SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

2 ta’ Diċembru 2009 ( *1 )

“Direttiva 85/374/KEE — Responsabbiltà għal prodotti difettużi — Artikoli 3 u 11 — Żball dwar il-klassifikazzjoni ta’ ‘produttur’ — Proċedura ġudizzjarja — Talba għas-sostituzzjoni tal-produttur mal-konvenut inizjali — Skadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni”

Fil-Kawża C-358/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-House of Lords (ir-Renju Unit), permezz ta’ Deċiżjoni tal-11 ta’ Ġunju 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Awwissu 2008, fil-proċedura

Aventis Pasteur SA

vs

OB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J.N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts (Relatur) u E. Levits, Presidenti ta’ Awla, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, A. Borg Barthet, M. Ilešič, J. Malenovský, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Aventis Pasteur SA, minn G. Leggatt, QC, assistit minn P. Popat, barrister,

għal OB, minn S. Maskrey, QC, assistit minn H. Preston, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wilms, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Settembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 257), kif emendata bid-Direttiva 1999/34/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Mejju 1999 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 147, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 85/374”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Aventis Pasteur SA (iktar ’il quddiem “APSA”), kumpannija stabbilita fi Franza, u OB wara t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ tilqima allegatament difettuża.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

Il-premessi 1, 10, 11 u 13 tad-Direttiva 85/374 jipprovdu:

“Billi l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar ir-responsabbiltà tal-produttur għall-ħsara kkawżata mid-difetti tal-prodotti tiegħu hija meħtieġa minħabba d-diverġenzi preżenti jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni u jaffettwaw il-moviment tal-prodotti fis-suq komuni u jinvolvu livell differenti ta’ protezzjoni tal-konsumatur kontra ħsara kkawżata minn prodott difettuż għal saħħtu jew lil proprjetà tiegħu;

[…]

Billi perjodu uniformi ta’ limitu biex tittieħed azzjoni għall-kumpens huwa fl-interess sew tal-persuna mweġġgħa kif ukoll tal-produttur;

Billi l-prodotti jiqdiemu mal-mogħdija taż-żmien, jiġu żviluppati standards ta’ sigurtà ogħla u l-istat tax-xjenza u t-teknoloġija javvanzaw; billi, għalhekk, ma jkunx raġonevoli li l-produttur jinżamm responsabbli legalment għal perjodu ta’ żmien bla limitu għal difetti fil-prodott tiegħu; billi, għalhekk, ir-responsabbiltà għandha tiskadi wara tul raġjonevoli ta’ żmien, mingħajr preġudizzju għal pretensjonijiet pendenti fil-liġi;

[…]

Billi skond is-sistemi legali ta’ l-Istati Membri parti mweġġgħa jista’ jkollha pretensjoni għad-danni bbażata fuq raġunijiet ta’ responsabbiltà kontrattwali jew ibbażati fuq raġunijiet ta’ responsabbiltà mhux kontrattwali għajr dik li hemm ipprovdut dwarha f’din id-Direttiva; […]”

4

Id-Direttiva 85/374 tipprovdi, fl-Artikolu 1 tagħha, li “[i]l-produttur jinżamm responsabbli għal ħsara kkawżata minn difett fil-prodott tiegħu.”

5

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/374 jipprovdi li ġej:

“1.   ‘Produttur’ tfisser manifattur ta’ prodott lest, il-produttur ta’ kull materja prima jew il-manifattur ta’ parti komponenti u kull persuna li, billi tqiegħed isimha, l-marka tan-negozju tagħha jew fattur distintiv ieħor fuq il-prodott tippreżenta lilha stess bħala l-produttur tiegħu.

2.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-produttur, kull persuna li timporta fil-Komunità prodott għall-bejgħ, kiri, jew kull forma oħra ta’ distribuzzjoni fil-kors tan-negozju tagħha titqies bħala produttur skond it-tifsira ta’ din id-Direttiva u tkun responsabbli bħala produttur.

3.   Fejn il-produttur tal-prodott ma jistax jiġi identifikat, kull fornitur tal-prodott għandu jitqies bħala l-produttur tiegħu kemm-il darba huwa ma jgħarrafx lill-persuna li saritilha l-ħsara [ippreġudikata], fi żmien raġjonevoli, bl-identità tal-produttur jew bil-persuna li tkun fornietu bil-prodott. L-istess għandu jgħodd, fil-każ ta’ prodott importat, jekk dan il-prodott ma jindikax l-identità ta’ l-importatur imsemmi fil-paragrafu 2, anke jekk l-isem tal-produttur huwa indikat.”

6

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu fil-leġislazzjoni tagħhom li d-drittijiet mogħtija lil persuna li saritilha l-ħsara [ippreġudikata] skond din id-Direttiva jispiċċaw ma’ l-iskadenza ta’ perjodu ta’ 10 snin mid-data li fiha l-produttur ikun poġġa fiċ-ċirkulazzjoni l-prodott attwali li kkawża ddannu, kemm-il darba l-persuna korruta [ippreġudikata] tkun fil-frattemp tat bidu għal proċedimenti kontra l-produttur.”

7

Skont l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, din “[…] mgħandha taffettwa l-ebda drittijiet li persuna korruta [ippreġudikata] jista’ jkollha skond ir-regoli tal-liġi tar-responsabbiltà kontrattwali jew mhux kontrattwali jew sistema ta’ responsabbiltà speċjali eżistenti meta din id-Direttiva tkun ippubblikata.”

8

Id-Direttiva 85/374 ġiet innotifikata lill-Istati Membri fit-30 ta’ Lulju 1985.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

9

Id-Direttiva ġiet trasposta mir-Renju Unit permezz tal-Liġi tal-1987 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi (Consumer Protection Act 1987, iktar ’il quddiem il- “Liġi tal-1987”).

10

Il-Liġi tal-1987 żiedet mal-Liġi tal-1980 fuq il-preskrizzjoni (Limitation Act 1980) Artikolu 11 A ġdid, fejn il-paragrafu 3 ta’ dan jipprovdi:

“Azzjoni li għaliha japplika dan l-artikolu ma tistax titressaq wara li jiskadi t-terminu ta’ għaxar snin mid-data rilevanti […]; u dan is-subartikolu għandu bħala effett li jtemm id-dritt għat-tressieq ta’ azzjoni u dan jiġri sew jekk id-dritt għat-tressieq ta’ azzjoni jkun akkumula u sew jekk le, jew jekk ikun beda jiddekorri ż-żmien skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att fi tmiem l-imsemmi perijodu ta’ għaxar snin.”

11

L-Artikolu 35 tal-Liġi tal-1980 jipprojbixxi, bħala prinċipju, is-sostituzzjoni ta’ parti ġdida wara l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni. Madankollu, bis-saħħa tas-subartikoli 5(b) u 6(a) ta’ dan l-artikolu, b’eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, regoli ta’ proċedura jistgħu jagħtu l-qorti l-poter li, f’ċerti ċirkustanzi, tagħmel it-tali sostituzzjoni b’effett mid-data tat-tressieq tal-azzjoni inizjali. Din tikkomporta b’hekk is-sostituzzjoni tal-parti l-ġdida “mal-parti li l-isem tagħha ngħata, bi żball, minflok l-isem tal-parti l-ġdida, f’kull talba mressqa fl-azzjoni inizjali”.

12

Ir-Regola 19.5(3)(a) tar-Regoli tal-Proċedura Ċivili (Civil Procedure Rules) tipprovdi t-tali poter ta’ sostituzzjoni lill-qorti, li din tal-aħħar tista’ teżerċita b’mod diskrezzjonali. Hija tipprovdi madankollu li, anki meta l-kundizzjoni għall-użu ta’ dan il-poter tiġi sodisfatta, il-qorti tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li s-sostituzzjoni jkollha bħala effett li l-konvenut jitlef l-effett liberatorju tal-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni u li s-sostituzzjoni hija permessa biss ladarba hija tikkunsidra li, skont iċ-ċirkustanzi, is-sostituzzjoni hija meħtieġa għall-finijiet ta’ ġustizzja.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domanda prinċipali

13

Pasteur Mérieux Sérums et Vaccins SA (iktar ’il quddiem “Pasteur Mérieux”), kumpannija rregolata taħt id-dritt Franċiż li saret APSA wara li biddlet isimha, tipproduċi prodotti farmaċewtiċi, fosthom tilqima antihaemophilus.

14

Mérieux UK Ltd (iktar ’il quddiem “Mérieux UK”), kumpannija rregolata taħt id-dritt Ingliż, kienet, fl-1992, kumpannija sussidjarja 100% proprjetà ta’ APSA, li, fir-Renju Unit, kienet qegħda taġixxi bħala distributur tal-prodotti li din tal-aħħar kienet tipproduċi.

15

Fit-18 ta’ Settembru 1992, APSA bagħtet kunsinna ta’ dożi ta’ tilqim antihaemophilus lil Mérieux UK, li rċeviet din il-kunsinna fit-22 ta’ Settembru segwenti. F’din l-okkażjoni, APSA bagħtet fattura lill-kumpannija sussidjarja tagħha, li ħallset minnufih.

16

F’data ulterjuri li għadha ma hijiex magħrufa, iżda li tidher li hi lejn tmiem ix-xahar ta’ Settembru 1992 jew il-bidu tax-xahar ta’ Ottubru 1992, parti minn din il-kunsinna nbiegħet minn Mérieux UK lill-Ministeru Brittaniku tas-Saħħa, lil sptar indikat minn dan il-Ministeru. Min-naħa tiegħu, dan l-isptar forna parti minn dawn id-dożi tat-tilqima lil klinika medika stabbilita fit-territorju Brittaniku.

17

Fit-3 ta’ Novembru 1993, ġiet amministrata doża mit-tilqima inkwistjoni lil OB ġewwa din il-klinika.

18

B’konsegwenza ta’ dan, OB sofra minn ġrieħi gravi. Skont it-tobba li kienu qed jikkuraw lil OB dawn il-ġrieħi kienu ġew ikkawżati minn infezzjoni dovuta għall-virus tal-herpes simplex. Min-naħa l-oħra, OB isostni li l-ħsara li saritlu hija marbuta man-natura difettuża tat-tilqima li ġiet amministrata lilu.

19

Fl-1994, APSA waqqfet “joint venture” ma’ Merck Inc. of the United States. Mérieux UK saret il-kumpannija sussidjarja Brittanika ta’ din il-“joint venture”. Minħabba tibdil fl-isem, hija saret Aventis Pasteur MSD (iktar ’il quddiem “APMSD”).

20

Fit-2 ta’ Novembru 2000, OB ippreżenta rikors għad-danni kontra APMSD quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division. Fl-espożizzjoni tal-fatti tiegħu ppreżentati fl-1 ta’ Awwissu 2001, huwa sostna li t-tilqima kienet ġiet prodotta minn APMSD u li kienet difettuża, b’mod li kellu l-intenzjoni li jikkontesta r-responsabbiltà ta’ din il-kumpannija bis-saħħa tal-Liġi tal-1987.

21

Fir-risposta tagħha ppreżentata fid-29 ta’ Novembru 2001, APMSD sostniet li hija kienet sempliċement id-distributur tat-tilqima li ġiet amministrata lil OB, u mhux il-produttur tagħha.

22

Fis-17 ta’ April 2002, APMSD wieġbet għal talba ta’ konferma tal-kwalità tagħha bħala produttur billi reġgħet tenniet li hija ma kinitx il-produttur tat-tilqima. Hija indikat lil Pasteur Mérieux bħala l-produttur, mingħajr ma ppreċiżat li dan kien l-isem preċedenti ta’ APSA.

23

Fis-16 ta’ Ottubru 2002, OB ippreżenta rikors għad-danni kontra APSA quddiem il-High Court of Justice.

24

Filwaqt li ammettiet li hija l-produttur tat-tilqima inkwistjoni, APSA sostniet li l-kawża diretta kontriha hija preskritta, fejn it-terminu ta’ għaxar snin għall-preżentata ta’ rikors taħt il-Liġi tal-1987 kien, fil-fatt, skada, fil-fehma tagħha, fit-18 jew fit-22 ta’ Settembru 2002, skont jekk il-bidu tad-dekorrenza ta’ dan it-terminu jikkorrispondix mad-data li fiha din it-tilqima ntbagħtet minn APSA lil Mérieux UK jew mad-data li fiha din tal-aħħar irċevietha.

25

Fl-10 ta’ Marzu 2003, OB talab li APSA tissostitwixxi lil APMSD fil-kawża mressqa kontra din tal-aħħar fix-xahar ta’ Novembru 2000. Huwa bbaża din it-talba fuq il-fatt li, meta tressqet din il-kawża, huwa kien ħaseb b’mod żbaljat li APMSD kienet il-produttur tat-tilqima.

26

Huwa paċifiku li din it-talba għal sostituzzjoni ġiet ippreżentata wara l-iskadenza tat-terminu ta’ għaxar snin previst biex jitressqu proċeduri ġudizzjarji kontra l-produttur tal-prodott allegatament difettuż.

27

APSA sostniet li, sa fejn id-dritt nazzjonali jawtorizza t-tali sostituzzjoni wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, huwa ma huwiex konformi mal-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374, liema argument qed jiġi kkontestat minn OB.

28

Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Novembru 2003, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Marzu 2004, il-High Court of Justice ressqet talba għal deċiżjoni preliminari, li fir-rigward tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet permezz tas-sentenza tad-9 ta’ Frar 2006, O’Byrne (C-127/04, Ġabra p. I-1313).

29

It-tieni u t-tielet domandi magħmula mill-High Court of Justice fil-kawża li tat lok għas-sentenza O’Byrne, iċċitata iktar ’il fuq, kienu fformulati kif ġej:

“2)

Meta azzjoni li permezz tagħha qed jiġu sostnuti drittijiet mogħtija lill-attur bis-saħħa tad-Direttiva […] fir-rigward ta’ prodott allegatament difettuż hija mressqa kontra kumpannija A bl-idea żbaljata li A kien il-produttur tal-prodott meta, fil-fatt, il-produttur tal-prodott ma kienx A, iżda kumpannija oħra B, jista’ Stat Membru, fil-liġi nazzjonali tiegħu, jagħti poter diskrezzjonali lill-qrati sabiex jittrattaw tali azzjoni bħala ‘proċeduri ġudizzjarji kontra l-produttur’ fis-sens ta’ l-Artikolu 11 tad-Direttiva […]?

3)

L-Artikolu 11 tad-Direttiva […], interpretat sewwa, jippermetti lil Stat Membru li jagħti poter diskrezzjonali lil qorti sabiex tawtorizza s-sostituzzjoni ta’ A minn B bħala konvenut f’azzjoni bħal dik li hemm msemmija fit-tieni domanda iktar ’il fuq (‘il-proċedura rilevanti’) fejn:

a)

il-perijodu ta’ għaxar snin imsemmi fl-Artikolu 11 skada;

b)

il-proċedura rilevanti nfetħet kontra A qabel mal-perijodu ta’ għaxar snin skada, u

ċ)

l-ebda proċedura ma nfetħet kontra B qabel l-għeluq tal-perijodu ta’ għaxar snin dwar il-prodott li kkawża l-ħsara allegata mill-attur?”

30

Fis-sentenza O’Byrne, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet dawn iż-żewġ domandi kif ġej:

“Meta azzjoni hija mressqa kontra kumpannija kkunsidrata b’mod żbaljat bħala li hija l-produttur ta’ prodott meta, fil-fatt, dan il-prodott ikun ġie mmanufatturat minn kumpannija oħra, hija bħala prinċipju l-liġi nazzjonali li għandha tiffissa l-kundizzjonijiet meta s-sostituzzjoni ta’ parti b’oħra tista’ ssir fil-kuntest ta’ azzjoni bħal din. Qorti nazzjonali li teżamina l-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta din is-sotituzzjoni għandha madankollu tirrispetta l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 85/374, kif iddeterminat mill-Artikoli 1 u 3 tagħha.”

31

Wara s-sentenza O’Byrne, iċċitata iktar ’il fuq, il-High Court of Justice, fl-20 ta’ Ottubru 2006, laqgħet it-talba għas-sostituzzjoni ppreżentata minn OB, minħabba l-fatt li APMSD kienet tqiegħdet bi żball fil-pożizzjoni ta’ APSA.

32

APSA appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Court of Appeal. Fid-9 ta’ Ottubru 2007, din tal-aħħar ċaħdet l-appell tagħha.

33

Peress li APSA appellat quddiem il-House of Lords, din tal-aħħar iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Huwa konformi mad-Direttiva Ewropea dwar ir-responsabbiltà tal-prodott li l-liġijiet ta’ Stat Membru jippermettu s-sostituzzjoni minn konvenut ġdid f’talba mressqa taħt id-direttiva [85/374] wara li l-perijodu ta’ 10 snin għall-infurzar tad-drittijiet [mogħtija lill-persuna ppreġudikata] taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva [85/374] jkun skada f’ċirkustanzi fejn l-unika persuna li tkun magħżula bħala konvenut fil-kawża matul il-perijodu ta’ 10 snin kienet xi ħadd li ma taqax taħt l-Artikolu 3 tad-Direttiva?”

Fuq id-domanda preliminari

34

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 85/374 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali milli, fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji mressqa abbażi tas-sistema ta’ responsabbiltà prevista minn din id-direttiva, tawtorizza s-sostituzzjoni ta’ konvenut ma’ ieħor wara l-iskadenza tat-terminu ta’ għaxar snin stabbilit fl-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, meta l-persuna li tissejjaħ bħala konvenuta f’din il-kawża qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva, hekk kif imfissra fl-Artikolu 3 tagħha.

35

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-punt 34 tas-sentenza O’Byrne, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, id-Direttiva 85/374 ma titkellimx fuq il-mekkaniżmi proċedurali li għandhom jiġu implementati meta persuna ppreġudikata tressaq rikors għad-danni minħabba prodott difettuż u twettaq żball fir-rigward tal-identità tal-produttur, fejn bħala prinċipju, huwa d-dritt nazzjonali proċedurali li għandu jiffissa l-kundizzjonijiet meta s-sostituzzjoni ta’ parti b’oħra tista’ ssir fil-kuntest ta’ azzjoni bħal din.

36

Wara li fakkret, fil-punt 35 tas-sentenza O’Byrne, iċċitata iktar ’il fuq, li, fir-rigward tal-armonizzazzjoni totali segwita mid-Direttiva 85/374 fir-rigward tal-punti li din tirregola, it-tifsira mogħtija fl-Artikoli 1 u 3 ta’ din id-direttiva, dwar iċ-ċirku ta’ persuni responsabbli li kontrihom il-persuna ppreġudikata tista’ tressaq azzjoni skont is-sistema ta’ responsabbiltà prevista mid-direttiva għandha tiġi kkunsidrata bħala eżawrjenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, li meta qorti nazzjonali teżamina l-kundizzjonijiet għat-tali sostituzzjoni proċedurali, din għandha madankollu tħares sabiex jiġi osservat il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din id-direttiva, hekk kif iddeterminat taħt l-Artikolu 3 tagħha.

37

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374 huwa dovut għall-istess rieda ta’ armonizzazzjoni totali, fuq livell Komunitarju, fir-rigward tal-preskrizzjoni tad-drittijiet mogħtija lill-persuna ppreġudikata skont din id-direttiva.

38

Dan l-artikolu jipprovdi terminu uniformi ta’ għaxar snin li fl-iskadenza tiegħu dawn id-drittijiet jintemmu. Huwa jistabbilixxi, b’mod imperattiv, il-bidu tad-dekorrenza ta’ dan it-terminu għad-data li fiha l-produttur qiegħed fiċ-ċirkulazzjoni l-prodott li kkaġuna l-ħsara. Huwa jipprovdi li l-uniku mezz għall-interruzzjoni ta’ dan it-terminu huwa t-tressieq ta’ proċeduri ġudizzjarji kontra dan il-produttur.

39

Hekk kif jirriżulta mill-premessa 10 tad-Direttiva 85/374, ix-xewqa tal-leġiżlatur Komunitarju kienet li r-regoli ta’ preskrizzjoni taħt din id-direttiva jsiru uniformi kemm fl-interessi tal-persuna ppreġudikata kif ukoll fl-interessi tal-produttur.

40

Din l-uniformizzazzjoni tagħmel parti, minn naħa, mill-għan ġenerali, espress fil-premessa 1 tad-Direttiva 85/374, li jintemmu d-differenzi bejn id-drittijiet nazzjonali li jistgħu jagħtu lok għal diverġenzi fil-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fi ħdan il-Komunità.

41

Skont il-premessa 11 tad-Direttiva 85/374, din għandha l-intenzjoni, min-naħa l-oħra, li tillimita, fuq livell Komunitarju, ir-responsabbiltà tal-produttur fi żmien ta’ tul raġonevoli, fir-rigward tal-iskadenza naturali tal-prodotti, tas-severità li dejjem tikber tar-regoli ta’ sigurtà u tat-titjib kostanti tal-għarfien xjentifiku u tekniku.

42

Hekk kif esponiet l-Avukat Ġenerali fil-punti 49 u 50 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-rieda tal-leġiżlatur Komunitarju li jqiegħed is-sistema ta’ responsabbiltà assoluta introdotta bid-Direttiva 85/374 f’limiti ratione temporis għandha wkoll l-intenzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li għall-produttur din is-sistema tirrappreżenta oneru ikbar minn dak ta’ sistema tradizzjonali ta’ responsabbiltà, u dan, sabiex ma jiġix ostakolat l-iżvilupp teknoloġiku u sabiex tiġi ppreżervata l-possibbiltà li jiġu assigurati r-riskji marbuta ma’ din ir-responsabbiltà speċifika (ara, f’dan is-sens, il-punt 3.2.4. tar-rapport tal-Kummissjoni, tal-31 ta’ Jannar 2001, dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva 85/374 dwar responsabbiltà għall-prodotti difettużi; COM(2000)893finali).

43

B’hekk, bla ħsara għall-applikazzjoni eventwali tad-dritt tar-responsabbiltà kuntrattwali jew mhux kuntrattwali jew ta’ sistema speċjali ta’ responsabbiltà eżistenti fil-mument tan-notifika tad-Direttiva 85/374, liema direttiva ma tippreġudikax din l-applikazzjoni, kif jirriżulta mill-Artikolu 13 tagħha kif ukoll mill-premessa 13, il-“produttur”, fis-sens iddefinit fl-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, skont l-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, jiġi lliberat mir-responsabbiltà tiegħu taħtha mal-iskadenza ta’ terminu ta’ għaxar snin minn meta jitqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni l-prodott ikkonċernat, sakemm, sa dak iż-żmien, proċedura ġudizzjarja ma tkunx tressqet kontra tiegħu.

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, regola ta’ dritt nazzjonali li tawtorizza s-sostituzzjoni ta’ konvenut ma’ ieħor waqt proċedura ġudizzjarja ma tistax, fir-rigward tad-Direttiva 85/374, tiġi applikata sabiex wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu, produttur jissejjaħ bħala konvenut f’kawża mressqa f’dan it-terminu kontra persuna oħra.

45

Fil-fatt, is-soluzzjoni kuntrarja tfisser, minn naħa, li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin iffissat mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374 jista’ jiġi interrott fir-rigward ta’ dan il-produttur minn raġuni li ma tkunx il-proċedura ġudizzjarja mressqa kontrih, li tmur kontra l-armonizzazzjoni totali segwita minn din id-direttiva fuq dan il-punt.

46

It-tali soluzzjoni twassal, min-naħa l-oħra, sabiex jittawwal it-terminu ta’ preskrizzjoni fir-rigward tat-tali produttur fejn jiġu affettwati l-aspettattivi ta’ dan tal-aħħar fir-rigward tad-data eżatta li fiha huwa għandu, skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374, jiġi lliberat mir-responsabbiltà tiegħu taħt din id-direttiva, li mhux biss tmur kontra l-uniformizzazzjoni tat-tul ta’ dan it-terminu skont ir-rieda tal-leġiżlatur Komunitarju, iżda wkoll iċ-ċertezza legali li l-imsemmi Artikolu 11 għandu l-intenzjoni li jipprovdi lill-produttur fil-kuntest tas-sistema ta’ responsabbiltà assoluta stabbilita minn din id-direttiva.

47

Fuq dan l-aħħar punt, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li għandu bħala korollarju l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, jeżiġi, b’mod partikolari, li l-applikazzjoni tar-regoli ta’ liġi tkun prevedibbli għall-persuni kkonċernati, fejn dan ir-rekwiżit għandu importanza partikolari fil-każ ta’ leġiżlazzjoni li tista’ tinvolvi piżijiet finanzjarji, sabiex tippermetti lill-persuni kkonċernati li jsiru jafu bi preċiżjoni l-portata tal-obbligi li din timponi fuqhom (ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Plantanol, C-201/08, Ġabra p. I-8343, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Għandu jingħad ukoll li l-elementi soġġettivi, li jirriżultaw, pereżempju, mill-attribuzzjoni żbaljata, mill-persuna ppreġudikata, tal-karatteristika ta’ produttur tal-prodott allegatament difettuż lil kumpannija li mhijiex produttur, jew ukoll mill-intenzjoni reali tal-persuna ppreġudikata li, permezz ta’ azzjoni diretta kontra din il-kumpannija l-oħra tħarrek lill-imsemmi produttur, ma jistgħux, mingħajr kunsiderazzjoni żbaljata tad-dimensjoni oġġettiva tar-regoli ta’ armonizzazzjoni stabbiliti bid-Direttiva 85/374, jiġġustifikaw is-sostituzzjoni, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ għaxar snin stabbilit fl-Artikolu 11 tagħha, ta’ dan il-produttur fi proċeduri ġudizzjarji mressqa matul dan it-terminu kontra persuna oħra li mhijiex hu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza O’Byrne, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26; kif ukoll, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs Cantina sociale di Dolianova et, C-51/05 P, Ġabra p. I-5341, punti 59 sa 63).

49

Fir-rigward ta’ dak li ssemma iktar ’il fuq, l-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali milli tawtorizza li tiġi applikata sostituzzjoni ta’ konvenut ma’ ieħor matul proċeduri ġudizzjarji b’mod li tippermetti li, wara l-iskadenza tat-terminu li din tiffissa, “produttur” fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jiġi msejjaħ bħala konvenut fi proċeduri ġudizzjarji mressqa f’dan it-terminu kontra persuna oħra.

50

Madankollu, meta jkun hemm talba għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex, fid-dawl tal-elementi li jinsabu fil-proċess, tipprovdi preċiżazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw il-qorti tar-rinviju fis-soluzzjoni tal-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2000, Geffroy, C-366/98, Ġabra p. I-6579, punt 20, u tal-10 ta’ Settembru 2009, Severi, C-446/07, Ġabra p. I-8041, punt 60).

51

L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari li APMSD (li qabel kienet Mérieux UK), li fl-1992 forniet it-tilqima amministrata lil OB lis-sistema tas-saħħa Brittanika, kienet, f’dak iż-żmien, kumpannija sussidjarja 100% proprjetà ta’ APSA (li qabel kienet Pasteur Mérieux).

52

F’dan il-kuntest, hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali applikabbli fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-provi, jekk it-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni tal-prodott ikkonċernat kinitx fil-fatt iddeterminata mill-kumpannija parent li pproduċietu.

53

Jekk il-qorti nazzjonali tikkonstata l-preżenza ta’ din iċ-ċirkustanza, l-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374 ma tipprekludix lil din il-qorti milli tikkunsidra li, fil-proċeduri ġudizzjarji mressqa, fit-terminu stabbilit minn dan l-artikolu, kontra l-kumpannija sussidjarja taħt is-sistema ta’ responsabbiltà prevista minn din id-direttiva, il-kumpannija parent, “produttur” fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, tista’ tiġi ssostitwita minn din il-kumpannija sussidjarja.

54

It-tieni nett, fir-rigward tal-fatt, osservat iktar ’il fuq fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, li APMSD hija l-fornitur tat-tilqima amministrata lil OB, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374, jekk il-produttur ma jistax jiġi identifikat, il-fornitur tal-prodott għandu jiġi kkunsidrat bħala l-produttur, sakemm ma jindikax lill-persuna ppreġudikata, f’terminu raġonevoli, l-identità tal-produttur jew tal-fornitur tiegħu stess.

55

Hekk kif enfasizzaw kemm il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 97 tal-konklużjonijiet tagħha, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li tirreferi għall-ipoteżi li fiha, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-persuna ppreġudikata mill-prodott allegatament difettuż ma setgħetx raġonevolment tidentifika l-produttur ta’ dan il-prodott qabel ma eżerċitat id-drittijiet tagħha kontra l-fornitur tagħha, li, f’din il-kawża, fejn huwa xieraq, għandha tiġi vverifikata mill-qorti nazzjonali.

56

Bl-istess mod, mill-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374 jirriżulta li l-fornitur għandu jiġi kkunsidrat bħala “produttur” jekk ma jkunx indika lill-persuna ppreġudikata, f’terminu raġonevoli, l-identità tal-produttur jew tal-fornitur tiegħu stess.

57

F’dan ir-rigward, jeħtieġ, qabel kollox, li jiġi indikat li s-sempliċi fatt, fir-rigward tal-fornitur tal-prodott inkwistjoni, li jiċħad li huwa l-produttur tiegħu, fil-każ fejn dan il-fornitur jonqos milli jinkludi ma’ din il-konfutazzjoni indikazzjoni dwar l-identità tal-produttur jew tal-fornitur tiegħu stess, ma jistax jitqies li huwa biżżejjed biex jikkunsidra li dan il-fornitur ikkomunika lill-persuna ppreġudikata l-indikazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374, u lanqas, għaldaqstant, biex jeskludi li huwa jista’ jiġi kkunsidrat bħala “produttur” skont din id-dispożizzjoni.

58

Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li l-kundizzjoni li tirrigwarda l-għoti tat-tali informazzjoni fi “żmien raġjonevoli”, fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374, timplika l-obbligu, għall-fornitur imħarrek minn persuna ppreġudikata, li jikkomunikalha, b’inizjattiva tiegħu stess u b’mod diliġenti, l-identità tal-produttur jew tal-fornitur tiegħu stess.

59

Fil-kawża prinċipali, fejn huwa xieraq, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, jekk APMSD issodisfatx dan l-obbligu jew le, billi tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanza partikolari li peress li APMSD, fil-kwalità tagħha bħala kumpannija sussidjarja ta’ APSA xtrat it-tilqima inkwistjoni direttament minn din tal-aħħar, kienet neċessarjament taf l-identità tal-produttur ta’ din it-tilqima meta ġiet imħarrka minn OB.

60

Jekk il-verifiki eventwali tal-qorti nazzjonali jwassluha sabiex tikkonstata li ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374, APMSD jkollha għaldaqstant tiġi kkunsidrata bħala “produttur”, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Għalhekk, huwa permess li jiġi kkunsidrat li l-proċeduri ġudizzjarji mressqa, fix-xahar ta’ Novembru 2000, minn OB kontra din il-kumpannija taħt is-sistema ta’ responsabbiltà prevista minn din id-direttiva, skont l-Artikolu 11 tagħha, interrompiet it-terminu ta’ preskrizzjoni fir-rigward tagħha.

61

Min-naħa l-oħra, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 37 sa 47 ta’ din is-sentenza, it-tali konstatazzjoni, l-istess, wara kollox, bħal fil-każ ta’ konstatazzjoni opposta, ma jippermettux, taħt piena ta’ kunsiderazzjoni żbaljata tad-Direttiva 85/374, li tintlaqa’ t-talba għas-sostituzzjoni ta’ APSA ma’ APMSD fl-imsemmija kawża, fir-rigward tal-fatt li din it-talba ġiet ippreżentata minn OB wara l-iskadenza tat-terminu li kellha din tal-aħħar, skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374, sabiex tasserixxi d-drittijiet tagħha fir-rigward ta’ APSA taħt din id-direttiva, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 26 ta’ din is-sentenza.

62

Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 11 tad-Direttiva 85/374 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali milli tawtorizza li s-sostituzzjoni ta’ konvenut ma’ ieħor matul proċeduri ġudizzjarji tiġi applikata b’mod li tippermetti li, wara l-iskadenza tat-terminu li din tiffissa, issejjaħ lil “produttur” bħala konvenut fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, fi proċeduri ġudizzjarji mressqa f’dan it-terminu kontra persuna oħra.

63

Madankollu, minn naħa, dan l-Artikolu 11 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lill-qorti nazzjonali milli tqis li, fil-proċeduri ġudizzjarji mressqa, fit-terminu li hija ffissat, kontra s-sussidjarja 100% proprjetà tal-“produttur”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 85/374, dan il-produttur jista’ jissostitwixxi lil din il-kumpannija sussidjarja jekk din il-qorti tikkonstata li t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni tal-prodott ikkonċernat ġiet fil-fatt iddeterminata minn dan il-produttur.

64

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta persuna ppreġudikata minn prodott allegatament diffettuż ma setgħetx raġonevolament tidentifika l-produttur ta’ dan il-prodott qabel ma teżerċita d-drittijiet tagħha kontra l-fornitur ta’ dan tal-aħħar, dan il-fornitur għandu jiġi kkunsidrat bħala “produttur”, b’mod partikolari għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, jekk, b’inizjattiva tiegħu stess u b’mod diliġenti, ma jkunx ikkomunika lill-persuna ppreġudikata l-identità tal-produttur jew tal-fornitur tiegħu stess, liema komunikazzjoni għandha tiġi vverifikata mill-qorti nazzjonali skont iċ-ċirkustanzi tal-każ.

Fuq l-ispejjeż

65

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE, tal-25 ta’ Lulju 1985, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali milli tawtorizza li s-sostituzzjoni ta’ konvenut ma’ ieħor matul proċeduri ġudizzjarji tiġi applikata b’mod li tippermetti li, wara l-iskadenza tat-terminu li din tiffissa, issejjaħ lil “produttur” bħala konvenut fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, fi proċeduri ġudizzjarji mressqa f’dan it-terminu kontra persuna oħra.

 

Madankollu, minn naħa, dan l-Artikolu 11 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix lill-qorti nazzjonali milli tqis li, fil-proċeduri ġudizzjarji mressqa, fit-terminu li hija ffissat, kontra s-sussidjarja 100% proprjetà tal-“produttur”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 85/374, dan il-produttur jista’ jissostitwixxi lil din il-kumpannija sussidjarja jekk din il-qorti tikkonstata li t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni tal-prodott ikkonċernat ġiet fil-fatt iddeterminata minn dan il-produttur.

 

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 85/374 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta persuna ppreġudikata minn prodott allegatament diffettuż ma setgħetx raġonevolament tidentifika l-produttur ta’ dan il-prodott qabel ma teżerċita d-drittijiet tagħha kontra l-fornitur ta’ dan tal-aħħar, dan il-fornitur għandu jiġi kkunsidrat bħala “produttur”, b’mod partikolari għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, jekk, b’inizjattiva tiegħu stess u b’mod diliġenti, ma jkunx ikkomunika lill-persuna ppreġudikata l-identità tal-produttur jew tal-fornitur tiegħu stess, liema komunikazzjoni għandha tiġi vverifikata mill-qorti nazzjonali skont iċ-ċirkustanzi tal-każ.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.