Kawżi magħquda C-58/10 sa C-68/10

Monsanto SAS et

vs

Ministre de l’Agriculture et de la Pêche

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza))

“Agrikoltura — Għalf ġenetikament modifikat — Miżuri ta’ emerġenza — Miżura adottata minn Stat Membru — Sospensjoni provviżorja ta’ awtorizzazzjoni mogħtija skont id-Direttiva 90/220/KEE — Bażi legali — Direttiva 2001/18/KE — Artikolu 12 — Leġiżlazzjoni settorjali — Artikolu 23 — Klawżola ta’ salvagwardja — Regolament (KE) Nru 1829/2003 — Artikolu 20 — Prodotti eżistenti — Artikolu 34 — Regolament (KE) Nru 178/2002 — Artikoli 53 u 54 — Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Miżuri ta’ approssimazzjoni — Prodotti tal-ikel u għalf modifikati ġenetikament — Prodotti awtorizzati skont id-Direttiva 90/220, innotifikati bħala prodotti eżistenti u li kienu suġġetti għal talba għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1829/2003, Artikoli 20 u 34; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/18, Artikolu 23; Direttiva tal-Kunsill 90/220)

2.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Miżuri ta’ approssimazzjoni — Prodotti tal-ikel u għalf modifikati ġenetikament — Miżuri ta’ urġenza li jistgħu jiġu adottati mill-Istati Membri sabiex jiffaċċjaw riskju serju għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent

(Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 178/2002, Artikolu 54, u Nru 1829/2003, Artikolu 34)

3.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Miżuri ta’ approssimazzjoni — Prodotti tal-ikel u għalf modifikati ġenetikament — Miżuri ta’ urġenza li jistgħu jiġu adottati mill-Istati Membri sabiex jiffaċċjaw riskju serju għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1829/2003, Artikolu 34)

4.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Miżuri ta’ approssimazzjoni — Prodotti tal-ikel u għalf modifikati ġenetikament — Trattament ta’ riskju serju għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent — Evalwazzjoni u ġestjoni mill-Kummissjoni u mill-Kunsill taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Unjoni — Adozzjoni u implementazzjoni mill-Istati Membri ta’ miżuri ta’ emerġenza fl-assenza ta’ deċiżjoni fuq livell tal-Unjoni

(it-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 267 TFUE u Artikolu 288 TFUE; Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 178/2002, Artikolu 54, u Nru 1829/2003)

1.        Organiżmi ġenetikament modifikati bħall-qamħirrun MON 810, li ġew awtorizzati b’mod partikolari bħala żerriegħa għall-finijiet ta’ kultivazzjoni, b’applikazzjoni tad-Direttiva 90/220, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament, u li, fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1829/2003, dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament, ġew innotifikati bħala prodotti eżistenti, imbagħad kienu s-suġġett ta’ talba għal tiġdid ta’ awtorizzazzjoni li kienet qed tiġi eżaminata ma jistgħux ikunu s-suġġett, min-naħa ta’ Stat Membru, ta’ miżuri ta’ sospensjoni jew ta’ projbizzjoni provviżorja mill-użu jew mit-tqegħid fis-suq b’applikazzjoni tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE, fejn min-naħa l-oħra, tali miżuri jistgħu jiġu adottati b’konformità mal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003.

(ara l-punt 63 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003, dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament, jawtorizza lil Stat Membru sabiex jadotta miżuri ta’ emerġenza biss fiċ-ċirkustanzi proċedurali msemmija fl-Artikolu 54 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel, li fir-rigward tagħhom hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika l-osservanza.

(ara l-punt 74 u d-dispożittiv 2)

3.        Bil-għan tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza, l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003, dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament, jimponi lill-Istati Membri jistabbilixxu, minbarra l-emerġenza, l-eżistenza ta’ sitwazzjoni li tista’ tippreżenta riskju importanti li jipperikola b’mod manifest is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent. Dan ir-riskju għandu jiġi kkonstatat abbażi ta’ elementi ġodda li huma bbażati fuq data xjentifika affidabbli.

Fil-fatt, miżuri ta’ protezzjoni adottati skont l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2009 ma jistgħux ikunu validament motivati minn approċċ purament ipotetiku ta’ riskju, ibbażat fuq sempliċi suppożizzjonijiet li jkunu għadhom ma ġewx ivverifikati xjentifikament. Bil-kontra, minkejja n-natura provviżorja ta’ tali miżuri u anki jekk dawn huma ta’ natura preventiva, dawn jistgħu jiġu adottati biss jekk ikunu bbażati fuq evalwazzjoni tar-riskji kemm jista’ jkun kompleta fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, li juru li dawn il-miżuri huma neċessarji.

(ara l-punti 76, 77, 81 u d-dispożittiv 3)

4.        Fid-dawl tal-istruttura tas-sistema prevista mir-Regolament Nru 1829/2003, dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament, u tal-għan tiegħu li jevita differenzi artifiċjali fit-trattament ta’ riskju serju, l-evalwazzjoni u l-ġestjoni ta’ riskju serju u evidenti għas-saħħa tal-bniedem jaqa’, bħala l-aħħar possibbiltà, taħt il-ġurisdizzjoni unika tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Unjoni.

Minn dan jirriżulta li, fl-istadju tal-adozzjoni u tal-implementazzjoni mill-Istati Membri tal-miżuri ta’ emerġenza msemmija fl-Artikolu 34 ta’ dan ir-regolament, sakemm ma tkun ġiet adottata ebda deċiżjoni f’dan ir-rigward fuq il-livell tal-Unjoni, il-qrati nazzjonali mitluba jivverifikaw il-legalità ta’ tali miżuri nazzjonali għandhom ġurisdizzjoni sabiex jevalwaw il-legalità ta’ dawn il-miżuri fir-rigward tal-kundizzjonijiet bażiċi previsti fl-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 u tal-kundizzjonijiet proċedurali misluta mill-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 178/2002, li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel, fejn l-uniformità tad-dritt tal-Unjoni tista’ tiġi żgurata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, peress li, meta qorti nazzjonali jkollha xi dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hija tista’ jew għandha, b’mod konformi mat-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 267 TFUE, tressaq domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

Min-naħa l-oħra, meta, f’każ partikolari, il-Kummissjoni tmur quddiem il-Kumitat permanenti dwar il-katina tal-ikel u s-saħħa tal-annimali u tkun ġiet adottata deċiżjoni fuq il-livell tal-Unjoni, l-evalwazzjonijiet fattwali u legali relatati ma’ dawn il-każijiet, li jinsabu f’tali deċiżjoni, jorbtu lill-organi kollha tal-Istat Membru destinatarju ta’ tali deċiżjoni, skont l-Artikolu 288 TFUE, u dan jinkludi l-qrati tiegħu li għandhom jevalwaw il-legalità tal-miżuri adottati fuq livell nazzjonali.

(ara l-punti 78-80)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

8 ta’ Settembru 2011 (*)

“Agrikoltura – Għalf ġenetikament modifikat – Miżuri ta’ emerġenza – Miżura adottata minn Stat Membru – Sospensjoni provviżorja ta’ awtorizzazzjoni mogħtija skont id-Direttiva 90/220/KEE – Bażi legali – Direttiva 2001/18/KE – Artikolu 12 – Leġiżlazzjoni settorjali – Artikolu 23 – Klawżola ta’ salvagwardja –Regolament (KE) Nru 1829/2003– Artikolu 20 – Prodotti eżistenti – Artikolu 34 – Regolament (KE) Nru 178/2002 – Artikoli 53 u 54 – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni”

Fil-Kawżi magħquda C‑58/10 sa C‑68/10,

li għandha bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (Franza), permezz ta’ deċiżjonijiet tas-6 ta’ Novembru 2009 u tat-28 ta’ Diċembru 2009, li waslu l-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Frar 2010, fil-kawżi

Monsanto SAS (C-58/10 u C-59/10),

Monsanto Agriculture France SAS (C-58/10 u C-59/10),

Monsanto International SARL (C-58/10 u C-59/10),

Monsanto Technology LLC (C-58/10 u C-59/10),

Monsanto Europe SA (C-59/10),

Association générale des producteurs de maïs (AGPM) (C‑60/10),

Malaprade SCEA et (C-61/10),

Pioneer Génétique SARL (C-62/10),

Pioneer Semences SAS (C-62/10),

Union française des semenciers (UFS), li qabel kien Syndicat des établissements de semences agréés pour les semences de maïs (Seproma) (C-63/10),

Caussade Semences SA (C-64/10),

Limagrain Europe SA, li qabel kienet Limagrain Verneuil Holding SA (C‑65/10),

Maïsadour Semences SA (C-66/10),

Ragt Semences SA (C-67/10),

Euralis Semences SAS (C-68/10),

Euralis Coop (C-68/10)

vs

Ministre de l’Agriculture et de la Pêche

fil-preżenza ta’:

Association France Nature Environnement (C-59/10 u C‑60/10),

Confédération paysanne (C-60/10),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.‑C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen (Relatur), C. Toader, A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Frar 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Monsanto SAS, Monsanto Agriculture France SAS, Monsanto International SARL, Monsanto Technology LLC u Monsanto Europe SA, minn R. Saint-Esteben, C.‑L. Vier, M. Pittie, P. Honoré u C. Vexliard, avukati,

–        għall-Association générale des producteurs de maïs (AGPM) et, minn M. Le Prat u L. Verdier, avukati,

–        għal Pioneer Génétique SARL, Pioneer Semences SAS, l-Union française des semenciers (UFS), li qabel kienet Syndicat des établissements de semences agréés pour les semences de maïs (Seproma), Caussade Semences SA, Limagrain Europe SA, Maïsadour Semences SA, Ragt Semences SA, Euralis Semences SAS u Euralis Coop, minn A. Monod u B. Colin, avukati,

–        għall-Confédération paysanne, minn H. Bras, avukat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u S. Menez, kif ukoll minn R Loosli‑Surrans, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn I. Chalkias, S. Papaïoannou, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u J. Sawicka, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Pignataro‑Nolin, M. Van Hoof u C. Zadra, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Marzu 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 12 u 23 tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 77), tal-Artikoli 20 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 32, p. 432) kif ukoll tal-Artikoli 53 u 54 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463).

2        Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ ħdax-il kawża bejn Monsanto SAS, Monsanto Agriculture France SAS, Monsanto International SARL, Monsanto Technology LLC, Monsanto Europe SA (iktar ’il quddiem, rispettivament, “Monsanto”, “Monsanto Agriculture France”, “Monsanto International”, “Monsanto Technology” u “Monsanto Europe” jew, flimkien, “Monsanto et”) flimkien ma’ rikorrenti varji, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, u l-Ministeru tal-Agrikoltura u tas-Sajd, fil-preżenza tal-assoċjazzjoni France Nature Environnement u tal-Confédération paysanne, intervenjenti, fir-rigward tal-legalità ta’ żewġ miżuri nazzjonali provviżorji li suċċessivament issospendew iċ-ċessjoni u l-użu taż-żerriegħa tal-qamħirrun MON 810, organiżmi modifikati ġenetikament (iktar ’il quddiem l-“OMĠ”), u sussegwentement ipprojbixxew il-kultivazzjoni tal-varjetajiet ta’ żerriegħa derivanti minn dan il-qamħirrun.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2001/18

3        Id-Direttiva 2001/18, emendata bir-Regolament Nru 1829/2003 u bir-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Settembru 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 32, p. 455, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/18”), tirregola r-rilaxx intenzjonat ta’ OMĠ fl-ambjent kif ukoll it-tqegħid fis-suq tal-OMĠ bħala prodotti jew elementi ta’ prodotti.

4        L-Artikolu 34 tad-Direttiva 2001/18 jiffissa d-data tat-traspożizzjoni tagħha sa mhux iktar tard mis-17 ta’ Ottubru 2002. L-Artikolu 36 iħassar, fis-17 ta’ Ottubru 2002, id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE, tat-23 ta’ April 1990, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU L 117, p. 15), u jipprovdi li r-riferimenti magħmula għal din id-direttiva għandhom jiġu interpretati bħallikieku jirreferu għad-Direttiva 2001/18 skont tabella ta’ korrispondenza li jinsab anness.

5        Skont il-premessi 18 u 28, id-Direttiva 2001/18, l-istess bħal, preċedentement, id-Direttiva 90/220, jistabbilixxu:

–        huwa neċessarju li tistabilixxi proċeduri armonizzati u kriterji għal evalwazzjoni każ b’każ ta’ riskji potenzjali li jiġu minnn rilaxx intenzjonat ta’ GMOs [OMĠ] fl-Ambjent.

–        huwa neċessarju li tiġi stabbilita proċedura ta’ awtoriżżazjoni tal-Komunità għat-tpoġġija fis-suq ta’ GMOs [OMĠ], bħal jew fi prodotti, fejn l-użu intenzjonat tal-prodott jinvolvi r-rilaxx intenzjonat ta’ organiżmu(i) fl-ambjent.

6        Il-premessi 50 u 51 tad-Direttiva 2001/18 jipprovdu:

“(50) Il-kunsensi [l-awtorizzazzjonijiet] eżistenti li ingħataw skond id-Direttiva [90/220] jkollhom jiġu mġedda biex tevita disparità bejn kunsensi [l-awtorizzazzjonijiet] li ingħataw skond dik id-Direttiva u dawk skond din id-Direttiva u biex tieħu akkont tal-kondizzjonijiet ta’ kunsens [awtorizzazzjoni] skond […] id-Direttiva [90/220].

(51) Dan it-tiġdid jirrikjedi perijodu transitorju li matulu kunsensi [awtorizzazzjonijiet] eżistenti li ingħataw skond id-Direttiva [90/220] jibqgħu mhux affetwati.”

7        Il-metodi ta’ tiġdid, qabel id-data limitu tas-17 ta’ Ottubru 2006, tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija qabel is-17 ta’ Ottubru 2002 taħt id-Direttiva 90/220 huma rregolati bl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2001/18. Is-subparagrafu 2 ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jelenka d-dokumenti, l-informazzjoni kif ukoll il-proposta eventuali li għandha tinkludi n-notifika ta’ tiġdid. Wara notifika għat-tiġdid ta’ kunsens skont il-paragrafu 2, in-notifikant jista’ jibqa’ jpoġġi GMOs fis-suq skont il-kundizzjonijiet speċifikati f’dak il-kunsens sakemm tittieħed deċiżjoni finali fuq in-notifika. Skont is-subparagrafi 2 u 9 tal-istess dispożizzjoni, l-operatur ikkonċernat li jibgħat din in-notifika qabel is-17 ta’ Ottubru 2006 jista’ jkompli poġġi l-OMĠ fis-suq taħt il-kundizzjonijiet speċifikati fl-awtorizzazzjoni inizjali sakemm tiġi adottata deċiżjoni finali li tikkonċerna t-tiġdid ta’ din l-awtorizzazzjoni.

8        L-Artikoli 20, 21 u 24 tad-Direttiva 2001/18 jipprovdu regoli partikolari ddettaljati fil-qasam tal-issorveljar, l-ittikkettjar u l-informazzjoni lill-pubbliku.

9        L-Artikolu 23 tal-istess direttiva, intitolat “Klawżola ta’ salvagwardja”, jipprovdi:

“1.      Fejn Stati Membru, b’riżultat ta’ informazzjoni ġdida jew addizjonali li ssir disponnibli mid-data tal-kunsens u taffetwa l-stima ta’ riskju ambjentali jew eżami mill-ġdid ta’ informazzjoni eżiżtenti jew għarfien xjentifiku addizzjonali, għandhu raġunijiet iktar dettaljati biex tikkunsidra li GMO [OMĠ] bħal jew fi prodott li ġie proprjament notifikat u rċieva kunsens bil-miktub skond din id-Direttiva jikkostitwixxi riskju lis-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent, dak l-Istat Membru jista’ proviżorjament jirrestrinġi jew jipprojbixxi l-użu u/jew bejgħ ta’ dik l-GMO [OMĠ] bħal jew fi prodott fit-territorju tagħhom.

L-Istat Membru għandu jassigura li fil-każ ta’ riskju gravi, miżuri ta’ emerġenza, bħal sospensjoni jew terminazzjoni ta’ tpoġġija fis-suq, jiġu applikati, inkluż informazzjoni lill-pubbliku.

L-Istat Membru għandu immedjatament jinforma lil Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’azzjonijiet li ttieħdu skond dan l-Artikolu u tagħti raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha, u tagħti ir-reviżjoni ta’ stima ta’ riskju ambjentali, u tindika jekk u kif il-kondizzjonijiet tal-kunsens għandhom jiġu emendati jew il-kunsens għandu jiġi mitmum, u, fejn xieraq, l-informazzjoni ġdida jew addizzjonali li fuqha hija bbażata id-deċiżjoni tagħha.

2.      Deċiżjoni tittieħed fuq il-kwistjoni fi żmien 60 ġurnata [fuq il-livell Komunitarju].”

10      L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Leġislazzjoni settorali”, jipprovdi:

“1.      L-Artikoli 13 sa 24 ma japplikawx għal xi GMO [OMĠ] bħal jew fi prodotti sakemm dawn ikunu awtoriżżati minn leġislazzjoni tal-Komunità li tipprovdi għall-istima ta’ riskju ambjentali speċifiku li jsir skond il-prinċipji stabbiliti fl-Anness II u fuq bażi ta’ informazzjoni speċifikata fl-Anness III mingħajr preġudizzju għal rekwiżiti addizjonali provduti minn leġislazzjoni tal-Komunità msemmija fuq, u għal rekwiżiti dwar stima ta’ riskju, tikkettjar, sorveljar kif xieraq, informazzjoni lill-pubbliku u klawżola ta’ salvagwardja mill-inqas ekwivalenti għal dik stabbilita f’din id-Direttiva.

[…]

3.      Proċeduri li jassiguraw li stima ta’ riskju, rekwiżiti dwar stima ta’ riskju, tikkettjar, sorveljar kif xieraq, informazzjoni lill-pubbliku u klawżola ta’ salvagwardja huma ekwivalenti għal dawk stipulati f’din id-Direttiva jiġu introdotti, fir-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Leġislazzjoni futura settorali bażata fuq dispożizzjonijiet ta’ dak ir-regolament għandhom jagħmlu riferenza għal din id-Direttiva. […]

[…]”

 Ir-Regolament Nru 1829/2003

11      Skont il-premessi 7 u 11 tiegħu, ir-Regolament Nru 1829/2003, applikabbli fit-18 ta’ April 2004 bis-saħħa tal-Artikolu 49 tiegħu, jistabbilixxi proċedura Komunitarja singola ta’ awtorizzazzjoni li tapplika, b’mod partikolari, għall-għalf li jinkludi OMĠ jew li jikkonsisti minn tali organiżmi jew prodotti derivanti minnhom kif ukoll OMĠ li għandhom jintużaw bħala materjal bażiku għall-produzzjoni tal-għalf.

12      Il-premessa 9 ta’ dan ir-regolament tipprovdi:

“Il-proċeduri ġodda għall-awtorizzazzjoni ta’ ikel u għalf modifikati ġenetikament għandu jkun fihom il-prinċipji ġodda introdotti bid-Direttiva [2001/18]. Għandhom ukoll jagħmlu użu mill-qafas ġdid għal valutazzjoni tar-riskju f’materji ta’ sigurtà fl-ikel stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà ta’ l-ikel [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463]. B’hekk, ikel u għalf modifikati ġenetikament għandhom jiġu awtorizzati li jitqiegħdu fis-suq Komunitarju biss wara li ssir valutazzjoni xjentifika ta’ l-ogħla standard possibbli, li għandha titwettaq taħt ir-responsabbiltà ta’ l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-Awtorità), ta’ kull riskju li jkun fihom għas-saħħa umana u ta’ l-annimali u, kif ikun il-każ, għall-ambjent. Din il-valutazzjoni xjentifika għandha tkun segwita minn deċiżjoni dwar l-immaniġġar tar-riskju mill-Komunità, taħt proċedura regolatorja li tiżgura koperazzjoni fil-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.”

13      Il-premessa 33 tipprovdi:

“Meta l-applikazzjoni jkollha x’taqsam ma’ prodotti li jkun fihom jew li jikkonsistu f’organiżmu modifikat ġenetikament, l-applikant għandu jkollu l-għażla jew li jissupplixxi awtorizzazzjoni għar-rilaxx intenzjonat fl-ambjent li tkun diġà ġiet miksuba taħt it-Taqsima Ċ tad-Direttiva [2001/18], mingħajr preġudizzju għall-kondizzjonijiet stabbiliti b’dik l-awtorizzazzjoni, jew li japplika biex il-valutazzjoni tar-riskju ambjentali ssir fl-istess ħin bħall-valutazzjoni dwar is-sigurtà taħt dan ir-Regolament. Fil-każ ta’ l-aħħar, hu neċessarju li l-valutazzjoni dwar ir-riskju ambjentali tosserva l-ħtiġiet imsemmija fid-Direttiva [2001/18] u li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti maħtura mill-Istati Membri għal dan il-għan jiġu konsultati mill-Awtorità. Barra minn dan, hu xieraq li tingħata lill-Awtorità l-possibbiltà li titlob lil waħda minn dawn l-awtoritajiet kompetenti biex twettaq il-valutazzjoni tar-riskju ambjentali. Hu xieraq ukoll, skond l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva [2001/18], li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti maħtura taħt id-Direttiva msemmija fil-każijiet kollha li jirrigwardaw OMĠ u ikel u/jew għalf li jkun fihom jew li jikkonsistu f’OMĠ jiġu kkonsultati mill-Awtorità qabel ma din tiffinalizza l-valutazzjoni dwar ir-riskju ambjentali.”

14      Il-premessa 34 tispeċifika:

“Fil-każ ta’ OMĠ biex jintużaw bħala żerriegħa jew materjal għall-propagazzjoni tal-pjanti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-Awtorità [Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel] għandha tkun taħt l-obbligu li tiddelega l-valutazzjoni dwar ir-riskju ambjentali lil awtorità nazzjonali kompetenti. Madankollu, l-awtorizzazzjonijiet taħt dan ir-Regolament għandhom ikunu mingħajr preġudizzju[, b’mod partikolari, tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-varjetajiet komuni ta’ katalgi ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli [katalgu komuni ta’ varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 36, p. 281), kif emendata bir-Regolament Nru 1829/2003, li jinkludi] b’mod partikolari r-regoli u l-kriterji għall-aċċettazzjoni tal-varjetajiet u l-aċċettazzjoni uffiċjali tagħhom għal inklużjoni fil-[katalogu komuni ta’ varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli] […]”

15      Il-punt 9 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1829/2003 jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

9)       ‘organiżmu modifikat ġenetikament għall-użu fl-għalf” tfisser OMĠ li jista’ jintuża bħala għalf jew bħala materjal bażiku għall-produzzjoni ta’ l-għalf’”.

16      L-Artikolu 15(1) tal-istess regolament jiddetermina bil-kliem li ġejjin il-kamp ta’ applikazzjoni tas-Sezzjoni I, intitolata “Awtorizzazzjoni u sorveljanza”, tal-Kapitolu III li jitratta l-għalf modifikat ġenetikament:

“Din is-Sezzjoni għandha tapplika għal:

a)      OMĠ għall-użu f’għalf;

b)      għalf li jkun fih jew jikkonsisti f’OMĠ;

ċ)      għalf prodott minn OMĠ.”

17      L-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament Nru 1829/2003 jirregolaw il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet inizjali tal-għalf ġenetikament modifikat.

18      L-Artikolu 17(5), jipprovdi b’mod partikolari:

“5.      Fil-każ ta’ OMĠ jew għalf li jkun fih jew jikkonsisti f’OMĠ, l-applikazzjoni għandu jkollha magħha:

a)      id-dossier tekniku komplet li jagħti l-informazzjoni meħtieġa mill-Annessi III u IV tad-Direttiva [2001/18] u l-informazzjoni u l-konklużjonijiet dwar il-verifika tar-riskju mwettqa skond il-prionċipji stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva [2001/18] jew, meta t-tqegħid fis-suq tal-OMĠ ġie awtorizzat taħt it-taqsima Ċ tad-Direttiva [2001/18] [ikkostitwit mill-Artikoli 12 sa 24 tagħha], kopja tad-deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni;

b)      pjan ta’ monitoraġġ ta’ l-effetti fuq l-ambjent konformi ma’ l-Anness VII tad-Direttiva [2001/18], inkluża proposta dwar kemm ser idum il-pjan ta’ monitoraġġ; dan il-perjodu jista’ jkun differenti mill-perjodu propost għall-kunsens [għall-awtorizzazzjoni].

F’każ bħal dan, ma għandhomx jgħoddu l-Artikoli 13 sa 24 tad-Direttiva [2001/18]”.

19      L-Artikolu 20, intitolat “Status ta’ prodotti eżistenti”, jipprovdi:

“1.      […] il-prodotti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din is-Sezzjoni li jkunu tqiegħdu fis-suq legalment fil-Komunità qabel id-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jistgħu jkomplu jitqiegħdu fis-suq, jiġu użati u proċessati sakemm jiġu osservati l-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)      fil-każ ta’ prodotti li ġew awtorizzati taħt id-Direttivi [90/220] jew [2001/18] […], l-operaturi responsabbli għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti konċernati għandhom, fi żmien sitt xhur wara d-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar id-data li fiha tqiegħdu fis-suq fil-Komunità għall-ewwel darba;

[…]

2.      In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkollha magħha d-dettalji msemmija fl-Artikolu 17(3) u (5), kif ikun xieraq […].

[…]

4.      Fi żmien disa’ snin mid-data li fiha l-prodotti msemmija fil-paragrafu 1(a) tqiegħdu għall-ewwel darba fis-suq, iżda f’ebda każ qabel ma jgħaddu tliet snin mid-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-operaturi responsabbli għat-tqegħid tagħhom fis-suq għandhom jissottomettu applikazzjoni konformi ma’ l-Artikolu 23, li għandu jgħodd mutatis mutandis.

[…]

5.      Il-prodotti msemmijin fil-paragrafu 1 u għalf li jkun fih dawk il-prodotti jew prodottt minnhom għandhom ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari l-Artikoli 21, 22 u 34, li għandhom jgħoddu mutatis mutandis.

[…]”

20      L-Artikoli 21 u 22(1), 24, 25, 26 kif ukoll 29 jipprovdu regoli partikolari dettaljati fil-qasam tas-sorveljanza, tal-ittikkettjar u tal-informazzjoni tal-pubbliku.

21      L-Artikolu 34, intitolat “Miżuri ta’ emerġenza”, jipprovdi:

“Fejn ikun evidenti li prodotti awtorizzati bi jew skond dan ir-Regolament x’aktarx jikkostitwixxu riskju serju għas-saħħa umana, is-saħħa ta’ l-annimali jew l-ambjent […], għandhom jittieħdu miżuri skond il-proċeduri previsti fl-Artikoli 53 u 54 tar-Regolament [Nru 178/2002].”

 Ir-Regolament Nru 178/2002

22      L-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 178/2002, intitolat, “Miżuri ta’ emerġenza ta’ ikel u għalf li joriġina mill-Komunità jew importat minn pajjiż terz”, jipprovdi li ġej:

“1.      Fejn ikun ċar li […] għalf li joriġina fil-Komunità jew impurtat minn pajjiż terz x’aktarx li jikkostitwixxi riskju serju għas-saħħa umana, is-saħħa ta’ l-annimali jew l-ambjent u riskju bħal dak ma jkunx jista’ jiġi mrażżan b’mod sodisfaċenti permezz tal-miżuri meħuda mill-Istat Membru/i kkonċernat/i, il-Kummissjoni […] fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq it-talba ta’ xi Stat Membru, għandha minnufih tadotta miżura waħda jew aktar minn dawn li ġejjin, skond il-gravità tas-sitwazzjoni:

[sospensjoni tat-tqegħid fis-suq, sospensjoni tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, sospensjoni tal-użu tal-għalf inkwistjoni, iffissar ta’ kundizzjonijiet partikolari għal dan l-għalf jew kull miżura oħra interim adattata].

2.      Iżda, f’EMERĠENZI, il-Kummissjoni tista’ provviżorjament tadotta l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 wara li tikkonsulta lill-Istat Membru/i kkonċernat/i u tavża lill-Istati Membri l-oħra.

Kemm jista’ jkun malajr, u l-aktar tard fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol, il-miżuri meħuda għandhom jiġu kkonfermati, emendati, rrevokati jew imtawwla skond il-proċedura imsemmija fl-Artikolu 58(2), u r-raġunijiet għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandhom isiru pubbliċi mingħajr dewmien.”

23      L-Artikolu 54 tal-istess regolament intitolat “Miżuri oħra ta’ emerġenza” huwa redatt bil-kliem li ġejjin:

“1.      Fejn Stat Membru javża uffiċċjalment lill-Kummissjoni bil-ħtieġa ta’ teħid ta’ miżuri ta’ emerġenza u fejn il-Kummissjoni ma tkunx aġixxiet skond l-Artikolu 53, l-Istat Membru jista’ jadotta miżuri interim protettivi. F’dan il-każ, għandu minnufih javża lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

2.      Fi żmien għaxar t’ijiem ta’ xogħol, il-Kummissjoni għandha tpoġġi l-kwistjoni quddiem il-[Kumitat permanenti dwar il-katina tal-ikel u s-saħħa tal-annimali] bil-ħsieb ta’ l-estensjoni, emenda jew abrogazzjoni tal-miżuri interim nazzjonali protettivi.

3.      L-Istat Membru jista’ jżomm il-miżuri interim nazzjonali protettivi sakemm jiġu adottati l-miżuri tal-Komunità.”

 Id-dritt nazzjonali

24      L-Artikolu L. 535‑2 tal-Kodiċi tal-ambjent Franċiż, fis-seħħ tas-27 ta’ Ġunju 2008, jipprovdi:

“I. – F’kull każ fejn evalwazzjoni ġdida tar-riskji kkawżati mill-preżenza ta’ [OĠM] għas-saħħa pubblika jew għall-ambjent tiġġustifika dan, l-awtorità amministrattiva tista’, għall-ispejjeż tad-detentur jew detenturi tal-awtorizzazzjoni tal-[OĠM]:

1°      tissospendi l-awtorizzazzjoni sakemm ikollha informazzjoni ulterjuri u, jekk ikun hemm bżonn, tordna li l-prodotti jitneħħew mill-bejgħ, jew l-użu tagħhom jiġi pprojbit;

2°      timponi modifiki għall-kundizzjonijiet ta’ rilaxx intenzjonat;

3°      tirrevoka l-awtorizzazzjoni;

4°      tordna d-distruzzjoni tal-[OĠM] u, f’każ li benefiċjarju jew detentur tal-awtorizzazzjoni ma jagħmilx dan, tipproċedi bid-distruzzjoni ex officio.

II. – Bl-eċċezzjoni ta’ każijiet ta’ emerġenza, dawn il-miżuri jistgħu jiġu implementati biss jekk il-benefiċjarju jkun ingħata l-opportunità jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu jew tagħha”.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

25      Permezz tad-Deċiżjoni 98/294/KE, tat-22 ta’ April 1998, rigward it-tqegħid fis-suq ta’ qamħirrun modifikat ġenetikament (Zea mays L. linja MON 810), skont id-Direttiva tal-Kunsill 90/220 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 23, p. 77), il-Kummissjoni awtorizzat it-tqegħid fis-suq tal-qamħirrun MON 810, fuq talba ta’ Monsanto Europe, abbażi tad-Direttiva 90/220.

26      Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni u f’konformità mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 90/220, il-Ministru tal-Agrikoltura u tas-Sajd Franċiż, b’digriet tat-3 ta’ Awwissu 1998, b’digriet, tat-3 ta’ Awwissu 1998 li jagħti kunsens bil-miktub, abbażi tal-Artikolu 13(4) tad-Direttiva [90/220], tad-Deċiżjonijiet 98/293/KE u 98/294/KE, tat-22 ta’ April 1998, rigward it-tqegħid fis-suq ta’ qamħirrun modifikat ġenetikament (Zea mays L. T 25 u MON 810) (JORF tal-5 ta’ Awwissu 1998, p. 11985), ta l-kunsens tiegħu bil-miktub għal dan it-tqegħid fis-suq.

27      Fil-11 ta’ Lulju 2004, Monsanto Europe innotifikat lill-Kummissjoni, b’mod partikolari b’applikazzjoni tal-Artikolu 20(1)(a) tar-Regolament Nru 1829/2003, il-qamħirrun MON 180 bħala “prodott esistenti”.

28      Hija ma bagħtitx lill-awtorità nazzjonali kompetenti, qabel is-17 ta’ Ottubru 2006, notifika skont l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2001/18.

29      Fl-4 ta’ Mejju 2007, hija talbet it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-qamħirrun MON 810 abbażi tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1829/2003.

30      Permezz ta’ digriet tal-5 ta’ Diċembru 2007 li ssospenda ċ-ċessjoni u l-użu taż-żerriegħa ta’ qamħirrun MON 810 (JORF tas-6 ta’ Diċembru 2007, p. 19748), il-Ministru tal-agrikoltura u tas-sajd, li mingħajr speċifikazzjoni ulterjuri kien qiegħed jirreferi għall-Kodiċi rurali u għall-Kodiċi tal-ambjent, issospenda fuq it-territorju nazzjonali ċ-ċessjoni lill-utent finali u l-użu taż-żerriegħa ta’ qamħirrun MON 810 sa ma tiġi ppubblikata liġi dwar l-OĠM u sa mhux iktar tard mid-9 ta’ Frar 2008.

31      Fis-6 ta’ Frar 2008, Monsanto, Monsanto Agriculture France, Monsanto International u Monsanto Technology ippreżentaw rikors għall-annullament ta’ dan id-digriet quddiem il-Conseil d’État.

32      Permezz ta’ digriet tas-7 ta’ Frar 2008 li jissospendi l-kultivazzjoni tal-varjetajiet ta’ żerriegħa ta’ qamħirrun ġenetikament modifikat (Zea mays L. linja MON 810) (JORF tad-9 ta’ Frar 2008, p. 2462), il-Ministru tal-agrikoltura u tas-sajd, b’rifermiment għall-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18, ir-Regolament Nru 1829/2003, kif ukoll għall-Artikolu L. 535-2 tal-Kodiċi tal-ambjent, ipprojbixxa fuq it-territorju nazzjonali “[i]l-kultivazzjoni, bil-għan tat-tqegħid fis-suq, tal-varjetajiet ta’ żerriegħa ta’ qamħirrun derivanti mil-linja ta’ qamħirrun ġenetikament modifikat MON 810” sakemm ikun ġie deċiż dwar it-talba għal tiġdid tal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq ta’ dan l-organiżmu.

33      Permezz ta’ digriet tat-13 ta’ Frar 2008 li jemenda d-digriet tas-7 ta’ Frar 2008 li jissospendi l-kultivazzjoni tal-varjetajiet ta’ qamħirrun ġenetikament modifikat (Zea mays L. linja MON 810) (JORF tad-19 ta’ Frar 2008, p. 3004), il-Ministru tal-agrikoltura u tas-sajd ħassar il-kliem “bil-għan tat-tqegħid fis-suq” li jinsabu fl-imsemmi digriet tas-7 ta’ Frar 2008.

34      Fit-12 ta’ Frar 2008, l-awtoritajiet Franċiżi, meta nnotifikaw dan l-aħħar digriet lill-Kummissjoni, ikkwalifikaw id-digriet bħala “miżura ta’ emerġenza” skont l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003. F’din il-komunikazzjoni, huma enfasizzaw il-ħtieġa li jadottaw miżuri ta’ emerġenza intiżi sabiex jissospendu l-kultivazzjoni tal-qamħirrun MON 810 b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 kif ukoll tal-Artikoli 53 u 54 tar-Regolament Nru 178/2002.

35      Fl-20 ta’ Frar 2008, meta nnotifikat id-digriet tat-13 ta’ Frar 2008 lill-Kummissjoni, l-awtoritajiet Franċiżi indikaw li l-imsemmi digriet tat-13 ta’ Frar 2008 kien ġie adottat b’applikazzjoni tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18.

36      Fl-20, il-21 u l-25 ta’ Frar 2008, rikorsi għall-annullament tad-digriet tas-7 ta’ Frar 2008 emendat bid-digriet tat-13 ta’ Frar 2008 ġew ippreżentati quddiem il-Conseil d’État minn Monsanto, Monsanto Agriculture France, Monsanto International, Monsanto Technology, Monsanto Europe kif ukoll rikorrenti oħra differenti.

37      Il-qorti tar-rinviju tindika li r-rikorrenti jsostnu li l-qamħirrun MON 810, li jikkostitwixxi varjetà ta’ qamħirrun ġenetikament modifikat użat għall-għalf, attwalment jaqa’ biss taħt id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1829/2003, b’tali mod li l-Ministru tal-argikoltura u tas-sajd ivvizzja d-digrieti kkontestati b’nuqqas ta’ ġurisdizzjoni billi adotta miżura ta’ emerġenza li taqa’ taħt il-Kummissjoni u, mill-inqas, żball ta’ liġi billi bbaża ruħu fuq l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18 u fuq l-Artikolu L. 535-2 tal-Kodiċi tal-ambjent li jiżgura t-traspożizzjoni tagħha fid-dritt intern.

38      F’dan il-kuntest, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, għal kull waħda mill-kawżi pendenti, id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Meta [OMĠ] li jikkostitwixxi għalf għall-annimali tqiegħed fuq is-suq qabel il-pubblikazzjoni tar-Regolament [Nru 1829/2003] u li din l-awtorizzazzjoni nżammet fis-seħħ skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 20 ta’ dan ir-Regolament, il-prodott inkwistjoni għandu jitqies, sakemm tingħata deċiżjoni fuq l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ġdida li għandha tiġi ppreżentata skont dan ir-Regolament, fost il-prodotti msemmija fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tad-Direttiva [2001/18] [...] u, f’dan il-każ, dan l-[OMĠ] huwa suġġett, għal dak li jirrigwarda l-miżuri ta’ emerġenza li jistgħu jiġu adottati wara li tingħata l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fuq is-suq, biss għall-Artikolu [34 tar-Regolament Nru 1829/2003 jew, bil-kontra, tali miżuri jistgħu jiġu adottati minn Stat Membru abbażi tal-Artikolu]23 tad-Direttiva [2001/18] u tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw it-traspożizzjoni tagħha?

2)      Fil-każ li l-miżuri ta’ emerġenza jistgħu jiġu adottati biss fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 34 tar-Regolament [Nru 1829/2003], l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jistgħu jadottaw, u taħt liema ċirkustanzi, [miżuri bħal dawk tad-digriet tal-5 ta’ Diċembru 2007 (l-ewwel rikors għal annullament) u tad-digriet tas-7 ta’ Frar 2008 (għaxar rikorsi oħra), emendat bid-digriet tat-13 ta’ Frar 2008], skont il-kontroll tar-riskju msemmi fl-Artikolu 53 tar-Regolament [Nru 178/2002] jew miżuri kawtelatorji li jistgħu jiġu adottati minn Stat Membru abbażi tal-Artikolu 54 tal-istess regolament?

3)      Fil-każ li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jistgħu jintervjenu abbażi tal-Artikolu 23 tad-Direttiva [2001/18] jew abbażi tal-Artikolu 34 tar-Regolament [Nru 1829/2003], jew fuq dawn iż-żewġ bażijiet legali, ir-rikors iqajjem il-kwistjoni dwar liema livell ta’ rekwiżit, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-prinċipju ta’ prekawzjoni, huwa impost, rispettivament, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 tad-Direttiva li jissuġġetta l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza bħas-sospensjoni jew il-projbizzjoni mill-użu tal-prodott għall-kundizzjoni li l-Istat Membru jkollu ‘raġunijiet iktar dettaljati biex [j]ikkunsidra li GMO [OMĠ] [...] jikkostitwixxi riskju [għal]l-ambjent’ u dawk tal-Artikolu 34 tar-Regolament li jissuġġetta l-adozzjoni ta’ tali miżura għall-kundizzjoni li l-prodotti jkunu ‘x’aktarx jikkostitwixxu riskju serju [għal]l-ambjent’ fir-rigward tal-identifikazzjoni tar-riskju, tal-evalwazzjoni tal-probabbiltà tiegħu u tal-eżami tan-natura tal-effetti tiegħu?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

39      Għandu jitfakkar li żerriegħa derivanti minn varjetajiet ta’ qamħirrun bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/53, bis-saħħa tal-Artikolu 1(1) moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)A tad-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1966, dwar il-marketing taż-żerriegħa tal-ġwież (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 1, p. 66), emendata fl-aħħar lok bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/74/KE, tas-26 ta’ Ġunju 2009 (ĠU L 166, p. 40).

40      Skont l-Artikolu 16(1) tas-Direttiva 2002/53, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li b’effett mill-pubblikazzjoni fil-Katalgu komuni ta’ varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli, prevista fl-Artikolu 17 tal-istess direttiva, iż-żerriegħa ta’ varjetajiet aċċettati skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jew skont il-prinċipji li jikkorrispondu għal dawk ta’ din id-direttiva ma tiġi suġġetta għal ebda restrizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni fir-rigward tal-varjetà, ħlief għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikoli 16(2) jew 18 tad-Direttiva 2002/53 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑165/08, Ġabra, p. I‑6843, punt 62).

41      Għandu jiġi osservat li l-Istat Membru kkonċernat fil-kawża prinċipali ma għamilx użu minn dawn l-Artikoli 16(2) jew 18 tad-Direttiva 2002/53 sabiex jiġi awtorizzat jipprojbixxi ż-żerriegħa ta’ qamħirrun MON 810 fiċ-ċirkustanzi msemmija minn dawn id-dispożizzjonijiet.

42      F’dan il-kuntest, ir-risposti mogħtija għal dawn id-domandi preliminari huma bla ħsara għad-Direttiva 2002/53.

 Fuq l-ewwel domanda

43      L-ewwel domanda tirreferi għaċ-ċirkustanzi li fihom miżura ta’ sospensjoni jew ta’ projbizzjoni provviżorja tista’ tiġi adottata minn Stat Membru fir-rigward ta’ “prodott eżistenti” fis-sens tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1829/2003, li ġie awtorizzat skont id-Direttiva 90/220, liema direttiva ġiet abbrogata u ssostitwita bid-Direttiva 2001/18.

44      Hija tistaqsi dwar il-problema tal-bażi ġuridika ta’ tali miżura.

45      Il-Gvern Awstrijak isostni li Monsanto nnotifika l-qamħirrun MON 810 bħala prodott eżistenti għall-finijiet ta’ użu f’għalf u fl-ikel, iżda mhux għall-fini ta’ użu bħala żerriegħa. Konsegwentement, huwa jiddubita li l-prodott inkwistjoni jista’ jibqa jitqies li tqiegħed legalment fis-suq bħala żerriegħa wara l-iskadenza tat-terminu ta’ notifika tal-prodotti eżistenti.

46      Għaldaqstant, qabel kollox, għandu jiġi eżaminat il-punt dwar jekk l-użu bħala żerriegħa ta’ OĠM innotifikati abbażi tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1829/2003 huwiex kopert minn din id-dispożizzjoni.

47      Ir-Regolament Nru 1829/2003 jikkostitwixxi implementazzjoni tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2001/18.

48      Huwa paċifiku li Monsanto ma nnotifikatx il-qamħirrun MON 810 skont l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2001/18 qabel id-data limitu tas-17 ta’ Ottubru 2006 iffissata mill-imsemmi artikolu.

49      Huwa wkoll paċifiku li Monsanto nnotifikat dan il-qamħirrun abbażi tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1829/2003, bħala “prodott eżistenti” li jaqa’ taħt is-Sezzjoni 1 tal-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament.

50      Mill-kliem tal-premessa 34 kif ukoll, fir-rigward tal-għalf, mill-Artikoli 16(7) u 18(3)(ċ) tal-istess regolament jirriżulta li l-użu ta’ OĠM bħala żerriegħa huwa kopert mill-awtorizzazzjoni mogħtija għal dawn l-OĠM b’applikazzjoni tal-imsemmi regolament, bla ħsara għad-Direttiva 2002/53.

51      Fir-rigward tal-prodotti eżistenti, għaldaqstant il-kwistjoni hija dwar jekk l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1829/2003, sa fejn dan jipprovdi, taħt il-kundizzjonijiet li jsemmi li “l-prodotti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din is-[Sezzjoni 1] jistgħu jkomplu jitqiegħdu fis-suq, jiġu użati u proċessati”, ikoprix ukoll l-użu bħala żerriegħa ta’ OĠM innotifikati bħala prodotti eżistenti abbażi tal-imsemmi Artikolu 20.

52      F’dan ir-rigward, jeħtieġ sempliċement li jitfakkar li l-prodotti nnotifikati abbażi tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1829/2003 għandhom jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tas-Sezzjoni 1 tal-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament u li mill-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li taħt din is-sezzjoni jaqgħu, b’mod partikolari, l-“OMĠ għall-użu f’għalf”.

53      Issa, skont il-punt 9 tal-Artikolu 2 tal-istess regolament, din l-espressjoni tikkonċerna, b’mod partikolari, “OMĠ li jista’ jintuża […] għall-produzzjoni ta’ l-għalf”, definizzjoni li tista’ tapplika għal żerriegħa.

54      B’hekk, żerriegħa ta’ OĠM taqa’ taħt is-Sezzjoni 1 tal-Kapitolu III tar-Regolament Nru 1829/2003. Għaldaqstant tista’ taqa’, b’mod partikolari, taħt l-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament.

55      Sa fejn din l-aħħar dispożizzjoni tawtorizza t-tkomplija tal-użu tal-prodotti li hija tirregola, hija tkopri l-użu bħala żerriegħa ta’ prodotti li ġew innotifikati.

56      F’dan ir-rigward, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li prodotti bħal dawk tal-qamħirrun MON 810, li ġew awtorizzati b’mod partikolari bħala żerriegħa għall-finijiet ta’ kultivazzjoni b’applikazzjoni tad-Direttiva 90/220, effettivament ġew innotifikati abbażi tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1829/2003.

57      Fi tmiem dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-Regolament Nru 1829/2003 jinkludi biżżejjed elementi ta’ interpretazzjoni għar-risposta għall-ewwel domanda, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi interpretat speċjalment l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2001/18.

58      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi essenzjalment jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawżi prinċipali, OĠM bħall-qamħirrun MON 810, li ġew awtorizzati b’mod partikolari bħala żerriegħa għal finijiet ta’ kultivazzjoni b’applikazzjoni tad-Direttiva 90/220 u li, fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1829/2003, ġew innotifikati bħala prodotti eżistenti, imbagħad kienu s-suġġett ta’ talba għal tiġdid ta’ awtorizzazzjoni li kienet qed tiġi eżaminata, jistgħux ikunu suġġetti, min-naħa ta’ Stat Membru, għal miżuri ta’ sospensjoni jew ta’ projbizzjoni provviżorja tal-użu jew tat-tqegħid fis-suq b’applikazzjoni tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18, jew inkella jekk tali miżuri jistgħux jiġu adottati skont l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003.

59      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 20(5) tar-Regolament Nru 1829/2003 jipprovdi li “[i]l-prodotti msemmijin fil-paragrafu 1 […] għandhom ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari l-Artikoli 21, 22 u 34, li għandhom jgħoddu mutatis mutandis”.

60      Għalhekk dan il-kliem espliċitament jitratta l-applikabbiltà tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003.

61      Barra minn hekk huwa jipprovdi l-applikabbiltà għal prodott eżistenti tad-dispożizzjonijiet l-oħra tiegħu, jiġifieri, b’mod partikolari, tal-Artikolu 17(5) tiegħu, li fl-ewwel subparagrafu (a) u (b) tiegħu jipprevedi l-provvista ta’ elementi ta’ informazzjoni diversi relatati mal-prodott inkwistjoni u żżid, fit-tieni subparagrafu tiegħu li, “[f]’każ bħal dan, ma għandhomx jgħoddu l-Artikoli 13 sa 24 tad-Direttiva [2001/18]”.

62      B’hekk mill-Artikoli 20(5) u 17(5) tar-Regolament Nru 1829/2003 moqrija flimkien jirriżulta li, meta l-elementi msemmija mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(5) jiġu pprovduti insostenn tan-notifika ta’ prodott eżistenti, l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18 ma japplikax.

63      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawżi prinċipali, OĠM bħall-qamħirrun MON 810, li ġew awtorizzati b’mod partikolari bħala żerriegħa għal finijiet ta’ kultivazzjoni, b’applikazzjoni tad-Direttiva 90/220 u li, fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1829/2003, ġew innotifikati bħala prodotti eżistenti, imbagħad kienu s-suġġett ta’ talba għal tiġdid ta’ awtorizzazzjoni li kienet qed tiġi eżaminata ma jistgħux ikunu s-suġġett, min-naħa ta’ Stat Membru, ta’ miżuri ta’ sospensjoni jew ta’ projbizzjoni provviżorja mill-użu jew mit-tqegħid fis-suq b’applikazzjoni tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18, fejn min-naħa l-oħra, tali miżuri jistgħu jiġu adottati b’konformità mal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003.

 Fuq it-tieni domanda

64      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 jawtorizzax Stat Membru sabiex jadotta miżuri ta’ emerġenza f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali.

65      Id-digriet tal-5 ta’ Diċembru 2007, dak tas-7 ta’ Frar 2008 kif ukoll id-digriet tat-13 ta’ Frar 2008, li emenda l-kliem tiegħu, ġew ippubblikati fil-Journal officiel de la République française, rispettivament, fis-6 ta’ Diċembru 2007, fid-9 ta’ Frar 2008 u fid-19 ta’ Frar 2008. Skont l-indikazzjonijiet tal-Gvern Franċiż, li għandhom jiġu vverifikati mill-qorti nazzjonali, dawn id-digrieti ġew notifikati lill-Kummissjoni, rispettivament, fid-9, fit-12 u fl-20 ta’ Frar 2008.

66      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003, din id-dispożizzjoni, minn naħa, issemmi l-kundizzjonijiet bażiċi li permezz tagħhom prodott awtorizzat minn dan ir-regolament jew skont dan ir-regolament jistgħu jkunu suġġetti għal miżuri ta’ emerġenza u, min-naħa l-oħra, tirreferi, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ adozzjoni ta’ dawn il-miżuri, għall-“proċeduri previsti fl-Artikoli 53 u 54 tar-Regolament [Nru 178/2002]”.

67      B’hekk, l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 ma jissuġġettax l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza għall-kundizzjonijiet bażiċi previsti fl-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 178/2002.

68      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 178/2002 jikkonċerna l-miżuri ta’ emerġenza li jistgħu jittieħdu mill-Kummissjoni, fejn l-adozzjoni ta’ tali miżuri mill-Istati Membri jaqgħu taħt l-Artikolu 54 ta’ dan ir-regolament.

69      B’hekk, Stat Membru li jixtieq jadotta miżuri ta’ emerġenza taħt l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 għandu, minbarra l-kundizzjonijiet bażiċi msemmija fl-imsemmi artikolu, josserva wkoll il-kundizzjonijiet proċedurali previsti fl-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 178/2002.

70      Dawn il-kundizzjonijiet huma speċifikati fl-Artikolu 54(1), li jimponi fuq l-Istati Membri, minn naħa, li jinfurmaw “uffiċjalment” lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tadotta miżuri ta’ emerġenza u, min-naħa l-oħra, fl-ipoteżi fejn din ma tkun adottat ebda miżura skont l-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 178/2002, li tinforma “minnufih” lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar il-miżuri interim adottati.

71      Huma għandhom jiġu interpretati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll l-għanijiet tar-Regolament Nru 1829/2003 kif ukoll il-prinċipju ta’ prekawzjoni, bil-għan li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ħajja u tas-saħħa umana filwaqt li jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ ikel u għalf siguri u bla periklu li huwa aspett essenzjali tas-suq intern (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2000, Greenpeace France et, C‑6/99, Ġabra p. I‑1651, punt 44, u tad-9 ta’ Settembru 2003, Monsanto Agricoltura Italia et, C‑236/01, Ġabra p. I‑8105, punt 110).

72      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm l-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 178/2002 ma jinkludix l-obbligu li l-Kummissjoni tiġi informata f’terminu speċifiku, madankollu kemm mill-ispeċifikazzjoni li tgħid li l-Istat Membru għandu jinforma “minnufih” lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar il-miżuri ta’ emerġenza adottati, kif ukoll mill-fatt li l-Kummissjoni għandha sussegwentement, f’terminu ta’ għaxart ijiem tax-xogħol, tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 58(2) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni mill-iktar fis possibbli kemm bil-ħtieġa li jadotta miżuri ta’ emerġenza kif ukoll, jekk ikun il-każ, bil-portata tal-miżuri adottati.

73      B’hekk, fid-dawl tan-natura urġenti tal-intervent tal-Istat Membru kkonċernat u tal-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika tar-Regolament Nru 1829/2003, l-Artikolu 54(1) tar-Regolament Nru 178/2002 għandu jiġi interpretat bħala li jimponi, wara kollox l-istess bħal fil-kuntest tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18, li l-informazzjoni tal-Kummissjoni li huwa jipprovdi sseħħ, fil-każ ta’ emerġenza, sa mhux iktar tard mill-waqt tal-adozzjoni tal-miżuri ta’ emerġenza mill-Istat Membru kkonċernat.

74      B’hekk ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 ma jawtorizzax lil Stat Membru jadotta miżuri ta’ emerġenza biss fiċ-ċirkustanzi proċedurali msemmija fl-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 178/2002, li fir-rigward tagħhom hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika l-osservanza.

 Fuq it-tielet domanda

75      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, liema livell ta’ rekwiżit huwa impost mill-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 fuq l-Istati Membri għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza, sa fejn huwa jissuġġettahom għall-eżistenza ta’ sitwazzjoni li tista’ tippreżenta, “x’aktarx”, “riskju serju” għas-saħħa umana, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent.

76      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li l-espressjonijiet “x’aktarx” u “riskju serju” għandhom jinftehmu bħala li jirreferu għal riskju importanti li jipperikola b’mod manifest is-saħħa umana, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent. Dan ir-riskju għandu jiġi kkonstatat abbażi ta’ elementi ġodda li jistrieħu fuq data xjentifika affidabbli.

77      Fil-fatt, miżuri ta’ protezzjoni adottati skont l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2009 ma jistgħux ikunu validament motivati minn approċċ purament ipotetiku ta’ riskju, ibbażat fuq sempliċi suppożizzjonijiet li jkunu għadhom ma ġewx ivverifikati xjentifikament. Bil-kontra, minkejja n-natura provviżorja ta’ tali miżuri u anki jekk dawn huma ta’ natura preventiva, dawn jistgħu jiġu adottati biss jekk ikunu bbażati fuq evalwazzjoni tar-riskji kemm jista’ jkun kompleta fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, li juru li dawn il-miżuri huma neċessarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Monsanto Agricoltura Italia et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 106 u 107).

78      Għandu jiġi enfasizzat li, fid-dawl tal-istruttura tas-sistema prevista mir-Regolament Nru 1829/2003 u tal-għan tiegħu li jevita differenzi artifiċjali fit-trattament ta’ riskju serju, l-evalwazzjoni u l-ġestjoni ta’ riskju serju u evidenti jaqa’, bħala l-aħħar possibbiltà, taħt il-ġurisdizzjoni unika tal-Kummissjoni u tal-Kunsill tal-Unjoni, taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Unjoni.

79      Minn dan jirriżulta li, fl-istadju tal-adozzjoni u tal-implementazzjoni mill-Istati Membri tal-miżuri ta’ emerġenza msemmija fl-Artikolu 34 ta’ dan ir-regolament, sakemm ma tkun ġiet adottata ebda deċiżjoni f’dan ir-rigward fuq il-livell tal-Unjoni, il-qrati nazzjonali mitluba jivverifikaw il-legalità ta’ tali miżuri nazzjonali għandhom ġurisdizzjoni sabiex jevalwaw il-legalità ta’ dawn il-miżuri fir-rigward tal-kundizzjonijiet bażiċi previsti fl-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 u tal-kundizzjonijiet proċedurali misluta mill-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 178/2002, fejn l-uniformità tad-dritt tal-Unjoni tista’ tiġi żgurata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, peress li, meta qorti nazzjonali jkollha dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hija tista’ jew għandha, b’mod konformi mat-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 267 TFUE, tressaq domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2008, Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods Trading, C‑375/07, Ġabra p. I‑8691, punti 63 u 67).

80      Min-naħa l-oħra, meta, f’każ partikolari l-Kummissjoni tmur quddiem il-Kumitat permanenti dwar il-katina tal-ikel u s-saħħa tal-annimali u tkun ġiet adottata deċiżjoni fuq il-livell tal-Unjoni, l-evalwazzjonijiet fattwali u legali relatati ma’ dawn il-każijiet, li jinsabu f’tali deċiżjoni, jorbtu lill-organi kollha tal-Istat Membru destinatarju ta’ tali deċiżjoni, skont l-Artikolu 288 TFUE, u dan jinkludi l-qrati tiegħu li għandhom jevalwaw il-legalità tal-miżuri adottati fuq livell nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza Heuschen & Schrouff Oriëntal Foods Trading, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64).

81      Għaldaqstant ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li, għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza, l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 jimponi lill-Istati Membri jistabbilixxu, minbarra l-emerġenza, l-eżistenza ta’ sitwazzjoni li tista’ tippreżenta riskju importanti li jipperikola b’mod manifest is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent.

 Fuq l-ispejjeż

82      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      F’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawżi prinċipali, organiżmi modifikati ġenetikament bħall-qamħirrun MON 810, li ġew awtorizzati b’mod partikolari bħala żerriegħa għall-finijiet ta’ kultivazzjoni, b’applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE, tat-23 ta’ April 1990, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament, u li, fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament, ġew innotifikati bħala prodotti eżistenti, imbagħad kienu s-suġġett ta’ talba għal tiġdid ta’ awtorizzazzjoni li kienet qed tiġi eżaminata, ma jistgħux ikunu s-suġġett, min-naħa ta’ Stat Membru, ta’ miżuri ta’ sospensjoni jew ta’ projbizzjoni provviżorja mill-użu jew mit-tqegħid fis-suq b’applikazzjoni tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE, fejn min-naħa l-oħra, tali miżuri jistgħu jiġu adottati b’konformità mal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003.

2)      L-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 jawtorizza lil Stat Membru jadotta miżuri ta’ emerġenza biss fiċ-ċirkustanzi proċedurali msemmija fl-Artikolu 54 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel, li fir-rigward tagħhom hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika l-osservanza.

3)      Għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza, l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 1829/2003 jimponi lill-Istati Membri jistabbilixxu, minbarra l-emerġenza, l-eżistenza ta’ sitwazzjoni li tista’ tippreżenta riskju importanti li jipperikola b’mod manifest is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.