SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

28 ta’ Jannar 2010 ( *1 )

“Kodiċi Doganali tal-Komunità — Dejn doganali — Ammont tad-dazju — Artikoli 217 u 221 — Riżorsi proprji tal-Komunitajiet — Regolament (KE, Euratom) Nru 1150/2000 — Artikolu 6 — Rekwiżit ta’ dħul fil-kontijiet tal-ammont tad-dazju qabel ma dan l-ammont jiġi kkomunikat lid-debitur — Kunċett ta’ ammont ‘legalment dovut’”

Fil-Kawża C-264/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hof van Cassatie (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Mejju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Ġunju 2008, fil-proċedura

Belgische Staat

vs

Direct Parcel Distribution Belgium NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans (Relatur), li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, K. Schiemann u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Direct Parcel Distribution Belgium NV, minn K. Wille, avukat,

għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

għall-Gvern Finlandiż, minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Roels, bħala aġent,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 217(1) u 221(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Belgische Staat (l-Istat tal-Belġju) u Direct Parcel Distribution Belgium NV (iktar ’il quddiem “Direct Parcel”) dwar l-irkupru a posteriori ta’ dazju doganali fuq l-importazzjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Kodiċi Doganali

3

L-Artikolu 217 tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

“1.   Kull ammont ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew dazju fuq l-esportazzjoni li jirriżulta minn dejn doganali, minn hawn ‘l isfel imsejjaħ ‘ammont ta’ dazju’, għandu jiġi kalkolat mill-awtoritajiet doganali malli jkollhom id-dettalji neċessarji, u għandu jiddaħħal minn dawk l-awtoritajiet fil-kotba tal-kontijiet jew f’kull mezz ieħor ekwivalenti (dħul fil-kontijiet).

[…]

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-proċeduri prattiċi għad-dħul fil-kotba tal-kontijiet ta’ l-ammonti tad-dazju. Dawk il-proċeduri jistgħu jvarjaw skond jekk, minħabba ċ-ċirkostanzi li fihom ikun ġie inkors id-dejn doganali, l-awtoritajiet doganali jkunu sodisfatti li l-imsemmija ammonti jkunu ser jitħallsu.”

4

Skont l-Artikolu 221(1) u (3) tal-Kodiċi Doganali:

“1.   Malli jkun iddaħħal fil-kontijiet, l-ammont ta’ dazju għandu jiġi kkomunikat lid-debitur skond il-proċeduri li jkunu xierqa.

[…]

3.   Komunikazzjoni lid-debitur m’għandhiex issir wara l-għeluq ta’ perjodu ta’ tliet snin mid-data li fiha d-dejn doganali jkun ġie inkors. Iżda, fejn ikun bħala riżultat ta’ att li jista’ jagħti lok għal proċeduri tal-qorti kriminali li l-awtoritajiet doganali ma setgħux jistabbilixxu l-ammont eżatt legalment dovut, komunikazzjoni bħal dik tista’, sakemm id-dispożizzjonijiet fis-seħħ hekk jippermettu, issir wara l-għeluq ta’ dak il-perjodu ta’ tliet snin.”

Il-leġiżlazzjoni dwar ir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej

5

L-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000, tat-22 ta’ Mejju 200, li jimplementa d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom, dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 169), jistabbilixxi, b’mod partikolari, regoli dwar id-dħul ta’ intitolamenti li jirriżultaw minn dejn doganali fil-kontijiet tar-riżorsi proprji, dħul li huwa suġġett għall-konstatazzjoni ta’ dawn l-intitolamenti skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6

Fit-18 ta’ Novembru 1999, Boeckmans België NV (iktar ’il quddiem “Boeckmans België”) ippreżentat dikjarazzjoni sommarja quddiem l-amministrazzjoni tad-dwana u s-sisa ta’ Anvers li kienet tikkonċerna kontejner bi prodotti tal-ħobż li d-destinatarju tiegħu kienet Direct Parcel.

7

Dan il-kontejner ġie kkunsinnat lil Direct Parcel mingħajr ma kienet saret il-clearance tad-dikjarazzjoni ppreżentata lil din l-amministrazzjoni u, minħabba f’hekk, dan il-kontejner ma ġiex ippreżentat għas-sorveljanza doganali.

8

Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Mejju 2000, din l-amministrazzjoni informat lil Boeckmans België li t-terminu għal clearance kien ilu li għadda u li għalhekk kien inkors dejn doganali.

9

Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Ottubru 2000, l-istess amministrazzjoni pproponiet soluzzjoni bonarja lil Boeckmans België iżda din ippreżentat ilment kontriha, liema lment nċaħad fl-10 ta’ Jannar 2001.

10

Peress li kienet qiegħda tikkontesta li hija kienet responsabbli għall-ħlas tad-dejn doganali msemmi, Boeckmans België, fit-2 ta’ Frar 2001, ressqet lill-Belgische Staat quddiem ir-rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (Qorti tal-ewwel istanza ta’ Antwerp). Permezz ta’ taħrika tat-8 ta’ Frar 2001, Boeckmans België sejħet lil Direct Parcel bħala garanti fir-rigward tad-debiti kollha li l-Belgische Staat kien qiegħed iżommha responsabbli għalihom.

11

Il-Belgische Staat ressaq azzjoni inċidentali intiża sabiex Direct Parcel u Boeckmans België jiġu kkundannati in solidum għall-ħlas tad-dazju doganali dovut.

12

Permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ April 2004, ir-rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen ċaħdet ir-rikors ta’ Boeckmans België u kkundannat lil din tal-aħħar u lil Direct Parcel għall-ħlas ta’ dan id-dazju doganali.

13

Permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ Novembru 2006, il-hof van beroep te Antwerpen (Qorti tal-appell ta’ Antwerp) bidlet id-deċiżjoni msemmija. Dik il-qorti ddikjarat li d-dritt tal-Belgische Staat li jirkupra d-dejn doganali kkonċernat kien null u mingħajr effett minħabba li l-Belgische Staat ma kien ressaq ebda prova li l-ammont ta’ dan id-dazju kien iddaħħal fil-kontijiet minn qabel, kif mitlub mill-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali.

14

Għalhekk, il-Belgische Staat ressaq appell fil-kassazzjoni kontra din is-sentenza tal-hof van beroep te Antwerpen quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn qiegħed isostni li n-nuqqas ta’ dħul fil-kontijiet jew id-dħul fil-kontijiet tardiv tad-dejn doganali kkonċernat ma kienx jipprekludi l-irkupru ta’ dan id-dejn min-naħa tal-awtoritajiet doganali.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hof van Cassatie (Qorti ta’ kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Id-dħul fil-kontijiet stabbilit fl-Artikolu 221 tal-[Kodiċi Doganali] huwa l-istess dħul fil-kontijiet imsemmi fl-Artikolu 217 tal-istess kodiċi, li jipprovdi li kull ammont għandu jiddaħħal mill-awtoritajiet doganali fil-kotba tal-kontijiet jew f’kull mezz ieħor ekwivalenti?

2)

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fil-pożittiv, x’tifsira għandha tingħata lid-dispożizzjoni tal-Artikolu 217 tal-[Kodiċi Doganali] li tgħid li l-ammont tad-dazju għandu ‘jiddaħħal mill-awtoritajiet doganali fil-kotba tal-kontijiet jew f’kull mezz ieħor ekwivalenti’? Rekwiżiti minimi determinati, ta’ natura teknika jew formali, huma inklużi fih, jew l-Artikolu 217 iħalli totalment f’idejn l-Istati Membri l-kompitu li jistabbilixxu regoli dettaljati fir-rigward tal-prattika tad-dħul fil-kontijiet tal-ammonti tad-dazju, mingħajr ma jimponi l-ebda rekwiżit minimu għalihom? Dan id-dħul fil-kontijiet għandu jkun distint mid-dħul tal-ammont tad-dazju fil-kontijiet tar-riżorsi proprji msemmi fl-Artikolu 6 tar-Regolament [Nru 1150/2000]?

3)

L-Artikolu 221(1) tal-[Kodiċi Doganali] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-komunikazzjoni tal-ammont tad-dazju skont il-proċeduri li jkunu xierqa ma għandhiex titqies bħala l-komunikazzjoni lid-debitur tal-ammont tad-dazju skont l-imsemmi [artikolu] ħlief jekk l-ammont tad-dazju jkun iddaħħal fil-kontijiet qabel ma ġie kkomunikat lid-debitur? Barra minn hekk, x’għandu jinftiehem bil-kliem ‘skond il-proċeduri li jkunu xierqa’ tal-[imsemmi artikolu]?

4)

Jekk għandha tingħata risposta fil-pożittiv għat-tielet domanda, tista’ teżisti preżunzjoni, favur l-Istat, li tgħid li d-dħul fil-kontijiet tal-ammont tad-dazju sar qabel il-komunikazzjoni ta’ dan l-ammont lid-debitur? Il-qorti nazzjonali tista’ tibbaża ruħha fuq preżunzjoni ta’ verità relatata mad-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet doganali li tgħid li l-ammont tad-dazju kien iddaħħal fil-kontijiet qabel il-komunikazzjoni ta’ dan l-ammont lid-debitur, jew l-imsemmija awtoritajiet għandhom, b’mod sistematiku, jippreżentaw quddiem il-qorti nazzjonali l-provi bil-miktub tad-dħul fil-kontijiet tal-ammont tad-dazju?

5)

Id-dħul fil-kontijiet tal-ammont tad-dazju qabel il-komunikazzjoni ta’ dan l-ammont lid-debitur, kif mitlub mill-Artikolu 221(1) tal-[Kodiċi Doganali], għandu jsir taħt piena ta’ nullità jew ta’ dekadenza tad-dritt li jinġabar jew li jiġi rkuprat id-dejn doganali? Fi kliem ieħor, [dan l-artikolu] għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk l-ammont tad-dazju ġie kkomunikat lid-debitur skont proċeduri xierqa mill-awtoritajiet doganali, iżda l-imsemmi ammont tad-dazju, qabel il-komunikazzjoni tiegħu lid-debitur, ma kienx iddaħħal fil-kontijiet [minn dawn l-awtoritajiet], dan l-istess ammont ma jistax jinġabar iktar, bil-konsegwenza li l-[imsemmija awtoritajiet], sabiex ikunu jistgħu jiġbru l-ammont inkwistjoni, ikollhom jikkomunikaw dan l-ammont skont proċeduri xierqa lid-debitur wara li dan l-ammont tad-dazju jkun iddaħħal fil-kontijiet u kemm il-darba dan id-dħul fil-kontijiet isir fit-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit fl-[artikolu msemmi]?

6)

Jekk għandha tingħata risposta fil-pożittiv għall-ħames domanda, x’inhi l-konsegwenza tal-ħlas mid-debitur tal-ammont tad-dazju li ġie kkomunikat lilu mingħajr ma jkun iddaħħal fil-kontijiet minn qabel? Dan il-ħlas għandu jitqies bħala ħlas mhux dovut li jista’ jirkupra mingħand l-Istat?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

16

Fir-rigward ta’ din id-domanda, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrispondietha b’mod affermattiv fid-digriet tad-9 ta’ Lulju 2008, Gerlach & Co. (C-477/07, punti 18 u 23).

17

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li d-“dħul fil-kontijiet” tal-ammont tad-dazju li għandu jiġi rkuprat, imsemmi f’dan l-artikolu, jikkostitwixxi “d-dħul fil-kontijiet” ta’ dan l-ammont kif iddefinit fl-Artikolu 217(1) tal-istess kodiċi.

Fuq it-tieni domanda

18

Fir-rigward tat-tieni parti ta’ din id-domanda, li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni ta’ jekk id-“dħul fil-kontijiet” fis-sens tal-Artikolu 217(1) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi distint mid-dħul tal-ammont tad-dazju fil-kontijiet tar-riżorsi proprji msemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1150/2000, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrispondietha fid-digriet Gerlach & Co., iċċitat iktar ’il fuq (punti 22 u 23).

19

Għalkemm f’dak id-digriet il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1552/89, tad-29 ta’ Mejju 1989, li jimplementa d-Deċiżjoni 88/376/KEE, Euratom, dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet (ĠU L 155, p. 1), din il-konklużjoni tapplika kompletament għall-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1150/2000, li t-test tiegħu huwa essenzjalment identiku għal dak tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1552/89.

20

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li d-“dħul fil-kontijiet” fis-sens tal-Artikolu 217(1) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi distint mid-dħul tal-intitolamenti kkonstatati fil-kontijiet tar-riżorsi proprji msemmi fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1150/2000.

21

Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ din id-domanda, li tikkonċerna l-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 217 tal-Kodiċi Doganali jistabbilixxix rekwiżiti minimi ta’ natura teknika jew formali fir-rigward tad-dħul fil-kontijiet tal-ammont tad-dazju, għandu jiġi osservat li mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 217(1) tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li d-dħul fil-kontijiet jikkonsisti fid-dħul, mill-awtoritajiet doganali, tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew tad-dazju fuq l-esportazzjoni li jirriżulta minn dejn doganali fil-kotba tal-kontijiet jew f’kull mezz ieħor ekwivalenti.

22

Skont l-Artikolu 217(2) tal-imsemmi kodiċi, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-proċeduri prattiċi tad-dħul fil-kontijiet, liema proċeduri jistgħu jkunu differenti skont jekk l-awtoritajiet doganali, fid-dawl tal-kundizzjonijiet li fih ikun inkors id-dejn doganali, ikunux sodisfatti li l-ammont tad-dazju li jirriżulta minn dan id-dejn se jitħallas.

23

Għalhekk, peress li l-Artikolu 217 tal-Kodiċi Doganali ma jistabbilixxix il-proċeduri prattiċi tad-“dħul fil-kontijiet” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u għalhekk lanqas ma jistabbilixxi rekwiżiti minimi ta’ natura teknika jew formali, dan id-dħul fil-kontijiet għandu jsir b’mod li jiġi żgurat li l-awtoritajiet doganali kompetenti jdaħħlu l-ammont eżatt tad-dazju fuq l-importazzjoni jew tad-dazju fuq l-esportazzjoni li jirriżulta minn dejn doganali fil-kotba tal-kontijiet jew f’kull mezz ieħor ekwivalenti b’tali mod, b’mod partikolari, li d-dħul fil-kontijiet tal-ammonti kkonċernati jkun jista’ jiġi stabbilit b’ċertezza, inkluż fir-rigward tal-persuna responsabbli għall-ħlas.

24

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lilhom mill-Artikolu 217(2) tal-Kodiċi Doganali, għandu jiġi kkunsidrat li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li d-dħul fil-kontijiet tal-ammont tad-dazju li jirriżulta minn dejn doganali għandu jsir permezz tad-dħul ta’ dan l-ammont fir-rapport redatt mill-awtoritajiet doganali kompetenti bil-għan li jiġi kkonstatat ksur tal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli, bħalma huma l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 267 tal-loi générale sur les douanes et accises (Liġi ġenerali dwar id-dazji u s-sisa), adottata permezz tad-Digriet Irjali tat-18 ta’ Lulju 1977 (Belgisch Staatsblad, 21 ta’ Settembru 1977, p. 11425), ikkonfermat permezz tal-loi concernant les douanes et accises (Liġi dwar id-dazji u s-sisa) tas-6 ta’ Lulju 1978 (Belgisch Staatsblad, 12 ta’ Awwissu 1978, p. 9013) (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Distillerie Smeets Hasselt et, C-126/08, Ġabra p. I-6809, punt 25).

25

Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li d-“dħul fil-kontijiet” fis-sens tal-Artikolu 217(1) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi distint mid-dħul tal-intitolamenti kkonstatati fil-kontijiet tar-riżorsi proprji msemmi fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1150/2000. Peress li l-Artikolu 217 tal-Kodiċi Doganali ma jistabbilixxix proċeduri prattiċi dwar id-“dħul fil-kontijiet” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u għalhekk lanqas ma jistabbilixxi rekwiżiti minimi ta’ natura teknika jew formali, dan id-dħul fil-kontijiet għandu jsir b’mod li jiġi żgurat li l-awtoritajiet doganali kompetenti jdaħħlu l-ammont eżatt tad-dazju fuq l-importazzjoni jew tad-dazju fuq l-esportazzjoni li jirriżulta minn dejn doganali fil-kotba tal-kontijiet jew f’kull mezz ieħor ekwivalenti b’tali mod, b’mod partikolari, li d-dħul fil-kontijiet tal-ammonti kkonċernati jkun jista’ jiġi stabbilit b’ċertezza, inkluż fir-rigward tal-persuna responsabbli għall-ħlas.

Fuq it-tielet domanda

26

Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li d-dħul fil-kontijiet li, skont l-Artikolu 217(1) tal-istess kodiċi, jikkonsisti fid-dħul tal-ammont tad-dazju, mill-awtoritajiet doganali, fil-kotba tal-kontijiet jew f’kull mezz ieħor ekwivalenti, għandu bilfors isir qabel il-komunikazzjoni lid-debitur tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew tad-dazju fuq l-esportazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Snauwaert et, C-124/08 u C-125/08, Ġabra p. I-6793, punt 21).

27

Fil-fatt, tali żvolġiment kronoloġiku tal-proċeduri ta’ dħul fil-kontijiet u ta’ komunikazzjoni tal-ammont tad-dazju, affermat fit-titolu stess tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu 3 tat-Titolu VII tal-Kodiċi Doganali, jiġifieri “Dħul fil-kontijiet u komunikazzjoni ta’ l-ammont tad-dazju lid-debitur”, għandu jiġi rrispettat sabiex ma jiġux ikkawżati differenzi ta’ trattament bejn il-persuni responsabbli għall-ħlas u, barra minn hekk, sabiex ma jiġix ippreġudikat il-funzjonament armonjuż tal-unjoni doganali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Snauwaert et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

28

Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-komunikazzjoni mill-awtoritajiet doganali lid-debitur, skont il-proċeduri xierqa, tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li għandu jitħallas tista’ ssir b’mod validu biss jekk l-ammont ta’ dan id-dazju jkun qabel iddaħħal fil-kontijiet mill-imsemmija awtoritajiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Snauwaert et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

29

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet ukoll li l-Istati Membri ma humiex marbuta li jadottaw regoli ta’ proċedura speċifiċi li jirrigwardaw il-proċeduri li skonthom għandha sseħħ il-komunikazzjoni lill-persuna responsabbli għall-ħlas tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni peress li għall-imsemmija komunikazzjoni jistgħu jiġu applikati regoli ta’ proċedura interni ta’ portata ġenerali li jiggarantixxu informazzjoni xierqa lill-persuna responsabbli għall-ħlas u li jippermettulha, b’għarfien sħiħ tal-fatti, tiżgura d-difiża tad-drittijiet tagħha (sentenza tat-23 ta’ Frar 2006, Molenbergnatie, C-201/04, Ġabra p. I-2049, punt 54).

30

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-komunikazzjoni mill-awtoritajiet doganali lid-debitur, skont il-proċeduri xierqa, tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li għandu jitħallas tista’ ssir b’mod validu biss jekk l-ammont ta’ dan id-dazju jkun qabel iddaħħal fil-kontijiet mill-imsemmija awtoritajiet. L-Istati Membri ma humiex marbuta li jadottaw regoli ta’ proċedura speċifiċi li jirrigwardaw il-proċeduri li skonthom għandha sseħħ il-komunikazzjoni lill-persuna responsabbli għall-ħlas tal-ammont tad-dazju msemmi peress li għall-imsemmija komunikazzjoni jistgħu jiġu applikati regoli ta’ proċedura interni ta’ portata ġenerali li jiggarantixxu informazzjoni xierqa lill-persuna responsabbli għall-ħlas u li jippermettulha, b’għarfien sħiħ tal-fatti, tiżgura d-difiża tad-drittijiet tagħha.

Fuq ir-raba’ domanda

31

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt Komunitarju jipprekludix lill-qorti nazzjonali milli tibbaża ruħha fuq preżunzjoni, marbuta mad-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet doganali, li d-dħul fil-kontijiet tal-ammont tad-dazju sar qabel il-komunikazzjoni ta’ dan l-ammont lid-debitur jew jekk id-dritt Komunitarju jitlobx li l-imsemmija awtoritajiet jipproduċu b’mod sistematiku, quddiem il-qorti nazzjonali, prova bil-miktub tad-dħul fil-kontijiet tal-ammont tad-dazju.

32

F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li, dwar din il-kwistjoni tal-oneru tal-prova tad-“dħul fil-kontijiet” tad-dejn doganali fis-sens tal-Artikolu 217 tal-Kodiċi Doganali, id-dritt Komunitarju ma jistabbilixxi ebda dispożizzjoni partikolari.

33

Issa, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja fuq is-suġġett, hija s-sistema legali nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri li għandha tindika l-qrati kompetenti u li għandha tirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi jgawdu minħabba l-effett dirett tad-dritt Komunitarju, bil-kundizzjoni, minn naħa, li dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura domestika (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, li ma jagħmlux, fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2006, Laboratoires Boiron, C-526/04, Ġabra p. I-7529, punt 51, kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2009, Budějovický Budvar, C-478/07, Ġabra p. I-7721, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma validi wkoll fir-rigward, b’mod partikolari, tar-regoli dwar il-provi, b’mod partikolari, ir-regoli dwar it-tqassim tal-oneru tal-prova, applikabbli għar-rikorsi dwar kawżi relatati ma’ ksur tad-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-24 ta’ April 2008, Arcor, C-55/06, Ġabra p. I-2931, punt 191).

35

Sabiex jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipju ta’ effettività, il-qorti nazzjonali, jekk tikkonstata li l-fatt li l-persuna responsabbli għall-ħlas tad-dejn doganali tkun meħtieġa tipprova n-nuqqas ta’ dħul fil-kontijiet ta’ dan id-dejn jista’ jagħmel il-produzzjoni ta’ tali prova impossibbli jew eċċessivament diffiċli, minħabba b’mod partikolari, li din il-prova tikkonċerna informazzjoni li din il-persuna ma jistax ikollha għad-dispożizzjoni tagħha, hija obbligata tuża l-mezzi proċedurali kollha li huma disponibbli għaliha taħt id-dritt nazzjonali, fosthom li tordna l-miżuri ta’ istruttorja meħtieġa, inkluża l-produzzjoni minn waħda mill-partijiet jew minn terzi ta’ att jew ta’ dokument (ara, b’analoġija, is-sentenza Laboratoires Boiron, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

36

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li d-dritt Komunitarju ma jipprekludix lill-qorti nazzjonali milli tibbaża ruħha fuq preżunzjoni, marbuta mad-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet doganali, li d-“dħul fil-kontijiet” tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni fis-sens tal-Artikolu 217 tal-Kodiċi Doganali sar qabel il-komunikazzjoni ta’ dan l-ammont lid-debitur, bil-kundizzjoni li jkunu rrispettati l-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza.

Fuq il-ħames domanda

37

Fir-rigward tad-domanda dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dħul fil-kontijiet tad-dejn doganali qabel il-komunikazzjoni tal-ammont ta’ dan id-dejn lill-persuna responsabbli għall-ħlas, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm huwa minnu li n-nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali min-naħa tal-awtoritajiet doganali ta’ Stat Membru jista’ jipprekludi l-irkupru tal-ammont tad-dazju legalment dovut jew il-ġbir ta’ interessi moratorji, xorta waħda jibqa’ l-fatt li tali nuqqas ta’ osservanza ma għandu ebda konsegwenza fuq l-eżistenza ta’ dan id-dazju (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2005, Transport Maatschappij Traffic, C-247/04, Ġabra p. I-9089, punt 28).

38

Minn dan jirriżulta li l-awtoritajiet doganali jżommu l-possibbiltà li jagħmlu komunikazzjoni ġdida ta’ dan l-ammont filwaqt li josservaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali (digriet Gerlach & Co., iċċitat iktar ’il fuq, punt 28).

39

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-komunikazzjoni tal-ammont tad-dazju li għandu jiġi rkuprat għandha tkun ġiet ippreċeduta mid-dħul fil-kontijiet ta’ dan l-ammont mill-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru kkonċernat u li, jekk ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet skont l-Artikolu 217(1) tal-Kodiċi Doganali, dan l-ammont ma jkunx jista’ jiġi rkuprat minn dawn l-awtoritajiet, liema awtoritajiet, madankollu, iżommu l-possibbiltà li jagħmlu komunikazzjoni ġdida tal-istess ammont filwaqt li josservaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali u r-regoli ta’ preskrizzjoni fis-seħħ fid-data li fiha jkun ġie inkors id-dejn doganali.

Fuq is-sitt domanda

40

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew tad-dazju fuq l-esportazzjoni jibqa’ “legalment dovut” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 236(1) tal-Kodiċi Doganali anki meta dan l-ammont ma jkunx ġie kkomunikat lid-debitur skont l-Artikolu 221(1) ta’ dan il-kodiċi (sentenza Transport Maatschappij Traffic, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

41

Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma validi wkoll fil-każ fejn, minkejja li l-ammont ta’ dawn id-dazji jkun ġie kkomunikat lill-persuna responsabbli għall-ħlas, din il-komunikazzjoni ma tkunx ippreċeduta minn dħul fil-kontijiet ta’ dan l-istess ammont.

42

F’dan il-każ, kif intqal fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, l-awtoritajiet doganali jżommu l-possibbiltà li jagħmlu komunikazzjoni ġdida tal-ammont imsemmi filwaqt li josservaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali u r-regoli ta’ preskrizzjoni fis-seħħ fid-data li fiha jkun ġie inkors id-dejn doganali.

43

Madankollu, jekk tali komunikazzjoni ma tkunx għadha possibbli minħabba li t-terminu stabbilit fl-Artikolu 221(3) tal-Kodiċi Doganali jkun skada, id-dejn ikun preskritt u, għaldaqstant, ikun ingħalaq fis-sens tal-Artikolu 233 ta’ dan il-kodiċi (sentenza Molenbergnatie, iċċitata iktar ’il fuq, punti 40 u 41).

44

F’sitwazzjoni bħal din, il-persuna responsabbli għall-ħlas għandha, bħala prinċipju, tkun tista’ tikseb ir-rimbors tal-ammonti mħallsa fir-rigward ta’ dan id-dejn doganali.

45

Fil-fatt, skont ġurisprudenza ferm stabbilita, id-dritt li jinkiseb ir-rimbors ta’ taxxi mħallsa fi Stat Membru bi ksur tar-regoli tad-dritt Komunitarju jirriżulta minn u jikkomplimenta d-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dispożizzjonijiet Komunitarji kif ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Bħala prinċipju, għalhekk, l-Istat Membru huwa obbligat jirrimborsa t-taxxi mħallsa bi ksur tad-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, C-524/04, Ġabra p. I-2107, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja dwar ir-rifużjoni ta’ taxxi miġbura indebitament, hija s-sistema legali nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandha tidentifika l-qrati kompetenti u li għandha tirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi jgawdu taħt id-dritt Komunitarju, bil-kundizzjoni, minn naħa, li dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura domestika (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, li ma jagħmlux, fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għas-sitt domanda hija li, għalkemm l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew tad-dazju fuq l-esportazzjoni jibqa’ “legalment dovut” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 236(1) tal-Kodiċi Doganali, anki meta dan l-ammont ikun ġie kkomunikat lill-persuna responsabbli għall-ħlas mingħajr ma jkun qabel iddaħħal fil-kontijiet skont l-Artikolu 221(1) ta’ dan l-istess kodiċi, xorta jibqa’ l-fatt li, jekk tali komunikazzjoni ma tkunx għadha possibbli minħabba li jkun skada t-terminu stabbilit fl-Artikolu 221(3) tal-kodiċi msemmi, din il-persuna responsabbli għall-ħlas għandha bħala prinċipju tkun tista’ tikseb ir-rimbors ta’ dan l-ammont mingħand l-Istat Membru li jkun ġabru.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 221(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-“dħul fil-kontijiet” tal-ammont tad-dazju li għandu jiġi rkuprat, imsemmi f’dan l-artikolu, jikkostitwixxi “d-dħul fil-kontijiet” ta’ dan l-ammont kif iddefinit fl-Artikolu 217(1) tal-istess kodiċi.

 

2)

Id-“dħul fil-kontijiet” fis-sens tal-Artikolu 217(1) tar-Regolament Nru 2913/92 għandu jiġi distint mid-dħul tal-intitolamenti kkonstatati fil-kontijiet tar-riżorsi proprji msemmi fl-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1150/2000, tat-22 ta’ Mejju 2000, li jimplementa d-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom, dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet. Peress li l-Artikolu 217 tar-Regolament Nru 2913/92 ma jistabbilixxix proċeduri prattiċi dwar id-“dħul fil-kontijiet” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u għalhekk lanqas ma jistabbilixxi rekwiżiti minimi ta’ natura teknika jew formali, dan id-dħul fil-kontijiet għandu jsir b’mod li jiġi żgurat li l-awtoritajiet doganali kompetenti jdaħħlu l-ammont eżatt tad-dazju fuq l-importazzjoni jew tad-dazju fuq l-esportazzjoni li jirriżulta minn dejn doganali fil-kotba tal-kontijiet jew f’kull mezz ieħor ekwivalenti b’tali mod, b’mod partikolari, li d-dħul fil-kontijiet tal-ammonti kkonċernati jkun jista’ jiġi stabbilit b’ċertezza, inkluż fir-rigward tal-persuna responsabbli għall-ħlas.

 

3)

L-Artikolu 221(1) tar-Regolament Nru 2913/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-komunikazzjoni mill-awtoritajiet doganali lid-debitur, skont il-proċeduri xierqa, tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni li għandu jitħallas tista’ ssir b’mod validu biss jekk l-ammont ta’ dan id-dazju jkun qabel iddaħħal fil-kontijiet mill-imsemmija awtoritajiet. L-Istati Membri ma humiex marbuta li jadottaw regoli ta’ proċedura speċifiċi li jirrigwardaw il-proċeduri li skonthom għandha sseħħ il-komunikazzjoni lill-persuna responsabbli għall-ħlas tal-ammont tad-dazju msemmi peress li għall-imsemmija komunikazzjoni jistgħu jiġu applikati regoli ta’ proċedura interni ta’ portata ġenerali li jiggarantixxu informazzjoni xierqa lill-persuna responsabbli għall-ħlas u li jippermettulha, b’għarfien sħiħ tal-fatti, tiżgura d-difiża tad-drittijiet tagħha.

 

4)

Id-dritt Komunitarju ma jipprekludix lill-qorti nazzjonali milli tibbaża ruħha fuq preżunzjoni, marbuta mad-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet doganali, li d-“dħul fil-kontijiet” tal-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew fuq l-esportazzjoni fis-sens tal-Artikolu 217 tar-Regolament Nru 2913/92 sar qabel il-komunikazzjoni ta’ dan l-ammont lid-debitur, bil-kundizzjoni li jkunu rrispettati l-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza.

 

5)

L-Artikolu 221(1) tar-Regolament Nru 2913/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-komunikazzjoni tal-ammont tad-dazju li għandu jiġi rkuprat għandha tkun ġiet ippreċeduta mid-dħul fil-kontijiet ta’ dan l-ammont mill-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru kkonċernat u li, jekk ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet skont l-Artikolu 217(1) tar-Regolament Nru 2913/92, dan l-ammont ma jkunx jista’ jiġi rkuprat minn dawn l-awtoritajiet, liema awtoritajiet, madankollu, iżommu l-possibbiltà li jagħmlu komunikazzjoni ġdida tal-istess ammont filwaqt li josservaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 221(1) tar-Regolament Nru 2913/92 u r-regoli ta’ preskrizzjoni fis-seħħ fid-data li fih jkun ġie inkors id-dejn doganali.

 

6)

Għalkemm l-ammont tad-dazju fuq l-importazzjoni jew tad-dazju fuq l-esportazzjoni jibqa’ “legalment dovut” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 236(1) tar-Regolament Nru 2913/92, anki meta dan l-ammont ikun ġie kkomunikat lill-persuna responsabbli għall-ħlas mingħajr ma jkun qabel iddaħħal fil-kontijiet skont l-Artikolu 221(1) ta’ dan ir-regolament, xorta jibqa’ l-fatt li, jekk tali komunikazzjoni ma tkunx għadha possibbli minħabba li jkun skada t-terminu stabbilit fl-Artikolu 221(3) tar-regolament imsemmi, din il-persuna responsabbli għall-ħlas għandha bħala prinċipju tkun tista’ tikseb ir-rimbors ta’ dan l-ammont mingħand l-Istat Membru li jkun ġabru.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.