SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

19 ta' April 2007 (*)

"Appell – Trade mark Komunitarja – Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Applikazzjoni għal trade mark verbali CELLTECH – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Nuqqas ta' karattru distintiv – Karattru deskrittiv"

Fil-kawża C-273/05 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fit-30 ta' Ġunju 2005,

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

rikorrent,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija

Celltech R&D Ltd, stabbilita fi Slough (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn D. Alexander u G. Hobbs, QC, inkarigati minn N. Jenkins, solicitor,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Lenaerts, E. Juhász, K. Schiemann u M. Ilešič (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta' Mejju 2006,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-14 ta' Diċembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Bl-appell tiegħu, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej ta' l-14 ta' April 2005, Celltech vs L-UASI (CELLTECH) (T-260/03, Ġabra p. II-1215, iktar 'il quddiem is-"sentenza kkontestata"), li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim'Istanza laqgħet ir-rikors ta' Celltech R&D Ltd (iktar 'il quddiem "Celltech") u annullat id-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tad-19 ta' Mejju 1993 (Każ R 659/2002-2) li rrifjutat ir-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali CELLTECH (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

 Il-kuntest ġuridiku

2       L-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, 1994, p. 1), jipprovdi:

"Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

[…]

b)      trade marks li mhumiex ta' karattru distintiv;

ċ)      trade marks li jikkonsistu esklużivament f'sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta' produzzjoni tal-prodotti jew ta' meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi".

3       Skond l-Artikolu 73 ta' l-istess Regolament:

"Id-deċiżjonijiet ta' l-[UASI] għandhom jistqarru r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati. Dawn għandhom ikunu bbażati biss fuq raġunijiet jew fuq xhieda fir-rigward ta' liema il-partijiet konċernati kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom."

4       Skond l-Artikolu 74(1) ta' l-imsemmi Regolament, "[f]i proċedimenti quddiemu [l-UASI] għandu jeżamina l-fatti fuq inizjattiva tiegħu stess".

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

5       Fit-30 ta' Ġunju 2000, Celltech ippreżentat lill-UASI, bis-saħħa tar-Regolament Nru 40/94, applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja tat-trade mark verbali CELLTECH.

6       Il-prodotti u s-servizzi li għalihom ġiet mitluba r-reġistrazzjoni huma l-"preparazzjonijiet, kompożizzjonijiet u sustanzi farmaċewtiċi, veterinarji u sanitarji", l-"apparat u strumenti kirurġiċi, mediċi, dentali u veterinarji", u s-"servizzi ta' riċerka u ta' żvilupp, servizzi ta' konsulenza, kollha relatati max-xjenzi bijoloġiċi, mediċi u kimiċi", li jaqgħu rispettivament taħt il-klassijiet 5, 10 u 42 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat.

7       Permezz ta' deċiżjoni ta' l-4 ta' Ġunju 2002, l-eżaminatur ta' l-UASI rrifjuta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni abbażi ta' l-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94. Huwa kkunsidra li t-trade mark in kwistjoni kienet magħmula mill-għaqda, grammatikament korretta, taż-żewġ kelmiet "cell" (ċellula) u "tech" [taqsira ta' "technical" (teknika) jew ta' "technology" (teknoloġija)] u li, għaldaqstant, hija ma setgħetx isservi bħala indikatur ta' oriġini għall-prodotti u għas-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni, minħabba l-fatt li dawn ta' l-aħħar kienu jaqgħu kollha taħt il-qasam tat-teknoloġija ċellulari.

8       Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, it-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI ċaħad l-appell ta' Celltech kontra d-deċiżjoni ta' l-eżaminatur. Essenzjalment, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li, billi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni setgħet tiġi pperċepita, immedjatament u mingħajr ambigwità, bħala terminu li jindika attivitajiet li jaqgħu taħt il-qasam tat-teknoloġija ċellulari, kif ukoll prodotti, apparat u materjal użati fil-kuntest ta' dawn l-attivitajiet jew li jirriżultaw minn dawn l-attivitajiet, il-konnessjoni bejn il-prodotti u s-servizzi koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u l-imsemmija trade mark ma kinitx indiretta biżżejjed sabiex tagħti lil din ta' l-aħħar il-livell minimu ta' karattru distintiv intrinsiku meħtieġ skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u s-sentenza kkontestata

9       Celltech ressqet rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza għall-finijiet ta' l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

10     Wara li kkonstatat, fil-punti 25 u 26 tas-sentenza kkontestata, li l-Bord ta’ l-Appell kien iddeċieda li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kellhiex karattru distintiv fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 40/94, peress li kienet ser tiġi pperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala terminu deskrittiv tat-tip ta’ prodotti u servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punt 27 ta' l-istess sentenza, li kellha tivverifika, l-ewwel nett, jekk il-Bord ta’ l-Appell kienx wera li din it-trade mark kienet deskrittiva ta' l-imsemmiija prodotti jew servizzi, skond l-Artikolu 7(1)(b) ta' l-istess Regolament.

11     Fil-punti 29 sa 31 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-pubbliku kkonċernat kien ikkostitwit kemm mill-ispeċjalisti kollha fil-qasam mediku li għandhom konoxxenza tat-termini xjentifiċi fil-qasam ta' attività tagħhom, tkun xi tkun il-lingwa materna tagħhom, kif ukoll mill-konsumatur medju li jitkellem bl-Ingliż.

12     Fil-punti 32 u 33 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li mill-inqas, sinjifikat wieħed tat-trade mark CELLTECH huwa "cell technology" (teknoloġija ċellulari).

13     Wara li kkonstatat, fil-punt 34 tas-sentenza kkontestata, li l-Bord ta’ l-Appell kien ikkunsidra li t-terminu "celltech" "jindika attivitajiet li jaqgħu fil-qasam tat-teknoloġija ċellulari, kif ukoll prodotti, apparat u materjal użati fil-kuntest ta’ dawn l-attivitajiet jew li jirriżultaw minn dawn l-attivitajiet", il-Qorti tal-Prim’Istanza fittxet li tiddetermina, fil-punti 35 sa 41 ta' l-istess sentenza, jekk il-Bord ta’ l-Appell kienx wera li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet deskrittiva tal-prodotti u tas-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Hija kkonkludiet fin-negattiv għar-raġunijiet segwenti:

"36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li la l-Bord ta’ l-Appell u lanqas l-UASI ma taw is-sinjifikat xjentifiku tat-teknoloġija ċellulari. Fil-fatt, l-UASI ta biss, f’anness għar-risposta tiegħu, estratt mill-Collins English Dictionary bid-definizzjonijiet tat-termini "cell" u "tech".

37      La l-Bord ta’ l-Appell u lanqas l-UASI ma taw spjegazzjoni dwar kif dawn it-termini jagħtu informazzjoni dwar l-użu intenzjonat u n-natura tal-prodotti u tas-servizzi indikati fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, b’mod partikolari l-mod li bih dawn il-prodotti u servizzi jiġu applikati għat-teknoloġija ċellulari jew kif jirriżultaw minnha.

38      Huwa veru li l-prodotti u s-servizzi indikati fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni huma ġeneralment prodotti u servizzi farmaċewtiċi u għandhom, b’hekk, konnessjoni mal-korpi li huma komposti minn ċelluli. Madankollu, il-Bord ta’ l-Appell ma weriex li l-pubbliku rilevanti ser jistabbilixxi mill-ewwel u mingħajr ħsieb ieħor relazzjoni konkreta u diretta bejn il-prodotti u s-servizzi farmaċewtiċi kkonċernati u s-sens tas-sinjal verbali CELLTECH [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Ġunju 2001, DKV vs L-UASI (EuroHealth), T-359/99, Ġabra p. II-1645, punt 35].

39      Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-prodotti u s-servizzi kkonċernati jistgħu jiġu użati f’kuntest funzjonali li jinvolvi t-teknoloġija ċellulari, dan il-fatt ma jibbastax sabiex jiġi konkluż li s-sinjal verbali CELLTECH jista’ jservi sabiex jindika l-użu intenzjonat tagħhom. Fil-fatt, tali użu jikkostitwixxi, l-iktar l-iktar, wieħed mid-diversi oqsma ta’ applikazzjoni, iżda mhux funzjonalità teknika (sentenza [tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-20 ta' Marzu 2002, DaimlerChrysler vs L-UASI (CARCARD), T-356/00, Ġabra p. II-1963,] punt 40).

40      Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet kollha li ssemmew li l-Bord ta’ l-Appell ma weriex li t-terminu 'celltech', anki jekk jinftiehem li jfisser teknoloġija ċellulari, jista’ jiġi pperċepit, mill-ewwel u mingħajr ambigwità, bħala terminu li jindika l-attivitajiet li jaqgħu fil-qasam tat-teknoloġija ċellulari, kif ukoll prodotti, apparat u materjal użati fil-kuntest ta’ dawn l-attivitajiet jew li jirriżultaw minn dawn l-attivitajiet. Huwa lanqas ma stabbilixxa li l-pubbliku kkonċernat ser jifhmu biss bħala indikazzjoni tat-tip ta’ prodotti u ta’ servizzi li s-sinjal ikopri.

41      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Bord ta’ l-Appell ma weriex li s-sinjal verbali CELLTECH kien deskrittiv tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni."

14     Fil-punti 42 sa 44 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza fittxet li tiddetermina, it-tieni nett, jekk il-Bord ta' l-Appell kienx ressaq argumenti oħra li juru li s-sinjal verbali in kwistjoni ma kellux karattru distintiv fis-sens ta' l-Arikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u kkonstatat li dan ma kienx il-każ.

15     Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat id-deċiżjoni kkontestata u ordnat lill-UASI jbati l-ispejjeż.

 L-appell

16     Fl-appell imressaq minnu, li in sostenn tiegħu huwa jinvoka ħames raġunijiet, l-UASI jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–       tannulla s-sentenza kkontestata;

–       prinċipalment, tiċħad ir-rikors imressaq minn Celltech fl-ewwel istanza u tordnaha tbati l-ispejjeż sostnuti kemm quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja;

–       sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza;

17     Celltech titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tordna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

18     Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li la l-UASI u lanqas Celltech ma jikkontestaw l-analiżi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 25 sa 27 tas-sentenza kkontestata, li skondha r-raġuni għaliex il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li t-trade mark CELLTECH mhijiex distintiva fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 hija li din it-trade mark kienet ser tiġi pperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala terminu deskrittiv, fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(ċ), tal-prodotti u tas-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

 Fuq l-ammissibbiltà ta' l-appell

19     Celltech issostni li l-Bord ta' l-Appell irrifjuta li jirreġistra t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, abbażi ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 biss u li, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-oġġezzjonijiet imqajma mill-UASI kontra r-reġistrazzjoni ta' din it-trade mark kienu bbażati wkoll fuq din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, l-UASI issa qiegħed jibbaża l-appell tiegħu kważi esklużivament fuq l-Artikolu 7(1)(ċ) ta' l-istess Regolament.

20     Skond Celltech, minħabba l-fatt li parti m'għandhiex id-dritt tqajjem motiv għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell ta' l-UASI għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

21     F'dan ir-rigward, skond ġurisprudenza stabbilita, jekk parti titħalla tqajjem, għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, motiv li hija ma qajmitx quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, dan ikun ifisser li din tkun qed titħalla tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha kompetenza limitata fil-qasam ta' l-appell, kawża b'portata ikbar minn dik li nstemgħet quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Fil-kuntest ta' appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat fir-rigward tal-motivi ttrattati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta' Novembru 2004, Ramondin et vs Il-Kummissjoni, C-186/02 P u C-188/02 P, Ġabra p. I-10653, punt 60, u tat-22 ta' Ġunju 2006, Storck vs L-UASI, C-25/05 P, Ġabra p. I-5719, punt 61).

22     Madankollu għandu jiġi kkonstatat li, f'dan il-każ, l-appell imressaq mill-UASI jfittex biss li jikkontesta s-soluzzjoni legali mogħtija mill-Qorti tal-Prim'Istanza fis-sentenza kkontestata.

23     Fil-fatt, minn naħa, il-Bord ta' l-Appell irrifjuta r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni abbażi ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 biss, u min-naħa l-oħra, ir-rikors imressaq minn Celltech kontra d-deċiżjoni kkontestata kien ibbażat fuq il-ksur ta' din l-istess dispożizzjoni. F'dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biss fl-istadju ta' l-appell li l-UASI kienet f'pożizzjoni li tikkontesta l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 40/94 adottata mill-Qorti tal-Prim'Istanza fis-sentenza kkontestata sabiex tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

24     Għaldaqstant, l-appell għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

 Fuq l-ewwel motiv

 L-argumenti tal-partijiet

25     Skond l-UASI, il-Qorti tal-Prim'Istanza żbaljat meta eżiġiet li l-Bord ta' l-Appell u l-UASI kellhom jispjegaw is-sinjifikat xjentifiku ta' l-espressjoni "cell technology" sabiex juru "kif dawn it-termini jagħtu informazzjoni dwar l-użu intenzjonat u n-natura tal-prodotti u tas-servizzi indikati fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, b’mod partikolari l-mod li bih dawn il-prodotti u servizzi jiġu applikati għat-teknoloġija ċellulari jew kif jirriżultaw minnha".

26     L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet żball ta' liġi fil-punt 36 tas-sentenza kkontestata meta kkritikat lill-Bord ta' l-Appell talli ma tax spjegazzjoni tas-sinjifikat xjentifiku ta' l-espressjoni "cell technology" u meta għamlet minn din l-ispjegazzjoni kundizzjoni biex it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tkun tista' tiġi rrifjutata għaliex hija deskrittiva.

27     Skond l-UASI, għalkemm il-Bord ta' l-Appell irid jispjega r-raġunijiet għalfejn huwa jqis li trade mark verbali hija deskrittiva, dan ir-rekwiżit ta' motivazzjoni ma kienx jobbligah, fil-każ preżenti, li jagħti definizzjoni xjentifika ta' l-espressjoni "cell technology".

28     Meta l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 73 u l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 jinqraw flimkien, jirriżulta li għalkemm l-organi ta' l-UASI huma marbuta li jimmotivaw id-deċiżjonijiet tagħhom, min-naħa l-oħra, huma mhumiex marbuta li jsemmu l-fatti li huma ħadu in kunsiderazzjoni. Għaldaqstant, raġunament, anke jekk astratt, ikun suffiċjenti jekk huwa korrett u mhuwiex kontradett minn prova kuntrarja mressqa minn waħda mill-partijiet. Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-21 ta' Ottubru 2004, KWS Saat vs L-UASI, C-447/02 P, Ġabra p. I-10107, punti 44 sa 49) u tal-Qorti tal-Prim'Istanza [sentenza tat-8 ta' Ġunju 2005, Wilfer vs L-UASI (ROCKBASS), T-315/03, Ġabra p. II-1981, punt 21].

29     Ir-raġunament ġuridiku tal-Bord ta' l-Appell, li skondu, minn naħa, it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tfisser "cell technology", u min-naħa l-oħra, din it-tifsira tista' tiġi pperċepita mill-konsumatur rilevanti bħala li "tindika attivitajiet li jaqgħu fil-qasam tat-teknoloġija ċellulari, kif ukoll prodotti, apparat u materjal użati fil-kuntest ta’ dawn l-attivitajiet jew li jirriżultaw minn dawn l-attivitajiet", kien suffiċjenti biex isostni r-rifjut tar-reġistrazzjoni abbażi ta' l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

30     Barra minn hekk, l-espressjoni "cell technology", li tfisser l-applikazzjoni prattika tar-riċerka xjentifika fuq iċ-ċelluli, hija espliċita biżżejjed sabiex tinftiehem kemm mill-konsumatur medju kif ukoll mill-ispeċjalisti, li jikkostitwixxu l-pubbliku rilevanti. Kull spjegazzjoni addizzjonali, u b'mod partikolari, spjegazzjoni xjentifika, kienet tkun superfluwa.

31     It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet żball ta' liġi wkoll meta kkritikat lill-Bord ta' l-Appell, fil-punt 37 tas-sentenza kkontestata, talli ma tax spjegazzjoni dwar kif l-espressjoni "cell technology" tagħti informazzjoni dwar l-użu intenzjonat u n-natura tal-prodotti u tas-servizzi indikati fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

32     Fil-fatt, skond l-UASI, jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza riedet tgħid li l-Bord ta' l-Appell huwa marbut li jirreferi għal definizzjoni xjentifika ta' din l-espressjoni, hija għamlet żball ta' liġi għar-raġunijiet spjegati fil-punti 26 sa 30 ta' din is-sentenza.

33     Jekk, min-naħa l-oħra, hija riedet tgħid li l-Bord ta' l-Appell kien marbut jipprova li l-prodotti kkummerċjalizzati u s-servizzi pprovduti minn Celltech kienu verament applikati għat-teknoloġija ċellulari jew kienu verament jirriżultaw minnha, hija għamlet żball ta' liġi wkoll. Il-mod kif l-applikant għal trade mark Komunitarja għandu l-intenzjoni li jikkummerċjalizza l-prodotti u s-servizzi tiegħu jew il-mod kif huwa jikkummerċjalizzahom huwa irrilevanti f'dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni dwar jekk it-trade mark hijiex deskrittiva jew le jew jekk għandhiex karattru distintiv jew le, billi tali evalwazzjoni trid issir fil-kuntest ta' eżami a priori, mingħajr riferiment għal użu effettiv.

34     Celltech tirrikonoxxi li l-UASI mhuwiex obbligat iġib il-prova tas-sinjifikat ta' terminu fil-każijiet kollha li jitressqu quddiemu. Madankollu, huwa marbut li jagħmel hekk meta l-kwistjoni tkun tirrigwarda espressjoni magħmula minn iżjed minn kelma waħda, b'mod partikolari, espressjoni ta' natura teknika, li mhijiex normalment u komunement użata b'mod deskrittiv.

35     Dan huwa l-każ fil-kawża preżenti. Celltech issostni li l-espressjoni "cell technology" – li hija tfakkar li hi differenti mit-trade mark mitluba CELLTECH – m'għandhiex sinjifikat xjentifiku stabbilit. Mhijiex espressjoni teknika. Il-fatt li mhemmx definizzjoni ta' din l-espressjoni fid-dizzjunarji juri li t-teknoloġija ċellulari ma teżistix fuq livell xjentifiku. Fil-fatt, l-imsemmija espressjoni mkien mhija definita jew użata. Kien għal dan il-fatt li l-Qorti tal-Prim' Istanza rreferiet meta kkonstatat li l-UASI ma kien ta l-ebda spjegazzjoni xjentifika ta' l-espressjoni "cell technology".

36     Celltech tikkontesta l-affermazzjoni ta' l-UASI li s-sinjifikat ta' din l-espressjoni huwa ċar, jiġifieri l-applikazzjoni prattika tar-riċerki xjentifiċi fuq iċ-ċelluli. Bl-ebda mod ma ġie stabbilit li xi ħadd mill-pubbliku rilevanti jipperċepixxi t-trade mark CELLTECH f'dan is-sens. Fil-fatt, xejn ma jagħti x'jifhem li l-konsumatur medju janalizza t-trade mark mitluba b'mod li jikkunsidraha b'dan il-mod.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

37     L-ewwel nett, kuntrarjament għall-mod kif l-UASI jinterpreta s-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza m'annullatx id-deċiżjoni kkontestata minħabba nuqqas ta' motivazzjoni, imma minħabba l-fatt li l-UASI ma stabbiliex li t-trade mark CELLTECH, meħuda li tfisser "cell technology", kienet deskrittiva tal-prodotti u tas-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

38     Skond l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, l-eżaminaturi ta' l-UASI u, fuq appell, il-Bordijiet ta' l-Appell ta' l-UASI għandhom jeżaminaw il-fatti fuq inizjattiva tagħhom stess sabiex jiddeterminaw jekk it-trade mark mitluba taqax jew le taħt waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta' reġistrazzjoni li jissemmew fl-Artikolu 7 ta' l-istess Regolament. Minn dan isegwi li l-organi kompetenti ta' l-UASI jistgħu jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom fuq fatti li ma jkunux tqajmu minn min japplika għar-reġistrazzjoni (sentenza Storck vs L-UASI, iċċitata iktar 'il fuq, punt 50).

39     Għalkemm, bħala prinċipju, huma dawn l-organi li għandhom jistabbilixxu, fid-deċiżjonijiet tagħhom, l-eżattezza ta' dawn il-fatti, dan mhuwiex il-każ meta huma jallegaw fatti magħrufa minn kulħadd. (sentenza Storck vs L-UASI, iċċitata iktar 'il fuq, punt 51).

40     F'dan il-każ, fil-punt 12 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell indika li "l-konsumatur ikkonċernat ser jipperċepixxi l-kelma 'CELLTECH', immedjatament u mingħajr ambigwità, bħala terminu li jindika attivitajiet li jaqgħu taħt il-qasam tat-teknoloġija ċellulari, kif ukoll prodotti, apparat u materjal użati fil-kuntest ta' dawn l-attivitajiet jew li jirriżultaw minn dawn l-attivitajiet".

41     Għalhekk, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra impliċitament, minn naħa, li t-teknoloġija ċellulari hija realtà xjentifika magħrufa u, min-naħa l-oħra, li l-attivitajiet li jaqgħu taħt dan il-metodu xjentifiku jew li jimplementawh jippermettu l-produzzjoni jew il-manifattura ta' preparazzjonijiet, kompożizzjonijiet jew sustanzi farmaċewtici, veterinarji jew sanitarji, kif ukoll ta' apparat jew strumenti kirurġiċi, mediċi, dentali jew veterinarji, u/jew li dawn l-attivitajiet jirrikjedu l-użu ta' tali preparazzjonijiet, kompożizzjonijiet jew sustanzi kif ukoll ta' tali apparat jew strumenti.

42     Meta għamel hekk, il-Bord ta' l-Appell ibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq fatti li huwa eżamina fuq inizjattiva tiegħu stess.

43     Il-Qorti tal-Prim'Istanza rrilevat, fil-punti 36 sa 38 tas-sentenza kkontestata, li, billi naqas li jġib il-prova li t-teknoloġija ċellulari għandha s-sinjifikat xjentifiku attribwit lilha fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell ma stabbilixxiex l-eżattezza tal-konstatazzjonijiet, miġbura fil-qosor fil-punti 40 sa 41 ta' din is-sentenza, li abbażi tagħhom huwa kkonkluda li t-trade mark CELLTECH għandha karattru deskrittiv. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-Bord ta' l-Appell bl-ebda mod ma pprova jistabbilixxi l-fondatezza ta' dawn il-konstatazzjonijiet, billi, per eżempju, jagħmel referenza għal-letteratura xjentifika.

44     L-UASI jsostni li l-espressjoni "cell technology" hija espliċita biżżejjed, u, għalhekk, kull spjegazzjoni addizzjonali, u b'mod partikolari spjegazzjoni xjentifika, kienet superfluwa.

45     Madankollu, billi kkunsidrat li l-eżistenza u n-natura tat-teknoloġija ċellulari ma tikkostitwixxix fatt magħruf u li kien għalhekk il-Bord ta' l-Appell li kellu jistabbilixxi l-eżattezza tal-konstatazzjonijiet tiegħu f'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza wettqet evalwazzjoni ta' natura fattwali, li, ħlief fil-każ ta' distorsjoni tal-fatti, ma taqax taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' appell (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Storck vs L-UASI, iċċitata iktar 'il fuq, punt 53).

46     Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza m'għamlet l-ebda żball ta' liġi meta kkonstatat li, peress li naqas milli jistabbilixxi s-sinjifikat xjentifiku tat-teknoloġija ċellulari, il-Bord ta' l-Appell ma weriex li t-trade mark CELLTECH hija deskrittiva tal-prodotti u tas-servizzi msemmija fit-talba għal reġistrazzjoni.

47     It-tieni nett, ma hemm xejn fis-sentenza kkontestata li jista' jsostni l-interpretazzjoni alternattiva tal-punt 37 tas-sentenza kkontestata li jagħmel l-UASI, esposta fil-punt 33 ta' din is-sentenza. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza m'għamlitx l-iżball ta' liġi allegat mill-UASI f'dan ir-rigward.

48     Għalhekk l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv

 L-argumenti tal-partijiet

49     L-UASI jallega li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet żball ta' liġi meta ddeċidiet, fil-punt 39 tas-sentenza kkontestata, li, fil-prinċipju, qasam ta' applikazzjoni ta' prodotti jew ta' servizzi mhuwiex inkluż fost il-karatteristiċi ta' dawn il-prodotti jew servizzi, li d-deskrizzjoni tagħhom minn trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għall-imsemmija prodotti jew servizzi hija pprojbita skond l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

50     Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma toħloqx distinzjoni bejn, minn naħa, l-"użu intenzjonat" jew il-"funzjonalità teknika", li huma karatteristiċi ta' prodotti u servizzi, u min-naħa l-oħra, il-"qasam ta' applikazzjoni", li mhuwiex. Għall-kuntrarju, ir-referenza, fl-imsemmija dispożizzjoni, għal "karatteristiċi oħrajn" turi li l-karatteristiċi eventwali kollha tal-prodotti u s-servizzi kkonċernati jaqgħu taħt il-projbizzjoni imposta minnha. Din l-analiżi hija kkonfermata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li skondha huwa irrilevanti jekk il-karatteristiċi deskritti humiex essenzjali jew aċċessorji (sentenza tat-12 ta' Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland, C-363/99, Ġabra p. I-1619, punti 101 u 102).

51     Għalhekk il-Qorti tal-Prim'Istanza kien imissha fittxet li tiddetermina jekk it-trade mark CELLTECH tistax tiġi pperċepita immedjatament u mingħajr ambigwità mill-konsumatur rilevanti bħala terminu li jindika attivitajiet li jaqgħu taħt il-qasam tat-teknoloġija ċellulari u/jew prodotti użati fil-kuntest ta' dawn l-attivitajiet.

52     Celltech twieġeb li l-Qorti tal-Prim'Istanza qatt ma ddeċidiet li qasam ta' applikazzjoni ma jistax jagħmel parti mill-karatteristiċi ta' prodotti jew ta' servizzi li d-deskrizzjoni tagħhom minn trade mark hija pprojbita skond l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94. Fil-punti 39 u 40 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet biss li l-Bord ta' l-Appell ma weriex li t-terminu "celltech" jista' jiġi pperċepit, immedjatament u mingħajr ambigwità, bħala terminu li jindika l-karatteristiċi tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

53     Fil-punti 36 sa 38 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkritikat lill-Bord ta' l-Appell talli ma stabbilixxiex l-eżistenza u n-natura tat-teknoloġija ċellulari.

54     F'dawn iċ-cirkustanzi, il-Qorti tal-Prim' Istanza ma kinitx, a fortiori, f'pożizzjoni li tanalizza jekk il-prodotti u s-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni jistgħux jintużaw f'kuntest funzjonali li jinvolvi t-teknoloġija ċellulari.

55     Huwa għalhekk b'mod ipotetiku li, fil-punt 39 tas-sentenza kkkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset li dan seta' jkun il-każ, kif jidher mill-użu tal-frażi "anki jekk jitqies" fl-ewwel sentenza ta' dan il-punt.

56     Għaldaqstant, it-tielet motiv, li jidher li huwa mmirat kontra kunsiderazzjoni żejda tas-sentenza kkontestata, u, għalhekk, anki jekk jitqies li huwa fondat, ma jistax iwassal għall-annullament ta' dik is-sentenza.

57     Konsegwentement, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala irrilevanti.

 Fuq ir-raba' motiv

 L-argumenti tal-partijiet

58     Skond l-UASI, il-Qorti tal-Prim'Istanza naqset milli timmotiva l-affermazzjoni, li tidher fil-punt 40 tas-sentenza kkontestata, li skondha t-trade mark mitluba ma tistax tiġi pperċepita, immedjatament u mingħajr ambigwità, bħala terminu li jindika attivitajiet li jaqgħu taħt il-qasam tat-teknoloġija ċellulari, kif ukoll prodotti, apparat u materjal użati fil-kuntest ta' dawn l-attivitajiet. Fil-fatt, is-sentenza kkontestata ma tippermettix li tinftiehem ir-raġuni għaliex it-termini "celltech" jew "cell technology" ma jiddeskrivux il-karatteristika li tikkkonsisti fil-metodu xjentifiku użat biex jinkisbu l-prodotti u s-servizzi kkonċernati.

59     Celltech twieġeb, minn naħa, li għandu jkun l-UASI li jistabbilixxi li l-konsumatur medju se jipperċepixxi t-terminu "celltech" (jew anke l-espressjoni "cell technology") bħala terminu li jiddeskrivi tali karatteristika. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim'Istanza mmotivat tajjeb l-evalwazzjoni tagħha fil-punti 35 sa 41 tas-sentenza kkontestata.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

60     Kif jirriżulta mill-eżami ta' l-ewwel motiv, il-Qorti tal-Prim'Istanza mmotivat suffiċjentement skond il-liġi, fil-punti 35 sa 38 tas-sentenza kkontestata, l-evalwazzjoni tagħha, magħmula fil-punt 40 ta' l-istess sentenza, li skondha l-Bord ta' l-Appell ma weriex li t-trade mark mitluba hija deskrittiva tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati.

61     Għalhekk ir-raba' motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv

 L-argumenti tal-partijiet

62     Skond l-UASI, il-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet żball ta' liġi meta ċaħdet li l-indikazzjoni ta' metodu xjentifiku għall-ksib ta' prodotti jew servizzi hija deskrittiva fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

63     It-terminu "celltech", meħud li jfisser "cell technology", jiġi pperċepit li jirreferi għall-prodotti u għas-servizzi li l-karatteristiċi tagħhom jirriżultaw mit-titjib fil-bijoxjenza li tuża jew timmodifika ċ-ċelluli, jiġifieri fis-settur tar-riċerka dwar it-teknoloġija ċellulari. Għaldaqstant, il-metodu xjentifiku għall-produzzjoni jew għall-provvista tas-servizzi jiġi pperċepit bħala karatteristika importanti, konkreta u diretta mill-perspettiva tal-konsumatur ikkonċernat.

64     Celltech issostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza kellha raġun tiċħad il-proposta li skondha l-espressjoni "cell technology" tiddeskrivi l-proċess xjentifiku tal-manifattura tal-prodotti jew tal-provvista tas-servizzi kkonċernati. L-UASI ma kienx f'pożizzjoni li jipproduċi l-iċken referenza għal din l-espressjoni fil-letteratura xjentifika jew x'imkien ieħor, minħabba li ma tintuża minn ebda xjenzjat għad-deskrizzjoni ta' xi ħaġa tkun xi tkun. Għaldaqstant, hija ma tistax tagħti l-iċken informazzjoni dwar il-prodotti kkonċernati.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

65     Kuntrarjament għal dak li jsostni l-UASI, il-Qorti tal-Prim'Istanza qatt ma ddeċidiet li kelma jew espressjoni li tindika metodu xjentifiku li jippermetti l-produzzjoni ta' preparazzjonijiet, kompożizzjonijiet jew sustanzi farmaċewtici, veterinarji jew sanitarji, jew il-provvista ta' servizzi relatati max-xjenzi bijoloġiċi, mediċi u kimiċi, mhumiex deskrittivi tal-prodotti u tas-servizzi miksuba b'dan il-metodu.

66     Kif ġie rrilevat fil-kuntest ta' l-eżami ta' l-ewwel motiv, il-Qorti tal-Prim'Istanza annullat id-deċiżjoni kkontestata minħabba li l-Bord ta' l-Appell ma kienx stabbilixxa, b'mod partikolari, li t-teknoloġija ċellulari tikkostitwixxi metodu ta' produzzjoni tal-prodotti jew ta' provvista tas-servizzi li jissemmew fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

67     Għalhekk il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv

 L-argumenti tal-partijiet

68     Skond l-UASI, jirriżulta mill-punt 98 tas-sentenza Koninklijke KPN Nederland, iċċitata iktar 'il fuq, li trade mark verbali magħmula mis-sempliċi għaqda ta' elementi li kull wieħed minnhom huwa deskrittiv tal-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, titqies hi stess li hija deskrittiva ta' dawn il-karatteristiċi, fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, u li l-imsemmija preżunzjoni tista' biss tiġi eskluża jekk din l-għaqda tintroduċi bidla mhux tas-soltu, b'mod partikolari, fuq livell sintattiku jew semantiku.

69     Il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet għalhekk marbuta li tivverifika jekk it-termini "cell" u "tech", meħuda individwalment, kinux intrinsikament deskrittivi tal-prodotti u tas-servizzi kkonċernati u, kieku kkonkludiet li dan kien il-każ, kellha tispjega kif l-għaqda ta' dawn iż-żewġ termini introduċiet bidla mhux tas-soltu fir-rigward tas-sintassi jew tat-tifsira tat-terminu "celltech", li tippermetti lil dan ta' l-aħħar ma jkunx hu stess deskrittiv ta' l-imsemmija prodotti u servizzi. Għaldaqstant, hija kisret l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 billi ma għamlitx tali verifika.

70     L-UASI jżid li l-analiżi tal-Qorti tal-Prim'Istanza ma setgħetx tkun ġustifikata fuq il-bażi tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Settembru 2004, SAT.1 vs L-UASI (C-329/02 P, Ġabra p. I-8317), imsemmija fil-punt 43 tas-sentenza kkontestata. Fil-fatt, fis-sentenza SAT.1 vs L-UASI, iċċitata iktar 'il fuq, kien in kwistjoni l-karattru distintiv ta' trade mark magħmula mill-għaqda ta' element deskrittiv u element mhux distintiv, u mhux, bħal fil-każ preżenti, il-karattru deskrittiv ta' trade mark magħmula mill-għaqda ta' żewġ elementi li kull wieħed minnhom jista' jkun deskrittiv. Barra minn hekk, din is-sentenza tikkonċerna l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, u mhux ta' l-Artikolu 7(1)(ċ).

71     Celltech tikkontesta l-allegazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li teżisti preżunzjoni ta' nuqqas ta' karattru distintiv fil-każ ta' trade mark magħmula mill-għaqda ta' żewġ elementi mhux distintivi. Fis-sentenza Koninklijke KPN Nederland, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat biss li "bħala regola ġenerali", is-sempliċi għaqda ta' elementi li kull wieħed minnhom huwa deskrittiv tal-karatteristiċi tal-prodotti tibqa' hi stess deskrittiva ta' l-imsemmija karatteristiċi. Madankollu, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b'mod partikolari, mis-sentenza tagħha SAT.1 vs L-UASI, iċċitata iktar 'il fuq, jirriżulta li t-trade mark għandha tiġi evalwata globalment, minħabba l-fatt li l-konsumatur medju ma jaqsamhiex fid-diversi elementi li jikkomponuha.

72     Għalhekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet sew meta evalwat it-trade mark CELLTECH globalment.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

73     Skond l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, ma jistgħux jiġu rreġistrati trade marks li jikkonsistu esklużivament f'sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta' produzzjoni tal-prodotti jew ta' meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħra tal-prodotti jew servizzi.

74     Id-diversi raġunijiet għal rifjut ta' reġistrazzjoni elenkati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta' l-interess ġenerali li huwa l-bażi ta' kull waħda minnhom (sentenza tal-15 ta' Settembru 2005, BioID vs L-UASI, C-37/03 P, Ġabra p. I-7975, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75     L-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 għandu għan ta' interess ġenerali, liema għan jeħtieġ li s-sinjali jew indikazzjonijiet li, fil-kummerċ, jistgħu jservu sabiex jindikaw karatteristiċi ta' prodotti jew servizzi li għalihom saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, jistgħu jintużaw liberament minn kulħadd. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni timpedixxi li dawn is-sinjali jew indikazzjonijiet jiġu riżervati għal impriża waħda biss minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark (ara s-sentenza tat-12 ta' Jannar 2006, Deutsche SiSi-Werke vs L-UASI, C-173/04 P, Ġabra p. I-551, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76     Sabiex trade mark magħmula minn kelma li tirriżulta minn għaqda ta' elementi, bħalma hija t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, tiġi kkunsidrata bħala deskrittiva fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, mhuwiex biżżejjed li jiġi kkonstatat eventwali karattru deskrittiv għal kull wieħed minn dawn l-elementi. Tali karattru għandu jiġi kkonstatat għall-kelma stess (ara, fir-rigward ta' l-Artikolu 3(1)(ċ) ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU L 40, 1989, p. 1), dispożizzjoni li hija essenzjalment identika għall-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, is-sentenzi Koninklijke KPN Nederland, iċċitata iktar 'il fuq, punt 96, u tat-12 ta' Frar 2004, Campina Melkunie, C-265/00, Ġabra p. I-1699, punt 37].

77     Kif ġie mfakkar mill-UASI, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, bħala regola ġenerali, is-sempliċi għaqda ta' elementi li kull wieħed minnhom huwa deskrittiv tal-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tibqa' hi stess deskrittiva ta' l-imsemmija karatteristiċi, fis-sens ta' l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 (sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Koninklijke KPN Nederland, punt 98, u Campina Melkunie, punt 39).

78     Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li tali għaqda tista' ma tkunx deskrittiva, fis-sens ta' l-istess dispożizzjoni, bil-kundizzjoni li toħloq impressjoni suffiċjentement imbiegħda minn dik li hija prodotta mis-sempliċi għaqda ta' l-imsemmija elementi (sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Koninklijke KPN Nederland, punt 99, u Campina Melkunie, punt 40).

79     Għaldaqstant, għalkemm, fil-każ ta' trade mark magħmula minn kliem, eventwali karattru deskrittiv jista' jiġi eżaminat, in parti, għal kull wieħed mill-elementi tiegħu, meħud separatament, huwa għandu, f'kull każ, ikun ibbażat fuq eżami ta' l-assjem ifformat minn dawn l-elementi (ara, b'analoġija, fir-rigward ta' l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq SAT.1 vs L-UASI, punt 28, u BioID vs L-UASI, punt 29].

80     Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-UASI, ma jirriżultax mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-analiżi preliminari ta' kull wieħed mill-elementi li jikkomponu trade mark hija stadju obligatorju. Min-naħa l-oħra, il-Bordijiet ta' l-Appell ta' l-UASI u, fuq appell, il-Qorti tal-Prim'Istanza huma marbuta li jwettqu l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv tat-trade mark, ikkunsidrata globalment.

81     F'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim'Istanza tabilħaqq wettqet l-evalwazzjoni tal-karattru deskrittiv tat-trade mark CELLTECH ikkunsidrata globalment u kkonkludiet li ma ġiex stabbilit li din it-trade mark, anke meħuda li tfisser "cell technology", kienet deskrittiva tal-prodotti u tas-servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Għaldaqstant, hija ma kisritx l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94.

82     Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud u, għalhekk, l-appell ta' l-UASI għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

83     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta' l-appell skond l-Artikolu 118 ta' l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-UASI tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub minn Celltech.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) għandu jbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.