SENTENZA TAL-QORTI (Awla Manja)

10 ta' Jannar 2006 (*)

"Artikolu 234 KE – Direttiva 93/13/KEE – Konsumaturi – Klawżoli inġusti – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ssir konformi mad-Direttiva wara li jintlaħaq ftehim bejn Stat terz u l-Komunitajiet Ewropej u qabel l-adeżjoni ta' l-imsemmi Stat ma' l-Unjoni Ewropea – Nuqqas ta' kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja"

Fil-kawża C-302/04

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Szombathelyi Városi Bíróság (l-Ungerija), permezz ta' deċiżjoni ta' l-10 ta' Ġunju 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta' Lulju 2004, fil-proċedura

Ynos kft

vs

János Varga,

IL-QORTI (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, A. Rosas, K. Schiemann u J. Makarczyk, Presidenti ta' Awla, C. Gulmann, A. La Pergola, K. Lenaerts, P. Kūris, E. Juhász, G. Arestis, M. Ilešič (Relatur) u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta' Ġunju 2005,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:

–       għall-Gvern Ungeriż, minn P. Gottfried kif ukoll J. Fazekas u R. Sommsich, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Ċek, minn T. Boček, bħala aġent,

–       għall-Gvern Spanjol, minn F. Díez Moreno, bħala aġent,

–       għall-Gvern Latvjan, minn A. Zikmane u E. Balode-Buraka, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–       għall-Gvern Pollakk, minn T. Nowakowski, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A. Aresu kif ukoll K. Riczné Talabér u M.-J. Jonczy, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-22 ta' Settembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU L 95, p. 29, iktar 'il quddiem id-"Direttiva").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kontroversja bejn il-kumpannija Ynos kft (iktar 'il quddiem "Ynos"), li teżerċita l-attività ta' aġent ta' proprjetà immobbiljari, u s-Sur Varga dwar l-eżekuzzjoni ta' kuntratt ta' aġenzija għall-bejgħ ta' proprjetà immobbiljari.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

 L-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Ungerija ma' l-Unjoni Ewropea

3       Il-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa, u r-Repubblika ta' l-Ungerija, min-naħa l-oħra (ĠU 1993, L 347, p. 2, iktar 'il quddiem il-"Ftehim ta' Assoċjazzjoni"), ġie ffirmat fis-16 ta' Diċembru 1991 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Frar 1994.

4       L-Artikolu 67 tal-ftehim jipprovdi li:

"Il-partijiet kontraenti jirrikonoxxu li l-integrazzjoni ekonomika ta' l-Ungerija fil-Komunità hija suġġetta essenzjalment għall-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti u futura ta' dan il-pajjiż ma' dik tal-Komunità. L-Ungerija għandha tassigura li l-leġiżlazzjoni futura tagħha tkun kompatibbli, safejn possibbli, mal-leġiżlazzjoni Komunitarja".

5       L-Artikolu 68 ta' l-istess ftehim jiddisponi li:

"L-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet testendi b'mod partikolari għall-oqsma li ġejjin: [...] protezzjoni tal-konsumatur [...]".

6       L-Artikolu 2, li jinsab fl-ewwel parti intitolata "Il-prinċipji", ta' l-att li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta' l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka, u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33, iktar 'il quddiem l-"Att ta' Adeżjoni") jipprevedi li:

"Mid-data ta' l-adeżjoni, id-dipożizzjonijiet tat-Trattati oriġinali u l-atti adottati, qabel l-adeżjoni, mill-istituzzjonijiet ... jorbtu l-Istati Membri l-ġodda u japplikaw f'dawk l-Istati skond il-kundizzjonijiet previsti f'dawk it-Trattati u f'dan l-Att".

7       Il-ħames parti ta' l-Att ta' Adeżjoni intitolata "Id-dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni ta' dan l-Att", jinkludi t-Titolu II intitolat "Applikabbiltà ta' l-atti ta' l-istituzzjonijiet", li fih jinsabu l-Artikolu 53 sa 59.

8       L-Artikolu 53 ta' dan l-Att jiddisponi li:

"Mid-data ta' l-adeżjoni, l-Istati Membri l-ġodda huma kkunsidrati bħala destinatarji ta' direttivi u ta' deċiżjonijiet, fis-sens ta' l-Artikolu 249 tat-Trattat KE u ta' l-Artikolu 161 tat-Trattat Euratom, bil-kundizzjoni li dawn id-direttivi ġew indirizzati lill-Istati Membri kollha attwali. [...] L-Istati Membri l-ġodda huma kkunsidrati bħala nnotifikati b'dawn id-direttivi u deċiżjonijiet fil-mument ta' l-adeżjoni".

9       L-Artikolu 54 ta' l-imsemmi Att jipprevedi li:

"L-Istati Membri l-ġodda għandhom idaħħlu fis-seħħ il-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw rwieħhom, mid-data ta' l-adeżjoni, mad-dispożizzjonijiet ta' direttivi [...] skond l-Artikolu 249 tat-Trattat KE [...] ħlief jekk huwa previst terminu ieħor fl-annessi imsemmija fl-Artikolu 24, jew f'dispożizzjonijiet oħra ta' dan l-Att jew ta' l-annessi tiegħu".

 Id-Direttiva

10     L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva jipprovdi li:

"L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur."

11     L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jistipula li ġej:

"L-Istati Membri għandhom jistabilixxu li klawżoli inġusti wżati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fid-dritt nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12     Skond l-Artikolu 3(1) tal-liġi dwar ir-ratifika tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (1994. évi I. törvény a Magyar Köztársaság és az Európai Közösségek és azok tagállamai között társulás létesítéséről szóló, Brüsszelben, 1991. december 16-án aláírt Európai Megállapodás kihírdetéséről), ta' l-4 ta' Jannar 1994, (Magyar Közlöny, 1994/1), fis-seħħ mill-1 ta' Frar 1994, għandu jiġi assigurat li l-preparazzjoni u l-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali tar-Repubblika ta' l-Ungerija, kif ukoll l-elaborazzjoni u l-adozzjoni tad-dritt nazzjonali, huwa kompatibbli mal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni.

13     L-Artikolu 3(2) jipprovdi li, għall-elaborazzjoni u l-adozzjoni ta' regoli tad-dritt, għandhom jiġu osservati l-obbligi ddefiniti fl-Artikolu 67 ta' l-istess ftehim.

14     Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali f'dak li jirrigwarda klawżoli kuntrattwali inġusti jinsabu b'mod partikolari fl-Artikoli 209 u 239 tal-Kodiċi Ċivili Ungeriż, fil-verżjoni tagħhom li tirriżulta mil-Liġi Nru 149/97 dwar l-emendi tal-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika ta' l-Ungerija Nru IV/1959 (1997. évi CXLIX. törvény a Magyar Köztársaság Polgári Törvénykönyvéről szóló 1959. évi IV. törvény módósításáról), tad-19 ta' Diċembru 1997, (Magyar Közlöny, 1997/115, iktar 'il quddiem il-"Kodiċi Ċivili emendat"), li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998.

15     L-Artikolu 209(1) tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi li, jekk kuntratt ikun fih klawżola ġenerali inġusta, il-parti aggravata tista' tikkontesta din il-klawżola.

16     L-Artikolu 209/B(1) ta' l-imsemmi kodiċi jiddisponi li kundizzjoni kuntrattwali ġenerali jew klawżola ta' kuntratt milħuq bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur hija inġusta meta, bi ksur tar-rekwiżiti ta' bona fide, tistabbilixxi b'mod unilaterali u mingħajr ġustifikazzjoni, għad-detriment ta' waħda mill-partijiet, id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt.

17     Skond l-Artikolu 239 tal-Kodiċi Ċivili emendat, fil-każ li klawżola tal-kuntratt hija invalida parzjalment – u bla ħsara għal xi dispożizzjoni kuntrarja – il-kuntratt mhuwiex ikkunsidrat bħala invalidu fl-intier tiegħu, ħlief jekk jiġi kkonstatat li l-partijiet ma kinux jaqblu fin-nuqqas ta' din il-klawżola.

18     L-Artikolu 11(5) tal-Liġi Nru CXLIX/97 u l-Artikolu 3(2) tad-Digriet tal-Gvern Nru 18/1999 (II.5.) dwar il-klawżoli kkunsidrati bħala inġusti f'kuntratti milħuqa mal-konsumaturi (Kormányrendelet a fogyasztóval kötött szerződésben tisztességtelennek minősülő feltételekről), tal-5 ta' Frar 1999 (Magyar Közlöny, 1999/8, iktar 'il quddiem id-"Digriet tal-Gvern") jipprovdu li dawn għandhom ikun fihom dispożizzjonijiet li huma kompatibbli mad-Direttiva.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19     Fl-10 ta' Jannar 2002, Ynos daħlet f'kuntratt ta' aġenzija mas-Sur Varga (iktar 'il quddiem il-"kuntratt") għall-bejgħ ta' proprjetà immobbiljari. Is-Sur Varga kien iddikjara li xtaq jikseb prezz gross ta' 70 187 500 HUF.

20     Il-kuntratt kien fih, essenzjalment, klawżoli li jistipulaw il-kundizzjonijiet ġenerali ta' kuntratt ta' format standard.

21     Skond il-punt 5 tal-kuntratt, il-partijiet ftehmu li l-intervent jiġi kkunsidrat bħala vantaġġuż u li t-tranżazzjoni kienet tkun imwettqa jekk, fil-kuntest ta' din it-tranżazzjoni, jiġi konkluż kuntratt ma wieħed mill-klijenti ta' l-aġent. Fit-tieni sentenza ta' l-istess punt ġie stipulat ukoll li "il-mandant jaċċetta li l-aġent għandu wkoll id-dritt għal parti tal-kummissjoni jekk huwa jsib klijent li jagħmel offerta għax-xiri jew għall-kiri fir-rigward ta' l-immobbli li huwa l-proprjetà tal-mandant għal prezz ugwali jew għola minn dak stabbilit mill-mandant u l-aġent fil-kuntratt, bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-kriterji formali li japplikaw għat-tranżazzjoni in kwistjoni, anki jekk il-mandant ma jaċċettax tali proposta".

22     Jekk l-intervent ikun vantaġġuż, Ynos kellha d-dritt, skond il-kuntratt, għal kummissjoni ta' 2% tal-prezz miftiehem, inkluża t-taxxa fuq il-valur miżjud. Il-kummissjoni kienet dovuta fil-mument li jiġi ffirmat il-kuntratt ta' bejgħ jew il-konvenju rispettiv. Fil-każ li ma tiġix imħallsa, l-aġent kellu d-dritt li jitlob il-kummissjoni flimkien ma kumpens ta' 30% minħabba ħlas tardiv.

23     Fil-11 ta' Marzu 2002, id-diretturi ta' Ynos, is-Sur Varga bħala bejjiegħ ta' l-immobbli, kif ukoll is-Sinjuri Ragasits u Kovács bħala xerrejja, iffirmaw ftehim ta' prinċipju għall-konklużjoni tal-kuntratt (iktar 'il quddiem il-"ftehim ta' prinċipju"), li fih il-prezz tal-bejgħ ta' l-immobbli ġie stabbilit, u ftehmu li l-kuntratt jew il-konvenju kien ser jiġi konkluż mhux iktar tard mill-15 ta' Marzu 2002. Madankollu, f'din id-data la l-kuntratt u lanqas il-konvenju ma ġew konklużi.

24     L-immobbli nbiegħ finalment fl-2003, mhux lil Ragasits u Kovács, iżda lil persuna oħra.

25     Ynos ressqet rikors quddiem is-Szombathelyi Városi Bíróság u sostniet li l-intervent kien vantaġġuż, skond il-kuntratt, safejn l-partijiet waslu għall-ftehim ta' prinċipju. Hija talbet li s-Sur Varga jiġi ordnat iħallas il-kummissjoni prevista fil-kuntratt, flimkien ma' l-interessi u l-ispejjeż.

26     Is-Sur Varga talab li din it-talba tiġi miċħuda. Huwa sostna li t-tieni sentenza tal-punt 5 tal-kuntratt tikkostitwixxi klawżola inġusta. Huwa żied li l-kuntratt ta' bejgħ ta' l-immobbli kien ġie konkluż mingħajr l-għajnuna ta' Ynos.

27     Ynos issostni li l-imsemmija tieni sentenza ma tikkostitwixxix klawżola inġusta skond l-Artikolu 209/B tal-Kodiċi Ċivili.

28     Il-qorti tar-rinviju kkunsidrat li safejn huwa possibbli li jiġi kkonstatat li hemm klawżola inġusta, skond il-konvenut, il-kontroversja għandha tiġi deċiża fid-dawl tad-Direttiva.

29     F'dawn iċ-ċirkustanzi, is-Szombathelyi Városi Bíróság iddeċidiet tissospendi l-proċeduri u tirrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

"1)      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [...], li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jistipulaw li klawżoli inġusti li jinsabu f'kuntratt konkluż ma' konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur ma jorbtux il-konsumaturi skond il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dritt nazzjonali, jista' jiġi interpretat fis-sens li dan jista' jikkostitwixxi l-bażi ta' dispożizzjoni nazzjonali bħal dik ta' l-Artikolu 209(1) tal-Liġi Nru IV ta' l-1959, dwar il-Kodiċi Ċivili, applikabbli fil-każ fejn in-natura inġusta ta' kundizzjoni kontrattwali ġenerali hija stabbilita, liema klawżoli inġusti ma jorbtux il-konsumatur ipso jure, iżda biss jekk dan jagħmel dikjarazzjoni espressa f'dan ir-rigward, jiġifieri jekk jirnexxielu jikkontesta l-kuntratt?

2)      Jirriżulta mid-dispożizzjoni tad-Direttiva, li tgħid li l-kuntratt jibqa' jorbot il-partijiet skond l-istess kundizzjonijiet jekk il-kuntratt jista' jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti, li, jekk il-klawżoli inġusti stabbiliti mill-bejjiegħ jew mill-fornitur ma jorbtux il-konsumatur skond il-kundizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tiegħu iżda jekk, fin-nuqqas ta' dawn il-klawżoli li jagħmlu parti mill-kuntratt, il-bejjiegħ jew il-fornitur ma jkunx ikkonkluda l-kuntratt mal-konsumatur, il-kuntratt mhuwiex invalidu fl-intier tiegħu jekk jista jibqa' jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti?

3)      Mill-perspettiva ta' l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, huwa rilevanti li l-kontroversja nqalat qabel l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Ungerija ma' l-unjoni Ewropea, iżda wara l-adattament tad-dritt nazzjonali mad-Direttiva?"

 Fuq il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

30     Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tingħatalha risposta qabel it-tnejn l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk il-Qorti tal-Ġustizzja hijiex kompetenti biex tagħti risposta għall-ewwel żewġ domandi. Fil-fatt, il-fatti tal-kawża prinċipali ġraw qabel l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Ungerija ma' l-Unjoni Ewropea, iżda wara l-approssimazzjoni tas-sistema ġuridika ta' dan l-Istat mad-Direttiva.

 L-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qori tal-Ġustizzja

31     Il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej isostnu li d-Direttiva mhijiex applikabbli għall-kawża prinċipali fejn il-fatti ġraw qabel l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Ungerija ma' l-Unjoni Ewropea. Huma jsostnu li din il-kawża għandha tiġi deċiża bl-applikazzjoni ta' regoli ġuridiċi nazzjonali li kienu fis-seħħ fil-mument meta ġie konkluż il-kuntratt in kwistjoni u meta tqajmet l-imsemmija kontroversja.

32     Skond il-Gvern Ċek, ir-ċirkustanza li l-proċedura quddiem il-qorti nazzjonali nbdiet qabel l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Ungerija mhijiex determinanti fiha nnifisha. Dak li huwa importanti huwa l-fatt li r-relazzjoni ġuridika fil-kawża prinċipali ntemmet qabel l-adeżjoni ta' dan l-Istat Membru ma' l-Unjoni Ewropea.

33     Min-naħa l-oħra, il-Gvern Spanjol, Latvjan u Awstrijak isostnu li, mid-data ta' l-adeżjoni ma' l-Unjoni Ewropea, il-qorti nazzjonali ta' l-Istat Membru l-ġdid hija marbuta, f'każ bħal dak tal-kawża prinċipali, li tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali intiżi għall-approssimazzjoni ta' din ta' l-aħħar mad-Direttiva fid-dawl ta' din. Meta ssir domanda preliminari mill-qorti nazzjonali skond l-Artikolu 234 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja hija bħala prinċipju marbuta li tirrispondi. Barra minn hekk, il-Gvern Latvjan ifakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi l-kompetenza tagħha sabiex tiddeċiedi dwar domandi preliminari dwar dispożizzjonijiet Komunitarji f'sitwazzjonijiet li fihom il-fatti tal-kawża prinċipali ma jaqgħux taħt il-qasam ta' applikazzjoni tad-dritt Komunitarju iżda li għalihom l-imsemmija dispożizzjonijiet saru applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali (sentenzi tat-18 ta' Ottubru 1990, Dzodzi, C-297/88 u C-197/89, Ġabra p. I-3763, punt 36, u tas-17 ta' Lulju 1997, Giloy, C-130/95, Ġabra p. I-4291, punt 23). Dan il-gvern jispeċifika li, f'dan ir-rigward, jekk dispożizzjoni ta' liġi nazzjonali hija identika għall-kontenut ta' dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom jingħataw interpretazzjoni uniformi, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-adeżjoni ta' Stat Membru ma' l-Unjoni Ewropea seħħitx qabel jew wara l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' dan l-Istat mad-dritt Komunitarju.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

34     Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li s-Szombathelyi Városi Bíróság qegħda titlob, permezz ta' l-ewwel żewġ domandi tagħha, l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva sabiex jigi evalwat l-iskop tar-regoli tad-dritt nazzjonali.

35     Madankollu, għandu jiġi mfakkar li skond id-deċiżjoni tar-rinviju l-fatti tal-kawża prinċipali seħħew qabel l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Ungerija ma' l-Unjoni Ewropea.

36     Il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tinterpreta d-Direttiva biss f'dak li jikkonċerna l-applikazzjoni ta' din fi Stat Membru ġdid mid-data ta' l-adeżjoni ta' dan ta' l-aħħar ma' l-Unjoni Ewropea (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta' Ġunju 1999, Andersson u Wåkerås-Andersson, C-321/97, Ġabra 1999, p. I-3551, punt 31).

37     F'din il-kawża, peress li l-fatti tal-kawża prinċipali seħħew qabel l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Ungerija ma' l-unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti sabiex tinterpreta d-Direttiva.

38     Minn dak kollu li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda preliminari hija li f'ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali fejn il-fatti seħħew qabel l-adeżjoni ta' Stat Membru ma' l-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti li tirrispondi għall-ewwel żewġ domandi.

 Fuq l-ispejjeż

39     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi li:

F'ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali fejn il-fatti seħħew qabel l-adeżjoni ta' Stat Membru ma' l-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti sabiex tirrispondi għall-ewwel żewġ domandi.

Firem:


* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.