SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

13 ta’ Marzu 2008 ( *1 )

“Appell — Direttiva 89/552/KEE — Xandir televiżiv — Rikors għal annullament — Ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE — Kunċett ta’ deċiżjoni li tikkonċerna ‘direttament u individwalment’ lil persuna fiżika jew ġuridika”

Fil-Kawża C-125/06 P,

li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fit-28 ta’ Frar 2006

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn K. Banks u M. Huttunen, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Infront WM AG, li qabel kienet FWC Medien AG u li saret KirchMedia WM AG, stabbilita f’Zug (l-Iżvizzera), irrappreżentata minn M. Garcia, solicitor,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika Franċiża,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq,

Il-Parlament Ewropew,

Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President ta’ l-Awla, G. Arestis, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász u J. Malenovský (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Ottubru 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz ta’ l-appell tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-15 ta’ Diċembru 2005, Infront WM vs Il-Kummissjoni (T-33/01, Ġabra p. II-5897, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, li permezz tagħha din annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinsab fl-ittra tagħha indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq fit-28 ta’ Lulju 2000 (iktar ’il quddiem l-“att ikkontestat”).

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU L 298, p. 23), kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Ġunju 1997 (ĠU L 202, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 89/552”), hija intiża sabiex tassigura l-libertà fir-riċeviment u fit-trażmissjoni mill-ġdid ta’ programmi televiżivi ġewwa l-Komunità Ewropea billi tistabbilixxi dispożizzjonijiet minimi li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jimponu fuq ix-xandara li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom.

3

It-tmintax u d-dsatax-il premessa tad-Direttiva 97/36 jiddisponu kif ġej:

“(18)

[…] huwa essenzjali li l-Istati Membri jkunu jistgħu jieħdu miżuri sabiex jipproteġu d-dritt għall-informazzjoni u sabiex jiżguraw aċċess wiesa’ mill-pubbliku għax-xandir televiżiv ta’ avvenimenti nazzjonali jew mhux nazzjonali ta’ importanza kbira għas-soċjetà, bħal-logħob Olimpiku, it-Tazza tad-Dinja u l-kampjonat Ewropew tal-futbol; […] għal dan il-għan l-Istati Membri jżommu d-dritt li jieħdu l-miżuri kumpatibbli mal-liġi Komunitarja mmirati sabiex jirregolaw l-eżerċizzju ta’ drittijiet esklussivi tax-xandir għal avvenimenti bħal dawk mix-xandara taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom;

(19)

[…] huwa neċessarju li jsiru arranġamenti fi ħdan il-qafas Komunitarju, sabiex jiġi evitat il-potenzjal ta’ inċertezza legali u xkiel tas-suq u sabiex iċ-ċirkolazzjoni libera tas-servizzi televiżivi tiġi rikonċiljata mal-bżonn li tiġi evitata l-possibiltà ta’ ksur tal-miżuri nazzjonali li jipproteġu interess ġenerali leġittimu”.

4

Skond l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 89/552, “xandar” tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li għandha r-responsabbiltà editorjali għall-kompożizzjoni ta’ l-iskedi tal-programmi televiżivi u li tittrażmettihom jew li tagħmel mezz li jiġu trażmessi minn terzi persuni.

5

Skond l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552, li ġie miżjud mid-Direttiva 97/36:

“1.   Kull Stat Membru jista’ jieħu miżuri skond il-liġi tal-Komunità sabiex jiżgura li x-xandara taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu ma jxandrux fuq bażi esklussiva avvenimenti li huma meqjusa minn dak l-Istat Membru li huma ta’ importanza kbira għas-soċjetà b’tali mod li jċaħħdu proporzjon sostanzjali tal-pubbliku f’dak l-Istat Membru mill-possibiltà li jsegwu dawk l-avvenimenti permezz ta’ xandira diretta jew diferita fuq it-televiżjoni ta’ mingħajr ħlas. Jekk jagħmel dan, l-Istat Membru involut għandu jipprepara lista ta’ avvenimenti magħżula, nazzjonali jew mhux nazzjonali, li huwa jqis li huma ta’ importanza kbira għas-soċjetà. Għandu jagħmel dan b’mod ċar u trasparenti fil-ħin xieraq u effettiv. Waqt li jagħmel dan, l-Istat Membru involut għandu wkoll jistabbilixxi jekk dawk l-avvenimenti għandhomx ikunu disponibbli permezz ta’ xandira diretta sħiħa jew parzjali, jew fejn huwa meħtieġ jew xieraq għal raġunijiet oġġettivi fl-interess pubbliku, xandira diferita sħiħa jew parzjali.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw immedjatament lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kollha meħuda jew li għandhom jittieħdu skond il-paragrafu 1. Fi żmien perijodu ta’ tliet xhur min-notifika, il-Kummissjoni għandha tivverifika li dawk il-miżuri jkunu kumpatibbli mal-liġi tal-Komunità u għandha tikkomunikahom lill-Istati Membri l-oħra. Għandha tfittex l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skond l-Artikolu 23a. Għandha minn hemm ‘il quddiem tippubblika l-miżuri meħuda fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitàjiet Ewropej u mill-inqas darba fis-sena l-lista kkonsolidata tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri.

3.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu ċert, b’mezzi xierqa, fi ħdan il-qafas leġiżlattiv tagħhom li x-xandara taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma jeżerċitawx id-drittijiet esklussivi mixtrija minn dawk ix-xandara wara d-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Direttiva b’tali mod li proporzjon sostanzjali mill-pubbliku fi Stat Membru ieħor jiġi mċaħħad mill-possibiltà li jsegwi avvenimenti li jiġu nnominati minn dak l-Istat Membru l-ieħor skond il-paragrafi preċedenti permezz ta’ xandir dirett sħiħ jew parzjali jew, fejn ikun neċessarju jew xieraq għal raġunijiet oġġettivi fl-interess pubbliku, xandir differit sħiħ jew parzjali fuq it-televiżjoni ta’ mingħajr ħlas kif jiġi stabbilit minn dak l-Istat Membru l-ieħor skond il-paragrafu 1.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6

Skond l-Artikoli 98 u 101 tat-Taqsima IV tal-liġi dwar ix-xandir ta’ l-1996 (Broadcasting Act 1996), kif emendata mil-liġi ta’ l-2000 dwar ix-xandir televiżiv (The Television Broadcasting Regulations 2000, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar ix-xandir”):

“98. Kategorija ta’ servizzi

(1)

Għall-iskop ta’ din it-taqsima, is-servizzi tal-programmi televiżivi u s-servizzi ta’ xandir bis-satellita ta’ kompetenza taż-[Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem iż-“ŻEE”)] huma mqassma fiż-żewġ kategoriiji li ġejjin:

(a)

is-servizzi ta’ programmi televiżivi u s-servizzi ta’ xandir bis-satellita ta’ kompetenza taż-ŻEE li, sa ordni ġdid, jissodisfaw il-kundizzjonijiet mitluba, u

(b)

is-servizzi kollha l-oħra ta’ programmi televiżivi u servizzi ta’ xandir bis-satellita ta’ kompetenza taż-ŻEE.

(2)

Fil-kuntest ta’ dan l-Artikolu, il-‘kundizzjonijiet mitluba’ li għandhom jiġu ssodisfati minn servizz partikolari huma dawn li ġejjin:

(a)

l-aċċess għas-servizz ma jrid jagħti lok għall-ebda remunerazzjoni, u

(b)

is-servizz irid ikun irċevut minn għallinqas 95 % tal-popolazzjoni tar-Renju Unit.

[…]

101. Restrizzjonijiet fir-rigward tax-xandir ta’ avvenimenti inklużi fil-lista

(1)

Kull min jipprovdi programmi televiżivi li jipprovdu servizz li jiddependi fuq waħda miż-żewġ kategoriji ddefiniti fl-Artikolu 98(1) (l-‘ewwel servizz’) u li jkun irċevut fuq it-territorju kollu jew parti tar-Renju Unit ma jistax ixandar b’mod dirett, fil-kuntest ta’ dan is-servizz, avveniment kollu jew in parti li hu mniżżel fuq il-lista mingħajr ma kiseb kunsens preliminari tal-[Kummissjoni Indipendenti dwar it-Televiżjoni (iktar ’il quddiem l-“ITC”)], sa kemm:

(a)

fornitur ieħor ta’ programmi televiżivi li jiżgura servizz li jaqa’ taħt il-kategorija l-oħra ddefinita f’dan il-paragrafu (it-‘tieni servizz’) ma kisibx id-dritt li jinkludi f’dan ix-xandir dirett ta’ l-avveniment kollu kemm hu jew ta’ din il-parti ta’ l-avveniment, u

(b)

ir-reġjun fejn it-tieni servizz huwa mxandar ikopri jew jinkludi r-reġjun (kważi-) kollu fejn ikun irċevut l-ewwel servizz.

[…]”

7

Dawn id-dispożizzjonijiet ġew innotifikati lill-Kummissjoni abbażi ta’ l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552 u ġew ippubblikati f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU 2000, C 328, p. 2).

8

Il-fatturi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni biex jingħata l-kunsens msemmi fl-Artikolu 101(1) huma stabbiliti fil-Kodiċi tal-Kummissjoni Indipendenti tat-Televiżjoni dwar avvenimenti sportivi u oħrajn imniżżla fil-lista (Independent Television Commission Code on Sports and other Listed Events), kif emendat.

Il-fatti li wasslu għall-kawża

9

Il-fatti li wasslu għal din il-kawża, kif esposti fil-punti 7 sa 22 tas-sentenza appellata, jistgħu jiġu miġbura kif ġej.

10

Infront WM AG (iktar ’il quddiem “Infront”), li qabel kienet FWC Medien AG, li saret KirchMedia WM AG, teżerċita attività ta’ xiri, ġestjoni u kummerċjalizzazzjoni ta’ drittijiet tax-xandir bit-televiżjoni ta’ avvenimenti sportivi. Hija tixtri regolarment dawn id-drittijiet mill-organizzaturi ta’ l-avveniment sportiv in kunsiderazzjoni, u tbiegħ mill-ġdid id-drittijiet li jkunu nxtraw lix-xandara.

11

Fl-10 ta’ Settembru 1996, il-kumpannija parent tagħha iffirmat kuntratt mal-Fédération internationale de football association (FIFA) fir-rigward ta’ l-assenjazzjoni tad-drittijiet esklużivi ta’ trażmissjoni televiżiva mill-ġdid tal-partiti tal-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA għas-snin 2002 u 2006. B’mod partikolari, din ingħatat l-esklużività tad-drittijiet ta’ trażmissjoni televiżiva mill-ġdid ta’ dawn l-avvenimenti għall-Istati tal-kontinent Ewropew. Dawn it-drittijiet ġew ulterjorment assenjati lil Infront.

12

B’ittri tal-25 ta’ Settembru 1998 u tal-5 ta’ Mejju 2000, ir-Renju Unit innotifika lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552, bil-miżuri meħuda skond il-paragrafu (1) ta’ dan l-Artikolu.

13

Fit-28 ta’ Lulju 2000, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat-Ġenerali “Edukazzjoni u Kultura” tal-Kummissjoni bagħat l-att ikkontestat lir-Renju Unit fejn indika s-segwenti:

“Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Mejju 2000, li waslet għand il-Kummissjoni fil-11 ta’ Mejju 2000, ir-Rappreżent Permanenti tar-[Renju Unit] ma’ l-Unjoni Ewropea nnotifika lill-Kummissjoni numru ta’ miżuri nazzjonali dwar ix-xandir bit-televiżjoni ta’ avvenimenti ta’ interess nazzjonali fir-Renju Unit. […]

Għandi l-unur ninfurmakhom li, wara l-eżami tal-konformità tal-miżuri stabbiliti permezz tad-Direttiva [89/552] u wara li ttieħdu in kunsiderazzjoni elementi ta’ fatt li huma disponibbli f’dak li jirrigwarda x-xena awdjoviżiva tar-Renju Unit, il-Kummissjoni […] m’għandhiex intenzjoni li tikkontesta l-miżuri nnotifikati mill-awtoritajiet tagħkom.

Skond kif previst fl-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva, il-Kummissjoni ser tipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-miżuri nnotifikati fil-[Ġurnal Uffiċjali].”

14

Il-Kummissjoni ppubblikat dawn il-miżuri fil-Ġurnal Uffiċjali fit-18 ta’ Novembru 2000. Dawn jinkludu l-Artikoli 98 u 101 tat-Taqsima IV tal-liġi dwar ix-xandir kif ukoll il-lista ta’ l-avvenimenti ta’ importanza kbira għas-soċjetà magħżula mir-Renju Unit (iktar ’il quddiem l-“avvenimenti magħżula”). Fost dawn l-avvenimenti hemm il-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA.

15

Matul il-proċedura ta’ verifika ta’ dawn il-miżuri mill-Kummissjoni, Infront bagħtitilha żewġ ittri li fihom hija osservat li l-lista ta’ l-avvenimenti magħżula ma setgħetx tiġi approvata minħabba l-inkompatibbiltà tagħha ma’ l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 kif ukoll ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju.

16

Sussegwentement, b’ittra tas-7 ta’ Diċembru 2000, Infront talbet lill-Kummissjoni sabiex tikkonfermalha li hija kienet waqfet il-proċess ta’ verifika previst fl-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552, f’dak li jirrigwarda l-lista ta’ l-avvenimenti magħżula, u li tinfurmaha bir-riżultat ta’ dan il-proċess, inklużi xi eventwali miżuri meħuda mill-Kummissjoni f’dan il-kuntest. Il-Kummissjoni rrispondiet lil Infront li l-proċess imsemmi kien twettaq u li l-lista ta’ l-avvenimenti magħżula kienet kkunsidrata bħala kumpatibbli ma’ l-imsemmija direttiva.

17

B’konsegwenza, Infront ippreżentat rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li kellu bħala suġġett talba għall-annullament ta’ l-att ikkontestat.

18

Il-Kummissjoni ssollevat eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Hija sostniet li hija ma kinitx adottat att kontestabbli skond l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552 u li Infront ma kinitx la direttament u lanqas individwalment ikkonċernata mill-att ikkontestat.

Is-sentenza appellata

19

Fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà u ddikjarat ir-rikors bħala ammissibbli.

20

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li l-att ikkontestat jagħlaq il-proċedura prevista fl-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552 li permezz tagħha l-Kummissjoni għandha tivverifika l-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tal-miżuri nazzjonali meħuda skond il-paragrafu (1) ta’ dan l-Artikolu. Il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-imsemmija miżuri approvati mill-Kummissjoni tippermetti li l-Istati Membri l-oħra jkunu jafu bihom u, b’hekk, li jkunu f’pożizzjoni li jikkonformaw ma’ l-obbligi tagħhom skond l-Artikolu 3a(3) ta’ din id-direttiva, fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ dawn il-miżuri stabbilit f’din l-aħħar dispożizzjoni.

21

B’hekk, l-att ikkontestat joħloq, skond il-Qorti tal-Prim’Istanza, effetti ġuridiċi fir-rigward ta’ l-Istati Membri, safejn dan jipprevedi l-pubblikazzjoni tal-miżuri nazzjonali in kwistjoni fil-Ġurnal Uffiċjali, peress li din il-pubblikazzjoni għandha l-effett li tagħti bidu għall-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku previst fl-Artikolu 3a(3) tad-Direttiva 89/552. B’hekk, dan jikkostitwixxi deċiżjoni skond l-Artikolu 249 KE, għalkemm l-Artikolu 3a ta’ l-imsemmija direttiva ma jagħmilx espressament referenza għall-adozzjoni ta’ “deċiżjoni” mill-Kummissjoni.

22

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat jekk Infront hijiex direttament ikkonċernata minn dan l-att. Din fakkret il-ġurisprudenza li tgħid li, sabiex jikkonċerna direttament individwu, skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, l-att Komunitarju intrapriż għandu jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ l-interessat u l-implementazzjoni tiegħu għandu jkollha natura purament awtomatika u tirriżulta mil-leġiżlazzjoni Komunitarja biss, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (ara s-sentenza tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il-Kummissjoni, C-386/96 P, Ġabra p. I-2309, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Qabel kollox, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li, meta Infront tassenja d-drittijiet ta’ xandir televiżiv tagħha lil xandar stabbilit fir-Renju Unit, għall-finijiet tat-trażmissjonijiet mill-ġdid ta’ xandiriet televiżivi f’dan l-Istat Membru, il-miżuri meħuda mill-awtoritajiet tar-Renju Unit għandhom eżistenza legali awtonoma meta mqabbla ma’ l-att ikkontestat. Safejn il-miżuri nnotifikati japplikaw għax-xandara stabbiliti fir-Renju Unit skond il-liġi dwar ix-xandir fis-seħħ f’dan l-Istat Membru u skond l-att ikkontestat, Infront mhijiex direttament ikkonċernata.

24

Min-naħa l-oħra, huwa biss l-att ikkontestat li jikkonstata l-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju tal-miżuri nnotifikati mir-Renju Unit u li jipprevedi l-pubblikazzjoni sussegwenti ta’ dawn il-miżuri fil-Ġurnal Uffiċjali li tippermetti li l-mekkanżmu ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit mill-Artikolu 3a(3) tad-Direttiva 89/552 jsir effettiv. Isegwi li, f’dan il-każ, dan l-att jivvalida l-miżuri msemmija biss għall-iskop tar-rikonoxximent tagħhom mill-Istati Membri l-oħra.

25

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li, peress li dan ir-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri nazzjonali meħuda skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552 kien suġġett għall-approvazzjoni ta’ dawn il-miżuri mill-Kummissjoni u għall-pubblikazzjoni sussegwenti tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali, l-att ikkontestat ma jħallix lill-Istati Membri, wara din il-pubblikazzjoni, marġini ta’ diskrezzjoni fil-kuntest tat-twettiq ta’ l-obbligi tagħhom. Fil-fatt, minkejja li l-metodi ta’ kontroll li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom l-obbligu li japplikaw fil-kuntest tal-mekkaniżmu tar-rikonoxximent reċiproku stabbilit fl-Artikolu 3a(3) tad-Direttiva 89/552 huma determinabbli minn kull Stat Membru fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tiegħu li tittrasponi din id-dispożizzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-awtoritajiet għandhom jiżguraw ir-rispett, mix-xandara li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, tal-kundizzjonijiet ta’ trażmissjoni mill-ġdid ta’ l-avvenimenti magħżula fil-miżuri nazzjonali approvati u ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali mill-Kummissjoni.

26

B’hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li Infront hija direttament ikkonċernata mill-att ikkontestat peress li dan jippermetti l-implementazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent mill-Istati Membri l-oħra tal-miżuri meħuda mir-Renju Unit skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552.

27

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li Infront hija, bl-istess mod, individwalment ikkonċernata minn dan l-att. Din hija kkonċernata minħabba karatteristika li hija partikolari għaliha, jiġifieri li żżomm drittijiet esklużivi tad-drittijiet ta’ trażmissjonijiet mill-ġdid ta’ xandiriet televiżivi ta’ wieħed mill-avvenimenti magħżula. Fil-fatt, għalkemm Infront, fil-kwalità tagħha bħala intermedjarju tad-drittijiet ta’ trażmissjonijiet mill-ġdid ta’ xandiriet televiżivi in kwistjoni, mhijiex espressament milquta mill-miżuri nazzjonali approvati u ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali mill-Kummissjoni, xorta jibqa l-fatt li dawn jostakolaw il-kapaċità tagħha li tiddisponi liberament mid-drittijiet tagħha billi jikkundizzjonaw l-assenjazzjoni tagħhom, b’mod esklużiv, lil xandar stabbilit fi Stat Membru differenti mir-Renju Unit u li jixtieq ixandar dan l-avveniment f’dan l-aħħar Stat.

28

Barra minn hekk, anki jekk il-validità legali tal-kuntratti konklużi mal-FIFA mhijiex milquta mill-att ikkontestat, dak li jgħodd huwa li Infront akkwistat, b’mod esklużiv, id-drittijiet ta’ trażmissjonijiet mill-ġdid ta’ xandiriet televiżivi in kwistjoni qabel id-dħul fis-seħħ ta’ l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 u, a fortiori, qabel l-adozzjoni ta’ l-imsemmi att.

29

Fuq il-mertu, il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat l-att ikkontestat għar-raġuni li, peress li dan jikkostitwixxi deċiżjoni skond l-Artikolu 249 KE, huwa vvizzjat b’inkompetenżi. Fil-fatt, il-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni ma ġiex ikkonsultat u d-Direttur Ġenerali firmatarju ta’ dan l-att ma rċieva l-ebda awtorizzazzjoni speċifika mingħand dan il-kulleġġ.

It-talbiet tal-partijiet

30

Permezz ta’ l-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddeċiedi b’mod definittiv billi tikkonstata li r-rikors imressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kien inammissibbli, u

tikkundanna lil Infront għall-ispejjeż tal-Kummissjoni fl-ewwel istanza u f’dan l-appell.

31

Infront titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, jew

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza għal sentenza konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk ta’ Infront fir-rigward tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza.

Fuq l-appell

32

Skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, kull persuna fiżika jew legali tista’ tippreżenta rikors kontra deċiżjoni li, għalkemm fil-forma ta’ deċiżjoni indirizzata lil xi persuna oħra, tirrigwarda direttament u individwalment lil dik il-persuna.

33

In sostenn ta’ l-appell tagħha, il-Kummissjoni tinvoka żewġ aggravji bbażati fuq il-ksur ta’ dawn l-aħħar żewġ kundizzjonijiet.

Osservazzjonijiet preliminari

34

Qabel ma jiġu eżaminati dawn l-aggravji, għandhom jiġu ppreċiżati l-effetti u l-portata ta’ l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 u ta’ l-att ikkontestat.

35

Skond l-Artikolu 3a(1) ta’ din id-Direttiva, kull Stat Membru jista’ jieħu miżuri skond il-liġi tal-Komunità sabiex jiżgura li x-xandara taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu ma jxandrux fuq bażi esklużiva l-avvenimenti li jqis li huma ta’ importanza kbira għas-soċjetà b’tali mod li jċaħħdu proporzjon sostanzjali tal-pubbliku mill-possibbiltà li jsegwu dawk l-avvenimenti permezz ta’ xandira diretta jew diferita fuq it-televiżjoni ta’ mingħajr ħlas. Għal dan il-għan, l-Istat Membru involut għandu jipprepara lista ta’ tali avvenimenti.

36

L-Artikolu 3a(2) ta’ l-imsemmija Direttiva jimponi fuq il-Kummissjoni li tivverifika li dawn il-miżuri jkunu kumpatibbli mad-dritt Komunitarju u li tippubblikhom fil-Ġurnal Uffiċjali. Il-paragrafu (3) ta’ dan l-Artikolu jimplementa mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku li permezz tiegħu l-Istati Membri l-oħra għandhom jagħmlu ċert li x-xandara li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma jevitawx il-miżuri meħuda skond il-paragrafu (1) ta’ l-istess Artikolu minn Stat Membru ieħor, li jkunu ġew approvati mill-Kummissjoni u ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali.

37

Dan huwa pprovdut ukoll mid-dsatax-il premessa tad-Direttiva 97/36, li minnha jirriżulta li l-Artikolu 3a tad-Direttiva 89/552 għandu l-għan li jimpedixxi li eventwalment jiġu miksura l-miżuri nazzjonali intiżi sabiex jipproteġu interess ġenerali leġittimu.

38

Skond din il-leġiżlazzjoni, il-Kummissjoni infurmat lir-Renju Unit, permezz ta’ l-att ikkontestat, bl-approvazzjoni tagħha tal-miżuri li dan l-Istat Membru kien innotifikalha u bil-pubblikazzjoni sussegwenti tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali. B’hekk, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Prim’Istanza, dan l-att għalaq il-proċedura ta’ verifika li l-Kummissjoni kellha l-obbligu li twettaq skond l-Artikolu 3a(2) tad-Direttiva 89/552. Il-pubblikazzjoni ta’ l-imsemmija miżuri fil-Ġurnal Uffiċjali ippermettiet lill-Istati Membri l-oħra li jsiru jafu bihom u li jikkonformaw ruħhom ma’ l-obbligi tagħhom skond l-Artikolu 3a(3) ta’ l-istess Direttiva.

39

B’hekk, l-att ikkontestat beda l-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku previst mill-Artikolu 3a(3) tad-Direttiva 89/552 u, għaldaqstant, attiva l-obbligu ta’ l-Istati Membri li jassiguraw li x-xandara taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma jevadux il-miżuru meħuda mir-Renju Unit skond il-paragrafu (1) ta’ dan l-Artikolu.

40

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-aggravji invokati mill-Kummissjoni.

Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-kundizzjoni dwar l-interess dirett

L-argumenti tal-partijiet

41

Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, li tippreċiża l-kundizzjoni dwar l-interess dirett imsemmi fir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230(4) KE.

42

Qabel kollox, l-att ikkontestat mgħandu l-ebda effett fuq is-sitwazzjoni legali ta’ Infront. Dan jimponi fuq l-Istati Membri l-oħra minbarra r-Renju Unit l-obbligu li jagħmlu mezz li x-xandara li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma jċaħdux lil proporzjon sostanzjali tal-pubbliku ta’ dan l-Istat Membru mill-possibbiltà li jsegwu xi avvenimenti magħżula fuq stazzjon tat-televiżjoni “ta’ mingħajr ħlas”. B’hekk, għal dan il-għan, obbligi legali huma imposti biss fuq tali xandara.

43

Jekk jitqies li kumpannija li tipprovdi televiżjoni bi ħlas fi Stat Membru differenti mir-Renju Unit tixtieq eventwalment tagħmel offerta sabiex ikollha d-drittijiet esklużivi ta’ trażmissjonijiet mill-ġdid ta’ xandiriet televiżivi in kwistjoni, ir-restrizzjonijiet legali li huma imposti fuqha jistgħu jwassluwha sabiex tirrinunzja. B’konsegwenza, Infront ikollha inqas offerenti potenzjali u probabbilment issib ruħha f’sitwazzjoni kummerċjali inqas vantaġġuża minn dik li kienet ħasbet, u dan mhux minħabba xi bdil fil-pożizzjoni legali tagħha, iżda biss minħabba l-fatt li hija ma tkunx tista’ ssib ix-xerrej li setgħet tistenna. B’hekk, hija tissibuxxi l-konsegwenzi ekonomiċi indiretti ta’ l-att ikkontestat, filwaqt li l-pożizzjoni legali tagħha ma tinbidilx.

44

Sussegwentement, anki dawn il-konsegwenzi ekonomiċi huma għal kollox inċerti, peress li ma jkunx hemm xandar stabbilit fi Stat Membru ieħor differenti mir-Renju Unit li jkun lest li jħallas is-somma kunsiderevoli mitluba minn Infront għad-dritt li jittrażmetti mill-ġdid fir-Renju Unit l-avvenimenti magħżula li għalihom din iżżomm id-drittijiet esklużivi ta’ trażmissjonijiet mill-ġdid ta’ xandiriet televiżivi. Madankollu, l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha titlob lil Infront sabiex tressaq prova dwar il-plawżibbiltà ta’ tali sitwazzjoni ta’ fatt u tal-probabbiltà ta’ dannu ekonomiku li jirriżulta mill-att ikkontestat. Billi naqset milli timponi l-oneru tal-prova xieraq, il-Qorti tal-Prim’Istanza wetqet ukoll żball ta’ liġi.

45

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet iddeċidiet b’mod żbaljat li l-Istati Membri m’għandhom l-ebda marġini ta’ diskrezzjoni fit-twettiq ta’ l-obbligi previsti fl-Artikolu 3a(3) tad-Direttiva 89/552. Ċertament, l-identità ta’ l-avvenimenti meqjusa ta’ importanza kbira għas-soċjetà u l-metodu ta’ trażmissjonijiet mill-ġdid ta’ xandiriet televiżivi tagħhom huma ddeterminati mill-Istat Membru li jinnotifika u, għaldaqstant, mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda skond il-paragrafu (2) ta’ dan l-Artikolu. Madankollu, il-miżura li biha tali avveniment ikun trażmess mill-ġdid, fil-prattika, b’mod konformi ma’ l-interessi ta’ dan l-Istat Membru tiddependi ħafna mil-liġi u mill-istruttura deċiżjonali adottati minn kull Stat Membru skond l-imsemmi Artikolu 3a(3). Din id-dispożizzjoni stess tistabbilixxi li l-inkarigu fdat lill-Istati Membri għandu jiġi mwettaq “b’mezzi xierqa, fi ħdan il-qafas leġislattiv tagħhom”. Madankollu, ir-riżultati milħuqa f’kull Stat Membru jistgħu jkunu differenti ħafna, abbażi tal-metodu segwit f’kull każ partikolari. F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-implementazzjoni ta’ l-att ikkontestat mill-Istati Membri differenti mir-Renju Unit tippreżupponi l-eżerċizzju ta’ livell kunsiderevoli ta’ diskrezzjoni.

46

Skond Infront, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet b’mod korrett li l-att ikkontestat kien jikkonċernaha direttament.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

47

Skond ġurisprudenza kostanti, il-kundizzjoni li persuna fiżika jew legali għandha tkun direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni, hekk kif previst fir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, titlob li l-miżura Komunitarja kkontestata toħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ l-individwu u ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li għandhom jimplementawha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Dreyfus vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43; tad-29 ta’ Ġunju 2004, Front national vs Il-Parlament, C-486/01 P, Ġabra p. I-6289, punt 34, u tat-2 ta’ Mejju 2006, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, C-417/04 P, Ġabra p. I-3881, punt 28).

48

Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkunsidrat jekk l-att ikkontestat jipproduċix direttament xi effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ Infront.

49

Mill-Artikoli 98 u 101 tal-liġi dwar ix-xandir jirriżulta li xandar li jixtieq jitrażmetti mill-ġdid, b’mod esklużiv u dirett, avveniment partikolari, għandu jikseb il-kunsens ta’ l-ITC, meta s-servizz ikun intiż sabiex jiġi mxandar fuq it-territorju kollu tar-Renju Unit jew parti minnu. Skond il-kodiċi tal-Kummissjoni Indipendenti tat-Televiżjoni dwar l-avvenimenti sportivi u oħrajn imniżżla fuq il-lista, kif emendat, il-fatturi li jikkondizzjonaw dan il-kunsens huma, essenzjalment, ikkostitwiti miċ-ċirkustanzi li l-bejgħ tad-drittijiet ta’ xandir televiżiv ikun sar permezz ta’ dikjarazzjoni pubblika u li x-xandara għandhom il-possibbiltà vera li jakkwistaw dawn id-drittijiet b’kundizzjonijiet raġonevoli u ġusti.

50

Kif ġie kkonstatat fil-punti 35 sa 39 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri differenti mir-Renju Unit għandhom l-obbligu, minħabba l-att ikkontestat, li jagħmlu żgur li x-xandara li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ma jevitawx il-miżuri meħuda minn dan l-Istat Membru skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552 u, b’hekk, li dawn ma jxandrux mill-ġdid l-avvenimenti magħżula minkejja r-rekwiżiti ta’ dawn il-miżuri. Isegwi li dawn l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jiżguraw li x-xandara msemmija ma jitrażmettux mill-ġdid, b’mod esklużiv u dirett, dawn l-avvenimenti intiżi għall-pubbliku tar-Renju Unit meta dawn ikunu akkwistaw id-drittijiet ta’ trażmissjoni televiżiva ta’ dawn l-avvenimenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ bejgħ li ma tieħux kunsiderazzjoni tal-kriterji msemmija fil-punt preċedenti.

51

Il-miżuri meħuda mir-Renju Unit u approvati mill-att ikkontestat jimponu fuq dawn ix-xandara ċertu numru ta’ limiti meta jkollhom l-intenzjoni li jjitrażmettu mill-ġdid l-avvenimenti magħżula li għalihom Infront kienet akkwistat id-drittijiet esklużivi.

52

Safejn dawn il-limiti huma marbuta mal-kundizzjonijiet li fihom dawn ix-xandara jakkwistaw mingħand Infront id-drittijiet ta’ trażmissjonijiet mill-ġdid ta’ xandiriet televiżivi ta’ l-avvenimenti magħżula, il-miżuri meħuda mir-Renju Unit u l-att ikkontestat għandhom il-konsegwenza li jżidu restrizzjonijiet ġodda mad-drittijiet miżmuma minn din il-kumpannija li ma kinux jeżistu fil-mument meta din akkwistat l-imsemmija drittijiet ta’ trażmissjonijiet mill-ġdid ta’ xandiriet televiżivi, u li jagħmlu iktar diffiċli l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet. B’hekk, l-att ikkontestat jaffettwa direttament is-sitwazzjoni legali ta’ Infront.

53

Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li r-realtà ta’ tali effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ Infront mhijiex stabbilita, minħabba li ma jeżistux xandara stabbiliti fi Stat Membru differenti mir-Renju Unit li huma interessati li jakkwistaw drittijiet ta’ trażmissjonijiet mill-ġdid ta’ xandiriet televiżivi miżmuma minn Infront fin-nuqqas ta’ l-att ikkontestat u li huma impediti jew dissważi milli jakkwistawhom minħabba l-adozzjoni ta’ dan l-att. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet dawret l-oneru tal-prova f’dan ir-rigward.

54

Għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur Komunitarju daħħal l-Artikolu 3a(3) fid-Direttiva 89/552 preċiżament għar-raġuni li jistgħu jeżistu sitwazzjonijiet li fihom xi xandara li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru jixtru drittijiet esklużivi għat-trażmissjonijiet mill-ġdid ta’ xandiriet televiżivi ta’ avveniment meqjus bħala ta’ importanza kbira għas-soċjetà minn Stat Membru ieħor u jittrażmettuhom mill-ġdid lill-pubbliku ta’ dan l-aħħar Stat Membru skond metodi li jċaħħdu proporzjon sostanzjali tal-pubbliku mill-possibbiltà li jsegwuhom.

55

Il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet osservazzjoni dwar dan fil-punti 148 u 149 tas-sentenza appellata. Minn naħa waħda, din irriferiet għal diversi każijiet ta’ trażmissjoni mill-ġdid transkonfinali ta’ avvenimenti meqjusa bħala ta’ importanza kbira għas-soċjetà li fihom ix-xandara aġixxew b’dan il-mod. Min-naħa l-oħra, din qieset li l-Kummissjoni naqset milli ssostni l-allegazzjonijiet tagħha li l-partikolaritajiet tas-suq tax-xandir televiżiv fir-Renju Unit jeskludu, f’dan il-każ, tali sitwazzjonijiet. B’kunsiderazzjoni ta’ dawn l-elementi, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li d-drittijiet ta’ trażmissjonijiet mill-ġdid ta’ xandiriet televiżivi f’dan l-Istat Membru tal-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA ma kinux neċessarjament ġew akkwistati minn xandara televiżivi stabbiliti f’dan l-Istat Membru.

56

Meta aġixxiet hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma dawritx l-oneru tal-prova tal-partijiet. Din għamlet evalwazzjoni sovrana tal-fatti li kienu intiżi sabiex jistabbilixxu r-realtà tat-trażmissjonijiet mill-ġdid transkonfinali ta’ l-avvenimenti magħżula. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li waħda mill-partijiet tastjeni milli tipprovdi elementi in sostenn ta’ l-allegazzjonijiet tagħha stess (ara s-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, Rossi vs L-UASI, C-214/05 P, Ġabra p. I-7057, punt 23).

57

Minbarra dan, hija ġurisprudenza kostanti li l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ dritt u li konsegwentement il-Qorti tal-Prim’Istanza hija biss kompetenti li tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll li tevalwa l-elementi ta’ prova. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u elementi ta’ prova għalhekk ma jikkostitwixxux, salv għall-każ tad-distorsjoni tagħhom, kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħal tali, għal eżami mill-Qorti fil-kuntest ta’ appell (ara sentenza tad-19 ta’ Settembru 2002, DKV vs UASI, C-104/00 P, Ġabra p. I-7561, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Ma ġiet invokata l-ebda distorsjoni tal-fatti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, din m’għandhiex ġurisdizzjoni li tivverifika jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludietx b’mod korrett li ma ġiex ippruvat li d-drittijiet tat-trażmissjonijiet mill-ġdid ta’ xandiriet televiżivi in kwistjoni kienu neċessarjament inxtraw minn xandara stabbiliti fir-Renju Unit.

59

Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk l-att ikkontestat iħallix setgħa diskrezzjonali lill-awtoritajiet nazzjonali inkarigati bl-implementazzjoni tiegħu, jew jekk dan huwiex ta’ natura purament awtomatika u jekk jirriżultax biss mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra.

60

Ċertament, l-awtoritajiet nazzjonali mhumiex imċaħħda minn kull marġini ta’ manuvrar sabiex jimplementaw l-Artikolu 3a(3) tad-Direttiva 89/552 u l-att ikkontestat. Huma jistgħu jibbażaw fuq mekkaniżmi ta’ kontroll xierqa sabiex jissodisfaw l-obbligi li jirriżultaw minnhom.

61

Madankollu, huma għandhom l-obbligu li jiżguraw li x-xandara kkonċernati ma jevitawx il-miżuri meħuda minn Stat Membru ieħor skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552 u li huma jeżerċitaw id-drittijiet esklużivi tagħhom b’mod li ma jċaħħdux lill-pubbliku rilevanti mill-possibbiltà li jsegwi l-avvenimenti meqjusa bħala ta’ importanza kbira għas-soċjetà, skond id-dispożizzjonijiet meħuda minn l-Istat Membru ieħor.

62

Għaldaqstant, kif ikkonstatat b’mod korrett il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 146 tas-sentenza appellata, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiżguraw ir-rispett, min-naħa tax-xandara televiżivi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, tal-kundizzjonijiet ta’ trażmissjonijiet mill-ġdid ta’ xandiriet televiżivi ta’ dawn l-avvenimenti kif stabbiliti minn Stat Membru ieħor fil-miżuri tiegħu approvati u ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali mill-Kummissjoni. Huma dawn l-aħħar miżuri, u b’hekk, f’dan il-każ, l-att ikkontestat, li jiddeterminaw ir-riżultat li għandu jinkiseb. B’hekk, f’dak li jikkonċerna dan ir-riżultat, l-awtoritajiet nazzjonali ma jgawdu minn ebda marġni ta’ diskrezzjoni.

63

Madankollu, il-ħsara magħmula għas-sitwazzjonijiet legali tax-xandara u ta’ Infront huma dovuti għall-ħtieġa li jintlaħaq dan ir-riżultat.

64

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-kundizzjoni relattiva għall-interess individwali

L-argumenti tal-partijiet

65

Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet b’mod żbaljat li Infront kienet individwalment ikkonċernata mill-att ikkontestat skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

66

Il-Kummissjoni ssostni li l-approċċ tal-Qorti tal-Prim’Istanza jwassal biex id-detenturi kollha ta’ drittijiet ta’ trażmissjonijiet mill-ġdid ta’ xandiriet televiżivi li huwa milqut mill-miżuri meħuda mir-Renju Unit skond l-Artikolu 3a(1) tad-Direttiva 89/552 jiġi kkunsidrat bħala individwalment ikkonċernat minn dawn il-miżuri, għalkemm dawn huma numerużi. Bħad-detenturi kollha ta’ tali drittijiet, Infront hija biss ikkonċernata mill-att ikkontestat fil-kapaċità oġġettiva tagħha bħala intermedjarju ta’ drittijiet ta’ trażmissjonijiet mill-ġdid ta’ xandiriet televiżivi ta’ avvenimenti sportivi peress li xtrat l-imsemmija drittijiet għal wieħed mill-avvenimenti magħżula.

67

Barra minn hekk, id-detenturi ta’ drittijiet ta’ trażmissjonijiet mill-ġdid ta’ xandiriet televiżivi bħal Infront jissubixxu biss il-konsegwenzi ekonomiċi tal-miżuri nazzjonali approvati mill-att ikkontestat. Madankollu, impriża ma tistax tkun individwalment ikkonċernata minn dispożizzjoni leġiżlattiva biss minħabba li din taffettwa attività ekonomika tagħha, iktar u iktar meta tali konsegwenzi jiffurmaw parti minn riskju kummerċjali normali.

68

B’hekk, l-att ikkontestat ma jolqotx lil Infront minħabba xi kwalitajiet partikolari għaliha jew xi sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzaha fil-konfront ta’ kull persuna oħra.

69

Infront tikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza semmiet b’mod tajjeb l-elementi li jagħmluha differenti fil-konfront ta’ kull persuna oħra, jiġifieri li hija żżomm drittijiet esklużivi ta’ trażmissjonijiet mill-ġdid ta’ xandiriet televiżivi għal avveniment li jinsab fil-lista ta’ l-avvenimenti magħżula, li dawn id-drittijiet ġew akkwistati qabel ma saret din il-lista u qabel l-approvazzjoni tagħha mill-Kummissjoni, u li din tikkawża dannu serju għall-isfruttamnet minn Infront ta’ l-imsemmija drittijiet peress li din ma tistax tagħtihom taħt liċenzja fuq bażi esklużiva.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

70

Skond ġurisprudenza kostanti, persuni li mhumiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li huma kkonċernati individwalment ħlief fil-każ li din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzhom fil-konfront ta’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzhom b’mod analogu għal dak li jinsab fih id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223, u tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, C-78/03 P, Ġabra p. I-10737, punt 33).

71

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li meta d-deċiżjoni taffettwa grupp ta’ persuni li kienu identifikati jew identifikabbli fil-mument meta ġie adottat dan l-att u minħabba kriterji li huma speċifiċi għall-membri tal-grupp, dawn il-persuni jistgħu jkunu individwalment ikkonċernati minn dan l-att safejn jagħmlu parti minn ċirku ristrett ta’ operaturi ekonomiċi (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 1985, Piraiki-Patraiki et vs Il-Kummissjoni, 11/82, Ġabra p. 207, punt 31, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġu u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C-182/03 u C-217/03, Ġabra p. I-5479, punt 60).

72

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 99 u 100 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan jista’ jkun il-każ b’mod partikolari meta d-deċiżjoni tbiddel id-drittijiet miksuba mill-individwu qabel l-adozzjoni tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza ta’ l-1 ta’ Lulju 1965, Toepfer u Getreide-Import Gesellschaft vs Il-Kummissjoni, 106/63 u 107/63, Ġabra p. 525, 533).

73

Infront kienet iżżomm drittijiet esklużivi ta’ trażmissjonijiet mill-ġdid ta’ xandiriet televiżivi għas-snin 2002 u 2006, tal-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA, li hija waħda mill-avvenimenti mniżżla fil-lista ta’ l-avvenimenti magħżula, innotifikata lill-Kummissjoni u approvata mill-att ikkontestat.

74

Barra minn hekk, huwa paċifiku li Infront akkwistat dawn id-drittijiet esklużivi qabel l-adozzjoni ta’ l-att ikkontestat u li f’dak il-mument kienu jeżistu biss sitt kumpanniji li kienu għamlu investimenti sostanzjali fl-akkwist tad-drittijiet ta’ trażmissjonijiet mill-ġdid ta’ xandiriet televiżivi ta’ l-avvenimenti mniżżla f’din il-lista.

75

Isegwi li Infront kienet perfettament identifikabbli fil-mument meta ttieħed l-att ikkontestat.

76

Fl-aħħar nett, mill-punti 51 sa 52 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-att ikkontestat kellu effett fuq il-membri tal-grupp iffurmat mis-sitt kumpanniji msemmija iktar ’il fuq, li tifforma parti minnu Infront, minħabba karatteristika partikolari tagħhom, jiġifieri bħala detenturi ta’ drittijiet esklużivi ta’ trażmissjonijiet mill-ġdid ta’ xandiriet televiżivi ta’ l-avvenimenti magħżula.

77

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet ġustament li Infront kienet individwalment ikkonċernata mill-att ikkontestat.

78

B’konsegwenza, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat, u għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

79

Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ l-appell skond l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub minn Infront.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.