2007, Kiiski (C‑116/06, EU:C:2007:536, punt 55), tat-18 ta’ Novembru 2010, Kleist (C‑356/09, EU:C:2010:703, punt 31), tat-12 ta’ Ottubru 2010, Ingeniørforeningen i Danmark (C‑499/08, EU:C:2010:600, punti 23 u 24), tal-1 ta’ April 2008, Maruko (C‑267/06, EU:C:2008:179, punt 72), tal-10 ta’ Mejju 2011, Römer (C‑147/08, EU:C:2011:286, punt 52) u tat-12 ta’ Diċembru 2013, Hay (C‑267/12, EU:C:2013:823, punti 41 u 44); ara wkoll, fl-istess sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria (C‑83/14, EU:C:2015:480, punti 76, 91 u 95).

( 26 ) Fil-kuntest preżenti, miniex ser inqis l-eċċezzjoni rari tal-bidla fis-sess. Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Association belge des Consommateurs Test-Achats et (C‑236/09, EU:C:2010:564, punt 36).

( 27 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 35 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.

( 28 ) Fuq il-libertà ta’ reliġjon, ara, b’mod supplimentari, il-punt 112 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’l isfel.

( 29 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-15 ta’ Jannar 2013, Eweida et vs Ir-Renju Unit (Rikors Nru 48420/10, CE:ECHR:2013:0115JUD004842010, punti 83, 84 u 97) u tas-26 ta’ Novembru 2015, Ebrahimian vs Franza (Rikors Nru 64846/11, CE:ECHR:2015:1126JUD006484611, punt 47), it-tnejn li huma rigward l-Artikolu 9 KEDB.

( 30 ) Kif jirriżulta mis-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, CHEZ Razpredelenie Bulgaria (C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 82), il-Qorti tal-Ġustizzja tqis bħala indikazzjoni tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta (ibbażata fuq l-oriġini etnika) il-fatt li miżura tkun ġiet adottata abbażi ta’ stereotipi jew preġudizzji fir-rigward ta’ grupp speċifiku ta’ individwi.

( 31 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-osservazzjonijiet tiegħi iktar ’il fuq, b’mod partikolari fil-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 32 ) Fil-Kawża C‑188/15, il-Kummissjoni b’mod deċiż kienet tal-fehma li ġustifikazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2000/78 ma hijiex possibbli.

( 33 ) Ara, għal darb’oħra, id-deċiżjonijiet tal-qrati u l-istituzzjonijiet nazzjonali ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21 iktar ’il fuq.

( 34 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 59 flimkien mal-punti 68 u 69), fejn hija kkonċernata dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv deċiża mill-imsieħba soċjali.

( 35 ) Sentenzi tat-12 ta’ Jannar 2010, Wolf (C‑229/08, EU:C:2010:3, punt 35, l-aħħar sentenza), tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 66) u tat-13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez (C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 36).

( 36 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 72) u tat-13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez (C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 47).

( 37 ) Fil-formulazzjoni ta’ din ir-raġuni ta’ ġustifikazzjoni, l-iżbarra għall-applikazzjoni tiegħu diġà hija relattivament għolja, għaliex il-leġiżlatur tal-Unjoni jinsisti fuq “attivitajiet partikulari tax-xogħol”, “ħtieġa ġenwina [rekwiżit essenzjali] u determinanti tax-xogħol”, kif ukoll “għan leġittimu u proporzjonat”.

( 38 ) Premessa 23 tad-Direttiva 2000/78.

( 39 ) L-importanza tal-kuntest u tal-mument li fih tiġi ddikjarata konvinzjoni reliġjuża hija rrikonoxxuta wkoll mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; ara, pereżempju, is-sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2005, Leyla Şahin vs It-Turkija (Rikors Nru 44774/98, CE:ECHR:2005:1110JUD004477498, punt 109) u tal-1 ta’ Lulju 2014, S.A.S. vs Franza (Rikors Nru 43835/11, CE:ECHR:2014:0701JUD004383511, punt 130) kif ukoll l-osservazzjonijiet tal-Imħallef O’Leary fis-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Ebrahimian vs Franza (Rikors Nru 64846/11, CE:ECHR:2015:1126JUD006484611, Taqsima III tal-opinjoni dissidenti).

( 40 ) Ara, f’dan is-sens, pereżempju, is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 1990, Dekker (C‑177/88, EU:C:1990:383, punt 12), tat-3 ta’ Frar 2000, Mahlburg (C‑207/98, EU:C:2000:64, punt 29), tal-4 ta’ Ottubru 2001, Tele Danmark (C‑109/00, EU:C:2001:513, punti 28 u 29), u tat-23 ta’ Ottubru 2003, Schönheit u Becker (C‑4/02 u C‑5/02, EU:C:2003:583, punt 85); b’mod simili s-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punt 77).

( 41 ) Fuq il-libertà ta’ intrapriża ara, b’mod supplimentari, il-punt 132 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’l isfel

( 42 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-15 ta’ Jannar 2013, Eweida et vs Ir-Renju Unit (Rikors Nru 48420/10 et, CE:ECHR:2013:0115JUD004842010, punti 98 u 99).

( 43 ) Bl-istess mod, fis-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-15 ta’ Jannar 2013, Eweida et vs Ir-Renju Unit (Rikors Nru 48420/10, CE:ECHR:2013:0115JUD004842010, punt 94), fejn ix-xewqa tal-persuna li timpjega li tipproġetta ċerta immaġni tal-kumpannija (“the employer’s wish to project a certain corporate image”) hija meqjusa bħala “mingħajr ebda dubju, leġittima” (“this aim was undoubtedly legitimate”).

( 44 ) Is-sitwazzjoni tista’ tkun differenti fil-każ ta’ impjegat li jeżerċita l-attività tiegħu mingħajr kuntatt wiċċ imb’wiċċ mal-klijenti (pereżempju bħala operatur tat-telefon f’call-center jew bħala uffiċjal tal-kontabbiltà ta’ impriża jew fid-dipartiment tal-pretensjonijiet ta’ assigurazzjoni).

( 45 ) Ħarsa lejn il-verżjoni Franċiża (“pour autant que […] l’exigence soit proportionnée”) kif ukoll lejn il-formulazzjoni bl-Ingliż (“provided that […] the requirement is proportionate”) tal-aħħar parti tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 turi dan b’mod ċar. Enfasi tiegħi. Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Vital Pérez (C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 45).

( 46 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 1, 4 u 5 tad-Direttiva 2000/78.

( 47 ) Jeżistu eċċezzjonijiet rari għal din ir-regola. B’hekk, pereżempju jista’ jkun leġittimu li pazjenta mara tkun tixtieq f’ċerti sitwazzjonijiet limitati b’mod strett (pereżempju wara stupru), li fl-isptarijiet u l-kliniċi mediċi tiġi ttrattata minn persunal femminili. Jista’ jkun ukoll leġittimu li l-kontrolli fuq il-passiġġieri – pereżempju fl-ajruporti – bħala regola jitħallew isiru minn persunal tas-sigurtà tal-istess sess.

( 48 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Feryn (C‑54/07, EU:C:2008:397), mogħtija f’kawża fejn imprenditur, filwaqt li invoka xewqa allegata tal-klijent, iddikjara bil-miftuħ li ma ried jimpjega “ebda Marokkin” (ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro f’din il-kawża, EU:C:2008:155, b’mod partikolari l-punti 3 u 4 kif ukoll 16 sa 18).

( 49 ) Pereżempju, ikun assolutament leġittimu, u saħansitra naturali, li l-klijenti li jidħlu f’ħanut, restorant, lukanda, klinika medika, pixxina jew teatru jkunu jixtiequ li ma jiġux iddiskriminati skont ir-reliġjon, l-oriġini etnika, il-kulur tal-ġilda, is-sess, l-età, l-orjentazzjoni sesswali tagħhom jew minħabba d-diżabbiltà tagħhom. F’dan is-sens, il-QEDB pereżempju approvat it-tkeċċija ta’ impjegata li, abbażi tal-konvinzjonijiet reliġjużi tagħha, irrifjutat li tagħti ċerti servizzi lil koppji omosesswali (sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, Eweida et vs Ir-Renju Unit, Rikors Nru 48420/10 et, CE:ECHR:2013:0115JUD004842010, punt 109).

( 50 ) Pereżempju ma jkunx aċċettabbli jekk impjegat raġel ta’ impriża jirrifjuta li jieħu b’idejn klijenta mara jew li jindirizzaha.

( 51 ) Ara mill-ġdid, f’dan ir-rigward, il-punt 83 flimkien man-nota ta’ qiegħ il-paġna 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.

( 52 ) Sentenzi tat-18 ta’ Novembru 1987, Maizena et (137/85, EU:C:1987:493, punt 15), tat-12 ta’ Novembru 1996, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑84/94, EU:C:1996:431, punt 57), tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 122), tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 46) u tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 67).

( 53 ) Sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1989, Schräder HS Kraftfutter (265/87, EU:C:1989:303, punt 21), tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et (C‑189/01, EU:C:2001:420, punt 81) u tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 86); ara wkoll, fl-istess sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et. (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 91).

( 54 ) Fl-oriġinal bil-Franċiż: “adaptée, nécessaire et proportionnée à la finalité qu’elle poursuit”; ara, pereżempju, Conseil constitutionnel, Deċiżjonijiet Nru 2015-527 QPC, tat-22 ta’ Diċembru 2015 (FR:CC:2015:2015.527.QPC, punti 4 u 12) u Nru 2016-536 QPC, tad-19 ta’ Frar 2016 (FR:CC:2016:2016.536.QPC, punti 3 u 10); b’mod simili, Conseil d’État, sentenza Nru 317827, tas-26 ta’ Ottubru 2011 (FR:CEASS:2011:317827.20111026).

( 55 ) Ara, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, il-ġurisprudenza l-iktar reċenti tal-qorti kostituzzjonali federali Ġermaniża, pereżempju. BVerfGE 120, 274, 318 et seq. (DE:BVerfG:2008:rs20080227.1bvr037007, punt 218). F’dan il-kuntest, “xierqa” hija sinonima għal “proporzjonali fis-sens strett tal-kelma”.

( 56 ) Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi tal-15 ta’ Jannar 2013, Eweida et vs Ir-Renju Unit (Rikors Nru 48420/10 et, CE:ECHR:2013:0115JUD004842010, punti 84, 88, 94, 109) u tas-26 ta’ Novembru 2015, Ebrahimian vs Franza (Rikors Nru 64846/11, CE:ECHR:2015:1126JUD006484611, punti 56 u 65).

( 57 ) Sentenza tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen (C‑341/08, EU:C:2010:4, punt 53); ara, barra minn hekk, b’mod determinanti dwar ir-rekwiżit ta’ koerenza, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C‑169/07, EU:C:2009:141, punt 55) kif ukoll, reċentement, tat-23 ta’ Diċembru 2015, Hiebler (C‑293/14, EU:C:2015:843, punt 65).

( 58 ) Fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Jannar 2013, Eweida et vs Ir-Renju Unit (Rikors Nru 48420/10 et, CE:ECHR:2013:0115JUD004842010, punt 94), il-QEDB qieset li l-Artikolu 9 KEDB kien ġie miksur b’mod partikolari minħabba li l-impriża kkonċernata, f’każijiet preċedenti kienet ippermetiet jew fi kwalunkwe każ ittollerat l-ilbies ta’ simboli reliġjużi viżibbli minn ċerti impjegati.

( 59 ) Is-sitwazzjoni legali hija differenti fl-Istati Uniti tal-Amerika, fejn il-persuna li timpjega għandha l-obbligu ta’ “religious accomodation” fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-Civil Rights Act tal-1964, Title VII, (42 U.S.C. § 2000e-2, ara, f’dan ir-rigward, prinċipalment, is-sentenza tal-U.S. Supreme Court, tal-1 ta’ Ġunju 2015, punti 14 sa 86, EEOC vs Abercrombie & Fitch Stores, 575 U.S. _ 2015).

( 60 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2007, Palacios de la Villa (C‑411/05, EU:C:2007:604, punt 73) u tat-12 ta’ Ottubru 2010, Ingeniørforeningen i Danmark (C‑499/08, EU:C:2010:600, punt 47), kull waħda rigward problema ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fil-kuntest tad-Direttiva 2000/78.

( 61 ) F’dan is-sens,– rigward l-Artikolu 9KEDB – ara s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, is-sentenzi tal-10 ta’ Novembru 2005, Leyla Şahin vs It-Turkija (Rikors Nru 44774/98, CE:ECHR:2005:1110JUD004477498, punt 104), tal-1 ta’ Lulju 2014, S.A.S. vs Franza (Rikors Nru 43835/11, CE:ECHR:2014:0701JUD004383511, punt 124) u tas-26 ta’ Novembru 2015, Ebrahimian vs Franza (Rikors Nru 64846/11, CE:ECHR:2015:1126JUD006484611, punt 54).

( 62 ) Kif konkluż ukoll mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fis-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, Eweida et vs Ir-Renju Unit (Rikors Nru 48420/10 et, CE:ECHR:2013:0115JUD004842010, punti 94 u 99), dwar l-Artikolu 9 KEDB.

( 63 ) G4S innifisha tqis li l-proporzjon ta’ impjegati tagħha li huma ta’ twemmin Musulman huwa ta’ madwar 11 %.

( 64 ) Il-premessa 9 tad-Direttiva 2000/78.

( 65 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-15 ta’ Jannar 2013, Eweida et vs Ir-Renju Unit (Rikors Nru 48420/10 et, CE:ECHR:2013:0115JUD004842010, punt 94), dwar l-Artikolu 9 KEDB.

( 66 ) Din is-sitwazzjoni partikolari probabbilment tkun konċepibbli biss fl-impriżi li jsegwu għanijiet ideoloġiċi, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78.

( 67 ) Ara mill-ġdid, f’dan ir-rigward, l-eżempji ċċitati fil-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.

( 68 ) Ara l-premessi 9 u 11 tad-Direttiva 2000/78.

( 69 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 31 flimkien man-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.

( 70 ) Fil-każ “Baby Loup”, pereżempju il-qorti ta’ kassazzjoni Franċiża ddeċidiet f’formazzjoni plenarja li crèche operata minn sid privat setgħet timponi rekwiżit ta’ newtralità fuq il-persunal tagħha (sentenza Nru 13-28.369, FR:CCASS:2014:AP00612).

( 71 ) Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-1 ta’ Lulju 2014, S.A.S. vs Franza (Rikors Nru 43835/11, CE:ECHR:2014:0701JUD004383511, punti 121, 122, 147 u 153 sa 159).

( 72 ) Proposta għal Direttiva tal-Kunsill għall-istabbiliment ta’ qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, (COM(99) 565 finali (ĠU 2000, C 177 E, p. 42).

( 73 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 55, l-ewwel sentenza). B’mod partikolari, il-persuni jew l-organizzazzjonijiet li, bl-iskuża tar-reliġjon, iwettqu reati kriminali, jippreġudikaw is-sigurtà pubblika u l-ordni pubbliku jew jippreġudikaw id-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn, ma għandhomx jitħallew jinvokaw il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni.

( 74 ) Għal eżempji oħra, ara l-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.

( 75 ) Ara, fost diversi oħrajn, is-sentenzi tal-14 ta’ Mejju 1974, Nold vs Il-Kummissjoni (4/73, EU:C:1974:51, punti 13 u 14), tat-13 ta’ Diċembru 1979, Hauer (44/79, EU:C:1979:290, punti 15, 16 u 32), tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et (C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04, EU:C:2005:741, punt 87) u tas-6 ta’ Settembru 2012, Deutsches Weintor (C‑544/10, EU:C:2012:526, punt 54); hemmhekk kultant jissemma d-“dritt li tiġi eżerċitata liberament attività ekonomika” jew il-“libertà professjonali” b’mod sinonimu.

( 76 ) Sentenza tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 46).

( 77 ) Sentenzi tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen (C‑341/08, EU:C:2010:4, punt 60), tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 56) u tat-12 ta’ Diċembru 2013, Hay (C‑267/12, EU:C:2013:823, punt 46).

( 78 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punti 59 sa 61 u 64).

( 79 ) Sentenza tat-13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punti 61 u 64).