KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fit-30 ta’ April 2015 ( 1 )

Kawża C‑231/14 P

InnoLux Corp., li kienet Chimei InnoLux Corp.,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Suq dinji ta’ pannelli tal-kristalli likwidi (LCD) — Multi — Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi — Determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ f’relazzjoni mal-ksur — Applikazzjoni extraterritorjali tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea — Bejgħ intern tal-prodott ikkonċernat barra miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) — Teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ lil terzi fiż-ŻEE ta’ prodotti lesti li jintegraw il-prodott ikkonċernat”

1. 

Permezz ta’ dan l-appell, InnoLux Corp. (iktar ’il quddiem “InnoLux”), li kienet Chimei InnoLux Corp., qed titlob l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea InnoLux vs Il-Kummissjoni ( 2 ), li permezz tagħha din tal-aħħar, minn naħa, irriformat id-deċiżjoni C(2010) 8767 finali tal-Kummissjoni fil-Każ COMP/39.309 – LCD (Liquid Crystal Displays) ( 3 ), billi stabbilixxiet, fl-ammont ta’ EUR 288 miljun, il-multa imposta fuqha fl-Artikolu 2 tagħha u, min-naħa l-oħra, ċaħdet il-kumplament tar-rikors intiż għall-annullament parzjali ta’ din id-deċiżjoni, sa fejn jikkonċerna lilha, kif ukoll fit-tnaqqis tal-ammont tal-imsemmija multa.

2. 

Dan l-appell iqajjem kwistjoni importanti fid-dritt tal-kompetizzjoni, dwar l-applikazzjoni extraterritorjali tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea (f’dan il-każ, fil-kuntest tad-determinazzjoni ta’ bejgħ li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea biex jiġu kkalkolati l-multi) ( 4 ). L-applikazzjoni extraterritorjali ta’ dawn ir-regoli mill-Kummissjoni hija wkoll ikkontestata f’diversi kawżi li bħalissa jinsabu kemm quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 5 ).

I – Il-fatti li wasslu għall-kawża

3.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u għad-deċiżjoni inkwistjoni, kif jirriżultaw mill-punti 1 sa 27 tas-sentenza appellata, jistgħu jiġu esposti fil-qosor kif ġej.

4.

Chi Mei Optoelectronics Corp. (iktar ’il quddiem “CMO”), kumpannija rregolata mid-dritt Tajwaniż, kienet tikkontrolla grupp ta’ kumpanniji stabbiliti fid-dinja kollha u attivi fil-produzzjoni ta’ screens tal-kristalli likwidi b’livell attiv (iktar ’il quddiem l-“LCDs”). Wara ftehim ta’ konċentrazzjoni ta’ CMO mal-kumpanniji InnoLux Display Corp. u TPO Displays Corp, l-entità ġuridika superstiti saret InnoLux, kumpannija rregolata wkoll mid-dritt Tajwaniż, rikorrenti f’din il-kawża.

5.

Wara li l-kumpannija rregolata mid-dritt Korean Samsung Electronics Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Samsung”) ilmentat fuq l-eżistenza ta’ akkordju fis-suq tal-LCDs mal-Kummissjoni, din bdiet il-proċedura amministrattiva u bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil sittax-il kumpannija, fosthom żewġ sussidjarji Ewropej miżmuma 100 % mir-rikorrenti. Din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet spjegat, b’mod partikolari, ir-raġunijiet li għalihom iż-żewġ sussidjarji ta’ CMO kellhom jinżammu responsabbli in solidum għall-ksur imwettaq minn din tal-aħħar.

6.

Fit-8 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni inkwistjoni. Din kienet indirizzata lil sitta mis-sittax-il kumpannija destinatarja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fosthom ir-rikorrenti, LG Display Co. Ltd. (iktar ’il quddiem “LGD”) u AU Optronics Corp. (iktar ’il quddiem “AUO”). Min-naħa l-oħra, is-sussidjarji tar-rikorrenti ma kinux imsemmija iżjed.

7.

Fid-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ akkordju bejn sitt manifatturi internazzjonali kbar tal-LCDs, fosthom ir-rikorrenti, LGD u AUO, fiż-żewġ kategoriji ta’ prodotti li ġejjin, ta’ daqs ta’ 12-il pulzier jew iktar, jiġifieri l-LCDs għat-teknoloġija tal-informazzjoni (TI), bħal dawk li jiġu integrati f’laptops żgħar u monitors tal-kompjuters, u l-LCDs għal settijiet tat-televiżjoni (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“LCDs suġġetti għal kartell”.

8.

Għall-iffissar tal-multi imposti mid-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni użat il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2006”). B’applikazzjoni tagħhom, il-Kummissjoni ddefinixxiet il-valur tal-bejgħ tal-LCDs suġġetti għal kartell direttament jew indirettament ikkonċernati mill-ksur. Għal dan il-għan, hija stabbilixxiet it-tliet kategoriji li ġejjin ta’ bejgħ imwettaq mill-parteċipanti fl-akkordju:

“bejgħ ŻEE dirett”, jiġifieri l-bejgħ ta’ LCDs suġġetti għal kartell lil impriża oħra fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE);

“bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati”, jiġifieri l-bejgħ ta’ LCDs suġġetti għal kartell integrati, fi ħdan il-grupp li jagħmel parti minnu l-produttur, fi prodotti lesti li jinbiegħu lil impriża oħra fi ħdan iż-ŻEE; u

“bejgħ indirett”, jiġifieri l-bejgħ ta’ LCDs suġġetti għal kartell lil impriża oħra li tinsab barra miż-ŻEE, li sussegwentement tinkorpora l-iscreens fi prodotti lesti li hija tbigħ fiż-ŻEE, u li din l-“impriża oħra” ma tkunx tagħmel parti mill-grupp tal-bejjiegħ.

9.

Il-Kummissjoni qieset li hija setgħet tillimita ruħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-ewwel żewġ kategoriji msemmija iktar ’il fuq, peress li l-inklużjoni tat-tielet kategorija ma hijiex neċessarja sabiex il-multi imposti jkunu jistgħu jilħqu livell dissważiv suffiċjenti. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkundannat lir-rikorrenti għall-ħlas ta’ multa ta’ EUR 300 miljun.

II – Is-sentenza appellata

10.

Permezz ta’ rikors fil-21 ta’ Frar 2011, l-appellanti ressqet kawża għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni inkwistjoni u għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa. Insostenn tat-talba tagħha, l-appellanti invokat tliet motivi. L-ewwel kien ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni applikat kunċett legalment żbaljat, jiġifieri dak ta’ “bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati”, it-tieni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 101 TFUE meta kkonkludiet li l-ksur kien jestendi għal-LCDs għas-settijiet tat-televiżjoni, u t-tielet li l-valur tal-bejgħ rilevanti li ttieħed mill-Kummissjoni fir-rigward tagħha inkluda b’mod żbaljat bejgħ ieħor barra minn dak dwar l-LCDs suġġetti għal kartell.

11.

Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet dan l-aħħar motiv u, għalhekk, naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti għal EUR 288 miljun ( 6 ). Hija ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

III – Fuq l-appell

A – Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta bejgħ ŻEE dirett permezz ta ’ prodotti pproċessati

1. Sommarju tal-argumenti tal-partijiet

12.

Permezz tal-ewwel parti, li tikkonċerna l-kunċett ta’ “bejgħ relatat mal-ksur”, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli inkludiet, fil-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multa, il-bejgħ tagħha ta’ prodotti lesti fiż-ŻEE, bħala “bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati”, minkejja li dan il-bejgħ ma huwiex relatat mal-ksur fis-sens tal-punt 13 tal-linji gwida tal-2006.

13.

Il-Kummissjoni jidhrilha li l-argument tar-rikorrenti ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali wara raġunament korrett. L-argument tal-appellanti jinjora l-fatt li l-prezz tal-LCDs suġġetti għal kartell affettwa dak tal-prodotti lesti u li l-prattiki miftiehma kienu jikkonċernaw kemm l-LCDs li kellhom jinbiegħu lil terzi, kif ukoll l-LCDs intiżi li jiġu kkunsinnati fil-grupp. Dawn huma konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali li ma jistgħux jiġu eżaminati mill-ġdid fl-appell. Ikun żbaljat li jingħad li ma jeżistux differenzi bejn bejgħ lil terz u konsenja intra-ażjendali. Id-dħul reali fis-suq — jew l-ewwel “bejgħ reali” — iseħħ fil-waqt u fil-post fejn l-impriża tbigħ il-prodott finali.

14.

Permezz tat-tieni parti, li tikkonċerna s-sentenza Europa Carton vs Il‑Kummissjoni (T-304/94, EU:T:1998:89), l-appellanti jidhrilha li l-Kummissjoni injorat din is-sentenza, f’dak li, minflok ma ttrattat il-bejgħ intra-ażjendali fl-istess mod bħall-bejgħ lil terzi, hija applikat, għal ċerti destinatarji tad-deċiżjoni inkwistjoni, kriterju differenti sabiex tiddetermina l-post tal-bejgħ intra-ażjendali tagħhom.

15.

Il-Kummissjoni jidhrilha li s-sentenza Europa Carton vs Il-Kummissjoni (T-304/94, EU:T:1998:89) tikkonferma li hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-valur ta’ prodott li huwa suġġett ta’ akkordju, indipendentement minn jekk waħda mill-partijiet għal dan l-akkordju tbigħx direttament il-prodott inkwistjoni fis-suq jew qabel tinkorporahx fi prodott lest ieħor. Min-naħa l-oħra, din is-sentenza ma tobbligax lill-Kummissjoni tqis il-post tal-kunsinna interna bħala l-post tal-bejgħ tal-prodott suġġett għal kartell sabiex tiġi evalwata r-rabta mat-territorju taż-ŻEE.

16.

Permezz tat-tielet parti, li tikkonċerna s-sentenza Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni (89/85, 104/85, 114/85, 116/85, 117/85 u 125/85 sa 129/85, EU:C:1988:447, iktar ’il quddiem is-“sentenza Polpa tal-injam I”), l-appellanti ssostni li joħroġ minn din is-sentenza li l-kompetenza tal-Unjoni ma testendix għal kull bejgħ imwettaq fiż-ŻEE, iżda biss għall-bejgħ imwettaq fiż-ŻEE ta’ prodotti rilevanti li jagħmlu parti mill-azzjoni miftiehma, li kien suġġett għall-konstatazzjoni ta’ ksur.

17.

Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonkludiet li l-imsemmija sentenza ma waqqfitx lill-Kummissjoni milli tieħu inkunsiderazzjoni, għall-kalkolu tal-multa, il-“bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati” mwettaq minn InnoLux.

18.

Permezz tar-raba’ parti, li tikkonċerna s-sentenza Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il-Kummissjoni (6/73 u 7/73, EU:C:1974:18), l-appellanti jidhrilha li huwa kuntrarju għal din is-sentenza li jitqies li kunsinni intra-ażjendali ta’ LCDs għal faċilitajiet ta’ produzzjoni li jinsabu fiż-ŻEE, bħal fil-każ ta’ Samsung, ma huwiex bejgħ fiż-ŻEE meta l-prodotti finali li fihom ikunu inkorporati l-LCDs, jinbiegħu barra miż-ŻEE.

19.

Il-Kummissjoni jidhrilha li l-appellanti qed tagħmel qari żbaljat tal-imsemmija sentenza. Din is-sentenza teżamina fil-fatt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiæ tal-Artikolu 102 TFUE, iżda ma tikkonċernax il-kalkolu tal-multi f’każijiet ta’ akkordju u għalhekk ma tgħinx l-argument prinċipali tal-appellanti, li jgħid li l-Kummissjoni kellha, għall-kalkolu tal-multa, tinjora l-bejgħ ta’ LCDs imwettaq minn InnoLux fiż-ŻEE permezz ta’ prodotti lesti.

20.

Permezz tal-ħames parti, li tikkonċerna l-applikazzjoni extraterritorjali tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, l-appellanti tallega li l-kriterju użat mill-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali sabiex jiġi identifikat il-post tal-kunsinni intra-ażjendali jqajjem riskju ta’ sanzjonijiet konkorrenti u ta’ kunflitt ta’ kompetenza ma’ awtoritajiet ta’ kompetizzjoni oħrajn.

21.

Il-Kummissjoni jidhrilha li din il-parti hija inammissibbli, peress li dan l-argument qed jitqajjem għall-ewwel darba fl-appell. L-imsemmi argument huwa, fi kwalunkwe każ, ipotetiku u infondat. Loġikament, jista’ jkun hemm biss l-ewwel “bejgħ reali” wieħed.

2. Analiżi

22.

Jiena tal-opinjoni li dawn l-argumenti kollha huma interkonnessi u jikkoinċidu b’mod li huwa indispensabbli li jiġu eżaminati flimkien.

a) Nuqqas ta’ distinzjoni bejn it-teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ skont jekk twettaqx ma’ terzi indipendenti jew ma’ entitajiet tal-istess grupp

23.

Il-punt 13 tal-linji gwida tal-2006 jgħid li, “sabiex jiġi stabbilit l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni ser tuża l-valur tal-bejgħ ta’ beni jew servizzi, imwettaq mill-impriża, relatat b’mod dirett jew indirett [...] mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat ġewwa t-territorju taż-ŻEE” (enfasi miżjuda minni) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

24.

F’dan il-każ, sabiex tiġi kkalkolata l-multa li għandha tiġi imposta fuq l-appellanti, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, permezz tal-kunċett — użat, barra minn hekk, mill-Kummissjoni għall-ewwel darba (ara l-punt 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet għall-kawżi l-oħrajn) — ta’ “bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati”, il-parti tal-valur tal-bejgħ intern ta’ LCDs tal-appellanti li setgħet tikkorrispondi għall-valur tal-LCDs integrati fil-prodotti finali, sakemm dawn tal-aħħar kienu mibjugħa mill-appellanti lil impriżi terzi stabbiliti fiż-ŻEE. Fil-fatt, il-bejgħ intern kollu tal-LCDs ikkonċernat mill-ksur saru mir-rikorrenti barra miż-ŻEE lil entitajiet li jagħmlu parti mill-istess grupp, li integrawhom fi prodotti lesti (kompjuters u settijiet tat-televiżjoni) u wara biegħu dawn tal-aħħar fiż-ŻEE lil impriżi terzi indipendenti.

25.

Bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat reċentement fis-sentenza Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punti 57 sa 59; ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża, C-580/12 P, EU:C:2014:272 punti 21 et seq), minn naħa, “[i]l-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006 huwa intiż sabiex jiġi adottat bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-multa imposta fuq impriża ammont li jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur u l-piż relattiv ta’ din l-impriża fih” u, min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa importanti li l-multa tkun f’“relazzjoni reali mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkordju inkwistjoni” u li “l-parti tad-dħul mill-bejgħ globali li ġej mill-bejgħ tal-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tirrifletti l-importanza ekonomika ta’ dan il-ksur. Għalhekk ma hemmx lok li ssir distinzjoni minn fost dan il-bejgħ skont jekk dan sarx ma’ terzi indipendenti jew ma’ entitajiet li jappartjenu lill-istess impriża. Il-fatt li ma jitteħidx inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ li jaqa’ taħt din l-aħħar kategorija jwassal inevitabbilment għal vantaġġ, mingħajr ġustifikazzjoni, għall-kumpanniji integrati vertikalment peress li jippermettilhom jaħarbu minn sanzjoni proporzjonata għall-importanza tagħhom fis-suq tal-prodotti li jagħmel parti mill-ksur” (enfasi miżjuda minni).

26.

F’dan ir-rigward, ġie deċiż fl-istess sentenza (punt 57) li l-kunċett ta’ “valur tal-bejgħ” imsemmi fil-punt 13 tal-linji gwida tal-2006, minkejja li ma jistax jinftiehem li jkopri biss id-dħul mill-bejgħ magħmul biss mill-bejgħ li fir-rigward tiegħu huwa stabbilit li dan ġie effettivament affettwat minn dan l-akkordju, “ma jistax [...] jiġi estiż sabiex jinkludi l-bejgħ magħmul mill-impriża inkwistjoni li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkordju kkontestat” ( 7 ).

27.

Inżid f’dan il-kuntest, li, hekk kif il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 66 tas-sentenza Team Relocations et vs Il-Kummissjoni (T‑204/08 u T‑212/08, EU:T:2011:286), “minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-parti mid-dħul mill-bejgħ minn merkanzija li kienet is-suġġett tal-ksur hija ta’ natura li tagħti indikazzjoni ġusta tal-kobor ta’ ksur fis-suq ikkonċernat […] B’mod partikolari, id-dħul mill-bejgħ mwettaq fuq il-prodotti li kienu s-suġġett ta’ prattika restrittiva jikkostitwixxi element oġġettiv li jagħti indikazzjoni ġusta tal-ħsara li din il-prattika tagħmel lill-kompetizzjoni [...] Dan il-prinċipju ġie mtenni fil-linji gwida tal-2006”. Din is-sentenza ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Team Relocations et vs Il-Kummissjoni (C‑444/11 P, EU:C:2013:464).

28.

Issa, f’dan il-każ, huwa paċifiku li l-bejgħ ta’ prodotti lesti magħmula mill-entitajiet li jagħmlu parti mill-grupp tar-rikorrenti lil terzi indipendenti fiż-ŻEE, li ttieħdu inkunsiderazzjoni biex tiġi kkalkolata l-multa li għandha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti, ma sarx fuq is-suq rilevanti kkonċernat mill-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni inkwistjoni. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat darba għal dejjem fis-sentenza Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363) li l-Kummissjoni ma għandhiex raġuni tagħmel distinzjoni bejn bejgħ intern u estern, hija lanqas ma għandha raġuni, bħala prinċipju, li tittratta biss il-bejgħ estern bħala “bejgħ reali” ( 8 ).

29.

Peress li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet hija stess fil-punt 74 tas-sentenza appellata li huwa diffiċli li l-approċċ tal-Kummissjoni f’dan il-każ jiġi rrikonċiljat mal-ġurisprudenza, tqum għalhekk il-kwistjoni ta’ jekk u kemm il-Qorti Ġenerali, fin-nuqqas li tiġi trasposta purament u sempliċement il-ġurisprudenza ( 9 ), kellha dritt, biex nuża kliemha, “tadatta[hom]”“għaċ-ċirkustanzi tal-każ”, ikkaratterizzati mill-fatt li r-rikorrenti hija impriża integrata vertikalment li inkorporat barra miż-ŻEE LCDs suġġetti għal kartell fi prodotti lesti mibjugħa fiż-ŻEE, “sabiex tilħaq l-għan, intiż minn din il-ġurisprudenza, li ma tipprivileġġax l-impriżi vertikalment integrati li pparteċipaw f’akkordju” (punt 74 tas-sentenza appellata).

30.

Issa, xorta jibqa’ l-fatt li l-metodoloġija segwita f’dan il-każ mill-Kummissjoni tammonta għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ bejgħ (intern) tal-prodott ikkonċernat li sar kollu barra miż-ŻEE u li, f’dan ir-rigward, din il-metodoloġija għandha, fl-opinjoni tiegħi, titqies li hija estensjoni tal-kompetenza ratione loci tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ akkordju li sar u ġie implementat f’pajjiżi terzi, għall-unika raġuni li l-Kummissjoni “tippreżumi” li dan l-akkordju jipproduċi ċerti effetti fiż-ŻEE minħabba l-bejgħ, f’dan it-territorju, lil impriżi terzi indipendenti ta’ prodotti lesti li jintegraw fihom il-prodott ikkonċernat ( 10 ).

31.

Fil-fatt, f’dan il-każ, peress li l-bejgħ (intern) tal-prodott li huwa s-suġġett tal-ksur mill-appellanti ma seħħx fiż-ŻEE u li l-prodotti lesti li jintegrawhom fihom li kienu nbiegħu fiż-ŻEE minn entitajiet li jagħmlu parti mill-grupp tal-appellanti ma humiex suġġetti għall-ksur, huwa diffiċli, kważi impossibbli, li jiġi argumentat li l-akkordju ġie “implimentat” fiż-ŻEE fis-sens tas-sentenza “Polpa tal-injam I” (punti 13, 16 u 17 ta’ din is-sentenza).

32.

Għandha tiġi rrilevata n-natura dubjuża tal-isforzi tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni inkwistjoni (premessi 9 u 381) biex tagħmel distinzjoni bejn bejgħ intra-ażjendali “reali”, jiġifieri li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni bħala tali għall-kalkolu tal-multa, u dak li ma jistax, jiġifieri li jista’ jiġi injorat u ssostitwit b’bejgħ “reali” lil terzi ta’ LCDs integrati fi prodott lest, l-hekk imsejjaħ “prodott ipproċessat”. F’dan il-każ, setgħet tinfetaħ kawża kontra InnoLux minn awtorità tal-kompetizzjoni fl-Ażja għal eżattament l-istess bejgħ bħal dak inkwistjoni hawnhekk.

33.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni jidher li nesiet li, ġustament, il-Qorti Ġenerali diġà ċaħdet argument simili mressaq mir-rikorrenti fis-sentenza Europa Carton vs Il-Kummissjoni (T-304/94, EU:T:1998:89, punti 113 u 121 sa 123), jiġifieri li l-kunsinni interni ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni, peress li dawn ma jikkostitwixxux “bejgħ reali”. Bħalma indikajt, dan l-approċċ kien reċentement ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C-580/12 P, EU:C:2014:2363).

34.

Sabiex nikkonkludi, jiena naħseb li l-bejgħ intern għandu jittieħed inkunsiderazzjoni bħala bejgħ lil terzi, iżda jiġi eskluż jekk iseħħ barra mit-territorju tal-Unjoni, li jwassalni biex nikkunsidra l-kawża taħt l-angolu tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-dritt tal-Unjoni.

b) Il-Kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-dritt tal-Unjoni

35.

Jista’ jkun interessanti f’dan l-istadju li jiġi indirizzat parallel bejn ir-regoli inkwistjoni hawnhekk u dawk applikabbli fl-Istati Uniti. Bil-kontra tas-sezzjoni 1 tax-Sherman Act, liġi Amerikana li tipprojbixxi, b’manjiera ġenerali, kull attentat biex jiġi llimitat il-kummerċ bejn diversi Stati jew pajjiżi barranin u ma tipprevedix limitazzjoni ġeografika, l-Artikolu 101 TFUE jipprojbixxi, b’mod espress, “l-akkordji kollha bejn impriżi [...] u l-prattiċi kollha miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern” (enfasi miżjuda minni). L-istess regola toħroġ mutatis mutandis mill-formulazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE “kull abbuż [...] minn pożizzjoni dominanti fi ħdan is-suq intern”.

36.

Huwa, fil-fatt, fl-analiżi tal-formulazzjoni stess tal-Artikolu 101 TFUE (f’dak iż-żmien, l-Artikolu 85 KE) li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, fis-sentenza “Polpa tal-injam I” (punti 11 et seq) li prattika miftiehma tista’ tillimita l-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, u għalhekk tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Artikolu 85 KE, biss jekk din kienet tikkonċerna bejgħ tal-prodott rilevanti direttament lix-xerrejja stabbiliti fil-Komunità u jekk il-bejjiegħa jkunu involuti f’kompetizzjoni fuq prezz biex jieħdu l-ordnijiet ta’ dawn il-klijenti.

37.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet f’dan is-sens fuq il-bażi tal-analiżi tal-formulazzjoni tal-Artikolu 85 KE billi żiedet li, “[f’]dawn iċ-ċrikustanzi, il-kompetenza tal-Komunità sabiex tapplika r-regoli ta’ kompetizzjoni tagħha fir-rigward ta’ tali mġiba taqa’ taħt il-prinċipju ta’ territorjalità li huwa rrikonoxxut universalment fid-dritt internazzjonali pubbliku” (punt 18 tal-istess sentenza). L-Artikolu 101 TFUE (jew, barra minn hekk, l-Artikolu 102 TFUE) ma jqajjimx għalhekk kwistjonijiet ta’ kompetenza ratione loci fir-rigward tad-dritt internazzjonali pubbliku peress li, preċiżament, minħabba l-mod kif inhu fformulat, ma għandux ikun applikat b’mod extraterritorjali.

38.

Huwa għal din ir-raġuni li ma huwiex meħtieġ li jkun hemm fl-Unjoni l-ekwivalenti tal-liġi Amerikana intitolata “The Foreign Trade Antitrust Improvements Act” li introduċiet permezz ta’ leġiżlazzjoni t-test imsejjaħ “effetti kkwalifikati” biex teskludi mis-Sezzjoni 1 tax-Sherman Act imġiba mwettqa barra mill-pajjiż u li ma għandhiex “effett dirett, sostanzjali, u raġonevolment prevedibbli fuq il-kummerċ Amerikan”. Fil-fatt, bil-kontra tax-Sherman Act, il-formulazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE jindikaw b’mod ċar li dawn tal-aħħar jikkonċernaw biss prattiki li jnaqqsu l-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni u mhux barra minnha.

39.

F’dan il-kuntest, nirreferi għall-kawża reċenti Motorola Mobility vs AU Optronics (Nru 14-8003) imressqa quddiem il-US Court of Appeals (7th Circuit), u li kienet tikkonċerna l-istess akkordju dinji bħal dak fl-oriġini ta’ dan l-appell. Din il-kawża qajmet kwistjonijiet u ppreżentat fatti simili għal dawk inkwistjoni hawnhekk, b’mod partikolari l-applikazzjoni extraterritorjali tad-dritt (American f’dan il-każ) tal-kompetizzjoni. F’din il-kawża, Motorola, stabbilita fl-Istati Uniti, akkużat kartell internazzjonali (l-istess wieħed bħal hawnhekk) bi ksur tax-Sherman Act permezz ta’ akkordju fuq il-prezz tal-LCDs mibjugħa lil xi wħud mis-sussidjarji tagħha, stabbiliti barra mit-territorju Amerikan, li kienu inkorporawhom fi prodotti lesti, u wara kkunsinnati lill-kumpannija parent tagħhom fl-Istati Uniti.

40.

F’“amicus curiae brief” indirizzata lill-US Court of Appeals, l-awtorità Belġjana tal-kompetizzjoni ( 11 ) targumenta favur interpretazzjoni restrittiva tal-ġurisdizzjoni ratione loci tad-dritt antitrust Amerikan b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ korteżija internazzjonali (comitas gentium) u tirrileva li applikazzjoni estensiva tad-dritt Amerikan ikollha bħala effett li thedded (l-effikaċja ta’) l-applikazzjoni tad-dritt Belġjan u d-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni kif ukoll dak ta’ pajjiżi oħra. Xi “amicus curiae briefs” simili ġew ippreżentati f’din il-kawża, b’mod partikolari mit-Tajwan u mill-Ġappun.

41.

Fis-sentenza mogħtija xi xhur wara s-sentenza appellata, il-U.S. Court of Appeals ċaħdet l-ilment ta’ Motorola u ddeċidiet li x-Sherman Act ma kienx applikabbli, għar-raġuni li l-effetti tal-kartell fuq is-suq Amerikan — jekk wieħed jassumi li jkunu sostanzjali u raġonevolment prevedibbli — kienu ta’ natura “indiretta”, peress li l-parteċipanti fl-akkordju ma biegħux l-LCDs fl-Istati Uniti, iżda li dawn nbiegħu barra mill-pajjiż lil impriżi (sussidjarji ta’ Motorola) li inkorporawhom fi prodotti li wara ġew esportati u mibjugħa mill-ġdid fl-Istati Uniti. Hija enfasizzat ukoll ir-riskju li jingħata kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ wisq lix-Sherman Act.

42.

Dan kollu juri li, f’din il-kawża wkoll, interpretazzjoni wiesgħa tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jista’ jwassal għal kunflitti ta’ kompetenza ma’ awtoritajiet tal-kompetizzjoni barranin kif ukoll għal inkriminazzjonijiet doppji għall-impriżi.

43.

Il-Qrati tal-Unjoni fuq kollox dejjem irrikonoxxew l-importanza tal-osservanza stretta tal-ġurisdizzjoni ratione loci ( 12 ) sabiex jiġi evitat ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem ( 13 ), minqux fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Jirriżulta mis-sentenza SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni (C-308/04 P, EU:C:2006:433, b’mod partikolari, il-punti 29 u 32) li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-fatt li awtorità tal-kompetizzjoni tmur lil hinn mill-kompetenza ratione loci tagħha jista’ jwassal għal sanzjonijiet konkorrenti għall-impriżi taħt investigazzjoni. F’dan il-każ, jekk il-Kummissjoni timponi multa għal tranżazzjoni dwar komponent ikkunsinnat f’pajjiż mhux membru taż-ŻEE għar-raġuni li l-prodott lest li jinkorpora fih dan il-komponent inbiegħ fiż-ŻEE, l-istess tranżazzjoni tista’ tiġi ssanzjonata darbtejn. L-ewwel darba fl-Istat mhux membru taż-ŻEE fejn il-komponent ikun ġie kkunsinnat, u għat-tieni darba fiż-ŻEE (skont l-approċċ tal-Kummissjoni li jgħid li dan il-komponent huwa inkorporat fi prodott lest li kien suġġett għal bejgħ finali fiż-ŻEE).

44.

Jiena jidhirli li, mingħajr turija addizzjonali tal-effetti kkwalifikati tal-akkordju fi ħdan iż-ŻEE, il-Kummissjoni qed tmur wisq ’il bogħod meta tissanzjona akkordji fuq prodotti mmanifatturati u mibjugħa barra miż-ŻEE, għall-unika raġuni li huma jiġu mbagħad “ipproċessati” jew integrati fi prodotti oħrajn li (kollha kemm huma jew ftit minnhom) jaslu fiż-ŻEE.

c) Effetti tal-akkordju fiż-ŻEE permezz tal-prodotti lesti: il-kriterji ta’ “effetti kkwalifikati” u ta’ “implimentazzjoni”

45.

Nirrileva li, inizjalment, fil-bidu tal-proċedura ta’ ksur, il-Kummissjoni kienet ikklassifikat il-bejgħ inkwistjoni hawnhekk bħala “bejgħ ŻEE indirett” (ara l-premessi 391 et seq tad-deċiżjoni inkwistjoni). Huwa biss wara li hija ddeċidiet li tikklassifikah minflok bħala “bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati” ( 14 ). Dan kien sforz mill-Kummissjoni biex tiġġustifika aħjar l-użu ta’ kunċett ġdid?

46.

Fi kwalunkwe każ, fl-opinjoni tiegħi, ma huwiex possibbli li jitqies li l-bejgħ fiż-ŻEE ta’ prodotti lesti, li jinkorporaw fihom l-LCDs, magħmula mill-grupp InnoLux stabbilita barra miż-ŻEE jikkostitwixxi fis-sens tas-sentenza “Polpa tal-injam I” l-implementazzjoni fiż-ŻEE ta’ akkordju fuq il-prezzijiet li jikkonċerna l-bejgħ tal-LCDs. Fil-fatt, ma huwiex possibbli li tali bejgħ jiġi assimilat ma’ bejgħ fiż-ŻEE ta’ LCDs bi prezzijiet suġġetti għal kartell. Minn naħa, il-bejgħ ta’ prodotti lesti fih innifsu ma jistax jiġi kkaratterizzat bħala l-implementazzjoni fiż-ŻEE tal-kartell LCD, peress li l-bejgħ tal-prodotti lesti li jinkorporaw fihom l-LCDs ma jidħlux fil-kamp tal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE kkonstatat mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, l-LCDs inkorporati huma nnifishom ma kinux suġġetti għal bejgħ bi prezzijiet ikkoordinati fiż-ŻEE. F’dan il-każ, l-“implimentazzjoni” saret barra miż-ŻEE waqt il-kunsinna tal-LCDs lill-entitajiet li inkorporawhom fi prodotti lesti.

47.

Li wieħed jittratta b’mod differenti, mill-perspettiva tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, il-bejgħ indirett tal-LCDs fiż-ŻEE skont jekk il-“prodotti pproċessati” jitqegħdux fis-suq minn impriżi terzi li jkunu akkwistaw l-LCDs minn membri tal-akkordju jew jitpoġġewx fis-suq minn sussidjarji ta’ membri tal-akkordju li jkunu akkwistaw l-LCDs wara kunsinni fi ħdan grupp integrat vertikalment, ikollu bħala konsegwenza li jiżvantaġġa lil dawn tal-aħħar fir-rigward tal-manifatturi tal-LCDs li ma jkunux integrati ’l isfel ( 15 ).

48.

Huwa għalhekk ċar li l-unika ġustifikazzjoni tal-kompetenza tal-Kummissjoni għall-bejgħ inkwistjoni tista’ tkun biss bl-applikazzjoni tal-kriterju tal-“effetti kkwalifikati”.

i) Il-kriterju tal-“effetti kkwalifikati” b’mod ġenerali

49.

Diversi avukati ġenerali tkellmu favur ir-rikonoxximent ta’ dan il-kriterju mill-Qorti tal-Ġustizzja, ħaġa li tippermetti li jiġi applikat id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għal imġiba jew ftehimiet antikompetittiv li jiġu kkonstatati barra miż-ŻEE iżda li jkollhom riperkussjonijiet fit-territorju taż-ŻEE. Dan kien, b’mod partikolari, il-każ tal-Avukat Ġenerali Mayras fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni (48/69, EU:C:1972:32) (fejn l-akkordju kellu effetti diretti u immedjati, sostanzjali u prevedibbli fil-Komunità) u tal-Avukat Ġenerali Darmon fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi magħquda Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni (89/85, 104/85, 114/85, 116/85, 117/85 u 125/85 sa 129/85, EU:C:1988:258) ( 16 ).

50.

Il-Kummissjoni nnifisha ilha tgħid għal ħafna żmien li l-kriterju tal-“effetti kkwalifikati” jiffissa l-limitu estern tal-kompetenza tagħha ( 17 ).

51.

Fis-sentenza tagħha Gencor vs Il-Kummissjoni (T-102/96, EU:T:1999:65, punt 92), il-Qorti Ġenerali wkoll użat dan il-kriterju billi eżiġiet, fil-kuntest ta’ kontestazzjoni dwar il-kompetenza tal-Kummissjoni biex tapplika r-regolament dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi għal konċentrazzjoni li saret bejn żewġ entitajiet stabbiliti barra mill-Komunità ( 18 ), li jkun hemm “effett immedjat, sostanzjali u prevedibbli”. Jiena ma nara l-ebda raġuni għaliex dan il-kriterju għandu jkun limitat biss għall-konċentrazzjonijiet ( 19 ).

52.

Il-Qorti Ġenerali osservat ukoll fis-sentenza Haladjian Frères vs Il‑Kummissjoni ( 20 ) fir-rigward ta’ “akkordju li jikkonċerna prodotti mixtrija fl-Istati Uniti sabiex jinbiegħu f’[l-Unjoni li] [...] [i]s-sempliċi fatt li mġiba tipproduċi ċerti effetti, ikunu li jkunu, fuq l-ekonomija ta’ [l-Unjoni] ma jikkostitwixxix minnu nnifsu rabta suffiċjentement stretta sabiex tippermetti li tiġi stabbilita l-kompetenza ta’ [l-Unjoni]. Sabiex ikun jista’ jittieħed in kunsiderazzjoni, dan l-effett għandu jkun sostanzjali, jiġifieri kunsiderevoli u mhux ta’ importanza żgħira”.

53.

Huwa veru li għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ċaħdet il-kriterju tal-“effetti kkwalifikati”, hija lanqas qatt ma ppronunċjat ruħha espressament fuq il-possibbiltà li jintuża ( 21 ). Anki jekk jiena favur ta’ dan, il-problema ma tqumx f’dan l-appell, peress li, fil-fehma tiegħi, id-dimostrazzjoni mill-Kummissjoni ta’ effetti kkwalifikati tal-akkordju fuq il-kompetizzjoni fi ħdan iż-ŻEE ma hijiex biżżejjed.

ii) Dimostrazzjoni “tal-effetti kkwalifikati” f’din il-kawża?

54.

Peress li ż-ŻEE hija s-suq protett bir-regoli applikabbli f’dan il-każ, huwa diffiċli a priori li wieħed jagħmel konnessjoni bejn il-bejgħ fl-Ażja fil-kawża inkwistjoni mar-regoli ta’ kompetizzjoni taż-ŻEE jew mal-istruttura tal-kompetizzjoni fiż-ŻEE ta’ prodotti kkontemplati mill-ksur, sakemm dak li jkun ma jikkonkludix, wara analiżi tas-suq tal-prodott lest fiż-ŻEE, li l-akkordju fis-suq Ażjatiku li jikkonċerna l-LCDs suġġetti għal kartell ukoll wassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-prodotti lesti fiż-ŻEE. Issa, fid-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni ma timxix b’dan il-mod u la tindika u lanqas turi b’mod suffiċjenti li l-kompetizzjoni tkun ġiet distorta fiż-ŻEE fis-suq tal-prodotti lesti u lanqas li l-ksur kien jestendi għall-fissazzjoni tal-prezz jew għall-bejgħ tal-prodotti lesti li fihom ġew integrati LCDs suġġetti għal kartell.

55.

Il-Kummissjoni kkonstatat fid-deċiżjoni inkwistjoni ksur wieħed biss tal-Artikolu 101 TFUE ( 22 ) marbut unikament mal-LCDs (ara l-premessi 1 u 377 tad-deċiżjoni inkwistjoni), billi osservat sempliċement li “l-bejgħ ta’ screens LCDs lil klijenti intra-ażjendali kienu jagħmlu parti mid-diskussjonijiet tal-akkordju inkwistjoni” u li wieħed seta’ “raġonevolment jissoponi li akkordju implementat kellu effetti fuq il-bejgħ dirett permezz tal-prodotti pproċessati” (premessa 394 tad-deċiżjoni inkwistjoni; enfasi miżjuda minni), li ċertament ma huwiex ekwivalenti għal dimostrazzjoni tal-effetti kkwalifikati tal-kartell fis-suq taż-ŻEE.

56.

Minn naħa, huwa ċar li (l-konstatazzjoni ta’) l-ksur ma jikkonċernax direttament il-prodotti lesti. min-naħa l-oħra, joħroġ mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja li lanqas ma jikkonċernahom b’mod indirett. Il-linji gwida tal-2006 jindikaw fil-fatt b’mod ċar, li l-kelma “indirett” li tidher fil-punt 13 tagħhom hija intiża li tkopri l-każijiet li fihom, “pereżempju għall-ftehim ta’ prezzijiet [...] li jirrigwardaw prodott partikolari, [...] il-prezz ta’ dan il-prodott iservi sussegwentement bħala bażi għall-prezz ta’ prodotti ta’ kwalità superjuri jew inferjuri” ( 23 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din is-sitwazzjoni ma tqumx f’dan il-każ. Mill-proċess ma jirriżultax li l-prezz suġġett għal kartell ta’ LCD jikkostitwixxi prezz ta’ referenza tal-LCDs ta’ kwalità superjuri jew inferjuri. Lanqas ma jirriżulta mill-proċess li huwa jservi ta’ riferiment għall-prezzijiet tal-prodotti lesti li jinkorporawh.

57.

Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 48 u 49 tas-sentenza appellata, li l-għażla tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-“bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati” kienet, fil-fehma tagħha, “għaldaqstant iktar iġġustifikata fil-każ fejn [irriżulta] mill-provi li jinsabu fid-deċiżjoni [appellata (premessa 394)], mhux ikkontestati mir-rikorrenti, li l-bejgħ ta’ LCDs suġġetti għal kartell intern għall-impriżi li jipparteċipaw fl-akkordju kien sar bi prezzijiet influwenzati minnu” u li “l-parteċipanti fl-akkordju kienu jafu li l-prezzijiet tal-LCDs suġġetti għal kartell kienu affettwaw dawk tal-prodotti lesti li jintegrawhom” (ara l-premessi 92 u 93 tad-deċiżjoni inkwistjoni). Issa, minkejja li dan forsi kien il-każ, xorta jibqa’ l-fatt li dawn il-kunċetti ta’ “influwenza” u li “jolqtu” ma humiex biżżejjed biex juru l-“effetti kkwalifikati” fiż-ŻEE. Barra minn hekk, jidher li dawn il-konstatazzjonijiet jirrigwardaw il-parteċipanti kollha fl-akkordju mingħajr ma jagħmlu distinzjoni bejn il-bejgħ intra-ażjendali “reali”, li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multa meta jkunu involuti fiż-ŻEE u dak li ma jkunx u li jista’ skont il-Kummissjoni jkun issostitwit b’bejgħ “reali” lil terzi ta’ LCDs integrati fi prodott lest ( 24 ).

58.

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali enfasizzat fil-punt 70 tas-sentenza appellata li l-Kummissjoni għandha tipproċedi kontra r-“riperkussjonijiet” li akkordju barra miż-ŻEE kellu “fuq il-kompetizzjoni fis-suq intern” u “timponi fuqha multa proporzjonali mal-ħsara ta’ dan l-akkordju fuq il-kompetizzjoni f’dan is-suq”. B’hekk, iżżid hi, “meta l-LCDs suġġetti għal kartell magħmula mir-rikorrenti jkunu ġew integrati f’prodotti lesti minn kumpanniji li jagħmlu parti mill-istess impriża bħar-rikorrenti u li dawn il-prodotti lesti jkunu nbiegħu fiż-ŻEE minn din l-impriża, għandu jiġi kkunsidrat li dan l-akkordju affettwa t-tranżazzjonijiet li seħħew sal-mument ta’ dan il-bejgħ inkluż”. Din il-konklużjoni jidhirli li hija mill-inqas mgħaġġla fis-sens li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li ksur fuq il-fissazzjoni tal-prezz tal-LCDs għandu neċessarjament effett fuq il-fissazzjoni tal-prezz tal-prodotti lesti. Barra minn hekk, diversi manifatturi ta’ prodotti lesti ma kinux involuti fil-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni inkwistjoni. Id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessa 394 tad-deċiżjoni inkwistjoni, li tgħid li “wieħed jista’ raġonevolment jissoponi li akkordju implementat kellu effetti fuq il-bejgħ dirett permezz tal-prodotti pproċessati” hija, bħalma l-Kummissjoni stess tammetti, biss ipoteżi, peress li l-Kummissjoni ma tipproduċi l-ebda prova fid-deċiżjoni inkwistjoni li l-bejgħ tal-prodotti lesti kien affettwat biżżejjed biex wieħed ikun jista’ jitkellem fuq “effetti kkwalifikati” fiż-ŻEE tal-akkordju inkwistjoni, kunċett li mill-inqas jeżiġi effetti immedjati, sostanzjali u prevedibbli u mhux sempliċement possibbli jew preżupposti.

59.

Jekk il-Kummissjoni trid tinkludi l-bejgħ inkwistjoni fil-kalkolu tal-multa, hija “ma tistax tillimita lilha nnifisha li tressaq biss preżunzjoni, iżda għandha tipprovdi [...] evidenza konkreta, kredibbli u suffiċjenti li tippermettilha li tevalwa l-impatt konkret li l-ksur seta’ jkollu fir-rigward tal-kompetizzjoni fuq l-imsemmija suq” (ara s-sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, EU:C:2009:505, punt 82). Ma huwiex għalhekk biżżejjed għall-Kummissjoni li tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ dawn l-effetti u wieħed jista’ jistaqsi wkoll jekk il-Kummissjoni fittxitx li tivverifika u li tkejjel l-impatt tal-akkordju fis-suq tal-prodotti lesti fiż-ŻEE.

60.

Għall-appellanti, problema oħra li jġib miegħu l-kunċett ta’ “bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati” ġejja mill-fatt li dan ibiddel b’mod artifiċjali l-post tat-tranżazzjoni inkwistjoni, mill-post fejn l-LCD ġie effettivament ikkunsinnat u użat għal dak fejn il-prodott lest, li fih ġie inkorporat dan l-LCD, inbiegħ. Issa, il-post tal-bejgħ tal-LCDs kien jinsab fl-Ażja u mhux fiż-ŻEE. Għalhekk, meta l-Kummissjoni tassimila l-bejgħ tal-prodott lest ma’ dak tal-LCD li huwa inkorporat fih, hija tittratta fil-fatt il-kunsinni interni ta’ screens li saru fi ħdan InnoLux, fit-Taiwan u fiċ-Ċina, daqs li kieku saru fiż-ŻEE, minkejja li hija kkunsidrat li l-kunsinni intra-ażjendali ta’ screens li saru minn Samsung mill-Korea t’Isfel lill-fabbriki tagħha fiż-ŻEE saru barra miż-ŻEE, għar-raġuni unika li Samsung tbigħ, barra miż-ŻEE, il-prodotti lesti li fihom hemm inkorporati l-LCDs ( 25 ).

61.

Huwa veru, bħalma qalet il-Kummissjoni fil-premessa 383 tad-deċiżjoni inkwistjoni, li “l-fatt li jittieħed il-kriterju ta’ kunsinna biex jiġi stabbilit il-valur tal-bejgħ joħloq rabta qawwija maż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali], iżda bħalma l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fis-sentenza Brouwerij Haacht vs Il‑Kummissjoni (T‑48/02, EU:T:2005:436, punt 59, li ma kinitx suġġetta għal appell), “l-evalwazzjoni, għal kalkolu tal-multa imposta minħabba l-ksur li seħħ, tal-kapaċità ekonomika effettiva ta’ l-atturi li toħloq dannu lill-operaturi l-oħra, b’mod partikulari lill-konsumaturi, topera b’referenza għal prodotti oħra apparti dawk li huma s-suġġett [tal-] kartell”.

62.

Bħalma jipprevedu l-linji gwida tal-2006, li l-Kummissjoni ma tistax titbiegħed minnhom mingħajr ġustifikazzjoni speċifika u oġġettiva kompatibbli b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ( 26 ) (li ma ġietx ipprovduta f’dan il-każ), il-multi għandhom ikunu bbażati fuq il-bejgħ li huwa s-suġġett tal-ksur. Il-Kummissjoni ma tistax għalhekk tieħu inkunsiderazzjoni l-bejgħ tal-prodotti downstream, jiġifieri l-prodotti li ma jagħmlux parti mill-ksur anki jekk prodotti li jagħmlu parti mill-ksur kienu inkorporati fihom bħala komponent.

iii) Fi kwalunkwe każ, xi jfisser il-kriterju ta’ “implimentazzjoni” ta’ akkordju?

63.

Fis-sentenza “Polpa tal-injam I” (punti 16 u 17), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-element “determinanti” tal-kompetenza tal-Kummissjoni biex tapplika l-projbizzjonijiet stabbiliti mid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ma kienx il-post ta’ fejn sar l-akkordju, iżda dak ta’ fejn l-akkordju jiġi implementat ( 27 ). Fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-kompetenza tal-Unjoni kienet “koperta mill-prinċipju ta’ territorjalità li huwa rikonoxxut universalment fid-dritt internazzjonali pubbliku”. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet innotat, fil-punt 12 tal-istess sentenza, “li s-sorsi prinċipali ta’ forniment ta’ polpa tal-injam [kienu] jinstabu barra mill-Komunità [...] u li s-suq [kellu], għalhekk, dimensjoni dinjija. Meta manifatturi ta’ polpa tal-injam stabbiliti f’dawn il-pajjiżi [barra mill-Unjoni] għamlu bejgħ direttament lil xerrejja stabbiliti fil-Komunità u meta daħlu f’kompetizzjoni fuq prezz biex iwasslu t-talbiet ta’ dawn il-klijenti, hemm kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni” (enfasi miżjuda minni). Huwa biss meta “dawn il-manifatturi jikkonsultaw fuq il-prezz li jagħtu lill-klijenti tagħhom stabbiliti fil-Kommunità u jimplementaw din il-konsultazzjoni billi jbiegħu bi prezzijiet effettivament ikkoordinati [li huma] jipparteċipaw f’konsultazzjoni li għandha bħala għan jew bħala riżultat li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, fis-sens tal-Artikolu 85 tat-Trattat” (punt 13 tas-sentenza “Polpa tal-injam I”; enfasi miżjuda minni), u l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, “f’dan il-każ, il-manifatturi [kienu] implementaw l-akkordju tagħhom fuq il-prezz fi ħdan is-suq komuni” (punt 17 tal-imsemmija sentenza).

64.

Sabiex tiġi eżaminata l-applikabbiltà tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, il-punt tat-tluq jikkonsisti għalhekk fl-identifikazzjoni tal-post fejn tiġi eżerċitata l-kompetizzjoni għall-prodott ikkonċernat bil-konsultazzjoni.

65.

Dak li jagħti lok għall-kompetenza tal-Unjoni bis-saħħa tal-kriterju ta’ implementazzjoni żviluppat fis-sentenza “Polpa tal-injam I” huwa bejgħ, fiż-ŻEE, tal-prodott rilevanti relatat mal-azzjoni ta’ kooperazzjoni, f’dan il-każ tal-LCDs ( 28 ). Issa, id-deċiżjoni inkwistjoni ma tikkonstata l-ebda azzjoni ta’ kooperazzjoni f’dak li jirrigwarda prodotti lesti li jintegraw fihom LCDs immanifatturati mill-parteċipanti fl-akkordju. Il-Qorti Ġenerali naqset ukoll milli tirrikonoxxi l-kriterju stabbilit fis-sentenza “Polpa tal-injam I” meta hija indikat, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li l-bejgħ ta’ prodotti lesti li jintegraw fihom l-LCDs “jaffettwa l-kompetizzjoni fiż-ŻEE”. Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-bejgħ ta’ prodotti lesti ma jsirx fis-suq taż-ŻEE kkonċernat bil-ksur, jiġifieri s-suq tal-LCDs. Fl-aħħar nett, b’differenza għal dak li l-Qorti Ġenerali qalet fil-punt 47 tas-sentenza appellata, ma huwiex biżżejjed li jiġi identifikat “il-bejgħ li jippreżenta [kwalunkwe] rabta maż-ŻEE” sabiex tiġi stabbilita l-applikabbiltà territorjali tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni bis-saħħa tal-kriterju stabbilit fis-sentenza “Polpa tal-injam I”. Dak li għandu jintwera huwa l-eżistenza tal-bejgħ, fi ħdan iż-ŻEE, tal-prodott ikkonċernat bil-ksur, jiġifieri l-LCDs u l-bejgħ ta’ prodott separat li jintegra l-LCD bħala komponent li ma huwa nnifsu s-suġġett tal-bejgħ u lanqas ma jissodisfa din il-kundizzjoni.

66.

Fl-aħħar nett, jiena naħseb li, fil-kuntest tal-kwistjoni ta’ kompetenza ratione loci li tqum f’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet obbligata li tinterpreta l-linji gwida tal-2006 b’mod restrittiv — a fortiori jekk infakkar li “l-proċedura li permezz tagħha tiġi imposta multa [mill-Kummissjoni] għall-ksur tal-projbizzjoni ta’ akkordji dwar l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-suq fl-Artikolu 81(1) KE taqa’ taħt il-‘kategorija kriminali’ tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, kif iddefinita b’mod progressiv mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem” ( 29 ).

67.

Minn dan kollu jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jintlaqa’.

68.

B’hekk, huwa neċessarju li s-sentenza appellata tiġi annullata peress li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-kunsinni intra-ażjendali tal-LCDs lill-fabbriki tar-rikorrenti fiċ-Ċina u fit-Tajwan kienu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE għar-raġuni unika li l-prodotti lesti li fihom kienu inkorporati l-LCDs bħala komponenti fil-fabbriki inkwistjoni jinbiegħu fiż-ŻEE mill-appellanti.

B – Fuq it-tieni aggravju, dwar l-allegata diskriminazzjoni fir-rigward tal-parteċipanti l-oħrajn fl-akkordju

69.

Permezz tal-ewwel parti, dwar l-użu tal-kunċett ta’ “impriża unika” bħala kriterju distintiv, l-appellanti ssostni li d-distinzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali bejn impriżi integrati vertikalment skont jekk jifformawx jew le impriża unika max-xerrejja tagħhom, ma hija bbażata fuq l-ebda differenza rilevanti. B’hekk, fis-sentenza LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni (T-128/11, EU:T:2014:88), il-Qorti Ġenerali, sabiex tiċħad l-argument ta’ LGD li l-bejgħ ta’ LCDs lill-kumpanniji parent tagħhom għandu jiġi eskluż, ma invokatx il-fatt li l-bejgħ inkwistjoni kien sar fi ħdan impriża unika. L-appellanti tirreferi wkoll għall-punt 140 ta’ din is-sentenza u targumenta li ma kien hemm ebda loġika li ssir distinzjoni bejn l-impriżi integrati vertikalment, skont jekk il-bejgħ rilevanti sarx lil sussidjarji assoċjati jew lil kumpaniji parent assoċjati.

70.

Il-Kummissjoni ssostni li l-ilment tal-appellanti ma huwiex fondat.

71.

Għandu l-ewwel nett jiġi osservat li, peress li t-tieni aggravju mqajjem mir-rikorrenti ma jistax iwassal għal annullament iktar wiesa’, normalment ma jkunx hemm lok li jiġi eżaminat ( 30 ). Huwa biss għall-kompletezza u b’mod sussidjarju (fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li ma timxix mal-konklużjonijiet tiegħi fuq l-ewwel aggravju) li qed neżamina t-tieni wieħed.

72.

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li d-distinzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali bejn il-parteċipanti fl-akkordju skont il-kriterju tal-kunċett ta’ “impriża” fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, sabiex jiġi ddeterminat x’jikkostitwixxi impriżi integrati vertikalment max-xerrejja tagħhom u dawk li jibqgħu awtonomi fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, hija msejsa fuq bażi soda fil-ġurisprudenza ( 31 ).

73.

Minbarra l-kwistjonijiet relatati, b’mod partikolari, mal-kompetenza extraterritorjali tal-Kummissjoni u mal-ġurisprudenza relatata magħha li huma eżaminati b’mod dettaljat fl-analiżi tal-ewwel aggravju, jiena naħseb li, sabiex jiddistingwu bejn il-kunsinni intra-ażjendali tal-bejgħ lil terzi, il-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali ma għamlux distinzjoni arbitrarja. Fil-fatt, f’dan il-każ, huma sempliċement iddistingwew l-impriżi integrati vertikalment minn dawk li ma kinux u, sabiex issir din id-distinzjoni, bil-kontra tad-dritt tal-kompetizzjoni Amerikan, il-kunċett (oġġettiv) ta’ “impriża unika” huwa rilevanti ħafna fid-dritt tal-Unjoni. Fl-opinjoni tiegħi, din il-parti għandha tiġi miċħuda għal din ir-raġuni biss.

74.

Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li qed issostni l-appellanti, is-sitwazzjoni ta’ LGD kienet differenti minn dik tal-impriżi integrati vertikalment bħal InnoLux. Fil-fatt, LGD kienet impriża distinta mill-kumpaniji parent tagħha. Minħabba n-nuqqas ta’ integrazzjoni vertikali, il-bejgħ kollu ta’ LCDs magħmul minn LGD lil dawn tal-aħħar fiż-ŻEE ttieħed inkunsiderazzjoni, sabiex tiġi kkalkolata l-multa, bħala “bejgħ ŻEE dirett”. Il-kunċett ta’ “impriża unika” għalhekk ippermetta li ssir distinzjoni oġġettiva bejn sitwazzjonijiet differenti.

75.

Għaldaqstant l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

76.

Fit-tieni parti ta’ dan it-tieni aggravju, dwar l-allegati żbalji li jikkonċernaw il-metodu applikat għall-kunsinni intra-ażjendali ta’ LCDs li saru minn LGD u AUO, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta invokat, fil-punti 93 u 94 tas-sentenza appellata, il-prinċipju ta’ legalità biex tiċħad l-argumenti tagħha li ġejjin mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, jirriżulta mis-sentenza Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u L-Kummissjoni vs Alliance One International et (C‑628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:479) li huwa biss meta parti titlob il-benefiċċju ta’ metodu ta’ kalkolu illegali tal-multa li l-prinċipju ta’ legalità jista’ jitqajjem biex dan il-benefiċċju jiġi rrifjutat lilu. Issa, f’dan il-każ, l-appellanti kienet ġiet miċħuda mill-benefiċċju ta’ metodu perfettament legali fil-kalkolu tal-multa. Il-metodu applikat għall-kunsinni intra-ażjendali ta’ LCDs mibjugħa minn LGD u AUO kellu jkun fil-fatt dak li l-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermaw fis-sentenzi Europa Carton vs Il-Kummissjoni (T‑304/94, EU:T:1998:89) u KNP BT vs Il-Kummissjoni (C‑248/98 P, EU:C:2000:625). Il-Qorti Ġenerali stess, fis-sentenza LG Display u LG Display Taiwan vs Il‑Kummissjoni (T‑128/11, EU:T:2014:88) kienet ikkonfermat il-legalità ta’ dan il-metodu u, b’hekk, qed tikkontradixxi lilha nnifisha.

77.

Il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti tal-appellanti huma infondati.

78.

Fl-opinjoni tiegħi, din il-parti tat-tieni motiv tfittex li tikkontesta r-raġunament superfluwu tas-sentenza appellata u, b’hekk, għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva. Fil-fatt, anki jekk il-Kummissjoni kienet ikkonkludiet bi żball li la LGD, LG Electronics u Philips u lanqas AUO u BenQ ma kienu jifformaw impriża unika, dan ma jistax ikun ta’ benefiċċju għar-rikorrenti.

79.

Fi kwalunkwe każ, bħalma l-Kummissjoni osservat ġustament, hija applikat, f’dan il-każ u bil-kontra tas-sitwazzjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il‑Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et (C-628/10 P u C-14/11 P, EU:C:2012:479), l-istess metodu (tal-impriża unika) għall-parteċipanti kollha fl-akkordju. Huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li xejn f’din is-sentenza ma jippermetti li jingħad li l-Qorti Ġenerali kellha wkoll tiddetermina, fir-rikors għal annullament imressaq minn InnoLux, jekk il-Kummissjoni applikatx b’mod korrett il-metodu użat ma’ LGD u ma’ AUO.

80.

Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala irrilevanti u, fi kwalunkwe każ, infondata. Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

IV – Fuq il-konsegwenzi tal-annullament tas-sentenza appellata kif ukoll fuq l-ispejjeż

81.

Skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-kawża ladarba tkun fi stat li tiġi deċiża. Dan huwa l-każ f’din il-kawża, għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi neċessarji kollha biex tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors.

82.

Il-multa mnaqqsa stabbilita mill-Qorti Ġenerali (qabel l-arrotondament) kienet ta’ EUR 288437850 (punt 163 tas-sentenza appellata; ara f’dan ir-rigward, il-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Għandu għalhekk titnaqqas minn din is-somma l-parti tal-multa attribwibbli għall-“bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati”, li jitla’ għal EUR 114681174. L-ammont tal-bażi totali tal-multa (qabel l-arrotondament) huwa għalhekk ta’ EUR 173756676. Din is-somma għandha mbagħad tiġi arrotondata ( 32 ) għall-ammont finali ta’ EUR 173000000. Inżid li l-Kummissjoni ma kkontestatx dawn iċ-ċifri pprovduti mill-appellanti fl-appell tagħha.

83.

Għal dak li jikkonċerna l-ispejjeż, peress li l-appell ta’ InnoLux huwa kkonfermat parzjalment, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha marbuta kemm mal-proċeduri fl-ewwel istanza kif ukoll f’dan l-appell, nofs l-ispejjeż ta’ InnoLux fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ proċeduri. InnoLux għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha marbuta ma’ dawn il-proċeduri.

V – Konklużjonijiet

84.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja:

li tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea InnoLux vs Il‑Kummissjoni (T-91/11, EU:T:2014:92) sa fejn ikkonfermat li l-multa imposta fuq InnoLux Corp. setgħet legalment tieħu inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ intra-ażjendali ta’ screens tal-kristalli likwidi b’livell attiv lill-fabbriki ta’ InnoLux Corp. fiċ-Ċina u t-Tajwan u li jkunu sussegwentement integrati fi prodotti lesti mibjugħa fiż-Żona Ekonomika Ewropea, u ta’ dan il-fatt wettqet żball ta’ liġi;

li tannulla d-deċiżjoni C(2010) 8767 finali tal-Kummissjoni, tat-8 ta’ Diċembru 2010, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu [101 TFEU] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Każ COMP/39.309 – LCD) sa fejn hija imponiet il-multa fuq InnoLux Corp. billi ħadet inkunsiderazzjoni l-valur tal-kunsinni intra-ażjendali ta’ screens tal-kristalli likwidi b’livell attiv lill-fabbriki ta’ InnoLux Corp. fiċ-Ċina u t-Tajwan u li jiġu sussegwentement integrati fi prodotti lesti mibjugħa fiż-Żona Ekonomika Ewropea;

li tiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq InnoLux Corp. għal EUR 173000000;

li tiċħad il-bqija tal-appell; u

li tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha marbuta kemm mal-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll f’dan l-appell, nofs l-ispejjeż ta’ InnoLux Corp. fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ proċeduri u tikkundanna lil InnoLux Corp. tbati nofs l-ispejjeż tagħha marbuta mal-imsemmija proċeduri.

85.

Sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li ma timxix mal-konklużjonijiet tiegħi fuq l-ewwel aggravju u tiċħdu, jiena nipproponi allura li tiċħad l-appell fit-totalità tiegħu u li tikkundanna lil InnoLux Corp. tbati l-ispejjeż ta’ din il-proċedura.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) T-91/11, EU:T:2014:92, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”. Din il-kawża tista’ tinqara flimkien mal-kawża LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni (C-227/14 P), li waqt il-kitba ta’ dawn il-konklużjonijiet tinsab pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li tikkonċerna l-istess akkordju, anki jekk dawn il-kawżi jqajmu kwistjonijiet ta’ natura differenti.

( 3 ) Deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2010 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [101 TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Każ COMP/39.309 – LCD) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”), li tagħha ġie ppubblikat sommarju f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Ottubru 2011 (ĠU C 295, p. 8).

( 4 ) Ara l-metodu applikat mill-Kummissjoni, b’mod partikolari, il-punti 8 u 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 5 ) Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-kawża Intel vs Il-Kummissjoni (C-413/14 P, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Quddiem il-Qorti Ġenerali, l-akkordju “Air Freight” [fost oħrajn, il-kawża Japan Airlines International vs Il-Kummissjoni (T‑36/11)] u l-akkordju “Cathode Ray Tubes” [fost oħrajn, il-kawża Samsung SDI vs Il-Kummissjoni (T‑84/13)].

( 6 ) Punti 155 sa 174 tas-sentenza appellata. Ma hemmx sovrappożizzjoni bejn it-tnaqqis tal-multa deċiża mill-Qorti Ġenerali fuq il-bażi ta’ dawn l-iżbalji u l-kategorija separata ta’ “bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati” li hija s-suġġett ta’ dan l-appell.

( 7 ) Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (C-580/12 P, EU:C:2014:272, punt 44). Barra minn hekk, ara s-sentenzi Team Relocations et vs Il-Kummissjoni (C-444/11 P, EU:C:2013:464, punt 76) kif ukoll Putters International vs Il-Kummissjoni (T-211/08, EU:T:2011:289, punt 59) li ma ġietx appellata.

( 8 ) Din hija r-raġuni għaliex l-allegata ħtieġa li “ma tipprivileġġax l-impriżi vertikalment integrati li pparteċipaw f’akkordju”, imsemmija fil-punt 74 tas-sentenza appellata, ma jikkostitwixxix, bħala prinċipju, raġuni valida biex jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan il-każ “bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati” (ara wkoll il-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 9 ) Għandu jiġi ppreċiżat li fil-passat diġà kien hemm ġurisprudenza fuq dan is-suġġett, bħalma spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (C-580/12 P, EU:C:2014:272, punti 21 et seq). Għalhekk, il-fatt li s-sentenza Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C-580/12 P, EU:C:2014:2363) ġiet wara s-sentenza appellata, ma għandha l-ebda rilevanza hawnhekk.

( 10 ) Din il-kwistjoni hija, essenzjalment, inkwistjoni fil-kawża Intel vs Il-Kummissjoni (C‑413/14 P), bħalissa pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fejn il-ħames aggravju mqajjem mill-appellanti jikkonċerna preċiżament il-kompetenza tal-Kummissjoni biex tapplika l-Artikolu 102 TFUE għal kuntratti ta’ bejgħ konklużi bejn Intel, kumpannija stabbilita fl-Istati Uniti, u Lenovo, impriża Ċiniża, dwar komponenti, jiġifieri mikro-proċessuri, li kellhom jiġu kkunsinnati fiċ-Ċina sabiex jiġu inkorporati f’kompjuters li Lenovo mmanifatturat fiċ-Ċina, iżda li x’aktarx jiġu kkummerċjalizzati sussegwentement fiż-ŻEE. Bħala prinċipju, f’dan ir-rigward, ma għandux ikun hemm fit-trattament ta’ din il-kwistjoni differenza bejn il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-kalkolu tal-multi inkwistjoni f’din il-kawża, minn naħa, u l-kompetenza tal-Kummissjoni biex tapplika l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, min-naħa l-oħra.

( 11 ) Ara l-“Brief of Belgian Competition Authority in Motorola Mobility LLC v AU Optronics Corp”, tal-10 ta’ Ottubru 2014. Din l-awtorità tikkwota s-sentenza tal-Cour d’appel Belġjana tat-12 ta’ Marzu 2014 fil-kawża 2013/MR/6 “Brabomills”, fejn din tal-aħħar ħassret il-multa imposta fuq Brabomills, għaliex il-multa ma kinitx ġiet ikkalkolata fuq il-bejgħ jew il-valur tal-bejgħ fil-Belġju, sa fejn il-Cour d’appel ma kinitx f’pożizzjoni li tevalwa jekk din il-multa kinitx tikkastiga lil Brabomills għall-ksur imwettaq fil-Belġju biss jew jekk kinitx tkopri wkoll il-ksur imwettaq fil-Pajjiżi l-Baxxi, li għaliha l-impriża kienet diġà ġiet issanzjonata f’dan il-pajjiż (u dan sabiex jiġi evitat ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem).

( 12 ) Jekk l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni barranin jimponu multi għall-implementazzjoni ta’ akkordju jew għall-effetti tiegħu fiż-ŻEE, dan jidħol fil-kompetenza ratione loci tal-Kummissjoni. Ara s-sentenzi Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni (T-236/01, T-244/01 sa T‑246/01, T-251/01 u T-252/01, EU:T:2004:118, punt 143), kif ukoll Hoechst vs Il‑Kummissjoni (T-410/03, EU:T:2008:211, punt 603). Bl-istess mod, jekk il-Kummissjoni timponi multi li ma jkunux relatati mal-implementazzjoni ta’ akkordju jew mal-effetti kkwalifikati fiż-ŻEE, hija taqbeż il-kompetenza tagħha.

( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni (T-224/00, EU:T:2003:195, punt 103) kif ukoll Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni (T-236/01, T-244/01 sa T-246/01, T‑251/01 u T-252/01, EU:T:2004:118, punt 143) (l-appell ġie miċħud fis-sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, C-397/03 P, EU:C:2006:328). Ara, ukoll, is-sentenza Showa Denko vs Il-Kummissjoni (C-289/04 P, EU:C:2006:431, punt 50).

( 14 ) Din id-denominazzjoni hija kemxejn kontradittorja peress li l-bejgħ huwa fl-istess waqt dirett u “permezz ta’”. Huwa ma għandux fi kwalunkwe każ il-karattru dirett tal-ewwel kategorija ta’ bejgħ (“bejgħ ŻEE dirett”).

( 15 ) Ara, ukoll, l-opinjoni tal-Professur P. Demaret, intitolata: “Note relative à l’arrêt du Tribunal InnoLux T-91/11”, Anness ECJ.A.6, mehmuż mal-appell ta’ InnoLux.

( 16 ) “Il-Kummissjoni ma tkunx mingħajr rimedju jekk, quddiem prattika miftiehma mibdija u li għaliha huma responsabbli biss impriżi barra mis-suq komuni, hija ssib ruħha mingħajr il-possibbiltà li tieħu ebda deċiżjoni fir-[rigward tagħhom]? Dan ikun, fl-istess ħin, rinunzja tal-protezzjoni tas-suq komuni, li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-oġġettivi maġġuri tal-Komunità” (punt 53).

( 17 ) Diġà, fid-deċiżjoni tagħha 69/243/KEE, tal-24 ta’ Lulju 1969, dwar proċedura fir-rigward tal-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/26.267 – “Koloranti”) (ĠU L 195, p. 11), il-Kummissjoni ssostni li “[t]he competition rules of the Treaty are [...] applicable to all restrictions of competition which produce within the Common Market effects set out in Article 85(1)”. Fid-deċiżjoni 85/202/KEE tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Diċembru 1984, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/29.725 – “Polpa tal-Injam”) (ĠU 1985 L 85, p. 1), fil-punt 79 tagħha, il-Kummissjoni indikat li “[t]he effect of the agreements [...] on prices announced and/or charged to customers and on resale of pulp with the EEC was [...] not only substantial but intended, and was the primary and direct result of the agreements” (it-test bil-lingwa Ingliża huwa l-uniku wieħed awtentiku). Id-deċiżjoni 85/206/KEE tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Diċembru 1984, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/26.870 – “Importazzjoni ta’ aluminjum mill-Ewropa tal-Lvant”) (ĠU 1985 L 92, p. 1) ukoll kienet ibbażata espressament fuq il-kriterju tal-effetti. Ara, ukoll, “the Commission’s Eleventh Report on Competition Policy – 1981”, Brussell, 1982, punt 34, u “the Commission’s Fourteenth Report on Competition Policy – 1984”, Brussell, 1985, punt 60.

( 18 ) Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Air Transport Association of America et (C-366/10, EU:C:2011:637, punt 148).

( 19 ) Ara, f’dan is-sens, ukoll, is-sentenza Intel vs Il-Kummissjoni (T-286/09, EU:T:2014:547, punt 231). Il-High Court (England and Wales) ukoll waslet għal din il-konklużjoni fil-kawża Adidas vs The Lawn Tennis Association et [2006] EWHC 1318 (Ch), punti 47 et seq. Ara wkoll, b’mod partikolari, Broberg, M. P., “The European Commission’s Extraterritorial Powers in Merger Control”, International and Comparative Law Quarterly, 49, 2000, p. 180, u Albors-Llorens, A., “Collective Dominance: A new mechanism for the control of oligopolistic markets?”, The Cambridge Law Journal, Vol. 59, Nru. 2, Ġunju 2000, p. 256. Barra minn hekk, il-kriterju ta’ implementazzjoni u dak tal-“effetti kkwalifikati” ma jwasslux dejjem għall-istess riżultat. Ara, b’mod partikolari, Griffin, J. P., “EC and US Extraterritoriality: Activism and Cooperation” 17, Fordham International Law Journal, 1994, p. 353, 360 et seq; Schwartz, I., u Basedow, J., “Restrictions on Competition”, III-35 International Encyclopedia of Comparative Law 1, 1995, p. 134 sa 139; u Baudenbacher, C., “The CFI’s Gencor Judgment – Some remarks on its global implications”, Liber amicorum en l’honneur de B. Vesterdorf, Bruylant, 2007, p. 557.

( 20 ) T-204/03, EU:T:2006:273, punt 167, li ma kinitx suġġetta għal appell.

( 21 ) Dan kien il-każ, b’mod partikolari, fis-sentenza “Polpa tal-Injam I”, għaliex — b’differenza għall-kawża preżenti — il-kriterju tal-“implimentazzjoni” tal-akkordju inkwistjoni ppermetta lill-Qorti tal-Ġustizzja tiġġustifika l-kompetenza tal-Kummissjoni fir-rigward tal-prinċipju tat-territorjalità.

( 22 ) Kif ukoll fl-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994 L 1, p. 3) (għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, qed nillimita ruħi għar-riferiment tal-Artikolu 101 TFUE biss).

( 23 ) In-nota ta’ qiegħ il-paġna fil-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006. Barra minn hekk, f’dan il-każ, wieħed jista’ jistaqsi jekk il-kunċett ta’ “bejgħ permezz ta’ prodotti pproċessati” huwiex xieraq bħala tali sa fejn il-prodotti lesti inkwistjoni (laptops żgħar, monitors tal-kompjuters jew settijiet tat-televiżjoni LCD) ma humiex verament LCDs “ipproċessati”, bħalma, pereżempju, smartphone ma jistax jiġi kklassifikat bħala screen, jew bħala mikro-proċessur “ipproċessat”. Huma prodotti totalment distinti li fihom LCD jiġi inkorporat bħala komponent, fost ħafna oħrajn. Issa, il-linji gwida tal-2006 jirreferu għal prodotti ta’ kwalità superjuri jew inferjuri għal dawk li għalihom il-prezz suġġett għal kartell iservi ta’ bażi, jiġifieri l-istess prodotti iżda ta’ kwalità differenti.

( 24 ) Minkejja li l-premessa 394 tad-deċiżjoni inkwistjoni tikkonċerna speċifikament it-tliet destinatarji integrati vertikalment tad-deċiżjoni inkwistjoni li għalihom ġie applikat il-kunċett ta’ “bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati”, il-premessa 396 tal-istess deċiżjoni tippreżenta eżattament l-istess provi f’dak li jikkonċerna LGD u AUO, li għalihom il-Kummissjoni applikat biss il-kunċett ta’ “bejgħ ŻEE dirett”.

( 25 ) Il-premessa 238 tad-deċiżjoni inkwistjoni tindika, b’mod ċar, li “l-bejgħ intra-ażjendali ta’ screens LCD — sa fejn dawn jispiċċaw bħala prodotti pproċessati mibjugħa fiż-ŻEE — għandhom għalhekk jittieħdu inkunsiderazzjoni [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ara, ukoll, il-premessa 395 tad-deċiżjoni inkwistjoni li tiddikjara li, “għall-kalkolu tal-valur tal-bejgħ, il-valur tal-iscreens rilevanti huwa inkluż sa fejn il-prodott ipproċessat jinbiegħ mill-membru tal-akkordju fiż-ŻEE lil impriża mhux affiljata”.

( 26 ) Sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni (C‑397/03 P, EU:C:2006:328, punt 91). F’dan il-kuntest, ara wkoll is-sentenza Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C-580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 55).

( 27 ) Ara, ukoll, is-sentenza Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni (T-395/94, EU:T:2002:49, punt 72), li hija bbażata fuq is-sentenza “Polpa tal-Injam I”.

( 28 ) Bħalma osserva ġustament Demaret, P., “L’application du droit communautaire de la concurrence dans une économie mondiale globalisée – La problématique de l’extraterritorialité”, f’La politique communautaire de la concurrence face à la mondialisation et à l’élargissement de l’Union européenne, Nomos Verlagsgesellschaft, 1999, p. 49, “[i]l-kriterju tas-sentenza Polpa tal-Injam ma kienx jinkludi sempliċi bejgħ, taħt il-forma ta’ ċertu valur tal-bejgħ, iżda l-eżekuzzjoni ta’ mġiba fil-Komunità bħala bejgħ bi prezzijiet miftiehma”.

( 29 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni (C-352/09 P), EU:C:2010:635, punti 48 sa 52, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża KME Germany et vs Il-Kummissjoni (C‑272/09 P, EU:C:2011:63, punt 64).

( 30 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Chronopost et vs Ufex et (C-83/01 P, C‑93/01 P u C-94/01 P, EU:C:2003:388, punt 43).

( 31 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni (48/69, EU:C:1972:70, punti 134, 135 u 140); Hydrotherm Gerätebau (170/83, EU:C:1984:271, punt 11), kif ukoll Arkema vs Il-Kummissjoni (C-520/09 P, EU:C:2011:619, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 ) Skont il-metodu ta’ arrotondament ikkonfermat mill-Qorti Ġenerali (punt 160 tas-sentenza appellata), meta arrotondament tal-ewwel żewġ ċifri jwassal għal tnaqqis ta’ inqas minn 2 % tal-ammont bażiku mhux arrotondat (3756676 huwa ekwivalenti għal 2.16 % ta’ 173756676), l-ammont imnaqqas tal-multa jiġi arrotondat għall-ewwel tliet ċifri.