SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

19 ta’ Settembru 2013 ( *1 )

“Eżami mill-ġdid tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali T-268/11 P — Servizz pubbliku — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tittrasferixxi leave annwali mħallas li ma setax jittieħed minn uffiċjal matul il-perijodu ta’ referenza minħabba mard fit-tul — Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 4 tal-Anness V ta’ dawn ir-regolamenti tal-persunal — Direttiva 2003/88/KE — Artikolu 7 — Dritt għal-leave annwali mħallas — Prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni — Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Preġudizzju għall-unità u tal-koerenza tad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑579/12 RX‑II,

li għandha bħala suġġett l-eżami mill-ġdid tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(2), TFUE, tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑8 ta’ Novembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Strack (T‑268/11 P), mogħtija fil-kawża

Il-Kummissjoni Ewropea,

vs

Guido Strack, ex uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, residenti f’Köln (il-Ġermanja),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President ta’ Awla, J. Malenovský, U. Lõhmus, M. Safjan u A. Prechal (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Strack, minn H. Tettenborn, Rechtsanwalt,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Eggers kif ukoll minn J. Kurall u H. Kraemer, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn P. Plaza Garcia kif ukoll minn M. Bauer u J. Hermann, bħala aġenti,

wara li rat l-Artikolu 62a u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 62b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Din il-kawża għandha bħala għan l-eżami mill-ġdid tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Awla tal-Appell) tat‑8 ta’ Novembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Strack (T‑268/11 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012”), li permezz tagħha din il-qorti annullat is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal‑15 ta’ Marzu 2011, Strack vs Il‑Kummissjoni (F‑120/07), li annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal‑15 ta’ Marzu 2007, li llimitat għal tnax-il ġurnata t-trasferiment tal-leave annwali mhux meħud minn G. Strack fl-2004 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

2

L-eżami mill-ġdid jikkonċerna l-kwistjonijiet dwar jekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt għal-leave annwali mħallas bħala prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni, li huwa wkoll espressament stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il‑“Karta”) u b’mod partikolari msemmi mid-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381), is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-8 ta’ Novembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Strack toħloqx preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, bħala qorti tal-appell, interpretat:

l-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir‑“Regolamenti tal-Persunal”) fis-sens li ma jinkludix id-dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol imsemmija fid-Direttiva 2003/88, u, b’mod partikolari, il-leave annwali mħallas, u,

sussegwentement, l-Artikolu 4 tal-Anness V tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal fis-sens li jimplika li d-dritt li jiġu ttrasferiti l-ġranet ta’ leave lil hinn mil-limitu li l-imsemmija dispożizzjoni tistabbilixxi jista’ jiġi rrikonoxxut biss fil-każ ta’ impediment marbut mal-attività tal-uffiċjal minħabba l-eżerċizzju tal-qadi tal-funzjonijiet tiegħu.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Karta

3

Taħt it-titolu “Kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa”, l-Artikolu 31 tal-Karta jipprovdi:

“1.   Kull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu.

2.   Kull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni ta’ sigħat massimi tax-xogħol, għal perijodi ta’ mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa u għal perjodu annwali ta’ leave imħallas.”

Ir-Regolamenti tal-Persunal

4

L-Artikolu 1e(2) li jinsab taħt l-ewwel titolu, intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali”, jipprovdi:

“L-uffiċjali f’impieg attivi għandhom jingħataw l-kondizzjonijiet tax-xogħol, konformi ma’ l-istandards xierqa tas-saħħa u tas-sigurtà, mill-anqas ekwivalenti għall-ħtiġijiet minimi applikabbli taħt il-miżuri adottati f’dawn l-oqsma skond it-Trattati.”

5

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“L-uffiċjali għandhom ikunu intitolati għal leave fis-sena ta’ mhux anqas minn 24 jiem utli lanqas aktar minn 30 jiem utli għal kull sena kalendarja, skond ir-regoli mniżżla bil-ftehim komuni ta’ l-istituzzjonijiet [tal-Unjoni], wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal.”

6

L-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Meta uffiċjal, għal raġunijiet barra l-ħtiġiet tas-servizz, m’użax il-leave kollha tas-sena tiegħu qabel l-aħħar tas-sena kalendarja kurrenti, l-ammont ta’ leave li jista’ jinġarr [jiġi ttrasferit] għas-sena ta’ wara m’għandux jaqbeż it-12-il ġurnata.

Meta uffiċjal fil-mument li jitlaq mis-servizz m’użax il-leave tas-sena kollha tiegħu, għandu jitħallas kumpens daqs wieħed minn tletin tar-remunerazzjoni fix-xahar tiegħu fil-mument li jitlaq mis-servizz għal kull ġurnata ta’ leave dovuta lilu.

[...]”

Id-Direttiva 2003/88

7

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Għan u skop”:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2.   Din id-Direttiva tapplika għal:

a)

il-perjodi minimi ta’ […] leave annwali […]

[...]”

8

L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2.   Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

Il-fatt li wasslu għall-kawża sottomessa għal eżami mill-ġdid

Il-fatti li wasslu għall-kawża

9

G. Strack huwa ex uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea. Bejn l‑1 ta’ Marzu 2004 u l-irtirar tiegħu minħabba invalidità, b’effett mill‑1 ta’ April 2005, huwa kien fuq leave tal-mard.

10

Fis-27 ta’ Diċembru 2004, G. Strack talab it-trasferiment għas-sena 2005 ta’ 38.5 ġranet ta’ leave mhux meħuda fl-2004, filwaqt li indika li ma setax jieħu dawn il-ġranet ta’ leave minħabba, b’mod partikolari, il-marda professjonali tiegħu. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Mejju 2005 fir-rigward tas‑26.5 ġurnata restanti wara li jkun sar it-trasferiment tat‑12 il-ġurnata skont il-liġi bis-saħħa tal-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal. Wara lment, din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Ottubru 2005, fejn madankollu din id-deċiżjoni rriżervat il-possibbiltà li tiġi ppreżentata ulterjorment talba ġdida ta’ trasferiment tal-leave restanti tas-sena 2004 fil-każ li tiġi rrikonoxxuta l-oriġini professjonali tal-marda tal-parti kkonċernata.

11

Tali talba ġdida ta’ trasferiment ġiet ippreżentata minn G. Strack fit‑22 ta’ Novembru 2006, fejn ġiet miċħuda permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża.

Is-sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq

12

Fit‑22 ta’ Ottubru 2007, G. Strack ressqet rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku b’mod partikolari intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża inkwantu hija kienet tillimita għal tnax-il ġurnata t-trasferiment tal-ġranet ta’ leave annwali mhux meħuda fl-2004 u, għalhekk, kienet tnaqqas bl-istess proporzjon, is-somma li tħallset lilu bħala kumpens għal dawn il-ġranet ta’ leave fil-mument tal-waqfien mill-funzjonijiet tiegħu.

13

Insostenn tal-imsemmi rikors, G. Strack invoka motiv wieħed ibbażat fuq il-ksur tal-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal. Waqt is-seduta, huwa invoka wkoll is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et (C-350/06 u C-520/06, Ġabra p. I-179), li fiż-żmien ingħatat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

14

Fil-punti 55 sa 58 tas-sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda, qabel kollox, li mill-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-Kummissjoni għandha, fl-applikazzjoni u fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-regolamenti tagħha dwar il-leave annwali, u b’mod partikolari tal-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 4, tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal, tħares sabiex tiggarantixxi l-osservanza tal-preskrizzjonijiet minimi applikabbli għall-kundizzjonijiet tax-xogħol li josservaw ir-regoli ta’ saħħa u ta’ sigurtà taħt id-Direttiva 2003/88, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 7 tagħha dwar id-dritt għal leave annwali mħallas.

15

Sussegwentement, mill-punti 59 sa 69 ta’ din is-sentenza jirriżulta li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonstata, minn naħa, li, matul kważi s-sena 2004 kollha, ma kienx possibbli għal G. Strack, minħabba raġunijiet mediċi, li jeżerċita d-dritt tiegħu għal leave annwali mħallas. Min-naħa l-oħra, huwa kkunsidra, billi rrefera b’mod iktar partikolari, f’dan ir-rigward, għall-punti 22, 23, 25, 41, 45, 50 u 61 tas-sentenza Schultz‑Hoff et, iċċitata iktar ’il fuq, li mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 jirriżulta li d-dritt għal-leave annwali mħallas – dritt li barra minn hekk jikkostitwixxi prinċipju ta’ dritt soċjali tal-Unjoni li għandu importanza partikolari stabbilit ukoll permezz tal-Artikolu 31(2) tal-Karta – jimplika li G. Strack ma setax, f’dan il-każ, jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jibbenefika minn kumpens finanzjarju għal leave annwali mhux meħud.

16

Fl-aħħar nett, fil-punti 70 sa 78 tas-sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda għalhekk, essenzjalment, li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal ma jirregolax il-kwistjoni dwar jekk hemmx lok li jiġu ttrasferiti l-ġranet ta’ leave annwali meta ma kienx possibbli għall-uffiċjal li jeħodhom minħabba raġunijiet indipendenti mir-rieda tiegħu, bħal fil-każ ta’ raġunijiet mediċi. L-imsemmija qorti qieset li l-preskrizzjonijiet minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa msemmija fl-Artikolu 1e tar-Regolamenti tal-Persunal u, b’mod partikolari, fejn id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, f’dan ir-rigward, jikkompletaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li jikkonċernaw il-leave u li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Schultz‑Hoff et, iċċitata iktar ’il fuq, fir-rigward tal-imsemmi Artikolu 7 kellu għalhekk jiġi traspost, f’dan il-każ, permezz tal-applikazzjoni magħquda tal-Artikoli 1e, u 57 tar-Regolamenti tal-Persunal.

17

Għalhekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkonkluda, fil-punt 79 tal-imsemmija sentenza, li, billi llimita għal tnax-il ġurnata, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, permezz tal-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal, il-benefiċċju ta’ trasferiment tal-ġranet tal-leave annwali mħallas mhux meħud għas-sena 2004 minħabba leave tal-mard fit-tul, il-Kummissjoni marret kontra l-portata ta’ din id-deċiżjoni. Konsegwentement, huwa annulla d-deċiżjoni kontenzjuża.

Is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012

18

Wara appell imressaq mill-Kummissjoni u dirett kontra s-sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali, f’sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012, qabel kollox, ċaħdet it-tielet aggravju, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ vizzju proċedurali.

19

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel aggravju u l-ewwel parti tat-tieni aggravju, ibbażati, rispettivament, fuq il-ksur tal-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikolu 1e(2) tiegħu billi ddeċidiet kif ġej fil-punti 38 sa 56 ta’ din is-sentenza:

“38

[...] [it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku] kkunsidra li l-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal [...] kien jirrikjedi li d-dispożizzjonijiet previsti mir-Regolamenti tal-Persunal relatati mal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol u, b’mod partikolari, mal-leave annwali jkunu konformi jew, mill-inqas, ekwivalenti għall-preskrizzjonijiet minimi ffissati mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, hekk kif interpretati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, mis-sentenza Schultz‑Hoff et, iċċitata iktar ’il fuq.

[...]

40

Madankollu, għandu jiġi osservat li d-direttivi huma indirizzati lill-Istati Membri u mhux lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 ma jistgħux jitqiesu li fihom infushom jimponu obbligi fuq l-istituzzjonijiet fir-relazzjonijiet tagħhom mal-persunal tagħhom [...]

[…]

42

Madankollu, iċ-ċirkustanza li direttiva ma torbotx, bħala tali, l-istituzzjonijiet u li fuqha ma tistax tiġi bbażata eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistax jeskludi l-fatt li r-regoli jew il-prinċipji stabbiliti f’din id-direttiva jistgħu jiġu invokati kontra istituzzjonijiet meta fihom infushom dawn jidhru biss bħala l-espressjoni speċifika ta’ regoli fundamentali tat-Trattat [KE] u ta’ prinċipji ġenerali li bihom huma direttament marbuta l-imsemmija istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑9 ta’ Settembru 2003, Rinke C-25/02, Ġabra, p. I-8349, punti 25 sa 28 [...]).

43

Bl-istess mod, direttiva tista’ torbot istituzzjoni meta din, fil-kuntest tal-awtonomija organizzattiva tagħha u fil-limiti tar-Regolamenti tal-Persunal, kellha l-intenzjoni teżegwixxi obbligu partikolari stabbilit minn direttiva jew ukoll fil-każ fejn att innifsu ta’ portata ġenerali ta’ applikazzjoni interna jirreveri espliċitament għall-miżuri deċiżi mil-leġiżlatur tal-Unjoni bis-saħħa tat-Trattati (sentenza [tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku,] Aayhan et vs Il‑Parlament, [F-65/07, ĠabraSP p. I-A-1-1054 u II-A-1-567], punt 116).

[…]

45

Madankollu, l-eċċezzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jistgħu indirettament jorbtu istituzzjoni f’ċerti ċirkustanzi [...] ma japplikawx f’dan il-każ.

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, [...] li d-dritt għal leave annwali mħallas imsemmi fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 għandu, skont ġurisprudenza stabbilita, jitqies bħala prinċipju ta’ dritt soċjali tal-Unjoni li għandu importanza partikolari, li minnu ma jistax jiġi dderogat u li l-implementazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tista’ ssir biss fil-limiti espressament imsemmija mid-Direttiva nnifisha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

It-tieni nett, għandu jiġi osservat li d-dritt għal leave annwali huwa espressament stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-[Karta] li għaliha l-Artikolu 6(1) TUE [...] jirrikonoxxi l-istess valur ġuridiku bħal tat-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Novembru 2011, KHS, C-214/10, [Ġabra p.I-11757],punt 37; tat-3 ta’ Mejju 2012, Nediel C-337/10, punt 40 u tal-21 ta’ Ġunju 2012, ANGED, C-78/11, punt 17).

48

It-tielet nett, id-dritt għal leave annwali ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (ara s-sentenza ANGED, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Madankollu, li kieku kellu jitqies li d-dritt għal leave annwali jista’ jiġi pperċepit bħala prinċipju ġenerali tad-dritt, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 42 iktar ’il fuq, impost direttament fuq l-istituzzjonijiet u li f’dan is-sens tista’ tiġi evalwata l-legalità ta’ waħda mill-atti tagħhom, fi kwalunkwe każ, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal iċaħħad lil G. Strack mill-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.

50

Fil-fatt, dan l-artikolu huwa intiż sabiex jiddefinixxi l-metodi ta’ trasferiment u ta’ kumpens fil-każ ta’ ġranet ta’ leave annwali mhux meħuda, billi jawtorizza t-trasferiment awtomatiku ta’ tnax‑il ġurnata ta’ leave annwali mhux meħud lejn is-sena ta’ wara u billi jipprovdi possibbiltà ta’ trasferiment għall-ġranet lil hinn minn dan il-limitu meta n-nuqqas ta’ użu tal-leave annwali jkun dovut għal ħtiġijiet tas-servizz. B’hekk, ma jistax jitqies li l-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal jissuġġetta l-għoti jew l-eżerċizzju tad-dritt għal leave annwali għal kundizzjoni li tneħħilu s-sustanza tiegħu jew li hija inkompatibbli mal-istruttura u mal-għan tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88. Qabel kollox, ir-rekwiżit ta’ ssuġġettar tat-trasferiment u tal-kumpens fir-rigward tal-leave annwali mhux meħud għal ċerti kundizzjonijiet jidher ġustifikat kemm mill-ħtieġa li jiġi evitat il-kumulu ta’ leave mhux meħud b’mod illimitat kif ukoll mill-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

[…]

52

Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, fid-dawl tal-kliem tal-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ma jistax jiġi kkunsidrat li dan l-artikolu jikkorrispondi għas-sitwazzjoni msemmija fil-punt 43 iktar ’il fuq, skont liema permezz tal-inklużjoni tiegħu fir-Regolamenti tal-Persunal, l-istituzzjonijiet kellhom l-intenzjoni jimplementaw obbligu partikolari msemmi mid-Direttiva 2003/88, jew li r-referenza li tinsab f’dan l-artikolu għall-preskrizzjonijiet minimi applikabbli skont miżuri deċiżi fil-qasam tas-saħħa u tas-sigurtà skont it-Trattati tirreferi għall-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva, ġaladarba l-għan ta’ din tal-aħħar huwa differenti minn dak tal-Artikolu 1e tar-Regolamenti tal-Persunal.

53

Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 1e tar-Regolamenti tal-Persunal, li jintegra ruħu fid-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Titolu I tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal, jirreferi għall-konformità tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-uffiċjali f’impjieg, mal-‘istandards xierqa tas-saħħa u tas-sigurtà’, liema fatt jidher li jirreferi għar-regoli tekniċi minimi ta’ protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol tagħhom, mhux irregolati mid-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolamenti tal-Persunal, u mhux il-preskrizzjonijiet minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa b’mod ġenerali, li jkopru wkoll dawk relatati mal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol imsemmija mid-Direttiva 2003/88 u, b’mod partikolari, il-leave annwali. Hekk kif issostni l-Kummissjoni, interpretazzjoni daqstant wiesgħa tal-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tmur kontra l-awtonomija tal-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam tas-servizz pubbliku, stabbilita fl-Artikolu 336 TFUE.

54

It-tieni nett, ir-Regolamenti tal-Persunal jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-ħin tax-xogħol u l-leave, fit-Titolu IV tiegħu u fl-Anness V tiegħu. Il-kwistjoni mqajma f’dan il-każ, dwar il-metodi ta’ trasferiment, jew ta’ kumpens, tal-ġranet ta’ leave annwali mhux meħud lejn is-sena ta’ wara, hija speċifikament irregolata mill-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal. Ġaladarba din id-dispożizzjoni tipprovdi regola ċara u preċiża, li tillimita d-dritt ta’ trasferimenti u ta’ kumpens tal-leave annwali meta mqabbel man-numru ta’ ġranet ta’ leave mhux meħud, ma jistax isir użu, skont raġunament ibbażat, b’analoġija, fuq is-sentenza Schultz‑Hoff et, iċċitata iktar ’il fuq, tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 billi wieħed jibbaża ruħu fuq dispożizzjoni oħra tar-Regolamenti tal-Persunal, bħall-Artikolu 1e, bħallikieku tikkostitwixxi regola ta’ applikazzjoni ġenerali, li tippermetti li wieħed jidderoga mid-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolamenti tal-Persunal f’dan ir-rigward. Dan jagħti lok għal interpretazzjoni contra legem tar-Regolamenti tal-Persunal, hekk kif issostni ġustament il-Kummissjoni quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

55

B’hekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku applika, b’mod żbaljat, l-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, minnflok ma bbaża ruħu fuq l-Artikolu 4 tal-Anness V tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal.

56

Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball doppju ta’ liġi billi ttraspona l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 għas-sitwazzjoni ta’ G. Strack abbażi tal-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, minkejja r-restrizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal u fid-dawl tal-fatt li dawn tal-aħħar ma kinux jirregolaw il-kwistjoni mqajma f’dan il-każ.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

20

Konsegwentement mill-argumenti preċedenti, il-Qorti Ġenerali qieset li kien hemm lok li tiġi annullata s-sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, mingħajr madankollu ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni parti tat-tieni aggravju, li permezz tiegħu il-Kummissjoni kienet issostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien, bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, naqas milli jeżamina l-kwistjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal li kien tqajjem minnha.

21

Fl-aħħar nett, meta ddeċidiet dwar ir-rikors fl-ewwel istanza ta’ G. Strack, il-Qorti Ġenerali ċaħditu, billi ddeċidiet dan li ġej fil-punti 65 sa 67 tas-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012:

“65

[…] il-kliem ‘ħtiġijiet tas-servizz’, użati mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal, għandhom jiġu interpretati bħala intiżi għal attivitajiet professjonali li jipprekludu lill-uffiċjal, minħabba d‑dmirijiet imposti fuqha, li jibbenefika mil-leave annwali li għalih huwa għandu dritt [sentenza tal-Qorti Ġenerali tad‑9 ta’ Ġunju 2005, Castets vs Il‑Kummissjoni, T-80/04, ĠabraSP p. I-A-161 u II-729], punt 29). B’hekk, għalkemm jeħtieġ li jiġi ammess li l-kelma ‘servizz’, użata fl-espressjoni ‘ħtiġijiet tas-servizz’, tirreferi għall-attività tal-membru tal-persunal fis-servizz tal-amministrazzjoni, mid-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 59(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li uffiċjal jista’ jibbenefika minn leave tal-mard biss jekk ‘jipprovdi evidenza li mhux kapaċi jwettaq id-dmirijiet tiegħu’. Minn dan jirriżulta li, meta uffiċjal jibbenefika minn leave tal-mard, effettivament, huwa eżentat milli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu u għaldaqstant ma huwiex fis-servizz fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad‑29 ta’ Marzu 2007, Verheyden vs Il‑Kummissjoni, T-368/04, ĠabraSP p. I-A-2-93 u II-A-2-665, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66

Fil-fatt, il-ħtiġijiet tas-servizz imsemmija fl-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal jikkorrispondu għar-raġunijiet li jistgħu jipprekludu lil uffiċjal milli jieħu leave minħabba l-fatt li għandu jibqa’ jaqdi l-funzjonijiet tiegħu, sabiex iwettaq il-kompiti meħtieġa mill-isituzzjoni li għaliha huwa jaħdem. Dawn il-ħtiġijiet jistgħu jkunu temporanji jew permanenti, iżda għandhom neċessarjament ikunu marbuta ma’ attività ta’ servizz għall-istituzzjoni. Bil-kontra, il-leave tal-mard jippermetti li tiġi skużata l-assenza ta’ uffiċjal minħabba raġuni valida. Fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-saħħa tiegħu, ma jibqalux l-obbligu li jaħdem għall-istituzzjoni. Konsegwentement, il-kunċett ta’ ‘ħtiġijiet tas-servizz’ ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-assenza ta’ servizz ġustifikata permezz ta’ leave tal-mard, u dan anki fil-każ ta’ mard fit-tul (sentenza Castets vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33). Uffiċjal bil-leave tal-mard ma jistax ikollu jaħdem għas-servizz tal-istituzzjoni, preċiżament peress li huwa eżentat milli jagħmel dan (sentenza Verheyden vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 62 u 63).

67

Fid-dawl tal-interpretazzjoni partikolarment restrittiva tal-kunċett ta’ ‘ħtiġijiet tas-servizz’ mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 65 u 66 iktar ’il fuq, jirriżulta li, bil-kontra ta’ dak li jallega G. Strack, id-dritt ta’ trasferiment tal-leave annwali lil hinn mit-terminu ta’ tnax‑il ġurnata għandu jirriżulta neċessarjament minn impediment marbut mal-attività tal-uffiċjal minħabba l-qadi tal-funzjonijiet tiegħu u ma jistax jingħata minħabba marda li waqqfitu milli jeżerċitahom, anki li kieku kellu jitqies li l-oriġini professjonali ta’ din il-marda ġiet stabbilita.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22

Wara l-proposta tal-ewwel Avukat Ġenerali li jeżamina mill-ġdid is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012, l-Awla għall-eżami mill-ġdid ikkunsidrat, permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2012, Eżami mill-ġdid Il‑Kummissjoni vs Strack (C‑579/12 RX), adottata skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 62 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 193(4) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li kien hemm lok li jsir eżami mill-ġdid ta’ din is-sentenza sabiex jiġi ddeterminat jekk kien jippreġudika l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni.

23

Il-kwistjonijiet li skont din id-deċiżjoni għandhom ikunu suġġetti għal eżami mill-ġdid huma riprodotti fil-punt 2 ta’ din is-sentenza.

Fuq l-eżami mill-ġdid

24

Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tal‑11 ta’ Diċembru 2012, Eżami mill-ġdid Il‑Kummissjoni vs Strack, iċċitata iktar ’il fuq, u mill-punt 2 ta’ din is-sentenza, hemm lok li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina, essenzjalment, inizjalment, jekk, b’mod partikolari fid-dawl tal-ġurisprudenza relatata mad-dritt għal leave annwali mħallas, l-interpretazzjonijiet ikkonstatati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012 fir-rigward tal-Artikoli 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u 4 tal-Anness V tiegħu jinkludu eventwali żbalji ta’ liġi.

25

Fil-każ li jkun hemm lok li jiġi kkonstatat li s-sentenza tad-8 ta’ Novembru 2012 hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, ikun meħtieġ, ulterjorment, li jiġi eżaminat jekk u, fejn xieraq, jekk l-imsemmija sentenza tippreġudika l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni.

Fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mat-trasferiment tal-leave annwali mħallas li ma setax jittieħed minħabba leave tal-mard fit-tul

26

Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, żviluppata b’rabta, qabel kollox, mal-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, tat‑23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197), u, sussegwentement, mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, id-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ kull ħaddiem għandu jiġi kkunsidrat bħala prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li għandu importanza partikolari li huwa issa stabbilit espressament fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, li lilha l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE jirrikonoxxi l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati (ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Ġunju 2001, BECTU, C-173/99, Ġabra p. I-4881, punt 43; tas‑6 ta’ April 2006, Federatie Nederlandse Vakbeweging, C-124/05, Ġabra p. I-3423, punt 28; Schultz‑Hoff et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22; tal‑15 ta’ Settembru 2011, Williams et, C-155/10, Ġabra p. I-8409, punti 17 u 18; KHS, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37; Neidel, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40; ANGED, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17, kif ukoll tat‑8 ta’ Novembru 2012, Heimann u Toltschin, C‑229/11 u C‑230/11, punt 22).

27

Skont l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 31 tal-Karta, li, b’mod konformi mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-interpretazzjoni tagħha, l-Artikolu 31(2) tal-Karta jibbaża ruħu fuq id-Direttiva 93/104 kif ukoll fuq l-Artikolu 2 tal-Karta Soċjali Ewropea, iffirmata f’Torino fit‑18 ta’ Ottubru 1961 u riveduta fi Strasbourg fit‑3 ta’ Mejju 1996, u fuq il-punt 8 tal-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, adottata waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew miżmuma fi Strasbourg fid‑9 ta’ Diċembru 1989.

28

Hekk kif jirriżulta mill-ewwel premessa tad-Direttiva 2003/88, din id-direttiva kkodifikat id-Direttiva 93/104. L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 li jirrigwarda d-dritt għal leave annwali mħallas jirriproduċi b’mod identiku l-kliem tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/104.

29

Barra minn hekk mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt għal-leave annwali mħallas ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq ANGED, punt 18, kif ukoll Heimann u Toltschin, punt 23).

30

Fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li fihom ħaddiem ma setax jieħu l-ġranet tiegħu ta’ leave annwali mħallas minħabba leave tal-mard, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod partikolari li, għalkemm l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 ma tipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi metodi ta’ eżerċizzju tad-dritt għal-leave annwali mħallas mogħti espressament minn din id-direttiva, li tinkludi wkoll it-telf ta’ dan id-dritt fi tmiem perijodu ta’ referenza jew perijodu ta’ trasferiment, dan huwa madankollu suġġett għall-kundizzjoni li l-ħaddiem li tilef id-dritt tiegħu għal leave annwali mħallas effettivament kellu l-possibbiltà jeżerċita d-dritt mogħti lilu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Schultz-Hoff et, punt 43, kif ukoll KHS, punt 26).

31

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant iddeċidiet li l-imsemmi Artikolu 7(1) għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li jipprovdu li d-dritt għal-leave annwali mħallas jiġi estint mal-iskadenza tal-perijodu ta’ referenza u/jew ta’ perijodu ta’ trasferiment tal-leave stabbilit mid-dritt nazzjonali anki meta l-ħaddiem kien bil-leave tal-mard matul il-perijodu ta’ referenza kollu jew parti minnu u li l-inkapaċità tiegħu għax-xogħol ippersistiet sat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu, raġuni li għaliha huwa ma setax jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas (sentenza Schultz‑Hoff et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

32

Fil-fatt, li kieku kellu jiġi ammess, f’tali ċirkustanzi speċifiċi ta’ inkapaċità ta’ xogħol, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jiffissaw il-perijodu ta’ trasferiment jistgħu jipprovdu l-estinzjoni tad-dritt tal-ħaddiem għal-leave annwali mħallas, mingħajr ma l-ħaddiem effettivament kellu l-possibbiltà li jeżerċita dan id-dritt, jippreġudika s-sustanza tad-dritt soċjali direttament mogħti mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 lil kull ħaddiem (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq BECTU, punti 48 u 49, kif ukoll Schultz‑Hoff et, punti 44, 45, 47 u 48).

33

Fl-istess ċirkustanzi, il-kumpens finanzjarju li għandu dritt għalih il-ħaddiem ikkonċernat għandu jiġi kkalkolat b’mod li dan tal-aħħar jitqiegħed f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik li kien ikun fiha kieku kien eżerċita l-imsemmi dritt matul id-dewmien tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu. Barra minn hekk, ir-remunerazzjoni komuni tal-ħaddiem, li hija dik li għandha tinżamm matul il-perijodu ta’ mistrieħ li jikkorrispondi għal-leave annwali mħallas, hija wkoll determinanti fir-rigward tal-kalkolu tal-kumpens finanzjarju ta’ leave annwali mhux meħud fit-terminazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Schultz‑Hoff et, punti 61 u 62, kif ukoll Heimann u Toltschin, punt 25). Id-dritt għal leave annwali u dak tal-kisba ta’ ħlas f’dan is-sens għandhom barra minn hekk jitqiesu li jikkostitwixxu ż-żewġ aspetti ta’ dritt uniku (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Schultz‑Hoff et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Skont il-ġurisprudenza li għadha kif issemmiet, huwa barra minn hekk eskluż li d-dritt ta’ ħaddiem għal-leave annwali minimu mħallas, iggarantit mid-dritt tal-Unjoni, jitnaqqas f’sitwazzjoni kkaratterizzata mill-fatt li l-ħaddiem ma setax jissodisfa l-obbligu tiegħu li jaħdem minħabba marda matul il-perijodu ta’ referenza (sentenza Heimann u Toltschin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

35

Ċertament, hekk kif ifakkru l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat ukoll li, fir-rigward tal-għan doppju tad-dritt għal leave annwali, jiġifieri li l-ħaddiem ikun jista’ jistrieħ milli jeżegwixxi l-kompiti tiegħu skont il-kuntratt tax-xogħol tiegħu u, min-naħa l-oħra, li jkollu għad-disponibbiltà tiegħu perijodu ta’ serħan u ta’ ħin liberu, id-dritt għal-leave annwali mħallas miksub minn ħaddiem f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità milli jaħdemm għal numru ta’ perijodi ta’ referenza konsekuttivi ma jista’ jissodisfa ż-żewġ aspetti ta’ dan l-għan biss sa fejn it-trasferiment ma jaqbiżx ċertu limitu ta’ żmien (sentenza KHS, iċċitata iktar ’il fuq, punti 31 u 33).

36

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat b’mod daqstant ċar, f’dan ir-rigward, billi rreferiet espressament għaċ-ċirkustanza li d-dritt għal leave annwali mħallas huwa prinċipju ta’ dritt soċjali ta’ importanza partikolari ukoll stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, li, sabiex jiġi rrispettat dan id-dritt li l-għan tiegħu huwa l-protezzjoni tal-ħaddiem, kull perijodu ta’ trasferiment għandu jeċċedi sostanzjalment it-tul tal-perijodu ta’ referenza li għalih jingħata (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq KHS, punti 37 u 38, kif ukoll Neidel, punti 40 u 41).

37

Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet b’mod partikolari li perijodu ta’ trasferiment ta’ disa’ xhur, ġaladarba huwa ta’ tul inferjuri għal dak tal-perijodu ta’ referenza, ma jistax jitqies li huwa suffiċjenti (sentenza Neidel, iċċitata iktar ’il fuq, punti 42 u 43), filwaqt li min-naħa l-oħra ddeċidiet li huwa raġonevolament possibbli li jitqies li perijodu ta’ trasferiment ta’ ħmistax-il xahar ma jmurx kontra l-għan tad-dritt għal-leave annwali mħallas (sentenza KHS, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u 4 tal-Anness V tagħhom

38

Għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt għal-leave annwali mħallas imsemmi iktar ’il fuq, l-interpretazzjonijiet ikkunsidrati mill-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012, fir-rigward tal-Artikoli 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u 4 tal-Anness V tagħhom jinkludux eventwali żbalji ta’ liġi.

39

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, preliminarjament, li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha huma b’mod partikolari indirizzati lejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li huma, konsegwentement, marbuta josservaw id-drittijiet stabbiliti minnha. Fost dawn id-drittijiet hemm id-dritt għal-leave annwali mħallas bħala prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, dispożizzjoni li min-naħa tagħha hija bbażata, hekk kif intqal fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari fuq id-Direttiva 93/104, li min-naħa tagħha ġiet issostitwita u kkodifikata mid-Direttiva 2003/88.

40

Għandu jitfakkar ukoll li, skont prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni, att tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, b’mod li ma jqiegħedx inkwistjoni l-validità tiegħu u b’mod konformi mad-dritt primarju kollu u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tal-Karta (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh, C‑12/11, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Għalhekk, huwa b’mod partikolari billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-imsemmi prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni li hemm lok li jiġi vverifikat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żbalji eventwali ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikoli 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u 4 tal-Anness V tagħhom.

42

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, mill-punti 52 u 53 tas-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012 jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li r-referenza li din id-dispożizzjoni għandha għall-preskrizzjonijiet minimi applikabbli fil-qasam ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol skont miżuri deċiżi fl-oqsma tas-saħħa u tas-sigurtà skont it-Trattati tinkludi biss regoli tekniċi minimi ta’ protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol tagħhom, iżda mhux il-preskrizzjonijiet minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa b’mod ġenerali, b’tali mod li l-imsemmija dispożizzjoni ma tkoprix preskrizzjonijiet relatati mal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol bħal dawk inklużi fid-Direttiva 2003/88.

43

Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li l-kliem tal-imsemmi Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal assolutament ma jirriflettix id‑distinzjoni hekk magħmula mill-Qorti Ġenerali. Min-naħa l-oħra, sa fejn jirreferu għall-“ħtiġijiet minimi applikabbli taħt il-miżuri adottati [...] skond it-Trattati” fl-“oqsma” tas-“saħħa u tas-sigurtà” u relatati mal-kundizzjonijiet ta’ xogħol, l-imsemmija kliem jirrigwardaw regoli bħal dawk li jinsabu fid-Direttiva 2003/88, ġaladarba hija nnifisha għandha bħala għan, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tagħha, li tistabbilixxi l-“ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol”, fosthom il-perijodi minimi ta’ leave annwali.

44

Sussegwentement, għandu jiġi osservat li l-interpretazzjoni kkunsidrata mill-Qorti Ġenerali u d-distinzjoni li fuqha hija tibbaża ruħha ma jieħdu ebda kunsiderazzjoni tat-tagħlim li jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 36 sa 39 u 59 tas-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 1996, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill (C-84/94, Ġabra p. I-5755), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-miżuri relatati mal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol li huma s-suġġett tad-Direttiva 93/104, u b’mod partikolari dawk relatati mal-leave annwali mħallas previst fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, jikkontribwixxu direttament għat-titjib tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 118 A tat-Trattat KE u li l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni soċjali kemm fuq il-livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali jikkonferma r-rabta li teżisti bejn il-miżuri relatati mal-ħin tax-xogħol, minn naħa, u s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, min-naħa l-oħra. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari osservat f’dan ir-rigward, fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, li tali interpretazzjoni tal-kliem “sigurtà” u “saħħa” tista’ tistrieh b’mod partikolari fuq il-preambolu tal-Kostituzzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), li minnha jagħmlu parti l-Istati Membri kollha, li tiddefinixxi s-saħħa bħala stat komplet ta’ benesseri fiżiku, mentali u soċjali, u mhux biss bħala stat ta’ nuqqas ta’ mard jew inkapaċità.

45

Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-interpretazzjoni kkunsidrata mill-Qorti Ġenerali tikser il-prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni mfakkar fil-punt 40 ta’ din is-sentenza.

46

Fil-fatt, skont l-imsemmi prinċipju, il-Qorti Ġenerali kellha tkun propensa lejn interpretazzjoni tal-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal li tippermetti li tiġi żgurata l-konformità ta’ din tal-aħħar mad-dritt għal-leave annwali mħallas bħala prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li huwa espressament stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta. Issa, dan kien jeżiġi li l-Artikolu 1e(2) jiġi interpretat fis-sens li jippermetti l-integrazzjoni fir-Regolamenti tal-Persunal tas-sustanza tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 bħala regola ta’ protezzjoni minima intiża, jekk ikun il-każ, sabiex jiġu kkompletati d-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolamenti tal-Persunal li jitrattaw id-dritt għal-leave annwali mħallas u, b’mod partikolari, l-Artikolu 4 tal-Anness V ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal.

47

Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni, bil-kontra ta’ li kien għamel it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fis-sentenza tiegħu Strack vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, interpretazzjoni tal-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal skont liema din id-dispożizzjoni tirreferi b’mod partikolari għall-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 relatat mal-leave annwali mħallas.

48

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Qorti Ġenerali kkunsidra, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 67 tas-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012, li dan l-artikolu għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi kull trasferiment ta’ leave annwali mħallas li ma setax jittieħed minħabba leave tal-mard fit-tul lil hinn mit-tnax-il ġurnata li għalihom huwa previst trasferiment awtomatiku.

49

Issa, billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi.

50

Fil-fatt, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-kliem tal-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal ma jinkludi ebda riferiment espliċitu għas-sitwazzjoni speċifika ta’ uffiċjal li kien jinsab f’sitwazzjoni fejn kien impossibbli għalih li jieħu leave annwali mħallas matul il-perijodu ta’ referenza minħabba leave tal-mard fit-tul.

51

Sussegwentement, għandu jiġi osservat li, konsekuttivament għall-iżball ta’ liġi mwettaq mil-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, din il-qorti lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li tirriżulta mill-kuntest leġiżlattiv globali li fih jidħol l-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal li dispożizzjoni oħra tagħha għandha preċiżament bħala konsegwenza li l-preskrizzjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 fir-rigward tad-dritt għal-leave annwali mħallas jagħmlu parti sħiħa mir-Regolamenti tal-Persunal inkwantu huma preskrizzjonijiet minimi li għandhom, b’mod supplementari u suġġetti għad-dispożizzjonijiet iktar favorevoli li jinsabu fiha, jiġu applikati fil-konfront tal-uffiċjali.

52

Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali, f’dawn iċ-ċirkustanzi, marret kontra l-prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni mfakkar fil-punt 40 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, minflok ma ffavorixxiet interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persinal moqri flimkien mal-Artikolu 1e(2) tagħhom, li tippermetti li tiġi żgurata l-konformità ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal mad-dritt għal-leave annwali mħallas inkwantu prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li huwa espressament stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta u msemmi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu 4 li ma tippermettix li tiġi żgurata tali konformità u li barra minn hekk tikkwalifika bħala “partikolarment restrittiva” [traduzzjoni mhux uffiċjali] fil-punt 67 tas-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012.

53

F’dan ir-rigward, għandu jġi kkonstatat li huwa billi għamlet diversi żbalji ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 49 sa 51 tas-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012, li l-interpretazzjoni li hija kkunsidrat fl-imsemmija sentenza fir‑rigward tal-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal ma kellhiex bħala konsegwenza ksur tal-imsemmi dritt għal-leave annwali mħallas.

54

Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 30 sa 37 ta’ din is-sentenza, ir-rispett tal-kontenut essenzjali tad-dritt għal leave annwali mħallas jimplika, b’mod partikolari, li kull ħaddiem li ġie mċaħħad mill-possibbiltà li jeżerċitah minħabba leave tal-mard fit-tul jista’ jibbenefika minn trasferiment ta’ dan id-dritt mingħajr tnaqqis tiegħu, u dan minħabba perijodu ta’ trasferiment li t-tul tiegħu għandu jeċċedi sostanzjalment it-tul tal-perijodu ta’ referenza li għalih dan jingħata, mingħajr ma l-kunsiderazzjonijiet misluta mill-ħtieġa li jiġi evitat il-kumulu ta’ leave mhux meħud b’mod illimitat li għalih tirreferi l-Qorti Ġenerali fil-punt 50 tas-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012, jistgħu jostakolawh.

55

Fir-rigward taċ-ċirkustanzi misluta mill-ħtieġa li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, imsemmija wkoll fl-imsemmi punt 50, jeħtieġ sempliċementi li jiġi osservat li tali ċirkustanzi ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jiġu invokati sabiex jiġi ġġustifikat ksur tal-imsemmi dritt għal-leave annwali mħallas.

56

Mill-argumenti preċedenti kollha jirriżulta li l-Qorti Ġenerli missha, bħalma għamel it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-sentenza tiegħu Strack vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, interpretat l-Artikolu 4 tal-Anness V tar-Regolamenti tal-Persunal fis-sens li dan ma jitrattax il-kwistjoni tat-trasferiment ta’ leave annwali mħallas li ma setax jittieħed mill-uffiċjal matul il-perijodu ta’ referenza minħabba leave tal-mard fit-tul, b’tali mod li l-preskrizzjonijiet li jirriżultaw f’dan ir-rigward mill-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u, f’dan il-każ, iktar preċiżament mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala preskrizzjonijiet minimi applikabbli suġġetti għad-dispożizzjonijiet iktar favorevoli li jinsabu fir-Regolamenti tal-Persunal.

Fuq l-eżistenza ta’ preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni

57

L-iżbalji ta’ liġi li jivvizzjaw is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012 hekk kif identifikati fil-punti 47 u 56 ta’ din is-sentenza huma tali li jippreġudikaw l-unità u l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni.

58

Fil-fatt, billi eskludiet, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li hija kkunsidrat, il-kunċett ta’ dritt għal-leave annwali mħallas ta’ kull ħaddiem bħala prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li issa ġie stabbilit bl-Artikolu 31(2) tal-Karta u msemmi b’mod partikolari fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, hekk kif interpretata mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali ppreġudikat b’mod partikolari l-unità tad-dritt tal-Unjoni ġaladarba dispożizzjoni bħal dik tal-Karta msemmija iktar ’il fuq, b’mod konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TFUE, għandha l-istess valur ġuridiku bħad-dispożizzjonijiet tat-Trattati u li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu l-obbligu li josserva kemm meta jadotta att bħar-Regolamenti tal-Persunal abbażi tal-Artikolu 336 TFUE kif ukoll att ieħor taħt id-dritt tal-Unjoni skont is-setgħa leġiżlattiva li huwa għandu skont dispożizzjonijiet oħra tat-Trattati, kif ukoll, barra minn hekk, għandhom l-obbligu josservaw l-Istati Membri meta jimplementaw tali atti.

59

Barra minn hekk, billi ddeċidiet, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li r-riferiment li tagħmel din id-dispożizzjoni għall-preskrizzjonijiet minimu applikabbli skont il-miżuri deċiżi abbażi tat-Trattati fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-oqsma tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema ma jinkludix dispożizzjonijiet bħal dawk li jikkonċernaw l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol imsemmija mid-Direttiva 2003/88, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw il-leave annwali mħallas, il-Qorti Ġenerali ppreġudikat il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li tali miżuri jikkontribwixxu direttament għat-titjib tal-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 118 A tat-Trattat KE u, għaldaqstant tal-Artikoli 137 KE u 153 TFUE, li biż-żmien ġew issostitwiti bl-imsemmi Artikolu 118 A tat-Trattat KE, filwaqt li enfasizzat barra minn hekk, f’dan ir-rigward, li r-rabta bejn il-miżuri li jikkonċernaw il-ħin tax-xogħol u s-saħħa kif ukoll is-sigurtà tal-ħaddiema kienet ikkonfermata wkoll bl-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni soċjali kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell internazzjonali.

60

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012 tippreġudika l-unità u l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni inkwantu l-Qorti Ġenerali, bħala qorti ta’ appell, interpretat, billi marret kontra d-dritt għal-leave annwali mħallas bħala prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni, stabbilit ukoll espressament fl-Artikolu 31(2) tal-Karta u, b’mod partikolari, imsemmija mid-Direttiva 2003/88 hekk kif interpretata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja:

l-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal fis-sens li ma jinkludix il-preskrizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol imsemmija mid-Direttiva 2003/88, u, b’mod partikolari, il-leave annwali mħallas, u,

sussegwentement, l-Artikolu 4 tal-Anness V tal-imsemmija Regolamenti fis-sens li jimplika li d-dritt għal trasferiment tal-leave annwali lil hinn mil-limitu li l-imsemmija dispożizzjoni tistabbilixxi jista’ jiġi rrikonoxxut biss fil-każ ta’ impediment marbut mal-attività tal-uffiċjal minħabba l-eżerċizzju tal-qadi tal-funzjonijiet tiegħu.

Fuq il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-eżami mill-ġdid

61

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 62b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tippreġudika l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, hija għandha tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali li hija marbuta mill-punti ta’ liġi deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja. Meta tirrinvija l-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, barra minn hekk, tindika l-effetti tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li għandhom jiġu kkunsidrati bħala definittivi fir-rigward tal-partijiet fil-kawża. Bħala eċċezzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ hija nnifisha tiddeċiedi b’mod definittiv, jekk is-soluzzjoni tat-tilwima tirriżulta, fid-dawl tar-riżultat tal-eżami mill-ġdid, mill-konstatazzjonijiet ta’ fatt li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

62

Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax sempliċement tikkonstata l-preġudizzju fuq il-koerenza u/jew l-unità tad-dritt tal-Unjoni mingħajr ma tislet konsegwenzi minn din il-konstatazzjoni fir-rigward tat-tilwima kkonċernata (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI, C‑334/12 RX‑II, punt 57).

63

F’dan il-każ, fl-ewwel lok, u għar-raġuni indikata fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, jeħtieġ li tiġi annullata s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012 inkwantu hija laqgħet l-ewwel aggravju u l-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-Kummissjoni u, konsegwentement, annullat is-sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u ċaħdet ir-rikors tal-ewwel istanza ta’ G. Strack.

64

Fit-tieni lok, u fir-rigward ta’ kif għandu jiġi kkunsidrat l-appell tal-Kummissjoni, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li t-tielet aggravju invokat minn din tal-aħħar ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tat‑8 ta’ Novembru 2012 u li din iċ-ċaħda għandha tiġi kkunsidrata bħala definittiva fin-nuqqas ta’ eżami mill-ġdid fuq dan il-punt.

65

Sussegwentement, fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni aggravju tal-Kummissjoni, ibbażata fuq il-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mar kontra l-obbligu ta’ motivazzjoni billi naqas milli jeżamina l-kwistjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li din il-parti ma ġietx eżaminata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012, huwa evidenti li din ġiet miċħuda. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 55 sa 57 tas-sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda b’mod ċar fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni billi qies li, fid-dawl tal-kliem tagħha stess, din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem fis-sens li tagħmel riferiment għall-preskrizzjonijiet minimi fil-qasam tas-sigurtà u tas-saħħa applikabbli skont miżuri deċiżi f’dawn l-oqsma bis-saħħa tat-Trattati, fejn fosthom hemm il-preskrizzjonijiet minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol li jinsabu fid-Direttiva 2003/88.

66

Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, minkejja l-fatt li s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012 ma tistabbilixxix il-fatt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ttrasponiet u applikat b’mod żbaljat ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza li toħroġ mis-sentenza Schultx‑Hoff et, il-Kummissjoni xorta invokat dan il-fatt fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħha, b’mod sussidjarju. B’hekk il-Kummissjoni ssostni li din il-kawża ma tikkonċernax esklużivament id-dritt ta’ trasferiment ta’ leave annwali, iżda kumpens sostituttiv, sew jekk dan jinvolvi t-telf ta’ parti mid‑dritt għal leave annwali u mhux tal-leave annwali kollu u li dan jikkonċerna mhux biss ġranet ta’ leave mhux meħuda skont il-perijodu ta’ referenza immedjatament preċedenti għas-sena ta’ terminazzjoni tal-funzjonijiet, iżda wkoll ġranet ta’ leave li diġà kienu suġġetti għal trasferiment għas-sena ta’ qabel dik preċedenti. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku injora l-fatt li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 jiggarantixxi trasferiment tal-leave annwali mħallas biss għal minimu ta’ erba’ ġimgħat skont l-imsemmija dispożizzjoni.

67

F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi osservat li, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 30 sa 37 ta’ din is-sentenza, distinzjonijiet bħal dawk li l-Kummissjoni tallega li tagħmel, minn naħa, bejn id-dritt li wieħed jibbenefika minn trasferiment ta’ leave annwali mħallas mhux meħud minħabba mard fit-tul u l-kisba ta’ kumpens finanzjarju relatat fil-każ ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol u, min-naħa l-oħra, bejn iċ-ċaħda totali u ċ-ċaħda parzjali tad-dritt għal leave annwali li ma setax jittieħed minħabba mard fit-tul huma neqsin minn rilevanza u ma jistgħux jintlaqgħu.

68

Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ġustament ukoll iddeċieda, fil-punt 77 tas-sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li, ġaladarba l-leġiżlatur tal-Unjoni ffissa għal 24 ġurnata il-leave annwali għall-uffiċjali, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Schultz‑Hoff et, iċċitata iktar ’il fuq, tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 hija, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet rilevanti oħra fl-istatut f’dak li jikkonċerna t-trasferiment ta’ leave annwali mħallas mhux meħud minħabba mard fit-tul, ittrasponibbli għat-tul tal-leave annwali hekk iffissat mir-Regolamenti tal-Persunal b’applikazzjoni magħquda tal-Artikoli 1e u 57 tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal.

69

Fid-dawl tal-argumenti kollha preċedenti u ġaladarba l-preġudizzju fuq l-unità u l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta, f’dan il-każ, minn interpretazzjoni żbaljata tal-Artikoli 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u 4 tal-Anness V tagħhom, u li interpretazzjoni korretta tal-imsemmija dispożizzjonijiet, jiġifieri, essenzjalment, dik li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għamlet fis-sentenza tagħha Strack vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kienet titlob, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 47 u 56 ta’ din is-sentenza, ċaħda tal-ewwel u t-tieni aggravji invokati mill-Kummissjoni insostenn tal-appell tagħha u, għaldaqstant, tal-appell kollu kemm hu, hemm lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi definittivament dwar it-tilwima billi tiċħad l-imsemmi appell.

Fuq l-ispejjeż

70

Skont l-Artikolu 195(6), tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li hija s-suġġett ta’ eżami mill-ġdid tkun ingħatat skont l-Artikolu 256(2) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

71

Fin-nuqqas ta’ regoli speċifiċi li jirregolaw il-qsim tal-ispejjeż fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżami mill-ġdid u ġaladarba l-Kummissjoni, b’konsegwenza tal-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑8 ta’ Novembru 2012 u taċ-ċaħda definittiva tal-appell li hija kienet ippreżentat kontra s-sentenza Strack vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, tilfet fil-kuntest tal-imsemmi appell, jeħtieġ, f’dan il-każ, li tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti minn G. Strack kemm fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll ta’ din il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid.

72

Il-Kunsill, li ppreżenta osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-kwistjonijiet li huma s-suġġett ta’ eżami mill-ġdid, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu relatati ma’ din il-kawża.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Awla tal-Appell) tat‑8 ta’ Novembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Strack (T‑268/11 P), tippreġudika l-unità u l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni inkwantu l-Qorti Ġenerali, bħala qorti ta’ appell, interpretat, billi marret kontra d-dritt għal-leave annwali mħallas bħala prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni, stabbilit ukoll espressament fl-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni u, b’mod partikolari, imsemmija mid-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol hekk kif interpretata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea:

l-Artikolu 1e(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea fis-sens li ma jinkludix il-preskrizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol imsemmija mid-Direttiva 2003/88, u, b’mod partikolari, il-leave annwali mħallas, u,

sussegwentement, l-Artikolu 4 tal-Anness V tal-imsemmija Regolamenti fis-sens li jimplika li d-dritt għal trasferiment tal-leave annwali lil hinn mil-limitu li l-imsemmija dispożizzjoni tistabbilixxi jista’ jiġi rrikonoxxut biss fil-każ ta’ impediment marbut mal-attività tal-uffiċjal minħabba l-eżerċizzju tal-qadi tal-funzjonijiet tiegħu.

 

2)

L-imsemmija sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea hija annullata.

 

3)

L-appell tal-Kummissjoni Ewropea dirett kontra s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tal‑15 ta’ Marzu 2011, Strack vs Il‑Kummissjoni (F‑120/07) huwa miċħud.

 

4)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati l-ispejjeż ta’ G. Strack relatati kemm mal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid kif ukoll ma’ dik quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

 

5)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom relatati mal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid.

 

6)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha relatati mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.