SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

25 ta’ Lulju 2008 ( *1 )

“Direttivi 85/337/KEE u 97/11/KE — Stima tal-effetti ta’ proġetti fuq l-ambjent — Xogħlijiet ta’ tibdil u ta’ titjib ta’ toroq urbani — Suġġezzjoni”

Fil-Kawża C-142/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo Nru 22 de Madrid (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Marzu 2007, fil-proċeduri

Ecologistas en Acción-CODA

vs

Ayuntamiento de Madrid,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, U. Lõhmus (Relatur), J. Klučka, P. Lindh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ April 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Ecologistas en Acción-CODA, minn J. Doreste Hernández, abogado,

għall-Ayuntamiento de Madrid, minn I. Madroñero Peloche, bħala aġent, assistit minn A. Sánchez Cordero, abogada,

għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Fiengo, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A. Alcover San Pedro u J.-B. Laignelot, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ April 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 175, p. 40), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997 (ĠU L 73, p. 5, iktar ’il quddiem id-“Direttiva emendata”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-assoċjazzjoni Ecologistas en Acción-CODA (iktar ’il quddiem “CODA”) u l-Ayuntamiento de Madrid (Kunsill Muniċipali ta’ Madrid), dwar att amministrattiv li japprova diversi proġetti fil-kuntest tat-tibdil u t-titjib ta’ kważi t-triq kollha li tgħaqqad bliet direttament u bil-ħeffa (“express”) li ddur ma’ Madrid.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

Id-Direttiva 85/337 ġiet adottata bil-għan li tarmonizza l-prinċipji dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, l-obbligi prinċipali tal-iżviluppaturi u l-kontenut tal-istima ta’ dawn l-effetti. L-Anness I tagħha jindika l-proġetti li huma suġġetti għal tali stima, fil-waqt li l-Anness II tagħha jsemmi dawk li, skont l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri setgħu jissuġġettaw għal tali stima meta jikkunsidraw li l-karatteristiċi tal-proġetti kkonċernati kienu jeħtieġu li dan isir.

4

L-emendi magħmula lid-Direttiva 85/337 bid-Direttiva 97/11 jikkonċernaw prinċipalment is-suġġezzjoni tal-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom effetti fuq l-ambjent għall-ħtieġa li jkun hemm awtorizzazzjoni u stima ta’ dawn l-effetti kif ukoll l-armonizzazzjoni tal-kriterji li l-Istati Membri għandhom jużaw sabiex jiddeterminaw jekk proġett li jaqa’ f’waħda mill-kategoriji msemmija fl-Anness II għandux jiġi suġġett għal tali stima jew le. Dawn il-kriterji issa huma elenkati fl-Anness III tad-Direttiva emendata.

5

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva emendata jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“‘proġett’ tfisser:

l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ istallazjonijiet jew skemi oħra,

interventi oħra fil-madwar u pajsaġġ naturali […]

‘żviluppatur’ tfisser:

 

l-applikant għal awtorizzazzjoni għal proġett privat jew l-awtorita pubblika li tibda proġett;

‘kunsens għal żvilupp’ tfisser:

 

id-deċiżjoni ta’ l-awtorita jew l-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur biex jipproċedi bil-proġett.”

6

L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva emendata jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi, qabel ma jingħata l-kunsens/approvazzjoni, il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lok[alizz]azzjoni tagħhom jiġu magħmula soġġetti għall-ħtieġa li jkun hemm il-kunsens/approvazzjoni għall-iżvilupp u stima rigward l-effetti tagħhom. […]”

7

L-Artikolu 3 tad-Direttiva emendata jipprovdi:

“L-istima dwar l-impatt fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’manjiera xierqa, fid-dawl ta’ kull każ individwali u b’mod konformi ma’ l-Artikoli 4 sa 11, l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq il-fatturi li ġejjin:

il-bniedem, il-fawna u l-flora;

il-ħamrija, l-ilma, l-arja, il-klima u l-pajsaġġ;

il-beni materjali u l-wirt kulturali;

l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet inċiżi.”

8

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva emendata, il-proġetti mniżżla fl-Anness I tagħha għandhom jiġu suġġetti għal stima, ħlief għall-każijiet eżentati eċċezzjonalment taħt l-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva.

9

Skont l-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva emendata, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi, permezz ta’ eżami każ b’każ jew permezz tal-limiti jew il-kriterji li huwa jistabbilixxi fid-dawl tal-kriterji ta’ għażla previsti fl-Anness III ta’ din id-direttiva, jekk il-proġetti msemmija fl-Anness II ta’ din tal-aħħar għandhomx jiġu suġġetti għal stima.

10

Il-punt 7 tal-Anness I tad-Direttiva emendata jsemmi, fil-paragrafu (b), il-proġetti ta’ “bini ta’ toroq prinċipali għall-vetturi bil-mutur (‘motorways’) u toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’)” u, fil-paragrafu (ċ), il-proġetti ta’ “bini ta’ triq ġdida ta’ erba’ linji ta’ traffiku jew iktar, l-allinjament mill-ġdid u/jew it-twessiegħ ta’ triq eżistenti ta’ żewġ linji tat-traffiku jew iktar, fejn din it-triq ġdida jew sezzjoni allinjata mill-ġdid u/jew imwessgħa tat-triq tkun iktar minn 10 km jew iktar ma taqta’ xejn fit-tul”.

11

Għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’)”, l-imsemmi punt 7(b) jirreferi għad-definizzjoni mogħtija mill-Ftehim Ewropew tal-15 ta’ Novembru 1975 dwar l-Arterji Prinċipali tat-Traffiku Internazzjonali (iktar ’il quddiem il-“Ftehim”).

12

Fil-punt 10 tal-Anness II tad-Direttiva emendata, intitolat “Proġetti ta’ infrastruttura”, jissemmew, fil-paragrafu (b), il-“[p]roġetti ta’ żvilupp urban” u, fil-paragrafu (e), il-proġetti ta’ “bini ta’ toroq […] (proġett[i] mhux inklużi fl-Anness I)”.

13

L-ewwel inċiż tal-punt 13 tal-imsemmi Anness II ikopri “[k]ull bidla jew estenzjoni tal-proġetti mniżżla fil-lista ta’ l-Anness I jew l-Anness II, diġà awtoriżżati, imwettqa jew fil-proċess tat-twettiq li jista’ jkollhom effetti avversi sinifikanti fuq l-ambjent”.

Il-Ftehim

14

Il-Ftehim ġie rratifikat mill-Istati Membri kollha b’eċċezzjoni ta’ sebgħa minnhom. Ir-Renju ta’ Spanja huwa fost dawn tal-aħħar.

15

Taħt it-Titolu II, intitolat “Klassifikazzjoni ta’ toroq internazzjonali”, l-Anness II tal-Ftehim jinkludi b’mod partikolari d-definizzjonijiet li ġejjin:

“II.2 Toroq prinċipali għall-vetturi bil-mutur (‘motorways’)

It-terminu ‘triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur (‘motorway’)’ ifisser triq li hija ddisinjata u mibnija speċifikament għat-traffiku tal-vetturi, li ma sservix il-proprjetajiet li jmissu magħha, u li:

i)

għajr f’punti speċjali jew temporanjament, fiha karreġġati separati għaż-żewġ direzzjonijiet tat-traffiku, li huma separati minn xulxin jew bi strippa diviżorja mhux intiża għat-traffiku, jew b’mod eċċezzjonali, permezz ta’ mezzi oħra;

ii)

fil-livell tagħha ma taqsam ebda triq, linja tal-ferrovija jew linja tat-tramm, jew mogħdija għan-nies biex jgħaddu bil-mixi;

iii)

hija indikata speċifikament bħala triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur (‘motorway’).

II.3 Toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’)

Toroq riżervati għat-traffiku tal-vetturi, aċċessibbli biss minn salib it-toroq jew intersezzjonijiet ikkontrollati u fuqha huwa pprojbit, b’mod partikolari, li wieħed jieqaf jew jipparkja.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

B’deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2005, il-Concejala del Área de Gobierno de Urbanisme, Vivienda e Infraestructuras del Ayuntamiento de Madrid (Kunsillier muniċipali responsabbli mill-ippjanar, mill-akkomodazzjoni u mill-infrastruttura fil-Kunsill Muniċipali ta’ Madrid) approva diversi proġetti ta’ tibdil u ta’ titjib tat-triq li tgħaqqad bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’) li ddur ma’ Madrid, identifikata bin-numru M-30.

17

Dawn il-proġetti jirrigwardaw, fil-prattika, it-trasformazzjoni fi triq taħt l-art, minn naħa, tal-M-30 bejn Marquès de Monistrol u Puente de Segovia, bejn Puente de Segovia u Puente de San Isidro, bejn Puente de San Isidro u Puente de Praga u bejn Puente de Praga u Nudo Sur, u, min-naħa l-oħra, tal-Avenida de Portugal sar-roundabout ta’ San Vicente. Skont l-osservazzjonijiet ta’ CODA, li f’dan ir-rigward ma kinux kontradetti, il-M-30 hija triq intiża esklużivament għat-traffiku tal-vetturi bil-mutur, mhijiex mgħammra bi dwal tat-traffiku, ma fihiex bankina jew strixxi mal-ġenb għan-nies biex jgħaddu bil-mixi u la għandha waqfiet għall-karozzi tal-linja u lanqas vendi tat-taxi.

18

Dawn il-proġetti jifformaw parti minn xogħlijiet kumplessi ta’ inġenjerija ċivili li jikkonsistu fit-titjib u fit-tibdil ta’ kważi t-triq kollha li tgħaqqad bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’) li ddur ma’ Madrid. Dawn ix-xogħlijiet, imsejħa wkoll “Madrid calle 30”, ifittxu, skont l-osservazzjonijiet tal-Ayuntamiento de Madrid, li jnaqqsu l-konġestjoni fit-toroq u r-riskji tal-inċidenti, u mhux li jżidu l-kapaċità għat-traffiku f’din it-triq.

19

Wara li l-appell mid-deċiżjoni fuq imsemmija tas-17 ta’ Jannar 2005 ġie miċħud b’deċiżjoni tat-23 ta’ Mejju 2005, CODA ressqet rikors quddiem il-qorti tar-rinviju għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni tal-aħħar. Bħall-appell, dan ir-rikors għal annullament huwa b’mod partikolari bbażat fuq motiv li jallega li nkisret il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-istima tal-effetti fuq l-ambjent applikabbli għall-imsemmija proġetti u li tirriżulta parzjalment mid-Direttiva emendata.

20

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Kunsill Muniċipali ta’ Madrid qasam il-proġett globali “Madrid calle 30”, imsemmi iktar ’il fuq, fi ħmistax-il sottoproġett indipendenti, ittrattati separatament, li minnhom wieħed biss jirrigwarda l-alterazzjoni u l-iżvilupp ta’ tul ta’ triq eżistenti fuq sezzjoni li taqbeż ħames kilometri, limitu li minnu l-leġiżlazzjoni reġjonali applikabbli tissuġġetta proġett għal stima tal-effetti fuq l-ambjent, meta dan il-proġett globali kkunsidrat kollu kemm hu, jaqbeż sewwa dan il-limitu. Barra minn hekk, mill-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li, skont ċerti estimi, it-twettiq tax-xogħlijiet globali ser joħloq żieda fit-traffiku ta’ kważi 25 % u jinvolvi xogħlijiet ta’ diversi tipi maż-żoni urbani tal-M-30.

21

Fid-dawl tal-kobor u tal-implikazzjonijiet ta’ dawn ix-xogħlijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, skont id-Direttiva emendata, dawn għandhomx ikunu suġġetti b’mod obbligatorju għal stima tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent.

22

Quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Ayuntamiento de Madrid, filwaqt li sostna li huwa qatt ma kellu l-intenzjoni li jeskludi l-applikazzjoni tad-Direttiva emendata, irrileva li l-kontroversja tirriżulta minn interpretazzjoni komuni għall-awtoritajiet nazzjonali kollha li stħarrġu l-legalità tal-proġetti kkonċernati. Barra minn hekk, huwa sostna li l-estensjoni f’dan il-każ tal-ġurisprudenza tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-332/04), għal sitwazzjonijiet oħra apparti dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza tkun teħtieġ raġunament dettaljat min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja.

23

Il-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll l-osservazzjonijiet ippreżentati mill- Communidad autónoma de Madrid (Komunità Awtonoma ta’ Madrid), li skontha kien hemm konfużjoni bejn il-proċeduri għal deċiżjoni preliminari u r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, għaliex it-trattazzjoni kienet pjuttost tirrigwarda eventwali ksur tad-dritt Komunitarju.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti nazzjonali ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Ir-rekwiżiti proċedurali tal-istima tal-impatt fuq l-ambjent previsti mid-[Direttiva emendata] huma applikabbli għal proġetti ta’ xogħlijiet fuq toroq urbani, fid-dawl tan-natura u d-daqs tagħhom jew meta jolqtu żoni ta’ densità demografika għolja jew pajsaġġi li għandhom importanza storika, kulturali jew arkeoloġika?

2)

Ir-rekwiżiti proċedurali tal-istima tal-impatt fuq l-ambjent previsti mid-[Direttiva emendata] huma applikabbli għall-proġetti inkwistjoni f’dan ir-rikors taħt id-dritt proċedurali amministrattiv, fid-dawl tan-natura tagħhom, tan-natura tat-triq li fiha huwa previst it-twettiq tagħhom, tal-karatteristiċi tagħhom, tad-daqs tagħhom, tal-impatt tagħhom fuq l-ambjent, tad-densità demografika, tal-valur ekonomiku u tal-eventwali diviżjoni tagħhom meta mqabbla ma’ proġett globali ta’ xogħlijiet simili fuq l-istess triq?

3)

Il-kriterji li l-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet fis-sentenza [Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq], b’mod partikolari fil-punti 69 sa 88 tagħha, huma applikabbli għall-proġetti inkwistjoni f’dawn il-proċeduri, fid-dawl tan-natura tagħhom, tan-natura tat-triq li fiha huwa previst it-twettiq tagħhom, tal-karatteristiċi tagħhom, tad-daqs tagħhom, tal-impatt tagħhom fuq l-ambjent, tal-valur ekonomiku u tal-eventwali diviżjoni tagħhom meta mqabbla ma’ proġett globali ta’ xogħlijiet simili fuq l-istess triq u huwa, għal din ir-raġuni, kien neċessarju li l-proġetti inkwistjoni jiġu suġġetti għal proċedura obbligatorja ta’ stima tal-impatt fuq l-ambjent?

4)

Abbażi ta’ dak li jirriżulta mill-inkartament amministrattiv u, b’mod partikolari mill-istudji u mir-rapporti li fih, jista’ jitqies li l-awtoritajiet Spanjoli effettivament issodisfaw l-obbligi dwar l-istima tal-impatt fuq l-ambjent li jirriżultaw mid-[Direttiva emendata], rigward il-proġetti inkwistjoni f’dawn il-proċeduri, minkejja li formalment il-proġett ma ġiex suġġett għall-proċedura obbligatorja ta’ stima tal-impatt fuq l-ambjent stabbilita minn din id-direttiva?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel tliet domandi

25

Permezz tal-ewwel tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk id-Direttiva emendata għandhiex tiġi interpretata fis-sens li proġetti ta’ tibdil u ta’ titjib ta’ kważi t-triq urbana kollha li tgħaqqad bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’) li ddur ma’ belt għandhom jiġu suġġetti għal stima tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent fid-dawl, b’mod partikolari, tan-natura ta’ dawn il-proġetti, tat-tip ta’ triq inkwistjoni, tal-karatteristiċi u tad-daqs tal-imsemmija proġetti kif ukoll tal-effetti tagħhom fuq żoni ta’ densità demografika għolja jew fuq pajsaġġi li għandhom importanza storika, kulturali jew arkeoloġika u tal-fatt li huma jikkostitwixxu r-riżultat tal-qsim ta’ proġett globali li jirrigwarda t-twettiq ta’ serje ta’ xogħlijiet simili fuq l-istess triq.

26

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva emendata, il-proġetti mniżżla fl-Anness I tagħha għandhom jiġu suġġetti għal stima tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent. Skont l-Artikolu 4(2), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet speċifikati f’din id-dispożizzjoni, liema huma l-proġetti mniżżla fl-Anness II tal-imsemmija direttiva li għandhom jiġu suġġetti għal tali stima.

27

Skont l-Ayuntamiento de Madrid, it-triq inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija triq urbana. Issa d-Direttiva emendata ma ssemmix din it-tip ta’ triq fl-Annessi I u II tagħha, li jsemmu biss it-toroq prinċipali għall-vetturi bil-mutur (‘motorways’), it-toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’) u t-toroq. Barra minn hekk, dawn it-termini mhumiex iddefiniti, ħlief, fir-rigward tal-kunċett ta’ triq li tgħaqqad bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’), b’referenza għad-definizzjoni mogħtija bil-Ftehim. Skont il-konvenut fil-kawża prinċipali, fin-nuqqas ta’ kjarifika fir-rigward ta’ dawn it-termini, il-liġi Spanjola li ttrasponiet id-Direttiva emendata rriproduċiet it-termini eżatti ta’ din tal-aħħar. Billi t-triq urbana ma tissemmiex fiha, huwa seta’ jikkunsidra li proġetti li jirrigwardaw l-alterazzjoni ta’ tali triq ma kinux jaqgħu taħt id-Direttiva emendata u, għaldaqstant, ma kellhomx jiġu suġġetti għal stima tal-effetti fuq l-ambjent.

28

Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja bosta drabi rrilevat li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/337 u dak tad-Direttiva emendata huwa wiesa’ ħafna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et, C-72/95, Ġabra p. I-5403, punt 31; tas-16 ta’ Settembru 1999, WWF et, C-435/97, Ġabra p. I-5613, punt 40; u tat-28 ta’ Frar 2008, Abraham et, C-2/07, Ġabra p. I-1197, punt 32). Għaldaqstant, ikun kuntrarju għall-għan innifsu tad-Direttiva emendata li kull proġett li jirrigwarda triq urbana jitħalla jaħrab mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għas-sempliċi raġuni li din id-direttiva ma ssemmix espressament il-proġetti li jirrigwardaw dan it-tip ta’ triq fost il-proġetti mniżżla fl-Annessi I u II tagħha.

29

Għandu jiġi rrilevat li l-punt 7(b) u (ċ) tal-Anness I tad-Direttiva emendata jsemmi, fost il-proġetti li għandhom jiġu suġġetti għal stima tal-effetti fuq l-ambjent, it-“toroq prinċipali għall-vetturi bil-mutur (‘motorways’)” u t-“toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’)” kif ukoll il-“bini ta’ triq ġdida ta’ erba’ linji ta’ traffiku jew iktar, l-allinjament mill-ġdid u/jew it-twessiegħ ta’ triq eżistenti ta’ żewġ linji tat-traffiku jew iktar, fejn din it-triq ġdida jew sezzjoni allinjata mill-ġdid u/jew imwessgħa tat-triq tkun iktar minn 10 km jew iktar ma taqta’ xejn fit-tul”. F’dak li jirrigwarda l-Anness II, fil-punt 10(e) u fl-ewwel inċiż tal-punt 13, rispettivament, dan l-anness isemmi l-“bini ta’ toroq” u “kull bidla jew estenzjoni tal-proġetti mniżżla fil-lista tal-Anness I jew l-Anness II, diġà awtoriżżati, imwettqa jew fil-proċess tat-twettiq li jista’ jkollhom effetti avversi sinifikanti fuq l-ambjent” fost il-proġetti li l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu t-twettiq ta’ stima tal-effetti fuq l-ambjent skont l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi speċifikat, kif issostni ġustament il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li l-kunċetti li jinsabu fl-imsemmija annessi huma kunċetti tad-dritt Komunitarju li għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma u, min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li mhuwiex eskluż li t-tipi ta’ toroq li jissemmew fihom jinsabu kemm f’żoni mibnija kif ukoll barra minnhom.

30

Id-Direttiva emendata ma tiddefinixxix il-kunċetti fuq imsemmija b’eċċezzjoni tal-kunċett ta’ “toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’)”, li fir-rigward tiegħu hija tirreferi għall-Ftehim u b’hekk tinkludi d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’)” li tinsab f’dan il-ftehim. Billi mhux l-Istati Membri kollha huma partijiet f’dan il-ftehim, din ir-referenza tikkonċerna l-Ftehim fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ meta ġiet adottata d-Direttiva 85/337, jiġifieri l-verżjoni tal-15 ta’ Novembru 1975.

31

Skont l-Anness II tal-Ftehim, triq li tgħaqqad bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’) hija triq riżervata għat-traffiku tal-vetturi, aċċessibbli biss minn salib it-toroq jew intersezzjonijiet ikkontrollati u fuqha huwa pprojbit, b’mod partikolari, li wieħed jieqaf jew jipparkja. Minn din id-definizzjoni ma jirriżultax li t-toroq li jinsabu fiż-żoni urbani huma a priori esklużi. Għall-kuntrarju, għandu jiġi kkunsidrat li, fin-nuqqas ta’ esklużjoni espliċita tat-toroq li jinsabu f’żoni mibnija, it-termini “toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’)” ikopru t-toroq urbani li jikkorrispondu għall-karatteristiċi previsti f’dan l-anness.

32

Għandu jiġi rrilevat ukoll li dan l-istess ftehim jiddefinixxi l-kunċett ta’ “triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur (‘motorway’)” bħala li tindika, b’mod partikolari, triq iddisinjata u mibnija speċifikament għat-traffiku tal-vetturi, li ma sservix il-proprjetajiet li jmissu magħha, li fil-livell tagħha ma taqsam ebda triq, linja tal-ferrovija jew linja tat-tramm, jew mogħdija għan-nies biex jgħaddu bil-mixi u li hija indikata speċifikament bħala triq prinċipali għall-vetturi bil-mutur (‘motorway’). Issa għalkemm id-Direttiva emendata ma tirreferix espressament għal din id-definizzjoni, il-Ftehim jista’ jkun strument utli sabiex jiġi mifhum il-kunċett simili li jinsab fl-Anness I ta’ din id-direttiva.

33

Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita sewwa li l-Istati Membri għandhom jimplementaw id-Direttiva emendata, hekk kif għandhom jimplementaw id-Direttiva 85/337, b’mod li jikkorrispondi kompletament għar-rekwiżiti li hija tistabbilixxi fid-dawl tal-għan essenzjali tagħha li huwa, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tagħha, li, qabel l-għoti ta’ awtorizzazzjoni, il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent, b’mod partikolari minħabba n-natura, id-daqs jew il-lokalizzazzjoni tagħhom, ikunu suġġetti għal stima fir-rigward tal-effetti tagħhom (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster, C-287/98, Ġabra p. I-6917, punt 52, u tat-23 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-486/04, Ġabra p. I-11025, punt 36).

34

Għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat li l-proġetti ta’ toroq urbani jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva emendata.

35

Kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet ta’ CODA, li f’dan ir-rigward ma ġewx kontradetti, il-proġetti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrigwardaw triq intiża esklużivament għat-traffiku tal-vetturi bil-mutur, li ma fihiex dwal tat-traffiku, bankina jew strixxi mal-ġenb għan-nies biex jgħaddu bil-mixi u la għandha waqfiet għall-karozzi tal-linja u lanqas vendi tat-taxi. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-konstatazzjonijiet fattwali li jippermettu li jiġu vverifikati dawn l-elementi sabiex jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl tal-indikazzjonijiet speċifikati fil-punti 30 sa 33 ta’ din is-sentenza, dawn il-proġetti jaqgħux taħt xi wieħed mill-kunċetti li jinsabu fl-Anness I tad-Direttiva emendata u, għaldaqstant, għandhomx jiġu suġġetti għal stima tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent.

36

Għal dan il-għan, għandu jiġi speċifikat li l-fatt li l-punt 7(b) u (ċ) tal-Anness I tad-Direttiva emendata jirreferi għal proġetti li jirrigwardaw il-“bini” tat-tipi ta’ toroq li jissemmew, filwaqt li l-kawża prinċipali tikkonċerna proġetti li jirrigwardaw it-tibdil u t-titjib ta’ triq eżistenti, ma jfissirx li dawn tal-aħħar huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva emendata. Fil-fatt, proġett li jirrigwarda t-tibdil ta’ triq li, minħabba d-daqs tiegħu u l-mod kif jitwettaq, jekwivali għal bini jista’ jiġi kkunsidrat li jirrigwarda bini fis-sens tal-imsemmi anness (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-227/01, Ġabra p. I-8253, punt 46, u Abraham et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

37

Fil-każ li jkun jidher li l-proġetti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jirrigwardawx toroq prinċipali għall-vetturi bil-mutur (‘motorways’) jew toroq li jgħaqqdu bliet direttament u bil-ħeffa (‘express’) fis-sens tal-punt 7(b) tal-Anness I tad-Direttiva emendata jew proġetti msemmija fil-punt 7(ċ) ta’ dan l-anness, hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il-proġetti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħux taħt l-Anness II ta’ din id-direttiva, jew taħt il-punt 10(e) tiegħu, safejn jirrigwardaw il-bini ta’ triq, jew taħt l-ewwel inċiż tal-punt 13 tiegħu, moqri flimkien mal-punt 10(e) tal-Anness II tal-imsemmija direttiva, safejn jirrigwardaw bidla ta’ proġett tal-bini ta’ triq.

38

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, għalkemm, bħall-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337, l-istess dispożizzjoni tad-Direttiva emendata tagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jistabbilixxu jekk proġett li jaqa’ fil-kategoriji elenkati fl-Anness II ta’ din id-direttiva tal-aħħar għandux jiġi suġġett għal stima tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni huwa limitat bl-obbligu, stabbilit fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva emendata, li l-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent, b’mod partikolari minħabba n-natura, id-daqs jew il-lokalizzazzjoni tagħhom, ikunu suġġetti għal stima fir-rigward tal-impatt tagħhom (ara, f’dak li jirrigwarda d-Direttiva 85/337, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Kraaijeveld et, punt 50, u Abraham et, punt 37). Fl-applikazzjoni tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom, l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni kull wieħed minn dawn il-kriterji sabiex jistabbilixxu jekk proġetti x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt fuq l-ambjent (sentenza tas-16 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 77).

39

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, bl-istess mod bħad-Direttiva 85/337, id-Direttiva emendata tiffoka fuq evalwazzjoni globali tal-effetti tal-proġetti jew tal-bidla tagħhom fuq l-ambjent. Ikun sempliċistiku u kuntrarju għal dan l-approċċ li jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-istima tal-effetti fuq l-ambjent ta’ proġett jew tal-bidla tiegħu, biss l-effetti diretti tax-xogħlijiet prospettati nfushom, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti fuq l-ambjent li jistgħu jkunu pprovokati mill-użu u mit-tħaddim tal-prodott finali ta’ dawn ix-xogħlijiet (ara, f’dak li jirrigwarda d-Direttiva 85/337, is-sentenza Abraham et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 42 u 43).

40

Għaldaqstant, f’dak li jirrigwarda l-lokalizzazzjoni tal-proġetti, il-punt 2(g) u (h) tal-Anness III tad-Direttiva emendata jsemmi ż-żoni b’densità għolja ta’ popolazzjoni kif ukoll il-pajsaġġi ta’ sinjifikat storiku, kulturali jew arkeoloġiku bħala kriterji ta’ għażla li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 4(3) tal-imsemmija direttiva, għall-eżami każ b’każ jew għall-iffissar tal-limiti jew tal-kriterji previsti fl-Artikolu 4(2), sabiex jistabbilixxu jekk proġett għandux jiġi suġġett għal stima. Dawn il-kriterji ta’ għażla jistgħu jikkonċernaw ukoll proġetti ta’ toroq urbani (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 79).

41

Min-naħa l-oħra, il-fatt, invokat mill-Ayuntamiento de Madrid, li l-proġetti inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jkollhom effetti pożittivi għall-ambjent, mhuwiex rilevanti għad-determinazzjoni jekk huwiex neċessarju li l-imsemmija proġetti jiġu suġġetti għal stima tal-impatt ambjentali tagħhom.

42

Barra minn hekk, il-lista magħmula fl-Artikolu 3 tad-Direttiva emendata, bħal dik li tinsab fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/337, tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħall-effetti ta’ proġett fuq, b’mod partikolari, il-bniedem, il-fawna u l-flora, il-ħamrija, l-ilma, l-arja jew il-wirt kulturali, turi minnha nfisha li l-effett fuq l-ambjent li d-Direttiva emendata hija intiża li tippermetti li jiġi stmat mhux biss huwa dak tax-xogħlijiet prospettati, iżda huwa wkoll u fuq kollox dak tal-proġett li għandu jitwettaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Abraham et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

43

Kif fakkret ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tagħha, il-proġetti li jirrigwardaw it-toroq jista’ jkollhom diversi effetti fuq l-ambjent kemm fiż-żoni urbani kif ukoll barra minnhom, billi dawn iż-żoni huma partikolarment sensittivi mill-aspett tad-densità tal-popolazzjoni, tat-tniġġis li jeżisti, iżda wkoll minħabba l-preżenza ta’ eventwali siti ta’ importanza storika, kulturali jew arkeoloġika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 81).

44

Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat, kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-Direttiva 85/337, li l-għan tad-Direttiva emendata ma jistax jiġi evitat permezz tal-qsim ta’ proġett u li n-nuqqas li jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett kumulattiv ta’ diversi proġetti m’għandux ikollu r-riżultat prattiku li dawn jaħarbu fit-totalità tagħhom mill-obbligu li titwettaq stima meta, meħudin flimkien, dawn x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva emendata (ara, f’dak li jirrigwarda d-Direttiva 85/337, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-392/96, Ġabra p. I-5901, punt 76, u Abraham et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

45

F’dak li jirrigwarda l-proġetti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li dawn tal-aħħar kollha jifformaw parti mill-proġett globali “Madrid calle 30”. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn għandhomx jiġu ttrattati flimkien minħabba, b’mod partikolari, il-viċinanza ġeografika tagħhom, ix-xebh tagħhom u l-interazzjonijiet tagħhom.

46

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel tliet domandi għandha tkun li d-Direttiva emendata għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprovdi għall-istima tal-effetti fuq l-ambjent tal-proġetti ta’ tibdil u ta’ titjib ta’ toroq urbani meta dawn ikunu proġetti previsti fil-punt 7(b) jew (ċ) tal-Anness I ta’ din id-direttiva, jew meta dawn ikunu proġetti previsti fil-punt 10(e) jew fl-ewwel inċiż tal-punt 13 tal-Anness II tal-imsemmija direttiva, li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent minħabba n-natura, id-daqs jew il-lokalizzazzjoni tagħhom u, jekk ikun il-każ, fid-dawl tal-interazzjoni tagħhom ma’ proġetti oħra.

Fuq ir-raba’ domanda

47

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-istudji mwettqa u r-rapporti mħejjija dwar il-proġetti inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfawx ir-rekwiżit li ssir stima tal-impatt ambjentali kif previst fid-Direttiva emendata.

48

Fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 234 KE, li hija bbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biss is-setgħa li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test Komunitarju abbażi tal-fatti li jiġu indikati lilha mill-qorti nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1998, Dumon u Froment, C-235/95, Ġabra p. I-4531, punt 25, u tat-28 ta’ Settembru 2006, Gasparini et, C-467/04, Ġabra p. I-9199, punt 41).

49

Issa din id-domanda tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tieħu pożizzjoni dwar ċerti elementi fattwali li fuqhom hija bbażata l-kawża prinċipali, jiġifieri tiddetermina jekk l-investigazzjonijiet, l-udjenzi u l-analiżi li wettqu l-awtoritajiet nazzjonali jikkostitwixxux, fir-rigward tal-proġetti inkwistjoni, stima tal-impatt fuq l-ambjent fis-sens tad-Direttiva emendata.

50

Hija l-qorti nazzjonali li għandha twettaq tali eżami, fid-dawl tal-fatt li stima formali tista’ tiġi sostitwita b’miżuri ekwivalenti meta dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-Artikoli 3 u 5 sa 10 tad-Direttiva emendata.

51

Għaldaqstant, mhemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda.

Fuq l-ispejjeż

52

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprovdi għall-istima tal-effetti fuq l-ambjent tal-proġetti ta’ tibdil u ta’ titjib ta’ toroq urbani meta dawn ikunu proġetti previsti fil-punt 7(b) jew (ċ) tal-Anness I ta’ din id-direttiva, jew meta dawn ikunu proġetti previsti fil-punt 10(e) jew fl-ewwel inċiż tal-punt 13 tal-Anness II tal-imsemmija direttiva, li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent minħabba n-natura, id-daqs jew il-lokalizzazzjoni tagħhom u, jekk ikun il-każ, fid-dawl tal-interazzjoni tagħhom ma’ proġetti oħra.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.