SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
11 ta’ Lulju 2013 ( *1 )
“Direttiva 2006/123/KE — Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae — Servizzi ta’ kura tas-saħħa — Servizzi soċjali — Ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum u ta’ matul il-lejl li jipprovdu għajnuna u kura lill-persuni anzjani”
Fil-Kawża C-57/12,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Jannar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Frar 2012, fil-proċedura
Fédération des maisons de repos privées de Belgique (Femarbel) ASBL
vs
Commission communautaire commune de Bruxelles-Capitale,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano (Relatur), President tal-Awla, M. Berger, A. Borg Barthet, E. Levits u J.-J. Kasel, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Jannar 2013,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għall-Fédération des maisons de repos privées de Belgique (Femarbel) ASBL, minn M. Vastmans, avukat, |
— |
għall-Commission communautaire commune de Bruxelles-Capitale, minn B. Fonteyn, bħala aġent, assistit minn P. Slegers u S. Engelen, avukati, |
— |
għall-Gvern Olandiż, minn B. Koopman u C. Wissels, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Rogalski u C. Vrignon, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Marzu 2013,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2)(f) u (j) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Fédération des maisons de repos privées de Belgique (Femarbel) ASBL (iktar ’il quddiem “Femarbel”) u l-Commission communautaire commune de Bruxelles-Capitale (iktar ’il quddiem “COCOM”) dwar il-kunċetti ta’ “servizzi ta’ kura tas-saħħa” u ta’ “servizzi soċjali”. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessa 7 tad-Direttiva 2006/123 tipprovdi: “Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas ġenerali legali li jkun ta’ vantaġġ għal varjetà wiesgħa ta’ servizzi filwaqt li jieħu f’kunsiderazzjoni l-karatteristiċi distintivi ta’ kull tip ta’ attività jew professjoni u s-sistema tagħha ta’ regolamentazzjoni. [...] Din id-Direttiva tqis ukoll għanijiet oħrajn ta’ interess ġenerali, inkluż il-ħarsien ta’ l-ambjent, is-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika kif ukoll il-bżonn li jkun hemm konformità mal-liġi tax-xogħol.” |
4 |
Il-premessa 22 ta’ din id-direttiva tistabbilixxi: “L-esklużjoni tal-kura tas-saħħa mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tkopri servizzi ta’ kura tas-saħħa u farmaċewtiċi pprovduti minn professjonisti tas-saħħa lil pazjenti biex jivvalutaw, iżommu u jirrestawraw l-istat ta’ saħħa fejn dawk l-attivitajiet huma rriżervati għal professjoni regolata tas-saħħa fl-Istat Membru fejn huma pprovduti s-servizzi.” |
5 |
Il-premessa 27 tal-imsemmija direttiva hija fformulata kif ġej: “Din id-Direttiva ma għandhiex tkopri dawk is-servizzi soċjali fil-qasam tad-djar, tal-kura tat-tfal u appoġġ għal familji u persuni fil-bżonn li huma pprovduti mill-Istat f’livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, minn fornituri b’mandat mill-Istat, jew minn karitajiet rikonoxxuti bħala tali mill-Istat, bl-għan li jkun żgurat l-appoġġ għal dawk li huma fi stat partikolari ta’ bżonn permanenti jew temporanju minħabba d-dħul insuffiċjenti fil-familja, jew in-nuqqas totali jew parzjali ta’ indipendenza u għal dawk bir-riskju li jiġu emarġinati. Dawn is-servizzi huma essenzjali biex jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali lid-dinjità umana u lill-integrità u huma manifestazzjoni tal-prinċipji tal-koeżjoni soċjali u solidarjetà u m’għandhomx jiġu affettwati b’din id-Direttiva.” |
6 |
L-Artikolu 2 tal-istess direttiva jipprovdi: “1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru. 2. Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn l-attivitajiet: […]
[…]
|
7 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123 jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin: […]
|
8 |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Marzu 2011, dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali (ĠU L 88, p. 45), huwa fformulat kif ġej: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
|
Id-dritt Belġjan
9 |
L-abbozz tad-digriet tal-21 ta’ Ġunju 2007 (Doc. Parl., Assemblée réunie de la Commission communautaire commune, 2006-2007, B-102/1, p. 1) jistabbilixxi: “Permezz ta’ dan id-digriet, il-Kunsill konġunt ikollu l-mezzi sabiex jadotta politika ta’ superviżjoni għall-istabbilimenti kollha intiżi għall-persuni anzjani u jkun jista’ jiżgura l-iżvilupp ta’ offerta varja ta’ stabbilimenti b’attenzjoni speċifika għall-aġġornament tas-servizzi għal din il-populazzjoni fraġli. [...] Il-proġett tal-ħajja huwa element ċentrali fl-akkoljenza tal-persuna. Din għandha tkun tista’ tgħix, fi kwalunkwe mument, b’mod attiv u parteċipattiv.” |
10 |
Id-digriet tal-24 ta’ April 2008, dwar stabbilimenti ta’ akkoljenza u ta’ akkomodazzjoni għal persuni anzjani (Moniteur belge tas-16 ta’ Mejju 2008, p. 25666, iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-2008”), jistabbilixxi fl-Artikolu 2 tiegħu: “Għall-iskopijiet ta’ dan id-digriet, dawn li ġejjin għandhom iffissru: […]
[…]
[…]
|
11 |
L-Artikolu 4 tad-Digriet tal-2008 huwa fformulat kif ġej: “Il-Kunsill konġunt jista’, skont l-opinjoni tat-Taqsima, jiddeċiedi l-programmazzjoni ta’ kull stabbiliment għall-persuni anzjani jew ta’ uħud minnhom imsemmija fl-Artikolu 2(4), bl-eċċezzjoni ta’ dawk imsemmija fl-Artikolu 2(4)(b)(β) […]” |
12 |
Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmi digriet: “Huwa pprojbit li jinfetaħ jew li jibda jopera stabbiliment ġdid imsemmi fl-Artikolu 2(4), jew li tinfetaħ jew li tibda topera estensjoni tal-kapaċità ta’ akkoljenza jew ta’ akkomodazzjoni ta’ wieħed minn dawn l-istabbilimenti eżistenti mingħajr ma tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni mill-Kunsill konġunt, jekk l-istabbiliment ikkonċernat jaqa’ taħt kategorija ta’ stabbilimenti li l-programazzjoni tagħhom ġiet deċiża mill-Kunsill konġunt skont il-Kapitolu II. L-awtorizzazzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu, li tfisser li proġett huwa inkluż fil-programmazzjoni, hija magħrufa bħala ‘awtorizzazzjoni speċifika għall-ftuħ u l-operat’ […]” |
13 |
L-Artikolu 11(1) tal-istess digriet jipprovdi: “L-ebda stabbiliment imsemmi fl-Artikolu 2(4)(a), (b)(α), (c), (d), (e), (f) jew (g), ma jista’ jiftaħ u l-ebda amministratur ma jista’ joffri servizzi fi stabbiliment imsemmi fl-Artikolu 2(4)(b)(α), mingħajr ma jkun hemm approvazzjoni minn qabel. L-approvazzjoni tingħata mill-Kunsill konġunt, skont l-opinjoni tat-Taqsima, għal perijodu massimu ta’ sitt snin, li jista’ jiġġedded. Id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni, imsemmija fis-subparagrafu 2, tistabbilixxi n-numru massimu ta’ persuni anzjani li jistgħu jiġu akkomodati jew akkolti fl-istabbiliment. Sabiex tinkiseb l-approvazzjoni mill-Kunsill konġunt, l-istabbiliment għandu josserva, jekk ikun il-każ, ir-regoli deċiżi mill-awtoritajiet federali kompetenti, kif ukoll ir-regoli li Kunsill konġunt jista’, skont l-opinjoni tat-Taqsima, jiddeċiedi għal kull waħda mill-kategoriji ta’ stabbilimenti previsti fl-Artikolu 2(4). Dawn ir-regoli jikkonċernaw:
B’mod partikolari l-ftehim għandu jsemmi b’mod ċar u komprensiv x’inhuwa kompriż fil-prezz ta’ ġurnata kif ukoll l-ispejjeż li jistgħu jintalbu kemm b’mod supplimentari kif ukoll bħala depożiti bil-quddiem favur terzi minbarra l-prezz ta’ ġurnata. [...]” |
14 |
L-Artikolu 13 tad-digriet tal-2008 jipprovdi: “Awtorizzazzjoni ta’ funzjonament temporanja tingħata mill-Kunsill konġunt lill-istabbilimenti li għandhom l-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 7 […] li jippreżentaw l-ewwel talba għall-approvazzjoni, sakemm ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ffissati mill-imsemmi Kunsill, skont l-opinjoni tat-Taqsima. Din l-awtorizzazzjoni tingħata għall-perijodu ta’ sena, li jista’ jiġġedded darba, u tiffissa n-numru massimu ta’ persuni anzjani li jistgħu jingħataw akkomodazzjoni jew akkoljenza fl-istabbiliment […]” |
15 |
L-Artikolu 19 tal-imsemmi digriet huwa fformulat kif ġej: “Id-deċiżjonijiet kollha ta’ approvazzjoni, ta’ awtorizzazzjoni ta’ funzjonament temporanja, ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ funzjonament temporanja, ta’ rifjut jew ta’ irtirar tal-approvazzjoni u ta’ għeluq ta’ stabbiliment jiġu kkomunikati lis-sindku f’sittin ġurnata. […]” |
16 |
Fir-rigward tar-regoli dwar iċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum, id-deċiżjoni tal-Kunsill konġunt, tat-3 ta’ Diċembru 2009, li tiffissa regoli ta’ approvazzjoni li l-istabbilimenti ta’ akkoljenza jew ta’ akkomodazzjoni għall-persuni anzjani għandhom josservaw u li tippreċiża d-definizzjonijiet ta’ grupp u ta’ fużjoni kif ukoll ir-regoli partikolari li huma għandhom jirrispettaw (Moniteur belge tas-17 ta’ Diċembru 2009, p. 79487, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-2009”), tipprovdi fl-Artikolu 210 tagħha: “L-għajnuna neċessarja tingħata lill-persuni anzjani li ma jistgħux iwettqu weħidhom l-atti tal-ħajja ta’ kuljum.” |
17 |
L-imsemmija deċiżjoni tipprovdi fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi tal-Artikolu 211 tagħha: “Skont il-każ, għandu jinzamm, għal kull persuna anzjana, fajl ta’ kura li jinkludi b’mod partikolari d-data ta’ meta t-tabib li għandu l-kura tal-persuna anzjana ġie jaraha, l-ordnijiet tiegħu, il-mediċini kif ukoll il-kura li għandha tingħata u d-dieti eventwali. Skont il-każ, dan il-fajl għandu jinkludi wkoll is-servizzi kollha li jiġu pprovduti mill-infermiera u mill-paramediċi kkonsultati mill-persuna anzjana, fid-dawl tal-kontinwità tal-kura fil-qafas taċ-ċentru ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum. Huwa jinkludi wkoll il-kummenti u l-osservazzjoni tal-persunal li wettaq dawn is-servizzi kif ukoll in-notifika tagħhom lil fornitur magħżul mill-persuna anzjana.” |
18 |
L-Artikolu 213 tad-deċiżjoni tal-2009 huwa fformulat kif ġej: “Jekk dan ikun neċessarju, prattikant fil-qasam tal-infermerija għandu jiżgura t-tqassim u l-għoti lill-persuna anzjana tal-mediċini preskritti mit-tabib li għandu l-kura tagħha.” |
19 |
L-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 216 tal-imsemmija deċiżjoni jipprovdu: “Kull ċentru jistabbilixxi programm ta’ animazzjoni u ta’ attivitajiet intiżi sabiex jistimulaw iż-żamma tal-awtonomija tal-persuni anzjani u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja soċjali. Dan il-programm huwa maħsub b’tali mod li jieħu ħsieb il-bżonnijiet soċjo-kulturali ta’ kuljum tal-persuni anzjani, b’mod iktar partikolari, u mmirat, b’mod iktar partikolari, lejn attivitajiet ibbażati fuq l-atti tal-ħajja ta’ kuljum, il-qasam paramediku u tal-benesseri, l-edukazzjoni tas-saħħa kif ukoll l-attivitajiet kulturali u parteċipattivi […]” |
20 |
Fir-rigward tar-regoli dwar iċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl, l-Artikolu 238 tad-deċiżjoni tal-2009 jistabbilixxi: “Ir-regolament ta’ natura interna jinkludi b’mod mandatorju l-informazzjoni addizzjonali li ġejja: […]
|
21 |
L-Artikolu 242 tal-imsemmija deċiżjoni jipprovdi: “Il-persuna anzjana tista’ tibbenefika mill-għajnuna, mill-kura u mis-superviżjoni li hija għandha bżonn.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
22 |
Fit-territorju tar-Région de Bruxelles-Capitale, il-COCOM tista’ teżerċita l-kompetenzi tagħha stess fil-kwistjonijiet “personalizzabbli”, bħall-politika tat-tielet eta’, fir-rigward tal-individwi kif ukoll tal-istituzzjonijiet, taċ-ċentri u tas-servizzi li ma jistgħux, minħabba l-organizzazzjoni tagħhom, jiġu kkunsidrati bħala li jappartjenu esklussivament lill-Komunità Fjamminga jew Franċiża. |
23 |
F’dan il-kuntest, fl-24 ta’ April 2008, l-Assemblea konġunta tal-COCOM adottat id-Digriet tal-2008 sabiex tipprovdi qafas leġiżlattiv għall-istabbilimenti kollha għall-persuni anzjani. |
24 |
Bis-saħħa tal-Artikolu 4 tad-digriet tal-2008, l-istabbilimenti li huma espressament imsemmija fih, li fosthom jinsabu d-djar speċifiċi għall-anzjani, iċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum u ċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl, li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ programmazzjoni. Meta tali programmazzjoni ġiet deċiża, kif jirriżulta mill-Artikolu 6 tal-istess digriet, l-ebda wieħed minn dawn l-istabbilimenti ma seta’ jinfetaħ jew jibda jopera mingħajr ma jkun awtorizzat biex jagħmel dan mill-Kunsill konġunt tal-COCOM. |
25 |
Skont l-Artikoli 11 sa 19 tal-imsemmi digriet, l-istabbilimenti kollha kkonċernati, b’mod partikolari d-djar speċifiċi għall-anzjani, iċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum u ċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl, għandhom jiksbu awtorizzazzjoni ta’ funzjonament temporanja, flimkien ma’ approvazzjoni, sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom. Abbażi ta’ dan l-Artikolu, il-Kunsill konġunt tal-COCOM adotta d-deċiżjoni tal-2009, sabiex b’mod partikolari jiffissa r-regoli ta’ approvazzjoni li l-istabbilimenti ta’ akkoljenza jew ta’ akkomodazzjoni għall-persuni anzjani għandhom josservaw. |
26 |
Fil-15 ta’ Frar 2010, Femarbel talbet lill-Conseil d’État jannulla l-imsemmija deċiżjoni, billi sostniet in-natura antikostituzzjonali tad-dispożizzjonijiet li jikkostitwixxu l-bażi legali tagħha, jiġifieri dawk tad-Digriet tal-2008 dwar, minn naħa, il-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni u ta’ approvazzjoni kif ukoll ta’ programmazzjoni u, min-naħa l-oħra, ir-regoli dwar l-iffissar tal-prezzijiet iffatturati. |
27 |
Peress li l-Conseil d’État kellu l-istess dubji ta’ Femarbel, huwa għamel lill-Qorti Kostituzzjonali tliet domandi preliminari, fejn l-ewwel tnejn kienu jqajmu problemi dwar il-kompatibbiltà mal-Artikoli 10 u 11 tal-Kostituzzjoni, moqrija flimkien mad-Direttiva 2006/123, tal-iskemi ta’ approvazzjoni u ta’ programmazzjoni implementati minn dan id-digriet sabiex id-djar speċifiċi għall-anzjani, iċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum u ċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl ikunu jistgħu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom. |
28 |
F’dan ir-rigward, peress li qieset li l-imsemmi eżami ta’ kompatibbiltà kien jimponi li jiġi stabbilit minn qabel jekk l-istabbilimenti inkwistjoni setgħux jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123, il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li dan kien il-każ fir-rigward tad-djar speċifiċi għall-anzjani. Min-naħa l-oħra, hija enfasizzat li la d-dispożizzjonijiet interni rilevanti u lanqas in-noti sottomessi mill-partijiet ma kienu jippermettu li jiġu ċċarati d-dubji dwar l-applikabbiltà ta’ din id-direttiva fir-rigward taċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum u taċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl. |
29 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Cour constitutionnelle ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja: “Is-servizzi ta’ kura tas-saħħa msemmija fl-Artikolu 2(2)(f) [tad-Direttiva 2006/123], u s-servizzi soċjali msemmija fl-Artikolu 2(2)(j) [tal-istess direttiva], għandhom jiġu interpretati b’tali mod li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva, ċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum fis-sens tad-[digriet tal-2008], inkwantu jipprovdu għajnuna u kura approprjata għat-telf ta’ awtonomija ta’ persuni anzjani, kif ukoll iċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl fis-sens tal-istess digriet, inkwantu jipprovdu għajnuna u kura tas-saħħa li ma jistgħux jiġu ggarantiti lill-persuni anzjani minn qrabathom b’mod kontinwu?” |
Fuq id-domanda preliminari
30 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(2)(f) u (j) tad-Direttiva 2006/123 għandux jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum u ċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl, minħabba l-fatt li jipprovdu għajnuna u kura tas-saħħa lill-persuni anzjani, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
31 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-imsemmija direttiva, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, moqri flimkien mal-premessi 2 u 5 tagħha, tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali intiżi sabiex jeliminaw ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri fl-Istati Membri u għall-moviment liberu tas-servizzi bejn l-Istati Membri, sabiex jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ suq intern liberu u kompetittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2011, Société fiduciaire nationale d’expertise comptable, C-119/09, Ġabra p. I-2551, punt 26). |
32 |
Id-Direttiva 2006/123 tapplika għaldaqstant, skont l-Artikoli 2(1) u 4 tagħha, għall-attivitajiet ekonomiċi kollha indipendenti, ipprovduti normalment bi ħlas minn fornitur stabbilit fi Stat Membru, kemm jekk ikun stabbilit b’mod permanenti u kontinwu fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni u kemm jekk ma jkunx, bla ħsara għall-attivitajiet espressament esklużi, li fosthom jissemmew b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw is-“servizzi ta’ kura tas-saħħa” u s-“servizzi soċjali”, imsemmija rispettivament fl-Artikolu 2(2)(f) u fl-Artikolu 2(2)(j), dispożizzjonijiet li tirreferi għalihom id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. |
33 |
F’dan il-kuntest, sabiex tingħata risposta utli lil din il-qorti, għandhom jiġu ppreċiżati l-elementi li jikkostitwixxu l-kunċetti ta’ “servizz ta’ kura tas-saħħa” u ta’ “servizzi soċjali”, sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tistabbilixxi jekk u, skont il-każ, sa fejn iċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum u ċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl jipprovdu attivitajiet li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva. Fil-fatt, huwa biss fl-ipoteżi fejn dawn iċ-ċentri jiżguraw prinċipalment tali attivitajiet li ma japplikawx għalihom ir-regoli stabbiliti minnha. |
34 |
Sabiex tinftiehem, fl-ewwel lok, il-portata tal-esklużjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(f) tad-Direttiva 2006/123, il-kunċett ta’ “servizzi ta’ kura tas-saħħa” għandu jiġi interpretat mhux biss billi jsir riferiment għall-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll għal għan u għall-istruttura tagħha, fil-kuntest tas-sistema stabbilita minn din id-direttiva. |
35 |
Fir-rigward, qabel kollox, tal-formulazzjoni tal-imsemmi Artikolu 2(2)(f), għandu jiġi nnotat li l-kunċett ta’ “servizzi ta’ kura tas-saħħa” adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni huwa pjuttost wiesa’, fis-sens li jinkludi s-servizzi relatati mas-saħħa tal-bniedem, sew jekk jiġu u sew jekk ma jiġux mogħtija fil-kuntest ta’ stabbilimenti għall-kura u indipendentement minn kif inhuma organizzati u ffinanzjati fuq livell nazzjonali jew min-natura pubblika jew privata tagħhom. |
36 |
Għal dak li jirrigwarda, sussegwentement, l-għan u l-istruttura tal-Artikolu 2(2)(f) tad-Direttiva 2006/123, għandu jiġi kkonstatat li, kif huwa stabbilit fil-premessa 22 tagħha, l-esklużjoni tal-kura tas-saħħa mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva hija intiża li tkopri s-servizzi ta’ kura tas-saħħa u farmaċewtiċi kollha pprovduti minn professjonisti tas-saħħa lill-pazjenti “biex jivvalutaw, iżommu u jirrestawraw l-istat ta’ saħħa tagħhom”, sa fejn dawk l-attivitajiet huma “rriżervati għal professjoni rregolata tas-saħħa fl-Istat Membru fejn huma pprovduti s-servizzi”. |
37 |
Tali konstatazzjoni toħroġ ukoll mill-manwal ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva “Servizzi” (iktar ’il quddiem il-“manwal”), li sempliċement iżid li l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 tas-servizzi li jirrigwardaw il-kura tas-saħħa tkopri l-attivitajiet direttament u strettament marbuta mal-istat tas-saħħa tal-bniedem u ma tirrigwardax għalhekk dawk intiżi biss sabiex itejbu l-benesseri jew sabiex jippermettu r-rilassament, bħal klabbs tal-isport jew tal-fitness. Dan huwa, barra minn hekk, dak li jirriżulta mid-Direttiva 2011/24, fejn l-Artikolu 3(a) jiddefinixxi l-“kura tas-saħħa” bħala “servizzi tas-saħħa pprovduti minn professjonisti tas-saħħa lill-pazjenti biex jivvalutaw, iżommu jew ireġġgħu lura l-istat tas-saħħa tagħhom, inklużi l-preskrizzjoni, l-għoti u l-forniment ta’ prodotti mediċinali u apparati mediċi”. |
38 |
Fl-aħħar nett, din l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “servizzi tas-saħħa”, u għalhekk tal-portata tal-esklużjoni tiegħu mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123, hija kkorroborata mill-analiżi tas-sistema stabbilita minn din tal-aħħar. |
39 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, kif jirriżulta mill-premessa 7 tagħha, l-imsemmija direttiva tistabbilixxi qafas ġenerali legali li jkun ta’ vantaġġ għal varjetà wiesgħa ta’ servizzi filwaqt li tieħu f’kunsiderazzjoni l-karatteristiċi distintivi ta’ kull tip ta’ attività u tas-sistema tagħha ta’ regolamentazzjoni kif ukoll għanijiet oħrajn ta’ interess ġenerali, inkluż il-ħarsien tas-saħħa pubblika. Minn dan jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni fittex espressament li jiżgura l-osservanza ta’ bilanċ bejn, minn naħa, l-għan li jiġu eliminati l-ostakoli għal-libertà ta’ stabbiliment tal-fornituri kif ukoll għall-moviment liberu tas-servizzi u, min-naħa l-oħra, l-eżiġenza li jiġu ssalvagwardjati l-aspetti speċifiċi ta’ ċerti attivitajiet sensittivi, b’mod partikolari dawk marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. |
40 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet li l-qorti nazzjonali għandha tivverifika jekk l-attivitajiet ipprovduti prinċipalment miċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum u miċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “servizzi ta’ kura tas-saħħa”, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(f) tad-Direttiva 2006/123, u jekk, konsegwentement, l-imsemmija ċentri humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. |
41 |
B’mod partikolari, din il-qorti għandha tivverifika jekk l-attivitajiet ta’ kura mwettqa kemm fiċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum, bis-saħħa b’mod partikolari tal-Artikoli 211 u 213 tad-deċiżjoni tal-2009, bħat-tqassim u l-għotja minn prattikant fil-qasam tal-infermerija ta’ mediċini preskritti mit-tabib li għandu l-kura tal-persuna, kif ukoll fiċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl, skont l-Artikolu 238 ta’ din id-deċiżjoni, bħal dawk imwettqa mill-persunal li għandu l-kura tagħhom jew mill-persunal paramediku tad-dar tal-anzjani kkonċernata, humiex fil-verità intiżi sabiex jivvalutaw, iżommu u jirrestawraw l-istat ta’ saħħa tal-persuni anzjani, humiex ipprovduti minn professjonist tas-saħħa u jikkostitwixxux parti prinċipali mit-totalità tas-servizzi kollha offruti minn dawn iċ-ċentri. |
42 |
Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, is-“servizzi soċjali” msemmija fl-Artikolu 2(2)(j) tad-Direttiva 2006/123, minn qari flimkien ta’ din id-dispożizzjoni u tal-premessa 27 ta’ din id-direttiva jirriżulta li huma biss dawk is-servizzi li jissodisfaw żewġ rekwiżiti kumulattivi li jaqgħu taħt tali kunċett. |
43 |
L-ewwel rekwiżit jirrigwarda n-natura tal-attivitajiet eżerċitati, li għandhom jikkonċernaw b’mod partikolari, kif inhu wkoll spjegat fil-manwal, l-għajnuna u l-assistenza lill-persuni anzjani li jinsabu b’mod permanenti jew temporanju f’sitwazzjoni ta’ bżonn partikolari minħabba nuqqas komplet jew parzjali ta’ indipendenza u li jirriskjaw għalhekk li jiġu emarġinati. Fi kliem ieħor, dawn huma attivitajiet essenzjali sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet fundamentali għad-dinjità umana u għall-integrità umana u huma manifestazzjoni tal-prinċipji ta’ koeżjoni soċjali u ta’ solidarjetà. |
44 |
It-tieni rekwiżit jirrigwarda l-istatus tal-fornitur tas-servizzi, li jistgħu jiġu pprovduti mill-Istat innifsu, minn assoċjazzjoni ta’ karità rikonoxxuta bħala tali mill-Istat jew inkella minn fornitur ta’ servizzi privat b’mandat minn dan tal-aħħar. |
45 |
Għalkemm huwa minnu li t-test tal-Artikolu 2(2)(j) tad-Direttiva 2006/123 ma fih l-ebda indikazzjoni espliċita fir-rigward taċ-ċirkustanzi li fihom tali fornitur jista’ jitqies li huwa mandatarju mill-Istat, jibqa’ l-fatt li jeżistu preċiżazzjonijiet utli f’dan ir-rigward li jissemmew fil-manwal, fil-paragrafu 2.3 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea, li takkumpanja l-Komunikazzjoni intitolata “Suq Uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21 – Is-servizzi ta’ interess ġenerali, inkluż is-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali: impenn ġdid Ewropew” [COM(2007) 725 finali], kif ukoll fil-paragrafi 23, 24 u 41 tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Lulju 2011 dwar il-ġejjieni tas-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali [2009/2222 (INI)]. |
46 |
Għal dak li jirrigwarda l-kontenut tal-imsemmi mandat, għandu jiġi kkonstatat li, kif huwa wkoll ikkonfermat fil-manwal, fornitur ta’ servizzi privat għandu jitqies li huwa mogħti mandat mill-Istat sa fejn għandu l-“obbligu” li jipprovdi s-servizzi soċjali li ġew fdati lilu. |
47 |
Issa, mill-perspettiva tal-imsemmi fornitur, dan l-“obbligu” għandu jinftiehem, kif jirriżulta wkoll mill-imsemmija komunikazzjoni u riżoluzzjoni, bħala li jimplika, minn naħa, l-impenn vinkolanti li jipprovdi s-servizzi inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li dan isir b’osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet speċifiċi ta’ eżerċizzju. Dawn tal-aħħar huma intiżi, b’mod partikolari, sabiex jiġi żgurat li dawn is-servizzi jiġu offruti skont l-eżiġenzi kwantitattivi u kwalitattivi stabbiliti u b’tali mod li tiġi ggarantita l-ugwaljanza fl-aċċess għas-servizzi, bla ħsara għall-prinċipju ta’ kumpens finanzjarju adegwat, fejn il-parametri li jintużaw bħala bażi għall-kalkolu ta’ dan il-kumpens għandhom jiġu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, Fallimento Traghetti del Mediterraneo, C-140/09, Ġabra p. I-5243, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
48 |
Fir-rigward tal-karatteristiċi tal-att ta’ mandat, huwa ċertament minnu li, kif sostniet il-COCOM fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, id-Direttiva 2006/123 ma timponix l-użu ta’ forma legali partikolari, b’mod li dawn il-karatteristiċi jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor. Madankollu, jibqa’ l-fatt li ċerti kriterji minimi għandhom jiġu sodisfatti, bħal b’mod partikolari l-preżenza ta’ att li jagħti b’mod ċar u trasparenti lil fornitur ta’ servizzi privat l-obbligu tas-servizz soċjali li huwa responsabbli għalih (ara, b’analoġija, is-sentenza Fallimento Traghetti del Mediterraneo, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
49 |
Għalhekk, il-fatt biss li awtorità nazzjonali tadotta miżuri li jimponu, għal raġunijiet ta’ interess ġenerali, regoli ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ funzjonament fuq l-operaturi kollha ta’ settur ekonomiku partikolari ma jikkostitwixxix, fih innifsu, att ta’ mandat għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(2)(j) tal-imsemmija direttiva. |
50 |
Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, fid-dawl ta’ dawn l-indikazzjonijiet, jekk l-attivitajiet ipprovduti prinċipalment miċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum u miċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl jikkostitwixxux “servizzi soċjali” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(j) tad-Direttiva 2006/123 u li jaqgħu għalhekk taħt l-esklużjoni prevista minn din id-dispożizzjoni. |
51 |
B’mod partikolari, minn naħa, l-imsemmija qorti għandha tevalwa jekk, kif donnu jirriżulta mill-punti (e) u (g) tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 2 tad-Digriet tal-2008, moqri flimkien mal-Artikoli 216 u 242 tad-deċiżjoni tal-2009, l-imsemmija attivitajiet huma ta’ natura verament soċjali, fis-sens li huma intiżi li jipprovdu lill-persuni anzjani rispettivament “għajnuna xierqa għat-telf tagħhom ta’ awtonomija” flimkien ma’ programmazzjoni ta’ animazzjoni speċifika, jew l-għajnuna neċessarja “li ma jistgħux jiġu żgurati lilhom mill-qraba tagħhom b’mod kontinwu”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-abbozz tad-Digriet tal-21 ta’ Ġunju 2007 jista’ jkun utli għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni, sa fejn huwa jistabbilixxi li dawn is-servizzi għandhom jingħataw “lill-populazzjoni fraġli” sabiex tkun tista’ “tgħix, fi kwalunkwe mument, b’mod attiv u parteċipattiv”. |
52 |
Min-naħa l-oħra, hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi jekk l-approvazzjoni mogħtija mill-Kunsill konġunt tal-COCOM, skont l-Artikolu 11 tad-Digriet tal-2008, tikkostitwixxix att ta’ awtorità pubblika li jagħti b’mod ċar u trasparenti lill-operaturi taċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum u taċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl l-obbligu veru u proprju li jiżguraw, b’osservanza ta’ ċerti rekwiżiti speċifiċi ta’ eżerċizzju, tali servizzi, u jekk approvazzjoni bħal din tistax għalhekk tkun ikkunsidrata bħala att ta’ mandat fis-sens tal-Artikolu 2(2)(j) tad-Direttiva 2006/123. |
53 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li:
|
Fuq l-ispejjeż
54 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 2(2)(f) tad-Direttiva 2006/123 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-esklużjoni tas-servizzi ta’ kura tas-saħħa mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva tkopri kull attività intiża għall-evalwazzjoni, żamma u restawrar tal-istat ta’ saħħa tal-pazjenti, sakemm din l-attività hija eżerċitata minn professjonisti rikonoxxuti bħala tali skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, u dan indipendentement mill-organizzazzjoni, mill-mezzi ta’ finanzjament u min-natura pubblika jew privata tal-istabbiliment fejn tingħata l-kura. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk iċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum u ċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl, fid-dawl tan-natura tal-attivitajiet imwettqa minn professjonisti tas-saħħa f’dawn l-istabbilimenti u tal-fatt li dawn l-attivitajiet jikkostitwixxu parti prinċipali tas-servizzi offruti minn dawn iċ-ċentri, humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
L-Artikolu 2(2)(j) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-esklużjoni tas-servizzi soċjali mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva tkopri l-attivitajiet kollha relatati, b’mod partikolari, mal-għajnuna u mal-assistenza lill-persuni anzjani, sakemm dawn jingħataw minn fornitur privat li ngħata mandat mill-Istat permezz ta’ att li jagħti b’mod ċar u trasparenti l-obbligu veru u proprju li jiżgura, b’osservanza ta’ ċerti rekwiżiti speċifiċi ta’ eżerċizzju, tali servizzi. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk iċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-jum u ċ-ċentri ta’ akkoljenza ta’ matul il-lejl, abbażi tan-natura tal-attivitajiet ta’ għajnuna u ta’ assistenza lill-persuni anzjani mwettqa prinċipalment f’dawn iċ-ċentri kif ukoll skont l-istatut tagħhom kif jirriżulta mil-leġiżlazzjoni Belġjana applikabbli, humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.