Kawża C-212/05

Gertraud Hartmann

vs

Freistaat Bayern

(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Bundessozialgericht)

“Ħaddiem fuq il-fruntiera — Regolament (KEE) Nru 1612/68 — Trasferiment ta’ residenza fi Stat Membru ieħor — Konjuġi mingħajr impjieg — Allowance għall-edukazzjoni — Għoti rrifjutat lill-konjuġi — Vantaġġ soċjali — Kundizzjoni ta’ residenza”

Sommarju tas-sentenza

1.        Moviment liberu tal-persuni – Ħaddiema – Regolament Nru 1612/68 – Kunċett ta’ “ħaddiem migrant”

(Regolament tal-Kunsill Nru 1612/68)

2.        Moviment liberu tal-persuni – Ħaddiema – Trattament ugwali – Vantaġġi soċjali

(Regolament tal-Kunsill Nru 1612/68, Artikolu 7(2))

1.        Ċittadin ta’ Stat Membru li, filwaqt li jkun żamm l-impjieg tiegħu f’dan l-Istat, ikun ittrasferixxa r-residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor u jkun eżerċita, minn dak iż-żmien, l-attività professjonali tiegħu bħala ħaddiem fuq il-fruntiera, jista’ jinvoka l-istatus ta’ ħaddiem migrant fis-sens tar-Regolament Nru 1612/68, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità.

(ara l-punt 20 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità, jipprekludi li wieħed mill-konjuġi ta’ ħaddiem immigrant li jeżerċita attività professjonali fi Stat Membru, li jkun mingħajr impjieg u li jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, jiġi eskluż mill-benefiċċju ta’ allowance għall-edukazzjoni, minħabba l-fatt li huwa la għandu r-residenza u lanqas ir-residenza abitwali tiegħu fl-ewwel Stat, għaliex l-għoti ta’ tali allowance lill-konjuġi tal-ħaddiem, peress li jibbenefika lill-familja kollha, irrispettivament mill-ġenitur li jitolbu, jista’ jnaqqas l-obbligu li dan ta’ l-aħħar ikollu jikkontribwixxi għall-ispejjeż tal-familja u jikkostitwixxi “vantaġġ soċjali” għalih skond l-imsemmi dispożizzjoni.

Tali kundizzjoni ta’ residenza għandha titqies li hija indirettament diskriminatorja meta din tista’, min-natura tagħha stess, taffettwa iktar lill-ħaddiema migranti jew il-konjuġi tagħhom, li x’aktarx ikunu jirrisjedu, fil-parti l-kbira tagħhom, fi Stat Membru ieħor, milli lill-ħaddiema nazzjonali u li, konsegwentement, tirriskja li, b’mod partikolari, tkun iktar ta’ żvantaġġ għal dawn ta’ l-ewwel.

Fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tfittex għanijiet ta’ politika tal-familja, li tagħti allowance għall-edukazzjoni lil persuni li jkunu stabbilixxew relazzjoni effettiva mas-soċjetà nazzjonali u li skond din kontribuzzjoni sinjifikattiva għas-suq tax-xogħol nazzjonali tikkostitwixxi wkoll element validu ta’ integrazzjoni fis-soċjetà, l-għoti ta’ l-allowance in kwistjoni ma jistax jiġi rrifjutat lil koppja li ma tirrisjedix fit-territorju nazzjonali, iżda li wieħed mill-membri tagħha jeżerċita f’dan l-Istat attività professjonali full-time.

(ara l-punti 26, 30-33, 36-38 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

18 ta’ Lulju 2007 (*)

“Ħaddiem fuq il-fruntiera – Regolament (KEE) Nru 1612/68 – Trasferiment ta’ residenza fi Stat Membru ieħor – Konjuġi mingħajr impjieg – Allowance għall-edukazzjoni – Għoti rrifjutat lill-konjuġi – Vantaġġ soċjali – Kundizzjoni ta’ residenza”

Fil-kawża C-212/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundessozialgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-10 ta’ Frar 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Mejju 2005, fil-proċedura

Gertraud Hartmann

vs

Freistaat Bayern,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, P. Kūris, Presidenti ta’ Awla, R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann (Relatur), J. Makarczyk, G. Arestis, A. Borg Barthet, M. Ilešič, u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Ġunju 2006,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–        għal G. Hartmann, minn M. Eppelein, Assessor,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, bħala aġent,

–        għall-Gvern Spanjol, minn F. Díez Moreno, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. de Mol, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, inizjalment minn C. Jackson, bħala aġent, assistita minn E. Sharpston, QC, wara minn C. Gibbs, bħala aġent, assistita minn T. Ward, barrister,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Kreuschitz u D. Martin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Settembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 tal-Kunsill, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2).

2        Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn G. Hartmann u Freistaat Bayern fir-rigward tar-rifjut, minn dan ta’ l-aħħar, li jħallasha l-allowance għall-edukazzjoni għat-tfal tagħha.

 Kuntest Ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        L-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 1612/68 jipprovdi kif ġej:

“1.      Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema ċittadini ta’ dak l-Istat Membru minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni ta’ l-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ rimunerazzjoni, tkeċċija u jekk hu jisfa' mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.

2.       Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta’ taxxa bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru”.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

4        Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-Artikolu 1(1) tal-liġi fuq l-għoti ta’ l-allowance u tal-leave għall-edukazzjoni (Bundeserziehungsgeldgesetz, iktar ’il quddiem il-“BErzGG”), kien jipprevedi, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, kien jistupula li, kull persuna li għandha r-residenza jew il-post ta’ residenza abitwali tagħha fil-Ġermanja, li għandha fil-familja tagħha wild dipendenti minnha, li tiggarantixxi ż-żamma u l-edukazzjoni ta’ dan il-wild u li ma teżerċitax attività professjonali jew li ma teżerċitax din l-attività full time għandha dritt għal allowance għall-edukazzjoni.

5        Barra minn dan, skond l-Artikolu 1(4) tal-BErzGG, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea u l-ħaddiema fuq il-fruntiera li ġejjin minn pajjiżi li għandhom fruntiera komuni mal-Ġermanja għandhom dritt għall-allowance għall-edukazzjoni sakemm jeżerċitaw, f’dan l-Istat Membru, attività professjonali li taqbeż il-livell ta’ impjieg minuri.

6        Skond l-Artikolu 1(7) tal-BErzGG, fil-verżjoni tiegħu emendata tat-12 ta’ Ottubru 2000, wieħed mill-konjuġi, li jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, ta’ persuna li taħdem fis-servizz jew fis-servizz pubbliku Ġermaniż, jista’ jibbenefika mill-allowance għall-edukazzjoni. Din id-dispożizzjoni ma tapplikax madankollu fil-każ ta’ wlied imwielda qabel l-1 ta’ Jannar 2001, skond l-Artikolu 24(1) tal-BerzGG fil-verżjoni tagħha emendata tat-12 ta’ Ottubru 2000.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7        G. Hartmann hija ċittadina Awstrijaka miżżewġa, mill-1990, ma’ ċittadin Ġermaniż, li qabel kien jirrisjedi fil-Ġermanja. B’effett mill-1990, il-koppja għexet fl-Awstrija mat-tlett itfal tagħha, imwielda rispettivament fix-xhur ta’ Marzu 1991, Mejju 1993 u Settembru 1997. Ir-raġel tar-rikorrenti huwa impjegat bħala uffiċjal fil-Ġermanja (ma’ Deutsche Bundespost, mill-1986, u ma’ Deutsche Telekom AG, mill-1995).

8        B’deċiżjonijiet tal-25 ta’ Settembru 1991, fil-verżjoni tad-deċiżjoni mogħtija taħt oġġezzjoni fis-7 ta’ Jannar 1992, u ta’ l-20 ta’ Settembru 1993, fil-verżjoni tad-deċiżjoni mogħtija taħt oġġezzjoni fis-26 ta’ Jannar 1994, il-Freistaat Bayern irrifjuta li jagħti lil G. Hartmann l-allowance għall-edukazzjoni previst mill-BErzGG fil-verżjoni tagħha applikabbli fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali għall-ewwel żewġ itfal tagħha.

9        B’deċiżjonijiet ta’ l-10 u tat-23 ta’ Ġunju 1998, fil-verżjoni tad-deċiżjoni mogħtija taħt oġġezzjoni fis-7 ta’ Settembru 1998, it-talbiet għal reviżjoni mressqa mir-rikorrenti ġew miċħuda, l-istess bħat-talba tagħha għal allowance għall-edukazzjoni għall-ewwel sena ta’ ħajja tat-tifel iż-żgħir tagħha. Ir-rifjut għall-għoti ta’ dan l-allowance għall-edukazzjoni huwa motivat mill-fatt li G. Hartmann ma tirrisjedix fil-Ġermanja u ma teżerċita l-ebda attività professjonali f’dan l-Istat Membru.

10      Peress li s-Sozialgericht München, b’deċiżjoni ta’ l-14 ta’ Frar 2004, ċaħad ir-rikors magħmul minn G. Hartmann, hija appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Bayerische Landessozialgericht, li wkoll ċaħad it-talba tagħha permezz tas-sentenza ta’ l-1 ta’ Lulju 2003. Din il-qorti qiset li, skond id-dritt Ġermaniż,
G. Hartmann ma setgħetx tibbenefika mill-allowance għall-edukazzjoni billi ma kinitx tirrisjedi fil-Ġermanja. L-allowance in kwistjoni lanqas ma jista’ jingħatalha abbażi tad-dritt Komunitarju.

11      Skond l-imsemmija qorti, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ l-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni mhux impjegati u għall-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2001/83, tat-2 ta’ Ġunju 1983 (ĠU L 230, p. 6), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1249/92, tat-30 ta’ April 1992 (ĠU L 136, p. 28, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), mhuwiex applikabbli f’dan il-każ billi la G. Hartmann u lanqas ir-raġel tagħha ma jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Fil-fatt, G. Hartmann mhijiex impjegata u r-raġel tagħha, bħala uffiċjal, mhuwiex meqjus li huwa “ħaddiem” fis-sens tal-punt I, Ċ (“Il-Ġermanja”) ta’ l-Anness I, tar-Regolament Nru 1408/71.

12      Il-Bayerische Landessozialgericht saħaq li d-dritt għall-allowance għall-edukazzjoni lanqas ma jista’ jkun ibbażat fuq l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 billi r-Regolament Nru 1408/71 jipprevali fuq dan l-aħħar Regolament.

13      Ir-rikorrenti għalhekk adiet lill-Bundessozialgericht b’talba għal “Reviżjoni”.

14      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundessozialgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ż-żewġ domandi preliminari segwenti:

“1)      Jista’ ċittadin Ġermaniz li, filwaqt li kompla r-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu bħala uffiċjal tal-posta fil-Ġermanja, ikun ittrasferixxa r-residenza permanenti tiegħu mill-Ġermanja għall-Awstrija fl-1990 u li minn dakinhar kompla bil-kariga tiegħu bħala ħaddiem fuq il-fruntiera, jitqies li huwa ħaddiem migrant skond it-tifsira tar-Regolament Nru 1612/68 […] għall-perijodi bejn ix-xhur ta’ Jannar 1994 u Settembru 1998?

2)       Jekk dan huwa l-każ:

Jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta fis-sens tat-tifsira ta’ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 jekk il-konjuġi tal-persuna msemmija fl-ewwel domanda li ma tkunx taħdem, residenti fl-Awstrija u li hija ċittadina Awstrijaka, tiġi eskluża milli tirċievi l-allowance fil-Ġermanja għat-tfal fil-perijodu in kwistjoni minħabba li la kellha r-residenza permanenti tagħha u lanqas ir-residenza abitwali tagħha fil-Ġermanja?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

15      Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ċittadin ta’ Stat Membru li, filwaqt li jżomm l-impjieg tiegħu f’dan l-Istat, ikun ittrasferixxa r-residenza tiegħu lejn Stat Membru ieħor fejn ikun eżerċita, minn dak iż-żmien, il-professjoni tiegħu bħala ħaddiem fuq il-fruntiera, jistax jinvoka l-istatus ta’ ħaddiem migrant skond ir-Regolament Nru 1612/68.

16      Il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew fl-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub, kif ukoll il-Gvern Olandiż matul is-seduta, sostnew li biss iċ-ċaqliq ta’ persuna fi Stat Membru ieħor bl-għan li teżerċita attività professjonali għandu jitqies li huwa l-eżerċizzju tad-dritt għal moviment liberu tal-ħaddiema. Għaldaqstant, persuna bħas-Sur Hartmann, li qatt ma kienet ħalliet l-impjieg tagħha fl-Istat Membru li fih hija ċittadin u li kienet sempliċiment ittrasferixxiet ir-residenza tagħha fl-Istat Membru tal-mara tiegħu, ma tistax tibbenefika mid-dispożizzjonijiet Komunitarji fir-rigward ta’ moviment liberu tal-ħaddiema.

17      Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li dan ir-raġunament għandu jiġi eżaminat fid-dawl tas-sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, Ritter-Coulais (C-152/03, Ġabra p. I-1711). F’din il-kawża, meta eżaminat is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-prinċipju tal-moviment liberu tal-ħaddiema stipulat fl-Artikolu 48 tat-Trattat KE (li sar, wara li ġie emendat, l-Artikolu 39 KE), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fil-punti 31 u 32 ta’ l-imsemmija sentenza, li kull ċittadin ta’ Stat Membru, indipendentement mir-residenza u min-nazzjonalità tiegħu, li għamel użu mid-dritt tal-moviment liberu tal-ħaddiema u li eżerċita attività professjonali fi Stat Membru ieħor differenti minn dak ta’ residenza, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Konsegwentement, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li kienu jaħdmu fi Stat Membru differenti minn dak fejn tinsab ir-residenza reali tagħhom, kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 48 tat-Trattat.

18      F’dan il-każ, is-sitwazzjoni li wasslet għall-kawża prinċipali hija dik ta’ persuna li tirrisjedi, wara t-trasferiment tar-residenza tagħha, fi Stat Membru u li teżerċita attività professjonali fi Stat Membru ieħor. Fil-fatt, l-installazzjoni tas-Sur Hartmann fl-Awstrija għal finijiet mhux professjonali ma tiġġustifikax li huwa jiġi mċaħħad mill-istatus ta’ ħaddiem migrant li huwa kiseb meta, wara t-trasferiment tar-residenza tiegħu fl-Awstrija, huwa eżerċita pjenament id-dritt tiegħu għall-moviment liberu tal-ħaddiema billi ttrasferixxa ruħu fil-Ġermanja sabiex jeżerċita hemmhekk attività professjonali.

19      Minn dan isegwi li għall-perijodu ta’ bejn Jannar 1994 sa’ Settembru 1998, is-sitwazzjoni ta’ ħaddiem fuq il-fruntiera bħas-Sur Hartmann taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u, għaldaqstant, tar-Regolament Nru 1612/68.

20      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li saru iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li ċittadin ta’ Stat Membru li, filwaqt li żamm l-impjieg tiegħu f’dan l-Istat, ikun ittrasferixxa r-residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor u jkun eżerċita, minn dak iż-żmien, l-attività professjonali tiegħu bħala ħaddiem fuq il-fruntiera, jista’ jinvoka l-istatus ta’ ħaddiem migrant fis-sens tar-Regolament Nru 1612/68.

 Fuq it-tieni domanda

21      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 jipprekludix li l-mara ta’ ħaddiem migrant, bla impjieg, li tirrisjedi fl-Awstrija u li għandha ċ-ċittadinanza ta’ dan l-Istat Membru, tiġi eskluża mill-benefiċċju tas-allowance għall-edukazzjoni Ġermaniża, minħabba li hija ma kellhiex fil-Ġermanja la domiċilju u lanqas residenza abitwali.

22      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-allowance għall-edukazzjoni Ġermaniża jikkostitwixxi benefiċċju soċjali skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 (ara s-sentenza tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala, C-85/96, Ġabra p. I‑2691, punt 26).

23      Il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern tar-Renju Unit osservaw li huwa inġust li ħaddiem fuq il-fruntiera, li għandu r-residenza tiegħu u l-post ta’ xogħol tiegħu fi Stati Membri differenti, jitħalla jgawdi mill-istess benefiċċji soċjali fiż-żewġt Istati Membri u jikkumbinahom. Biex jiġi kkumpensat dan ir-riskju u fid-dawl tal-fatt li r-Regolament Nru 1612/68 ma fihx regoli ta’ koordinazzjoni intiżi li jevitaw l-akkumulu ta’ benefiċċji, il-possibbiltà li “jiġi esportat” l-allowance għall-edukazzjoni fl-Istat Membru ta’ residenza tal-ħaddiem fuq il-fruntiera tista’ tiġi eskluża.

24      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-istatus ta’ ħaddiem fuq il-fruntiera tas-Sur Hartmann bl-ebda mod ma tipprekludih milli jkun jista’ jippretendi t-trattament ugwali previst fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 fir-rigward ta’ l-għoti ta’ benefiċċji soċjali. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-ħaddiema fuq il-fruntiera jistgħu jivokaw id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68, bħal kull ħaddiem ieħor previst minn din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, ir-raba’ premessa ta’ dan ir-Regolament tipprovdi, espressament, li d-dritt ta’ moviment liberu għandu jitgawda “mingħajr diskriminazzjoni minn ħaddiema permanenti, staġjonali u fuq il-fruntiera u minn dawk li jwettqu l-attivitajiet tagħhom għall-iskop li jipprovdu servizzi”, u l-Artikolu 7 tiegħu jirreferi, mingħajr riżerva, għall-“[ħ]addiem ċittadin ta’ xi Stat Membru” (sentenza tas-27 ta’ Novembru 1997, Meints, C-57/96, Ġabra p. I-6689, punt 50).

25      Għandu jiġi mfakkar li, fil-kawża prinċipali, l-allowance għall-edukazzjoni huwa mitlub minn G. Hartmann li, fil-kwalità ta’ mara ta’ ħaddiem li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1612/68, hija biss benefiċjarja indiretta tat-trattament ugwali mogħti lill-ħaddiem migrant permezz ta’ l-Artikolu 7(2) ta’ dan ir-Regolament. Konsegwentement, il-benefiċċju ta’ l-allowance għall-edukazzjoni Ġermaniż jista’ jiġi estiż għar-rikorrenti biss jekk dan l-allowance jikkostitwixxi, għar-raġel tagħha, vantaġġ soċjali skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 1992, Bernini, C-3/90, Ġabra p. I‑1071, punt 26).

26      Dan huwa l-każ f’din il-kawża. Benefiċċju bħall-allowance għall-edukazzjoni Ġermaniż, li jippermetti lil wieħed mill-ġenituri jiddedika ruħu għall-edukazzjoni ta’ tifel minuri, billi jikkumpensa l-ispejjeż tal-familja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-10 ta’ Ottubru 1996, Hoever u Zachow, C-245/94 u C‑312/94, Ġabra p. I-4895, punti 23 sa 25), huwa ta’ benefiċċju għall-familja kollha, irrispettivament mill-ġenitur li jitlob dan l-allowance. Fil-fatt, l-għoti ta’ tali allowance lill-wieħed mill-konjuġi tal-ħaddiem jista’ jnaqqas l-obbligu li dan ta’ l-aħħar għandu li jikkontribwixxi għall-ispejjeż tal-familja u, għaldaqstant, fir-rigward tiegħu, jikkostitwixxi “vantaġġ soċjali” skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 (ara, b’analoġija, is-sentenza Bernini, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

27      L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 jipprovdi li l-ħaddiem migrant jibbenefika, fl-Istat Membru ospitanti, mill-istess vantaġġi soċjali u fiskali bħal ħaddiema nazzjonali. Billi l-allowance għall-edukazzjoni huwa “vantaġġ soċjali” skond din id-dispożizzjoni, ħaddiem migrant f’sitwazzjoni bħal dik tas-Sur Hartmann, u konsegwentement il-mara tiegħu, għal raġunijiet esposti fil-punti 25 u 26 ta’ din is-sentenza, għandu jkun f’pożizzjoni li jibbenefika minn dan l-allowance bl-istess mod bħal ħaddiem nazzjonali.

28      Mill-inkartament ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża tissuġġetta, prinċipalment, l-għoti ta’ l-allowance għall-edukazzjoni għall-kundizzjoni li l-benefiċjarji tiegħu jkollhom ir-residenza tagħhom fit-territorju nazzjonali. Billi tali leġiżlazzjoni tista’ twassal għal diskriminazzjoni indiretta ta’ ħaddiema li ma jirrisjedux fil-Ġermanja, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din il-leġiżlazzjoni tistax tiġi ġġustifikata u jekk hija tissodisfax il-kriterju ta’ proporzjonalità.

29      Għandu jiġi mfakkar li r-regola tat-trattament ugwali stipulata kemm fl-Artikolu 39 KE u kif ukoll fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68 tipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjonijiet ċari, ibbażati fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, permezz ta’ l-użu ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, effettivament iwasslu għall-istess riżultat (sentenza Meints, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

30      Sakemm ma tkunx oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata ma’ l-għan imfittex, dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali għandha titqies li hija indirettament diskriminatorja meta din tista’, min-natura tagħha stess, taffettwa iktar lill-ħaddiem migrant milli lill-ħaddiema nazzjonali u li, konsegwentement, tirriskja li, b’mod partikolari, tkun iktar ta’ żvantaġġ għal dawn ta’ l-ewwel (sentenza Meints, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

31      Dan huwa l-każ ta’ kundizzjoni ta’ residenza bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, hija naturalment aktar faċli li tiġi rrispettata għall-ħaddiema Ġermaniżi jew il-konjuġi tagħhom, li normalment jirrisjedu fil-Ġermanja, milli għall-ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stati Membri oħra jew il-konjuġi tagħhom, li x’aktarx jirrisjedu, fil-parti l-kbira tagħhom, fi Stat Membru ieħor (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 1999, Meeusen, C-337/97, Ġabra. p. I-3289, punti 23 u 24).

32      Skond l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju, l-allowance għall-edukazzjoni Ġermaniż jikkostitwixxi strument ta’ politika tal-familja nazzjonali li huwa intiż li jippromwovi r-rata tat-twelid fil-pajjiż. L-għan prinċipali ta’ dan l-allowance huwa li jippermetti għall-ġenituri jieħdu ħsieb huma stess it-tfal tagħhom, billi jirrinunzjaw għal jew inaqqsu l-attività professjonali tagħhom sabiex jiddedikaw ruħhom għall-edukazzjoni tat-tfal tagħhom matul l-ewwel fażi ta’ l-eżistenza tagħhom.

33      Il-Gvern Ġermaniż isostni wkoll, sostanzjalment, li l-allowance għall-edukazzjoni jingħata sbiex ikun ta’ benefiċċju għall-persuni li, bl-għażla tar-residenza tagħhom, ikunu stabbilixxew relazzjoni effettiva mas-soċjetà Ġermaniża. F’dan il-kuntest, il-kundizzjoni ta’ residenza, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, hija ġġustifikata.

34      Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża jistgħux jiġġustifikaw leġiżlazzjoni nazzjonali bbażata esklużivament fuq il-kriterju tar-residenza, għandu jiġi kkonstatat li, skond l-ispjegazzjonijiet mogħtija mil-qorti tar-rinviju, il-leġiżlatur Ġermaniż ma llimitax ruħu għal applikazzjoni stretta tal-kundizzjoni ta’ residenza għall-għoti ta’ l-allowance għall-edukazzjoni, iżda inkluda eċċezzjonijiet li jippermettu li l-ħaddiema fuq il-fruntiera jibbenefikaw minnu wkoll.

35      Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, abbażi ta’ l-Artikolu 1(4) tal-BErzGG, fil-verżjoni tagħha applikabbli fiż-żmien tal-fatti prinċipali, il-ħaddiema fuq il-fruntiera li jeżerċitaw attività professjonali fil-Ġermanja iżda li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor jistgħu jippretendu l-allowance għall-edukazzjoni Ġermaniż jekk l-attività professjonali tagħhom taqbeż il-livell ta’ impjieg minuri.

36      Konsegwentement, jidher li, skond il-leġiżlazzjoni Ġermaniża fis-seħħ fiż-żmien meta ġraw il-fatti fil-kawża prinċipali, ir-residenza ma kinitx ikkunsidrata bħala l-unika rabta ma’ l-Istat Membru kkonċernat u li kontribuzzjoni sinjifikattiva għas-suq tax-xogħol nazzjonali kienet tikkostitwixxi wkoll element validu ta’ integrazzjoni fis-soċjetà ta’ dan l-Istat Membru.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għoti ta’ l-allowance għall-edukazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jiġi rrifjutat lil koppja, bħall-konjuġi Hartmann, li ma tirrisjedix fil-Ġermanja, iżda li wieħed mill-membri tagħha jeżerċita f’dan l-Istat attività professjonali full time.

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmulin iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li, f’ċirkustanzi bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 jipprekludi li wieħed mill-konjuġi ta’ ħaddiem migrant li jeżerċita attività professjonali fi Stat Membru, li jkun mingħajr impjieg u li jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, jiġi eskluż mill-benefiċċju ta’ vantaġġ soċjali li għandu l-karatteristiċi ta’ l-allowance għall-edukazzjoni Ġermaniża minħabba l-fatt li huwa la għandu d-domiċilju u lanqas ir-residenza abitwali tiegħu fl-ewwel Stat.

 Fuq l-ispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ċittadin ta’ Stat Membru li, filwaqt li żamm l-impjieg tiegħu f’dan l-Istat, ikun ittrasferixxa r-residenza tiegħu fi Stat Membru ieħor u jkun eżerċita, minn dak iż-żmien, l-attività professjonali tiegħu bħala ħaddiem fuq il-fruntiera, jista’ jinvoka l-istatus ta’ ħaddiem migrant fis-sens tar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 tal-Kunsill, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità.

2)      F’ċirkustanzi bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1612/68 jipprekludi li wieħed mill-konjuġi ta’ ħaddiem migrant li jeżerċita attività professjonali fi Stat Membru, li jkun mingħajr impjieg u li jirrisjedi fi Stat Membru ieħor, jiġi eskluż mill-benefiċċju ta’ vantaġġ soċjali li għandu l-karatteristiċi ta’ l-allowance għall-edukazzjoni Ġermaniż minħabba l-fatt li huwa la għandu d-domiċilju u lanqas ir-residenza abitwali tiegħu fl-ewwel Stat.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.