SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

19 ta’ Diċembru 2012 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikolu 56 TFUE — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi obbligu ta’ dikjarazzjoni minn qabel fuq il-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn — Sanzjonijiet kriminali — Ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi — Distinzjoni oġġettivament ġustifikata — Rekwiżiti imperattivi ta’ interess ġenerali — Prevenzjoni tal-frodi — Ġlieda kontra l-kompetizzjoni żleali — Protezzjoni tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom – — Proporzjonalità”

Fil-Kawża C-577/10,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fl-10 ta’ Diċembru 2010,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Traversa, C. Vrignon u J.-P. Keppenne, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn M. Jacobs u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn S. Rodrigues, avukat,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn C. Vang u S. Juul Jørgensen kif ukoll minn V. Pasternak Jørgensen, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjent,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, J.-C. Bonichot, C. Toader, A. Prechal u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Marzu 2012,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Lulju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, meta adottat l-Artikolu 137(8), it-tielet inċiż tal-Artikolu 138, l-Artikolu 153 u l-Artikolu 157(3) tal-Liġi-Qafas (I) tas-27 ta’ Diċembru 2006 (Moniteur belge tat-28 ta’ Diċembru 2006, p. 75178), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mill-1 ta’ April 2007 (iktar ’il quddiem, rispettivament, id-“dispożizzjonijiet inkwistjoni” u l-“Liġi-Qafas”), jiġifieri billi impona fuq il-fornituri ta’ servizzi li jaħdmu għal rashom stabbiliti fi Stat Membru differenti mir-Renju tal-Belġju l-obbligu ta’ dikjarazzjoni qabel l-eżerċizzju tal-attività tagħhom fil-Belġju (iktar ’il quddiem, id-“dikjarazzjoni Limosa”), ir-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 56 TFUE.

2

B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ April 2011, ir-Renju tad-Danimarka ġie ammess jintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Renju tal-Belġju.

Id-dritt nazzjonali

3

Il-Kapitolu VIII tat-Titolu IV tal-Liġi-Qafas, dwar l-affarijiet soċjali, jirrigwarda d-“dikjarazzjoni minn qabel għall-ħaddiema impjegati u għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom ikkollokati”. Dan ġie kkompletat permezz tad-Digriet irjali tal-20 ta’ Marzu 2007 adottat b’implementazzjoni ta’ dan il-kapitolu tal-aħħar (Moniteur belge tat-28 ta’ Marzu 2007, p. 16975), kif emendat permezz tad-Digriet irjali tal-31 ta’ Awwissu 2007 (Moniteur belge tat-13 ta’ Settembru 2007, p. 48537, iktar ’il quddiem, id-“Digriet irjali”).

4

L-obbligu ta’ dikjarazzjoni inkwistjoni ġie introdott fil-kuntest ta’ proġett usa’, imsejjaħ “Limosa”, akronimu ta’ “Landenoverschrijdend Informatiesysteem ten behoeve van Migratieonderzoek bij de Sociale Administratie” (sistema ta’ informazzjoni transkonfinali għar-riċerka fil-qasam tal-migrazzjoni mill-amministrazzjoni soċjali, iktar ’il quddiem, is-“sistema Limosa”). Dan il-proġett huwa intiż sabiex jistabbilixxi one stop shop elettroniku għall-proċeduri kollha marbuta max-xogħol fil-Belġju. L-informazzjoni miġbura fil-kuntest tad-dikjarazzjoni Limosa hija għaldaqstant intiża sabiex tiġi inkluża f’reġistru ċentrali u jingħata aċċess għaliha, għal finijiet ta’ statistika u ta’ kontroll, b’mod partikolari lis-servizzi ta’ spezzjoni federali u reġjonali Belġjani, permezz ta’ pjattaforma informatika komuni.

Il-Liġi-Qafas

5

Skont l-Artikolu 137 tal-Liġi-Qafas:

“Għall-applikazzjoni ta’ dan il-kapitolu u tad-digrieti ta’ implementazzjoni tiegħu:

[...]

7o

ħaddiema li jaħdmu għal rashom għandha tfisser il-persuni fiżiċi kollha li jeżerċitaw attività professjonali li minħabba fiha ma jkunux marbuta b’kuntratt ta’ xogħol jew b’regolamenti tal-persunal;

8o

ħaddiema li jaħdmu għal rashom ikkollokati għandha tfisser:

a)

il-persuni msemmija fil-punt 7 li jeżerċitaw b’mod temporanju jew parzjali attività għal rashom waħda jew iktar fil-Belġju mingħajr ma jkunu residenti permanenti fil-pajjiż u li normalment jaħdmu fit-territorju ta’ pajjiż wieħed jew iktar għajr il-Belġju,

b)

il-persuni li jkunu ġejjin minn barra l-pajjiż u li jiġu l-Belġju sabiex jeżerċitaw hawnhekk b’mod temporanju attività professjonali għal rashom jew sabiex jistabbilixxu rwieħhom b’mod temporanju bħala ħaddiema li jaħdmu għal rashom.

[...]”

6

L-Artikolu 138 tal-Liġi-Qafas jipprovdi:

“Dan il-kapitolu japplika:

[...]

 

għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom ikkollokati;

[...]

Ir-Re jista’ [...] jeskludi mill-applikazzjoni ta’ dan il-kapitolu, fejn xieraq taħt il-kundizzjonijiet li huwa jistabbilixxi, u fid-dawl tat-tul ta’ żmien tal-provvisti tagħhom fil-Belġju jew in-natura tal-attivatijiet tagħhom, kategoriji ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom ikkollokati [...].”

7

Is-Sezzjoni 3 ta’ dan il-kapitolu hija intitolata “Dikjarazzjoni minn qabel għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom ikkollokati”. L-Artikolu 153 tal-Liġi-Qafas, dwar id-dikjarazzjoni minn qabel, jipprovdi:

“Qabel l-eżerċizzju tal-attività professjonali ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu kkollokat fit-territorju Belġjan, huwa jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jagħmel elettronikament, lill-Institut national d’assurances sociales pour travailleurs indépendants [(Istitut nazzjonali tal-assigurazzjonijiet soċjali għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom)], dikjarazzjoni, redatta skont l-Artikolu 154, abbażi tar-regoli ddeterminati mir-Re.

[...]

Meta l-ħaddiem li jaħdem għal rasu kkollokat jew ir-rappreżentant tiegħu [...] ma jkunux jistgħu jagħmlu din id-dikjarazzjoni elettronikament, huma jistgħu jibagħtuha, b’faks jew bil-posta, lill-Institut national d’assurances sociales pour travailleurs indépendants, abbażi tar-regoli stabbiliti minn din l-istituzzjoni.

Meta ssir id-dikjarazzjoni prevista fil-paragrafi preċedenti, id-dikjarant għandu jirċievi konferma tal-irċevuta [...]. Meta d-dikjarazzjoni tkun saret bil-faks jew bil-posta, l-Institut national d’assurances sociales pour travailleurs indépendants għandu jibgħat konferma tal-irċevuta bil-faks jew bil-posta skont mudell stabbilit minnu.

Ir-Re għandu jiddetermina t-terminu li fih dikjarazzjoni minn qabel tkun tista’ tiġi annullata.

Meta l-kollokazzjoni titwal iktar mit-terminu previst fil-bidu, id-dikjarant għandu jagħmel dikjarazzjoni oħra qabel ma jiġi fi tmiemu ż-żmien tal-kollokament previst fil-bidu.”

8

L-Artikolu 154 tal-Liġi-Qafas jipprovdi li “[i]r-Re għandu jistabbilixxi l-gruppi ta’ informazzjoni li għandhom jidhru fid-dikjarazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 153”.

9

L-Artikolu 157 tal-Liġi-Qafas, li jinsab fis-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu VIII ta’ din il-liġi, intitolata “Sorveljanza u sanzjonijiet”, jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 269 sa 274 tal-Kodiċi Kriminali, jingħataw piena ta’ priġunerija ta’ bejn tmint jiem u sena kif ukoll multa ta’ bejn EUR 500 u EUR 2 500 jew waħda minn dawn il-pieni biss:

[...]

3o

il-ħaddiem li jaħdem għal rasu kkollokat li ma jkunx konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu u tad-digrieti ta’ implementazzjoni tiegħu;

[...]”

10

L-Artikolu 167 tal-Liġi-Qafas jipprovdi li l-Kapitolu VIII tagħha jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ April 2007.

Id-Digriet irjali

11

L-Artikolu 2 tad-Digriet irjali jipprovdi:

“Il-kategoriji li ġejjin ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom ikkollokati huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 8 tat-Titolu IV tal-[Liġi-Qafas]:

1o

il-ħaddiem li jaħdem għal rasu u li huwa kkollokat fil-Belġju għall-armar inizjali u/jew għall-ewwel stallazzjoni ta’ oġġett, li huwa parti essenzjali ta’ kuntratt għall-kunsinna ta’ merkanzija, u li huwa meħtieġ għat-tqegħid fis-suq ta’ oġġett ipprovdut u li jsir mill-ħaddiem li jaħdem għal rasu li jipprovdi l-oġġett, meta t-tul ta’ żmien tax-xogħlijiet msemmija ma jaqbiżx it-tmint ijiem. Din id-deroga ma tgħoddx, madankollu, għall-attivitajiet fis-settur tal-kostruzzjoni [...];

2o

il-ħaddiem li jaħdem għal rasu li jmur fil-Belġju sabiex jagħmel xogħlijiet urġenti ta’ manutenzjoni jew xogħlijiet urġenti ta’ tiswija fuq magni jew tagħmir ikkunsinjat minnu lill-impriża stabbilita fil-Belġju fejn issir it-tiswija jew il-manutenzjoni, sakemm il-perijodu tiegħu ta’ soġġorn meħtieġ għal dawn l-attivitajiet ma taqbiżx ħamest ijiem fix-xahar;

3o

il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom ikkollokati li ma għandhomx ir-residenza prinċipali tagħhom fil-Belġju u li jagħtu konferenzi, jew jassistu konferenzi, hemmhekk;

4o

il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom ikkollokati li ma għandhomx ir-residenza prinċipali tagħhom fil-Belġju u li jattendu hemmhekk laqgħat miftuħa għal numru ristrett ta’ nies, sakemm il-preżenza tagħhom f’dawn il-laqgħat ma taqbiżx massimu ta’ 60 jum fis-sena b’massimu ta’ 20 jum konsekuttiv għal kull laqgħa;

5o

l-isportivi li jaħdmu għal rashom kif ukoll, fejn xieraq, dawk li jakkumpanjawhom li jaħdmu għal rashom, li ma għandhomx ir-residenza prinċipali tagħhom fil-Belġju u li jwettqu provvisti fil-kuntest tal-professjoni rispettiva tagħhom, sakemm it-tul tas-soġġorn tagħhom meħtieġ għal dawn l-attivitajiet ma jaqbiżx tliet xhur fis-sena;

6o

l-artisti li jaħdmu għal rashom u fejn xieraq, dawk li jakkumpanjawhom bħala persuni li jaħdmu għal rashom, li ma għandhomx ir-residenza prinċipali tagħhom fil-Belġju u li jmorru fil-Belġju biex iwettqu provvisti fil-kuntest tal-professjoni rispettiva tagħhom, sakemm it-tul ta’ soġġorn tagħhom meħtieġ għal dawn l-attivitajiet ma jaqbiżx 21 jum kull trimestru;

7o

il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom li huma involuti fis-settur tat-trasport internazzjonali tal-persuni jew tal-merkanzija, sakemm dawn il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom ma jwettqux attivitajiet ta’ kabotaġġ fit-territorju Belġjan;

8o

il-managers li jmorru fil-Belġju sakemm it-tul ta’ soġġorn meħtieġ għall-attivitajiet tagħhom ma jaqbiżx 5 ijiem fix-xahar;

9o

l-amministraturi u l-aġenti ta’ kumpannija li jmorru fil-Belġju sabiex jattendu hemmhekk għal bords ta’ management u għal laqgħat ġenerali ta’ kumpanniji, sakemm it-tul ta’ soġġorn meħtieġ għal dawn l-attivitajiet ma jaqbiżx 5 ijiem fix-xahar.”

12

L-Artikolu 4(2) tad-Digriet irjali jispeċifika l-informazzjoni li għandha tidher fid-dikjarazzjoni msejħa “ordinarja”. Din id-dispożizzjoni tipprovdi:

“Għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom ikkollokati, id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 154 tal-[Liġi-Qafas] għandha tinkludi l-kategoriji ta’ data li ġejjin:

1o

Data ta’ identifikazzjoni tal-ħaddiem li jaħdem għal rasu. Meta dan ikollu diġà numru ta’ impriża jew numru ta’ identifikazzjoni għas-sigurtà soċjali jekk il-persuna hija fiżika u ma għandhiex l-istatus ta’ impriża fis-sens tal-[Liġi tas-16 ta’ Jannar 2003 dwar il-ħolqien ta’ bank ta’ data ċentrali għal impriżi, l-immodernizzar tar-reġistru tal-kummerċ, il-ħolqien ta’ uffiċji approvati ta’ parir għall-impriżi u li tirrigwarda diversi dispożizzjonijiet], dan in-numru huwa biżżejjed;

2o

Numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali tal-pajjiż ta’ oriġini jekk jeżisti;

3o

Data tal-bidu tal-kollokazzjoni fil-Belġju;

4o

Tul ta’ żmien previst għall-kollokazzjoni fil-Belġju;

5o

Post fejn isiru l-provvisti ta’ xogħol fil-Belġju;

6o

Tip ta’ provvisti ta’ servizzi mwettqa fil-kuntest tal-kollokazzjoni;

7o

Numru tal-VAT tal-pajjiż ta’ oriġini jekk jeżisti jew numru ta’ impriża jekk huwa għandu wieħed;

8o

Data ta’ identifikazzjoni marbuta mal-aġent li jagħmel id-dikjarazzjoni minn qabel. Meta dan ikollu diġà numru ta’ impriża jew numru ta’ identifikazzjoni għas-sigurtà soċjali jekk il-persuna tkun fiżika u ma jkollhiex l-istatus ta’ impriża fis-sens tal-liġi msemmija iktar ’il fuq tas-16 ta’ Jannar 2003, dan in-numru huwa biżżejjed;

9o

Data ta’ identifikazzjoni marbuta mal-utent Belġjan. Meta dan ikollu diġà numru ta’ impriża jew numru ta’ identifikazzjoni għas-sigurtà soċjali jekk il-persuna tkun fiżika u ma jkollhiex l-istatus ta’ impriża fis-sens tal-liġi msemmija iktar ’il fuq tas-16 ta’ Jannar 2003, dan in-numru huwa biżżejjed.”

13

L-Artikolu 5 tad-Digriet irjali jispeċifika l-informazzjoni li għandha tidher fid-dikjarazzjoni msejħa “semplifikata”. Huwa jipprovdi:

“Għall-ħaddiema impjegati kkollokati jew għal dawk li jaħdmu għal rashom ikkollokati li jeżerċitaw regolarment attivitajiet fit-territorju tal-Belġju u ta’ pajjiż ieħor jew diversi pajjiżi oħrajn, id-dikjarazzjoni hekk kif prevista fl-Artikoli 140 u 154 tal-[Liġi-Qafas] għandha tinkludi d-data li ġejja:

1o

Data ta’ identifikazzjoni tal-ħaddiem;

2o

Numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali tal-pajjiż ta’ oriġini jekk jeżisti;

3o

Numru ta’ identifikazzjoni tar-Reġistru nazzjonali jew Numru tal-bank ta’ data ċentrali msemmi fl-Artikolu 8 tal-liġi msemmija iktar ’il fuq tal-15 ta’ Jannar 1990 jekk jeżisti;

4o

Data tal-bidu tal-kollokazzjoni fil-Belġju;

5o

Tul ta’ żmien għall-kollokazzjoni fil-Belġju;

6o

Tip ta’ provvisti ta’ servizzi mwettqa;

7o

Għall-ħaddiema impjegati, it-tul ta’ ħin ta’ xogħol fil-ġimgħa.

Din id-dikjarazzjoni hija valida għal perijodu ta’ mhux iktar minn 12-il xahar u tista’ tiġi mġedda kull darba fi tmiem dan il-perijodu għal perijodu konsekuttiv ta’ mhux iktar minn 12-il xahar.

Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu ma japplikawx għal attivitajiet fis-settur tal-kostruzzjoni jew fis-settur tax-xogħol provviżorju.

Għall-iskopijiet ta’ dan id-digriet, l-eżerċizzju regolari tal-attivitajiet fit-territorju tal-Belġju u ta’ pajjiż ieħor jew diversi pajjiżi oħrajn ifisser: attività li hija eżerċitata b’mod strutturali f’diversi pajjiżi li parti sostanzjali minnha hija fil-Belġju, b’tali mod li l-persuna kkonċernata hija preżenti fil-Belġju għal soġġorni ta’ natura professjonali qosra u frekwenti.”

Il-proċedura prekontenzjuża

14

B’ittra ta’ intimazzjoni mibgħuta fit-2 ta’ Frar 2009 lir-Renju tal-Belġju, il-Kummissjoni indikat lil dan l-Istat Membru li kien jidhrilha li l-applikazzjoni għall-fornituri ta’ servizzi li jaħdmu għal rashom ta’ obbligu ta’ dikjarazzjoni minn qabel b’portata daqstant ġenerali daqs id-dikjarazzjoni Limosa, prevista fl-Artikoli 137 sa 167 tal-Liġi-Qafas, kienet inkompatibbli mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif iggarantita permezz tal-Artikolu 49 KE.

15

B’ittra tas-26 ta’ Marzu 2009, ir-Renju tal-Belġju kkontesta l-eżami tal-Kummissjoni. Huwa sostna, b’mod partikolari, li din is-sistema kienet tippermetti, fost l-oħrajn, il-ġlieda kontra l-użu abbużiv tal-istatus ta’ persuna li taħdem għal rasha f’dak li jikkonċerna ħaddiema li, fil-fatt, għandhom l-istatus ta’ impjegati (iktar ’il quddiem, il-“ħaddiema li jaħdmu għal rashom foloz”), bl-għan li jiġu evitati r-regoli minimi applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema.

16

Fid-9 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Renju tal-Belġju, fejn ippreċiżat li hija kienet qed tikkontesta l-kompatibbiltà mal-Artikolu 49 KE tal-Artikolu 137(8), tat-tielet inċiż tal-Artikolu 138, tal-Artikolu 153 u tal-Artikolu 157(3) tal-Liġi-Qafas, li jikkonċernaw il-fornituri ta’ servizzi li jaħdmu għal rashom stabbiliti jew residenti fi Stat Membru differenti mir-Renju tal-Belġju.

17

Peress li l-argument żviluppat mir-Renju tal-Belġju fl-ittra tiegħu tal-11 ta’ Diċembru 2009 b’risposta għall-imsemmija opinjoni motivata ma kkonvinċiex lill-Kummissjoni, din tal-aħħar iddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

L-argumenti tal-partijiet

18

Il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni jikkostitwixxu restrizzjoni diskriminatorja għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, peress li l-obbligu ta’ dikjarazzjoni inkwistjoni huwa impost biss fuq il-fornituri ta’ servizzi li jaħdmu għal rashom u li huma stabbiliti fi Stat Membru differenti mir-Renju tal-Belġju.

19

Għaldaqstant, ir-Renju tal-Belġju jista’ biss jinvoka l-motivi ta’ ġustifikazzjoni elenkati fl-Artikolu 52 TFUE, u huwa mhux qed jagħmel dan. Għaldaqstant in-nuqqas huwa stabbilit.

20

Il-Kummissjoni ssostni, fit-tieni lok, li, f’kull każ, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni la huma ġustifikati u lanqas proporzjonati fid-dawl tal-għanijiet ta’ interess ġenerali invokati mir-Renju tal-Belġju.

21

L-ewwel nett, anki jekk l-għan ta’ prevenzjoni tal-kompetizzjoni żleali, sa fejn hija għandha dimensjoni soċjali, jista’ jikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali, ir-Renju tal-Belġju ma jressaqx argumenti konkreti sabiex isostni l-affermazzjoni tiegħu li l-obbligu ta’ dikjarazzjoni inkwistjoni jgħin fil-ġlieda kontra d-dumping soċjali.

22

It-tieni nett, dan l-Istat Membru ma jippreżenta l-ebda element li jista’ jipprova li fil-fatt jeżisti riskju ta’ preġudizzju serju għall-ekwilibriju tas-sistema ta’ sigurtà soċjali, peress li s-sempliċi allegazzjoni tal-eżistenza ta’ frodi tas-sigurtà soċjali ma hijiex suffiċjenti f’dan ir-rigward. Għaldaqstant dan l-għan ma jistax jintlaqa’.

23

It-tielet nett, il-Kummissjoni ssostni li, minkejja li l-għanijiet ta’ ġlieda kontra l-frodi u ta’ protezzjoni tal-ħaddiema jistgħu effettivament jiġu invokati f’dan il-każ, il-miżuri intiżi sabiex tiġi kkontrollata l-osservanza tar-rekwiżiti ġustifikati minħabba raġunijiet ta’ interess ġenerali, ma għandhomx jirrendu illużorja l-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Dan huwa, madankollu, il-każ hawnhekk.

24

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkontesta fost l-oħrajn il-portata ġenerali u trażversali tad-dikjarazzjoni Limosa. Dan l-obbligu ta’ dikjarazzjoni huwa bbażat fuq preżunzjoni ġenerali ta’ frodi, li ma tistax tintuża biex tiġġustifika miżura bħal dik tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni inkwistjoni.

25

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li diġà jeżistu, fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea, diversi mekkaniżmi intiżi sabiex itejbu l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri, sabiex jiġu miġġielda x-xogħol mhux iddikjarat u l-invokazzjoni abbużiva tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

26

Ir-Renju tal-Belġju jsostni, b’mod prinċipali, li dan ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat. Huwa bbażat fuq bosta preżunzjonijiet, suppożizzjonijiet u konġetturi u ma huwiex sostnut minn data oġġettivi marbuta mas-sitwazzjoni konkreta li jiltaqgħu magħha l-awtoritajiet Belġjani fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom fil-qasam tal-kontroll tal-osservanza tal-liġi soċjali. Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax tistabbilixxi l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu billi tibbaża ruħha fuq preżunzjonijiet jew suppożizzjonijiet. B’dan il-mod, il-Kummissjoni lanqas ma tosserva l-Artikolu 38(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jipprovdi li r-rikors għandu jinkludi l-provi offruti fejn xieraq.

27

B’mod sussidjarju, ir-Renju tal-Belġju jsostni li l-Kummissjoni ma pprovatx in-natura mhux meħtieġa jew, f’kull każ, in-natura sproporzjonata tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni inkwistjoni, fid-dawl tal-għanijiet invokati.

28

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-allegata eżistenza ta’ restrizzjoni diskriminatorja għal-libertà li jiġu pprovduti sevizzi, il-Kummisjoni ma pprovatx in-natura dissważiva tas-sistema Limosa, peress li fornitur li jaħdem għal rasu jiddedika bħala medja, skont ir-Renju tal-Belġju, biss 20 sa 30 minuta fis-sena għall-formalitajiet marbuta ma’ din is-sistema. Barra minn hekk, l-imsemmija sistema hija mingħajr ħlas u tippermetti lil dak li jkun ikollu immedjatament dokument uffiċjali, mingħajr l-ebda obbligu simili għal awtorizzazzjoni minn qabel. Minbarra dan, l-eċċezzjonijiet organizzati għal ċerti setturi juru r-rieda ta’ flessibbiltà min-naħa tal-awtoritajiet Belġjani.

29

Barra minn hekk, anki jekk jingħad li d-dikjarazzjoni Limosa tikkostitwixxi ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, hija ma hijiex diskriminatorja. Il-kontroll eżerċitat fuq il-fornituri ta’ servizzi li jaħdmu għal rashom li ma humiex stabbiliti fil-Belġju ma jistax jiġi assimilat ma’ dak eżerċitat fuq dawk li huma stabbiliti f’dan l-Istat Membru, minħabba differenzi oġġettivi li jeżistu bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ fornituri ta’ servizzi li jaħdmu għal rashom.

30

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ġustifikazzjoni tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni inkwistjoni u tal-proporzjonalità tagħha, ir-Renju tal-Belġju jsostni, l-ewwel nett, li s-sistema Limosa hija parzjalment ġustifikata minħabba l-għan ta’ prevenzjoni tal-kompetizzjoni żleali, li tinvolvi dimensjoni soċjali marbuta mal-protezzjoni tal-ħaddiema u tal-konsumaturi kif ukoll mal-prevenzjoni tad-dumping soċjali. Huwa jgħin fil-protezzjoni tal-fornituri ta’ servizzi li josservaw il-liġi minn dawk li ma josservawhiex u jieħdu vantaġġ kompetittiv mhux ġustifikat minnha.

31

It-tieni nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, bħala regola ġenerali, sistema ta’ dikjarazzjoni minn qabel intiża għall-ġbir ta’ data meħtieġa għall-kontroll u għas-sejba tal-każijiet ta’ frodi, f’dan il-każ il-frodi tal-liġi soċjali, u b’mod partikolari, ix-xogħol mhux iddikjarat kif ukoll l-eżistenza ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom foloz, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-prevenzjoni tal-abbużi li jistgħu jirriżultaw mill-implementazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. B’risposta għall-allegazzjoni rigward il-preżunzjoni ġenerali ta’ frodi, ir-Renju tal-Belġju jenfasizza li, sabiex tinstab u, fejn xieraq, tiġi ssanzjonata l-frodi tal-liġi soċjali, l-imsemmija sistema għandha tapplika a priori għall-fornituri kollha.

32

It-tielet nett, l-għan ta’ protezzjoni tal-ħaddiema, inkluża l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-kundizzjonijiet tax-xogħol partikolarment abbużivi kif ukoll in-neċessità li jiġi żgurat il-benesseri tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, għandu jiġi distint minn dak tal-ġlieda kontra l-frodi. F’dan ir-rigward, ir-Renju tal-Belġju jenfasizza, b’mod partikolari, li l-kuntest il-ġdid li jirriżulta mit-Trattat ta’ Lisbona għandu jittieħed inkunsiderazzjoni u mifhum fis-sehem li jsaħħaħ in-natura leġittima ta’ dan l-għan.

33

Ir-Renju tad-Danimarka jippreċiża li huwa qed jintervjeni insostenn tal-osservazzjonijiet ippreżentati mir-Renju tal-Belġju għaliex il-liġi Daniża wkoll tinkludi dispożizzjonijiet li jimponu obbligu ta’ dikjarazzjoni minn qabel fuq il-fornituri barranin ta’ servizzi, applikabbli għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom. Dan l-Istat Membru jressaq, essenzjalment, argumenti simili għal dawk żviluppati mir-Renju tal-Belġju. Huwa jżid, b’mod partikolari, li l-kontroll tal-osservanza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tar-regoli soċjali huwa intiż għall-prevenzjoni tar-riskji ta’ inċidenti fil-post tax-xogħol u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, li l-kwistjoni dwar jekk obbligu ta’ dikjarazzjoni minn qabel huwiex ta’ natura diskriminatorja ma tistax tvarja skont jekk l-impriża li tipprovdi s-servizz għandha jew ma għandhiex impjegati u li l-ebda sistema fis-seħħ fil-qasam tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn Stati Membri ma toffri l-istess possibbiltajiet ta’ twettiq tal-għanijiet segwiti, filwaqt li enfasizza, f’dan ir-rigward, l-importanza li għandu, għall-finijiet tal-kontrolli, il-fatt li jkun magħruf il-post fejn il-provvista għandha ssir.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

34

B’mod preliminari, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, hija l-Kummissjoni, li għandha l-oneru li tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas allegat, li għandha tipproduċi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-provi meħtieġa għall-verifika minn din tal-aħħar tal-eżistenza tal-imsemmi nuqqas, u ma tista’ tibbaża ruħha fuq l-ebda preżunzjoni (is-sentenzi tal-25 ta’ Mejju 1982, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, 96/81, Ġabra p. 1791, punt 6, u tat-18 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-458/08, Ġabra p. I-11599, punt 54).

35

Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dawn ir-rekwiżiti ta’ prova huma iktar stretti meta l-ilmenti tal-Kummissjoni jikkonċernaw l-implementazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-287/03, Ġabra p. I-3761, punt 28, u tat-22 ta’ Jannar 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-150/07, punt 66). Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, b’dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni tikkontesta l-konformità mal-Artikolu 56 TFUE mhux ta’ prassi amministrattiva iżda ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi li l-eżistenza u l-applikazzjoni effettivi tagħhom ma humiex ikkontestati mir-Renju tal-Belġju. Għaldaqstant ma jidhirx li dan ir-rikors huwa bbażat fuq sempliċi preżunzjonijiet.

36

Għalhekk, l-allegazzjoni prinċipali tar-Renju tal-Belġju, li dan ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat, għaliex il-Kummissjoni ma ssodisfatx l-oneru ta’ prova impost fuqha, jew bħala inammissibbli sa fejn huwa jikser ir-rekwiżiti tal-Artikolu 38(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura, rigward il-produzzjoni tal-provi, għandha tiġi miċħuda.

37

Sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-mertu tar-rikors tal-Kummissjoni, għandu, fl-ewwel lok, jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jikkostitwixxux ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, peress li l-imsemmi rikors jikkonċerna biss id-dikjarazzjoni minn qabel mitluba mill-fornituri ta’ servizzi li jaħdmu għal rashom u li huma stabbiliti legalment fi Stat Membru differenti mir-Renju tal-Belġju u li jixtiequ jipprovdu servizzi fil-Belġju fuq bażi temporanja, bl-esklużjoni tal-każijiet ta’ kollokazzjonijiet ta’ ħaddiema magħmula skont id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qasam ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431).

38

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Artikolu 56 TFUE ma jirrikjedix biss it-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni fil-konfront tal-fornituri ta’ servizzi minħabba n-nazzjonalità tagħhom, jew minħabba li huma stabbiliti fi Stat Membru differenti minn dak fejn issir il-provvista, iżda wkoll l-abolizzjoni ta’ kull restrizzjoni, anki jekk din tapplika mingħajr distinzjoni għall-fornituri nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħra, meta hija tali li tipprojbixxi, li tfixkel, jew li tirrendi inqas attraenti l-attivitajiet tal-fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, fejn huwa jipprovdi servizzi analogi (is-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 1999, Arblade et, C-369/96 u C-376/96, Ġabra p. I-8453, punt 33, kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-518/09, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-obbligu ta’ dikjarazzjoni inkwistjoni jimplika, għall-persuni msemmija fl-Artikolu 137(8) u fit-tielet inċiż tal-Artikolu 138 tal-Liġi-Qafas u li jirresjedu jew huma stabbiliti fi Stat Membru differenti mir-Renju tal-Belġju, li huma għandhom jirreġistraw ruħhom billi joħolqu kont, qabel ma jkollhom, imbagħad, bħala regola ġenerali u b’mod konformi mal-Artikolu 153 tal-Liġi-Qafas, jikkomunikaw lill-awtoritajiet Belġjani, qabel kull provvista ta’ servizzi magħmula fit-territorju Belġjan, informazzjoni bħalma hija d-data, it-tul ta’ żmien u l-post tal-provvista li ser issir, in-natura tagħha u l-identità tal-persuna ġuridika jew fiżika li ser tirċeviha. Din l-informazzjoni għandha tiġi kkomunikata permezz ta’ formularju li għandu, preferibbilment, jiġi kkompletat online jew, jekk dan ma jkunx possibbli, il-formularju għandu jintbagħat lid-dipartiment kompetenti, permezz tal-posta jew bil-faks. In-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-formalitajiet jista’ jiġi suġġett għas-sanzjonijiet kriminali previsti fl-Artikolu 157(3) tal-Liġi-Qafas.

40

B’dan il-mod, il-formalitajiet li jimplika l-obbligu ta’ dikjarazzjoni inkwistjoni huma tali li jfixklu l-provvista ta’ servizzi fit-territorju tar-Renju tal-Belġju minn fornituri ta’ servizzi li jaħdmu għal rashom u li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor. L-imsemmi obbligu jikkostitwixxi għaldaqstant ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

41

L-istess jgħodd fejn tintalab biss dikjarzzjoni msejħa “semplifikata”. Fil-fatt, il-fornitur ta’ servizzi li jaħdem għal rasu kkonċernat huwa wkoll marbut, wara li jkun irreġistra ruħu permezz tal-ħolqien ta’ kont, li jikkomunika lill-awtoritajiet Belġjani, b’mod partikolari, id-data u t-tul ta’ żmien tal-kollokazzjoni tiegħu fil-Belġju kif ukoll it-tip ta’ provvisti li huwa ser jagħmel hemmhekk. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn l-obbligi jista’ wkoll jiġi suġġett għas-sanzjonijiet kriminali previsti fl-Artikolu 157(3) tal-Liġi-Qafas.

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, bil-kontra ta’ dak li jsostni r-Renju tal-Belġju, ma jistax jingħad li l-effett prodott mill-obbligu ta’ dikjarazzjoni inkwistjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi huwa wisq inċert jew inkella indirett, b’tali mod li dan l-obbligu ma jistax jiġi kklassifikat bħala ostakolu.

43

Għaldaqstant, fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk l-obbligu ta’ dikjarazzjoni inkwistjoni jistax jiġi ġġustifikat, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-materja marbuta mal-provvista ta’ servizzi transkonfinali minn ħaddiema li jaħdmu għal rashom, li jirreferi għaliha dan ir-rikors, ma hijiex, fil-preżent, armonizzata fuq il-livell tal-Unjoni.

44

Fil-fatt, leġiżlazzjoni nazzjonali li taqa’ taħt qasam li ma ġiex armonizzat fuq il-livell tal-Unjoni u li tapplika mingħajr distinzjoni għal kull persuna jew impriża li teżerċita attività fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat tista’, minkejja l-effett restrittiv tagħha għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, tkun ġustifikata sakemm tissodisfa rekwiżit imperattiv ta’ interess ġenerali u sakemm dan l-interess ma jkunx diġà protett mir-regoli li għalihom il-fornitur huwa suġġett fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit, sakemm din tkun tali li tiggarantixxi t-twettiq tal-għan segwit minnha u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan jinkiseb (sentenzi Arblade et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 34 u 35; tad-19 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-244/04, Ġabra p. I-885, punt 31, u tal-1 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-219/08, Ġabra p. I-9213, punt 14).

45

F’dan ir-rigward, f’dak li għandu x’jaqsam mal-għanijiet invokati f’dan il-każ mir-Renju tal-Belġju, għandu jiġi kkonstatat li dawn jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni inkwantu rekwiżiti imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Fuq dan il-punt, biżżejjed jiġi indikat li l-għan ta’ ġlieda kontra l-frodi, b’mod partikolari l-frodi soċjali, u ta’ prevenzjoni tal-abbużi, b’mod partikolari s-sejba tal-eżistenza ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom foloz u l-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat, jista’ jiġi marbut mhux biss mal-għan ta’ protezzjoni tal-ekwilibriju finanzjarju tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali, iżda wkoll mal-għanijiet ta’ prevenzjoni tal-kompetizzjoni żleali u tad-dumping soċjali kif ukoll ta’ protezzjoni tal-ħaddiema, inklużi l-fornituri ta’ servizzi li jaħdmu għal rashom.

46

Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li r-Renju tal-Belġju ma jistax, f’dan il-każ, juża dawn il-ġustifikazzjonijiet peress li l-obbligu ta’ dikjarazzjoni inkwistjoni huwa ta’ natura diskriminatorja.

47

F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi kkonstatat li, kif jagħmlu r-Renju tal-Belġju u r-Renju tad-Danimarka, fir-rigward tal-kontrolli meħtieġa, fid-dawl b’mod partikolari tan-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-rekwiżiti imperattivi ta’ interess ġenerali invokati mir-Renju tal-Belġju, il-fornituri ta’ servizzi li jaħdmu għal rashom li huma stabbiliti fi Stat Membru differenti mir-Renju tal-Belġju u li jmorru fit-territorju tal-pajjiż imsemmi l-aħħar fuq bażi temporanja sabiex jipprovdu servizzi hemmhekk jinsabu f’sitwazzjoni li hija oġġettivament differenti minn dik li jinsabu fiha l-fornituri ta’ servizzi li jaħdmu għal rashom, stabbiliti fit-territorju Belġjan, li jipprovdu fl-imsemmi territorju servizzi fuq bażi permanenti.

48

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ammettiet li, fir-rigward tal-possibbiltà, għall-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn issir provvista ta’ servizzi, li tiġi kkontrollata l-osservanza ta’ regoli intiżi sabiex jiggarantixxu li d-drittijiet li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru tagħti lill-ħaddiema fit-territorju tiegħu jiġu rrispettati, jeżistu differenzi oġġettivi bejn l-impriżi stabbiliti fl-Istat Membru fejn issir il-provvista u dawk stabbiliti fi Stat Membru ieħor u li jibgħatu ħaddiema fit-territorju tal-Istat Membru msemmi l-ewwel sabiex jipprovdu servizz hemmhekk (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2001, Finalarte et, C-49/98, C-50/98, C-52/98 sa C-54/98 u C-68/98 sa C-71/98, Ġabra p. I-7831, punti 63, 64 u 73). Il-fatt li l-fornituri ta’ servizzi li jaħdmu għal rashom ma humiex suġġetti għal obbligi strettament ekwivalenti, b’mod partikolari fil-qasam tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta, għal dik li tirriżulta mill-obbligu ta’ dikjarazzjoni inkwistjoni għall-fornituri ta’ servizzi li jaħdmu għal rashom stabbiliti fi Stat Membru ieħor jista’ għaldaqstant jiġi attribwit għad-differenzi oġġettivi li jeżistu bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ fornituri ta’ servizzi li jaħdmu għal rashom.

49

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni humiex proporzjonati, fid-dawl tal-fatt li miżura restrittiva tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija proporzjonata biss jekk hija xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għanijiet tagħha u jekk hija ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu l-imsemmija għanijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs Franza, C-255/04, Ġabra p. I-5251, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi kkonstatat li l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni amministrattiva msemmija hawn fuq mill-Kummissjoni ma jistgħux ikunu deċiżivi għall-finijiet ta’ dan l-eżami. Fil-fatt, l-ewwel nett, id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36) għandha kamp ta’ applikazzjoni limitat.

51

It-tieni nett, jekk is-sistema ta’ informazzjoni tas-suq intern, stabbilita permezz tad-Deċiżjoni 2004/387/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar it-twassil interoperabbli ta’ servizzi ta’ eGovernment pan-Ewropej lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, negozji u ċittadini (IDABC) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 34, p. 864, u rettifika ĠU L 181, p. 25), tippermetti b’mod partikolari, mit-28 ta’ Diċembru 2009, l-implementazzjoni tal-obbligi ta’ kooperazzjoni amministrattiva li jirriżultaw mid-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (ĠU L 255, p. 22), u jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva 96/71 jistabbilixxi wkoll il-prinċipju ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn l-imsemmija amministrazzjonijiet, ma huwiex stabbilit li dawn il-mekkaniżmi jippermettu lir-Renju tal-Belġju jkollu l-istess informazzjoni bħal dik meqjusa bħala meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali invokati minnu.

52

It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li l-proġett ta’ skambju elettroniku ta’ informazzjoni fuq is-sigurtà soċjali (EESSI), previst mir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), u rettifiki ĠU L 200, p. 1, u ĠU 2007, L 204, p. 30) kien għadu ma ġiex stabbilit fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

53

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi mfakkar li preżunzjoni ġenerali ta’ frodi ma tistax tkun biżżejjed sabiex tiġġustifika miżura li tippreġudika l-għanijiet tat-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52, u tad-9 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-433/04, Ġabra p. I-10653, punt 35).

54

F’dan il-każ, anki jekk jingħad li l-fornituri ta’ servizzi li jaħdmu għal rashom stabbiliti fi Stat Membru differenti mir-Renju tal-Belġju jistgħu jiġu suġġetti, f’dan l-Istat tal-aħħar, għal obbligi fiskali u soċjali, huwa stabbilit li l-applikazzjoni tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni inkwistjoni ma hijiex limitata għall-każijiet fejn ikun hemm lok li jiġi eżaminat jekk dawn l-obbligi fiskali u soċjali ġewx osservati.

55

Barra minn hekk, l-obbligu ta’ dikjarazzjoni inkwistjoni jinvolvi r-rekwiżit li l-awtoritajiet Belġjani jintbagħtu informazzjoni dettaljata ħafna, b’mod partikolari fil-kuntest tad-dikjarazzjoni msejħa “ordinarja”. Jekk jista’ jiġi previst li Stat Membru jista’ jitlob lill-fornituri ta’ servizzi li jaħdmu għal rashom stabbiliti fi Stat Membru ieħor, u li jmorru fit-territorju tiegħu sabiex jipprovdu servizz hemmhekk, sabiex jibgħatulu ċerta informazzjoni speċifika, dan huwa taħt il-kundizzjoni li l-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni tkun ġustifikata fid-dawl tal-għanijiet segwiti. Madankollu, ir-Renju tal-Belġju baqa’ ma ġġustifikax b’mod suffiċjentement konvinċenti kif il-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni dettaljata ħafna hija meħtieġa sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali li huwa jinvoka u kif l-obbligu li tali informazzjoni tiġi kkomunikata minn qabel ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, minkejja li fil-fatt huwa għandu jagħmel dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-319/06, Ġabra p. I-4323, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni għandhom jitqiesu bħala sproporzjonati għaliex imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali invokati mir-Renju tal-Belġju. Għaldaqstant, l-obbligu ta’ dikjarazzjoni inkwistjoni ma jistax jitqies bħala kompatibbli mal-Artikolu 56 TFUE.

57

Konsegwentement, għandu jintlaqa’ r-rikors tal-Kummissjoni u għandu jiġi kkonstatat li, meta adotta d-dispożizzjonijiet inkwistjoni, jiġifieri billi impona fuq il-fornituri ta’ servizzi li jaħdmu għal rashom stabbiliti fi Stat Membru differenti mir-Renju tal-Belġju l-obbligu ta’ dikjarazzjoni qabel l-eżerċizzju tal-attività tagħhom fil-Belġju, ir-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 56 TFUE.

Fuq l-ispejjeż

58

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju tal-Belġju tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. Ir-Renju tad-Danimarka, li intervjena insostenn tat-talbiet imressqa mir-Renju tal-Belġju, għandu jiġi kkundannat, skont l-Artikolu 140(1) tal-istess regolament, għall-ispejjeż tiegħu.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Meta adotta l-Artikolu 137(8), it-tielet inċiż tal-Artikolu 138, l-Artikolu 153 u l-Artikolu 157(3) tal-Liġi-Qafas (I) tas-27 ta’ Diċembru 2006, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mill-1 ta’ April 2007, jiġifieri billi impona fuq il-fornituri ta’ servizzi li jaħdmu għal rashom stabbiliti fi Stat Membru differenti mir-Renju tal-Belġju l-obbligu ta’ dikjarazzjoni qabel l-eżerċizzju tal-attività tagħhom fil-Belġju, ir-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 56 TFUE.

 

2)

Ir-Renju tal-Belġju huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

3)

Ir-Renju tad-Danimarka għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.