DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

19 ta’ Novembru 2015 ( * )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja — Protezzjoni tal-konsumaturi — Direttiva 93/13/KEE — Artikoli 1(1) u 2(b) — Klawżoli inġusti li jidhru f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi — Kuntratti ta’ kawzjoni u ta’ garanzija immobiljari konklużi ma’ stabbiliment ta’ kreditu minn persuni fiżiċi li jaġixxu għal finijiet li ma jaqgħux fil-kuntest tal-attività professjonali tagħhom u ma għandhomx rabta ta’ natura funzjonali mal-kumpannija kummerċjali li għaliha huma garanti”

Fil-Kawża C‑74/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Oradea (qorti tal-appell ta’ Oradea, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Frar 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Frar 2015, fil-proċedura

Dumitru Tarcău,

Ileana Tarcău

vs

Banca Comercială Intesa Sanpaolo România SA et,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn A. Borg Barthet, li qed jaġixxi bħala President tal-Awla, M. Berger (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal D. Tarcău u I. Tarcău, minn C. Herţa, avukat,

għall-Banca Comercială Intesa Sanpaolo România SA et, minn L. Bercea, avukat,

għall-Gvern Rumen, minn R. H. Radu kif ukoll minn R. I. Haţieganu u A.‑G. Văcaru, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Gheorghiu u D. Roussanov, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1(1) u 2(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumaturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-kawża bejn D. Tarcău u I. Tarcău u l-Banca Comercială Intesa Sanpaolo România SA et dwar kuntratt ta’ garanzija immobiljari u kuntratt ta’ kawzjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Id-disgħa u l-għaxar premessi tad-Direttiva 93/13 huma fformulati kif ġej:

“[...] l-akkwirenti ta’ merkanzija jew servizzi għandhom jiġu protetti kontra l-abbuż tal-poter mill-bejjiegħ jew mill-fornitur, b’mod partikolari kontra kuntratti standard li jiġbdu lejn naħa waħda u l-esklużjoni inġusta ta’ drittijiet essenzali f’kuntratti;

[...] tista’ tinkiseb protezzjoni aktar effettiva tal-konsumatur billi jiġu adottati regoli tal-liġi uniformi fil-kwistjoni ta’ klawżoli inġusti; [...] dawk ir-regoli għandhom jgħoddu għall-kuntratti kollha konklużi bejn il-bejjiegħa jew il-fornituri u l-konsumaturi; [...] bħala riżultat kuntratti inter alia relatati ma’ l-impieg, kuntratti relatati mad-drittijiet tas-suċċessjoni, kuntratti relatati mad-drittijiet taħt il-liġi tal-familja u kuntratti relatati ma’ l-inkorporazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ kumpaniji jew ftehim ta’ sħubija għandhom jiġu esklużi minn din id-Direttiva;”

4

L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jgħid:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-kunċetti ta’ “konsumatur” u ta’ “bejjiegħ jew fornitur” kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

b)

‘konsumatur’ tfisser kull persuna naturali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopjiet li jkunu barra s-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha;

c)

‘bejjiegħ jew fornitur’ tfisser kull persuna naturali jew legali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopijiet relatati mas-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha, sew jekk proprjetà pubblika u sew jekk propjetà privata.”

Id-dritt Rumen

6

Il-Liġi Nru 193/2000 dwar il-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi bejn in-negozjanti u l-konsumaturi (Legea nr. 193/2000 privind clauzede abuzive din contractele încheiate între comercianţi şi consumatori), fil-verżjoni tagħha ppubblikata mill-ġdid (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 350 tat-18 ta’ April 2008), hija intiża li tittrasponi d-Direttiva 93/13 fid-dritt intern.

7

L-Artikolu 1(1) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Kull kuntratt konkluż bejn negozjant u konsumatur għall-bejgħ ta’ oġġetti jew għall-provvista ta’ servizzi għandu jkollu klawżoli kuntrattwali ċari, mhux ekwivoċi u li ma jeħtiġux għarfien speċifiku sabiex jinftiehmu.”

8

L-Artikolu 2(1) tal-istess liġi jippreċiża:

“‘Konsumatur’ tfisser kull persuna fiżika jew grupp ta’ persuni fiżiċi kkostitwiti f’assoċjazzjoni li, fil-kuntest ta’ kuntratt li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi preżenti, taġixxi għal finijiet separati mill-attivitajiet kummerċjali, industrijali jew ta’ produzzjoni, artiġjanali jew professjonali tagħha.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

Fl-24 ta’ Ottubru 2008, ġie konkluż kuntratt ta’ kreditu bejn Banca Comercială Intesa Sanpaolo România SA (iktar ’il quddiem “Sanpaolo”), bħala kreditur, u SC Crisco SRL (iktar ’il quddiem il-“kumpannija Crisco”), kumpannija kummerċjali li taġixxi bħala persuna li tissellef. Din tal-aħħar kienet irrappreżentata minn Cristian Tarcău, bħala soċju uniku u amministratur.

10

Fuq talba tat-tifel tagħhom, Cristian Tarcău, li kien jixtieq jikseb żieda fil-kreditu li kien ingħata lill-kumpannija Crisco, Dumitru u Ileana Tarcău ffirmaw, fis-7 ta’ Awwissu 2009, att addizzjonali mal-kuntratt ta’ kreditu konkluż bejn din il-kumpannija u Sanpaolo. Dan l-att addizzjonali kien jirriproduċi l-klawżoli essenzjali tal-kuntratt ta’ kreditu inizjali u kien iżid, mal-garanziji diġà stabbiliti mal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, żewġ garanziji ġodda stabbiliti minn D. Tarcău u I. Tarcău.

11

Il-garanziji l-ġodda, intiżi biex jiggarantixxu r-rimbors ta’ kreditu mogħti lill-kumpannija Crisco, ingħataw bil-kunsens ta’ D. Tarcău u I. Tarcău, fil-forma ta’ kuntratt ta’ garanzija immobiljari, fis-7 ta’ Awwissu 2009, li permezz tiegħu huma stabbilixxew ipoteka fuq proprjetà immobiljari tagħhom favur Sanpaulo, u ta’ kuntratt ta’ kawzjoni, li wkoll sar fis-7 ta’ Awwissu 2009, li permezz tiegħu huma saru garanti tal-ħlas tas-somom kollha dovuti mill-kumpannija Crisco fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ kreditu.

12

Skont id-dikjarazzjonijiet ta’ D. Tarcău u I. Tarcău, dawn aċċettaw li jsiru garanti għall-kreditu mogħti lill-kumpannija Crisco biss minħabba l-fatt li t-tifel tagħhom kien l-uniku soċju u amministratur ta’ din il-kumpannija.

13

Billi qiesu li huma kienu aġixxew bħala konsumaturi u li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 193/2000 kienu applikabbli għalihom, D. Tarcău u I. Tarcău adixxew lit-Tribunalul Satu Mare (tribunal ta’ Satu Mare) bil-għan li jiksbu l-annullament tal-att addizzjonali tas-7 ta’ Awwissu 2009 kif ukoll tal-kuntratti ta’ garanzija immobiljari u ta’ kawzjoni jew, sussidjarjament, l-annullament ta’ wħud mill-klawżoli ta’ dawk il-kuntratti li huma jqisu inġusti.

14

B’sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, it-Tribunalul Satu Mare (tribunal ta’ Satu Mare) ċaħad din t-talba għar-raġuni li, skont Artikolu 1(1) tagħha, il-Liġi Nru 193/2000 tapplikax biss għall-kuntratti li jkollhom bħala għan il-bejgħ ta’ oġġett jew il-provvista ta’ servizz lil konsumatur, kundizzjoni li ma hijiex issodisfatta fil-kawża prinċipali peress li l-benefiċjarju tal-kreditu hija l-kumpannija Crisco. Din il-qorti qieset ukoll li l-fatt li l-kuntratti ta’ garanzija immobiljari u ta’ kawzjoni għandhom natura aċċessorja fil-konfront tal-kuntratt ta’ kreditu ma tippermettix li huma jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi Nru 193/2000, peress li l-benefiċjarju hija kumpannija kummerċjali li ma għandhiex il-kwalità ta’ konsumatur.

15

D. Tarcău u I. Tarcău appellaw minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

16

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Curtea de Apel Oradea (qorti tal-appell ta’ Oradea) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ ‘konsumatur’, l-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi, jew, bil-kontra, fis-sens li jeskludi minn din id-definizzjoni l-persuna fiżiċi li ffirmaw, bħala garanti [...], atti addizzjonali u kuntratti aċċessorji (kuntratti ta’ kawtela [kawzjoni] jew ta’ garanzija immobiljari) fil-kuntratt ta’ kreditu konkluż minn kumpannija kummerċjali bil-għan li teżerċita l-attività tagħha, f’kundizzjonijiet fejn dawn il-persuni fiżiċi ma għandhom ebda rabta mal-attività tal-imsemmija kumpannija kummerċjali u aġixxew b’għan barrani għall-attività professjonali tagħhom?

2)

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 93/13 KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li huma biss il-kuntratti konklużi bejn negozjanti u konsumaturi li għandhom bħala għan il-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, jew inkella fis-sens li l-kuntratti aċċessorji (il-kuntratti ta’ garanzija jew ta’ kawtela) għal kuntratt ta’ kreditu li tiegħu l-benefiċjarju huwa kumpannija kummerċjali, konklużi mill-persuni fiżiċi li ma għandhom ebda rabta mal-attività tal-imsemmija kumpannija kummerċjali u li aġixxew b’għan barrani għall-attività professjonali tagħhom, jaqgħu wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva?”

Fuq id-domandi preliminari

17

Bis-saħħa tal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta r-risposta għal domanda preliminari ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat.

18

Din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

19

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 1(1) u 2(b) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li din id-direttiva tista’ tapplika għal kuntratt ta’ garanzija immobiljari jew ta’ kawzjoni konkluż bejn persuna fiżika u stabbiliment ta’ kreditu sabiex jiġu ggarantiti l-obbligi li kumpannija kummerċjali tkun assumiet ma’ dan l-istabbiliment fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu, meta din il-persuna fiżika ma jkollha l-ebda rabta ta’ natura professjonali mal-imsemmija kumpannija.

20

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li din id-direttiva tapplika, kif jirriżulta mill-Artikoli 1(1) u 3(1) tagħha, għall-klawżoli ta’ “kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur” li ma jkunux “ġew negozjati individwalment” (ara s-sentenza Šiba, C-537/13, EU:C:2013:341, punt 19).

21

Kif tistabbilixxi l-għaxar premessa tad-Direttiva 93/13, ir-regoli uniformi dwar il-klawżoli inġusti għandhom japplikaw għall-“kuntratti kollha” konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, kif iddefiniti fl-Artikolu 2(b) u (ċ), tal-imsemmija direttiva (ara s-sentenzi Asbeek Brusse u de Man Garabito, C-488/11, EU:C:2013:341, punt 29 kif ukoll Šiba, C-537/13, EU:C:2015:14, punt 20).

22

L-għan tal-kuntratt, salv għall-eċċezzjonijiet elenkati mill-għaxar premessa tad-Direttiva 93/13, huwa irrilevanti għad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, din id-direttiva tiddistingwi ruħha b’mod partikolari mid-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1986, għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjoni amministrattiva tal-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur (ĠU 1987, L 42, p. 48), li hija applikabbli biss għall-kuntratti li bis-saħħa tagħhom kreditur jagħti lil konsumatur xi kreditu fil-forma ta’ ħlas bin-nifs, ta’ self jew ta’ kull faċilità ta’ pagament simili, ħaġa li twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja teskludi l-kuntratt ta’ kawzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-aħħar direttiva (sentenza Berliner Kindl Brauerei, C‑208/98, EU:C:2000:152, punti 17 sa 23).

23

Huwa għaldaqstant b’riferiment għall-kwalità tal-partijiet kontraenti, skont jekk dawn jaġixxux jew le fil-kuntest tal-attività professjonali tagħhom, li d-Direttiva 93/13 tiddefinixxi l-kuntratti li huma suġġetti għaliha (ara s-sentenzi Asbeek Brusse u de Man Garabito, C-488/11, EU:C:2013:341, punt 30, kif ukoll Šiba,C-537/13, EU:C:2015:14, punt 21).

24

Dak il-kriterju jikkorrispondi mal-idea li fuqha hija bbażata s-sistema ta’ protezzjoni implementata minn din id-direttiva, jiġifieri li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħ jew fornitur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li twasslu jaqbel mal-kundizzjonijiet imħejjija minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur, u dan mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom (ara s-sentenzi Asbeek Brusse u de Man Garabito, C-488/11, EU:C:2013:341, punt 31, kif ukoll Šiba,C-537/13, EU:C:2015:14, punt 22).

25

Din il-protezzjoni hija partikolarment importanti fil-każ ta’ kuntratt ta’ garanzija jew ta’ kawzjoni bejn stabbiliment bankarju u konsumatur. Kuntratt bħal dan huwa fil-fatt ibbażat fuq impenn personali tal-garanti jew ta’ kawzjoni għall-ħlas ta’ dejn ikkuntrattat minn terz. Dan l-impenn iwassal, għal dak li jagħti l-kunsens għalih, obbligi iebsa li għandhom bħala konsegwenza li jġibu fuq il-partimonju tiegħu piż ta’ riskju finanzjarju li spiss huwa diffiċli li jitkejjel.

26

Fir-rigward tal-punt dwar jekk persuna fiżika li timpenja ruħha li tiggarantixxi l-obbligi li kumpannija kummerċjali tkun assumiet ma’ stabbiliment bankarju fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu tistax titqies li hija “konsumatur” fis-sens ta’ Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, għandu jiġi rrilevat li dan il-kuntratt, jekk jista’ jiġi deskritt, fir-rigward tal-għan tiegħu, bħala kuntratt aċċessorju meta mqabbel mal-kuntratt prinċipali li minnu jirriżulta d-dejn li hija tiggarantixxi [ara, fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1985, biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mill-lok tan-negozju (ĠU L 372, p. 31) is-sentenza Dietzinger, C-45/96, EU:C:1998:111, punt 18], li huwa, mill-perspettiva tal-partijiet kontraenti, kuntratt distint meta jiġi konkluż bejn persuni differenti minn dawk li huma partijiet fil-kuntratt prinċipali. Għaldaqstant huwa mal-partijiet interessati f’kuntratt ta’ garanzija jew ta’ kawzjoni li għandha tiġi evalwata l-kwalità li biha dawn ikunu aġixxew.

27

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-kunċett ta’ “konsumatur” fis-sens ta’ Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13 għandu natura oġġettiva (ara s-sentenza Costea, C-110/14, EU:C:2015:538, punt 21). Huwa għandu jiġi evalwat fid-dawl ta’ kriterju funzjonali, li jikkonsisti fl-evalwazzjoni ta’ jekk ir-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni taqax fil-kuntest ta’ attivitajiet ’il barra mill-eżerċizzju ta’ professjoni.

28

Hija l-qorti nazzjonali adita b’kawża li tirrigwarda kuntratt li jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva li għandha tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha ta’ dan il-każ u l-provi kollha, jekk il-kontraenti kkonċernat jistax jiġi kklassifikat bħala “konsumatur” fis-sens tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Costea, C-110/14, EU:C:2015:538, punt 22 u 23).

29

Fil-każ li persuna fiżika li saret garanti tal-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ kumpannija kummerċjali, hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi jekk din il-persuna aġixxietx fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha jew minħabba rabtiet funzjonali li hija għandha ma’ din il-kumpannija, bħall-amministrazzjoni tagħha jew sehem mhux negliġibbli fil-kapital azzjonarju, jew jekk hija tkunx aġixxiet għal finijiet ta’ natura privata.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikoli 1(1) u 2(b) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li din id-direttiva tista’ tapplika għal kuntratt ta’ garanzija immobiljari jew ta’ kawzjoni konkluż bejn persuna fiżika u stabbiliment ta’ kreditu sabiex jiġu ggarantiti l-obbligi li kumpannija kummerċjali tkun assumiet ma’ dan l-istabbiliment fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu, meta din il-persuna fiżika tkun aġixxiet għal finijiet li ma jaqgħux fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha u li ma jkollhiex rabta ta’ natura funzjonali mal-imsemmija kumpannija.

Fuq l-ispejjeż

31

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 1(1) u 2(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumaturi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li din id-direttiva tista’ tapplika għal kuntratt ta’ garanzija immobiljari jew ta’ kawzjoni konkluż bejn persuna fiżika u stabbiliment ta’ kreditu sabiex jiġu ggarantiti l-obbligi li kumpannija kummerċjali tkun assumiet ma’ dan l-istabbiliment fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ kreditu, meta din il-persuna fiżika tkun aġixxiet għal finijiet li ma jaqgħux fil-kuntest tal-attività professjonali tagħha u li ma jkollhiex rabta ta’ natura funzjonali mal-imsemmija kumpannija.

 

Firem


( * )   Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.