SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

11 ta' Novembru 1997 (*)

"Trattament ugwali ta' l-irġiel u n-nisa - Kandidati rġiel u nisa li għandhom l-istess kwalifiki - Prijorità lil kandidati nisa - Klawżola ta' riżerva"

Fil-kawża C-409/95

li għandha bħala għan talba indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikolu 177 tat-Trattat KE, mill-Verwaltungsgericht Gelsenkirchen (il-Ġermanja) għal deċiżjoni preliminari fil-kawża pendenti quddiemha fl-ismijiet

Hellmut Marschall

vs

Land Nordrhein-Westfalen,

dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 2(1)(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol (ĠU L 39, p. 40),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn G.C. Rodríguez Iglesias, President, C. Gulmann, M. Ragnemalm, u M. Wathelet, Presidenti ta' Awla, G.F. Mancini, J.C. Moitinho de Almeida, P. M. Kapteyn (Relatur), J.L. Murray, D.A.O. Edward, J.-P. Puissochet, G. Hirsch, P. Jann u L. Sevón, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: F.G. Jacobs,

Reġistratur: H.A. Rühl, Amministratur Prinċipali,

Wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–      għal-Land Nordrhein-Westfalen, irrappreżentat mill-Bezirksregierung Arnsberg, minn J. Kokott, Professur fil-Heinrich Heine Universität Düsseldorf,

–      għall-Gvern Spanjol, minn A. J. Navarro González, Direttur Ġenerali tal-Koordinament Ġuridiku u Istituzzjonali Komunitarju, assistit minn G. Calvo Díaz, Abogado del Estado, tas-servizz ġuridiku ta' l-Istat, bħala aġenti,

–      għall-Gvern Franċiż, minn C.de Salins, ViċiDirettur tad-Direttorat tal-Kwistjonijiet Ġuridiċi fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, u A. de Bourgoing, Chargé de Mission fl-istess Direttorat, bħala Aġenti,

–      għall-Gvern Awstrijak, minn W. Okresek, Ministerialrat fil- Bundeskanzleramt, Verfassungsdienst, bħala aġent,

–      għall-Gvern Finlandiż, minn T. Pynnä, Konsulent Legali fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, bħala aġent,

–      għall-Gvern Żvediż, minn L. Nordling, rättschef fid-Dipartiment tal-Kummerċ Barrani fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, bħala aġent,

–      għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Nicoll, tat-Treasury Solicitor's Department, bħala aġent, u minn E. Sharpston, Barrister,

–      għall-Gvern Norveġiż, minn B. B. Ekeberg, Kap tad-Dipartiment f'isem il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, bħala aġent,

–      għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Grunwald, Konsulent Legali, u M. Wolfcarius, Membru tas-Servizz Ġuridiku, bħala aġenti,

wara li rat ir-rapport għas-seduta,

wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali tal-Land Nordrhein-Westfalen, irrappreżentat minn J. Kokott; tal-Gvern Olandiż, irrappreżentat minn H. van den Oosterkamp, Konsulent Legali fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, bħala aġent; tal-Gvern Finlandiż, irrappreżentat minn H. Rotkirch, Kap tad-Dipartiment ta' l-Affarijiet Ġuridiċi tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, bħala aġent; tal-Gvern Żvediż, irrappreżentat minn L. Nordling; tal-Gvern tar-Renju Unit, irrappreżentat minn L. Nicoll, E. Sharptson u M. Beloff, QC; u tal-Kummissjoni, irrappreżentata minn J. Grunwald u M. Wolfcarius, fis-seduta tal-11 ta' Marzu 1997,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-15 ta' Mejju 1997,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta' digriet tal-21 ta’ Diċembru 1995, li wasal għand il-Qorti fid-29 ta’ Diċembru 1995, il-Verwaltungsgericht Gelsenkirchen ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KEE, dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 2(1) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/EEC tad-9 ta’ Frar 1976 dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni u kundizzjonijiet tax-xogħol (ĠU L 39, p. 40, aktar 'l isfel "id-Direttiva").

2        Din il-mistoqsija tqajmet fil-kuntest ta' proċeduri bejn Hellmut Marschall u l-Land Nordrhein-Westfalen (aktar 'l isfel "il-Land") dwar il-kandidatura tiegħu għal promozzjoni fiċ-ċentru skolastiku ta' Schwerte (il-Ġermanja).

3        It-tieni sentenza ta' l-Artikolu 25(5) tal-Beamtengesetz (Regolamenti tal-Persunal tal-Land), fil-verżjoni li ġiet ippubblikata fl-1 ta’ Mejju 1981 (GVNW, p. 234), kif l-aħħar emendata bl-ewwel Artikolu tas-Seba’ Liġi li temenda ċerti regoli dwar is-Servizz Pubbliku, tas-7 ta’ Frar 1995 (GVNW, p. 102, aktar 'l isfel "id-dispożizzjoni in kwistjoni "), tiddisponi kif ġej:

"Fejn, fis-settur ta’ l-awtorità responsabbli għall-promozzjonijiet, ikun hemm anqas nisa milli rġiel f'dak il-grad partikolari tal-karriera, fil-każ li jkun hemm ugwaljanza fil-kapaċità, fil-kompetenza u fil-qadi tad-dmirijiet professjonali, in-nisa għandhom jingħataw prijorità fil-promozzjoni, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet marbuta speċifikament mal-kandidat li jxeqilbu l-bilanċ favur tiegħu."

4        Skond l-osservazzjonijiet tal-Land, ir-regola ta' prijorità, prevista minn din id-dispożizzjoni, daħħlet kriterju ulterjuri għall-promozzjoni, jiġifieri l-fatt li tkun mara, intiża li tinnewtralizza s-sitwazzjoni ta' inugwaljanza li jinsabu fiha l-kandidati nisa meta mqabbla ma' kandidati rġiel li qegħdin japplikaw għall-istess post. Fil-każ ta' kwalifiki li huma l-istess, minn iħaddem għandu fil-fatt it-tendenza li javvanza lill-irġiel aktar milli lin-nisa permezz ta' l-applikazzjoni ta' ċerti kriterji tradizzjonali ta’ promozzjoni li fil-prattika jiżvantaġġaw lin-nisa, bħal ma huma l-età, l-anzjanità u l-fatt li kandidat raġel huwa l-kap tal-familja u l-uniku persuna li jaqla' l-flus għall-familja.

5        Skond l-osservazzjonijiet tal-Land, meta l-leġiżlatur qal li għandha tingħata prijorità lill-avvanz tan-nisa "sakemm ma jkunx hemm raġunijiet marbuta speċifikament mal-kandidat li jxeqilbu l-bilanċ favur tiegħu" huwa għażel, kuxjentement, kunċett ġuridiku li mhux preċiż bil-għan li jiżgura flessibbiltà suffiċjenti u, b’mod partikolari, li jagħti lill-amministrazzjoni marġini ta' diskrezzjoni biex tkun tista' tieħu in kunsiderazzjoni l-motivi kollha li jistgħu jkunu marbuta mal-persuna tal-kandidat. Konsegwentament, minkejja l-prinċipju ta’ prijorità, l-amministrazzjoni tista’ dejjem tagħti preferenza lil kandidat raġel fuq il-bażi ta’ kriterji ta’ promozzjoni, kemm tradizzjonali kif ukoll dawk li mhumiex.

6        Mid-digriet tar-rinviju, jirriżulta li H. Marschall jaħdem bħala għalliem permanenti mal-Land, u li s-salarju tiegħu huwa dak bażiku fil-grad A 12.

7        Fit-8 ta’ Frar 1994, huwa applika għall-promozzjoni għal post fil-grad A 13 ("għalliem fl-ewwel grad tal-livell sekondarju impjegat f'din il-funzjoni") fiċ-ċentru skolastiku ta' Schwerte. Il-Bezirksregierung Arnsberg infurmatu, madankollu, li hi kellha l-intenzjoni li taħtar kandidata għal din il-pożizzjoni.

8        H. Marschall ressaq oġġezzjoni li l-Bezirksregierung ċaħdet b’deċiżjoni tad-29 ta’ Lulju 1994 abbażi tal-fatt li l-kandidata magħżula kellha bilfors tiġi promossa minħabba d-dispożizzjoni in kwistjoni, peress li skond ir-rapporti ta' evalwazzjoni uffiċjali, dik il-persuna u H. Marschall kellhom l-istess kwalifiki u peress li meta l-post vakanti ġie rreklamat kien hemm inqas nisa milli rġiel fil-grad A 13.

9        Għalhekk, H. Marschall ressaq proċeduri legali quddiem il-Verwaltungsgericht Gelsenkirchen bil-għan li l-Land jiġi ordnat jagħti l-promozzjoni għal pożizzjoni in kwistjoni lilu.

10      Il-qorti tar-rinviju, filwaqt li kkonstatat li H. Marschall u l-kandidata magħżula kellhom l-istess kwalifiki għal dik il-pożizzjoni, iddeċidiet li s-soluzzjoni għall-kontroversja tiddependi fuq il-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni in kwistjoni ma' l-Artikolu 2 (1) u (4) tad-Direttiva.

11      F'dan ir-rigward, il-Verwaltungsgericht Gelsenkirchen, filwaqt li tibbaża ruħha fuq is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Ottubru 1995, Kalanke vs Freie Hansestadt Bremen, tas-17 ta' Ottubru 1995 (kawża C-450/93 Ġabra p. I-3051), tirrileva li l-prijorità li d-dispożizzjoni in kwistjoni tagħti bħala prinċipju lin-nisa, tidher li tikkostitwixxi diskriminazzjoni skond l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva. Diskriminazzjoni bħal din ma tiġix eliminata mill-possibbiltà li tingħata preferenza, b’mod eċċezzjonali, lill-kandidat.

12      Il-qorti tar-rinviju tiddubita wkoll li d-dispożizzjoni in kwistjoni taqa' fl-ambitu ta' applikazzjoni ta' l-eċċezzjoni prevista mill-Artikolu 2(4) tad-Direttiva u li tikkonċerna l-miżuri intiżi sabiex jippromwovu l-ugwaljanza fl-opportunitajiet għall-irġiel u nisa. Il-bażi li fuqha jiġu eżaminati l-kandidati tkun indebitament limitata peress li tittieħed in kunsiderazzjoni biss il-proporzjoni numerika ta’ irġiel ma’ nisa fil-grad li għandu jimtela'. Barra minn hekk, id-dispożizzjoni in kwistjoni ma ttejjibx il-kompetittività tan-nisa fis-suq ta' l-impjiegi u l-kapaċità tagħhom biex isegwu karriera fuq l-istess livell ta’ l-irġiel, imma tippreskrivi riżultat, filwaqt li l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva jippermetti biss miżuri intiżi sabiex jippromwovu l-ugwaljanza fl-opportunitajiet.

13      F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tissottoponi l-kwistjoni li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

"L-Artikolu 2(1) u (4) tad-Direttiva tal-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej tad-9 ta’ Frar 1976 dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u nisa f'dak li għandu x'jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol (76/207/KEE), jipprekludi li regolament nazzjonali jiddisponi li, fis-setturi tas-servizz pubbliku li għandhom inqas impjegati nisa minn irġiel fil-grad in kwistjoni, in-nisa għandhom jingħataw prijorità meta l-kwalifiki (f’termini ta’ kapaċità, kompetenza u qadi tad-dmirijiet professjonali) tal-kandidati rġiel u nisa huma l-istess, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet marbuta speċifikament mal-kandidat li jxeqilbu l-bilanċ favur tiegħu ('sofern nicht in der Person eines männlichen Mitbewerbers liegende Gründe überwiegen')?"

14      Il-Land, il-Gvernijiet Awstrijak, Spanjol, Finlandiż, Norveġiż u Żvediż, kif ukoll il-Kummissjoni jikkunsidraw li dispożizzjoni nazzjonali bħal ma hija d-dispożizzjoni in kwistjoni tikkostitwixxi miżura intiża sabiex tippromwovi opportunitajiet ugwali bejn irġiel u nisa li taqa’ fl-ambitu ta' applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva.

15      F’dan ir-rigward il-Land josserva li l-prijorità mogħtija lil kandidati nisa hija intiża sabiex tikkontrobatti l-kriterji tradizzjonali ta’ promozzjoni fix-xogħol mingħajr, madankollu, ma tibdilhom. Il-Gvern Awstrijak jikkunsidra li dispożizzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni hija intiża sabiex tikkoreġi proċeduri diskriminatorji fl-għażla tal-persunal.

16      Il-Gvernijiet Finlandiż, Żvediż, u Norveġiż iżidu li d-dispożizzjoni nazzjonali in kwistjoni tiffavorixxi l-aċċess tan-nisa għal postijiet ta’ responsabbiltà u għaldaqstant tikkontribwixxi sabiex iġġib lura l-bilanċ fis-swieq tax-xogħol li, fl-istat preżenti tagħhom, għadhom maqsuma fuq il-bażi ta’ sess f'dak li jikkonċentraw ix-xogħol tan-nisa fil-postijiet li jinsabu l-isfel fil-ġerarkija professjonali. Skond il-Gvern Finlandiż, l-esperjenza tal-passat turi b’mod partikolari li l-azzjonijiet li huma limitati sabiex jintervjenu fl-orjentazzjoni u fit-taħriġ professjonali tan-nisa jew fit-tqassim ta’ responsabbiltajiet professjonali u familjari mhumiex biżżejjed sabiex iġibu fit-tmiem din id-diviżjoni fis-swieq tax-xogħol.

17      Fl-aħħar nett, il-Land u dawn il-Gvernijiet kollha huma tal-fehma li d-dispożizzjoni in kwistjoni ma tiggarantixxix lin-nisa l-prijorità assoluta u inkundizzjonata. Għaldaqstant taqa' fil-limiti indikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kalanke, iċċitata aktar 'il fuq.

18      Minn naħa l-oħra, il-Gvernijiet Franċiż u tar-Renju Unit jikkunsidraw ukoll li d-dispożizzjoni in kwistjoni ma taqax taħt id-deroga msemmija fl-Artikolu 2(4) tad-Direttiva.

19      F'dan ir-rigward dawn iż-żewġ Gvernijiet isostnu li din id-dispożizzjoni, filwaqt li tagħti prijorità lil kandidati nisa, tmur lil hinn milli tippromwovi opportunitajiet ugwali u hija intiża sabiex tistabbilixxi ugwaljanza ta’ rappreżentazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa. Konsegwentement, ir-raġunament segwit fis-sentenza Kalanke ċċitata aktar 'il fuq għandu jiġi applikat.

20      Il-Gvern Franċiż u tar-Renju Unit isostnu wkoll li, l-eżistenza ta' deroga ma tneħħi xejn min-natura diskriminatorja tad-dispożizzjoni in kwistjoni. Din id-deroga tapplika biss b’mod eċċezzjonali u għaldaqstant m'għandhiex impatt f’każ "normali", fejn ma hemm ebda raġuni marbuta speċifikament mal-kandidat tali li tegħleb l-obbligu ġenerali li tiġi promossa kandidata. Minbarra dan, peress li d-deroga hija espressa f’termini ġenerali u impreċiżi, hija tmur kontra l-prinċipju taċ-ċertezza legali.

21      Mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva, jirriżulta li din hija intiża sabiex fl-Istati Membri jiġi implementat il-prinċipju ta’ trattament ugwali għan-nisa u għall-irġiel partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għal impjieg, inkluża l-promozzjoni. Skond l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva dan il-prinċipju ta' l-ugwaljanza fit-trattament jimplika li "m'għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni minħabba sess kemm direttament kif ukoll indirettament"

22      Skond l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva "hija mingħajr preġudizzju għal xi miżuri li jmexxu 'l quddiem l-opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa, speċjalment billi jneħħu xi inugwaljanzi li jeżistu li jaffettwaw l-opportunitajiet tan-nisa fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1(1)."

23      Fil-punt 16 tas-sentenza Kalanke ċċitata aktar 'il fuq, il-Qorti kkonstatat li dispożizzjoni nazzjonali li fil-każ ta' promozzjoni, tagħti b'mod awtomatiku l-prijorità lil kandidati nisa li għandhom l-istess kwalifiki bħal dawk tal-kompetituri rġiel f'dawk l-oqsma ta' attività fejn in-nisa huma anqas numerużi mill-irġiel fil-grad in kwistjoni, tikkostitwixxi diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess.

24      Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat li, differentement mid-dispożizzjoni in kwistjoni fis-sentenza Kalanke, id-dispożizzjoni f’dan il-każ fiha klawżola li biha n-nisa ma għandhomx jingħataw prijorità fil-promozzjonijiet kemm-il darba hemm raġunijiet marbuta speċifikament mal-kandidat li jxeqilbu l-bilanċ favur tiegħu. ('Öffnungsklausel', aktar 'l isfel "il-klawżola ta' riżerva")

25      Konsegwentement, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk dispożizzjoni nazzjonali li fiha tali klawżola hijiex intiża sabiex tippromwovi opportunitajiet ugwali bejn nisa u rġiel skond l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva.

26      L-Artikolu 2(4) huwa speċifikament u esklużivament intiż sabiex jawtorizza miżuri li, għalkemm jidhru li huma diskriminatorji, huma fil-fatt intiżi sabiex jeliminaw jew inaqqsu l-każijiet attwali ta’ inugwaljanza li jistgħu jeżistu fir-realtà tal-ħajja soċjali (Sentenzi tal-25 ta' Ottubru 1988, Il-Kummissjoni vs Franza, kawża 312/86, Ġabra 6315, punt 15, u Kalanke, iċċitata aktar 'il fuq, punt 18).

27      Għaldaqstant din tawtorizza miżuri nazzjonali fil-qasam ta' l-aċċess għall-impjiegi, inkluża l-promozzjoni, li filwaqt li jiffavorixxu b'mod speċjali lin-nisa, għandhom l-għan li jtejbu l-kapaċità tagħhom li jikkompetu fis-suq tax-xogħol u li jsegwu karriera bl-istess opportunitajiet ta' l-irġiel (sentenza Kalanke, iċċitata aktar 'il fuq, punt 19).

28      Kif qal il-Kunsill fit-tielet premessa tar-rakkomandazzjoni tiegħu, 84/635/KEE, tat-13 ta’ Diċembru 1984, dwar il-promozzjoni ta’ azzjoni pożittiva favur in-nisa (ĠU 1984 L 331, p. 34), "id-dispożizzjonijiet ġuridiċi eżistenti dwar it-trattament ugwali, li huma intiżi sabiex jagħtu drittijiet lill-individwi, mhumiex biżżejjed sabiex jeliminaw kull forma ta’ inugwaljanza ta' fatt sakemm ma titteħidx azzjoni parallela mill-Gvernijiet, mill-imsieħba soċjali, u minn entitajiet oħra kkonċernati, sabiex jikkumpensaw għall-effetti ta' ħsara li jirriżultaw minn attitudnijiet, imġiba u strutturi soċjali fuq in-nisa fil-ħajja attiva" (sentenza Kalanke, punt 20).

29      Issa, kif enfasizzaw il-Land u bosta mill-Gvernijiet intervjenenti, jidher li anki fejn kandidati rġiel u nisa għandhom l-istess kwalifiki, hemm it-tendenza li kandidati rġiel jingħataw promozzjoni bi preferenza għal kandidati nisa, partikolarment, minħabba preġudizzji u stereotipar tar-rwol u tal-kapaċitajiet tan-nisa fil-ħajja attiva u l-biża', per eżempju, li n-nisa jwaqqfu l-karrieri tagħhom b’mod aktar frekwenti, li minħabba x-xogħol tad-dar u tal-familja tagħhom ikunu anqas flessibbli fil-ħinijiet tax-xogħol tagħhom, jew li jfallu mix-xogħol b’mod aktar frekwenti minħabba tqala, twelid u treddiegħ tat-trabi.

30      Għal dawn il-motivi, is-sempliċi fatt li żewġ kandidati ta' sess differenti għandhom l-istess kwalifiki ma jfissirx li huma għandhom l-istess opportunitajiet.

31      Minn dan jirriżulta li dispożizzjoni nazzjonali li tgħid li n-nisa li, fil-każ ta' promozzjoni, għandhom l-istess kwalifiki bħal dawk tal-kompetituri rġiel, jibbenefikaw, salv għall-klawżola ta' riżerva, minn trattament preferenzjali fis-setturi fejn m'humiex suffiċjentement irrappreżentati, tista' taqa' fl-ambitu ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 2(4) sakemm tali dispożizzjoni tista' tikkumpensa għall-effetti negattivi fuq kandidati nisa minħabba l-attitudni u l-imġiba li ġiet deskritta hawn fuq u sabiex tnaqqas l-inugwaljanzi attwali li jeżistu fil-ħajja soċjali.

32      Madankollu, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, peress li l-Artikolu 2(4) jikkostitwixxi deroga mid-dritt individwali ddikjarat fid-Direttiva, din il-miżura nazzjonali li tiffavorixxi speċifikament kandidati nisa ma tistax tiggarantixxi prijorità assoluta u inkundizzjonata lin-nisa fil-każ ta’ promozzjoni mingħajr ma taqbeż il-limiti ta’ l-eċċezzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni (sentenza Kalanke, iċċitata iktar 'il fuq, punti 21 u 22).

33      Kuntrarjament għad-dispożizzjoni in kwistjoni fis-sentenza Kalanke, dispożizzjoni nazzjonali li, bħal fil-kawża prinċipali, fiha klawżola ta' riżerva, ma taqbiżx dawn il-limiti jekk, f’kull każ individwali, din tagħti, lill-kandidati rġiel li għandhom l-istess kwalifiki daqs il-kandidati nisa, garanzija li l-kandidati ser jiġu kkunsidrati oġġettivament u li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-kriterji kollha relatati ma' kull kandidat individwali u li titneħħa l-prijorità li tingħata lil kandidati nisa, fejn waħda jew aktar minn dawk il-kriterji xxeqleb il-bilanċ favur kandidat raġel. Madankollu f'dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi mfakkar li dawn il-kriterji ma għandhomx ikunu diskriminatorji fil-konfront tal-kandidati nisa.

34      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk dawn il-kundizzjonijiet ġewx sodisfatti abbażi ta’ eżami ta' l-iskop tad-dispożizzjoni in kwistjoni kif tkun ġiet applikata mil-Land.

35      Għaldaqstant, it-tweġiba li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju għandha tkun li, l-Artikolu 2(1) u (4) tad-Direttiva ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li tobbliga li, fil-każ ta' l-istess kwalifiki ta' kandidati ta' sess differenti in kwantu għall-attitudni, kompetenza, u qadi tad-dmirijiet professjonali tagħhom, għandha tingħata prijorità lill-promozzjoni tal-kandidati nisa fis-setturi ta' attività fis-servizz pubbliku fejn in-nisa huma inqas numerużi mill-irġiel fil-grad in kwistjoni, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet marbuta speċifikament ma' kandidat li jxeqilbu l-bilanċ favur tiegħu, bil-kundizzjoni li:

-      f'kull każ individwali, id-dispożizzjoni tiggarantixxi lill-kandidati rġiel li għandhom l-istess kwalifiki daqs il-kandidati nisa, li l-kandidati ser jiġu kkunsidrati oġġettivament u li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-kriterji kollha relatati mal-kandidati individwali u li titneħħa l-prijorità li tingħata lil kandidati nisa, fejn waħda jew aktar minn dawk il-kriterji xxeqleb il-bilanċ favur kandidat, u

–      kriterji bħal dawn ma jiddiskriminawx fil-konfront ta' kandidati nisa.

 Fuq l-ispejjeż

36      L-ispejjeż tal-Gvernijiet Spanjol, Franċiż, Olandiż, Awstrijak, Finlandiż, Żvediż, tar-Renju Unit u Norveġiż u tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li fil-kawża prinċipali, il-proċeduri preżenti għandhom in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha għaldaqstant tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

bi tweġiba għad-domanda mressqa lilha mill-Verwaltungsgericht Gelsenkirchen permezz ta' digriet tal-21 ta' Diċembru 1995, taqta' u tiddeċiedi li:

37      L-Artikolu 2(1) u (4) tad-Direttiva 76/207/KEE tad-9 ta’ Frar 1976 dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li tobbliga li, fil-każ ta' l-istess kwalifiki ta' kandidati ta' sess differenti in kwantu għall-attitudni, kompetenza, u qadi tad-dmirijiet professjonali tagħhom, għandha tingħata prijorità lill-promozzjoni tal-kandidati nisa fis-setturi ta' attività fis-servizz pubbliku fejn in-nisa huma inqas numerużi mill-irġiel fil-grad in kwistjoni, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet marbuta speċifikament mal-kandidat li jxeqilbu l-bilanċ favur tiegħu, bil-kundizzjoni li:

–        f'kull każ individwali, id-dispożizzjoni tiggarantixxi lill-kandidati rġiel li għandhom l-istess kwalifiki daqs il-kandidati nisa, li l-kandidati ser ikunu kkunsidrati oġġettivament u li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-kriterji kollha relatati mal-kandidati individwali u li titneħħa l-prijorità li tingħata lil kandidati nisa, fejn waħda jew aktar minn dawk il-kriterji xxeqleb il-bilanċ favur kandidat; u

-       kriterji bħal dawn ma jiddiskriminawx fil-konfront ta' kandidati nisa.

Firem

Rodríguez Iglesias

Gulmann

Ragnemalm

Wathelet

Mancini

Moitinho de Almeida

Kapteyn

Murray

Edward

Puissochet

 

       Hirsch

Jann

 

      Sevón

Mogħtija f'Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-11 ta' Novembru 1997

R. Grass

 

       G.C. Rodríguez Iglesias

Reġistratur

 

President


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.