SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

8 ta’ April 2008 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Kuntratti pubbliċi għal provvisti — Direttivi 77/62/KEE u 93/36/KEE — Għoti ta’ kuntratti pubbliċi mingħajr il-pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż — Nuqqas ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti — Ħelikopters tad-ditti Agusta u Agusta Bell”

Fil-Kawża C-337/05,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fil-15 ta’ Settembru 2005,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn D. Recchia u X. Lewis, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Fiengo, avvocato dello Stato, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, A. Rosas, K. Lenaerts u G. Arestis, Presidenti ta’ l-Awla, K. Schiemann, J. Makarczyk (Relatur), P. Kūris, E. Juhász, E. Levits u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ April 2007,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-10 ta’ Lulju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi adottat prassi, li ilha teżisti għal żmien twil u li għadha tiġi segwita s’issa, li tagħti b’mod dirett kuntratti lil Agusta SpA (iktar ’il quddiem “Agusta”) għax-xiri ta’ ħelikopters tad-ditti Agusta u Agusta Bell, biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ numru ta’ korpi militari u ċivili ta’ l-Istat Taljan, mingħajr ebda proċedura ta’ sejħa għal offerti u, b’mod partikolari, mingħajr ma jiġu osservati l-proċeduri previsti mid-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvista (ĠU L 199, p. 1), kif emendata bid-Direttiva 97/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1997 (ĠU L 328, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 93/36”), u preċedentement, mid-Direttiva tal-Kunsill 77/62/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1976, li tikkonċerna l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvista (ĠU 1977, L 13, p. 1), kif emendata u ssuplimentata bid-Direttiva tal-Kunsill 80/767/KEE, tat-22 ta’ Lulju 1980 (ĠU L 215, p. 1), u d-Direttiva tal-Kunsill 88/295/KEE tat-22 ta’ Marzu 1988 (ĠU L 127, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 77/62”), ir-Repubblika Taljana naqset li twettaq l-obbligi tagħha skond dawn id-direttivi.

Il-kuntest ġuridiku

2

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni għandha l-għan li jiġi kkonstatat nuqqas taħt id-Direttiva 93/36 u, fir-rigward tal-perijodu preċedenti għad-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, taħt id-Direttiva 77/62. Minħabba s-similarità bejn id-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi u għall-iskop ta’ ċarezza għandha ssir referenza biss għad-Direttiva 93/36.

3

Skond it-tnax-il premessa tad-Direttiva 93/36:

“[…] l-proċedura nnegozjata trid tiġi kkunsidrata bħala eċċezzjonali u għaldaqsant applikata biss f’każijiet limitati”.

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/36 jgħid li, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

“a)

‘kuntratti pubbliċi ta’ provvista [għal provvisti]’: huma kuntratti għall-interess fi flus konklużi bil-kitba li jinvolvu x-xiri, il-kera jew xiri bin-nifs, bi jew mingħajr l-għażla tax-xiri, ta’ prodotti bejn fornitur (persuna naturali jew legali) u waħda mill-awtoritajiet kontraenti definiti f’(b) hawn taħt. Il-kunsinna ta’ prodotti bħal dawn tista wkoll tinkludi operazzjonijiet ta’ bini u installazzjoni;

b)

‘awtoritajiet kontraenti’: għandhom ikunu l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, korpijiet amministrati mil-liġi pubblika, assoċjazzjonijiet iffurmati minn waħda jew aktar minn waħda minn awtoritajiet bħal dawn jew korpijiet amministrati mil-liġi pubblika.

[…]

d)

‘proċeduri miftuħa’: huma dawk il-proċeduri nazzjonali fejn il-fornituri interessati kollha jistgħu jissottomettu offerti;

e)

‘proċeduri ristretti’: huma dawk il-proċeduri nazzjonali fejn il-fornituri biss li jkunu mistiedna mill-awtoritajiet kontraenti jistgħu jissottomettu offerti;

f)

‘proċeduri nnegozjati’: huma dawk il-proċeduri nazzjonali fejn l-awtoritajiet kontraenti jikkonsultaw il-fornituri bl-għażla tagħhom u jinnegozjaw it-termini tal-kuntratt ma’ wieħed minnhom jew aktar.”

5

Skond l-Artikolu 2(1)(b) tagħha, din id-Direttiva ma tapplikax għal:

“kuntratti ta’ provvista [għal provvisti] li huma ddikjarati sigrieti jew li l-eżekuzzjoni tagħhom trid tiġi akkumpanjata b’miżuri ta’ sigurtà speċjali skond il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi fl-Istati Membri kkonċernati jew meta l-protezzjoni ta’ l-interessi bażiċi tas-sigurtà ta’ l-Istat Membru titlob dan.”

6

L-Artikolu 3 ta’ l-istess Direttiva jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 2, 4 u 5(1), din id-Direttiva għandha tapplika għall-prodotti kollha li jirralata għalihom l-Artikolu 1(a), li jinkludu dawk koperti b’kuntratti mogħtija minn awtoritajiet kontraenti fil-qasam tad-difiża barra l-prodotti li għalihom japplika l-Artikolu [296](1)(b) tat-Trattat tal-KEE.”

7

L-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 93/36 hu fformulat kif ġej:

“a)

It-Titoli II, III u IV u l-Artikoli 6 u 7 għandhom jgħoddu għall-kuntratti ta’ provvisti pubbliċi mogħtija:

i)

mill-awtoritajiet kontraenti msemmija fl-Artikolu 1(b), inklużi l-kuntratti mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti elenkati fl-Anness I fil-qasam tad-difiża sa fejn ikunu kkonċernati prodotti mhux koperti mill-Anness II, fejn il-valur stmat nett mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ma jkunx inqas minn l-ekwivalenti f’[EUR] ta’ 200000 drittijiet speċjali ta’ ġbid (SDRs);

ii)

mill-awtoritajiet kontraenti elenkati fl-Anness I li l-valur stmat nett tagħhom mill-VAT ma jkunx inqas minn l-ekwivalenti f’[EUR] ta’ 130000 SDRs; fil-każ ta’ l-awtoritajiet kontraenti fil-qasam tad-difiża, dan għandu jgħodd biss għal kuntratti li jinvolvu prodotti koperti mill-Anness II.”

8

L-Artikolu 6(1) sa (3), ta’ din id-Direttiva jipprovdi:

“1.   Fl-għotja ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista l-awtoritajiet kontraenti għandhom japplikaw il-proċeduri definiti fl-Artikolu 1(d), (e) u (f), fil-każi mogħtija hawn taħt.

2.   L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħtu l-kuntratti ta’ provvista’ tagħhom bi proċedura negozjata fil-każ ta’ offerti irregolari b’reazzjoni għal proċedura miftuħa jew ristretta jew fil-każ ta’ offerti li huma inaċċettabbli taħt id-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma skond id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV, sakemm it-termini oriġinali tal-kuntratt mhumiex immodifikati sostanzjalment. L-awtoritajiet kontraenti għandhom f’każijiet bħal dawn jippubblikaw avviż għall-offerti sakemm jinkludu fi proċeduri negozjati bħal dawn, l-intrapriżi kollha li jissodisfaw il-kriterji ta’ l-Artikoli 20 sa 24 li, matul il-proċedura miftuħa jew ristretta ta’ qabel, issottomettew offerti skond il-kundizzjonijiet formali tal-proċedura tal-offerti.

3.   L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jagħtu l-kuntratti ta’ provvista tagħhom bil-proċedura negozjata mingħajr ma l-avviż għall-offerti jiġi ppubblikat minn qabel, fil-każijiet li ġejjin:

[…]

c)

meta, għal raġunijiet tekniċi jew artistiċi, jew għal raġunijiet konnessi mal-protezzjoni ta’ drittijiet esklussivi, il-prodotti fornuti jistgħu jiġu ffabbrikati jew mibgħuta biss minn fornitur partikolari;

[…]

e)

għal kunsinni addizzjonali mill-fornitur oriġinali li huma intenzjonati jew bħala sostituzzjoni parzjali tal-provvisti jew stallazzjonijiet normali jew bħala l-estensjoni tal-provvisti jew estensjonijiet eżistenti fejn bidla fil-fornitur tobbliga lill-awtorità kontraenti li takkwista materjal li għandu karatteristiċi tekniċi differenti li jirriżultaw f’inkompatibbiltà jew diffikultajiet tekniċi disproporzjonati fit-tħaddim u l-manteniment. It-tul ta’ kuntratti bħal dawn kif ukoll dak ta’ kuntratti rikurrenti jista, bħala regola ġenerali, ma jaqbiżx it-tliet snin.”

9

L-Artikolu 33 tad-Direttiva 93/36 hu fformulat kif ġej:

“Id-Direttiva 77/62/KEE […] hija hawnhekk revokata, mingħajr preġudizzju għall-obbligu ta’ l-Istati Membri li jikkonċerna l-limiti taż-żmien għat-trasposizzjoni fil-liġi nazzjonali u għall-applikazzjoni indikati fl-Anness V.

Ir-referenzi li jsiru għad-Direttivi revokati għandhom jiġu interpretati bħala referenza għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni stabbilita fl-Anness VI.”

Il-proċedura prekontenzjuża

10

Peress li l-Kummissjoni ma kellha l-ebda informazzjoni fuq l-organizzazzjoni ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti fuq livell Komunitarju għall-provvista ta’ ħelikopters biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ numru ta’ korpi ta’ l-Istat Taljan, hija kkunsidrat li dawn il-ħelikopters tad-ditti Augusta u Agusta Bell kienu nxtraw direttament, mingħajr ebda proċedura ta’ sejħa għal offerti fuq livell Komunitarju, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 77/62 u 93/36. Konsegwentement, fis-17 ta’ Ottubru 2003, hija bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Taljana, fejn stednitha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha f’terminu ta’ 21 ġurnata minn meta tirċievi din l-ittra.

11

L-awtoritajiet Taljani rrispondew għal din l-ittra permezz ta’ faks tad-9 ta’ Diċembru 2003.

12

Peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-awtoritajiet Taljani ma kinux ressqu argumenti suffiċjenti sabiex jikkonfutaw l-osservazzjonijiet magħmula fl-ittra ta’ intimazzjoni, u fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni ulterjuri min-naħa tagħhom, fil-5 ta’ Frar 2004 hija bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Taljana fejn stednitha tikkonforma ma’ din l-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn min-notifika tagħha.

13

L-awtoritajiet Taljani rrispondew għall-imsemmija opinjoni motivata permezz ta’ tliet ittri tal-5 ta’ April, tat-13 u tas-27 ta’ Mejju 2004.

14

Peress li kkunsidrat bħala insuffiċjenti l-argumenti mressqa mir-Repubblika Taljana bħala risposta għall-opinjoni motivata u peress li kkonstatat li din ta’ l-aħħar ma kienet ħadet l-ebda miżura sabiex iġġib fi tmiem il-prassi kkontestata ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvista, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

Fuq l-ammissibbiltà

L-argumenti tal-partijiet

15

Ir-Repubblika Taljana ssostni li r-rikors hu inammissibbiltà peress li, fil-proċedura prekontenzjuża, il-Kummissjoni ma kinitx ikkontestat il-kuntratti għal provvisti militari. Il-kontestazzjoni kienet tirrigwarda biss il-provvisti ċivili. Konsegwentement, hemm nuqqas ta’ korrispondenza bejn, minn naħa, l-ilmenti li tqajmu fil-proċedura prekontenzjuża u, min-naħa l-oħra, dawk magħmulin f’dan ir-rikors.

16

Ir-Repubblika Taljana tikkunsidra wkoll li l-parti tar-rikors li jirrigwarda l-kuntratti għal provvista konklużi biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-Corpo forestale dello Stato (amministrazzjoni nazzjonali tal-foresti) hija inammissibbli. Fil-fatt, il-prinċipju ne bis in idem ġie injorat, peress li n-nuqqas fir-rigward ta’ din il-kategorija ta’ kuntratti kien diġà ġie eżaminat u evalwat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-27 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-525/03, Ġabra p. I-9405).

17

Minbarra dan, fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Taljana ssostni li, fid-dawl tal-karattru vag u impreċiż tal-fatti rrapurtati mill-Kummissjoni kemm fl-ittra ta’ intimazzjoni kif ukoll fl-opinjoni motivata, ir-rikors ma jweġibx għar-rekwiżiti tal-koerenza u tal-preċiżjoni meħtieġa mill-ġurisprudenza, ħaġa li ppreġudikat b’mod serju d-drittijiet tad-difiża ta’ dan l-Istat Membru.

18

Il-Kummissjoni toġġezzjona li l-fażi prekontenzjuża qatt ma kkonċernat provvisti militari, iżda kienet tkopri provvisti ċivili intiżi, b’mod partikolari, biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ ċerti korpi militari ta’ l-Istat Taljan. Hija tenfasizza wkoll li l-proċedura li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, kellha suġġett differenti minn dak ta’ dan ir-rikors.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

19

Minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li l-proċedura prekontenzjuża għandha bħala għan li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-okkażjoni, minn naħa, li jikkonforma ruħu ma’ l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju u, min-naħa l-oħra, li jressaq b’mod effettiv l-argumenti tiegħu ta’ difiża kontra l-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza ta’ l-10 ta’ Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-152/98, Ġabra p. I-3463, punt 23; tal-15 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-439/99, Ġabra p. I-305, punt 10, u tas-27 ta’ Novembru 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-185/00, Ġabra p. I-14189, punt 79).

20

Ir-regolarità ta’ din il-proċedura b’hekk tammonta għal garanzija essenzjali mixtieqa mit-Trattat KE sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-Istat Membru in kwistjoni. Huwa biss meta din il-garanzija hija rrispettata li l-proċedura kontenzjuża quddiem il-Qorti tista’ tippermettilha tiġġudika jekk l-Istat Membru effettivament naqasx mill-obbligi li tagħhom il-ksur huwa allegat mill-Kummissjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-145/01, Ġabra p. I-5581, punt 17).

21

Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni osservatx id-drittijiet tad-difiża fir-rigward tar-Repubblika Taljana fil-proċedura prekontenzjuża.

22

Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-allegat nuqqas ta’ qbil bejn l-ilmenti mressqa fil-proċedura prekontenzjuża u dawk ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li l-opinjoni motivata u r-rikors promotur, li huma redatti fi kliem kważi identiċi, huma bbażati fuq l-istess ilmenti. Konsegwentement, l-argument tar-Repubblika Taljana li jipprova juri li l-ilmenti mqajma fil-fażi prekontenzjuża ma jikkorrispondux ma’ dawk żviluppati f’dan ir-rikors ma jistax jirnexxi.

23

Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-allegat nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ l-ilmenti magħmula kontra r-Repubblika Taljana fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, għandu jiġi mfakkar li, għalkemm l-opinjoni motivata prevista fl-Artikolu 226 KE għandha tinkludi spjegazzjoni koerenti u dettaljata tar-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li l-Istat Membru kkonċernat naqas minn wieħed mill-obbligi tiegħu skond it-Trattat, l-ittra ta’ intimazzjoni ma tistax tiġi suġġetta għal eżiġenzi ta’ preċiżjoni daqstant riġidi daqs dawk li għandha tissodisfa l-opinjoni motivata, peress li din neċessarjament tista’ tikkonsisti biss f’sunt inizjali qasir ta’ l-ilmenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 1985, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 274/83, Ġabra p. 1077, punt 21; tas-16 ta’ Settembru 1997, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-279/94, Ġabra p. I-4743, punt 15, u tat-18 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-221/04, Ġabra p. I-4515, punt 36).

24

F’dan il-każ, l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-proċedura prekontenzjuża ġew suffiċjentement iċċarati sabiex jippermettu lir-Repubblika Taljana tressaq l-argument tagħha ta’ difiża, hekk kif jirriżulta mill-iżvolġiment ta’ din il-fażi tal-proċedura.

25

Fit-tielet lok, fir-rigward ta’ l-allegat ksur tal-prinċipju ne bis in idem, għandu jingħad li s-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, ingħatat fir-rigward ta’ kawża li kellha suġġett totalment differenti peress li, f’dan il-każ, ir-rikors tal-Kummissjoni kien jirrigwarda digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri Taljan li jawtorizza l-użu tal-proċeduri nnegozjati b’deroga għad-direttivi Komunitarji dwar kuntratti pubbliċi ta’ provvisti, rikors li ġie ddikjarat inammissibbli billi l-effetti legali kollha ta’ l-imsemmi digriet kienu spiċċaw qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. Issa, dan ir-rikorsi m’għandux bħala għan ir-rieżami tal-legalità tad-digriet imsemmi iktar ’il fuq, iżda jikkonċerna prassi antika ta’ l-Istat Taljan li tikkonsisti fl-għoti dirett ta’ kuntratti għax-xiri ta’ ħelikopters tad-ditti Agusta u Agusta Bell mingħajr ebda proċedura ta’ sejħa għal offerti fuq livell Komunitarju.

26

Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mir-Repubblika Taljana għandha tiġi miċħuda.

Fuq il-mertu

L-argumenti tal-partijiet

27

In sostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni allegat li hija kkonstatat prassi ġenerali li tikkonsisti fl-għoti dirett ta’ kuntratti għax-xiri ta’ ħelikopters tad-ditti Agusta u Agusta Bell biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ numru ta’ korpi militari u ċivili ta’ l-Istat Taljan.

28

Hija rreferiet għal bosta kuntratti konklużi fis-snin 2000 sa 2003 mal-Corpo dei Vigili del Fuoco (il-korp tal-pompieri), il-Carabinieri, il-Corpo forestale dello Stato, il-Guardia Costiera (il-korp li jissorvelja l-kosti), il-Guardia di Finanza (amministrazzjoni doganali), il-Polizia di Stato (pulizija nazzjonali) kif ukoll id-dipartiment tal-protezzjoni ċivili tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri. Għal dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ qabel is-sena 2000, l-awtoritajiet Taljani kienu rrikonoxxew li xtraw ħelikopters tad-ditti Agusta u Agusta Bell mingħajr ebda proċedura ta’ sejħa għal offerti. Il-Kummissjoni mbagħad issostni li l-flotot tal-korpi ta’ l-Istat ikkonċernati huma komposti esklużivament minn ħelikopters ta’ l-imsemmija ditti u ebda wieħed minnhom ma nxtara wara proċedura ta’ sejħa għal offerti fuq livell Komunitarju.

29

Peress li dawn il-kuntratti jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 93/36, il-Kummissjoni tqis li huma kellhom ikunu s-suġġett ta’ proċedura miftuħa jew ta’ proċedura ristretta, skond l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, iżda mhux ta’ proċedura negozjata.

30

Ir-Repubblika Taljana l-ewwel nett issostni li l-provvisti intiżi għall-korpi militari ta’ l-Istat Taljan jaqgħu taħt l-Artikoli 296 KE u 2(1)(b) tad-Direttiva 93/36. Fil-fatt, skond dan l-Istat Membru, dawn id-dispożizzjonijiet huma applikabbli, għaliex il-ħelikopters in kwistjoni huma “oġġetti b’użu doppju”, jiġifieri, oġġetti li jistgħu jintużaw kemm għal għanijiet ċivili kif ukoll militari.

31

L-imsemmi Stat Membru mbagħad isostni li, minħabba l-ispeċifiċità teknika tal-ħelikopters u n-natura addizzjonali tal-provvisti in kwistjoni, setgħet tintuża l-proċedura negozjata skond l-Artikolu 6(3)(c) u (e) tad-Direttiva 93/36.

32

B’mod ġenerali, huwa jenfasizza li l-prassi tiegħu mhijiex differenti minn dik adottata fil-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri li jipproduċu ħelikopters.

33

Ir-Repubblika Taljana fl-aħħar nett issostni li, sa l-aħħar tas-snin 90, ir-relazzjonijiet ta’ l-Istat Taljan ma’ Agusta setgħu jiġu kkunsidrati bħala relazzjonijiet “in-house” skond is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal (C-107/98, Ġabra p. I-8121).

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

34

L-ewwel nett, għandu jingħad li huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-ammonti tal-kuntratti in kwistjoni jaqbżu l-limitu stabbilit fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 93/36, li jista’ jpoġġihom fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

35

Għandu jingħad ukoll li d-dokumenti dwar il-kuntratti ta’ xiri ta’ ħelikopters annessi mar-risposta tar-Repubblika Taljana, jikkonfermaw l-argument tal-Kummissjoni li x-xiri ta’ l-imsemmija ħelikopters permezz tal-proċedura negozjata, żvela prassi kostanti u li ilha teżisti għal żmien twil.

— Fuq ir-relazzjoni “in-house” bejn l-Istat Taljan u Agusta

36

Skond ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sejħa għal offerti, skond id-direttivi dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, mhijiex obbligatorja, anki jekk il-parti kontraenti l-oħra tkun entità ġuridikament distinta mill-awtorità kontraenti, meta jiġu ssodisfati żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. Minn naħa, l-awtorità pubblika li hija awtorità kontraenti, trid teżerċita fuq l-entità distinta in kwistjoni kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess, u min-naħa l-oħra, din l-entità għandha twettaq il-parti l-kbira ta’ l-attività tagħha ma’ l-awtorità jew awtoritajiet pubbliċi li jikkontrollawha (ara s-sentenzi Teckal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50; tal-11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau, C-26/03, Ġabra p. I-1, punt 49; tat-13 ta’ Jannar 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-84/03, Ġabra p. I-139, punt 38; ta’ l-10 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-29/04, Ġabra p. I-9705, punt 34; tal-11 ta’ Mejju 2006, Carbotermo u Consorzio Alisei, C-340/04, Ġabra p. I-4137, punt 33, kif ukoll tad-19 ta’ April 2007, Asemfo, C-295/05, Ġabra p. I-2999, punt 55).

37

Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk iż-żewġ kundizzjonijiet meħtieġa mill-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti humiex ssodisfati fir-rigward ta’ Agusta.

38

Fir-rigward ta’ l-ewwel kundizzjoni dwar il-kontroll ta’ l-awtorità ppublika, għandu jiġi mfakkar li l-parteċipazzjoni, anki jekk minoritarja, ta’ impriża privata fil-kapital ta’ kumpannija li fiha tipparteċipa wkoll l-awtorità kontraenti in kwistjoni teskludi fi kwalunkwe każ li din l-awtorità kontraenti tista’ teżerċita fuq din il-kumpannija kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess (ara s-sentenza Stadt Halle u RPL Lochau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

39

F’dan ir-rigward, hekk kif juri l-istudju anness mar-risposta fuq l-ishma miżmuma mill-Istat Taljan fl-EFIM (Ente Partecipazioni e Finanziamento Industrie Manifatturiere), f’Finmeccanica u f’Agusta, din ta’ l-aħħar, li minn mindu ġiet iffurmata kienet irregolata mid-dritt privat, u sa mill-1974, dejjem kienet kumpannija privata li fiha għandu ishma l-gvern, jiġifieri kumpannija li l-kapital tagħha huwa magħmul in parti minn ishma miżmuma mill-imsemmi Stat u in parti minn azzjonisti privati.

40

Ukoll, peress li Agusta hija kumpannija in parti miftuħa għal kapital privat u b’hekk tissodisfa l-kriterju msemmi fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, huwa eskluż li l-Istat Taljan jista’ jeżerċita fuq din il-kumpannija kontroll analogu għal dak li huwa jeżerċita fuq id-dipartimenti tiegħu stess.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk Agusta twettaqx il-parti l-kbira ta’ l-attività tagħha ma’ l-awtorità pubblika li tagħti l-konċessjoni, l-argument tar-Repubblika Taljana bbażat fuq l-eżistenza ta’ relazzjoni “in-house” bejn dik il-kumpannija u l-Istat Taljan għandu jiġi miċħud.

— Fuq il-ħtiġijiet leġittimi ta’ interess nazzjonali

42

Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li l-miżuri li l-Istati Membri jadottaw fil-kuntest tal-ħtiġijiet leġittimi ta’ interess nazzjonali mhumiex esklużi kompletament mill-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju minħabba l-fatt biss li huma jiġu adottati fl-interess tas-sigurtà pubblika jew tad-difiża nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2003, Dory, C-186/01, Ġabra p. I-2479, punt 30).

43

Fil-fatt, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, it-trattat jipprovdi eċċezzjonijiet applikabbli f’każ ta’ sitwazzjonijiet li jistgħu jipperikolaw is-sigurtà pubblika, b’mod partikolari fl-Artikoli 30 KE, 39 KE, 46 KE, 58 KE, 64 KE, 296 KE u 297 KE, li jirrigwardaw sitwazzjonijiet eċċezzjonali definiti sew. Ma jistax jiġi dedott minn dan li teżisti riżerva ġenerali, inerenti fit-trattat, li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju kull miżura meħuda għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika. Ir-rikonoxximent ta’ l-eżistenza ta’ riżerva bħal din, barra mill-kundizzjonijiet speċifiċi tad-dispożizzjonijiet tat-trattat, jista’ jippreġudika n-natura vinkolanti u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra p. 1651, punt 26; tas-26 ta’ Ottubru 1999, Sirdar, C-273/97, Ġabra p. I-7403, punt 16; tal-11 ta’ Jannar 2000, Kreil, C-285/98, Ġabra p. I-69, punt 16, u Dory, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31).

44

F’dan ir-rigward, huwa l-Istat Membru li jkollu l-intenzjoni jagħmel użu minn dawn l-eċċezzjonijiet li għandu jressaq il-prova li dawn l-eżenzjonijiet ma jaqbżux il-limiti ta’ l-imsemmija sitwazzjonijiet eċċezzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-414/97, Ġabra p. I-5585, punt 22).

45

F’dan il-każ, ir-Repubblika Taljana ssostni li x-xiri tal-ħelikopters tad-ditti Agusta u Agusta Bell jissodisfa l-kundizzjonijiet leġittimi ta’ interess nazzjonali previsti fl-Artikoli 296 KE u 2(1)(b) tad-Direttiva 93/36, peress li dawn il-ħelikopters huma oġġetti b’użu doppju, jiġifieri, oġġetti li jistgħu jintużaw kemm għal għanijiet ċivili kif ukoll militari.

46

Fl-ewwel lok, għandu jingħad li, skond l-Artikolu 296(1)(b) KE, kull Stat Membru jista’ jieħu l-miżuri li huwa jikkunsidra neċessarji għall-protezzjoni ta’ l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu u li jirrigwardaw il-manifattura jew il-kummerċ ta’ l-armi, tal-munizzjon u tal-materjal tal-gwerra, madankollu bil-kundizzjoni li dawn il-miżuri ma jfixklux il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq komuni għal dak li jirrigwarda l-prodotti li ma jkunux intiżi għal skopijiet speċifikament militari.

47

Jirriżulta mill-kliem ta’ l-imsemmija dispożizzjoni li l-prodotti in kwistjoni għandhom ikunu intiżi għal skopijiet speċifikament militari. Għalhekk, ix-xiri tat-tagħmir, li l-użu tiegħu għal finijiet militari mhuwiex ċert ħafna, għandu josserva r-regoli ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Il-provvista ta’ ħelikopters lil korpi militari għal użu ċivli għandha tissodisfa dawn l-istess regoli.

48

Issa, huwa paċifiku li l-ħelikopters in kwistjoni huma intiżi, hekk kif issostni r-Repubblika Taljana, għal użu ċivili ċertament u possibbilment għal użu militari.

49

Konsegwentement, l-Artikolu 296(1)(b) KE, li jirreferi għalih l-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/36, ma jistax jitqajjem b’mod effettiv mir-Repubblika Taljana sabiex jiġi ġustifikat l-użu tal-proċedura negozjata għax-xiri ta’ l-imsemmija ħelikopters.

50

Fit-tieni lok, l-imsemmi Stat Membru invoka n-natura kunfidenzjali tad-data li tinkiseb għall-finijiet tal-produzzjoni tal-ħelikopters prodotti minn Agusta sabiex jiġġustifika l-għoti skond il-proċedura negozjata tal-kuntratti lil din il-kumpannija. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Taljana invokat l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 93/36.

51

Madankollu, għandu jintqal li r-Repubblika Taljana ma indikatx ir-raġunijiet għalfejn hija tikkunsidra li n-natura kunfidenzjali tad-data kkomunikata għall-finijiet tal-produzzjoni tal-ħelikopters prodotti minn Agusta ma tiġix iggarantita sew jekk din il-produzzjoni tingħata lil kumpanniji oħra li jkunu stabbiliti fl-Italja jew fi Stati Membri oħra.

52

F’dan ir-rigward, in-neċessità li jiġi stipulat obbligu ta’ kunfidenzjalità bl-ebda mod ma jostakola li tintuża l-proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-għoti ta’ kuntratt.

53

Konsegwentement l-użu ta’ l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 93/36 sabiex jiġi ġġustifikat ix-xiri tal-ħelikopters in kwistjoni skond il-proċedura negozjata jidher sproporzjonat fir-rigward ta’ l-għan li jikkonsisti fit-twaqqif tat-tixrid ta’ informazzjoni sensittiva dwar il-produzzjoni tagħhom. Fil-fatt, ir-Repubblika Taljana ma wrietx li għan bħal dan ma setax jintlaħaq fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti kif prevista mill-istess direttiva.

54

Konsegwentement, l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 93/36 ma jistax jiġi invokat mir-Repubblika Taljana b’mod effettiv sabiex jiġi ġġustifikat l-użu tal-proċedura negozjata għax-xiri ta’ l-imsemmija ħelikopters.

— Fuq il-ħtiġijiet ta’ omoġenità tal-flotta tal-ħelikopters

55

Sabiex tiġġustifika l-użu tal-proċedura negozjata, ir-Repubblika Taljana invokat ukoll l-Artikolu 6(3)(c) u (e) tad-Direttiva 93/36. Hija minn naħa sostniet li fid-dawl ta’ l-ispeċifiċità teknika tagħhom, il-produzzjoni tal-ħelikopters in kwisjoni setgħet tiġi fdata biss f’idejn Agusta u, min-naħa l-oħra, li kien neċessarju li tiġi ggarantita l-interoperabbiltà tal-flotta tagħha ta’ ħelikopters, sabiex b’mod partikolari jitnaqqsu l-ispejjeż loġistiċi, operattivi u ta’ taħriġ tal-piloti.

56

Hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mit-tnax-il premessa tad-Direttiva 93/36, il-proċedura negozjata hija ta’ natura eċċezzjonali u tista’ tiġi applikata biss f’każijiet elenkati b’mod eżawrjenti. Għal dan il-għan, għandu jingħad li l-Artikolu 6(2) u (3) ta’ l-istess direttiva jelenkat b’mod eżawrjenti u espressament l-uniċi eċċezzjonijiet li għalihom l-użu tal-proċedura negozjata hija permessa (ara, f’dan is-sens, għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 77/62, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 1993, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-71/92, Ġabra p. I-5923, punt 10; għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 93/36, ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Teckal, punt 43, u tat-13 ta’ Jannar 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 47).

57

Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eċċezzjonijiet għar-regoli li għandhom l-għan li jiggarantixxu l-effettività tad-drittijiet rikonoxxuti mit-trattat fis-settur tal-kuntratti pubbliċi għandhom jingħataw interpretazzjoni restrittiva (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Mejju 1995, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-57/94, Ġabra p. I-1249, punt 23; tat-28 ta’ Marzu 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-318/94, Ġabra p. I-1949, punt 13, u tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-394/02, Ġabra p. I-4713, punt 33). Sabiex id-Direttiva 93/36 ma tiġix ipprivata mill-effettività tagħha, l-Istati Membri konsegwentement ma jistgħux jipprovdu għal sitwazzjonijiet li fihom tista’ tintuża l-proċedura negozjata li mhumiex previsti minn din id-direttiva jew li mas-sitwazzjonijiet espressament previsti mid-direttiva in kwistjoni jiġu miżjuda kundizzjonijiet ġodda li jkollhom bħala effett li jagħmlu l-użu ta’ l-imsemmija proċedura aktar faċli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).

58

Minbarra dan, għandu jiġi mfakkar li huwa dak li jkollu l-intenzjoni jagħmel użu minn eċċezzjoni, li għandu jressaq il-prova li ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw din l-eċċezzjoni effettivament jeżistu (ara s-sentenzi ta’ l-10 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 199/85, Ġabra p. 1039, punt 14, u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

59

F’dan il-każ, għandu jingħad li r-Repubblika Taljana ma wrietx b’mod suffiċjenti skond il-liġi, ir-raġuni għalfejn huma biss il-ħelikopters prodotti minn Agusta li għandhom il-karatteristiċi tekniċi meħtieġa. Minbarra dan, dan l-Istat Membru limita ruħu li jsemmi l-vantaġġi ta’ interoperabbiltà tal-ħelikopters użati minn dawn il-korpi differenti. Madankollu, huwa ma wriex b’liema mod tibdil fil-fornitur kien iġiegħlu jixtri materjal prodott skond teknika differenti b’mod li jwassal għal inkompatibbiltà jew diffikultajiet tekniċi sproporzjonati fir-rigward ta’ l-użu jew tal-manteniment.

60

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jingħad li, billi adottat prassi, li ilha teżisti għal żmien twil u li għadha tiġi segwita s’issa, li tagħti b’mod dirett kuntratti lil Agusta għax-xiri ta’ ħelikopters tad-ditti Agusta u Agusta Bell, biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ numru ta’ korpi militari u ċivili ta’ l-Istat Taljan, mingħajr ebda proċedura ta’ sejħa għal offerti u, b’mod partikolari, mingħajr ma jiġu osservati l-proċeduri previsti mid-Direttiva 93/36 u, preċedentement, mid-Direttiva 77/62, ir-Repubblika Taljana naqset li twettaq l-obbligi tagħha skond dawn id-direttivi.

Fuq l-ispejjeż

61

Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Taljana tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi adottat prattika, li ilha teżisti għal żmien twil u li għadha tiġi segwita s’issa, li tagħti b’mod dirett kuntratti lil Agusta SpA għax-xiri ta’ ħelikopters tad-ditti Agusta u Agusta Bell, biex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet ta’ numru ta’ korpi militari u ċivili, mingħajr ebda proċedura ta’ sejħa għal offerti u, b’mod partikolari, mingħajr ma jiġu osservati l-proċeduri previsti mid-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvista, kif emendata mid-Direttiva 97/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1997, u, preċedentement, mid-Direttiva tal-Kunsill 77/62/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1976, li tikkonċerna l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvista, kif emendata u ssuplementata mid-Direttiva tal-Kunsill 80/767/KEE, tat-22 ta’ Lulju 1980, u d-Direttiva tal-Kunsill 88/295/KEE, tat-22 ta’ Marzu 1988, ir-Repubblika Taljana naqset li twettaq l-obbligi tagħha skond dawn id-direttivi.

 

2)

Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.