Kawża C-279/08 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Artikolu 87(1) KE — Skema għall-iskambju ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet għall-ossidi tan-nitroġenu — Klassifikazzjoni tal-miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni — Kunċett ta’ ‘selettività’ — Vantaġġ iffinanzjat bir-riżorsi tal-Istat — Protezzjoni tal-ambjent — Obbligu ta’ motivazzjoni — Ammissibbiltà”

Sommarju tas-sentenza

1.        Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Kunċett — Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti — Deċiżjoni li tikklassifika miżura nnotifikata bħala għajnuna mill-Istat u li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq komuni — Inklużjoni

(Artikoli 87 KE, 88 KE u 230 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999)

2.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Natura selettiva tal-miżura

(Artikolu 87(1) KE)

3.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Natura selettiva tal-miżura

(Artikolu 87(1) KE)

4.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ kundizzjonijiet normali tas-suq

(Artikolu 87(1) KE)

5.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Għajnuna mir-riżorsi tal-Istat

(Artikolu 87(1) KE)

6.        Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikklassifika miżura bħala għajnuna mill-Istat — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Artikoli 87(1) KE u 296 TFUE)

1.        Jekk il-Kummissjoni tikkonstata, wara l-eżami preliminari, li l-miżura nnotifikata, jekk kemm-il darba din taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, ma tqajjimx dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, hi tieħu deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet taħt l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 88 KE. Deċiżjoni bħal din twassal, b’mod partikolari, għall-applikazzjoni tal-proċedura prevista għall-iskemi ta’ għajnuna eżistenti minn dan ir-regolament u, b’mod partikolari, għal dik tal-Artikoli 17 sa 19 u 21 tiegħu, li timponi fuq l-Istat Membru l-obbligu li jikkomunika rapport annwali fuq l-iskemi kollha ta’ għajnuna eżistenti.

Għalhekk, klassifikazzjoni żbaljata ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat għandha konsegwenzi ġuridiċi għall-Istat Membru li jinnotifika inkwantu din il-miżura hija suġġetta għal sorveljanza kostanti mill-Kummissjoni u għal kontroll perijodiku min-naħa tagħha, b’mod li dan l-Istat Membru għandu marġni ta’ manuvra ristretta fl-implementazzjoni tal-miżura nnotifikata.

Minn dan neċessarjament jirriżulta li deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 87(1) u (3) KE, li, filwaqt li tikklassifika l-miżura bħala għajnuna mill-Istat, tiddikjaraha kompatibbli mas-suq komuni, għandha titqies bħala att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 230 KE. Tali deċiżjoni ta’ kompatibbiltà fis-sens tal-Artikolu 87(1) u (3) KE għandha wkoll natura definittiva u ma tikkostitwixxix miżura preparatorja.

(ara l-punti 40-42)

2.        Sabiex jiġi pprovat li miżura li tista’ tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat tapplika b’mod selettiv għal ċerti impriżi jew għal ċerti produtturi, il-Kummissjoni għandha turi li din tintroduċi distinzjonijiet fost impriżi li jinsabu, fid-dawl tal-għan tal-miżura inkwistjoni, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli.

F’dan ir-rigward, peress li l-Kummissjoni tikkonstata, fid-deċiżjoni tagħha, li ċerti impriżi li jibbenefikaw minn miżura kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat jidħlu taħt grupp speċifiku ta’ impriżi industrijali kbar li huma attivi fil-kummerċ bejn l-Istati Membri u jibbenefikaw minn vantaġġ li ma huwiex disponibbli għal impriżi oħra, li jikkonsisti fil-fatt li dawn jistgħu jimmonetizzaw il-valur ekonomiku tat-tnaqqis ta’ emissjonijiet li huma jipproduċu, billi dan it-tnaqqis jiġi kkonvertit fi drittijiet ta’ emissjonijiet negozjabbli, jew, jekk ikun il-każ, jevitaw ir-riskju li jkollhom iħallsu multi meta huma jaqbżu l-limitu ta’ emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu stabbilit mill-awtoritajiet nazzjonali, billi jixtru dawn id-drittijiet ta’ emissjonijiet mingħand impriżi oħra li jaqgħu taħt il-miżura tal-Istat ikkonċernata filwaqt li l-impriżi l-oħra ma għandhomx dawn il-possibbiltajiet, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta tipprovdi iktar dettalji fid-deċiżjoni tagħha. Fil-każ ta’ programm ta’ għajnuna, hija tista’ tillimita ruħha li tistudja l-karatteristiċi tal-programm inkwistjoni sabiex tevalwa, fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha, jekk, minħabba l-metodi previsti minn dan il-programm, dan jiżgurax vantaġġ sinjifikattiv għall-benefiċjarji meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom u jekk huwiex kapaċi li essenzjalment ikun ta’ profitt għal impriżi li jipparteċipaw fil-kummerċ bejn l-Istati.

(ara l-punti 62, 63, 65)

3.        L-Artikolu 87(1) KE ma jagħmilx distinzjoni skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi tal-Istat, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom. Minkejja li l-protezzjoni tal-ambjent jikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-Komunità Ewropea, il-ħtieġa li dan l-għan jittieħed inkunsiderazzjoni ma tiġġustifikax l-esklużjoni ta’ miżuri selettivi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, peress li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ għanijiet ambjentali jista’, fi kwalunkwe każ, utilment isir fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3) KE.

Fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ miżura li tistabbilixxi sistema ta’ skambju ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu, li tinkludi distinzjoni fost impriżi bbażata fuq kriterju kwantitattiv, bħall-kriterju tal-kapaċità termika totali ta’ installazzjoni tal-impriżi, il-ħafna emissjonijiet ta’ ossidu tan-nitroġenu tal-impriżi li jaqgħu taħt il-miżura kkonċernata u standard speċifiku ta’ tnaqqis li huwa impost fuqhom ma humiex biżżejjed sabiex jevitaw li din il-miżura tiġi kklassifikata bħala miżura selettiva fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, peress li d-distinzjoni fost l-impriżi ma tistax titqies bħala inerenti f’skema intiża li tnaqqas it-tniġġis ta’ oriġini industrijali u, għalhekk, iġġustifikata biss fuq kunsiderazzjonijiet ta’ natura ekoloġika. Peress li tali kriterju ta’ distinzjoni la huwa ġġustifikat min-natura u lanqas mill-iskema ġenerali tal-miżura kkonċernata, dan ma jistax ineħħi mill-miżura inkwistjoni n-natura tagħha ta’ għajnuna mill-Istat.

F’dan ir-rigward, huwa l-Istat Membru li introduċa din id-distinzjoni fost l-impriżi li għandu juri li din hija effettivament iġġustifikata min-natura u mill-iskema ġenerali tas-sistema inkwistjoni.

(ara l-punti 75-78)

4.        Huma kkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat l-interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jiġu kkunsidrati bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq.

Dan huwa l-każ ta’ sistema li fiha ċerti impriżi biss għandhom il-possibbiltà li jistgħu jimmonetizzaw il-valur ekonomiku tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu li huma jipproduċu, billi dan it-tnaqqis jiġi kkonvertit fi drittijiet ta’ emissjonijiet negozjabbli, jew, jekk ikun il-każ, jevitaw ir-riskju li jkollhom iħallsu multi meta huma jaqbżu l-limitu ta’ emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu stabbilit mill-awtoritajiet nazzjonali, billi jixtru dawn id-drittijiet ta’ emissjonijiet mingħand impriżi oħra li jaqgħu taħt il-miżura tal-Istat ikkonċernata, peress li n-negozjabbiltà tad-drittijiet ta’ emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu tiddependi qabelxejn mill-fatt li l-Istat, minn naħa, jawtorizza l-bejgħ ta’ dawn id-drittijiet u, min-naħa l-oħra, jippermetti lill-impriżi li pproduċew ammont żejjed ta’ ossidi tan-nitroġenu, jiksbu mingħand impriżi oħra d-drittijiet ta’ emissjonijiet li jonqoshom, biex b’hekk ippermetta l-ħolqien ta’ suq għal dawn id-drittijiet.

In-negozjabbiltà ta’ dawn id-drittijiet ma tistax titqies li tikkostitwixxi l-korrispettiv, bi prezz tas-suq, għall-isforzi magħmula mill-impriżi li jaqgħu taħt il-miżura inkwistjoni sabiex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta’ ossidi tan-nitroġenu, peress li l-ispejjeż ta’ tnaqqis tal-imsemmija emissjonijiet jidħlu taħt l-ispejjeż li normalment jiġu inklużi fil-baġit tal-impriża.

Barra minn hekk, il-fakultà għal dawn l-impriżi li jagħżlu bejn l-ispejjeż għall-akkwist ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet u l-ispejjeż marbuta mal-miżuri intiżi li jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu, tikkostitwixxi vantaġġ għal dawn l-impriżi. Barra minn hekk, il-fakultà mogħtija lill-impriżi msemmija fil-miżura inkwistjoni, li fl-aħħar tas-sena jinnegozjaw id-drittijiet ta’ emissjonijiet kollha u mhux biss dawk li jkunu disponibbli għalihom permezz tad-differenza pożittiva bejn l-emissjonijiet awtorizzati u l-emissjonijiet prodotti, tikkostitwixxi vantaġġ supplimentari għal dawn l-impriżi. Fil-fatt, dawn tal-aħħar jistgħu jkollhom likwidità billi jbigħu d-drittijiet ta’ emissjonijiet qabel ma jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex dawn jiġu assenjati b’mod definittiv, irrispettivament mill-fatt li limitu massimu huwa applikat għalihom u l-impriżi li jeċċedu l-istandard ta’ emissjonijiet għandhom jikkumpensaw dan l-eċċess is-sena ta’ wara. Barra minn hekk, il-fakultà mogħtija lill-impriżi msemmija fil-miżura inkwistjoni, li fl-aħħar tas-sena jinnegozjaw id-drittijiet ta’ emissjonijiet kollha u mhux biss dawk li jkunu disponibbli għalihom permezz tad-differenza pożittiva bejn l-emissjonijiet awtorizzati u l-emissjonijiet prodotti, tikkostitwixxi vantaġġ supplimentari għal dawn l-impriżi. Fil-fatt, dawn tal-aħħar jistgħu jkollhom il-likwidità billi jbigħu d-drittijiet ta’ emissjonijiet qabel ma jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex dawn jiġu assenjati b’mod definittiv, irrispettivament mill-fatt li limitu massimu huwa applikat għalihom u l-impriżi li jeċċedu l-istandard ta’ emissjonijiet għandhom jikkumpensaw dan l-eċċess is-sena ta’ wara. Fil-fatt, dawn tal-aħħar jistgħu jkollhom il-likwidità billi jbigħu d-drittijiet ta’ emissjonijiet qabel ma jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex dawn jiġu assenjati b’mod definittiv, irrispettivament mill-fatt li limitu massimu huwa applikat għalihom u l-impriżi li jeċċedu l-istandard ta’ emissjonijiet stabbilit għandhom jikkumpensaw dan l-eċċess is-sena ta’ wara.

(ara l-punti 87-91)

5.        Sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, dawn għandhom, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu imputabbli lill-Istat.

Dan huwa l-każ ta’ miżura tal-Istat li tqiegħed b’xejn għad-dispożizzjoni ta’ ċerti impriżi drittijiet ta’ emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu minflok ma tbigħhom jew tirkantahom, u li tistabbilixxi skema li tipprovdi għall-possibbiltà li dawn id-drittijiet jiġu nnegozjati fis-suq, anki jekk huma marbuta b’limitu massimu, filwaqt li tagħti lill-impriżi li jaqgħu taħt il-miżura inkwistjoni l-possibbiltà li jixtru drittijiet ta’ emissjonijiet sabiex jevitaw il-ħlas ta’ multi. In-negozjabbiltà ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu tirrappreżenta vantaġġ ikkonsentit mil-leġiżlatur nazzjonali lil ċerti impriżi, li jista’ jimplika piż supplimentari għall-awtoritajiet pubbliċi taħt il-forma b’mod partikolari ta’ eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħlas ta’ multi jew ta’ sanzjonijiet pekunjarji oħra. Barra minn hekk, peress li din is-sistema għandha bħala konsegwenza l-ħolqien, mingħajr korrispettiv konkret mogħti lill-Istat, ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet li, minħabba n-natura negozjabbli tagħhom, għandhom valur ekonomiku, l-Istat, billi jagħti lil dawn id-drittijiet ta’ emissjonijiet natura ta’ beni immaterjali negozjabbli u billi jqegħedhom b’xejn għad-dispożizzjoni tal-impriżi kkonċernati minflok ma jbigħhom jew jirkantahom, jirrinunċja għal riżorsi pubbliċi.

Barra minn hekk, il-fatt li tali miżura tippermetti lill-impriżi jikkumpensaw bejniethom l-eċċessi u n-nuqqasijiet meta mqabbla mal-istandard impost u li din il-miżura toħloq qafas legali sabiex jiġu limitati l-emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu b’mod li l-impriżi b’installazzjonijiet kbar jagħmlu qligħ juri li l-impriżi li jaqgħu taħt il-miżura inkwistjoni għandhom alternattiva meta mqabbla mal-impożizzjoni ta’ multa mill-Istat.

(ara l-punti 103, 106-108)

6.        Meta applikat għall-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat, l-obbligu ta’ motivazzjoni jeżiġi li jiġu indikati r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tqis li l-miżura inkwistjoni tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija obbligata, mhux li turi l-eżistenza ta’ impatt reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva fuq il-kompetizzjoni, iżda biss li teżamina jekk din l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ u twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni. B’hekk, meta miċ-ċirkustanzi li fihom ingħatat għajnuna jirriżulta li din hija ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li twassal għal distorsjoni jew thedded li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għandha ssemmi dawn iċ-ċirkustanzi fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha.

(ara l-punt 131)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

8 ta’ Settembru 2011 (*)

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 87(1) KE – Skema għall-iskambju ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu – Klassifikazzjoni tal-miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni – Kunċett ta’ ‘selettività’ – Vantaġġ iffinanzjat bir-riżorsi tal-Istat – Protezzjoni tal-ambjent – Obbligu ta’ motivazzjoni – Ammissibbiltà”

Fil-Kawża C‑279/08 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fit-23 ta’ Ġunju 2008,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Urraca Caviedes, K. Gross u H. van Vliet, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C.M. Wissels u D.J.M. de Grave, bħala aġenti,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

sostnut minn:

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues, A.-L. Vendrolini, J. Gstalter u B. Cabouat, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tas-Slovenja, irrappreżentata minn V. Klemenc, bħala aġent,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn E. Jenkinson, S. Behzadi-Spencer, S. Ossowski, u H. Walker, bħala aġenti, assistiti minn K. Bacon, barrister,

intervenjenti fl-appell,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn M. Lumma, B. Klein u T. Henze, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, G. Arestis (Relatur) u J. Malenovský, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Ottubru 2010,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Diċembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”), tal-10 ta’ April 2008, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (T‑233/04, Ġabra p. II­00591, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2003) 1761 finali, tal-24 ta’ Ġunju 2003 dwar l-għajnuna mill-Istat N 35/2003 li tirrigwarda l-iskema għall-iskambju ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet ta’ ossidi tan-nitroġenu nnotifikata mir-Renju tal-Pajjiżi l‑Baxxi (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

2        Permezz tal-appell inċidentali tiegħu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata sa fejn l-ewwel motiv imqajjem minn dan l-Istat, dwar in-nuqqas ta’ vantaġġ iffinanzjat bir-riżorsi tal-Istat, huwa miċħud.

3        Permezz tal-appell inċidentali tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata.

 Il-kuntest ġuridiku

4        Id-Direttiva 2001/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2001, tistabbilixxi l-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 320). L-Istati Membri kellhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ikunu konformi ma’ din id-direttiva qabel is-27 ta’ Novembru 2002 u kellhom mill-ewwel jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan.

5        Skont l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom, sa mhux iktar tard mis-sena 2010, jillimitaw l-emissjonijiet nazzjonali tagħhom tal-ossidi tan-nitroġenu (iktar ’il quddiem “NOx”), f’ammonti li ma jeċċedux il-limitu massimu annwali ta’ emissjonijiet stabbilit fl-Anness I tal-imsemmija direttiva. Dan il-livell massimu għar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa ta’ 260 kilotunnellati.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6        Il-punti 8 sa 20 tas-sentenza appellata riprodotti iktar ’il quddiem, jiddeskrivu l-kuntest fattwali li wassal għal-kawża:

“8      Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Jannar 2003, l-awtoritajiet Olandiżi, skond l-Artikolu 88(3) KE, innotifikaw skema ta’ kummerċ ta’ kwoti ta’ emissjonijiet għan-NOx [skema għall-iskambju ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet ta’ NOx] (iktar’il quddiem il-“miżura in kwistjoni”) lill-Kummissjoni. Huma talbu lill-Kummissjoni tagħti deċiżjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ għajnuna, skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1).

9      Fl-24 ta’ Ġunju 2003, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni C (2003) 1761 finali, dwar l-għajnuna mill-Istat N 35/2003 rigward il-miżura in kwistjoni (iktar’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

10      Fil-punt 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddeskrivi l-ewwel nett il-miżura in kwistjoni. Fil-kuntest tal-livell massimu nazzjonali Olandiż ta’ emissjonijiet ta’ NOx iddefinit mid-Direttiva 2001/81, l-awtoritajiet Olandiżi ffissaw objettiv ta’ 55 kilotunnellati ta’ emissjonijiet ta’ NOx fl-2010 għall-installazzjonijiet industrijali kbar tagħhom, jiġifieri għal madwar 250 impriża.

11      Fir-rigward ta’ kif għandha taħdem din l-iskema, il-Kummissjoni tesponi, fil-punt 1.2 tad-[deċiżjoni kkontestata], li liġi nazzjonali tiffissa, għal kull installazzjoni industrijali, standard relattiv ta’ emissjonijiet ta’ NOx li għandha tiġi rispettata. L-impriża tista’ tirrispetta l-istandard ta’ emissjonijiet hekk ipprovdut jew billi tadotta miżuri għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet ta’ NOx ta’ l-installazzjoni tagħha, jew billi tixtri kwoti ta’ emissjonijiet mingħand impriżi oħra, jew inkella billi tgħaqqad iż-żewġ possibbiltajiet. It-tnaqqis fl-emissjonijiet, fil-forma ta’ krediti ta’ NOx jiġu offruti fis-suq tal-kwoti ta’ emissjonijiet mill-installazzjonijiet li l-emissjonijiet tagħhom huma inferjuri għall-istandard ta’ emissjoni.

12      L-emissjonijiet totali annwali ta’ NOx ta’ installazzjoni, korretta mill-krediti eventwali ta’ NOx mibjugħa jew mixtrija, għandhom jikkorrispondu mal-livell ta’ emissjonijiet awtorizzat għall-imsemmija installazzjoni. L-emissjonijiet annwali awtorizzati – f’termini assoluti – huma kkalkolati skond l-istandard ta’ emissjonijiet relattivi u skond il-kwantità ta’ enerġija użata mill-imsemmija installazzjoni.

13      Fi tmiem kull sena, l-awtoritajiet Olandiżi jivverifikaw jekk l-installazzjonijiet irrispettawx l-istandards ta’ emissjonijiet preskritti. Kull sena, krediti ta’ NOx jistgħu jinxtraw, jiġu mġemmgħin jew mislufin għal perijodi futuri. Jekk installazzjoni taqbeż l-istandard ta’ emissjonijiet preskritt, hija għandha tikkumpensa l-eċċess is-sena ta’ wara. Barra minn hekk, dan l-eċċess li għandu jiġi kkumpensat jiżdied b’25 % sabiex l-installazzjoni tiġi skoraġġita milli twettaq kull qbiż ta’ dan il-limitu. Jekk installazzjoni ma tasalx tirrispetta l-istandard ta’ emissjonijiet stabbilit fil-konfronti tagħha, l-awtoritajiet Olandiżi jagħtuha multa effettiva, proporzjonata u dissważiva.

14      Fl-aħħar nett, fil-kuntest tal-miżura in kwistjoni, l-impriżi m’għandhomx jakkwistaw kwoti ta’ emissjonijiet sabiex ikunu jistgħu jipproduċu. Huma għandhom sempliċement jirrispettaw l-istandards ta’ emissjoni.

15      Fil-punt 1.3 tad-[deċiżjoni kkontestata], il-Kummissjoni tiddeskrivi l-metodu użat għall-kalkolu ta’ l-istandard ta’ emissjoni, imbagħad, fil-punt 1.4 tagħha, id-differenzi li jeżistu bejn l-iskema “cap-and-trade” u l-iskema “dynamic cap”, mit-tip tal-miżura in kwistjoni. Hija ssostni li, skond l-awtoritajiet Olandiżi, il-miżura in kwistjoni hija differenti mill-varjanti l-oħra ta’ l-iskemi ta’ kwoti negozjabbli, jiġifieri l-iskema “cap-and-trade”, fejn il-kwoti ta’ l-emissjonijiet jiġu allokati lill-impriżi. L-impriżi l-ġodda jew dawk li jixtiequ jkabbru l-attività tagħhom għandhom l-ewwel nett jakkwistaw il-kwantità neċessarja ta’ kwoti. Fil-kuntest tal-miżura in kwistjoni, dawn l-impriżi m’għandhomx dan l-obbligu, iżda għandhom sempliċement jirrispettaw l-istandard ta’ emissjonijiet li jikkonċerna lilhom, liema standard jiddependi fuq il-konsum tagħhom ta’ enerġija u li jiġi aġġustat skond dan il-konsum.

16      Fil-punti 1.5 u 1.6 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tippreċiża wara dan, li l-miżura in kwistjoni għandha tapplika għall-impriżi industrijali kollha li għandhom installazzjoni b’saħħa superjuri għal 20 megawatt termiċi (MWth), b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja. L-awtoritajiet Olandiżi għandhom jibqgħu japplikaw il-valuri limitati ta’ emissjonijiet iffissati mill-varji direttivi Komunitarji fis-seħħ.

17      Fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tagħha tal-miżura in kwistjoni (punt 3 tad-[deċiżjoni kkontestata]), l-ewwel nett, il-Kummissjoni tfakkar il-ġurisprudenza tagħha dwar l-ikemi ta’ kummerċ ta’ kwoti ta’ emissjonijiet u tagħmel distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ iskemi, kif ġej:

‘1)      Is-sistemi [skemi] fejn il-permessi ta’ emissjonijiet jew ta’ tniġġiż negozzjabbli jiġu kkunsidrati bħala assi intanġibbli li jirrappreżentaw valur kummerċjali li l-Istat seta xorta waħda biegħ jew ħareġ b’offerti, u dan jagħti lok għal nuqqas ta’ qligħ (jew telf tar-riżorsi ta’ l-Istat), b’tali mod li jkun hemm għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat [KE];

2)      is-sistemi fejn il-permessi ta’ emissjonijiet jew ta’ tniġġiż negozzjabbli għandhom jiġu kkunsidrati bħala prova uffiċjali li ċerta produzzjoni ma tistax tinbiegħ jew tinħareġ b’offerta lill-benefiċjaru tal-permess, b’tali mod li ma jkunx hemm nuqqas ta’ qligħ – u għaldaqstant l-ebda riżorsa ta’ l-Istat in kwistjoni – u dan jimplika, min-naħa tiegħu, nuqqas ta’ l-għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat [KE].’

18      Sussegwentement, il-Kummissjoni tesponi r-raġunijiet li wassluha tikkonkludi li kien hemm għajnuna mill-Istat fil-każ tal-miżura in kwistjoni, jiġifieri, essenzjalment, l-għoti, mingħajr ħlas, min-naħa ta’ l-Istat ta’ krediti ta’ NOx lil grupp speċifiku ta’ impriżi li jikkumerċjaw bejn Stati Membri. Skond id-[deċiżjoni kkontestata], l-awtoritajiet Olandiżi kellhom il-possibbiltà li jbiegħu jew li joħorġu b’offerta l-kwoti ta’ emissjonijiet. Għaldaqstant, billi joffri mingħajr ħlas krediti ta’ NOx bħala assi intanġibbli, l-Istat Membru jkun qiegħed jonqos milli jagħmel qligħ. Il-Kummissjoni tiddeduċi minn dan li din l-iskema tinvolvi riżorsi mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE. It-tisħiħ tal-pożizzjoni ta’ l-impriżi kkonċernati taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri.

19      Fl-aħħar nett, fil-punt 3.3 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni teżamina l-kompatibbiltà tal-miżura in kwistjoni mas-suq komuni.

20      Bħala konklużjoni, fil-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata li l-miżura in kwistjoni tinvolvi għajnuna mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE, filwaqt li żżid li din l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni skond l-Artikolu 87(3) KE u l-Artikolu 61(3)(ċ) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Il-Kummissjoni tistieden lill-awtoritajiet Olandiżi sabiex ta’ kull sena jibagħtulha rapport rigward l-implementazzjoni tal-miżura in kwistjoni u sabiex jinnotifikawha minn qabel dwar kull tibdil fil-kundizzjonijiet li taħthom tingħata l-għajnuna”.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

7        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Settembru 2003, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ppreżenta rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata (Kawża C-388/03).

8        Permezz ta’ digriet tas-17 ta’ Frar 2004, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja awtorizza lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

9        Permezz ta’ digriet tat-8 ta’ Ġunju 2004, il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/407/KE, tas-26 ta’ April 2004, li temenda l-Artikoli 51 u 54 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 5, p. 85).

10      Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Diċembru 2004, il-Qorti Ġenerali stiednet lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-konklużjonijiet li kellhom jinsiltu mid-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 2004, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni (C‑164/02, Ġabra p. I‑1177), fir-rigward tal-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors. Huma ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, rispettivament, fl-14 u fit-12 ta’ Jannar 2005.

11      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, sostnut mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-Kummissjoni tqis li l-miżura inkwistjoni tinvolvi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE; u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

12      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tiddikjara r-rikors inammissibbli, jew sussidjarjament, tiċħad ir-rikors; u

–        tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ispejjeż.

13      Il-Kummissjoni kienet sostniet li r-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata kien inammissibbli. Din id-deċiżjoni, li tikklassifika l-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq komuni, ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikors, għaliex ma taffettwax l-interessi tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

14      Il-Qorti Ġenerali ddikjarat ir-rikors bħala ammissibbli billi kkonkludiet, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, li l-imsemmija deċiżjoni kienet tipproduċi, b’mod ċert, effetti legali vinkolanti. Fl-ewwel lok, hija kkonkludiet li l-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat ippermettiet lill-Kummissjoni li tipproċedi bl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq komuni. Fit-tieni lok, din il-klassifikazzjoni kienet wasslet għall-applikazzjoni tal-proċedura prevista għall-iskemi ta’ għajnuna eżistenti bir-Regolament Nru 659/1999, u b’mod partikolari dik prevista fl-Artikoli 17 sa 19 u fl-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament, li timponi fuq l-Istat Membru l-obbligu li jikkomunika rapport annwali fuq l-iskemi kollha ta’ għajnuna eżistenti. Fit-tielet lok, din il-klassifikazzjoni setgħet kellha wkoll effett fuq l-għoti ta’ għajnuna ġdida abbażi tar-regoli dwar il-kumulu ta’ għajnuna ta’ oriġini differenti, previsti b’mod partikolari bil-punt 74 tal-linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna tal-Istat għall-protezzjoni tal-ambjent (ĠU 2001, C37, p. 3).

15      Insostenn tat-talbiet tiegħu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi invoka żewġ motivi, ibbażati, wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 87 KE u, l-ieħor, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

16      Fir-rigward tal-ewwel motiv, li jinqasam f’żewġ partijiet, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, sostnut mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, isostni li l-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix vantaġġ iffinanzjat bir-riżorsi tal-Istat u li l-kundizzjoni ta’ selettività stabbilita fl-Artikolu 87 KE ma hijiex sodisfatta fir-rigward tal-impriżi benefiċjarji ta’ din il-miżura.

17      Fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ vantaġġ iffinanzjat bir-riżorsi tal-Istat, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-miżura inkwistjoni ma hijiex ibbażata fuq drittijiet ta’ emissjonijiet attribwiti direttament mill-Istat. Madankollu, il-fatt li dawn id-drittijiet jiġu nnegozjati jagħtihom valur fuq is-suq li jista’ jinbiegħ mill-impriżi f’kull ħin. Barra minn hekk, meta jixtru d-drittijiet ta’ emissjonijiet, l-impriżi jevitaw multa. Id-drittijiet ta’ emissjonijiet, ikkunsidrati bħala attivi intanġibbli, kienu ngħataw b’xejn lill-impriżi kkonċernati, minkejja li setgħu jinbiegħu jew jiġu rkantati. Għalhekk, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi rrinunzja milli jiġbor riżorsi tal-Istat. Għaldaqstant, il-miżura inkwistjoni tikkonstitwixxi vantaġġ mogħti lill-impriżi kkonċernati permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

18      Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ selettività, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, meħuda kollha kemm hi, il-miżura inkwistjoni ma tiffavorixxix ċerti impriżi jew ċerti produtturi, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

19      L-ewwel nett, il-kriterju ta’ applikazzjoni tal-miżura, li huwa l-kapaċità termika totali tal-installazzjonijiet industrijali, jikkostitwixxi kriterju oġġettiv. Skont il-Qorti Ġenerali, peress li l-miżura inkwistjoni tirrigwarda l-impriżi li l-iktar iniġġsu, dan il-kriterju oġġettiv huwa skont l-għan imfittex, jiġifieri l-protezzjoni tal-ambjent, u l-loġika interna tal-iskema.

20      It-tieni nett, huwa paċifiku li s-sitwazzjoni fattwali u ġuridika tal-impriżi suġġetti għal dan il-limitu massimu ta’ emissjonijiet ta’ NOx ma tistax titqies li hija paragunabbli ma’ dik tal-impriżi li għalihom dan il-limitu massimu ma japplikax. L-installazzjonijiet industrijali kbar li jaqgħu taħt din l-iskema speċifika ġew imposti, taħt piena ta’ multa, b’standard ta’ emissjonijiet jew rata standard ta’ eżekuzzjoni stretta li progressivament ser titnaqqas sal-2010. Il-Kummissjoni ma wrietx l-eżistenza ta’ skema ġenerali li tapplika għall-impriżi li jkunu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli ma’ dik tal-installazzjonijiet suġġetti għall-miżura inkwistjoni, iżda li ma toffrix il-vantaġġ li tirrappreżenta n-negozzjabbiltà tad-drittijiet ta’ emissjonijiet ta’ NOx. Għalhekk, il-miżura inkwistjoni ma tidderoga minn l-ebda skema ġenerali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-miżura inkwistjoni ma tiffavorixxix ċerti impriżi jew ċerti produtturi, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Għaldaqstant, peress li l-kriterju ta’ selettività ma huwiex sodisfatt, l-imsemmija miżura ma tistax tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat.

21      Il-Qorti Ġenerali ma kellhiex għalfejn tiddeċiedi fuq it-tieni motiv sa fejn hija annullat d-deċiżjoni kkontestata wara l-eżami tal-ewwel motiv.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Diċembru 2008, ir-Repubblika tas-Slovenja kif ukoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

23      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Mejju 2009, ir-Repubblika Franċiża ġiet ammessa li tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, matul il-proċedura orali, fil-każ li jkun hemm lokha.

 It-talbiet tal-partijiet

24      Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiddikjara l-aggravji għal annullament bħala inammissibbli,

–        sussidjarjament, tiċħad l-aggravju bħala inammissibbli; u

–        tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.

25      Fir-risposta tiegħu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell,

–        b’appell inċidentali, tannulla s-sentenza appellata, sa fejn l-ewwel motiv imqajjem minn dan l-Istat, dwar in-nuqqas ta’ vantaġġ iffinanzjat bir-riżorsi tal-Istat, huwa injorat, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura tal-ewwel istanza u ta’ dan l-appell.

26      Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        prinċipalment:

–        tiċħad l-appell;

–        b’appell inċidentali, tannulla s-sentenza appellata, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

–        sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-appell inċidentali huwa inammissibbli

–        tiċħad l-appell;

–        fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell tal-Kummissjoni, tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

27      Fin-nota ta’ intervent tagħha, ir-Repubblika tas-Slovenja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

28      Fin-nota ta’ intervent tiegħu, ir-Renju Unit jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura tal-ewwel istanza u ta’ dan l-appell.

 Fuq l-appell

29      Il-Kummissjoni qajmet żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħha. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 230 KE li jirrigwarda l-locus standi ta’ Stat Membru li l-miżura ta’ għajnuna tiegħu hija approvata. Bit-tieni aggravju, li ġie invokat sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni ksur tal-Artikolu 87(1) KE fir-rigward tal-kunċetti ta’ “ċerti impriżi” u ta’ “ċerti produtturi” msemmija f’din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ewwel aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

30      L-ewwel aggravju jinqasam f’żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, il-Kummissjoni ssostni li l-kliem preċiż tad-dispożittiv tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ntalbet li tiġi annullata ma huwiex determinanti. Barra minn hekk, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tippreżenta b’mod żbaljat id-dispożittiv tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata fil-kawża li wasslet għad-digriet Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Għaldaqstant, il-punt 47 tas-sentenza appellata tinkludi żnaturament tal-fatti u għalhekk hija bbażata fuq kriterju ta’ ammissibbiltà żbaljat. Fi kwalunkwe każ, id-distinzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, bejn id-deċiżjoni inkwistjoni fid-digriet Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, u d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex rilevanti.

31      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-konklużjoni li tipprovdi li l-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat wasslet għal ċerti konsegwenzi ġuridiċi hija inkorretta. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat huwa kunċett oġġettiv. Il-miżura inkwistjoni tal-Istat jew taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE jew ma taqax. Ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li l-konsegwenzi tad-deċiżjoni kkontestata għall-Istat Membru kkonċernat, spjegati fil-punt 41 tas-sentenza appellata (komunikazzjoni tar-rapporti, nuqqas ta’ kumul ta’ għajnuna) jirriżultaw mill-pożizzjoni meħuda mill-Kummissjoni, għaliex dawn jiddependu biss mill-kwistjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni taqax taħt l-Artikolu 87(1) KE. Fir-rigward tar-restrizzjoni ta’ kumul ta’ għajnuna, imqajma mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni tosserva li din tapplika fil-każ li l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi għajnuna, mingħajr ma jiġi kkunsidrat il-fatt jekk il-Kummissjoni indikatx jew le fid-deċiżjoni kkontestata li dan kien il-każ.

32      Bi tweġiba għall-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li d-deċiżjoni kkontestata hija sostanzjalment differenti minn dik li wasslet għad-digriet Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. F’din il-kawża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma talabx l-istħarriġ tal-legalità tal-miżura inkwistjoni fid-dawl tal-Artikoli 87 KE u 88 KE. Bil-kontra, dan l-Istat Membru espressament talab lill-Kummissjoni sabiex ma tikklassifikax l-imsemmija miżura bħala għajnuna mill-Istat. Dan l-aggravju jirrigwarda espliċitament id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, bil-kontra ta’ dak li wassal għad-digriet Il-Pajjiżi l‑Baxxi vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq.

33      Fir-rigward tal-argument dwar it-tieni parti tal-ewwel aggravju, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jenfasizza li hija biss il-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat li tippermetti lill-Kummissjoni li teżamina l-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq komuni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha kompetenza esklussiva. L-imsemmija klassifikazzjoni tobbliga lil Stat Membru sabiex josserva l-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 659/1999. Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat għandha wkoll konsegwenzi fir-rigward tal-proċedura quddiem il-qrati nazzjonali f’dak li jikkonċerna l-miżuri nazzjonali paragunabbli.

34      Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Renju Unit isostnu wkoll li d-deċiżjoni kkontestata hija att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 230 KE.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

35      Fil-kuntest tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tikkontesta, fl-ewwel lok, il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punt 47 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li l-kawża preżenti hija differenti minn dik li wasslet għad-digriet Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. F’din l-aħħar kawża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-fatt kien talab fir-rikors tiegħu l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni “sa fejn il-Kummissjoni kkonklud[iet] li l-kontribuzzjonijiet allokati lill-awtoritajiet tal-portijiet […] [kienu] jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE”, filwaqt li din il-konklużjoni ma kinitx tinsab fid-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni.

36      F’dan ir-rigward, mill-punt 20 tal-imsemmi digriet jirriżulta li, fin-notifika tiegħu tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, l-Istat Membru kien talab lill-Kummissjoni tevalwa l-legalità tal-miżura fid-dawl tal-Artikoli 87 KE u 88 KE, b’mod li l-imsemmija deċiżjoni, adottata skont l-Artikolu 87(1) KE, minn naħa, u skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE, min-naħa l-oħra, ma tistax tbiddel b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni ġuridika tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet ukoll, fil-punti 21 sa 24 tal-istess digriet, li d-dispożittiv tad-deċiżjoni inkwistjoni la jikkostitwixxi teħid ta’ pożizzjoni fuq in-natura imprenditorjali tal-awtoritajiet tal-portijiet u lanqas fuq in-natura ekonomika tal-attivitajiet kollha ta’ dawn tal-aħħar, li din id-deċiżjoni bl-ebda mod ma tippreġudika l-klassifikazzjoni, fir-rigward tal-Artikolu 87(1) KE, ta’ kontribuzzjonijiet oħra eventwali mogħtija lill-awtoritajiet tal-portijiet u li l-parti kkontestata tal-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni ma kinitx ipproduċiet effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

37      F’din il-kawża, min-naħa l-oħra, mill-punt 8 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-awtoritajiet Olandiżi, skont l-Artikolu 88(3) KE, innotifikaw lill-Kummissjoni l-miżura inkwistjoni billi talbu lil din l-istituzzjoni sabiex tieħu deċiżjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ għajnuna, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 659/1999. Fir-rikors tiegħu quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkontesta espliċitament, minn naħa, iċ-ċaħda tat-talba tiegħu li l-miżura inkwistjoni ma tiġix ikklassifikata bħala għajnuna mill-Istat u, min-naħa l-oħra, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li tiċħad din it-talba. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll mis-sentenza appellata, jirriżulta li l-Kummissjoni kklassifikat il-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat qabel ma ddikjaratha bħala kompatibbli mas-suq komuni.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma wettqietx żball ta’ liġi meta ħolqot distinzjoni bejn din il-kawża, li tikkonċerna t-talba espliċita tal-Istat Membru kkonċernat intiża sabiex il-Kummissjoni tikkonstata li l-miżura ġiet adottata skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 659/1999, u dik li kienet is-suġġett tal-kawża li wasslet għad-digriet Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

39      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkontesta l-punt 41 tas-sentenza appellata fis-sens li l-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat wasslet għal konsegwenzi ġuridiċi fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat. Hija ssostni li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat huwa kunċett oġġettiv u li l-konsegwenzi deskritti mill-Qorti Ġenerali ma jaqgħux taħt din il-klassifikazzjoni, iżda mill-kwistjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni taqax taħt l-Artikolu 87(1) KE.

40      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li fil-każ li, jekk il-Kummissjoni tikkonstata, wara l-eżami preliminari, li l-miżura nnotifikata, jekk kemm-il darba din taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, ma tqajjimx dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, hi tieħu deċiżjoni li ma tqajjimx oġġezzjonijiet taħt l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999 (sentenza tal-24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C-83/09 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 44). Il-Qorti Ġenerali ġustament irrilevat, fil-punt 41 tas-sentenza appellata li deċiżjoni bħal din twassal, b’mod partikolari, għall-applikazzjoni tal-proċedura prevista għall-iskemi ta’ għajnuna eżistenti mir-Regolament Nru 659/1999, u, b’mod partikolari, tal-proċedura prevista fl-Artikoli 17 sa 19 u fl-Artikolu 21 tiegħu, li timponi fuq l-Istat Membru l-obbligu li jikkomunika rapport annwali fuq l-iskemi kollha ta’ għajnuna eżistenti.

41      Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 24 u 27 tal-konklużjonijiet tiegħu, klassifikazzjoni żbaljata ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat għandha għalhekk konsegwenzi ġuridiċi għall-Istat Membru li jinnotifika inkwantu din il-miżura hija suġġetta għal sorveljanza kostanti mill-Kummissjoni u għal kontroll perijodiku min-naħa tagħha, b’mod li dan l-Istat Membru għandu marġni ta’ manuvra ristretta fl-implementazzjoni tal-miżura nnotifikata.

42      Minn dan neċessarjament jirriżulta li deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 87(1) u (3) KE li, filwaqt li tikklassifika l-miżura bħala għajnuna mill-Istat, tiddikjaraha kompatibbli mas-suq komuni, għandha titqies bħala att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 230 KE. Tali deċiżjoni ta’ kompatibbiltà fis-sens tal-Artikolu 87(1) u (3) KE għandha wkoll natura definittiva u ma tikkostitwixxix miżura preparatorja.

43      Fid-dawl ta’dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li l-ewwel aggravju tal-appell tal-Kummissjoni jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni aggravju

44      Il-Kummissjoni essenzjalment issostni li l-Qorti Ġenerali vvizjat b’żball ta’ liġi l-analiżi tagħha dwar is-selettività tad-deċiżjoni kkontestata. Permezz tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni tikkontesta, minn naħa, il-motivazzjoni tas-sentenza appellata li wasslet sabiex jiġi kkunsidrat li l-miżura inkwistjoni ma tiffavorixxix ċerti impriżi jew ċerti produtturi, fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, u min-naħa l-oħra, il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali, li tipprovdi li, anki li kieku l-miżura inkwistjoni kienet tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi, din ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat għaliex din kienet favur l-ambjent u l-ġustifikazzjoni tagħha tinsab fin-natura jew fl-istruttura ġenerali tal-iskema li din tidħol fiha.

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

45      Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li l-kriterju ta’ applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni jkun, skont il-Qorti Ġenerali, kriterju oġġettiv u mhux kriterju ġeografiku jew settorjali huwa irrilevanti. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza, fil-kuntest tal-ewwel argument, li l-fatt li l-installazzjonijiet il-kbar kollha huma suġġetta għal limitu massimu ta’ emissjonijiet huwa ineffettiv, peress li dan il-limitu massimu huwa biss ta’ natura li jistabbilixxi li l-għajnuna kkontestata taqa’ taħt skema ta’ għajnuna, u mhux għajnuna individwali. Skont il-Kummissjoni, il-miżura inkwistjoni, li tikkonċerna grupp ristrett ta’ impriżi, jiġifieri madwar 250, tikkostitwixxi miżura selettiva.

46      Fil-kuntest tat-tieni argument, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali applikat kriterju żbaljat sabiex tikkonstata s-selettività tal-miżura inkwistjoni u inġustament imponiet fuq il-Kummissjoni oneru tal-prova inkorrett u impossibbli. Għalhekk, hija kellha teżebixxi elementi li jistabbilixxu li kull impriża Olandiża oħra kienet suġġetta għall-istess obbligi bħal dawk li kienu suġġetti għalihom il-250 impriża kkonċernata. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tesponi li, minkejja li l-ebda impriża Olandiża oħra ma kienet marbuta b’limiti fil-qasam tal-emissjonijiet ta’ NOx, il-miżura inkwistjoni xorta tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi missu impona fuq dawn il-250 impriża miżura “tradizzjonali” tat-tip vinkolanti, mingħajr ma jagħtihom il-fakultà ta’ skambju tad-drittijiet tal-emissjonijiet ta’ NOx. Min-naħa l-oħra, in-numru ta’ impriżi li lilhom dan l-Istat Membru ta dan il-vantaġġ huwa limitat ; fil-fatt, f’din il-kawża kienu biss ikkonċernati 250 impriża li għandhom installazzjoni b’saħħa superjuri għal 20 MWth. Għaldaqstant, il-miżura hija selettiva.

47      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jwieġeb li r-raġuni għalfejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-miżura inkwistjoni hija oġġettiva, mingħajr portata ġeografika jew settorjali, ma tistax titqiegħed inkwistjoni fl-istadju tal-appell sabiex tiġi annullata l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali tan-natura mhux selettiva tal-miżura inkwistjoni. Għalhekk, l-argument tal-Kummissjoni huwa inammissbbli. Il-Qorti Ġenerali ssemmi dan il-punt biss bħala konstatazzjoni ta’ fatt u mhux bħala bażi essenzjali tal-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar is-selettività tal-imsemmija miżura. Fir-rigward tal-paragun bejn l-impriżi Olandiżi li ma jaqgħux taħt l-iskema inkwistjoni u l-250 impriża li jistgħu jinnegozjaw id-drittijiet ta’ emissjonijiet tal- NOx, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jesponi, fl-ewwel lok, li dawn l-aħħar impriżi, li għandhom installazzjonijiet industrijali kbar, huma suġġetta għal obbligi supplimentari. Dawn l-obbligi supplimentari għandhom bħala effett li jistabbilixxu differenza sostanzjali, fil-qasam tal-emissjonijiet ta’ NOx, bejn dawn l-impriżi u l-impriżi l-oħra.

48      Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, huwa ċar li, għall-Qorti Ġenerali, il-kriterju ta’ oġġettività huwa kundizzjoni neċessarja, iżda mhux suffiċjenti, sabiex id-domanda dwar is-selettività tingħata risposta negattiva. L-effett tal-miżura huwa l-kriterju deċiżiv ta’ evalwazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li miżura kienet selettiva biss meta hija tkun fattwalment selettiva kif ukoll meta tkun ġiet implementata skont kriterji oġġettivi. Din il-konstatazzjoni tirriżulta wkoll mis-sentenzi ċċitati mill-Kummissjoni. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, f’din il-kawża, li l‑250 impriża li tipparteċipa fl-iskema ta’ skambju ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli fid-dritt u fil-fatt ma’ dik tal-impriżi oħra. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li hija l-Kummissjoni li għandha turi bi provi li l-impriżi l-oħra, f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-impriżi kkonċernati mill-miżura inkwistjoni, huma suġġetta għall-istess regoli għall-emissjonijiet ta’ NOx, iżda huma esklużi mill-iskema ta’ skambju ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet. Hija biss il-kwistjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni tikkostitwixxix eċċezzjoni meta mqabbla ma’ regola iktar ġenerali li hija deċiżiva.

49      Skont ir-Repubblika tas-Slovenja, il-kriterju li għandu jiġi kkunsidrat sabiex tiġi evalwata s-selettività ta’ miżura huwa li jiġi ddeterminat jekk din tapplikax għall-impriżi kollha li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli. Dan l-Istat Membru jqis li l-iskema inkwistjoni għandha bħala għan il-protezzjoni tal-ambjent u tikkunsidra l-karatteristiċi konkreti ta’ dawk li jniġġsu ħafna sabiex dan l-għan jintlaħaq. L-impriżi li jniġġsu għandhom jaffaċċjaw penali finanzjarji iktar sinjifikattivi mill-oħrajn u s-sitwazzjoni legali tagħhom għandha tiġi ttrattata b’mod differenti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

50      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-fatt li n-numru ta’ impriżi li jistgħu jippretendu li jibbenefikaw mill-miżura inkwistjoni jkun sinjifikattiv ħafna, jew li dawn l-impriżi jappartjenu għal setturi ta’ attività differenti, ma huwiex biżżejjed sabiex iqiegħed inkwistjoni n-natura selettiva ta’ din il-miżura u, għalhekk, sabiex jeskludi l-klassifikazzjoni tagħha bħala għajnuna mill-Istat (sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑75/97, Ġabra p. I‑3671, punt 32; tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, C‑143/99, Ġabra p. I‑8365, punt 48, kif ukoll tat-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑409/00, Ġabra p. I‑1487, punt 48). Sa fejn il-miżura inkwistjoni hija redatta b’kriterji oġġettivi ta’ applikazzjoni orizzontali, dan il-fatt lanqas ma jqiegħed inkwistjoni n-natura selettiva tagħha, għaliex dan huwa biss ta’ natura li jistabbilixxi li l-għajnuna inkwistjoni taqa’ taħt skema ta’ għajnuna, u mhux għajnuna individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

51      Fil-fatt, l-Artikolu 87(1) KE jiddefinixxi l-interventi mill-Istat skont l-effetti tagħhom, u għalhekk irrispettivament mit-tekniki użati mill-Istati Membri sabiex jimplementaw l-interventi tagħhom (ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il-Kummissjoni, C-487/06 P, Ġabra p. I‑10505 punt 89).

52      Barra minn hekk, fil-punti 84 u 86 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, billi tinvoka l-punti 34 u 41 tas-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, iċċitata iktar ’il fuq, ġustament tikkonferma, li miżura tal-Istat għandha natura ta’ għajnuna biss jekk hija ta’ natura li tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi meta mqabbla ma’ impriżi oħra li huma f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli fir-rigward tal-għan imfittex mill-miżura kkonċernata.

53      Fil-punt 88 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li “[i]l-kriterju għall-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni huwa għaldaqstant oġġettiv, mingħajr ebda kunsiderazzjoni ġeografika jew settorjali. Safejn il-miżura inkwistjoni tirrigwarda l-impriżi li jniġġsu iktar, dan il-kriterju oġġettiv huwa barra minn hekk konformi ma’ l-għan imfittex, jiġifieri l-protezzjoni ta’ l-ambjent u mal-loġika interna ta’ l-iskema.”

54      Madankollu, il-Qorti Ġenerali osservat ukoll, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, li “huma biss l-impriżi li jaqgħu taħt din l-iskema li huma suġġetti, taħt piena ta’ multa, għal standard ta’ emissjonijiet jew rata standard ta’ eżekuzzjoni [Performance Standard Rate (PSR)] stretta li titnaqqas progressivament sa l-2010.” Il-Qorti Ġenerali tkompli l-analiżi tagħha, fil-punti 91 et seq, billi essenzjalment tispjega li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx fid-deċiżjoni kkontestata li l-impriżi li ma humiex dawk ikkonċernati mill-miżura inkwistjoni huma suggetta għal spejjeż ekwivalenti għal dawk li jirriżultaw minnha, b’mod li dawn l-impriżi l-oħra setgħu jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-impriżi kkonċernati mill-miżura inkwistjoni. Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 96 tas-sentenza appellata, li l-miżura inkwistjoni ma tiffavorixxix ċerti impriżi.

55      Għalhekk, minn qari flimkien tal-punti 84 sa 96 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma kkonkludietx, kif issostni l-Kummissjoni, li l-applikazzjoni tal-kriterju oġġettiv tal-kapaċità termika totali għola minn 20 MWth għall-impriżi kkonċernati huwa biżżejjed sabiex jiċħad it-teżi tal-Kummissjoni dwar in-natura selettiva tal-miżura inkwistjoni. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li din il-miżura tapplika għall-impriżi l-kbar mingħajr l-ebda kunsiderazzjoni ġeografika jew settorjali oħra. Dawn il-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali, dwar in-natura oġġettiva tal-miżura, isaħħu r-raġunament li qed issegwi li jgħid li l-miżura inkwistjoni ma hijiex selettiva, peress li miżura li hija applikabbli abbażi ta’ kriterji suġġettivi hija ipotetikament selettiva. Hemm lok li jiġi ppreċiżat li l-Qorti Ġenerali ma tibbażax ruħha biss fuq dawn il-konstatazzjonijiet sabiex tikkonkludi li din il-miżura ma hijiex selettiva.

56      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma kkonstatax, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, li l-miżura inkwistjoni ma kellhiex natura selettiva fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE sempliċiment għaliex il-miżura kienet irregolata b’kriterju oġġettiv.

57      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel argument tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

58      Fil-kuntest tat-tieni argument tal-ewwel parti tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni tqiegħed inkwistjoni l-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 89 sa 96 tas-sentenza appellata u essenzjalment issostni li l-Qorti Ġenerali tapplika kriterju żbaljat li jipprovdi li l-Kummissjoni kellha teżebixxi elementi li jistabbilixxu li l-impriżi l-oħra kollha fl-Istat Membru kkonċernat kienu suġġetti għall-istess obbligi bħal dawk li jirriżultaw mill-miżura inkwistjoni. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali imponiet fuqha oneru ta’ prova eċċessiv u superfluwu sa fejn jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni kkontestata u mis-sentenza appellata li l-impriżi kollha tal-Pajjiżi l-Baxxi huma suġġetta għal restrizzjonijiet fil-qasam tal-emissjonijiet ta’ NOx. Skont il-Kummissjoni, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi qatt ma qajjem argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ selettività tal-miżura inkwistjoni għaliex l-impriżi l-oħra ma jistgħux jiġu suġġetta għal obbligi identiċi jew paragunabbli.

59      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 225 KE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti li tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala prinċipju, li teżamina l-provi li l-Qorti Ġenerali aċċettat insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, meta dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod leġittimu u l‑prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija l-Qorti Ġenerali biss li tista’ tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu tressqu quddiemha. Għaldaqstant, din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament ta’ dawn il-provi, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2010, Trubowest Handel u Makarov vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑419/08 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 30 u 31, kif ukoll tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Deutsche Post AG, C‑399/08 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 63).

60      Madankollu, f’dak li jirrigwarda r-regoli ta’ proċedura applikabbli fil-qasam tal-oneru u tal-amministrazzjoni tal-prova, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti li teżamina, fil-kuntest ta’ appell, skont il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq, jekk hijiex il-Kummissjoni li għandha tipprova n-natura selettiva tal-miżura inkwistjoni.

61      Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-klassifikazzjoni ta’ għajnuna teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 87(1) KE jiġu sodisfatti (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Pearle et, C-345/02, Ġabra p. I-7139, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Kif dan ġie rrilevat fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ġustament qieset li vantaġġ ekonomiku mogħti minn Stat Membru għandu n-natura ta’ għajnuna biss jekk huwa ta’ natura li jiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi.

62      Għalhekk, sabiex jiġi pprovat li l-miżura inkwistjoni tapplika b’mod selettiv għal ċerti impriżi jew għal ċerti produtturi, il-Kummissjoni għandha turi li din tintroduċi distinzjonijiet bejn impriżi li jinsabu, fid-dawl tal-għan tal-miżura inkwistjoni, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli. Madankollu, għandu wkoll jiġi indikat li l-kunċett ta’ għajnuna ma jkoprix biss miżuri li jintroduċu distinzjoni fost l-impriżi fil-qasam tal-ispejjeż meta din id-distinzjoni tirriżulta min-natura u mill-istruttura tal-iskema tal-ħlasijiet inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-29 ta’ April 2004, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑159/01, Ġabra p. I‑14461, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Huwa l-Istat Membru li introduċa dan id-distinzjoni bejn l-impriżi fil-qasam tal-ispejjeż li għandu juri li din hija effettivament iġġustifikat min-natura u mill-istruttura tal-iskema inkwistjoni (sentenza Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

63      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, kif tosserva l-Kummissjoni fil-punt 3.1 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-impriżi li jipparteċipaw fl-iskema “dynamic cap” jidħlu taħt grupp speċifiku ta’ impriżi industrijali kbar li huma attivi fil-kummerċ bejn l-Istati Membri u jibbenefikaw minn vantaġġ li ma huwiex disponibbli għal impriżi oħra. Fil-fatt, dawn l-impriżi jibbenefikaw minn vantaġġ li jikkonsisti fil-fatt li dawn jistgħu jimmonetizzaw il-valur ekonomiku tat-tnaqqis ta’ emissijonijiet li huma jipproduċu, billi dan it-tnaqqis jiġi kkonvertit fi drittijiet ta’ emissjonijiet negozjabbli, jew, jekk ikun il-każ, jevitaw ir-riskju li jkollhom iħallsu multi meta huma jaqbżu l-limitu ta’ emissjonijiet ta’ NOx għal kull unità ta’ enerġija stabbilit mill-awtoritajiet nazzjonali, billi jixtru dawn id-drittijiet ta’ emissjonijiet mingħand impriżi oħra li jaqgħu taħt il-miżura inkwistjoni (ara, f’dan ir-rigward, il-punti 92 sa 96 tal-sentenza preżenti) filwaqt li l-impriżi l-oħra ma għandhomx dawn il-possibbiltajiet, fatt li, bħala regola, huwa biżżejjed sabiex jistabbilixxi li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi introduċa distinzjoni bejn l-impriżi fil-qasam tal-ispejjeż, fis-sens tal-punt 61 tas-sentenza preżenti.

64      Fil-fatt, huwa paċifiku bejn il-partijiet, kif ikkonfermaw matul is-seduta, li kull impriża, kemm jekk tidħolx taħt il-miżura inkwistjoni jew le, li l-attività tagħha tipproduċi emissjonijet ta’ NOx għandha tikkonforma ruħha mal-obbligi fil-qasam tal-limiti jew tat-tnaqqis ta’ dawn l-emissjonijiet. Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, sabiex l-obbligi imposti fuqhom jiġu sodisfatti, huma biss l-impriżi li jidħlu taħt il-miżura inkwistjoni li għandhom il-possibbiltà deskritta fil-punt preċedenti, fatt li jikkostitwixxi vantaġġ għalihom li l-impriżi l-oħra, f’sitwazzjoni paragunabbli, ma jibbenefikawx minnu.

65      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta li tipprovdi iktar dettalji fid-deċiżjoni tagħha. Fil-każ ta’ programm ta’ għajnuna, hija tista’ tillimita ruħha li tistudja l-karatteristiċi tal-programm inkwistjoni sabiex tevalwa, fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha, jekk, minħabba l-metodi previsti minn dan il-programm, dan jiżgurax vantaġġ sinjifikattiv għall-benefiċjarji meta mqabbla mal-kompetituri tagħhom u jekk huwiex kapaċi li essenzjalment ikun ta’ profitt għal impriżi li jipparteċipaw fil-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑310/99, Ġabra p. I‑2289, punt 89).

66      Isegwi li, billi ddeċidiet, fil-punti 92 u 93 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma eżebiet l-ebda element preċiż li jistabbilixxi li ż-żewġ kategoriji ta’ impriżi msemmija fil-punt 64 ta’ din is-sentenza kienu suġġetti għal obbligi tal-istess natura u li għalhekk huma kienu f’sitwazzjoni paragunabbli, il-Qorti Ġenerali wettaq żball ta’ liġi dwar l-oneru tal-prova li kien impost fuq il-Kummissjoni.

67      F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata tindika b’mod ċar, u tapplika għall-każ inkwistjoni, il-kriterju ta’ selettività li miżura għandha tissodisfa sabiex tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni invokat l-eżistenza, fl-Istat Membru kkonċernat, ta’ liġijiet dwar l-amministrazzjoni tal-ambjent u tat-tniġġis atmosferiku li ma humiex inklużi fil-miżura inkwistjoni. Barra minn hekk, hija kkunsidrat il-fatt li l-impriżi Olandiżi, li ma humiex il-250 installazzjoni kbira li jidħlu taħt il-miżura inkwistjoni, huma wkoll suġġetta għal ċerti rekwiżiti f’dak li jirrigwarda l-emissjonijiet ta’ NOx.

68      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi milqugħa.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju

–       L-argumenti tal-partijiet

69      Fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni ssostni li la l-għan tal-protezzjoni tal-ambjent fil-miżura inkwistjoni u lanqas in-natura jew l-istruttura ġenerali tal-iskema li fiha tidħol din il-miżura ma jwasslu sabiex jinnegaw in-natura ta’ għajnuna mill-Istat ta’ din il-miżura.

70      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tinvoka l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-miżura tal-Istat tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, il-paragrafu 1 tal-Artikolu 87 KE ma jagħmilx distinzjoni skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi tal-Istat, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom. Il-Kummissjoni tippreċiża li, fil-każ li huwa possibbli li jiġi invokat l-għan tal-protezzjoni tal-ambjent, dan jippreġudika xogħol il-Kummissjoni li huwa li teżamina jekk l-għajnuna tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni.

71      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkunsidrat li l-miżura inkwistjoni hija ġġustifikata minħabba n-natura jew l-istruttura ġenerali tal-iskema li tidħol fiha. Skont il-Kummissjoni, din l-interpretazzjoni hija żbaljata peress li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet minn qabel li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ skema ġenerali li turi li l-mizura inkwistjoni kienet tiffavorixxi ċerti impriżi fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni żżied tgħid li huwa l-Istat Membru li għandu juri li t-tali miżura hija ġġustifikata min-natura jew mill-istruttura ġenerali tal-iskema li tidħol fiha. F’din il-kawża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma weriex dan.

72      Bill tinvoka s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni (C-88/03, Ġabra p. I‑7115), iċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ssostni li min-natura u mill-istruttura ġenerali ta’ skema iktar wiesgħa li tistabbilixxi r-restrizzjonijiet tal-emissjonijiet ta’ NOx ma jirriżultax li n-negozjabbiltà tad-drittijiet ta’ emissjonijiet NOx għandhom jingħataw lill-impriżi li jaqa’ taħt il-miżura inkwistjoni. Fuq l-eżempju tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, iċċitata iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tqis li kull tnaqqis tal-emissjonijiet NOx jgħin lill-ambjent mingħajr distinzjoni dwar l-oriġini ta’ dan it-tnaqqis, jiġifieri l-kapaċità termika inferjuri jew superjuri minn 20 MWth tal-installazzjonijiet.

73      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jwieġeb li dan l-aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata. Fil-fehma tiegħu, il-Qorti Ġenerali ma tqisx li l-għan tal-protezzjoni tal-ambjent ineħħi mill-miżura n-natura ta’ għajnuna mill-Istat. Huwa jsostni li dawn il-konstatazzjonijiet saru b’mod sussidjarju. Fi kwalunkwe każ, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jqis li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat li, anki fl-ipoteżi ta’ skema ġenerali, id-distinzjoni stabbilita bejn l-impriżi hija ġġustifikata, peress li hija hi bbażata biss fuq il-kwantità ta’ emissjonijiet ta’ NOx u fuq l-istandard speċifiku tat-tnaqqis li huwa impost fuq l-impriżi li jipproduċu ħafna emissjonijiet. Il-kriterju tal-miżura inkwistjoni, jiġifieri l-kwantità ta’ emissjonijiet, huwa ġġustifikata min-natura u mill-istruttura ta’ skema ġenerali intiża li tnaqqas it-tniġġis atmosferiku.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

74      Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, li “[i]d-determinazzjoni ta’ l-impriżi benefiċjarji hija ġustifikata min-natura u l-istruttura ġenerali ta’ l-iskema minħabba l-emissjonijiet importanti tagħhom ta’ NOx u minħabba l-istandard speċifiku ta’ tnaqqis li jorbothom” u li “kunsiderazzjonijiet ta’ natura ekoloġika jiġġustifikaw li ssir distinzjoni bejn l-impriżi li jemettu kwantitajiet qawwija ta’ NOx u l-impriżi l-oħra”. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, “dan il-kriterju oġġettiv huwa barra minn hekk konformi ma’ l-għan imfittex, jiġifieri l-protezzjoni ta’ l-ambjent u mal-loġika interna ta’ l-iskema”.

75      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 87(1) KE ma jagħmilx distinzjoni skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi tal-Istat, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom. Minkejja li l-protezzjoni tal-ambjent jikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-Komunità Ewropea, il-ħtieġa li dan l-għan jittieħed inkunsiderazzjoni ma tiġġustifikax l-esklużjoni ta’ miżuri selettivi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, peress li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ għanijiet ambjentali jista’, fi kwalunkwe każ, utilment isir fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3) KE (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Spanja vs Il-Kummissjoni, punt 46, u British Aggregates vs Il-Kummissjoni, punt 92).

76      F’din il-kawża, l-emissjonijiet sinjifikattivi ta’ NOx tal-impriżi li jidħlu taħt il-miżura inkwistjoni u l-istandard speċifiku ta’ tnaqqis impost fuq dawn l-impriżi ma humiex biżżejjed sabiex jevitaw li din il-miżura tiġi kklassifikata bħala miżura selettiva fis-sens tal-Artikolu 87(1)KE. Fil-fatt, kif l-Avukat Ġenerali sostna fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-distinzjoni fost l-impriżi bbażata fuq kriterju kwantitattiv, jiġifieri l-kriterju tal-kapaċità termika totali ta’ installazzjoni li tkun ogħla minn 20 MWth, ma tistax titqies bħala inerenti f’skema intiża li tnaqqas it-tniġġis ta’ oriġini industrijali u, għalhekk, iġġustifikata biss fuq kunsiderazzjonijiet ta’ natura ekoloġika.

77      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li huwa l-Istat Membru li introduċa din id-distinzjoni fost l-impriżi li għandu juri li din hija effettivament iġġustifikata min-natura u mill-iskema ġenerali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

78      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kriterju ta’ distinzjoni użat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, jiġifieri l-kapaċità termika ogħla minn 20 MWth tal-installazzjonijiet, la huwa ġġustifikat min-natura u lanqas mill-iskema ġenerali tagħha, b’mod li dan ma jistax ineħħi mill-miżura inkwistjoni n-natura tagħha ta’ għajnuna mill-Istat.

79      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tat-tieni aggravju għandu jiġi milqugħ ukoll u għalhekk it-tieni aggravju għandu jiġi milqugħ fl-intier tiegħu.

 Fuq l-appell inċidentali

80      Sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ fil-mertu l-appell tal-Kummissjoni, hemm lok li jiġu eżaminati l-appelli inċidentali ppreżentati mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

81      Dawn iż-żewġ Stati Membri jqajmu aggravju identiku bbażat fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali wettqet billi qieset li l-miżura inkwistjoni għandha titqies bħala vantaġġ iffinanzjat bir-riżorsi tal-Istat Membru fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

82      Dan l-aggravju jinkludi żewġ partijiet li jirrigwardaw, minn naħa, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, li jinsab fil-punti 63 sa 74 tas-sentenza appellata, li jipprovdi li n-negozjabbiltà tad-drittijiet ta’ emissjonijiet prevista bil-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi vantaġġ għall-impriżi li huma suġġetta għall-istandard tal-emissjonijiet ta’ NOx, u, min-naħa l-oħra, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali, fil-punti 74 sa 77 ta’ din is-sentenza, dwar il-fatt li l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi vantaġġ mogħti lill-impriżi permezz tar-riżorsi tal-Istat.

 Fuq l-ewwel parti tal-uniku aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

83      Fir-rigward tal-ewwel parti tal-aggravju waħdieni, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-miżura inkwistjoni titlaq mill-fatt li stabbilit standard dwar l-emissjonijiet supplimentari li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni minn ċerti impriżi. Il-kwantità ta’ krediti negozjabbli ma hijiex għalhekk stabbilita bil-quddiem u tiddependi totalment mit-tnaqqis supplimentari li l-impriżi setgħu wettqu meta mqabbel mal-istandard. Huwa jenfasizza li, fil-każ li l-istandard stabbilit jinqabeż, il-multa hija sanzjoni kumplimentari li ma tikkostitwixxix alternattiva għall-provvista ta’ krediti ta’ emissjonijiet li jkunu neqsin. Fil-fatt, skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 70 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li l-impriżi kollha li jidħlu taħt din l-iskema jistgħu, f’kull mument, ibigħu d-drittijiet tagħhom, hija żbaljata.

84      Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-impriżi kkonċernati setgħu jiksbu vantaġġ finanzjarju fis-sens ta’ dritt negozjabbli biss minħabba l-isforzi li huma jagħmlu sabiex inaqsu l-emissjonijiet tagħhom, fatt li jirrappreżenta korrispettiv ta’ valur adegwat għaċ-ċertifikati negozjabbli. F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru jfakkar l-effetti negattiv tal-miżura inkwistjoni għall-impriżi li ma jkunux f’pożizzjoni li josservaw il-kwantitajiet tal-emissjonijiet awtorizzati. Il-fatt li hemm emissjonijiet li jaqbżu l-valur massimu jwassal għal spejjeż peress li jkun jridu jinxtraw id-drittijiet ta’ emissjonijiet li huma ffissati mill-intermedjarju jew minn multa. L-impriżi jistgħu jiksbu dritt negozjabbli u l-vantaġġ ekonomiku li huwa marbut miegħu biss permezz tal-isforzi proprji tagħhom meta huma jaslu sabiex inaqqsu l-kwoti tal-emissjonijiet tagħhom f’livell li jkun inqas mil-livell awtorizzat.

85      Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-isforzi tal-impriżi sabiex inaqsu l-emissjonijiet tagħhom jikkostitwixxu korrispettiv għal dawn il-beni negozjabbli u l-valur stess ta’ dawn il-beni ma jistax bħala regola jkun vantaġġ. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ krediti ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet bħala “għażla għall-futur” ma jaffettwax l-obbligu tal-impriżi li josservaw l-għanijiet fil-qasam tal-emissjonijiet u ma huwiex, bħala regola, dejjem vantaġġuż.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

86      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 87(1) KE jiddefinixxi l-għajnuna mill-Istat bħala għajnuna mogħtija mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi ta’ Stat taħt kwalunkwe forma li tkun, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi, sa fejn din taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa iktar ġenerali minn dak ta’ sussidju peress li jinkludi mhux biss l-għotjiet pożittivi bħalma huma s-sussidji stess, iżda wkoll l-interventi li, taħt diversi forom, itaffu l-ispejjeż li normalment huma inklużi fil-baġit ta’ impriża, u li, bl-istess mod, mingħajr ma huma sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi. Il-provvista ta’ beni jew ta’ servizzi b’kundizzjonijiet preferenzjali hija eżempju tal-vantaġġi indiretti li għandhom l-istess effetti bħas-sussidji (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-276/02, Ġabra p. I‑8091, punt 24, kif ukoll tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, Ġabra p. I‑4777, punt 123).

87      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li huma kkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat l-interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jiġu kkunsidrati bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, Ġabra p. I‑7747, punt 84 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

88      Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata, hemm lok li jiġi kkonstatat li n-negozjabbiltà tad-drittijiet ta’ emissjonijiet ta’ NOx tiddependi qabelxejn mill-fatt li l-Istat, minn naħa, jawtorizza l-bejgħ ta’ dawn id-drittijiet u, min-naħa l-oħra, jippermetti lill-impriżi li pproduċew ammont żejjed ta’ NOx sabiex jiksbu mingħand impriżi oħra d-drittijiet ta’ emissjonijiet li jonqoshom, sabiex b’hekk ippermetta l-ħolqien ta’ suq għal dawn id-drittijiet (ara wkoll il-punti 64, 65 u 87 sa 96 ta’ din is-sentenza). Din il-konstatazzjoni tirriżulta wkoll mill-punt 70 tas-sentenza appellata li fih il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonkludiet li, billi rendiet dawn id-drittijiet ta’ emissjonijiet negozjabbli, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tahom valur fuq is-suq.

89      L-argumenti li jipprovdu li n-negozjabbiltà ta’ dawn id-drittijiet jikkostitwixxu korrispettiv, bi prezz tas-suq, għall-isforzi magħmula mill-impriżi li jaqgħu taħt il-miżura inkwistjoni sabiex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta’ NOx għandhom, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 86 ta’ din is-sentenza, jiġu miċħuda minħabba l-fatt li l-ispejjeż ta’ tnaqqis tal-imsemmija emissjonijiet jidħlu taħt l-ispejjeż li normalment jiġu inklużi fil-baġit tal-impriża.

90      Fir-rigward tal-argumenti li jipprovdu li n-negozjabbiltà ta’ dawn id-drittijiet ma jistgħux jitqiesu bħala vantaġġ konkret għall-impriżi kkonċernati minħabba l-imprevedibbiltà tas-suq, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-fakultà għal dawn l-impriżi li jagħżlu bejn l-ispejjeż għall-akkwist ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet u l-ispejjeż marbuta mal-miżuri intiżi li jnaqqsu l-emissjonijiet NOx tikkostitwixxi vantaġġ għal dawn l-impriżi. Barra minn hekk, il-fakultà mogħtija lill-impriżi msemmija fil-miżura inkwistjoni, li fl-aħħar tas-sena jinnegozjaw id-drittijiet ta’ emissjonijiet kollha u mhux biss dawk li jkunu disponibbli għalihom permezz tad-differenza pożittiva bejn l-emissjonijiet awtorizzati u l-emissjonijiet prodotti, tikkostitwixxi vantaġġ supplimentari għal dawn l-impriżi. Fil-fatt, dawn tal-aħħar jistgħu jkollhom likwidità billi jbiegħu d-drittijiet ta’ emissjonijiet qabel ma jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex dawn jiġu assenjati b’mod definittiv, irrispettivament mill-fatt li limitu massimu huwa applikat għalihom u l-impriżi li jeċċedu l-istandard ta’ emissjonijiet stabbilit għandhom jikkumpensaw dan l-eċċess is-sena ta’ wara.

91      Għaldaqstant, il-miżura inkwistjoni, li tinkludi n-negozjabbiltà ta’ dawn id-drittijiet ta’ emissjonijiet, għandha titqies bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb f’kundizzjonijiet normali ta’ suq.

92      Barra minn hekk, il-konklużjoni li tinsab fil-punt 73 tas-sentenza appellata li tipprovdi li l-miżura inkwistjoni tippermetti lill-impriżi, li jkunu pproduċew iktar emissjonijiet NOx mill-istandard ta’ emissjonijiet stabbilit u li l-bilanċ tagħhom ikun għalhekk negattiv fl-aħħar tas-sena, li jevitaw multa billi jixtru għalihom drittijiet ta’ emissjonijiet mingħand dawk li rrilaxxaw eċċess ta’ emissjonijiet, hija kkontestata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

93      F’dan ir-rigward, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li, fil-każ li l-istandard stabbilit jinqabeż, il-multa hija sanzjoni supplimentari li ma tikkostitwixxix alternattiva għall-provvista tal-krediti ta’ emissjonijiet li jkunu neqsin.

94      F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jqiegħdux inkwistjoni b’mod preċiż u biżżejjed, fl-appell, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li tipprovdi li l-miżura inkwistjoni kienet tagħti lill-impriżi kkonċernati l-fakultà li jixtru l-krediti ta’ emissjonijiet mis-suq qabel l-aħħar tas-sena, peress li l-limiti massimi kienu annwali. Din il-konklużjoni timplika li ċerti impriżi, qabel il-verifika mill-awtoritajiet nazzjonali dwar l-osservanza tal-limitu massimu applikabbli, għandhom il-fakultà li jixtru d-drittijiet ta’ emissjonijiet li jonqoshom u, konsegwentement, jevitaw li jeċċedu l-istandard ta’ emissjonijiet u għalhekk li jkollhom iħallsu multa.

95      Isegwi li l-argument tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li jqiegħed inkwistjoni l-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li l-impriżi jistgħu jevitaw il-ħlas ta’ multa billi jixtru d-drittijiet ta’ emissjonijiet, ma jistax jiġi milqugħ.

96      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tal-aggravju waħdieni, dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tal-aggravju uniku

 L-argumenti tal-partijiet

97      Fir-rigward tat-tieni parti tal-aggravju waħdieni, dwar il-kunċett ta’ finanzjament bir-riżorsi tal-Istat, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkontesta l-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Qorti Ġenerali fil-punti 75 sa 77 tas-sentenza appellata. B’mod partikolari, dan l-Istat Membru jqis li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ finanzjament bir-riżorsi tal-Istat kif il-Qorti tal-Ġustizzja applikatu fis-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, Ġabra p. I‑2099). Fir-rigward tal-miżura inkwistjoni, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jqis li huwa determinanti li jiġi kkonstatat li ma kienx hemm trasferiment dirett jew indirett ta’ riżorsi tal-Istat wara t-tqassim tal-ispejjeż finanzjarji supplimentari bejn l-impriżi. Peress li l-istandard ta’ emissjonijiet stabbilit huwa spiża supplimentari għall-impriżi inkwistjoni, il-miżura inkwistjoni, li tikkonsisti f’“kumpens”, isservi biss sabiex tippermetti lill-impriżi kkonċernati li jqassmu huma stess l-ispejjeż supplimentari li jirriżultaw minn dan l-istandard.

98      Skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-multa marbuta mal-fatt li l-istandard stabbiliti jinqabeż hija sanzjoni supplimentari li ma tikkostitwixxix alternattiva għall-provvista ta’ krediti ta’ emissjonijiet li jkunu neqsin. Il-fatt waħdieni li l-valur tal-krediti jirriżulta mil-leġiżlazzjoni ma jfissirx li l-kundizzjoni tal-finanzjament ta’ dawn il-krediti mir-riżorsi tal-Istat hija sodisfatta. Fil-kontroreplika tiegħu, dan l-Istat Membru jippreċiża li l-fatt li l-Istat jitlef ċertu dħul fi forma ta’ multi meta l-impriżi josservaw l-obbligi tagħhom ma jistax jikkostitwixxi element rilevanti fid-dawl tal-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. Huwa jżid jgħid li għalkemm skema oħra ta’ skambju tad-drittijiet tal-emissjonijiet hija ta’ natura li toħloq dħul għall-Istat Membru, din ma tkunx biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li dan l-Istat jitlef ir-riżorsi fis-sens tal-Artikolu 87 KE għaliex huwa ma jkunx għażel din l-iskema alternattiva.

99      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta wkoll il-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali li tipprovdi li l-iskema ta’ skambju ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet inkwistjoni tikkostitwixxi vantaġġ mogħti lill-impriżi kkonċernati permezz tar-riżorsi tal-Istat. Fil-mudell Olandiż, l-impriżi kollha għandhom josservaw l-istess obbligi dwar livell li ma jistax jinqabeż. Il-kwistjoni dwar jekk iċ-ċertifikati humiex fuq is-suq, u għal liema ammont, tiddependi mill-mod li bih l-impriżi jissodisfaw l-obbligi tagħhom fil-qasam tal-emissjonijiet. L-impriżi joħolqu huma stess l-attivi tagħhom. Fil-każ li impriża teċċedi l-valur massimu, hija taffaċja l-ispejjeż għax-xiri ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet li huma ffissati mill-intermedjarju tas-suq jew minn multa. L-impriżi jistgħu jiksbu dritt negozjabbli u l-vantaġġ ekonomiku marbuta miegħu biss meta jaslu sabiex inaqqsu l-kwoti ta’ emissjonijiet tagħhom sabiex ma jeċċedux il-livell awtorizzat.

100    Barra minn hekk, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-fatt li l-għoti b’xejn ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet jiġi kkunsidrat bħala l-bejgħ ta’ beni minn setgħa pubblika ma huwiex rilevanti fid-dawl tal-prinċipju applikabbli, jiġifieri, dak tal-investitur privat li jaġixxi skont il-liġi tas-suq. Permezz tal-iskema tal-iskambju tad-drittijiet tal-emissjonijiet, l-Istat iffissa qafas normattiv.

101    Dan l-Istat Membru jsostni, minn naħa, li l-prezz ta’ bejgħ ma jistax jitbassar u, min-naħa l-oħra, li l-possibbiltà ta’ bejgħ antiċipat ma tirrappreżentax vantaġġ definittiv. Huwa jsostni li n-nuqqas ta’ ġbir tal-multi huwa sempliċiment marbut mal-fatt li l-impriżi ma jeċċedux il-limiti massimi. Ix-xiri ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet mingħand impriżi “overachievers” isir permezz tal-mezzi stess tal-impriżi u jikkostitwixxi, mill-perspettiva ekonomika, metodu ekwivalenti għall-fakultà li huma stess inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom taħt il-limitu massimu awtorizzat. Għalhekk, l-Istat mhux qed jirrinunċja milli jiġbor ir-riżorsi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

102    Fil-punt 75 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, billi qiegħed b’xejn għad-dispożizzjoni tal-impriżi kkonċernati d-drittijiet ta’ emissjonijiet ta’ NOx minflok ma biegħethom jew irkantatahom, u billi stabbilixxa skema li tipprovdi għall-possibbiltà li dawn id-drittijiet jiġu nnegozjati fis-suq, anki jekk huma marbuta b’limitu massimu, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ta lill-imsemmija drittijiet in-natura ta’ attivi intanġibbli u rrinunċja milli jiġbor riżorsi tal-Istat.

103    Għalhekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, dawn għandhom, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu imputabbli lill-Istat (sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99, Ġabra p. I-4397, punt 24, u l-ġurisprudenza ċċitata).

104    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, ma hemmx għalfejn jiġi stabbilit, fil-każijiet kollha, li kien hemm trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat sabiex il-vantaġġ mogħti lil impriża waħda jew iktar jista’ jitqies bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (ara Franza vs Il-Kummissjoni, C‑482/99, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

105    Barra minn hekk, id-distinzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni bejn “l-għajnuna mogħtija mill-Istati” u l-għajnuna mogħtija “permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat” ma tfissirx li l-vantaġġi kollha kkonsentiti minn Stat jikkostitwixxu għajnuna, irrispettivament minn jekk humiex jew le ffinanzjati permezz ta’ riżorsi li ġejjin mill-Istat, iżda hija intiża biss li tinkludi f’dan il-kunċett il-vantaġġi mogħtija direttament mill-Istat, kif ukoll dawk mogħtija permezz tal-intermedjarju ta’ korp pubbliku jew privat, innominat jew stabbilit minn dan l-Istat (sentenzi PreussenElektra, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58, u tal-5 ta’ Marzu 2009, UTECA, C‑222/07, Ġabra p. I-1407, punt 43).

106    F’din il-kawża, it-tali vantaġġ ikkonsentit mil-leġiżlatur nazzjonali, jiġifieri n-negozjabbiltà ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet ta’ NOx, jista’ jimplika piż supplimentari għall-awtoritajiet pubbliċi taħt il-forma b’mod partikolari ta’ eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħlas ta’ multi jew ta’ sanzjonijiet pekunjarji oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1999, Piaggio, C‑295/97, Ġabra p. I‑3735, punt 42). Fil-fatt, billi stabbilixxa l-iskema “dynamic cap”, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ta lill-impriżi li jaqgħu taħt il-miżura inkwistjoni l-possibbiltà li jixtru drittijiet ta’ emissjonijiet sabiex jevitaw il-ħlas ta’ multi. Barra minn hekk, din l-iskema għandha bħala konsegwenza l-ħolqien, mingħajr korrispettiv konkret ipprovdut lill-Istat, ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet li, minħabba n-natura negozjabbli tagħhom, għandhom valur ekonomiku. Għandu jiġi kkonstatat li l-Istat Membru seta’ biegħ dawn id-drittijiet, u jekk ikun il-każ b’irkant, li kieku fassal din l-iskema b’mod differenti (ara, f’dan ir-rigward, il-punti 63, 64 u 86 sa 96 ta’ din is-sentenza).

107    Għalhekk, il-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 75 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li l-impriżi kkonċernati jistgħu liberament ibiegħu d-drittijiet ta’ emissjonijiet tagħhom minkejja li dawn huma marbuta b’livell massimu, ma hijiex qed titqiegħed inkwistjoni bl-argumenti ppreżentati. Kif l-Avukat Ġenerali qies fil-punt 87 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Istat Membru, billi jagħti lil dawn id-drittijiet ta’ emissjonijiet in-natura ta’ beni immaterjali negozjabbli u billi jqegħdhom b’xejn għad-dispożizzjoni tal-impriżi kkonċernati minflok ma biegħhom jew irkantahom, qed fil-fatt jirrinunċja għal riżorsi pubbliċi.

108    Barra minn hekk, il-fatt li tali miżura tippermetti lill-impriżi jikkumpensaw bejniethom l-eċċessi u n-nuqqasijiet meta mqabbla mal-istandard impost u li din il-miżura toħloq qafas legali sabiex jiġu limitati l-emissjonijiet ta’ NOx b’mod li l-impriżi b’installazzjonijiet kbar jagħmlu qligħ juri li l-impriżi li jaqgħu taħt il-miżura inkwistjoni għandhom alternattiva meta mqabbla mal-impożizzjoni ta’ multa mill-Istat.

109    Fir-rigward tal-argumenti li jinvokaw is-sentenza PreussenElektra, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ġustament għamlet distinzjoni bejn din is-sentenza u dik inkwistjoni f’din il-kawża. Skont dik is-sentenza, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, minn naħa, tobbliga impriżi privati li jipprovdu l-elettriku li jixtru l-elettriku prodott fiż-żona ta’ provvista tagħhom minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu bi prezzijiet minimi ogħla mill-valur ekonomiku reali ta’ dan it-tip ta’ elettriku u, min-naħa l-oħra, tqassam l-ispiża finanzjarja li tirriżulta minn dan l-obbligu bejn l-imsemmija impriżi li jipprovdu l-elettriku u l-operaturi privati tas-sistemi tal-elettiku li jinsabu f’pożizzjoni upstream ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) KE.

110    Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fl-imsemmija sentenza, li, minkejja li l-ispiża finanzjarja li tirriżulta mill-obbligu ta’ xiri bi prezzijiet minimi tista’ jkollha riperkussjonijiet negattivi fuq ir-riżultati ekonomiċi tal-impriżi suġġetti għal dan l-obbligu u li twassal għal tnaqqis tad-dħul fiskali tal-Istati, din il-konsegwenza kienet inerenti għal tali leġiżlazzjoni u ma tistax titqies bħala li tikkostitwixxi mezz li jagħti lill-produtturi tal-elettriku li jieħdu provvista minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu vantaġġ partikolari fuq l-Istat.

111    Għall-kuntrarju, f’din il-kawża, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 92 tal-konklużjonijiet tiegħu, din ir-rinunzja ma tistax titqies bħala “inerenti” fl-istrumenti kollha intiżi li jirregolaw l-emissjonijiet tal-inkwinanti atrmosferiċi fl-iskema ta’ skambju ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet. Fil-fatt, meta jirrikorri għal dawn l-istrumenti, l-Istat għandu bħala regola għażla bejn l-għoti b’xejn u t-trasferiment jew l-irkant ta’ dawn id-drittijiet. Barra minn hekk, f’din il-kawża, hemm rabta biżżejjed diretta bejn il-miżura inkwistjoni u t-telf ta’ dħul, rabta li ma kinitx teżisti bejn l-impożizzjoni tal-obbligu ta’ akwwist u l-eventwali tnaqqis ta’ dħul fiskali inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza PreussenElektra, iċċitata iktar ’il fuq. Għalhekk, il-fatti taż-żewġ kawżi ma humiex paragunabbli u d-deċiżjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza PreussenElektra, iċċitata iktar ’il fuq, ma tistax għalhekk tiġi applikata għal din il-kawża.

112    Għalhekk, id-deċiżjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza PreussenElektra, iċċitata iktar ’il fuq, ma tapplikax għal din il-kawża. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonkludiet, fil-punt 75 tas-sentenza appellata, li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi rrinunċja milli jiġbor dawn ir-riżorsi.

113    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appelli inċidentali tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-konsegwenzi tal-fondatezza tat-tieni aggravju tal-appell prinċipali u taċ-ċaħda tal-appelli inċidentali

114    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, hemm lok li s-sentenza appellata tiġi annullata, inkwantu tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

115    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u tista’ għalhekk tiddeċiedi hija stess b’mod definittiv il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġenerali sabiex din tiddeċidiha. Jidher li dan huwa l-każ fil-kawża preżenti.

 Fuq ir-rikors tal-ewwel istanza

116    Mill-kunsiderazzjonijiet sostnuti f’din il-kawża jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ma tiksirx l-Artikolu 87(1) KE inkwantu l-Kummissjoni tikkonkludi fiha li l-miżura inkwistjoni twassal għal għajnuna mill-Istat għall-impriżi li jaqgħu taħtha.

117    Fil-fatt, mill-punti 86 sa 96 u 102 sa 113 tas-sentenza preżenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqietx żball ta’ liġi meta laqgħet l-argument tal-Kummissjoni li jipprovdi li l-miżura inkwistjoni tagħti lok, għall-impriżi li jaqgħu taħtha, għal vantaġġ iffinanzjat bir-riżorsi tal-Istat. Barra minn hekk, għar-raġunijiet sostnuti fil-punti 59 sa 79 tas-sentenza preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet it-tieni aggravju tal-appell, imressaq mill-Kummissjoni u intiż li jqiegħed inkwistjoni l-analiżi magħmula mill-Qorti Ġenerali f’dak li jikkonċerna n-natura selettiva tal-vantaġġ imsemmi iktar ’il fuq. Barra minn hekk, minn dawn il-motivi, kif ukoll minn dawk li jimmotivaw ir-rifjut tal-appell inċidentali, jirriżulta li l-Kummisjoni setgħet fid-deċiżjoni kkontestata ġustament tikkonkludi li l-vantaġġ li jirriżulta mill-miżura inkwistjoni huwa applikat b’mod selettiv.

118    Għalhekk, l-ewwel motiv għal annullament mressaq fl-ewwel istanza mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kontra l-imsemmija deċiżjoni ma jistax jiġi milqugħ.

119    Il-Qorti Ġenerali qieset li ma kienx hemm lok li tiddeċiedi fuq it-tieni motiv imressaq mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi peress li hija qed tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tiddikjara li l-miżura inkwistjoni tinvolvi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

120    Għalhekk, għandu jiġi eżaminat dan it-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

 Fuq it-tieni motiv tar-rikors tal-ewwel istanza

 L-argumenti tal-partijiet

121    Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni meta ma indikatx ir-raġunijiet għaliex l-iskema nnotifikata hija kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat. Skont dan l-Istat Membru, il-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ fatt meta ddikjarat li produttur li ma josservax l-istandard ta’ emissjonijiet u jiġi impost b’multa jirċievi krediti ta’ NOx. Milli jidher, fl-iskema nnotifikata, produttur jikseb il-krediti biss jekk huwa jipproduċi kwantità ta’ emissjonijiet li tkun inqas mill-istandard attribwit lilu u li jħalli spazju mhux użat għal dawn l-emissjonijiet.

122    Barra minn hekk, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jirrileva kontradizzjonijiet fir-raġunament segwit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. Din l-istituzzjoni tinvoka b’mod partikolari l-implementazzjoni ta’ skema li tqassam b’xejn krediti filwaqt li wara tiddikjara li dawn tal-aħħar jikkostitwixxu korrispettiv għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ NOx. Dan l-Istat Membru jispjega li l-iskema implementata ma tagħti l-ebda kreditu lil min iniġġes, jiġifieri lill-awtur tal-emissjonijiet li jeċċedu l-istandard stabbilit. Huwa biss in-negozjant li jnaqqas l-emissjonijiet tiegħu taħt dan l-istandard li jista’ jikseb krediti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma sostnietx b’mod dettaljat il-konklużjoni li tipprovdi li l-imsemmija skema ma tistabbilixxix il-preferenza tagħha, b’mod partikolari għaliex din hija skema “dynamic-cap” li l-effett tagħha fuq l-ambjent huwa inċert u li l-ispejjeż amministrattivi kif ukoll ta’ applikazzjoni huma ogħla minn dawk tal-iskema “cap-and-trade”.

123    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma sostnietx, skont ir-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dikjarazzjoni tagħha li tipprovdi li l-iskema nnotifikata taffettwa l-iskambju kummerċjali u tgħawweġ il-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri.

124    Il-Kummissjoni twieġeb u tgħid, fl-ewwel lok, li huwa ċar li l-produtturi kollha li jipproduċu l-NOx jirċievu b’xejn il-krediti ta’ emissjonijiet. Din il-konstatazzjoni ma tmurx kontra l-konklużjoni li l-impriżi għandhom f’dan il-każ jipprovdu korrispettiv, f’forma ta’ investiment ambjentali supplimentari, sabiex ikunu jistgħu verament iżidu dawn l-attivi mad-dħul disponibbli tagħhom permezz ta’ bejgħ. Fit-tieni lok, dwar id-dubji espressi mill-Kummissjoni fuq l-effikaċja tal-iskema inkwistjoni, dawn is-siltiet tad-deċiżjoni kkontestata ma jikkonċernawx il-motivazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk din l-iskema tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. Fit-tielet lok, ir-raġunament segwit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata juri fiex l-għoti b’xejn ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet lil impriżi industrijali kbar Olandiżi jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

125    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’mod illi jippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti lill-qorti kompetenti twettaq l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jistgħu jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-imsemmi Artikolu 296 għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tiegħu, iżda ukoll fil-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Lulju 1993, CT Control (Rotterdam) u JCT Benelux vs Il-Kummissjoni, C‑121/91 u C‑122/91, Ġabra p. I‑3873, punt 31, kif ukoll tat-30 ta’ Settembru 2003, Eurocoton et vs Il-Kunsill, C-76/01 P, Ġabra p. I‑10091, punt 88).

126    L-argument tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li jipprovdi li l-Kummissjoni inġustament ikkonkludiet, fil-punt 3.2 tad-deċiżjoni kkontestata, li impriża li ma tosservax il-limitu massimu ta’ emissjonijiet impost xorta waħda tirċievi krediti ta’ NOx jikkostitwixxi ripetizzjoni tal-argument sostnut fil-punti 45 u 46 tal-att tal-ewwel istanza fil-kuntest tal-motiv dwar il-kunċett ta’ nuqqas ta’ riżorsi tal-Istat u fil-punt 65 tal-att ta’ din il-kawża, li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ma laqgħatx fil-punt 94 ta’ din is-sentenza. Fi kwalunkwe każ, dan l-argument jirrigwarda iktar żball ta’ fatt milli nuqqas tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-konklużjoni, li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, li hemm għajnuna mill-Istat. Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

127    Barra minn hekk, skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, hemm kontradizzjoni fir-raġunament tal-Kummissjoni li, minn naħa, huwa bbażat fuq il-fatt li l-Istat Membru għandu l-intenzjoni li joħloq skema li tqassam b’xejn il-krediti NOx, u, min-naħa l-oħra, li jqis li l-fatt li l-impriżi kkonċernati jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom sabiex jibbenefikaw mill-għoti potenzjali jikkostitwixxi korrispettiv, u b’hekk donnu qed jiġi ssuġġeriti li l-krediti ma humiex fil-verità mogħtija b’xejn. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel konklużjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-punt 3.2 tad-deċiżjoni kkontestata, tirrigwarda l-fatt li hemm għajnuna mill-Istat sa fejn l-awtoritajiet Olandiżi kellhom il-fakultà li jbiegħu jew jirkantaw id-drittijiet ta’ emissjonijiet u, billi offrew b’xejn il-krediti ta’ NOx bħala attivi intanġibbli, huma għalhekk sofrew nuqqas ta’ qligħ. Il-konstatazzjoni, magħmula fil-punt 3.3 tad-deċiżjoni kontestata, li tipprovdi li l-fatt li l-impriżi huma mħeġġa jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom f’livelli iktar sinjifikattivi mil-livell massimu impost fuqhom jikkostitwixxi korrispettiv, “konformi mal-ispirtu tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali”, għall-vantaġġ mogħti lil dawn l-impriżi bil-miżura inkwistjoni, jaqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern. Konsegwentement, ma tirriżulta l-ebda kontradizzjoni mir-raġunament segwit mill-Kummissjoni.

128    Għalhekk, l-argument tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jiġi miċħud.

129    Dan l-Istat Membru sussegwentement isostni li r-raġunament tal-Kummissjoni huwa impreċiż għaliex hija tiddikjara li l-iskema “dynamic-cap”, hekk kif ġiet adottata, ma tikkostitwixxix l-għażla ppreferuta, peress li l-effetti tal-imsemmija skema fuq l-ambjent huma iktar inċerti u li l-ispejjeż amministrattivi u ta’ applikazzjoni huma ogħla mill-iskema “cap-and-trade”. F’dan ir-rigward, dawn il-kunsiderazzjonijiet jinsabu fil-punt 4 tad-deċiżjoni kkontestata. Kif l-Avukat Ġenerali qies fil-punt 101 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn il-kunsiderazzjonijiet la jifformaw parti mill-motivazzjoni dwar il-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat u lanqas jifformaw parti mill-motivazzjoni dwar l-eżami tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura mas-suq komuni. Għalhekk, l-argument tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu jiġi miċħud.

130    Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-kwistjoni jekk l-iskema inkwistjoni hijiex ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li twassal għal distorsjoni jew thedded li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tindika, fil-punt 3.2 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-impriżi li jibbenefikaw mill-iskema inkwistjoni huma l-impriża l-kbar nett li l-kummerċ tagħhom huwa mifrux fost l-Istati Membri. Skont il-Kummissjoni, il-pożizzjoni tagħhom hija msaħħa bil-miżura inkwistjoni li tagħtihom vantaġġ kompetittiv, jiġifieri dħul addizzjonali sabiex ikopru parti mill-ispejjeż ta’ produzzjoni tagħhom. Għalhekk, dan il-vantaġġ jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

131    Meta applikat għall-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat, l-obbligu ta’ motivazzjoni jeżiġi li jiġu indikati r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tqis li l-miżura inkwistjoni tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE. F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni hija obbligata, mhux li turi l-eżistenza ta’ impatt reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva fuq il-kompetizzjoni, iżda biss li teżamina jekk din l-għajnuna tistax taffettwa dan il-kummerċ u twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-66/02, Ġabra p. I-10901, punt 111, kif ukoll tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato “Venezia vuole vivere” et vs Il-Kummissjoni, C-71/09 P, C-73/09 P u C-76/09 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 134). B’hekk, meta miċ-ċirkustanzi li fihom ingħatat l-għajnuna jirriżulta li din hija ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li twassal għal distorsjoni jew thedded li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni għandha ssemmi dawn iċ-ċirkustanzi fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 1988, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, 57/86, Ġabra p. 2855, punt 15; tal-24 ta’ Ottubru 1996, Il-Ġermanja et vs Il-Kummissjoni, C-329/93, C-62/95 u C‑63/95, Ġabra p. I‑5151, punt 52; tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑156/98, Ġabra p. I‑6857, punt 98; tat-28 ta’ Jannar 2003, Il‑Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑334/99, Ġabra. p. I‑1139, punt 59, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 89, kif ukoll tat-30 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs L-Italja u Wam, C-494/06 P, Ġabra P. I-3639, punt 49).

132    Fil-punt 3.2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tosserva, fil-punt 3.2, eżatt wara li kkonstatat li hemm vantaġġ għall-impriżi li jaqgħu taħt il-miżura inkwistjoni li dawn jikkostitwixxu “grupp ta’ impriżi industrijali kbar li huma attivi fil-kummerċ bejn l-Istati Membri”. Hija tkompli billi tikkonstata li “[i]l-pożizzjoni ta’ dawn l-impriżi hija msaħħa b’din l-iskema, fatt li jista’ jwassal għal bdil fil-kundizzjonijet tas-suq għall-kompetituri tagħhom”, qabel ma tenniet li “dan it-tisħiħ għandu jitqies bħala li jaffettwa l-kummerċ.” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

133    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni semmiet, fid-deċiżjoni kkontestata, iċ-ċirkustanzi li permezz tagħhom l-għajnuna inkwistjoni hija, fil-fehma tagħha, ta’ natura li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni. Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 125 ta’ din is-sentenza, din id-deċiżjoni hija għalhekk motivata suffiċjentement fid-dritt f’dak li jirrigwarda l-mod kif il-kummerċ bejn l-Istati Membri huwa affettwat u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

134    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li l-aggravju bbażat fuq il-motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE għandu jiġi miċħud. Isegwi li r-rikors tal-ewwel istanza għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

135    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

136    Fir-rigward tal-ispejjeż marbuta mal-proċedura tal-ewwel istanza, għandu jiġi ppreċiżat li, skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba f’dan is-sens. Peress li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż marbuta mal-proċedura tal-ewwel istanza, skont it-talbiet tal-Kummissjoni.

137    Fir-rigward tal-ispejjeż marbuta mal-proċedura tal-appell, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 69(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li japplika għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess regoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tqassam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom. Peress li l-Kummissjoni u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tilfu rispettivament fuq kap tat-talbiet, hemm lok li jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom.

138    Skont l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, li japplika wkoll għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 118 tal-istess regolament, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Skont din id-dispożizzjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż tagħha kemm tal-ewwel istanza kif ukoll tal-appell. Skont din id-dispożizzjoni, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Renju Unit għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-10 ta’ April 2008, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni (T-233/04), hija annullata.

2)      L-appelli inċidentali huma miċħuda.

3)      Ir-rikors tal-ewwel istanza huwa miċħud.

4)      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza u għandu jbati l-ispejjeż tiegħu fil-kuntest tal-imsemmija proċedura.

5)      Il-Kummissjoni Ewropea u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom marbuta mal-appell.

6)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.