Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-12 ta’ Ġunju 2008 – Vassilakis vs Dimos Kerkyraion

(Kawża C‑364/07)

“L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura − Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE − Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss – Kuntratti ta’ xogħol għal żmien fiss suċċessivi fis-settur pubbliku − Kunċetti ta’ ‘kuntratti suċċessivi’ u ta’ ‘raġunijiet oġġettivi’ li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti − Miżuri intiżi sabiex jevitaw l-abbużi − Sanzjonijiet − Riżoluzzjoni ta’ tilwim u lmenti fuq livell nazzjonali − Portata tal-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi”

1.                     Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Domandi manifestament irrilevanti u domandi ipotetiċi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli – Domandi li m’għandhomx konnessjoni mas‑suġġett tal-kawża prinċipali (Artikolu 234 KE) (ara l-punti 42-44)

2.                     Atti tal-istituzzjonijiet – Direttivi – Implementazzjoni mill-Istati Membri – Traspożizzjoni tardiva fis-sistema legali interna – Nuqqas ta’ effett dirett tad-dispożizzjonijiet rilevanti – Obbligu ta’ interpretazzjoni tad-dritt intern konformi mal-għan tad-direttiva – Tnissil tal-obbligu – Data tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 10 KE u t‑tielet paragrafu tal‑Artikolu 249 KE) (ara l-punti 64, 69-72 u d-dispożittiv 1)

3.                     Politika soċjali – Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill‑ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP – Direttiva 1999/70 – Miżuri intiżi sabiex jevitaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien fiss suċċessivi (Direttiva tal-Kunsill 1999/70, punt 1(a) tal-Klawżola 5 tal-Anness) (ara l-punt 94 u d-dispożittiv 2)

4.                     Politika soċjali – Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill‑ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP – Direttiva 1999/70 – Miżuri intiżi sabiex jevitaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien fiss suċċessivi (Direttiva tal‑Kunsill 1999/70, Klawżola 5 tal-Anness) (ara l-punt 117 u d-dispożittiv 3)

5.                     Politika soċjali – Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill‑ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP – Direttiva 1999/70 – Miżuri intiżi sabiex jevitaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien fiss suċċessivi (Direttiva tal‑Kunsill 1999/70, Klawżola 5 tal-Anness) (ara l- punt 137 u d-dispożittiv 4)

6.                     Politika soċjali – Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill‑ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP – Direttiva 1999/70 – Miżuri intiżi sabiex jevitaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien fiss suċċessivi (Direttiva tal‑Kunsill 1999/70, Anness) (ara l-punt 150 u d-dispożittiv 5)

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari – Monomeles Protodikeio Kerkyras – Interpretazzjoni tal-Klawżola 5(1) u (2) tal-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU L 175, p. 43) – Kuntratti ta’ xogħol konklużi mal-amministrazzjoni pubblika – Kunċett ta’ raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid, mingħajr limitu, tal-kuntratti għal żmien fiss suċċessivi – Kunċett ta’ kuntratti suċċessivi.

Dispożittiv

1)

Meta jkun hemm traspożizzjoni tardiva ta’ direttiva fis-sistema legali tal‑Istat Membru kkonċernat kif ukoll meta d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-direttiva ma jkollhomx effett dirett, il-qrati nazzjonali għandhom, safejn huwa possibbli, jinterpretaw id-dritt intern, wara li jkun skada t‑terminu ta’ traspożizzjoni, fid-dawl tat-test u l-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħqu r-riżultati segwiti minn dan tal-aħħar, u dan billi tiġi ffavorita l‑interpretazzjoni tar-regoli nazzjonali li l-aktar taqbel ma’ dan il-għan sabiex b’hekk tinstab soluzzjoni kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

2)

Il-Klawżola 5(1)(a) tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jidher fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-użu ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien fiss suċċessivi li jkun ġustifikat mis-sempliċi fatt li dan l-użu huwa previst minn liġi jew regolament ġenerali ta’ Stat Membru. Għall-kuntrarju, il‑kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi”, fis-sens ta’ din l-imsemmija klawżola, jirrikjedi li l-użu ta’ dan it-tip partikolari ta’ relazzjoni ta’ xogħol, kif previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ikun ġustifikat mill-eżistenza ta’ elementi konkreti marbuta b’mod partikolari mal-attività inkwistjoni u mal‑kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tagħha.

3)

Il-Klawżola 5 tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix, fil-prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik imsemmija fit-tielet domanda preliminari, li tipprovdi li huma biss il-kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien fiss li jkunu separati minn tul ta’ żmien ta’ anqas minn tliet xhur li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li huma ta’ natura “suċċessiva” fis-sens tal-imsemmija klawżola.

4)

F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss għandu jiġi interpretat fis-sens li, sa fejn is-sistema legali interna tal-Istat Membru kkonċernat ma tidhirx li għandha, fil-qasam li qed jiġi kkunsidrat, miżuri oħrajn effettivi sabiex jiġi evitat u, jekk ikun il-każ, jiġi ssanzjonat l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien fiss suċċessivi, dan il‑ftehim qafas jipprekludi l-applikazzjoni ta’ regola ta’ dritt nazzjonali li tipprojbixxi b’mod assolut, fis-settur pubbliku biss, il-bidla f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat ta’ numru ta’ kuntratti għal żmien fiss li, peress li kellhom l-għan li jkopru l-“ħtiġijiet permanenti u dewwiema” ta’ min iħaddem, għandhom jitqiesu abbużivi. Madankollu, hija l-qorti tar‑rinviju, skont l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tagħha, li għandha tivverifika jekk is-sistema legali interna tagħha għandhiex dawn il-miżuri effettivi oħrajn.

5)

Il-prinċipju tal-effett utli tad-dritt Komunitarju u l-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss ma jipprekludux, fil-prinċipju, dispożizzjoni nazzjonali li tgħid li awtorità amministrattiva indipendenti hija kompetenti li eventwalment tikkwalifika kuntratti għal żmien fiss bħala kuntratti għal żmien indeterminat. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tara li jiġi ggarantit id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-osservanza tal‑prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza.