SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

13 ta’ Frar 2014 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali — Kunċett ta’ ‘spiża mhux projbittiva’ ta’ proċeduri ġudizzjarji”

Fil-Kawża C‑530/11,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit-18 ta’ Ottubru 2011,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Oliver u L. Armati, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn C. Murrell, sussegwentement minn M. Holt, bħala aġenti, assistiti minn J. Maurici, barrister,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn C. H. Vang, bħala aġent,

L-Irlanda, irrappreżentata minn E. Creedon u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn E. Barrington, BL, u de G. Gilmore, barristers,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis, J.-C. Bonichot (Relatur), u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Lulju 2013,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Settembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ma ttrasponiex b’mod sħiħ, u lanqas applika korrettament, il-punt 7 tal-Artikolu 3, u l-punt 4 tal-Artikolu 4, tad-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466), ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas mill-obbligi tiegħu skont din id-direttiva.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus

2

Il-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, iffirmata fil-25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE, tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 124, p. 4, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), tipprovdi fil-preambolu tagħha:

“[...]

“Wara li rikonoxxew li kull persuna għandha d-dritt li tgħix f’ambjent xieraq għas-saħħa u l-benesseri tiegħu jew tagħha, u d-dmir, kemm individwali u f’assoċjazzjoni ma’ oħrajn, li tħares u ttejjeb l-ambjent għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri,

Wara li kkunsidraw li, sabiex ikunu f’pożizzjoni li jasserixxu dan id-dritt u josservaw dan id-dmir, iċ-ċittadini jrid ikollhom aċċess għal informazzjoni, ikunu intitolati li jipparteċipaw fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u jkollhom aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, filwaqt li jiġi rikonoxxut f’dan ir-rigward li ċ-ċittadini jista’ jkollhom il-bżonn ta’ assistenza sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom,

[...]

Imħassba li mekkaniżmi ġudizzjarji effettivi għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku, inklużi organizzazzjonijiet, sabiex l-interessi leġittimi tiegħu jkunu protetti u l-liġi tiġi infurzata,

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3

L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, intitolat “Għan”, jipprovdi:

“Għal finijiet ta’ kontribuzzjoni għall-ħarsien tad-dritt ta’ kull persuna ta’ ġenerazzjonijiet preżenti u futuri, li tgħix f’ambjent xieraq sabiex jiżgura s-saħħa u l-benesseri tiegħu, kull Parti għandha tiggarantixxi d-drittijiet ta’ aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

L-Artikolu 3 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jipprovdi fil-paragrafu 8 tiegħu:

“Kull Parti għandha tiżgura li l-persuni li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni ma jiġu bl-ebda mod ippenalizzati, ippersegwitati jew suġġetti għal miżuri vessatorji minħabba l-involviment tagħhom. Din id-dispożizzjoni ma tippreġudikax is-setgħat tal-qrati nazzjonali li jattribwixxu spejjeż ta’ ammont raġonevoli fil-proċeduri ġudizzjarji.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

L-Artikolu 9 tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Aċċess għall-ġustizzja”, jipprovdi:

“1.   Kull Parti għandha, fl-ambitu tal-qafas tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, tiżgura li kwalunkwe persuna li tikkunsidra li t-talba tagħha għal informazzjoni taħt l-Artikolu 4 ma ttiħditx inkunsiderazzjoni, ġiet irrifjutata b’mod żbaljat, kemm jekk parzjalment jew in toto, imwieġba b’mod inadegwat, jew bi kwalunkwe mod li ma huwiex konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dak l-artikolu, ikollha aċċess għal proċedura ta’ reviżjoni quddiem qorti tal-liġi jew korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit bil-liġi.

Fil-każijiet fejn il-Parti tipprovdi għal tali stħarriġ quddiem qorti, hija għandha tiżgura li l-persuna kkonċernata jkollha aċċess ukoll għal proċedura mħaffa stabbilita bil-liġi li tkun bla ħlas jew ma tiswix ħafna, bil-għan ta’ eżami mill-ġdid tat-talba minn awtorità pubblika jew tal-eżami tagħha minn korp indipendenti jew imparzjali li ma huwiex qorti tal-ġustizzja.

[...]

2.   Kull Parti għandha tiżgura li, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali tagħha, il-membri tal-pubbliku kkonċernat:

a)

li għandhom interess suffiċjenti jew, diversament,

b)

li jsostnu preġudizzju ta’ dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ Parti teżiġi dan bħal rekwiżit,

ikunu jistgħu jaġixxu quddiem qorti u/jew korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit mil-liġi sabiex jikkontestaw il-legalità, kemm fir-rigward tal-mertu kif ukoll tal-proċedura, ta’ kull deċiżjoni, kull att jew kull ommissjoni koperta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 u, jekk id-dritt intern jipprevedi dan u mingħajr ħsara għall-paragrafu 3 iktar ’l isfel, dispożizzjonijiet oħra rilevanti ta’ din il-konvenzjoni.

[...]

3.   Barra minn hekk u mingħajr ħsara għal proċeduri ta’ rimedju previsti fil-paragrafi 1 u 2 iktar ’il fuq, kull Parti għandha tiżgura li l-membri tal-pubbliku li jissodisfaw il-kriterji possibbilment previsti mid-dritt intern tagħha jkunu jistgħu jibdew proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji sabiex jikkontestaw l-atti jew l-ommissjonijiet ta’ individwi jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-ambjent.

4.   Barra minn hekk, u mingħajr ħsara għall-paragrafu 1, il-proċeduri previsti fil-paragrafi 1, 2 u 3 iktar ’il fuq għandhom jipprovdu rimedji suffiċjenti u effettivi, inkluż rimedju permezz ta’ inġunzjoni fejn xieraq, u għandhom ikunu oġġettivi, ekwi u espedjenti mingħajr ma l-ispejjeż tagħhom ikunu projbittivi. [...]

5.   Sabiex id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu jkunu iktar effikaċi, kull Parti għandha tiżgura li l-pubbliku jkun informat bil-possibbiltà mogħtija lilu li jibda proċeduri ta’ rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju, u għandha tikkunsidra l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi xierqa ta’ assistenza bil-ħsieb li jiġu eliminati jew imnaqqsa l-ostakoli finanzjarji jew ostakoli oħra li jfixklu l-aċċess għall-ġustizzja.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt tal-Unjoni

6

Sabiex jgħinu fl-implementazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus, il-punt 7 tal-Artikolu 3, u l-punt 4 tal-Artikolu 4, tad-Direttiva 2003/35/KE introduċew, rispettivament, l-Artikolu 10a fid-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima ta’ l-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), u l-Artikolu 15a fid-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, tal-24 ta’ Settembru 1996, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 80), ikkodifikata permezz tad-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2008, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż (ĠU L 24, p. 8).

7

Dawn l-Artikoli 10a u 15a huma fformulati, b’mod essenzjalment identiku, kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, skont is-sistema legali nazzjonali rilevanti, il-membri tal-pubbliku interessat:

a)

li jkollhom interess biżżejjed, jew alternattivament,

b)

li jżommu l-indebboliment ta’ dritt, meta l-liġi amministrattiva proċedurali ta’ Stat Membru teħtieġ dan bħala pre-kondizzjoni,

ikollhom aċċess għal rivista quddiem qorti tal-ġustizzja jew korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi għalbiex jisfida l-legalità sostanzjali jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-atti jew l-omissjonijiet bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-parteċipazzjoni tal-pubbliku.

[...]

Dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti u tnaqqir ta’ dritt għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri, b’mod konsistenti mal-mira li jingħata aċċess għall-ġustizzja lill-pubbliku interessat. [...]

Id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx jeskludu l-possibbiltà ta’ proċedura ta’ rivista preliminari quddiem awtorità amminisrattiva u ma għandhomx jaffettwaw il-ħtieġa ta’ l-eżawriment tal-proċeduri tar-rivista amministrattiva qabel ir-rikors għall-proċeduri tar-rivista ġudizzjarja [...]

Kull proċedura bħal din għandha tkun ġusta, retta, f’waqtha u ma tiswiex tant li tkun projbittiva.

[...]”

Il-proċedura prekontenzjuża

8

Il-Kummissjoni ġiet adita b’ilment skont liema r-Renju Unit naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont il-punt 7 tal-Artikolu 3, u l-punt 4 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/35, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jipprojbixxu spiża projbittiva tal-proċeduri ġudizzjarji. Fit-23 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni stiednet lil dan l-Istat Membru jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu f’dan ir-rigward.

9

Peress li ma kinitx issodisfatta bir-risposti mogħtija, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru fit-22 ta’ Marzu 2010 fejn ikkonkludiet li jeżisti ksur ta’ dawn l-obbligi u ordnatu jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jirrimedja għal dan fi żmien xahrejn.

10

Peress li lanqas ma kienet issodisfatta bir-risposta mogħtija mir-Renju Unit, fid-19 ta’ Lulju 2010, lil-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

11

B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-4 ta’ Mejju 2012, ir-Renju tad-Danimarka u l-Irlanda ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Renju Unit.

Fuq ir-rikors

12

Bid-diversi argumenti tagħha, il-Kummissjoni tinvoka lment wieħed ibbażat fuq nuqqas ta’ traspożizzjoni jew, f’kull każ, fuq traspożizzjoni inkorretta tal-punt 7 tal-Artikolu 3, u tal-punt 4 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/35, sa fejn dawn jipprovdu li l-proċeduri ġudizzjarji previsti ma għandhomx ikunu ta’ spiża projbittiva (iktar ’il quddiem, ir-“rekwiżit dwar l-assenza ta’ spiża projbittiva”).

L-argumenti tal-partijiet

13

Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni ssostni li t-traspożizzjoni ta’ direttiva ma tistax issir permezz tal-ġurisprudenza (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-427/07, Ġabra p. I-6277, punti 93 u 94), u li, f’kull każ, il-ġurisprudenza invokata mir-Renju Unit ma tosservax ir-rekwiżit dwar l-assenza ta’ spiża projbittiva.

14

Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Renju Unit f’dak li jirrigwarda l-argumenti tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni u l-kriterji għall-evalwazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit, din tal-aħħar tallega li ma tistax tintlaqa’, għaliex dawn is-suġġetti ġew neċessarjament trattati waqt il-proċedura prekontenzjuża, fid-dawl tas-suġġett innifsu tal-ilment magħmul. L-istess jgħodd għall-argumenti tiegħu dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ammont għoli tal-onorarji ta’ avukat.

15

Imbagħad il-Kummissjoni ssostni li r-rekwiżit dwar l-assenza ta’ spiża projbittiva jirreferi kemm għall-ispejjeż tal-proċedura kif ukoll għall-onorarji tal-avukat tar-rikorrent, l-ispejjeż l-oħra li dan tal-aħħar jista’ jkun espost għalihom kif ukoll l-ispejjeż kollha li jqumu minn eventwali proċeduri preċedenti quddiem qrati inferjuri, u li huwa jimponi li dawn id-diversi spejjeż għandhom ikunu raġjonevolment prevedibbli kemm fir-rigward dwar jekk humiex pagabbli kif ukoll fir-rigward tal-ammont tagħhom.

16

Fir-rigward tal-iskema tal-ispejjeż, u, b’mod iktar partikolari, tal-possibbiltà għall-qorti nazzjonali li toħroġ “digrieti dwar il-protezzjoni tal-ispejjeż legali” li jippermettu, fi stadju bikri tal-proċedura, li jiġi limitat l-ammont tal-ispejjeż eventwalment dovuti, il-Kummissjoni tqis li fl-Ingilterra u fil-pajjiż ta’ Wales, minkejja kriterji ta’ evalwazzjoni stabbiliti permezz tas-sentenza tal-Court of Appeal R (Corner House Research) vs Secretary of State for Trade & Industry, ([2005] 1 W.L.R 2600), il-ġurisprudenza tibqa’ kontradittorja u toħloq inċertezza legali. Minbarra dan, il-qrati jagħtu biss rarament il-benefiċċju ta’ dawn il-miżuri. Fir-rigward tas-sentenza tal-Court of Appeal, R (Garner) Elmbridge Borough Council and others tad-29 ta’ Lulju 2010 ([2010] Civ 1006), mogħtija madankollu wara t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata msemmija fil-punt 9 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni tqis li hija tikkostitwixxi żvilupp favorevoli iżda xorta insuffiċjenti. Fil-fatt, il-limitazzjonijiet ta’ spejjeż eventwalment miksuba jikkorrispondu fil-prattika għal ammonti għoljin ħafna u jagħtu lok għal kawżi annessi li jżidu l-ispiża globali tat-tilwima.

17

Il-fakultà għall-partijiet li jidħlu f’kuntratt ta’ assigurazzjoni ma ssolvix dawn id-diffikultajiet kollha. B’dan il-mod il-Kummissjoni ssostni li, anki meta jinħareġ digriet dwar il-protezzjoni tal-ispejjeż legali, dan ma jillimitax neċessarjament l-ispejjeż proprji tar-rikorrent li, meta jkun ikkonkluda ftehim dwar l-onorarji kundizzjonali, jista’ madankollu, jekk jirbaħ il-kawża, ikun obbligat iħallas l-ispejjeż tal-avukat fil-każ fejn “limitazzjoni reċiproka tar-responsabbiltà tal-ispejjeż” tingħata lill-konvenut. Minbarra dan, digriet dwar il-protezzjoni tal-ispejjeż legali jista’ f’kull każ jingħata biss għall-kawża pendenti.

18

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-ksur tar-rekwiżit dwar l-assenza ta’ spiża projbittiva huwa aggravat ukoll permezz tas-sistema ta’ miżuri provviżorji, minħabba l-prattika tal-qrati li jitolbu mir-rikorrent “kontra-impenji”, li jistgħu jirriżultaw fi spejjeż finanzjarji għoljin. Il-Kummissjoni tqis li, jekk dan il-korrispettiv ma huwiex, minnu nnifsu, kontra d-Direttiva 2003/35, l-ispiża tiegħu għandha madankollu tittieħed inkunsiderazzjoni fl-analiżi.

19

Ir-Renju Unit jikkontesta l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni.

20

Qabel kollox, huwa jeċċepixxi l-inammissibbiltà tal-argumenti tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni u l-kriterji għall-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ “spiża projbittiva”, għaliex ma ġewx imsemmija waqt il-proċedura prekontenzjuża. Dan jgħodd ukoll għall-argumenti tal-Kummissjoni dwar l-onorarji tal-avukat tar-rikorrent.

21

Ir-Renju Unit isostni li t-traspożizzjoni ta’ direttiva tista’ ssir permezz tal-ġurisprudenza. Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq, invokata mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat in-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi ta’ traspożizzjoni għas-sempliċi raġuni li r-rekwiżit dwar l-assenza ta’ spiża projbittiva, li huwa wkoll inkwistjoni f’din il-kawża, ma kienx iggarantit suffiċjentement bis-sempliċi setgħa diskrezzjonali tal-qorti li tirrinunzja li tikkundanna għall-ispejjeż l-parti li titlef. Is-sitwazzjoni hija differenti fir-Renju Unit, peress li l-qorti tista’ tadotta miżuri ta’ protezzjoni, bħalma huma digrieti dwar il-protezzjoni tal-ispejjeż legali. Dan l-Istat Membru jqis ukoll li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura speċifika tas-sistema legali tiegħu, li tirriżulta mid-dritt konswetudinarju u li hija bbażata essenzjalment fuq il-ġurisprudenza u fuq ir-regola tal-preċedent.

22

Fir-rigward tal-iskema tal-ispejjeż, ir-Renju Unit ifakkar li, fl-Ingilterra u f’Wales, ir-regoli tal-proċedura ċivili jeżiġu li tittieħed inkunsiderazzjoni, sa fejn huwa possibbli, deċiżjoni li hija tali li tiżgura smigħ “xieraq”, fid-dawl tad-diversi ċirkustanzi tal-kawża u tal-bżonn li jiġu protetti l-finanzi tal-awtorità pubblika.

23

Huwa jżid li, fil-prattika, ir-regola li tipprovdi li l-parti li titlef hija marbuta tħallas l-ispejjeż tal-parti l-oħra hija inqas applikata mill-imgħoddi, b’mod partikolari fil-kawżi li jaqgħu taħt id-dritt dwar l-ambjent, u li d-deċiżjoni f’dan ir-rigward tiġi adottata mill-qorti fid-dawl tal-elementi kollha tal-kawża. Minbarra dan, ta’ spiss, ir-rikorrent ikun jista’ jibbenefika mill-għajnuna legali f’dawn it-tilwimiet u, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, ma jiġix għaldaqstant ikkundannat għall-ispejjeż.

24

Ir-Renju Unit isostni li, ta’ spiss ħafna, l-awtoritajiet u l-organi pubbliċi li jirbħu l-kawża ma jitolbux li r-rikorrent jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Barra minn hekk, l-awtorizzazzjoni sabiex isir rikors quddiem il-qrati ta’ livell ogħla tingħata xi drabi lil organu pubbliku biss jekk huwa jħallas l-ispejjeż taż-żewġ partijiet.

25

Is-sentenzi tal-Court of Appeal f’kull każ “ikkodifikaw” il-prinċipji li jirregolaw l-għoti ta’ digriet dwar il-protezzjoni tal-ispejjeż, u dan jeskludi kull inċertezza tar-rikorrent f’dan ir-rigward.

26

Fl-aħħar nett, il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom il-qrati nazzjonali sabiex jittrattaw talba għal digriet dwar il-protezzjoni tal-ispejjeż hija mhux biss inevitabbli, iżda wkoll mixtieqa sa fejn hija tippermetti l-adattament għaċ-ċirkustanzi tal-kawża.

27

Ir-Renju Unit isostni wkoll li l-livell għoli tal-ispejjeż tal-avukat jirriżulta min-natura tas-sistema legali, tat-tip kontradittorju, li fil-kuntest tagħha l-espressjoni orali għandha post predominanti. F’kull każ, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-provvista ta’ servizzi legali hija suq liberu u kompetittiv, u li jeżistu diversi mezzi sabiex jiġi llimitat il-livell ta’ din l-ispiża, bħalma huwa l-ftehim dwar l-onorarji fil-każ li l-kawża tintrebaħ, li huwa komuni ħafna fil-prattika.

28

Fil-każ tal-kontra-impenji fir-rigward tal-għoti ta’ miżuri provviżorji, ir-Renju Unit isostni li, f’perċentwali għolja tat-tilwimiet dwar l-ambjent, il-fatt innifsu li jiġi kkontestat il-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni jissospendi, fil-prattika, il-bidu ta’ xogħlijiet jew ta’ attivitajiet oħra sat-tmiem tat-tilwima. Ir-rikorrent jista’, minbarra dan, jikseb il-benefiċċju ta’ miżuri provviżorji mingħajr kontra-impenn meta huwa jkollu riżorsi baxxi. Il-possibbiltà li jintalbu kontra-impenji hija f’kull każ konformi mad-dritt tal-Unjoni, b’riferiment għas-sentenza tal-21 ta’ Frar 1991, Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest (C-143/88 u C-92/89, Ġabra p. I-415, punt 32), u l-għoti tagħhom jikkontribwixxi wkoll fir-rispett tal-Artikolu 1 tal-Protokoll għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, dwar il-protezzjoni tad-dritt għall-proprjetà.

29

L-Irlanda tenfasizza li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jittrasponu direttiva u tinsisti fuq il-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi ta’ sistema ta’ “common law”. Dan l-Istat Membru iqis għalhekk li l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-qrati għandhom setgħa “diskrezzjonali” meta huma jiddeċiedu fuq l-ispejjeż ma tiħux suffiċjentement inkunsiderazzjoni r-regola tal-preċedent, li tippermetti li tiġi żgurata ċerta prevedibbiltà legali.

30

Fir-rigward tal-iskema tal-ispejjeż, l-Artikolu 9(5) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma jimponix l-eliminazzjoni tal-ispejjeż finanzjarji kollha. Minbarra dan, il-possibbiltà li l-parti li titlef tiġi kkundannata għall-ispejjeż tiżgura dixxiplina meħtieġa sabiex jiġi evitat li jinbdew proċeduri ġudizzjarji abbużivi.

31

Fir-rigward tal-kontra-impenji, din il-kwistjoni ma taqax taħt id-Direttiva 2003/35, għaliex ma humiex spiża marbuta mal-proċedura ġudizzjarja nfisha. Tali miżuri, minbarra dan, ġew ammessi b’mod espliċitu mill-Qorti tal-Ġustizzja, u l-Irlanda tirreferi wkoll, f’dan ir-rigward, għas-sentenza Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest, iċċitata iktar ’il fuq. Inkella, il-qorti nazzjonali tkun tista’ tirrifjuta li tilqa’ talba għal miżuri provviżorji meħtieġa għall-protezzjoni tal-ambjent.

32

Ir-Renju tad-Danimarka jqis li l-Istati Membri huma kompetenti sabiex jistabbilixxu l-forom u l-mezzi ta’ implementazzjoni tar-rekwiżit dwar l-assenza ta’ spiża projbittiva. Minbarra dan, dan ir-rekwiżit japplika biss għall-ewwel istanza, peress li l-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma tipprovdi l-ebda indikazzjoni fir-rigward tal-appelli jew tan-numru ta’ stadji ġudizzjarji meħtieġa. Barra minn hekk, huma biss l-ispejjeż marbuta direttament mat-trattament tal-kawża li huma kkonċernati, u dan jeskludi l-onorarji tal-avukat li r-rikorrent jiddeċiedi li jikkonsulta. Fl-aħħar nett, dan ir-rekwiżit ma għandux x’jaqsam mal-kwistjoni tal-prevedibbiltà tal-ispiża tal-proċedura għar-rikorrent mill-mument li huwa jiftaħ il-kawża, iżda jeżiġi biss li, x’ħin il-kawża tkun konkluża, l-ispiża finanzjarja sostnuta ma tkunx projbittiva, fid-dawl ta’ evalwazzjoni globali.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

33

Skont ġurisprudenza stabbilita, it-traspożizzjoni ta’ direttiva ma teżiġix neċessarjament li l-kontenut tad-dispożizzjonijiet tagħha jiġi riprodott formalment u testwalment f’dispożizzjoni legali jew leġiżlattiva espressa u speċifika, iżda tista’ ssir permezz ta’ kuntest ġuridiku ġenerali, sakemm dan jiżgura b’mod effettiv l-applikazzjoni sħiħa tad-direttiva b’mod suffiċjentement ċar u preċiż (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Mejju 1985, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 29/84, Ġabra p. 1661, punt 23, u Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

34

B’mod partikolari, jekk id-dispożizzjoni inkwistjoni hija intiża sabiex toħloq drittijiet għall-individwi, is-sitwazzjoni ġuridika għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża, u l-benefiċjarji għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jkunu jafu d-drittijiet kollha tagħhom u, fejn xieraq, li jkunu jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs Franza, C-233/00, Ġabra p. I-6625, punt 76).

35

Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li prassi ġudizzjarja li fil-kuntest tagħha l-qrati għandhom sempliċement il-fakultà li jirrinunzjaw li jikkundannaw lill-parti li titlef għall-ispejjeż u jistgħu jqiegħdu l-piż tal-ispejjeż inkorsi minnha fuq il-parti l-oħra, għandha, min-natura tagħha, ċertu karattru ta’ inċertezza u ma tistax tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġa sabiex titqies li tikkostitwixxi eżekuzzjoni valida tal-obbligi li jirriżultaw mill-punt 7 tal-Artikolu 3, u mill-punt 4 tal-Artikolu 4, tad-Direttiva 2003/35 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, iċċitata iktar ’il fuq, punt 94).

36

Madankollu, ma jistax jitqies li kull prassi ġudizzjarja hija ta’ natura inċerta u, min-natura tagħha, inkapaċi li tissodisfa dawn ir-rekwiżiti.

37

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-ġurisprudenza nazzjonali invokata mir-Renju Unit tippermettix li jiġi kkunsidrat li dan l-Istat Membru kkonforma ruħu mar-rekwiżit dwar l-assenza ta’ spiża projbittiva previst mid-Direttiva 2003/35, għandhom jiġu eżaminati wieħed wara l-ieħor l-argumenti tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-iskema tal-ispejjeż u dak dwar il-miżuri provviżorji.

L-iskema tal-ispejjeż

38

Fir-rigward tal-iskema tal-ispejjeż, hemm lok, qabel kollox, li tittieħed deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Renju Unit.

39

Skont ġurisprudenza stabbilita, minkejja li l-ittra ta’ intimazzjoni indirizzata mill-Kummissjoni u l-opinjoni motivata jiddefinixxu s-suġġett tal-kawża b’tali mod li dan ma jistax, għaldaqstant, jiġi estiż, dan ir-rekwiżit ma jistax imur sal-punt li jimponi f’kull każ koinċidenza perfetta tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fl-ittra ta’ intimazzjoni, tad-dispożittiv tal-opinjoni motivata u tat-talbiet tar-rikors, sakemm is-suġġett tal-kawża ma jkunx ġie estiż jew mibdul (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-358/01, Ġabra p. I-13145, punti 27 u 28).

40

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, minkejja li l-opinjoni motivata għandha tinkludi espożizzjoni koerenti u dettaljata tar-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni għall-konvinzjoni li l-Istat ikkonċernat naqas milli jwettaq wieħed mill-obbligi tiegħu skont it-Trattat FUE, l-ittra ta’ intimazzjoni ma tistax tiġi suġġetta għal rekwiżiti ta’ preċiżjoni daqstant stretti, peress li din neċessarjament tista’ biss tikkonsisti f’sunt qasir inizjali tal-ilmenti. Għalhekk xejn ma jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli, fil-kuntest tal-opinjoni motivata, tidħol fid-dettall tal-ilmenti li hija ġa rreferiet għalihom b’mod iktar ġenerali fl-ittra ta’ intimazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

41

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-kwistjoni tal-kontenut tar-rekwiżit dwar l-assenza ta’ spiża projbittiva ġiet trattata fil-proċedura prekontenzjuża, fid-dawl tas-suġġett innifsu tal-ilment, kif ġie espost sa mill-ittra ta’ intimazzjoni. L-istess jgħodd, kif indikat il-Kummissjoni, għat-teħid inkunsiderazzjoni, f’dan il-kuntest, tal-ispiża tal-onorarji tal-avukat, li għall-bqija jirrappreżentaw l-parti l-kbira tal-ispiża finanzjarja tal-proċeduri ġudizzjarji fir-Renju Unit.

42

Barra, minn hekk, fir-rigward ta’ dawn l-onorarji, ma jirriżultax mir-rikors li l-Kummissjoni ssostni li dawn jagħtu, minnhom infushom, natura projbittiva lill-proċedura, kif jallega r-Renju Unit fil-punt 108 tar-risposta tiegħu.

43

Għaldaqstant l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn dan l-Istat Membru għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

44

Fir-rigward tal-fondatezza tal-argumenti tal-Kummissjoni, għandu jitfakkar li r-rekwiżit dwar l-assenza ta’ spiża projbittiva ma jipprojbixxix lill-qrati nazzjonali milli jikkundannaw għall-ispejjeż fi tmiem proċedura ġudizzjarja, sakemm dawn ikunu ta’ ammont raġjonevoli u sakemm l-ispejjeż sostnuti mill-parti kkonċernata ma jkunux, meħuda globalment, projbittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, Edwards u Pallikaropoulos, C‑260/11, punti 25, 26 kif ukoll 28).

45

Meta qorti tiddeċiedi li tikkundanna għall-ispejjeż individwu li tilef il-kawża inkwantu rikorrent f’tilwima fil-qasam tal-ambjent jew, b’mod iktar ġenerali, meta hija tintalab tesprimi l-fehma tagħha, fi stadju preċedenti tal-proċeduri, fuq eventwali limitazzjoni tal-ispejjeż li l-piż tagħhom jista’ jitqiegħed fuq il-parti li titlef il-kawża, hija għandha madankollu tiżgura l-osservanza tar-rekwiżit dwar l-assenza ta’ spiża projbittiva billi tieħu inkunsiderazzjoni kemm l-interess tal-persuna li tixtieq tiddefendi d-drittijiet tagħha kif ukoll l-interess ġenerali marbut mal-protezzjoni tal-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Edwards u Pallikaropoulos, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

46

Fir-rigward tal-kriterji rilevanti għall-evalwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fl-assenza ta’ preċiżjoni tad-dritt tal-Unjoni, huma l-Istati Membri waqt it-traspożizzjoni ta’ direttiva, li għandhom jiżguraw l-effett sħiħ ta’ din u li għandhom marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni sabiex jagħżlu l-mezzi għat-traspożizzjoni (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza Edwards u Pallikaropoulos, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan jirriżulta li, fir-rigward tal-mezzi li jistgħu jintużaw biex jintlaħaq l-għan li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva mingħajr spiża eċċessiva fil-qasam tad-dritt dwar l-ambjent, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt nazzjonali li huma rilevanti u, b’mod partikolari, d-dispożizzjonijiet ta’ sistema nazzjonali ta’ għajnuna legali kif ukoll ta’ skema ta’ protezzjoni tal-ispejjeż bħalma hija dik applikata fir-Renju Unit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Edwards u Pallikaropoulos, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

47

Madankollu, il-qorti ma tistax tillimita l-evalwazzjoni tagħha għas-sitwazzjoni ekonomika tal-persuna kkonċernata, iżda għandha wkoll twettaq analiżi oġġettiva tal-ammont tal-ispejjeż, iktar u iktar għaliex l-individwi u l-assoċjazzjonijiet huma naturalment mitluba jkollhom rwol attiv fil-protezzjoni tal-ambjent. F’dan ir-rigward, l-ispiża tal-proċedura la għandha taqbeż il-kapaċitajiet finanzjarji tal-persuna kkonċernata u lanqas tidher, f’kull każ, bħala oġġettivament irraġonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Edwards u Pallikaropoulos, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).

48

Fir-rigward tal-analiżi tas-sitwazzjoni ekonomika tal-persuna kkonċernata, din ma tistax tiġi bbażata biss fuq il-kapaċitajiet finanzjarji stmati ta’ rikorrent “medju”, peress li tali informazzjoni tista’ ma tantx ikollha x’taqsam mas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Edwards u Pallikaropoulos, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

49

Minbarra dan, il-qorti tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-partijiet inkwistjoni, jekk l-applikant għandux ċans raġonevoli ta’ suċċess, l-importanza li għandu s-suġġett tal-proċess għal dan l-applikant kif ukoll għall-protezzjoni tal-ambjent, il-kumplessità tad-dritt u tal-proċedura applikabbli kif ukoll in-natura possibbilment frivola tar-rikors fid-diversi stadji tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Edwards u Pallikaropoulos, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), iżda wkoll, fejn xieraq, l-ispejjeż diġà sostnuti fl-istanzi preċedenti tal-istess tilwima.

50

Il-fatt li l-persuna kkonċernata ma ġietx dissważa milli tressaq fil-prattika r-rikors tagħha ma huwiex biżżejjed, minnu nnifsu, sabiex jitqies li l-proċedura ma tinvolvix, għaliha, spiża projbittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Edwards u Pallikaropoulos, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

51

Fl-aħħar nett, din l-evalwazzjoni ma tistax tvarja skont jekk il-qorti nazzjonali hijiex tiddeċiedi fi tmiem proċedura fl-ewwel istanza, f’appell jew f’tieni appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Edwards u Pallikaropoulos, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

52

Kif jirriżulta kemm mid-dokumenti sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mid-diskussjonijiet waqt is-seduta, fl-Ingilterra u f’Wales, is-Senior Courts Act 1981 jipprovdi, fl-Artikolu 51 tiegħu, li l-qorti kkonċernata tagħżel il-parti li għandha tbati l-ispejjeż ta’ proċedura u tiddeċiedi l-miżura li fiha għandha tbatihom. Din il-kompetenza tiġi eżerċitata skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 44.3 tar-Regolament dwar il-proċedura ċivili. Id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż tingħata għaldaqstant mill-qorti kkonċernata fi tmiem il-proċedura, iżda r-rikorrent jista’ wkoll jitlob il-benefiċċju ta’ “digriet dwar il-protezzjoni tal-ispejjeż legali”, u dan jippermetti li tinkiseb, fi stadju bikri tal-proċeduri, limitazzjoni tal-ispejjeż eventwalment dovuti.

53

Dawn il-modalitajiet għall-għoti ta’ tali digriet huma speċifikati fis-sentenza tal-Court of Appeal, R (Corner House Research) vs Secretary of State for Trade & Industry, iċċitata iktar ’il fuq, li minnha jirriżulta li l-qorti tista’ toħroġ fi kwalunkwe mument tal-proċedura digriet dwar il-protezzjoni tal-ispejjeż legali, sakemm tkun konvinta mill-interess tal-kwistjonijiet imqajma, mill-fatt li l-interess ġenerali jeħtieġ, minbarra dan, li dawn il-kwistjonijiet jiġu deċiżi, li r-rikorrent ma għandux interess privat fl-eżitu tal-kawża, mil-livell tar-riżorsi finanzjarji tiegħu u dawk tal-konvenut, mill-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jiġu sostnuti kif ukoll mill-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrent ikomplix jew le bir-rikors tiegħu jekk tali digriet ma jinħariġx. Regoli simili huma applikati wkoll fil-Ġibiltà, fl-Iskozja u fl-Irlanda ta’ Fuq.

54

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu qabel kollox jiġi enfasizzat li l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-qorti fl-implementazzjoni, f’każ partikolari, tal-iskema nazzjonali tal-ispejjeż ma tistax, minnha nfisha, titqies bħala inkompatibbli mar-rekwiżit dwar l-assenza ta’ spiża projbittiva. Minbarra dan, għandu jiġi kkonstatat li l-possibbiltà għall-qorti adita li toħroġ digriet dwar il-protezzjoni tal-ispejjeż legali tiżgura prevedibbiltà ikbar tal-ispiża tal-proċeduri u tgħin fl-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit.

55

Madankollu, mid-diversi fatturi mressqa mir-Renju Unit u diskussi, b’mod partikolari, waqt is-seduta, ma jirriżultax li l-qorti nazzjonali hija marbuta b’dispożizzjoni legali li tiżgura li l-proċedura ma tkunx ta’ spiża projbittiva għar-rikorrent, li waħdu, bħala fatt, huwa tali li jippermetti l-kunsiderazzjoni li d-Direttiva 2003/35 hija trasposta korrettament.

56

F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li, sabiex tivverifika jekk id-dritt nazzjonali jissodisfax l-għanijiet ta’ din id-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata tagħmel analiżi u evalwazzjoni tal-portata, li għall-bqija huwa diskutibbli, ta’ diversi deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali, u għaldaqstant ta’ korp ta’ ġurisprudenza, meta d-dritt tal-Unjoni jagħti lill-individwi drittijiet preċiżi li jeżiġu, sabiex ikunu effettivi, regoli mhux ekwivoċi, iwassal għall-kunsiderazzjoni li t-traspożizzjoni li jinvoka r-Renju Unit ma hijiex f’kull każ suffiċjentement ċara u preċiża.

57

Għalhekk, il-kundizzjonijiet infushom li fihom il-qorti nazzjonali tiddeċiedi fuq l-applikazzjonijiet għal protezzjoni tal-ispejjeż ma jippermettux li tiġi ggarantita l-konformità tad-dritt nazzjonali mar-rekwiżit stabbilit permezz tad-Direttiva 2003/35 taħt diversi aspetti. Qabel kollox, il-kundizzjoni, stabbilita mill-ġurisprudenza nazzjonali, li l-kwistjonijiet li għandhom jiġu deċiżi għandhom ikunu ta’ interess ġenerali ma hijiex adegwata u, anki jekk jingħad li din tneħħiet permezz tas-sentenza tal-Court of Appeal, R (Garner) Elmbridge Borough Council and others, iċċitata iktar ’il fuq, kif isostni r-Renju Unit, din is-sentenza, posterjuri għall-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-kawża. Minbarra dan, u f’kull każ, il-qorti ma tidhirx li hija marbuta tagħti l-protezzjoni meta l-ispiża tal-proċedura tkun oġġettivament irraġonevoli. Fl-aħħar nett, il-protezzjoni lanqas ma tidher li tingħata fil-każ fejn l-interess partikolari tar-rikorrent biss ikun inkwistjoni. Dawn id-diversi elementi huma tali li jwasslu għall-kunsiderazzjoni li r-regoli tal-ġurisprudenza applikati, fil-prattika, ma jissodisfawx ir-rekwiżit dwar l-assenza ta’ spiża projbittiva kif il-portata tagħha ġiet ippreċiżata fis-sentenza Edwards u Pallikaropoulos, iċċitata iktar ’il fuq.

58

Minn dak li ntqal jirriżulta wkoll li din l-iskema stabbilita mill-ġurisprudenza ma tippermettix li r-rikorrent jiġi żgurat prevedibbiltà raġonevoli f’dak li jirrigwarda kemm jekk l-ispiża tal-proċedura ġudizzjarja li fiha jsir involut hijiex pagabbli minnu u l-ammont tagħha, minkejja li din il-prevedibbiltà tidher iktar u iktar meħtieġa peress li l-proċeduri ġudizzjarji fir-Renju Unit jimplikaw, kif jirrikonoxxi dan l-Istat Membru, onorarji għolja tal-avukat.

59

Ir-Renju Unit jammetti, minbarra dan, espliċitament fil-punt 70 tar-risposta tiegħu li, sas-sentenza tal-Court of Appeal, R (Garner) Elmbridge Borough Council and others, iċċitata iktar ’il fuq, il-prinċipji li kienu jirregolaw id-digrieti dwar il-protezzjoni tal-ispejjeż legali ma kinux konformi taħt kull aspett mad-dritt tal-Unjoni.

60

Rigward l-argument imqajjem mill-Kummissjoni li jipprovdi li l-iskema ta’ protezzjoni tal-ispejjeż hija wkoll mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni inkwantu digrieti dwar il-protezzjoni tal-ispejjeż legali jinvolvu “limitazzjoni reċiproka tal-ispejjeż” li tippermetti lill-awtorità pubblika konvenuta, jekk hija titlef il-kawża, tillimita r-responsabbiltà finanzjarja tagħha, li jnaqqas indirettament il-protezzjoni mogħtija permezz ta’ ftehim ta’ onorarji, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas allegat. Hija din ta’ l-aħħar li għandha tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-fatti kollha meħtieġa sabiex din tivverifika l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma tkun tista’ tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-22 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑600/10, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

Issa, f’dan il-każ, il-Kummissjoni sempliċement ikkonstatat fl-opinjoni motivata tagħha li, fil-każ li l-qorti nazzjonali tagħti tali limitazzjoni reċiproka tal-ispejjeż, ir-rikorrent jista’ jinsab ruħu obbligat li jħallas parti mill-onorarji tal-avukat tiegħu, iżda mingħajr ma tat ukoll dettalji dwar il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din il-prattika jew dwar il-konsegwenzi finanzjarji tagħha.

62

Għaldaqstant għandu jitqies li l-argument tal-Kummissjoni ma jidhirx li huwa suffiċjentement sostnut sabiex ikun jista’ jiġi eżaminat.

63

Suġġett għal din ir-riżerva, għandu għaldaqstant jitqies li l-argumenti tal-Kummissjoni dwar l-iskema tal-ispejjeż fir-Renju Unit huma, essenzjalment, fondati.

Il-kontra-impenji fir-rigward tal-għoti tal-miżuri provviżorji

64

Fir-rigward tal-iskema ta’ kontra-impenji imposti mill-qorti fir-rigward tal-għoti tal-miżuri provviżorji, li, kif jirriżulta mid-dokumenti sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, jikkonsistu prinċipalment fl-impożizzjoni fuq ir-rikorrent tal-impenn li jirrimedja d-dannu li jista’ jirriżulta minn miżura provviżorja jekk id-dritt li din il-miżura kellha l-għan li tipproteġi ma jkunx finalment rikonoxxut bħala fondat, għandu jitfakkar li n-natura projbittiva tal-ispiża ta’ proċedura fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 3, u tal-punt 4 tal-Artikolu 4, tad-Direttiva 2003/35 tikkonċerna l-ispejjeż finanzjarji kollha li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni fil-proċedura ġudizzjarja, b’tali mod li għandha tiġi evalwata globalment, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż kollha sostnuti mill-parti kkonċernata (ara s-sentenza Edwards u Pallikaropoulos, iċċitata iktar ’il fuq, punti 27 u 28), suġġett għall-abbuż ta’ dritt.

65

Minbarra dan, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-qorti nazzjonali adita b’kawża rregolata mid-dritt tal-Unjoni għandha tkun tista’ tagħti miżuri provviżorji sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tas-sentenza li ser tingħata fuq l-eżistenza tad-drittijiet invokati abbażi tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et, C‑416/10, punt 107 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), b’mod partikolari fil-qasam tad-dritt dwar l-ambjent (ara s-sentenza Križan et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 109).

66

Għaldaqstant, ir-rekwiżit dwar l-assenza ta’ spiża projbittiva japplika wkoll għall-ispejjeż finanzjarji li jirriżultaw minn miżuri li għalihom il-qorti tista’ tissuġġetta l-għoti ta’ miżuri kawtelatorji fil-kuntest ta’ tilwim li jaqa’ taħt il-punt 7 tal-Artikolu 3, u l-punt 4 tal-Artikolu 4, tad-Direttiva 2003/35.

67

Suġġett għal din ir-riżerva, il-kundizzjonijiet li fihom il-qorti nazzjonali tagħti l-benefiċċju ta’ tali miżuri jaqgħu, fil-prinċipju, biss taħt id-dritt nazzjonali, sakemm jiġu osservati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Ir-rekwiżit dwar l-assenza ta’ spiża projbittiva ma jistax jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi a priori l-applikazzjoni ta’ garanzija finanzjarja bħalma huma l-“kontra-impenji” meta din hija prevista mid-dritt nazzjonali. L-istess jgħodd għall-konsegwenzi finanzjarji li jistgħu, fejn xieraq, jirriżultaw, skont dan id-dritt, minn rikors li jikkostitwixxi abbuż.

68

Min-naħa l-oħra, hija l-qorti li tiddeċiedi fuq dan is-suġġett li għandha tiżgura li r-riskju finanzjarju li jirriżulta għar-rikorrent ikun ukoll inkluż fid-diversi spejjeż iġġenerati mill-każ meta din il-qorti tevalwa jekk l-ispiża tal-proċedura hijiex projbittiva.

69

Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li mid-dokumenti sottomessi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li r-rekwiżit dwar l-assenza ta’ spiża projbittiva huwa impost fuq il-qorti nazzjonali f’dan il-qasam biċ-ċarezza u bil-preċiżjoni kollha mitluba. Fil-fatt, ir-Renju Unit sempliċement isostni li, fil-prattika, kontra-impenji mhux dejjem huma imposti fit-tilwim relatat mad-dritt dwar l-ambjent u li ma humiex mitluba mir-rikorrenti nieqsa minn mezzi finanzjarji.

70

Fir-rigward tal-argument tar-Renju Unit li l-limitazzjoni tal-kontra-impenji tista’ twassal għal ksur tad-dritt għall-proprjetà, il-Qorti tal-Ġustizzja tammetti b’mod kostanti li dan id-dritt ma huwiex prerogattiva assoluta, iżda li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni skont il-funzjoni tiegħu fis-soċjetà. Jistgħu jiġu imposti restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, sakemm dawn jikkorrispondu effettivament għal għanijiet ta’ interess ġenerali u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan li jrid jintlaħaq, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jista’ jippreġudika l-essenza nfisha tad-dritt ggarantit b’dan il-mod (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Križan et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 113 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Il-protezzjoni tal-ambjent tinsab fost dawn l-għanijiet u għaldaqstant tista’ tiġġustifika restrizzjoni fuq l-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà (ara, ukoll, f’dan is-sens is-sentenza Križan et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

Għaldaqstant, għandu jintlaqa’ wkoll l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li s-sistema ta’ kontra-impenji għall-miżuri provviżorji hija tali li tikkostitwixxi fattur supplimentari ta’ inċertezza u ta’ nuqqas ta’ preċiżjoni f’dak li jikkonċerna l-osservanza tar-rekwiżit dwar l-assenza ta’ spiża projbittiva.

72

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma ttrasponiex korrettament il-punt 7 tal-Artikolu 3, u l-punt 4 tal-Artikolu 4, tad-Direttiva 2003/35 sa fejn huma jipprevedu li l-proċeduri ġudizzjarji msemmija ma għandhomx ikunu ta’ spiża projbittiva, ir-Renju Unit naqas mill-obbligi tiegħu skont din id-direttiva.

Fuq l-ispejjeż

73

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju Unit essenzjalment tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Irlanda u r-Renju tad-Danimarka għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ma ttrasponiex korrettament il-punt 7 tal-Artikolu 3, u l-punt 4 tal-Artikolu 4, tad-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, li tipprovdi għall-parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjani u programmi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ambjent u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/337/KEE u 96/61/KE rigward il-parteċipazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas mill-obbligi tiegħu skont din id-direttiva.

 

2)

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq huwa kkundannat għall-ispejjeż. Ir-Renju tad-Danimarka u l-Irlanda għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.