SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

17 ta’ Lulju 2008 ( *1 )

“Suq intern tal-enerġija elettrika — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-ġbir ta’ żieda fuq il-prezz tat-trasport tal-enerġija elettrika għall-benefiċċju ta’ kumpannija nnominata mil-liġi li hija responsabbli għall-ħlas tal-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati — Taxxi li għandhom effett ekwivalenti għal dazji doganali — Taxxi interni diskriminatorji — Għajnuna mogħtija mill-Istati Membri”

Fil-Kawża C-206/06

li għandha bħala suġġett talba għal domanda preliminari skont l-Artikolu 234 KE, magħmula mir-Rechtbank Groningen (l-Olanda), b’deċiżjoni tad-19 ta’ April 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Mejju 2006, fil-kawża

Essent Netwerk Noord BV,

li magħha ngħaqdet

Nederlands Elektriciteit Administratiekantoor BV

vs

Aluminium Delfzijl BV,

u fl-azzjoni għall-infurzar ta’ garanzija

Aluminium Delfzijl BV

vs

Staat der Nederlanden

u fl-azzjoni għall-infurzar ta’ garanzija

Essent Netwerk Noord BV

vs

Nederlands Elektriciteit Administratiekantoor BV,

Saranne BV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas (Relatur), President tal-Awla, U. Lõhmus, J. N. Cunha Rodrigues, A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-10 ta' Mejju 2007,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Essent Netwerk BV, bħala aventi kawża universali mill-1 ta’ Jannar 2005 ta’ Essent Netwerk Noord BV, minn P. E. Mazel u E. Hamminga, advocaten,

għal Aluminium Delfzijl BV, minn A. J. van den Berg u M. Van Leeuwen, advocaten,

għal Nederlands Elektriciteit Administratiekantoor BV, minn J. K. de Pree u Y. de Vries, advocaten,

għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster, kif ukoll minn P. P. J. van Ginneken u D. J. M. de Grave, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn R. Lyal u H. van Vliet, bħala aġenti.

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta' Jannar 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 25 KE, 87(1) KE u 90 KE.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Essent Netwerk Noord BV (iktar ’il quddiem “Essent Netwerk”), operatur ta’ netwerk ta’ enerġija elettrika, u Aluminium Delfzijl BV (iktar ’il quddiem “Aldel”), xerrej ta’ enerġija elettrika u ta’ servizzi ta’ trasport, fir-rigward ta’ żieda fit-tariffa mitluba għat-trasport ta’ enerġija elettrika matul il-perijodu li jmur mill-1 ta’ Awwissu 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2000.

3

Fil-kuntest ta’ intervent u ta’ azzjonijiet għal infurzar ta’ garanzija, il-kwistjoni tinvolvi wkoll lil Nederlands Elektriciteit Administratiekantoor BV, li qabel kienet Samenwerkende ElektriciteitsProduktiebedrijven NV (iktar ’il quddiem “SEP”), kumpannija nnominata mil-liġi, l-Istat Olandiż u l-kumpannija Saranne BV, sussidjarja ta’ SEP u operatur tan-netwerk ta’ vultaġġ għoli.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt Komunitarju

4

Id-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1996, dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-enerġija elettrika (ĠU 1997, L 27, p. 20, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”), tistabbilixxi regoli komuni rigward il-produzzjoni, it-trasport u d-distribuzzjoni tal-enerġija elettrika.

5

Il-kapitoli IV, VI u VII tagħha jirrigwardaw rispettivament l-operazzjoni tas-sistema ta’ trażmissjoni, it-tneħħija ta’ rabta u trasparenza ta’ kontijiet tas-settur tal-enerġija elettrika u l-organizzazzjoni ta’ aċċess għas-sistema.

6

L-Artikolu 24(1) u (2) tad-Direttiva jipprovdi:

“1.   Dawk l-Istati Membri fejn rabtiet jew garanziji ta’ operazzjoni illi ngħataw qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jiġu mwettqa minħabba d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jistgħu japplikaw għal reġim transitorju illi jista’ jingħata lilhom mill-Kummissjoni, waqt li jittieħed kont, fost affarijiet oħra, tad-daqs tas-sistema kkonċernata, il-livel[l] ta’ interkonnessjoni tas-sistema u l-istruttura ta’ l-industrija ta’ l-elettriku tagħha. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri b’dawk l-applikazzjonijiet qabel hija tieħu deċiżjoni, waqt li tieħu kont tat-tħaris tal-kunfidenzalità. Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

2.   Ir-reġim transitorju għandu jkun ta’ durata limitata u għandu jkun marbut ma’ l-iskadenza tar-rabta jew garanziji msemmija fil-paragrafu 1. Ir-reġim transitorju jista’ jkopri derogi minn Kapitoli IV, VI u VII ta’ din id-Direttiva. Applikazzjonijiet għal reġim transitorju għandhom ikunu nnotifikati lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

7

Qabel il-liberalizzazzjoni tas-settur tal-elettriku fl-Olanda, erba’ impriżi reġjonali kienu jipproduċu enerġija elettrika.

8

Bis-saħħa tal-Artikolu 2 tal-liġi li tirregola l-produzzjoni, l-importazzjoni, it-trasport u l-bejgħ tal-enerġija elettrika (Elektriciteitswet), tas-16 ta’ Novembru 1989 (Staatsblad 1989, Nru 535, iktar ’il quddiem l-“EW 1989”), dawn il-kumpanniji produttriċi kienu inkarigati, flimkien ma’ kumpannija nnominata (SEP, is-sussidjarja komuni tagħhom), li jiżguraw il-funzjonament affidabbli u effikaċi tad-distribuzzjoni pubblika tal-enerġija elettrika bl-inqas spejjeż possibbli u ġġustifikati fil-konfront tal-kollettività. Sabiex iwettqu dan il-kompitu, SEP u l-azzjonisti tagħha kienu kkonkludew ftehim ta’ kooperazzjoni fl-1986. L-EW 1989 ipprovdiet bażi legali għal dan il-ftehim għall-perijodu li beda jiddekorri mill-1990.

9

L-enerġija elettrika kollha prodotta u importata kienet operata minn SEP. L-ispejjeż totali ta’ SEP kienu jippermettu l-istabbiliment tal-prezz tal-enerġija elettrika mitlub mis-settur tad-distribuzzjoni, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont massimu stabbilit mill-Ministru tal-Ekonomija.

10

Fiż-żmien tas-suq magħluq tal-enerġija, u fil-kuntest tal-ftehim ta’ kooperazzjoni, SEP jew SEP u l-impriżi produttriċi kienu wettqu ċerti investimenti, parzjalment wara li ġew imħajra jagħmlu dan mill-awtoritajiet pubbliċi, immotivati minn kunsiderazzjonijiet ta’ sigurtà ta’ provvista, kif ukoll minn kunsiderazzjonijiet ta’ użu sostenibbli tas-sorsi ta’ enerġija. L-investimenti inkwistjoni kienu jirrigwardaw b’mod partikolari i) il-kuntratti għal perijodu twil ta’ żmien ta’ importazzjoni ta’ enerġija elettrika u ta’ gass li SEP kienet ikkonkludiet ma’ produtturi barranin ta’ enerġija elettrika u ta’ gass, ii) il-konvenzjonijiet konklużi, milli jidher, mill-impriżi produttriċi fl-ambitu ta’ proġetti ta’ tisħin urban, u iii) il-bini ta’ impjant sperimentali u ekoloġiku għall-ħolqien ta’ gass mill-faħam, imsejjaħ “Demkolec”. Kien mistenni li l-ispejjeż marbutin ma’ dawn il-proġetti ma jistgħux jiġu rkuprati wara l-liberalizzazzjoni. L-ispejjeż ma kinux konformi mas-suq, jew “spejjeż mhux irkuprabbli[spejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati]” (“stranded costs”), skont it-terminoloġija użata mill-Kummissjoni.

11

Fil-21 ta’ Jannar 1997, SEP, l-erba’ impriżi produttriċi u t-23 impriża ta’ produzzjoni kkonkludew ftehim (iktar ’il quddiem il-“Protokoll ta’ ftehim”) dwar il-provvista ta’ enerġija elettrika lill-impriżi ta’ distribuzzjoni għas-snin 1997-2000.

12

B’mod partikolari, dan il-Protokoll ta’ ftehim kien jipprovdi li l-impriżi ta’ distribuzzjoni, bejniethom, għandhom iħallsu kull sena, sas-sena 2000, ammont ta’ 400 miljun fjorin Olandiż (NLG) lil SEP (jiġifieri total ta’ 1.6 biljun NLG), intiż sabiex ikopri l-ispejjeż li mhumiex konformi mas-suq.

13

Il-ħlas ta’ dan l-ammont mill-impriżi ta’ distribuzzjoni ġie ffinanzjat permezz ta’ żieda fit-tariffi tal-enerġija elettrika tal-utenti ordinarji ta’ daqs żgħir, medju u kbir. L-utenti speċjali ta’ daqs kbir ikkontribwixxew biss parzjalment jew ma taw l-ebda kontribut għall-ispejjeż li mhumiex konformi mas-suq minħabba l-Artikolu 32 tal-EW 1989, li kien jipprovdi għall-possibbiltà li jiġi konkluż ftehim magħhom.

14

Id-Direttiva ġiet trasposta fl-Olanda permezz tal-liġi li tirregola l-produzzjoni, it-trasport u l-kunsinna ta’ enerġija elettrika (Elektriciteitswet), tat-2 ta’ Lulju 1998 (Staatsblad 1998, Nru 427, iktar ’il quddiem l-“EW 1998”), li tħassar l-EW 1989, b’effett mill-1 ta’ Lulju 1999. Skont din il-liġi, l-attivitajiet ta’ operat tan-netwerk ta’ distribuzzjoni u dawk ta’ distribuzzjoni tal-enerġija elettrika ġew mifruda.

15

Il-Protokoll ta’ ftehim ġie inkorporat fil-liġi permezz tal-Artikolu 97(2) il-ġdid tal-EW 1998 (miżjud permezz tal-liġi tal-1 ta’ Lulju 1999, Staatsblad 1999, Nru 260), li impona l-osservanza ta’ dan il-Protokoll sa l-1 ta’ Jannar 2001.

16

Skont din il-liġi, kummissjoni ta’ tliet esperti ppreseduta minn Herkströter (iktar ’il quddiem il-“kummissjoni Herkströter”) ingħatat l-inkarigu li tagħti parir dwar in-neċessità ta’ miżuri kompensatorji għall-ispejjeż li mhumiex konformi mas-suq. Fit-18 ta’ Novembru, il-Kummissjoni bagħtet il-parir tagħha lill-Ministru tal-Ekonomija. Hija kienet ikkonkludiet li l-gvern għandu jagħti kumpens biss għall-ispejjeż li mhumiex konformi mas-suq li huwa stess kien ta lok għalihom, jiġifieri l-proġetti ta’ tisħin urban u l-impjant Demkolec. L-ispejjeż l-oħrajn li mhumiex konformi mas-suq u, b’mod partikolari, dawk relatati mal-kuntratti ta’ importazzjoni, għandhom jiġu sostnuti mill-impriżi produttriċi, skont metodu ta’ tqassim propost mill-kummissjoni Herkströter.

17

Fil-21 ta’ Diċembru 2000 ġiet adottata l-liġi tranżitorja dwar is-settur tal-produzzjoni ta’ enerġija elettrika (Overgangswet Elektriciteitsproductiesector, Staatsblad 2000, Nru 607, iktar ’il quddiem l-“OEPS”), li kienet tirregola, b’mod partikolari, il-kwistjoni tal-ispejjeż li mhumiex konformi mas-suq.

18

Kemm in-nota ta’ spjegazzjoni ta’ din il-liġi kif ukoll l-ewwel premessa tagħha jirreferu għad-dekadenza tal-Protokoll ta’ ftehim minħabba l-liberalizzazzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija elettrika. F’dan ir-rigward, mill-ispjegazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, jekk il-Protokoll ta’ ftehim kien jiskadi biss fl-1 ta’ Jannar 2001, l-eżekuzzjoni tiegħu kif prevista inizjalment ma kinitx għadha possibbli, b’mod partikolari għas-sena 2000, minħabba r-regoli ġodda applikabbli għall-utenti speċjali ta’ daqs kbir.

19

L-Artikolu 9 tal-OEPS, li daħal fis-seħħ fid-29 Diċembru 2000 u li japplika b’mod retroattiv mill-1 ta’ Awwissu 2000, hekk kif jipprovdi l-Artikolu 25 tal-imsemmija liġi, jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ ffinanzjar tal-ispejjeż li mhumiex konformi mas-suq tas-sena 2000. Huwa jipprovdi kif ġej:

“1.   Minbarra dak li huwa dovut lill-operatur tan-netwerk tat-territorju fejn huwa stabbilit bis-saħħa tal-ftehim, kull klijent, minbarra l-klijenti protetti, huwa debitur fil-konfront tal-operatur tan-netwerk għall-ammont ta’ 0,0117 NLG għal kull siegħa-kilowatt, ikkalkolat fuq il-kwantità totali ta’ elettriku li operatur tan-netwerk ittrasporta lejn il-post tal-użu tiegħu fil-perijodu li jmur mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Diċembru 2000.

2.   Minbarra dak li huwa dovut lill-proprjetarju ta’ permess tat-territorju fejn huwa stabbilit bis-saħħa tal-ftehim, kull klijent protett huwa debitur fil-konfront tal-propjetarju ta’ permess għall-ammont ta’ 0,0117 NLG għal kull siegħa-kilowatt, ikkalkolat fuq il-kwantità totali ta’ elettriku li l-proprjetarju ta’ permess ikun ipprovda fil-perijodu li jmur mill-1 ta’ Awwissu 2000 sal-31 ta’ Diċembru 2000.

3.   Jekk klijent ikun diġà għamel ħlas bil-quddiem lill-operatur tan-netwerk jew lill-proprjetarju ta’ permess għas-sena 2000 jew għal parti minn din is-sena sabiex iħallas l-ammont imsemmi fil-paragrafi 1 jew 2, dan l-operatur tan-neterk jew proprjetarju ta’ permess għandu jnaqqas dan il-ħlas bil-quddiem mill-kont finali għas-sena 2000 tal-ammont li huwa dovut lilu.

4.   L-ammonti li għalihom huma debituri l-klijenti bis-saħħa tal-paragrafi (1) u (2) għandhom jiġu ċeduti rispettivament mill-operatur tan-netwerk jew mill-propjetarju ta’ permess lill-kumpannija nnominata qabel l-1 ta’ Lulju 2001.

5.   Il-kumpannija nnominata għandha tinforma lill-Ministru bit-total tad-dħul mit-taxxa msemmi fil-paragrafu 4 u tehmeż dikjarazzjoni ta’ akkawntant skont l-Artikolu 393(1) tat-Tieni Ktieb tal-Kodiċi Ċivili, li tiċċertifika l-veraċità tal-informazzjoni. Jekk l-ammont totali jaqbeż l-400 miljun NLG, il-kumpannija nnominata għandha tgħaddi l-ammont żejjed lill-Ministru li għandu jallokah għall-iffinanzjar tal-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 7.”

20

Fl-1 ta’ Jannar 2001 kien jiskadi l-Protokoll ta’ ftehim. Skont l-Artikolu 2(1) tal-OEPS, l-erba’ impriżi produttriċi saru responsabbli in solidum għall-ispejjeż li mhumiex konformi mas-suq, elenkati fl-Artikolu 2(2) tal-OEPS.

21

L-Artikoli 6 sa 8 tal-OEPS kienu intiżi għall-iffinanzjar mill-Istat tal-ħlas tal-ispejjeż li mhumiex konformi mas-suq u li huma relatati mal-proġetti ta’ tisħin urban u tal-impjant Demkolec għall-perijodu wara l-1 ta’ Jannar 2001. Huma kienu jipprovdu kif ġej:

Artikolu 6

1.   Kull sena, il-Ministru tagħna jistabbilixxi, għal perijodu massimu ta’ 10 snin, żieda imposta fuq il-klijenti kollha, bl-eċċezzjoni tal-operaturi tan-netwerk.

2.   Iż-żieda hija stabbilita għall-ewwel darba fi żmien erba’ ġimgħat li jibdew jiddekorru mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan l-artikolu. Iż-żieda applikabbli għad-disa’ snin li jifdal għandha tiġi stabbilita qabel l-1 ta’ Ottubru tas-sena li tiġi qabel dik ikkonċernata mit-tariffa l-ġdida.

3.   Iż-żieda tirrappreżenta perċentwal tal-ammont totali li għalih huwa debitur klijent għat-trasport tal-enerġija elettrika sal-post tal-użu tagħha u għall-provvista tas-servizzi pprovduti mis-sistema.

4.   Iż-żieda ma tistax tkun ogħla minn 10 % tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 3 iktar ’il fuq.

5.   Il-Ministru tagħna għandu jistabbilixxi din iż-żieda b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet adottati permezz ta’ ordni ministerjali li jipprovdi, f’kull każ, li l-ebda għajnuna m’għandha tingħata sabiex tiffinanzja l-ispejjeż li għalihom ġie allokat ammont taħt l-għamla ta’ sussidju jew ta’ regola ta’ natura fiskali. Jekk dan jirriżulta li jkun neċessarju għal konformità mal-interpretazzjoni proposta mill-Kummissjoni […], il-Ministru tagħna jista’ jimmodifika l-bażi msemmija fit-tielet paragrafu, li bis-saħħa tagħha hija dovuta ż-żieda inkwistjoni.

Artikolu 7

Id-dħul miż-żieda jservi sabiex jissussidja:

a.

l-ispejjeż li jqumu mill-ftehim relatat mat-tisħin urban konluż bejn l-impriżi ta’ produzzjoni u l-fornituri qabel id-data ta’ tħassir tal-[EW] 1989, safejn il-proġetti kkonċernati mill-imsemmi ftehim ikunu diġà daħlu fis-seħħ qabel din id-data.

b.

l-ispejjeż marbuta maċ-ċessjoni u mat-trasferiment tal-azzjonijiet tal-kumpannija n.v. Demkolec jew tal-impjant sperimentali ta’ ħolqien ta’ gass mill-faħam Demkolec, u

ċ.

l-ispejjeż marbuta mal-ġbir ta’ din iż-żieda mill-operaturi tan-netwerk.

Artikolu 8

1.   Skont id-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati mill-Ministru tagħna, l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 7 iktar ’il fuq tingħata lill-persuni li ġejjin:

a.

il-persuni ġurdiċi li jassumu r-responsabbiltà għall-ispejjeż imsemmijin fl-Artikolu 7(a), spejjeż li għalihom kull persuna ġuridika tirċievi kull sena dan l-ammont li jikkorrispondi għall-ispejjeż inkorsi fis-sena inkwistjoni, li huma kkalkolati bl-użu tal-metodu tar-riskji marbutin mal-prezz tal-kombustibbli, li jieħu inkunsiderazzjoni l-produzzjoni tas-sħana minn kull proġett.

b.

il-persuni ġurdiċi li jassumu r-responsabbiltà għall-ispejjeż imsemmijin fl-Artikolu 7(b).

2.   Il-Ministru tagħna jagħti l-għajnuna lill-persuni ġuridiċi msemmijin fil-paragrafu 1(a) biss wara li jkun stima magħhom l-ispejjeż, imsemmijin fl-Artikolu 7(1), li huma r-responsabbiltà tagħhom għas-sena inkwistjoni; għal dan il-għan, il-persuni ġuridiċi kkonċernati jiddikjaraw il-kwantità totali tas-sħana prodotta, indikata f’total annwali.

3.   Il-Ministru tagħna jagħti l-għajnuna lill-persuni ġuridiċi msemmijin fil-paragrafu 1(b) biss wara ċ-ċessjoni jew it-trasferiment mill-persuni ġuridiċi kkonċernati tal-azzjonijiet tal-kumpannija n.v. Demkolec jew tal-impjant sperimentali ta’ ħolqien ta’ gass mill-faħam Demkolec, u wara li jkun stima magħhom l-ispejjeż relatati maċ-ċessjoni jew tat-trasferiment tal-imsemmija azzjonijiet jew tal-impjant li huma għandhom ibatu.

4.   L-ordni ministerjali msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jipprovdi, f’kull każ, li l-ebda għajnuna m’għandha tingħata sabiex jiġu ffinanzjati l-ispejjeż li għalihom ġie allokat ammont taħt l-għamla ta’ sussidju jew ta’ regola ta’ natura fiskali.

5.   It-terminu previst fil-bidu tal-Artikolu 7 jista’, sakemm il-Kummissjoni taqbel […] skont l-Artikolu 88 KE, jiġi mtawwal permezz ta’ ordni ministerjali b’perijodu li jieħu inkunsiderazzjoni t-tul ta’ żmien li l-ftehim imsemmi fl-Artikolu 7(a) ikun jifdallu sabiex jiddekorri.”

22

Madankollu, id-digriet irjali li jipprovdi għad-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-artikoli qatt ma ġie adottat. Permezz tal-liġi tat-3 ta’ Lulju 2003 (Staatsblad 2003, Nru 316), l-Artikolu 6 tal-OEPS ġie mħassar. L-Artikoli 7 u 8 ġew issostitwiti permezz tad-dispożizzjonijiet li jipprovdu għall-għoti ta’ għajnuniet intiżi sabiex ikopru l-ispejjeż tal-proġetti ta’ tisħin urban u tal-impjant Demkolec, b’mod konformi ma’ dak li ġie approvat mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha [SG (2001) D/290565] tal-25 ta’ Lulju 2001 fil-każ “għajnuna mill-Istat” N 597/1998.

Il-kuntatti bejn il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni

23

Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Frar 1998, il-Gvern Olandiż informa lill-Kummissjoni bil-ħlasijiet ta’ kumpens previsti favur l-erba’ impriżi produttriċi ta’ enerġija elettrika, filwaqt li talabha tapprovahom b’applikazzjoni tal-Artikolu 24 tad-Direttiva.

24

Bl-ittra tas-16 ta’ Ottubru 1998, huwa bagħat lill-Kummissjoni informazzjoni supplimentari u nnotifikaha bl-iskemi tranżitorji, b’mod partikolari bil-proġetti tal-Artikoli 6 sa 8 tal-OEPS tal-futur, skont l-Artikolu 24 tad-Direttiva u, safejn ikun hemm bżonn, skont l-Artikolu 92 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 87 KE) u 93 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88 KE).

25

Permezz tad-deċiżjoni 1999/796/KE, tat-8 ta’ Lulju 1999, rigward it-talba għal skema tranżitorja magħmula mill-Olanda b’mod konformi mal-Artikolu 24 tad-Direttiva 96/92 (ĠU L 319, p. 34), il-Kummissjoni qieset li s-sistema ta’ ġbir u t-trasferiment ta’ ħlasijiet ta’ kumpens previst ma kinux jirrikjedu deroga mill-kapitoli IV, VI jew VII tad-Direttiva, u għaldaqstant ma setgħux jitqiesu bħala skema tranżitorja fis-sens tal-Artikolu 24 tad-Direttiva.

26

Il-punt 42 tal-motivi tad-deċiżjoni 1999/796 jipprovdi:

“[…] It-trasferiment ta’ ħlas ta’ kumpens lil ċerti produtturi ta’ enerġija elettrika, iffinanzjat permezz ta’ ġbir jew ta’ żieda imposti fuq l-utenti huwa, għaldaqstant, miżura li mhijiex direttament koperta mid-Direttiva iżda għandu jiġi eżaminat fid-dawl tar-regoli dwar il-kompetizzjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 87(3)(ċ), [KE]. […]”

27

Il-parti “għajnuna mill-Istat” tat lok għal diversi kuntatti, skambji ta’ ittri u rapporti tal-eżami tal-każ bejn in-notifika msemmija iktar ’il fuq tas-16 ta’ Ottubru 1998 u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Lulju 2001.

28

Skont il-qorti tar-rinviju, l-Istat Olandiż ma nnotifikax b’mod espliċitu l-Artikolu 9 tal-OEPS lill-Kummissjoni, iżda, permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Awwissu 2000, huwa informaha bl-assjem tal-abbozz ta’ liġi OEPS, fosthom l-Artikolu 9 tiegħu.

29

Il-Gvern Olandiż jindika li huwa bagħat lill-Kummissjoni t-test sħiħ ta’ dan l-abbozz ta’ liġi, flimkien man-nota ta’ spjegazzjoni. L-ittra li tirriproduċi dan it-test ittrattat għadd kbir ta’ suġġetti. Fir-rigward tal-Protokoll ta’ ftehim li kien jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2000, il-Gvern Olandiż kien jindika li jista’ jkun li l-bażi legali tiegħu tiġi mneħħija, jiġifieri li l-Artikolu 97 tal-EW 1998 jista’ jiġi mneħħi.

30

Peress li l-Kummissjoni kienet esprimiet dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tal-Artikoli 6 sa 8 tal-abbozz ta’ liġi OEPS flimkien mat-Trattat, il-Gvern Olandiż iddeċieda li jirrinunzja għad-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-artikoli tal-aħħar u li jipprovdi għall-finanzjar ta’ ċerti spejjeż li mhumiex konformi mas-suq permezz ta’ riżorsi ġenerali.

31

Fl-ittra tat-30 ta’ Awwissu 2000, dan l-istess gvern għarraf b’mod espliċitu lill-Kummissjoni bil-fatt li żieda fil-prezz kienet ser tiġi introdotta permezz tal-Artikolu 9 tal-abbozz ta’ liġi OEPS. Din il-komunikazzjoni kienet miktuba b’dan il-mod:

“Fil-kuntest tal-introduzzjoni, fis-sena 2000, ta’ struttura tariffarja ġdida skont l-[EW] 1998, struttura li fiha t-tariffi ser ikunu mifruda f’tariffi ta’ distribuzzjoni u tariffi ta’ trasport, l-abbozz ta’ liġi jipprovdi għal dispożizzjoni li bis-saħħa tagħha l-operaturi tan-netwerk u l-impriżi ta’ distribuzzjoni jistgħu jiġbru t-tariffi tagħhom b’mod temporanju. B’dan il-mod, jiġi ggarantit li l-impriżi preċedenti ta’ distribuzzjoni li huma parti fil-Protokoll ta’ ftehim jkunu jistgħu, anki għas-sena 2000, jibqgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt dan il-protokoll. Din il-miżura hija konsegwenza loġika tad-dispożizzjoni tal-[EW 1998] li kienet tipprovdi bażi legali għall-Protokoll ta’ ftehim. Aħna nixtiequ, għal iktar dettalji dwar dan is-suġġett, nirreferu għall-Artikolu 9 tal-abbozz ta’ liġi [OEPS] u għall-partijiet tan-nota ta’ spjegazzjoni rigward dan l-abbozz.”

32

Skont il-Kummissjoni, permezz tal-ittra tagħha tat-30 ta’ Awwissu 2000, il-Gvern Olandiż stedinha teżamina mhux l-Artikolu 9 tal-abbozz ta’ liġi OEPS fid-dawl tal-Artikoli 87 KE u 88 KE, iżda l-Artikoli 6 sa 8 ta’ dan l-abbozz ta’ liġi.

33

Mid-deċiżjoni tal-25 ta’ Lulju 2001 tal-Kummissjoni jirriżulta li nżammet laqgħa bejn l-awtoritajiet Olandiżi u s-servizzi tal-Kummissjoni fil-15 ta’ Settembru 2000 u li ġew skambjati ittri fix-xhur ta’ Ottubru, ta’ Novembru u ta’ Diċembru 2000. Skont din id-deċiżjoni, permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Ġunju 2001, l-awtoritajiet Olandiżi rtiraw il-mekkaniżmu finanzjarju tal-miżuri nnotifikati.

34

Fid-deċiżjoni tagħha tal-25 ta’ Lulju 2001, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna nnotifikata, relatata mal-għoti ta’ sussidji intiżi sabiex ikopru l-ispejjeż tal-proġetti ta’ tisħin urban u tal-impjant Demkolec, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE u li l-miżura hija konformi mal-komunikazzjoni relatata mal-metodoloġija ta’ eżami tal-għajnuniet mill-Istat marbuta mal-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rkuprati, adottata wkoll fil-25 ta’ Lulju 2001.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

35

Fid-19 ta’ Diċembru 1996, Aldel, “utent speċjali ta’ daqs kbir” ikkonkludiet, fuq il-bażi tal-Artikolu 32 tal-EW 1989, kuntratt ta’ disponibbiltà ta’ enerġija elettrika, ta’ provvista ta’ enerġija elettrika, kif ukoll ta’ “load management” flimkien ma’ SEP, Elektriciteits-Productiemaatschappij Oost- en Noord- Nederland NV (impriża produttriċi) u Energie Distributiemaatschappij voor Oost- en Noord- Nederland (impriża ta’ distribuzzjoni).

36

Essent Netwerk hija persuna ġuridika awtonoma, operatur ta’ netwerk, sussidjarja tal-kumpannija Essent NV, taħt il-kontroll sħiħ ta’ kollettivitajiet provinċjali u lokali. Hija ttrasportat 717413761 siegħa-kilowatt ta’ enerġija elettrika lill-utenti ta’ Aldel, matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Awwissu 2000 u l-31 ta’ Diċembru 2000.

37

Skont l-Artikolu 9 tal-OEPS, Essent Netwerk talbet permezz ta’ fattura tal-4 ta’ April ammont ta’ 9862646.25 NLG (4475473.75 EUR), inkluża t-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, mingħand Aldel. Minkejja ordni għal ħlas ta’ Essent Netwerk, Aldel ma ħallsitx l-ammont mitlub.

38

Fil-kawża prinċipali, Essent Netwerk titlob il-ħlas, skont l-Artikolu 9 tal-OEPS, tal-ammonti li hija talbet mingħand Aldel permezz ta’ fattura, flimkien mal-interessi u l-ispejjeż. Din tal-aħħar tirrifjuta li tħallas minħabba li l-Artikolu 9 tal-OEPS jikser l-Artikoli 25 KE, 87 KE u 90 KE. Aldel sejħet lill-Istat bħala garanti. Min-naħa tagħha, Essent sejħet bħala garanti lil Nederlands Elektriciteit Administratiekantoor BV u Saranne BV.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Groningen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikoli 25 KE u 90 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li dispożizzjoni ta’ liġi li tobbliga lill-utenti nazzjonali ta’ enerġija elettrika, matul perijodu tranżitorju (mill-1 ta’ Awwissu sal-31 ta’ Diċembru 2000), li jħallsu lill-operatur tan-netwerk żieda fit-tariffa għall-kwantitajiet ta’ enerġija elettrika li kienu ġew ipprovduti lilhom meta din iż-żieda għandha titħallas mill-operatur tan-netwerk lil kumpannija nnominata għal dan l-għan mil-leġiżlatur sabiex jiġu paċuti l-ispejjeż li mhumiex konformi mas-suq li jirriżultaw mill-impenji assunti jew mill-investimenti magħmulin mill-kumpannija msemmija qabel il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku u meta din il-kumpannija:

hija l-kumpannija sussidjarja ta’ erba’ impriżi nazzjonali li jipproduċu l-enerġija elettrika,

fil-perijodu kkunsidrat (2000) hija l-unika responsabbli għall-ispejjeż li mhumiex konformi mas-suq relatati mas-sena ta’ referenza,

teħtieġ bla dubju ammont ta’ 400 miljun NLG (jiġifieri EUR 181512086.40) biex tkopri l-imsemmija spejjeż fis-sena inkwistjoni, u

jekk id-dħul mill-imsemmija żieda jaqbeż dan l-ammont, jekk l-ammont żejjed għandux jitħallas lill-Ministru?

2)

Is-sistema msemmija fl-ewwel domanda tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 87(1) KE?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda, rigward l-interpretazzjoni tal-Artikoli 25 KE u 90 KE

40

Kif fakkar l-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikoli 25 KE u 90 KE, li jistabbilixxu rispettivament il-projbizzjoni tad-dazji doganali u tat-taxxi li għandhom effett ekwivalenti kif ukoll il-projbizzjoni ta’ taxxi interni diskriminatorji, għandhom l-għan, b’mod komplementari, li jipprojbixxu kull dispożizzjoni fiskali nazzjonali li tista’ tiddiskrimina kontra l-prodotti li ġejjin minn jew b’destinazzjoni għal Stati Membri oħrajn u b’hekk jostakolaw il-moviment liberu fi ħdan il-Komunità Ewropea f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium, C-393/04 u C-41/05, Ġabra p. I-5293, punt 55 u tat-8 ta’ Novembru 2007, Stadtgemeinde Frohnleiten u Gemeindebetriebe Frohnleiten, C-221/06, Ġabra p. I-9643, punt 30).

41

Kull piż finanzjarju, anki jekk minimu, impost unilateralment, irrispettivament minn kif huwa msejjaħ u l-mod ta’ kif jiġi applikat, u li jolqot il-merkanziji minħabba l-fatt li dawn jaqsmu fruntiera, meta dan mhuwiex dazju tad-dwana fil-veru sens tal-kelma, jikkostitwixxi piż li għandhom effett ekwivalenti. Min-naħa l-oħra, piż finanzjarju li jirriżulta minn sistema ġenerali ta’ taxxa interna li tinkludi sistematikament, skont l-istess kriterji oġġettivi, kategoriji ta’ prodotti irrispettivament mill-oriġini jew id-destinazzjoni tagħhom jaqa’ taħt l-Artikolu 90 KE (ara s-sentenza Air Liquide Industries Belgium, iċċitata iktar ’il fuq, punti 51 u 56).

42

Taxxa imposta fuq il-prodotti nazzjonali u importati fuq il-bażi ta’ kriterji identiċi tista’ madankollu tiġi pprjobita mit-Trattat meta d-dħul minn din l-impożizzjoni huwa intiż sabiex jiffinanzja attivitajiet li huma partikolarment ta’ benefiċċju għall-prodotti nazzjonali intaxxati. Jekk il-vantaġġi li jgawdu minnhom dawn il-prodotti jikkumpensaw għal kollox għat-taxxa li hija imposta fuqhom, l-effetti ta’ din tal-aħħar jidhru biss fir-rigward tal-prodotti importati u din tikkostitwixxi taxxa ta’ effett ekwivalenti. Min-naħa l-oħra, jekk il-vantaġġi jikkumpensaw biss għal parti mill-piż finanzjarju fuq il-prodotti nazzjonali, it-taxxa inkwistjoni tikkostitwixxi taxxa diskriminatorja fis-sens tal-Artikolu 90 KE, li l-ġbir tagħha huwa pprojbit għall-parti tal-ammont tagħha li huwa allokat għall-kumpens li jgawdu minnu l-prodotti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 1992, Compagnie commerciale de l’Ouest et, C-78/90 sa C-83/90, Ġabra p. I-1847, punt 27).

43

Fil-kawża prinċipali, iż-żieda fil-prezz hija miġbura fuq l-enerġija elettrika ttrasportata. Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li l-enerġija elettrika tikkostitwixxi merkanzija fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat (sentenzi tas-27 ta’ April 1994, Almelo, C-393/92, Ġabra p. I-1477, punt 28, u tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-158/94, Ġabra p. I-5789, punt 17).

44

Barra minn hekk, peress li l-fatt li ta lok għal dan il-piż huwa t-trasport tal-enerġija elettrika, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li taxxa li hija miġbura mhux fuq prodott bħala tali, iżda fuq attività neċessarja fir-rigward tal-prodott tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 25 KE u 90 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Stadtgemeinde Frohnleiten u Gemeindebetriebe Frohnleiten, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43). F’kull każ, għandu jiġi enfasizzat li ż-żieda fil-prezz hija kkalkolata fuq in-numru ta’ sigħat-kilowatt ittrasportati u mhux fuq id-distanza tat-trasport jew skont kwalunkwe kriterju ieħor marbut direttament mat-trasport, u għaldaqstant hija imposta fuq il-prodott innifsu.

45

Din iż-żieda fil-prezz li hija miġbura fuq l-enerġija elettrika ttrasportata ġiet imposta permezz tal-Artikolu 9 tal-OEPS. F’dan ir-rigward, ma tantx huwa rilevanti li din id-dispożizzjoni tgħin fl-eżekuzzjoni ta’ ftehim konkluż preċedentement bejn diversi operaturi ekonomiċi, peress li huwa bis-saħħa tal-liġi li l-utenti ta’ enerġija elettrika huma marbuta li jħallsu din iż-żieda. Iż-żieda hija piż impost unilateralment.

46

Bl-istess mod, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 25 KE u 90 KE, ma tantx huwa rilevanti l-fatt li l-piż finanzjarju ma jiġix miġbur mill-Istat (sentenza tas-17 ta’ Mejju 1983, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 132/82, Ġabra p. 1649, punt 8). Il-fatt li ż-żieda fil-prezz hija miġbura mill-operaturi tan-netwerk huwa, għaldaqstant, irrilevanti.

47

Minn dawn l-elementi jirriżulta li ż-żieda inkwistjoni hija taxxa imposta fuq l-enerġija elettrika, sew jekk tkun importata jew nazzjonali, skont kriterju oġġettiv li huwa n-numru ta’ sigħat-kilowatt ittrasportati. Għaldaqstant huwa fid-dawl tal-allokazzjoni tad-dħul mit-taxxa li għandu jiġi stabbilit jekk din tikkostitwixxix taxxa li għandha effett ekwivalenti jew taxxa interna diskriminatorja.

48

Essent Netwerk issostni li la l-Artikolu 25 KE u lanqas l-Artikolu 90 KE ma huma applikabbli fil-kawża prinċipali, peress li huma l-utenti li jħallsu t-taxxa. Għaldaqstant ma tistax tkun kwistjoni ta’ kumpens ta’ kwalunkwe żieda imposta fuq l-impriżi nazzjonali produttriċi tal-enerġija elettrika.

49

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 25 KE u 90 KE, il-kwalità ta’ debitur tat-taxxa mhijiex rilevanti, safejn it-taxxa tirrigwarda l-prodott jew attività neċessarja fir-rigward tal-prodott. Hekk kif ġie espost fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali.

50

Fir-rigward tal-benefiċjarji tad-dħul mit-taxxa, mhuwiex eskluż li huma impriżi nazzjonali produttriċi ta’ enerġija elettrika. Fil-fatt, minkejja li għas-sena 2000 ammont ta’ 400 miljun NLG ġie attribwit lill-awtorità nnominata, jiġifieri lil SEP, intiż għall-ħlas tal-ispejjeż li mhumiex konformi mas-suq, din kienet madankollu l-kumpannija sussidjarja tal-imsemmija impriżi produttriċi, marbuta fil-konfront tagħhom permezz ta’ diversi konvenzjonijiet.

51

Għaldaqstant hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk l-impriżi produttriċi kellhomx l-obbligu li jiggarantixxu l-ħlas, minn SEP, ta’ dawn l-ispejjeż li mhumiex konformi mas-suq jew jekk huma setgħux jibbenefikaw mill-vantaġġ li jirriżulta mit-taxxa, pereżempju, permezz ta’ prezz ta’ bejgħ li jieħu inkunsiderazzjoni dan il-vantaġġ fil-prodott, bl-għoti ta’ dividendi jew bi kwalunkwe mezz ieħor.

52

Fir-rigward tal-ammont li jaqbeż l-400 miljun NLG, ladarba l-allokazzjoni tiegħu kienet ġiet stabbilita permezz tal-Artikolu 7 tal-OEPS u ladarba din ma daħlitx fis-seħħ, jidher li dan l-ammont ma ġiex użat għall-ħlas ta spejjeż li mhumiex konformi mas-suq u, għaldaqstant, ma setax jagħti vantaġġ lill-prodott nazzjonali. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika li dan huwa tassew minnu.

53

Abbażi tar-riżultati tal-verifiki mwettqa, b’mod partikolari fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn SEP u l-impriżi produttriċi, il-qorti nazzjonali tista’ tistabbilixxi li ma jeżisti l-ebda kumpens għall-benefiċċju tal-produtturi nazzjonali; f’dan il-każ it-taxxa tikkostitwixxi taxxa interna mhux diskriminatorja fis-sens tal-Artikolu 90 KE. Fil-każ li d-dħul mit-taxxa jikkumpensa parzjalment għall-piż impost fuq il-prodott nazzjonali, it-taxxa interna tkun waħda diskriminatorja fis-sens tal-Artikolu 90 KE, filwaqt li fil-każ ta’ kumpens totali, hija tkun taxxa li għandha effett ekwivalenti pprojbita permezz tal-Artikolu 25 KE.

54

Skont SEP u l-Gvern Olandiż, id-dħul miż-żieda fil-prezz ma jiffavorixxix, fi kwalunkwe każ, lill-produzzjoni nazzjonali tal-enerġija elettrika peress li huwa jservi sabiex ikopri l-ispejjeż li mhumiex konformi mas-suq, jiġifieri investimenti magħmula fil-passat, u ma għandu l-ebda effett fuq il-prezz tal-enerġija elettrika nazzjonali.

55

Madankollu dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ. Fil-fatt, sakemm l-impriżi nazzjonali produttriċi ta’ enerġija elettrika huma marbuta li jbatu dawn l-ispejjeż li mhumiex konformi mas-suq, dawn jagħmlu parti mill-ispejjeż meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit il-prezz tan-nefqa (cost price) globali tal-enerġija elettrika u, skont il-prezz tal-bejgħ stabbilit mill-impriżi produttriċi, il-benefiċċju ta’ dawn tal-aħħar. Konsegwentement l-allokazzjoni tad-dħul mit-taxxa għall-ħlas ta’ spejjeż li, anki jekk relatati ma’ investimenti li saru fil-passat, għandhom jiġu batuti mill-produtturi nazzjonali, ittejjeb is-sitwazzjoni kompetittiva tagħhom bi ħsara għall-produtturi ta’ Stati Membri oħrajn.

56

Kif l-Avukat Ġenerali ġustament fakkar fil-punti 24 u 25 tal-konklużjonijiet tiegħu, jista’ jiġi ddikjarat li ż-żieda fit-tariffa miġbura fuq l-enerġija elettrika ttrasportata tmur kontra l-Artikoli 25 KE u 90 KE biss safejn hija ġiet miġbura fuq l-enerġija elettrika importata. Għaldaqstant, b’mod konformi mar-regoli rigward l-oneru tal-prova applikabbli f’kawża bħal dik inkwistjoni, għandu jiġi stabbilit f’liema miżura t-taxxa mitluba minn Aldel tirrigwarda t-trasport ta’ enerġija elettrika li ġejja minn Stati Membri oħrajn.

57

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 25 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi miżura leġiżlattiva li tobbliga lill-utenti nazzjonali ta’ enerġija elettrika jħallsu lill-operatur tan-netwerk żieda fit-tariffa għall-kwantitajiet ta’ enerġija elettrika prodotti fl-Istat Membru u importati li ġew ipprovduti lilhom, meta din iż-żieda għandha titħallas mill-imsemmi operatur lil kumpannija nnominata għal dan il-għan mil-leġiżlatur, peress li din il-kumpannija hija sussidjarja komuni tal-erba’ impriżi nazzjonali li jipproduċu l-enerġija elettrika u qabel kienet l-amministratur tal-ispejjeż tal-enerġija elettrika kollha prodotta u importata, u li din iż-żieda fit-tariffa għandha tiġi allokata b’mod sħiħ għall-ħlas ta’ spejjeż li mhumiex konformi mas-suq li hija responsabbli għalihom din il-kumpannija, bil-konsegwenza li s-somom li nġabru minn din il-kumpannija jikkumpensaw b’mod sħiħ il-piż finanzjarju fuq l-enerġija elettrika nazzjonali ttrasportata.

L-istess jgħodd meta l-impriżi produttriċi nazzjonali ta’ enerġija elettrika għandhom l-obbligu li jieħdu r-responsabbiltà għal dawn l-ispejjeż u meta, minħabba konvenzjonijiet eżistenti, permezz tal-ħlas ta’ prezz ta’ xiri tal-enerġija elettrika prodotta fl-Istat Membru, permezz tal-ħlas ta’ dividendi lid-diversi impriżi nazzjonali produttriċi ta’ enerġija elettrika li l-kumpannija nnominata hija s-sussidjarja tagħhom jew bi kwalunkwe mezz ieħor, il-vantaġġ ikkostitwit miż-żieda fil-prezz seta’ jiġi mgħoddi mill-kumpannija nnominata lill-impriżi nazzjonali produttriċi ta’ enerġija elettrika.

L-Artikolu 90 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi l-istess miżura leġiżlattiva meta d-dħul mit-taxxa miġbura fuq l-enerġija elettrika ttrasportata jaffettwa biss parzjalment il-ħlas ta’ spejjeż li mhumiex konformi mas-suq, jiġifieri meta l-ammont miġbur mill-kumpannija nnominata jikkumpensa biss parzjalment il-piż finanzjarju fuq l-enerġija elettrika nazzjonali ttrasportata.

Fuq it-tieni domanda, rigward l-interpretazzjoni tal-Artikolu 87 KE

58

B’mod preliminari, għandu jiġi mfakkar li taxxa, applikata taħt l-istess kundizzjonijiet ta’ ġbir fuq il-prodotti nazzjonali u fuq il-prodotti importati, li d-dħul tagħha huwa allokat biss għall-benefiċċju tal-prodotti nazzjonali, b’tali mod li l-vantaġġi li jirriżultaw minnu jikkumpensaw l-piż finanzjarju impost fuq dawn tal-aħħar, jista’ jikkostitwixxi, fir-rigward tal-allokazzjoni tal-prodott tiegħu, għajnuna mill-Istat, li hija inkompatibbli mas-suq komuni, jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 87 KE jkunu ssodisfati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1992, Lornoy et, C-17/91, Ġabra p. I-6523, punt 32, kif ukoll tas-27 ta’ Ottubru 1993, Scharbatke, C-72/92, Ġabra p. I-5509, punt 18).

59

Fil-fatt, miżura mwettqa permezz ta’ intaxxar diskriminatorju u li tista’ titqies fl-istess waqt bħala parti minn għajnuna fis-sens tal-artikolu 87 KE hija suġġetta kemm għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 25 KE jew 90 KE, kif ukoll għal dawk rigward l-għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Mejju 1980, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 73/79, Ġabra p. 1533, punt 9, u tad-29 ta’ April 1982, Pabst & Richarz, 17/81, Ġabra p. 1331, punt 22).

60

Minkejja li l-Artikoli 25 KE u 90 KE huma intiżi sabiex jipproteġu l-moviment liberu tal-merkanzija u l-kompetizzjoni bejn prodotti nazzjonali u prodotti importati, l-Artikolu 87 KE għandu l-għan, b’mod iktar ġenerali, li jipproteġi l-kompetizzjoni bejn impriżi permezz tal-projbizzjoni ta’ kwalunkwe għajnuna li tingħata minn Stat Membru u li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 87 KE.

61

Skont din id-dispożizzjoni, hija inkompatibbli mas-suq komuni, safejn hija taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, l-għajnuna, taħt kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi.

62

Għandu jiġi eżaminat jekk is-somom imħallsa lil SEP, b’mod konformi mal-Artikolu 9 tal-OEPS, jikkorrispondux ma’ dan il-kunċett.

63

Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, il-klassifikazzjoni bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 87(1) teżiġi li l-kundizzjonijiet kollha msemmijin f’din id-dispożizzjoni jiġu sssodisfati (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, imsejħa “Tubemeuse”, C-142/87, Ġabra p. I-959, punt 25; tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C-280/00, Ġabra p. I-7747, punt 74, kif ukoll tal-1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs Ufex et, C-341/06 P u C-342/06 P, Ġabra p. I-4777, punt 125).

64

Fl-ewwel lok, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Fit-tieni lok, dan l-intervent għandu jkun jista’ jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Fit-tielet lok, huwa għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu. Fir-raba’ lok, huwa għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C-451/03, Ġabra p. I-2941, punt 56, u Chronopost u La Poste vs Ufex et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 126).

65

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, għandu jiġi eżaminat jekk l-ammonti mħallsa lil SEP jikkostitwixxux intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

66

L-Artikolu 9 tal-OEPS jipprovdi għall-għoti lill-kumpannija nnominata, jiġifieri SEP, ta’ ammont ta’ 400 miljun NLG u, għall-bqija tat-taxxa miġbura, il-ħlas lill-Ministru li kellu jalloka l-ammont miġbur għall-iffinanzjar tal-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 7 tal-OEPS — li madankollu ma daħlitx fis-seħħ —, jiġifieri spejjeż li mhumiex konformi mas-suq marbutin mat-tisħin urban u mal-impjant sperimentali ta’ ħolqien ta’ gass mill-faħam Demkolec. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li dawn l-ammonti ġejjin miż-żieda fil-prezz imposta mill-Istat fuq ix-xerrejja tal-enerġija elettrika bis-saħħa tal-Artikolu 9 tal-OEPS, li, fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, ġie stabbilit li hija taxxa.

67

B’mod konformi mal-Artikolu 9(1) u (2) tal-OEPS, it-taxxa titħallas lill-operatur tan-netwerk jew lill-proprjetarju ta’ permess, li għandhom, hekk kif jimponi l-Artikolu 9(4) tal-OEPS, iċedu l-ammonti dovuti qabel l-1 ta’ Lulju 2001 lil SEP. Skont l-Artikolu 9(5) tal-OEPS, SEP iżżomm ammont li ma jaqbiżx l-400 miljun NLG u tgħaddi l-ammont żejjed lill-Ministru.

68

Fil-kawża prinċipali, il-kumpannija li hija l-operatur tan-netwerk hija Essent Netwerk. Kif jirriżulta mir-risposta pprovduta minn din il-kumpannija għad-domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, din hija kumpannija sussidjarja f’100 % tal-kumpannija Essent NV, li l-azzjonijisti tagħha huma provinċji tal-Olanda, għal 74 %, u awtoritajiet lokali ta’ dan l-Istat Membru, għal 26 %. Fir-rigward ta’ SEP, li l-kapital tagħha huwa kollu miżmum mill-impriżi produttriċi tal-enerġija elettrika, fiż-żmien rilevanti hija kienet impriża inkarigata mil-liġi bl-amministrazzjoni ta’ servizz ekonomiku ta’ interess ġenerali.

69

Mid-dispożizzjonijiet tal-OEPS jirriżulta li l-kumpannija nnominata ma għandha l-ebda possibbiltà li tuża d-dħul mit-taxxa għal allokazzjonijiet oħrajn minbarra dawk previsti mil-liġi. Barra minn hekk, hija kkontrollata b’mod strett fil-kompitu tagħha, għaliex l-Artikolu 9(5) tal-OEPS jimponi fuqha l-obbligu li tqabbad lil akkawntant sabiex jiċċertifika l-kontijiet tas-somom miġbura u ttrasferiti.

70

Mhuwiex rilevanti li din il-kumpannija nnominata tkun fl-istess waqt l-uffiċċju ċentrali tat-taxxa miġbura, l-amministratur tal-fondi miġbura u l-benefiċjarju ta’ parti minn dawn il-fondi. Fil-fatt, il-mekkaniżmi previsti mil-liġi u, b’mod iktar partikolari, il-kontijiet iċċertifikati minn akkawntant, jippermettu li ssir distinzjoni bejn dawn id-diversi rwoli u li jiġi kkontrollat l-użu tal-fondi. Minn dan jirriżulta li, sakemm din il-kumpannija nnominata ma ngħatatx l-ammont ta’ 400 miljun NLG, il-waqt li fih hija jkollha d-dispożizzjoni libera tiegħu, dan l-ammont jibqa’ taħt il-kontroll pubbliku, u għaldaqstant fid-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali; dan huwa biżżejjed sabiex jiġi deskritt bħala riżorsi tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99, Ġabra p. I-4397, punt 37).

71

L-għan tal-Artikolu 9 tal-OEPS jidher li huwa dak li jippermetti lill-impriżi produttriċi tal-enerġija elettrika, permezz tal-kumpannija sussidjarja tagħhom SEP, li jirkupraw spejjeż li mhumiex konformi mas-suq li huma kienu batew fil-passat. Din id-dispożizzjoni tikkonċerna l-ispejjeż għas-sena 2000, filwaqt li għas-snin l-oħrajn, ċerti spejjeż ser jiġu kkumpensati minn sussidji, li ser jiġu awtorizzati mill-Kummissjoni inkwantu għajnuna mill-Istat.

72

Dawn id-diversi ċirkustanzi jiddistingwu l-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali minn dik imsemmija fis-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2004, Pearle et (C-345/02, Ġabra p. I-7139). Il-fondi inkwistjoni f’din il-kawża, użati għal kampanja pubbliċitarja, kienu nġabru minn korp professjonali fost dawk li huma affiljati miegħu u li huma benefiċjarji tal-kampanja, permezz ta’ kontribuzzjonijiet allokati b’mod obbligatorju għall-organizzazzjoni ta’ din il-kampanja (sentenza Pearle et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36). Għaldaqstant huma la kienu piż fuq l-Istat u lanqas fondi li baqgħu taħt il-kontroll tal-Istat, bil-kontra tal-ammont miġbur minn SEP, li nġabar permezz ta’ taxxa u li ma jistax ikollu allokazzjoni oħra ħlief dik prevista mil-liġi.

73

Barra minn hekk, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Pearle et, iċċitata iktar ’il fuq, minkejja li l-fondi kienu jinġabru minn korp professjonali, il-kampanja pubbliċitarja kienet organizzata minn assoċjazzjoni privata ta’ ottiċi, kellha għan purament kummerċjali u bl-ebda mod ma kienet tidħol fil-kuntest ta’ politika stabbilita mill-awtoritajiet (Pearle et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 37 u 38). F’din il-kawża prinċipali, min-naħa l-oħra, l-għoti tal-ammont ta’ 400 miljun NLG lill-kumpannija nnominata ġie deċiż mil-leġiżlatur.

74

Bl-istess mod, il-miżura inkwistjoni hija differenti minn dik imsemmija fis-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C-379/98, Ġabra p. I-2099), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 59, li l-obbligu, impost fuq impriżi privati ta' provvista ta' elettriku, li jixtru, bi prezzijiet minimi fissi l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu ma jwassal għal ebda trasferiment dirett jew indirett ta’ riżorsi tal-Istat lill-impriżi li jipproduċu dan it-tip ta’ elettriku. F’dan il-każ tal-aħħar, l-impriżi ma ġewx imqabbda mill-Istat sabiex jamministraw riżorsi tal-Istat, iżda kienu marbuta b’obbligu ta’ xiri permezz tar-riżorsi finanzjarji tagħhom.

75

Minn dawn iċ-ċirkustanzi kollha jirriżulta li l-ammonti mħallsa lil SEP jikkostitwixxu intervent mill-Istat permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

76

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, jiġifieri, il-possibbiltà li jintlaqat il-kummerċ bejn l-Istati Membri, għandu jiġi mfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jeżistix limitu jew perċentwal minimu sabiex jitqies li l-kummerċ bejn l-Istati Membri ġie milqut. Fil-fatt, l-ammont relattivament baxx ta’ għajnuna jew id-daqs relattivament żgħir tal-impriża benefiċjarja ma jeskludux a priori l-possibbiltà li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jkun milqut (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Tubemeuse, punt 43, kif ukoll Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 81).

77

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li SEP u l-impriżi nazzjonali produttriċi tal-enerġija elettrika huma f’kompetizzjoni mal-produtturi tal-enerġija elettrika tal-Istati Membri l-oħrajn. Barra minn hekk, fid-dawl tal-kuntest ta’ liberalizzazzjoni tas-suq tal-enerġija elettrika u tal-kompetizzjoni qawwija li tirriżulta minn tali liberalizzazzjoni, dan l-element huwa suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-għajnuna tista’ tolqot il-kummerċ.

78

Fir-rigward tat-tielet u r-raba’ kundizzjonijiet, jidher li mil-liġi, min-nota ta’ spjegazzjoni tagħha u mill-ispjegazzjonijiet ippreżentati quddiem din il-Qorti jirriżulta li l-ammont ta’ 400 miljun NLG miġbur minn SEP kellu jippermettilha tħallas spejjeż li mhumiex konformi mas-suq għas-sena 2000 mingħajr ma jiġu eżaminati n-natura u l-oriġini ta’ dawn l-ispejjeż. Għall-2001 u għas-snin sussegwenti, min-naħa l-oħra, ċerti spejjeż, bħall-proġetti ta’ tisħin urban u tal-impjant Demkolec, tqiesu bħala kkawżati mill-Istat Olandiż permezz tal-kummissjoni Herkströter, u ġew previsti sussidji ta’ dan l-Istat bħala kumpens għalihom.

79

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-interventi li, taħt kwalunkwe forma, jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament lil impriżi jew li għandhom jiġu kkunsidrati bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq, huma kkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat (ara s-sentenzi Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, iċċitata iktar ’il fuq, punt 84; tas-27 ta’ Novembru 2003, Enirisorse, C-34/01 sa C-38/01, Ġabra p. I-14243, punt 30, u Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

80

Min-naħa l-oħra, meta intervent mill-Istat għandu jiġu kkunsidrat bħala kumpens għas-servizzi pprovduti mill-impriżi benefiċjarji sabiex jeżegwixxu obbligi ta’ servizz pubbliku, b’tali mod li dawn l-impriżi ma jgawdux, fil-fatt, vantaġġ finanzjarju u l-imsemmi intervent m’għandux għaldaqstant bħala effett li jqegħedhom f’pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli meta mqabblin mal-impriżi kompetituri, tali intervent ma jaqax taħt l-ambitu tal-Artikolu 87(1) KE (is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 87; Enirisorse, punt 31, u Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, punt 60).

81

Madankollu, sabiex, f’każ konkret, tali kumpens ikun jista’ jevita li jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, argument li, wara kollox, ma ġiex sostnut fil-kawża prinċipali, ċertu numru ta’ kundizzjonijiet għandhom jiġu ssodisfati (is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 88; Enirisorse, punt 31, u Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, punt 61).

82

Fl-ewwel lok, l-impriża benefiċjarja ta’ tali kumpens għandha effettivament tiġi inkarigata bl-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku u dawn l-obbligi għandhom jiġu ddefiniti b’mod ċar (is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 89; Enirisorse, punt 32, u Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, punt 62).

83

Fit-tieni lok, il-parametri li jintużaw bħala bażi għall-kalkolu tal-kumpens għandhom jiġu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti, sabiex jiġi evitat li huwa jagħti vantaġġ ekonomiku li jista’ jiffavorixxi l-impriża benefiċjarja meta mqabbla ma’ impriżi kompetituri (is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 90; Enirisorse, punt 35, u Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, punt 64).

84

Fi-tielet lok, il-kumpens ma jistax jaqbeż dak li huwa neċessarju sabiex tiġi koperta t-totalità jew parti mill-ispejjeż inkorsi fl-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, billi jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul rilevanti kif ukoll benefiċċju raġjonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi (is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 92, u Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, punt 66).

85

Fir-raba’ lok, huwa għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi ta’ analiżi tal-ispejjeż inkorsi minn impriża ta’ daqs medju, amministrata tajjeb u li għandha l-mezzi neċesssarji xierqa sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku, għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dħul rilevanti kif ukoll benefiċċju raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi (is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, punt 93, u Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, punt 67).

86

Permezz ta’ dawn il-kriterji, li jistgħu jintużaw, mutatis mutandis, sabiex jiġi evalwat jekk il-kumpens ta’ spejjeż li mhumiex konformi mas-suq u li huma kkawżati mill-Istat jikkostitwixxix għajnuna, hija l-qorti nazzjonali li għandha teżamina jekk, jew f’liema miżura, l-ammont ta’ 400 miljun NLG jista’ jiġi kkunsidrat bħala kumpens għas-servizzi pprovduti mill-kumpannija nnominata għall-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, jew jekk dan l-ammont kellux jintuża għall-ħlas ta’ spejjeż li mhumiex konformi mas-suq ta’ natura oħra; f’dan il-każ huwa jkun vantaġġ ekonomiku li jikkorrispondi għall-kunċett ta’ “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 87 KE.

87

Safejn il-miżura inkwistjoni tagħti vantaġġ lil SEP u/jew lill-impriżi li jipproduċu l-enerġija elettrika, tali vantaġġ jiffavorixxi lis-settur tal-produzzjoni tal-enerġija elettrika u huwa, għaldaqstant, ta’ natura selettiva.

88

Minn dawn l-elementi kollha jirriżulta li, safejn huma jirrappreżentaw vantaġġ ekonomiku, l-ammonti mħallsa lil SEP sal-limitu ta’ 400 miljun NLG jikkostitwixxu “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

89

Fir-rigward tat-taxxa fuq l-enerġija elettrika, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, it-taxxi ma jaqgħux taħt l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat rigward l-għajnuna mill-Istat sakemm huma ma jikkostitwixxux il-mod ta’ ffinanzjar ta’ miżura ta’ għajnuna, b’tali mod li huma parti integrali ta’ din il-miżura (is-sentenzi tat-13 ta’ Jannar 2005, Streekgewest, C-174/02, Ġabra p. I-85, punt 25; u tas-27 ta’ Ottubru 2005, Distribution Casino France et, C-266/04 sa C-270/04, C-276/04 u C-321/04 sa C-325/04, Ġabra p. I-9481, punt 34).

90

Sabiex taxxa tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala parti integrali ta’ miżura ta’ għajnuna, għandu jkun hemm rabta vinkolanti ta’ allokazzjoni bejn it-taxxa u l-għajnuna bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, fis-sens li d-dħul mit-taxxa għandu neċessarjament jiġi allokat għall-iffinanzjar tal-għajnuna u jinfluwenza direttament l-ammont ta’ din l-għajnuna (is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Streekgewest, punt 26, u Distribution Casino France et, punt 40).

91

Dan jidher li huwa l-każ fil-kawża prinċipali, bil-kundizzjoni li ssir il-verifika msemmija fil-punt 86, għall-ammont ta’ 400 miljun NLG mogħti lil SEP.

92

Skont l-Artikolu 88(3) KE, il-Kummissjoni għandha tiġi informata, fil-ħin biex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha, dwar il-proġetti biex tiġi mogħtija jew tiġi modifikata għajnuna. L-Istat Membru interessat ma jistax idaħħal fis-seħħ il-miżuri proposti, qabel ma eventwali proċedura ta’ eżami tkun wasslet għal deċiżjoni finali.

93

Meta jkun hemm rabta vinkolanti ta’ allokazzjoni bejn taxxa u għajnuna, in-notifika tal-miżura ta’ għajnuna għandha tkopri wkoll il-mod ta’ ffinanzjar ta’ din il-miżura (is-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2003, van Calster et, C-261/01 u C-262/01, Ġabra p. I-12249, punt 51, kif ukoll Streekgewest, iċċitata iktar ’il fuq, punt 26).

94

Il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni ma jaqblux fir-rigward tal-eżistenza ta’ notifika fis-sens tal-Artikolu 88(3) KE. Mhuwiex ikkontestat li, permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Awwissu 2000, il-Gvern Olandiż bagħat lill-Kummissjoni l-abbozz ta’ liġi OEPS, flimkien man-nota ta’ spjegazzjoni ta’ dan l-abbozz. Il-Kummissjoni tenfasizza, madankollu, li l-ittra stednitha teżamina l-abbozzi tal-Artikoli 6 sa 8 tal-OEPS fid-dawl tal-Artikoli 87 KE u 88 KE, iżda mhux l-abbozz tal-Artikolu 9.

95

F’dan ir-rigward, u mingħajr il-bżonn li jiġi eżaminat jekk l-ittra tat-30 ta’ Awwissu 2000 kinitx preċiża biżżejjed fir-rigward tal-Artikolu 9 tal-OEPS sabiex tikkostitwixxi notifika fis-sens tal-Artikolu 88(3) KE, biżżejjed jiġi kkonstatat, kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punti 121 sa 123 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-Artikolu 9 daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Diċembru 2000, jiġifieri qabel id-deċiżjoni tal-25 ta’ Lulju 2001 rigward il-miżuri nnotifikati fit-30 ta’ Awwissu 2000. Għaldaqstant l-obbligu li ma jiddaħħalx fis-seħħ proġett innotifikat qabel id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma ġiex osservat.

96

Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-Artikolu 87 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ammonti mħallsa lill-kumpannija nnominata b’applikazzjoni tal-Artikolu 9 tal-OEPS jikkostitwixxu “għajnuna mill-Istat” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat safejn huma jirrappreżentaw vantaġġ ekonomiku u mhux kumpens għas-servizzi pprovduti mill-kumpannija nnominata għall-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku.

Fuq l-ispejjeż

97

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 25 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi miżura leġiżlattiva li tobbliga lill-utenti nazzjonali ta’ enerġija elettrika li jħallsu lill-operatur tan-netwerk żieda fit-tariffa għall-kwantitajiet ta’ enerġija elettrika prodotti fl-Istat Membru u importati li ġew ipprovduti lilhom, meta din iż-żieda għandha titħallas mill-imsemmi operatur lil kumpannija nnominata għal dan l-għan mil-leġiżlatur, peress li din il-kumpannija hija sussidjarja komuni tal-erba’ impriżi nazzjonali li jipproduċu l-enerġija elettrika u qabel kienet l-amministratur tal-ispejjeż tal-enerġija elettrika kollha prodotta u importata, u li din iż-żieda fit-tariffa għandha tiġi allokata b’mod sħiħ għall-ħlas ta’ spejjeż li mhumiex konformi mas-suq li hija responsabbli għalihom din il-kumpannija, bil-konsegwenza li s-somom li nġabru minn din il-kumpannija jikkumpensaw b’mod sħiħ il-piż finanzjarju fuq l-enerġija elettrika nazzjonali ttrasportata.

L-istess jgħodd meta l-impriżi produttriċi nazzjonali ta’ enerġija elettrika għandhom l-obbligu li jieħdu r-responsabbiltà għal dawn l-ispejjeż u meta, minħabba konvenzjonijiet eżistenti, permezz tal-ħlas ta’ prezz ta’ xiri tal-enerġija elettrika prodotta fl-Istat Membru, permezz tal-ħlas ta’ dividendi lid-diversi impriżi nazzjonali produttriċi ta’ enerġija elettrika li l-kumpannija nnominata hija s-sussidjarja tagħhom jew bi kwalunkwe mezz ieħor, il-vantaġġ ikkostitwit miż-żieda fil-prezz seta’ jiġi mgħoddi mill-kumpannija nnominata lill-impriżi nazzjonali produttriċi ta’ enerġija elettrika.

L-Artikolu 90 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi l-istess miżura leġiżlattiva meta d-dħul mit-taxxa miġbura fuq l-enerġija elettrika ttrasportata jaffettwa biss parzjalment il-ħlas ta’ spejjeż li mhumiex konformi mas-suq, jiġifieri meta l-ammont miġbur mill-kumpannija nnominata jikkumpensa biss parzjalment il-piż finanzjarju fuq l-enerġija elettrika nazzjonali ttrasportata.

 

2)

L-Artikolu 87 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ammonti mħallsa lill-kumpannija nnominata b’applikazzjoni tal-Artikolu 9 tal-liġi tranżitorja dwar is-settur tal-produzzjoni ta’ enerġija elettrika, tal-21 ta’ Diċembru 2000 (Overgangswet Elektriciteitsproductiesector) jikkostitwixxu “għajnuna mill-Istat” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat KE safejn huma jirrappreżentaw vantaġġ ekonomiku u mhux kumpens għas-servizzi pprovduti mill-kumpannija nnominata għall-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.