SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Awla Manja)

14 ta' Diċembru 2004 (*)

"Direttiva 2001/37/KE – Manifattura, preżentazzjoni u bejgħ ta' prodotti tat-tabakk – Artikolu 8 – Projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta' prodotti tat-tabakk għall-użu orali – Validità"

Fil-kawża C-434/02,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234KE, magħmula mill-Verwaltungsgericht Minden (Il-Ġermanja), permezz tad-deċiżjoni ta' l-14 ta' Novembru 2002, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta' Novembru 2002, fil-proċedura

Arnold André GmbH & Co. KG

vs

Landrat des Kreises Herford,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President ta' l-Awla, P. Jann, C. W. A. Timmermans u K. Lenaerts, Presidenti ta' Awli, C. Gulmann, J.-P. Puissochet, N. Colneric, S. von Bahr u J. N. Cunha Rodrigues (Relatur) Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Registratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur, u aktar tard M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta' Ġunju 2004,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Arnold André GmbH & Co. KG, minn J. Sedemund u M. Graf von Merveldt, Rechtsanwälte,

–       għall-Landrat des Kreises Herford, minn P. Bischof, bħala aġent,

–       għall-Gvern Belġjan, minn A. Snoecx, bħala aġent,

–       għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u R. Loosli-Surrans, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Irlandiż, minn K. Mooney u J. Buttimore, BL,

–       għall-Gvern Finlandiż, minn T. Pynnä, bħala aġent,

–       għall-Gvern Żvediż, minn A. Kruse, bħala aġent,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn P. Ormond u C. Jackson, bħala aġenti, assistiti minn N. Paines, QC, u T. Ward, barrister,

–       għall-Parlament Ewropew, minn E. Waldherr, M. Moore u U. Rösslein, bħala aġenti,

–       għall-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, minn E. Karlsson u J.-P. Hix, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn I. Martinez del Peral, F. Hoffmeister u B. Martenczuk, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta' Settembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal-deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/37/KE, tal-5 ta' Ġunju 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li jirrelataw mal-manifattura, preżentazzjoni u l-bejgħ ta' prodotti tat-tabakk (ĠU L 194, p. 26).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Arnold André GmbH & Co. KG (aktar 'il quddiem "Arnold André") u l-Landrat des Kreises Herford dwar il-projbizzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni, fil-Ġermanja, tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali ta' l-importatur Swedish Match.

 Il-kuntest ġuridiku

3       L-Artikolu 8a tad-Direttiva tal-Kunsill 89/622/KEE, tat-13 ta' Novembru 1989, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li tikkonċerna l-ittikkettjar ta' prodotti tat-tabakk (ĠU L 359, p. 1), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 92/41/KEE tal-15 ta' Mejju 1992 (ĠU L 158, p. 30, aktar 'il quddiem id-"Direttiva 89/622"), jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq tat-tabakk għall-użu orali, li huwa ddefinit mill-Artikolu 2(4) ta' din id-Direttiva bħala li jikkonsisti fil-"prodotti kollha għall-użu orali, ħlief dawk maħsuba li jitpejpu, magħmula kollha kemm huma jew f'parti, minn tabakk, f'forma ta' trab jew partikoli jew f'xi kombinazzjoni ta' dawn il-forom, partikolarment dawk preżentati f'porzjonijiet fi qratas jew qratas porużi jew f'forma li jixbah prodott ta' l-ikel." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4       Il-ħdax-il premessa tad-Direttiva 92/41 tipprovdi li "huwa ppruvat li l-prodotti tat-tabakk li ma jitpejjipx jikkostitwixxu fattur għola ta' riskju tal-kanċer u għalhekk dawn għandu jkollhom avviż speċifiku fir-rigward ta' dan ir-riskju" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skond it-tnax-il premessa ta' l-istess Direttiva, "l-esperti xjentifiċi jqisu li d-dipendenza li jġib miegħu l-konsum tat-tabakk tikkostitwixxi perikolu li jiġġustifika li din tkun is-suġġett ta' avviż speċifiku fuq il-prodotti kollha tat-tabakk."[traduzzjoni mhux uffiċjali]

5       Skond it-tlettax-il premessa tad-Direttiva 92/41:

"[…] prodotti ġodda tat-tabakk għall-użu orali li dehru fis-suq ta' ċerti Stati membri għandhom attrazzjoni partikolari għaż-żgħażagħ u […] l-Istati Membri li l-aktar huma esposti għal din il-problema diġà pprojbew għal kollox dawn il-prodotti l-ġodda jew beħsiebhom jipprojbuhom." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6       L-erbatax-il premessa ta' l-istess Direttiva tipprovdi li:

"[…] f'dak li jirrigwarda dawn il-prodotti, hemm diverġenzi bejn il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri u […], minħabba f'hekk, hemm lok li dawn jiġu suġġetti għal regoli komuni." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7       Skond il-ħmistax-il premessa tad-Direttiva 92/41:

"[…] jeżisti riskju reali li dawn il-prodotti l-ġodda għall-użu orali jintużaw l-aktar miż-żgħażagħ, bil-konsegwenza li jġibu magħhom dipendenza fuq in-nikotina, sakemm ma jitteħdux miżuri restrittivi fil-ħin." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8       Skond is-sittax-il premessa ta' l-imsemmija Direttiva:

" […] skond il-konklużjonijiet ta' l-istudji taċ-Ċentru Internazzjonali tar-Riċerka fuq il-Kanċer, it-tabakk għall-użu orali huwa kkaratterizzat mill-preżenza ta' kwantitajiet partikolarment għoljin ta' sustanzi karċinoġeni; […] dawn il-prodotti l-ġodda jikkawżaw, b'mod partikolari, il-kanċer tal-ħalq." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9       Skond is-sbatax-il premessa ta' l-istess Direttiva:

"[…] il-projbizzjonijiet ta' tqegħid fis-suq li diġà ġew introdotti minn tliet Stati Membri f'dak li jirrigwarda dan it-tabakk għandhom effett dirett fuq l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, […] għalhekk huwa meħtieġ li l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri f'dan il-qasam jiġu approssimati billi jittieħed bħala bażi livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa; […] l-unika miżura adatta hija l-projbizzjoni totali, […] madankollu, din il-projbizzjoni ma tikkonċernax il-prodotti tat-tabakk għall-użu orali tradizzjonalment stabbiliti li jibqgħu suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/622/KEE, kif emendata minn din id-Direttiva, li tapplika għall-prodotti tat-tabakk li ma jitpejpux" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

10     L-Artikolu 151(1) ta' l-Att li jikkonċerna l-kundizzjonijiet ta' l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju ta' l-Iżvezja u l-adattamenti tat-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea (ĠU C 241, 1994, p. 21, u ĠU 1995, L 1, p. 1, aktar 'il quddiem l-"Att ta' Adeżjoni") jipprovdi li:

"L-Atti ndikati fl-Anness XV ta’ dan l-Att għandhom japplikaw f’dak li għandu x’jaqsam ma' Stati Membri ġodda taħt il-kondizzjonijiet kif indikati f’dak l-Anness."

11     Il-Kapitolu X, intitolat "Varji", ta' l-imsemmi Anness, li jistabbilixxi l-lista prevista fl-Artikolu 151 ta' l-Att ta' Adeżjoni, jipprovdi li:

"(a)       Il-projbizzjoni fl-Artikolu 8a tad-Direttiva 89/622/KEE, kif emendata […] li tikkonċerna l-introduzzjoni fis-suq tal-prodott definit fl-Artikolu 2(4) tad-Direttiva […] m’għandhiex tkun applikabbli [fir-Renju] ta' l-Isvezja […], bl-eċċezzjoni tal-projbizzjoni li jitqiegħed dan il-prodott fis-suq fil-forma li tixbaħ prodott ta’ l-ikel,

b)      [Ir-Renju] ta’ l-Isvezja għandu jieħu l-mużuri kollha meħtieġa biex jassigura li l-prodott imsemmi fil-paragrafu (a) ma jkunx imqiegħed fis-suq fl-Istati Membri li għalihom id-Direttivi 89/622/KEE u 92/41/KEE huma applikabbli bis-sħiħ.

[...]"

12     Id-Direttiva 2001/37 ġiet adottata fuq il-bażi ta' l-Artikoli 95 KE u 133 KE u għandha bħala għan l-elaborazzjoni mill-ġdid tad-Direttiva 89/622 u tad-Direttiva tal-Kunsill 90/239/KEE, tas-17 ta' Mejju 1990, dwar l-appossimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li jikkonċernaw il-kontenut massimu ta' qatran fis-sigaretti (ĠU L 137, p. 36).

13     Skond it-tmienja u għoxrin premessa tad-Direttiva 2001/37:

"Id-Direttiva 89/622/KEE tipprojbixxi l-bejgħ fl-Istati Membri ta' ċerti tipi ta' tabakk għall-użu orali. L-Artikolu 151 ta' l-Att ta' Adeżjoni […] jagħti lir-Renju ta' l-Isvezja deroga mid-dispożizzjonijiet ta' dik id-Direttiva f'dak ir-rigward."

14     L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/37, intitolat "Definizzjonijiet", jipprovdi li:

"Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:

1)       'prodotti tat-tabakk' ifisser prodotti għall-għanijiet ta' tipjip, xamm, irdiegħ jew mastikar, sal-limitu li huma, wkoll jekk parzjalment, magħmula minn tabakk, sew jekk ġenetikment modifikat sew jekk le;

[…]

4)       'tabakk għall-użu orali' tfisser il-prodotti kollha għall-użu orali, ħlief dawk maħsuba li jitpejpu, magħmula kollha kemm huma jew f'parti, minn tabakk, f'forma ta' trab jew partikoli jew f'xi kombinazzjoni ta' dawn il-forom, partikolarment dawk preżentati f'porżjonijiet fi qratas jew qratas porużi jew f'forma li jixbaħ prodott ta' l-ikel;

[...]"

15     Skond l-Artikolu 5(4) ta' l-istess Direttiva:

"Il-prodotti tat-tabakk għall-użu orali, fejn it-tpoġġija fis-suq huwa permess skond l-Artikolu 8, u prodotti tat-tabakk li ma jitpejpux għandhom iġorru t-twissija li ġejja:

"Dan il-prodott tat-tabakk jista’ joħloq ħsara għas-saħħa tiegħek u jagħmlek dipendenti."

[...]"

16     L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37, intitolat "Tabakk għall-użu orali" jipprovdi li:

"L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tpoġġija fis-suq ta' tabakk għall-użu orali, mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 151 ta' l-Att ta' Adeżjoni […]."

17     Skond l-Artikolu 13(1) ta' l-imsemmija Direttiva:

"L-Istati Membri ma jistgħux, għall-konsiderazzjonijiet li jirrelataw mal-limitazzjoni tal-ħruġ tal-qatran, nikotina u carbon monoxide tas-sigarretti, għat-twissijiet tas-saħħa u indikazzjonijiet oħra jew għal ħtiġijiet oħra taħt din id-Direttiva, jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-importazzjoni, il-bejgħ jew konsum ta' prodotti tat-tabakk li jikkonformaw ma’ din id-Direttiva, ħlief għall-miżuri meħuda għall-għanijiet ta' verifikazzjoni tat-tagħrif provdut skond l-Artikolu 4."

18     L-Artikolu 15 ta' l-istess Direttiva jipprovdi, b'mod partikolari, li d-Direttiva 89/622 hija mħassra u li r-referenzi li jsiru għaliha għandhom jiġu kkunsidrati bħala li saru għad-Direttiva 2001/37.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

19     Arnold André hija kumpannija stabbilita fil-Ġermanja li tikkummerċjalizza sigarri, tabakk tal-pipa, kif ukoll tabakk Żvediż tradizzjonali għall-użu orali msemmi "snus". Is-"snus" huwa tabakk mitħun jew imqatta' fin, mibjugħ bl-użin jew f'pakketti żgħar u intiż sabiex ikun ikkunsmat billi jitpoġġa bejn il-ħanek u x-xoffa.

20     Billi essenzjalment ibbażat ruħha fuq il-paragrafu 5a tal-Verordnung über Tabakerzeugnisse (Tabakverordnung, BGBl 1996 I, p. 460, aktar 'il quddiem ir-"Regolament fuq it-tabakk"), li ttraspona fid-dritt Ġermaniż l-Artikolu 8a tad-Direttiva 89/622, il-Landrat des Kreises Herford, permezz ta' deċiżjoni tat-12 ta' Settembru 2002, ipprojbixxa lil Arnold André milli tkompli l-attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tabakk tat-trade marks Röda Lacket Snus, Ljunglöfs Ettan-Snus u "General Snus" ta' l-importatur Swedish Match. Arnold André ġiet ordnata tiġbor lura l-prodotti kkonċernati u d-dokumenti relatati magħhom, taħt piena ta' sanzjoni finanzjarja. Ġiet ordnata wkoll l-eżekuzzjoni immedjata tad-deċiżjoni tat-12 ta' Settembru 2002.

21     Fis-27 ta' Settembru 2002, Arnold André ressqet rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-amministrazzjoni u, wara dan, fit-30 ta' Settembru 2002 talbet lill-Verwaltungsgericht Minden sabiex tissospendi l-eżekuzzjoni immedjata ta' l-imsemmija deċiżjoni.

22     Il-qorti ta' rinviju kellha dubji dwar il-kompatibbiltà, mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju, ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37 li ġie traspost permezz tal-paragrafu 5a tar-regolament dwar it-tabakk. Hija tistaqsi jekk dan l-Artikolu 8 jmurx kontra d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 28 KE u 95(1) KE, kif ukoll kontra l-prinċipji ta' ugwaljanza u ta' proporzjonalità.

23     Il-Verwaltungsgericht Minden ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

"L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37 […], abbażi ta' liema t-tqegħid fis-suq ta' tabakk għall-użu orali huwa pprojbit bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 151 ta' l-att ta' adeżjoni […], huwa kuntrarju għal dispożizzjonijiet Komunitarji ta' livell superjuri?".

 Fuq it-talbiet intiżi, prinċipalment, sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet b'risposta għall-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali u, sussidjarjament, sabiex terġa' tinfetaħ il-proċedura orali.

24     Permezz ta' att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta' Ottubru 2004, Arnold André talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–       prinċipalment, li tawtorizzaha tippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub wara l-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali;

–       sussidjarjament, li tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skond l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura.

25     Arnold André tixtieq tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-proposti ta' l-Avukat Ġenerali dwar l-eventwali żamma ta' l-effetti tad-Direttiva 2001/37 wara li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-invalidità tagħha.

26     F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u r-Regoli tal-Proċedura tagħha ma jipprovdux għall-possibbiltà li l-partijiet jippreżentaw osservazzjonijiet b'risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (ara d-digriet ta' l-4 ta' Frar 2000, Emesa Sugar, C-17/98, Ġabra p. I-665, punt 2). Għalhekk, it-talba sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet bil-miktub b'risposta għall-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali hija miċħuda.

27     Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja tista' biss, ex officio jew fuq proposta ta' l-Avukat Ġenerali, jew inkella fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skond l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk tkun tikkunsidra li m'għandhiex biżżejjed informazzjoni jew li l-kwistjoni għandha tkun deċiża abbażi ta' argument li ma ġiex dibattut bejn il-partijiet (ara s-sentenzi tad-19 ta' Frar 2002, Wouters et, C-309/99, Ġabra p. I-1577, punt 42, u tad-29 ta' April 2004, Parlament vs Ripa di Meana et, C-470/00 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 33). Madankollu, f'dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, tikkunsidra li hija għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tagħti risposta għad-domandi magħmula. Konsegwentement, it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali għandha tiġi miċħuda.

 Fuq id-domanda preliminari

28     Id-domanda preliminari tirrigwarda l-validità ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37. Sabiex tiġi eżaminata, għandu jiġi vverifikat jekk dan l-Artikolu setax jiġi adottat fuq il-bażi legali ta' l-Artikolu 95 KE jew jekk ġiex adottat bi ksur ta' l-Artikoli 28 KE u 253 KE kif ukoll tal-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' non-diskriminazzjoni.

 F'dak li jirrigwarda l-għażla ta' l-Artikolu 95 KE bħala bażi legali

29     L-Artikolu 95(1) KE jipprovdi li l-Kunsill għandu jadotta l-miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b'regolamenti jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern.

30     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li għalkemm is-sempliċi konstatazzjoni ta' differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali mhijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika li jsir rikors għall-Artikolu 95 KE (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta' Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u L-Kunsill, C-376/98, Ġabra p. I-8419, punt 84), dan ma jgħoddx fil-każ ta' differenzi bejn il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li huma ta' natura tali li jkunu ta' xkiel għal-libertajiet fundamentali u b'hekk ikollhom effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern [ara, f'dan is-sens, is-sentenzi IL-Ġermanja vs Il-Parlament u l-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq, punt 95, u ta' l-10 ta' Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C-491/01, Ġabra p. I-11453, punt 60].

31     Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, għalkemm l-użu ta' l-Artikolu 95 KE bħala bażi legali huwa possibbli sabiex fil-futur ma jkunx hemm ostakoli għall-kummerċ li jirriżultaw mill-iżvilupp eteroġenu tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, il-possibbiltà li dawn l-ostakoli jseħħu għandha tkun verosimili u l-miżura in kwistjoni għandha jkollha l-iskop li tipprevenihom [ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta' Lulju 1995, Spanja vs Il-Kunsill, C-350/92, Ġabra p. I-1985, punt 35; Il-Ġermanja vs Il-Parlament u l-Kunsill, iċċitata aktar 'il fuq, punt 86; tad-9 ta' Ottubru 2001, L-Olanda vs Il-Parlament u l-Kunsill, C-377/98, Ġabra p. I-7079, punt 15, kif ukoll British Amenrican Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata aktar 'il fuq, punt 61].

32     Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex l-Artikolu 95 KE jkun jista' jintuża bħala bażi legali jiġu sodisfatti, il-leġiżlatur Kommunitarju ma jistax jitwaqqaf milli jibbaża ruħu fuq din il-bażi legali minħabba l-fatt li l-ħarsien tas-saħħa pubblika hija determinanti fl-għażliet li għandhom isiru [sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata aktar 'il fuq, punt 62].

33     Għandu jiġi osservat, barra minn dan, li l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 152(1) KE jipprovdi li għandu jkun assigurat livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa umana fid-definizzjoni u l-implementazzjoni ta' l-istrateġiji u l-attivitajiet kollha Komunitarji u li l-Artikolu 95(3) KE espliċitament jeżiġi li, fl-armonizzazzjoni li ssir, jiġi ggarantit livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa tal-bniedem [sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata aktar 'il fuq, punt 62].

34     Minn dak kollu li ntqal aktar 'il fuq jirriżulta li, meta jkun hemm ostakoli għall-kummerċ, jew ikun verosimili li fil-futur jista' jkun hemm tali ostakoli, minħabba l-fatt li l-Istati Membri jkunu adottaw jew ikunu fil-proċess li jadottaw, fir-rigward ta' prodott jew ta' kategorija ta' prodotti, miżuri li ma jaqblux bejniethom, b'tali mod li jiġi assigurat livell differenti ta' protezzjoni u li, minħabba f'hekk, il-prodott jew prodotti kkonċernati jiġu mfixkla milli jiċċirkolaw liberament fil-Komunità, l-Artikolu 95 KE jawtorizza lil-leġiżlatur Komunitarju jintervjeni billi jadotta l-aktar miżuri adatti fir-rispett, minn naħa, ta' l- Artikolu 95(3), u, min-naħa l-oħra, tal-prinċipji legali msemmija fit-Trattat jew identifikati mill-ġurisprudenza, b'mod partikolari, tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

35     Skond iċ-ċirkustanzi, dawn il-miżuri adatti jistgħu jikkonsistu f'li l-Istati Membri kollha jiġu obbligati li jawtorizzaw il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott jew tal-prodotti kkonċernati, f'li tali obbligu ta' awtorizzazzjoni jiġi akkumpanjat minn ċerti kundizzjonijiet, jew, aktar minn hekk, f'li jipprojbixxu l-kummerċjalizzazzjoni ta' xi prodott jew prodotti provviżorjament jew permanentement [ara, fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 92/59/KEE, tad-29 ta' Ġunju 1992, dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (ĠU L 228, p. 24), is-sentenza tad-9 ta' Awwissu 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-359/92, Ġabra p. I-3681, punti 4 u 33].

36     Huwa fid-dawl ta' dawn il-prinċipji li għandu jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet sabiex l-Artikolu 95 KE jkun jista' jintuża bħala bażi legali humiex sodisfatti fil-każ ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37.

37     Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li l-imsemmi Artikolu 8 kull ma jagħmel huwa li jirriproduċi l-Artikolu 8a tad-Direttiva 89/622, li jgħid li l-Istai Membri għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq tat-tabakk għall-użu orali. Kemm id-Direttiva 2001/37 kif ukoll id-Direttiva 89/622 jiddefinixxu dan it-tabakk bħala dawk "il-prodotti kollha għall-użu orali, ħlief dawk maħsuba li jitpejpu, magħmula kollha kemm huma jew f'parti, minn tabakk, f'forma ta' trab jew partikoli jew f'xi kombinazzjoni ta' dawn il-forom, partikolarment dawk preżentati f'porzjonijiet fi qratas jew qratas porużi jew f'forma li jixbah prodott ta' l-ikel".

38     Huwa stabbilit li, kif jiġi indikat fl-erbatax-il premessa tad-Direttiva 92/41, meta ġiet adottata din l-aħħar Direttiva kien hemm, fir-rigward ta' dawn il-prodotti, differenzi bejn il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri. Fil-fatt, tnejn fosthom kienu diġà pprojbixxew il-kummerċjalizzazzjoni ta' tali prodotti u t-tielet wieħed kien adotta dispożizzjonijiet li, għalkemm kienu għadhom ma daħlux fis-seħħ, kellhom l-istess skop. Dawn kienu intiżi, skond l-awturi tagħhom, sabiex ma jkomplix jikber il-konsum ta' prodotti ta' dannu għas-saħħa, li kienu ġodda fis-swieq ta' l-Istati Membri u li kienu magħrufin bħala li, b'mod partikolari jiġbdu l-attenzjoni taż-żgħażagħ.

39     Peress li s-suq tal-prodotti tat-tabakk huwa wieħed fejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri huwa relattivament kbir [ara s-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata aktar 'il fuq, punt 64], dawn il-miżuri ta' projbizzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni kienu jikkontribwixxu għall-iżvilupp eteroġenu ta' dan is-suq u għalhekk kienu ta' natura tali li jikkostitwixxu ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija.

40     Minbarra dan, fid-dawl tal-konsapevolezza dejjem akbar tal-pubbliku fir-rigward tal-ħsara li l-prodotti tat-tabakk jikkawżaw lis-saħħa, kien verosimili li kienu ser jinħolqu ostakoli għall-moviment liberu ta' dawn il-prodotti minħabba l-adozzjoni mill-Istati Membri ta' regoli ġodda, li jirriflettu dan l-iżvilupp, intiżi sabiex jiskoraġġixxu l-konsum ta' dawn il-prodotti b'mod aktar effettiv [sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata aktar 'il fuq, punt 67].

41     L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37 ġie adottat f'kuntest li, fid-dawl ta' l-ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija li kien hemm fis-suq tal-prodotti tat-tabakk minħabba l-iżvilupp eteroġenu tal-kundizzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali fid-diversi Stati Membri, ma kienx differenti wisq minn dak li kien jeżisti meta ġie adottat l-Artikolu 8a tad-Direttiva 89/622. Għandu jingħad ukoll li l-att ta' adeżjoni ma jista' jkollu l-ebda effett fuq l-evalwazzjoni ta' dan il-kuntest. Fil-fatt, dan l-att mhux biss poġġa lir-Renju ta' l-Iżvezja 'l barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' l-imsemmi Artikolu 8a, iżda eżiġa wkoll li dan l-Istat Membru jadotta l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jassigura li l-prodotti tat-tabakk għall-użu orali ma jitqegħdux fis-swieq ta' Stati Membri oħra.

42     Għalhekk, intervent tal-leġiżlatur Komunitarju bbażat fuq l-Artikolu 98 KE kien iġġustifikat f'dak li jirrigwarda l-prodotti tat-tabakk għall-użu orali.

43     Minn dak kollu li ntqal aktar 'il fuq jirriżulta li l-miżura ta' projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37 setgħet tiġi adottata abbażi ta' l-Artikolu 95 KE. Aktar 'il quddiem għandu jiġi eżaminat jekk l-adozzjoni ta' din il-miżura saritx fir-rispett ta' l-Artikolu 95(3) KE u tal-prinċipji legali msemmija fid-domanda magħmula mill-qorti ta' rinviju.

 F'dak li jirrigwarda l-Artikolu 95(3) KE u l-prinċipju ta' proporzjonalità

44     L-Artikolu 95(3) KE jipprovdi li kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Parlament u l-Kunsill għandhom jieħdu bħala bażi livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa tal-bniedem filwaqt li, b'mod partikolari, jikkunsidraw kull żvilupp ġdid ibbażat fuq fatti xjentifiċi.

45     Barra minn dan, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta' proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jeżiġi li l-mezzi implementati minn dispożizzjoni Komunitarja jkunu adatti sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan jintlaħaq (ara, b'mod partikolari, s-sentenzi tat-18 ta' Novembru 1987, Maizena, 137/85, Ġabra p. 4587, punt 15; tas-7 ta' Diċembru 1993, ADM Ölmühlen, C-339/92, Ġabra p. I-6473, punt 15, u tal-11 ta' Lulju 2002, Käserei Champignon Hofmeister, C-210/00, Ġabra p. I-6453, punt 59).

46     F'dak li jirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, għandu jiġi rikonoxxut li l-leġiżlatur Komunitarju għandu setgħa wiesgħa ta' diskrezzjoni f'dak li jirrigwarda qasam bħalma huwa dak in kwistjoni, li min-naħa tagħha timplika għażliet ta' natura politika, ekonomika u soċjali, u li, fil-kuntest tagħha, għandu jagħmel evalwazzjonijiet kumplessi. Huwa biss il-karattru manifestament mhux adatt ta' miżura meħuda f'dan il-qasam, fir-rigward ta' l-għan li l-istituzzjonijiet kompetenti jixtiequ jilħqu, li jista' jaffettwa l-legalità ta' miżura bħal din [ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta' Novembru 1996, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, C-84/94, Ġabra p. I-5755, punt 58; tat-13 ta' Mejju 1997, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u l-Kunsill, C-233/94, Ġabra p. I-2405, punti 55 u 56; tal-5 ta' Mejju 1998, National Farmers' Union et, C-157/96, Ġabra p. I-2211, punt 61, kif ukoll British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, iċċitata aktar 'il fuq, punt 123].

47     F'dak li jirrigwarda l-Artikolu 8a, li ġie inkluż fid-Direttiva 89/662 mid-Direttiva 92/41, mill-premessi ta' din ta' l-aħħar jirriżulta li l-miżura ta' projbizzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali kienet l-unika waħda ta' natura adatta li tilqa' għar-riskju reali li dawn il-prodotti l-ġodda jintużaw miż-żgħażagħ, bil-konsegwenza li jsiru dipendenti fuq in-nikotina u dan meta dawn il-prodotti jikkawżaw, b'mod partikolari, il-kanċer tal-ħalq.

48     Arnold André essenzjalment issostni li, fid-dawl ta' l-istat tad-data xjentifika li l-leġiżlatur Komunitarju kellu fl-2001, meta ġie adottat l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37, u fuq liema, barra minn dan, huwa bbaża ruħu sabiex jemenda r-regoli dwar ir-reklamar imsemmija mill-Artikolu 5(4) ta' l-imsemmija Direttiva, iż-żamma tal-projbizzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali kienet sproporzjonata meta mqabbla ma' l-għanijiet mixtieqa u ma kinitx tikkunsidra l-iżvilupp ta' l-imsemmija data xjentifika.

49     F'dan ir-rigward, ir-risposta għandha tkun li, għalkemm uħud mill-esperti setgħu, sa mill-1999, jikkontestaw id-dikjarazzjoni li, kif jingħad fis-sittax-il premessa tad-Direttiva 92/41, "dawn il-prodotti l-ġodda b'mod partikolari jikkawżaw il-kanċer tal-ħalq", madankollu l-kontroversja kollha fuq dan il-punt ma kinitx spiċċat meta ġiet adottata d-Direttiva 2001/37. Barra minn dan, filwaqt li parti mill-komunità xjentifika kienet tammetti li prodotti tat-tabakk għall-użu orali setgħu jintużaw bħala prodotti ta' sostituzzjoni għas-sigaretti, parti oħra kienet tikkontesta l-fondatezza ta' pożizzjoni bħal din. Għandu jiġi konkluż, minn din is-sitwazzjoni, li d-data xjentifika li l-leġiżlatur Komunitarju seta' kellu fl-2001 ma kinitx tippermetti li jiġi konkluż li l-konsum tal-prodotti in kwistjoni kien mingħajr perikolu għas-saħħa tal-bniedem.

50     Barra minn dan, bħall-prodotti l-oħra kollha tat-tabakk, dawk għall-użu orali fihom in-nikotina, li tipprovoka dipendenza u li t-tossiċità tagħha mhijiex ikkontestata.

51     Issa, minn naħa, meta ġiet adottata d-Direttiva 2001/37, ma kienx ġie ppruvat li l-effetti ħżiena ta' l-imsemmija prodotti kienu, f'dan ir-rigward, iċken minn dawk ta' prodotti oħra tat-tabakk. Min-naħa l-oħra, kien stabbilit li dawn kienu jirrappreżentaw riskji serji għas-saħħa, riskji li l-leġiżlatur Komunitarju kellu jikkunsidra.

52     F'dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi sostnut li, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 95(3) KE, il-projbizzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37 kienet ġiet adottata mingħajr ma ġie kkunsidrat l-iżvilupp tad-data xjentifika.

53     Barra minn dan, ebda mill-elementi ta' evalwazzjoni ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-prodotti tat-tabakk għall-użu orali ma kinux prodotti ġodda fis-suq ta' l-Istati Membri kif dan kien meta ġiet adottata d-Direttiva 92/41.

54     Sabiex jissodisfa l-obbligu li huwa kellu li jieħu bħala bażi livell għoli ta' ħarsien f'dak li jirrigwarda s-saħħa, skond l-Artikolu 95(3) KE, il-leġiżlatur Komunitarju seta' għalhekk jikkunsidra, mingħajr ma jmur lil hinn mis-setgħa ta' diskrezzjoni li huwa għandu f'dan il-qasam, li miżura ta' projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali kienet neċessarja u li, b'mod partikolari, ma kienx hemm miżuri alternattivi li jippermettu li dan l-għan jintlaħaq b'mod daqstant effettiv.

55     Fil-fatt, kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 116 sa 119 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-miżuri l-oħra kollha intiżi sabiex il-produtturi jiġu suġġetti għal regoli tekniċi li jobbligawhom inaqqsu l-effetti dannużi tal-prodott, jew sabiex l-ittikkettjar ta' l-imballaġġi ta' dan il-prodott u l-kundizzjonijiet tal-bejgħ tiegħu jiġu rregolati, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-minuri, ma jkollhomx l-istess effett preventiv f'dak li jirrigwarda l-ħarsien tas-saħħa peress li dawn jippermettu li prodott li, f'kull każ, ikun ta' ħsara, jiġi stabbilit fis-suq.

56     Mill-kunsiderazzjonijiet magħmulin aktar 'il fuq jirriżulta li, kemm f'dak li jirrigwarda l-għan, li l-leġiżlatur Komunitarju ngħata mill-Artikolu 95(3) KE, li jassigura livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa tal-bniedem, kif ukoll fir-rigward ta' l-obbligu li huwa għandu li jirrispetta l-prinċipju ta' proporzjonalità, il-miżura ta' projbizzjoni kkontestata ma tistax tiġi meqjusa bħala manifestament mhux adatta.

 F'dak li jirrigwarda l-Artikolu 28 KE

57     Skond ġurisprudenza stabbilita, il-projbizzjoni ta' restrizzjonijiet kwantitattivi kif ukoll ta' kull miżura b'effett ekwivalenti, prevista mill-Artikolu 28 KE, ma tapplikax biss għall-miżuri nazzjonali iżda wkoll għall-miżuri li jkunu ġejjin mill-istituzzjonijiet Komunitarji (ara, b'mod partikolari, f'dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta' Mejju 1984, Denkavit Nederland, 15/83, Ġabra p. 2171, punt 15; tad-9 ta' Awwissu 1994, Meyhui, C-51/93, Ġabra p. I-3879, punt 11, u tal-25 ta' Ġunju 1997, Kieffer u Thill, C-114/96, Ġabra p. I-3629, punt 27).

58     Madankollu, kif jipprovdi l-Artikolu 30 KE, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 28 u 29 KE ma jipprekludux il-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni, l-esportazzjoni jew it-tranżitu meta dawn ikunu, b'mod partikolari, iġġustifikati minn raġunijiet ta' ħarsien tas-saħħa u tal-ħajja tal-bnedmin

59     Minkejja li l-projbizzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali prevista fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37 tikkostitwixxi waħda mir-restrizzjonijiet previsti mill-Artikolu 28 KE, din hija ġġustifikata, kif inhu indikat fil-punt 56 ta' din is-sentenza, minn raġunijiet ta' ħarsien tas-saħħa tal-bnedmin. Hija għalhekk ma tistax, f'kull każ, tiġi kkunsidrata bħala li ġiet adottata bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 28 KE.

60     Barra minn dan, il-projbizzjoni, imposta fuq ir-Renju ta' l-Iżvezja, ta' tqegħid fis-suq ta' l-Istati Membri l-oħra ta' prodotti tat-tabakk għall-użu orali, tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-punt b) tal-Kapitolu X ta' l-Anness XV ta' l-Att ta' Adeżjoni u mhux minn dawk tad-Direttiva 2001/37.

 F'dak li jirrigwarda l-Artikolu 253 KE

61     Għandu jiġi mfakkar li, għalkemm il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 253 KE għandha tesponi b'mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament ta' l-awtorità Komunitarja, li tkun adottat l-att in kwistjoni, b'tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista' tagħmel l-istħarriġ tagħha, madankollu mhuwiex meħtieġ li din tispeċifika l-elementi kollha ta' dritt jew ta' fatt rilevanti (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta' Frar 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-122/94, Ġabra p. I-881, punt 29).

62     Ir-rispett ta' l-obbligu ta' motivazzjoni għandu, barra minn, dan jiġi evalwat mhux biss fid-dawl tal-kliem użat fl-att, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu, kif ukoll f'dak tar-regoli legali kollha tal-qasam ikkonċernat. Jekk mill-att ikkontestat jirriżulta l-essenzjal ta' l-għan mixtieq mill-istituzzjoni, ikun inutli li tiġi meħtieġa motivazzjoni speċifika għal kull waħda mill-għażliet tekniċi li tkun għamlet (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta' Lulju 2001, L-Italja vs Il-Kunsill u L-Kummissjoni, C-100/99, Ġabra p. I-5217, punt 64, kif ukoll, f'dan is-sens, Spanja u L-Finlandja vs Il-Parlament u L-Kunsill, C-184/02 u C-223/02, li għadha ma ġiet ippubblikata fil-Ġabra, punt 79).

63     Il-premessi tad-Direttiva 92/41 jesponu b'mod ċar ir-raġunijiet li għalihom kellha, fid-Direttiva 89/622, tiġi adottata miżura li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali. B'mod partikolari, wara li fakkru li l-esperti xjentifiċi kienu ta' l-opinjoni li l-prodotti kollha tat-tabakk iġibu magħhom riskji għas-saħħa u li kien ġie ppruvat li l-prodotti tat-tabakk li ma jitpejjpux jikkostitwixxu fattur ewlieni ta' riskju ta' kanċer, dawn l-awturi kkonstataw, barra minn dan, li prodotti ġodda tat-tabakk għal użu orali li jidhru fis-swieq ta' wħud mill-Istati Membri jiġbdu, b'mod partikolari, l-attenzjoni taż-żgħażagħ, bir-riskju li dawn ta' l-aħħar isiru dipendenti fuq in-nikotina sakemm ma jitteħdux miżuri restrittivi fil-ħin. Ġie osservat ukoll li l-aktar Stati Membri esposti għal din il-problema kienu diġà pprojbixxew għal kollox dawn il-prodotti l-ġodda jew kellhom l-intenzjoni li jipprojbixxuhom.

64     Għandu wkoll jiġi kkonstatat li l-projbizzjoni li jiġu kkummerċjalizzati l-prodotti tat-tabakk għall-użu orali, prevista fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37, hija limitata, fil-kuntest tal-kitba mill-ġdid tat-testi preċedenti, li tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet ta' l-imsemmija Direttiva, sabiex tikkonferma l-miżura identika adottata fl-1992. It-trattament differenti li, fl-1992, ġie riżervat għal dawn il-prodotti fir-rispett tal-prodotti l-oħra tat-tabakk li ma jitpejjipx, kien ir-riżultat taċ-ċirkustanzi relatati kemm man-novità li l-prodotti kkonċernati mill-projbizzjoni kellhom fis-suq intern ta' dak iż-żmien, kemm man-natura tagħhom li tiġbed l-attenzjoni taż-żgħażagħ, kif ukoll ma' l-eżistenza ta' miżuri nazzjonali ta' projbizzjoni f'uħud mill-Istati Membri.

65     Issa, dawn iċ-ċirkustanzi kienu għadhom l-istess fl-2001. Huwa ċertament stabbilit li l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tat-tabakk għall-użu orali tgawdi minn tradizzjoni twila fl-Iżvezja u li dawn il-prodotti ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala ġodda fis-suq li jikkorrispondi mat-territorju ta' dan l-Istat Membru meta seħħet l-adeżjoni tiegħu fl-1995. Madankollu, peress li l-Artikolu 151 ta' l-Att ta' Adeżjoni speċifikatament eskluda lir-Renju ta' l-Iżvezja mill-kamp ta' applikazzjoni tal-projbizzjoni adottata fl-1992, it-territorju ta' dan l-Istat ma jistax jittieħed in kunsiderazzjoni sabiex ikun stabbilit is-suq kopert mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37 u, konsegwentement, għall-evalwazzjoni, f'dak li jirrigwarda dan is-suq, tal-karattru ġdid tal-prodotti li l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom hija pprojbita skond l-imsemmi Artikolu.

66     Peress li, fit-tmienja u għoxrin premessa tagħha, id-Direttiva 2001/37 tippreċiża li d-Direttiva 89/622 ipprojbixxiet il-bejgħ, fl-Istati Membri, ta' ċerti tipi ta' tabakk għall-użu orali u li l-Artikolu 151 ta' l-Att ta' Adeżjoni kkonċeda lir-Renju ta' l-Iżvezja deroga mid-dispożizzjonijiet ta' din l-aħħar Direttiva, ma jidhirx li l-konferma ta' l-imsemmija projbizzjoni fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37 kienet teħtieġ li din tispeċifika elementi oħra ta' dritt u ta' fatt rilevanti sabiex tissodisfa l-obbligu ta' motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 253 KE.

67     Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37 jissodisfa l-obbligu ta' motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE.

 F'dak li jirrigwarda l-prinċipju ta' non diskriminazzjoni

68     Skond ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta' trattament indaqs jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux trattati b'mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux trattati bl-istess mod sakemm trattament bħal dan ma jkunx oġġettivament ġustifikat (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta' Settembru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-304/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 31).

69     Issa, għalkemm il-prodotti tat-tabakk għall-użu orali, kif definiti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/37, mhumiex fundamentalment differenti, la fil-kompożizzjoni tagħhom u lanqas fl-użu li għandu jsir minnhom, mill-prodotti tat-tabakk li għandhom jiġu mimgħuda, dawn xorta waħda jinsabu f'sitwazzjoni differenti minn dik ta' dawn l-aħħar prodotti. Fil-fatt, il-prodotti tat-tabakk għall-użu orali, li huma s-suġġett tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 8a tad-Direttiva 89/622 u kkonfermata fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37, kienu ġodda fis-suq ta' l-Istati Membri kkonċernati minn din il-miżura. Din is-sitwazzjoni partikolari kienet għalhekk tawtorizza trattament differenti mingħajr ma jista' effettivament jiġi invokat ksur tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni.

70     Mill-kunsiderazzjonijiet kollha magħmulin aktar il-fuq, ir-risposta għandha tkun li, mill-eżami tad-domanda magħmula, ma rriżulta l-ebda element ta' natura tali li jista' jaffettwa l-validità ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/37.

 Fuq l-ispejjeż

71     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi li:

Mill-eżami tad-domanda magħmula, ma rriżulta l-ebda element ta' natura tali li jista' jeffettwa l-validità ta' l-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/37/KE, tal-5 ta' Ġunju 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri li jirrelataw mal-manifattura, preżentazzjoni u l-bejgħ ta' prodotti tat-tabakk.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.