SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

22 ta’ Diċembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Għoti tal-kuntratt pubbliku mingħajr il-bidu ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti – Kuntratti pubbliċi bejn entitajiet li jappartjenu għas-settur pubbliku – Artikoli 12(3) – Kuntratti pubbliċi li huma s-suġġett ta’ għoti in house – Kunċett ta’ ‘kontroll simili’ – Kundizzjonijiet – Rappreżentanza tal-awtoritajiet kontraenti parteċipanti kollha – Artikoli 12(4) – Kuntratt bejn awtoritajiet kontraenti li jfittxu li jilħqu għanijiet komuni ta’ interess pubbliku – Kunċett ta’ ‘kooperazzjoni’ – Kundizzjonijiet – Nuqqas ta’ traspożizzjoni fit-termini imposti – Effett dirett”

Fil-Kawżi magħquda C‑383/21 u C‑384/21,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑15 ta’ Ġunju 2021, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑24 ta’ Ġunju 2021, fil-proċeduri

Sambre & Biesme SCRL (C‑383/21),

Commune de Farciennes (C‑384/21)

vs

Société wallonne du logement (SWL),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, D. Gratsias, M. Ilešič, I. Jarukaitis u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: M. Siekierzyńska, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑30 ta’ Marzu 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Sambre & Biesme SCRL, minn J. Laurent u C. Servais, avocats,

għall-commune de Farciennes, minn J. Bourtembourg u N. Fortemps, avocats,

għall-Gvern Belġjan, minn J.‑C. Halleux, C. Pochet u L. Van den Broeck, bħala aġenti, assistiti minn M. Vastmans, avocate,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Ondrůšek u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Ġunju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(3) u (4) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn, minn naħa, Sambre & Biesme SCRL, kumpannija ta’ akkomodazzjoni ta’ servizz pubbliku (SLSP) (iktar ’il quddiem is-“SLSP Sambre & Biesme”) (Kawża C‑383/21) u l-commune de Farciennes (il-Komun ta’ Farciennes, il-Belġju) (Kawża C‑384/21) u, min-naħa l-oħra, is-Société wallone du logement (SWL) dwar l-annullament minn din tal-aħħar tad-deċiżjonijiet tal-bord tad-diretturi tas-SLSP Sambre & Biesme li permezz tagħhom huwa, minn naħa, approva l-ftehim qafas ta’ kuntratti konġunti li sar mal-Komun ta’ Farciennes u, min-naħa l-oħra, iddeċieda li ma joħroġx sejħa pubblika għal offerti għal kuntratt ta’ servizzi ta’ inventarju relatati mal-asbestos minħabba relazzjoni in house li tgħaqqad is-SLSP Sambre & Biesme mal-Intercommunale pour la gestion et la réalisation d’études techniques et économiques (il-Kooperattiva Interkomunali għall-Ġestjoni u għat-Twettiq ta’ Studji Tekniċi u Ekonomiċi (Igretec).

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Id-Direttiva 2014/24 tgħid, fil-premessi 5, 31 u 33 tagħha, li:

“(5)

Għandu jiġi mfakkar li xejn f’din id-Direttiva ma jobbliga lill-Istati Membri li għandhom jagħtu b’kuntratt jew jesternalizzaw il-forniment ta’ servizzi li jixtiequ jipprovdu huma stess jew li jorganizzaw b’mezzi oħra minbarra l-kuntratti pubbliċi skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva. Ma għandux ikun kopert, il-forniment tas-servizzi bbażat fuq il-liġijiet, ir-regolamenti jew il-kuntratti ta’ impjiegi. F’xi Stati Membri, dan jista’ pereżempju jkun il-każ għal ċerti servizzi amministrattivi u governattivi bħal servizzi eżekuttivi u leġislattivi jew il-forniment ta’ ċerti servizzi lill-komunità, bħal servizzi tal-affarijiet barranin jew servizzi ġuridiċi jew servizzi tas-sigurtà soċjali obbligatorji.

[…]

(31)

Hemm inċertezza legali konsiderevoli dwar sa fejn il-kuntratti konklużi bejn entitajiet fis-settur pubbliku għandhom ikunu koperti bir-regoli dwar l-akkwist pubbliku. Il-każistika rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija interpretata b’mod differenti bejn l-Istati Membri u anki bejn l-awtoritajiet kontraenti. Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġi ċċarat f’liema każijiet, il-kuntratti konklużi fi ħdan is-settur pubbliku mhumiex soġġetti għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku.

Din il-kjarifika għandha tkun iggwidata mill-prinċipji stabbiliti fil-każistika rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Is-sempliċi fatt li ż-żewġ partijiet fi ftehim huma awtoritajiet pubbliċi huma stess, fih innifsu ma jeskludix l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist. Madankollu, l-applikazzjoni tar-regoli tal-akkwist pubbliku ma għandhiex itellef il-libertà tal-awtoritajiet pubbliċi biex iwettqu l-kompiti pubbliċi ta’ servizzi kkonferiti lilhom billi jużaw ir-riżorsi proprji tagħhom li tinkludi l-possibbiltà ta’ kooperazzjoni ma’ awtoritajiet pubbliċi oħrajn.

Għandu jiġi żgurat li kull kooperazzjoni eżentata bejn l-awtoritajiet pubbliċi ma tirriżultax f’distorsjoni fil-kompetizzjoni fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi privati peress li hi tpoġġi lill-fornitur privat ta’ servizzi f’pożizzjoni ta’ vantaġġ vis-à-vis il-kompetituri tagħha.

[…]

(33)

L-awtoritajiet kontraenti għandhom ikunu jistgħu jagħżlu li jipprovdu b’mod konġunt is-servizzi pubbliċi tagħhom permezz ta’ kooperazzjoni mingħajr ma jkunu obbligati jużaw kwalunkwe forma legali partikolari. Tali kooperazzjoni tista’ tkopri t-tipi kollha ta’ attivitajiet relatati mat-twettiq tas-servizzi u r-responsabbiltajiet li l-awtoritajiet parteċipanti jiġu assenjati jew jassumu, bħal kompiti obbligatorji jew voluntarji tal-awtoritjiet lokali jew reġjonali jew servizzi konferiti lil korpi speċifiċi permezz tal-liġi pubblika. Is-servizzi pprovduti mill-awtoritajiet parteċipanti diversi mhux neċessarjament għandhom ikunu identiċi; jistgħu jkunu wkoll kumplimentari.

Kuntratti għall-provvista konġunta ta’ servizzi pubbliċi ma għandhomx ikunu soġġetti għall-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva dment li jkunu konklużi esklussivament bejn awtoritajiet kontraenti, li l-implimentazzjoni ta’ dik il-kooperazzjoni tkun regolata biss minn kunsiderazzjonijiet relatati mal-interess pubbliku u li l-ebda fornitur tas-servizzi privat ma jitqiegħed f’pożizzjoni ta’ vantaġġ vis-à-vis il-kompetituri tiegħu.

Sabiex jiġu sodisfatti dawk il-kondizzjonijiet, il-kooperazzjoni għandha tkun ibbażata fuq kunċett ta’ kooperazzjoni. Tali kooperazzjoni ma tirrikjedix li l-awtoritajiet parteċipanti kollha jassumu t-twettiq tal-obbligi kuntrattwali ewlenin, sakemm ikun hemm impenji għall-kontribuzzjoni lejn twettiq kooperattiv tas-servizz pubbliku inkwistjoni. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni, inkluż kwalunkwe trasferiment finanzjarju bejn l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti, għandhom ikunu regolati biss b’kunsiderazzjonijiet relatati mal-interess pubbliku.”

4

Taħt it-Titolu I ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni, definizzjonijiet u prinċipji ġenerali”, jinsab il-Kapitolu I, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet”, li t-Taqsima 3 tiegħu, hija stess intitolata “Esklużjonijiet”, tinkludi l-Artikoli 7 sa 12.

5

L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kuntratti pubbliċi bejn entitajiet fis-settur pubbliku”, jistabbilixxi li:

“1.   Kuntratt pubbliku mogħti minn awtorità kontraenti lil persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat jew mid-dritt pubbliku għandu jaqa’ ‘l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva meta jkunu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-awtorità kontraenti teżerċita kontroll fuq il-persuna ġuridika kkonċernata li huwa simili għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess;

(b)

aktar minn 80 % tal-attivitajiet ta’ dik il-persuna ġuridika kkontrollata jitwettqu fi prestazzjoni tal-kompiti fdati lilha mill-awtorità kontraenti ta’ kontroll jew minn persuni ġuridiċi oħra kkontrollati minn dik l-awtorità kontraenti; u

(c)

ma jkunx hemm il-parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat fil-persuna ġuridika kkontrollata bl-eċċezzjoni ta’ forom ta’ parteċipazzjoni ta’ kapital privat li ma jkunux kontrollati jew blokkati mid-dispożizzjonijiet leġislattivi nazzjonali, f’konformità mat-Trattati, li ma jeżerċitawx influwenza deċisiva fuq il-persuna ġuridika kkkontrollata.

Awtorità kontraenti għandha titqies li teżerċita kontroll fuq persuna ġuridika li huwa simili għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess skont it-tifisira tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu meta din teżerċita influwenza deċiżiva fuq iż-żewġ objettivi strateġiċi u deċiżjonijiet sinifikanti tal-persuna ġuridika kkontrollata. Tali kontroll jista’ jkun ukoll eżerċitat minn persuna ġuridika oħra, li hija stess tkun ikkontrollata bl-istess mod mill-awtorità kontraenti.

2.   Il-paragrafu 1 japplika wkoll fejn persuna ġuridika kkontrollata, li hija awtorità kontraenti, tagħti kuntratt lill-awtorità kontraenti li tikkontrollaha, jew lil xi persuna ġuridika kkontrollata mill-istess awtorità kontraenti, sakemm ma jkun hemm l-ebda parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat fil-persuna ġuridika li tingħatalha l-kuntratt pubbliku bl-eċċezzjoni ta’ forom ta’ parteċipazzjoni ta’ kapital privat li ma jkunux kontrollati jew blokkati rikjesti mid-dispożizzjonijiet leġislattivi nazzjonali, f’konformità mat-Trattati, li ma jeżerċitawx influwenza deċisiva dwar il-persuna ġuridika.

3.   Awtorità kontraenti, li ma teżerċitax kontroll fuq persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat jew pubbliku skont it-tifsira tal-paragrafu 1, xorta waħda tista’ tagħti kuntratt pubbliku lil dik il-persuna ġuridika mingħajr ma tapplika din id-Direttiva meta jiġu sodisfatti il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin.

(a)

l-awtorità kontraenti teżerċita b’mod konġunt ma’ awtoritajiet kontraenti oħrajn kontroll fuq dik il-persuna ġuridika li huwa simili għal dak li jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess;

(b)

aktar minn 80 % tal-attivitajiet ta’ dik il-persuna ġuridika jitwettqu fi prestazzjoni tal-kompiti fdati lilha mill-awtoritajiet kontraenti ta’ kontroll jew minn persuni ġuridiċi oħra kkontrollati mill-istess awtoritajiet kontraenti; u

(c)

ma jkunx hemm il-parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat fil-persuna ġuridika kkontrollata bl-eċċezzjoni ta’ forom ta’ parteċipazzjoni ta’ kapital privat li ma jkunux kontrollati jew blokkati mid-dispożizzjonijiet leġislattivi nazzjonali applikabbli, f’konformità mat-Trattati, li ma jeżerċitawx influwenza deċisiva fuq il-persuna ġuridika kkkontrollata.

Għall-finijiet tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet kontraenti jeżerċitaw kontroll konġunt fuq persuna ġuridika meta jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kolha li ġejjin:

(i)

il-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-persuna ġuridika kkontrollata huma magħmula minn rappreżentanti ta’ kull awtorità kontraenti parteċipanti. Rappreżentanti individwali jistgħu jirrappreżentaw l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti kollha, jew diversi minnhom;

(ii)

dawk l-awtoritajiet kontraenti huma kapaċi jeżerċitaw flimkien influwenza deċiżiva fuq l-objettivi strateġiċi u d-deċiżjonijiet sinifikanti tal-persuna ġuridika kkontrollata; u

(iii)

il-persuna ġuridika kkontrollata ma ssegwi l-ebda interess li jmur kontra minn dak tal-awtoritajiet kontraenti ta’ kontroll.

4.   Kuntratt konkluż b’mod esklussiv bejn żewġ awtoritajiet kontraenti jew aktar għandu jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, meta jiġu sodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-kuntratt jistabbilixxi jew jimplimenta kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti bil-għan li jiżgura li s-servizzi pubbliċi li għandhom iwettqu huma mogħtija biex jiksbu l-objettivi li għandhom komuni bejniethom;

(b)

l-implimentazzjoni ta’ dik il-kooperazzjoni hi rregolata unikament minn konsiderazzjonijiet li jirrigwardaw l-interess pubbliku; u

(c)

l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti jwettqu fis-suq miftuħ inqas minn 20 % tal-attivitajiet ikkonċernati mill-kooperazzjoni.

[…]”

6

L-Artikolu 90 tal-istess direttiva, intitolat “Traspożizzjoni u dispożizzjonijiet transizzjonali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sat‑18 ta’ April 2016. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk il-miżuri.”

Id‑dritt Belġjan

7

Id-Direttiva 2014/24 ġiet trasposta fid-dritt Belġjan permezz tal-loi relative aux marchés publics (il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi), tas‑17 ta’ Ġunju 2016 (Moniteur belge tal‑14 ta’ Lulju 2016, p. 44219), li daħlet fis-seħħ fit‑30 ta’ Ġunju 2017, wara d-data ta’ skadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva previst fl-Artikolu 90 tagħha.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

8

Is-SLSP Sambre & Biesme hija kooperattiva b’responsabbiltà limitata li l-azzjonisti prinċipali tagħha huma l-komuni ta’ Farciennes u ta’ Aiseau-Presles (il-Belġju). Bħala kumpannija ta’ akkomodazzjoni ta’ servizz pubbliku, hija għandha bħala awtorità superviżorja s-SWL, li taġixxi f’isem il-Gvern ta’ Wallonie.

9

Matul is-sena 2015, is-SLSP Sambre & Biesme u l-Komun ta’ Farciennes iddeċidew li jgħaqqdu l-mezzi tagħhom sabiex joħolqu distrett ekoloġiku f’Farciennes li kien jiġbor fih madwar 150 akkomodazzjoni. Għal dan il-għan, il-partijiet xtaqu jitolbu s-servizzi tal-Igretec sabiex issegwi l-implimentazzjoni tal-proġett tagħhom.

10

L-Igretec hija kooperattiva b’responsabbiltà limitata li teżerċita missjonijiet ta’ servizz pubbliku u li hija, fuq din il-bażi, persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku. L-attività tagħha tkopri diversi oqsma. Kif deskritt fl-istatuti tagħha, l-għan soċjali tagħha jinkludi, b’mod partikolari, attivitajiet ta’ uffiċċju ta’ riċerka u ta’ ġestjoni.

11

Ir-regoli dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Igretec jiddependu mill-code de la démocratie locale et de la décentralisation (il-Kodiċi tad-Demokrazija Lokali u tad-Deċentralizzazzjoni) kif ukoll mill-istatuti tagħha. F’dan ir-rigward, għal dak li jirrigwarda l-kompożizzjoni tagħha, hija tinkludi esklużivament persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku. Fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali, l-Igretec kellha fost is-soċji tagħha iktar minn 70 komun, fosthom il-Komun ta’ Farciennes, u iktar minn 50 awtorità pubblika oħra. B’mod partikolari, fi ħdan il-kapital azzjonarju tal-Igretec, maqsum f’ishma ta’ ħames kategoriji, in-numru ta’ ishma tal-kategorija A attribwiti lill-komuni kien jammonta għal 5054351 u dak tal-ishma tal-kategorija C attribwiti lill-“affiljati l-oħra rregolati bid-dritt pubbliku” kienu jammontaw għal 17126.

12

Għal dak li jirrigwarda l-funzjonament tal-Igretec, il-komuni dejjem għandhom il-maġġoranza tal-voti kif ukoll il-presidenza tal-korpi differenti ta’ ġestjoni u d-deċiżjonijiet tal-korpi tal-Igretec jittieħdu biss jekk jiġbru, minbarra l-maġġoranza tal-voti tal-amministraturi preżenti jew irrappreżentati, il-maġġoranza tal-voti tal-amministraturi mill-komuni assoċjati.

13

Fid‑29 ta’ Ottubru 2015, is-SLSP Sambre & Biesme iddeċidiet li tixtri sehem tal-kategorija C f’Igretec sabiex tkun tista’ tibbenefika mis-servizzi tagħha bħala soċju.

14

Fit‑23 ta’ Marzu 2016, il-Komun ta’ Farciennes ikkonkluda mal-Igretec kuntratt ta’ assistenza fit-tmexxija tax-xogħol u ta’ assistenza legali kif ukoll kuntratt ta’ fattibbiltà fl-arkitettura, stabbiltà, teknika speċjali, toroq, ambjent u ippjanar urban. Fil-kuntest ta’ dawn il-missjonijiet, l-Igretec ipproponiet tliet varjanti ta’ żviluppi li kienu jintegraw il-proġett tas-SLSP Sambre & Biesme u ssuġġerixxiet li jiġi konkluż ftehim ta’ kuntratt konġunt bejn is-SLSP Sambre & Biesme u l-Komun ta’ Farciennes.

15

Fid‑19 ta’ Jannar 2017, il-bord tad-diretturi tas-SLSP Sambre & Biesme esprima l-kunsens tiegħu, minn naħa, dwar l-abbozz ta’ ftehim qafas ta’ kuntratti konġunti mal-komun ta’ Farciennes u, min-naħa l-oħra, dwar l-ispeċifikazzjonijiet speċjali li jikkonċernaw in-nomina ta’ uffiċċju ta’ esperti sabiex iwettaq l-inventarju u l-programm ta’ ġestjoni għall-problema tal-asbestos. L-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti mill-Igretec kienu ddefiniti bħala l-ewwel stadju fl-implimentazzjoni tal-proġett tad-distrett ekoloġiku f’Farciennes.

16

Fis‑26 ta’ Jannar 2017, il-conseil communal de la commune de Farciennes (il-Kunsill Komunali tal-Komun ta’ Farciennes) iddeċieda li japprova dan il-ftehim qafas mas-SLSP Sambre & Biesme.

17

Dan il-ftehim qafas jistipula fl-Artikolu 1 tiegħu, intitolat “Suġġett”, li, b’mod partikolari, il-Komun ta’ Farciennes u s-SLSP Sambre & Biesme qegħdin jiddeterminaw, permezz tal-istess ftehim qafas, id-drittijiet u l-obbligi rispettivi tagħhom fit-tfassil u fit-twettiq ta’ xogħlijiet ta’ ħolqien tad-distrett ekoloġiku ta’ Farciennes u li jaqblu li jagħtu kuntratti pubbliċi konġunti għal servizzi, għal xogħlijiet u għal promozzjoni ta’ xogħlijiet.

18

F’dan ir-rigward, huma jinnominaw lill-Komun ta’ Farciennes sabiex jaġixxi bħala awtorità kontraenti f’isimhom kollettiv u li jieħu waħdu kull deċiżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti, bil-kundizzjoni li, qabel kull deċiżjoni meħuda b’eżekuzzjoni tal-ftehim qafas u konformement mal-Artikolu 2 tiegħu, il-partijiet jikkonsultaw lil xulxin fi ħdan kumitat ta’ tmexxija kompost minn rappreżentanti ta’ kull waħda minnhom.

19

L-Artikolu 5 tal-imsemmi ftehim qafas, intitolat “Għażla tal-assistenza fit-tmexxija tax-xogħol għat-twettiq ta’ kuntratti għal servizzi, xogħlijiet u promozzjoni ta’ xogħlijiet u għall-eżekuzzjoni tal-proġett ta’ riġenerazzjoni urbana”, jistabbilixxi li “l-partijiet jaqblu li l-Komun ta’ Farciennes jikkonkludi [mal-]Igretec […] ftehim ta’ assistenza fit-tmexxija tax-xogħol, ta’ pariri legali u ta’ servizzi ambjentali, u dan kollu fil-qafas tar-relazzjoni in house li torbot lil kull waħda mill-partijiet mal-imsemmija kooperattiva interkomunali”.

20

Fid‑9 ta’ Frar 2017, il-bord tad-diretturi tas-SLSP Sambre & Biesme ddeċieda, minn naħa, li japprova l-konklużjoni ta’ ftehim qafas ta’ kuntratti konġunti mal-Komun ta’ Farciennes u, min-naħa l-oħra, li ma joħroġx sejħa pubblika għal offerti għal servizzi ta’ inventarju tal-asbestos, li kien diġà approva l-ispeċifikazzjonijiet tagħha b’kunsiderazzjoni tar-relazzjoni in house bejn is-SLSP “Sambre u Biesme” u l-Igretec.

21

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Frar 2017, is-SWL, bħala awtorità superviżorja, annullat dawn iż-żewġ deċiżjonijiet tal-bord tad-diretturi tas-SLSP Sambre & Biesme, għar-raġuni li l-kundizzjonijiet tal-eċċezzjoni in house ma kinux issodisfatti bejn is-SLSP Sambre & Biesme u l-Igretec.

22

Is-SLSP Sambre & Biesme (Kawża C‑383/21) u l-Komun ta’ Farciennes (Kawża C‑384/21) ippreżentaw, rispettivament, fit‑28 ta’ April u fit‑2 ta’ Mejju 2017, rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni tas-SWL quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju). Huma jsostnu li l-kundizzjonijiet dwar tali eċċezzjoni, previsti fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24, kienu ssodisfatti fiċ-ċirkustanzi msemmija b’tali mod li kien possibbli li jsir għoti dirett tal-kuntratti pubbliċi inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Komun ta’ Farciennes (Kawża C‑384/21) jallega li għoti mingħajr sejħa għal offerti huwa ġġustifikat ukoll abbażi tal-Artikolu 12(4) ta’ din id-direttiva, peress li teżisti sitwazzjoni ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kontraenti, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

23

Peress li l-liġi ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva kienet għadha ma daħlitx fis-seħħ fil-mument tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali filwaqt li t-terminu previst fl-Artikolu 90 tad-Direttiva 2014/24 għall-finijiet ta’ tali traspożizzjoni kien diġà skada, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, qabelxejn, jekk, fid-dawl tas-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Irgita (C‑285/18, EU:C:2019:829), huwiex abbażi tal-Artikolu 12(3) u (4) ta’ din id-direttiva li hemm lok li jiġu deċiżi t-tilwimiet pendenti quddiemha, billi l-partijiet fil-kawżi prinċipali ma jaqblux, b’mod partikolari, dwar jekk l-iskop tagħhom huwiex sempliċement li jipprevedu għażla għall-Istati Membri li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva l-għoti ta’ ċerti kuntratti pubbliċi mogħtija bejn entitajiet li jappartjenu għas-settur pubbliku.

24

Sussegwentement, fir-rigward tal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex awtorità kontraenti li teżerċita, flimkien ma’ awtoritajiet kontraenti oħra, kontroll fuq il-persuna ġuridika kkonċernata tkun tista’ tagħti kuntratt in house, hija tistaqsi dwar il-mod kif din l-awtorità kontraenti għandha tipparteċipa fil-korpi tal-entità kkontrollata u tikkontribwixxi effettivament għall-kontroll tagħha, b’mod partikolari skont ir-rekwiżit imsemmi fil-punt (i) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tal-istess direttiva. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li s-soċji tal-kategorija C, li minnhom tagħmel parti s-SLSP Sambre & Biesme, kienu jinsabu f’sitwazzjoni minoritarja ħafna, li ma kinitx tippermettilhom jikkontribwixxu effettivament għall-kontroll tal-Igretec.

25

Barra minn hekk, filwaqt li tirrileva l-prevalenza tal-komuni bħala soċji tal-kategorija A fil-korpi deċiżjonali, din il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-pożizzjoni minoritarja ħafna tas-soċji tal-kategorija C ma tippermettilhomx, de facto, li jiddisponu minn amministratur sabiex jirrappreżentahom fi ħdan il-bord tad-diretturi tal-Igretec filwaqt li l-istatuti tal-Igretec, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-kawżi prinċipali, bl-ebda mod ma jiggarantixxu l-preżenza ta’ amministratur innominat minn dawn is-soċji sabiex jirrappreżentahom. Il-qorti tar-rinviju, filwaqt li kkonstatat li l-imsemmija soċji ma kellhom effettivament ebda rappreżentant fi ħdan il-bord tad-diretturi jew fi ħdan il-“kummissjoni permanenti tal-uffiċċju ta’ riċerka u ta’ ġestjoni”, minn dan iddeduċiet li s-soċji tal-kategorija C ma kienu jipparteċipaw bl-ebda mod fl-eżerċizzju ta’ kontroll konġunt fuq l-Igretec.

26

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tindika li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jsostnu li fuq il-bord tad-diretturi tal-Igretec kien ipoġġi konsulent komunali tal-Komun ta’ Farciennes li kien, fl-istess ħin, amministratur tas-SLSP Sambre & Biesme, peress li l-komun ta’ Farciennes kien azzjonist kemm tal-Igretec kif ukoll tas-SLSP Sambre & Biesme.

27

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, madankollu, li ma ntweriex li tali ċirkustanza kienet prevista u ggarantita fid-dritt. Barra minn hekk, din il-persuna kienet tpoġġi fuq il-bord tad-diretturi tal-Igretec fil-kwalità tagħha ta’ konsulent komunali f’Farciennes, mingħajr ma jkun possibbli li jitqies li hija kienet, f’dan ir-rigward, meqjusa wkoll li tirrappreżenta l-interessi tas-SLSP Sambre & Biesme.

28

Madankollu, fid-dawl tal-evalwazzjoni in concreto allegata mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex jiġi ddeterminat jekk awtorità kontraenti teżerċitax fuq l-entità li ngħatat il-kuntratt kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk sitwazzjoni bħal dik esposta fil-punti 26 u 27 ta’ din is-sentenza tippermettix li jiġi konkluż, kif isostnu ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, li s-SLSP Sambre & Biesme kienet tipparteċipa fl-organi deċiżjonali tal-Igretec u għalhekk kienet teżerċita tali kontroll fuq din il-kooperattiva interkomunali, flimkien ma’ awtoritajiet kontraenti oħra, permezz tal-Komun ta’ Farciennes.

29

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża, minn naħa, li, għalkemm l-imsemmija rikorrenti jsostnu li l-Komun ta’ Farciennes huwa azzjonist kemm tas-SLSP Sambre & Biesme kif ukoll tal-Igretec u jeżerċita fuq dawn iż-żewġ entitajiet kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tiegħu stess, huma ma għandhomx l-intenzjoni li jsostnu l-possibbiltà ta’ għoti dirett ta’ kuntratt pubbliku bejn żewġ entitajiet ikkontrollati mill-istess awtorità kontraenti. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-fatt li, fi kwalunkwe każ, il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-esklużjoni ta’ tali attribuzzjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi huma ssodisfatti, peress li l-komun ta’ Farciennes jeżerċita l-kontroll tiegħu flimkien ma’ awtoritajiet kontraenti oħra.

30

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-possibbiltà li jingħata l-kuntratt pubbliku mingħajr proċedura ta’ sejħa għal offerti, skont l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24, peress li l-komun ta’ Farciennes jinvoka, sussidjarjament, l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kontraenti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

31

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-fatt li l-kunċett ta’ “kooperazzjoni”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, jista’ jkopri ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali għar-raġuni biss li l-missjonijiet ta’ assistenza fit-tmexxija tax-xogħol, ta’ servizzi legali u ambjentali fdati lill-Igretec jaqgħu fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn is-SLSP Sambre & Biesme u l-Komun ta’ Farciennes għat-twettiq ta’ proġett komuni ta’ ħolqien ta’ distrett ekoloġiku f’Farciennes, li relazzjoni in house tgħaqqad, fi kwalunkwe każ, dan il-komun u l-Igretec, u li l-imsemmi komun u s-SLSP Sambre & Biesme huma membri tal-Igretec fis-settur ta’ attivitajiet tal-għan soċjali tagħha li huwa preċiżament ikkonċernat mill-missjonijiet li jixtiequ jafdawlha.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

Fil-Kawża C‑383/21:

“1)

L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva [2014/24] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipproduċi effett dirett?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din l-ewwel domanda, l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva [2014/24] ppreċitata għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni għal awtorità kontraenti, f’dan il-każ kumpannija ta’ akkomodazzjoni ta’ servizz pubbliku, li tkun irrappreżentata fi ħdan korpi deċiżjonali tal-persuna ġuridika kkontrollata, f’dan il-każ soċjetà kooperattiva interkomunali, hija ssodisfatta għar-raġuni biss li persuna li tpoġġi fuq il-bord tad-diretturi ta’ din is-soċjetà kooperattiva interkomunali fil-kwalità tagħha ta’ kunsillier muniċipali ta’ awtorità kontraenti parteċipanti oħra, f’dan il-każ komun, tinsab, minħabba ċirkustanzi esklużivament fattwali u mingħajr garanzija ġuridika ta’ rappreżentanza, li hija wkoll amministratur fi ħdan il-kumpannija ta’ akkomodazzjoni ta’ servizz pubbliku filwaqt li l-komun huwa azzjonist (mhux esklużiv) kemm tal-entità kkontrollata (soċjetà kooperattiva interkomunali) kif ukoll tal-kumpannija ta’ akkomodazzjoni ta’ servizz pubbliku?

3)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda magħmula, għandu jitqies li awtorità kontraenti, f’dan il-każ kumpannija ta’ akkomodazzjoni ta’ servizz pubbliku, ‘tipparteċipa’ fil-korpi deċiżjonali tal-persuna ġuridika kkontrollata, f’dan il-każ soċjetà kooperattiva interkomunali, għas-sempliċi raġuni li persuna li tpoġġi fuq il-bord tad-diretturi ta’ din is-soċjetà kooperattiva interkomunali fil-kwalità tagħha ta’ kunsillier muniċipali ta’ awtorità kontraenti parteċipanti oħra, f’dan il-każ komun, tinsab, minħabba ċirkustanzi esklużivament fattwali u mingħajr garanzija ġuridika ta’ rappreżentanza, li hija wkoll amministratur fi ħdan il-kumpannija ta’ akkomodazzjoni ta’ servizz pubbliku filwaqt li l-komun huwa azzjonist (mhux esklużiv) kemm tal-entità kkontrollata (soċjetà kooperattiva interkomunali) kif ukoll tal-kumpannija ta’ akkomodazzjoni ta’ servizz pubbliku?”

Fil-Kawża C‑384/21:

“1)

L-Artikolu 12(3) tad-Direttiva [2014/24] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipproduċi effett dirett?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din l-ewwel domanda, l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24 iċċitata iktar ’il fuq għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni għal awtorità kontraenti, f’dan il-każ kumpannija ta’ akkomodazzjoni ta’ servizz pubbliku, sabiex tkun irrappreżentata fi ħdan il-korpi deċiżjonali tal-persuna ġuridika kkontrollata, f’dan il-każ kooperattiva interkomunali, hija ssodisfatta għall-unika raġuni li persuna li tkun fuq il-bord tad-diretturi ta’ din il-kooperattiva interkomunali fil-kapaċità tagħha bħala kunsillier komunali ta’ awtorità kontraenti parteċipanti oħra, f’dan il-każ komun, tkun, minħabba ċirkustanzi esklużivament fattwali u mingħajr garanzija legali ta’ rappreżentanza, ukoll membru tal-bord fi ħdan il-kumpannija ta’ akkomodazzjoni ta’ servizz pubbliku waqt li l-komun ikun azzjonist (mhux esklużiv) kemm tal-entità kkontrollata (il-kooperattiva interkomunali) kif ukoll tal-kumpannija ta’ akkomodazzjoni ta’ servizz pubbliku?

3)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda magħmula, għandu jiġi kkunsidrat li awtorità kontraenti, f’dan il-każ kumpannija ta’ akkomodazzjoni ta’ servizz pubbliku, ‘tipparteċipa’ fil-korpi deċiżjonali tal-persuna ġuridika kkontrollata, f’dan il-każ kooperattiva interkomunali, għall-unika raġuni li persuna li tkun fuq il-bord tad-diretturi ta’ din il-kooperattiva interkomunali fil-kapaċità tagħha bħala kunsillier komunali ta’ awtorità kontraenti parteċipanti oħra, f’dan il-każ komun, tkun, minħabba ċirkustanzi esklużivament fattwali u mingħajr garanzija legali ta’ rappreżentanza, ukoll membru tal-bord fi ħdan il-kumpannija ta’ akkomodazzjoni ta’ servizz pubbliku waqt li l-komun ikun azzjonist (mhux esklużiv) kemm tal-entità kkontrollata (il-kooperattiva interkomunali) kif ukoll tal-kumpannija ta’ akkomodazzjoni ta’ servizz pubbliku?

4)

L-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24 […] għandu jiġu interpretati fis-sens li jipproduċi effett dirett?

5)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv [għar-raba’] domanda, l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24 iċċitata iktar ’il fuq għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li jiġu fdati, mingħajr sejħa għal offerti minn qabel, missjonijiet ta’ għajnuna fil-ġestjoni ta’ proġetti, servizzi legali u ambjentali lil awtorità kontraenti, f’dan il-każ kooperattiva interkomunali, meta dawn il-missjonijiet jaqgħu fil-kuntest ta’ kooperazzjoni bejn żewġ awtoritajiet kontraenti oħra, f’dan il-każ komun u kumpannija ta’ akkomodazzjoni ta’ servizz pubbliku, li ma huwiex ikkontestat li l-komun jeżerċita kontroll ‘in-house konġunt’ fuq il-kooperattiva interkomunali u li l-komun u l-kumpannija ta’ akkomodazzjoni ta’ servizz pubbliku jkunu membri tal-kooperattiva interkomunali fis-settur tal-attivitajiet ta’ ‘uffiċċju ta’ riċerka u ta’ ġestjoni u l-korp ċentrali għall-akkwisti’ tal-għan soċjali tagħha li huwa preċiżament ikkonċernat mill-missjonijiet li jixtiequ jafdawlha, liema missjonijiet jikkorrispondu għal attivitajiet imwettqa fis-suq minn uffiċċji ta’ riċerka u ta’ ġestjoni li jispeċjalizzaw fit-tfassil, fit-twettiq u fl-implimentazzjoni ta’ proġetti?”

33

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑27 ta’ Awwissu 2021, il-Kawżi C‑383/21 u C‑384/21 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali u għall-finijiet tas-sentenza.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda preliminari fil‑Kawża C‑383/21 kif ukoll fuq l‑ewwel u r‑raba’ domanda fil‑Kawża C‑384/21

34

Permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑383/21 kif ukoll permezz tal-ewwel u tar-raba’ domanda tagħha fil-Kawża C‑384/21, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(3) u (4) tad-Direttiva 2014/24 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipproduċi effetti diretti fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku dwar l-għoti dirett ta’ kuntratti pubbliċi, meta l-Istat Membru kkonċernat ikun astjena milli jittrasponi din id-direttiva fl-ordinament ġuridiku nazzjonali fit-termini stabbiliti.

35

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, dawn jistgħu jiġu invokati quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat Membru kkonċernat, meta dan ikun naqas milli jittrasponi fit-termini previsti d-direttiva fid-dritt nazzjonali jew meta dan ikun ittrasponiha b’mod inkorrett (sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, RTS infra u Aannemingsbedrijf Norré-Behaegel, C‑387/19, EU:C:2021:13, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, in-natura vinkolanti ta’ direttiva li fuqha hija msejsa l-possibbiltà ta’ invokazzjoni ta’ din tal-aħħar teżisti biss fir-rigward ta’ “l-Istati Membri [destinatarji]”. Isegwi, skont ġurisprudenza stabbilita, li direttiva ma tistax minn nnifisha toħloq obbligi fir-rigward ta’ individwu u għalhekk ma tistax tiġi invokata bħala tali fil-konfront ta’ tali persuna quddiem qorti nazzjonali (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Portgás, C‑425/12, EU:C:2013:829, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Madankollu, għandu jitfakkar li, meta l-individwi huma f’pożizzjoni li jipprevalixxu ruħhom minn direttiva mhux fil-konfront ta’ individwu, iżda fil-konfront ta’ Stat, huma jistgħu jagħmlu dan, tkun xi tkun il-kwalità li fiha dan tal-aħħar jaġixxi. Fil-fatt, għandu jiġi evitat li l-Istat Membru jkun jista’ jieħu vantaġġ mill-ksur tiegħu tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2016, Ambisig, C‑46/15, EU:C:2016:530, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi ta’ direttiva jistgħu jiġu invokati mill-partijiet fil-kawża mhux biss kontra Stat Membru u l-korpi kollha tal-amministrazzjoni tiegħu, iżda wkoll kontra organi jew entitajiet, anki jekk huma rregolati mid-dritt privat, li jew ikunu suġġetti għall-awtorità jew għall-kontroll ta’ awtorità pubblika, jew ikunu ġew fdati minn Stat Membru bit-twettiq ta’ kompitu ta’ interess pubbliku u li jkollhom, għal dan il-għan, setgħat eżorbitanti meta mqabbla ma’ dawk li jirriżultaw mir-regoli applikabbli fir-relazzjonijiet bejn individwi (sentenza tat‑30 ta’ April 2020, Blue Air – Airline Management Solutions, C‑584/18, EU:C:2020:324, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Konsegwentement, peress li l-obbligu ta’ Stat Membru li jadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex jintlaħaq ir-riżultat previst minn direttiva huwa obbligu vinkolanti, impost mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE kif ukoll minn din id-direttiva nnifisha, u li l-osservanza tiegħu taqa’ fuq l-entitajiet kollha msemmija fil-punt preċedenti, it-tilwimiet bejn dawn l-entitajiet huwa tilwimiet li jinvolvu partijiet li huma obbligati japplikaw id-direttiva kkonċernata u li, konsegwentement, id-dispożizzjonijiet inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi ta’ din id-direttiva huma infurzabbli fil-konfront tagħhom. Minn dan jirriżulta li dawn id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva jistgħu jiġu invokati fil-kuntest ta’ tali tilwimiet, kemm jekk il-kwistjoni tkun tirrigwarda, għall-imsemmija entitajiet, l-osservanza tal-obbligi li huma jimponu jew l-invokazzjoni tad-drittijiet li huma jagħtuhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Portgás, C‑425/12, EU:C:2013:829, punti 34, 3538).

40

F’dan il-każ, kif jirriżulta mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari, il-partijiet fil-kawżi prinċipali huma persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku li għandhom josservaw id-Direttiva 2014/24. Minn dan isegwi li, fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi, filwaqt li din id-direttiva ma ġietx trasposta fl-ordinament ġuridiku nazzjonali fit-termini stabbiliti, awtoritajiet kontraenti, bħalma hija s-SLSP Sambre & Biesme u l-Komun ta’ Farciennes, huma f’pożizzjoni li jinvokaw id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, sakemm dawn tal-aħħar ikunu inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi.

41

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija, minn naħa, inkundizzjonata meta din tistabbilixxi obbligu li ma jkun ikkwalifikat b’ebda kundizzjoni u lanqas ma jkun suġġett, fl-eżekuzzjoni tiegħu jew fl-effetti tiegħu, għall-intervent ta’ att kemm tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tal-Istati Membri u, min-naħa l-oħra, li tkun suffiċjentement preċiża sabiex tiġi invokata minn parti fil-kawża u tiġi applikata mill-qorti meta tistabbilixxi obbligu f’termini inekwivokabbli (sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, RTS infra u Aannemingsbedrijf Norré-Behaegel, C‑387/19, EU:C:2021:13, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Issa, dan huwa l-każ tal-Artikolu 12(3) u (4) tad-Direttiva 2014/24.

42

Fil-fatt, għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, in-natura inkundizzjonata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jiġi osservat, qabelxejn, li, kif ġie espost fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fid-dawl tas-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Irgita (C‑285/18, EU:C:2019:829), dwar il-portata tal-imsemmija dispożizzjonijiet, billi l-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux, b’mod partikolari, dwar il-kwistjoni jekk dawn l-istess dispożizzjonijiet għandhomx biss l-għan li jipprevedu possibbiltà għall-Istati Membri li jeskludu l-għoti ta’ ċerti kuntratti pubbliċi mogħtija bejn entitajiet li jappartjenu għas-settur pubbliku mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, jekk ikun il-każ, l-awtoritajiet kontraenti ma jkunux jistgħu jinvokaw tali esklużjonijiet meta, fin-nuqqas ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva, l-eżerċizzju ta’ tali fakultà mill-Istat Membru kkonċernat ikun nieqes.

43

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/24, konformement mat-titolu tat-taqsima li jaqa’ taħtha, jipprevedi, essenzjalment, li l-kuntratti pubbliċi mogħtija bejn entitajiet li jappartjenu għas-settur pubbliku li jissodisfaw il-kriterji msemmija fih huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, kriterji li awtorità kontraenti għandha għalhekk tosserva meta tkun tixtieq tipproċedi bl-għoti dirett ta’ tali kuntratt pubbliku. B’mod partikolari, il-paragrafi 3 u 4 tal-imsemmi Artikolu 12 jirrigwardaw, minn naħa, il-kuntratti pubbliċi mogħtija minn awtorità kontraenti lil persuna ġuridika li fuqha din teżerċita, flimkien ma’ awtoritajiet kontraenti oħra, kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess u, min-naħa l-oħra, il-kuntratti pubbliċi konklużi esklużivament bejn awtoritajiet kontraenti sabiex tiġi stabbilita jew implimentata kooperazzjoni bejniethom bil-għan li jiġi ggarantit li s-servizzi pubbliċi li huma għandhom jiżguraw il-provvista tagħhom jitwettqu sabiex jintlaħqu l-għanijiet li għandhom komuni bejniethom.

44

Għalhekk, id-Direttiva 2014/24, fl-Artikolu 12 tagħha, ikkodifikat u ppreċiżat il-ġurisprudenza żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-għoti dirett, li juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li din is-sistema ta’ għoti dirett tkun marbuta ma’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Rhenus Veniro, C‑253/18, EU:C:2019:386, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

B’dan il-mod, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva ma ċaħħadx lill-Istati Membri mil-libertà li jipprivileġġaw metodu ta’ provvista ta’ servizzi, ta’ eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet jew ta’ provvista ta’ oġġetti għad-detriment tal-oħrajn. Fil-fatt, tali libertà timplika għażla li ssir fi stadju preċedenti għal dak tal-għoti ta’ kuntratt u li, għaldaqstant, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Irgita, C‑285/18, EU:C:2019:829, punt 44, id-digrieti tas‑6 ta’ Frar 2020, Pia Opera Croce Verde Padova, C‑11/19, EU:C:2020:88, punt 4147, kif ukoll tas‑6 ta’ Frar 2020, Rieco, C‑89/19 sa C‑91/19, EU:C:2020:87, punti 33, 3940).

46

Barra minn hekk, il-premessa 5 u t-tieni paragrafu tal-premessa 31 tad-Direttiva 2014/24 jirriflettu r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jirrikonoxxi l-libertà tal-Istati Membri fir-rigward tal-għażla tal-metodu ta’ provvista ta’ servizzi li permezz tiegħu l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Irgita, C‑285/18, EU:C:2019:829, punt 45; id-digrieti tas‑6 ta’ Frar 2020, Pia Opera Croce Verde Padova, C‑11/19, EU:C:2020:88, punti 4247, kif ukoll tas‑6 ta’ Frar 2020, Rieco, C‑89/19 sa C‑91/19, EU:C:2020:87, punti 34, 3940).

47

Fil-fatt, minn naħa, il-premessa 5 ta’ din id-direttiva tistipula li xejn fiha ma jobbliga lill-Istati Membri jafdaw lil terzi jew jesternalizzaw il-provvista ta’ servizzi li huma jixtiequ jipprovdu huma stess jew li jorganizzaw mod ieħor ħlief permezz tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku, fis-sens tal-imsemmija direttiva. Min-naħa l-oħra, it-tieni paragrafu tal-premessa 31 tagħha jindika li, għalkemm is-sempliċi fatt li ż-żewġ partijiet fi ftehim huma awtoritajiet pubbliċi huma stess ma jeskludix fih innifsu l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma għandhiex tinterferixxi mal-libertà tal-awtoritajiet pubbliċi li jwettqu l-missjonijiet ta’ servizz pubbliku fdati lilhom billi jużaw ir-riżorsi proprji tagħhom, li jinkludi l-possibbiltà ta’ kooperazzjoni ma’ awtoritajiet pubbliċi oħra.

48

Għalhekk, minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li, bl-istess mod kif id-Direttiva 2014/24 ma tobbligax lill-Istati Membri jeżiġu lill-awtoritajiet kontraenti jużaw proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, hija ma tistax tobbligahom jirrikorru għall-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva meta l-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu jkunu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Irgita, C‑285/18, EU:C:2019:829, punt 46; digrieti tas‑6 ta’ Frar 2020, Pia Opera Croce Verde Padova, C‑11/19, EU:C:2020:88, punti 4347, kif ukoll tas‑6 ta’ Frar 2020, Rieco, C‑89/19 sa C‑91/19, EU:C:2020:87, punti 35, 3940).

49

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq ċertament jirriżulta li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jiffissaw, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, kundizzjonijiet għall-użu, mill-entitajiet li jappartjenu għas-settur pubbliku, ta’ kuntratti pubbliċi bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 12(3) u (4) tad-Direttiva 2014/24. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, meta, skont id-dritt nazzjonali, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jinvokaw waħda mill-esklużjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet, il-kuntratti pubbliċi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fiha jistgħu jkunu s-suġġett ta’ għoti dirett, mingħajr ma dan ikun suġġett għall-eżerċizzju, mill-Istat Membru kkonċernat, ta’ għażla f’dan is-sens. Konsegwentement, sa fejn id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi artikolu jistabbilixxu, fir-rigward ta’ dawn l-awtoritajiet kontraenti, rekwiżiti għall-esklużjoni mill-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti mill-imsemmija direttiva li ma humiex suġġetti, fl-eżekuzzjoni tagħhom jew fl-effett tagħhom, għall-intervent ta’ ebda att, dawn huma ta’ natura inkundizzjonata, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 41 ta’ din is-sentenza.

50

Fit-tieni lok, fir-rigward tan-natura suffiċjentement preċiża tal-imsemmija dispożizzjonijiet, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, kif tfakkar fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/24 jikkodifika u jippreċiża l-ġurisprudenza żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-għoti dirett billi jistabbilixxi f’termini inekwivoċi, b’mod partikolari, fil-paragrafi 3 u 4 tiegħu, ir-rekwiżiti li l-implimentazzjoni ta’ din is-sistema ta’ għoti dirett mill-awtoritajiet kontraenti għandha tissodisfa, sabiex, kif jirriżulta mill-premessa 31 ta’ din id-direttiva, jinsab rimedju għall-interpretazzjonijiet diverġenti li għalihom kienet suġġetta din il-ġurisprudenza.

51

Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Artikolu 12(3) u (4) tal-imsemmija direttiva huwa ta’ natura inkundizzjonata u suffiċjentement preċiża sabiex jinħolqu effetti diretti fil-kuntest ta’ tilwimiet li, bħal dawk fil-kawża prinċipali, ikunu bejn persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku.

52

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑383/21 kif ukoll għall-ewwel u għar-raba’ domanda fil-Kawża C‑384/21 hija li l-Artikolu 12(3) u (4) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipproduċi effetti diretti fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku dwar l-għoti dirett ta’ kuntratti pubbliċi, meta l-Istat Membru kkonċernat ikun astjena milli jittrasponi din id-direttiva fl-ordinament ġuridiku nazzjonali fit-termini stabbiliti.

Fuq it‑tieni domanda fil‑Kawżi C‑383/21 u C‑384/21

53

Permezz tat-tieni domanda tagħha fil-Kawżi C‑383/21 u C‑384/21, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt (i) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi stabbilit li awtorità kontraenti teżerċita, flimkien ma’ awtoritajiet kontraenti oħra, kontroll fuq il-persuna ġuridika li ngħatat il-kuntratt li huwa analogu għal dak li jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess, ir-rekwiżit imsemmi f’din id-dispożizzjoni, marbut mal-fatt li awtorità kontraenti tkun irrappreżentata fil-korpi deċiżjonali tal-persuna ġuridika kkontrollata, huwa ssodisfatt għar-raġuni biss li fuq il-bord tad-diretturi ta’ din il-persuna ġuridika jpoġġi r-rappreżentant ta’ awtorità kontraenti oħra li jagħmel parti wkoll mill-bord tad-diretturi tal-ewwel awtorità kontraenti.

54

Skont ġurisprudenza stabbilita, meta tingħata interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed kont mhux biss tat-termini tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha. L-oriġini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tista’ wkoll tipprovdi elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, IMPERIAL TOBACCO BULGARIA, C‑55/21, EU:C:2022:459, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-formulazzjoni tal-punt (i) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni tirrigwarda wieħed mill-kriterji li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jiġi stabbilit, skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva, li awtorità kontraenti teżerċita, flimkien ma’ awtoritajiet kontraenti oħra, kontroll fuq il-persuna ġuridika kkonċernata, li huwa analogu għal dak li jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess.

56

F’dan il-każ, il-punt (i) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tal-imsemmija direttiva jgħid li l-korpi deċiżjonali tal-persuna ġuridika kkontrollata għandhom ikunu komposti minn rappreżentanti tal-awtoritajiet kontraenti parteċipanti kollha, fejn l-istess persuna tista’ tirrappreżenta diversi awtoritajiet kontraenti parteċipanti jew kollha kemm huma.

57

Għalhekk, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din teħtieġ li awtorità kontraenti li teżerċita kontroll konġunt fuq persuna ġuridika jkollha membru li jaġixxi bħala rappreżentant ta’ din l-awtorità kontraenti fil-korpi deċiżjonali ta’ din il-persuna ġuridika, peress li dan il-membru jista’, jekk ikun il-każ, jirrappreżenta wkoll awtoritajiet kontraenti oħra.

58

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata, fit-tieni lok, mill-kuntest li fih tinsab l-imsemmija dispożizzjoni.

59

Fil-fatt, l-ewwel, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2014/24, dwar l-ipoteżi fejn awtorità kontraenti waħda teżerċita fuq il-persuna ġuridika li lilha jingħata kuntratt pubbliku kontroll analogu għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess, jipprevedi, fit-tieni subparagrafu tiegħu, li dan il-kontroll jista’ wkoll jiġi eżerċitat minn persuna ġuridika oħra, li tkun hija stess kkontrollata bl-istess mod mill-awtorità kontraenti.

60

Barra minn hekk, l-Artikolu 12(2) jistabbilixxi, b’mod partikolari, li l-paragrafu 1 tiegħu jista’ japplika wkoll meta persuna ġuridika kkontrollata, li tkun hija stess awtorità kontraenti, tagħti kuntratt lill-awtorità kontraenti li tikkontrollaha, jew lil persuna ġuridika oħra kkontrollata mill-istess awtorità kontraenti.

61

Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva, din id-dispożizzjoni tipprevedi li awtorità kontraenti li ma teżerċitax kontroll fuq persuna ġuridika, fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 12, tista’, madankollu, tagħti kuntratt pubbliku lil din il-persuna ġuridika mingħajr ma tapplika l-imsemmija direttiva meta din l-awtorità kontraenti teżerċita, flimkien ma’ awtoritajiet kontraenti oħra, kontroll fuq il-persuna ġuridika kkonċernata. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, b’differenza għall-paragrafi 1 u 2 tal-imsemmi artikolu, l-imsemmija dispożizzjoni ma tipprevedix li l-kundizzjonijiet dwar il-kontroll tal-awtorità kontraenti fuq il-persuna ġuridika li ngħatat il-kuntratt jistgħu jiġu ssodisfatti b’mod indirett.

62

B’mod partikolari, ir-rekwiżit tar-rappreżentanza msemmi fil-punt (i) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24 jirrikjedi li l-parteċipazzjoni ta’ awtorità kontraenti fi ħdan il-korpi deċiżjonali tal-persuna ġuridika kkontrollata flimkien ma’ awtoritajiet kontraenti oħra titwettaq permezz ta’ rappreżentant ta’ din l-awtorità kontraenti stess. Għaldaqstant, dan ir-rekwiżit ma jistax jiġi ssodisfatt permezz ta’ membru ta’ dawn il-korpi li jpoġġi fuqhom biss fil-kwalità ta’ rappreżentant ta’ awtorità kontraenti oħra.

63

It-tieni, il-punt (ii) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva jipprevedi, bħala kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jiġi stabbilit li l-awtoritajiet kontraenti jeżerċitaw kontroll konġunt fuq persuna ġuridika, fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tal-imsemmija direttiva, li dawn l-awtoritajiet kontraenti għandhom ikunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw flimkien influwenza deċiżiva fuq l-għanijiet strateġiċi mfittxija mill-persuna ġuridika kkontrollata u fuq id-deċiżjonijiet importanti li din tista’ tieħu.

64

Fid-dawl tal-portata tal-kundizzjoni stabbilita fil-punt (ii) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24, li tirrigwarda d-determinazzjoni tal-kontenut ta’ dawn l-għanijiet u ta’ dawn id-deċiżjonijiet, il-kriterju li jinsab fil-punt (i) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva għandu għalhekk jinftiehem fis-sens li huwa intiż sabiex jistabbilixxi rekwiżit distint li jirrigwarda l-kundizzjonijiet formali tal-parteċipazzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet kontraenti fil-korpi deċiżjonali tal-persuna ġuridika kkonċernata.

65

Dawn il-konstatazzjonijiet huma kkonfermati mill-oriġini tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tal-imsemmija direttiva.

66

Kif jirriżulta mill-premessa 31 tal-istess direttiva, filwaqt li jirrileva l-eżistenza ta’ inċertezza legali kbira fir-rigward tal-kwistjoni dwar sa fejn ir-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għandhom japplikaw għall-kuntratti konklużi bejn entitajiet li jappartjenu għas-settur pubbliku u, għaldaqstant, in-neċessità li jsiru preċiżazzjonijiet f’dan ir-rigward, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li dawn il-preċiżazzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji stabbiliti fil-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja u, għaldaqstant, ma kellux l-intenzjoni li jikkontesta din il-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Informatikgesellschaft für Software-Entwicklung, C‑796/18, EU:C:2020:395, punt 66).

67

F’dan ir-rigward, mill-imsemmija ġurisprudenza jirriżulta li l-kwistjoni dwar jekk awtorità kontraenti teżerċitax fuq il-persuna ġuridika kkonċernata kontroll analogu għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. Għaldaqstant, l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ma jkoprux biss ċirkustanzi fattwali, iżda jinkludu wkoll il-leġiżlazzjoni applikabbli kif ukoll, b’mod partikolari, il-mekkaniżmi ta’ kontroll previsti mill-istatuti ta’ din il-persuna ġuridika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Sea, C‑573/07, EU:C:2009:532, punti 6566 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

68

Bħala parti mill-preċiżazzjonijiet magħmula għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom il-kuntratti konklużi bejn entitajiet li jappartjenu għas-settur pubbliku ma jaqgħux taħt ir-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried isaħħaħ ir-rekwiżit marbut ma’ din il-kundizzjoni ta’ rappreżentanza.

69

Fil-fatt, għandu jiġi osservat li, qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/24, il-fatt li l-korpi deċiżjonali tal-persuna ġuridika kkonċernata jkunu komposti minn rappreżentanti tal-awtoritajiet kontraenti li jeżerċitaw kontroll konġunt fuqha kien wieħed mill-elementi li ttieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita, fir-rigward tal-awtorità kontraenti kkonċernata, il-possibbiltà ta’ influwenza determinanti kemm fuq l-għanijiet strateġiċi kif ukoll fuq id-deċiżjonijiet importanti ta’ din il-persuna (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2008, Coditel Brabant, C‑324/07, EU:C:2008:621, punti 28, 29, 3334 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑10 ta’ Settembru 2009, Sea, C‑573/07, EU:C:2009:532, punti 65, 6686 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

70

Issa, billi rrefera għalihom f’dispożizzjonijiet distinti, jiġifieri fil-punti (i) u (ii) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħmel il-kundizzjonijiet ta’ rappreżentanza tal-awtoritajiet kontraenti li jeżerċitaw kontroll konġunt fuq il-persuna ġuridika li ngħatat il-kuntratt rekwiżit awtonomu meta mqabbel ma’ dak relatat mal-possibbiltà li tiġi eżerċitata tali influwenza deċiżiva.

71

Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni li tgħid li din id-dispożizzjoni teżiġi li l-parteċipazzjoni ta’ awtorità kontraenti li teżerċita tali kontroll konġunt fi ħdan il-korpi deċiżjonali tal-persuna ġuridika kkontrollata ssir permezz ta’ membru li jaġixxi fil-kwalità ta’ rappreżentant ta’ din l-awtorità kontraenti nnifisha, peress li dan il-membru jista’, jekk ikun il-każ, jirrappreżenta wkoll awtoritajiet kontraenti oħra, hija sostnuta mill-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(3) tal-imsemmija direttiva.

72

Fil-fatt, kif tfakkar fil-punti 46 u 48 ta’ din is-sentenza, l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 tal-kuntratti pubbliċi li jissodisfaw il-kriterji msemmija, b’mod partikolari, fl-Artikolu 12(3) tagħha, tirriżulta mir-rikonoxximent, kif jirriżulta mill-premessa 5 u mit-tieni paragrafu tal-premessa 31 ta’ din id-direttiva, tal-libertà tal-Istati Membri li jipprevedu li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jipprovdu waħedhom ċerti servizzi u jwettqu l-missjonijiet ta’ servizz pubbliku fdati lilhom billi jużaw ir-riżorsi proprji tagħhom.

73

Issa, ma jistax jitqies li awtorità kontraenti tuża r-riżorsi proprji tagħha u taġixxi waħedha meta ma tkunx f’pożizzjoni li tintervjeni fil-korpi deċiżjonali tal-persuna ġuridika li lilha jingħata l-kuntratt pubbliku permezz ta’ rappreżentant li jaġixxi f’isem din l-awtorità kontraenti stess kif ukoll, jekk ikun il-każ, f’isem awtoritajiet kontraenti oħra, u li, konsegwentement, l-espressjoni tal-interessi tagħha fi ħdan dawn il-korpi deċiżjonali hija suġġetta għall-fatt li l-imsemmija interessi jkunu komuni ma’ dawk li l-awtoritajiet kontraenti l-oħra jsostnu hemmhekk permezz tar-rappreżentanti tagħhom stess fi ħdan dawn il-korpi.

74

F’dan il-każ, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, mill-elementi pprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rekwiżit imsemmi fil-punt (i) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tal-imsemmija direttiva, li jipprovdi li l-parteċipazzjoni ta’ awtorità kontraenti li teżerċita kontroll konġunt fuq persuna ġuridika fi ħdan korpi deċiżjonali tagħha għandha titwettaq permezz ta’ membru li jaġixxi bħala rappreżentant ta’ din l-awtorità kontraenti stess, peress li dan il-membru jista’, jekk ikun il-każ, jirrappreżenta wkoll awtoritajiet kontraenti oħra, ma jidhirx li huwa ssodisfatt fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. Fil-fatt, minn naħa, is-soċji tal-kategorija C, li fosthom tagħmel parti s-SLSP Sambre & Biesme, ma kellhom, b’mod partikolari, l-ebda rappreżentant fi ħdan il-bord tad-diretturi tal-Igretec u, min-naħa l-oħra, minkejja li jpoġġi wkoll fuq il-bord tad-diretturi tas-SLSP Sambre & Biesme, kien biss fil-kwalità ta’ rappreżentant tal-Komun ta’ Farciennes, soċju tal-kategorija A, li l-konsulent muniċipali kien jifforma parti mill-bord tad-diretturi tal-Igretec.

75

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda fil-Kawżi C‑383/21 u C‑384/21 hija li l-punt (i) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi stabbilit li awtorità kontraenti teżerċita, flimkien ma’ awtoritajiet kontraenti oħra, kontroll fuq il-persuna ġuridika li ngħatat il-kuntratt li huwa analogu għal dak li jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess, ir-rekwiżit imsemmi f’din id-dispożizzjoni, marbut mal-fatt li awtorità kontraenti tkun irrappreżentata fil-korpi deċiżjonali tal-persuna ġuridika kkontrollata, ma huwiex issodisfatt għar-raġuni biss li fuq il-bord tad-diretturi ta’ din il-persuna ġuridika jpoġġi r-rappreżentant ta’ awtorità kontraenti oħra li jagħmel parti wkoll mill-bord tad-diretturi tal-ewwel awtorità kontraenti.

Fuq it‑tielet domanda fil‑Kawżi C‑383/21 u C‑384/21

76

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda fil-Kawżi C‑383/21 u C‑384/21, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda f’dawn il-kawżi.

Fuq il‑ħames domanda fil‑Kawża C‑384/21

77

Permezz tal-ħames domanda tagħha fil-Kawża C‑384/21, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva kuntratt pubbliku li permezz tiegħu awtorità kontraenti tiġi fdata missjonijiet ta’ servizz pubbliku li jaqgħu fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ kooperazzjoni bejn awtoritajiet kontraenti oħra.

78

Qabelxejn, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 12(1) sa (4) tal-imsemmija direttiva jkopri każijiet distinti ta’ esklużjoni tar-regoli tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi, peress li kull wieħed minn dawn il-każijiet huwa suġġett għal kundizzjonijiet speċifiċi għalih.

79

Skont il-paragrafu 4(a) tal-Artikolu 12, kuntratt pubbliku konkluż esklużivament bejn żewġ awtoritajiet kontraenti jew iktar ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 meta dan il-kuntratt jistabbilixxi jew jimplimenta kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti bil-għan li jiġi ggarantit li s-servizzi pubbliċi li għandhom jiżguraw il-provvista tagħhom jitwettqu sabiex jintlaħqu l-għanijiet komuni tagħhom. Barra minn hekk, skont il-punti (b) u (c) ta’ dan il-paragrafu, huwa meħtieġ li l-implimentazzjoni ta’ din il-kooperazzjoni ssegwi biss kunsiderazzjonijiet ta’ interess pubbliku u li l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti jwettqu fis-suq kompetittiv inqas minn 20 % tal-attivitajiet ikkonċernati mill-kooperazzjoni.

80

Minn dan jirriżulta li ċirkustanzi bħall-fatt li tkun teżisti relazzjoni in house bejn ċerti awtoritajiet kontraenti jew li l-awtoritajiet kontraenti li jagħtu l-kuntratt pubbliku kkonċernat ikunu soċji tal-awtorità kontraenti li lilha huwa fdat, permezz tal-kuntratt pubbliku kkonċernat, it-twettiq ta’ ċerti missjonijiet ma jistgħux, fihom infushom, jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24 ikoprix sitwazzjoni li fiha l-eżerċizzju tal-missjonijiet tagħha minn awtorità kontraenti jaqa’ fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ kooperazzjoni bejn awtoritajiet kontraenti oħra.

81

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jagħti lill-kunċett ta’ “kooperazzjoni” rwol determinanti fid-dispożittiv ta’ esklużjoni li hija tipprevedi. F’dan ir-rigward, ir-rekwiżit ta’ kooperazzjoni effettiva jirriżulta wkoll mill-preċiżazzjoni, imsemmija fit-tielet paragrafu tal-premessa 33 ta’ din id-direttiva, li l-kooperazzjoni għandha tkun “ ibbażata fuq kunċett ta’ kooperazzjoni”. Tali formulazzjoni, apparentement tawtoloġika, għandha tiġi interpretata fis-sens li tirreferi għar-rekwiżit ta’ effettività tal-kooperazzjoni hekk stabbilita jew implimentata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, Remondis, C‑429/19, EU:C:2020:436, punti 2628).

82

Għaldaqstant, il-kuntratt pubbliku kkonċernat għandu jidher bħala r-riżultat ta’ proċedura ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kontraenti li huma partijiet fih. L-elaborazzjoni ta’ kooperazzjoni bejn entitajiet li jappartjenu għas-settur pubbliku tippreżenta, fil-fatt, dimensjoni intrinsikament kollaborattiva, li hija nieqsa fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku li taqa’ taħt ir-regoli previsti mill-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, Remondis, C‑429/19, EU:C:2020:436, punt 32).

83

Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali, fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali dimensjoni kollaborattiva teħtieġ li, sabiex taqa’ taħt l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24, il-kooperazzjoni inkwistjoni għandha twassal għat-twettiq ta’ għanijiet komuni għall-awtoritajiet kontraenti kollha.

84

Issa, tali għan komuni għall-awtoritajiet kontraenti kollha huwa nieqes, meta, permezz tat-twettiq tal-missjonijiet tagħha, skont il-kuntratt pubbliku kkonċernat, waħda mill-awtoritajiet kontraenti ma tfittixx li tilħaq għanijiet li hija taqsam mal-awtoritajiet kontraenti l-oħra, iżda tillimita ruħha sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ għanijiet li huma komuni biss għal dawn l-awtoritajiet kontraenti l-oħra.

85

F’tali ċirkustanzi, il-kuntratt pubbliku kkonċernat għandu biss bħala għan l-akkwist ta’ servizz permezz tal-ħlas ta’ remunerazzjoni, b’tali mod li ma huwiex kopert mill-esklużjoni prevista fl-Artikolu 12(4) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, Remondis, C‑429/19, EU:C:2020:436, punti 36 sa 38).

86

Bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, mill-elementi pprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-parteċipazzjoni tal-Igretec f’kuntratt pubbliku intiż għall-implimentazzjoni tal-proġett ta’ distrett ekoloġiku f’Farciennes ma tistax taqa’ taħt din l-esklużjoni. Fil-fatt, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 69 u 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, anki jekk l-eżerċizzju tal-missjonijiet tagħha mill-Igretec jaqa’ fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn is-SLSP Sambre & Biesme u l-Komun ta’ Farciennes sabiex jassistihom fit-twettiq tal-proġett komuni tagħhom ta’ ħolqien ta’ distrett ekoloġiku f’Farciennes, xorta jibqa’ l-fatt li tali twettiq ma jikkostitwixxix fih innifsu għan li għandu jintlaħaq mill-Igretec.

87

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ħames domanda fil-Kawża C‑384/21 hija li l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva kuntratt pubbliku li permezz tiegħu awtorità kontraenti tiġi fdata missjonijiet ta’ servizz pubbliku li jaqgħu fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ kooperazzjoni bejn awtoritajiet kontraenti oħra, meta, permezz tat-twettiq ta’ tali missjonijiet, l-awtorità kontraenti li lilha ġew fdati dawn il-missjonijiet ma tfittixx li tilħaq għanijiet li hija taqsam mal-awtoritajiet kontraenti l-oħra, iżda tillimita ruħha sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ għanijiet li huma komuni biss għal dawn l-awtoritajiet kontraenti l-oħra.

Fuq l‑ispejjeż

88

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 12(3) u (4) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipproduċi effetti diretti fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku dwar l-għoti dirett ta’ kuntratti pubbliċi, meta l-Istat Membru kkonċernat ikun astjena milli jittrasponi din id-direttiva fl-ordinament ġuridiku nazzjonali fit-termini stabbiliti.

 

2)

Il-punt (i) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2014/24

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

sabiex jiġi stabbilit li awtorità kontraenti teżerċita, flimkien ma’ awtoritajiet kontraenti oħra, kontroll fuq il-persuna ġuridika li ngħatat il-kuntratt li huwa analogu għal dak li jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess, ir-rekwiżit imsemmi f’din id-dispożizzjoni, marbut mal-fatt li awtorità kontraenti tkun irrappreżentata fil-korpi deċiżjonali tal-persuna ġuridika kkontrollata, ma huwiex issodisfatt għar-raġuni biss li fuq il-bord tad-diretturi ta’ din il-persuna ġuridika jpoġġi r-rappreżentant ta’ awtorità kontraenti oħra li jagħmel parti wkoll mill-bord tad-diretturi tal-ewwel awtorità kontraenti.

 

3)

L-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma huwiex eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva kuntratt pubbliku li permezz tiegħu awtorità kontraenti tiġi fdata missjonijiet ta’ servizz pubbliku li jaqgħu fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ kooperazzjoni bejn awtoritajiet kontraenti oħra, meta, permezz tat-twettiq ta’ tali missjonijiet, l-awtorità kontraenti li lilha ġew fdati dawn il-missjonijiet ma tfittixx li tilħaq għanijiet li hija taqsam mal-awtoritajiet kontraenti l-oħra, iżda tillimita ruħha sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ għanijiet li huma komuni biss għal dawn l-awtoritajiet kontraenti l-oħra.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.