SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

21 ta’ Jannar 2016 ( *1 )

“Appell — Artikolu 81 KE — Akkordji — Suq Spanjol tal-bitum għall-kisi tal‑uċuħ tat-toroq — Tqassim tas-suq u koordinazzjoni tal-prezzijiet — Tul eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali — Artikolu 261 TFUE — Regolament (KE) Nru 1/2003 — Artikolu 31 — Ġurisdizzjoni sħiħa — Artikolu 264 TFUE — Annullament parzjali jew totali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni”

Fil-Kawża C‑603/13 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-22 ta’ Novembru 2013,

GALP Energía España SA, stabbilita f’Alcobendas (Spanja),

Petróleos de Portugal (Petrogal) SA, stabbilita f’Lisbona (il‑Portugall),

GALP Energía, SGPS SA, stabbilita f’Lisbona,

irrappreżentati minn M. Slotboom, avukat, u G. Gentil Anastácio, avukat,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Urraca Caviedes u F. Castillo de la Torre, bħala aġenti, assistiti minn J. Rivas Andrés, avukat, u G. Eclair-Heath, solicitor,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ħames Awla, D. Šváby (Relatur), A. Rosas u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ April 2015,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Lulju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, GALP Energía España SA (iktar ’il quddiem “GALP Energía España”), Petróleos de Portugal (Petrogal) SA (iktar ’il quddiem “Petróleos de Portugal”) u GALP Energía, SGPS SA (iktar ’il quddiem “GALP Energía, SGPS”) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“appellanti”), jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tas-16 ta’ Settembru 2013, GALP Energía España et vs Il-Kummissjoni (T‑462/07, EU:T:2013:459, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din tal-aħħar, minn naħa, annullat parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 4441 finali, tat-3 ta’ Ottubru 2007, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, li sar l-Artikolu 101 TFUE, [Każ COMP/38710 — Bitum (Spanja)] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), u naqset l-ammont tal-multa imposta fuqhom u, min-naħa l-oħra, ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

Il-kuntest ġuridiku

2

L-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) jipprovdi:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ħa jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni waħħlet multa jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni. Hija tista’ tħassar, tnaqqas jew jżid il-multa jew il-perjodu ta’ pagamenti tal-pieni imposti.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

3

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 1 sa 85 tas-sentenza appellata u jistgħu jinġabru fil-qosor, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, kif ġej.

4

Il-prodott ikkonċernat mill-ksur huwa l-bitum ta’ penetrazzjoni, bitum li ma jkunx ġie ttrasformat u li jintuża għall-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tat-toroq.

5

Is-suq Spanjol tal-bitum jinkludi, minn naħa, tliet produtturi, il-gruppi Repsol, CEPSA‑PROAS u BP, u, min-naħa l-oħra, importaturi, li fosthom jinsabu l-gruppi Nynäs u dak ikkostitwit mill-appellanti.

6

Mill-1990 sal-2003, 89.29 % tal-attiv ta’ GALP Energía España, li kienet Petrogal Española SA, kien miżmum minn Petróleos de Portugal u l-10.71 % kien miżmum minn Tagus RE, kumpannija tal-assigurazzjoni li hija nnifisha kellha 98 % taħt il-kontroll ta’ Petróleos de Portugal. Mis-sena 2003, GALP Energía España hija 100 % sussidjarja ta’ Petróleos de Portugal. Din, min-naħa tagħha, hija 100 % sussidjarja ta’ GALP Energía SGPS mit-22 ta’ April 1999.

7

L-attività ta’ GALP Energía España hija l-bejgħ u l-kummerċjalizzazzjoni tal-bitum fi Spanja. Id-dħul mill-bejgħ tagħha relatat mal-bitum mibjugħ lill-partijiet mhux konnessi fi Spanja ammonta għal EUR 13000000 fl-2001, l-aħħar sena kompleta tal-ksur, jiġifieri 4.54 % tas-suq inkwistjoni. Id-dħul mill-bejgħ totali kkonsolidat ta’ GALP Energía SGPS irrappreżenta EUR 12576000000 fl-2006.

8

Wara talba għall-immunità ppreżentata fl-20 ta’ Ġunju 2002 mill-grupp BP skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155), fl-1 u fit‑2 ta’ Ottubru 2002 saru verifiki fi ħdan il-gruppi Repsol, PROAS, BP, Nynäs u dak ikkostitwit mill-appellanti.

9

Fis-6 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni bagħtet lill-impriżi kkonċernati l-ewwel serje ta’ talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, L-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3).

10

Permezz ta’ faks, tal-31 ta’ Marzu u tal-5 ta’ April 2004 rispettivament, Repsol u PROAS ippreżentaw lill-Kummissjoni talba abbażi tal-avviż tagħha dwar l-immunità u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-kawżi relatati mal-akkordji, flimkien ma’ dikjarazzjoni tal-impriża.

11

Wara li indirizzat erba’ talbiet oħra għal informazzjoni lill-impriżi kkonċernati, il-Kummissjoni bdiet formalment proċedura u, mill-24 sat-28 ta’ Awwissu 2006, innotifikat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-gruppi BP, lil Repsol, lil CEPSA‑PROAS, lil Nynäs u lil dak ikkostitwit mill-appellanti.

12

Fit-3 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata li permezz tagħha hija kkonstatat li t-tlettax-il kumpannija li kienu d-destinatarji tagħha kienu pparteċipaw f’sensiela ta’ ftehimiet u ta’ prattiki miftiehma fil-kummerċjalizzazzjoni tal-bitum ta’ penetrazzjoni fit-territorju Spanjol (bl-eċċezzjoni tal-Gżejjer Kanarji) fil-forma ta’ tqassim tas-suq u ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet.

13

Id-diversi istanzi ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur jew komponenti, li ġew identifikati huma dawn li ġejjin:

l-istabbiliment ta’ kwoti ta’ bejgħ;

it-tqassim tal-volumi ta’ prodott u ta’ klijenti bejn il-parteċipanti kollha fl-akkordju, abbażi ta’ dawn il-kwoti;

il-kontroll tal-implementazzjoni tat-tqassim tas-suq u tal-klijenti, permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-volumi ta’ bejgħ (iktar ’il quddiem is-“sistema ta’ sorveljanza”);

il-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta’ kumpens intiż sabiex jikkoreġi d-differenzi li jirriżultaw fir-rigward tat-tqassim miftiehem tas-suq u tal-klijenti (iktar ’il quddiem il-“mekkaniżmu ta’ kumpens”);

il-ftehim dwar il-bidla fil-prezzijiet tal-bitum u d-data minn meta jibdew japplikaw dawn il-prezzijiet il-ġodda;

il-parteċipazzjoni f’laqgħat regolari u f’kuntatti oħra sabiex jiġu miftiehma restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni esposti hawn fuq u sabiex dawn jiġu implementati jew sabiex jiġu mibdula skont il-bżonn.

14

Il-Kummissjoni qieset bħala stabbilit li l-persunal ta’ GALP Energía España kien ipparteċipa fl-akkordju f’isimha. Fid-dawl tal-ġurisprudenza dwar il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv minn kumpannija parent ta’ influwenza determinanti fuq is-sussidjarja tagħha miżmuma 100 % minnha u fid-dawl tar-relazzjonijiet ta’ holding ta’ GALP Energía España, ta’ Petróleos de Portugal u ta’ GALP Energía SGPS, il-Kummissjoni qieset li GALP Energía España, Petróleos de Portugal u anki, mit-22 ta’ April 1999, GALP Energía SGPS kienu jikkostitwixxu impriża waħda għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE.

15

Il-Kummissjoni kkunsidrat li kull waħda miż-żewġ restrizzjonijiet għall-kompetizzjoni kkonstatati, jiġifieri l-ftehimiet orizzontali għat-tqassim tas-suq u l-koordinazzjoni tal-prezzijiet, kienet taqa’, min-natura tagħha stess, fit-tipi ta’ ksur l-iktar serji tal-Artikolu 81 KE, liema tipi ta’ ksur jistgħu jiġġustifikaw, skont il-ġurisprudenza, li jiġu kklassifikati bħala “serji ħafna” unikament fuq il-bażi tan-natura tagħhom, mingħajr il-bżonn li tali aġir ikun ikopri żona ġeografika partikolari jew ikollu xi impatt partikolari.

16

Il-Kummissjoni qieset li kien impossibbli li tkejjel l-impatt reali tal-akkordju fuq is-suq, minħabba b’mod partikolari, l-insuffiċjenza ta’ informazzjoni dwar kif kienu jevolvu l-prezzijiet netti tal-bitum fi Spanja fl-assenza tal-ftehimiet. Il-Kummissjoni ma qisitx li kienet obbligata turi bi preċiżjoni l-veru impatt tal-akkordju fuq is-suq inkwistjoni u lanqas li tikkwantifikah, iżda qieset li setgħet tillimita ruħha għal stimi tal-probabbiltà ta’ tali effett. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni qieset li l-ftehimiet tal-akkordju kienu ġew implementati u li kien probabbli li pproduċew effetti antikompetittivi reali.

17

Fid-dawl tan-natura tal-ksur, il-Kummissjoni qieset li l-gruppi Repsol, PROAS, BP, Nynäs u dak ikkostitwit mill-appellanti kienu wettqu ksur serju ħafna tal-Artikolu 81 KE u ppreċiżat li din il-konklużjoni kienet intlaħqet indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-akkordju kellux impatt li jista’ jitkejjel fuq is-suq inkwistjoni. Il-Kummissjoni żiedet tgħid li hija kienet qed tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kollużjoni kienet ikkonċernat biss lis-suq Spanjol.

18

Il-Kummissjoni stabbilixxiet l-“ammont inizjali” tal-multi li kellhom jiġu imposti billi ħadet inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur, il-valur tas-suq inkwistjoni stmat għal EUR 286400000 fl-2001, l-aħħar sena kompleta tal-ksur, u l-fatt li l-ksur kien limitat għall-bejgħ tal-bitum imwettaq fi Stat Membru wieħed. Fid-dawl tal-elementi preċedenti, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammont inizjali tal-multi għal EUR 40000000.

19

Il-Kummissjoni mbagħad ikklassifikat lill-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata f’diversi kategoriji ddefiniti skont l-importanza relattiva tagħhom fuq is-suq inkwistjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-trattament differenzjat, b’tali mod li ħadet inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tagħhom li jikkawżaw dannu gravi lill-kompetizzjoni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq is-sehem tagħhom, espress fil-valur tal-bejgħ tagħhom, mis-suq Spanjol tal-bitum ta’ penetrazzjoni għall-kisi tal-uċuħ tat-toroq għas-sena finanzjarja 2001.

20

Repsol u PROAS, li s-sehem tagħhom mis-suq inkwistjoni jammonta, rispettivament, għal 34.04 % u għal 31.67 % għas-sena finanzjarja 2001, ġew ikklassifikati fl-ewwel kategorija, BP, b’sehem mis-suq ta’ 15.19 %, fit-tieni kategorija, u Nynäs kif ukoll l-appellanti, li s-sehem tagħhom mis-suq kien ta’ bejn 4.54 % u 5.24 %, fit-tielet kategorija. Fuq din il-bażi, l-ammonti inizjali tal-multi li kellhom jiġu imposti ġew adattati kif ġej:

l-ewwel kategorija, għal Repsol u PROAS: EUR 40000000;

it-tieni kategorija, għal BP: EUR 18000000;

it-tielet kategorija, Nynäs u l-appellanti: EUR 5500000.

21

Sabiex tiddetermina l-ammont tal-multi f’livell li jiġġarantixxi l-effett suffiċjentement dissważiv, il-Kummissjoni qieset xieraq li tapplika multiplikatur lill-ammont tal-multi li kellhom jiġu imposti fuq BP u fuq Repsol, ta’ 1.8 u ta’ 1.2 rispettivament, skont id-dħul mill-bejgħ globali tagħhom tas-sena 2006, l-aħħar sena ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iżda li ma tapplikax multiplikatur għall-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuq PROAS, fuq Nynäs u fuq l-appellanti.

22

Wara li żiedet l-ammont inizjali tal-multi abbażi tat-tul tal-ksur, biex b’hekk l-ammont bażiku tal-multa ammonta għal EUR 9625000 għal GALP Energía España kif ukoll għal Petróleos de Portugal u għal EUR 7150000 għal GALP Energía SGPS, il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li l-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuq Repsol u fuq PROAS kellu jiżdied bi 30 % abbażi ta’ ċirkustanzi aggravanti, peress li dawn iż-żewġ impriżi kienu l-mexxejja tal-akkordju.

23

Il-Kummissjoni pparagunat ir-rwol tal-appellanti ma’ dak ta’ Repsol, ta’ PROAS u ta’ BP u eżaminat jekk tnaqqis tal-ammont tal-multi kienx iġġustifikat. Hija qieset xieraq li tiddistingwi bejn ir-rwoli differenti li kellhom l-appellanti billi ħadet inkunsiderazzjoni l-parteċipazzjoni iktar limitata tagħhom fil-ksur u ddeċidiet li tnaqqas b’ 10 % l-ammont tal-multi tagħhom.

24

GALP Energía España u Petróleos de Portugal għaldaqstant ġew ikkundannati, fl-Artikolu 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, iħallsu in solidum il-multa fl-ammont ta’ EUR 8662500 li fosthom EUR 6435000 kellhom jitħallsu in solidum minn GALP Energía SGPS.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

25

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Diċembru 2007, l-appellanti talbu l-annullament totali jew parzjali tad-deċiżjoni kkontestata u, sussidjarjament, it-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqhom.

26

Insostenn tar-rikors tagħhom, l-appellanti qajmu disa’ motivi.

27

Il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tielet motiv tal-appellanti u annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni sa fejn jikkonstata l-involviment ta’ GALP Energía España, ta’ Petróleos de Portugal u ta’ GALP Energía SGPS, fis-sensiela ta’ ftehimiet u ta’ prattiki miftiehma fuq is-suq Spanjol tal-bitum, sa fejn dawn jinkludu, minn naħa, is-sistema ta’ sorveljanza tal-implementazzjoni tal-ftehimiet ta’ tqassim tas-suq u tal-klijenti u, min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmu ta’ kumpens intiż sabiex jikkoreġi d-differenzi li jirriżultaw fir-rigward tal-ftehimiet ta’ tqassim tas-suq u tal-klijenti.

28

Għal dan il-għan, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 215, 292, 293 u 301 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha biss fuq provi kontemporanji tal-fatti sabiex tqis li r-responsabbiltà tal-appellanti fir-rigward tas-sistema ta’ sorveljanza u tal-mekkaniżmu ta’ kumpens ma kinitx ġiet stabbilita. Għaldaqstant, hija rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjoni ta’ V. C., direttur tal-bejgħ tal-bitum ta’ Petrogal Española SA, li saret GALP Energía España, tas-6 ta’ Diċembru 2007, sottomessa fil-proċess tal-proċedura ġudizzjarja mill-appellanti u, għaldaqstant, mhux meqjusa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, bħala prova kontrihom.

29

Fil-punti 611, 625 u 626 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali madankollu kkonstatat, fid-dawl ta’ din id-dikjarazzjoni tas-6 ta’ Diċembru 2007 ta’ V. C., li l-appellanti kienu jafu bil-parteċipazzjoni ta’ membri oħra tal-akkordju fil-mekkaniżmu ta’ kumpens, u li huma setgħu jipprevedu wkoll il-parteċipazzjoni ta’ membri oħra tal-akkordju fis-sistema ta’ sorveljanza, u li, għaldaqstant, huma setgħu jitqiesu responsabbli fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ komponenti tal-ksur.

30

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 630 tas-sentenza appellata, li ma kienx hemm lok li jinbidel l-ammont inizjali tal-multa, iżda qieset neċessarju, fil-punt 632 ta’ din is-sentenza, li żżid il-livell tat-tnaqqis tal-multa applikat mill-Kummissjoni abbażi taċ-ċirkustanzi attenwanti.

31

Fil-punti 635 u 636 tal-imsemmija sentenza, hija għaldaqstant laqgħet parzjalment id-disa’ motiv u wettqet tnaqqis addizzjonali ta’ 4 % tal-ammont tal-multa, li żdied mat-tnaqqis ta’ 10 % diġà mogħtija mid-deċiżjoni kkontestata.

32

Il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-motivi l-oħra tal-annullament imressqa mill-partijiet, inklużi l-ħames u s-sitt motiv, ibbażati fuq l-illegalità li taffettwa l-konstatazzjoni dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet kif ukoll it-tul ta’ din il-parteċipazzjoni.

33

Konsegwentement, l-ammont tal-multa imposta fuq GALP Energía España u fuq Petróleos de Portugal, fl-Artikolu 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, ġie stabbilit għal EUR 8277500, filwaqt li l-ammont tal-multa imposta fuq GALP Energía SGPS, fl-istess artikolu, ġie stabbilit għal EUR 6149000.

It-talbiet tal-partijiet

34

Permezz tal-appell tagħhom, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata;

tannulla l-Artikoli 1 sa 3 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn jikkonċernawhom u/jew tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom;

sussidjarjament, tannulla s-sentenza u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

35

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appelli, u

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż kollha.

Fuq l-appell

36

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw tliet aggravji.

Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq żbalji ta ’ liġi li jaffettwaw il-konstatazzjoni ta ’ parteċipazzjoni tal-appellanti fl-attivitajiet ta ’ koordinazzjoni tal-prezzijiet matul il-perijodu 1995-2002

L-argumenti tal-partijiet

37

Permezz tal-ewwel aggravju, maqsum fi tliet partijiet, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 81(1) KE, żnaturat il-provi u kisret ir-regoli tal-proċedura li jirregolaw l-evalwazzjoni tal-provi kif ukoll il-prinċipju ġenerali tal-preżunzjoni ta’ innoċenza ggarantit mill-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) billi, fil-punti 407 u 456 tas-sentenza appellata, ikkonstatat li l-Kummissjoni ma setgħetx titqies li kkonkludiet illegalment li l-appellanti kienu pparteċipaw fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet “sal-2002”. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma mmotivatx din il-konstatazzjoni b’mod suffiċjenti fid-dritt.

38

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jilmentaw li, sabiex tikkonstata li l-Kummissjoni kienet ipprovat il-parteċipazzjoni tal-appellanti fl-attivitajiet ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet bejn is-sena 1995 u s-sena 2002, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fil-punti 370 sa 408 tas-sentenza appellata, żewġ elementi li jiskaġunaw, jiġifieri l-fatt li la t-talba għal klemenza ta’ BP u lanqas id-dokumenti kontemporanji tal-fatti prodotti minn BP ma kienu jsemmu li l-appellanti kienu ħadu sehem fl-attivitajiet ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet.

39

Permezz tat-tieni parti tal-aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ma rrilevatx li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda prova dwar id-data tal-bidu tal-allegata parteċipazzjoni tal-appellanti fl-attivitajiet ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet.

40

F’dan ir-rigward, huma jsostnu li d-dikjarazzjonijiet ta’ Repsol u ta’ PROAS fir-rigward tal-klemenza ma jsemmu ebda fatt konkret, inklużi dati, laqgħat, telefonati jew żidiet fil-prezzijiet u li dawn id-dikjarazzjonijiet ma humiex suffiċjentement preċiżi u konsistenti sabiex juru l-parteċipazzjoni tal-appellanti fl-attivitajiet ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet mis-sena 1995 sas-sena 2002. F’dan is-sens, huma jirrilevaw ukoll li d-data tal-bidu tat-tqassim tas-suq ma tistax titqies li hija d-data tal-bidu tal-parteċipazzjoni ta’ Petróleos de Portugal fil-ftehimiet dwar il-prezzijiet, peress li dawn iż-żewġ ftehimiet jikkostitwixxu, skont id-deċiżjoni kkontestata, partijiet distinti tal-akkordju.

41

Permezz tat-tielet parti tal-aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali inkwantu hija qieset li l-iskambju ta’ posta elettronika interna ta’ GALP Energía España tat-18 u tad-19 ta’ Ottubru 2000, evalwati fil-punti 387 sa 404 tas-sentenza appellata, jikkostitwixxi prova kontemporanja tal-fatti li tipprova l-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet.

42

Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju huwa inammissibbli kollu kemm hu u, fi kwalunkwe każ, infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

43

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 256 TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza appellata kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena tal-inammissibbiltà ta’ appell jew tal-aggravju kkonċernat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44

Għaldaqstant ma jissodisfax ir-rekwiżiti u għandu jiġi ddikjarat inammissibbli aggravju li l-argumentazzjoni tiegħu ma hijiex preċiża u sostnuta biżżejjed sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Telefónica u Telefónica de España/Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45

Issa, l-argumenti bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 81(1) KE, fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fuq il-ksur tar-regoli tal-proċedura li jirregolaw l-evalwazzjoni tal-provi kif ukoll fuq il-prinċipju ġenerali tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, l-istess bħall-allegazzjonijiet ta’ żnaturament tal-provi ma jidentifikawx mal-preċiżjoni meħtieġa li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, iżda jikkonsistu f’affermazzjonijiet ġenerali u mhux sostnuti b’tali mod li għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

46

Għal dak li jirrigwarda l-ewwel u t-tielet partijiet tal-ewwel aggravju, sa fejn l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali, minn naħa, li ma ħaditx inkunsiderazzjoni żewġ provi sabiex tikkonstata li l-Kummissjoni kienet ipprovat il-parteċipazzjoni tal-appellanti fl-attivitajiet ta’ koordinazzjoni ta’ prezzijiet bejn is-sena 1995 u s-sena 2002 u, min-naħa l-oħra, li qieset li l-iskambju ta’ posta elettronika interna tal-appellanti tat-18 u 19 ta’ Ottubru 2000 jikkostitwixxi prova kontemporanja tal-fatti li tipprova l-parteċipazzjoni tagħhom fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikoli 256(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi. Għaldaqstant, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha l-kompetenza tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll il-provi ppreżentati quddiemha. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u ta’ dawn il-provi, bla ħsara għall-każijiet tal-iżnaturament tagħhom, sempliċement invokati b’mod mhux preċiż u mhux sostnut mill-appellanti f’dan il-każ, ma tikkostitwixxix kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għal stħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 84).

47

Għaldaqstant, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

48

Għal dak li jirrigwarda t-tieni parti ta’ dan l-aggravju, sa fejn l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ma rrilevatx li d-deċiżjoni kkontestata ma kienet tinkludi ebda prova dwar il-bidu tal-allegata parteċipazzjoni tal-appellanti fl-attivitajiet ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet inkwistjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, bil-kontra ta’ dak li huma jsostnu, din l-argumentazzjoni ma saritx mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, din hija ġdida u, konsegwentement, inammissibbli.

49

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli kollu kemm hu.

Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq il-ksur tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta ’ sentenza mill-Qorti Ġenerali

L-argumenti tal-partijiet

50

L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), billi ma tatx deċiżjoni f’terminu raġonevoli, u dan jiġġustifika l-annullament tas-sentenza appellata u dak tad-deċiżjoni kkontestata, jew sussidjarjament, tnaqqis sostanzjali tal-multa li ġiet imposta fuqhom.

51

Huma jsostnu li r-rikors għal annullament tagħhom ġie ppreżentat fid-19 ta’ Diċembru 2007, il-proċedura bil-miktub ingħalqet fil-21 ta’ Ottubru 2008, il-proċedura orali nfetħet fit-12 ta’ Novembru 2012, is-seduta nżammet fl-24 ta’ Jannar 2013 u s-sentenza ngħatat fis-16 ta’ Settembru 2013.

52

Peress li l-proċedura kollha damet madwar ħames snin u disa’ xhur (69 xahar), b’perijodu ta’ erba’ snin u xahar (49 xahar) bejn għeluq il-proċedura bil-miktub u ftuħ il-proċedura orali, l-appellanti jqisu, b’applikazzjoni tal-kriterju ddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C‑185/95 P, EU:C:1998:608), li l-Qorti Ġenerali ma ssodisfatx l-obbligu tagħha li tagħti deċiżjoni f’terminu raġonevoli.

53

F’dan ir-rigward, l-appellanti jenfasizzaw, minn naħa, li l-kawża kienet ħafna inqas kumplessa mill-parti l-kbira tal-kawżi l-oħra dwar akkordji mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali u li n-numru ta’ rikorsi kien limitat, peress li erba’ membri tal-akkordju biss ippreżentaw rikors u, min-naħa l-oħra, li t-tul eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma jista’ jiġi imputat lill-aġir tagħhom.

54

Il-Kummissjoni min-naħa tagħha ssostni li, skont ġurisprudenza ferm stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ effett tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu raġonevoli fuq is-soluzzjoni tat-tilwima, l-annullament tas-sentenza appellata ma jirrimedjax għall-ksur tat-terminu raġonevoli sabiex tingħata deċiżjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

55

Għandu jitfakkar li ksur, minn qorti tal-Unjoni, tal-obbligu tagħha li jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta li tiddeċiedi l-kawżi mressqa quddiemha f’terminu raġonevoli, għandu jiġi ssanzjonat permezz ta’ rikors għad-danni ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali peress li tali rikors jikkostitwixxi rimedju effettiv. Għaldaqstant, talba intiża sabiex tikseb kumpens għad-dannu kkawżat min-nuqqas ta’ osservanza, mill-Qorti Ġenerali, ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ sentenza ma tistax tiġi sottomessa direttament lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, iżda għandha titressaq quddiem il-Qorti Ġenerali nnifisha (sentenzi Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 66, ICF vs Il‑Kummissjoni, C‑467/13 P, EU:C:2014:2274, punt 57, kif ukoll Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punti 1718).

56

Il-Qorti Ġenerali, li jkollha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 256(1) TFUE, u li tkun adita b’talba għall-kumpens, hija obbligata li tagħti deċiżjoni fuq tali talba f’kompożizzjoni differenti minn dik li biha tkun ħadet konjizzjoni tal-kawża li tat lok għall-proċedura li t-tul tagħha jkun ikkritikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 67; ICF vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2014:2274, punt 58, kif ukoll Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 19).

57

Fid-dawl ta’ dan, peress li huwa ċar, mingħajr ma huwa neċessarju li l-partijiet jipproduċu provi addizzjonali f’dan ir-rigward, li l-Qorti Ġenerali kisret b’mod suffiċjentement serju l-obbligu tagħha li tagħti sentenza f’terminu raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrileva dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 90; ICF vs Il-Kummissjoni, EU:C:2014:2274, punt 59, kif ukoll Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 20).

58

Fil-każ preżenti, dan huwa l-każ. It-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, jiġifieri kważi ħames snin u disa’ xhur li jinkludi, b’mod partikolari, perijodu ta’ erba’ snin u xahar li għadda, mingħajr ebda att proċedurali, bejn tmiem il-proċedura bil-miktub u s-seduta, la jista’ jiġi spjegat min-natura, la mill‑kumplessità tal-kawża u lanqas mill-kuntest tagħha. Fil-fatt, minn naħa, il-kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali ma kinitx partikolarment kumplessa. Min-naħa l-oħra, la jirriżulta mis-sentenza appellata u lanqas mill-provi prodotti mill-partijiet li dan il-perijodu ta’ inattività kien oġġettivamet iġġustifikat jew li l-appellanti kienu kkontribwixxew għalih.

59

Madankollu, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 54 tas-sentenza preżenti jirriżulta li t-tielet aggravju ta’ dan l-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali eċċediet il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha

L-argumenti tal-partijiet

60

It-tieni aggravju tal-appellanti jinkludi tliet partijiet.

61

Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, huma jsostnu li fil-punti 625, 626 u 630 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi eċċediet il-ġurisdizzjoni tagħha inkwantu, fil-kuntest ta’ motiv imqajjem ex officio hija qieset, abbażi tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li l-appellanti kienu responsabbli fir-rigward ta’ żewġ komponenti tal-ksur tal-Artikolu 81(1) KE, jiġifieri l-għarfien tal-mekkaniżmu ta’ kumpens u l-prevedibbiltà tas-sistema ta’ sorveljanza.

62

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ukoll ultra petita, peress li l-Kummissjoni ma kinitx ibbażat ruħha fuq dawn il-motivi fid-deċiżjoni kkontestata, peress li dawn il-motivi ma kinux ġew invokati bħala motivi għall-annullament mill-appellanti u peress li dawn ma ġewx iddibattuti bl-ebda mod ħlief mill-aspett tal-ammissibbiltà tad-dikjarazzjoni ta’ V. C.

63

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li meta ddeċidiet dwar il-livell tal-multa imposta fuq l-appellanti, il-Qorti Ġenerali setgħet tieħu inkunsiderazzjoni l-għarfien, min-naħa ta’ dawn tal-aħħar, tal-mekkaniżmi ta’ sorveljanza u ta’ kumpens, peress li din hija kwistjoni ta’ fatt. Hija tqis li l-Qorti Ġenerali setgħet tagħmel l-istess għal dak li jirrigwarda d-dikjarazzjoni ta’ V. C., b’mod partikolari sa fejn, fil-punt 40 tas-sentenza KNP BT vs Il-Kummissjoni (C‑248/98 P, EU:C:2000:625), il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi l-possibbiltà tal-Qorti Ġenerali, meta tevalwa jekk l-emendi humiex xierqa, li tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni addizzjonali li ma tinsabx fid-deċiżjoni li kienet suġġetta għall-istħarriġ tagħha, bħala informazzjoni meħtieġa skont l-obbligu ta’ motivazzjoni. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-aggravju huwa ineffettiv, inkwantu l-Qorti Ġenerali diġà naqqset l-ammont tal-multa.

64

Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jsostnu li, meta fil-punti 624 u 625 tas-sentenza appellata ddeċidiet li fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha hija setgħat tieħu inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjoni ta’ V. C. sabiex tikkonstata r-responsabbiltà tal-appellanti bbażata fuq l-għarfien tagħhom tal-mekkaniżmu ta’ kumpens u tal-prevedibbiltà tas-sistema ta’ sorveljanza, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt għal smigħ xieraq, inkluż il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali, id-drittijiet tad-difiża u, b’mod iktar partikolari, il-prinċipju ta’ kontradittorju.

65

Il-Qorti Ġenerali kisret dawn il-prinċipji billi ma kkomunikatx bi preċiżjoni lill-appellanti, qabel ma tat id-deċiżjoni, in-natura u l-għan ta’ dan il-motiv il-ġdid, skont ir-rekwiżiti impost mill-Artikolu 6 tal-KEDB kif ukoll mill-Artikoli 47 u 48 tal-Karta.

66

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti billi tinsisti fuq il-fatt li l-provi prodotti minn V. C. dwar l-għarfien tal-mekkaniżmi ta’ sorveljanza u ta’ kumpens mill-appellanti ssemmew għall-ewwel darba minn dawn tal-aħħar. Għaldaqstant, huwa assurd min-naħa tal-appellanti li jallegaw li huma ma setgħux jieħdu konjizzjoni ta’ dawn il-provi.

67

Permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li bil-konstatazzjoni dwar ir-responsabbiltà tagħhom fir-rigward ta’ żewġ komponenti tal-ksur, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 626 tas-sentenza appellata, żnaturat il-provi u kisret il-prinċipju tal-preżunzjoni ta’ innoċenza. Il-konstatazzjoni hija bbażata fuq iċċitar mhux komplut tad-dikjarazzjoni ta’ V. C. li minnha jirriżulta għaldaqstant ċar li V. C. ma kellu ebda għarfien tan-natura tal-mekkaniżmu ta’ kumpens li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata.

68

Bil-kontra ta’ dan, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma żnaturatx il-provi li jinsabu fid-dikjarazzjoni ta’ V. C.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

69

Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħhom, moqri flimkien mat-tieni parti tal-imsemmi aggravju, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li eċċediet il-limiti tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, kif iddefinita fl-Artikolu 261 TFUE u fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003.

70

Sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li wara li kkonstatat, minn naħa, fil-punti 265, 266, 270 u 292 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx ipprovat il-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-mekkaniżmi ta’ kumpens u ta’ sorveljanza inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, fil-punt 282 ta’ din is-sentenza, li l-Kummissjoni ma bbażatx id-deċiżjoni kkontestata fuq motiv ieħor ħlief il-parteċipazzjoni tal-appellanti f’dawn iż-żewġ komponenti sabiex tikkonstata r-responsabbiltà tagħhom f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali sostniet, fil-punti 624 sa 626 u 630 tal-imsemmija sentenza, dan li ġej:

71

Għandu jitfakkar ukoll li s-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar proċeduri ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE tikkonsisti fi stħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 263 TFUE, li jista’ jitwettaq, skont l-Artikolu 261 TFUE u fuq talba tar-rikorrenti, mill-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fir-rigward tas-sanzjonijiet imposti f’dan il-qasam mill-Kummissjoni (sentenza Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 42).

72

F’dan ir-rigward, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tippreċiża diversi drabi, il-portata tal-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE testendi għall-elementi kollha tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE li l-Qorti Ġenerali tiżgura stħarriġ fid-dettall tagħhom, fid-dritt kemm fil-fatt, fid-dawl tal-motivi mqajma mir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi KME Germany et vs Il-Kummissjoni, C‑272/09 P, EU:C:2011:810, punti 102109; Chalkor vs Il-Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punti 6282, kif ukoll Telefónica u Telefónica de España vs Il-Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punti 5659) u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-provi kollha prodotti minn dawn tal-aħħar, kemm jekk dawn ikunu ġew prodotti qabel u kemm jekk wara d-deċiżjoni meħuda, kemm jekk ikunu ġew ippreżentati qabel fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva jew jekk għall-ewwel darba, fil-kuntest tar-rikors li l-Qorti Ġenerali tkun adita bih, sa fejn dawn il-provi tal-aħħar ikunu rilevanti għall-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, C‑407/08 P, EU:C:2010:389, punti 87 sa 92).

73

Madankollu, għandu jitfakkar li l-qrati tal-Unjoni ma jistgħux, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità msemmi fl-Artikolu 263 TFUE, jissostitwixxu l-motivazzjoni tagħhom għal dik tal-awtur tal-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Frucona Košice vs Il-Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74

Barra minn hekk, l-Artikolu 261 TFUE jipprovdi li “r-Regolamenti adottati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill flimkien, u mill-Kunsill, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, jistgħu jagħtu kompetenza assoluta lill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea rigward is-sanzjonijiet li jkunu previsti f’dawn ir-regolamenti”. Filwaqt li uża l-possibbiltà mogħtija minn din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni sostna, fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, li “l-Qorti tal-Ġustizzja ħa jkollha ġurisdizzjoni bla limitu għar-reviżjoni tad-deċiżjonijiet fejn il-Kummissjoni waħħlet multa jew perjodu ta’ pagamenti tal-pieni [u li hija] tista’ tħassar, tnaqqas jew jżid il-multa jew il-perjodu ta’ pagamenti tal-pieni imposti”.

75

Għaldaqstant, meta teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha prevista fl-imsemmija Artikolu 261 TFUE u Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, il-qorti tal-Unjoni għandha s-setgħa, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għad-determinazzjoni tal-ammont ta’ din is-sanzjoni ma’ dik tal-Kummissjoni, awtur tal-att li fih kien iffissat inizjalment dan l-ammont (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, EU:C:2007:88, punt 61).

76

Min-naħa l-oħra, il-portata ta’ din il-ġurisdizzjoni sħiħa hija strettament limitata, b’differenza mill-istħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE, għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, EU:C:2007:88, punt 62; Alliance One International vs Il-Kummissjoni, C‑679/11 P, EU:C:2013:606, punt 105; Il-Kummissjoni et vs Siemens Österreich et, C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punt 126, kif ukoll Telefónica u Telefónica de España vs Il‑Kummissjoni, C‑295/12 P, EU:C:2014:2062, punt 45).

77

Minn dan jirriżulta li l-ġurisdizzjoni sħiħa li għandha l-Qorti Ġenerali abbażi tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 tikkonċerna biss l-evalwazzjoni min-naħa tagħha tal-multa imposta mill-Kummissjoni, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe modifika tal-elementi li jikkostitwixxu l-ksur legalment ikkonstatat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni li biha hija adita l-Qorti Ġenerali.

78

Issa, f’dan il-każ, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, minkejja li kienet ikkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet li l-appellanti kienu pparteċipaw fil-mekkaniżmu ta’ kumpens, kif ukoll fis-sistema ta’ sorveljanza, u li d-deċiżjoni kkontestata ma kienet ibbażata fuq ebda motiv ieħor ħlief il-parteċipazzjoni tagħhom f’żewġ komponenti tal-ksur, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, fil-punti 625, 626 u 630 tas-sentenza appellata, li l-appellanti kienu jafu bil-parteċipazzjoni ta’ membri oħra tal-akkordju fil-mekkaniżmu ta’ kumpens, iżda wkoll li huma setgħu jipprevedu l-parteċipazzjoni tagħhom fis-sistema ta’ sorveljanza. Konsegwentement, hija qieset, minn naħa, li huma setgħu jitqiesu responsabbli ta’ dan skont l-Artikolu 101 TFUE u, min-naħa l-oħra, li kien hemm lok li dan jittieħed inkunsiderazzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multa.

79

Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

80

Peress li l-ewwel parti tat-tieni aggravju hija fondata, hemm lok li din tiġi milqugħa.

81

Konsegwentement, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn tiffissa, fil-punt 3 tad-dispożittiv tagħha, l-ammont il-ġdid tal-multi imposti fuq l-appellanti, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-konstatazzjoni, magħmula b’mod żbaljat mill-Qorti Ġenerali abbażi tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fil-punti 625, 626 u 630 ta’ din is-sentenza, li tipprovdi li l-appellanti kienu jafu bil-parteċipazzjoni ta’ membri oħra tal-akkordju fil-mekkaniżmu ta’ kumpens u li huma setgħu wkoll jipprevedu l-parteċipazzjoni ta’ dawn tal-aħħar fis-sistema ta’ sorveljanza, u għaldaqstant, li huma setgħu jitqiesu responsabbli għal dan.

82

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar l-elementi l-oħra tat-tieni parti u dwar it-tielet parti tat-tieni aggravju.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

83

Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, f’każ ta’ annullament tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi definittivament hija stess il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

84

Dan huwa l-każ tal-kawża preżenti, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-informazzjoni neċessarja kollha sabiex tiddeċiedi dwar il-proċedura.

85

Għal dan il-għan, għandu jiġi rrilevat li huwa definittivament stabbilit, fid-dawl tal-punt 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata kif parzjalment annullat mis-sentenza appellata u b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċaħda tal-ewwel aggravju ta’ dan l-appell fil-punt 48 tas-sentenza preżenti, li l-appellanti għandhom jitqiesu responsabbli għall-parteċipazzjoni tagħhom, matul il-perijodu mill-31 ta’ Jannar 1995 sal-1 ta’ Ottubru 2002 għal GALP Energía España kif ukoll Petróleos de Portugal u matul il-perijodu mit-22 ta’ April 1999 sal-1 ta’ Ottubru 2002 għal GALP Energía SGPS, f’sensiela ta’ ftehimiet u ta’ prattiki miftiehma fil-kummerċjalizzazzjoni tal-bitum ta’ penetrazzjoni li jkopru t-territorju Spanjol kollu (bl-eċċezzjoni tal-Gżejjer Kanarji) u li jikkonsistu fi ftehimiet ta’ tqassim tas-suq u ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet.

86

Fil-fatt, il-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tan-nuqqas ta’ provi tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-mekkaniżmu ta’ kumpens kif ukoll fis-sistema ta’ sorveljanza ma hijiex tali, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, li twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi, peress li dawn l-elementi għandhom in-natura ta’ komponenti aċċessorji għall-ksur ikkonċernat. Fil-fatt, il-fatt li l-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova ta’ tali parteċipazzjoni tal-appellanti ma jbiddilx is-sustanza tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-ksur uniku u kontinwu, ikkonstatat minnha huwa kompost, hekk kif jirriżulta mill-punti 12 u 13 tas-sentenza preżenti, essenzjalment minn żewġ istanzi ta’ ksur prinċipali, jiġifieri t-tqassim tas-suq u l-koordinazzjoni tal-prezzijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punti 36 sa 38).

87

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li tingħata deċiżjoni, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza sħiħa mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, dwar l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq l-appellanti (sentenza Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

88

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li meta tiddeċiedi definittivament hija stess dwar il-kawża b’applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha s-setgħa, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma dik tal-Kummissjoni u, konsegwentement, tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagament ta’ penalità imposti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza KME Germany et vs Il-Kummissjoni, C‑389/10 P, EU:C:2011:816, punt 130 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

89

Sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa imposta, huwa l-obbligu tagħha li tevalwa hija stess il-fatti tal-każ u t-tip ta’ ksur inkwistjoni (sentenza Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, EU:C:1983:313, punt 111).

90

Dan l-eżerċizzju jinvolvi, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, it-teħid inkunsiderazzjoni, għal kull impriża ssanzjonata, tal-gravità tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tat-tul tiegħu, b’osservanza tal-prinċipji, b’mod partikolari, ta’ motivazzjoni, ta’ proporzjonalità, ta’ individwalizzazzjoni tas-sanzjonijiet u ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni et vs Siemens Österreich et, C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punti 5356; Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 75, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C‑434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 77), u mingħajr ma l-Qorti tal-Ġustizzja tkun marbuta mir-regoli indikattivi ddefiniti mill-Kummissjoni fil-linji gwida tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑310/99, EU:C:2002:143, punt 52), anki jekk dawn tal-aħħar jistgħu jiggwidaw lill-qrati tal-Unjoni meta huma jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni sħiħa tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 80 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

91

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti ħadu sehem, fit-territorju Spanjol, fi ksur uniku u kontinwu li jikkonsisti essenzjalment fi ftehimiet ta’ tqassim tas-suq u f’koordinazzjoni tal-prezzijiet, ksur li huwa serju ħafna min‑natura tiegħu stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Versalis vs Il-Kummissjoni, C‑511/11 P, EU:C:2013:386, punt 83), matul perijodu twil ħafna ta’ seba’ snin u tmien xhur għal GALP Energía España kif ukoll Petróleos de Portugal u ta’ tliet snin u ħames xhur għal GALP Energía SGPS.

92

Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li, għal dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni individwali tagħhom, l-appellanti kellhom, hekk kif jirriżulta mill-punt 514 tad-deċiżjoni kkontestata, sehem mis-suq ta’ 4.54 %, li jippermetti li jitqies, bħalma għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 631 tas-sentenza appellata, li, minħabba d-daqs tagħhom, li huma ma kinux kapaċi, permezz tal-aġir tagħhom li jikkostitwixxi ksur, li jikkawżaw dannu partikolarment gravi lill-kompetizzjoni. Barra minn hekk, ġie ġustament irrilevat, mill-Kummissjoni fil-punti 566 u 567 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-appellanti kienu pparteċipaw fil-ksur b’mod iktar limitat mill-impriżi l-oħra.

93

Bl-għan li tiffissa l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq l-appellanti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-intenzjoni tadotta l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni u mill-Qorti Ġenerali rigward l-ammont bażiku tal-multa kif ukoll it-tnaqqis ta’ 10 % ta’ dan li jirriżulta mill-parteċipazzjoni limitata tal-appellanti fil-ksur ikkontestat. Tnaqqis addizzjonali ta’ 10 % tal-ammont bażiku għandu madankollu jiġi applikat, biex b’hekk dan it-tnaqqis jiżdied mat-tnaqqis ta’ 10 % diġà mogħti fid-deċiżjoni kkontestata, minħabba nuqqas ta’ provi, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-mekkaniżmu ta’ kumpens kif ukoll fis-sistema ta’ sorveljanza.

94

F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl tal-fatti kollha f’dan il-każ (ara, is-sentenza Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 78 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), l-ammont tal-multa in solidum imposta fuq GALP Energía España u Petróleos de Portugal huwa ffissat għas-somma ta’ EUR 7.7 miljun, li minnhom GALP Energía SGPS hija responsabbli in solidum għas-somma ta’ EUR 5.72 miljun.

Fuq l-ispejjeż

95

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun infondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

96

Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. L-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi, barra minn hekk, li jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher iġġustifikat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

97

F’dan il-każ, għandu jiġi deċiż, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, li l- appellanti għandhom ibatu żewġ terzi mill-ispejjeż tal-Kummissjoni u mill-ispejjeż rispettivi tagħhom sostnuti fil-kuntest tal-appell u li l-Kummissjoni għandha tbati terz mill-ispejjeż rispettivi tagħha u ta’ dawk tal-appellanti marbuta ma’ din il-proċedura. Barra minn hekk, fid-dawl tal-motivi mqajma mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali li parti minnhom ġiet definittivament miċħuda, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tas-16 ta’ Settembru 2013, GALP Energía España et vs Il‑Kummissjoni (T‑462/07, EU:T:2013:459) hija annullata sa fejn tiffissa, fil-punt 3 tad-dispożittiv tagħha, l-ammont il-ġdid tal-multi imposti fuq GALP Energía España SA, Petróleos de Portugal SA u GALP Energía SGPS SA, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-konstatazzjoni, magħmula b’mod żbaljat mill-Qorti Ġenerali, abbażi tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fil-motivi ta’ din is-sentenza, li tipprovdi li GALP Energía España SA, Petróleos de Portugal SA u GALP Energía SGPS SA kienu jafu bil-parteċipazzjoni ta’ membri oħra tal-akkordju fil-mekkaniżmu ta’ kumpens u li huma setgħu wkoll jipprevedu l-parteċipazzjoni ta’ dawn tal-aħħar fis-sistema ta’ sorveljanza u, għaldaqstant, li huma setgħu jitqiesu responsabbli għal dan.

 

2)

Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

 

3)

L-ammont tal-multa in solidum imposta fuq GALP Energía España SA u fuq Petróleos de Portugal SA fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 4441 finali, tat-3 ta’ Ottubru 2007, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE [Każ COMP/38710 — Bitum (Spanja)] huwa ffissat għas-somma ta’ EUR 7.7 miljun li minnhom GALP Energía SGPS SA, hija responsabbli in solidum għas-somma ta’ EUR 5.72 miljun.

 

4)

GALP Energía España SA, Petróleos de Portugal SA u GALP Energía SGPS SA għandhom ibati żewġ terzi mill-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea u żewġ terzi mill-ispejjeż rispettivi tagħhom sostnuti fil-kuntest tal-appell kif ukoll l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza.

 

5)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati terz mill-ispejjeż rispettivi tagħha u terz minn dawk ta’ GALP Energía España SA, Petróleos de Portugal SA u GALP Energía SGPS SA marbuta mal-proċedura tal-appell kif ukoll l-ispejjeż relattivi tagħha relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza.

 

Firem


( *1 )   Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.