SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

17 ta’ Diċembru 2009 ( *1 )

“Direttiva 2005/36/KE — Rikonoxximent ta’ diplomi — Kunċett ta’ ‘professjoni rregolata’ — Għażla ta’ numru ddefinit minn qabel ta’ persuni fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni komparattiva u li tagħti titolu ta’ validità limitata fiż-żmien — Kapaċità xjentifika nazzjonali — Professur tal-università”

Fil-Kawża C-586/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale del Lazio (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Lulju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Diċembru 2008, fil-proċedura

Angelo Rubino

vs

Ministero dell’Università e della Ricerca,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn C. Toader, President tal-Awla, K. Schiemann (Relatur) u P. Kūris, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal A. Rubino, minn F. Brunello, avukat,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Quadri, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Grieg, minn E. Skandalou u S. Vodina, bħala aġenti,

għall-Gvern Slovakk, minn B Ricziová, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea, minn H. Støvlbæk u L. Prete, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3(1)(ċ) KE u 47(1) KE kif ukoll tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (ĠU L 255, p. 22).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn A. Rubino u l-Ministero dell’Università e della Ricerca (Ministeru tal-Università u tar-Riċerka, iktar ’il quddiem il-“Ministeru”) dwar iċ-ċaħda minn dan tal-aħħar tat-talba ta’ A. Rubino sabiex jitniżżel fil-lista, miżmuma mill-Ministeru, tal-persuni fil-pussess taċ-ċertifikat tal-kapaċità xjentifika nazzjonali (iktar ’il quddiem il-“KXN”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 2005/36

3

Id-Direttiva 2005/36 torganizza mill-ġdid, kif ukoll tirrazzjonalizza d-dispożizzjonijiet ta’ direttivi preċedenti u tissostitwixxi b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-[ik]kompletar tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 337), u d-Direttiva tal-Kunsill 92/51/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, dwar it-tieni sistema ġenerali għar-rikonoxximent tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali sabiex tiġi ssupplimenta[ta] d-Direttiva 89/48/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 47). Skont il-premessa 14 tad-Direttiva 2005/36, il-formulazzjoni mill-ġdid imwettqa minnha ma taffettwax il-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent stabbilit mid-Direttivi 89/48 u 92/51.

4

Mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2005/36 jirriżulta li din tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ Stat Membru li jixtiequ jeżerċitaw “professjoni [r]regolata” fi Stat Membru li huwa differenti minn dak li fih huma kisbu l-kwalifiki professjonali tagħhom.

5

L-Artikolu 3(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2005/36 fih id-definizzjonijiet li ġejjin:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)

‘professjoni [r]regolata’: attività professjonali jew grupp ta’ attivitajiet professjonali, li l-aċċess għalihom, l-eżerċizzju tagħhom, jew wieħed mill-modi ta’ l-eżerċizzju tagħhom huma soġġetti, direttament jew indirettament, permezz ta’ dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi, għall-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi; b’mod partikolari, l-użu ta’ titolu professjonali limitat minn dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi lil titolari ta’ kwalifiki professjonali għandu jikkostitwixxi mod ta’ eżerċizzju […]

b)

‘kwalifiki professjonali’: kwalifiki attestati minn prova ta’ kwalifiki formali, attestazzjoni ta’ kompetenza kif imsemmija fis-subparagrafu (i) tal-punt (a) ta' l-Artikolu 11 u/jew esperjenza professjonali”.

6

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2005/36 huwa intitolat “Livelli ta’ kwalifika”. Dan l-Artikolu 11(a)(i) jipprovdi:

“Sabiex jiġi applikat l-Artikolu 13, il-kwalifiki professjonali huma raggruppati taħt il-livelli li ġejjin kif deskritt hawn taħt:

a)

attestazzjoni ta’ kompetenza maħruġa minn awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ l-oriġini nominat skond dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi ta’ dak l-Istat Membru, abbażi:

i)

[…] ta’ eżami speċifiku mingħajr taħriġ qabel […]”

7

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2005/36, intitolat “Kondizzjonijiet għal rikonoxximent”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk l-aċċess jew l-eżerċizzju ta’ professjoni regolata fi Stat Membru ospitanti huwa kontinġenti fuq il-pussess ta’ kwalifiki professjonali, l-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat Membru għandha tippermetti l-aċċess għal u l-eżerċizzju ta’ dik il-professjoni, taħt l-istess kondizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini tiegħu, lil applikanti li għandhom l-attestazzjoni ta’ kompetenza jew provi ta’ kwalifiki formali meħtieġa minn Stat Membru ieħor sabiex jiksbu l-aċċess għal u l-eżerċizzju ta’ dik il-professjoni fit-territorju tiegħu.

Attestazzjonijiet ta’ kompetenza jew provi ta’ kwalifiki formali għandhom jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

[…]

b)

għandhom jagħtu prova ta’ livell ta’ kwalifika professjonali mill-inqas ekwivalenti għal-livell li huwa immedjatament qabel dak li huwa meħtieġ fl-Istat Membru ospitanti, kif deskritt fl-Artikolu 11.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8

Fis-6 ta’ Novembru 2007 ġie adottat id-Digriet Leġiżlattiv Nru 206 li implementa d-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali kif ukoll id-Direttiva 2006/100/KE li tadatta ċerti direttivi fil-qasam tal-libertà ta’ moviment ta’ persuni, minħabba l-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija (decreto legislativo n. 206 — Attuazione della Direttiva 2005/36/KE relativa al riconoscimento delle qualifiche professionali, nonché della direttiva 2006/100/CE che adegua determinate direttive sulla libera circolazione delle persone a seguito dell’adesione di Bulgaria e Romania), tas-6 ta’ Novembru 2007 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 261, tad-9 ta’ Novembru 2007, iktar ’il quddiem id-“Digriet leġiżlattiv Nru 206/2007”).

9

Madankollu, skont l-interpretazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju ta’ dan id-digriet leġiżlattiv, huwa ma japplikax għall-professjoni ta’ professur tal-università.

10

Fl-Italja, l-ebda taħriġ la esperjenza professjonali mhuma neċessarji għal aċċess għal din il-professjoni.

11

Il-proċess tal-għażla tal-professuri tal-università huwa rregolat mil-Liġi Nru 230, li tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġodda dwar il-professuri u r-riċerkaturi tal-università u li tiddelega lill-Gvern l-organizzazzjoni mill-ġdid tar-reklutaġġ tal-professuri tal-università (legge n. 230 — Nuove disposizioni concernenti i professori e i ricercatori universitari e delega al Governo per il riordino del reclutamento dei professori universitari), tal-4 ta’ Novembru 2005 (GURI Nru 258, tal-5 ta’ Novembru 2005, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 230/2005”), kif ukoll mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 164, li jirriforma l-leġiżlazzjoni dwar ir-reklutaġġ tal-professuri tal-università, skont l-Artikolu 1(5) tal-Liġi Nru 230 tal-4 ta’ Novembru 2005 (decreto legislativo n. 164 — Riordino della disciplina del reclutamento dei professori universitari, a norma dell’articolo 1, comma 5 della legge 4 ta’ Novembru 2005, Nru 230), tas-6 ta’ April 2006 (GURI Nru 101, tat-3 ta’ Mejju 2006, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 164/2006”).

12

L-Artikolu 1(5) sa (9) tal-Liġi Nru 230/2005 jipprovdi dan li ġej:

“5.   Sabiex issir ir-riforma tal-leġiżlazzjoni dwar ir-reklutaġġ tal-professuri tal-università, li tiggarantixxi għażla adattata għan-natura tal-funzjonijiet li għandhom jitwettqu, il-Gvern għandu d-delega li jadotta, fi żmien sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, u b’rispett tal-awtonomija tal-istituzzjonijiet universitarji, digriet leġiżlattiv wieħed jew iktar, filwaqt li jikkonforma ruħu mal-prinċipji u l-kriterji gwida li ġejjin:

a)

sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, il-Ministru tal-Edukazzjoni, tal-Università u tar-Riċerka għandu jibda, permezz ta’ digriet, għall-oqsma xjentifiċi u dixxiplinarji, proċeduri intiżi għall-għoti tal-[KXN], separatament għall-klassijiet tal-professuri ordinarji u tal-professuri assoċjati, billi jistabbilixxi b’mod partikolari:

1)

il-modalitajiet li jiddefinixxu n-numru massimu ta’ persuni li jistgħu jiksbu l-[KXN] għal kull klassi u settur dixxiplinarju, skont il-bżonnijiet; dan in-numru huwa indikat mill-universitajiet, miżjud b’koeffiċjent massimu ta’ 40%, u għal dan in-numru huwa ggarantit is-sostenn finanzjarju u taħt il-kundizzjoni li l-[KXN] ma jimplikax dritt għal aċċess għat-tagħlim; huma ddefiniti wkoll il-proċeduri u t-termini għall-istedina, it-twettiq u l-konklużjoni tal-eżamijiet ta’ kapaċità, li jitwettqu fl-universitajiet, filwaqt li tiġi żgurata l-pubblikazzjoni tal-atti u tad-deċiżjonijiet tal-bordijiet tal-għażla; għal kull settur dixxiplinarju, għandha tiġi offruta lill-persuni fil-pussess tal-[KXN] mill-inqas pożizzjoni għal perijodu ta’ ħames snin għal kull klassi;

[…]

6.   Il-kandidati meqjusa bħala kapaċi u li ma jissejħux wara l-proċeduri diġà organizzati jew dawk li l-fajls tagħhom jkunu ġew approvati, iżommu l-benefiċċju tal-[KXN] għal perijodu ta’ ħames snin li jibdew jiddekorru mid-data tal-għoti tiegħu. L-assenjazzjoni tal-pożizzjonijiet ta’ professur ordinarju u ta’ professur assoċjat mid-diversi universitajiet, permezz ta’ sejħa ta’ għalliema meqjusa bħala kapaċi […] għandha f’kull każ issir b’osservanza tal-proċeduri […]

[…]

8.   L-universitajiet għandhom jimlew il-pożizzjonijiet ta’ professur ordinarju u ta’ professur assoċjat skont il-proċeduri rregolati mir-regolamenti tagħhom stess, li jassiguraw l-evalwazzjoni komparattiva tal-kandidati u l-pubblikazzjoni tal-atti, u huma rriżervati għal dawk fil-pussess [tal-KXN previst] fil-paragrafu 5(a) […]

9.   L-universitajiet […] jistgħu jimlew perċentwali mhux ogħla minn 10% tal-pożizzjonijiet ta’ professur ordinarju u ta’ professur assoċjat permezz tal-ħatra diretta ta’ riċerkaturi speċjalizzati barranin jew Taljani impjegati barra li kisbu titolu ta’ kapaċità għat-tagħlim tal-istess livell barra mill-pajjiż […]”

13

L-Artikolu 3 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 164/2006, intitolat “Kapaċità xjentifika nazzjonali”, jipprovdi:

“1.   It-titolu ta’ [KXN] jinkiseb fit-tmiem ta’ proċeduri miftuħa permezz ta’ digriet tal-Ministru, għal kull qasam u b’mod separat għall-klassijiet ta’ professuri ordinarji u professuri assoċjati.

2.   It-titolu ta’ [KXN] jingħata fil-limiti tal-kwoti stabbiliti fl-avviż indirizzat lill-kandidati li għandhom il-‘piena maturità scientifica’ għall-klassi tal-professuri ordinarji u l-‘maturità scientifica’ għall-klassi tal-professuri assoċjati.

3.   Il-pussess tat-titolu ta’ [KXN] jikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja għall-parteċipazzjoni fil-proċeduri previsti fl-Artikolu 1(8) tal-Liġi u ma jimplikax dritt ta’ aċċess għall-pożizzjoni ta’ professur tal-università.

4.   Għall-finijiet tal-parteċipazzjoni fil-proċeduri ta’ reklutaġġ, il-validità tat-titolu ta’ [KXN] hija ta’ erba’ snin li jibdew jiddekorru mill-kisba tiegħu.”

14

L-Artikolu 9 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 164/2006, intitolat “Xogħol tal-kumitati ta’ evalwazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Il-kumitati li jippresjedu fl-universitajiet fejn iseħħ l-eżami ta’ kapaċità, għandhom jaħtru l-president tagħhom u jiddefinixxu l-kriterji ta’ prinċipju u l-proċeduri ta’ evalwazzjoni komparattiva tal-kandidati billi japplikaw, sa fejn huwa possibbli, parametri rikonoxxuti fuq il-livell nazzjonali u dak internazzjonali.

[…]

3.   Sabiex tiġi evalwata l-produzzjoni xjentifika, it-titoli xjentifiċi l-oħra u l-curriculum ġenerali tal-kandidat, ukoll b’riferiment għall-attività pedagoġika u l-esperjenzi professjonali u organizzattivi eventwali, il-kumitat għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji li ġejjin:

a)

l-oriġinalità u l-innovazzjoni tal-produzzjoni xjentifika, inklużi pubblikazzjonijiet, privattivi u proġetti innovattivi kif ukoll l-eżattezza metodoloġika tagħhom;

b)

il-kontribut individwali tal-kandidat, iddeterminat b’mod analitiku, fix-xogħlijiet kollettivi, meta [dan il-kontribut] jista’ jiġi identifikat;

c)

id-direzzjoni u l-koordinazzjoni tal-gruppi ta’ riċerka;

d)

il-kongruwenza tal-attività tal-kandidat mad-dixxiplini inklużi fis-settur li għalih inbdiet il-proċedura jew mal-kwistjonijiet interdixxiplinarji koperti minnhom;

e)

l-importanza xjentifika tal-pubblikazzjonijiet u l-firxa tagħhom fi ħdan il-komunità xjentifika;

f)

il-kontinwità fiż-żmien tal-produzzjoni xjentifika, f’dak li jirrigwarda wkoll l-evoluzzjoni tat-tagħrif fis-settur speċifiku;

g)

l-importanza u l-karatteristiċi tal-impenji pedagoġiċi ċċertifikati mill-korpi kkonċernati;

h)

l-importanza u l-karatteristiċi tal-attivitajiet imwettqa fis-settur kliniku u terapewtiku, u f’kull settur ieħor professjonali u ta’ xogħol fejn l-esperjenzi u l-kompetenzi assoċjati huma meħtieġa espliċitament jew jikkompletaw il-profil ġenerali tal-kandidat.

4.   Id-deċiżjoni tal-kumitat fir-rigward tal-produzzjoni xjentifika, tat-titoli u tal-mertu globali tal-kandidat hija fformulata b’riferiment speċifiku għall-kriterji previsti fil-paragrafi 1 u 3.

5.   Fi tmiem l-evalwazzjonijiet tal-produzzjoni xjentifika u tat-titoli, fil-kuntest tal-eżamijiet ta’ kapaċità relatati mal-klassi tal-professuri assoċjati, il-kandidati għandhom jgħaddu test pedagoġiku u jiddiskutu l-produzzjoni xjentifika tagħhom. Is-sejħa għal kandidati tista’ tipprovdi li dawn it-testijiet għandhom isiru bil-lingwa barranija li hija s-suġġett tal-evalwazzjoni komparattiva. Fil-[kuntest ta]l-eżamijiet relatati mal-klassi tal-professuri ordinarji, il-kandidati għandhom jiddiskutu l-produzzjoni xjentifika tagħhom, u dawk li m’għandhomx il-kwalifika ta’ professur assoċjat għandhom jgħaddu wkoll test pedagoġiku li jservi għall-evalwazzjoni ġenerali.

[…]

9.   Fi tmiem xogħlu, il-kumitat, wara evalwazzjoni komparattiva, għandu jindika, permezz ta’ deċiżjoni meħuda mill-maġġoranza tal-membri tiegħu, il-kandidati meqjusa li jistħoqqhom it-titolu ta’ [KXN] fil-limiti tal-kwoti stabbiliti fis-sejħa għal kandidati.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15

Fi tmiem l-attivitajiet universitarji, li kienu bdew fl-1991, A. Rubino, ċittadin Taljan kiseb, fl-2005, il-“Habilitation” (facultas legendi) fid-dixxiplina tal-oċeanografija kif ukoll il-“Lehrbefugnis” (venia legendi) fil-fakultà tax-xjenza ġeofiżika fl-università ta’ Hamburg (il-Ġermanja). Dawn it-titoli jiċċertifikaw il-kapaċità tiegħu sabiex jgħallem fl-università bħala professur ordinarju (“Ordinarius”) fis-sistema ta’ edukazzjoni ogħla Ġermaniża.

16

A. Rubino bħalissa jaħdem bħala fiżiku oċeanografiku fl-Università Ca’ Foscari de Venise (l-Italja) u jinsab imniżżel fir-reġistru Taljan tar-riċerkaturi universitarji mill-1999.

17

Mill-14 ta’ Settembru 2007, A. Rubino talab diversi drabi r-rikonoxximent fl-Italja tal-kwalifiki li huwa kiseb fil-Ġermanja, sabiex jitniżżel fil-lista tal-pussessuri tal-KXN.

18

Madankollu l-Ministeru ċaħad dawn it-talbiet differenti permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2008. Huwa jikkontesta l-ekwivalenza bejn il-“Lehrbefugnis” mogħtija fil-Ġermanja u l-KXN tas-sistema universitarja Taljana, peress li jqis li d-Digriet Leġiżlattiv Nru 206/2007 ma huwiex applikabbli, sa fejn il-professjoni ta’ professur universitarju ma tikkostitwixxix professjoni rregolata fl-Italja, għaliex tirrigwarda persunal impjegat fuq il-bażi ta’ proċedura ta’ selezzjoni li ma tirrikjedix, għall-parteċipazzjoni fiha, il-pussess ta’ titolu ta’ studju speċifiku.

19

A. Rubino ppreżenta rikors quddiem it-Tribunale amministrativo regionale del Lazio (Tribunal amministrattiv reġjunali ta’ Lazio) kontra din id-deċiżjoni tal-Ministeru, fejn huwa sostna li din id-deċiżjoni tikser id-dritt Komunitarju, b’mod partikolari d-Direttiva 2005/36.

20

Billi qies li jista’ jifdal dubju dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Taljana mad-dritt Komunitarju, it-Tribunale Amministrativo Regionale del Lazio ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-prinċipji Komunitarji tal-eliminazzjoni, bejn l-Istati Membri tal-Komunità [Ewropea], tal-ostakli għall-moviment liberu tal-persuni u servizzi, u ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali, imsemmija fl-Artikolu 3(1)(ċ) [KE] u 47(1) [KE], u d-dispożizzjonijiet li jinsabu fid-Direttiva 2005/36 […] jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik […] tad-digriet leġiżlattiv Nru 206/2007, li teskludi lill-għalliema universitarji mill-qasam tal-professjonijiet irregolati għall-finijiet tar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali?”

Fuq id-domanda preliminari

21

Skont il-qorti tar-rinviju, l-ebda kwalifika ta’ taħriġ la l-ebda esperjenza professjonali ma hija neċessarja fl-Italja għall-aċċess għall-professjoni ta’ professur tal-università jew sabiex tiġi eżerċitata din il-professjoni.

22

Għaldaqstant, id-domanda għandha tinftiehem fis-sens li tistaqsi essenzjalment jekk il-fatt li l-aċċess għal din il-professjoni huwa rriżervat għall-kandidati li ntgħażlu f’proċedura ta’ selezzjoni bħal dik li twassal għal KXN, għandux bħala konsegwenza li l-imsemmija professjoni tikkostitwixxi professjoni rregolata fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36.

23

F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li l-kunċett ta’ professjoni rregolata fis-sens tad-Direttiva 2005/36 jaqa’ taħt id-dritt Komunitarju (ara, b’analoġija, f’dak li jirrigwarda d-Direttiva 89/48, is-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Fernández de Bobadilla, C-234/97, Ġabra p. I-4773, punt 14, u tad-9 ta’ Settembru 2003, Burbaud, C-285/01, Ġabra p. I-8219, punt 43).

24

Mill-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36 jirriżulta li professjoni rregolata tikkostitwixxi attività professjonali li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ aċċess għaliha jew l-eżerċizzju tagħha, hija direttament jew indirettament irregolata permezz ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrikjedu l-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi.

25

Skont l-Artikoli 3(1)(b) u 11(a)(i) tad-Direttiva 2005/36, il-kwalifiki professjonali kkonċernati jistgħu b’mod partikolari jikkonsistu fi kwalifiki ċċertifikati permezz ta’ prova ta’ kwalifiki formali jew attestazzjoni ta’ kompetenza maħruġa fuq il-bażi ta’ eżami speċifiku mingħajr taħriġ minn qabel.

26

A. Rubino jsostni li l-KXN tikkostitwixxi attestazzjoni ta’ kompetenza maħruġa fuq il-bażi ta’ tali eżami speċifiku mingħajr taħriġ minn qabel fis-sens tal-Artikolu 11(1)(a)(i) tad-Direttiva 2005/36. Minn dan huwa jikkonkludi li din hija kwalifika professjonali fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) ta’ din id-direttiva, u li, konsegwentement, il-professjoni ta’ professur tal-università hija, fl-Italja, professjoni rregolata fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tal-imsemmija direttiva. Għaldaqstant A. Rubino jqis, skont l-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, li l-kwalikifi li huwa kiseb fil-Ġermanja jagħtuh id-dritt li jitniżżel fil-lista tal-pussessuri tal-KXN.

27

Madankollu, għandu jiġi osservat li mill-ġurisprudenza jirriżulta li s-sistemi ġenerali ta’ rikonoxximent tad-diplomi stabbiliti mid-Direttivi 89/48 u 92/51 ma jirrigwardawx l-għażla tal-proċeduri ta’ selezzjoni u ta’ reklutaġġ previsti sabiex jimtela post u li dawn is-sistemi ma jistgħux jiġu invokati bħala bażi ġuridika għal dritt għal reklutaġġ effettiv. Fil-fatt, l-imsemmija sistemi sempliċement jirrikjedu r-rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba fi Stat Membru sabiex jippermettu lil min huwa fil-pussess tagħhom japplika għal impjieg fi Stat Membru ieħor, skont il-proċeduri ta’ selezzjoni u ta’ reklutaġġ li jirregolaw l-aċċess għal professjoni rregolata f’dak l-Istat Membru l-ieħor (ara, f’dan is-sens, f’dak li jirrigwarda d-Direttiva 89/48, is-sentenza Burbaud, iċċitata iktar ’il fuq, punt 91). Dawn il-prinċipji baqgħu l-istess wara l-organizzazzjoni mill-ġdid u r-razzjonalizzazzjoni li rriżultaw mill-adozzjoni tad-Direttiva 2005/36.

28

Għaldaqstant, kandidat ma jistax jibbaża ruħu fuq id-Direttiva 2005/36 sabiex jiġi eżentat minn parti mill-proċedura ta’ selezzjoni u ta’ reklutaġġ.

29

Issa, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u mil-leġiżlazzjoni Taljana ċċitata jirriżulta li l-kisba tal-KXN tikkostitwixxi fażi ta’ selezzjoni fil-proċedura ta’ reklutaġġ tal-professuri tal-università.

30

Fil-fatt, din il-proċedura tinkludi żewġ fażijiet, u l-kisba tal-KXN tikkostitwixxi l-ewwel waħda. Il-pussessuri ta’ dan it-titolu jkollhom isimhom imniżżel fuq lista ta’ pussessuri tal-KXN u jistgħu mbagħad, fit-tieni parti tal-proċedura ta’ selezzjoni, japplikaw għal pożizzjoni speċifika fi ħdan università u, konsegwentement, jintgħażlu skont kriterji li jvarjaw skont l-universitajiet.

31

B’mod iktar partikolari, f’dak li jirrigwarda l-proċedura ta’ selezzjoni li twassal għall-kisba tal-KXN, l-Artikolu 1(5)(a)(1) tal-Liġi Nru 230/2005 kif ukoll l-Artikoli 3(2) u (9) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 164/2006 jipprovdu li numru massimu ta’ persuni li jistgħu jiksbu dan it-titolu huwa ffissat minn qabel għal kull dixxiplina skont il-bżonnijiet indikati mill-universitajiet. Barra minn hekk, mill-Artikoli 1(8) tal-Liġi Nru 230/2005 u 9 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 164/2006 jirriżulta li s-selezzjoni ssir fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni komparattiva tal-kandidati li japplikaw, pjuttost milli permezz tal-applikazzjoni ta’ kriterji assoluti. Barra minn hekk, skont l-Artikoli 1(6) tal-Liġi Nru 230/2005 u 3(4) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 164/2006, il-KXN hija valida għal perijodu limitat fiż-żmien.

32

Għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li wieħed jintgħażel fit-tmiem ta’ proċedura intiża għall-għażla ta’ numru ddefinit minn qabel ta’ persuni fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni komparattiva tal-kandidati pjuttost milli permezz ta’ applikazzjoni ta’ kriterji assoluti, u li tagħti titolu li l-validità tiegħu hija limitata strettament fiż-żmien ma jistax jiġi kkunsidrat bħala kwalifika professjonali fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2005/36.

33

F’dan il-kuntest, il-fatt, invokat minn A. Rubino, li l-Artikolu 1(9) tal-Liġi Nru 230/2005 jippermetti lill-universitajiet, permezz ta’ deroga mir-regoli normalment applikabbli, li jimlew 10% tal-pożizzjonijiet ta’ professuri permezz ta’ ħatra diretta ta’ riċerkaturi speċjalizzati barranin jew Taljani impjegati barra mill-pajjiż u li kisbu f’pajjiż ieħor titolu ekwivalenti għall-KXN ma huwiex rilevanti fih innifsu għar-risposta li għandha tingħata fir-rigward tad-Direttiva 2005/36. Barra minn hekk, huwa stabbilit li, fil-proċedura prinċipali, A. Rubino ma jinvokax l-imsemmija dispożizzjoni derogatorja, iżda jitlob li jiġi inkluż fil-lista ta’ pussessuri tal-KXN mingħajr ma jkollu jippreżenta ruħu għall-proċedura ta’ selezzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

34

Fir-rigward tar-riferiment fid-domanda mressqa għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE li jirrigwardaw il-libertajiet fundamentali, għandu madankollu jiġi mfakkar li l-Artikoli 39 KE u 43 KE jiggarantixxu liċ-ċittadini tal-Istati Membri, mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza, l-aċċess għall-attivitajiet ta’ impjieg u ta’ persuna li taħdem għal rasha. Konsegwentement, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jaraw b’mod partikolari li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ selezzjoni bħal dik li twassal għall-inklużjoni fl-imsemmija lista ta’ pussessuri tal-KXN, il-kwalifiki miksuba fi Stati Membri oħra jiġu rrikonoxxuti bil-valur ġust tagħhom u jiġu debitament meħuda inkunsiderazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, Burbaud, punti 99 u 100).

35

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għad-domanda mressqa għandha tkun li l-fatt li l-aċċess għal professjoni huwa rriżervat għall-kandidati li ntgħażlu fit-tmiem ta’ proċedura ntiża sabiex jintgħażel numru ddefinit minn qabel ta’ persuni fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni komparattiva tal-kandidati, pjuttost milli bl-applikazzjoni ta’ kriterji assoluti, u li tagħti titolu li l-validità tiegħu hija limitata strettament fiż-żmien ma għandux bħala konsegwenza li l-imsemmija professjoni tikkostitwixxi professjoni rregolata fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36.

36

Madankollu, l-Artikoli 39 KE u 43 KE jirrikjedu li l-kwalifiki miksuba fi Stati Membri oħra jiġu rrikonoxxuti bil-valur ġust tagħhom u jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ tali proċedura.

Fuq l-ispejjeż

37

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-fatt li l-aċċess għal professjoni huwa rriżervat għall-kandidati li ntgħażlu fit-tmiem ta’ proċedura intiża sabiex jintgħażel numru ddefinit minn qabel ta’ persuni fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni komparattiva tal-kandidati, pjuttost milli bl-applikazzjoni ta’ kriterji assoluti, u li tagħti titolu li l-validità tiegħu hija limitata strettament fiż-żmien m’għandux bħala konsegwenza li l-imsemmija professjoni tikkostitwixxi professjoni rregolata fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali.

 

Madankollu, l-Artikoli 39 KE u 43 KE jirrikjedu li l-kwalifiki miksuba fi Stati Membri oħra jiġu rrikonoxxuti bil-valur ġust tagħhom u jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ tali proċedura.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.