SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

9 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

“ Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Kwalità tal-arja ambjentali – Direttiva 2008/50/KE – Artikoli 13 u 23 – Valuri limitu għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem – Qbiż – Pjan dwar il-kwalità tal-arja – Direttiva 2010/75/UE – Prevenzjoni u tnaqqis integrati tat-tniġġis – Aġġornament ta’ awtorizzazzjoni għall-operat ta’ impjant termiku – Valur ta’ limitu tal-emissjonijiet – Artikolu 15(4) – Talba għal deroga li tistabbilixxi valuri limitu ta’ emissjoni inqas stretti – Tniġġis sinjifikattiv – Artikolu 18 – Osservanza tal-istandards ta’ kwalità ambjentali – Obbligi tal-awtorità kompetenti”

Fil-Kawża C‑375/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, Il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Ġunju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Ġunju 2021, fil-proċedura

Sdruzhenie “Za Zemyata — dostap do pravosadie”,

“Тhe Green Тank – grazhdansko sdruzhenie s nestopanska tsel” – ir-Repubblika Ellenika,

NS

vs

Izpalnitelen director na Izpalnitelna agentsia po okolna sreda,

“TETS Maritsa iztok 2” EAD,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, President ta’ Awla, M. L. Arastey Sahún, F. Biltgen, N. Wahl u J. Passer (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Sdruzhenie “Za Zemyata – dostap do pravosadie”, irrappreżentata A. M. Kodzhabashev, R. I. Stoilova, advokati, u F. Logue, solicitor

għal “TETS Maritsa iztok 2” EAD, minn Z. D. Dinchev,

għall-Gvern Bulgaru, minn T. Mitova u L. Zaharieva, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Palatiello, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Bozhilova, M. Noll-Ehlers u C. Valero, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ Settembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) TUE, tal-Artikoli 13 u 23 tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa (ĠU 2008, L 152, p. 1), kif ukoll tal-Artikolu 15(4) u tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU 2010, L 334, p. 17, rettifika fil-ĠU 2012, L 158, p. 25).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Sdruzhenie “Za Zemyata — dostap do pravosadie”, assoċjazzjoni Bulgara, “The Green Tank — grazhdansko sdruzhenie s nestopanska tsel” – ir-Repubblika Ellenika, assoċjazzjoni ċivili Griega mingħajr skop ta’ lukru, u NS, ċittadin Grieg, id-Direttur Eżekuttiv tal-Izpalnitelna agentsya po okolna sreda (l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Ambjent, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem id-“direttur eżekuttiv”) u għal “TETS Maritsa Iztok 2” EAD, operatur ta’ impjanti termiċi, dwar ir-rilokazzjoni, mid-direttur eżekuttiv, tal-awtorizzazzjoni li tikkonċerna “TETS Maritsa Iztok 2” impjant tal-enerġija termali Bulgaru, u relatat mat-tħaddim ta’ impjant ta’ kombustjoni maħsub biex jipproduċi l-elettriku, impjant ta’ produzzjoni tal-idroġenu u terraferma għal skart inert, skart tal-kostruzzjoni, u skart perikoluż u mhux perikoluż.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2008/50

3

Il-premessa 18 tad-Direttiva 2008/50 tipprevedi:

“Għandhom jiġu żviluppati pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja għal żoni u agglomerazzjonijiet li fihom il-konċentrazzjonijiet ta’ inkwinanti fl-arja ambjentali jaqbżu l-valuri mmirati jew il-valuri ta’ limitu rilevanti tal-kwalità ta’ l-arja, flimkien ma’ kwalunkwe marġini ta’ tolleranza temporanja, fejn applikabbli. L-inkwinanti ta’ l-arja jiġu minn ħafna sorsi u attivitajiet differenti. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn linji politiċi differenti, tali pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja għandhom ikunu konsistenti fejn fattibbli, u jkunu integrati mal-pjanijiet u l-programmi ppreparati skond id-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-limitazzjoni ta’ l-emissjonijiet ta’ ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 299], id-Direttiva 2001/81/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-livelli nazzjonali massimi ta’ l-emissjonijiet ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 320)], u d-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ġunju 2002 li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 101]. Ser jitqiesu bis-sħiħ ukoll l-għanijiet għall-kwalità ta’ l-arja ambjentali stipulati f’din id-Direttiva, meta jingħataw permessi għall-attivitajiet industrijali skond id-Direttiva 2008/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Jannar 2008 dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis [ĠU 2008, L 24, p. 8].”

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/50, intitolat “Suġġett”, jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri mmirati lejn dan li ġej:

1)

id-definizzjoni u d-determinazzjoni ta’ objettivi fir-rigward tal-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent maħsuba sabiex jevitaw, jimpedixxu jew inaqqsu l-effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kollu;

[…]”

5

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jistipula:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

5.

‘valur ta’ limitu’ tfisser livell fiss fuq il-bażi tal-konoxxenza xjentifika, bil-għan li jkunu evitati, prevenuti jew jitnaqqsu l-effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u/jew l-ambjent kollu, li għandu jintlaħaq f’perijodu partikolari u li ma għandux jinqabeż ladarba jintlaħaq;

[…]

9.

‘valur immirat’ tfisser livell iffissat bil-għan li jkunu evitati, prevenuti jew imnaqqsa l-effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u/jew l-ambjent kollu, li għandu jintlaħaq meta possibbli fuq perijodu stipulat;

[…]”

6

L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, intitolat “Valuri ta’ limitu u l-limiti ta’ allert għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bnedmin”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fiż-żoni u l-agglomerazzjonijiet kollha tagħhom, il-livelli tad-dijossidu tal-kubrit [jew SO2)], PM10, iċ-ċomb u l-monossidu tal-karbonju fl-arja ta’ l-ambjent ma’ jaqbżux il-valuri ta’ limitu stabbiliti fl-Anness XI.

Fir-rigward tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-benżina, il-valuri ta’ limitu speċifikati fl-Anness XI ma jistgħux jinqabżu mid-dati speċifikati fih.

Il-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi valutata skond l-Anness III.

Il-marġini ta’ tolleranza stabbiliti fl-Anness XI għandhom japplikaw skont l-Artikolu 22(3) u l-Arikolu 23(1).”

7

L-Artikolu 23 tal-istess direttiva, intitolat “Pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn, fiż-żoni jew l-agglomerazzjonijiet stipulati, il-livelli ta’ sustanzi li jniġġsu fl-arja ta’ l-ambjent jaqbżu kwalunkwe valur ta’ limitu jew valur immirat, kif ukoll kwalunkwe marġni rilevanti tat-tolleranza f’kull każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu stabbiliti pjanijiet dwar il-kwalità ta’ l-arja għal dawk iż-żoni u agglomerazzjonijiet sabiex jinkiseb il-valur ta’ limitu jew valur immirat relatati speċifikati fl-Annessi XI u XIV.

Fil-każ ta’ qabżiet ta’ dawk il-valuri ta’ limitu li għalihom id-data ta’ skadenza sabiex jintlaħqu diġà tkun skadiet il-pjan ta’ kwalità ta’ l-arja għandu jistabbilixxi miżuri adegwati, sabiex il-perijodu tal-qabża jkun jista’ jinżamm l-iqsar possibbli. […]

[…]”

Id‑Direttiva 2010/75

8

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2010/75, intitolat “Definizzjonijiet”, jiddikjara:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(2)

‘tniġġis’ tfisser l-introduzzjoni diretta jew indiretta, bħala riżultat ta’ attivita umana, ta’ sustanzi, vibrazzjonijiet, sħana jew ħsejjes fl-arja, fil-baħar jew fl-art li jistgħu jkunu ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem jew għall-kwalità tal-ambjent, li tirriżulta fi ħsara għal proprjetà materjali, jew tgħarraq jew tfixkel il-faċilitajiet u l-użi oħra leġittimi tal-ambjent;

[…]

(6)

‘livell tal-kwalità ambjentali’ tfisser is-sett ta’ rekwiżiti li għandhom jitħarsu fi żmien partikolari minn ambjent partikolari jew parti partikolari minnu, kif stabbilit fil-liġi tal-Unjoni;

[…]”

9

L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet għal permess”, jispeċifika:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-permess ikun jinkludi l-miżuri kollha meħtieġa għall-konformità mar-rekwiżiti tal-Artikoli 11 u 18.

[…]

2.   Għall-finijiet tal-punt (a) tal-paragrafu 1, il-valuri limitu tal-emissjonijiet jistgħu jiġu supplimentati jew mibdula b’parametri ekwivalenti jew miżuri tekniċi li jiżguraw livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ambjent.

[…]

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18, l-awtorità kompetenti tista’ tistabbilixxi kondizzjonijiet aktar stretti għal permess minn dawk li jistgħu jinkisbu bl-użu tal-aħjar [BAT] kif deskritt fil-konklużjonijiet tal-BAT. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli li bihom l-awtorità kompetenti tista’ tiffissa tali kondizzjonijiet aktar stretti.

[…]”

10

Skont l-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Valuri limitu tal-emissjonijiet, parametri ekwivalenti u miżuri tekniċi”:

“1.   Il-valuri limitu tal-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu għandhom japplikaw fil-punt fejn l-emissjonijiet iħallu l-installazzjoni u, kwalunkwe dilwizzjoni qabel dak il-punt għandha tkun injorata meta dawk il-valuri jkunu qed jiġu stabbiliti.

[…]

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18, il-valuri limitu tal-emissjonijiet u l-parametri ekwivalenti u l-miżuri tekniċi msemmijin fl-Artikolu 14(1) u (2) għandhom jiġu bbażati fuq l-aħjar [BAT], mingħajr ma jiġi preskritt l-użu ta’ xi teknika jew teknoloġija speċifika

3.   L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi valuri limitu tal-emissjonijiet li jiguraw li, taħt kondizzjonijiet normali ta’ tħaddim, l-emissjonijiet ma jaqbżux il-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-aħjar [BAT] kif stabbilit fid-deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet tal-BAT imsemmijin fl-Artikolu 13(5) permezz ta’ wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

il-ħolqien ta’ valuri limitu tal-emissjonijiet li ma jaqbżux il-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-aħjar [BAT]. Dawk il-valuri limitu tal-emissjonijiet għandhom ikunu espressi għall-istess perijodi jew perijodi ta’ żmien aqsar u skont l-istess kondizzjonijiet ta’ referenza bħal dawk il-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-aħjar [BAT]; jew

(b)

il-ħolqien ta’ valuri limitu tal-emissjonijiet differenti minn dawk imsemmijin taħt il-punt (a) f’termini ta’ valuri, perijodi ta’ żmien u kondizzjonijiet ta’ referenza.

Fejn jiġi applikat il-punt (b), l-awtorità kompetenti għandha, mill-anqas darba fis-sena, tivvaluta r-riżultati tal-monitoraġġ tal-emissjonijiet sabiex ikun żgurat li l-emissjonijiet f’kondizzjonijiet normali ta’ tħaddim ma jkunux qabżu l-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-aħjar [BAT].

4.   B’deroga mill-paragrafu 3 u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 18, l-awtorità kompetenti tista’, f’każijiet speċifiċi, tistabbilixxi valuri limitu tal-emissjonijiet inqas stretti. Deroga ta’ dan it-tip tista’ tapplika biss fejn hemm evalwazzjoni li turi li l-kisba ta’ livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-aħjar [BAT] kif deskritti fil-konklużjonijiet tal-BAT twassal għal spejjeż sproporzjonalment ogħla meta mqabbla mal-benefiċċji ambjentali minħabba:

(a)

il-pożizzjoni ġeografika jew il-kondizzjonijiet ambjentali lokali tal-installazzjoni kkonċernata; jew

(b)

il-karatteristiċi tekniċi tal-installazzjoni kkonċernata.

L-awtorità kompetenti għandha tiddokumenta f’anness għall-kondizzjonijiet għal permess ir-raġunijiet għall-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu inkluż ir-riżultat tal-valutazzjoni u l-ġustifikazzjoni għall-kondizzjonijiet imposti.

Il-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti b’konformità mal-ewwel subparagrafu, madankollu, m’għandhomx jaqbżu l-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fl-Annessi għal din id-Direttiva, fejn applikabbli

L-awtorità kompetenti fi kwalunkwe każ għandha tiżgura li ma jiġi kkawżat l-ebda tniġġis sinifikanti u li jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent kollu kemm hu.

[…]

L-awtorità kompetenti għandha tivvaluta mill-ġdid l-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu bħala parti minn kull rikonsiderazzjoni tal-kondizzjonijiet għal permess skont l-Artikolu 21.

[…]”

11

L-Artikolu 18 tal-istess direttiva, intitolat “Livelli ta’ kwalità ambjentali”, jipprevedi:

“Meta livell ta’ kwalità ambjentali jeħtieġ kondizzjonijiet aktar iebsa minn dawk li jistgħu jinkisbu bl-użu tal-aħjar [BAT], għandhom jiġu inklużi kondizzjonijiet addizzjonali fil-permess, mingħajr preġudizzju għal miżuri oħra li jistgħu jittieħdu biex jitħarsu l-livelli ta’ kwalità ambjentali.”

12

L-Artikolu 31 tad-Direttiva 2010/75, intitolat “Rata tat-tneħħija tal-kubrit”, jistabbilixxi:

“1.   Għall-impjanti ta’ kombustjoni alimentati b’karburant solidu indiġenu, li ma jistgħux jikkonformaw mal-valuri limitu tal-emissjonijiet għad-diossidu tal-kubrit, imsemmi fl-Artikolu 30(2) u (3) minħabba l-karatteristiċi ta’ dan il-karburant, l-Istati Membri jistgħu japplikaw minflok ir-rati minimi tat-tneħħija tal-kubrit stabbiliti fil-Parti 5 tal-Anness V, skont ir-regoli ta’ konformità stabbiliti fil-Parti 6 ta’ dak l-Anness u b’validazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti tar-rapport tekniku msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 72(4).

2.   Għal impjanti ta’ kombustjoni alimentati b’karburant solidu indiġenu, li qed jagħmlu ko-inċinerazzjoni tal-iskart, u li ma jistgħux jikkonformaw mal-valuri Cproc għad-dijossidu tal-kubrit stipulati fil-punti 3.1 jew 3.2 tal-Parti 4 tal-Anness VI minħabba fil-karatteristiċi tal-karburant solidu indiġenu, l-Istati Membri jistgħu, minflok, japplikaw ir-rati minimi tat-tneħħija tal-kubrit stipulati fil-Parti 5 tal-Anness V, skont ir-regoli ta’ konformità stabbiliti fil-Parti 6 ta’ dak l-Anness. Jekk l-Istati Membri jagħżlu li japplikaw dan il-paragrafu, Cskart kif imsemmi fil-punt 1 tal-Parti 4 tal-Anness VI għandu jkun ugwali għal 0 mg/Nm3.

3.   Sal‑31 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-possibbiltà tal-applikazzjoni tar-rati minimi ta’ tneħħija tal-kubrit stabbiliti fil-Parti 5 tal-Anness V, filwaqt li jitqiesu, b’mod partikolari. l-aħjar [BAT] u l-benefiċċji miksuba minn emissjonijiet imnaqqsa ta’ dijossidu tal-kubrit.”

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal‑Kummissjoni (UE) 2017/1442

13

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1442 tal‑31 ta’ Lulju 2017 li tistabbilixxi l-konklużjonijiet tal-aqwa tekniki disponibbli (BAT), skont id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għall-impjanti kbar tal-kombustjoni (ĠU 2017, L 212, p. 1), timponi, b’mod partikolari, il-livelli tal-emissjonijiet assoċjati ma’ dawn il-BAT fir-rigward tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit.

Id‑dritt Bulgaru

Il‑Liġi dwar il‑Purità tal‑Arja Ambjentali

14

L-Artikolu 6(1) taż-Zakon za chistotata na atmosferniya vazduh (il-Liġi dwar il-Purità tal-Arja Ambjentali), tat‑28 ta’ Mejju 1996 (DV Nru 45, tat‑28 ta’ Mejju 1996), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Purità tal-Arja Ambjentali”), jipprevedi:

“(1)   Il-Ministru għall-Ambjent u għall-Ilmijiet u l-Ministru tas-Saħħa għandhom jadottaw flimkien id-digrieti li jistabbilixxu livelli limiti ta’ sustanzi noċivi (sustanzi li jniġġsu) fl-arja ambjentali u livelli limiti ta’ effetti ta’ sustanzi noċivi (sustanzi li jniġġsu)”.

15

L-Artikolu 9 tat-Taqsima I tal-Liġi dwar il-purità tal-arja ambjentali, intitolat “Emissjonijiet ta’ sors stazzjonarju”, li jinsab fil-Kapitolu 3 tagħha, intitolat “Limitazzjoni tal-emissjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“(1)   Il-Ministru għall-Ambjent u għall-Ilmijiet u l-ministri kkonċernati għandhom jadottaw flimkien digrieti li jistabbilixxu valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet ta’ sustanzi noċivi (sustanzi li jniġġsu) fl-arja ambjentali minn installazzjonijiet u attivitajiet li huma sorsi ta’ emissjonijiet stazzjonarji.

(2)   Il-valuri limitu tal-emissjonijiet huma stabbiliti sabiex tiġi żgurata l-kwalità tal-arja fl-ambjent li tikkorrispondi mal-livelli ta’ limiti ta’ sustanzi noċivi (sustanzi li jniġġsu) imsemmija fl-Artikolu 6.

(3)   Il-valuri limitu tal-emissjonijiet huma vinkolanti għall-installazzjonijiet u l-attivitajiet kollha, ħlief fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 10a.

(4)   Il-valuri limitu tal-emissjonijiet għandhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta’:

1. Konklużjonijiet dwar il-[BAT], adottati permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, fis-sens tal-punt 42c tad-dispożizzjonijiet komplementari taż-Zakon za opazvane na okolnata sreda (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent) [(DV Nru 91, tal‑25 ta’ Settembru 2002), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent”)];

2. l-aħħar żviluppi teknoloġiċi u ta’ teknoloġiji, skoperti xjentifiċi u riżultati tal-użu prattiku ta’ dawn l-iskoperta.

(5)   Skont il-kundizzjonijiet li jirregolaw it-territorju ta’ komun partikolari, huwa possibbli li jiġu ffissati valuri limiti ta’ emissjoni tal-installazzjonijiet u tal-attivitajiet f’muniċipalitajiet, tad-distretti jew tal-agglomerazzjonijiet partikolari, iktar stretti minn dawk stabbiliti fid-digrieti msemmija fil-paragrafu 1 u fl-Artikoli 9a sa 9d.

[…]”

16

L-Artikolu 27 tal-Liġi dwar il-Purità tal-Arja Ambjentali jipprevedi:

“(1)   Fil-każijiet fejn, f’distrett partikolari, il-kwantità totali ta’ emissjonijiet twassal għal qbiż tal-istandards dwar is-sustanzi noċivi (sustanzi li jniġġsu) fl-arja ambjentali u tal-istandards fil-qasam tad-depożizzjoni ta’ sustanzi, is-sindki tal-muniċipalitajiet għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw programmi sabiex jitnaqqsu l-livelli ta’ sustanzi li jniġġsu u sabiex jiġu osservati l-istandards stabbiliti, fis-sens tal-Artikolu 6. Il-programmi għandhom jiġu adottati mill-kunsilli muniċipali.

[…]

(4)   il-programmi msemmija fil-paragrafu 1 jinkludu wkoll: l-għanijiet, il-miżuri, l-istadji u t-termini li fihom iridu jintlaħqu; l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet responsabbli għall-implimentazzjoni tagħhom, il-mezzi biex tiġi żgurata din l-implimentazzjoni, is-sistema għar-rappurtar u l-kontroll tal-eżekuzzjoni, kif ukoll is-sistema għall-evalwazzjoni tar-riżultati.

(5)   Fil-każ fejn il-livelli ta’ sustanza li jniġġsu wieħed jew iktar jaqbżu l-istandards stabbiliti u fejn it-terminu għall-osservanza ta’ dawn l-istandards ikun inqabeż, il-programmi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu miżuri adegwati, intiżi sabiex jiżguraw li l-perijodu ta’ qbiż ikun l-iqsar possibbli.

(6)   It-twettiq tal-miżuri tal-programmi msemmija fil-paragrafu 1 għandu jwassal kull sena għal tnaqqis fin-numru ta’ qbiż tal-istandards għas-sustanzi noċivi u l-livelli annwali medji ta’ sustanzi li jniġġsu fil-każijiet fejn dawn ikunu ogħla mill-istandards stabbiliti fir-rigward tal-kwalità tal-arja ambjentali rreġistrati fil-punti ta’ kontroll, li jagħmlu parti mis-sistema nazzjonali ta’ monitoraġġ tal-ambjent fit-territorju tal-komun.

[…]”

Il‑Liġi dwar il‑Protezzjoni tal‑Ambjent

17

L-Artikolu 123 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent jistabbilixxi:

“(1)   L-awtorizzazzjoni integrata, fis-sens tal-Artikolu 117, tinkludi:

1.

[…] il-valuri limitu tal-emissjonijiet tas-sustanzi msemmija fl-Anness 8 u sustanzi oħra li jniġġsu li jistgħu jiġu rifjutati fi kwantitajiet sinifikanti mill-impjant kkonċernat:

a)

fid-definizzjoni tal-valuri limitu tal-emissjonijiet, għandhom jitqiesu l-karatteristiċi tas-sustanzi u l-potenzjal tagħhom ta’ trasferiment ta’ tniġġis minn ambjent għal ieħor;

b)

il-valuri limitu tal-emissjonijiet jistgħu jiġu ssupplimentati jew sostitwiti b’parametri ekwivalenti jew miżuri tekniċi ekwivalenti, li jiżguraw livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ambjent;

[…]

4.

il-kundizzjonijiet korrispondenti għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet:

[…]

(2)   L-awtorità kompetenti, fis-sens tal-Artikolu 120(1), għandha tiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni billi tieħu inkunsiderazzjoni l-konklużjonijiet dwar il-BAT.

[…]

(11)   […] Fl-awtorizzazzjoni integrata, l-awtorità kompetenti, fis-sens tal-Artikolu 120(1), għandha, jekk meħtieġ, tipprevedi miżuri addizzjonali ta’ konformità mal-istandards ta’ kwalità ambjentali li huma iktar stretti minn dawk li jistgħu jintlaħqu bl-applikazzjoni tal-BAT. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-effett ta’ miżuri previsti sabiex tinkiseb il-konformità ma’ standards oħra ta’ kwalità ambjentali. […]”

18

L-Artikolu 123a tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent jistabbilixxi:

“[…]

(1)   il-valuri limitu tal-emissjonijiet imsemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 123(1) taħt kundizzjonijiet operattivi normali:

1. ma jaqbżux il-livelli ta’ emissjoni stabbiliti fil-konklużjonijiet fuq il-BAT stabbiliti permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea; dawn il-valuri limitu tal-emissjonijiet jikkonċernaw perijodi identiċi jew iqsar u l-istess kundizzjonijiet ta’ referenza bħal-livelli ta’ emissjoni stabbiliti fid-deċiżjonijiet, jew

2. huma differenti mil-livelli msemmija fil-punt 1, iżda jiggarantixxu l-osservanza tal-livelli ta’ emissjoni stabbiliti fil-konklużjonijiet fuq il-BAT stabbiliti permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

(2)   L-osservanza, fis-sens tal-punt 2 tal-paragrafu 1, għandha tiġi żgurata permezz ta’ monitoraġġ tal-emissjonijiet u evalwazzjoni tar-riżultati mill-awtorità ta’ kontroll tal-inqas darba fis-sena.

(3)   […] L-awtorità kompetenti, fis-sens tal-Artikolu 120(1), tista’ tistabbilixxi valuri limiti tal-emissjonijiet inqas stretti minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1, meta evalwazzjoni turi li l-kisba tal-livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-BAT, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fil-konklużjonijiet fuq il-BAT adottati permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, twassal għal żieda fl-ispejjeż sproporzjonati fir-rigward tal-vantaġġi għall-ambjent, minħabba:

1. is-sitwazzjoni ġeografika tal-impjant, jew

2. il-karatteristiċi tal-ambjent fiż-żona tas-sit, jew

3. il-karatteristiċi tekniċi tal-impjant,

(4)   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 3, il-valuri tal-limiti tal-emissjonijiet ma għandhomx jikkawżaw tniġġis sostanzjali tal-ambjent u għandhom jippermettu li jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent.”

19

Id-dispożizzjonijiet komplementari tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent jiddefinixxu l-kunċetti ta’ “valur limitu tal-emissjonijiet”, ta’ “standards ta’ kwalità ambjentali”, ta’ “awtorizzazzjoni integrata” u ta’ “BAT”.

Ir‑regolament dwar il‑kundizzjonijiet u l‑modalitajiet għall‑għoti ta’ awtorizzazzjonijiet integrati

20

L-Artikolu 2 tan-Naredba za usloviyata i reda za izdavane na kompleksni razreshitelni (ir-Regolament dwar il-Kundizzjonijiet u l-Modalitajiet tal-Għoti tal-Awtorizzazzjonijiet Integrati), tat‑2 ta’ Ottubru 2009 (DV Nru 80, tad‑9 ta’ Ottubru 2009), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni integrata.

Ir‑regolament dwar il‑valuri limitu tal‑emissjonijiet ta’ diossidu tal‑kubrit, ta’ ossidi tan‑nitroġenu u ta’ partiċelli rrilaxxati fl‑atmosfera minn impjanti kbar tal‑kombustjoni

21

L-Artikolu 12 tan-Naredba za standard za dopustimi emisii na seren dioksid, azotni oksidi i prah, izpuskani v atmosferata ot golemi gorivni instalatsii (ir-Regolament dwar il-Valuri Limitu ta’ Emissjoni ta’ Diossidu tal-Kubrit, ta’ Ossidi tan-Nitroġenu u ta’ Partiċelli rrilaxxati fl-Atmosfera minn Impjanti kbar tal-Kombustjoni), tat‑28 ta’ Diċembru 2012 (DV Nru 2, tat‑8 ta’ Jannar 2013), jipprevedi:

“(1) Meta, f’impjant tal-kombustjoni, jinħarqu karburant solidu indiġenu li, minħabba l-karatteristiċi tiegħu, ma jippermettix li jiġi osservat il-valur limitu ta’ emissjonijiet ta’ diossidu tal-kubrit iddefinit fl-Artikolu 5, huwa possibbli li jiġu applikati r-rati minimi ta’ desulfurizzazzjoni ddefiniti fil-Parti 5 tal-Anness Nru 1, skont ir-regoli stabbiliti fil-Parti 6 tal-Anness Nru 1.

(2) L-applikazzjoni tad-deroga prevista fil-paragrafu 1 tista’ tiġi awtorizzata abbażi ta’ ġustifikazzjoni teknika tal-impossibbiltà li jiġu osservati l-valuri limitu tal-emissjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 5, imressqa mill-operatur qabel l-għoti/ir-reviżjoni tal-awtorizzazzjoni integrata u approvata mill-Ministru għall-Ambjent u għall-Ilmijiet jew minn uffiċjal awtorizzata minnu.

(3) Għall-finijiet tar-rapport annwali ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea, l-operaturi ta’ impjanti tal-kombustjoni għandhom jippreżentaw lill-Ministru għall-Ambjent u għall-Ilmijiet, qabel il‑31 ta’ Marzu, informazzjoni dwar is-sena preċedenti dwar:

1. għall-kontenut f’kubrit tal-kombustibbli użat u bir-rata ta’ desulfurizzazzjoni milħuq, bħala valuri ta’ kull xahar medji għaċ-ċmieni jew għal kull bojler, għall-installazzjonijiet li għalihom japplika l-paragrafu 1; […]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

22

TETS Maritsa Iztok 2 hija l-ikbar waħda mill-erba’ impjanti termiċi li jinsabu fil-kumpless tal-enerġija ta’ Maritsa Iztok fil-Bulgarija, b’kapaċità installata totali ta’ 1602 MegaWatt (MW). Hija ġiet mibnija fit-territorju tal-komun ta’ Radnevo (il-Bulgarija), madwar 24.5 km f’linja dritta lejn il-muniċipalità ta’ Galabovo (il-Bulgarija) u hija magħmula minn tmien ġeneraturi mgħammra b’impjanti ta’ purifikazzjoni tal-kubrit.

23

Permezz tad-deċiżjoni tiegħu tal‑21 ta’ Diċembru 2018, id-Direttur Eżekuttiv aġġorna l-awtorizzazzjoni integrata maħruġa fl‑2005 lil TETS Maritsa Iztok 2 għall-operat tal-impjanti msemmija iktar ’il fuq (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Din id-deċiżjoni ttieħdet abbażi tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent adottata għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2010/75 moqrija flimkien mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2017/1442.

24

Id-Direttur Eżekuttiv qies li l-valuri limitu ta’ emissjoni ta’ diossidu tal-kubrit (SO2) u ta’ merkurju setgħu jiġu ssostitwiti minn parametri jew miżuri tekniċi ekwivalenti li jipprovdu livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ambjent. Fir-rigward tad-SO2, huwa b’hekk awtorizza deroga billi ffissa rata ta’ desulfurizzazzjoni skont l-Artikolu 123(1)(1)(b) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent, moqri flimkien mal-Artikolu 12 tar-Regolament tat‑28 ta’ Diċembru 2012, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali u tal-Artikolu 31 tad-Direttiva 2010/75.

25

Madankollu, ir-rata ta’ desulfurizzazzjoni hekk awtorizzata ġiet iffissata, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 123a(3) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent, b’mod derogatorju, għal livelli ta’ 97 % u ta’ 97.5 %. Dawn il-livelli ta’ desulfurizzazzjoni li ma jippermettux fil-fatt li jiġi ggarantit il-livell ta’ emissjonijiet massimu assoċjat mal-BAT ta’ 320 mg/Nm3 għas-SO2 normalment meħtieġ iżda huma ta’ natura li jwasslu għal emissjonijiet ta’ SO2 ta’ 570 mg/Nm3, ġew stabbiliti b’dan il-mod sa fejn livell ta’ desulfurizzazzjoni ogħla kien jeħtieġ, min-naħa tal-operatur ikkonċernat, investimenti kunsiderevoli u, għaldaqstant, żieda fl-ispejjeż meqjusa bħala sproporzjonata fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

26

Ir-rikors ippreżentat minn Sdruzhenie “Za Zemyata — dostap do pravosadie” kontra d-deċiżjoni kontenzjuża ġie miċħud permezz ta’ sentenza tal-Administrativen sad Stara Zagora (il-Qorti Amministrattiva ta’ Stara Zagora, il-Bulgarija) tat‑28 ta’ Awwissu 2020.

27

Din il-qorti qieset li, kuntrarjament għal dak li s-Sdruzhenie “Za Zemyata dostap do pravosadi” sostniet, ma kienx hemm lok li tiġi eżaminata u evalwata l-importanza tal-aġġornament tal-pjan ta’ ġestjoni tal-kwalità tal-arja ambjentali fil-muniċipalità ta’ Galabovo, żviluppat għall-inkwinanti: Partiċelli fini (PM10) u dijossidu tal-kubrit (SO2) 2019 sa 2023, adottat mill-Kunsill Muniċipali ta’ Galabovo fit‑30 ta’ Novembru 2018 skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50. L-imsemmija qorti qieset li l-proċedura ddettaljata tal-għoti u tal-aġġornament tal-awtorizzazzjonijiet integrati, iddefinita fir-Regolament tat‑2 ta’ Ottubru 2009 fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-kawża prinċipali, ma kinitx teżiġi li tali pjan jiġi stabbilit bħala kundizzjoni preliminari għall-aġġornament ta’ awtorizzazzjoni integrata, b’tali mod li d-direttur eżekuttiv ma kienx obbligat jikkonforma ruħu mal-kontenut ta’ dan il-pjan.

28

Konsegwentement, l-istess qorti ddeċidiet li, skont l-Artikolu 123(1)(b) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent, l-istandards tal-emissjonijiet ammissibbli jistgħu jiġu kkompletati jew issostitwiti b’parametri jew miżuri tekniċi ekwivalenti li jiggarantixxu livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ambjent. Hija kkunsidrat ukoll, billi rreferiet, b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, għall-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2010/75, li d-dispożizzjonijiet tiegħu ġew trasposti fl-Artikolu 123a (3) u (4) ta’ din il-liġi, li d-deroga dwar it-tnaqqis tar-rata ta’ desulfurizzazzjoni meħtieġa sabiex jintlaħqu l-valuri ta’ emissjoni ta’ S02 normalment applikabbli setgħet tingħata validament fuq il-bażi tal-imsemmija dispożizzjonijiet u tal-Artikolu 31 ta’ din l-istess direttiva.

29

Sdruzhenie “Za Zemyata — dostap do pravosadie”, “The Green Tank — grazhdansko sdruzhenie s nestopanska tsel” – ir-Repubblika Ellenika u NS appellaw fil-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

30

L-imsemmija qorti tal-aħħar tenfasizza, b’mod partikolari, li l-pjan tal-muniċipalità ta’ Galabovo msemmi fil-punt 27 ta’ din is-sentenza jinkludi miżura għal żmien twil ta’ tnaqqis tat-tniġġis fid-SO2 intitolata “L-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ trasformazzjoni ta’ installazzjonijiet ta’ desulfurizzazzjoni sabiex jintlaħaq livell minimu ta’ desulfurizzazzjoni ta’ 98 %, kif ukoll il-projbizzjoni tal-funzjonament tal-bojlers mingħajr installazzjonijiet ta’ desulfurizzazzjoni li jaħdmu”. Hija tirrileva, f’dan ir-rigward, li r-rati mnaqqsa ta’ desulfurizzazzjoni awtorizzati mid-Direttur Eżekuttiv fid-deċiżjoni kkontestata ma humiex konformi ma’ din ir-rata minima ta’ desulfurizzazzjoni ta’ 98 %.

31

L-imsemmija qorti tindika wkoll li huwa stabbilit li, fit-territorju tal-muniċipalità ta’ Galabovo, il-valuri medji ta’ kuljum u ta’ kull siegħa ta’ SO2 awtorizzati huma sistematikament skaduti, li b’mod partikolari wassal għall-adozzjoni u għall-aġġornament tal-pjan imsemmi iktar ’il fuq u li wassal għall-introduzzjoni ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il-Bulgarija (C-730/19) pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

32

Barra minn hekk, dan il-pjan jirriżulta li, f’din il-muniċipalità, il-konċentrazzjonijiet medji fis-siegħa ta’ SO2 ġejjin minn diversi sorsi industrijali u domestiċi oħra li l-interazzjoni tagħhom tikkontribwixxi b’mod partikolari għall-qbiż imsemmija iktar ’il fuq.

33

Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar sa fejn id-Direttur Eżekuttiv seta’ jiġi obbligat, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li jieħu inkunsiderazzjoni d-diversi elementi msemmija fil-punti 30 sa 32 ta’ din is-sentenza.

34

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 4(3) TUE, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2010/75/UE […] u mal-Artikoli 13 u 23 tad-Direttiva 2008/50 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta tevalwa talba għal deroga taħt l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2010/75, l-awtorità kompetenti għandha, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni d-data xjentifika rilevanti kollha dwar it-tniġġis, inklużi l-miżuri previsti fil-pjanijiet rilevanti dwar il-kwalità tal-arja f’żona jew f’agglomerazzjoni partikolari skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50, tevalwa jekk l-għoti ta’ deroga jistax jipperikola l-osservanza tal-istandards marbuta mal-kwalità tal-ambjent?

2)

L-Artikolu 4(3) TUE, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2010/75 u mal-Artikoli 13 u 23 tad-Direttiva 2008/50, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta tevalwa talba għal deroga taħt l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2010/75, l-awtorità kompetenti għandha toqgħod lura milli tistabbilixxi valuri limitu għall-emissjonijiet li jkunu inqas stretti għall-inkwinanti minn installazzjoni, f’sitwazzjoni fejn tali deroga tkun tinsab f’kontradizzjoni mal-miżuri previsti fil-pjan rilevanti dwar il-kwalità tal-arja f’żona jew f’agglomerazzjoni partikolari skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50, u fejn tali deroga tkun tista’ tipperikola l-għan li l-perijodu li matulu jinqabżu l-valuri limitu marbuta mal-kwalità tal-arja jinżamm qasir kemm jista’ jkun?

3)

L-Artikolu 4(3) TUE, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2010/75 u mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta tevalwa talba għal deroga taħt l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2010/75, l-awtorità kompetenti għandha, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni d-data xjentifika rilevanti kollha dwar it-tniġġis, inkluż l-effett kumulattiv flimkien ma’ sorsi oħra tal-inkwinanti kkonċernati, tevalwa jekk l-istabbiliment ta’ valuri limitu għall-emissjonijiet li jkunu inqas stretti għall-inkwinanti tal-arja minn installazzjoni huwiex ser iwassal sabiex jinqabżu l-valuri limitu rilevanti marbuta mal-kwalità tal-arja, fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50, f’żona jew f’agglomerazzjoni partikolari, u, jekk dan ikun il-każ, għandu jiġi evitat l-għoti ta’ deroga li tipperikola l-għan li jintlaħqu l-istandards marbuta mal-kwalità tal-ambjent?”

Fuq id‑domandi preliminari

35

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li għalkemm id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-Artikolu 4(3) TUE, il-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju ma jinkludu ebda spjegazzjoni dwar in-neċessità ta’ interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat FUE għall-finijiet tad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju hija mitluba tagħti fil-kawża prinċipali, il-punt konklużiv tad-deċiżjoni tar-rinviju li jippreċedi l-formulazzjoni ta’ dawn id-domandi jirreferi barra minn hekk għan-neċessità li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi mistoqsija dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttivi 2008/50 u 2010/75 biss.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma kienx jidher neċessarju li tiġi eżaminata l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) TUE sabiex jiġu mwieġba d-domandi mqajma mill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża.

37

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domandi magħmula, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2010/75, moqri flimkien mal-Artikolu 18 tagħha, kif ukoll mal-Artikoli 13 u 23 tad-Direttiva 2008/50, għandux jiġi interpretat fis-sens li, waqt l-eżami ta’ applikazzjoni għal deroga skont dan l-Artikolu 15(4), l-awtorità kompetenti għandha, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-data xjentifika rilevanti kollha, inkluż l-effett kumulattiv, l-awtorità kompetenti għandha, filwaqt li tqis id-data xjentifika rilevanti kollha rrelatata mat-tniġġis, inkluż l-effett kumulattiv ma’ sorsi oħra tas-sustanza li tniġġes inkwistjoni, kif ukoll il-miżuri previsti fil-pjan rilevanti rrelatati mal-kwalità tal-arja stabbilit għaż-żona jew agglomerazzjoni kkonċernata skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50, tirrifjuta tali deroga meta hija x’aktarx tikkontribwixxi biex jinqabżu l-istandards tal-kwalità tal-arja ddefiniti skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50 jew tikser il-miżuri li jinsabu f’dan il-pjan intiż li jiżgura konformità ma’ dawn il-livelli u jillimita l-perijodu tal-qabża għal perijodu qasir kemm jista’ jkun.

38

Fir-rigward tad-Direttiva 2008/50, għandu jitfakkar li, skont il-punt 1 tal-Artikolu 1 tagħha, din id-direttiva tistabbilixxi miżuri intiżi li jiddefinixxu u jiddeterminaw għanijiet li jikkonċernaw il-kwalità tal-arja ambjentali sabiex jiġu evitati, prevenuti jew imnaqqsa l-effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent kollu. F’dan il-kuntest, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fiż-żoni u fl-agglomerazzjonijiet tagħhom kollha, il-livelli, b’mod partikolari tad-SO2 fl-arja ambjentali ma’ jaqbżux il-valuri limitu stabbiliti fl-Anness XI tal-imsemmija direttiva [sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Il‑Kummissjoni vs Il-Bulgarija (Valuri limitu – SO2), C-730/19, mhux ippubblikata, EU:C:2022:382, punt 62].

39

Barra minn hekk, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50 jistabbilixxi rabta diretta bejn, minn naħa, il-qbiż tal-valuri limitu ffissati għall-SO2 permezz tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 13(1) u tal-Anness XI ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, it-tfassil ta’ pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Il‑Kummissjoni vs Il-Bulgarija (Valuri limitu – SO2), C-730/19, mhux ippubblikata, EU:C:2022:382, punt 129 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ tali skadenza f’żona jew f’agglomerazzjoni partikolari għandha twassal għall-adozzjoni ta’ tali pjan.

40

Fir-rigward tat-tfassil ta’ dawn il-pjanijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2008/50 jirriżulta li, għalkemm l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ manuvra għad-determinazzjoni tal-miżuri li għandhom jiġu adottati, dawn għandhom, fi kwalunkwe każ, jiżguraw li l-perijodu ta’ qbiż tal-valuri limitu stabbiliti għat-tniġġis ikkonċernat ikun l-iqsar possibbli [sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Il‑Kummissjoni vs Il-Bulgarija (Valuri limitu – SO2), C-730/19, mhux ippubblikata, EU:C:2022:382, punt 132].

41

Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, li l-Qorti tal-Ġustizzja reċentement ikkonstatat li, sa mis-sena 2007, fiż-żona BG0006 (il-Lvant tal-Bulgarija), fejn jinsabu l-komun ta’ Galabovo u TETS Maritsa-iztok 2, ir-Repubblika tal-Bulgarija kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 13 u 23 tad-Direttiva 2008/50 minħabba l-qbiż tal-valuri limitu tal-kwalità tal-arja għas-SO2 u l-insuffiċjenza tal-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022 Il‑Kummissjoni vs Il-Bulgarija (Valuri limitu – SO2), C-730/19, mhux ippubblikata, EU:C:2022:382, punti 21, 23, 29149].

42

Fir-rigward tar-rabtiet li jistgħu jeżistu bejn id-Direttiva 2008/50 u d-Direttiva 2010/75, għandu jiġi enfasizzat, qabel kollox, li l-premessa 18 tad-Direttiva 2008/50 tindika espressament li għandhom jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-għanijiet tal-kwalità tal-arja ambjentali previsti minn din l-aħħar direttiva meta jingħataw awtorizzazzjonijiet għal attivitajiet industrijali skont id-Direttiva 2008/1, li fil-frattemp ġiet issostitwita bid-Direttiva 2010/75 li għamlet riformulazzjoni ta’ diversi direttivi li sa dak iż-żmien kienu applikabbli f’dan il-qasam.

43

Fir-rigward tad-Direttiva 2010/75, għandu jitfakkar li l-iffissar konkret tal-valuri limitu tal-emissjonijiet applikabbli għal installazzjoni bħall-impjant inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa rregolat minn din id-direttiva, b’mod partikolari l-Artikolu 15(3) tagħha, li jipprovdi li l-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi l-valuri limitu tal-emissjonijiet li jiggarantixxu li l-emissjonijiet, f’kundizzjonijiet ta’ operat normali, ma jeċċedux il-livelli ta’ emissjoni assoċjati mal-BAT kif deskritti fid-deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet dwar il-BAT imsemmija fl-Artikolu 13(5) ta’ din id-direttiva.

44

B’deroga mill-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2010/75, l-Artikolu 15(4) tagħha jawtorizza lill-awtorità kompetenti tistabbilixxi valuri limiti ta’ emissjoni inqas stretti, jekk il-ksib tal-livelli tal-emissjonijiet assoċjati mal-BAT iwassal għal żieda fl-ispejjeż sproporzjonata fir-rigward tal-vantaġġi għall-ambjent minħabba l-lokalizzazzjoni ta’ dan l-impjant jew tal-karatteristiċi tekniċi tiegħu.

45

Madankollu, minn dan l-Artikolu 15(4) jirriżulta li tali deroga tista’ tingħata biss fl-osservanza tal-kundizzjonijiet l-oħra imposti minn din id-dispożizzjoni u li l-possibbiltà ta’ tali għoti hija, barra minn hekk, bla ħsara għall-Artikolu 18 tad-Direttiva 2010/75.

46

Għalhekk, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2010/75, l-awtorità kompetenti għandha fi kwalunkwe każ tiżgura li ma jkun hemm ebda “tniġġis sinifikanti” ikkawżat mill-għoti ta’ deroga u li “livell għoli ta’ ħarsien tal-ambjent” jintlaħaq “kollu kemm hu”.

47

Għalhekk id-deroga prevista fl-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2010/75 ma hijiex intiża li tapplika fil-każijiet kollha fejn il-figuri jew l-osservanza tal-valuri limitu ġenerali ta’ emissjonijiet twassal għal spejjeż sproporzjonati għall-operatur ta’ impjant. Fil-fatt, tali deroga tista’ tingħata biss meta l-valuri limitu tal-emissjonijiet inqas stretti ma jwasslux għal “tniġġis sinifikanti” u meta, minkejja din id-deroga, “livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent kollu kemm hu” jintlaħaq.

48

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kundizzjoni dwar l-assenza ta’ tniġġis sinjifikattiv, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl, minn naħa, tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “tniġġis” li tinsab fil-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2010/75, li hija intiża b’mod partikolari għall-introduzzjoni fl-arja ta’ sustanzi li jistgħu jippreġudikaw is-saħħa tal-bniedem jew il-kwalità tal-ambjent u, min-naħa l-oħra, tal-kontenut tad-Direttiva 2008/50 li stabbilixxiet il-valuri limiti tal-kwalità tal-arja għas-SO2, kull introduzzjoni ta’ din is-sustanza fl-arja tikkostitwixxi tniġġis fis-sens tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2010/75.

49

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 41 ta’ din is-sentenza, huwa paċifiku li l-valuri ta’ limitu ta’ kwalità tal-arja previsti mid-Direttiva 2008/50 għas-SO2 għandhom jitqiesu li nqabżu fiż-żona ta’ influwenza tal-impjant inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

50

Issa, kif esponiet l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tagħha, tali qbiż tal-valuri limitu ta’ kwalità tal-arja għas-SO2 ma jistax jitqies li huwa tniġġis negliġibbli, iżda għandu neċessarjament jitqies li huwa “tniġġis sinifikanti”, fis-sens tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2010/75, fid-dawl kemm tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2008/50 imfakkra fil-punt 38 ta’ din is-sentenza kif ukoll tal-fatt, barra minn hekk, li, f’dak li jikkonċerna s-SO2, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ma pprevediex għall-possibbiltà li tiġi estiża d-data sa meta l-valuri limitu tal-kwalità tal-arja jridu jiġu osservati.

51

F’dak li jirrigwarda, it-tieni, il-limitazzjoni tal-għoti tad-deroga prevista fl-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2010/75 permezz tar-rekwiżit li jiġi żgurat “livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent kollu kemm hu”, għandu jiġi osservat li r-regoli stabbiliti mid-Direttiva 2008/50 huma l-konkretizzazzjoni tal-obbligi tal-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa pubblika, li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-Artikolu 3(3) TUE u mill-Artikolu 191(1) u (2) TFUE, li minnhom joħroġ li l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent taspira għal livell għoli ta’ protezzjoni, filwaqt li titqies id-diversità tas-sitwazzjonijiet fid-diversi reġjuni tal-Unjoni, u hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ azzjoni preventiva (sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Craeynest et, C‑723/17, EU:C:2019:533, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52

Għaldaqstant, deroga ma tistax tingħata abbażi tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2010/75 jekk din tkun ta’ natura li tikkontribwixxi għall-qbiż tal-valuri limitu relatati mal-kwalità tal-arja stabbiliti mid-Direttiva 2008/50 għall-SO2.

53

F’dan ir-rigward, għandu, barra minn hekk, jiġi ppreċiżat li, skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni, jekk għad hemm inċertezzi dwar jekk valuri limiti ta’ emissjonijiet inqas stretti jwasslux jew le għal “tniġġis sinifikanti”, fis-sens tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2010/75, deroga ma tistax tingħata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola, C‑674/17, EU:C:2019:851, punt 66).

54

F’dan l-istess kuntest, l-għoti ta’ deroga skont l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2010/75 jirrikjedi evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni s-sorsi kollha ta’ sustanzi li jniġġsu u l-effett akkumulat tagħhom b’mod li jiġi ggarantit li, anki jekk tingħata deroga għal wieħed mis-sorsi, is-somma tal-emissjonijiet tagħhom ma twassal għal ebda qbiż tal-valuri limitu relatati mal-kwalità tal-arja kif iddefiniti mid-Direttiva 2008/50.

55

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li d-deroga prevista fl-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2010/75 hija bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva. Dan l-Artikolu 18 jipprevedi li jekk standard ta’ kwalità ambjentali jeħtieġ kundizzjonijiet iktar stretti minn dawk li jistgħu jintlaħqu mill-użu tal-BAT, għandhom jiżdiedu miżuri addizzjonali fl-awtorizzazzjoni, bla ħsara għal miżuri oħra li jistgħu jittieħdu sabiex jiġu osservati l-istandards ta’ kwalità ambjentali.

56

Il-punt 6 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2010/75 jiddefinixxi “livell tal-kwalità ambjentali” bħala “s-sett ta’ rekwiżiti li għandhom jitħarsu fi żmien partikolari minn ambjent partikolari jew parti partikolari minnu, kif stabbilit fil-liġi tal-Unjoni”.

57

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tali regoli jirrigwardaw rekwiżiti konkreti ta’ natura kwalitattiva, relatati mal-konċentrazzjonijiet f’sustanzi li jniġġsu, li għandhom jiġu ssodisfatti f’mument partikolari mill-ambjent partikolari kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2011, Stichting Natuur en Milieu et, C‑165/09 sa C‑167/09, EU:C:2011:348, punt 62).

58

Għandu jitfakkar ukoll li, kif ġie enfasizzat fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, il-premessa 18 tad-Direttiva 2008/50 tindika espressament li għandhom jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-għanijiet ta’ kwalità tal-arja ambjentali previsti minn din id-direttiva, meta jingħataw awtorizzazzjonijiet għal attivitajiet industrijali bħal dawk koperti mid-Direttiva 2010/75.

59

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punti 82 et seq tal-konklużjonijiet tagħha, għandu jitqies li l-valuri limitu ta’ kwalità tal-arja previsti għal ċerti sustanzi li jniġġsu fl-Artikolu 13 fl-Anness XI tad-Direttiva 2008/50 jikkostitwixxu tali “livelli ta’ kwalità ambjentali”, fis-sens tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2010/75.

60

Fil-fatt, il-valuri limitu relatati mal-kwalità tal-arja għandhom, bħala prinċipju, jiġu osservati f’kull mument u f’kull post tal-Unjoni [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Ir-Rumanija (Qbiż tal-valuri limitu għall-PM10), C‑638/18, mhux ippubblikata, EU:C:2020:334, punti 7374, u tal‑10 ta’ Novembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L-Italja (Valuri ta’ limitu – PM10), C‑644/18, EU:C:2020:895, punti 9697].

61

Issa, il-fatt li d-definizzjoni ta’ “livelli ta’ kwalità ambjentali” tirreferi għal serje ta’ rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti biss “ fi żmien partikolari” ma jeskludix li l-valuri ta’ limitu relatati mal-kwalità tal-arja, li għandhom jiġu osservati b’mod permanenti, jiġu inklużi f’din id-definizzjoni. Fil-fatt, għalkemm l-imsemmija definizzjoni tippermetti l-inklużjoni ta’ rekwiżiti li ma għandhomx jiġu osservati b’mod permanenti, rekwiżiti ta’ natura permanenti huma a fortiori “livelli ta’ kwalità ambjentali”, fis-sens tal-istess definizzjoni, għaliex huma validi f’kull mument.

62

L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2010/75 jikkonferma għalhekk l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(4) ta’ din direttiva li tgħid li l-awtorità kompetenti għandha tevalwa jekk il-fatt li jiġu ffissati valuri limiti ta’ emissjonijiet inqas stretti għall-inkwinanti atmosferiċi li jirriżultaw minn installazzjoni partikolari jikkontribwixxix għall-qbiż tal-valuri limitu ta’ kwalità tal-arja stabbiliti f’dak li jikkonċerna l-konċentrazzjonijiet ta’ tali sorsi ta’ tniġġis fiż-żona jew fl-agglomerazzjoni kkonċernata skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50 u, jekk wieħed jassumi li dan huwa l-każ, iżżomm lura milli tagħti eżenzjoni li tikkomprometti l-konformità mal-istandards tal-kwalità ambjentali.

63

Fit-tielet lok, għandu jiġi ppreċiżat ukoll li meta l-valuri limitu ta’ kwalità tal-arja jinqabżu fiż-żona ta’ influwenza ta’ installazzjoni partikolari, l-għoti eventwali ta’ tali deroga għall-valuri limiti ta’ emissjoni jista’ jseħħ biss fl-osservanza tar-rekwiżiti tal-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja, fis-sens tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50, li kellhom jiġu stabbiliti f’tali kuntest ta’ qbiż.

64

Fil-fatt, l-ewwel nett, fid-dawl ta’ dak li jitfakkar fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, u kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tagħha, għalkemm l-Istati Membri huma liberi li jorganizzaw il-kompetenzi tal-awtoritajiet tagħhom billi jipprevedu li l-pjan dwar il-kwalità tal-arja kkonċernat jirriżulta minn diversi atti adottati minn awtoritajiet differenti, huma għandhom, madankollu, jiżguraw li dawn l-atti josservaw, fl-intier tagħhom, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50 u jilħqu, b’mod komuni, l-għan tal-osservanza tal-valuri limiti tal-kwalità tal-arja.

65

It-tieni, kif jirriżulta mill-punti 46 sa 50 ta’ din is-sentenza, deroga mill-valuri limitu tal-emissjonijiet ma tistax tingħata skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2010/75, meta din tkun ta’ natura li tikkontribwixxi għal “tniġġis sinifikanti” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u, b’mod partikolari, għal qbiż tal-valuri limitu ta’ kwalità tal-arja għas-SO2 stabbiliti skont id-Direttiva 2008/50. Issa, ir-rekwiżiti stabbiliti mill-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja huma intiżi preċiżament sabiex jiġġieldu kontra tali qbiż billi jiżguraw li l-perijodu ta’ qbiż ikun l-iqsar possibbli.

66

Għaldaqstant, l-awtorità kompetenti sabiex tagħti tali deroga għandha wkoll tastjeni milli tistabbilixxi valuri limiti ta’ emissjonijiet inqas stretti għall-pollutanti li ġejjin minn installazzjoni peress li tali deroga tmur kontra l-miżuri stabbiliti fil-pjan dwar il-kwalità tal-arja adottat fiż-żona jew fl-agglomerazzjoni kkonċernata konformement mal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50, b’mod partikolari dawk li jippreskrivu, bħal f’dan il-każ, l-osservanza ta’ rati ta’ desulfurizzazzjoni, u jikkomprometti l-kisba tal-għan li jiġi żgurat li l-perijodu ta’ qbiż tal-valuri limitu jkun qasir kemm jista’ jkun.

67

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2010/75, moqri flimkien mal-Artikolu 18 tagħha, kif ukoll mal-Artikoli 13 u 23 tad-Direttiva 2008/50 għandu jiġi interpretat fis-sens li waqt l-eżami ta’ applikazzjoni għal deroga skont dan l-Artikolu 15(4), l-awtorità kompetenti għandha, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni d-data xjentifika rilevanti kollha dwar it-tniġġis, inkluż l-effett kumulattiv ma’ sorsi oħra ta’ sustanza li tniġġes inkwistjoni, kif ukoll il-miżuri previsti fil-pjan rilevanti dwar il-kwalità tal-arja mfassla għaż-żona jew l-agglomerazzjoni kkonċernata skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50, tirrifjuta tali deroga meta tista’ tikkontribwixxi biex jinqabżu l-istandards ta’ kwalità tal-arja ddefiniti taħt l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50 jew li jiksru l-miżuri li jinsabu f’dan il-pjan immirati biex jassiguraw konformità ma’ dawn l-istandards u jillimitaw il-perijodu biex jinqabżuhom għal perijodu qasir kemm jista’ jkun.

Fuq l‑ispejjeż

68

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) moqri flimkien mal-Artikolu 18 tagħha, kif ukoll mal-Artikoli 13 u 23 tad-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2008 dwar il-kwalità ta’ l-arja fl-ambjent u arja iktar nadifa għall-Ewropa

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

waqt l-eżami ta’ applikazzjoni għal deroga skont dan l-Artikolu 15(4), l-awtorità kompetenti għandha, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni d-data xjentifika rilevanti kollha dwar it-tniġġis, inkluż l-effett kumulattiv ma’ sorsi oħra ta’ sustanza li tniġġes inkwistjoni, kif ukoll il-miżuri previsti fil-pjan rilevanti dwar il-kwalità tal-arja mfassla għaż-żona jew l-agglomerazzjoni kkonċernata skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/50, tirrifjuta tali deroga meta tista’ tikkontribwixxi biex jinqabżu l-istandards ta’ kwalità tal-arja ddefiniti taħt l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/50 jew li jiksru l-miżuri li jinsabu f’dan il-pjan immirati biex jassiguraw konformità ma’ dawn l-istandards u jillimitaw il-perijodu biex jinqabżuhom għal perijodu qasir kemm jista’ jkun.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.