SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

13 ta’ Marzu 2014 ( *1 )

“Agrikoltura — Regolament (KE) Nru 341/2007 — Artikolu 6(4) — Kwoti tariffarji — Tewm ta’ oriġini Ċiniż — Liċenzji ta’ importazzjoni — Natura mhux trasferibbli tad-drittijiet li jirriżultaw minn ċerti liċenzji ta’ importazzjoni — Evitar — Abbuż ta’ dritt”

Fil-Kawża C‑155/13,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Commissione tributaria regionale di Venezia‑Mestre (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Frar 2013, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Marzu 2013, fil-proċedura

Società Italiana Commercio e Servizi srl (SICES), fi stralċ,

Agrima KG D. Gritsch Herbert & Gritsch Michael & Co.,

Agricola Lusia srl,

Romagnoli Fratelli SpA,

Agrimediterranea srl,

Parini Francesco,

Duoccio srl,

Centro di Assistenza Doganale Triveneto Service srl,

Novafruit srl,

Evergreen Fruit Promotion srl

vs

Agenzia Dogane Ufficio delle Dogane di Venezia,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Safjan, J. Malenovský, A. Prechal u K. Jürimäe (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Agrima KG D. Gritsch Herbert & Gritsch Michael & Co., Agricola Lusia srl, Romagnoli Fratelli SpA, Agrimediterranea srl u Parini Francesco, minn M. Moretto, avukat,

għal Duoccio srl, minn M. Camilli, avukat,

għal Novafruit srl u Evergreen Fruit Promotion srl, minn W. Viscardini u G. Doná, avukati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Rossi u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 341/2007, tad-29 ta’ Marzu 2007, li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji u li jintroduċi sistema għal liċenzji tal-importazzjoni u ċertifikati ta’ oriġini għat-tewm u għal ċerti prodotti agrikoli oħra importati minn pajjiżi terzi (ĠU L 56 M, 29.2.2008, p. 218).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Società Italiana Commercio e Servizi srl (SICES), fi stralċ, Agrima KG D. Gritsch Herbert & Gritsch Michael & Co., Agricola Lusia srl, Romagnoli Fratelli SpA, Agrimediterranea srl, Parini Francesco, Duoccio srl (iktar ’il quddiem “Duoccio”), Centro di Assistenza Doganale Triveneto Service srl, Novafruit srl u Evergreen Fruit Promotion srl u, min-naħa l-oħra, l-Agenzia Dogane Ufficio delle Dogane di Venezia (Uffiċċju Doganali ta’ Venezia, iktar ’il quddiem l-“Agenzia Dogane”) dwar l-avviżi ta’ rettifika u ta’ rkupru li din tal-aħħar innotifikatilhom fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta’ tewm ta’ oriġini Ċiniż li jaqa’ taħt il-Kodiċi NC 0703 20 00 li bbenefika minn tariffa doganali preferenzjali.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 341/2007

3

Il-premessi 1, 7 sa 10 u 13 sa 15 tar-Regolament Nru 341/2007 jipprovdu:

“(1)

Mill-1 ta’ Ġunju 2001 id-dazju normali għal importazzjonijiet tat-tewm li jaqgħu taħt il-kodiċi tan-NM 0703 20 00 kien magħmul minn dazju ad valorem ta’ 9,6 % u ammont speċifiku ta’ 1200 EUR għal kull tunnellata netta [...]

[...]

(7)

Minħabba l-eżistenza ta’ dazju speċifiku għal importazzjonijiet mhux preferenzjali barra l-kwota tal-GATT, il-ġestjoni tal-kwota tal-GATT teħtieġ l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ liċenzji ta’ l-importazzjoni. Sistema bħal din għandha tippermetti s-sorveljanza dettaljata ta’ l-importazzjonijiet kollha tat-tewm [...]

(8)

Sabiex l-importazzjonijiet jiġu sorveljati mill-qrib kemm jista’ jkun, partikolarment minħabba inċidenti ta’ dan l-aħħar li kellhom x’jaqsmu ma’ frodi li saru permezz ta’ deskrizzjoni ħażina ta’ l-oriġini jew tal-prodott, l-importazzjonijiet kollha tat-tewm u ta’ prodotti oħra li x’aktarx jistgħu jiġu wżati għad-deskrizzjoni ħażina tattewm għandhom ikunu soġġetti għall-ħruġ ta’ liċenzja ta’ l-importazzjoni. Għandu jkun hemm żewġ kategoriji ta’ liċenzji ta’ l-importazzjoni, waħda għall-importazzjonijiet taħt il-kwota tal-GATT, l-oħra għall-importazzjonijiet l-oħra kollha. l-oħra kollha.

(9)

Fl-interess ta’ l-importaturi eżistenti, li normalment jimportaw kwantitajiet sostanzjali ta’ tewm, kif ukoll ta’ dawk l-importaturi ġodda deħlin fis-suq, li wkoll għandhom ikollhom l-opportunità indaqs li japplikaw għal liċenzji ta’ l-importazzjoni għal kwantità ta’ tewm taħt il-kwoti tariffarji, għandha ssir distinzjoni bejn l-importaturi tradizzjonali u dawk ġodda. Għandha ssir definizjoni ċara ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ importaturi u għandhom jiġu stabbiliti ċerti kriterji dwar l-istatus ta’ l-applikanti u l-użu tal-liċenzji ta’ l-importazzjoni allokati.

(10)

Il-kwantitajiet li għandhom jiġu allokati għal dawk il-kategoriji ta’ importaturi għandhom jiġu determinati abbażi tal-kwantitajiet attwalment importati aktar milli abbażi tal-liċenzji ta’ l-importazzjoni li kienu nħarġu.

[...]

(13)

Applikazzjonijiet għal-liċenzji ta’ l-importazzjoni biex jiġi importat it-tewm minn pajjiżi terzi li jiġu ppreżentati minn importaturi taż-żewġ kategoriji għandhom ikunu soġġetti għal ċerti restrizzjonijiet. Restrizzjonijiet bħal dawn huma neċessarji mhux biss biex jiggarantixxu li l-kompetizzjoni bejn l-importaturi tiġi mħarsa iżda wkoll biex jiżguraw li l-importaturi ġenwinament involvuti f’attività kummerċjali fis-suq tal-frott u tal-ħxejjex ikollhom l-opportunità li jiddefendu il-pożizzjonijiet leġittimi kummerċjali tagħhom vis-à-vis l-importaturi l-oħra u li ebda importatur ma jkun jista’ jikkontrolla s-suq waħdu.

(14)

Sabiex tiġi mħarsa l-kompetizzjoni bejn l-importaturi ġenwini u biex tiġi evitata l-ispekulazzjoni dwar l-allokazzjoni ta’ liċenzji ta’ l-importazzjoni għat-tewm skond il-kwota tal-GATT u kwalunkwe abbuż tas-sistema li jmur kontra l-pożizzjonijiet leġittimi kummerċjali ta’ l-importaturi ġodda u tradizzjonali, għandhom jiddaħlu kontrolli aktar stretti dwar l-użu xieraq tal-liċenzji ta’ l-importazzjoni. Għal dan il-għan, it-trasferiment tal-liċenzji ta’ l-importazzjoni għandu jiġi pprojbit, u għandha tiddaħħal multa fil-każ ta’ preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet multipli.

(15)

Miżuri huma wkoll meħtieġa sabiex jinżamm minimu l-għadd ta’ applikazzjonijiet spekulattivi għal liċenzji ta’ importazzjoni li jistgħu jirriżultaw f’utilizzazzjoni mhux kompleta tal-kwoti tariffarji. Minħabba n-natura u l-valur tal-prodott, għanda tiddaħħal garanzija għal kull tunnellata tewm li għalih tkun ġiet ippreżentata applikazzjoni għal liċenzja ta’ l-importazzjoni. Il-garanzija għandha tkun ta’ ammont għoli biżżejjed biex jiskoraġġixxi l-applikazzjonijiet spekulattivi iżda mhux għoli tant li jiskoraġġixxi lill-importaturi ġenwinament involvuti f’attività kummerċjali tat-tewm. [...]”

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-ftuħ tal-kwoti tariffarji u tad-dazji applikabbli”, jipprovdi:

“1.   [...] il-kwoti tariffarji huma hawnhekk miftuħa għall-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ tewm frisk jew imkessaħ li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 0703 20 00 [...], soġġett għal kundizzjonijiet stabbiliti b’dan ir-Regolament. Il-volum ta’ kull kwota tariffarja, il-perjodu tal-kwota tariffarja għall-importazzjoni u l-perjodi ta’ żmien li għalihom tapplika kif ukoll in-numru ta’ l-ordni huma speċifikati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

2.   Id-dazju ad valorem applikabbli għat-tewm importat taħt il-kwoti msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun 9,6 %.”

5

L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kategoriji ta’ importaturi”, jipprovdi, fil-paragrafi (2) u (3) tiegħu:

“2.   ‘Importaturi tradizzjonali’ ifissru importaturi li għandhom il-provi li:

(a)

kisbu u wżaw liċenzji ta’ l-importazzjoni għat-tewm [...] f’kull wieħed mit-tliet perjodi ta’ kwoti tariffarji għallimportazzjoni kompluti li jiġu qabel, u

(b)

importaw fil-Komunità ta’ lanqas 50 tunnellata ta’ frott u ħxejjex [...] matul l-aħħar perjodu ta’ kwota tariffarja għall-importazzjoni komplut ta’ qabel l-applikazzjoni tagħhom.

[...]

3.   ‘Importaturi ġodda’ jfissru importaturi oħra minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2, li importaw fil-Komunità ta’ lanqas 50 tunnellata ta’ frott u ħxejjex ta’ l-ikel [...] matul kull wieħed mill-perjodi ta’ kwota tariffarja kompluti li jiġu qabel, jew matul kull waħda miż-żewġ snin kalendarji kompluti ta’ qabel.”

6

L-Artikolu 5 ta’ dan l-istess regolament, intitolat “Preżentazzjoni ta’ liċenzji ta’ l-importazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu (2) tiegħu:

“Il-liċenzji ta’ l-importazzjoni għat-tewm rilaxxat għal ċirkolazzjoni libera taħt il-kwoti msemmija fl-Anness I, minn issa ’l quddiem jissejjħu ‘liċenzji ‘A’’.

Liċenzji ta’ l-importazzjoni oħra minn issa ’l quddiem jissejjħu ‘liċenzji ‘B’’.

7

L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 341/2007, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali li jikkonċernaw l-applikazzjonijiet għal liċenzji u l-liċenzji ‘A’”, jipprovdi fil-paragrafi (2) u (4) tiegħu:

“2.   L-ammont ta’ garanzija [...] għandu jkun EUR 50 għal kull tunellata

[...]

4.   [...] id-drittijiet li joħorġu mil-liċenzi ‘A’ ma għandhomx ikunu trasferibbli.”

8

L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kwantità referenzjali għal importaturi tradizzjonali”, jipprovdi kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitlu, ‘kwantità referenzjali’ tfisser il-kwantità ta’ tewm importat minn importatur tradizzjonali skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 4, kif ġej:

(a)

għal importaturi tradizzjonali li bejn l-1998 u l-2000 importaw tewm fil-Komunità kif kienet ikkostitwita fl-1 ta’ Jannar 1995, il-kwantità massima ta’ tewm importat matul waħda mis-snin kalendarji 1998, 1999 u 2000;

(b)

għal importaturi tradizzjonali li importaw it-tewm bejn l-2001 u l-2003 fir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, l-Islovenja jew l-Islovakkja, il-kwantità massima ta’ tewm importat matul:

(i)

jew is-sena kalendarja 2001, 2002 jew 2003,

(ii)

inkella matul il-perjodu tal-kwota tariffarja għall-importazzjoni tas-snin 2001/02, 2002/03 jew 2003/04;

(c)

għal importaturi tradizzjonali li importaw it-tewm bejn l-2003 u l-2005 fil-Bulgarija jew fir-Rumanija, il-kwantità massima ta’ tewm importat matul:

(i)

jew is-sena kalendarja 2003, 2004 jew 2005,

(ii)

inkella matul il-perjodu tal-kwota tariffarja għall-importazzjoni tas-snin 2003/04, 2004/05 jew 2005/06;

(d)

għal importaturi tradizzjonali li ma jaqgħux fl-ambitu tal-punti (a), (b) jew (c), il-kwantità massima ta’ tewm importat matul wieħed mill-ewwel tliet perjodi ta’ kwoti tariffarji għall-importazzjoni kompluti li matulhom kisbu l-liċenzji ta’ l-importazzjoni f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 565/2002[...], ir-Regolament (KE) Nru 1870/2005 jew dan ir-Regolament.

[...]”

9

L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 341/2007, intitolat “Restrizzjonijiet applikabbli għall-applikazzjonijiet għal liċenzji ‘A’”, jipprovdi fil-paragrafu (1) tiegħu:

“Il-kwantità totali koperta b’applikazzjonijiet għal liċenzji ‘A’ ippreżentata minn importatur tradizzjonali fi kwalunkwe perjodu ta’ kwota tariffarja għall-importazzjoni ma tistax teċċedi l-kwantità referenzjali ta’ l-importatur. Applikazzjonijiet li ma jħarsux din ir-regola ma jiġux aċċettati mill-awtoritajiet kompetenti.”

Ir-Regolament (KE) Nru 1291/2000

10

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1291/2000, tad-9 ta’ Ġunju 2000, li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta’ iffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 29, p. 145), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1423/2007(ĠU L 317, p. 36, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1291/2000”), huwa applikabbli għall-kwoti tariffarji miftuħa mir-Regolament Nru 341/2007, skont l-Artikolu 2 ta’ dan l-aħħar regolament.

11

Skont il-premessa 21 tar-Regolament Nru 1291/2000, il-garanzija pprovduta mill-importatur għandha tintilef totalment jew parzjalment jekk, matul il-perijodu ta’ validità tal-liċenzja ta’ importazzjoni, l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ma titwettaqx jew titwettaq biss parzjalment.

12

L-Artikolu 35(2) tar-Regolament Nru 1291/2000 jipprovdi:

“[...] meta l-obbligazzjoni għall-importazzjoni [...] ma tkunx ġiet sodisfatta l-garanzija għandha tintilef b’ammont ugwali għad-differenza bejn:

(a)

95 % tal-kwantità indikata fil-liċenzja jew fiċ-ċertifikat,

u

(b)

il-kwantità fil-fatt importata jew esportata.

[...]

B’dana kollu, jekk il-kwantità importata [...] tammonta għal mill-inqas 5 % tal-kwantità indikata fil-liċenzja jew fiċ-ċertifikat, il-garanzija kollha għandha tintilef.

[...]”

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95

13

L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95 tat-18 Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340), jipprovdi:

“1.   B’ħala regola ġenerali, kull irregolarità għandha tinvolvi l-irtirar tal-vantaġġ miksub b’mod skorrett:

permezz ta’ obbligu li min ikun iħallas jew iħallas lura l-ammonti dovuti jew aċċettati b’mod skorrett,

bit-telf sħiħ jew parzjali tal-garanzija provduta in sostenn tat-talba għall-vantaġġ li jkun ingħata jew fil-ħin ta’ l-aċċettazzjoni ta’ ħlas antiċipat.

2.   L-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun limitata għall-irtirar tal-vantaġġ miksub kif ukoll, fejn ikun hemm hekk provdut, l-imgħax li jista’ jiġi stabbilit abbażi ta’ rata fissa.

3.   L-atti li jiġi stabbilit li biex jkollhom bħala l-għan tagħhom il-kisba ta’ vantaġġ li jmur kontra l-għanijiet tal-liġi tal-Komunità applikabbli fil-każ billi joħolqu artifiċjalment il-kundiżżjonijiet meħtieġa biex jinkiseb dak il-vantaġġ għandhom jirriżultaw, skont kif ikun il-każ, jew fiż-żamma milli jinkiseb dak il-vantaġġ jew fl-irtirar tiegħu.

4.   Il-miżuri kif hemm provdut f’dan l-Artikolu m’għandhomx jitqiesu bħala penali.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14

It-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna operazzjonijiet ta’ importazzjoni ta’ tewm ta’ oriġini Ċiniż fl-Unjoni Ewropea mwettqa, fl-aħħar tas-sena 2007 u l-bidu tas-sena 2008, minn SICES, Agrima KG D. Gritsch Herbert & Gritsch Michael & Co., Agricola Lusia srl, Romagnoli Fratelli SpA, Agrimediterranea srl, Parini Francesco, Novafruit srl u Evergreen Fruit Promotion srl. Dawn l-importaturi, li kellhom l-istatus ta’ importaturi ġodda, fis-sens tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 341/2007, kienu detenturi ta’ liċenzji “A” maħruġa skont dan ir-regolament. Għal dan il-għan, l-importazzjonijiet ikkonċernati bbenefikaw mill-eżenzjoni mid-dazju speċifiku ta’ EUR 1 200 għal kull tunnellata netta.

15

Sussegwentement għal verifiki a posteriori tad-dikjarazzjonijiet doganali relatati mal-operazzjonijiet ta’ importazzjoni ta’ tewm imsemmija iktar ’il fuq, l-Agenzia Dogane, fl-aħħar tas-sena 2010, ħarġet avviżi ta’ rettifika u ta’ rkupru. Dawn l-avviżi kienu bbażati fuq ir-revoka tal-eżenzjoni mid-dazju speċifiku ta’ EUR 1 200 għal kull tunnellata netta, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2988/95, minħabba li dawn l-operazzjonijiet ta’ importazzjoni kienu evitaw dan id-dazju speċifiku.

16

B’mod partikolari, l-Agenzia Dogane kkontestat il-mekkaniżmu sussegwenti li hija tqis li kien qarrieqi:

l-ewwel nett, Duoccio srl (iktar ’il quddiem “Duoccio”) jew Tico srl (iktar ’il quddiem “Tico”) xtraw it-tewm minn fornitur Ċiniż;

it-tieni nett, qabel l-importazzjoni fl-Unjoni, Duoccio u Tico biegħu l-merkanzija lill-importaturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, detenturi tal-liċenzji “A”, li sussegwentement ipproċedew bl-importazzjoni; u

it-tielet nett, wara l-importazzjoni, dawn l-importaturi biegħu mill-ġdid din il-merkanzija lil Duoccio.

17

Duoccio kienet attiva kemm fis-suq tal-importazzjonijiet tat-tewm, bħala importatur tradizzjonali fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 341/2007, kif ukoll fis-suq tad-distribuzzjoni tat-tewm fl-Unjoni, bħala grossista. Fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, Duoccio kellha tissodisfa talba min-naħa tal-konsumaturi tal-Unjoni, iżda kienet eżawrixxiet il-liċenzji “A” tagħha b’mod li hija ma setgħetx iktar timporta tewm bit-tariffa preferenzjali. Barra minn hekk, id-dazju speċifiku kien iffissat fuq livell tali li l-importazzjoni tat-tewm barra mill-kwota tariffarja ma kinitx ta’ profitt.

18

Skont l-Agenzia Dogane, iż-żewġ bejgħ suċċessivi tat-tewm, minn Duoccio u minn Tico lill-importaturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali u sussegwentement minn dawn lil Duoccio, kienu intiżi sabiex jevitaw il-projbizzjoni tat-trasferiment tad-drittijiet li jirriżultaw mil-liċenzji “A”, imsemmija fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 341/2007. L-evitar għandu l-konsegwenza li Duoccio kienet ftiehmet li tixtri t-tewm imqiegħed f’ċirkolazzjoni libera anki qabel ma kienu twettqu l-importazzjonijiet. Din il-kumpannija għalhekk għandha titqies li hija l-importatriċi effettiva li bbenefikat mit-tariffa preferenzjali mingħajr ma kienet intitolata tagħmel dan.

19

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikorsi kontra l-avviżi ta rettifika u ta’ rkupru quddiem il-Commissione tributaria provinciale di Venezia. Wara li għaqdet ir-rikorsi, din tal-aħħar ċaħdithom. Hija ppreċiżat li, għalkemm il-varji operazzjonijiet ta’ bejgħ kienu validi, l-importatriċi effettiva kienet Duoccio u mhux l-importaturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali detenturi tal-liċenzji “A”. Hija kienet tal-fehma, li kien hemm elementi gravi, preċiżi u konkordanti li jippermettu li jiġi konkluż li l-istrumenti ġuridiċi kienu ta’ natura fittizja li ntużaw biss sabiex jippermettu l-importazzjoni tat-tewm b’tariffa preferenzjali u l-evitar tal-projbizzjoni tat-trasferiment tad-drittijiet li jirriżultaw mil-liċenzji “A”. Skont il-Commissione tributaria provinciale di Venezia, il-fatti ta’ din il-kawża kienu jikkostitwixxu abbuż ta’ dritt.

20

Il-Commissione tributaria regionale di Venezia-Mestre, li quddiemha r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appell mis-sentenza tal-Commissione tributaria provinciale di Venezia, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari sussegwenti:

“L-Artikolu 6 tar-Regolament [...] Nru 341/2007 [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi trasferiment illegali tal-liċenzji ta’ importazzjoni b’rata mnaqqsa fil-kuntest tal-kwota GATT ta’ tewm ta’ oriġini Ċiniż, il-fatt li l-proprjetarju tal-imsemmija liċenzji, wara ħlas tad-dazji dovuti, iqiegħed fis-suq it-tewm inkwistjoni permezz tat-trasferiment lil operatur ieħor, proprjetarju ta’ liċenzji ta’ importazzjoni, li mingħandu huwa kien xtara t-tewm inkwistjoni qabel l-importazzjoni?”

21

Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Mejju 2013, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tikkompleta d-deċiżjoni tar-rinviju tat-12 ta’ Frar 2013. Hija ppreċiżat li, permezz tad-domanda għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tiġi mistoqsija jekk huwiex biżżejjed, sabiex l-użu ta’ liċenzji ta’ importazzjoni b’tariffa preferenzjali jkun legali, li d-detentur ta’ dawn il-liċenzji jqiegħed it-tewm inkwistjoni f’ċirkolazzjoni libera, mingħajr ma huma rilevanti l-attivitajiet kummerċjali kollha preċedenti u sussegwenti għal dan it-tqegħid f’ċirkolazzjoni libera.

Fuq id-domanda preliminari

22

Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, DP grup, C-138/10, Ġabra p. I-8369, punt 28).

23

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li tressqet quddiemha. F’dan id-dawl, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompitu li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali għandhom bżonn sabiex jiddeċiedu dwar il-kawżi mressqa quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex espressament imsemmija fid-domandi li jsirulha minn dawn il-qrati (ara, b’mod partikolari, is-sentenza DP Grup, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

24

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, ma kien hemm ebda trasferiment ta’ liċenzji “A” jew ta’ drittijiet li jirriżultaw minn dawn il-liċenzji. Il-merkanzija biss ġiet ittrasferita, l-ewwel, minn operatur lil importatur, sussegwentement, wara importazzjoni fl-Unjoni, minn dan l-importatur lil dan l-istess operatur.

25

Peress li l-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 341/2007 jipprevedi biss projbizzjoni ta’ trasferiment tad-drittijiet li jirriżultaw mil-liċenzji “A”, jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tirregolax is-sitwazzjoni li fiha d-detentur ta’ liċenzji ta’ importazzjoni b’rata mnaqqsa jixtri merkanzija qabel l-importazzjoni tagħha mingħand operatur partikolari, u sussegwentement jerġa’ jbigħlu din il-merkanzija wara li jkun importaha fl-Unjoni.

26

Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, ikkunsidrati individwalment, l-operazzjonijiet ta’ xiri, ta’ importazzjoni u ta’ bejgħ mill-ġdid inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu legalment validi. B’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-importazzjonijiet, il-kundizzjonijiet formali kollha għall-għoti tat-tariffa preferenzjali kienu sodisfatti, peress li l-importaturi inkwistjoni fil-kawża prinċipali pproċedew għall-iżdoganar tal-merkanzija inkwistjoni bl-għajnuna ta’ liċenzji “A” miksuba b’mod legali.

27

Madankollu, mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, permezz ta’ dawn l-operazzjonijiet, l-għan li ried jilħaq ix-xerrej fl-Unjoni, li kien ukoll importatur tradizzjonali, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 341/2007, kien li huwa jkun jista’ jiġi pprovdut b’tewm importat fil-kuntest tal-kwota tariffarja prevista minn dan ir-regolament. Issa, skont il-qorti tar-rinviju, dan il-fatt jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ abbuż ta’ dritt.

28

Għaldaqstant, id-domanda għal deċiżjoni preliminari għandha titqies li tikkonċerna l-punt dwar jekk l-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 341/2007, minkejja li fih innifsu ma jirregolax operazzjonijiet li permezz tagħhom importatur, detentur ta’ liċenzji ta’ importazzjoni b’rata mnaqqsa, jixtri merkanzija qabel l-importazzjoni tagħha fl-Unjoni mingħand operatur, li huwa stess huwa importatur tradizzjonali fis-sens tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament iżda li eżawrixxa l-liċenzji tiegħu ta’ importazzjoni b’rata mnaqqsa, u sussegwentement ibigħha mill-ġdid lilu wara li jkun importaha fl-Unjoni, għandux xorta waħda jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi tali operazzjonijiet minħabba li dawn jikkostitwixxu abbuż ta’ dritt.

29

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-partijiet fil-kawża ma jistgħux b’mod qarrieqi jew abbużiv jinvokaw ir-regoli tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1998, Kefalas et, C-367/96, Ġabra p. I-2843, punt 20; tat-23 ta’ Marzu 2000, Diamantis, C-373/97, Ġabra p. I-1705, punt 33, kif ukoll tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et, C-255/02, Ġabra p. I-1609, punt 68).

30

Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma tistax tiġi estiża sabiex tkopri l-prattiki abbużivi ta’ operaturi ekonomiċi, jiġifieri l-operazzjonijiet li ma humiex imwettqa fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali normali, iżda biss bil-għan li jisiltu b’mod abbużiv vantaġġ mid-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Halifax et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69).

31

Il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ prattika abbużiva teħtieġ il-kombinazzjoni ta’ element oġġettiv u ta’ element suġġettiv.

32

Fir-rigward tal-element oġġettiv, minn numru ta’ ċirkustanzi oġġettivi għandu jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan li ried jintlaħaq minn din il-leġiżlazzjoni ma ntlaħaqx (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke, C-110/99, Ġabra p. I-11569, punt 52, u tal-21 ta’ Lulju 2005, Eichsfelder Schlachtbetrieb, C-515/03, Ġabra p. I-7355, punt 39).

33

Tali konstatazzjoni teħtieġ ukoll element suġġettiv fis-sens li minn numru ta’ elementi oġġettivi għandu jirriżulta li l-għan essenzjali tal-operazzjonijiet inkwistjoni huwa l-ksib ta’ vantaġġ indebitu. Fil-fatt, il-projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi ma hijiex rilevanti meta l-operazzjonijiet inkwistjoni jistgħu jiġu ġġustifikati permezz ta’ ġustifikazzjoni oħra li ma hijiex is-sempliċi kisba ta’ vantaġġ (sentenza Halifax et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75). L-eżistenza ta’ tali element relatat mal-intenzjoni tal-operaturi tista’ tiġi stabbilita, b’mod partikolari, permezz tal-produzzjoni tal-prova tan-natura purament artifiċjali tal-operazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Emsland-Stärke, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53, u tal-21 ta’ Frar 2008, Part Service, C-425/06, Ġabra p. I-897, punt 62).

34

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari, tista’, jekk ikun il-każ, tipprovdi preċiżazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti nazzjonali fl-interpretazzjoni tagħha (sentenza Halifax et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77), hija madankollu din tal-aħħar li għandha tivverifika jekk l-elementi li jikkostitwixxu prattika abbużiva humiex preżenti fil-kawża prinċipali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Eichsfelder Schlachtbetrieb, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40, u tal-11 ta’ Jannar 2007, Vonk Dairy Products, C-279/05, Ġabra p. I-239, punt 34). F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat li l-verifika tal-eżistenza ta’ prattika abbużiva teħtieġ lill-qorti tar-rinviju tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, inkluż l-operazzjonijiet kummerċjali preċedenti u sussegwenti għall-importazzjoni inkwistjoni.

35

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, f’dak li jikkonċerna l-għan tar-Regolament Nru 341/2007, mill-premessi 13 u 14 ta’ dan ir-regolament, moqrija flimkien mal-premessi 9 u 10 ta’ dan l-istess regolament, jirriżulta li hemm lok, fl-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji, li tiġi protetta l-kompetizzjoni bejn l-importaturi veri, b’mod li ebda importatur individwali ma jkun jista’ jikkontrolla s-suq.

36

Issa, fil-kuntest ta’ operazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-għan imsemmi iktar ’il fuq ma huwiex milħuq. Ċertament, hekk kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ tali operazzjonijiet, ix-xerrej fl-Unjoni, li huwa wkoll importatur tradizzjonali, ma jiksibx id-dritt li l-kwantità ta’ referenza tiegħu, kif iddefinita fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 341/2007, tiġi kkalkolata fuq bażi li tinkludi l-kwantitajiet ta’ merkanzija li huwa xtara mingħand importaturi wara l-iżdoganar tagħha. Għaldaqstant dawn l-operazzjonijiet ma jippermettulux li jiżdiedu l-kwantitajiet ta’ merkanzija li fir-rigward tagħhom huwa għandu d-dritt jippreżenta applikazzjonijiet għal liċenzja “A”, skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament. Xorta jibqa’ l-fatt li tali operazzjonijiet jistgħu jippermettu lix-xerrej fl-Unjoni, li huwa wkoll importatur tradizzjonali li eżawrixxa l-liċenzji “A” tiegħu u li għaldaqstant ma jistax iktar jimporta tewm bit-tariffa preferenzjali, jikseb tewm importat b’tariffa preferenzjali u jestendi l-influwenza tiegħu fis-suq lil hinn mis-sehem tal-kwota tariffarja mogħti lilu.

37

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-element suġġettiv imsemmi fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex l-operazzjonijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jitqiesu li kellhom, bħala għan essenzjali, li jagħtu lix-xerrej fl-Unjoni vantaġġ indebitu, huwa neċessarju li l-importaturi kellhom l-intenzjoni li jagħtu tali vantaġġ lil dan ix-xerrej u li l-operazzjonijiet ma kellhomx ġustifikazzjoni ekonomika jew kummerċjali għal dawn l-importaturi, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali. Il-konstatazzjoni, minn din tal-aħħar, li tali operazzjonijiet ma humiex nieqsa minn ġustifikazzjoni ekonomika u kummerċjali tista’, pereżempju, tkun ibbażata fuq il-fatt li l-prezz ta’ bejgħ tal-merkanzija kien iffissat fuq livell tali li ppermetta lill-importaturi jisiltu profitt kbir mill-bejgħ ikkonċernat. Bl-istess mod, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li mill-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1291/2000, moqri flimkien mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 341/2007, jirriżulta li l-importaturi għandhom l-obbligu, taħt piena ta’ sanzjoni, li jużaw il-liċenzji “A” li nħarġulhom u għaldaqstant għandhom interess reali jwettqu importazzjonijiet, inkluż fil-kuntest ta’ operazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

38

F’dan il-kuntest, anki meta tali operazzjonijiet ikunu mmotivati mir-rieda tax-xerrej li jibbenefika mit-tariffa preferenzjali u anki jekk l-importaturi kkonċernati huma konxji minn dan, dawn l-operazzjonijiet ma jistgħux a priori jitqiesu li huma nieqsa minn ġustifikazzjoni ekonomika u kummerċjali għal dawn tal-aħħar.

39

Madankollu ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti ċirkustanzi, operazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali nħolqu artifiċjalment bil-għan essenzjali li jittieħed vantaġġ mit-tariffa preferenzjali. Għaldaqstant, fost l-elementi li jistgħu jippermettu li tiġi stabbilita n-natura artifiċjali tal-operazzjonijiet hemm, kif il-Kummissjoni Ewropea semmiet fl-osservazzjonijiet tagħha, il-fatt li l-importatur detentur tal-liċenzji “A” ma ħa ebda riskju kummerċjali, peress li dan fir-realtà kien kopert mix-xerrej tiegħu li huwa wkoll importatur tradizzjonali. Tali natura artifiċjali tista’ wkoll tirriżulta mill-fatt li l-marġni ta’ profitt tal-importaturi huwa żgħir ħafna jew mill-fatt li l-prezzijiet tal-bejgħ tat-tewm mill-importaturi lix-xerrej fl-Unjoni huma iktar baxxi mill-prezzijiet tas-suq.

40

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 341/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix, fil-prinċipju, operazzjonijiet li permezz tagħhom importatur, detentur ta’ liċenzji ta’ importazzjoni b’rata mnaqqsa, jixtri merkanzija barra mill-Unjoni mingħand operatur, li huwa stess huwa importatur tradizzjonali fis-sens tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament iżda li eżawrixxa l-liċenzji tiegħu ta’ importazzjoni b’rata mnaqqsa, u sussegwentement ibigħha mill-ġdid lilu wara li jkun importaha fl-Unjoni. Madankollu, tali operazzjonijiet jikkostitwixxu abbuż ta’ dritt meta dawn ikunu nħolqu artifiċjalment bil-għan essenzjali li jittieħed vantaġġ mit-tariffa preferenzjali. Il-verifika tal-eżistenza ta’ prattika abbużiva teħtieġ lill-qorti tar-rinviju tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, inkluż l-operazzjonijiet kummerċjali preċedenti u sussegwenti għall-importazzjoni inkwistjoni.

Fuq l-ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 341/2007, tad-29 ta’ Marzu 2007, li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji u li jintroduċi sistema għal liċenzji tal-importazzjoni u ċertifikati ta’ oriġini għat-tewm u għal ċerti prodotti agrikoli oħra importati minn pajjiżi terzi, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jipprekludix, fil-prinċipju, operazzjonijiet li permezz tagħhom importatur, detentur ta’ liċenzji ta’ importazzjoni b’rata mnaqqsa, jixtri merkanzija barra mill-Unjoni Ewropea mingħand operatur, li huwa stess huwa importatur tradizzjonali fis-sens tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament iżda li eżawrixxa l-liċenzji tiegħu ta’ importazzjoni b’rata mnaqqsa, u sussegwentement ibigħha mill-ġdid lilu wara li jkun importaha fl-Unjoni. Madankollu, tali operazzjonijiet jikkostitwixxu abbuż ta’ dritt meta dawn ikunu nħolqu artifiċjalment bil-għan essenzjali li jittieħed vantaġġ mit-tariffa preferenzjali. Il-verifika tal-eżistenza ta’ prattika abbużiva teħtieġ lill-qorti tar-rinviju tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti u ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, inkluż l-operazzjonijiet kummerċjali preċedenti u sussegwenti għall-importazzjoni inkwistjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.