SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

11 ta’ Settembru 2008 ( *1 )

“Tranżazzjonijiet kummerċjali — Direttiva 2000/35/KE — Ġlieda kontra ħlas tardiv — Proċeduri ta’ rkupru għal krediti mhux ikkontestati”

Fil-Kawża C-265/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale civile di Roma (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Ġunju 2007, fil-proċedura

Caffaro Srl

vs

Azienda Unità Sanitaria Locale RM/C,

fil-preżenza ta’:

Banca di Roma SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President tal-Awla, A. Tizzano, A. Borg Barthet, M. Ilešič u E. Levits (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Marzu 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Caffaro Srl, minn G. Barcellona u R. Crincoli, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn C. Zadra u S. Schønberg, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ April 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ Ġunju 2000, dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet tard [ħlas tardiv] fi tranżazzjonijiet kummerċjali (ĠU L 200, p. 35).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Caffaro Srl (iktar ’il quddiem “Caffaro”), kreditur, u l-Azienda Unità Sanitaria Locale RM/C (iktar ’il quddiem l-“Azienda”), awtorità pubblika Taljana, li hija d-debitriċi, rigward eżekuzzjoni furzata permezz ta’ qbid ta’ somom ta’ flus dovuti mingħand din tal-aħħar fuq il-Banca di Roma SpA (iktar ’il quddiem il-“Banca di Roma”), parti terza li lilha kirn indirizzat il-mandat ta’ qbid.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

Il-ħames premessa tad-Direttiva 2000/35 jippreċiża:

“Din id-Direttiva tiddefinixxi biss l-espressjoni ‘titolu ta’ infurzar [titolu eżekuttiv]’ iżda ma tirregolax il-proċeduri varji għall-eżekuzzjoni furzata ta’ dak it-titolu u l-kondizzjonijiet li taħthom eżekuzzjoni furzata ta’ dak it-titolu tista’ titwaqqaf jew tiġi sospiza.”

4

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/35 jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din il-Direttiva:

[…]

5)

‘titolu ta’ infurzar[titolu eżekuttiv]’ tfisser kull deċiżjoni, sentenza jew ordni għall-ħlas maħruġ minn xi qorti jew awtorità kompetenti oħra, sew għall-ħlas immedjat jew għall-ħlas bin-nifs, li jippermetti lill-kreditur li jkollu t-talba tiegħu kontra d-debitur miġbura permezz ta’ eżekuzzjoni furzata, għandha tinkludi deċiżjoni, sentenza jew ordni għall-ħlas li hija proviżżorjament enforzabbli u li tibqa’ hekk wkoll jekk id-debitur jappella kontra tagħha.”

5

It-tlieta u għoxrin premessa tal-istess direttiva jipprovdi:

“L-Artikolu 5 ta’ din id-Direttiva jeħtieġ li l-proċedura biex jiġu rkuprati talbiet [krediti] mhux kontestati jiġu mitmuma f’perjodu qasir ta’ żmien b’konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali, iżda ma jeħtieġx li l-Istati Membri jadottaw xi proċedura speċifika jew li jemendaw il-proċeduri eżistenti legali tagħhom b’mod speċifiku.”

6

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li titolu infurzabbli [eżekuttiv] jista’ jinkiseb, irrispettivament mill-ammont tad-dejn, normalment fi żmien 90 jum kalendarju wara li tinbeda l-azzjoni tal-kreditur jew applikazzjoni fil-qorti jew awtorità kompetenti oħra, sakemm id-dejn jew aspetti oħra tal-proċedura ma jkunux disputati. Dan id-dover għandu jitwettaq mill-Istati Membri b’konformità mal-leġislazzjoni, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi nazzjonali rispettivi tagħhom

2.   Il-leġislazzjoni, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi nazzjonali rispettivi għandhom japplikaw l-istess kondizzjonijiet għall-kredituri kollha li huma stabbiliti fil-Komunità Ewropea.

[…]

4.   Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussel dwar ġurisdizzjoni u nfurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7

L-Artikolu 14 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 669, tal-31 ta’ Diċembru 1996, mibdul f’liġi, wara emenda, permezz tal-Liġi Nru 30, tat-28 ta’ Frar 1997, hekk kif emendata bl-Artikolu 147 tal-Liġi Nru 388, tat-23 ta’ Diċembru 2000 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 302, tad-29 ta’ Diċembru 2000, iktar ’il quddiem id-“Digriet-Leġiżlattiv Nru 669/1996”), jipprovdi:

“L-amministrazzjonijiet ta’ l-Istat u l-korpi pubbliċi mhux ekonomiċi għandhom jagħlqu l-proċedura għall-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u tad-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ eżekuttivi li jinkludu l-obbligu ta’ ħlas ta’ somma flus f’120 ġurnata min-notifika ta’ titolu eżekuttiv. Qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu, il-kreditur ma jistax iwettaq l-eżekuzzjoni furzata u lanqas in-notifika tal-mandat għall-ħlas.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8

Caffaro, li kellha titolu eżekuttiv maħruġ skont il-leġiżlazzjoni Taljana li tittrasponi d-Direttiva 2000/35 fil-liġi nazzjonali, ressqet proċedura ta’ eżekuzzjoni furzata kontra l-Azienda Unità Sanitaria Locale RM/C.

9

L-eżekuzzjoni furzata seħħet taħt il-forma ta’ qbid ta’ somom ta’ flus dovuti mingħand l-Azienda fuq il-Banca di Roma, fuq il-bażi ta’ ċitazzjoni sabiex tidher quddiem il-qorti tar-rinviju, innotifikata lil dawn tal-aħħar.

10

Matul is-seduta tat-13 ta’ Ġunju 2006, il-Banca di Roma dehret quddiem il-qorti tar-rinviju li liha kienet ipprovdiet dikjarazzjoni pożittiva dwar l-eżistenza fil-kontijiet tagħha ta’ ammonti li jappartjenu lill-Azienda u ddikjarat li kienet implementat l-eżekuzzjoni ta’ qbid.

11

Matul din l-istess seduta, il-qorti tar-rinviju rrilevat li l-eżekuzzjoni furzata kienet ġiet implementata mingħajr ma kien għadda t-terminu ta’ 120 ġurnata, ikkalkolata min-notifika tat-titolu eżekuttiv previst fl-Artikolu 14 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 669/1996.

12

Billi kkunsidrat li l-Artikolu 14 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 669/1996 mhuwiex konformi mad-Direttiva 2000/35, Caffaro talbet li tiġi miċħuda l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew, sussidjarjament, li tingħata deċiżjoni ta’ rinviju għal interpretazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-konformità ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali mad-direttiva msemmija iktar ’il fuq.

13

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale civile di Roma ddeċidieda li jissospendi l-proċedimenti u li jagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-formulazzjoni tagħha hija miġbura kif ġej:

“Id-Direttiva 2000/35/KE għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi l-Artikolu 14 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 669/1996, li jgħid li kreditur li jkollu titolu eżekuttiv relatat ma’ kreditu mhux ikkontestat miżmuma minn awtorità pubblika bħala remunerazzjoni ta’ tranżazzjoni kummerċjali, ma jistax iwettaq eżekuzzjoni furzata kontra din l-awtorità qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ 120 ġurnata li jibda jiddekorri min-notifika ta’ titolu eżekuttiv lil din l-awtorità?”

Fuq id-domanda preliminari

14

Qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/35 għandha ssir fid-dawl tal-għan tagħha u tas-sistema li hija tistabbilixxi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Honyvem Informazioni Commerciali, C-465/04, Ġabra p. I-2879, punt 17).

15

F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li d-Direttiva 2000/35 hija intiża biss li tarmonizza, safejn huwa possibbli, ċerti regoli u prattiċi ta’ ħlas fl-Istati Membri sabiex tiġġieled kontra ħlas tardiv fi transazzjonijiet kummerċjali.

16

Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża, din id-direttiva tirregola biss ċerti regoli speċifiċi relatati ma’ tali ħlas tardiv, jiġifieri l-imgħax fil-każ ta’ ħlas tard (Artikolu 3), ir-ritenzjoni ta’ titolu (Artikolu 4) u l-proċeduri ta’ rkupru għal krediti mhux ikkontestati (Artikolu 5) (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-302/05, Ġabra p. I-10597, punt 23, u tat-3 ta’ April 2008, 01051 Telecom, C-306/06, Ġabra p. I-1923, punt 21).

17

Minbarra dan, din l-istess direttiva tirreferi f’diversi punti għall-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali. Dan huwa partikolarment il-każ, kif jirriżulta mill-ħmistax-il-premessa tagħha, mill-proċeduri differenti ta’ eżekuzzjoni furzata ta’ titolu eżekuttiv kif ukoll tal-kundizzjonijiet li għalihom l-eżekuzzjoni furzata ta’ dan it-titolu tista’ titwaqqaf jew tiġi sospiża (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

18

B’mod partikolari, fil-kuntest tas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2000/35, l-Artikolu 5 tagħha jeżiġi biss li l-Istati Membri jiżguraw li t-titolu eżekuttiv, kif iddefinit fl-Artikolu 2(5) ta’ din id-direttiva, jista’ jinkiseb, irrispettivament mill-ammont tad-dejn, normalment fi żmien 90 jum kalendarju wara li tinbeda l-azzjoni tal-kreditur jew applikazzjoni fil-qorti jew awtorità kompetenti oħra, sakemm id-dejn jew aspetti oħra tal-proċedura ma jkunux ikkontestati. Jirriżulta li din id-direttiva, f’dak li jikkonċerna l-proċeduri ta’ rkupru għal krediti mhux ikkontestati, tarmonizza biss it-termimu ta’ kisba ta’ dan it-titolu eżekuttiv, mingħajr ma tirregola l-proċeduri ta’ eżekuzzjoni furzata li jibqgħu suġġetti għal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri.

19

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, b’ebda mod ma taffettwa t-terminu li fih jista’ jinkiseb it-titolu eżekuttiv. Bil-kontra, tali dispożizzjoni tippreżupponi preċiżament li l-kreditur diġà għandu dan it-titolu.

20

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li l-Artikolu 14 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 669/1996, li jipprovdi s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni furzata matul terminu ta’ 120 ġurnata, jikkonċerna stadju tal-proċedura ta’ rkupru tat-talba qabel il-proċedura ta’ eżekuzzjoni furzata, b’tali mod li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/35.

21

Fil-fatt, anki jekk jiġi preżuppost, kif issostni l-Kummissjoni, li dan l-Artikolu 14 għandu l-effett li jipposponi l-bidu tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni furzata, dan bl-ebda mod ma jaffettwa t-terminu ta’ kisba tat-titolu eżekuttiv. Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 18 ta’ din is-sentenza, dan it-terminu jikkostitwixxi l-uniku aspett tal-proċedura għal krediti mhux ikkontestati li huwa armonizzat mill-Artikolu 5 tad-Direttiva.

22

Minbarra dan, jekk jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq li t-titolu eżekuttiv jista’, skont l-Artikolu 14 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 669/1996, jiġi mċaħħad temporanjament mis-setgħa ta’ infurzar tiegħu, xorta waħda ma jirriżultax li, bħal ma ssostni l-Kummissjoni, il-protezzjoni effettiva tal-kreditur hija kkontestata b’nuqqas ta’ osservanza tad-Direttiva 2000/35.

23

Fil-fatt, mhux biss il-proċeduri neċessarji għall-infurzar tal-ħlas jistgħu jsegwu s-sistemi tagħhom, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tagħha, iżda wkoll, bħal ma kkonferma l-Gvern Taljan matul is-seduta, il-miżuri tal-Azienda, neċessarji sabiex iseħħ il-ħlas tad-dejn tagħha, ma ġew bl-ebda mod sospiżi. Fil-fatt, bil-kontra, din l-awtorità debitriċi għandha l-obbligu, skont dan l-Artikolu 14, li timplementa dak kollu li huwa possibbli sabiex il-proċedura ta’ ħlas tingħalaq f’terminu ta’ 120 ġurnata.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda preliminari għandha tingħatlha r-risposta li d-Direttiva 2000/35 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 14 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 669/1996, li tgħid li kreditur, li jkollu titolu eżekuttiv relatat ma’ kreditu mhux ikkontestat miżmum minn awtorità pubblika bħala remunerazzjoni ta’ tranżazzjoni kummerċjali, ma jistax iwettaq eżekuzzjoni furzata kontra din l-awtorità qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ 120 ġurnata li jibda jiddekorri min-notifika tat-titolu eżekuttiv lil din l-awtorità.

Fuq l-ispejjeż

25

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva 2000/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni, tad-29 ta’ Ġunju 2000 dwar il-ġlieda kontra ħlasijiet fit-tard [ħlas tardiv] fi transazzjonijiet kummerċjali, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 14 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 669/1996, tal-31 ta’ Diċembru 1996, mibdul f’liġi, wara emenda, permezz tal-Liġi Nru 30, tat-28 ta’ Frar 1997, hekk kif emendata bl-Artikolu 147 tal-Liġi Nru 388, tat-23 ta’ Diċembru 2000, li tgħid li kreditur, li jkollu titolu eżekuttiv relatat ma’ kreditu mhux ikkontestat miżmum minn awtorità pubblika bħala remunerazzjoni ta’ tranżazzjoni kummerċjali, ma jistax iwettaq eżekuzzjoni furzata kontra din l-awtorità qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ 120 ġurnata li jibda jiddekorri min-notifika tat-titolu eżekuttiv lil din l-awtorità.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.