SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

18 ta’ Ġunju 2009 ( *1 )

“Tariffa Doganali Komuni — Intestaturi tariffarji — Sistemi ta’ tkessiħ għall-kompjuters magħmula minn sink tas-sħana u minn fann — Klassifikazzjoni fin-Nomenklatura Magħquda”

Fil-Kawża C-173/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Gerechtshof te Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ April 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-, fil-proċedura

Kloosterboer Services BV,

vs

Inspecteur van de Belastingdienst/Douane Rotterdam,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Borg Barthet u J.-J. Kasel (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ April 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Kloosterboer Services BV, minn M. Boekhoud u M. Janse, advocaten,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Patakia u A. Sipos, bħala aġenti, assistiti minn F. Tuytschaever, advocaat,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda, minn naħa, il-validità tal-punt 2 tat-tabella li tinsab fl-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 384/2004, tal-1 ta’ Marzu 2004, dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 16, p. 60), u, min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni, fil-każ tal-invalidità ta’ dan ir-regolament, tas-subintestaturi rilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ sistema ta’ tkessiħ għall-kompjuters fin-Nomenklatura Magħquda (iktar ’il quddiem in-“NM”) li tinsab fl-Anness 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003, tal- (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 14, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2658/87”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Kloosterboer Services BV (iktar ’il quddiem “Kloosterboer”), kumpannija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi li teżerċita attività ta’ aġent doganali, u l-Inspecteur van de Belastingdienst/Douane Rotterdam (iktar ’il quddiem l-“Inspecteur”) dwar il-klassifikazzjoni tariffarja tal-imsemmija sistema ta’ tkessiħ għall-kompjuters.

Il-kuntest ġuridiku

3

Is-subintestaturi tariffarji tan-NM li jinsabu fir-Regolament Nru 2658/87 u li huma rilevanti fir-rigward tal-kawża prinċipali huma dawn li ġejjin:

“8414Pompi bl-arja jew bil-vakwu, kompressuri u fannijiet ta’ arja jew gass ieħor; għata għal ventilazzjoni jew għal riċiklaġġ li fihom fann, mgħammar bil-filtri jew le:

[…]

Fannijiet:

841451

— —

Fannijiet għall-mejda, għall-art, għat-tieqa jew għas-saqaf, b’mutur ta’ l-elettriku fihom stess li ma jitfax iktar minn il-125W:

[…]

841459

— —

Oħrajn:

84145910

— — —

Għal użu f’biċċiet ta’ l-ajru ċivili (1)

— — —

Oħrajn:

84145930

— — — —

Fannijiet b’fus

[…]

8473Bċejjeċ u aċċessorji (ħlief għata, bagalji biex jinġarru fihom u bħal dawn) tajbin biss u prinċipalment għal użu ma’ magni ta’ l-intestaturi 8469 sa 8472:

[…]

847330

Bċejjeċ u accessorji tal-magni ta’ l-intestatura 8471:

84733010

— —

Immuntar elettroniku

84733090

— —

Oħrajn”

4

Il-punt 2 tat-tabella li tinsab fl-Anness tar-Regolament Nru 384/2004 huwa fformulat kif ġej:

Deskrizzjoni tal-merkanzija

Klassifikazzjoni (Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

2.

Apparat li jinkludi:

fann assjali [b’fus] b’mutur eletroniku u b’montatura eletronika biex tkun aġġusta l-qawwa tal-fann.; u

sink tas-sħana ta’ l-aluminju.

Il-funzjoni ta’ l-apparat huwa li jneħħi s-sħana żejda mill-unità ċentrali ta’ l-ipproċessar ta’ magna awtomatika tal-ipproċessar tad-data.

fann assjali [b’fus] b’mutur eletroniku u b’montatura eletronika biex tkun aġġusta l-qawwa tal-fann.; u

sink tas-sħana ta’ l-aluminju.

Il-funzjoni ta’ l-apparat huwa li jneħħi s-sħana żejda mill-unità ċentrali ta’ l-ipproċessar ta’ magna awtomatika tal-ipproċessar tad-data.

8414 59 30

Klassifikazzjoni hija ddeterminata mid-disposizzjonijiet tar-Regolamenti Ġenerali 1, 3(b) u 6 għall-interpretazzjoni tan-[NM], u mill-mod ta’ kif inhu użat il-kliem fil-Kodiċi NM 8414, 8414 59 u 8414 59 30.

Il-fann jagħti lill-prodott il-karattru essenzali. Huwa l-komponent ewlieni biex titneħħa s-sħana żejda.

5

L-ewwel parti tan-NM tinkludi ġabra ta’ “Dispożizzjonijiet Preliminari”. F’din il-parti, taħt it-Taqsima I, iddedikata għar-regoli ġenerali, huma stabbiliti, fil-punti 1 sa 6 tal-Parti A, ir-“[r]egoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-[NM]” (iktar ’il quddiem ir-“regoli ġenerali”), li jipprovdu kif ġej:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għand[h]a tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin.

1.

It-titoli tat-taqsimiet, kapitoli u subkapitoli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ l-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

[…]

3.

Meta permezz ta’ l-applikazzjoni tar-regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie taħt intestatura waħda jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:

[…]

b)

taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a), għandhom ikunu klassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli.

[…]

6.

Għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subintestaturi ta’ intestatura għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ dawk is-subintestaturi u kwalunkwe noti ta’ subintestaturi relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il-kondizzjoni li subintestaturi fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-għanijiet ta’ din ir-regola [n-noti ta] t-taqsima relattiva u n-noti tal-kapitolu japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”

6

It-taqsimiet tan-NM kif ukoll il-kapitoli tagħhom huma preċeduti minn ċertu numru ta’ noti tat-taqsima jew tal-kapitolu. Fit-tieni parti tan-NM, in-nota 2 tat-Taqsima XVI tipprevedi:

“2.

Suġġett għan-nota 1 għal din it-taqsima, n-nota 1 għall-Kapitolu 84 u n-nota 1 għall-Kapitolu 85, bċejjeċ ta’ magni (li mhumiex bċejjeċ ta’ l-oġġetti ta’ l-intestatura 8484, 8544, 8545, 8546 jew 8547) għandhom jiġu kklassifikati skond dawn ir-regoli:

a)

Bċejjeċ li huma oġġetti inklużi f’xi waħda mill-intestaturi tal-Kapitolu 84 jew 85 (ħlief l-intestaturi 8409, 8431, 8448, 8466, 8473, 8485, 8503, 8522, 8529, 8538 u 8548) għandhom fil-każijiet kollha jiġu kklassifikati taħt l-intestaturi rispettivi tagħhom;

b)

Bċejjeċ oħrajn, jekk tajbin għal użu biss jew prinċipalment ma’ tip partikulari ta’ magna, jew ma’ numru ta’ magni ta’ l-istess intestatura (inkluża magna ta’ l-intestatura 8479 jew 8543) għandhom jiġu kklassifikati mal-magni ta’ dak it-tip jew fl-intestatura 8409, 8431, 8448, 8466, 8473, 8503, 8522, 8529 jew 8538 kif xieraq. Madankollu, bċejjeċ li huma ugwalment tajbin għal użu prinċipalment ma’ l-oġġetti ta’ l-intestaturi 8517 u 8525 sa 8528 għandhom jiġu kklassifikati fl-intestatura 8517;

(ċ)

Il-bċejjeċ l-oħrajn kollha għandhom jiġu kklassifikati fl-intestatura 8409, 8431, 8448, 8466, 8473, 8503, 8522, 8529 jew 8538 kif xieraq jew, jekk le, fl-intestatura 8485 jew 8548.”

7

In-NM hija bbażata fuq is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti (iktar ’il quddiem is-“SA”), ippreparata mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, u adottata bil-Konvenzjoni Internazzjonali konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983 u approvata f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas- (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2,, p. 288). Il-Kapitolu 84 tan-Noti ta’ Spjega tan-NM jirreferi, fir-rigward tal-fannijiet, għall-apparat deskritt fin-Noti ta’ Spjega tas-SA, li jipprovdu kif ġej:

“B. — Fannijiet

Dan l-apparat, li jista’ jkollu jew ma jkollux mutur integrat fih, huwa intiż sabiex jipproduċi volum kbir ta’ arja jew ta’ gass ieħor taħt pressjoni relattivament baxxa jew sabiex sempliċement joħoloq moviment tal-arja fil-post.

Il-fannijiet tal-ewwel tip għandhom uċuħ li jduru (skrejjen, roti bi ġwienaħ żgħar, eċċ.) li jaħdmu f’kejsing jew f’kondjuwit li jkun imdawwar magħhom u jaħdmu bħal ċerti kumpressuri ċirkolari jew ċenrtrifugi, iżda huma jistgħu jaħdmu tajjeb kemm billi jonfħu l-arja (il-magni industrijali li jonfħu użati għall-magni fejn isiru testijiet aerodinamiċi, pereżempju), u kemm billi jiġbdu l-arja.

L-apparat tat-tieni tip huwa mibni b’mod iktar sempliċi u jikkonsisti biss fi skrun imdawwar fl-arja ħielsa minn mutur.

Il-fannijiet jintużaw b’mod partikolari sabiex ikun hemm l-arja fil-mini, għall-ventilazzjoni ta’ postijiet, vapuri, silos, eċċ., għall-ġbid ta’ trab, fwar, duħħan, gassijiet sħan eċċ., għat-tnixxif ta’ diversi materjali (ġilda, karti, tessut, żebgħa, eċċ.), sabiex tiżdied jew tiġi rregolarizzata ċ-ċirkolazzjoni tal-arja fid-djar, permezz ta’ infiħ jew ġbid (ċirkolazzjoni forzata tal-arja).

Jaqgħu wkoll taħt dan il-grupp, il-fannijiet għal appartamenti (fannijiet għall-mejda, fannijiet li jitwaħħlu mal-ħajt, fannijiet maħsuba sabiex jiddaħħlu f’ħitan jew twieqi, eċċ.); dan l-apparat xi drabi jkollu mekkaniżmi li bihom jista’ jixxengel jew jitmejjel.

Huma esklużi minn din il-pożizzjoni l-fannijiet li għandhom elementi addizzjonali minbarra l-mutur jew il-kejsing tagħhom (apparat bi struttura zig-zag, filtri, elementi li jsaħħnu jew li jkessħu, apparat li jibdel it-temperatura, eċċ.), jekk dawn l-elementi jagħtuhom il-karattru ta’ magni iktar kumplessi li jaqgħu taħt intestaturi oħra, b’mod partikolari ta’ heaters tal-arja li ma jaħdmux bl-elettriku (Nru 73.22), ta’ magni u apparat tal-arja kundizzjonata (Nru 84.15), ta’ apparat li jiġbed it-trab (Nru 84.21), ta’ apparat li jkessaħ għat-trattament industrijali ta’ materjali (Nru 84.19) jew li jiffriska l-bini (Nru 84.79), ta’ apparat elettriku sabiex isaħħan l-bini li jkollu fann (Nru 85.16), eċċ.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

Fis-6 ta’ Jannar 2004, Kloosterboer ippreżentat lill-awtoritajiet tad-dwana ta’ Rotterdam dikjarazzjoni sabiex jiġu rilaxxati, b’mod partikolari, “fannijiet għall-kompjuters”. Biċ-Ċina bħala l-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, dawn ġew iddikjarati taħt is-subintestatura 84145190 tan-NM u kienu suġġetti għal dazju tad-dwana li kien jammonta għal 3.2% tal-valur iddikjarat.

9

Fis-7 ta’ Jannar 2004, l-Inspecteur ikklassifika dawn l-imsemmija prodotti taħt is-subintestatura 84145190 tan-NM u ħareġ avviż għall-irkupru tad-dazji tad-dwana korrispondenti.

10

Fil-21 ta’ Lulju 2004, Kloosterboer ippreżentat talba għall-ħlas lura tal-imsemmija dazji tad-dwana fejn sostniet li l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-produttur kien ikkwalifika bħala “bċejjeċ ta’ kompjuters għal proċessuri”, kellhom, skont il-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali, jiġu klassifikati taħt is-subintestatura 84733090 tan-NM, li taħtha ma kien dovut ebda dazju tad-dwana.

11

Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Settembru 2004, l-Inspecteur ċaħad din it-talba peress li kkunsidra li, wara verifika, “kien jidher li l-Kummissjoni [tal-Komunitajiet Ewropej], fl-, adottat ir-Regolament Nru 384/2004. Dan ir-regolament jipprevedi li l-fannijiet għandhom jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 84145930. Il-fann jagħti lill-prodott il-karrattru essenzjali tiegħu. Il-fann huwa l-komponent ewlieni li jippermetti t-tneħħija tas-sħana żejda. L-imsemmi regolament huwa obbligatorju kollu kemm hu”.

12

Peress li l-oġġezzjoni li saret kontra din l-imsemmija deċiżjoni tal-Inspecteur ġiet miċħuda wkoll, Kloosterboer ressqet il-kwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju u talbet l-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

13

Il-Gerechtshof te Amsterdam tiddeskrivi l-prodotti li huma s-suġġett tal-kawża li għandha quddiemha bħala apparat magħmul minn sink tas-sħana, magħruf b’mod komuni bħala “heat sink”, u minn fann, b’dawn iż-żewġ elementi mwaħħla ma’ xulxin b’mod permanenti u għalhekk jagħmlu oġġett sħiħ. Is-sink tas-sħana jinkludi sieq tal-metall li għandha elementi sabiex jitwaħħal. Fuq din is-sieq huma mwaħħla folji tal-aluminju li, min-naħa tagħhom, huma mdaħħla f’biċċa magħmula minn materjal sintetiku li fuqha huwa mwaħħal il-fann (li jdur fuq fus). Dan il-fann jaħdem bl-għajnuna ta’ mutur tal-elettriku b’kurrent kontinwu b’vultaġġ ta’ 12-il volt. Dawn l-elementi huma mmuntati fuq il-motherboard, fin-naħa tal-bażi tal-proċessur, bl-għajnuna ta’ sistema ta’ clips. Sabiex jiġi evitat li jifforma saff ta’ arja li jservi ta’ iżolament (insulating layer) bejn il-wiċċ ta’ fuq tal-proċessur u l-wiċċ ta’ taħt tas-sink tas-sħana, dan tal-aħħar huwa mgħotti b’kisja ta’ materjal li jġorr is-sħana. Is-sħana kkawżata mill-proċessur hija assorbita mill-folji rqaq tas-sink tas-sħana. It-tħaddim tal-fann, li joħloq kurrent ta’ arja, jippermetti għalhekk li s-sħana li jkun hemm f’dawn il-folji titneħħa. Il-prodotti inkwistjoni huma esklużivament intiżi li jintużaw f’kompjuter u għandhom l-għan li jkessħu l-proċessur.

14

Quddiem il-qorti tar-rinviju, Kloosterboer essenzjalment issostni li, sa fejn kompjuter ma jistax jaħdem mingħajr sink tas-sħana, il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu kkunsidrati bħala biċċiet minn kompjuter. Il-fatt li, f’din il-kawża, fann huwa mwaħħal ma’ dan is-sink tas-sħana ma huwiex ta’ natura tali li jibdel din il-konklużjoni peress li l-uniku għan tal-fann huwa li jżid il-kapaċitajiet ta’ tkessiħ tal-parti operattiva mingħajr ma jkun meħtieġ li jitkabbar il-wiċċ tal-folji ta’ dan is-sink tas-sħana. Dan tal-aħħar jikkostitwixxi l-element prinċipali tal-imsemmija prodotti u jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom. Għalhekk, il-fannijiet għal kompjuters għandhom jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8473 tan-NM u mhux taħt l-intestatura 8414 tal-istess. Minn dan isegwi li r-Regolament Nru 384/2004 huwa inkompatibbli mal-applikazzjoni tar-regoli ġenerali għall-interpetazzjoni tan-NM.

15

L-Inspecteur isostni li, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tagħhom, il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jiġu kkunsidrati bħala fannijiet. Fil-fatt, huwa l-fann li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, peress li hija din il-parti tal-apparat li għandha l-iktar rwol importanti fit-tneħħija ta’ sħana żejda. Minkejja li ma hemm ebda dubju li huma intiżi li jkunu biċċiet minn kompjuter, il-fannijiet għandhom, skont il-punti 1, 3(b) u 6 tar-regoli ġenerali, jiġu klassifikati taħt l-intestatura 8414 tan-NM. Din l-intepretazzjoni barra minn hekk hija kkonfermata mir-Regolament Nru 384/2004.

16

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-imsemmija prodotti jissodisfaw funzjoni iktar estiża minn dik tal-fannijiet imsemmija fl-intestatura 8414, hekk li ma jistgħux jiġu ekwiparati għall-fannijiet imsemmija fin-noti ta’ spjega dwar din l-intestatura u li għalhekk din l-intestatura ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni. Il-karatteristika essenzjali ta’ dawn il-prodotti hija li jistgħu jaqbdu u jneħħu s-sħana, ħaġa din li fann, fih innifsu, ma huwiex maħsub li jagħmel. Minn dan jirriżulta li, fit-tieni parti tan-NM, in-nota 2(a) tat-Taqsima XVI hija irrilevanti f’din il-kawża.

17

Fid-dawl tan-nota 2(b) tal-istess taqsima, kif ukoll tal-punti 1 u 6 tar-regoli ġenerali, u fid-dawl tal-fatt li ma huwiex ikkontestat li l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma mmanifatturati speċifikament għal kompjuters, jiġifieri l-“Magni awtomatiċi għall-ipproċessar tad-data u unitajiet tagħhom” skont id-definizzjoni li tinsab fl-intestatura 8471 tan-NM, u fid-dawl tal-fatt li t-tkessiħ tal-proċessur huwa essenzjali għat-tħaddim tajjeb tiegħu, dawn il-prodotti għandhom, skont il-qorti tar-rinviju, jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 84733090 tan-NM.

18

Sa fejn il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkorrispondu eżattament għall-apparat deskritt fir-Regolament Nru 384/2004, il-qorti tar-rinviju għandha dubji serji dwar, minn naħa, jekk il-klassifikazzjoni prevista minn dan ir-regolament hijiex effettivament konformi mal-formulazzjoni tan-NM u, min-naħa l-oħra, dwar il-validità ta’ dan ir-regolament.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gerechtshof te Amsterdam iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Ir-Regolament [Nru 384/2004] huwa validu sa fejn, skont dan ir-regolament, is-subintestatura 84145930 tan-[NM] tkopri l-prodotti [magħmula minn sink tas-sħana u fann]?

2)

Jekk ir-Regolament [Nru 384/2004] huwa invalidu, it-Tariffa Doganali Komuni tista’ tiġi interpretata fis-sens li dawn il-prodotti għandhom jiġu kklassifikati bħala ‘Bċejjeċ u aċċessorji tal-magni ta’ l-intestatura 8471’ kif imsemmija fis-subintestatura 84733090 tan-[NM]?”

Fuq id-domandi preliminari

20

Għandu jiġi rrilevat mill-ewwel li l-preżentata tat-talba għar-rilaxx tal-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll id-deċiżjoni tal-Inspecteur dwar din it-talba saru qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 384/2004, jiġifieri t-22 ta’ Marzu 2004. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Kloosterboer ressqet it-talba tagħha fis- u li l-Inspecteur adotta d-deċiżjoni tiegħu dwar il-klassifikazzjoni tal-imsemmija prodotti l-għada.

21

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi mfakkar li regolament li jippreċiża l-kundizzjonijiet għall-klassifikazzjoni f’intestatura jew f’subintestatura tariffarja għandu natura leġiżlattiva u ma jistax ikollu effetti retroattivi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2001, CBA Computer, C-479/99, Ġabra p. I-4391, punt 31, u tas-, Metherma, C-403/07, Ġabra p. I-8921, punt 39). Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt Komunitarju li l-qorti tar-rinviju ma tkunx irreferiet għalihom fid-domanda preliminari tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-, Wiedemann u Funk, C-329/06 u C-343/06, Ġabra p. I-4635, punt 45, kif ukoll Metherma, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi preliminari ma għandhomx jiġu eżaminati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 384/2004, kif tagħti x’tifhem il-formulazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, iżda fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2658/87.

23

Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, id-domandi magħmula għandhom jinftehmu fis-sens li essenzjalment qegħdin jistaqsu jekk ir-Regolament Nru 2658/87 għandux jiġi interpretat fis-sens li prodotti, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, magħmula minn sink tas-sħana kif ukoll minn fann u li huma esklużivament intiżi li jiġu integrati f’kompjuter għandhom jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 84733090 jew taħt is-subintestatura 84145930 tan-NM.

24

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi mfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-verifika, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu jinsab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħha, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tan-NM u min-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2007, RUMA, C-183/06, Ġabra p. I-1559, punt 27, kif ukoll tas-, Medion u Canon Deutschland, C-208/06 u C-209/06, Ġabra p. I-7963, punt 34).

25

In-noti ta’ spjega mħejjija, għal dak li jikkonċerna n-NM, mill-Kummissjoni u, għal dak li jikkonċerna s-SA, mill-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, jgħinu ħafna fl-interpretazzjoni tal-portata tad-diversi intestaturi tariffarji mingħajr, madanakollu, ma huma legalment vinkolanti (sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Turbon International, C-250/05, Ġabra p. I-10531, punt 16).

26

Għall-finijiet tal-klassifikazzjoni taħt l-intestatura adegwata, id-destinazzjoni tal-prodott tista’ tikkostitwixxi kriterju oġġettiv għall-klassifikazzjoni sa fejn din tkun inerenti għall-imsemmi prodott, liema inerenza għandha tkun tali li tkun tista’ tiġi evalwata abbażi tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet oġġettivi tal-prodott (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq RUMA, punt 36, kif ukoll Medion u Canon Deutschland, punt 37).

27

Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-terminu “biċċa”, fis-sens tal-intestatura 8473 tan-NM, jimplika l-preżenza ta’ ħaġa kompleta li din il-biċċa tkun indispensabbli għat-tħaddim tagħha (sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2000, Peacock, C-339/98, Ġabra p. I-8947, punt 21), u Turbon International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

28

F’din il-kawża, kemm mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-ispjegazzjonijiet mogħtija minn Kloosterboer u mill-Kummissjoni waqt is-seduta jirriżulta li l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma indispensabbli għat-tħaddim tal-kompjuters li għalihom huma esklużivament intiżi. Għalhekk, huma jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “bċejjeċ” u, minħabba f’hekk, jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 84733090 tan-NM.

29

Il-fatt li l-imsemmija prodotti huma magħmula minn żewġ elementi distinti, jiġifieri sink tas-sħana u fann, li, ikkunsidrati separatament, jistgħu, it-tnejn li huma, ikunu marbuta ma’ subintestatura differenti tan-NM, jiġifieri s-subintestaturi 84733090 u 84145930, ma huwiex tali li jikkontesta din il-klassifikazzjoni.

30

Fil-fatt, peress li l-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa magħmula minn materjali differenti u peress li ebda waħda miż-żewġ subintestaturi msemmija fil-punt preċedenti ma hija iktar speċifika mill-oħra, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ dawn il-prodotti għandu jsir riferiment għar-regola stabbilita fil-punt 3(b) tar-regoli ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Turbon International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).

31

Skont din ir-regola, sabiex issir il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ prodott, jeħtieġ li jiġi stabbilit liema huwa l-materjal, minn fost dawk li huwa magħmul minnhom, li jagħtih il-karattru essenzjali tiegħu, u dan jista’ jsir billi jiġi eżaminat jekk il-prodott, meta jiġi mċaħħad minn xi wieħed mill-komponenti tiegħu, iżommx jew le il-proprjetajiet li jikkaratterizzawh (sentenza Turbon International, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21).

32

Bl-istess mod, kif jindika l-punt VIII tan-Nota ta’ Spjega tas-SA dwar ir-regola ġenerali 3(b), il-fattur li jiddetermina l-karattru essenzjali jista’, skont it-tip ta’ prodott, jirriżulta, pereżempju, min-natura tal-materjal kostitwenti jew tal-komponenti tal-prodott, mill-volum tagħhom, mill-kwalità tagħhom, mill-piż tagħhom, mill-valur tagħhom jew mill-importanza ta’ wieħed mill-materjali kostitwenti fid-dawl tal-użu ta’ dawn il-prodotti.

33

F’din il-kawża għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, dak li jagħti lill-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali l-karattru essenzjali tagħhom ma huwiex il-fann iżda s-sink tas-sħana.

34

Fil-fatt, min-naħa, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, l-imsemmija prodotti għandhom prinċipalment il-funzjoni li jaqbdu u jneħħu s-sħana mill-proċessur. Issa, l-element tagħhom li jippermettilhom jaqdu din il-funzjoni u li huwa maħsub speċjalment għal dan il-għan huwa s-sink tas-sħana. Barra minn hekk huwa paċifiku li, qabel ma ġew żviluppati prodotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tkessiħ tal-proċessuri tal-kompjuter kien isir biss permezz tas-sinks tas-sħana. Iż-żieda tal-fannijiet f’dawn is-sinks tas-sħana ma biddlietx fondamentalment il-proprjetajiet tal-imsemmija sinks tas-sħana, iżda sempliċement tejbet l-effettività tagħhom billi kabbret il-kapaċità ta’ tkessiħ tagħhom.

35

Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku wkoll li, b’mod differenti mis-sinks tas-sħana, il-fannijiet li għandhom il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex maħsuba li jaħdmu l-ħin kollu iżda jibdew iduru biss meta t-tkessiħ li jsir mis-sink tas-sħana ma jibqax biżżejjed sabiex it-temperatura tal-proċessur ma taqbiżx ċertu livell.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-formulazzjoni tan-Nota ta’ Spjega tas-SA dwar l-intestatura 8414, u b’mod partikolari tal-aħħar paragrafu tal-parti B dwar il-fannijiet, għandu jiġi konkluż li prodotti bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jiġu kklassifikati taħt din l-intestatura.

37

Peress li, kif jirriżulta diġà mill-punt 28 ta’ din is-sentenza, il-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma intiżi esklużivament għal kompjuters li jaqgħu taħt l-intestatura 8471 tan-NM, huma għandhom, b’applikazzjoni tan-nota 2(b) tat-Taqsima XVI tal-ewwel parti tan-NM, jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 84733090.

38

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li r-Regolament Nru 2658/87 għandu jiġi interpretat fis-sens li prodotti, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, magħmula minn sink tas-sħana kif ukoll minn fann u li huma intiżi esklużivament li jiġu integrati f’kompjuter għandhom jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 84733090 tan-NM.

Fuq l-ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1789/2003, tal-, għandu jiġi interpretat fis-sens li prodotti, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, magħmula minn sink tas-sħana kif ukoll minn fann u li huma intiżi esklużivament li jiġu integrati f’kompjuter għandhom jiġu kklassifikati taħt is-subintestatura 84733090 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tal-imsemmi regolament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.