SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

12 ta’ Diċembru 2013 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2008/98/KE — Immaniġġar ta’ skart — Artikolu 16(3) — Prinċipju ta’ viċinanza — Regolament (KE) Nru 1013/2006 — Vjeġġi ta’ skart — Skart muniċipali mħallat — Skart industrijali u skart tal-kostruzzjoni — Proċedura ta’ għoti ta’ konċessjoni ta’ servizzi li tirrigwarda l-ġbir u t-trasport ta’ skart prodott fit-territorju ta’ komun — Obbligu għall-kuntrattur futur li jittrasporta l-iskart miġbur għal impjanti tat-trattament indikati mill-awtorità li tagħti l-konċessjoni — Impjanti tat-trattament xierqa li jinsabu l-iktar viċin”

Fil-Kawża C‑292/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tartu ringkonnakohus (l-Estonja), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Ġunju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Ġunju 2012, fil-proċedura

Ragn-Sells AS

vs

Sillamäe Linnavalitsus,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász, A. Rosas, D. Šváby (Relatur) u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ April 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Ragn-Sells AS, minn E. Tamm, vandeadvokaat,

għall-Gvern Estonjan, minn M. Linntam, bħala aġent,

għall-Gvern Elleniku, minn F. Dedousi, bħala aġent,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Szpunar, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Antoniadis u A. Alcover San Pedro kif ukoll minn D. Düsterhaus, bħala aġenti, assistiti minn C. Ginter, vandeadvokaat,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 35 TFUE, 49 TFUE, 56 TFUE u r-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat FUE kif ukoll tal-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, p. 3).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Ragn‑Sells AS (iktar ’il quddiem “Ragn-Sells”) u s-Sillamäe Linnavalitsus (il-komun ta’ Sillamäe) dwar ċerti klawżoli tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt stabbilit minn dan tal-aħħar fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti ta’ konċessjoni ta’ servizzi li jirrigwardaw il-ġbir u t-trasport tal-iskart prodott fit-territorju tiegħu.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2008/98

3

Skont l-Artikolu 41 tagħha, id-Direttiva 2008/98 ħassret u ssostitwixxiet, sa mit-12 ta’ Diċembru 2010, id-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ April 2006, dwar l-iskart (ĠU L 114, p. 9), u r-riferimenti għat-tieni direttiva għandhom jinftiehmu bħala li saru għall-ewwel waħda.

4

Fil-premessi 6, 8, 31 u 32 tagħha d-Direttiva 2008/98 tipprovdi:

“(6)

L-ewwel objettiv ta’ kwalunkwe politika dwar l-iskart għandu jkun li jiġu mminimizzati l-effetti negattivi li għandhom il-ġenerazzjoni u l-immaniġġar ta’ l-iskart fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Il-politika ta’ l-iskart għandha timmira wkoll li tnaqqas l-użu ta’ riżorsi, u li tiffavorixxi l-applikazzjoni prattika tal-ġerarkija ta’ l-iskart.

[…]

(8)

[…] jeħtieġ li wieħed jinkoraġixxi l-irkupru ta’ l-iskart u l-użu ta’ materjal irkuprat sabiex jiġu ppreservati r-riżorsi naturali. […]

[…]

(31)

Il-ġerarkija ta’ l-iskart ġeneralment tistabbilixxi ordni ta’ prijorità ta’ x’inhi li tikkostitwixxi l-aqwa għażla ambjentali ġenerali fil-leġiżlazzjoni u l-politika ta’ l-iskart, filwaqt li jista’ jkun meħtieġ li ma tiġix segwita l-ġerarkija għal flussi ta’ skart speċifiċi meta dan ikun ġustifikat għal raġunijiet ta’, inter alia, fattibbiltà teknika, vijabbiltà ekonomika u protezzjoni ambjentali.

(32)

Sabiex il-Komunità kollha ssir awtosuffiċjenti fir-rimi ta’ l-iskart u fl-irkupru ta’ skart muniċipali mħallat miġbur mid-djar privati u sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jersqu lejn dik il-mira individwalment, huwa meħtieġ li jsir provvediment għal netwerk ta’ koperazzjoni fir-rigward ta’ impjanti tar-rimi u impjanti għall-irkupru ta’ skart muniċipali mħallat miġbur mid-djar privati, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi ġeografiċi u l-ħtieġa għal impjanti speċjalizzati għal ċerti tipi ta’ skart.”

5

Skont l-Artikolu 1 tagħha, din id-direttiva “tistabbilixxi miżuri għall-protezzjoni ta’ l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem permezz tal-prevenzjoni jew it-tnaqqis ta’ l-impatti negattivi tal-ġenerazzjoni u l-immaniġġar ta’ l-iskart, u permezz tat-tnaqqis ta’ l-impatti ġenerali ta’ l-użu ta’ riżorsi u t-titjib ta’ l-effiċjenza ta’ tali użu.”

6

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jagħti, għall-finijiet tagħha, b’mod partikolari d-definizzjonijiet li ġejjin:

“(9)

‘maniġġar ta’ l-iskart’ tfisser il-ġbir, it-trasport, l-irkupru u r-rimi ta’ skart, […]

(10)

‘ġbir’ tfisser il-ġbir ta’ l-iskart, inkluż l-għażla preliminari u l-ħżin preliminari ta’ l-iskart għall-finijiet tat-trasport lejn impjant tat-trattament ta’ l-iskart;

(11)

‘ġbir separat’ tfisser il-ġbir fejn il-fluss ta’ skart jinżamm separat skond it-tip u l-karatteristika sabiex ikun faċilitat trattament speċifiku;

[…]

(14)

’trattament tfisser operazzjonijiet ta’ rkupru jew rimi, inkluż il-preparazzjoni qabel l-irkupru jew ir-rimi;

(15)

‘irkupru’ tfisser kwalunkwe operazzjoni li r-riżultat prinċipali tagħha jkun skart li jservi skop utli permezz tas-sostituzzjoni ta’ materjali oħra li inkella kienu jintużaw biex jissodisfaw funzjoni partikolari, jew skart li qed jiġi ppreparat b’mod li jissodisfa dik il-funzjoni, fl-impjant jew fl-ekonomija usa’. […]

[…]

(17)

‘riċiklaġġ’ tfisser kwalunkwe operazzjoni ta’ rkupru li biha l-materjali ta’ l-iskart jiġu pproċessati mill-ġdid fi prodotti, materjali jew sustanzi għall-użu oriġinali jew għal skopijiet oħra. Dan jinkludi il-proċessar mill-ġdid ta’ materjal organiku iżda ma jinkludix irkupru ta’ enerġija u l-ipproċessar mill-ġdid f’materjali li għandhom jintużaw bħala karburanti jew għal operazzjonijiet ta’ radam mill-ġdid;

[…]

(19)

‘rimi’ tfisser kull operazzjoni li mhijiex irkupru anki meta l-operazzjoni għandha bħala konsegwenza sekondarja r-reklamazzjoni ta’ sustanzi jew enerġija. […]

(20)

‘l-aħjar teknika disponibbli’ tfisser l-aħjar teknika disponibbli kif hemm definit fl-Artikolu 2(11) tad-Direttiva [tal-Kunsill] 96/61/KE [tal-24 ta’ Settembru 1996 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 80)].”

7

Għad-definizzjoni ta’ dan l-aħħar kunċett, għandu, b’applikazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Jannar 2008, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġiż (JO L 24, p. 8), isir riferiment, issa, għal din l-aħħar direttiva, li ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva 96/61. Din id-definizzjoni tidher fl-Artikolu 2(12) tad-Direttiva 2008/1, bil-kliem li ġej:

“‘l-aħjar teknika disponibbli’ tfisser l-istadju l-aktar effettiv u avanzat fl-iżvilupp ta’ attivitajiet u l-metodi tagħhom ta’ operazzjoni li jindikaw l-adattabbiltà prattika ta’ teknika partikolari li tipprovdi fil-prinċipju l-bażi għall-valuri ta’ limiti ta’ emissjonijiet maħsuba sabiex jiġu evitati u, fejn dan ma jkunx prattiku, jitnaqqsu b’mod ġenerali l-emissjonijiet u l-impatt fuq l-ambjent kollu kemm hu[.] […]”

8

Bit-titolu “Ġerarkija ta’ l-iskart”, l-Artikolu 4 tad-Direttiva jipprovdi fil-paragrafu (1) tiegħu:

“1   Il-ġerarkija ta’ l-iskart, kif inhi hawn taħt, għandha tapplika [skont l-ordni ta’ prijorità fil-leġiżlazzjoni u l-politika fil-qasam tal-prevenzjoni u l-immaniġġar tal-iskart:]:

(a)

prevenzjoni;

(b)

preparazzjoni għal użu mill-ġdid;

(ċ)

riċiklaġġ;

(d)

irkupru ieħor, eż. irkupru ta’ enerġija; u

(e)

rimi.”

9

Il-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, li jinkludi l-Artikoli 8 sa 14 tagħha, huwa intitolat “Rekwiżiti Ġenerali”. L-Artikolu 10, dwar l-irkupru, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-skart jgħaddi minn operazzjonijiet ta’ rkupru, skond l-Artikoli 4 u 13.

2.   Fejn ikun meħtieġ għall-konformità mal-paragrafu 1 u biex ikun faċilitat jew imtejjeb l-irkupru, l-iskart għandu jinġabar separatament jekk dan ikun teknikament, ambjentalment u ekonomikament prattikabbli u m’għandux jitħallat ma’ skart ieħor jew materjal ieħor bi proprjetajiet differenti.”

10

L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-immaniġġar ta’ l-iskart jitwettaq mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem, u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent, u b’mod partikolari:

(a)

mingħajr riskju għall-ilma, l-arja, il-ħamrija, pjanti jew l-annimali;

(b)

mingħajr ma jinħoloq fastidju permezz ta’ ħsejjes jew irwejjaħ; u

(ċ)

mingħajr effetti negattivi fuq il-kampanja jew postijiet ta’ interess speċjali.”

11

L-Artikoli 15 sa 22 tad-Direttiva 2008/98 jikkostitwixxu l-Kapitolu III tagħha, iddedikat għall-immaniġġar tal-iskart. L-Artikolu 15(4) jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fit-territorju tagħhom, l-istabbilimenti jew l-impriżi li jiġbru jew [j]ittrasportaw l-iskart fuq bażi professjonali jwasslu l-iskart miġbur u ttrasportat sa impjanti ta’ trattament adatti filwaqt li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 13.”

12

Skont l-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, intitolat “Prinċipji ta’ awto‑suffiċjenza u viċinanza”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa, b’koperazzjoni ma’ Stati Membri oħra fejn dan huwa meħtieġ jew rakkomandabbli, biex jistabbilixxu netwerk integrat u adegwat ta’ impjanti għar-rimi ta’ l-iskart u ta’ impjanti għall-irkupru ta’ skart muniċipali mħallat miġbur minn djar privati, inkluż fejn tali ġbir ikopri wkoll skart muniċipali mħallat minn produtturi oħra, b’kont meħud ta’ l-aħjar teknika disponibbli.

[…] L-Istati Membri jistgħu wkoll jillimitaw il-vjeġġi ta’ skart li jkun ħiereġ għal raġunijiet ambjentali kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU L 190, p. 1)].

2   In-netwerk għandu jkun imfassal b’mod li jippermetti li l-Komunità, bħala entità waħda, tkun awtosuffiċjenti fir-rimi ta’ l-iskart kif ukoll fl-irkupru ta’ skart imsemmi fil-paragrafu 1, u li jippermetti li l-Istati Membri jersqu lejn dak il-għan fuq bażi individwali, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi ġeografiċi jew tal-ħtieġa ta’ impjanti speċjalizzati għal ċertu tip ta’ skart.

3.   In-netwerk għandu jippermetti li l-iskart jintrema jew li l-iskart imsemmi fil-paragrafu 1 jiġi rkuprat f’waħda mill-eqreb impjanti approprjati, permezz ta’ l-aktar metodi u teknoloġiji approprjati, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u tas-saħħa pubblika.

4.   Il-prinċipji tal-viċinanza u ta’ l-awto-suffiċjenza ma jfissrux li kull Stat Membru għandu jkollu l-firxa kollha ta’ faċilitajiet ta’ rkupru finali f’dak l-Istat Membru.”

13

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/98 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jesiġu li kwalunkwe stabbiliment jew intrapriża li jkollhom l-intenzjoni li jwettqu trattament ta’ l-iskart jiksbu permess mill-awtorità kompetenti.”

14

L-Artikolu 26 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Fejn dawn li ġejjin ma jkunux suġġetti għar-rekwiżiti ta’ permess, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti żżomm reġistru ta’:

(a)

stabbilimenti jew intrapriżi li jiġbru jew jittrasportaw l-iskart fuq bażi professjonali;

[…]”

Ir-Regolament Nru 1013/2006

15

B’konformità mal-Artikolu 61 tar-Regolament Nru 1013/2006, dan ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 259/93, tal-1 ta’ Frar 1993, dwar is-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjaġġi bil-baħar ta’ skart fi, għal u mill-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 176), u r-riferimenti għal dan l-aħħar regolament għandhom jinftiehmu bħala li saru għar-Regolament Nru 1013/2006. Dan ġie adottat abbażi tal-Artikolu 175(1) KE, li attwalment jikkorrispondi għall-Artikolu 192 TFUE. Min-naħa tiegħu, ir-Regolament Nru 259/93 kien ġie adottat abbażi tal-Artikolu 130 S tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 175 KE).

16

Ir-Regolament Nru 1013/2006 jinkludi l-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

“(1)

L-għan u l-komponent ewlieni u predominanti ta’ dan ir-Regolament huwa l-protezzjoni ta’ l-ambjent, filwaqt li l-effetti tiegħu fuq il-kummerċ internazzjonali huma biss inċidentali.

[…]

(14)

Fil-każ ta’ vjeġġi ta’ skart destinat għal operazzjonijiet ta’ rimi u skart mhux elenkat fl-Anness III, IIIA jew IIIB destinat għal operazzjonijiet ta’ rkupru, huwa xieraq li jiġu żgurati l-aqwa superviżjoni u kontroll billi jkun meħtieġ permess bil-miktub bil-quddiem għal tali vjeġġi. Tali proċedura għandha, imbagħad, tagħti lok għal notifika minn qabel, li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jkunu informati bix-xieraq sabiex ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent. Għandha wkoll tippermetti lil dawk l-awtoritajiet iqajmu oġġezzjonijiet motivati għal tali vjeġġi.

(15)

Fil-każ ta’ vjeġġi ta’ skart elenkat fl-Anness III, IIIA jew IIIB destinat għal operazzjonijiet ta’ rkupru, huwa xieraq li jiġi żgurat livell minimu ta’ superviżjoni u kontroll billi jinħtieġ li tali trasporti jkunu akkumpanjati minn ċerta informazzjoni.

[…]

(20)

Fil-każ ta’ ġarr ta’ skart għar-rimi, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-prinċipji tal-viċinanza, tal-prijorità ta’ l-irkupru u ta’ l-awto-suffiċjenza fil-livelli Komunitarji u nazzjonali, skond id-Direttiva 2006/12[…], billi jieħdu miżuri skond it-Trattat [KE] sabiex jipprojbixxu b’mod ġenerali jew parzjali jew sabiex joġġezzjonaw b’mod sistematiku għal tali vjeġġi. Għandu jittieħed kont ukoll tar-rekwiżit stabbilit fid-Direttiva 2006/12[…], li jobbliga l-Istati Membri jistabbilixxu rettikolat integrat u adegwat ta’ stallazzjonijiet [impjanti] ta’ rimi ta’ l-iskart, sabiex il- Komunità fl-intier tagħha tkun tista’ ssir awto-suffiċjenti fir-rimi ta’ l-iskart u sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jersqu lejn dak il-għan individwalment, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi ġeografiċi jew tal-ħtieġa għal stallazzjonijiet speċjalizzati għal ċerti tipi ta’ skart. […]

(21)

Fil-każ ta’ vjeġġi ta’ skart destinat għall-irkupru, għandhom jkunu Istati Membri li jiżguraw li l-faċilitajiet ta’ l-immaniġġjar ta’ skart koperti mid-Direttiva 96/61[…] japplikaw l-aħjar tekniki disponibbli kif definiti f’dik id-Direttiva u skond il-permess ta’ l-impjant. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiżguraw li l-iskart jiġi ttrattat skond standards ta’ protezzjoni ambjentali li jorbtu legalment stabbiliti fil-leġislazzjoni Komunitarja fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ rkupru u li, b’kont meħud ta’ l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2006/12[…], l-iskart jiġi trattat skond pjan ta’ immaniġġar ta’ skart stabbiliti skond dik id-Direttiva bl-iskop li tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ obbligi ta’ irkupru jew ta’ riċiklaġġ li jorbtu legalment stabbiliti fil-leġislazzjoni Komunitarja.

[…]”

17

Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1013/2006:

“1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi proċeduri u reġimi ta’ kontroll għall-vjeġġi ta’ l-iskart, skond l-oriġini, id-destinazzjoni u r-rotta tal-vjaġġ, it-tip ta’ skart trasportat u t-tip ta’ trattament li għandu jiġi applikat fuq l-iskart fid-destinazzjoni tiegħu.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal vjeġġi ta’ skart:

(a)

bejn l-Istati Membri, fil-Komunità jew bi transitu f’pajjiżi terzi;

[…]”

18

Il-punti (4) u (6) tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jagħmlu riferiment, fir-rigward, rispettivament, tad-definizzjoni tal-kunċetti ta’ “rimi” u “rkupru”, għad-definizzjonijiet li jinsabu fid-Direttiva 2006/12, li attwalment id-Direttiva 2008/98 tikkorrispondi għaliha. Il-punt 34 tal-istess artikolu jiddefinixxi l-kunċett ta’ “vjeġġ” bħala it-trasport ta’ skart destinat għal irkupru jew rimi li huwa ppjanat jew li jseħħ, b’mod partikolari, bejn żewġ pajjiżi.

19

It-Titolu II tal-imsemmi regolament, dwar il-vjeġġi fl-Unjoni Ewropea, jinkludi l-Artikoli 3 sa 32 tiegħu. L-Artikolu 3 jipprovdi:

“1.   Il-vjeġġi tat-tipi ta’ skart li ġejjin għandhom ikunu suġġetti għall-proċedura ta’ notifika u kunsens bil-miktub minn qabel kif stabbilit bid-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu:

(a)

jekk ikunu destinati għal operazzjonijiet ta’ rimi:

kull skart;

(b)

jekk ikunu destinati għal operazzjonijiet ta’ rkupru:

i)

l-iskart imsemmi fl-Annessa IV, li jinkludi, inter alia, skart elenkat fl-Annessi II u VIII mal-Konvenzjoni ta’ Basel [dwar il-kontroll tal-moviment barra l-konfini ta’ skart perikoluż u r-rimi tiegħu, iffirmata fit-22 ta’ Marzu 1989, approvata f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/98/KEE, tal-1 ta’ Frar 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 18, p. 301)];

ii)

skart elenkat fl-Anness IV A;

iii)

skart li mhux klassifikat taħt entrata waħdanija f’xi wieħed mill-Annessi III, IIIB, IV jew IVA;

iv)

taħlit ta’ skart mhux klassifikat taħt entrata f’xi wieħed mill-Annessi III, IIIB, IV IVA ħlief jekk elenkati fl-Anness IIIA.

2.   Il-vjeġġi tat-tipi ta’ skart li ġejjin destinati għall-irkupru għandhom ikunu suġġetti għar-rekwiżiti ġenerali ta’ informazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 18, jekk l-ammont ta’ skart imbarkat ikun akbar minn 20 kg:

a)

skart elenkat fl-Anness III jew IIIB[;]

b)

taħlitiet, mhux klassifikati taħt entrata waħda fl-Anness III, ta’ żewġ tipi jew aktar ta’ skart elenkati fl-Anness III kemm-il darba l-kompożizzjoni ta’ dawn it-taħlitiet ma tfixkilx l-irkupru ambjentalment san tagħhom u sakemm tali taħlitiet huma elenkati fl-Anness IIIA, skond l-Artikolu 58.

[…]

5.   Vjeġġi ta’ skart muniċipali mħallat […] miġbur minn djar privati, inkluż fejn tali ġbir ikopri wkoll tali skart mingħand produtturi oħrajn, destinati għal impjanti ta’ rkupru jew ta’ rimi għandhom, skond dan ir-Regolament, ikunu suġġetti għall-istess dispożizzjonijiet bħal vjeġġi ta’ skart destinat għar-rimi.”

20

L-annessi tar-Regolament Nru 1013/2006, imsemmija fl-Artikolu 3 tiegħu, jirrigwardaw, essenzjalment, l-iskart li ġej:

l-Anness III, imsejjaħ “Skart elenkat bħala ‘aħdar’”, jelenka l-iskart mhux perikoluż iddestinat għall-irkupru;

l-Anness III A jinkludi lista ta’ taħlitiet ta’ mill-inqas żewġ tipi ta’ skart li jinsabu fl-Anness III li għalihom ma teżistix entrata waħdanija;

l-Anness III B jikkonċerna skart ieħor li ma huwiex perikoluż iddestinat għall-irkupru li qiegħed jistenna li jiġi inkluż fl-annessi rilevanti tal-Konvenzjoni ta’ Basel tat-22 ta’ Marzu 1989, imsemmija iktar ’il fuq, jew tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni ta’ Kooperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku (OECD) C(2001)107/finali dwar ir-reviżjoni tad-Deċiżjoni tal-OECD C(92)39/finali, dwar il-kontroll tal-movimenti transkonfinali ta’ skart iddestinat għal operazzjonijiet ta’ rkupru;

l-Anness IV, imsejjaħ “Skart elenkat bħala ‘ambru’”, jelenka l-iskart perikoluż iddestinat għall-irkupru, u

l-Anness IV A huwa ddestinat sabiex jinkludi l-lista ta’ skart li jinsab fl-Anness III iżda madankollu huwa suġġett għall-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel.

21

L-Artikoli 11, 12 u 18 tal-istess regolament huma fformulati kif ġej:

“Artikolu 11

Oġġezzjonjiet għal vjeġġi ta’ skart destinat għar-rimi

1.   Fejn tiġi preżentata notifika dwar vjeġġ ippjanat ta’ skart destinat għar-rimi, l-awtoritajiet kompetenti tad-destinazzjoni u tad-dispaċċ jistgħu […] iqajmu oġġezzjonijiet motivati bbażati fuq waħda jew aktar mir-raġunijiet li ġejjin u skond it-Trattat:

a)

li l-vjeġġ jew rimi ppjanat ma jikkonformax mal-miżuri meħuda fl-implimentazzjoni tal-prinċipji ta’ prossimità [viċinanza], ta’ prijorità għall-irkupru u ta’ awtosuffiċjenza fil-livelli Komunitarji u nazzjonali skond id-Direttiva [2006/12], sabiex jipprojbixxu ġeneralment u parzjalment jew sabiex joġġezzjonaw sistematikament għal vjeġġi ta’ skart; jew

[…]

Artikolu 12

Oġġezzjonijiet għal vjeġġi ta’ skart destinat għall-irkupru

1.   Fejn tiġi preżentata notifika dwar vjeġġ ta’ skart ippjanat destinat għall-irkupru, l-awtoritajiet kompetenti tad-destinazzjoni u tad-dispaċċ jistgħu […] jagħmlu oġġezzjonijiet motivati bbażati fuq waħda jew aktar mir-raġunijiet imsemmija hawn taħt u skond it-Trattat:

[…]

Artikolu 18

Ċerta informazzjoni rekwiżita ma’ l-iskart

1.   Dak l-iskart kif imsemmi fl-Artikolu 3(2) u (4) li huwa previst [li] jiġi trasportat għandu jkun suġġett għar-rekwiżiti proċedurali li ġejjin:

a)

Bil-għan li tiġi faċilitata s-sorveljanza tal-progress fuq ir-rotta tal-vjeġġi ta’ tali skart, il-persuna taħt il-ġurisdizzjoni tal-pajjiz tad-dispaċċ li torganizza l-vjeġġ għandu jiżgura li l-iskart huwa akkumpanjat mid-dokument li jinsab fl-Anness VII.

b)

Id-dokument li jinsab fl-Anness VII għandu jiġi ffirmat mill-persuna li torganizza l-vjeġġ qabel ma jsir l-vjeġġ u għandu jiġi ffirmat mill-impjant ta’ rkupru jew mil-laboratorju u d-destinatarju meta l-iskart in kwistjoni ikun riċevut.

2.   Il-kuntratt imsemmi fl-Anness VII bejn il-persuna li torganizza il-vjeġġ u d-destinatarju għall-irkupru ta’ l-iskart għandu jkun effettiv meta jibda l-vjeġġ u għandu jinkludi l-obbligu, fejn il-vjeġġ ta’ l-iskart jew l-irkupru tiegħu ma jistax jitkompla kif maħsub jew fejn dan ikun sar bħala vjeġġ illegali, tal-persuna li organizzat il-vjeġġ jew, fejn dik il-persuna mhijiex f’pożizzjoni li tkompli l-vjeġġ ta’ l-iskart jew l-irkupru tiegħu (per eżempju hija falluta), tad-destinatarju, li:

(a)

jieħu lura l-iskart jew jiżgura l-irkupru tiegħu b’mod alternattiv; u

(b)

jipprovdi, jekk meħtieġ, għad-depożitu temporanju tiegħu.

Il-persuna li torganizza l-vjeġġ jew id-destinatarju għandhom jipprovdu kopja tal-kuntratt fuq talba ta’ l-awtorità kompetenti konċernata.

3.   Għall-finijiet ta’ spezzjoni, infurzar, ippjanar u statistika, l-Istati Membri jistgħu, skond il-liġi nazzjonali, jitolbu l-informazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 dwar vjeġġi koperti minn dan l-Artikolu.

[…]”

Id-dritt Estonjan

22

Il-liġi dwar l-iskart (Jäätmeseadus, iktar ’il quddiem il-“JäätS”), fl-Artikolu 221 tagħha, teħtieġ li tibbaża ruħha fuq il-ġerarkija tal-iskart, imsemmija fi kliem identiku għal dak tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2008/98, b’mod partikolari għat-tfassil u l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ mmaniġġar tal-iskart, iżda madankollu tawtorizza li titwarrab minnha jekk dan ikun jiggarantixxi riżultat ġenerali aħjar mill-perspettiva ekoloġika, b’teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-oġġett.

23

L-Artikolu 32 ta’ din il-liġi, intitolat “Prinċipju ta’ viċinanza fil-ġestjoni tal-iskart”, huwa fformulat kif ġej:

“L-iskart għandu jiġi mormi u l-iskart muniċipali mħallat għandu jiġi rkuprat f’ċentru tal-immaniġġar tal-iskart xieraq fuq il-pjan teknoloġiku [li jinsab] l-iktar qrib possibbli tal-post tal-produzzjoni tal-iskart u li jiggarantixxi l-protezzjoni tas-saħħa pubblika u tal-ambjent.”

24

Skont l-Artikolu 66 tal-imsemmija liġi:

“(1)   Trasport organizzat tal-iskart ifisser il-ġbir u t-trasport, minn impriża magħżula mill-komunità lokali, tal-iskart muniċipali ta’ settur ġeografiku partikolari lejn ċentru wieħed jew iktar ta’ mmaniġġar ta’ skart partikolari.

[…]

(2)   Il-komunità lokali għandha torganizza, fit-territorju amministrattiv tagħha, il-ġbir u t-trasport tal-iskart muniċipali – b’mod partikolari taż-żibel, jiġifieri skart muniċipali mħallat –, tar-residwi tal-għażla u tal-kategoriji tagħhom li jirriżultaw mill-ġbir separat tal-iskart muniċipali fil-post tal-produzzjoni. It-trasport organizzat ta’ skart jista’ wkoll jinkludi kategoriji oħra ta’ skart muniċipali jew skart ieħor, jekk dan ikun meħtieġ sabiex jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ din il-liġi jew jekk l-interess pubbliku ikun jirrikjedi dan.”

25

L-Artikolu 67 tal-JäätS jipprovdi:

“(1)   Bl-għan li jinstab operatur tat-trasport tal-iskart, il-komunità lokali għandha tipprevedi, b’mod awtonomu u f’kooperazzjoni ma’ komunitajiet lokali oħra, konċessjoni ta’ servizzi abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi [(riigihangete seadus)].

[…]

(3)   […] L-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt fir-rigward tat-trasport organizzat ta’ skart jiddefinixxu, fost oħrajn, il-kundizzjonijiet li ġejjin:

1)

is-settur ġeografiku kopert mit-trasport;

2)

il-kategoriji ta’ skart ittrasportat;

[…]

4)

iċ-ċentru ta’ mmaniġġar tal-iskart;

[…]

8)

in-numru ta’ djar unifamiljari u ta’ binjiet kollettivi li jinsabu fis-settur ġeografiku kopert mit-trasport kif ukoll in-numru ta’ appartamenti fil-binjiet kollettivi.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

26

Sillamäe hija belt mal-kosta ta’ madwar 15000 abitant li tinsab fl-ibgħad Grigal tal-Estonja.

27

Fl-2007, is-Sillamäe Linnavalitsus nediet sejħa għal offerti bl-għan li jiġi konkluż “kuntratt amministrattiv relattiv għat-trasferiment, lil persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt privat, tal-obbligu li jwettqu l-użu mill-ġdid u t-trattament tal-iskart muniċipali fil-miżbla ta’ Sillamäe”. Din il-konċessjoni ta’ servizzi ngħatat għal għaxar snin lil Ecocleaner Sillamäe OÜ.

28

Fl-2011, l-istess komun nieda sejħa għal offerti oħra għall-għoti ta’ konċessjoni tas-servizzi ta’ ġbir u ta’ trasport tal-iskart prodott fit-territorju tagħha. Il-kawża prinċipali tirrigwarda l-legalità tal-klawżola li tikkostitwixxi l-punt 3.5 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li jirrigwardaw din it-tieni sejħa għal offerti (iktar ’il quddiem l-“ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt”). Skont din il-klawżola, l-iskart muniċipali mħallat għandu jiġi ttrasportat għaċ-ċentru ta’ mmaniġġar tal-iskart ta’ Sillamäe (iktar ’il quddiem l-“impjant ta’ Sillamäe”) – jiġifieri l-impjant li fir-rigward tiegħu kienet seħħet l-ewwel sejħa għal offerti ‐, li jinsab 5 km bogħod mill-imsemmi komun, u l-iskart industrijali kif ukoll l-iskart tal-kostruzzjoni jiġi ttrasportat għaċ-ċentru tal-immaniġġar tal-iskart ta’ Uikala (iktar ’il quddiem l-“impjant ta’ Uikala”), li jinsab 25 km ’il bogħod. Is-Sillamäe Linnavalitsus ma kkonkludietx kuntratt għat-trattament ta’ skart mal-operatur ta’ dan it-tieni impjant.

29

Ragn-Sells hija impriża attiva kemm fit-trattament tal-iskart muniċipali mħallat kif ukoll fit-trasport tal-iskart. B’mod partikolari hija ssostni li, billi timponi li l-iskart li jaqa’ f’ċerti kategoriji li jinġabar fit-territorju tas-Sillamäe Linnavalitsus jiġi ttrasportat fiż-żewġ impjanti indikati fil-klawżola kontenzjuża tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, bl-esklużjoni tal-impjanti l-oħra kollha fejn l-iskart ikkonċernat jista’ wkoll jiġi ttrattat b’mod ekwivalenti, l-imsemmija klawżola tagħti lill-operaturi ta’ dawn iż-żewġ impjanti dritt esklużiv li jmur kontra l-prinċipju ta’ kompetizzjoni libera kif ukoll kontra l-moviment liberu tal-merkanzija, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Din hija prassi abitwali tal-komunitajiet lokali Estonjani, ibbażata fuq interpretazzjoni kontestabbli tal-punt 4 tal-Artikolu 67(3) tal-JäätS, li jgħid li dawn il-komunitajiet huma marbuta jindikaw l-impjant destinatarju tal-iskart miġbur fil-kuntest tal-konċessjonijiet ta’ trasport tal-iskart li huma jagħtu.

30

Ragn-Sells issostni li ħdax-il impjant kompetitur għat-trattament tal-iskart muniċipali mħallat jinsabu fl-Estonja f’medda ta’ 260 km, u l-parti l-kbira fosthom, skont il-qorti tar-rinviju, jużaw teknoloġiji ekwivalenti.

31

Barra minn hekk, hija ssostni li l-kawża prinċipali tqajjem kwistjoni ta’ prinċipju li l-interess tagħha jmur lil hinn mill-fruntieri tal-Estonja, peress li, skont is-sitwazzjoni ġeografika ta’ kull komunità, impriżi Latvjani jistgħu jkunu interessati fil-provvista tas-servizzi kkonċernati.

32

Għas-Sillamäe Linnavalitsus, hija l-awtorità kontraenti li għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet preċiżi tal-kuntratt li hija għandha l-intenzjoni li tagħti skont il-bżonnijet li għandhom jiġu ssodisfatti, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-impjant ta’ trattament fejn l-iskart li għandu jinġabar għandu jiġi ttrasportat, u operatur ekonomiku inkarigat minn servizz ta’ ġbir u ta’ trasport tal-iskart ma għandux dritt suġġettiv x’jasserixxi f’dak li jikkonċerna t-trattament tal-iskart ittrasportat.

33

Jidher li t-Tartu ringkonnakohus (Qorti tal-Appell ta’ Tartu) tikkunsidra li l-kuntratt ta’ konċessjoni li jirrigwarda l-immaniġġar tal-impjant ta’ Sillamäe konkluż fl-2007 mis-Sillamäe Linnavalitsus jinkludi l-għoti ta’ dritt esklużiv, fis-sens tal-Artikolu 106 TFUE, lill-konċessjonarju għat-trattament tal-iskart muniċipali mħallat miġbur fit-territorju tal-imsemmi komun. Hija tqis ukoll li l-punt 3.5 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt għandu wkoll l-effett li jagħti tali dritt esklużiv lill-operatur tal-impjant ta’ Uikala għat-trattament tal-iskart industrijali u tal-iskart tal-kostruzzjoni.

34

Din il-qorti tirrileva li r-rispett tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jimponi ruħu fl-organizzazzjoni tal-kuntratti pubbliċi u li l-fatt li impriża tingħata dritt speċjali jew esklużiv, fis-sens tal-Artikolu 106(1) TFUE, jista’ jikkostitwixxi abbuż minn pożizzjoni dominanti pprojbit mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE. Fir-rigward tad-determinazzjoni tas-suq rilevanti, hija tqis li fl-Estonja jeżisti suq tat-trattament tal-iskart muniċipali mħallat, u f’dan is-suq hemm diversi impriżi li huma attivi fit-trasformazzjoni ta’ dan l-iskart fi fjuwil jew jużawhom bħala fjuwil u li jużaw l-istess teknoloġiji bħal dawk tal-impjant ta’ Sillamäe. L-imsemmija qorti tqis li, fid-dawl taċ-ċokon tat-territorju Estonjan, dawn l-impriżi kollha jinsabu f’kompetizzjoni għall-immaniġġar tal-iskart muniċipali mħallat miġbur fit-territorju tas-Sillamäe Linnavalitsus. Hija tenfasizza l-fatt li l-kompetizzjoni bejn dawn l-impriżi hija aggravata minn nuqqas ta’ dan it-tip ta’ skart. B’teħid inkunsiderazzjoni tal-eżistenza ta’ dan is-suq, l-esklużjoni tal-impjanti ta’ trattament l-oħra kollha minbarra dik indikata mill-awtorità kontraenti tista’ tikkostitwixxi prattika abbużiva msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 102 TFUE, b’mod partikolari sa fejn minn dan tirriżulta limitazzjoni tas-suq li tista’ twassal għal żidiet tal-prezzijiet għall-produtturi tal-iskart u l-konsumaturi tal-elettriku.

35

It-Tartu ringkonnakohus għaldaqstant tistaqsi dwar l-implikazzjonijiet, f’dak li jikkonċerna l-għoti ta’ drittijiet esklużivi bħalma hma dawk li tagħhom hija kkonstatat l-eżistenza fil-kawża prinċipali, tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE relattivi għall-kompetizzjoni, iżda wkoll tal-Artikoli 35 TFUE, 49 TFUE u 56 TFUE, sa fejn tali prattika tista’ tikkostitwixxi xkiel għall-moviment liberu tal-iskart li jista’ jiskoraġġixi xi impriżi ta’ Stati Membri oħra milli jistabbilixxu ruħhom fl-Estonja jew li jxekkel lil tali impriżi milli jipprovdu servizzi hemmhekk.

36

Fl-aħħar nett, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ viċinanza stabbilit fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2008/98 jippermettix li, f’dan il-każ, jiġi ġġustifikat l-għoti ta’ dritt esklużiv lill-impjanti ta’ trattament li jinsabu l-iktar viċin. Fil-fatt, fir-rigward tal-Istati Membri li t-territorju tagħhom huwa relattivament ristrett, bħalma hija r-Repubblika tal-Estonja, dan il-prinċipju jista’ jfisser li l-iskart għandu jiġi ttrattat fl-Istat Membru kkonċernat, u l-eżistenza ta’ suq tat-trattament tal-iskart f’dan l-Istat Membru jista’ jimplika li ma huwiex neċessarju li jiġi indikat impjant partikolari.

37

F’dan il-kuntest, it-Tartu Ringkonnakohus iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 106(1) [TFUE] u l-Artikolu 102 [TFUE], għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-moviment liberu tal-merkanzija, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma jipprekludux Stat Membru milli jawtorizza, f’territorju speċifiku, id-dritt esklużiv li jittratta l-iskart muniċipali jkun, bi ħlas, mogħti lil impriża li topera ċentru ta’ ġestjoni tal-iskart speċifiku, meta jkun hemm diversi kumpanniji kompetitriċi li jeżerċitaw l-attività tagħhom f’raġġ ta’ 260 km [, li joperaw] diversi ċentri tal-ġestjoni tal-iskart […] li jissodisfaw ir-rekwiżiti [ambjentali] u li jużaw teknoloġiji ekwivalenti?

2)

L-Artikolu 106(2) [TFUE] għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lil Stat Membru milli jikkunsidra l-ġbir jew it-trasport tal-iskart, minn naħa, u l-proċessar tal-iskart, min-naħa l-oħra, bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, filwaqt li jissepara dawn is-servizzi minn xulxin, u b’hekk tiġi ristretta l-kompetizzjoni ħielsa tas-suq tal-ġestjoni tal-iskart?

3)

Tista’ tiġi eskluża l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet dwar id-dritt tal-kompetizzjoni fit-Trattat [FUE] fi proċedura ta’ għoti għal konċessjoni tas-servizz ta’ ġbir u ta’ trasport tal-iskart, li tipprovdi li, fuq it-territorju definit mill-kuntratt ta’ konċessjoni, id-dritt esklużiv li jiġi pproċessat l-iskart jingħata lil żewġ kumpanniji?

4)

L-Artikolu 16(3) tad-Direttiva [2008/98] għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’, billi jibbaża ruħu fuq il-prinċipju ta’ prossimità [viċinanza], jirrestrinġi l-kompetizzjoni u jippermetti d-dritt esklużiv li jiġi pproċessat l-iskart ikun, bi ħlas, mogħti lill-kumpannija li topera ċentru ta’ ġestjoni tal-iskart li huwa l-eqreb għat-territorju li jiġġenera l-iskart, meta jkun hemm diversi kumpanniji kompetitriċi li jeżerċitaw l-attività tagħhom f’raġġ ta’ 260 km [, li joperaw] diversi ċentri ta’ ġestjoni tal-iskart […] li jissodisfaw ir-rekwiżiti [ambjentali] u li jużaw teknoloġiji ekwivalenti?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

38

Fir-rigward tal-implikazzjonijiet possibbli tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat FUE fil-kuntest ta’ sitwazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imsemmija fl-ewwel tliet domandi, hemm lok li jiġi rrilevat li kull wieħed mill-ewwel żewġ paragrafi tal-Artikolu 106 TFUE jirrinvija, għas-sitwazzjonijiet li huwa jirrigwarda, għar-regoli tal-imsemmi trattat kollha, u b’mod partikolari għar-regoli tal-kompetizzjoni.

39

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega l-ipoteżijiet fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. Dawn ir-rekwiżiti japplikaw b’mod partikolari fil-qasam tal-kompetizzjoni, li huwa kkaratterizzat minn sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt kumplessi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group, C-384/08, Ġabra p. I-2055, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 106 TFUE moqrija flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 102 TFUE, kif imsemmija mill-qorti tar-rinviju, jippresupponu l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti f’parti sostanzjali tas-suq intern u ta’ abbuż minn tali pożizzjoni li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

41

Issa, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi ebda data li tippermetti li jiġu identifikati l-elementi li jikkostitwixxu pożizzjoni dominanti, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

42

Fil-fatt, ebda indikazzjoni f’dan ir-rigward ma tidher, f’din id-deċiżjoni, f’dak li jikkonċerna l-impriża li topera l-impjant ta’ Uikala. Fir-rigward tal-impjant ta’ Sillamäe, mill-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li s-suq rilevanti huwa s-suq Estonjan tal-irkupru tal-iskart muniċipali mħallat, fejn hemm ħdax-il impriża li huma attivi, u fosthom hemm l-impriża li topera dan l-aħħar impjant, u xejn fir-rigward tagħha ma jippermetti li wieħed jikkunsidra li hija għandha pożizzjoni partikolari f’dan is-suq. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tar-rinviju ma fiha ebda indikazzjoni li twassal sabiex wieħed jikkunsidra li l-obbligi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jirrigwardaw ċerti kategoriji ta’ skart miġbur fit-territorju ta’ komun ta’ daqs ridott għal-livell tal-Istat Membru kkonċernat, huma ta’ natura li jagħtu pożizzjoni dominanti f’parti sostanzjali tas-suq intern lill-impriżi li joperaw l-imsemmija impjanti, u lanqas li l-eżerċizzju tal-imsemmija drittijiet neċessarjament iwassal sabiex isir użu abbużiv minn pożizzjoni dominanti eventwali, u lanqas li dawn id-drittijiet jistgħu joħolqu sitwazzjoni fejn l-impriżi li jibbenefikaw minnha jkunu indotti sabiex iwettqu tali abbuż.

43

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi ebda indikazzjoni preċiża li tikkonċerna l-applikabbiltà tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat FUE bħala tali fil-kuntest tal-kawża prinċipali. Konsegwentment, sa fejn dawn jirrigwardaw dawn ir-regoli, id-domandi magħmula huma inammissibbli, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-punti ta’ fatt jew ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta għalihom b’mod utli (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ April 2007, Asemfo, C-295/05, Ġabra p. I-2999, punti 42, 43 u 45).

Fuq il-mertu

44

Preliminarjament, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà tal-obbligu impost minn komunità lokali ta’ Stat Membru lill-kuntrattur futur ta’ konċessjoni ta’ ġbir u ta’ trasport ta’ skart li jwassal ċerti tipi ta’ skart miġbur fit-territorju ta’ din il-komunità, jiġifieri kemm xi skart muniċipali mħallat, kemm xi skart industrijali u skart tal-kostruzzjoni, għand impriża stabbilita fl-istess Stat Membru sabiex dawn jiġu ttrattati f’kundizzjonijiet bħalma huma dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat FUE li jiggarantixxu l-moviment liberu tal-merkanzija kif ukoll il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jiġifieri, minn naħa, l-Artikoli 35 TFUE u 36 TFUE, u, min-naħa l-oħra, l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE.

45

Permezz tar-raba domanda tagħha, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar l-implikazzjonijiet possibbli, fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ tali obbligu, tal-prinċipju ta’ viċinanza aplikabbli għat-trattament ta’ ċerti tipi ta’ skart, stabbilit fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2008/98.

46

Issa, sa fejn din tirrigwarda l-Artikoli 35 TFUE u 36 TFUE, l-ewwel domanda tista’, hija wkoll, tikkonċerna l-leġiżlazzjoni speċifika tal-Unjoni fil-qasam tal-iskart, b’mod partikolari l-leġiżlazzjoni dwar il-vjeġġi ta’ skart stabbilita fir-Regolament Nru 1013/2006, kif ukoll fid-Direttiva 2008/98.

Fuq l-ewwel domanda sa fejn din tikkonċerna l-Artikoli 35 TFUE u 36 TFUE kif ukoll dwar ir-raba’ domanda

47

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tenħtieġ tieħu inkunsiderazzjoni xi regoli tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni li għalihom il-qorti tar-rinviju ma għamlitx riferiment fil-formulazzjoni tad-domandi preliminari tagħha sabiex tipprovdi lil din tal-aħħar elementi ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għaliha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2008, Mayr, C-506/06, Ġabra p. I-1017, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li r-risposta għall-ewwel domanda, sa fejn din tikkonċerna l-Artikoli 35 TFUE u 36 TFUE, twassal sabiex jiġu eżaminati l-implikazzjonjiet possibbli tar-Regolament Nru 1013/2006 fil-kuntest ta’ sitwazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

49

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, eżatt bħar-Regolament Nru 259/93, li ppreċedieh, ir-Regolament Nru 1013/2006 huwa intiż li jipprovdi sistema armonizzata ta’ proċeduri li permezz tagħhom il-moviment tal-iskart jista’ jkun limitat sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C-411/06, Ġabra p. I-7585, punt 72). Minn dan jirriżulta li ma huwiex neċessarju li barra minn hekk jiġi vverifikat jekk miżura nazzjoni dwar il-vjeġġ ta’ skart hijiex konformi mal-Artikoli 34 TFUE sa 36 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2001, DaimlerChrysler, C-324/99, Ġabra p. I-9897, punt 46).

50

Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ewwel domanda tagħha sa fejn din tikkonċerna l-Artikoli 35 TFUE u 36 TFUE kif ukoll permezz tar-raba’ domanda tagħha, din il-qorti essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1013/2006 moqrija flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/98 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jawtorizzaw komunità lokali li tobbliga lill-impriża konċessjonarja tas-servizzi ta’ ġbir u ta’ trasport ta’ skart prodott fit-territorju tagħha sabiex twassal ċerti tipi ta’ skart miġbur lill-operatur tal-impjant tat-trattament xieraq li jinsab l-iktar viċin, li jinsab fl-istess Stat Membru li fih tinsab din il-komunità, u b’hekk ixekkel l-iskart ikkonċernat milli jiġi trasferit lejn Stat Membru ieħor sabiex jiġi ttrattat hemmhekk.

51

Skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1013/2006, dan japplika għall-vjeġġi ta’ skart li jseħħu, b’mod partikolari, bejn Stati Membri, minbarra vjeġġi ta’ skart li jaqgħu taħt ċirkustanzi partikolari jew taħt leġiżlazzjonijiet speċjali msemmija fl-Artikolu 1(3), li ma għandhomx rilevanza għall-kawża prinċipali.

52

Skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, il-vjeġġi ta’ skart bejn Stati Membri huma suġġetti jew għall-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel irregolata permezz tal-Artikoli 4 sa 17 tal-imsemmi regolament, li huma applikabbli għall-iskart iddestinat li jiġi mormi u għall-iskart perikoluż li għandu jiġi rkuprat, jew inkella għal rekwiżiti ġenerali ta’ informazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 18 tiegħu, li, bħala prinċipju, jikkonċerna biss l-iskart li ma huwiex perikoluż iddestinat għall-irkupru.

53

Mill-Artikoli 11, 12 u 18 tar-Regolament Nru 1013/2006 jirriżulta li l-Istati Membri għandhom prerogattivi jew obbligi differenti f’dak li jikkonċerna, minn naħa, il-vjeġġi bejn Stati Membri ta’ skart iddestinat għar-rimi u, min-naħa l-oħra, il-vjeġġi ta’ skart iddestinat għall-irkupru. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(5) ta’ dan ir-regolament, il-vjeġġi ta’ skart muniċipali mħallat miġbur minn djar privati kif ukoll minn produtturi oħra għal impjanti ta’ rkupru jew impjanti għar-rimi huma suġġetti għall-istess dispożizzjonijiet bħal dawk tal-vjeġġi ta’ skart iddestinat għar-rimi.

54

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont il-punt 3.5 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, l-iskart muniċipali mħallat miġbur fit-territorju tas-Sillamäe Linnavalitsus għandu jiġi ttrasportat għall-impjant ta’ Sillamäe. Hekk kif għadu kif ġie rrilevat fil-punt ta’ qabel dan, dan l-iskart jaqa’, fi kwalunkwe ipoteżi, fil-kategorija tal-iskart iddestinat għar-rimi għall-finijiet tar-Regolament Nru 1013/2006.

55

Fir-rigward tal-iskart industrijali u l-iskart tal-kostruzzjoni, li għandhom jiġu ttrasportati għall-impjant ta’ Uikala, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-ġerarkija tal-iskart kif prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/98, tali skart huwa potenzjalment iddestinat jew għall-irkupru jew inkella għar-rimi. Konsegwentement, hemm lok li jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1013/2006 applikabbli għall-vjeġġi bejn Stati Membri ta’ skart iddestinat għar-rimi u ta’ skart iddestinat għall-irkupru jippermettux li wieħed jipprevedi obbligu bħalma huwa dak imsemmi fil-punt 3.5 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

56

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-iskart iddestinat għar-rimi u tal-iskart muniċipali mħallat, mill-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament Nru 1013/2006, moqri fid-dawl tal-premessa 20 tiegħu kif ukoll fid-dawl tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/98 jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri ta’ portata ġenerali li jirrestrinġu l-vjeġġi ta’ dan l-iskart bejn Stati Membri, fil-forma ta’ projbizzjonijiet ġenerali jew parzjali ta’ vjeġġi, bl-għan li jiġu implementati l-prinċipji ta’ viċinanza, ta’ prijorità għall-irkupru u ta’ awtosuffiċjenza b’mod konformi mad-Direttiva 2008/98.

57

Issa, b’analoġija mal-punti 37 sa 42 tas-sentenza tat-23 ta’ Mejju 2000, Sydhavnens Sten & Grus (C-209/98, Ġabra p. I-3743), jirriżulta li l-obbligu, impost minn komunità lokali fuq l-impriża inkarigata mill-ġbir tal-iskart fit-territorju tagħha, li tieħu ċerti tipi ta’ skart għal impjant tat-trattament li jinsab fl-istess Stat Membru jkun jekwivali għal miżura ta’ portata ġenerali li tistabbilixxi projbizzjoni ta’ vjeġġi tal-iskart ikkonċernat għal impjanti oħra, imsemmija fl-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament Nru 1013/2006, li kieku l-produtturi ta’ dawn l-iskart kellhom huma stess jieħdu dan l-istess skart fl-imsemmija impriża, jiġifieri fl-imsemmi impjant.

58

Konsegwentement, din il-miżura tkun konformi ma’ dan ir-regolament sa fejn din tkun intiża li timplementa, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ awtosuffiċjenza u ta’ viċinanza previsti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/98.

59

Skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/98, l-Istati Membri huma marbuta jistabbilixxu netwerk integrat u xieraq ta’ impjanti tat-trattament tal-iskart intiż għar-rimi u ta’ skart muniċipali mħallat li jinġabar, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar tekniki disponsibbli u billi jfasslu dan in-netwerk b’tali mod, b’mod partikolari, li dawn jersqu individwalment lejn l-awtosuffiċjenza għat-trattament ta’ dan l-iskart u li dan it-trattament jista’ jseħħ f’wieħed mill-impjanti xierqa li jinsabu l-iktar viċin tal-post ta’ produzzjoni ta’ dan l-iskart.

60

Għall-istabbiliment ta’ tali netwerk integrat, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-għażla tal-bażi territorjali li huma jqisu li hija xierqa sabiex tintlaħaq l-awtosuffiċjenza nazzjonali f’dak li jikkonċerna t-trattament tal-iskart inkwistjoni (ara b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/12, is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C-297/08, Ġabra p. I-1749, punt 62).

61

Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu tenfasizza li, f’dan il-kuntest, fir-rigward b’mod partikolari tal-miżuri xierqa sabiex tiġi inkoraġġuta r-razzjonalizzazzjoni tal-ġbir, tal-għażla u tat-trattament tal-iskart, waħda mill-iktar miżuri importanti li għandhom jiġu adottati mil-Istati Membri, b’mod partikolari permezz tal-komunitajiet lokali li għandhom kompetenzi f’dan ir-rigward, tikkonsisti fit-tfittxija ta’ trattament tal-imsemmi skart fl-impjant li jinsab l-iktar viċin tal-post fejn dan l-iskart jiġi prodott, b’mod partikolari għall-iskart muniċipali mħallat, sabiex it-trasport tiegħu jkun limitat kemm jista’ jkun possibbli (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punti 64, 66 kif ukoll 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

B’hekk, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom bażi sabiex jirregolamentaw jew sabiex jorganizzaw l-immaniġġar tal-iskart imsemmi fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/98 b’tali manjiera li dan jiġi ttrattat fl-impjant xieraq li jinsab l-iktar viċin.

63

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat, fir-rigward tal-iskart iddestinat għar-rimi kif ukoll fir-rigward tal-iskart muniċipali mħallat miġbur mid-djar privati u, jekk ikun il-każ, minn produtturi oħra, li Stat Membru huwa awtorizzat jagħti lill-komunitajiet lokali, fuq il-livell ġeografiku li huwa jqis li huwa l-iktar xieraq, kompetenzi fil-qasam tal-immaniġġar tal-iskart prodott fit-territorju tagħhom sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/98 u li, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, dawn il-komunitajiet jistgħu jipprevedu li t-trattament ta’ dawn it-tipi ta’ skart għandu jseħħ fl-impjant xieraq li jinsab l-iktar viċin.

64

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-iskart iddestinat għall-irkupru minbarra l-iskart muniċipali mħallat, il-vjeġġi tagħhom jistgħu jkunu suġġetti għal żewġ sistemi differenti. Minn naħa, b’mod konformi mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1013/2006, il-vjeġġi bejn Stati Membri ta’ skart li jaqa’ taħt l-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan ir-regolament, li huma suġġetti għall-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens minn qabel, madankollu ma jistgħux jagħtu lok għall-formulazzjoni ta’ oġġezzjoni min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ħlief każ b’każ, abbażi ta’ raġunijiet preċiżi li għandhom jikkonċernaw vjeġġ partikolari, li jirrigwardaw, per eżempju, insuffiċjenzi jew riskji li jikkonċernaw il-vjeġġ fih innifsu, l-irkupru previst, l-impjant destinatarju jew il-persuni li għandhom jikkompetu għad-diversi operazzjonijiet.

65

Min-naħa l-oħra, kulma jagħmel l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1013/2006, li huwa applikabbli għall-vjeġġi ta’ skart imsemmija fl-Artikolu 3(2) tiegħu, huwa biss li jimponi li l-iskart trasferit jiġi akkumpanjat minn dokument ta’ informazzjoni standardizzat, stabbilit abbażi ta’ kuntratt li għandu josserva ċerti ħtiġiet, u dan id-dokument għandu jkun jista’ jintalab mill-Istati Membri għal finijiet ta’ spezzjoni, ta’ kontroll tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, ta’ ppjanar jew ta’ statistika.

66

Għaldaqstant, mill-eżami tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1013/2006 applikabbli għall-vjeġġi, bejn Stati Membri, ta’ skart iddestinat għall-irkupru minbarra l-iskart muniċipali mħallat, jirriżulta li dan ir-regolament ma jipprevedix il-fakultà, għal awtorità nazzjonali, li tadotta miżura ta’ portata ġenerali li għandha l-effett li tipprojbixxi totalment jew parzjalment il-vjeġġi ta’ tali skart lejn Stati Membri oħra bl-għan li jiġi ttrattat hemmhekk.

67

Għaldaqstant, hekk kif jirriżulta mill-punt 57 ta’ din is-sentenza, l-obbligu, impost minn komunità lokali fuq l-impriża inkarigata mill-ġbir, fit-territorju tagħha, tal-iskart industrijali u l-iskart tal-kostruzzjoni, li tittrasportah għal impjant tat-trattament li jinsab fl-istess Stat Membru jkun ekwivalenti għal tali miżura ta’ portata ġenerali, u ma jkunx jista’ jitqies bħala li huwa awtorizzat mir-Regolament Nru 1013/2006 peress li dan jirrigwarda skart li jista’ jiġi rkuprat, li kieku l-produtturi tal-iskart ikkonċernat kienu huma stess obbligati li jwasslu dan l-iskart jew fl-imsemmija impriża, jew inkella fl-imsemmi impjant.

68

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda, sa fejn din tikkonċerna l-Artikoli 35 TFUE u 36 TFUE kif ukoll għar-raba’ domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1013/2006 moqrija flimkien mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/98 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

dawn id-dispożizzjonijiet jawtorizzaw komunità lokali li tobbliga lill-impriża inkarigata mill-ġbir tal-iskart fit-territorju tagħha sabiex tittrasporta l-iskart muniċipali mħallat miġbur mid-djar privati kif ukoll, jekk ikun il-każ, minn produtturi oħra għall-impjant tat-trattament xieraq li jinsab l-iktar viċin u li jinsab fl-istess Stat Membru ta’ din il-komunità.

dawn id-dispożizzjonijiet ma jawtorizzawx komunità lokali li tobbliga lill-impriża inkarigata mill-ġbir tal-iskart fit-territorju tagħha sabiex tittrasporta l-iskart industrijali u l-iskart tal-kostruzzjoni prodott fit-territorju tagħha għall-impjant ta’ trattament xieraq li jinsab l-iktar viċin u li jinsab fl-istess Stat Membru ta’ din il-komunità, meta dan l-iskart ikun iddestinat għall-irkupru, jekk il-produtturi tal-imsemmija skart ikunu obbligati jwasslu dan l-iskart fl-imsemmija impriża, jew li jwassluh direttament fl-imsemmi impjant.

Fuq l-ewwel domanda sa fejn din tikkonċerna l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE

69

Permezz tal-ewwel domanda tagħha sa fejn din tikkonċerna l-Artikoli 49 u 56 TFUE, u għaldaqstant indipendentement mill-implikazzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-immaniġġar tal-iskart bħalma għadhom kif ġew stabbiliti fil-punti preċedenti tas-sentenza preżenti, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk dawn l-artikoli għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu li komunità lokali tagħti d-dritt esklużiv għat-trattament ta’ ċerti tipi ta’ skart miġbur fit-territorju tagħha, fejn dan id-dritt jingħata jew direttament, permezz ta’ konċessjoni ta’ servizzi li tirrigwarda speċifikament l-immaniġġar ta’ impjant iddestinat għat-trattament ta’ dan l-iskart, jew indirettament, billi jiġi impost fuq il-kuntrattur ta’ konċessjoni ta’ servizzi ta’ ġbir u ta’ trasport ta’ skart li jwassal dan l-iskart lil operatur ekonomiku indikat minn din il-komunità.

70

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u dwar il-libertà ta’ stabbiliment ma humiex applikabbli għal attivitajiet li l-elementi rilevanti kollha tagħhom huma limitati għall-intern ta’ Stat Membru wieħed (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Jannar 1997, USSL no 47 di Biella, C-134/95, Ġabra p. I-195, punt 19, tat-22 ta’ Diċembru 2010, Omalet, C-245/09, Ġabra p. I-13771, punt 12, kif ukoll tal-20 ta’ Ġunju 2013, Impacto Azul, C‑186/12, punt 19).

71

Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali bejn il-kumpannija Ragn-Sells, kumpannija stabbilita fl-Estonja, u s-Sillamäe Linnavalitsus, komun Estonjan, tirrigwarda klawżola li tinsab fi speċifikazzjonijiet ta’ kuntratt għall-“għoti ta’ konċessjoni għat-trasport organizzat tal-iskart fil-belt ta’ Sillamäe”. Skont din il-klawżola, l-iskart prodott fit-territorju ta’ dan il-komun għandu jiġi ttrasportat f’żewġ impjanti ta’ trattament li jinsabu fl-istess Stat Membru.

72

Barra minn hekk, xejn fil-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jindika li xi impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra kienu interessati fit-trattament tal-iskart prodott fit-territorju tas-Sillamäe Linnavalitsus.

73

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li tali sitwazzjoni ma għandha ebda element ta’ rbit ma waħda mis-sitwazzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment.

74

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda sa fejn din tikkonċerna l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE għandha tkun li dawn l-artikoli ma japplikawx għal sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn l-elementi kollha huma limitati għal fi ħdan Stat Membru wieħed.

Fuq l-ispejjeż

75

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, dwar vjeġġi ta’ skart, moqrija flimkien mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

dawn id-dispożizzjonijiet jawtorizzaw komunità lokali li tobbliga lill-impriża inkarigata mill-ġbir tal-iskart fit-territorju tagħha sabiex tittrasporta l-iskart muniċipali mħallat miġbur mid-djar privati kif ukoll, jekk ikun il-każ, minn produtturi oħra għall-impjant tat-trattament xieraq li jinsab l-iktar viċin u li jinsab fl-istess Stat Membru ta’ din il-komunità.

dawn id-dispożizzjonijiet ma jawtorizzawx komunità lokali li tobbliga lill-impriża inkarigata mill-ġbir tal-iskart fit-territorju tagħha sabiex tittrasporta l-iskart industrijali u l-iskart tal-kostruzzjoni prodott fit-territorju tagħha għall-impjant ta’ trattament xieraq li jinsab l-iktar viċin u li jinsab fl-istess Stat Membru ta’ din il-komunità, meta dan l-iskart ikun iddestinat għall-irkupru, jekk il-produtturi tal-imsemmija skart ikunu obbligati jwasslu dan l-iskart fl-imsemmija impriża, jew li jwassluh direttament fl-imsemmi impjant.

 

2)

L-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE ma japplikawx għal sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn l-elementi kollha huma limitati għal fi ħdan Stat Membru wieħed.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Estonjan.