SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

20 ta’ Novembru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Unjoni doganali u Tariffa Doganali Komuni — Eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni — Annimali ppreparati b’mod speċjali sabiex jintużaw fil-laboratorju — Stabbiliment pubbliku jew ta’ utilità pubblika jew privata ċċertifikat — Importatur li għandu lil tali stabbilimenti bħala klijenti — Imballaġġ — Gaġeġ għat-trasport tal-annimali”

Fil-Kawża C‑40/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Jannar 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Jannar 2014, fil-proċedura

Direction générale des douanes et droits indirects,

Chef de l’Agence de poursuites de la Direction nationale du renseignement et des enquêtes douanières,

Direction régionale des douanes et droits indirects de Lyon

vs

Utopia SARL,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn A. Ó Caoimh, President tal-Awla, C. Toader u C. G. Fernlund (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Utopia SARL, minn M. Le Berre, avukat,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u C. Candat, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Caeiros u F. Dintilhac, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 60 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 918/83, tat-28 ta’ Marzu 1983, li jwaqqaf sistema Komunitarja ta’ eżenzjoniiet minn dazju doganali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 1, p. 419), kif emendat bl-att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003 L 236, p. 33, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 918/83”), u tar-Regola Ġenerali 5(b) tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003, tal-11 ta’ Settembru 2003 (ĠU L 281, p. 1, iktar ’il quddiem in-“NM”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn id-Direction générale des douanes et droits indirects, ix-Chef de l’Agence de poursuites de la Direction nationale du renseignement et des enquêtes douanières u d-Direction régionale des douanes et droits indirects de Lyon u Utopia SARL (iktar ’il quddiem “Utopia”) dwar avviż għall-irkupru kkontestat minn din il-kumpannija.

Il-kuntest ġuridiku

3

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1186/2009, tas-16 ta’ Novembru 2009, li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet mid-dazju doganali (ĠU L 324, p. 23), ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 918/83, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2010. Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, din tal-aħħar tibqa’ rregolata minn dan ir-regolament tal-aħħar.

4

L-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 918/83, l-uniku artikolu taħt it-Titolu XIII ta’ dan ir-regolament, intitolat “Annimali tal-laboratorju, u sustanzi bijoloġiċi jew kimiċi maħsubin għal riċerka” jipprovdi li:

“1.   Eżenzjoni minn dazji fuq l-importazzjoni għandha tingħata fir-rigward ta’:

a)

annimali preparati speċjalment għal użu fil-laboratorju;

[...]

2.   L-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun limitata għal annimali [...] li huma maħsubin għal:

jew stabbilimenti pubbliċi impenjati fl-edukazzjoni jew riċerka xjentifika u dawk id-dipartimenti jew stabbilimenti pubbliċi li huma prinċipalment impenjati fl-edukazzjoni jew riċerka xjentifika,

jew stabbilimenti privati primarjament impenjati fl-edukazzjoni jew riċerka xjentifika u awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri sabiex jirċievu dawk l-oġġetti mingħajr dazju.

[...]”

5

L-Artikolu 128 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Fejn eżenzjoni minn dazji fuq l-importazzjoni tingħata bil-kondizzjoni li l-oġġetti jitpoġġew għal użu partikolari mir-riċevent, l-awtoritajiet kompetenti biss ta’ l-Istati Membri fit-territorju ta’ liema l-oġġetti msemmijin ħa jintużaw jistgħu jagħtu din l-eżenzjoni.”

6

L-Artikolu 129 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jiżguraw li l-oġġetti li tqiegħdu f’ċirkolazzjoni ħielsa, fejn l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni tingħata bil-kondizzjoni li l-oġġetti jitpoġġew għal użu partikolari mir-riċevent, ma jistgħux jintużaw għal skopijiet oħrajn mingħajr ma jitħallsu d-dazji fuq l-importazzjoni relevanti, sakemm l-użu alternattiv mhuwiex konformi mal-kondizzjonijiet mniżżla f’dan ir-Regolament.”

7

L-Artikolu 131 tal-istess regolament jipprovdi:

“Fil-każ fejn dan ir-Regolament jipprovdi li l-għotja ta’ eżenzjoni għandha tkun soġġetta għas-sodisfazzjoni ta’ ċerti kondizzjonijiet, il-persuna involuta għandha, għas-sodisfazzjon ta’ l-awtoritajiet kompetenti, tipprovdi prova li dawn il-kondizzjonijiet ġew issodisfati.”

8

In-NM hija bbażata fuq is-sistema armonizzata dinjija għad-deskrizzjoni u l-kodifika ta’ oġġetti (iktar ’il quddiem is-“SA”), redatta mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, u adottata bil-Konvenzjoni Internazzjonali konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983 u approvata f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987 (ĠU L 198, p. 1).

9

L-ewwel parti tan-NM tinkludi sensiela ta’ dispożizzjonijiet preliminari. F’din il-parti, taħt it-Taqsima I, li tikkonċerna r-“Regoli Ġenerali”, tinkludi s-Sezzjoni A, intitolata “Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda”. Fost dawn ir-regoli hemm inkluż ir-Regola Ġenerali 5 li tipprovdi li:

“Bħala żieda mad-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw fir-rigward ta’ oġġetti imsemmijin fihom:

[...]

b)

suġġetti għad-dispożizzjonijiet tar-regola 5(a), [...] l-[imballaġġi tal-] oġġetti [...] għandhom ikunu klassifikati ma’ l-oġġetti jekk huma ta’ tip normalment użati fl-[imballaġġi] ta’ oġġetti bħal dawn. Madanakollu, din id-dispożizzjoni ma torbotx meta [l-imballaġġi] bħal dawn ikunu jidhru biċ-ċar li huma qegħdin għal użu repetittiv.”

10

In-nota ta’ qiegħ il-paġna marbuta mat-terminu “imballaġġi” li tinsab taħt ir-regola ġenerali 5(b), tan-NM tippreċiża li:

“It-[terminu ‘imballaġġi’ ifisser] kwalunkwe kontenituri esterni jew interni, holders, sarr jew irfid għajr armar għat-trasport (eż. kontenituri għat-trasport), tarpolini, taljoli jew tagħmir ta’ trasport anċillari. It-terminu. [Dan it-terminu] ma jkoprix il-kontenituri msemmijin fir-regola ġenerali 5(a).”

11

Apparti din in-nota ta’ qiegħ il-paġna, ir-Regola Ġenerali 5(b) tan-NM tirriproduċi eżattament il-kliem tar-Regola Ġenerali 5(b) tas-SA.

12

In-nota ta’ spjegazzjoni marbuta mar-Regola Ġenerali 5(b) tan-NM li tinsab fl-Avviż tal-Kummissjoni Ewropea intitolata “Noti ta’ spjegazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda tal-Komunitajiet Ewropej” (ĠU 2002, C 256, p. 1) tistabbilixxi li:

“L-imballaġġi normalment użati għall-kummerċjalizzazzjoni tax-xabriet, ġammijiet, mustarda, ħwawar u oħrajn għandhom jiġu kklassifikati mal-oġġetti li jkunu fihom anki meta dawn ikunu jistgħu jintużaw validament b’mod ripetut.”

13

In-nota ta’ spjegazzjoni marbuta mal-imsemmija regola ġenerali, li hija inkluża fis-SA, tipprevedi li din tal-aħħar “tirregola l-klassifikazzjoni tal-imballaġġi tat-tip normalment użati għal oġġetti li jkunu protetti fihom [iżda li din] ma hijiex obbligatorja meta tali imballaġġi jkunu jistgħu b’mod jintużaw b’mod ripetut, pereżempju fil-każ ta’ ċerti btieti tal-metall jew reċpjenti tal-ħadid għall-gass ikkompressat jew fi stat likwidu”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Utopia, kumpannija li teżerċita l-attività tagħha taħt l-isem kummerċjali Marshall Bioresources, timporta fi Franza annimali li joriġinaw mill-Istati Uniti, li huma maħsuba għar-riċerka fil-laboratorju.

15

Matul is-sena 2006, l-amministrazzjoni doganali Franċiża wettqet verifika a posteriori tal-importazzjonijiet ta’ klieb u ta’ nemes ħajjin imwettqa minn Utopia bejn ix-xahar ta’ Marzu u x-xahar ta’ Diċembru 2004. Din il-verifika wriet li din il-kumpannija wettqet dawn l-importazzjonijiet b’eżenzjoni tad-dazji doganali, billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 918/83.

16

Din l-amministrazzjoni kkunsidrat li Utopia, li ma kellhiex bħala l-attività tagħha t-tagħlim jew ir-riċerka xjentifika u li ma kinitx tibbenefika mill-awtorizzazzjoni meħtieġa, ma setgħetx titlob il-benefiċċju tal-eżenzjoni tad-dazji doganali previst fl-Artikolu 60. Konsegwentement, l-imsemmija amministrazzjoni kkonstatat, permezz ta’ proċess verbal tas-7 ta’ Marzu 2007, diversi istanzi ta’ ksur doganali li ppermettew li jiġu evitati ċerti ammonti ta’ dazji u ħarġet, fis-27 ta’ Marzu 2007, avviż għall-irkupru ta’ dawn l-ammonti.

17

Fis-26 ta’ Lulju 2007, wara ċ-ċaħda, mill-amministrazzjoni doganali tal-kontestazzjoni ta’ Utopia, din il-kumpannija ppreżentat rikors għall-annullament ta’ dan il-proċess verbal u ta’ dan l-avviż għall-irkupru. Permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Jannar 2011, it-tribunal d’instance ta’ Lyon laqa’ dan ir-rikors u annulla l-imsemmi avviż.

18

L-amministrazzjoni doganali ppreżentat appell minn din is-sentenza quddiem il-cour d’appel de Lyon, li, permezz ta’ sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2011, laqgħet l-argument ta’ Utopia bbażat fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 918/83 fejn iddeċidiet li l-importazzjoni ta’ annimali ħajjin tista’ ssir b’eżenzjoni mid-dazju, peress li dawn l-annimali jkunu maħsuba li jintużaw fil-laboratorju. Għall-kuntrarju, f’din is-sentenza, il-cour d’appel de Lyon ikkonfermat id-dejn doganali kkontestat fir-rigward tal-gaġeġ maħsuba għat-trasport tal-imsemmija annimali ħajjin, fejn ikkunsidrat li dawn ma kinux jikkostitwixxu imballaġġi tal-prodotti, fis-sens tar-Regola Ġenerali 5(b) tan-NM. F’dan ir-rigward, il-cour d’appel de Lyon ċaħdet l-argument ta’ Utopia bbażat fuq il-fatt li l-gaġeġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinkrew lilha mill-fornitur Amerikan u li kienu ser jiġu rritornati lura lilu wara t-trasport tal-annimali, u li huwa biss l-użu ripetut ta’ dawn il-gaġeġ fit-territorju tal-Unjoni Ewropea li jista’ jitqies li huwa użu ripetut, fis-sens ta’ din ir-Regola Ġenerali 5(b).

19

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appell ta’ kassazzjoni kontra l-imsemmija sentenza tal-cour d’appel de Lyon, li kien jirrigwarda l-kwistjoni dwar l-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 918/83. Utopia ppreżentat quddiem il-Cour de cassation appell inċidentali li jirrigwarda l-kwistjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regola Ġenerali 5(b) tan-NM għall-gaġeġ maħsuba għat-trasport tal-annimali kkonċernati.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel dawn id-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Importatur ta’ annimali speċjalment ippreparati biex jintużaw fil-laboratorju jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni prevista għal dan it-tip ta’ merkanzija mill-Artikolu 60 tar-[Regolament Nru 918/83], meta huwa nnifsu ma huwiex stabbiliment pubbliku jew ta’ utilità pubblika, jew privata ċċertifikat, li għandu bħala attività prinċipali t-tagħlim jew ir-riċerka xjentifika, iżda li bħala klijenti għandu stabbilimenti li jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet?

2)

Ir-[R]egola [Ġ]enerali 5(b) [...] għandha tiġi interpretata fis-sens li gaġeġ li jservu għat-trasport ta’ annimali ħajjin intiżi għar-riċerka f’laboratorju jaqgħu taħt il-kategorija ta’ [imballaġġi] fis-sens ta’ din ir-regola?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, il-kliem ‘jidhru biċ-ċar li huma qegħdin għal użu repetittiv’ li japplikaw għal [dawn l-imballaġġi] għandhom jiġu evalwati b’mod ġenerali jew biss fir-rigward ta’ użu mill-ġdid fit-territorju tal-Unjoni?”

Fuq l-ewwel domanda

21

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk importatur ta’ annimali speċjalment ippreparati sabiex jintużaw fil-laboratorju, jistax jibbenefika mill-eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni prevista għal dan it-tip ta’ merkanzija mill-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 918/83, meta huwa nnifsu ma huwiex stabbiliment pubbliku jew ta’ utilità pubblika jew privata ċċertifikat, li għandu bħala attività prinċipali t-tagħlim jew ir-riċerka xjentifika, iżda li bħala klijenti għandu stabbilimenti li jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet.

22

Jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikolu 60, l-eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni għandha tingħata, b’mod partikolari, għal “annimali preparati speċjalment għal użu fil-laboratorju”, sakemm id-destinatarju tagħhom ikollu bħala l-attività prinċipali tiegħu t-tagħlim jew ir-riċerka xjentifika u li dan id-destinatarju jkun stabbiliment pubbliku jew ta’ utilità pubblika, dipartiment rilevanti ta’ tali stabbiliment, jew stabbiliment ta’ natura privata. Madankollu, jekk l-imsemmi stabbiliment ikun stabbiliment ta’ natura privata, huwa għandu jiġi ċċertifikat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat sabiex jirċievi dawn l-annimali b’eżenzjoni mid-dazju.

23

Għalhekk mill-imsemmi Artikolu 60 jirriżulta li l-applikazzjoni tiegħu teħtieġ li għandhom jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet distinti. Skont l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, l-annimali importati għandhom jiġu ppreparati speċjalment sabiex jintużaw fil-laboratorju. Skont it-tieni waħda minn dawn tal-aħħar, id-destinatarju ta’ dawn l-annimali għandu jissodisfa kriterji speċifiċi li jirrigwardaw it-tip ta’ stabbiliment ikkonċernat, l-attività eżerċitata u, eventwalment, il-pussess ta’ ċertifikat.

24

Huwa paċifiku li l-importazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfaw dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, li għalihom huma suġġetti rispettivament l-annimali kkonċernati u d-destinatarji ta’ dawn tal-aħħar.

25

Madankollu, l-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-punt dwar jekk l-importatur tal-annimali msemmija fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 918/83 għandux, bil-għan li jibbenefika mill-eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni prevista għal dan it-tip ta’ prodotti, jissodisfa l-kriterji li jippermettulu li jiġi kklassifikat bħala destinatarju ta’ dawn l-annimali, fis-sens ta’ dan l-artikolu.

26

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-importatur tal-annimali ma huwiex previst fl-imsemmi Artikolu 60.

27

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħed kont mhux biss tat-termini ta’ din tal-aħħar, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Brain Products, C‑219/11, EU:C:2012:742, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Fir-rigward tal-kuntest li jinsab fih l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 918/83, jeħtieġ li jiġi rrilevat li dan ir-regolament jipprovdi għal diversi eżenzjonijiet doganali li l-benefiċċju tagħhom huwa marbut espressament mas-sodisfazzjon, mill-importatur, ta’ ċerti kundizzjonijiet. Għalhekk, l-importazzjoni bla dazju prevista fl-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi kundizzjonijiet marbuta mal-importatur kif ukoll man-natura tal-oġġett importat, li jistabbilixxu li l-prodott għandu jiġi importat minn persuna fiżika li tittrasferixxi r-residenza normali tagħhom lejn it-territorju doganali tal-Unjoni (sentenza Treimanis, C‑487/11, EU:C:2012:556, punti 15 u 16).

29

Għall-kuntrarju, il-benefiċċju ta’ eżenzjonijiet doganali oħra previsti mir-Regolament Nru 918/83 jiddependi qabel xejn iktar fuq l-użu mid-destinatarju tal-prodott importat milli fuq l-identità tal-importatur. Dan japplika wkoll, b’mod partikolari, fir-rigward tal-eżenzjoni li jibbenefikaw minnha l-prodotti ta’ natura edukattiva, xjentifika jew kulturali maħsuba għal ċerti organi ta’ riċerka jew ta’ tagħlim, prevista fl-Artikolu 51 ta’ dan ir-regolament.

30

Għandu jiġi kkonstatat li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 918/83 taqa’ taħt din it-tieni kategorija ta’ eżenzjonijiet, li l-benefiċċju tagħhom jiddependi iktar fuq l-użu mid-destinatarju tal-prodott importat milli fuq l-identità tal-importatur.

31

Jeħtieġ ukoll li jiġi rrilevat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li mill-kliem tal-Artikoli 128 u 129 tar-Regolament Nru 918/83 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda l-ipoteżi fejn l-importatur jista’ jkun persuna differenti mid-destinatarju tal-prodott importat, f’sitwazzjonijiet bħal dawk previsti fl-Artikolu 60 ta’ dan ir-regolament.

32

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkunsidrat li mit-termini tal-Artikoli 128 u 129 tar-Regolament Nru 918/83, moqrija flimkien mal-Artikolu 131 ta’ dan tal-aħħar jirriżulta, minn naħa, li importatur jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 60 tal-imsemmi regolament unikament jekk jipprova, għas-sodisfazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, li l-prodotti importati huma effettivament maħsuba għall-istabbilimenti previsti fl-imsemmi artikolu u għall-finijiet tal-użu li jikkundizzjona din l-eżenzjoni, u, min-naħa l-oħra, li huma biss l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fit-territorju għandhom jintużaw dawn il-prodotti li li jistgħu jagħtu l-imsemmija eżenzjoni. Għall-kuntrarju, bl-ebda mod ma jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija artikoli li l-importatur għandu jkun jista’ jiżgura huwa stess l-użu li jikkundizzjona l-għoti tal-eżenzjoni inkwistjoni.

33

Fir-rigward tal-għan segwit mill-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 918/83, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li t-twettiq ta’ dan l-għan, li jikkonsisti fl-iffaċilitar tal-attivitajiet ta’ riċerka billi jippermetti lil ċerti stabbilimenti bbażati fl-Unjoni li jimportaw, bl-inqas spejjeż, annimali speċjalment ippreparati sabiex jintużaw fil-laboratorju, ma jiġix ostakolat mill-possibbiltà, għall-dawn l-istabbilimenti, li jagħżlu s-soluzzjoni ta’ importazzjoni l-iktar adegwata u l-iktar vantaġġuża għalihom.

34

Konsegwentement, fid-dawl tal-kuntest li jaqa’ taħtu l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 918/83 u tal-għan segwit minn din id-dispożizzjoni, ma huwiex rikjest li l-importatur tal-annimali msemmija f’dan l-artikolu, sabiex jibbenefika mill-eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni prevista għal dan it-tip ta’ prodotti, għandu jissodisfa l-kriterji li jippermettulu li jiġi kklassifikat bħala destinatarju ta’ dawn l-annimali, fis-sens tal-imsemmi artikolu.

35

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li jeħtieġ li tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 918/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk l-annimali ppreparati speċjalment sabiex jintużaw fil-laboratorju li importatur idaħħal fit-territorju tal-Unjoni jkunu maħsuba għal stabbiliment pubbliku jew ta’ utilità pubblika jew privata ċċertifikat, li jkollu bħala l-attività prinċipali tiegħu t-tagħlim jew ir-riċerka xjentifika, dan l-importatur, minkejja li ma jkunx huwa stess tali stabbiliment, jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni prevista f’dan l-artikolu għal dan it-tip ta’ prodott.

Fuq it-tieni domanda

36

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regola Ġenerali 5(b) tan-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-gaġeġ li jintużaw għat-trasport ta’ annimali ħajjin maħsuba għar-riċerka fil-laboratorju jaqgħux fil-kategorija tal-imballaġġi li għandhom jiġu kklassifikati mal-prodotti li jkunu fihom.

37

Hemm lok li jitfakkar li, skont din ir-regola ġenerali, l-imballaġġi li jinkludu l-prodotti jiġu kklassifikati ma’ dawn tal-aħħar unikament meta dawn ikunu tat-tip normalment użat għal din in-natura ta’ prodotti.

38

Għaldaqstant, bil-għan li tingħata risposta għat-tieni domanda, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-gaġeġ użati għat-trasport ta’ annimali ħajjin maħsuba għar-riċerka fil-laboratorju jistgħux jitqiesu li jaqgħu taħt it-tip ta’ imballaġġi normalment użat għal din in-natura ta’ annimali.

39

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkru l-eżempji li jinsabu fin-noti ta’ spjegazzjoni marbuta man-NM u mas-SA, fir-rigward tal-imballaġġi li għandhom jitqiesu li huma tat-tip normalment użat għan-natura ta’ prodotti li jkunu fihom. Skont dawn in-noti ta’ spjegazzjoni, jikkostitwixxu tali imballaġġi ċerti btieti tal-metall jew reċipjenti tal-ħadid għall-gass ikkompressat jew fi stat likwidu jew inkella l-imballaġġi normalment użati għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ xarbiet, ġammijiet, mustarda, ħwawar u oħrajn.

40

Kif irrileva l-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet tiegħu, minn dan isegwi li l-imballaġġi normalment użati mal-prodotti li jkunu fihom huma jew imballaġġi li huma strettament neċessarji għall-użu tal-prodotti inkwistjoni, jew imballaġġi li normalment jintużaw għall-kummerċjalizzazzjoni u l-użu tal-prodotti li jkunu fihom. Fil-fatt, ikun impossibbli l-użu ta’ gass ikkompressat jew fi stat likwidu b’mod indipendenti mir-reċipjenti tal-ħadid li jkunu fih. Bl-istess mod, hija diffiċilment konċepibbli l-kummerċjalizzazzjoni jew l-użu tal-ġamm jew tal-mustarda mingħajr l-użu tar-reċipjenti normalment previsti sabiex jikkontjenu dawn it-tip ta’ prodotti.

41

Fid-dawl tan-noti ta’ spjegazzjoni marbuta man-NM u mas-SA, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-gaġeġ li jintużaw għat-trasport ta’ annimali ħajjin maħsuba għar-riċerka fil-laboratorju ma jistgħux jitqiesu li jaqgħu taħt it-tip ta’ imballaġġ normalment użat għal din in-natura ta’ annimal, fis-sens tar-Regola Ġenerali 5(b). Fil-fatt, filwaqt li jiġi ammess li dawn il-gaġeġ huma normalment użati għat-trasport bl-ajru ta’ dawn l-annimali, dawn tal-aħħar la huma strettament neċessarji u lanqas abitwalment użati għall-kummerċjalizzazzjoni u l-użu tal-imsemmija annimali.

42

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li mill-atti tal-proċess li jinsab għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, normalment, il-gaġeġ għat-trasport u l-annimali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jintużawx flimkien mid-destinatarji tagħhom. F’dan il-każ, huwa paċifiku li dawn il-gaġeġ jiġu rritornati lura lill-importatur wara l-kunsinna tal-annimali.

43

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li r-Regola Ġenerali 5(b) tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li gaġeġ użati għat-trasport ta’ annimali ħajjin maħsuba għar-riċerka fil-laboratorju ma jaqgħux taħt il-kategorija tal-imballaġġi li għandhom jiġu kklassifikati mal-prodotti li jkunu fihom.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 60 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 918/83, tat-28 ta’ Marzu 1983, li jwaqqaf sistema Komunitarja ta’ eżenzjoniiet minn dazju doganali, kif emendat bl-att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk l-annimali speċjalment ippreparati sabiex jintużaw fil-laboratorju li importatur idaħħal fit-territorju tal-Unjoni jkunu maħsuba għal stabbiliment pubbliku jew ta’ utilità pubblika jew privata ċċertifikat, li jkollu bħala l-attività prinċipali tiegħu t-tagħlim jew ir-riċerka xjentifika, dan l-importatur, minkejja li ma jkunx huwa stess tali stabbiliment, jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni prevista f’dan l-artikolu għal dan it-tip ta’ prodott.

 

2)

Ir-Regola Ġenerali 5(b) tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003, tal-11 ta’ Settembru 2003 għandha tiġi interpretata fis-sens li gaġeġ użati għat-trasport ta’ annimali ħajjin maħsuba għar-riċerka fil-laboratorju ma jaqgħux taħt il-kategorija tal-imballaġġi li għandhom jiġu kklassifikati mal-prodotti li jkunu fihom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.