SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

30 ta’ April 2014 ( *1 )

“Settur tat-telekomunikazzjonijiet — Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Article 56 TFUE — Direttiva 2002/21/KE — Provvista transkonfinali ta’ pakkett ta’ programmi tar-radju u tat-televiżjoni — Aċċess kundizzjonali — Ġurisdizzjoni tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali — Reġistrazzjoni — Obbligu ta’ stabbiliment”

Fil-Kawża C‑475/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Settembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Ottubru 2012, fil-proċedura

UPC DTH Sàrl

vs

Nemzeti Média- és Hírközlési Hatóság Elnökhelyettese,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), G. Arestis, J.‑C. Bonichot u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Novembru 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal UPC DTH Sàrl, minn G. Ormai, D. Petrányi, Z. Okányi, P. Szilas u E. Csapó, avukati,

għan-Nemzeti Média- és Hírközlési Hatóság Elnökhelyettese, minn N. Beke, bħala aġent, assistit minn G. Molnár-Bίró, avukat,

għall-Gvern Ungeriż, minn K. Szíjjártó, Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u T. Materne, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u T. Müller, bħala aġenti,

għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas u D. Stepanienė, bħala aġenti,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. Bulterman u C. Wissels, bħala aġenti,

għall-Gvern Rumen, minn R.‑H. Radu, R.‑I. Munteanu u I. Bara‑Buşilă, bħala aġenti,

għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, L. Nicolae u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Jannar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(ċ) u (f) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU L 337, p. 37, iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”), kif ukoll tal-Artikolu 56 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn UPC DTH Sàrl (iktar ’il quddiem “UPC”), kumpannija rregolata mid-dritt Lussemburgiż, u n-Nemzeti Média- és Hírközlési Hatóság Elnökhelyettese (Viċi President tal-awtorità nazzjonali dwar il-komunikazzjonijiet u l-mezzi ta’ komunikazzjoni, iktar ’il quddiem in-“NMHH”), dwar proċedura ta’ sorveljanza tas-suq Ungeriż tal-komunikazzjonijiet elettroniċi mressqa kontra UPC.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Novembru 1998, dwar il-protezzjoni legali ta’ servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 147), jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jqarreb id-dispożizzjonijiet fl-Istati Membri dwar miżuri kontra apparat illeċitu li jagħti aċċess mhux awtorizzat għal servizzi protetti.”

Il-qafas regolatorju l-ġdid applikabbli għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi

4

Il-qafas regolatorju l-ġdid applikabbli għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (iktar ’il quddiem il-“QRĠ”) huwa kkostitwit mid-Direttiva Qafas u minn erba’ direttivi speċifiċi li jakkumpanjawha, fosthom id-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 2009/140 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni”), id-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 323), kif emendata bid-Direttiva 2009/140 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-Aċċess”), u d-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU L 337, p. 11, iktar ’il quddiem id-“Direttiva Servizz Universali”).

– Id-Direttiva Qafas

5

Il-premessa 7 tad-Direttiva Qafas taqra kif ġej:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u tad-Direttivi Speċifiċi huma mingħajr preġudizzju għall-possibiltà li kull Stat Membru jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura l-protezzjoni ta’ l-interessi tiegħu ta’ sigurtà, biex jissalvagwardja l-politika pubblika u s-sigurtà pubblika, u biex jippermettu l-investigazzjoni, l-kxif u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, nkluż it-twaqqif ta’ awtoritajiet nazzjonali regolatorji ta’ obbligazzjonijiet speċifiċi u proporzjonali applikabbli għall-provdituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.”

6

L-Artikolu 1(1) u (3) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas armonizzat għar-regolazzjoni tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, tan-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika, tal-faċilitajiet assoċjati u tas-servizzi asssoċjati […] Tistabbilixxi l-kompiti tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u tistabbilixxi lista ta’ proċeduri biex tiżgura l-applikazzjoni armonizzata tal-qafas regolatorju f’kull parti tal-Komunità.

[…]

3.   Din id-Direttiva kif ukoll id-Direttivi Speċifiċi huma mingħajr preġudizzju għall-miżuri meħuda fil-livell tal-Komunità jew nazzjonali, b’konformità mal-liġi tal-Komunità, li jfittxu miri ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari li jirrelataw mar-regolament tal-kontenut u l-politika awdjo-viżwali.”

7

L-Artikolu 2 tad-Direttiva Qafas, intitolat “Tifsiriet [Definizzjonijiet]”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)

‘network ta’ komunikazzjoni elettronika’ tfisser sistemi ta’ trażmissjoni […] li jippermettu t-twassil ta’ sinjali permezz ta’ wajer […] jew [mezzi] elettromanjetiċi oħra, inklużi networks tas-satellita, […];

[…]

(ċ)

‘sevizzi [servizz] ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi’ tfisser servizz normalment provdut bi ħlas li jikkonsisti kollu kemm hu jew fil-parti l-kbira tiegħu fit-twassil ta’ sinjali fuq networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, inklużi servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet u servizzi ta’ trasmissjoni f’servizzi wżati għax-xandir, iżda esklużi servizzi li jipprovdu, b’eżerċizzu ta’ kontroll editorjali fuq, kontenut trasmess bl-użu ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi; ma jinkludix servizzi tas-soċjeta ta’ l-informazzjoni, kif definiti f’Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34/KE, li ma jikkonsistux kollha kemm huma jew fil-parti l-kbira tagħhom għat-twassil ta’ sinjali b’networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi;

[…]

(ea)

‘servizzi assoċjati’ tfisser dawk is-servizzi assoċjati ma’ network tal-komunikazzjoni elettronika u/jew servizz tal-komunikazzjoni elettronika li jagħmlu possibbli u/jew jissapportjaw il-provvista ta’ servizzi permezz ta’ dak in-network u/jew servizz jew li għandhom il-potenzjal li jagħmlu dan, u jinkludu, inter alia, […] sistemi ta’ aċċess kundizzjonali […];

(f)

‘sistema ta’ aċċess kondizzjonali’ tfisser kull mezz tekniku u/jew arranġament li bih l-aċċess għal servizz protett tax-xandir bir-radju jew televiżjoni f’forma li tiftiehem ikun kondizzjonal bi sħubija [ikun suġġett għal abbonament jew] forma oħra ta’ awtorizzazzjoni ndividwali minn qabel;

[…]

(k)

‘abbonat’ tfisser kull persuna naturali jew entità legali li jew hija parti f’kuntratt mal-provditur ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għall-provista ta’ dawk is-servizzi;

[…]”

8

Mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva Qafas jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jieħdu l-miżuri kollha raġonevoli intiżi sabiex jippromwovu l-kompetizzjoni fil-provvista tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jiżviluppaw is-suq intern u jippromwovu l-interessi taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, u għandhom jiżguraw li dawn il-miżuri jkunu proporzjonati għal dawn l-għanijiet.

– Id-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni

9

Il-premessa 15 ta’ din id-direttiva taqra kif ġej:

“Il-kondizzjonijiet li jistgħu jiġi stipulati f’awtorizzazzjoni ġenerali u għad-drittijiet speċifiċi ta’ użu, għandhom ikunu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ biex tiġi żgurata l-konformità mal-ħtiġiet u l-obbligi taħt il-liġi tal-Komunità u l-liġi nazzjonali skond il-liġi tal-Komunità.”

10

L-Artikolu 3 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, intitolat “Awtorizzazzjoni ġenerali ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”, jipprovdi fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.   Il-forniment ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jew il-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jista’, mingħajr preġudizzju għall-obbligi speċifiċi msemmija f’Artikolu 6(2) jew għad-drittijiet ta’ użu msemmija f’Artikolu 5, biss ikun suġġett għal awtorizzazzjoni ġenerali. L-impriża konċernata tista’ tkun meħtieġa li tissottometti notifikazzjoni iżda m’għandhiex tkun meħtieġa li tikseb deċiżjoni espliċita jew xi att amministrattiv ieħor mill-awtorità regolatorja nazzjonali qabel ma teżerċita d-drittijiet li joħorġu mill-awtorizzazzjoni. Man-notifikazzjoni, fejn meħtieġa, impriża tista’ tibda l-attività, fejn meħtieġ suġġetta għad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta’ użu f’Artikoli 5, 6 u 7.

L-impriżi li jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika transkonfinali għal impriżi li jinsabu f’numru ta’ Stati Membri m’għandhomx jiġu meħtieġa jressqu aktar minn notifika waħda għal kull Stat Membru kkonċernat.

3.   In-notifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 m’għandhiex tinvolvi aktar minn dikjarazzjoni minn persuna legali jew naturali lill-awtorità regolatorja nazzjonali ta’ l-intenzjoni li tibda l-forniment ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u s-sottomissjoni ta’ l-informazzjoni minima li hija meħtieġa li tippermetti lill-awtorità regolatorja nazzjonali li żżomm reġistru jew lista tal-fornituri ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Din l-informazzjoni għandha tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ għall-identifikazzjoni tal-fornitur, bħan-numri tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija, u l-persuni ta’ kuntatt tal-fornitur, l-indirizz tal-fornitur, deskrizzjoni qasira tan-network jew is-servizz, u d-data li fiha jkun mistenni li jibda l-attività.”

11

L-Artikolu 6 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, intitolat “Il-kondizzjonijiet stipulati ma’ l-awtorizzazzjoni ġenerali u d-drittijiet ta’ użu għall-frekwenzi tar-radju u għan-numri, u obbligi speċifiċi”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   L-awtorizzazzjoni ġenerali biex ikunu pprovduti n-netwerks u s-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, id-drittijiet għall-użu tal-frekwenzi tar-radju, u d-drittijiet għall-użu tan-numri, tista’ tkun soġġetta biss għall-kundizzjonijiet elenkati fl-Anness. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom ikunu proporzjonati, trasparenti u mhux diskriminatorji […].

[...]

3.   L-awtorizzazzjoni ġenerali għandu jkun fiha biss kondizzjonijiet li huma speċifiċi għal dak is-settur u li huma mniżżla fit-Taqsima A ta’ l-Anness u m’għandhiex tidduplika kondizzjonijiet li huma applikabbli għal impriżi bis-saħħa ta’ xi leġislazzjoni nazzjonali oħra.”

12

L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni jaqra kif ġej:

“Mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ informazzjoni u rapportar taħt il-leġislazzjoni nazzjonali barra mill-awtorizzazzjoni ġenerali, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu biss jeħtieġu lill-impriżi li jipprovdu nformazzjoni taħt l-awtorizzazzjoni ġenerali […] li hija proporzjonata u oġġettivament ġustifikata […]”

13

Il-punt 8 tat-Taqsima A tal-Anness tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni jsemmi r-regoli u l-kundizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur li huma speċifiċi għas-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

– Id-Direttiva tal-Aċċess

14

L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Aċċess jipprovdi:

“L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8, jimponu obbligi għat-trasparenza b’relazzjoni mal-interkonnessjoni u/jew aċċess, li jeħtieġu li l-operaturi jagħmlu pubbliku informazzjoni speċifika, bħal informazzjoni dwar il-kontabilità, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-karatteristiċi tan-netwerk, it-termini u kondizzjonijiet għall-forniment u l-użu […]”

– Id-Direttiva 2009/140

15

Il-premessa 5 tad-Direttiva 2009/140 taqra kif ġej:

“L-għan huwa li progressivament jitnaqqsu r-regoli speċifiċi ex-ante tas-settur hekk kif tiżviluppa l-kompetizzjoni fis-suq u, finalment, li l-komunikazzjoni elettronika tkun regolata biss mill-liġi dwar il-kompetizzjoni. Meta wieħed iqis li s-swieq għal komunikazzjoni elettronika wrew dinamiċi kompetittivi qawwija fis-snin riċenti, huwa essenzjali li obbligi regolatorji ex-ante għandhom jiġu imposti biss fejn m’hemm l-ebda kompetizzjoni effettiva u sostenibbli”.

Id-dritt Ungeriż

16

Il-QRĠ ġie traspost fid-dritt Ungeriż, b’mod partikolari, permezz tal-Liġi Nru C tal-2003, dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi [(Az elektronikus hírközlésről szóló törvény, Magyar Közlöny 2003/136 (XI.27)]).

17

L-Artikolu 1 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“(1)   Din il-liġi tapplika

a)

għal kull attività ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi mwettqa fit-territorju tar-Repubblika tal-Ungerija jew diretta lejn dan it-territorju, kif ukoll għal kull attività li matulha jiġi trażmess sinjal ta’ frekwenza tar-radju;

b)

għal kull persuna fiżika jew ġuridika, kif ukoll għal kull organu ieħor li ma għandux personalità ġuridika u għad-diriġenti tiegħu, li jipprovdu s-servizz jew iwettqu l-attività prevista fil-punt a) jew attività marbuta magħha.

[…]”

18

Skont l-Artikolu 10(m) tal-imsemmija liġi, l-awtorità regolatorja nazzjonali tittratta b’mod partikolari kwistjonijiet amministrattivi marbuta man-notifikazzjoni tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, mal-ġestjoni tal-identifikaturi, maż-żamma tar-reġistri previsti mil-leġiżlazzjoni, mal-eliminazzjoni ta’ interferenza u mas-sorveljanza tas-suq.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19

UPC hija kumpannija kummerċjali rreġistrata fil-Lussemburgu li, mit-territorju Lussemburgiż, tipprovdi lill-abbonati residenti fi Stati Membri oħra, u b’mod partikolari fl-Ungerija, pakketti ta’ servizzi ta’ xandir radjofoniku u awdjoviżiv suġġetti għal aċċess kundizzjonali u li jistgħu jiġu rċevuti bis-satellita.

20

Billi ma hijiex is-sid tal-infrastruttura satellitari, UPC tuża s-servizzi ta’ terzi għal dan il-għan. Barra minn hekk, hija ma teżerċita ebda kontroll editorjali fuq il-programmi. Il-prezz iffatturat lill-utenti tas-servizz jinkludi kemm l-ispejjeż ta’ trażmissjoni kif ukoll it-tariffi mħallsa lix-xandara u lis-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva fil-kuntest tal-pubblikazzjoni tal-kontenut tagħhom.

21

Fl-Ungerija, in-NMHH hija l-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

22

Fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni tal-attivitajiet tagħha f’dan l-Istat Membru, UPC kellha diskussjonijiet, mir-rebbiegħa tal-2010, mal-predeċessur tan-NMHH, b’mod partikolari, dwar l-obbligu, għal fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, li jkun irreġistrat mill-awtorità regolatorja nazzjonali kompetenti fit-territorju li fih dan tal-aħħar ikollu l-intenzjoni li jipprovdi tali servizzi.

23

Fit-8 ta’ Ottubru 2010, UPC informat lin-NMHH li kienet ressqet talba għal opinjoni quddiem l-awtoritajiet kompetenti abbażi tal-uffiċċju reġistrat tagħha, jiġifieri l-Institut luxembourgeois de régulation (iktar ’il quddiem l-“ILR”), bil-għan li tiġi speċifikata s-sitwazzjoni legali tagħha. L-ILR ta opinjoni li kienet tindika li l-awtoritajiet Lussemburgiżi kellhom ġurisdizzjoni territorjali f’dak li jirrigwarda s-servizzi pprovduti minn UPC u li, fid-dawl tad-dritt Lussemburgiż, is-servizz ipprovdut minn din il-kumpannija ma kienx servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

24

B’deċiżjoni tal-21 ta’ Ottubru 2010, in-NMHH, bħala awtorità tal-ewwel istanza, bdiet proċedura ta’ sorveljanza tas-suq kontra UPC. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, in-NMHH ordnat lil UPC tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha d-dokumentazzjoni dwar ir-relazzjoni kuntrattwali tagħha ma’ wieħed mill-abbonati tagħha.

25

Fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-opinjoni tal-ILR, UPC irrifjutat li tikkomunika l-informazzjoni mitluba u talbet lin-NMHH ittemm il-proċedura ta’ sorveljanza tas-suq minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali u ratione materiae. Sussegwentement, b’deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2010, in-NMHH imponiet multa ta’ 300 000 forint Ungeriż (HUF) fuq UPC, għar raġuni li din tal-aħħar ma kinitx ikkomunikatilha l-informazzjoni mitluba. UPC appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Viċi President tan-NMHH li, bħala awtorità tat-tieni istanza, ċaħad l-imsemmi appell.

26

UPC għalhekk talbet lill-qorti tar-rinviju twettaq stħarriġ ġudizzjarju ta’ din id-deċiżjoni, billi invokat ksur tad-dritt nazzjonali. Il-Fővárosi Törvényszék annullat l-imsemmija deċiżjoni għal raġunijiet proċedurali u ordnat lill-President tan-NMHH jeżamina din tal-aħħar mill-ġdid.

27

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami mill-ġdid, il-Viċi President tan-NMHH iddikjara li kellu ġurisdizzjoni internazzjonali u ratione materiae u ċaħad mill-ġdid l-appell ippreżentat minn UPC mid-deċiżjoni tal-ewwel istanza, filwaqt li naqqas il-multa imposta għal HUF 100 000.

28

UPC għalhekk ressaq rikors għal stħarriġ ġudizzjarju quddiem il-qorti tar-rinviju bil-għan li jiġu annullati kemm din id-deċiżjoni kif ukoll id-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza.

29

Skont il-Fővárosi Törvényszék, sabiex tiġi deċiża l-kawża mressqa quddiemha, jeħtieġ li l-ewwel tingħata risposta, b’mod partikolari, fir-rigward tal-kwistjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni ratione materiae u territorjali tal-awtoritajiet Ungeriżi u Lussemburgiżi u dwar il-kompatibbiltà tas-servizz ipprovdut minn UPC mad-dritt tal-Unjoni.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fővárosi Törvényszék iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 2(c) tad-[Direttiva Qafas] għandu jiġi interpretat fis-sens li wieħed jista’ jikkwalifika bħala servizz ta’ komunikazzjoni elettronika s-servizz li fil-kuntest tiegħu l-fornitur tas-servizzi jipprovdi, bi ħlas, aċċess taħt kundizzjonijiet għal pakkett ta’ programmi trażmess bis-satellita, li jinkludi servizzi ta’ xandir radjofoniku u televiżiv?

2)

It-Trattat [FUE] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi bejn l-Istati Membri jestendi għas-servizz imsemmi fl-ewwel domanda sa fejn dan huwa servizz ipprovdut mil-Lussemburgu fit-territorju tal-Ungerija?

3)

It-Trattat [FUE] għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’każ ta’ servizz kif imsemmi fl-ewwel domanda, il-pajjiż ta’ destinazzjoni li għalih ikun intiż is-servizz, għandu d-dritt li jirrestrinġi l-provvista ta’ tali servizzi permezz ta’ ħtieġa ta’ reġistrazzjoni obbligatorja tas-servizz fl-Istat Membru u l-istabbiliment ta’ fergħa jew ta’ entità ġuridika separata, filwaqt li tinsisti li tali servizz ma jistax jiġi pprovdut jekk mhux permezz ta’ fergħa jew ta’ entità separata?

4)

It-Trattat [FUE] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-proċeduri relatati mas-servizzi msemmija fl-ewwel domanda jaqgħu taħt l-awtorità tal-Istat Membru territorjalment kompetenti fir-rigward tal-post fejn is-servizz jiġi pprovdut — indipendentement mill-Istat Membru fejn topera jew hija rreġistrata l-impriża li tipprovdi s-servizz?

5)

L-Artikolu 2(c) tad-[Direttiva Qafas] għandu jiġi interpretat fis-sens li s-servizz imsemmi fl-ewwel domanda huwa servizz ta’ komunikazzjoni elettronika jew li s-servizz deskritt fl-ewwel domanda huwa servizz ta’ aċċess taħt kundizzjonijiet ipprovdut permezz ta’ sistema ta’ aċċess taħt kundizzjonijiet imfisser fl-Artikolu 2(f) [ta’ din id-direttiva]?

6)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-dispożizzjonijiet rilevanti għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-fornitur tas-servizz imsemmi fl-ewwel domanda huwa fornitur ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika fid-dawl tal-leġiżlazzjoni [tal-Unjoni]?”

Fuq id-domandi preliminari

31

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li d-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju jistgħu jiġu kklassifikati f’żewġ gruppi distinti, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li qiegħda tintalab l-interpretazzjoni tagħhom.

32

Fil-fatt, filwaqt li l-ewwel grupp jikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Direttiva Qafas, bil-għan li jiġu ddeterminati n-natura u l-kontenut tal-attività mwettqa minn UPC (l-ewwel, il-ħames u s-sitt domandi), is-suġġett tat-tieni grupp huwa l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif stabbilit mill-Artikolu 56 TFUE, għas-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali (it-tieni sar-raba’ domandi).

Fuq l-interpretazzjoni tad-Direttiva Qafas

33

Permezz tal-ewwel, tal-ħames u tas-sitt domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk servizz li jikkonsisti fil-provvista, bi ħlas, ta’ aċċess kundizzjonali għal pakkett trażmess bis-satellita li jinkludi servizzi ta’ xandir radjofoniku u televiżiv jaqax taħt il-kunċett ta’ “sevizzi [servizz] ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva Qafas jew jekk għandux jiġi kklassifikat bħala “sistema ta’ aċċess kondizzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva. Il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf ukoll jekk il-fornitur ta’ tali servizz għandux jitqies li huwa fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fid-dawl tal-QRĠ.

34

Fis-sentenza tagħha UPC Nederland (C‑518/11, EU:C:2013:709), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat kwistjoni analoga għal dik magħmula fl-ewwel lok mill-qorti tar-rinviju.

35

L-imsemmija kawża UPC Nederland kienet tirrigwarda servizz ta’ provvista ta’ pakkett ta’ programmi tar-radju u tat-televiżjoni aċċessibbli bil-cable, li din il-kumpannija kienet toffri lir-residenti ta’ muniċipalità fil-Pajjiżi l-Baxxi.

36

Fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li d-Direttiva Qafas tistabbilixxi distinzjoni ċara bejn il-produzzjoni tal-kontenut, li timplika responsabbiltà editorjali, u t-twassil tal-kontenut, mingħajr l-ebda responsabbiltà editorjali. Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-kontenut u t-trażmissjoni tiegħu huma suġġetti għal leġiżlazzjonijiet separati li jsegwu l-għanijiet speċifiċi tagħhom (ara s-sentenza UPC Nederland, EU:C:2013:709, punt 41).

37

Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li, minkejja li l-klijenti ta’ UPC Nederland BV jinkitbu f’abbonament sabiex ikollhom aċċess għall-pakkett bażiku aċċessibbli bil-cable li din il-kumpannija tipproponi, dan ma jfissirx, madankollu, li l-attività ta’ din tal-aħħar, li tikkonsisti fix-xandir tal-programmi prodotti mill-edituri ta’ kontenut, f’dan il-każ il-kanali tar-radju u tat-televiżjoni, billi twassal dawn il-programmi sal-punt tal-konnessjoni man-netwerk bil-cable tagħha li jinsab fid-dar tal-abbonati tagħha, għandha tkun eskluża mill-kunċett ta’ “sevizzi [servizz] ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva Qafas (ara s-sentenza UPC Nederland, EU:C:2013:709, punt 43).

38

Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-provvista ta’ pakkett bażiku aċċessibbli bil-cable taqa’ taħt il-kunċett ta’ servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u għaldaqstant taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-QRĠ, sakemm dan is-servizz jinkludi t-trażmissjoni ta’ sinjali fin-netwerk ta’ teledistribuzzjoni bil-cable (ara s-sentenza UPC Nederland, EU:C:2013:709, punt 44).

39

Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat ukoll li l-fatt li l-ispejjeż ta’ trażmissjoni ffatturati lill-abbonati jinkludu r-remunerazzjoni dovuta lill-kanali tax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni u d-drittijiet imħallsin lis-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur għax-xandir tal-kontenut tax-xogħlijiet ma jistax jipprekludi l-klassifikazzjoni tas-servizz ipprovdut minn UPC Nederland BV bħala “sevizzi [servizz] ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”, fis-sens tal-QRĠ (ara s-sentenza UPC Nederland, EU:C:2013:709, punt 46).

40

Issa, kif issostni UPC Nederland BV u kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, UPC ma tipproduċix hija stess il-programmi tar-radju u tat-televiżjoni li xxandar u ma tassumix ir-responsabbiltà editorjali tal-kontenut ta’ dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, l-abbonament għas-servizz ipprovdut minn UPC jinkludi mhux biss l-ispejjeż ta’ trażmissjoni, iżda wkoll it-tariffi mħallsa lix-xandara u lis-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva fil-kuntest tal-pubblikazzjoni tal-kontenut tal-programmi mxandra.

41

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(a) u (ċ) tad-Direttiva Qafas, il-fatt li t-trażmissjoni ta’ sinjali fuq netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi titwettaq bil-cable jew permezz ta’ infrastruttura satellitari bl-ebda mod ma huwa determinanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “sevizzi [servizz] ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

42

Madankollu, UPC issostni li hija ma tipprovdix servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva Qafas, billi ma tittrażmetti ebda sinjal u ma tippossedix netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jiġifieri infrastruttura satellitari. Għal dan il-għan, hija tuża s-servizzi u l-apparat ta’ terzi.

43

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li t-trażmissjoni tas-sinjali seħħet permezz ta’ infrastruttura li ma tappartjenix lil UPC huwa irrilevanti għall-klassifikazzjoni tan-natura tas-servizz. Fil-fatt, f’dan ir-rigward huwa biss rilevanti l-fatt li UPC hija responsabbli lejn l-utenti finali tat-trażmissjoni tas-sinjal li tiżgura li dawn tal-aħħar jirċievu s-servizz li abbonaw ruħhom għalih.

44

Kull interpretazzjoni oħra tnaqqas b’mod kunsiderevoli l-portata tal-QRĠ, tippreġudika l-effettività tad-dispożizzjonijiet tiegħu u, għaldaqstant, tikkomprometti t-twettiq tal-għanijiet li dan il-qafas ifittex li jilħaq. Fil-fatt, peress li, kif jirriżulta mill-premessa 5 tad-Direttiva 2009/140, l-għan innifsu tal-QRĠ huwa li jiġi stabbilit suq intern ġenwin tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, li fil-kuntest tiegħu dawn tal-aħħar għandhom, biż-żmien, jiġu rregolati biss mid-dritt tal-kompetizzjoni, l-esklużjoni tal-attivitajiet ta’ impriża bħal UPC mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, bl-iskuża li ma hijiex detentriċi tal-infrastruttura satellitari li tippermetti t-trażmissjoni tas-sinjali, effettivament iċċaħħad lill-QLĠ minn parti sostanzjali tal-portata tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza UPC Nederland, EU:C:2013:709, punt 45).

45

Għalkemm l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza UPC Nederland tippermetti li tingħata risposta għad-domanda dwar il-klassifikazzjoni, abbażi tal-QRĠ, tas-servizz ipprovdut minn UPC, għandu madankollu jitfakkar li l-imsemmi servizz huwa suġġett għal aċċess kundizzjonali, billi l-abbonati ta’ UPC għandhom aċċess biss għall-programmi trażmessi bis-satellita wara li jiġu ddeċifrati.

46

Dan il-fatt wassal lill-qorti tar-rinviju sabiex tistaqsi jekk is-servizz ipprovdut minn UPC kellux jiġi kkunsidrat, mhux bħala servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva Qafas, iżda bħala “sistema ta’ aċċess kondizzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 2(f) tal-istess direttiva.

47

Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tagħha, dan id-dubju tal-qorti tar-rinviju jidher li huwa bbażat fuq il-premessa li servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u sistema ta’ aċċess kundizzjonali jeskludu lil xulxin.

48

Din il-premessa hija żbaljata.

49

Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(f) tad-Direttiva Qafas jiddefinixxi s-“sistema ta’ aċċess kondizzjonali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bħala “kull mezz tekniku u/jew arranġament li bih l-aċċess għal servizz protett tax-xandir bir-radju jew televiżjoni f’forma li tiftiehem ikun kondizzjonal bi sħubija [ikun suġġett għal abbonament jew] forma oħra ta’ awtorizzazzjoni ndividwali minn qabel”

50

Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li sistema ta’ aċċess kundizzjonali tikkostitwixxi modalità ta’ aċċess għal servizz tar-radju jew tat-televiżjoni u jippresupponi l-installazzjoni ta’ apparat tekniku li l-għan tiegħu huwa li l-aċċess għal tali servizz jiġi limitat biss għall-persuni li jkunu nkitbu f’abbonament mal-fornitur ta’ tali servizz. Madankollu, is-sistema ta’ aċċess kundizzjonali ma tippermettix, minnha nfisha, l-aċċess għas-servizz tar-radju jew tat-televiżjoni. Tali aċċess jiddependi dejjem mit-trażmissjoni tas-sinjali permezz tan-netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

51

Għalhekk, l-implementazzjoni ta’ sistema ta’ aċċess kundizzjonali hija marbuta direttament mal-provvista tas-servizz protett. Fil-fatt, fis-sitwazzjonijiet kollha fejn l-operatur tas-sistema ta’ aċċess kundizzjonali huwa, fl-istess ħin, il-fornitur tas-servizz ta’ xandir ta’ programmi tar-radju jew tat-televiżjoni, li jidher li huwa l-każ fil-kawża prinċipali, dan huwa servizz unifikat li fil-kuntest tiegħu l-provvista tas-servizz tar-radju jew tat-televiżjoni tikkostitwixxi l-element ċentrali tal-attività mwettqa mill-imsemmi operatur, filwaqt li s-sistema ta’ aċċess kundizzjonali hija l-element anċillari.

52

Fid-dawl tan-natura anċillari tagħha, sistema ta’ aċċess kundizzjonali tista’ tkun marbuta ma’ servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li l-għan tiegħu huwa x-xandir ta’ programmi tar-radju jew tat-televiżjoni, mingħajr madankollu ma dan is-servizz jitlef l-istatus ta’ servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

53

Din il-konklużjoni hija msaħħa bl-Artikolu 2(ea) tad-Direttiva Qafas, li jgħid li s-sistemi ta’ aċċess kundizzjonali huma servizzi assoċjati ma’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u/jew ma’ servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jippermettu l-provvista ta’ servizzi permezz ta’ dan in-netwerk u/jew dan is-servizz.

54

Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li d-Direttiva 98/84 tistabbilixxi regoli speċifiċi għas-sistemi ta’ aċċess kundizzjonali, jibqa’ l-fatt li, skont l-Artikolu 1 tagħha, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva huwa limitat għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar miżuri kontra apparat illeċitu li jagħti aċċess mhux awtorizzat għal servizzi protetti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija direttiva ma taffettwax il-klassifikazzjoni ta’ servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li l-kontenut tiegħu huwa suġġett għal aċċess kundizzjonali.

55

Minbarra dan, fir-rigward tal-kwistjoni jekk fornitur ta’ servizz, bħal dak ipprovdut minn UPC, jistax jitqies li huwa fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fid-dawl tal-QRĠ, għandu jiġi rrilevat li la d-Direttiva Qafas u lanqas id-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni ma jinkludu definizzjoni tal-kunċett ta’ “fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”.

56

Madankollu, l-Artikolu 2(k) tad-Direttiva Qafas jiddefinixxi l-kunċett ta’ “abbonat” bħala kull persuna fiżika jew entità ġuridika li hija parti f’kuntratt ma’ “provditur ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għall-provista ta’ dawk is-servizzi”.

57

Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li min jipprovdi servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva Qafas, huwa fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fis-sens ta’ din id-direttiva.

58

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel, il-ħames u s-sitt domandi għandha tkun li l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li servizz li jikkonsisti fil-provvista, bi ħlas, ta’ aċċess kundizzjonali għal pakkett trażmess bis-satellita li jinkludi servizzi ta’ xandir radjofoniku u televiżiv jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “sevizzi [servizz] ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. Il-fatt li dan is-servizz jinkludi sistema ta’ aċċess kundizzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(ea) u (f) tad-Direttiva Qafas huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. Operatur li jipprovdi servizz, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitqies li huwa fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, fid-dawl tad-Direttiva Qafas.

Fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi

Fuq it-tieni domanda

59

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, servizz li jikkonsisti fil-provvista, bi ħlas, ta’ aċċess kundizzjonali għal pakkett trażmess bis-satellita li jinkludi servizzi ta’ xandir radjofoniku u awdjoviżiv jikkostitwixxix provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE.

60

Huwa paċifiku li UPC hija kumpannija stabbilita fil-Lussemburgu li tipprovdi pakketti ta’ servizzi ta’ xandir radjofoniku u awdjoviżiv lill-abbonati residenti fi Stati Membri oħra.

61

Issa skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-emissjoni ta’ sinjali televiżivi u t-trażmissjoni tagħhom jaqgħu taħt ir-regoli tat-Trattat dwar il-provvista ta’ servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi De Coster, C‑17/00, EU:C:2001:651, punt 28, u United Pan-Europe Communications Belgium et, C‑250/06, EU:C:2007:783, punt 28).

62

Madankollu, il-kwistjoni jekk leġiżlazzjoni nazzjonali fis-settur tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, bħal-Liġi Nru C tal-2003, għandhiex tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE tiddependi mil-livell ta’ armonizzazzjoni li ntlaħaq fi ħdan l-Unjoni f’dan is-settur.

63

Fil-fatt, kull miżura nazzjonali f’qasam li kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni kompleta fil-livell tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni, u mhux fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Deutscher Apothekerverband, C‑322/01, EU:C:2003:664, punt 64, u Citroën Belux C‑265/12, EU:C:2013:498 , punt 31).

64

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessa 7 tad-Direttiva Qafas, “[i]d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u tad-Direttivi Speċifiċi [li jikkostitwixxu l-QRĠ] huma mingħajr preġudizzju għall-possibiltà li kull Stat Membru jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura l-protezzjoni ta’ l-interessi tiegħu ta’ sigurtà, biex jissalvagwardja l-politika pubblika u s-sigurtà pubblika, u biex jippermettu l-investigazzjoni, l-kxif u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, nkluż it-twaqqif ta’ awtoritajiet nazzjonali regolatorji ta’ obbligazzjonijiet speċifiċi u proporzjonali applikabbli għall-provdituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”.

65

Għalhekk, l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva Qafas jipprovdi li l-miżuri meħuda fuq livell nazzjonali, b’osservanza tal-liġi tal-Unjoni, li jfittxu li jilħqu miri ta’ interess ġenerali, ma humiex ippreġudikati.

66

Barra minn hekk, mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva Qafas jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jieħdu l-miżuri kollha raġonevoli intiżi sabiex jippromwovu l-kompetizzjoni fil-provvista tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jiżviluppaw is-suq intern u jippromwovu l-interessi taċ-ċittadini tal-Unjoni, u għandhom jiżguraw li dawn il-miżuri jkunu proporzjonati għal dawn l-għanijiet.

67

Fl-istess sens, il-premessa 15 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni tiddikjara li l-kundizzjonijiet li jistgħu jiġu stipulati f’awtorizzazzjoni ġenerali għandhom ikunu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ biex tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligi previsti mid-dritt nazzjonali f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

68

Min-naħa tagħha, id-Direttiva tal-Aċċess tipprovdi, fl-Artikolu 9(1) tagħha, li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jimponu obbligi ta’ trasparenza b’relazzjoni mal-interkonnessjoni u/jew aċċess, li jeħtieġu li l-operaturi jagħmlu pubblika informazzjoni speċifika.

69

Fl-aħħar nett, fis-sentenza Telekomunikacja Polska (C‑522/08, EU:C:2010:135, punt 29), il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li kkonstatat li l-Artikolu 20 tad-Direttiva Servizz Universali kienet tapplika bla ħsara għal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-konsumatur li tkun f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, iddeċidiet li d-Direttiva Qafas u d-Direttiva Servizz Universali ma jipprovdux armonizzazzjoni kompleta tal-aspetti relatati mal-protezzjoni tal-konsumaturi.

70

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li d-dritt tal-Unjoni ma wettaqx armonizzazzjoni kompleta tas-settur tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u, għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 56 TFUE f’dak li jirrigwarda l-aspetti mhux koperti mill-QRĠ.

71

Madankollu, in-NMHH u l-Gvern Ungeriż jipproponu li t-tieni domanda tingħata risposta negattiva, sa fejn UPC ma twettaq ebda attività ta’ provvista ta’ servizzi ta’ xandir radjofoniku u awdjoviżiv fl-Istat Membru tal-uffiċċju reġistrat tagħha.

72

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li d-dritt, stabbilit mill-Artikolu 56 TFUE, li operatur ekonomiku stabbilit fi Stat Membru jipprovdi servizzi fi Stat Membru ieħor, ma huwiex suġġett għall-kundizzjoni li l-imsemmi operatur jipprovdi wkoll tali servizzi fl-Istat Membru li fih huwa stabbilit. Fil-fatt, dan l-artikolu jeżiġi biss li l-fornitur ikun stabbilit fi Stat Membru li ma huwiex dak tad-destinatarju (ara s-sentenza Carmen Media Group, C‑46/08, EU:C:2010:505, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

Barra minn hekk, il-Gvern Ċek, il-Gvern Rumen u l-Gvern Slovakk isostnu li l-attività mwettqa minn UPC fit-territorju Ungeriż ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 56 TFUE, sa fejn din l-attività ma hijiex ta’ natura temporanja jew okkażjonali, iżda hija ta’ natura permanenti u sistematika. F’dawn iċ-ċirkustanzi, UPC tinvoka b’mod abbużiv l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, iggarantiti minn dan l-artikolu.

74

Għandu jiġi osservat ukoll li ebda dispożizzjoni tat-Trattat ma tippermetti li jiġi ddeterminat, b’mod astratt, it-tul jew il-frekwenza li abbażi tagħha l-provvista ta’ servizz jew ta’ ċertu tip ta’ servizz fi Stat Membru ieħor ma tistax tibqa’ titqies li hija provvista ta’ servizzi, b’mod li l-kunċett ta’ “servizz” fis-sens tat-Trattat jista’ jkopri servizzi ta’ natura differenti ħafna, inklużi servizzi li l-provvista tagħhom hija mifruxa fuq perijodu estiż, saħansitra fuq diversi snin (ara s-sentenza Schnitzer, C‑215/01, EU:C:2003:662, punti 30 u 31, u Duomo Gpa et, C‑357/10 sa C‑359/10, EU:C:2012:283, punt 32).

75

Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li operatur ekonomiku stabbilit fi Stat Membru jipprovdi servizzi identiċi jew simili b’mod iktar jew inqas frekwenti jew regolari fi Stat Membru ieħor mingħajr ma jkollu, hemmhekk, infrastruttura li tippermettilu jwettaq attività professjonali b’mod stabbli u kontinwu u joffri s-servizzi tiegħu mill-imsemmija infrastruttura, fost l-oħrajn, liċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru, ma huwiex suffiċjenti sabiex jitqies li huwa stabbilit fl-imsemmi Stat Membru (sentenza Schnitzer, EU:C:2003:662, punt 32).

76

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li impriża tkun stabbiliet ruħha fi Stat Membru bil-għan li tevita l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor ma jeskludix li t-trażmissjonijiet tagħha jistgħu jitqiesu li huma servizzi fis-sens tat-Trattat. Fil-fatt, din il-kwistjoni hija distinta mill-kwistjoni dwar x’miżuri huwa awtorizzat jieħu Stat Membru sabiex jimpedixxi fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor milli jevita l-leġiżlazzjoni interna tiegħu (ara s-sentenza TV10, C‑23/93, EU:C:1994:362, punt 15).

77

Minbarra dan, l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali bil-għan li wieħed jibbenefika minn leġiżlazzjoni iktar vantaġġuża ta’ Stat Membru ieħor, fih innifsu, ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li sar użu abbużiv minn din il-libertà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C‑196/04, EU:C:2006:544, punt 37).

78

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, servizz li jikkonsisti fil-provvista, bi ħlas, ta’ aċċess kundizzjonali għal pakkett trażmess bis-satellita li jinkludi servizzi ta’ xandir radjofoniku u awdjoviżiv jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE.

Fuq ir-raba’ domanda

79

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf, essenzjalment, jekk il-proċeduri ta’ sorveljanza relatati mas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqgħux taħt l-awtoritajiet tal-Istat Membru li fih jirrisjedu d-destinatarji tal-imsemmija servizzi jew taħt dawk tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinsab l-impriża li tipprovdi dawn l-istess servizzi.

80

Din id-domanda toriġina mid-diskussjoni li seħħet fil-kawża prinċipali dwar il-ġurisdizzjonijiet ratione materiae u territorjali rispettivi tal-awtoritajiet Lussemburgiżi u Ungeriżi f’dak li jirrigwarda l-proċeduri ta’ sorveljanza applikabbli għall-attivitajiet ta’ xandir radjofoniku u awdjoviżiv, imwettqa mit-territorju Lussemburgiż u intiżi għal persuni residenti fit-territorju Ungeriż.

81

Għandu jitfakkar li l-kawża prinċipali tirrigwarda l-legalità ta’ multa imposta fuq UPC min-NMHH, minħabba li din il-kumpannija rrifjutat li tikkomunika lin-NMHH l-informazzjoni dwar ir-relazzjoni kuntrattwali bejn UPC u wieħed mill-abbonati tagħha. Din it-talba għal informazzjoni kienet tressqet fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sorveljanza tas-suq kontra UPC li nbdiet wara lmenti magħmula minn abbonati ta’ din il-kumpannija.

82

Mill-punt 58 ta’ din is-sentenza jirriżulta li UPC ipprovdiet, fit-territorju Ungeriż, “sevizzi [servizz] ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva Qafas.

83

F’dan il-kuntest, ix-xandir minn UPC, lill-abbonati residenti fl-Ungerija, ta’ pakketti ta’ servizzi ta’ xandir radjofoniku u awdjoviżiv suġġetti għal aċċess kundizzjonali u li jistgħu jiġu rċevuti bis-satellita, huwa kopert mill-QRĠ, u b’mod partikolari mid-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.

84

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 6(1) u (3) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, l-awtorizzazzjoni ġenerali sabiex jiġu pprovduti netwerks jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tista’ tkun suġġetta biss għall-kundizzjonijiet elenkati fit-Taqsima A tal-Anness ta’ din id-direttiva.

85

Għandu jiġi osservat ukoll li, skont l-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, moqri flimkien mal-punt 8 tat-Taqsima A tal-Anness tagħha, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jeħtieġu li l-impriżi jipprovdu informazzjoni li hija proporzjonata u oġġettivament iġġustifikata sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw l-osservanza tal-kundizzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-konsumatur, meta jirċievu lment jew fil-każ ta’ investigazzjoni magħmula fuq l-inizjattiva tagħhom stess.

86

Minn dawn l-elementi jirriżulta li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, id-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni ma tipprovdi ebda obbligu għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward tar-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni meħuda fl-Istat li minnu jiġu pprovduti s-servizzi kkonċernati.

87

Għaldaqstant, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jirrisjedu d-destinatarji tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jista’ jissuġġetta l-provvista ta’ dawn is-servizzi għal ċerti kundizzjonijiet, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva.

88

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda għandha tkun li l-proċeduri ta’ sorveljanza relatati mas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqgħu taħt l-awtoritajiet tal-Istat Membru li fih jirrisjedu d-destinatarji tal-imsemmija servizzi.

Fuq it-tielet domanda

89

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 56 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jimponu fuq l-impriżi li jipprovdu fit-territorju ta’ dan l-Istat servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-obbligu li jirreġistraw dawn is-servizzi u li joħolqu, fl-imsemmi Stat, fergħa jew entità ġuridika distinta minn dik li tinsab fl-Istat Membru ta’ trażmissjoni.

– Fuq l-ammissibbiltà

90

In-NMHH u l-Gvern Ungeriż iqisu li t-tielet domanda hija inammissibbli.

91

Huma jallegaw li l-kawża prinċipali la għandha rabta mal-libertà ta’ stabbiliment u lanqas mal-aspetti tad-dritt tal-Unjoni marbuta mas-servizzi transkonfinali li jitqajmu f’din id-domanda. Permezz tal-imsemmija domanda, il-qorti tar-rinviju tqajjem problemi ta’ natura differenti minn dik ta’ din il-kawża. Din tirrigwarda kwistjoni li dwarha l-qorti tar-rinviju ma għandhiex tagħti deċiżjoni u li, għalhekk, hija irrilevanti għall-eżitu tal-kawża prinċipali.

92

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jiddeċiedu l-kawżi mressqa quddiemhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Fish Legal u Shirley, C‑279/12, EU:C:2013:853, punt 29).

93

Id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Fish Legal u Shirley, EU:C:2013:853, punt 30).

94

F’dan il-każ, wara li l-Qorti tal-Ġustizzja talbitha kjarifiki, skont l-Artikolu 101(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju indikat ir-raġunijiet li għalihom risposta għal din id-domanda tista’ tkunilha utli, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata ksur tal-Artikolu 56 TFUE. Għalhekk, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawżi prinċipali.

95

Għaldaqstant, it-tielet domanda preliminari għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.

– Fuq il-mertu

96

F’dak li jirrigwarda l-obbligu li servizz, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġi rreġistrat fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jiġi pprovdut, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 3(2) u (3) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni jirriżulta li, qabel ma jibda l-attività tiegħu, fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jista’ jiġi obbligat jissottometti notifikazzjoni lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, notifikazzjoni li għandha tinkludi l-informazzjoni minima li hija meħtieġa sabiex tippermetti lil dawn l-awtoritajiet iżommu reġistru.

97

Mill-Artikolu 3(2) u (3) tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni jirriżulta wkoll li din l-informazzjoni għandha tkun limitata għal dak li huwa strettament meħtieġ għall-identifikazzjoni tal-fornitur, bħan-numri tar-reġistrazzjoni tal-kumpannija u l-persuni ta’ kuntatt tal-fornitur, l-indirizz tal-fornitur, deskrizzjoni qasira tan-netwerk jew tas-servizz, u d-data li fiha jkun mistenni li jibda l-attività. Din id-dispożizzjoni tispeċifika wkoll li l-provvista tas-servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi ma tistax tiġi suġġetta għall-kisba, mill-imsemmija impriża, ta’ deċiżjoni espliċita jew xi att amministrattiv ieħor. Barra minn hekk, wara li tkun għamlet in-notifikazzjoni, impriża tista’ tibda l-attività tagħha.

98

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, il-fatt li d-Direttiva Qafas u d-direttivi speċifiċi li jikkostitwixxu l-QRĠ, fosthom id-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, ma jwettqux armonizzazzjoni kompleta tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fis-settur tan-netwerks u tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi ma jimpedixxix il-possibbiltà, f’dak li jirrigwarda ċerti aspetti speċifiċi tal-QRĠ, li l-leġiżlatur tal-Unjoni jillimita strettament il-marġni ta’ manuvra tal-Istati Membri.

99

Dan huwa preċiżament il-każ fir-rigward tal-Artikolu 3 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, li jinkludi qafas ġuridiku li jikkonċerna l-kundizzjonijiet li l-awtoritajiet regolatorji ta’ Stat Membru jistgħu jimponu bil-għan li jippermettu lill-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fit-territorju ta’ dak l-Istat.

100

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-obbligu, impost fuq l-impriżi li jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, li jirreġistraw dawn is-servizzi mal-awtoritajiet regolatorji tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jiġu pprovduti l-imsemmija servizzi, huwa previst espressament fid-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni. Għaldaqstant, l-Artikolu 56 TFUE ma jipprekludix li l-Istati Membri jimponu tali obbligu, sakemm jaġixxu b’osservanza tar-rekwiżiti ddefiniti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni.

101

F’dak li jirrigwarda l-obbligu li jġiegħel impriża li tixtieq tipprovdi servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fi Stat Membru differenti minn dak li fih hija stabbilita toħloq fergħa jew entità ġuridika distinta f’dak l-Istat, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 56 TFUE ma jirrikjedix biss l-eliminazzjoni ta’ kull diskriminazzjoni fil-konfront tal-fornitur ta’ servizzi minħabba n-nazzjonalità tiegħu, jew minħabba li huwa stabbilit fi Stat Membru differenti minn dak fejn issir il-provvista, iżda wkoll it-tneħħija ta’ kull restrizzjoni, anki jekk din tapplika mingħajr distinzjoni għall-fornituri nazzjonali u għal dawk tal-Istati Membri l-oħra, meta tkun tali li tipprojbixxi, tfixkel, jew tirrendi inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn huwa jipprovdi servizzi simili legalment (sentenza Konstantinides, C‑475/11, EU:C:2013:542, punt 44).

102

Għandu jiġi kkonstatat li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tobbliga impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor toħloq stabbiliment fiss fl-Istat Membru li fih trid tipprovdi servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tikser il-projbizzjoni, prevista fl-Artikolu 56 TFUE, ta’ kull restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

103

Huwa minnu li restrizzjonijiet għal din il-libertà jistgħu, ġeneralment, jiġu aċċettati bħala miżuri derogatorji, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika, previsti espressament fl-Artikolu 52 TFUE u applikabbli għal dan il-qasam bis-saħħa tal-Artikolu 62 TFUE, jew ikunu ġġustifikati, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (sentenza Garkalns, C‑470/11, EU:C:2012:505, punt 35).

104

Madankollu, obbligu ta’ stabbiliment huwa n-negazzjoni nfisha tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-konsegwenza tiegħu hija li l-Artikolu 56 TFUE jiġi mċaħħad mill-effettività kollha tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, 205/84, EU:C:1986:463, punt 52, u Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑546/07, EU:C:2010:25, punt 39).

105

Fi kwalunkwe każ, u kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 89 u 91 tal-konklużjonijiet tagħha, il-possibbiltajiet ta’ verifika iktar wiesgħa li jippermettu l-istabbiliment ta’ fergħa jew ta’ entità ġuridika distinta ma humiex iġġustifikati fil-kawża prinċipali.

106

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jimponu fuq l-impriżi li jipprovdu fit-territorju tagħhom servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-obbligu li jirreġistraw dawn is-servizzi, sakemm jaġixxu b’osservanza tar-rekwiżiti ddefiniti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni, u

min-naħa l-oħra, jipprekludi li l-impriżi li jixtiequ jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fi Stat Membru differenti minn dak li fit-territorju tiegħu huma stabbiliti, ikunu obbligati joħolqu, f’dak l-Istat, fergħa jew entità ġuridika distinta minn dik li tinsab fl-Istat Membru ta’ trażmissjoni.

Fuq l-ispejjeż

107

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li servizz li jikkonsisti fil-provvista, bi ħlas, ta’ aċċess kundizzjonali għal pakkett trażmess bis-satellita li jinkludi servizzi ta’ xandir radjofoniku u televiżiv jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “sevizzi [servizz] ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

Il-fatt li dan is-servizz jinkludi sistema ta’ aċċess kundizzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(ea) u (f) tad-Direttiva 2002/21, kif emendata bid-Direttiva 2009/140, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

Operatur li jipprovdi servizz, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitqies li huwa fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, fid-dawl tad-Direttiva 2002/21, kif emendata bid-Direttiva 2009/140.

 

2)

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, servizz li jikkonsisti fil-provvista, bi ħlas, ta’ aċċess kundizzjonali għal pakkett trażmess bis-satellita li jinkludi servizzi ta’ xandir radjofoniku u awdjoviżiv jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 56 TFUE.

 

3)

Il-proċeduri ta’ sorveljanza relatati mas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqgħu taħt l-awtoritajiet tal-Istat Membru li fih jirrisjedu d-destinatarji tal-imsemmija servizzi.

 

4)

L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jimponu fuq l-impriżi li jipprovdu fit-territorju tagħhom servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-obbligu li jirreġistraw dawn is-servizzi, sakemm jaġixxu b’osservanza tar-rekwiżiti ddefiniti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni), kif emendata bid-Direttiva 2009/140, u

min-naħa l-oħra, jipprekludi li l-impriżi li jixtiequ jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fi Stat Membru differenti minn dak li fit-territorju tiegħu huma stabbiliti, ikunu obbligati joħolqu, f’dak l-Istat, fergħa jew entità ġuridika distinta minn dik li tinsab fl-Istat Membru ta’ trażmissjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.