Kawża C-552/09 P

Ferrero SpA

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Appell — Trade mark Komunitarja — Regolament (KE) Nru 40/94 — Trade mark Komunitarja figurattiva TiMi KiNDERJOGHURT — Trade mark verbali preċedenti KINDER — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Artikolu 52(1)(a) — Artikolu 8(1)(b) u (5) — Evalwazzjoni tax-xebh tas-sinjali — Grupp ta’ trade marks”

Sommarju tas-sentenza

1.        Appell — Interess ġuridiku — Kundizzjoni — Appell li jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-parti li ppreżentatu — Dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ trade mark Komunitarja — Rinunzja għat-trade mark Komunitarja — Effetti legali diversi

2.        Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li għandha reputazzjoni — Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża għal prodotti jew servizzi li ma jixxibhux — Kundizzjonijiet — Rabta bejn it-trade marks

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b) u (5))

3.        Appell — Aggravji — Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti — Inammissibbiltà — Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-evalwazzjoni tal-fatti sottomessi lill-Qorti Ġenerali — Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament — Aggravju bbażat fuq l-iżnaturament tal-punti ta’ fatt — Neċessità li jiġu indikati b’mod preċiż l-elementi żnaturati u li jintwerew l-iżbalji ta’ analiżi li wasslu għal dan l-iżnaturament

(It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-inċiż (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 112(1))

4.        Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Xebh bejn it-trade marks ikkonċernati — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

5.        Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti — Probabbiltà ta’ assoċjazzjoni — Trade marks preċedenti li għandhom karatteristiċi li jippermettu li jitqiesu li jagħmlu parti mill-istess“serje” jew “grupp”

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

1.        L-interess ġuridiku jikkostitwixxi kundizzjoni ta’ ammissibbiltà li għandha tibqa’ teżisti sakemm il-qorti tiddeċiedi l-mertu. Tali interess jeżisti sakemm l-appell jista’, permezz tal-eżitu tiegħu, ikun ta’ benefiċċju għall-parti li tkun ressqitu.

Parti żżomm l-interess tagħha li tappella minn sentenza li tiċħad ir-rikors tagħha għall-annullament ta’ deċiżjoni li permezz tagħha, talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa mill-imsemmija parti kontra r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja tkun ġiet miċħuda minkejja li l-proprjetarju tal-imsemmija trade mark jirrinunzja għaliha.

Fil-fatt, ir-rinunzja fiha nfisha ma ċċaħħadx l-appell minn kull suġġett, u dan peress li l-effetti tar-rinunzja u dawk ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità ma humiex l-istess. Għaldaqstant, filwaqt li t-trade mark Komunitarja li tagħha saret ir-rinunzja tieqaf tagħti l-effetti tagħha sa mir-reġistrazzjoni ta’ din ir-rinunzja, trade mark Komunitarja ddikjarata bħala invalida titqies bħala li ma kellha l-ebda effett sa mill-bidu, b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 54(2) tar Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, bil-konsegwenzi legali kollha li tali invalidità ġġib magħha.

(ara l-punti 39-41, 43, 44)

2.        L-eżistenza ta’ xebh bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark ikkontestata tikkostitwixxi kundizzjoni ta’ applikazzjoni komuni għall-Artikolu 8 (1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja.

Din il-kundizzjoni ta’ xebh bejn it-trade mark u s-sinjal timplika, kemm fil-kuntest tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll f’dak tal-paragrafu 5 tal-istess artikolu, l-eżistenza, b’mod partikolari, ta’ elementi ta’ xebh viżiv, ta’ smigħ jew kunċettwali.

Ċertament, il-livell ta’ xebh meħtieġ fil-kuntest ta’ waħda jew oħra mid-dispożizzjonijiet huwa differenti. Fil-fatt, filwaqt li l-implementazzjoni tal-protezzjoni stabbilita bl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 hija suġġetta għall-konstatazzjoni ta’ livell ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti tali li jkun hemm, f’moħħ il-pubbliku kkonċernat, probabbiltà ta’ konfużjoni bejniethom, l-eżistenza ta’ tali probabbiltà ma hijiex meħtieġa għall-protezzjoni mogħtija mill-paragrafu 5 tal-istess artikolu. Għaldaqstant, il-ksur imsemmija fil‑paragrafu 5 jistgħu jkunu l-konsegwenza ta’ livell iktar baxx ta’ xebh bejn it-trade marks preċedenti u sussegwenti, sakemm dan ikun biżżejjed sabiex il-pubbliku kkonċernat jagħmel tqabbil bejn l-imsemmija trade marks, jiġifieri jistabbilixxi rabta bejniethom.

Min-naħa l-oħra, la mill-kliem tal-imsemmija dispożizzjonijiet u lanqas mill-ġurisprudenza ma jirriżulta li x-xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti għandhom jiġu evalwati b’mod differenti skont jekk l-evalwazzjoni ssirx abbażi ta’ waħda jew l-oħra minn dawn id-dispożizzjonijiet.

L-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti għandha, bħall-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, tiġi evalwata b’mod globali billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha għal dan il-każ, li jinkludu mhux biss il-livell ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti, iżda wkoll il-livell ta’ karattru distintiv u l-intensità tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.

Fir-rigward b’mod partikolari ta’ dan l-aħħar fattur, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti, jista’ jkun neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni l-intensità tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, sabiex jiġi stabbilit jekk din ir-reputazzjoni testendix lil hinn mill-pubbliku li lejh din it-trade mark hija mmirata. Fil-fatt, huwa possibbli li l-pubbliku kkonċernat mill-prodotti jew is-servizzi li għalihom it-trade mark sussegwenti hija rreġistrata jagħmel assoċjazzjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti għalkemm dan ikun totalment distint mill-pubbliku kkonċernat mill-prodotti jew is-servizzi li għalihom it-trade mark preċedenti ġiet irreġistrata.

Għaldaqstant, ir-reputazzjoni u l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti jikkostitwixxu fatturi rilevanti għall-evalwazzjoni mhux tax-xebh tat-trade marks kunfliġġenti, iżda tal-eżistenza ta’ rabta bejniethom f’moħħ il-pubbliku kkonċernat.

(ara l-punti 51-54, 56-58)

3.        Mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-appell huwa limitat għall-punti ta’ dritt. Għaldaqstant, hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll il-provi ppreżentati quddiemha. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u tal-provi għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-inċiż (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 112(1) tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar jobbligaw lill-appellant jindika b’mod preċiż l-elementi li ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fl-evalwazzjoni tagħha, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dak l-iżnaturament.

(ara l-punti 73, 78)

4.        Sabiex jiġi evalwat il-livell ta’ xebh eżistenti bejn it-trade marks kunfliġġenti, għandu jiġi ddeterminat il-livell ta’ xebh viżiv, ta’ smigħ, u kunċettwali bejniethom u, fejn ikun xieraq, tiġi evalwata l-importanza li għandha tingħata lil dawn l-elementi differenti, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kategorija ta’ prodotti jew servizzi inkwistjoni u l-kundizzjonijiet li fihom jiġu kkummerċjalizzati.

Għandha ssir evalwazzjoni globali tax-xebh viżiv, ta’ smigħ u kunċettwali bejn is-sinjali inkwistjoni, li fil-kuntest tagħha l-evalwazzjoni ta’ xebh fonetiku eventwali hija biss waħda mill-fatturi rilevanti.

(ara l-punti 85, 86)

5.        L-eżistenza ta’ “grupp” jew “serje” ta’ trade marks hija element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. F’dan il-każ, fil-fatt, il-probabbiltà ta’ konfużjoni tirriżulta mill-fatt li l-konsumatur jista’ jkollu żball fir-rigward tal-provenjenza jew l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u jqis, b’mod żbaljat, li dawn jagħmlu parti minn dan il-grupp jew serje ta’ trade marks.

Madankollu, dan l-element ma għandu l-ebda rilevanza fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza tax-xebh bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark ikkontestata.

Konsegwentement, huwa biss fl-eventwalità li t-trade marks kunfliġġenti jkollhom ċertu xebh li l-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni b’mod globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni jew tar-rabta bejniethom, l-eżistenza ta’ “grupp” jew “serje” ta’ trade marks.

(ara l-punti 97-99)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

24 ta’ Marzu 2011 (*)

“Appell – Trade mark Komunitarja – Regolament (KE) Nru 40/94 – Trade mark Komunitarja figurattiva TiMi KiNDERJOGHURT – Trade mark verbali preċedenti KINDER – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Artikolu 52(1)(a) – Artikolu 8(1)(b) u (5) – Evalwazzjoni tax-xebh tas-sinjali – Grupp ta’ trade marks”

Fil-Kawża C‑552/09 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit-23 ta’ Diċembru 2009,

Ferrero SpA, stabbilita f’Alba (l-Italja), irrappreżentata minn C. Gielen, avukat,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn D. Botis, bħala aġent,

konvenut fl-ewwel istanza,

Tirol Milch reg.Gen.mbH Innsbruck,

parti fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn A. Borg Barthet (Relatur), li qiegħed jaġixxi bħala President tal‑Ħames Awla, M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Novembru 2010,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l‑kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Ferrero SpA (iktar ’il quddiem “Ferrero”) titlob l‑annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal‑Komunitajiet Ewropej tal‑14 ta’ Ottubru 2009, Ferrero vs UASI – Tirol Milch (TiMi KiNDERJOGHURT) (T-140/08, Ġabra p. II-3941, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha mressaq kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tat-30 ta’ Jannar 2008 (Kawża R 682/2007-2), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn Ferrero u Tirol Milch reg.Gen.mbH Innsbruck (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it‑trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p.146) ġie mħassar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU L 78, p. 1), li daħal fis‑seħħ fit-13 ta’ April 2009. Madankollu, fid‑dawl tad-data tal-fatti tal‑kawża, din il-kawża tibqa’ rregolata bir-Regolament Nru 40/94.

3        Skont is-seba’ premessa tar-Regolament Nru 40/94:

“Billi l-protezzjoni mogħtija minn trade mark Komunitarja, li għandha l-funzjoni partikolari li tiggarantixxi t-trade mark bħala indikazzjoni ta’ oriġini, hija assoluta f’każ ta’ identiċità bejn il-marka u s-sinjal u l‑prodotti jew is-servizzi; billi din il‑protezzjoni tapplika wkoll f’każijiet ta’ xebħ bejn il-marka u s-sinjal u l-prodotti jew is-servizzi; billi l‑kunċett ta’ xebħ għandu jingħata interpretazzjoni marbuta mal‑possibiltà ta’ konfużjoni; billi l-possibilta’ ta’ konfużjoni, li l‑apprezzament tagħha tiddependi fuq ħafna elementi u, b’mod partikolari, fuq l-għarfien tat-trade mark fuq is-suq, l-assoċjazzjoni li tista ssir bejn is-sinjal użat u dak registrat, il‑livell ta’ xebħ bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn il-prodotti jew is-servizzi identifikati, tikkostitwixxi l-kundizzjoni speċifika għal tali protezzjoni”.

4        L-Artikolu 8(1) tal-istess regolament kien jipprovdi:

“Jekk issir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l‑applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa:

[…]

b)      jekk minħabba identiċità jew xebħ bejn iż-żewġ trade marks u l‑identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabilta’ ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku fit‑territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il‑probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il‑probabiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.”

5        L-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 kien jipprovdi:

“Barra minn hekk, malli ssir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti skond it-tifsira tal-paragrafu 2, it-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni m’għandhiex tiġi reġistrata jekk din tkun identika jew jekk tkun tixbah trade mark preċedenti, u għandha tiġi reġistrata għal prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom tkun reġistrata it-trademark preċedenti, meta f’każ ta’ trade mark Komunitarja preċedenti it-trade mark għandha reputazzjoni fil‑Komunità u, f’każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, it-trade mark għandha reputazzjoni fl-Istat Membru konċernat, u dana meta l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar‑reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.”

6        L-Artikolu 49(1) u (2) tal-istess regolament kien jipprovdi:

“1.      Trade mark Komunitarja tista’ tiġi ċeduta fir-rigward ta’ xi wħud mill‑prodotti jew servizzi li għalihom tkun reġistrata jew fir-rigward ta’ kollha.

2.      Iċ-ċessjoni għandha tiġi iddikjarata lill-Uffiċċju bil-miktub mill‑proprjetarju tat-trade mark. M’għandhiex ikollha effett qabel ma tiddaħħal fir-Reġistru.”

7        L-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat “Raġunijiet relattivi ta’ invalidità”, kien jiddisponi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“It-trade mark Komunitarja għandha tiġi dikjarata bħala invalida wara applikazzjoni lill-Uffiċċju jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’ vjolazzjoni:

a)      meta jkun hemm trademark preċedenti kif msemmi fl‑Artikolu 8(2) u l‑kundizzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 5 ta’ dak l‑Artikolu jkunu sodisfatti;

[…]”

8        L-Artikolu 54(2) tal-istess regolament kien jipprovdi:

“It-trade mark Komunitarja għandha titqies li ma kellhiex, sa mill-bidu, l-effetti speċifikati minn dan ir-Regolament, sa fejn it-trade mark tkun ġiet iddikjarata invalida.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

9        Fit-8 ta’ April 1998, Tirol Milch reg.Gen.mbH Innsbruck (iktar ’il quddiem “Tirol Milch”, stabbilita f’Innsbruck (l-Awstrija), ippreżentat quddiem l-UASI applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, bħala trade mark Komunitarja, tas-sinjal figurattiv segwenti:

Image not found

10      Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il‑klassi 29 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Nice”), u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti:

“Jogurt, jogurt tal-frott, xorb magħmul mill-jogurt, xorb magħmul mill‑jogurt li jikkontjeni frott; platti ppreparati u parzjalment ippreparati prinċipalment abbażi ta’ jogurt jew ta’ prodotti magħmula mill-jogurt; kremi magħmula mill-jogurt”.

11      Fl-14 ta’ Jannar 1999, Ferrero ippreżentat oppożizzjoni kontra r‑reġistrazzjoni tat‑trade mark li saret applikazzjoni għaliha għall‑prodotti kollha koperti minn din it-trade mark billi bbażat ruħha fuq trade mark verbali preċedenti tagħha KINDER, li ilha rreġistrata fl-Italja mit-28 ta’ Jannar 1965 bin-numru 168843 u, wara tiġdid, bin-numru 684985, għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 30 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti:

“Kafè, tè, zokkor, ross, tapjoka, sagu, preparazzjonijiet li jissostitwixxu l-kafè, ħobż, gallettini, kejkijiet, għaġina għall-kejkijiet u ħlewwiet, ġelati li jittieklu, għasel, għasel iswed, ħmira u trab tal-ħami, melħ, mustarda, bżar, ħall, zlazi, ħwawar, silġ li jittiekel; kawkaw, prodotti tal-kawkaw, jiġifieri pejst tal-kawkaw għal xarbiet tal-kawkaw, pejst taċ-ċikkulata; saffi, b’mod partikolari saffi taċ‑ċikkulata, ċikkulata, pralines, dekorazzjonijiet taċ-ċikkulata għas-siġar tal‑Milied, prodotti magħmula miċ-ċikkulata mimlija bl-alkoħol, ħelu, ħlewwiet, inkluż għaġina iebsa u ratba għall-kejkijiet”.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Settembru 2000, id-Diviżjoni tal‑Oppożizzjoni tal-UASI ċaħdet l-oppożizzjoni fuq il-bażi tad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar‑Regolament Nru 40/94.

13      Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata fit-3 ta’ Novembru 2003 mir-Raba’ Bord tal‑Appell tal-UASI.

14      It-trade mark TiMi KiNDERJOGHURT ġiet irreġistrata fl-20 ta’ Awwissu 2004 u ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji tal-11 ta’ Ottubru 2004.

15      Fid-19 ta’ Awwissu 2005, Ferrero ppreżentat quddiem l-UASI, talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, skont l-Artikolu 52(1)(a) tar‑Regolament Nru 40/94, tar-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark Komunitarja. Din it-talba tressqet fir‑rigward tal-prodotti kollha koperti minn din it-trade mark Komunitarja.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Marzu 2007, id-Diviżjoni tal‑Kanċellazzjoni tal‑UASI ddikjarat l-invalidità tat-trade mark Komunitarja TiMi KiNDERJOGHURT skont l-Artikolu 8(5) tar‑Regolament Nru 40/94.

17      Fl-4 ta’ Mejju 2007, Tirol Milch ressqet appell quddiem l-UASI bbażat fuq l‑Artikolu 59 tar-Regolament Nru 40/94, kontra l-imsemmija deċiżjoni tad‑Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

18      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, it-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI annulla d‑deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u ċaħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.

19      Il-Bord tal-Appell essenzjalment ikkunsidra li, l-ewwel nett, għalkemm id‑deċiżjonijiet ta’ oppożizzjoni ma għandhomx is-saħħa ta’ res judicata, id‑Diviżjoni tal‑Kanċellazzjoni xorta waħda kienet marbuta mill-konstatazzjonijiet u l‑konklużjonijiet fuq il-mertu tad-deċiżjonijiet preċedenti tal-UASI skont ir-regola nemo potest venire contra factum proprium, jiġifieri li l‑amministrazzjoni hija marbuta li tosserva l-atti tagħha stess, b’mod partikolari meta dawn l-atti ppermettew lill-partijiet fil-proċeduri jiksbu b’mod leġittimu drittijiet fuq trade mark irreġistrata. Imbagħad, il-Bord tal-Appell ikkonferma l-konstatazzjonijiet tad‑deċiżjoni tad-Diviżjoni tal‑Oppożizzjoni u tad-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal‑Appell, tat-3 ta’ Novembru 2003, fis-sens li t-trade marks kienu kompletament differenti, fid-dawl tad-differenzi kbar bejniethom fuq livell viżiv u fonetiku. Fl‑aħħar nett, hija ċaħdet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità peress li kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) u tal-Artikolu 8(5) tar‑Regolament Nru 40/94, jiġifieri l-identiċità jew ix-xebh tas-sinjali, ma ġietx sodisfatta.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

20      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ April 2008, Ferrero talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u l‑kundanna tal-UASI għall-ispejjeż.

21      Insostenn tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti invokat żewġ motivi bbażati, fl-ewwel lok, fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju tar-res judicata u, fit-tieni lok, fuq il-ksur tal‑Arikolu 8(1)(b) u tal-Arikolu 8(5) tar‑Regolament Nru 40/94.

22      Fir-rigward tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 32 tas‑sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell wettaq eżami awtonomu u komplet tal-mertu tal‑kawża u, b’mod partikolari, tax-xebh tas-sinjali inkwistjoni, b’mod li, minkejja l-konstatazzjonijiet li saru fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ma applikax il-prinċipju tar-res judicata. Minn dan, il-Qorti ddeduċiet, fil‑punt 33 tal-imsemmija sentenza, li l-ewwel motiv kien ibbażat fuq premessa żbaljata u kellu, minħabba dan il-fatt, jiġi miċħud.

23      Madankollu l-Qorti Ġenerali indikat, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, li l‑Bord tal-Appell kellu żball meta kkunsidra li, fil-kuntest ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, id-dipartimenti tal‑UASI kienu marbuta bil‑konstatazzjonijiet li saru fid-deċiżjoni finali mogħtija fil-kuntest tal‑proċedimenti ta’ oppożizzjoni, skont ir-regola nemo potest venire contra factum proprium, il-protezzjoni tad-drittijiet miksuba, kif ukoll il-prinċipji taċ‑ċertezza legali u tal-protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi.

24      Fir-rigward tat-tieni motiv invokat minn Ferrero insostenn tar-rikors tagħha, il‑Qorti Ġenerali qabelxejn osservat, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, li l‑eżistenza ta’ xebh bejn it-trade mark preċedenti u t‑trade mark ikkontestata tikkostitwixxi kundizzjoni ta’ applikazzjoni komuni għall-Artikolu 8(1)(b) u l‑Artikolu 8(5) tar‑Regolament Nru 40/94, li għalihom jirreferi l-Artikolu 52(1)(a) tal‑istess regolament, u li dan jeħtieġ l-eżistenza, b’mod partikolari, tal‑elementi ta’ xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali.

25      Fil-punt 54 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali mbagħad irreferiet għall‑ġurisprudenza li turi li sabiex tiġi sodisfatta l-kundizzjoni dwar ix‑xebh skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, ma huwiex neċessarju li jintwera li teżisti, f’moħħ il-pubbliku kkonċernat, probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark preċedenti li tgawdi minn reputazzjoni u t-trade mark ikkontestata, iżda huwa suffiċjenti li l-livell ta’ xebh bejn dawn it-trade marks ikollu l-effett li l‑pubbliku kkonċernat jistabbilixxi rabta bejniethom. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-eżistenza ta’ rabta bħal din għandha tkun evalwata b’mod ġenerali, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni u li l-paragun tas-sinjali għandu, għal dak li jirrigwarda x‑xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tat-trade marks inkwistjoni, ikun ibbażat fuq l‑impressjoni ġenerali mogħtija mit-trade marks, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tal‑imsemmija trade marks.

26      Madankollu, l-imsemmija qorti kkunsidrat, fil-punti 55 sa 59 tas‑sentenza appellata, li, minkejja l-fatt li l-element “kinder” huwa preżenti fiż-żewġ sinjali inkwistjoni, diversi karatteristiċi viżivi u fonetiċi jeskludu li s-sinjali jiġu pperċepiti bħala simili f’dan il-każ.

27      Fil-punt 61 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fir‑rigward tal‑argument ta’ Ferrero bbażat fuq ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti u l‑argument ibbażat fuq xebh eżistenti bejn il‑prodotti tat-trade marks kunfliġġenti, li, anki jekk l-imsemmija elementi setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall‑evalwazzjoni ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, xorta jibqa’ l-fatt li dawn ma għandhom l-ebda effett fuq l-evalwazzjoni tax-xebh eżistenti bejn is-sinjali. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 62 tal-imsemmija sentenza, li n‑nuqqas ta’ xebh bejn is-sinjali inkwistjoni tant kien evidenti li r‑reputazzjoni tat‑trade mark KINDER, indipendentement mill-fatt jekk din kinitx inkontestata jew le, ma kinitx f’pożizzjoni li tqiegħed f’dubju dan in‑nuqqas ta’ xebh.

28      Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, li l‑eżistenza ta’ grupp jew ta’ serje ta’ trade marks ma kinitx rilevanti fil‑kuntest tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk hijiex sodisfatta jew le l-kundizzjoni ta’ applikazzjoni komuni għall-Artikolu 8(1)(b) u l‑Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, jiġifieri l-eżistenza ta’ xebh bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark ikkontestata. Barra minn hekk, l-imsemmija qorti kkonstatat, fil-punt 64 tal‑imsemmija sentenza, li, anki jekk wieħed iqis li l-eżistenza ta’ grupp jew serje ta’ trade marks hija fattur rilevanti fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ xebh bħal dan, il‑probabbiltà li l-konsumaturi jistgħu effettivament jikkunsidraw fil-każ preżenti li t-trade mark ikkontestata tagħmel parti minn dan il-grupp jew serje ta’ trade marks hija remota ħafna, jekk mhux ineżistenti, minħabba d-differenzi kbar li jeżistu bejn it-trade mark ikkontestata u s-sinjali elenkati fil-punt 5 tar-rikors, li kollha jinkludu l-element “kinder” kif ukoll element supplimentari u/jew elementi figurattivi.

29      Fir-rigward tal-argument li l-Bord tal-Appell ma kkunsidrax il-fatt li, skont l‑Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, l-evalwazzjoni tal‑livell ta’ xebh ma teħtieġx l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 67 tas‑sentenza appellata, li l-argumenti invokati mill-Bord tal-Appell indikaw in-nuqqas ta’ xebh indipendentement mill-kapaċità eventwali tal‑livell ta’ xebh li joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni.

30      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 68 tas-sentenza appellata, li l‑Bord tal-Appell ma wettaqx żball meta għamel “eżami analitiku” tat-trade mark ikkontestata. Fil-fatt, l-imsemmija qorti kkunsidrat li, jekk għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal‑evalwazzjoni tal-livell ta’ xebh, l-impressjoni globali prodotta mill‑elementi kollha flimkien li jikkostitwixxu dawn it-trade marks, dan xorta waħda ma huwiex inkompatibbli ma’ eżami suċċessiv ta’ dawn l‑elementi. Il-Qorti Ġenerali osservat ukoll li, fil-każ preżenti, wara li kkonstata li d-differenzi bejn is-sinjali inkwistjoni jikkontrobilanċjaw l-uniku element ta’ xebh, il-Bord tal-Appell enfasizza li, meta ġew ipparagunati b’mod ġenerali, l‑impressjonijiet ġenerali li dawn is-sinjali taw kienu differenti, b’mod li, l‑imsemmi “eżami analitiku” ma sarx bi ħsara għat-teħid inkunsiderazzjoni tal‑impressjoni ġenerali prodotta mill-elementi flimkien li jikkostitwixxu t-trade marks kunfliġġenti.

31      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala infondat it-tieni motiv invokat minn Ferrero insostenn tar-rikors tagħha u, għaldaqstant, ċaħdet ir-rikors.

 It-talbiet tal-partijiet

32      Permezz tal-appell tagħha, Ferrero titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tilqa’ r-rikors tagħha li għandu l-għan li jannulla d-deċiżjoni kkontestata jew, sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il‑Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi mill-ġdid, u

–        tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż sostnuti minnha kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-proċedura tal-appell.

33      L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tieħu inkunsiderazzjoni r-rinunzja ta’ Tirol Milch għat-trade mark Komunitarja kkontestata u, fl-eventwalità fejn l-appellanti taċċetta li twaqqaf il-proċedura jew ma tipprovax li hija għandha interess ġuridiku li tkompli bil-proċedura, tiddikjara l-appell bħala li ma għandux suġġett u tikkonstata li ma hemmx lok li tingħata sentenza u li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha;

–        jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-appellanti għandha interess li tipproċedi bil-proċedura, tawtorizza lill-UASI li jippreżenta argumenti u sottomissjonijiet ġodda fir-rigward tal-appell, u

–        sussidjarjament, tiċħad mill-ewwel l-appell fl-intier tiegħu bħala inammissibbli, jew bħala manifestament infondat, u tikkundanna lill‑appellanti għall-ispejjeż sostnuti minnu.

 Fuq l-appell

 Fuq l-interess ġuridiku tal-appellanti

 L-argumenti tal-partijiet

34      Fir-risposta tiegħu, l-UASI indika li, permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Frar 2010, Tirol Milch informatu bir-rieda tagħha li ċċedi t-trade mark Komunitarja kkontestata fl‑intier tagħha, skont l‑Artikolu 49 tar‑Regolament Nru 40/94.

35      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Marzu 2010, l-UASI kkonferma lil Tirol Milch li r‑rinunzja tagħha ġiet aċċettata u li t-trade mark li għaliha kisbet ir-reġistrazzjoni tneħħiet mir-reġistru tat-trade marks Komunitarji. Permezz ta’ posta, bid-data tal‑għada, l-UASI informa lil Ferrero b’din it-tneħħija.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-UASI jsostni li l-appellanti issa ma għandha l‑ebda interess li tikseb l-annullament tas-sentenza appellata, b’tali mod li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq l-appell preżenti u li l-proċedura għandha tiġi ddikjarata li ma għandhiex suġġett.

37      Waqt is-seduta, Ferrero xorta waħda sostniet li d-deċiżjoni kkontestata u s‑sentenza appellata ħolqu effetti legali sfavorevoli għaliha.

38      Barra minn hekk, Ferrero ssostni li, minkejja li Tirol Milch ċediet it-trade mark ikkontestata, hija żżomm interess li tikseb l-annullament kemm tas-sentenza appellata kif ukoll tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn id-dikjarazzjoni ta’ invalidità, b’mod differenti mir-rinunzja, toħloq effetti sa mid-data li fiha ġiet ippreżentata l‑applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ din it‑trade mark.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

39      Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-interess ġuridiku jikkostitwixxi kundizzjoni ta’ ammissibbiltà li għandha tibqa’ teżisti sakemm il-qorti tiddeċiedi l-mertu. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja, tali interess jeżisti sakemm l-appell jista’, permezz tal‑eżitu tiegħu, ikun ta’ benefiċċju għall-parti li tkun ressqitu (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni, C-550/07 P, Ġabra p. I‑8301, punti 22 u 23).

40      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li, permezz tas‑sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ Ferrero intiż sabiex jannulla d‑deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha, il‑Bord tal-Appell tal-UASI kien ċaħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mressqa minn din il-kumpannija kontra r‑reġistrazzjoni tat‑trade mark Komunitarja TiMi KiNDERJOGHURT .

41      Issa, f’dan il-każ, jekk l-aggravju invokat minn Ferrero insostenn tal‑appell tagħha kien fondat, dan jista’ jwassal għall-annullament tas‑sentenza appellata, jew, fejn applikabbli, tad-deċiżjoni kkontestata u, għaldaqstant, tad-deċiżjoni tal-20 ta’ Awwissu 2004 li wasslet għar‑reġistrazzjoni tal-imsemmija trade mark.

42      It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li jsostni l-UASI, il-fatt li Tirol Milch ċediet it-trade mark Komunitarja TiMi KiNDERJOGHURT ma jċaħħadx, fih innifsu, minn kull suġġett l-appell imressaq minn Ferrero.

43      Fil-fatt, din tal-aħħar iżżomm interess li tappella kontra s-sentenza appellata sa fejn, kif sostniet waqt is-seduta, l-effetti tar-rinunzja u dawk ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità ma humiex l-istess. Għaldaqstant, filwaqt li t-trade mark Komunitarja li tagħha saret ir-rinunzja tieqaf tagħti l-effetti tagħha sa mir-reġistrazzjoni ta’ din ir‑rinunzja, trade mark Komunitarja ddikjarata bħala invalida titqies bħala li ma kellha l-ebda effet sa mill-bidu, b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 54(2) tar‑Regolament Nru 40/94, bil-konsegwenzi legali kollha li tali invalidità ġġib magħha.

44      Għaldaqstant, sakemm l-appell preżenti jista’ jagħti benefiċċju lil Ferrero, din iżżomm interess ġuridiku.

 Fuq il-mertu

45      Insostenn tal-appell tagħha, Ferrero tinvoka aggravju wieħed ibbażat fuq ksur tal‑Artikolu 8 tar-Regolament Nru 40/94. Dan l-aggravju jinqasam f’ħames partijiet ibbażati, rispettivament:

–        l-ewwel, fuq ksur tas-sistema stabbilita bl-Artikolu 8 tar‑Regolament Nru 40/94;

–        it-tieni, fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni xieraq ta’ elementi oħra minbarra x-xebh, b’mod partikolari r-reputazzjoni;

–        it-tielet, fuq il-formulazzjoni ta’ regoli tal-provi żbaljati u infondati;

–        ir-raba’, fuq in-nuqqas ta’ għarfien tal-fatt li t-trade marks preċedenti huma parzjalment trade marks verbali, filwaqt li t-trade mark ikkontestata hija trade mark figurattiva, u

–        il-ħames, fuq nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni xieraq tal‑eżistenza ta’ grupp ta’ trade marks.

 Fuq l-ewwel parti tal-aggravju uniku

–       L-argumenti tal-partijiet

46      Permezz ta’ din l-ewwel parti tal-aggravju uniku, Ferrero tallega li l‑Qorti Ġenerali kisret is-sistema stabbilita mill-Artikolu 8 tar‑Regolament Nru 40/94 meta wettqet evalwazzjoni fattwali waħda tax-xebh skont il-paragrafi 1(b) u 5 tal‑Artikolu 8 tar-Regolament Nru 40/94, filwaqt li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet distinti jeħtieġu applikazzjoni ta’ settijiet ta’ kriterji totalment differenti.

47      Skont Ferrero, mill-ġurisprudenza joħroġ li, fil-kuntest ta’ kull waħda mill‑imsemmija dispożizzjonijiet, ix-xebh għandu jkun evalwat b’mod interdipendenti flimkien ma’ numru ta’ elementi oħra li jvarjaw skont id‑dispożizzjoni kkonċernata.

48      Jirriżulta b’mod partikolari mis-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Intel Corporation (C-252/07, Ġabra p. I-8823) li, skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, sabiex jiġi evalwat ix-xebh, ir-reputazzjoni kif ukoll l-elementi distintivi u dominanti tas-sinjal inkwistjoni.

49      Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 8(1)(b) tal-imsemmi regolament, it‑teħid inkunsiderazzjoni tar-reputazzjoni u tal-karattru distintiv huwa rilevanti għall‑iskop tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.

50      L-UASI jsostni li din l-ewwel parti tal-aggravju uniku hija manifestament infondata. Huwa jsostni li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, skont iż-żewġ dispożizzjonijiet imsemmija fil‑punt 46 tas-sentenza preżenti, ix-xebh għandu jkun evalwat fid-dawl tal-elementi ta’ xebh viżiv, ta’ smigħ u kunċettwali bejn is‑sinjali (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Adidas-Salomon u Adidas Benelux, C‑408/01, Ġabra p. I‑12537, punt 28). Skont l-UASI, jekk dan l-eżami juri li, globalment, is-sinjali ma jixtibhux, din il-konstatazzjoni hija valida kemm fil‑kuntest tal-paragrafu 1(b) kif ukoll tal-paragrafu 5 tal‑Artikolu 8 tar‑Regolament Nru 40/94.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

51      Preliminarjament, għandu jġi mfakkar, kif għamlet il-Qorti Ġenerali fil‑punt 53 tas-sentenza appellata, li l-eżistenza ta’ xebh bejn it-trade mark preċedenti u t‑trade mark ikkontestata tikkostitwixxi kundizzjoni ta’ applikazzjoni komuni għall-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 40/94.

52      Din il-kundizzjoni ta’ xebh bejn it-trade mark u s-sinjal timplika, kemm fil-kuntest tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll f’dak tal-paragrafu 5 tal‑istess artikolu, l-eżistenza, b’mod partikolari, ta’ elementi ta’ xebh viżiv, ta’ smigħ jew kunċettwali (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza Adidas-Salomon u Adidas Benelux, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

53      Ċertament, il-livell ta’ xebh meħtieġ fil-kuntest ta’ waħda jew oħra mid‑dispożizzjonijiet huwa differenti. Fil-fatt, filwaqt li l‑implementazzjoni tal‑protezzjoni stabbilita bl-Artikolu 8(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94 hija suġġetta għall-konstatazzjoni ta’ livell ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti tali li jkun hemm, f’moħħ il-pubbliku kkonċernat, probabbiltà ta’ konfużjoni bejniethom, l-eżistenza ta’ tali probabbiltà ma hijiex meħtieġa għall-protezzjoni mogħtija mill‑paragrafu 5 tal-istess artikolu. Għaldaqstant, il-ksur imsemmija fil‑paragrafu 5 jistgħu jkunu l-konsegwenza ta’ livell iktar baxx ta’ xebh bejn it‑trade marks preċedenti u sussegwenti, sakemm dan ikun biżżejjed sabiex il‑pubbliku kkonċernat jagħmel tqabbil bejn l‑imsemmija trade marks, jiġifieri jistabbilixxi rabta bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Adidas-Salomon u Adidas Benelux, iċċitata iktar ’il fuq, punti 27, 29 u 31, kif ukoll Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq, punti 57, 58 u 66).

54      Min-naħa l-oħra, la mill-kliem tal-imsemmija dispożizzjonijiet u lanqas mill‑ġurisprudenza ma jirriżulta li x-xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti għandhom jiġu evalwati b’mod differenti skont jekk l-evalwazzjoni ssirx abbażi ta’ waħda jew l-oħra minn dawn id-dispożizzjonijiet.

55      Fir-rigward tal-argument ta’ Ferrero bbażat fuq is-sentenza Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa bbażat fuq qari żbaljat tal‑imsemmija sentenza.

56      Fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il‑ġurisprudenza tagħha li tistipula li l-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti għandha, bħall‑eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, tiġi evalwata b’mod globali billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha għal dan il‑każ, li jinkludu mhux biss il-livell ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti, iżda wkoll il-livell ta’ karattru distintiv u l-intensità tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti (ara s‑sentenza Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq, punti 41 u 42 kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata).

57      Fir-rigward b’mod partikolari ta’ dan l-aħħar fattur, il-Qorti tal‑Ġustizzja osservat li, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade marks kunfliġġenti, jista’ jkun neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni l-intensità tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, sabiex jiġi stabbilit jekk din ir-reputazzjoni testendix lil hinn mill‑pubbliku li lejh din it-trade mark hija mmirata. F’dan ir-rigward, hija spjegat b’mod partikolari li, fil-fatt, huwa possibbli li l-pubbliku kkonċernat mill-prodotti jew is-servizzi li għalihom it-trade mark sussegwenti hija rreġistrata jagħmel assoċjazzjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti għalkemm dan ikun totalment distint mill-pubbliku kkonċernat mill-prodotti jew is-servizzi li għalihom it-trade mark preċedenti ġiet irreġistrata (ara s-sentenza Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq, punti 52 u 53).

58      Għaldaqstant mis-sentenza Intel Corporation, iċċitata iktar ’il fuq, joħroġ ċar li, kuntrarjament għal dak li ssostni Ferrero, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet f’dik is‑sentenza li r-reputazzjoni u l-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti jikkostitwixxu fatturi rilevanti għall‑evalwazzjoni mhux tax-xebh tat‑trade marks kunfliġġenti, iżda tal-eżistenza ta’ rabta bejniethom f’moħħ il-pubbliku kkonċernat.

59      Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti tal-aggravju uniku

–       L-argumenti tal-partijiet

60      Permezz ta’ din it-tieni parti tal-aggravju uniku, Ferrero ssostni li l‑Qorti Ġenerali, fil-punti 55 sa 59 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi meta evalwat il‑probabbiltà ta’ konfużjoni skont l‑Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 40/94, mill‑perspettiva tax‑xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti biss u meta rrifjutat li teżamina l‑fatturi l-oħra applikabbli li setgħu jkunu rilevanti sabiex jagħmlu tajjeb għall-possibbiltà ta’ xebh dgħajjef tas-sinjali u, b’mod partikolari, ir‑reputazzjoni tat-trade mark preċedenti fis-suq ikkonċernat.

61      Barra minn hekk, Ferrero ssostni li, l-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, li “n-nuqqas ta’ xebh bejn is-sinjali inkwistjoni […] tant huwa evidenti li r-reputazzjoni tat-trade mark KINDER, indipendentement mill‑fatt jekk hijiex inkontestata jew le, ma hijiex kapaċi tqiegħed f’dubju dan in‑nuqqas ta’ xebh” hija żbaljata, inkwantu r-reputazzjoni ta’ trade mark għandha effett dirett fuq l‑estensjoni tal-protezzjoni tagħha fir-rigward ta’ xebh. Skont l‑appellanti, trade mark li għandha reputazzjoni qawwija tikseb ukoll karattru distintiv qawwi ħafna. Konsegwentement, għandu jkun hemm differenzi sostanzjali sabiex wieħed jiddistingwi bejn trade mark sussegwenti u trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni. Jekk isir paragun bejn iż‑żewġ trade marks mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni r‑reputazzjonijiet rispettivi tagħhom, dan jikkostitwixxi żball ta’ liġi.

62      Ferrero ssostni wkoll li, jekk il-punt 62 tas-sentenza appellata għandu jiġi interpretat fis-sens li jfisser li kemm il-paragrafu 1(b) kif ukoll il‑paragrafu 5 tal‑Artikolu 8 tar-Regolament Nru 40/94 jimplikaw l‑eżistenza ta’ livell minimu ta’ xebh u li, jekk dan il‑minimu ma jkunx intlaħaq, dan in-nuqqas ma jistax jiġi kkumpensat b’reputazzjoni qawwija, din il‑konklużjoni għandha wkoll tiġi miċħuda peress li din ma għandha l‑ebda bażi ġuridika f’dan l-Artikolu 8. Ferrero tissottometti li, għall-kuntrarju, in‑natura interdipendenti tax-xebh u tar‑reputazzjoni, skont dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, tfisser li anki livell minimu ta’ xebh jista’ jkun ikkumpensat bir-reputazzjoni, u b’hekk tinħoloq rabta fis‑sens tal-paragrafu 5 jew anki probabbilta’ ta’ konfużjoni fis‑sens tal‑imsemmi paragrafu 1(b).

63      Skont l-UASI, din it-tieni parti tal-aggravju uniku hija manifestament infondata. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza joħroġ li, jekk is-sinjali inkwistjoni huma differenti, ir‑reputazzjoni eventwali tat-trade marks preċedenti ma twassalx għall‑applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet, peress li waħda mill‑kundizzjonijiet stabbiliti fihom ma ġietx sodisfatta. Din tapplika kemm għall‑Artikolu 8(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94, li jistabbilixxi li x-xebh bejn is‑sinjali u l‑prodotti hija kundizzjoni indispensabbli għall-applikazzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni, kif ukoll għall-paragrafu 5 tal-istess artikolu, li jistabbilixxi li x‑xebh tas-sinjali hija waħda mill-kundizzjonijiet indipendenti u kumulattivi li għandhom jiġu sodisfatti.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

64      Kif tfakkar fil-punt [56] tas-sentenza preżenti, l-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark ikkontestata skont l‑Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 għandha, bħall-probabbiltà ta’ konfużjoni skont il-paragrafu 1(b) tal‑istess artikolu, tiġi evalwata b’mod globali, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑fatturi rilevanti kollha tal-każ, fosthom b’mod partikolari, il-livell ta’ xebh bejn il-prodotti rrappreżentati b’dawn it-trade marks, kif ukoll l-intensità tar‑reputazzjoni u l-livell ta’ karattru distintiv, intrinsiku jew miksub permezz tal‑użu, tat-trade mark preċedenti.

65      Minkejja li din l-evalwazzjoni globali timplika ċertu interdipendenza bejn il‑fatturi meħuda inkunsiderazzjoni, livell dgħajjef ta’ xebh bejn it-trade marks jista’ jiġi kkumpensat minn karattru distintiv qawwi tat-trade mark preċedenti [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Mejju 2009, Waterford Wedgwood vs Assembled Investments (Proprietary) u UASI, C-398/07 P, punt 33], jibqa’ l-fatt li, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe xebh bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark ikkontestata, l-għarfien jew ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, kif ukoll l‑identiċità jew ix‑xebh tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati ma humiex biżżejjed sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it‑trade marks inkwistjoni jew ta’ rabta bejniethom f’moħħ il-pubbliku kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Calvin Klein Trademark Trust vs UASI, C-254/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 53 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

66      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 51 tas-sentenza preżenti, l-identiċità jew ix-xebh tat-trade marks inkwistjoni hija kundizzjoni neċessarja tal‑applikazzjoni tal‑Artikoli 8(1)(b) u 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. Konsegwentement, dawn id‑dispożizzjonijiet huma manifestament inapplikabbli meta l-Qorti Ġenerali tinjora kull xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Calvin Klein Trademark Trust vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68). Huwa biss fl-eventwalità fejn it‑trade marks kunfliġġenti jkollhom xi xebh bejniethom, anki jekk dgħajjef, li l‑imsemmija qorti tkun tista’ twettaq evalwazzjoni globali sabiex tiddertemina jekk, minkejja l-livell dgħajjef ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti, teżistix, minħabba l-preżenza ta’ fatturi oħra rilevanti, bħalma huma l-għarfien u r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, probabbilta’ ta’ konfużjoni jew rabta bejn it-trade marks f’moħħ il-pubbliku kkonċernat.

67      Issa, fil-punti 55 sa 59 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ċertu numru ta’ karatteristiċi viżivi u fonetiċi tas-sinjali inkwistjoni jeskludu li dawn ikunu jistgħu jiġu pperċepiti bħala simili.

68      F’dawn iċ-ċirkstanzi, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonkludiet, fil-punti 61 u 62 tas-sentenza appellata, li r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti u x-xebh li jeżisti bejn il-prodotti tat-trade marks kunfliġġenti, anki jekk dawn ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal‑probabbiltà ta’ konfużjoni, ma għandhom ebda effett fuq l‑evalwazzjoni tax-xebh li jeżisti bejn is-sinjali inkwistjoni, b’mod li huma ma jkunux jistgħu jikkonfutaw in-nuqqas ta’ xebh ikkonstatat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Gateway vs UASI, C-57/08 P, punti 55 sa 57).

69      Minn dan isegwi li t-tieni parti tal-aggravju għandha tiġi ddikjarata infondata.

 Fuq it-tielet parti tal-aggravju uniku

–       L-argumenti tal-partijiet

70      Permezz ta’ din it-tielet parti tal-aggravju uniku, Ferrero ssostni li l‑Qorti Ġenerali, fil-punti 56 sa 58 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi jew żnaturament tal-fatti li ġew imressqa quddiemha meta applikat, sabiex tevalwa x-xebh tas-sinjali inkwistjoni, regoli tal-provi żbaljati, infondati u li ma huma bbażati fuq l-ebda motivazzjoni.

71      Skont Ferrero, l-imsemmija regoli huma, l-ewwel nett, li meta l-elementi huma integrati, kull wieħed minnhom jitlef l-eżistenza awtonoma speċifika tiegħu. It‑tieni nett, jekk sinjal figurattiv jikkonsisti fir‑rappreżentazzjoni ta’ żewġ elementi, b’wieħed mqiegħed fiċ-ċentru fuq l-ieħor, il-punt konverġenti tas-sinjal ikun l-element li jkun imqiegħed l-iktar ’il fuq, billi din il-pożizzjoni ċentrali tista’ tikkumpensa għal tipa ta’ daqs iżgħar u inqas leġġibbiltà li tirriżulta mill-isfond tal-element imqiegħed fiċ-ċentru. It-tielet nett, meta sinjal ikun fih żewġ elementi, il-punt konverġenti tiegħu jkun l‑ewwel minn dawn l-elementi. Ir-raba’ nett, jekk sinjal ikun fih tliet elementi, l-element ċentrali jkun element negliġibbli.

72      L-UASI jsostni li t-tielet parti tal-aggravju uniku hija manifestament inammissibbli peress li ma tqajjem l-ebda kwistjoni ta’ dritt u tillimita ruħha għall-kontestazzjoni tal-evalwazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali, bi ksur tar‑rekwiżiti tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal‑Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

a)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

73      Preliminarjament, għandu jitfakkar li mit-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 256(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal‑Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-appell huwa limitat għall‑punti ta’ dritt. Għaldaqstant, hija biss il-Qorti Ġenerali li hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll il-provi ppreżentati quddiemha. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u tal-provi għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Calvin Klein Trademark Trust vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata, Media‑Saturn-Holding vs UASI, C-92/10 P, Ġabra p. I‑0000, punt 27).

74      Madankollu, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l‑applikazzjoni tad‑dritt tal-Unjoni li tkun saret mill-Qorti Ġenerali, il‑punti ta’ dritt eżaminati fl‑ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu diskussi mill-ġdid fl-appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, L & D vs UASI, C-488/06, Ġabra p. I-5725, punt 43).

75      Issa, permezz tat-tielet parti tal-aggravju uniku tagħha, Ferrero tilmenta li l-Qorti Ġenerali introduċiet, sabiex jiġi evalwat ix-xebh, regoli tal-provi impliċiti li ma humiex stabbiliti bir-Regolament Nru 40/94. Għalhekk, hija tfittex speċifikament li jiġu kkonstatati żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

76      Għaldaqstant, l-imsemmija parti għandha tiġi ddikjarata bħala ammissibbli.

77      Madankollu għandu jiġi kkonstatat li din il-parti ma hijiex ikkorroborata mill-fatti. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali għamlet, sabiex tasal għall-konklużjoni, fil‑punt 59 tas‑sentenza appellata, li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żbalji meta kkonstata n‑nuqqas ta’ xebh bejn is-sinjali inkwistjoni, evalwazzjoni konkreta tal‑karatteristiċi viżivi u fonetiċi ta’ dawn is‑sinjali mingħajr ma introduċiet, kuntrarjament għal dak li ssostni Ferrero, regoli tal-provi ta’ portata ġenerali.

78      Barra minn hekk, sa fejn Ferrero tallega żnaturament tal-fatti suġġetti għall‑evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, għandu jitfakkar li t-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 256(1) TFUE, l-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-punt (c) tal‑ewwel subparagrafu tal-Artikolu 112(1) tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal‑aħħar jobbligaw lill-appellant jindika b’mod preċiż l‑elementi li ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fl‑evalwazzjoni tagħha, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dak l-iżnaturament (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C‑211/00 P, C-213/00 P, C‑217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 50).

79      Issa, għandu jiġi kkonstatat li Ferrero ma tipproduċi l-ebda prova ta’ natura li ssostni din l-allegazzjoni.

80      It-tielet parti tal-aggravju għandha għaldaqstant tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq ir-raba’ parti tal-aggravju uniku

–       L-argumenti tal-partijiet

81      Permezz ta’ din ir-raba’ parti tal-aggravju uniku, Ferrero ssostni li mill‑ġurisprudenza jirriżulta li x-xebh, skont l-Artikolu 8(1)(b) u (5) tar‑Regolament Nru 40/94, jista’ jkun viżiv, fonetiku jew kunċettwali u li dawn l‑aspetti ta’ xebh għandhom jiġu eżaminati globalment. Issa, fil‑punti 56 sa 58 tas‑sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għamlet, prinċipalment, evalwazzjoni mill-perspettiva viżiva, u sa ċertu punt, evalwazzjoni mill-perspettiva fonetika, b’enfasi kbir fuq kwistjonijiet marbuta, mar‑rappreżentazzjoni grafika, bħalma huma l-pożizzjoni u t-tipi tal‑ittri tat-tliet elementi li jinsabu fit-trade mark ikkontestata, kif ukoll l-isfond li fih huma jinsabu.

82      B’hekk, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li t-trade marks preċedenti, u b’mod partikolari t-trade marks Spanjoli, Franċiżi u Taljani rilevenati għall-element “KINDER”, huma trade marks verbali li l-estensjoni tal‑protezzjoni tagħhom ma hijiex influwenzata minn kwistjonijiet marbuta mar‑rappreżentazzjoni grafika, bħalma huma l‑pożizzjoni tal-elementi, it-tipa tal‑ittri jew l-isfond li fih dawn l-elementi huma rrapreżentati.

83      L-UASI jsostni li r-raba’ parti tal-aggravju uniku hija manifestament inammissibbli, peress li din ma tqajjem l-ebda kwistjoni ta’ dritt u tillimita ruħha għall-kontestazzjoni tal-evalwazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

84      Preliminarjament, hemm lok li l-argument tal-UASI dwar l‑inammissibbiltà tar‑raba’ parti tal-aggravju uniku jiġi miċħud. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li huwa jsostni, l-imsemmija parti tindirizza kwistjoni ta’ dritt, peress li tinvoka n‑nuqqas ta’ kunsiderazzjoni min-naħa tal-Qorti Ġenerali tal-portata tal‑Artikolu 8(1)(b) u (5) tar-Regolament Nru 40/94, inkwantu kellha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal‑evalwazzjoni tax-xebh tas-sinjali inkwistjoni, il‑fatt li t-trade mark preċedenti hija trade mark verbali.

85      Fil-mertu, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi evalwat il-livell ta’ xebh eżistenti bejn it‑trade marks ikkonċernati, għandu jiġi ddeterminat il‑livell ta’ xebh viżiv, ta’ smigħ, u kunċettwali bejniethom u, fejn ikun xieraq, tiġi evalwata l-importanza li għandha tingħata lil dawn l-elementi differenti, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l‑kategorija ta’ prodotti jew servizzi inkwistjoni u l-kundizzjonijiet li fihom jiġu kkummerċjalizzati (sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2007, UASI vs Shaker, C‑334/05 P, Ġabra I-4529, punt 36).

86      Barra minn hekk, għandha ssir evalwazzjoni globali tax-xebh viżiv, ta’ smigħ u kunċettwali bejn is-sinjali inkwistjoni, li fil-kuntest tagħha l-evalwazzjoni ta’ xebh fonetiku eventwali hija biss waħda mill-fatturi rilevanti (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Mülhens vs UASI, C-206/04 P, Ġabra p. I‑2717, punt 21).

87      Għalhekk kienet korretta l-Qorti Ġenerali meta eżaminat, fil-punti 56 sa 58 tas‑sentenza appellata, l-impressjoni ġenerali prodotta miż-żewġ sinjali inkwistjoni, f’dak li jirrigwarda x-xebh eventwali tagħhom, kemm viżiv kif ukoll fonetiku.

88      Ir-raba’ parti tal-aggravju uniku għandha għaldaqstant tiġi miċħuda bħala infondata.

89      Fir-rigward tal-kumplament, sa fejn hija intiża sabiex issir evalwazzjoni ġdida tal‑fatti, din il-parti tal-aggravju hija, b’mod konformi mal‑ġurisprudenza msemmija fil-punt 73 tas-sentenza preżenti, inammissibbli peress li Ferrero ma invokat l-ebda żnaturament tal-fatti jew tal-provi mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali.

 Fuq il-ħames parti tal-aggravju uniku

–       L-argumenti tal-partijiet

90      Permezz ta’ din il-ħames parti tal-aggravju uniku, Ferrero ssostni li l‑Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma kkunsidratx, f’dan il-każ, l‑eżistenza ta’ grupp ta’ trade marks peress li din ma hijiex rilevanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tax-xebh.

91      Meta għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali interpretat il-ġurisprudenza b’mod żbaljat peress li jekk, skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, l-eżistenza ta’ grupp ta’ trade marks iżżid il-probabbiltà ta’ konfużjoni billi twassal lill‑konsumatur sabiex jissoponi li t-trade mark ikkontestata tagħmel parti minn dan il-grupp, dan jiġri preċiżament minħabba x-xebh bejn it-trade mark ikkontestata, minn naħa, u l‑grupp ta’ trade marks, min-naħa l-oħra, jew, b’mod iktar speċifiku, minħabba l-element komuni għalihom (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Il Ponte Finanziaria vs UASI, C-234/06 P, Ġabra p. I-7333, punt 63).

92      Barra minn hekk, Ferrero ssostni li l-eżistenza stess ta’ grupp ta’ trade marks iżżid il-probabbiltà li t-trade mark ta’ terza persuna li tinkludi l-element komuni tal‑grupp tiġi awtomatikament interpretata mill-konsumatur rilevanti bħala li tixbah lil dan l-element komuni.

93      Din ir-regola tapplika totalment għas-sitwazzjoni fejn it-trade mark ikkontestata tinkludi l-element “KINDER”, li għandha reputazzjoni qawwija, inkwantu din it‑trade mark hija mqabbla ma’ grupp ta’ 36 trade marks li kollha jinkludu l-istess element, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn.

94      L-UASI jsostni li l-ħames parti tal-aggravju uniku hija kemm inammissibbli kif ukoll manifestament infondata. Minn naħa, fil-fatt, il-kontestazzjoni tal‑konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li Ferrero ma tistax tibbaża ruħha fuq l‑eżistenza ta’ “grupp” ta’ trade marks simili timplika evalwazzjoni fattwali mill‑ġdid, li ma tistax issir fil-kuntest ta’ appell. Minn naħa oħra, l-UASI jsostni li l-eżistenza eventwali ta’ grupp ta’ trade marks ma hijiex rilevanti fir-rigward tal‑Artikolu 8(1)(b) tar‑Regolament Nru 40/94, peress li din tista’ toħloq tip partikolari ta’ konfużjoni indiretta, inkwantu ġġiegħel lill-pubbliku jemmen li t‑trade mark sussegwenti hija trade mark oħra li żdiedet ma’ dawk ta’ dan il‑grupp. Madankollu, fir-rigward tal-paragrafu 5 tal-istess artikolu, dan l‑argument ma għandux bażi legali, peress li l-konfużjoni fiha nfisha ma hijiex rilevanti. Bl-istess mod, in-nuqqas ta’ xebh bejn it-trade marks kollha tas-serje u s‑sinjal ikkontestat huwa biżżejjed sabiex jeskludi b’mod ċert il-possibbiltà ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni u ta’ dannu jew vantaġġ indebitu.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

95      Preliminarjament, hemm lok li l-argument tal-UASI dwar l‑inammissibbiltà tal‑ħames parti tal-aggravju uniku jiġi miċħud. Fil-fatt, mill‑argument ta’ Ferrero jirriżulta li din tal-aħħar tintendi tinvoka n‑nuqqas ta’ kunsiderazzjoni min-naħa tal-Qorti Ġenerali tal-portata tal‑Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, meta kkunsidrat li l‑eżistenza ta’ grupp ta’ trade marks ma hijiex rilevanti fil-kuntest ta’ evalwazzjoni tax-xebh.

96      Din il-parti tirrigwarda kwistjoni ta’ dritt u, għaldaqstant, għandha tiġi ddikjarata ammissibbli.

97      Fil-mertu, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l‑eżistenza ta’ “grupp” jew “serje” ta’ trade marks hija element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. F’dan il-każ, fil‑fatt, il-probabbiltà ta’ konfużjoni tirriżulta mill-fatt li l-konsumatur jista’ jkollu żball fir-rigward tal-provenjenza jew l‑oriġini tal-prodotti jew tas‑servizzi koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u jqis, b’mod żbaljat, li dawn jagħmlu parti minn dan il-grupp jew serje ta’ trade marks (sentenza Il Ponte Finanziaria vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).

98      Madankollu, kif joħroġ mill-punt 52 tas-sentenza preżenti, dan l‑element ma għandu l-ebda rilevanza fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal‑eżistenza tax-xebh bejn it‑trade mark preċedenti u t-trade mark ikkontestata.

99      Konsegwentement, kif joħroġ mill-punt 66 tas-sentenza preżenti, huwa biss fl‑eventwalità li t-trade marks kunfliġġenti jkollhom ċertu xebh li l-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal‑evalwazzjoni b’mod globali tal‑probabbiltà ta’ konfużjoni jew tar-rabta bejniethom, l-eżistenza ta’ “grupp” jew “serje” ta’ trade marks.

100    Issa, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 55 sa 59 tas-sentenza appellata, li ċertu numru ta’ karatteristiċi viżivi u fonetiċi tas-sinjali inkwistjoni jeskludu li huma jistgħu jiġu interpretati bħala li huma simili, hija setgħet, mingħajr ma tagħmel żball ta’ liġi, tikkunsidra, fil-punti 63 sa 66 tal-imsemmija sentenza, li din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-eżistenza ta’ “grupp” jew “serje” ta’ trade marks.

101    Konsegwentement, il-ħames parti tal-aggravju uniku għandha tiġi miċħuda bħala infondata u għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud fl‑intier tiegħu.

102    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-appell għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ispejjeż

103    Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell permezz tal-Artikolu 118 ta’ dawn l‑istess regoli, il‑parti li titlef għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Ferrero tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill‑UASI.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Ferrero SpA hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.