SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

23 ta’ April 2015 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Tariffa Doganali Komuni — Klassifikazzjoni tariffarja — Nomenklatura Magħquda — Intestatura 1207 — Żrieragħ żejtnin — Intestatura 1209 — Żrieragħ intiżi għaż-żriegħ — Intestatura 1212 — Żrieragħ użati prinċipalment għall-konsum mill-bniedem, mhux imsemmija jew inklużi band’oħra — Importazzjoni ta’ żrieragħ tal-qargħa ħamra mhux ipproċessati u fil-qoxra tagħhom li joriġinaw miċ-Ċina”

Fil-Kawża C‑635/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul București (ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ April 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Diċembru 2013, fil-proċedura

SC ALKA CO SRL

vs

Autoritatea Națională a Vămilor – Direcția Regională pentru Accize și Operațiuni Vamale Galați, li kienet Autoritatea Națională a Vămilor – Direcția Regională pentru Accize și Operațiuni Vamale Constanța,

Direcţia Generală a Finanţelor Publice a Municipiului București,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn C. Vajda (Relatur), President tal-Awla, A. Rosas u E. Juhász, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Frar 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal SC ALKA CO SRL, minn C. Dobre, avukat,

għall-Gvern Rumen, minn R. H. Radu u V. Angelescu kif ukoll minn D. M. Bulancea u C. Sobu, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G.‑D. Balan u A. Caeiros, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NC”) li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjonijiet tagħha li jirriżultaw, suċċessivament, mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1549/2006, tas-17 ta’ Ottubru 2006 (ĠU L 301, p. 1), u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1214/2007, tal-20 ta’ Settembru 2007 (ĠU L 286, p. 1), kif ukoll l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, SC ALKA CO SRL (iktar ’il quddiem “ALKA”) u, min-naħa l-oħra, l-Autoritatea Națională a Vămilor – Direcția Regională pentru Accize și Operațiuni Vamale Constanța (awtorità nazzjonali tad-dwana – direttorat reġjonali tad-dazji tas-sisa u tat-tranżazzjonijiet doganali ta’ Constanța) u d-Direcţia Generală a Finanţelor Publice a Municipiului București (direttorat reġjonali tal-finanzi pubbliċi tal-muniċipalità ta’ Bukarest) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“awtorità doganali”), dwar il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ żrieragħ tal-qargħa ħamra importati miċ-Ċina fi ħdan in-NM.

Il-kuntest ġuridiku

Is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta ’ merkanzija

3

Il-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), twaqqaf permezz tal-Konvenzjoni dwar il-ħolqien tal-imsemmi kunsill, konkluża fi Brussell fil-15 ta’ Diċembru 1950. Is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”) tfasslet mill-ODD u ġiet stabbilita permezz tal-Konvenzjoni internazzjonali dwar is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u kodifikazzjoni ta’ merkanzija (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar is-SA”), konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983 u approvata, flimkien mal-protokoll li jemendaha tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

4

Skont l-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni dwar is-SA, kull Parti Kontraenti timpenja ruħha li n-nomenklaturi tariffarji u statistiċi tagħha jkunu konformi mas-SA, li tuża l-intestatura u s-subintestaturi tagħha, mingħajr żieda u mingħajr emenda, kif ukoll il-kodiċi marbuta magħhom, u li ssegwi l-ordni numerika tal-imsemmija sistema. Kull Parti Kontraenti timpenja ruħha wkoll li tapplika r-Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-SA kif ukoll in-noti kollha tas-sezzjoni, tal-kapitolu u tas-subintestatura tas-SA u li ma temendax il-portata ta’ dawn tal-aħħar.

In-NM

5

In-NM, stabbilita bir-Regolament Nru 2658/87, hija bbażata fuq is-SA li minnha tieħu l-intestaturi u subintestaturi b’sitt ċifri, b’mod li huma biss is-seba’ u t-tmien ċifra li jifformaw subdiviżjonijiet speċifiċi għaliha.

6

Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000, tal-31 ta’ Jannar 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 357), kull sena l-Kummissjoni Ewropea għandha tadotta regolament li jirriproduċi l-verżjoni kompleta tan-NM u tar-rati tad-dazju, kif tirriżulta mill-miżuri adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan ir-regolament beda japplika mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.

7

Il-verżjonijiet tan-NM applikabbli għall-importazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li twettqu bejn id-19 ta’ Frar 2006 u d-29 ta’ Mejju 2008, huma dawk li jirriżultaw mir-Regolamenti Nri 1549/2006 u 1214/2007. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tan-NM, li huma msemmija iktar ’il quddiem, huma redatti b’mod identiku f’kull waħda minn dawn il-verżjonijiet.

8

It-Tieni Parti tan-NM tinkludi t-Taqsima II, intitolata “Prodotti veġetali”, li tinkludi l-Kapitolu 12, intitolat “Żrieragħ u frott żejtnin; diversi qmuħ, żrieragħ u frott; pjanti industrijali jew mediċinali; tiben u magħlef”, li fih jinsabu l-intestaturi 1207, 1209 u 1212 tan-NM.

9

L-intestatura 1207 tan-NM hija fformulata kif ġej:

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

Rata konvenzjonali ta’ dazju (%)

[...]

1207

[...]

Żrieragħ u frott ieħor żejtnin, imkissrin jew le:

[...]

1207 20

‐ Żerriegħa tal-qoton:

 

1207 20 10

‐ ‐ Għaż-żriegħ [...]

[...]

1207 20 90

‐ ‐ Oħrajn

[...]

1207 40

‐ Ġulġlien:

 

1207 40 10

‐ ‐ Għaż-żriegħ

[...]

1207 40 90

‐ ‐ Oħrajn

[...]

1207 50

‐ Żerriegħa tal-mustarda:

 

1207 50 10

‐ ‐ Għaż-żriegħ [...]

[...]

1207 50 90

‐ ‐ Oħrajn

[...]

 

‐ Oħrajn:

 

1207 91

‐ ‐ Żerriegħa tal-peprin:

 

1207 91 10

‐ ‐ ‐ Għaż-żriegħ [...]

[...]

1207 91 90

‐ ‐ ‐ Oħrajn

[...]

1207 99

‐ ‐ Oħrajn:

 

1207 99 15

‐ ‐ ‐ Għaż-żriegħ [...]

[...]

 

‐ ‐ ‐ Oħrajn:

 

1207 99 91

‐ ‐ ‐ ‐ Qannebusa

[...]

1207 99 97

‐ ‐ ‐ ‐ Oħrajn

B’xejn

10

L-intestatura 1209 tan-NM hija fformulata kif ġej:

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

Rata konvenzjonali ta’ dazju (%)

[...]

1209

[...]

Żrieragħ, frott u spori, ta’ kwalita’ użati għaż-żriegħ:

[...]

1209 10 00

‐ Żerriegħa tal-pitravi

[...]

 

‐ Żrieragħ ta’ pjanti għall-għalf:

 

[...]

[...]

[...]

1209 30 00

‐ Żrieragħ ta’ pjanti erbaċej kultivati priċipalment għall-fjuri tagħhom

[...]

 

‐ Oħrajn:

 

1209 91

‐ ‐ Żrieragħ ta’ veġetali:

 

1209 91 10

‐ ‐ ‐ Żerriegħa tal-ġidra (Brassica oleracea L. var. caulorapa u gongylodes L.)

[...]

1209 91 30

‐ ‐ ‐ Żerriegħa tal-pitravi ta’ l-insalata jew żerriegħa tal-pitravi (Beta vulgaris var. conditiva)

[...]

1209 91 90

‐ ‐ ‐ Oħrajn

3

[...]

[...]

[...]

11

L-intestatura 1212 tan-NM hija fformulata kif ġej:

Kodiċi NM

Deskrizzjoni

Rata konvenzjonali ta’ dazju (%)

[...]

1212

[...]

Ħarrub, alki tal-baħar u alki oħrajn, pitravi u kannamieli, friski, imkessħin, friżati jew imnixxfin, mitħunin jew le; għadam u qlub tal-għadam tal-frott u prodotti veġetali oħrajn (inklużi għeruq mhux inkaljati taċ-ċikwejra tal-varjeta’ Cichorium intybus sativum) ta’ kwalita’ użata l-aktar għall-konsum uman, mhux imsemmijin jew inklużi band’oħra:

[...]

1212 20 00

‐ Alka tal-baħar u alki oħrajn

[...]

 

‐ Oħrajn:

 

1212 91

‐ ‐ Pitravi:

 

[...]

[...]

[...]

1212 99

‐ ‐ Oħrajn:

 

1212 99 20

‐ ‐ ‐ Kannamieli

[...]

1212 99 30

‐ ‐ ‐ Ħarrub

[...]

[...]

[...]

[...]

1212 99 70

‐ ‐ ‐ Oħrajn

B’xejn

12

L-Ewwel Parti tan-NM tinkludi ġabra ta’ dispożizzjonijiet preliminari. Taħt it-Titolu l ta’ din il-parti, dwar ir-regoli ġenerali, it-Taqsima A, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda”, tiddisponi:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għanda tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

It-titli tat-taqsimiet, kapitli u subkapitli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini tat-titli u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitlu relattiv u, sakemm dawn t-titli jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

[...]”

13

In-noti 1 u 3 tal-Kapitolu 12 tan-NM, li jirrigwardaw rispettivament l-intestatura 1207 u 1209 ta’ din in-nomenklatura, jipprevedi li:

“1.

Titlu [intestatura] 1207 japplika, fost l-oħrajn, għal ġewż tal-palm u qlub tagħhom, żerriegħa tal-qoton, żerriegħa taż-żejt ir-riġnu, ġulġlien, żerriegħa tal-mustarda, għosfor, żerriegħa tal-peprin u ġewż tax-shea (karite). Ma japplikax għall-prodotti ta’ titlu 0801 jew 0802 jew għaż-żebbuġ (Kapitlu 7 jew 20).

[...]

3.

Għall-għanijiet ta’ titlu 1209, żrieragħ tal-pitravi, tal-ħaxix u ta’ erbaċej oħrajn, żrieragħ ta’ fjuri ornamentali, żrieragħ ta’ veġetali, żrieragħ ta’ siġar tal-foresta, żrieragħ ta’ siġar tal-frott, żrieragħ ta’ ġulbiena (ħlief dawk ta’ l-ispeċi Vicia faba) jew ta’ lupini għandhom jitqiesu bħala ‘żrieragħ ta’ kwalità użata għaż-żriegħ’.

Titlu 1209, iżda, ma japplikax għal dawn li ġejjin, anke jekk għaż-żriegħ:

[...]

d)

prodotti ta’ titli 1201 sa 1207 jew 1211.”

In-noti ta ’ spjega għan-NM

14

Skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 2658/87, il-Kummissjoni tħejji noti ta’ spjega għan-NM, li hija tippubblika b’mod regolari f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dawk ippubblikati fit-28 ta’ Frar 2006 (ĠU C 50, p. 1), applikabbli fil-mument tal-importazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jinkludu tliet noti dwar is-subintestaturi 1207 99 98, 1209 91 90 u 1212 99 80 tan-NM.

15

Għandu jiġi osservat li l-enumerazzjoni ta’ dawn l-intestaturi fi ħdan l-imsemmija noti ta’ spjega kienet tirreferi għall-enumerazzjoni tan-NM kif kienet tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1719/2005, tas-27 ta’ Ottubru 2005, li jemenda l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 (ĠU L 286, p. 1). Issa, l-enumerazzjoni tas-subintestaturi 1207 99 98 u 1212 99 80 tan-NM ġiet emendata bir-Regolamenti Nri 1549/2006 u 1214/2007, applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, biex b’hekk saru s-subintestaturi 1207 99 97 u 1212 99 70 tan-NM, mingħajr ma ġie emendat il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

16

In-noti ta’ spjega għan-NM dwar is-subintestatura 1207 99 98 tan-NM, li għandhom għalhekk jinqraw bħala li jinterpretaw il-kamp ta’ applikazzjoni tas-subintestatura 1207 99 97 tan-NM, huma fformulati kif ġej:

“1207 99 98 Oħrajn

[...]

Dan is-subtitlu [subintestatura] jinkludi ukoll żrieragħ tal-qar[għ]a ħamra ħodor bil-ġilda ratba li ġenetikament jonqoshom is-saff suberizzat ta’ barra tal-qoxra taż-żerriegħa (Cucurbita pepo L. convar. citrullinia Greb. var. styriaca u Cucurbita pepo L. var. oleifera Pietsch). Dawn il-qar[għ]a ħomor huma prinċipalment imkabbrin għaż-żejt tagħhom u mhux għal użu bħala veġetali, iż-żrieragħ ta’ dawn ta’ l-aħħar jaqgħu taħt subtitlu 1209 91 90.

Dan is-subtitli ma jinkludix żrieragħ tal-qar[għ]a ħamra inkaljati (subtitlu 2008 19).”

17

In-noti ta’ spjega għan-NM dwar is-subintestatura 1209 91 90 tan-NM huma fformulati kif ġej:

“1209 91 90 Oħrajn

Dan is-subtitlu [subintestatura] jinkludi ż-żrieragħ ta’ qar[għ]a aħmar kultivat bħala veġetali meta jintużaw għal żriegħ, għall-ikel (eż. f’insalati), fl-industrija ta’ l-ikel (eż., fi prodotti tal-forn) jew għal għanijiet mediċinali.

Ara ukoll in-Noti ta’ Spjega għal subtitlu 1207 99 98.”

18

In-noti ta’ spjega għan-NM dwar is-subintestatura 1212 99 80 tan-NM, li għandhom jinqraw bħala li jinterpretaw il-kamp ta’ applikazzjoni tas-subintestatura 1212 99 70 ta’ din in-nomenklatura, jippreċiżaw li ż-żrieragħ tal- qargħa ħamra koperti mill-intestaturi 1207 jew 1209 tan-NM ma jaqgħux taħt din is-subintestatura.

In-noti ta ’ spjega tas-SA

19

L-ODD tapprova, skont il-kundizzjonijiet iffissati fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni dwar is-SA, in-noti ta’ spjega u l-opinjonijiet ta’ klassifikazzjoni adottati mill-kumitat tas-SA. In-noti ta’ spjega tas-SA adottati matul is-sena 2007 huma applikabbli għall-importazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

20

In-noti 1 u 3 li jinsabu fil-Kapitolu 12 tan-noti ta’ spjega tas-SA, intitolat “Żrieragħ u frott żejtnin; diversi qmuħ, żrieragħ u frott; pjanti industrijali jew mediċinali; tiben u magħlef” [traduzzjoni mhux uffiċjali], huma fformulati kif ġej:

“1.

L-intestatura 12.07 tapplika, fost oħrajn, għal ġewż tal-palm u qlub tagħhom, żerriegħa tal-qoton, żerriegħa taż-żejt ir-riġnu, ġulġlien, żerriegħa tal-mustarda, għosfor, żerriegħa tal-peprin u ġewż tax-shea (karite).

[...]

3.

Għall-għanijiet tal-intestatura 12.09, żrieragħ tal-pitravi, tal-ħaxix u ta’ erbaċej oħrajn, żrieragħ ta’ fjuri ornamentali, żrieragħ ta’ veġetali, żrieragħ ta’ siġar tal-foresta, żrieragħ ta’ siġar tal-frott, żrieragħ ta’ ġulbiena (ħlief dawk tal-ispeċi Vicia faba) jew ta’ lupini għandhom jitqiesu bħala ‘żrieragħ ta’ kwalità użata għaż-żriegħ’.

Madankollu, l-intestatura 12.09 ma tapplikax għal dawn li ġejjin, anke jekk ikunu intiżi għaż-żriegħ:

[...]

d)

il-prodotti li jaqgħu taħt l-intestaturi 12.01 sa 12.07 jew 12.11.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

21

Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet ġenerali li jinsabu fil-Kapitolu 12 tan-noti ta’ spjega tas-SA huma fformulati kif ġej:

“L-intestaturi 12.01 sa 12.07 jinkludu ż-żrieragħ u l-frott użati normalment għall-estrazzjoni, permezz ta’ tagħsir jew ta’ solventi, ta’ żjut jew ta’ xaħmijiet kommestibbli jew industrijali, kemm jekk ikunu intiżi effettivament għal dan il-użu, għaż-żriegħ jew inkella għal għanijiet oħra. [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

22

In-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 1207 huma fformulati kif ġej:

“Din l-intestatura tinkludi ż-żrieragħ u l-frott użati għall-estrazzjoni ta’ żjut jew ta’ xaħmijiet kommestibbli jew industrijali, minbarra dawk imsemmija fl-intestaturi 12.01 sa 12.06 (ara wkoll il-kunsiderazzjonijiet ġenerali).

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

23

Skont in-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 1209, iż-żrieragħ u l-frott żejtnin koperti mill-intestaturi 1201 sa 1207 tas-SA huma esklużi minn din l-intestatura.

24

In-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 1212 huma fformulati kif ġej:

“[...]

D)

Għadam u qlub tal-għadam tal-frott u prodotti veġetali oħra (inklużi għeruq mhux inkaljati taċ-ċikwejra tal-varjeta’ Cichorium intybus sativum) użati prinċipalment għall-konsum mill-bniedem, mhux imsemmija jew inklużi band’oħra.

F’dan il-grupp huma inklużi l-għadam tal-frott u ta’ prodotti veġetali oħra, mhux imsemmija jew inklużi band’oħra, użati prinċipalment għall-konsum mill-bniedem, direttament jew wara pproċessar.

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

25

ALKA hija kumpannija import-export li għandha s-sede tagħha fir-Rumanija u li l-attività prinċipali tagħha tikkonsisti fil-kummerċ bl-ingrossa ta’ kafé, ta’ kawkaw u ta’ ħwawar.

26

Matul il-perijodu bejn id-19 ta’ Frar 2007 u d-29 ta’ Mejju 2008, ALKA importat fir-Rumanija 1560 xkora ta’ żrieragħ tal-qargħa ħamra mhux ipproċessati u fil-qoxra tagħhom, li kienu joriġinaw miċ-Ċina u li kellhom id-deskrizzjoni segwenti “chinese white pumpkin seeds size: 13 cm” (żrieragħ tal-qargħa ħamra bajda Ċiniżi, daqs: 13 cm).

27

Fil-mument tat-twettiq tal-formalitajiet tar-rilaxx doganali, ALKA kklassifikat ż-żrieragħ tal-qargħa ħamra importati taħt is-subintestatura tariffarja 1207 99 97 tan-NM, li għaliha hija prevista eżenzjoni mid-dazju doganali fuq l-importazzjoni.

28

Wara spezzjoni mwettqa mill-uffiċċju doganali ta’ Constanța Sud (ir-Rumanija), l-ispettur tad-dwana qies li ż-żrieragħ tal-qargħa ħamra importati kellhom jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura tariffarja 1209 91 90 tan-NM, li għaliha d-dazju doganali fuq l-importazzjoni huwa ta’ 3 %. Konsegwentement, l-uffiċċju doganali ta’ Constanța Sud adottat, fit-2 ta’ Frar 2009, deċiżjoni li permezz tagħha d-dazji doganali differenzjali fuq l-importazzjoni kellhom jitħallsu minn ALKA, jiġifieri 153748 lei Rumeni (RON) bħala dazji doganali, RON 29209 bħala taxxa fuq il-valur miżjud u RON 77536 bħala interessi moratorji, b’total ta’ RON 260493.

29

ALKA ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni ta’ regolarizzazzjoni, li ġie miċħud mill-awtorità doganali. Wara ċ-ċaħda ta’ dan l-ilment, ALKA ressqet kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, li laqgħat ir-rikors tagħha. Madankollu, l-awtorità doganali appellat kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Curtea de Apel București (qorti tal-appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), li laqgħat l-appell peress li l-qorti tar-rinviju ma applikatx b’mod korrett ir-regoli dwar l-amministrazzjoni tal-prova għal dak li jirrigwarda l-użu effettiv taż-żrieragħ tal-qargħa ħamra importati. Konsegwentement, il-Curtea de Apel București bagħtet lura l-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex tiġi deċiża mill-ġdid.

30

Adita għal darb’oħra bil-kawża, il-qorti tar-rinviju qieset li sabiex tinstab soluzzjoni għaliha hija meħtieġa interpretazzjoni tal-intestaturi 1207 u 1209 tan-NM.

31

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunalul București (qorti reġjonali ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Iż-żerriegħa tal-qargħa ħamra (ħaxix) fil-qoxra, intiża li tiġi sottomessa għal trattament termiku u mekkaniku sabiex tintuża għall-konsum mill-bniedem (bħala ikel li huwa snack) għandha tiġi kklassifikata taħt l-intestatura tariffarja 1207 [...] jew taħt l-intestatura tariffarja [...] tan-[NM]?

2)

Iż-żerriegħa tal-qargħa ħamra (ħaxix) fil-qoxra, intiża li tiġi sottomessa għal trattament termiku u mekkaniku sabiex tintuża għall-konsum mill-bniedem (bħala ikel li huwa snack) għandha tiġi kklassifikata, skont in-noti ta’ spjega għan-[NM], taħt l-intestatura tariffarja 1207 [...] jew taħt l-intestatura tariffarja 1209 [tan-NM]?

3)

Jekk teżisti kuntradizzjoni bejn il-klassifikazzjoni tariffarja li tirriżulta mit-tariffa doganali komuni u dik li tirriżulta min-noti ta’ spjega [għan-NM] għal dak li jirrigwarda l-istess prodott (żerriegħa tal-qargħa ħamra — ħaxix — fil-qoxra), liema minn dawn il-klassifikazzjonijiet tariffarji japplikaw fil-każ ineżami?

4)

Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 109(a), 110 u 256(3) tar-Regolament Nru 2454/93, proċeduri amministrattivi speċjali bħas-sottomissjoni ta’ talba jew il-preżentazzjoni quddiem ċerta awtorità huma neċessarji sabiex iċ-ċertifikat EUR.1 jipproduċi l-effett speċifiku tiegħu jiġifieri li l-organi doganali japplikaw l-iskema tariffarja doganali preferenzjali prevista fl-Artikolu 98 tal-imsemmi regolament?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda

32

Permezz tal-ewwel tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk iż-żrieragħ tal-qargħa ħamra inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 1207 jew 1209 tan-NM.

33

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-qasam tal-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha huwa li tipprovdi kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom din tal-aħħar tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM iktar milli tikklassifikahom hija stess, u dan iktar u iktar minħabba li hija mhux neċessarjament ikollha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi kollha indispensabbli f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, jidher li l-qorti nazzjonali tkun tinsab f’pożizzjoni aħjar sabiex tagħmel dan (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Panasonic Italia et, C‑472/12, EU:C:2014:2082, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tipproċedi bil-klassifikazzjoni tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tar-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula lilha (sentenza Panasonic Italia et, C‑472/12, EU:C:2014:2082, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Barra minn hekk, mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni u minn dawk ifformulati mill-partijiet waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali jirriżulta li, fid-dawl tas-sentenza Sunshine Deutschland Handelsgesellschaft (C‑229/06, EU:C:2007:239, punti 30 sa 32), il-klassifikazzjoni ta’ żrieragħ tal-qargħa ħamra inkwistjoni fil-kawża prinċipali taħt l-intestatura 1212 tan-NM tista’ tkun rilevanti wkoll.

36

Konsegwentement, dawn l-ewwel tliet domandi għandhom jiġu fformulati mill-ġdid fis-sens li l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kriterji li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi ddeterminat jekk iż-żrieragħ tal-qargħa ħamra inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 1207, 1209 jew 1212 tan-NM.

37

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità ta’ stħarriġ, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jiġi identifikat mill-karatteristiċi u mill-proprjetajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u min-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu. Dawn il-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi għandhom jiġu vverifikati fil-mument tar-rilaxx doganali (sentenza Panasonic Italia et, C‑472/12, EU:C:2014:2082, punti 35 u 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Għal dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-intestatura 1207 tan-NM, għandu jiġi osservat li din hija intitolata “Żrieragħ u frott ieħor żejtnin, imkissrin jew le”, iżda li l-NM ma tagħtix definizzjoni tat-tifsira tal-kliem “żrieragħ u frott ieħor żejtnin” fis-sens ta’ din l-intestatura.

39

Huwa ġeneralment aċċettat li l-kunċett ta’ “żrieragħ u frott żejtnin” ikopri dawk li minnhom jista’ jiġi estratt żejt.

40

Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll in-noti ta’ spjega għan-NM u tas-SA li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv għall-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tariffarji mingħajr, madankollu, ma għandhom is-saħħa obbligatorja ta’ liġi, b’tali mod li l-kontenut tagħhom għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tan-NM u ma jistax jemenda l-portata tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Sunshine Deutschland Handelsgesellschaft, C‑229/06, EU:C:2007:239, punt 27).

41

Qabelxejn, għal dak li jirrigwarda n-noti ta’ spjega tas-SA, il-kunsiderazzjonijiet ġenerali li jinsabu fil-Kapitolu 12 tagħhom jippreċiżaw li l-intestaturi 1201 sa 1207 tas-SA jinkludu “ż-żrieragħ u l-frott użati normalment għall-estrazzjoni, permezz ta’ tagħsir jew ta’ solventi, ta’ żjut jew ta’ xaħmijiet kommestibbli jew industrijali, kemm jekk ikunu intiżi effettivament għal dan il-użu, għaż-żriegħ jew inkella għal għanijiet oħra”.

42

Sussegwentement, skont in-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 1207, din tal-aħħar tinkludi “ż-żrieragħ u l-frott użati għall-estrazzjoni ta’ żjut jew ta’ xaħmijiet kommestibbli jew industrijali, minbarra dawk imsemmija fl-intestaturi 12.01 sa 12.06”.

43

Fl-aħħar nett, in-noti ta’ spjega għan-NM dwar is-subintestatura 1207 99 98 tan-NM jindikaw li huma inklużi wkoll f’din is-subintestatura “żrieragħ tal-qar[għ]a ħamra ħodor bil-ġilda ratba li ġenetikament jonqoshom is-saff suberizzat ta’ barra tal-qoxra taż-żerriegħa (Cucurbita pepo L. convar. citrullinia Greb. var. styriaca u Cucurbita pepo L. var. oleifera Pietsch)”, billi dawn il-varjetajiet ta’ qargħa ħamra huma kkoltivati prinċipalment għaż-żejt.

44

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-kunċett ta’ “żrieragħ u frott ieħor żejtnin”, li jinsab fl-intestatura 1207 tan-NM, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri żrieragħ u frott użati normalment għall-estrazzjoni ta’ żjut jew ta’ xaħmijiet kommestibbli jew industrijali, minbarra dawk imsemmija fl-intestaturi 1201 sa 1206 tan-NM. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk iż-żrieragħ tal-qargħa ħamra inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfawx dawn il-kriterji, u b’mod partikolari jekk jintużawx normalment għall-estrazzjoni ta’ żjut jew ta’ xaħmijiet kommestibbli jew industrijali, f’liema każ dawn għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 1207 tan-NM.

45

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat, kif sostnew ġustament il-Gvern Rumen u l-Kummissjoni bi tweġiba għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, li ż-żrieragħ li għandhom in-natura ta’ “żrieragħ żejtnin”, fis-sens tal-intestatura 1207 tan-NM, ma jistgħux jiġu kklassifikati taħt l-intestaturi 1209 u 1212 tan-NM, u dan anki jekk ma jintużawx għall-estrazzjoni ta’ żjut jew ta’ xaħmijiet kommestibbli jew industrijali, iżda għaż-żriegħ jew għall-konsum mill-bniedem.

46

Minn naħa, l-intestatura 1209 tan-NM hija intitolata “Żrieragħ, frott u spori, ta’ kwalita’ użati għaż-żriegħ”. Issa, l-intestatura 1207 tan-NM tinkludi subintestaturi li jkopru espliċitament żrieragħ żejtnin intiżi għaż-żriegħ, bħas-subintestatura 1207 99 15, u żrieragħ żejtnin mhux intiżi għaż-żriegħ, bħas-subintestatura 1207 99 97.

47

Barra minn hekk, kemm in-nota 3 tal-Kapitolu 12 tan-NM kif ukoll in-nota 3 tal-Kapitolu 12 tan-noti ta’ spjega tas-SA jippreċiżaw li l-prodotti li jaqgħu taħt l-intestaturi 1201 sa 1207 huma esklużi mill-intestatura 1209, u dan “anke jekk ikunu intiżi għaż-żriegħ”.

48

Konsegwentement, iż-żrieragħ li għandhom in-natura ta’ żrieragħ żejtnin fis-sens tal-intestatura 1207 tan-NM għandhom jiġu kklassifikati taħt din tal-aħħar, u mhux taħt l-intestatura 1209 tan-NM, u dan anki jekk ma jintużawx għall-estrazzjoni ta’ żjut jew ta’ xaħmijiet kommestibbli jew industrijali, iżda għaż-żriegħ.

49

Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-intestatura 1212 tan-NM, mill-formulazzjoni tagħha jirriżulta li din tkopri, b’mod partikolari, l-għadam u l-qlub tal-għadam tal-frott u prodotti veġetali oħra użati prinċipalment għall-konsum mill-bniedem, mhux imsemmija jew inklużi band’oħra fin-NM.

50

Minn din il-formulazzjoni jirriżulta li l-intestatura 1212 tan-NM tikkostitwixxi kategorija residwa, intiża li tapplika biss meta l-ebda intestatura oħra tan-NM ma tkun applikabbli. Konsegwentement, żrieragħ li għandhom in-natura ta’ żrieragħ żejtnin fis-sens tal-intestatura 1207 tan-NM ma jistgħux jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 1212, u dan anki jekk ma jintużawx għall-estrazzjoni ta’ żjut jew ta’ xaħmijiet kommestibbli jew industrijali, iżda għall-konsum mill-bniedem.

51

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hija l-qorti tar-rinviju, sabiex twettaq il-klassifikazzjoni tariffarja taż-żrieragħ tal-qargħa ħamra inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha tiddetermina jekk dawn jintużawx normalment għall-estrazzjoni ta’ żjut jew ta’ xaħmijiet kommestibbli jew industrijali, mingħajr ma jaqgħu taħt l-intestaturi 1201 sa 1206 tan-NM. Jekk dan huwa l-każ, dawn iż-żrieragħ għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 1207 tan-NM minħabba n-natura tagħhom ta’ żrieragħ żejtnin, u dan irrispettivament mill-użu effettiv tagħhom għall-estrazzjoni ta’ żjut jew ta’ xaħmijiet kommestibbli jew industrijali, għaż-żriegħ jew għall-konsum mill-bniedem.

52

Jekk jirriżulta li l-imsemmija żrieragħ ma għandhomx in-natura ta’ żrieragħ żejtnin fis-sens tal-intestatura 1207 tan-NM, il-qorti tar-rinviju jkollha tiddetermina jekk dawn jaqgħux taħt l-intestaturi 1209 jew 1212 tan-NM.

53

Għalhekk, huwa neċessarju li jitfakkru l-kriterji li jippermettu li ssir distinzjoni bejn il-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-intestaturi 1209 jew 1212 tan-NM.

54

Fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, imfakkra fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, l-intestatura 1212 tan-NM hija intiża li tapplika fil-każ li l-intestatura 1209 tan-NM ma tkunx applikabbli għaż-żrieragħ tal-qargħa ħamra inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

55

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-intestatura 1209 tan-NM, intitolata “Żrieragħ, frott u spori, ta’ kwalita’ użati għaż-żriegħ”, tirrigwarda biss l-elementi veġetali li għandhom il-possibbiltà li jnibbtu pjanta ġdida. Bil-kontra, l-intestatura 1212 tan-NM hija kategorija residwa li tinkludi ż-żrieragħ veġetali li ma humiex intiżi għaż-żriegħ imma għall-konsum mill-bniedem (sentenza Sunshine Deutschland Handelsgesellschaft, C‑229/06, EU:C:2007:239, punt 30).

56

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ż-żrieragħ tal-qargħa ħamra mqaxxra li jkunu tilfu l-kapaċità tagħhom li jnibbtu pjanta u li huma intiżi għall-industrija tal-ħobż jaqgħu taħt is-subintestatura 1212 99 80 tan-NM (sentenza Sunshine Deutschland Handelsgesellschaft, C‑229/06, EU:C:2007:239, punt 32).

57

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, fil-każ li ż-żrieragħ tal-qargħa ħamra inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jkollhomx in-natura ta’ żrieragħ żejtnin fis-sens tal-intestatura 1207 tan-NM, dawn iż-żrieragħ għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 1209 tan-NM jekk xorta kellhom il-kapaċità li jnibbtu pjanta fil-mument tal-importazzjoni tagħhom, u dan irrispettivament mill-użu effettiv tagħhom għaż-żriegħ jew għall-konsum mill-bniedem. Fil-każ kuntrarju, l-imsemmija żrieragħ għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 1212 tan-NM.

58

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel tliet domandi hija li, sabiex twettaq il-klassifikazzjoni tariffarja taż-żrieragħ tal-qargħa ħamra inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina jekk dawn jintużawx normalment għall-estrazzjoni ta’ żjut jew ta’ xaħmijiet kommestibbli jew industrijali, mingħajr ma jaqgħu taħt l-intestaturi 1201 sa 1206 tan-NM. Jekk dan huwa l-każ, dawn iż-żrieragħ għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 1207 tan-NM minħabba n-natura tagħhom ta’ żrieragħ żejtnin, u dan irrispettivament mill-użu effettiv tagħhom għall-estrazzjoni ta’ żjut jew ta’ xaħmijiet kommestibbli jew industrijali, għaż-żriegħ jew għall-konsum mill-bniedem. Fil-każ kuntrarju, l-imsemmija żrieragħ għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 1209 tan-NM jekk huma kien għad għandhom il-kapaċità li jnibbtu pjanta fil-mument tal-importazzjoni tagħhom, u dan irrispettivament mill-użu effettiv tagħhom għaż-żriegħ jew għall-konsum mill-bniedem, jew taħt l-intestatura 1212 tan-NM jekk huma ma kienx għad għandhom l-kapaċità li jnibbtu pjanta.

Fuq ir-raba ’ domanda

59

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-eżistenza eventwali ta’ proċeduri amministrattivi speċjali sabiex ċertifikat EUR.1 jipproduċi l-effetti tiegħu fi ħdan l-awtoritajiet doganali.

60

Il-Gvern Rumen isostni li din ir-raba’ domanda għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, peress li r-risposta ma tkunx utli sabiex tinstab soluzzjoni għall-kawża prinċipali.

61

Il-Gvern Rumen isostni, f’dan ir-rigward, li ż-żrieragħ tal-qargħa ħamra importati miċ-Ċina, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma humiex koperti mill-miżuri tariffarji preferenzjali stabbiliti mill-Unjoni Ewropea. Il-Gvern Rumen iżid li, f’kull każ, ALKA ma talbitx sabiex tibbenefika minn skema tariffarja favorevoli meta għamlet id-dikjarazzjoni doganali u ma ppreżentat l-ebda ċertifikat li jattesta l-oriġini preferenzjali taż-żrieragħ inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

62

L-Artikolu 94(a) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprevedi li t-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi espożizzjoni fil-qosor tas-suġġett tal-kawża kif ukoll tal-fatti rilevanti, kif ġew ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju jew, minn tal-inqas, espożizzjoni tal-informazzjoni fattwali li fuqha jkunu bbażati d-domandi.

63

Għandu jiġi osservat, qabelxejn, li l-uniċi fatti rilevanti mogħtija fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw, minn naħa, il-fatt li ALKA ma talbitx l-applikazzjoni ta’ skema tariffarja favorevoli meta għamlet id-dikjarazzjonijiet doganali u, min-naħa l-oħra, il-fatt li ALKA għandha ċertifikati ta’ oriġini li abbażi tagħhom iż-żrieragħ importati kienu jibbenefikaw minn rilaxx.

64

Sussegwentement, meta sarulhom mistoqsijiet f’dan ir-rigward mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Rumen u l-Kummissjoni ma setgħux jidentifikaw skema tariffarja favorevoli fi ħdan id-dritt tal-Unjoni li tista’ tapplika għall-importazzjonijiet ta’ żrieragħ tal-qargħa ħamra li joriġinaw miċ-Ċina.

65

Fl-aħħarnett, u minkejja stedina bil-miktub mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan is-sens, ALKA lanqas ma allegat li hija bagħtet lill-awtoritajiet nazzjonali ċertifikat li jattesta l-oriġini preferenzjali taż-żrieragħ tal-qargħa ħamra inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

66

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-raba’ domanda għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, peress li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludix espożizzjoni suffiċjenti tal-fatti rilevanti li fuqhom hija bbażata din id-domanda.

Fuq l-ispejjeż

67

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Sabiex twettaq il-klassifikazzjoni tariffarja taż-żrieragħ tal-qargħa ħamra inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina jekk dawn jintużawx normalment għall-estrazzjoni ta’ żjut jew ta’ xaħmijiet kommestibbli jew industrijali, mingħajr ma jaqgħu taħt l-intestaturi 1201 sa 1206 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, fil-verżjonijiet tagħha li jirriżultaw, suċċessivament, mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1549/2006, tas-17 ta’ Ottubru 2006, u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1214/2007, tal-20 ta’ Settembru 2007. Jekk dan huwa l-każ, dawn iż-żrieragħ għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 1207 tan-Nomenklatura Magħquda minħabba n-natura tagħhom ta’ żrieragħ żejtnin, u dan irrispettivament mill-użu effettiv tagħhom għall-estrazzjoni ta’ żjut jew ta’ xaħmijiet kommestibbli jew industrijali, għaż-żriegħ jew għall-konsum mill-bniedem. Fil-każ kuntrarju, l-imsemmija żrieragħ għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 1209 tan-Nomenklatura Magħquda jekk huma kien għad għandhom il-kapaċità li jnibbtu pjanta fil-mument tal-importazzjoni tagħhom, u dan irrispettivament mill-użu effettiv tagħhom għaż-żriegħ jew għall-konsum mill-bniedem, jew taħt l-intestatura 1212 tan-Nomenklatura Magħquda jekk huma ma kienx għad għandhom il-kapaċità li jnibbtu pjanta.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.