KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil-21 ta’ Mejju 2015 ( 1 )

Kawża C‑23/14

Post Danmark A/S

vs

Konkurrencerådet

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sø- og Handelsret Daniża)

“Kompetizzjoni — Abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-suq (Artikolu 82 KE) — Servizzi tal-posta — Suq Daniż għad-distribuzzjoni tal-posta fi kwantità kbira — Reklamar dirett bil-posta — Monopolju tal-impriża tal-posta statali preċedenti f’parti sinjifikattiva tas-suq — Sistema ta’ tnaqqis — Effett ta’ esklużjoni — Assenza ta’ limitu ta’ apprezzabbiltà jew ta’ livell de minimis — Kriterju tal-kompetitur daqstant effettiv (‘As-efficient-competitor-Test’)”

I – Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħti opportunità oħra lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkjarifika, b’riferiment għall-Artikolu 82 KE, li issa sar l-Artikolu 102 TFUE, il-ġurisprudenza tagħha dwar in-natura abbużiva tas-sistemi ta’ tnaqqis applikati minn impriża dominanti, li l-oriġini tagħhom tmur lura iktar minn 40 sena ( 2 ).

2.

Din il-kawża tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-kumpannija Daniża Post Danmark A/S, fis-snin 2007 u 2008, abbużatx mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tad-distribuzzjoni tal-posta fi kwantità kbira lil destinatarji fid-Danimarka. Għandu essenzjalment jiġi eżaminat jekk Post Danmark kinitx topera prattika ta’ esklużjoni, billi tapplika tnaqqis sa 16 % fuq id-distribuzzjoni ta’ reklamar dirett bil-posta bil-kundizzjoni li, matul perijodu ta’ referenza ta’ sena, il-klijenti tagħha jkunu laħqu ċertu limitu ta’ kwantità jew ta’ dħul mill-bejgħ standardizzat. It-tnaqqis inkwistjoni kien jingħata retroattivament, jiġifieri kien japplika għar-reklamar dirett bil-posta kollu li kien jitqassam lill-klijenti kkonċernati matul il-perijodu ta’ referenza kollu.

3.

B’mod partikolari, fil-każ preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkjarifika jekk għall-evalwazzjoni tan-natura antikompetittiva tas-sistemi ta’ tnaqqis fis-sens tal-Artikolu 82 KE, huwiex legalment neċessarju li ssir analiżi tal-prezzijiet u tal-ispejjeż, li fil-kuntest tagħha l-aġir kummerċjali tal-impriża dominanti jitqabbel ma’ dak ta’ kompetitur daqstant effettiv (“As-efficient-competitor” (AEC) Test). Barra minn hekk, tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk l-effett ta’ esklużjoni li jirriżulta minn sistema ta’ tnaqqis ta’ impriża dominanti għandux jeċċedi livell partikolari ta’ apprezzabbiltà (de minimis) sabiex jiġi kklassifikat bħala antikompetittiv.

4.

Dawn il-kwistjonijiet huma partikolarment importanti fi żmien meta qiegħdin jiżdiedu t-talbiet għal approċċ iktar ekonomiku (“more economic approach”) fid-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni. Fir-risposti tagħha, li l-effett tagħhom probabbilment ser imur lil hinn mill-kawża preżenti ( 3 ), il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-opinjoni tiegħi, ma għandhiex tiġi influwenzata wisq mill-ħsieb attwali jew mit-tendenzi kontemporanji iżda, għall-kuntrarju, għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-bażijiet legali fid-dritt tal-Unjoni, li fuqhom hija fondata l-projbizzjoni tal-abbuż minn pożizzjoni dominanti.

II – Il-kuntest ġuridiku

5.

Id-dritt tal-Unjoni applikabbli għal din il-kawża huwa ddeterminat mill-Artikolu 82 KE (li sar l-Artikolu 102 TFUE). Id-dritt Daniż jinkludi dispożizzjoni nazzjonali, fl-Artikolu 11 tal-Konkurrencelov ( 4 ), li, għall-finijiet tal-kawża preżenti, jikkorrispondi għall-Artikolu 82 KE u li, skont ix-xogħlijiet preparatorji ta’ din id-dispożizzjoni, għandha tiġi interpretata konformement mal-Artikolu 82 KE.

III – Il-fatti u l-kawża prinċipali

6.

Il-kawża prinċipali toriġina minn kawża bejn Post Danmark u l-awtorità tal-kompetizzjoni Daniża, il-Konkurrenceråd ( 5 ). B’deċiżjoni tal-24 ta’ Ġunju 2009, il-Konkurrenceråd ikkonstatat li, fis-snin 2007 u 2008, permezz ta’ sistema ta’ tnaqqis fuq ir-reklamar dirett bil-posta, Post Danmark abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq Daniż tal-posta fi kwantità kbira u, b’dan il-mod, kisret l-Artikolu 82 KE kif ukoll l-Artikolu 11 tal-Konkurrencelov. Għal din ir-raġuni, il-Konkurrenceråd ipprekludiet lill-kumpannija milli tkompli tapplika s-sistema ta’ tnaqqis.

7.

Matul il-perijodu inkwistjoni, kemm l-Istat Daniż kif ukoll investituri privati kellhom ishma f’Post Danmark. Il-kumpannija kienet suġġetta għall-obbligu ta’ servizz universali għal ċerta posta u, fir-rigward tat-territorju kollu tad-Danimarka, kienet marbuta tapplika tariffi uniformi. Bħala korrispettiv, Post Danmark kellha monopolju legali fuq id-distribuzzjoni ta’ korrispondenza ta’ inqas minn 50 g. B’dan il-mod, madwar 70 % tas-suq tal-posta fi kwantità kbira kien kopert mid-dritt esklużiv ta’ Post Danmark.

8.

Il-qorti tar-rinviju tqis is-suq tal-posta fi kwantità kbira fid-Danimarka bħala s-suq tal-prodott u s-suq ġeografiku rilevanti għall-kawża prinċipali. F’dan is-suq, fil-perijodu inkwistjoni, Post Danmark kellha madwar 95 % tas-sehem mis-suq. Ir-reklamar dirett bil-posta, jiġifieri r-reklamar bil-posta indirizzat, li kien jintbagħat simultanjament lil numru kbir ta’ destinatarji, kien jikkostitwixxi parti minn dan is-suq, li kien jikkonsisti f’madwar 12 % tas-suq globali għas-sena 2007 u 7 % għas-sena 2008. Fis-sena 2007, il-perċentwali tar-reklamar dirett bil-posta, li ma kienx kopert mill-monopolju ta’ Post Danmark, kien jikkostitwixxi madwar 15 % u, fis-sena 2008, madwar 9 % tas-suq tal-posta fi kwantità kbira.

9.

Mill-2007, Bring Citymail Danmark A/S, li hija sussidjarja tal-kumpannija pubblika Norveġiża Posten Norge AS, bdiet toffri l-kunsinna ta’ korrispondenza kummerċjali, inkluż ir-reklamar dirett bil-posta f’Kopenħagen u fl-inħawi viċini, f’kompetizzjoni ma’ Post Danmark, u fil-perijodu rilevanti kienet l-unika kompetitur serju ta’ Post Danmark fis-suq Daniż tal-posta fi kwantità kbira. Fil-bidu tal-2010, minħabba telf kbir, Bring Citymail irtirat mis-suq Daniż. Il-partijiet fil-proċedura ma jaqblux dwar jekk dan l-irtirar kienx dovut għas-sistema ta’ tnaqqis fuq ir-reklamar dirett bil-posta li dak iż-żmien kienet applikata minn Post Danmark.

10.

Is-sistema ta’ tnaqqis ta’ Post Danmark tmur lura għas-sena 2003. It-tnaqqis, li kien ta’ bejn 6 % u 16 % tal-ispejjeż postali ( 6 ), kien standardizzat u kien offrut lill-klijenti kollha bl-istess kundizzjonijiet ġeneralment aċċessibbli. It-tnaqqis kien japplika għal perijodi ta’ sena. Għall-għoti tat-tnaqqis, kienet tittieħed inkunsiderazzjoni, matul perijodu ta’ referenza ta’ sena, il-posta kollha li kienet inkarigata biha Post Danmark b’volum minn tal-inqas ta’ 3000 ittra kull darba. F’dan il-kuntest, is-sistema ta’ tnaqqis ma kienet tagħmel ebda distinzjoni bejn il-posta koperta mill-monopolju ta’ Post Danmark u l-posta ta’ kompetitur fiż-żona inkwistjoni.

11.

Il-kundizzjoni għall-kisba tal-ewwel livell ta’ tnaqqis, li kien jipprevedi tnaqqis fil-prezz ta’ 6 %, kienet li, matul is-sena ta’ referenza, il-klijent jikkunsinna mill-inqas 30000 ittra jew li l-valur tal-posta mibgħuta minnu jammonta għal DKK 300000 f’nefqa grossa. L-iskala applikata minn Post Danmark kienet tipprovdi tmien livelli addizzjonali ta’ tnaqqis ( 7 ). Fir-rigward tal-ewwel seba’ livelli ta’ tnaqqis, iż-żieda fl-iskont fuq il-prezz kienet tiżdied b’1 % kull darba, u fir-rigward tal-aħħar żewġ livelli tat-tnaqqis, bi 2 % kull darba sa rata massima ta’ 16 %. Il-klassifikazzjoni tat-tnaqqis mogħti kienet tikkonċerna prinċipalment il-klijenti ta’ daqs medju, filwaqt li l-klijenti l-kbar normalment kienu jikkwalifikaw għall-ogħla livell ta’ tnaqqis minħabba l-volum ta’ ordnijiet tagħhom.

12.

Fil-prattika, l-implementazzjoni tas-sistema ta’ tnaqqis kienet topera b’mod li, fil-bidu ta’ kull sena ta’ referenza, il-prezz kien jiġi ddeterminat b’mod provviżorju għall-klijent partikolari abbażi tal-volum ta’ posta li dan il-klijent kien mistenni jordna matul din is-sena. Sussegwentement, fl-aħħar tas-sena ta’ referenza, kien isir l-aġġustament retroattiv tal-prezzijiet kollha fuq il-bażi tal-korrispondenza effettivament mibgħuta matul is-sena f’isem dan il-klijent. Dan seta’ jirriżulta fl-obbligu ta’ rimbors tal-klijent fil-konfront ta’ Post Danmark jekk il-volum effettiv ta’ ordnijiet tiegħu kien inqas minn dak previst u t-tnaqqis ikkalkolat u mogħti fil-bidu tas-sena kien għaldaqstant għoli wisq.

13.

Il-Konkurrenceråd kien tal-fehma li l-applikazzjoni tas-sistema ta’ tnaqqis deskritta iktar ’il fuq kienet tikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-suq. Il-mod kif it-tnaqqis kien jingħata kien jorbot lill-klijenti ma’ Post Danmark u għalhekk, kien jeskludi s-suq tas-suq tal-posta fi kwantità kbira għad-detriment ta’ kompetituri attwali u potenzjali, mingħajr ma dan l-aġir kien jimplika vantaġġi ta’ effiċjenza korrispettivi għall-konsumaturi, li setgħu jikkumpensaw l-effetti antikompetittivi.

14.

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu, il-Konkurrenceråd irrifjutat li twettaq analiżi tal-prezzijiet jew tal-ispejjeż permezz tat-test tal-kompetitur daqstant effettiv. Hija tqis li dan il-kriterju ma kienx adattat peress li, minħabba l-kundizzjonijiet partikolari tas-suq tal-posta Daniż, ma kien hemm ebda kompetitur daqstant effettiv. Sabiex tiġġustifika l-argument tagħha ta’ pożizzjoni dominanti, l-awtorità tal-kompetizzjoni, għall-kuntrarju, ibbażat ruħha fuq il-pożizzjoni partikolari ta’ Post Danmark fis-suq rilevanti, li kienet trendi lill-kumpannija sieħeb kummerċjali inevitabbli. Barra minn hekk, il-Konkurrenceråd irreferiet, b’mod partikolari, għall-eżistenza ta’ restrizzjonijiet għad-dħul fis-suq kif ukoll għall-kundizzjonijiet speċifiċi tas-sistema ta’ tnaqqis, b’mod partikolari għan-natura retroattiva tagħha fir-rigward tal-perijodu ta’ referenza ta’ sena, tal-portata tal-iskont fuq il-prezz li ma jeċċedix is-16 % u tal-eżami tal-pożizzjoni effettiva tal-konsumaturi fil-kuntest tal-klassifikazzjoni tat-tnaqqis.

15.

Bid-digriet tal-10 ta’ Mejju 2010, il-Konkurrenceankenævn ( 8 ) ikkonfermat id-deċiżjoni tal-Konkurrenceråd. Fl-1 ta’ Lulju 2010, Post Danmark appellat minn din id-deċiżjoni quddiem is-Sø- og Handelsret ( 9 ), li hija l-qorti tar-rinviju. Bring Citymail Danmark aġixxiet fil-kawża prinċipali bħala intervenjenti insostenn tal-Konkurrenceråd.

IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

16.

Permezz tad-digriet tat-8 ta’ Jannar 2014, li wasal fis-16 ta’ Jannar 2014, is-Sø- og Handelsret ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin għal deċiżjoni preliminari:

1)

Liema linji gwida għandhom jiġu segwiti sabiex jiġi ddeterminat jekk l-użu minn impriża dominanti ta’ sistema ta’ tnaqqis li tapplika limiti ta’ volum standardizzati, li għandha barra minn hekk il-karatteristiċi deskritti fid-digriet tar-rinviju, jikkostitwixxix abbuż minn pożizzjoni dominanti bi ksur tal-Artikolu 82 KE?

Fil-kuntest tar-risposta tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tippreċiża l-importanza li għandu, fl-evalwazzjoni, il-fatt li l-iskali tas-sistema ta’ tnaqqis ikunu jew jkunux stabbiliti b’tali mod li s-sistema tkun applikabbli għall-parti l-kbira tal-klijenti fis-suq.

Fil-kuntest tar-risposta tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tippreċiża wkoll l-importanza li għandhom, skont il-każ, il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-impriża dominanti fl-evalwazzjoni ta’ tali sistema ta’ tnaqqis fir-rigward tal-Artikolu 82 KE (jiġifieri l-importanza tal-kriterju tat-tip “kompetitur daqstant effettiv”).

Parallelament, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tippreċiża l-importanza li għandhom f’dan ir-rigward il-karatteristiċi tas-suq, u b’mod partikolari jekk dawn jistgħux jiġġustifikaw ir-rikors għal [l-użu tal-]eżamijiet u analiżi differenti minn kriterju tal-“kompetitur daqstant effettiv” sabiex jintwera l-effett ta’ esklużjoni (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 24 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji Gwida dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE).

2)

Sa liema punt l-effett antikompetittiv ta’ sistema ta’ tnaqqis li għandha l-karatteristiċi deskritti fid-digriet tar-rinviju għandu jkun probabbli u gravi sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE?

3)

Fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domandi, liema huma ċ-ċirkustanzi preċiżi li l-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tevalwa jekk sistema ta’ tnaqqis, f’kuntest bħal dak li huwa deskritt fid-digriet tar-rinviju (jiġifieri fid-dawl tal-karatteristiċi tas-suq u dawk tas- sistema ta’ tnaqqis), għandha jew jista’ jkollha konkretament effett ta’ esklużjoni fis-suq tali li jikkostitwixxi abbuż li jaqa’ taħt l-Artikolu 82 KE?

F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li l-effett ta’ esklużjoni fis-suq ikun notevoli ?

17.

Fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra Post Danmark u Bring Citymail, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Kummissjoni Ewropea u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Bl-eċċezzjoni tal-Ġermanja, l-istess partijiet ipparteċipaw fis-seduta tas-26 ta’ Marzu 2015.

V – Analiżi

18.

Bid-domandi estensivi tagħha, is-Sø- og Handelsret essenzjalment tixtieq tkun taf liema kriterji jew “linji gwida” għandhom jiġu applikati fil-kuntest tal-Artikolu 82 KE għall-finijiet tal-evalwazzjoni tas-sistemi ta’ tnaqqis tal-impriżi dominanti. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tikseb informazzjoni dwar jekk il-kriterju tal-“kompetitur daqstant effettiv” għad-determinazzjoni tal-abbuż minn pożizzjoni dominanti huwiex legalment neċessarju u jekk, waqt l-evalwazzjoni tal-effett ta’ esklużjoni li possibbilment jista’ jirriżulta minn sistema ta’ tnaqqis, japplikax livell ta’ apprezzabbiltà (de minimis).

19.

Dawn id-domandi qiegħdin isiru fil-kuntest tas-sistema ta’ tnaqqis ta’ Post Danmark, li kienet kellha, b’mod partikolari, il-karatteristiċi li ġejjin:

Is-sistema ta’ tnaqqis kienet ibbażata fuq kundizzjonijiet standardizzati u ġeneralment applikabbli, kienet tinkludi disa’ livelli ta’ tnaqqis bi skontijiet li jvarjaw minn 6 % sa 16 %, kienet ibbażata fuq perijodu ta’ referenza ta’ sena u kellha effett retroattiv.

Is-sistema ta’ tnaqqis kienet tapplika f’suq li fih Post Danmark kellha sehem ta’ 95 % tas-suq u iktar minn 70 % tal-ittri kkunsinnati kienu koperti mill-monopolju legali tal-kumpannija; kien hemm restrizzjonijiet kbar għad-dħul fis-suq, Post Danmark kellha vantaġġi strutturali u kien biss għal żmien partikolari li kienet f’kompetizzjoni ma’ Bring Citymail, kompetitur sostanzjalment iżgħar, f’żona ġeografika limitata.

20.

Ir-risposta għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tkun ibbażata fuq il-projbizzjoni tal-abbuż minn pożizzjoni dominanti fil-verżjoni tagħha ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, peress li s-suġġett tal-kawża prinċipali huwa l-applikazzjoni tas-sistema ta’ tnaqqis fis-snin 2007 u 2008, u anki d-deċiżjoni kkontestata tal-awtorità tal-kompetizzjoni Daniża ngħatat f’Ġunju tal-2009. Naturalment, il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin dwar l-Artikolu 82 KE jistgħu jiġu faċilment applikati għall-Artikolu 102 TFUE li għandu l-istess kontenut.

21.

Peress li hemm sovrappożizzjoni parzjali sinjifikattiva bejn id-domandi preliminari individwali, għandha tingħata risposta għalihom f’ordni differenti, filwaqt li jiġu indirizzati waħda wara l-oħra d-diversi problemi legali li tqajmu fid-digriet tar-rinviju.

A – Il-kriterji għall-evalwazzjoni tas-sistemi ta ’ tnaqqis tal-impriżi dominanti

1. Ġenerali (l-ewwel parti tal-ewwel domanda)

22.

L-ewwel parti tal-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju tikkonċerna r-regoli legali ġenerali li, skont l-Artikolu 82 KE, japplikaw għall-evalwazzjoni tas-sistemi ta’ tnaqqis tal-impriżi dominanti.

23.

Prima facie, jista’ jidher sorprendenti li t-tnaqqis applikat minn impriżi dominanti, li minn tal-inqas jirrappreżenta vantaġġ fil-prezz għall-klijenti tagħhom, jista’ jiġi kklassifikat bħala abbużiv skont l-Artikolu 82 KE.

24.

Madankollu, għandu jitfakkar li l-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni diġà hija mdgħajfa bil-preżenza stess tal-impriża dominanti ( 10 ). Għalhekk din l-impriża, irrispettivament mill-kawżi tal-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq, għandha wkoll responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax bl-aġir tagħha l-kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern ( 11 ).

25.

Għaldaqstant, l-impriża dominanti hija suġġetta għal restrizzjonijiet partikolari fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE, li ma japplikawx għal kumpanniji oħra bl-istess mod. Prattika li, taħt kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni normali ma hijiex oġġezzjonabbli, tista’ tkun abbużiva jekk tiġi applikata minn impriża dominanti ( 12 ). B’mod partikolari, mhux kull kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet, li tapplika l-impriża dominanti, tista’ titqies li hija leġittima ( 13 ).

26.

Kif tosserva korrettament il-Kummissjoni, it-tnaqqis mogħti minn impriżi dominanti okkażjonalment jostor prattiki antikompetittivi, li prima facie jidhru li huma partikolarment favorevoli, iżda li wara li jiġu eżaminati iktar mill-qrib, jirriżulta li ftit li xejn jikkonċernaw prezzijiet ġenwinament baxxi u jistgħu jkunu dannużi ħafna għall-kompetizzjoni.

27.

Huwa minnu li ma hemm ebda preżunzjoni ġenerali li dawn l-impriżi għandhom jikkonfutaw, li dawn is-sistemi ta’ tnaqqis applikat minn impriżi f’pożizzjoni dominanti huma abbużivi. Madankollu, fil-każ ta’ tali tnaqqis, id-distinzjoni bejn il-kompetizzjoni fuq il-merti, minn naħa, u l-aġir kummerċjali antikompetittiv, min-naħa l-oħra, hija ġeneralment kwistjoni delikata li teħtieġ eżami bir-reqqa.

28.

Fil-ġurisprudenza ( 14 ) huwa rikonoxxut li tnaqqis ibbażat fuq il-kwantità biss, li huwa marbut esklużivament mal-volum tax-xiri li jkun sar, normalment ma joħloq ebda effett antikompetittiv, u għalhekk ma huwiex abbużiv, anki jekk dan jingħata minn impriża dominanti. Wara kollox, jekk iż-żieda fil-kwantità tal-kunsinna tissarraf f’inqas spejjeż għall-fornitur, dan għandu d-dritt japplika dan it-tnaqqis favur il-klijent tiegħu permezz ta’ prezz iktar favorevoli. Kuntrarjament, tnaqqis għal finijiet ta’ lealtà jew roħs b’rabta ma’ miri li permezz tiegħu, l-impriżi dominanti jippruvaw jorbtu lill-klijenti tagħhom stess filwaqt li jattiraw il-klijenti tal-kompetituri tagħhom. normalment huwa abbużiv fis-sens tal-Artikolu 82 KE.

29.

Fl-aħħar mill-aħħar, madankollu, skont l-Artikolu 82 KE, għall-evalwazzjoni tas-sistema ta’ tnaqqis tal-impriża dominanti, ma huwiex rilevanti jekk din is-sistema tistax tkun allokata għal kategorija konvenzjonali, b’mod partikolari għal tnaqqis ibbażat fuq il-kwantità jew tnaqqis għal finijiet ta’ lealtà. Għall-kuntrarju, huwa deċiżiv il-fatt jekk it-tnaqqis iwassalx, permezz ta’ vantaġġ li ma huwa bbażat fuq ebda servizz ekonomiku ġustifikabbli, li lix-xerrej titneħħielu l-possibbiltà ta’ għażla fir-rigward tas-sorsi ta’ provvista tiegħu jew li jkun hemm restrizzjoni f’din l-għażla, li jiġi miċħud l-aċċess għas-suq lill-kompetituri jew li tiġi msaħħa l-pożizzjoni dominanti permezz ta’ kompetizzjoni distorta ( 15 ). Fil-qosor, konsegwentement dan jiddependi minn jekk l-impriża dominanti tagħtix tnaqqis li probabbilment jipproduċi effett ta’ esklużjoni fis-suq rilevanti u li fir-rigward tiegħu tkun nieqsa ġustifikazzjoni ekonomika, partikolarment it-trasferiment ta’ tfaddil fl-ispejjeż lejn il-klijenti ( 16 ). Barra minn hekk, l-Artikolu 82(2)(c) KE jipprekludi speċifikament ukoll l-għoti mill-impriża dominanti ta’ tnaqqis diskriminatorju bl-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet differenti għal servizzi ekwivalenti fil-konfront ta’ sħab kummerċjali ( 17 ).

30.

Fid-dawl tal-kundizzjonijiet standardizzati u ġeneralment applikabbli, ma hemm xejn f’din il-kawża li jindika li s-sistema ta’ tnaqqis applikata minn Post Danmark hija diskriminatorja. Għalhekk, b’mod korrett, l-awtoritajiet nazzjonali aditi bil-kawża prinċipali ffokaw l-attenzjoni tagħhom fuq il-kwistjoni dwar jekk mis-sistema ta’ tnaqqis ta’ Post Danmark jistax jirriżulta effett ta’ esklużjoni li ma huwiex ekonomikament iġġustifikat.

31.

Il-kwistjoni dwar jekk it-tnaqqis mogħti minn impriża dominanti jistax ikollu tali effett ta’ esklużjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni abbażi tal-evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ individwali ( 18 ) (ara, f’dan ir-rigward, l-argumenti tiegħi fit-Taqsimiet 2 u 3).

32.

F’dan il-kuntest, huwa evidenti li la x-xewqa tal-impriża dominanti li żżid il-fatturat tagħha, u lanqas l-isforzi tagħha li torganizza n-negozju tagħha aħjar ma jistgħu jitqiesu li huma ġustifikazzjoni ekonomika għall-għoti ta’ tnaqqis jekk dan jista’ jipproduċi effett ta’ esklużjoni ( 19 ).

2. Iċ-ċirkustanzi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tas-sistemi ta’ tnaqqis (l-ewwel parti tat-tielet domanda u l-aħħar parti tal-ewwel domanda)

33.

Il-kwistjoni ta’ liema ċirkustanzi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod konkret fl-evalwazzjoni tal-effett ta’ esklużjoni li possibbilment jirriżulta mis-sistemi ta’ tnaqqis tal-impriżi dominanti hija s-suġġett tal-ewwel parti tat-tielet domanda preliminari u tal-aħħar parti tal-ewwel domanda preliminari.

34.

Naturalment, ma huwiex possibbli li tiġi pprovduta lista eżawrjenti u ta’ applikazzjoni ġenerali taċ-ċirkustanzi kollha li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-Artikolu 82 KE, peress li kull suq u kull sistema ta’ tnaqqis jista’ jkollha l-aspetti speċifiċi tagħha. Minkejja dan, b’kunsiderazzjoni għall-kuntest fattwali tal-kawża prinċipali kif deskritt fid-digriet tar-rinviju, jistgħu jingħataw indikazzjonijiet konvenjenti lill-qorti tar-rinviju li jistgħu jiffaċilitaw il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħha.

35.

Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-evalwazzjoni tas-sistema ta’ tnaqqis fid-dawl tal-Artikolu 82 KE, huma rilevanti b’mod partikolari l-kriterji u l-kundizzjonijiet għall-għoti tat-tnaqqis ( 20 ) (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima a). Madankollu, kif juri l-kliem “b’mod partikolari” użat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jista’ jkollhom rwol ukoll fatturi oħra, inklużi l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni prevalenti fis-suq rilevanti u l-pożizzjoni, marbuta mill-qrib ma’ dawn, tal-impriża dominanti f’dan is-suq (ara t-Taqsima b hawn taħt).

a) Il-kriterji u l-kundizzjonijiet għall-għoti tat-tnaqqis

36.

L-ewwel nett, fir-rigward tal-kriterji u tal-kundizzjonijiet għall-għoti tat-tnaqqis, indikazzjoni li s-sistema ta’ tnaqqis hija abbużiva hija meta, bħas-sistema ta’ tnaqqis ikkontestata ta’ Post Danmark, ma jkollhiex effett purament progressiv, b’tali mod li l-kisba ta’ kwalunkwe limitu ġdid ta’ tnaqqis mhux biss twassal għal tnaqqis fil-prezz għall-ordnijiet mogħtija addizzjonalment, iżda jkollha effett retroattiv u għalhekk sussegwentement traħħas ukoll l-ordnijiet kollha mogħtija preċedentement matul il-perijodu ta’ referenza ( 21 ).

37.

Fil-fatt, b’dan il-mod, anki varjazzjonijiet li huma proporzjonalment modesti, kemm jekk għolja kif ukoll jekk baxxi, tad-dħul mill-bejgħ relatat ma’ prodotti tal-impriża f’pożizzjoni dominanti jipproduċu effetti sproporzjonati fuq il-partijiet kontraenti ( 22 ). Għaldaqstant, tali sistema ta’ tnaqqis regolarment tipproduċi effett ta’ lealtà li jista’ jkun deskritt ukoll bħala l-“effett li jsaħħaħ il-lealtà”. Dan jagħmilha iktar faċli għall-impriża dominanti sabiex torbot lill-klijent tagħha stess kif ukoll sabiex tattira lill-klijenti tal-kompetituri tagħha u, finalment, tiġbed lejha l-parti inkwistjoni tad-domanda fis-suq rilevanti ( 23 ).

38.

Naturalment, dan l-effett li jsaħħaħ il-lealtà jsir proporzjonalment ikbar iktar ma jkun kbir it-tnaqqis mogħti u iktar ma jkun twil il-perijodu ta’ referenza li għalih jirreferi t-tnaqqis fil-każ tal-kisba ta’ kull limitu ta’ tnaqqis ġdid. Il-fatt li, bħal fil-każ ineżami, jingħata tnaqqis relattivament għoli ta’ bejn 6 % u 16 %, u dan b’mod retroattiv fuq perijodu ta’ referenza relattivament twil ta’ sena ( 24 ), jindika effett qawwi li jsaħħaħ il-lealtà. Dan l-effett, fil-każ preżenti, qiegħed jissaħħaħ mill-fatt li t-tnaqqis, mingħajr distinzjoni, kien japplika għall-parti tad-domanda inkwistjoni kif ukoll għall-parti tad-domanda li ma hijiex inkwistjoni, jiġifieri b’mod partikolari għall-ittri sa 50 g koperti mill-monopolju legali ta’ Post Danmark.

39.

Jekk jiġi ppruvat ukoll li l-impriża dominanti kellha intenzjoni eliminatorja, din hija indikazzjoni addizzjonali serja tan-natura abbużiva tas-sistema ta’ tnaqqis applikata minnha ( 25 ). Madankollu, tali intenzjoni jew strateġija ta’ eliminazzjoni ma tikkostitwixxix kundizzjoni neċessarja sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 82 KE, għaliex l-isfruttament abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq hija kunċett oġġettiv ( 26 ). Is-sempliċi fatt li Post Danmark fil-każ preżenti tafferma li hija ma aġixxietx b’intenzjoni eliminatorja, għalhekk b’ebda mod ma jipproteġi lill-kumpannija kontra l-konstatazzjoni ta’ abbuż fis-sens tal-Artikolu 82 KE.

40.

Huwa minnU li n-natura abbużiva tat-tnaqqis tal-impriża dominanti fis-suq hija partikolarment evidenti meta jkun hemm diskriminazzjoni bejn l-imsieħba kummerċjali skont l-Artikolu 82(2)(c) KE. Madankollu, sistema ta’ tnaqqis tista’ titqies li hija abbużiva skont l-Artikolu 82 KE anki jekk, mingħajr ma tkun diskriminatorja, twassal għal effetti ta’ esklużjoni antikompetittivi fis-suq ( 27 ). F’dan ir-rigward, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, fil-kuntest ta’ dan, enfasizzat li l-eżistenza ta’ abbuż hija inqas marbuta ma’ distinzjoni bejn tnaqqis individwalizzat u standardizzat u iktar mal-evalwazzjoni tal-kapaċità konkreta tas-sistema ta’ tnaqqis rispettiva li tiġġenera effetti ta’ esklużjoni fis-suq.

41.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-fatturazzjoni lill-klijenti ta’ prezzijiet “negattivi”, jiġifieri ta’ prezzijiet inqas mill-ispejjeż, ma tikkostitwixxix kundizzjoni preliminari sabiex tiġi kkonstatata n-natura abbużiva tas-sistema ta’ tnaqqis retroattiv minn impriża f’pożizzjoni dominanti ( 28 ). Fil-fatt, minħabba d-dħul mill-bejgħ kunsiderevolament ogħla li hija twettaq, l-impriża dominanti, normalment, tkun tista’ tkompli tkopri l-ispejjeż, minkejja l-għoti ta’ tnaqqis sostanzjali. Għaldaqstant, permezz tat-tnaqqis tagħha, din tista’ toħloq effett ta’ esklużjoni, mingħajr ma neċessarjament iġġarrab telf.

b) Il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni prevalenti fis-suq rilevanti u l-pożizzjoni tal-impriża dominanti f’dan is-suq

42.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-kundizzjonijiet kompetittivi prevalenti u tal-pożizzjoni tal-impriża dominanti fis-suq rilevanti, kwalunkwe effett ta’ esklużjoni antikompetittiv li huwa possibbli tas-sistema ta’ tnaqqis ser ikun wisq iktar probabbli u wisq iktar importanti, iktar ma tkun b’saħħitha l-impriża dominanti fis-suq rilevanti u iktar ma tkun dgħajfa l-pożizzjoni tal-kompetituri attwali jew potenzjali tagħha. F’dan ir-rigward, ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni biss is-sehem fis-suq tal-impriża dominanti u tal-kompetituri tagħha, iżda anki l-oriġini tal-pożizzjoni dominanti ta’ din l-impriża u, kwalunkwe detenzjoni minn din tal-aħħar ta’ monopolju legali eżistenti li din għanda fuq is-suq sħiħ jew fuq parti minnu ( 29 ).

43.

Fil-każ preżenti, skont il-konstatazzjonijiet fid-digriet tar-rinviju, Post Danmark, bħala l-kumpannija postali statali storika, kellha sehem enormi ta’ 95 % fis-suq Daniż tal-posta fi kwantità kbira, filwaqt li madwar 5 % biss kien attribwibbli għal Bring Citymail.

44.

Tali differenza kbira bejn is-sehem mis-suq tal-impriża dominanti u s-sehem tal-kompetituri tagħha tista’ tippromwovi l-okkorrenza ta’ effetti ta’ esklużjoni, peress li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa partikolarment diffiċli għall-kompetituri ta’ din l-impriża li jagħmlu offerti iktar attraenti fir-rigward ta’ tnaqqis abbażi tal-volum ġenerali tal-bejgħ ( 30 ).

45.

Barra minn hekk, 70 % ta’ dan is-suq kien suġġett tal-monopolju legali ta’ Post Danmark, jiġifieri l-monopolju għall-ittri sa 50 g, u għalhekk ma kienx miftuħ għall-kompetizzjoni mill-bidu nett. Barra minn hekk, Bring Citymail, li kienet l-uniku kompetitur serju ta’ Post Danmark, kienet attiva biss f’żona ġeografika tas-suq waħda, jiġifieri fiż-żona metropolitana ta’ Kopenħagen, filwaqt li Post Danmark kellha disponibbli netwerk ta’ distribuzzjoni b’saħħtu li jkopri t-territorju nazzjonali kollu.

46.

Dan kollu jagħti x’jifhem li Post Danmark, minħabba l-pożizzjoni elevata tagħha fis-suq, kienet sieħeb kummerċjali inevitabbli u t-tnaqqis applikata minnha kien iġib miegħu potenzjal sinjifikattiv ta’ esklużjoni ( 31 ). Din l-impressjoni tissaħħaħ jekk wieħed, addizzjonalment, jagħti ħarsa lejn xi elementi strutturali li jikkaratterizzaw is-suq rilevanti.

47.

Kif diġà ntqal, suq bħalma huwa s-suq Daniż tal-posta bi kwantità kbira huwa kkaratterizzat mill-provvista ta’ servizzi relatati ma’ netwerk. Sabiex jopera b’mod effiċjenti u jkun jista’ jipprovdi s-servizzi mistennija mill-klijenti, il-fornitur f’tali suq jeħtieġ netwerk ta’ distribuzzjoni kemm jista’ jkun effiċjenti. L-iżvantaġġ f’dan ir-rigward huwa, kif ġie stabbilit ukoll fid-digriet tar-rinviju, li tali suq jiddistingwi ruħu, mill-perspettiva ekonomika, b’ekonomiji ta’ skala għoljin kif ukoll restrizzjonijiet għad-dħul għoljin, li jagħmluha iktar diffiċli għall-kompetituri tal-impriża dominanti li jistabbilixxu ruħhom fis-suq u jikkompetu ma’ din il-kumpannija għall-parti inkwistjoni tad-domanda.

48.

Barra minn hekk, għall-evalwazzjoni tal-effetti ta’ esklużjoni possibbli tas-sistemi ta’ tnaqqis tal-impriżi dominanti, tista’ tkun deċiżiva l-versatilità tal-klijenti fis-suq rilevanti u l-proporzjon tad-domanda tagħhom li huma jistgħu jissodisfaw xorta waħda għand il-kompetituri tal-impriża dominanti mingħajr ma jġarrbu telf tat-tnaqqis.

49.

F’dan ir-rigward, fil-każ ta’ żewġ terzi tal-posta tal-ittri miftuħa għall-kompetizzjoni, bidla minn Post Danmark għal fornitur tal-posta ieħor kienet tkun possibbli biss jekk jiġi aċċettat it-telf ta’ tnaqqis. Dan jindika potenzjal ta’ esklużjoni kbir tas-sistema ta’ tnaqqis ta’ Post Danmark.

50.

Kollox ma’ kollox, għalhekk, fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq rilevanti u tal-pożizzjoni tal-impriża dominanti f’dan is-suq, jeżistu indikazzjonijiet importanti li sistema ta’ tnaqqis bħal dik applikata minn Post Danmark tista’ twassal għall-iżvilupp ta’ effetti ta’ esklużjoni sinjifikattivi.

3. Fuq il-portata tas-sistema ta’ tnaqqis (it-tieni parti tal-ewwel domanda)

51.

It-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari tikkonċerna l-portata tas-sistema ta’ tnaqqis bħal dik applikata minn Post Danmark. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf kemm huwa importanti, għall-evalwazzjoni legali skont l-Artikolu 82 KE, li minħabba l-istandardizzazzjoni tal-livelli individwali ta’ tnaqqis tagħha (fid-digriet tar-rinviju deskritti bħala “limiti ta’ volum”), is-sistema ta’ tnaqqis ma titfassalx għall-klijenti individwali, iżda tapplika għall-maġġoranza tal-klijenti fis-suq.

52.

Kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja fi stadju bikri, in-numru ta’ kuntratti li għalihom japplika t-tnaqqis mogħti minn impriża dominanti, u għalhekk fl-aħħar mill-aħħar in-numru ta’ klijenti kkonċernati, huwa irrelivanti għall-evalwazzjoni legali ta’ dan it-tnaqqis skont l-Artikolu 82 KE ( 32 ).

53.

Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li sistema ta’ tnaqqis taffettwa lil ħafna klijenti jew saħansitra lill-maġġoranza tal-klijenti fis-suq u li din is-sistema għalhekk għandha portata kbira, ma jagħti ebda indikazzjoni dwar in-natura abbużiva tagħha fis-sens tal-Artikolu 82 KE.

54.

Madankollu, f’każ li tali sistema ta’ tnaqqis tkun kapaċi tiżviluppa effett li jsaħħaħ il-lealtà favur l-impriża dominanti fis-suq, il-fatt li jiġu koperti numru konsiderevoli ta’ klijenti u parti kbira mid-domanda inkwistjoni fis-suq, jista’ jwassal sabiex l-effetti ta’ esklużjoni attwali jew potenzjali jkunu iktar serji minn dawk tas-sistemi ta’ tnaqqis b’portata inqas estiża. Numru ta’ partijiet fil-proċedura rreferew għal dan b’mod korrett.

4. Konklużjoni intermedjarja

55.

Għaldaqstant, fil-qosor, għandu jiġi kkonstatat li:

Is-sistema ta’ tnaqqis applikata minn impriża dominanti tikkostitwixxi abbuż fis-sens tal-Artikolu 82 KE jekk, fuq il-bażi tal-evalwazzjoni ġenerali taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali, jirriżulta li t-tnaqqis jista’ jkollu effett ta’ esklużjoni ekonomikament inġustifikat, filwaqt li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-kriterji u l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tnaqqis, il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni li huma prevalenti fis-suq rilevanti u l-pożizzjoni tal-impriża dominanti f’dan is-suq.

B – Is-sinjifikat tal-kriterju tal-kompetitur daqstant effettiv ( “as-efficient-competitor-test ” jew il-kriterju tal-AEC) (it-tielet parti tal-ewwel domanda)

56.

It-tielet u l-aħħar parti tal-ewwel domanda preliminari tikkonċerna b’mod partikolari l-kriterju tal-AEC. Fil-kuntest ta’ dan il-kriterju, l-intenzjoni hija li jiġi dedott, permezz ta’ paragun tal-prezzijiet mal-ispejjeż ( 33 ), jekk kompetitur li huwa daqstant effettiv daqs l-impriża li hija dominanti fis-suq, jistax jikkompeti ma’ din l-impriża jew, għall-kuntrarju, jekk il-politika ta’ tnaqqis ta’ din l-impriża dominanti fis-suq rilevanti twassalx għal effetti ta’ esklużjoni antikompetittivi.

57.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-konstatazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti minħabba sistema ta’ tnaqqis legalment teżiġix il-kundizzjoni li jintuża l-kriterju tal-AEC u, jekk dan ma jkunx il-każ, minn liema ċirkustanzi oħra, fejn ikun xieraq, tista’ tiġi konkluża n-natura abbużiva ta’ din is-sistema ta’ tnaqqis.

58.

Dawn is-sottodomandi jridu jitqiesu fil-kuntest tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2009 ( 34 ), li permezz tagħha, fil-kapaċità tagħha bħala l-awtorità tal-kompetizzjoni, hija ħabbret il-prijoritajiet tagħha fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE. Il-qorti tar-rinviju hawnhekk qiegħda tagħmel riferiment b’mod espliċitu għall-komunikazzjoni ta’ prijorità msemmija.

59.

Fil-Komunikazzjoni ta’ prijorità tagħha, il-Kummissjoni ħabbret li normalment ser tieħu azzjoni biss kontra imġiba esklużjonarja bbażata fuq il-prezz jekk l-aġir tal-impriża dominanti jista’ tostakola jew diġà ostakola lil kompetituri daqstant effettivi (bl-Ingliż “as efficient competitors”) milli jipparteċipaw fil-kompetizzjoni ( 35 ). Sabiex dan jiġi stabbilit, il-Kummissjoni ħadet responsabbiltà sabiex, fil-kuntest tal-imġiba esklużjonarja bbażata fuq il-prezz, normalment tibbaża ruħha fuq il-kriterju tal-AEC.

60.

Għall-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-qrati nazzjonali, madankollu, tali prattika tal-Kummissjoni naturalment ma tipproduċi l-ebda effett vinkolanti. Minn naħa, dan jirriżulta mill-verżjoni tal-Komunikazzjoni ta’ prijorità stess li fiha huwa speċifikat li d-dokument “mhuwiex maħsub bħala dikjarazzjoni tal-liġi” ( 36 ), u min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza stabbilita dwar tali dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni ( 37 ). Filwaqt li, fuq l-eżempju tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali nfushom ma humiex preklużi milli jirrikorru għall-kriterju tal-AEC, huma xorta waħda legalment marbuta biss mal-ispeċifikazzjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 82 KE. Huwa l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddetermina dawn l-ispeċifikazzjonijiet.

61.

Fil-fehma tiegħi, mill-Artikolu 82 KE ma jista’ jinsilet ebda obbligu legali li l-konstatazzjoni tan-natura abbużiva tas-sistemi tat-tnaqqis ta’ impriżi dominanti għandha dejjem tkun suġġetta għal analiżi tal-prezz jew tal-ispejjeż.

62.

Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward ta’ prattiki oħra tal-ipprezzar bħala tnaqqis, f’ċerti okkażjonijiet talbet li jintuża l-kriterju tal-AEC, fejn hija enfasizzat li l-Artikolu 82 KE jipprekludi, b’mod partikolari, lil impriża li għandha pożizzjoni dominanti milli timplementa prattiki li jipproduċu effett ta’ esklużjoni għall-kompetituri tagħha kkunsidrati bħala li huma daqstant effettivi bħalha ( 38 ).

63.

Madankollu, huwa impossibbli li minn din il-ġurisprudenza tiġi dedotta eżiġenza assoluta li jsir użu sistematiku għall-kriterju tal-AEC waqt l-evalwazzjoni kompetittiva ta’ imġiba esklużjonarja bbażata fuq il-prezz. Minn naħa, din tirreferi speċifikament għall-prattiki tariffarji ta’ impriżi dominanti bħal politika ta’ prezzijiet baxxi (pereżempju l-bejgħ bi prezz inqas) jew il-kompressjoni fuq il-marġni permezz ta’ “kompressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet” li, min-natura tagħhom stess, diġà jġibu magħhom rabta mill-qrib mal-istruttura tal-ispejjeż tal-kumpanniji kkonċernati. Min-naħa l-oħra, il-kliem “b’mod partikolari” magħżul mill-Qorti tal-Ġustizzja (bil-Franċiż “notamment”) ( 39 ) jindika b’mod ċar li l-abbuż minn pożizzjoni dominanti ma għandux dejjem jiġi preżunt biss jekk jinħoloq effett ta’ esklużjoni għall-impriżi daqstant effettivi daqs l-impriża dominanti.

64.

Fir-rigward tas-sistemi ta’ tnaqqis tal-impriżi dominanti speċifikament, il-Qorti tal-Ġustizzja sa issa qatt ma bbażat il-klassifikazzjoni tagħha bħala abbużiva fis-sens tal-Artikolu 82 KE fuq l-analiżi tal-prezz jew tal-ispejjeż. Għall-kuntrarju, fir-rigward ta’ tali sistemi ta’ tnaqqis, il-Qorti tal-Ġustizzja sa anki reċentement iddeċidiet li n-nuqqas tal-paragun tal-prezzijiet mal-ispejjeż ma jikkostitwixxix żball ta’ liġi ( 40 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibqa’ żżomm l-istess pożizzjoni anki fil-każ preżenti.

65.

Ċertament, jista’ jkun teoretikament possibbli li l-konstatazzjoni tal-imġiba esklużjonarja bbażata fuq il-prezz ssir ġeneralment dipendenti mill-kriterju tal-AEC u li dan it-kriterju, b’dan il-mod, ikun preskritt ukoll fir-rigward ta’ skemi tat-tnaqqis tal-impriżi dominanti. Fil-konfront ta’ tali żvilupp ulterjuri tal-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 82 KE, madankollu, għal diversi raġunijiet huwa xieraq li jkun hemm element ta’ xettiċiżmu.

66.

Minn naħa, il-valur miżjud ta’ analiżi ekonomiċi kumplessi ma huwiex dejjem evidenti u jista’ jwassal għall-użu sproporzjonat ta’ riżorsi tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u tal-qrati, li mbagħad ma humiex disponibbli għall-implementazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni. Il-metodoloġija applikata tista’, kif juru b’mod eżemplari l-argumenti ta’ Post Danmark, Bring Citymail u tal-Gvern Daniż quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, tkun raġuni għal nuqqas ta’ qbil konsiderevoli ( 41 ). Barra minn hekk, id-data disponibbli bħala bażi ma hijiex dejjem affidabbli ( 42 ) u tirrikjedi r-rieda tal-impriżi dominanti għal kooperazzjoni ġenwina mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kif ukoll mal-qrati, li, kif enfasizzat mill-Gvern Ġermaniż, ma hijiex dejjem iggarantita.

67.

Min-naħa l-oħra, huwa żbaljat li jiġi preżunt li l-kwistjoni tal-imġiba esklużjonarja bbażata fuq il-prezz tista’ tiġi solvuta b’mod sempliċi u b’ċertezza legali permezz ta’ tip ta’ formola matematika fuq is-sempliċi bażi tal-elementi ta’ prezz u l-ispejjeż tal-impriżi kkonċernati. Kif diġà ntqal, ħafna drabi d-data tal-impriżi tkun tista’ tiġi interpretata b’diversi modi.

68.

B’mod partikolari, madankollu, il-konstatazzjoni ta’ abbuż fil-kuntest tal-Artikolu 82 KE, kif ukoll f’kuntesti oħra, dejjem tirrikjedi kunsiderazzjoni bbażata fuq valuri b’kunsiderazzjoni għal diversi ċirkustanzi rilevanti tal-każ individwali rispettiv, li ma tistax issir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni sempliċiment l-elementi ta’ prezz u l-ispejjeż. Għall-kuntrarju, hemm diversi fatturi oħra, inkluż it-tfassil speċifiku ta’ sistema ta’ tnaqqis kif ukoll ċerti partikolaritajiet tas-suq li fih topera l-impriża dominanti, li jistgħu jkunu rilevanti għall-konstatazzjoni ta’ abbuż; dawn saħansitra jistgħu jkunu iktar sinjifikattivi minn analiżi tal-prezz jew tal-ispejjeż.

69.

It-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ individwali kif ukoll il-possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva tal-kondotta tan-negozju tal-impriża dominanti jipprovdu ċertezza raġonevoli li r-rekwiżiti legali għall-konstatazzjoni ta’ abbuż fis-sens tal-Artikolu 82 KE, ma jinjorawx ir-realtajiet ekonomiċi ( 43 ).

70.

Jekk in-natura abbużiva tas-sistema ta’ tnaqqis ta’ impriża dominanti diġà tirriżulta minn evalwazzjoni ġenerali taċ-ċirkustanzi l-oħra tal-każ individwali, kif diġà sostnejt iktar ’il fuq ( 44 ), mill-perspettiva legali ma teżisti l-ebda neċessità li titwettaq analiżi tal-prezz jew tal-ispejjeż abbażi tal-kriterju tal-AEC.

71.

Ma hemm a fortiori ebda obbligu legali, skont l-Artikolu 82 KE, li jintuża l-kriterju tal-AEC jekk, minħabba l-istruttura tas-suq, ikun eskluż li kumpannija oħra tista’ tkun effettiva daqs dik dominanti. Dan jista’ jkun dovut għall-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni speċifiċi tas-suq rilevanti (pereżempju għaliex dan is-suq, bħalma huwa l-każ hawnhekk, ikun ikkaratterizzat minn barrieri għad-dħul għolja, ekonomiji ta’ skala kbar u/jew servizzi bbażati fuq netwerk) jew għal sitwazzjoni fejn il-livell tal-ispejjeż tal-impriża dominanti jiddependi speċifikament fuq is-sitwazzjoni ta’ vantaġġ kompetittiv li tgawdi din l-impriża minħabba l-pożizzjoni dominanti tagħha ( 45 ).

72.

F’każijiet bħal dawn, mill-bidu nett ma jkun jagħmel ebda sens li, permezz ta’ analiżi tal-prezz jew tal-ispejjeż ta’ kwalunkwe natura, jiġi eżaminat jekk is-sistema ta’ tnaqqis tal-impriża dominanti twassalx għall-iżvilupp ta’ effett ta’ esklużjoni għal kompetitur daqstant effettiv purament ipotetiku. Fil-fatt, jekk ebda kompetitur ma jista’ jkun daqstant effettiv bħall-kumpannija dominanti, il-kriterju tal-AEC ma jippermettix li jsiru konklużjonijiet affidabbli dwar jekk fis-suq jistax jirriżulta effett ta’ esklużjoni jew le.

73.

Għall-kuntrarju, f’suq fejn minħabba l-preżenza ta’ impriża dominanti, il-kompetizzjoni tiddgħajjef b’tali mod li l-kompetituri bl-istess prestazzjoni ċertament ma jistgħux jistabbilixxu ruħhom, saħansitra l-pressjoni kompetittiva li tirriżulta minn kumpanniji inqas effiċjenti ma għandhiex tkun sottovalutata ( 46 ). Iż-żamma tagħha tappartjeni għall-għanijiet fundamentali segwiti mill-Artikolu 82 KE. Dan peress li għandu jiġi evitat li l-istruttura tas-suq u l-alternattivi disponibbli għall-klijenti ma jaggravawx minħabba l-aġir kummerċjali tal-impriża dominanti ( 47 ).

74.

Konsegwentement, l-Artikolu 82 KE jipprekludi li l-użu tal-kriterju tal-AEC f’suq li, minħabba l-istruttura tiegħu, jiġi eskluż li kumpannija oħra tista’ tkun effettiva daqs dik dominanti.

75.

Għaldaqstant, bħala sinteżi, għandu jiġi kkonstatat li:

L-Artikolu 82 KE ma jirrekjedix li n-natura abbużiva ta’ sistema ta’ tnaqqis applikata minn impriża dominanti tkun ipprovata abbażi ta’ analiżi tal-prezz jew tal-ispejjeż skont il-kriterju tal-kompetitur daqstant effettiv (“as-efficient-competitor-test”), fejn in-natura abbużiva ta’ din is-sistema ta’ tnaqqis tirriżulta minn evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi l-oħra tal-każ individwali.

Madankollu, l-awtoritajiet u l-qrati aditi b’każijiet tal-kompetizzjoni huma liberi li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali, jirrikorru għal tali analiżi tal-prezz jew tal-ispejjeż, sakemm fid-dawl tal-istruttura tas-suq ma jkunx eskluż li kumpannija oħra tista’ tkun effiċjenti daqs dik dominanti.

C – Il-kwistjoni tan-natura apprezzabbli tal-effetti antikompetittivi possibbli tas-sistema ta ’ tnaqqis (it-tieni domanda u t-tieni parti tat-tielet domanda)

76.

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju, bit-tieni domanda tagħha, tistaqsi sa liema punt l-effett antikompetittiv ta’ sistema ta’ tnaqqis minn impriża dominanti bħal Post Danmark għandu jkun “probabbli u gravi sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni” tal-Artikolu 82 KE. It-tieni parti tat-tielet domanda għandha l-istess għan, billi l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-“effett ta’ esklużjoni” ta’ tali sistema ta’ tnaqqis jeħtieġx ikun “notevoli”.

77.

Fil-fehma tiegħi, ma huwiex suffiċjenti li bħala risposta għal din il-problema, il-qorti tar-rinviju tiġi sempliċiment diretta lejn l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri fi kwistjonijiet ta’ evidenza ( 48 ). Dan minħabba li f’dan il-każ hemm inkwistjoni r-rekwiżiti sostantivi li għandhom jiġu stabbiliti għall-konstatazzjoni ta’ abbuż fis-sens tal-Artikolu 82 KE. Dawn ir-rekwiżiti huma suġġetti għad-dritt tal-Unjoni u għandhom jiġu applikati fl-Unjoni kollha b’mod uniformi, sabiex jiżguraw kundizzjonijiet prevalenti kemm jista’ jkun uniformi għall-impriżi kollha li joperaw fis-suq intern fir-rigward tar-regoli dwar il-kompetizzjoni (“level playing field”) ( 49 ).

78.

Huwa xieraq li ż-żewġ aspetti msemmija mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-probabbiltà ta’ effett antikompetittiv minn naħa waħda u l-gravità ta’ dak l-effett min-naħa l-oħra, jiġu diskussi separatament.

1. Fuq il-probabbiltà li jkun hemm effett antikompetittiv

79.

L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi kemm irid ikun probabbli l-effett antikompetittiv tas-sistema ta’ tnaqqis ta’ impriża dominanti sabiex jikkostitwixxi abbuż fis-sens tal-Artikolu 82 KE.

80.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-effett ta’ esklużjoni, li jirriżulta minn tali sistema ta’ tnaqqis, ma jistax ikun ta’ natura purament ipotetika ( 50 ). It-tnaqqis inkwistjoni jeħtieġ, fi kliem ieħor, mhux biss ikun astratt, iżda wkoll kapaċi b’mod konkret jagħmel iktar diffiċli, anki impossibbli, l-aċċess għas-suq ta’ dawn il-kompetituri tal-impriża dominanti, kif ukoll l-għażla għall-partijiet kontraenti tagħha bejn diversi sorsi ta’ provvista jew imsieħba kummerċjali ( 51 ).

81.

Għal dan il-għan, madankollu, ma hemmx bżonn ta’ analiżi sofistikata tal-effetti konkreti tat-tnaqqis fuq il-kompetizzjoni, jiġifieri ma huwiex neċessarju li jiġi evalwat jekk fir-realtà jkunx irriżulta effett ta’ esklużjoni ( 52 ). Dan huwa dovut għall-fatt li l-projbizzjoni tal-Artikolu 82 KE tkopri wkoll l-aġir ta’ impriżi dominanti b’effett potenzjalment antikompetittiv ( 53 ). Għalhekk, anki jekk l-affermazzjoni ta’ Post Danmark hija vera, li s-sistema ta’ tnaqqis inkwistjoni finalment ma kinitx il-kawża tal-irtirar ta’ Bring Citymail mis-suq Daniż, dan ma jipprekludux il-konstatazzjoni ta’ aġir abbużi fis-sens tal-Artikolu 82 KE.

82.

Skont il-ġurisprudenza stabbilita, huwa neċessarju, iżda wkoll suffiċjenti, li t-tnaqqis inkwistjoni jista’ jipproduċi effett ta’ esklużjoni ( 54 ). Dan huwa l-każ meta l-preżenza ta’ dan l-effett ta’ esklużjoni jidher li huwa iktar probabbli min-nuqqas tiegħu abbażi tal-evalwazzjoni ġenerali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ ( 55 ).

83.

Jien jidhirli li ma jkunx xieraq li l-livell rikjest ikun ogħla għall-preżunzjoni ta’ abbuż inkompatibbli mal-Artikolu 82 KE u, pereżempju li jkun meħtieġ li l-okkorrenza tal-effett ta’ esklużjoni tkun “probabbli ħafna” jew “partikolarment probabbli” jew li saħansitra għandha tkun aċċettata “lil hinn minn kull dubju raġonevoli”.

84.

Dan minħabba li impriża dominanti, irrispettivament mill-kawżi tal-pożizzjoni dominanti tagħha, għandha responsabbiltà speċjali sabiex ikun żgurat li l-aġir tagħha ma jippreġudikax il-kompetizzjoni effettiva u mhux distortata fis-suq intern ( 56 ). Minn din ir-responsabbiltà jirriżulta ċertu dmir li tiġi eżerċitata riżerva fis-suq. Għalhekk, l-impriża dominanti għandha tonqos minn kull prattika kummerċjali li fil-każ tagħha huwa probabbli effett ta’ esklużjoni, u mhux biss fil-każ ta’ dawk li fir-rigward tagħhom dan l-effett jidher “probabbli ħafna” jew “partikolarment probabbli” jew fejn dan ikun preżunt “lil hinn minn kull dubju raġonevoli”.

85.

Il-grad ta’ probabbiltà ta’ okkorrenza ta’ effetti ta’ esklużjoni, l-iktar l-iktar, jista’ jkollu impatt fuq l-ammont korrispondenti ta’ kwalunkwe sanzjoni, pereżempju, fuq il-multi li għandhom jiġu imposti mill-awtorità tal-kompetizzjoni. L-ammont tagħhom għandu dejjem jissodisfa r-rekwiżiti tal-proporzjonalità (Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003): iktar ma tkun għolja l-probabbiltà tal-effett ta’ esklużjoni u iktar ma jkun kbir l-ammont korrispondenti ta’ dan l-effett, iktar tkun severa s-sanzjoni. Madankollu, tali kwistjoni dwar is-sanzjonijiet ma hijiex is-suġġett ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

2. Fuq il-gravità tal-effett antikompetittiv probabbli

86.

It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju titlob informazzjoni dwar kemm l-effett antikompetittiv ta’ sistema ta’ tnaqqis jeħtieġ ikun “gravi” jew “notevoli” sabiex jaqa’ taħt il-projbizzjoni ta’ abbuż tal-Artikolu 82 KE.

87.

B’dan qiegħda talludi għall-kwistjoni ta’ apprezzabbiltà ta’ kwalunkwe effett antikompetittiv ta’ sistemi ta’ tnaqqis minn impriża dominanti. Huwa meħtieġ li jiġi ċċarat jekk il-konstatazzjoni ta’ abbuż taħt l-Artikolu 82 KE titlobx li r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta minn sistema ta’ tnaqqis teċċedi kwalunkwe tip ta’ limitu de minimis.

88.

Kif enfasizzaw diversi partijiet fil-proċedura, id-dubji tal-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward, setgħu qamu minħabba problema terminoloġika fis-sentenza Post Danmark li ngħatat fl-2012. Dan minħabba li fil-verżjoni lingwistika vinkolanti Daniża ta’ din is-sentenza, għall-espressjoni “effetti ta’ esklużjoni”, b’mod sorprendenti jintuża l-kliem “mærkbare virkninger” ( 57 ), li bejn wieħed u ieħor ifisser “impatti notevoli”. B’mod simili, f’partijiet oħra tal-istess sentenza jsir riferiment għal “eliminerende virkning” ( 58 ) jiġifieri għal “effett ta’ eliminazzjoni” li wkoll jinftiehem f’sens komparattivament strett.

89.

Ħarsa lejn il-verżjoni Franċiża, il-lingwa li fiha tfasslet is-sentenza, ċertament tindika li fil-każ ta’ din l-għażla tal-kliem fid-Daniż bilfors hemm żball fit-traduzzjoni. Dan minħabba li fil-Franċiż jissemma’ sempliċement “effet[s] d’éviction”, jiġifieri “effett ta’ esklużjoni” li huwa konsistenti mal-ġurisprudenza oħra dwar l-Artikolu 82 KE ( 59 ).

90.

F’dan il-kuntest, il-kliem “mærkbare virkninger” u “eliminerende virkning” fis-sentenza Post Danmark tal-2012 ma għandhomx jinftiehmu ħażin fis-sens li jkun japplika kwalunkwe tip ta’ kriterju tal-apprezzabbiltà jew limitu de minimis għal sistemi ta’ tnaqqis mill-impriża dominanti. Għall-kuntrarju, fis-sens tal-Artikolu 82 KE, għandhom jitqiesu bħala abbużivi s-sistemi ta’ tnaqqis kollha li jistgħu jipproduċu effett ta’ esklużjoni ( 60 ), u mhux biss dawk li l-impatt tagħhom fuq il-kompetizzjoni huwa jew jista’ jkun “gravi” jew “notevoli”.

91.

Peress li, b’mod partikolari, is-suq rilevanti diġà huwa mdgħajjef fl-istruttura kompetittiva tiegħu minħabba l-preżenza tal-impriża dominanti, fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE, kwalunkwe restrizzjoni addizzjonali ta’ din l-istruttura kompetittiva tista’ tikkostitwixxi sfruttar abbużiv tal-pożizzjoni tal-impriża dominanti ( 61 ).

92.

F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja, madwar l-istess żmien bħas-sentenza Post Danmark tal-2012, ikkonstatat li d-determinazzjoni ta’ livell preċiż li lil hinn minnu t-tnaqqis mogħti minn impriża dominanti għandu jitqies bħala abbużiv ma kinitx neċessarja għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE ( 62 ). Dan peress li l-klijenti għandu jkollhom l-opportunità li japprofittaw minn kull grad ta’ kompetizzjoni li hija possibbli fis-suq u l-kompetituri għandhom ikunu jistgħu jikkompetu fuq il-mertu għas-suq kollu u mhux għal parti minnu biss. Barra minn hekk, ma huwiex ir-rwol tal-impriża dominanti li tistabbilixxi kemm għandhom jikkompetu kompetituri profittabbli għal parti tad-domanda li għadha tista’ tinkiseb ( 63 ).

93.

Limitu de minimis għall-evalwazzjoni tal-effetti ta’ esklużjoni tal-aġir kummerċjali minn impriża dominanti jidher li ma huwiex meħtieġ ukoll minħabba żewġ raġunijiet oħrajn: Minn naħa, l-effetti ta’ esklużjoni msemmija, kif diġà ntqal hawn fuq ( 64 ), iridu jkunu bbażati fuq it-teħid inkunsiderazzjoni b’mod konkret tad-diversi ċirkustanzi rilevanti tal-każ individwali u jridu jkunu iktar probabbli min-nuqqas tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni ta’ abbuż tal-Artikolu 82 KE xorta waħda tkopri biss tali aġir li jista’ jwassal sabiex jolqot ħażin il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

94.

Kull wieħed minn dawn l-aspetti, fih innifsu b’mod pjuttost raġjonevoli diġà jeskludi li l-projbizzjoni ta’ abbuż skont l-Artikolu 82 KE tista’ tkopri aġir li l-effetti antikompetittivi tiegħu ikunu sempliċiment ipotetiċi jew ta’ importanza limitata ħafna.

3. Konklużjoni intermedjarja

95.

Fil-qosor, għandu jiġi nnotat:

Minbarra r-rekwiżit tal-effett ħażin attwali jew potenzjali fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, l-effett ta’ esklużjoni li tista’ tipproduċi s-sistema ta’ tnaqqis ta’ impriża dominanti ma għandux għalfejn jeċċedi livell ta’ apprezzabbiltà (de minimis), sabiex jiġi kklassifikat bħala abbużiv fis-sens tal-Artikolu 82 KE. Huwa biżżejjed li l-okkorrenza ta’ tali effett ta’ esklużjoni tkun iktar probabbli min-nuqqas tiegħu.

VI – Konklużjoni

96.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta globali segwenti għad-domandi magħmula mis-Sø- og Handelsret Daniża:

1)

Is-sistema ta’ tnaqqis applikata minn impriża dominanti tikkostitwixxi abbuż fis-sens tal-Artikolu 82 KE jekk, fuq il-bażi tal-evalwazzjoni ġenerali taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali, jirriżulta li t-tnaqqis jista’ jkollu effett ta’ esklużjoni ekonomikament inġustifikat, filwaqt li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-kriterji u l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ tnaqqis, il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni li huma prevalenti fis-suq rilevanti u l-pożizzjoni tal-impriża dominanti f’dan is-suq.

2)

L-Artikolu 82 KE ma jirrekjedix li n-natura abbużiva ta’ sistema ta’ tnaqqis applikata minn impriża dominanti tkun ipprovata abbażi ta’ analiżi tal-prezz jew tal-ispejjeż skont il-kriterju tal-kompetitur daqstant effettiv (“as-efficient-competitor-test”), fejn in-natura abbużiva ta’ din is-sistema ta’ tnaqqis tirriżulta minn evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi l-oħra tal-każ individwali.

Madankollu, l-awtoritajiet u l-qrati aditi b’każijiet tal-kompetizzjoni huma liberi li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali, jirrikorru għal tali analiżi tal-prezz jew tal-ispejjeż, sakemm fid-dawl tal-istruttura tas-suq ma jkunx eskluż li kumpannija oħra tista’ tkun effiċjenti daqs dik dominanti.

3)

Minbarra r-rekwiżit tal-effett ħażin attwali jew potenzjali fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, l-effett ta’ esklużjoni li tista’ tipproduċi s-sistema ta’ tnaqqis ta’ impriża dominanti ma għandux għalfejn jeċċedi livell ta’ apprezzabbiltà (de minimis), sabiex jiġi kklassifikat bħala abbużiv fis-sens tal-Artikolu 82 KE. Huwa biżżejjed li l-okkorrenza ta’ tali effett ta’ esklużjoni tkun iktar probabbli min-nuqqas tiegħu.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni (40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, EU:C:1975:174), Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (85/76, EU:C:1979:36), Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni (322/81, EU:C:1983:313), British Airways vs Il-Kummissjoni (C‑95/04 P, EU:C:2007:166), Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni (C‑549/10 P, EU:C:2012:221) u Michelin vs Il-Kummissjoni (T‑203/01, EU:T:2003:250).

( 3 ) Anki fil-proċedura ta’ appell pendenti Intel vs Il-Kummissjoni (C‑413/14 P) id-domanda dwar in-neċessità leġislattiva tal-kriterju tal-AEC b’rabta mas-sistemi ta’ tnaqqis fost l-oħrajn għandha rwol li ma għandux jiġi sottovalutat.

( 4 ) Il-Liġi dwar il-kompetizzjoni.

( 5 ) Il-Kunsill tal-kompetizzjoni.

( 6 ) Skont l-informazzjoni ta’ Post Danmark, it-tnaqqis mogħti kien jikkonsisti f’medja ta’ 10.6 %.

( 7 ) Il-limiti tat-tnaqqis l-oħrajn kienu jingħataw f’każ ta’ 75000, 150000, 300000, 500000, 750000, 1000000, 1500000 u 2000000 konsenja jew għal valur gross ta’ mill-inqas DKK 750000, 1500000, 3000000, 5000000, 7500000, 10000000, 15000000 u 20000000.

( 8 ) Bord tal-Appelli fil-qasam tal-kompetizzjoni.

( 9 ) Qorti Marittima u Kummerċjali.

( 10 ) Sentenzi Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (85/76, EU:C:1979:36, punt 91), Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni (322/81, EU:C:1983:313, punt 70) u Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni (C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punt 17).

( 11 ) Sentenza Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni (322/81, EU:C:1983:313, punt 57); bl-istess sens is-sentenzi France Télécom vs Il-Kummissjoni (C‑202/07 P, EU:C:2009:214, punt 105), Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 176) u TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 24).

( 12 ) Sentenza Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni (C‑395/96 P u C‑396/96 P, EU:C:2000:132, punt 131).

( 13 ) Sentenzi AKZO vs Il-Kummissjoni (C‑62/86, EU:C:1991:286, punt 70), France Télécom vs Il-Kummissjoni (C‑202/07 P, EU:C:2009:214, punt 106), Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 177) u Post Danmark (C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 25).

( 14 ) Sentenzi Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni (40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, EU:C:1975:174, punt 518), Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (85/76, EU:C:1979:36, punti 89 u 90), Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni (322/81, EU:C:1983:313, punt 71), Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (C‑163/99, EU:C:2001:189, punt 50), Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni (C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punt 70) u Michelin vs Il-Kummissjoni (T‑203/01, EU:T:2003:250, punti 56 sa 59).

( 15 ) Sentenzi Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni (322/81, EU:C:1983:313, punt 73), British Airways vs Il-Kummissjoni (C‑95/04 P, EU:C:2007:166, punt 67), Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni (C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punt 71) u Michelin vs Il-Kummissjoni (T‑203/01, EU:T:2003:250, punt 60).

( 16 ) Sentenza British Airways vs Il-Kummissjoni (C‑95/04 P, EU:C:2007:166, punti 68 u 69).

( 17 ) Sentenzi Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni (322/81, EU:C:1983:313, punt 73), British Airways vs Il-Kummissjoni (C‑95/04 P, EU:C:2007:166, punt 67), Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (C‑163/99, EU:C:2001:189, punt 50) u Michelin vs Il-Kummissjoni (T‑203/01, EU:T:2003:250, punt 60).

( 18 ) Sentenzi Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni (322/81, EU:C:1983:313, punt 73), British Airways vs Il-Kummissjoni (C‑95/04 P, EU:C:2007:166, punt 67), Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni (C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punti 18 u 71) u Michelin vs Il-Kummissjoni (T‑203/01, EU:T:2003:250, punt 60).

( 19 ) Sentenza Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni (322/81, EU:C:1983:313, punt 85).

( 20 ) Sentenzi Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni (322/81, EU:C:1983:313, punt 73), British Airways vs Il-Kummissjoni (C‑95/04 P, EU:C:2007:166, punt 67), Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni (C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punt 71) u Michelin vs Il-Kummissjoni (T‑203/01, EU:T:2003:250, punt 60).

( 21 ) F’dan is-sens is-sentenzi Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni (322/81, EU:C:1983:313, punt 81), British Airways vs Il-Kummissjoni (C‑95/04 P, EU:C:2007:166, punt 73) u Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni (C‑549/10 P, EU:C:2012:221, b’mod partikolari punt 75).

( 22 ) Sentenza British Airways vs Il-Kummissjoni (C‑95/04 P, EU:C:2007:166, punt 73).

( 23 ) Sentenza Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni (C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punt 79).

( 24 ) Fuq it-tul tal-perijodu ta’ referenza ara, pereżempju, is-sentenza Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni (322/81, EU:C:1983:313, punt 81).

( 25 ) Ara, f’’dan is-sens, is-sentenza Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni (C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punti 20 u 21).

( 26 ) Sentenzi Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (85/76, EU:C:1979:36, punt 91), AKZO vs Il-Kummissjoni (C‑62/86, EU:C:1991:286, punt 69), TeliaSonera (C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 27) u Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni (C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punti 17 u 23).

( 27 ) Sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni (T‑203/01, EU:T:2003:250, punt 65).

( 28 ) Sentenza Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni (C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punt 73).

( 29 ) F’dan is-sens, ara s-sentenza Post Danmark (C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 23, lejn l-aħħar).

( 30 ) Sentenza Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni (322/81, EU:C:1983:313, punt 82) u British Airways vs Il-Kummissjoni (C‑95/04 P, EU:C:2007:166, punt 75) kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża tal-aħħar (EU:C:2006:133, punt 52).

( 31 ) Fir-rigward, b’mod partikolari, tan-neċessità li tittieħed inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni tal-impriża dominanti bħala sieħeb kummerċjali indispensabbli, ara s-sentenzi Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (85/76, EU:C:1979:36, punt 41) u Compagnie maritime belge transports et vs Il-Kummissjoni (C‑395/96 P u C‑396/96 P, EU:C:2000:132, punt 132).

( 32 ) Sentenza Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni (40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, EU:C:1975:174, punt 511).

( 33 ) Dan jimplika t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż medji evitabbli tal-impriża dominanti, l-ispejjeż inkrementali medji fit-tul kif ukoll il-prezz li kompetitur tal-impriża dominanti jkollu joffri lill-klijenti tagħha sabiex jikkumpensahom għat-telf tal-iskont mogħti mill-imsemmija impriża.

( 34 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Linji Gwida dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 82 tat-Trattat KE għal imġiba esklużjonarja abbużiva minn impriżi dominanti”, ippreżentata fl-24 ta’ Frar 2009 (ĠU C 45, p. 7), iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni ta’ prijorità”.

( 35 ) Punt 23 tal-Komunikazzjoni ta’ prijorità. Għal dan il-għan, jien ser nażżarda nindika li l-verżjoni Ġermaniża ta’ din is-silta tal-Komunikazzjoni ta’ prijorità bil-formulazzjoni tagħha “daran hindert bzw. bereits gehindert hat, am Wettbewerb teilzunehmen” tirrifletti biss b’mod inkomplet ħafna l-ispeċifikazzjonijiet leġiżlattivi, skont liema l-effetti antikompetittivi attwali ma għandhomx għalfejn ikunu pprovati (sentenzi British Airways vs Il-Kummissjoni, C‑95/04 P, EU:C:2007:166, punt 68, u Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni, C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punti 68 u 79). Il-verżjoni lingwistika Ingliża tal-Komunikazzjoni ta’ prijorità tidher li hija iktar kompatibbli mal-qafas legali stabbilit permezz tal-Artikolu 82 KE (l-Artikolu 102 TFUE) (“has already been or is capable of hampering competition”) u dik Franċiża (“ont déjà entravé ou sont de nature à entraver la concurrence”).

( 36 ) Punt 3 tal-Komunikazzjoni ta’ prijorità.

( 37 ) Sentenzi Pfleiderer (C‑360/09, EU:C:2011:389, punt 21) u Expedia (C‑226/11, EU:C:2012:795, punti 29 u 31).

( 38 ) Sentenzi Post Danmark (C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 25); ara wkoll, is-sentenzi Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑280/08 P, EU:C:2010:603, b’mod partikolari l-punti 177, 183, 196, 203 u 254TeliaSonera) u (C‑52/09, EU:C:2011:83, b’mod partikolari punti 67, 73 u 94); anki fis-sentenza AKZO vs Il-Kummissjoni (C‑62/86, EU:C:1991:286, b’mod partikolari punti 71 u 72) qiegħed jittieħed kont tal-analiżi prezz/spejjeż.

( 39 ) Sentenzi Post Danmark (C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 25) u Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 177, filwaqt li hawnhekk fil-verżjoni Ġermaniża l-espressjoni “u. a.” tintuża għal dik Franċiża “notamment”).

( 40 ) Sentenza Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni (C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punt 80; ara, b’mod supplimentari, ukoll punt 73).

( 41 ) Fil-punt 25 tal-Komunikazzjoni ta’ prijorità tagħha, il-Kummissjoni tassumi wkoll li r-riżultat tal-kriterju tal-AEC ma huwiex dejjem ċar.

( 42 ) Il-ħtieġa li data affidabbli għall-kriterju tal-AEC tkun disponibbli hija enfasizzata wkoll mill-Kummissjoni fil-punt 25 tal-Komunikazzjoni ta’ prijorità tagħha.

( 43 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Solvay vs Il-Kummissjoni (C‑109/10 P, EU:C:2011:256, punt 80).

( 44 ) Ara, iktar ’il fuq, il-punti 33 sa 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 45 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza TeliaSonera (C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 45, lejn l-aħħar).

( 46 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, il-punt 24 tal-Komunikazzjoni ta’ prijorità; ara, barra minn hekk, is-sentenza Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (85/76, EU:C:1979:36, punt 123 lejn l-aħħar).

( 47 ) Sentenzi France Télécom vs Il-Kummissjoni (C‑202/07 P, EU:C:2009:214, punt 105), Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punti 83 u 176), TeliaSonera (C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 24) u Post Danmark (C‑209/10, EU:C:2012:172, punti 20 u 23); b’mod simili, is-sentenza British Airways vs Il-Kummissjoni (C‑95/04 P, EU:C:2007:166, punt 66).

( 48 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

( 49 ) Dwar il-kunċett ta’ “level playing field” ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni (C‑550/07 P, EU:C:2010:229, punt 169), Toshiba Corporation et (C‑17/10, EU:C:2011:552, punt 118) u KONE et (C‑557/12, EU:C:2014:45, punt 29).

( 50 ) F’dan is-sens, is-sentenzi Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 254) u TeliaSonera (C‑52/09, EU:C:2011:83, punti 66 u 67).

( 51 ) Ara f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża British Airways vs Il-Kummissjoni (C‑95/04 P, EU:C:2006:133, punt 73).

( 52 ) Sentenza Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni (C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punti 68 u 79); bl-istess sens, is-sentenzi Tetra Pak vs Il-Kummissjoni (C‑333/94 P, EU:C:1996:436, punt 44) u Michelin vs Il-Kummissjoni (T‑203/01, EU:T:2003:250, punt 239).

( 53 ) Sentenza TeliaSonera (C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 64); b’mod simili, is-sentenza Post Danmark (C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 44), fejn tissemma’ “l-eliminazzjoni effettiva jew probabbli”.

( 54 ) Sentenzi British Airways vs Il-Kummissjoni (C‑95/04 P, EU:C:2007:166, punt 68) u Michelin vs Il-Kummissjoni (T‑203/01, EU:T:2003:250, punt 239).

( 55 ) F’dan is-sens is-sentenza Post Danmark (C‑209/10, EU:C:2012:172), li titkellem fuq “l-effetti dannużi probabbli fuq il-kompetizzjoni” u dwar “[effett ta’] eliminazzjoni [effettiv] jew probabbli”.

( 56 ) Sentenza Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il-Kummissjoni (322/81, EU:C:1983:313, punt 57); bl-istess sens is-sentenzi France Télécom vs Il-Kummissjoni (C‑202/07 P, EU:C:2009:214, punt 105), Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 176) u TeliaSonera (C‑52/09, EU:C:2011:83, punt 24).

( 57 ) Sentenza Post Danmark (C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 25).

( 58 ) Sentenza Post Danmark (C‑209/10, EU:C:2012:172, punt 41; ara b’mod simili l-punti 17, 22, 27, 29 u 44).

( 59 ) Ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.

( 60 ) Dwar dan ara l-punt 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.

( 61 ) Sentenza Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (85/76, EU:C:1979:36, punt 123 l-aħħar parti).

( 62 ) Sentenza Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni (C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punti 46 u 48); b’mod simili, is-sentenza Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (85/76, EU:C:1979:36, punt 89), li fiha qiegħed ikun innotat li l-inġustizzja tar-rifjużjonijiet għal-lealtà hija “indipendentement mill-ammont, kbir jew żgħir” tax-xirjiet ikkonċernati.

( 63 ) Sentenza Tomra Systems et vs Il-Kummissjoni (C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punt 42).

( 64 ) Erġa’ ara l-punti 31, 68 u 82 sa 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.