SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

12 ta’ Novembru 2009 ( *1 )

“Moviment liberu tal-persuni — Membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita taħt id-dritt Svizzeru li jmexxi fergħa ta’ din il-kumpannija fil-Ġermanja — Obbligu ta’ adeżjoni mal-assigurazzjoni Ġermaniża għax-xjuħija — Eżenzjoni minn dan l-obbligu għall-membri tal-bord eżekuttiv ta’ kumpanniji b’responsabbiltà limitata stabbiliti taħt id-dritt Ġermaniż”

Fil-Kawża C-351/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundessozialgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-27 ta’ Frar 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Awwissu 2008, fil-proċedura

Christian Grimme

vs

Deutsche Angestellten-Krankenkasse,

fil-preżenza ta’:

Deutsche Rentenversicherung Bund,

Bundesagentur für Arbeit,

BGl Bertil Grimme AG Insurance Brokers,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tat-Tielet Awla, aġent President tar-Raba’ Awla, E. Juhász (relatur), G. Arestis, J. Malenovský et T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: N. Nanchev, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Lulju 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal C. Grimme, minn B. Koch, Rechtsanwalt,

għal Deutsche Rentenversicherung Bund, minn R. Mey, Leitender Verwaltungsdirektor,

għal BGI Bertil Grimme AG Insurance Brokers, minn B. Koch, Rechtsanwalt,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Traversa u F. Hoffmeister, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1, 5, 7 u 16 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999 (ĠU L 114, p. 6, iktar ’il quddiem il-“Ftehim”), kif ukoll tal-Artikoli 12 u 17 sa 19 tal-Anness I ta’ dan il-ftehim.

2

Din id-domanda ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, Grimme u BGI Bertil Grimme AG Insurance Brokers (iktar ’il quddiem “Bertil Grimme”), kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita taħt id-dritt Svizzeru, u, min-naħa l-oħra, Deutsche Angestellten-Krankenkasse (fond tal-assigurazzjoni Ġermaniż kontra l-mard), Deutsche Rentenversicherung Bund u Bundesagentur für Arbeit, dwar l-obbligu ta’ affiljazzjoni mal-assigurazzjoni Ġermaniża għax-xjuħija għal membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita taħt id-dritt Svizzeru li jmexxi fergħa ta’ din il-kumpannija fil-Ġermanja.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

Il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, iffirmaw seba’ ftehim fil-21 ta’ Ġunju 1999 (ĠU L 114, p. 6), fosthom il-ftehim inkwistjoni.

4

Fil-preambolu tal-Ftehim, il-partijiet kontraenti ddikjaraw ruħhom “konvinti li l-moviment liberu tal-persuni fit-territorji tal-partijiet kontraenti jikkostitwixxi element importanti għall-iżvilupp armonjuż tar-relazzjonijiet tagħhom” u “deċiżi li jġibu fis-seħħ il-moviment liberu tal-persuni bejn[iethom] billi jibbażaw ruħhom fuq id-dispożizzjonijiet applikati fil-Komunità Ewropea”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

L-Artikolu 1 tal-Ftehim jipprovdi:

“L-għan ta’ dan il-ftehim, favur iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u tal-Isvizzera, huwa:

a)

li jagħti dritt ta’ dħul, ta’ residenza, ta’ aċċess għal attività ekonomika b’salarju, ta’ stabbiliment inkwantu ħaddiem għal rasu u d-dritt li persuna tibqa’ fit-territorju tal-partijiet kontraenti;

b)

li jiffaċilita l-provvista ta’ servizzi fit-territorju tal-partijiet kontraenti, b’mod partikolari li tiġi liberalizzata l-provvista ta’ servizzi ta’ perijodu qasir ta’ żmien;

ċ)

li jagħti dritt ta’ dħul u ta’ residenza, fit-territorju tal-partijiet kontraenti, lill-persuni mingħajr attività ekonomika fil-pajjiż ospitanti;

d)

li jagħti l-istess kundizzjonijiet ta’ ħajja, ta’ impjieg u ta’ xogħol bħal dawk mogħtija liċ-ċittadini nazzjonali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6

Fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi, l-Artikolu 5 tal-Ftehim jipprovdi:

“1.   Mingħajr ħsara għal ftehim ieħor speċifiku rigward il-provvista ta’ servizzi bejn il-partijiet kontraenti (inkluż il-ftehim fuq is-settur tal-kuntratti pubbliċi sa fejn huwa jkopri l-provvista ta’ servizzi), fornitur ta’ servizzi, inklużi l-kumpanniji b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Anness I, għandu d-dritt li jipprovdi servizz għal provvista fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra li ma taqbiżx id-90 jum ta’ xogħol effettiv fis-sena.

[…]

4.   Id-drittijiet imsemmija minn dan l-artikolu huma ggarantiti b’mod konformi mal-Annessi I, II u III. Il-limiti kwantitattivi tal-Artikolu 10 ma jistgħux jiġu invokati kkontra l-persuni msemmija f’dan l-artikolu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7

L-Artikolu 7 tal-Ftehim jipprovdi:

“Il-partijiet kontraenti għandhom jirregolaw, b’mod konformi mal-Anness I, b’mod partikolari d-drittiijiet imsemmija hawn fuq marbuta mal-moviment liberu tal-persuni:

a)

id-dritt għal trattament ugwali għal dak taċ-ċittadini nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-aċċess għal attività ekonomika u l-eżerċizzju tagħha kif ukoll il-kundizzjonijiet ħajja, ta’ impjieg u ta’ xogħol;

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8

L-Artikolu 16 tal-Ftehim jipprovdi dan li ġej:

“1.   Sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minn dan il-ftehim, il-partijiet kontraenti għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex id-drittijiet u l-obbligi ekwivalenti għal dawk li jinsabu fl-atti ġuridiċi tal-Komunità Ewropea li jsir riferiment għalihom jiġu applikati fir-relazzjonijiet ta’ bejniethom.

Sa fejn l-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim tinvolvi kunċetti tad-dritt Komunitarju, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej ta’ qabel id-data tal-iffirmar tiegħu. Il-ġurisprudenza ta’ wara d-data tal-iffirmar ta’ dan il-ftehim għandha tiġi kkomunikata lill-Isvizzera. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-Ftehim, fuq talba ta’ parti kontraenti, il-Kumitat Konġunt għandu jiddetermina l-implikazzjonijiet ta’ din il-ġurisprudenza” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

9

L-Anness I tal-Ftehim, intitolat “Moviment liberu tal-persuni”, jipprovdi fl-Artikolu 9 tiegħu, li jinsab fit-Titolu II ta’ dan l-anness:

“Trattament ugwali

1.   Impjegat li huwa ċittadin ta’ parti kontraenti ma jistax, fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra, minħabba n-nazzjonalità tiegħu, jiġi ttrattat b’mod differenti mill-impjegati nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol, b’mod partikolari fir-rigward tar-remunerazzjoni, ta’ tkeċċija, u ta’ integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol jew ta’ impjieg mill-ġdid jekk jisfa bla xogħol.

2.   L-impjegat u l-membri tal-familja tiegħu msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan l-anness għandhom igwadu l-istess vantaġġi fiskali u soċjali bħall-impjegati nazzjonali u l-membri tal-familja tagħhom.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10

L-Anness I tal-Ftehim jinkludi t-Titotlu III li huwa magħmul mill-Artikoli 12 sa 16 li jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi għall-persuni li jaħdmu għal rashom. B’dan il-mod, l-Artikolu 12(1) tal-imsemmi anness jipprovdi:

“1.   Iċ-ċittadin ta’ parti kontraenti li jixtieq jistabbilixxi ruħu fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra sabiex jeżerċita attività bħala persuna li taħdem għal rasha (iktar ’il quddiem ‘persuna li taħdem għal rasha’ għandu jingħata permess ta’ residenza għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin mid-data tal-ħruġ tiegħu bil-kundizzjoni li jipproduċi l-prova lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li huwa stabbilit jew jixtieq jistabbilixxi ruħu għal dan l-iskop.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11

L-Artikolu 15 tal-Anness I tal-Ftehim jipprovdi:

“1.   F’dak li jikkonċerna l-aċċess għal attività bħala persuna li taħdem għal rasha u għall-eżerċizzju tagħha, il-persuna li taħdem għal rasha għandha tirċievi fil-pajjiż ospitanti trattament mhux inqas favorevoli minn dak mogħti liċ-ċittadini tiegħu.

2.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 ta’ dan l-anness huma applikabbli, mutatis mutandis, għall-persuni li jaħdmu għal rashom imsemmija f’dan il-kapitolu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12

L-Anness I tal-Ftehim jinkludi wkoll it-Titolu IV li jinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li ġejjin dwar il-fornituri ta’ servizzi:

Artikolu 17

Fornitur ta’ servizzi

Fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi, skont l-Artikolu 5 ta’ dan il-ftehim, huma pprojbiti:

a)

ir-restrizzjonijiet kollha għal provvista transkonfinali ta’ servizzi fit-territorju ta’ parti kontraenti li ma taqbiżx id-90 jum ta’ xogħol effettiv fis-sena.

b)

ir-restrizzjonijiet kollha dwar id-dħul u r-residenza fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 5(2) ta’ dan il-ftehim f’dak li jirrigwarda

i)

iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Komunità Ewropea jew tal-Isvizzera li huma fornituri ta’ servizzi u li huma stabbiliti fit-territorju ta’ waħda mill-partijiet kontraenti, minbarra dak tad-destinatarju tas-servizzi;

ii)

l-impjegati, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, ta’ fornitur ta’ servizzi li huma integrati fis-suq regolari tax-xogħol ta’ parti kontraenti u li huma kkollokati għall-provvista ta’ servizz fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra, mingħajr ħsara għall-Artikolu 1.

Artikolu 18

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 ta’ dan l-anness japplikaw għal kumpanniji li huma kkostitwiti b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tal-Komunità Ewropea jew tal-Isvizzera u li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom, l-amministrazzjoni ċentrali tagħhom jew l-istabbiliment prinċipali tagħhom fit-territorju ta’ parti kontraenti.

Artikolu 19

Il-fornitur ta’ servizzi li għandu d-dritt jew li huwa awtorizzat jipprovdi servizz jista’, għall-iskopijiet tal-provvista, jeżerċita, b’mod temporanju, l-attività tiegħu fl-Istat fejn issir il-provvista taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk li dan l-Istat jimponi fuq iċ-ċittadini tiegħu, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-anness u tal-Annessi II u III.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

13

Il-Ktieb VI tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali Ġermaniż (Sozialgesetzbuch, iktar ’il quddiem is-“SGB VI”) huwa ddedikat għall-iskema legali tal-assigurazzjoni għax-xjuħija.

14

L-Artikolu 1 ta’ dan il-ktieb, intitolat “Impjegati”, jipprovdi:

“Il-persuni li huma marbuta jaffiljaw ruħhom mal-iskema ta’ assigurazzjoni huma:

1.

il-persuni li huma impjegati u li jirċievu remunerazzjoni għal dan jew li huma impjegati fil-kuntest tat-taħriġ professjonali tagħhom; l-obbligu ta’ affiljazzjoni jibqa’ matul il-perijodu li fih huma jirċievu dħul għal qagħad parzjali skont il-Ktieb III;

[…]”

15

Dan l-istess artikolu jinkludi dispożizzjoni li tistabbilixxi eżenzjoni għall-membri tal-bord eżekuttiv ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16

C. Grimme, ċittadin ta’ nazzjonalità Ġermaniża, huwa responsabbli, sa mis-26 ta’ Settembru 1996, għall-fergħa stabbilita f’Hamburg (il-Ġermanja) ta’ Bertil Grimme, li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinsab f’Zug (l-Isvizzera). Sa mid-29 ta’ Diċembru 2003, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa rreġistrat fir-reġistru kummerċjali tal-canton ta’ Zug, bis-setgħa ta’ firma kollettiva, inkwantu membru tal-bord tad-diretturi ta’ Bertil Grimme.

17

Matul ix-xahar ta’ Ġunju 2003, C. Grimme talab lil Deutsche Angestellten-Krankenkasse sabiex tevalwa l-istatus tal-attività li huwa jeżerċita fil-fergħa ta’ Hamburg fid-dawl tad-dritt tal-assigurazzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Insostenn tat-talba tiegħu, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali invoka, minn naħa, il-kuntratt ta’ impjieg tiegħu inkwantu rappreżentant awtorizzat u responsabbli għall-fergħa, u, min-naħa l-oħra, il-fatt li huwa jirċievi salarju bażiku, li jitkompla jitħallas lilu fil-każ ta’ inkapaċità għax-xogħol għal perijodu ta’ sitt ġimgħat. Barra minn hekk, huwa jirċievi sehem mill-profitt, skont ir-riżultat ekonomiku tal-impriża.

18

B’deċiżjoni tas-7 ta’ Awwissu 2003, Deutsche Angestellten-Krankenkasse kkonstatat li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien jinsab, fir-rigward tal-attività tiegħu eżerċitata fi ħdan il-fergħa ta’ Hamburg, fil-kuntest ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg u kellu, għaldaqstant, jaffilja ruħu fost l-oħrajn mal-iskema legali ta’ assigurazzjoni għax-xjuħija.

19

C. Grimme oppona din id-deċiżjoni billi sostna li huwa kellu jiġi ttrattat, inkwantu membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita taħt id-dritt Svizzeru u għalhekk minn meta daħal f’din il-kwalità, bħalma kieku jiġi ttrattat membru tal-bord eżekuttiv ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita taħt id-dritt Ġermaniż. Għaldaqstant, sa mid-29 ta’ Diċembru 2003, huwa ma huwiex obbligat jaffilja ruħu mal-iskema legali tal-assigurazzjoni għax-xjuħija. Din l-oppożizzjoni ġiet miċħuda b’deċiżjoni tat-8 ta’ Settembru 2004.

20

B’deċiżjoni tal-1 ta’ Novembru 2005, is-Sozialgericht Hamburg (il-qorti soċjali ta’ Hamburg) laqgħet it-talba tar-rikorrent u annullat id-deċiżjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn huma kienu jipprovdu għall-obbligu ta’ affiljazzjoni ta’ C. Grimme mal-iskemi legali tal-assigurazzjoni għax-xjuħija u tal-assigurazzjoni għall-qgħad.

21

Wara appell minn Deutsche Rentenversicherung Bund, il-Landessozialgericht Hamburg (il-qorti soċjali superjuri ta’ Hamburg) ikkonfermat, permezz ta’ sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2006, id-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza mis-Sozialgericht Hamburg. Il-membri tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata Svizzera huma simili għall-membri tal-bord eżekuttiv ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita taħt id-dritt Ġermaniż u, minħabba f’hekk, huma wkoll jistgħu jgawdu mid-deroga, prevista taħt l-Artikolu 1 tal-Ktieb VI tal-Kodiċi Ġermaniż tas-sigurtà soċjali (SGB VI), mill-obbligu li jaffiljaw ruħhom mal-iskema legali tal-assigurazzjoni għax-xjuħija.

22

Deutsche Rentenversicherung Bund imbagħad appellat quddiem il-Bundessozialgericht. Il-qorti tar-rinviju tfakkar li, bil-kontra tal-interpretazzjoni adottata mill-qrati fil-kawża prinċipali, skont id-dritt Ġermaniż, il-membri tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita taħt id-dritt Svizzeru ma humiex simili għall-membri tal-bord eżekuttiv ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita taħt id-dritt Ġermaniż. Madankollu, il-Bundessozialgericht tistaqsi jekk in-nuqqas ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni dwar l-eżenzjoni tal-membri tal-bord eżekuttiv ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata, prevista taħt l-Artikolu 1 tal-SGB VI, għall-persuni bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim, b’mod partikolari ma’ dawk rigward id-dritt tal-libertà ta’ stabbiliment jew id-dritt tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

23

Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, il-Ftehim, minkejja li jipprovdi dritt ta’ libertà ta’ stabbiliment fit-territorju ta’ parti kontraenti biss għall-persuni fiżiċi, jista’ jinftiehem bħala estiż ukoll għall-kumpanniji li ġew stabbiliti taħt id-dritt ta’ Stat Membru jew taħt id-dritt Svizzeru. L-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim tista’ tiġi dedotta mid-dispożizzjonijiet tal-preambolu tiegħu, li ma jiddistingwixxux il-kunċett ta’ persuna fiżika u dak ta’ persuna ġuridika, tal-att finali tiegħu, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet kollha neċessarji għandhom jittieħdu sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-acquis communautaire, kif ukoll mill-Artikolu 16(1) tiegħu, li jirreferi għad-dritt Komunitarju.

24

Barra minn hekk, fil-każ li l-Ftehim ma jkunx applikabbli għall-kumpanniji, il-Bundessozialgericht iqajjem il-kwistjoni dwar il-korrispondenza bejn id-dritt li jiġu pprovduti servizzi mogħti, bis-saħħa tal-Artikolu 5(1) tal-Ftehim u tal-Artikolu 18 tal-Anness I tal-imsemmi ftehim, lill-kumpanniji fit-territorju tal-partijiet kontraenti u l-Artikoli 48 KE sa 50 KE dwar id-dritt ta’ stabbiliment kif ukoll il-provvisti ta’ servizzi fit-territorju tal-Komunità. Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, id-dritt tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi previst mill-Ftehim, minkejja li huwa iktar definit ratione temporis u minkejja li għandu kamp ta’ applikazzjoni materjali iktar limitat minn dak stabbilit permezz tad-dritt Komunitarju, jista’ madankollu jammetti provvisti ta’ servizzi ta’ perijodu ta’ żmien itwal, fuq il-bażi ta’ eżami individwali.

25

Peress li kkunsidrat li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim hija neċessarja sabiex tagħti s-sentenza tagħha, il-Bundessozialgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, u b’mod partikolari l-Artikoli 1, 5, 7 u 16 tiegħu kif ukoll l-Artikoli 12 u 17 sa 19 tal-Anness I tiegħu għandhom jinftiehmu fis-sens li jipprekludu li membru, impjegat fil-Ġermanja, tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita taħt id-dritt Svizzeru jintalab jaffilja ruħu mal-iskema legali tal-assigurazzjoni għax-xjuħija, filwaqt li l-membri tal-bord eżekuttiv tal-kumpanniji b’responsabbiltà limitata stabbiliti taħt id-dritt Ġermaniż ma humiex obbligati jagħmlu parti mill-iskema legali Ġermaniża tal-assigurazzjoni għax-xjuħija?”

Fuq id-domanda preliminari

26

B’mod preliminari, għandu jiġi mfakkar li l-Ftehim huwa parti minn serje ta’ seba’ ftehim settorjali bejn l-istess partiijiet kontraenti, iffirmati fil-21 ta’ Ġunju 1999.

27

L-imsemmi ftehim ġie ffirmat wara li l-Konfederazzjoni Svizzera ċaħdet, fis-6 ta’ Diċembru 1992, li taderixxi mal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Permezz tar-rifjut tagħha, il-Konfederazzjoni Svizzera ma qablitx mal-proġett ta’ totalità ekonomika integrata ma’ suq uniku, ibbażat fuq regoli komuni bejn il-membri tagħha, iżda ppreferiet il-mezz ta’ arranġamenti bilaterali mal-Komunità u mal-Istati Membri tagħha f’oqsma speċifiċi. Għaldaqstant, il-Konfederazzjoni Svizzera ma aderixxietx mas-suq intern tal-Komunità li huwa intiż sabiex ineħħi l-ostakoli kollha għall-ħolqien ta’ żona ta’ moviment liberu simili għal dak offrut minn suq nazzjonali, li jinkludi, fost l-oħrajn, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment.

28

Huwa għalhekk li, sabiex jitqarrbu r-relazzjonijiet bejn il-partijiet kontraenti, ġie ffirmat il-ftehim bilaterali bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni. Dan ġie estiż mill-1 ta’ April 2006, bi Protokoll ta’ estensjoni ffirmat fis-26 ta’ Ottubru 2004, għall-Istati li aderixxew mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 (ĠU 2006 L 89, p. 30).

29

F’dan il-kuntest, l-interpretazzjoni mogħtija lid-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju rigward is-suq intern ma tistax tiġi trasposta awtomatikament għall-interpretazzjoni tal-Ftehim, ħlief għal dispożizzjonijiet espliċiti li f’dan is-sens huma previsti mill-Ftehim innifsu (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-9 ta’ Frar 1982, Polydor u RSO Records, 270/80, Ġabra p. 329, punti 15 sa 19).

30

Fir-rigward tal-effetti tal-Ftehim fuq l-affiljazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali mal-iskema legali Ġermaniża tal-assigurazzjoni għax-xjuħija, id-domanda mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja titlob li jiġi stabbilit, qabel kollox, jekk il-Ftehim jiggarantixxix dritt għal libertà ta’ stabbiliment kemm lill-persuni fiżiċi kif ukoll lill-persuni ġuridiċi li ġew stabbiliti taħt id-dritt ta’ Stat Membru tal-Komunità jew inkella taħt id-dritt Svizzeru u li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom, l-amministrazzjoni ċentrali tagħhom jew l-istabbiliment prinċipali tagħhom fit-territorju tal-parti ko-kontraenti. Imbagħad għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għandux drittijiet skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi u, fl-aħħar nett, jekk, skont il-Ftehim, l-affiljazzjoni obbligatorja mal-iskema legali Ġermaniża tal-assigurazzjoni għax-xjuħija tippreġudikax it-trattament ugwali tar-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-kwalità tiegħu bħala impjegat.

31

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar il-libertà ta’ stabbiliment tal-persuni ġuridiċi, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni li l-ebda dispożizzjoni tal-Ftehim ma teskludi b’mod espliċitu l-persuni ġuridiċi mill-benefiċċju ta’ din il-libertà. Id-dispożizzjonijiet tal-preambolu tal-Ftehim jirreferu għall-persuni mingħajr ma jiddistingwu l-persuni fiżiċi mill-persuni ġuridiċi, u jibbażaw il-moviment liberu tal-persuni fuq l-acquis communautaire. Barra minn hekk, l-Artikolu 16(1) tal-Ftehim jirreferi b’mod espliċtu għall-fatt li l-partijiet kontraenti għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex id-drittijiet u l-obbligi ekwivalenti għal dawk li jinsabu fl-atti ġuridiċi tal-Komunità Ewropea li jsir riferiment għalihom jiġu applikati fir-relazzjonijiet ta’ bejniethom. Għaldaqstant, il-libertà ta’ stabbiliment iggarantita mill-Ftehim favur il-persuni fiżiċi tista’ tiġi interpretata fis-sens li tapplika għall-persuni ġuridiċi.

32

Tali interpretazzjoni ma tistax, madankollu, tiġi aċċettata.

33

Mill-kliem tal-Artikolu 1 tal-Ftehim, li jiddefinixxi l-għanijiet tiegħu, jirriżulta li dawn tal-aħħar huma stabbiliti favur iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni tal-Isvizzera u, għaldaqstant, favur il-persuni fiżiċi. Skont l-Artikolu 1(a) tal-Ftehim, l-għanijiet tiegħu huma li jagħti dritt ta’ dħul, ta’ residenza, ta’ aċċess għal attività ekonomika b’salarju, ta’ stabbiliment inkwantu ħaddiem għal rasu u d-dritt li persuna tibqa’ fit-territorju tal-partijiet kontraenti.

34

Għandu jiġi osservat ukoll li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim jirreferu għall-kategoriji ta’ persuni, ċittadini Komunitarji u Svizzeri, li ġejjin, jiġifieri dawk li jaħdmu għal rashom li jinkludu wkoll ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom, il-ħaddiema, fosthom l-impjegati, il-ħaddiema kkollokati u l-ħaddiema transkonfinali li huma impjegati, il-fornituri ta’ servizzi, id-destinatarji ta’ servizzi, il-persuni li kellhom impjieg ta’ perijodu ta’ inqas minn sena fit-territorju ta’ parti kontraenti, l-istudenti, dawk li qed ifittxu xogħol, il-persuni li ma jeżerċitawx attività ekonomika kif ukoll il-membri tal-familja ta’ dawn id-diversi kategoriji ta’ ċittadini. Dawn il-kategoriji kollha ta’ persuni, bl-eċċezzjoni tal-fornituri u tad-destinatarji ta’ servizzi, jippresupponi min-natura tagħhom li huma persuni fiżiċi.

35

Għandu jiġi kkonstatat li, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 5(1) tal-Ftehim u tal-Artikolu 18 tal-Anness I tal-Ftehim, li jipprovdi li l-kumpanniji għandhom dritt ta’ provvista ta’ servizzi stabbilit, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan il-ftehim jew ta’ l-anness tiegħu ma tagħti dritt lill-persuni ġuridiċi, u b’mod partikolari dritt ta’ stabbiliment fit-territorju ta’ waħda jew l-oħra mill-partijiet kontraenti.

36

Skont il-Ftehim, id-dritt ta’ stabbiliment, fit-territorju ta’ parti kontraenti, huwa rriżervat biss għaċ-ċittadin li jaħdem għal rasu ta’ Stat Membru tal-Komunità Ewropea jew tal-Konfederazzjoni tal-Isvizzera. Skont l-Artikolu 12(1) tal-Anness I tal-imsemmi ftehim, l-imsemmija persuna li taħdem għal rasha, li tixtieq tistabbilixxi ruħha fit-territorju ta’ parti oħra kontraenti sabiex teżerċita hemmhekk attività għal rasha għandha tirċievi permess ta’ residenza għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin, li jista’ jiġġedded.

37

Għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 16(1) tal-Ftehim, li jirreferi għall-applikazzjoni tal-acquis communautaire fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet kontraenti, jipprovdi għal din l-applikazzjoni biss fil-kuntest tal-għanijiet tal-Ftehim. Dawn l-għanijiet huma elenkati fl-Artikolu 1 tal-Ftehim, fejn fil-punt (a) tal-imsemmi Artikolu 1 jiġi rikonoxxut b’mod espliċitu d-dritt ta’ stabbiliment bħala persuna li taħdem għal rasha fir-rigward tal-persuni fiżiċi. Dan id-dritt ġie kkonfermat mill-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Stamm u Hauser, C-13/08, Ġabra p. I-11087, punt 44). Min-naħa l-oħra, l-għoti ta’ tali dritt lil persuna ġuridika ma huwiex parti mill-għanijiet tal-Ftehim.

38

Barra minn hekk, l-Artikolu 16(1) tal-Ftehim jissuġġetta l-applikazzjoni tal-acquis communautaire fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet fil-Ftehim għall-kundizzjoni li jsir riferiment għad-drittijiet u għall-obbligi ekwivalenti għal dawk li jinsabu fl-atti ġuridiċi tal-Komunità Ewropea. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16(1) u (2) ma jistgħux jiġu invokati fil-kawża prinċipali, għaliex il-Ftehim ma jirreferi għal ebda dispożizzjoni rigward id-dritt ta’ stabbiliment tal-persuni ġuridiċi.

39

Għaldaqstant, ma jistax jiġi sostnut li l-persuni ġuridiċi għandhom l-istess dritt ta’ stabbiliment bħall-persuni fiżiċi skont dan il-ftehim.

40

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-effett tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 1(b) tal-Ftehim, l-għan tal-imsemmi ftehim huwa li jiffaċilita l-provvisti ta’ servizzi fit-territorju tal-partijiet kontraenti u, b’mod partikolari, li jilliberalizza l-provvista ta’ servizzi ta’ perijodu ta’ żmien qasir.

41

Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 5(1) tal-Ftehim jipprovdi li d-destinatarji ta’ din il-liberalizzazzjoni tas-servizzi huma l-fornituri ta’ servizzi, jiġifieri l-persuni fiżiċi iżda wkoll il-kumpanniji. Skont l-Artikolu 18 tal-Anness I tal-Ftehim, il-kumpanniji li huma kkostitwiti b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tal-Komunità Ewropea jew tal-Konfederazzjoni Svizzera u li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom, l-amministrazzjoni ċentrali tagħhom jew l-istabbiliment prinċipali tagħhom fit-territorju ta’ parti kontraenti, igawdu mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(a) tal-Anness I, li jipprojbixxi r-restrizzjonijiet kollha għal provvista ta’ servizzi transkonfinali fit-territorju ta’ parti kontraenti meta din il-provvista ma taqbiżx id-90 jum ta’ xogħol effettiv fis-sena.

42

Għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-provvisti ta’ servizzi msemmija mill-Ftehim, kif jirriżulta mill-Artikolu 17(a) tal-Anness I tal-istess ftehim, jikkonċernaw biss il-provvisti ta’ servizzi transkonfinali u, min-naħa l-oħra, li d-dritt li jiġu pprovduti servizzi fit-territorju ta’ parti oħra kontraenti huwa limitat, permezz tal-Artikolu 5(1) tal-Ftehim, u l-Artikolu 17(a) tal-Anness I tal-imsemmi ftehim, għal 90 jum ta’ xogħol effettiv fis-sena. Skont l-Artikolu 19 ta’ dan l-anness I, matul dan il-perijodu, l-Istat ospitanti ma jistax jimponi fuq dawn il-fornituri ta’ servizzi kundizzjonijiet inqas favorevoli minn dawk riżervati għaċ-ċittadini tiegħu, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Annessi I sa III tal-Ftehim.

43

Mill-punti 40 sa 42 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Ftehim awtorizza, bejn il-Komunità u l-Konfederazzjoni Svizzera, biss libertà li jiġu pprovduti servizzi transkonfinali li hija limitata fiż-żmien għal 90 jum ta’ xogħol effettiv fis-sena.

44

Għaldaqstant, ċittadin ta’ Stat Membru, li jeżerċita xogħol permanenti f’dan l-Istat, li jaqbeż neċessarjament id-90 jum ta’ xogħol effettiv fis-sena, u anki jekk l-attività tiegħu tista’ titqies bħala transkonfinali, ma jista’ jkollu l-ebda dritt fir-rigward tal-provvisti ta’ servizzi li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim.

45

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistoqsija, hekk kif jirriżulta b’mod impliċitu mid-domanda preliminari u mill-allegazzjonijiet ta’ C. Grimme matul is-seduta, dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tal-ħaddiema impjegati, hekk kif jirriżulta mill-Ftehim.

46

C. Grimme isostni li, inkwantu ħaddiem impjegat, l-affiljazzjoni obbligatorja mal-iskema legali Ġermaniża tal-assigurazzjoni għax-xjuħija tikkostitwixxi preġudizzju għat-trattament ugwali. Dan l-obbligu ta’ affiljazzjoni, inkwantu impjegat ta’ Bertil Grimme u membru tal-bord tad-diretturi ta’ din il-kumpannija, filwaqt li l-membri tal-bord eżekuttiv tal-kumpanniji b’responsabbiltà limitata stabbiliti skont id-dritt Ġermaniżi huma eżenti minn dan l-obbligu, imur kontra l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tal-ħaddiema impjegati li huwa ggarantit mill-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Ftehim.

47

L-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Ftehim jiżgura trattament ugwali lill-ħaddiema impjegati li huma ċittadini ta’ parti kontraenti fit-territorju tal-parti l-oħra kontraenti. B’dan il-mod, dawn ma jistgħux jiġu ttrattati b’mod differenti mill-ħaddiema impjegati nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol, b’mod partikolari fir-rigward tar-remunerazzjoni, ta’ tkeċċija u ta’ integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol jew ta’ impjieg mill-ġdid fil-każ ta’ qgħad.

48

Għaldaqstant, dan l-artikolu jirreferi biss għall-ipoteżi ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità kontra ċittadin ta’ parti kontraenti fit-territorju ta’ parti oħra kontraenti.

49

Issa, mill-elementi ta’ fatt ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li C. Grimme huwa ċittadin Ġermaniż u jeżerċita l-attività tiegħu inkwantu impjegat għall-fergħa ta’ Hamburg ta’ Bertil Grimme. Għaldaqstant, f’dan il-każ, ma hijiex kwistjoni ta’ diskriminazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet ta’ parti kontraenti fil-konfront ta’ ċittadin ta’ parti oħra kontraenti. Il-kwalità ta’ C. Grimme inkwantu membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita taħt id-dritt Svizzeru ma għandha l-ebda effett f’dan ir-rigward.

50

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim u, b’mod partikolari, tal-Artikoli 1, 5, 7 u 16 kif ukoll tal-Artikoli 12 u 17 sa 19 tal-Anness I tiegħu ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżiġi li persuna, li għandha n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru u li hija impjegata fit-territorju ta’ dan tal-aħħar, taffilja ruħha mal-iskema legali tal-assigurazzjoni għax-xjuħija ta’ dan l-Istat Membru, minkejja l-fatt li din il-persuna hija membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita taħt id-dritt Svizzeru filwaqt li l-membri tal-bord eżekuttiv tal-kumpanniji b’responsabbiltà limitata stabbiliti taħt id-dritt ta’ dan l-istess Stat Membru ma humiex obbligati jaffiljaw ruħhom mal-imsemmija skema ta’ assigurazzjoni.

Fuq l-ispejjeż

51

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999 u, b’mod partikolari, tal-Artikoli 1, 5, 7 u 16 kif ukoll tal-Artikoli 12 u 17 sa 19 tal-Anness I ta’ dan il-ftehim ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teżiġi li persuna, li għandha n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru u li hija impjegata fit-territorju ta’ dan tal-aħħar, taffilja ruħha mal-iskema legali tal-assigurazzjoni għax-xjuħija ta’ dan l-Istat Membru, minkejja l-fatt li din il-persuna hija membru tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita taħt id-dritt Svizzeru filwaqt li l-membri tal-bord eżekuttiv tal-kumpanniji b’responsabbiltà limitata stabbiliti taħt id-dritt ta’ dan l-istess Stat Membru ma humiex obbligati jaffiljaw ruħhom mal-imsemmija skema ta’ assigurazzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.