SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

15 ta’ Ottubru 2015 ( * )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Uffiċjali — Regolamenti tal-Persunal — Artikoli 73, 78 u 85a — Inċident tat-traffiku — Dritt nazzjonali li jistabbilixxi sistema ta’ responsabbiltà oġġettiva — Surroga tal-Unjoni Ewropea — Kunċett ta’ ‘terz responsabbli’ — Kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni — Kunċett li jkopri kull persuna li għandha tikkumpensa, skont id-dritt nazzjonali, id-dannu mġarrab mill-vittma jew mill-aventi kawża tagħha — Benefiċċji li għalihom ma hijiex definittivament responsabbli l-Unjoni”

Fil-Kawża C‑494/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal de première instance francophone de Brussell (qorti tal-ewwel istanza Franċiża ta’ Brussell, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Novembru 2014, fil-proċedura

L-Unjoni Ewropea

vs

Axa Belgium SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tar-Raba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, D. Šváby, A. Rosas, E. Juhász u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Axa Belgium SA, minn J. Oosterbosch, avukat,

għall-Gvern Belġjan, minn S. Vanrie u J.‑C. Halleux kif ukoll minn C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. S. Bohr, bħala aġent, assistit minn J.‑L. Fagnart, avukat,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 73, 78 u 85a tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej stabbiliti mir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68, tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra ta’ dawn il-Komunitajiet, u li jwaqqaf miżuri speċjali applikabbli temporanjament għall-uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEFA, KEE, Euratom) Nru 781/98, tas-7 ta’ April 1998 (ĠU L 113, p. 4, iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Unjoni Ewropea u AXA Belgium SA (iktar ’il quddiem “Axa Belgium”) dwar ir-rimbors tal-ammonti mħallsa mill-Kummissjoni Ewropea lil wieħed mill-uffiċjali tagħha fir-rigward tal-ispejjeż mediċi, tal-pagament kontinwu tar-remunerazzjoni u tal-pensjoni tal-invalidità wara inċident tat-traffiku li fih kienu involuti dan l-uffiċjal u persuna assigurata ma’ AXA Belgium.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolamenti tal-Persunal

3

L-Artikolu 1a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li:

“L-uffiċjali għandhom ikunu ntitolati għal trattament indaqs taħt dawn ir-Regolamenti tal-Persunal mingħajr riferenza, diretta jew indiretta, għar-razza, twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż, sess jew xejra sesswali, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet relevanti li jeħtieġu stat maritali [partikolari].”

4

Skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal:

“1.   Uffiċjal huwa assigurat, mid-data ta’ meta jibda s-servizz, kontra r-riskju tal-mard minn fuq il-post tax-xogħol u ta’ aċċident suġġett għar-regoli mħejjija mill-ftehim komuni ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal. Huwa għandu jikkontribwixxi għan-nefqa ta’ l-assigurazzjoni kontra r-riskji mhux tax-xogħol sa 0.1 % tas-salarju tiegħu.

It-tali regoli għandhom jispeċifikaw liema riskji mhux koperti.

2.   Il-benefiċċji pagabbli jkunu kif ġej:

[...]

b)

Fil-każ ta’ invalidità totali permanenti:

Pagament lill-uffiċjal ta’ somma f’daqqa daqs tmien darbiet is-salarju bażiku fis-sena tiegħu maħdum b’riferenza għall-ammonti fix-xahar tas-salarju riċevut matul it-tnax il-xahar qabel l-aċċident.

[...]”

5

L-Artikolu 78 tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li:

“Uffiċjal għandu jkun intitolat, fil-mod ipprovdut fl-Artikoli 13 sa 16 ta’ l-Annes[s] VIII, għall-pensjoni ta’ invalidità fil-każ ta’ invalidità totali permanenti, li ma tħallihx jaqdi d-dmirijiet tiegħu li jikkorrospondu għall-posizzjoni fil-bracket tal-karriera tiegħu.

Meta l-invalidità tinħoloq minn aċċident matul jew f’konnessjoni mal-qadi tad-dmirijiet tiegħu, minn mard ikkaġunat mix-xogħol, minn att ta’ spirtu pubbliku jew [meta] jipperikola ħajtu biex isalva bniedem ieħor, il-pensjoni ta’ l-invalidità ikun 70 % tas-salarju bażiku ta’ l-uffiċjal.

[...]

Il-pensjoni ta’ l-invalidità għandha tinħadem b’riferenza għas-salarju bażiku li l-uffiċjal kien jirċievi fil-grad tiegħu li kieku kien għadu fis-servizz fil-mument tal-pagament tal-pensjoni.

Il-pensjoni ta’ l-invalidità m’għandux ikun anqas minn 120 % tal-figura minima tas-sussistenza.

[...]”

6

L-Artikolu 85a tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi kif ġej:

“1.   Meta l-mewt, weġgħa b’inċident jew mard tal-persuna koperta minn dawn ir-Regolamenti tal-Persunal huwa kkważat minn terza persuna, rigward l-obbligi li għandhom taħt ir-Regolamenti tal-Persunal wara li jiġru t-tali mewt, weġgħa jew mard, [i]l-Komunitajiet huma subrogati [ssurrogati] għad-drittijiet, inklużi d-drittijiet għall-azzjoni, tal-vittma jew ta’ dawk intitolati taħtu kontra t-terza persuna [terz responsabbli].

2.   Is-subrogazzjoni pprovduta fil-paragrafu 1 għandha testendi inter alia għal dan li ġej:

pagament kontinwu tar-remunerazzjoni skond l-Artikolu 59 lill-uffiċjal matul il-perjodu meta temporanjament mhux tajjeb għax-xogħol,

[...]

benefiċċju mħallsa taħt l-Artikolu 72 u 73 u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom, relatati ma’ l-assigurazzjoni kontra l-mard u aċċidenti,

[...]

pensjonijiet għall-invalidità mħallsa fil-każ ta’ aċċident jew mard li jirriżulta f’invalidità permanenti li ma tħallix l-uffiċjal iwettaq id-dmirijiet tiegħu,

[...]

3.   Madankollu, il-Komunitajiet m’għandhomx ikunu subrogati għad-drittijiet tal-kumpen[s] dwar ħsara purament personali bħal ħsara mhux materjali, ħsara għal uġiegħ u sofferenza jew kumpens għal sfigurament u telf ta’ kumditajiet aktar mill-allowances mogħtija għal dawk l-intestaturi taħt l-Artikolu 73.

4.   Id-disposizzjonijiet tal-paragrafi 1, 2 u 3 ma jistgħux ikunu ta’ tfixkil għall-azzjoni diretta mill-Komunitajiet.”

Id-dritt Belġjan

7

L-Artikolu 29a(1) tal-liġi dwar l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà fil-qasam tal-vetturi bil-mutur, tal-21 ta’ Novembru 1989 (Moniteur belge tat-8 ta’ Diċembru 1989, p. 20122, iktar ’il quddiem il-“liġi tal-21 ta’ Novembru 1989”) jipprevedi li:

“Fil-każ ta’ inċident tat-traffiku li fih ikunu involuti vettura bil-mutur waħda jew iktar, fil-postijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1), u bl-eċċezzjoni tal-ħsarat materjali u tad-danni mġarrba mis-sewwieq ta’ kull vettura bil-mutur involuta, id-danni kollha mġarrba mill-vittmi u mill-aventi kawża tagħhom u li jirriżultaw minn feriti fiżiċi jew minn mewt, inkluż ħsara fl-ilbies, għandhom jiġu kkumpensati in solidum mill-assiguraturi li, skont din il-liġi, ikopru r-responsabbiltà tal-proprjetarju, tas-sewwieq jew tal-possessur tal-vetturi bil-mutur. Din id-dispożizzjoni tapplika wkoll jekk id-danni jkunu ġew ikkawżati b’mod volontarju mis-sewwieq.

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

Fit-28 ta’ Mejju 2002, is-Sinjura Corrazzini, uffiċjal tal-Kummissjoni, sofriet leżjonijiet serji, meta kienet miexja fit-triq, f’inċident tat-traffiku li fih kien involut is-Sur Kohaila, assigurat ma’ Axa Belgium. L-informazzjoni kriminali konsekuttiva għall-inċident ma stabbilixxietx li dan tal-aħħar wettaq ksur li jikkostitwixxi reat. Din il-konklużjoni ġiet ikkonfermata fil-kuntest tal-proċedura ċivili quddiem il-qorti tar-rinviju.

9

Fis-6 ta’ Novembru 2003, il-Kumitat tal-Invalidità stabbilit fi ħdan il-Kummissjoni ddikjara li s-Sinjura Corrazzini kienet issofri minn invalidità totali permanenti li ma tippermettilhiex taqdi l-funzjonijiet tagħha, b’tali mod li rtirat fit-3 ta’ Diċembru 2003 u ngħatat il-benefiċċju ta’ pensjoni tal-invalidità, skont id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2004.

10

Il-Kummissjoni ħallset għall-ispejjeż mediċi tas-Sinjura Corrazzini u baqgħet tħallas ir-remunerazzjoni tagħha bejn it-28 ta’ Mejju 2002 u l-1 ta’ Jannar 2004, minn liema data hija bdiet tħallasha pensjoni tal-invalidità.

11

Fis-27 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni bagħtet ittra lil Axa Belgium sabiex tinformaha li hija kienet ġiet issurrogata fid-drittijiet tas-Sinjura Corrazzini. Fl-20 ta’ Settembru 2004, din l-istituzzjoni talbet lil Axa Belgium ir-rimbors tas-somom li hija kienet ħallset lis-Sinjura Corrazzini.

12

Billi Axa Belgium irrifjutat li tagħti dan ir-rimbors għar-raġuni li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet ir-responsabbiltà tal-persuna assigurata magħha, din l-istituzzjoni ressqet kawża kontra AXA Belgium quddiem il-qrati Belġjani billi bbażat t-talba tagħha b’mod partikolari fuq l-Artikolu 29a tal-liġi tal-21 ta’ Novembru 1989. It-Tribunal de police de Bruxelles (qorti distrettwali ta’ Brussell) tat id-deċiżjoni tagħha fis-6 ta’ Jannar 2012 li fiha ċaħdet it-talba tal-Kummissjoni. L-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, ressqet appell minn din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal de première instance francophone de Bruxelles, il-qorti tar-rinviju, li fih talbet il-kundanna ta’ Axa Belgium għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 392650.14, fir-rigward tal-ispejjeż mediċi sostnuti favur is-Sinjura Corrazzini, tal-pagament kontinwu tar-remunerazzjoni tagħha għall-perijodu mill-25 ta’ Mejju 2002 sal-31 ta’ Diċembru 2003 u tal-pensjoni tal-invalidità għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2004 sa Awwissu 2012 kif ukoll tal-ħlas ta’ kapital ta’ EUR 167970.03 għall-għoti ta’ allowances tal-invalidità mill-1 ta’ Settembru 2012.

13

Quddiem il-qorti tar-rinviju, Axa Belgium issostni li l-Unjoni ma tistax tqis li hija ssurrogata validament fid-drittijiet tas-Sinjura Corrazzini peress li l-Artikolu 85a tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi rikors surrogatorju biss fil-konfront ta’ terz responsabbli. Issa, skont Axa Belgium, ma huwiex stabbilit li l-persuna assigurata magħha hija responsabbli għall-inċident. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata eżatta tal-kunċett ta’ “terz responsabbli” imsemmi fl-Artikolu 85a tar-Regolament tal-Persunal.

14

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li r-rimbors tal-pensjoni tal-invalidità mħallsa mill-Unjoni lis-Sinjura Corrazzini ma jistax, f’kull każ, jintalab abbażi ta’ rikors surrogatorju, skont l-Artikolu 85a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li l-Unjoni, issurrogata fid-drittijiet tal-vittma, ma tistax tinvoka iktar drittijiet minn dawk li l-vittma għandha fil-konfront tat-“terz responsabbli” bis-saħħa tad-dritt nazzjonali applikabbli. Issa, il-pensjoni tal-invalidità mogħtija mill-Unjoni lis-Sinjura Corrazzini hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu ta’ kumpens li jaqa’, skont l-Artikolu 29a tal-liġi tal-21 ta’ Novembru 1989, fuq Axa Belgium favur is-Sinjura Corrazzini, għaliex din il-pensjoni tal-invalidità hija, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, distinta u indipendenti mid-dannu mġarrab mis-Sinjura Corrazzini.

15

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju hija tal-opinjoni li r-rimbors tal-pensjoni tal-invalidità mħallsa mill-Unjoni lis-Sinjura Corrazzini jista’, bħala prinċipju, jintalab abbażi ta’ rikors dirett skont l-Artikolu 85a(4) tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan ir-rigward, hija tqis li xejn ma jipprekludi lill-Unjoni, bħala persuna li timpjega lill-vittma, milli tiġi kklassifikata bħala “aventi kawża”, fis-sens tal-Artikolu 29a tal-liġi tal-21 ta’ Novembru 1989. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kundizzjoni prevista f’dan l-artikolu, li tgħid li l-Unjoni għandha personalment tkun sofriet dannu, hijiex issodisfatta. F’dan ir-rigward, hija tosserva li, għalkemm, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, kull persuna li għandha tagħmel ħlas, bis-saħħa ta’ obbligu kuntrattwali, legali jew regolamentari, tista’ tressaq rikors kontra terz responsabbli, din il-possibbiltà hija eskluża għal dak li jirrigwarda l-ispejjeż jew il-benefiċċji li għandhom, skont il-kontenut u l-portata tal-ftehim, tal-liġi jew tar-regolament, jibqgħu definittivament ir-responsabbiltà ta’ dak li jkun impenja ruħu jew li għandu jagħmel il-ħlas skont il-liġi jew ir-regolament.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal de première instance francophone de Bruxelles iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

It-termini ‘terza persuna’ previsti fl-Artikolu 85a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal Ewropew għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu skont id-dritt Ewropew jew inkella għandhom jiġu interpretati skont is-sens mogħti lilhom mid-dritt nazzjonali?

2)

Fil-każ li għandhom jingħataw portata awtonoma, dawn it-termini għandhom jiġu interpretati fis-sens li jikkonċernaw kull persuna li tkun ikkawżat il-mewt, il-weġgħa b’inċident jew il-mard, jew inkella li jikkonċernaw biss il-persuna li nżammet responsabbli minħabba l-ħtija tagħha?

3)

Fil-każ fejn it-termini ‘terza persuna’ għandhom jiġu interpretati skont id-dritt nazzjonali, id-dritt tal-Unjoni jimponi fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li tilqa’ rikors surrogatorju ppreżentat mill-Unjoni Ewropea fil-każ fejn wieħed mill-membri tal-persunal tagħha kien vittma ta’ inċident tat-traffiku li fih hija involuta vettura li r-responsabbiltà tagħha ma ġietx stabbilita, sa fejn l-Artikolu 29a tal-Liġi tal-21 ta’ Novembru 1989 dwar l-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà fil-qasam tal-vetturi bil-mutur, jipprevedi l-kumpens awtomatiku tal-utenti vulnerabbli min-naħa tal-assiguraturi li jkopru r-responsabbiltà tal-proprjetarju, tax-xufier jew tad-detentur tal-vetturi bil-mutur involuti fl-inċident, mingħajr il-ħtieġa li tiġi stabbilita r-responsabbiltà ta’ dawn tal-aħħar?

4)

Il-kontenut jew l-istruttura tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal Ewropew jimplikaw li l-Unjoni Ewropea għandha tibqa’ definittivament responsabbli għall-ispejjeż sostnuti minnha skont l-Artikoli 73 u 78 ta’ dawn ir-Regolamenti?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

17

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “terz responsabbli”, imsemmi fl-Artikolu 85a tar-Regolamenti tal-Persunal, għandux jiġi interpretat fis-sens mogħti lilu mid-dritt nazzjonali applikabbli għall-kawża tal-mewt, tal-inċident jew tal-mard, jew jekk dan il-kunċett għandux jiġi interpretati b’mod awtonomu u uniformi fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

18

Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 85a tar-Regolamenti tal-Persunal ma għandux l-għan li jbiddel ir-regoli nazzjonali applikabbli sabiex jiġi stabbilit jekk u sa fejn terz, awtur ta’ dannu, għandux jinżamm responsabbli. Ir-responsabbiltà ta’ dan tal-aħħar tibqa’ suġġetta għar-regoli sostantivi li normalment għandhom jiġu applikati mill-qorti nazzjonali li quddiemha tkun qed tinstema’ l-kawża tal-vittma, jiġifieri, bħala prinċipju, għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun seħħ id-dannu (sentenza Clinique La Ramée u Winterthur, C‑397/02, EU:C:2004:502, punt 17 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

19

Għaldaqstant, l-ewwel domanda ma għandhiex tinftiehem b’mod li tirrigwarda r-regoli sostantivi, li jiddeterminaw jekk u sa fejn terz, awtur ta’ dannu, għandux jinżamm responsabbli, billi tali regoli jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali applikabbli. Din id-domanda hija intiża pjuttost li jiġi ddeterminat jekk il-kunċett ta’ “terz responsabbli” fihx element li jillimita s-surroga prevista fl-Artikolu 85a tar-Regolamenti tal-Persunal skont id-distinzjoni, imwettqa mid-dritt nazzjonali, bejn żewġ mekkaniżmi ta’ kumpens tal-vittmi ta’ inċident, fejn wieħed jaqa’ taħt ir-responsabbiltà u l-ieħor taħt il-kumpens oġġettiv, jew jekk dan għandux jiġi interpretat b’mod awtonomu u uniformi fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

20

Fil-fatt, skont l-Artikolu 85a tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Unjoni hija ssurrogata biss fid-drittijiet u fl-azzjonijiet tal-vittma jew tal-aventi kawża tagħha għal dak li jirrigwarda t-“terz responsabbli”. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett tiddetermina jekk is-surroga, prevista fl-Artikolu 85a tar-Regolamenti tal-Persunal, għandhiex portata uniformi fl-Unjoni kollha jew jekk din il-portata tiddependix mid-deskrizzjoni tar-responsabbiltà skont il-kategoriji applikati mid-dritt nazzjonali.

21

Għandu jiġi osservat li, skont il-ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma jinkludi ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha għandu normalment jingħata, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi mfittxija billi jitqies il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenzi Deckmyn u Vrijheidsfonds, C‑201/13, EU:C:2014:2132, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Modelo Continente Hipermercados, C‑343/13, EU:C:2015:146, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 85a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal ma jagħmel ebda riferiment espress simili għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “terz responsabbli”.

23

Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imsemmi kunċett għandux jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, il-kuntest leġiżlattiv tal-Artikolu 85a tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li dan tal-aħħar għandu bħala għan li jirregola r-relazzjonijiet ġuridiċi bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-uffiċjali tagħhom, billi jistabbilixxi sensiela ta’ drittijiet u ta’ obbligi reċiproċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Johannes, C‑430/97, EU:C:1999:293, punt 19).

24

Skont l-Artikolu 1a tar-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjali għandhom id-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament fl-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirrikjedi li l-imsemmija Regolamenti tal-Persunal jiġu interpretati, b’mod ġenerali, b’mod awtonomu u uniformi fl-Unjoni kollha.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunċett ta’ “terz responsabbli”, li jiddetermina l-portata tas-surroga prevista fl-Artikolu 85a tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jingħata interpretazzjoni li tippermetti l-applikazzjoni uniformi tagħha fl-Unjoni kollha.

26

Fil-fatt, jekk is-surroga, skont l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kunċett ta’ “terz responsabbli”, kellha tiddependi mill-klassifikazzjoni mogħtija mid-diversi drittijiet nazzjonali lil sistemi ta’ kumpens komparabbli skont jekk dawn jaqgħux jew le taħt ir-responsabbiltà, tkun tista’ tinħoloq sitwazzjoni ta’ inugwaljanza favur ċerti uffiċjali. Filwaqt li l-Unjoni tkun issurrogata fid-drittijiet ta’ uffiċjal jekk dritt nazzjonali tikklassifika l-obbligu ta’ terz fir-rigward ta’ dan l-uffiċjal bħala obbligu li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà, tali surroga tkun eskluża jekk l-istess obbligu, intiż li jingħata kumpens lill-vittma, jiġi kklassifikat, mid-dritt nazzjonali, bħala forma distinta ta’ kumpens. Għaldaqstant, jeżisti riskju li l-uffiċjali esklużi mill-applikazzjoni ta’ surroga tal-Unjoni jiġu kkumpensati darbtejn għall-istess dannu, filwaqt li dan ma jkunx il-każ għal dak li jirrigwarda l-uffiċjali fejn l-Unjoni tkun ġiet issurrogata fid-drittijiet tagħhom.

27

Konsegwentement, li kieku l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “terz responsabbli” kellha taqa’ taħt il-kategoriji previsti mid-dritt nazzjonali, jkun hemm ir-riskju li l-Unjoni tiġi ssurrogata fid-drittijiet ta’ uffiċjal għal dak li jirrigwarda sitwazzjoni ta’ responsabbiltà abbażi ta’ dritt nazzjonali wieħed iżda mhux abbażi ta’ ieħor, liema fatt joħloq disparità fl-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal favur ċerti uffiċjali, skont id-dritt nazzjonali applikabbli.

28

Minn dan jirriżulta li l-kunċett ta’ “terz responsabbli”, imsemmi fl-Artikolu 85a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal għandu, sabiex tiġi ddeterminata l-portata tas-surroga prevista fih, jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

Fuq it-tieni domanda

29

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “terz responsabbli”, fis-sens tal-Artikolu 85a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, ikoprix unikament lit-terz li jkollu l-obbligu li jikkumpensa d-dannu li jkun ikkawża lill-uffiċjal ikkonċernat minħabba l-ħtija ta’ dan it-terz, liema ħtija tkun ikkawżat id-dannu, jew inkella jkoprix kull persuna, inklużi l-assiguraturi, li jkollhom l-obbligu, skont id-dritt nazzjonali, li jikkumpensaw id-dannu mġarrab mill-vittma jew mill-aventi kawża tagħha.

30

Għal dak li jirrigwarda, qabelxejn, il-formulazzjoni tal-Artikolu 85a tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi osservat, b’mod indikattiv, li, għalkemm il-verżjoni Ġermaniża tagħmel espressament riferiment għall-kunċett ta’ ħtija billi tuża l-kliem “auf das Verschulden eines Dritten”, il-verżjoni Ingliża tuża l-kliem iktar newtrali “ikkawżat minn terz” (“caused by a third party”). Verżjonijiet lingwistiċi oħra bħall-verżjoni Spanjola (“imputable a un tercero”), Franċiża (“imputable à un tiers”), Taljana (“imputabile a un terzo”), Olandiża (“aan een derde is te wijten”), Portugiża (“imputável a um terceiro”), jagħmlu riferiment għall-kunċett ta’ imputabbiltà mingħajr ma jsemmu dak ta’ ħtija.

31

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata prijorità meta mqabbla mal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet redatti fil-lingwi kollha tal-Unjoni. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni li tagħha tikkostitwixxi element (sentenza Léger, C‑528/13, EU:C:2015:288, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Minn dan jirriżulta li, fid-dawl tad-diverġenzi kkonstatati fil-punt 29 ta’ din is-sentenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 85a tar-Regolamenti tal-Persunal, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod partikolari abbażi tal-iskop tagħha.

33

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-għan tad-dritt ta’ surroga tal-Unjoni previst fl-Artikolu 85a tar-Regolamenti tal-Persunal huwa li jiġi evitat li uffiċjal jiġi kkumpensat darbtejn għall-istess dannu. Jekk id-dannu mġarrab mill-uffiċjal jimponi fuq l-Unjoni l-obbligu li tħallas benefiċċji stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal lil dan tal-aħħar, ir-riskju ta’ tali kumulu jista’ jiġi evitat biss jekk l-uffiċjal jiġi mċaħħad, favur l-Unjoni, mid-drittijiet tiegħu fir-rigward tat-terz responsabbli mill-mument tal-avveniment dannuż (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Royale belge, C‑333/90, EU:C:1992:94, punt 9 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Lucaccioni vs Il‑Kummissjoni, C‑257/98 P, EU:C:1999:402, punt 20).

34

Dan l-għan jista’ jiġi kompletament milħuq biss jekk is-surroga prevista fl-imsemmi artikolu tkopri s-sistemi ta’ kumpens ta’ vittmi ta’ inċidenti, irrispettivament minn jekk dawn jitqisux mid-dritt nazzjonali inkwistjoni bħala sistema ta’ responsabbiltà minħabba ħtija jew bħala forma oħra ta’ obbligu ta’ kumpens, inklużi meta dawn jipprevedu, bħal fil-każ tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li terz huwa obbligat jikkumpensa dannu indipendentement minn kull ħtija.

35

Għaldaqstant, fid-dawl tal-għan tas-surroga prevista fl-Artikolu 85a tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kunċett ta’ “terz responsabbli” għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa u ma jistax jiġi limitat biss għar-responsabbiltà minħabba ħtija.

36

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-kunċett ta’ “terz responsabbli”, fis-sens tal-Artikolu 85a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, ikopri kull persuna, inklużi l-assiguraturi, li għandhom l-obbligu, skont id-dritt nazzjonali, jikkumpensaw id-dannu mġarrab mill-vittma jew mill-aventi kawża tagħha.

Fuq it-tielet domanda

37

Fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq ir-raba ’ domanda

38

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolamenti tal-Persunal għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ azzjoni diretta skont l-Artikolu 85a(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-benefiċċji li l-Unjoni għandha tħallas taħt, minn naħa, l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, intiż li jkopri r-riskji ta’ mard u ta’ inċident, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 78 tal-istess Regolamenti tal-Persunal għall-ħlas ta’ pensjoni tal-invalidità għandhomx jibqgħu definittivament ir-responsabbiltà tagħha.

39

Qabelxejn, għandu jiġi osservat li, hekk kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, billi l-pensjoni tal-invalidità ma tikkostitwixxix, skont il-qorti nazzjonali, dannu għall-vittma tal-inċident inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din hija distinta u indipendenti mid-dannu mġarrab minnha. Madankollu, l-obbligu tal-Unjoni li tħallas benefiċċji lill-vittma taħt l-Artikoli 73 u 78 tar-Regolamenti tal-Persunal jista’ jikkostitwixxi dannu għall-Unjoni stess.

40

Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza nazzjonali li għaliha jsir riferiment fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, tali possibbiltà hija eskluża jekk il-benefiċċju inkwistjoni għandu, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, jibqa’ definittivament ir-responsabbiltà tal-Unjoni.

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-dannu mġarrab mill-Unjoni stess huwa bbażat fuq l-obbligu impost fuqha li tħallas lill-vittma l-benefiċċji taħt l-Artikoli 73 u 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, u jirriżulta, għalhekk, għal dak li jirrigwardaha, minn obbligu stabbilit fir-Regolamenti tal-Persunal.

42

Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-benefiċċji previsti fl-Artikoli 73 u 78 tar-Regolamenti tal-Persunal għandhomx jibqgħu definittivament ir-responsabbiltà tal-Unjoni, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-Artikolu 85a(4) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi b’mod espliċitu li l-Unjoni ma hijiex limitata li titlob kumpens, permezz ta’ surroga skont l-Artikolu 85a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, għad-danni mġarrba mill-uffiċjali tagħha, iżda tista’ wkoll tippreżenta rikors dirett sabiex tikseb kumpens għal dannu kkawżat lilha stess, b’mod partikolari minħabba benefiċċji li hija għandha tħallas taħt l-imsemmija Regolament tal-Persunal.

43

Min-naħa l-oħra, għalkemm in-natura tal-pensjoni tal-invalidità inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi aspett speċifiku tar-relazzjoni stabbilita fir-Regolamenti tal-Persunal bejn l-Unjoni u l-uffiċjali tagħha, l-osservanza ta’ dan l-element speċifiku ma titlobx madankollu li l-benefiċċji mħallsa bħala pensjoni tal-invalidità għandhom jibqgħu definittivament ir-responsabbiltà tal-Unjoni.

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li r-Regolamenti tal-Persunal ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ azzjoni diretta skont l-Artikolu 85a(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-benefiċċji li l-Unjoni għandha tħallas taħt, minn naħa, l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, intiż li jkopri r-riskji ta’ mard u ta’ inċident, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 78 tal-istess Regolamenti tal-Persunal għall-ħlas ta’ pensjoni tal-invalidità għandhom jibqgħu definittivament ir-responsabbiltà tagħha.

Fuq l-ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-kunċett ta’ “terz responsabbli”, imsemmi fl-Artikolu 85a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej stabbiliti mir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68, tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra ta’ dawn il-Komunitajiet, u li jwaqqaf miżuri speċjali applikabbli temporanjament għall-uffiċjali tal-Kummissjoni, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, KEFA, Euratom) Nru 781/98, tas-7 ta’ April 1998, għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

 

2)

Il-kunċett ta’ “terz responsabbli”, imsemmi fl-Artikolu 85a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej stabbiliti mir-Regolament Nru 259/68, kif emendat bir-Regolament Nru 781/98, ikopri kull persuna, inklużi l-assiguraturi, li għandhom l-obbligu, skont id-dritt nazzjonali, jikkumpensaw id-dannu mġarrab mill-vittma jew mill-aventi kawża tagħha.

 

3)

Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej stabbiliti mir-Regolament Nru 259/68, kif emendat bir-Regolament Nru 781/98, ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ azzjoni diretta skont l-Artikolu 85a(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-benefiċċji li l-Unjoni għandha tħallas taħt, minn naħa, l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, intiż li jkopri r-riskji ta’ mard u ta’ inċident, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 78 tal-istess Regolamenti tal-Persunal għall-ħlas ta’ pensjoni tal-invalidità, għandhom jibqgħu definittivament ir-responsabbiltà tagħha.

 

Firem


( * )   Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.