DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
6 ta’ Frar 2020 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 10(h) – Artikolu 12(4) – Esklużjonijiet speċifiċi għall-kuntratti ta’ servizzi – Servizzi ta’ difiża ċivili, ta’ protezzjoni ċivili u ta’ prevenzjoni ta’ perikolu – Organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru – Servizz ta’ trasport mediku ordinarju u ta’ emerġenza – Leġiżlazzjoni reġjonali li timponi b’mod prijoritarju l-użu ta’ sħubija bejn awtoritajiet kontraenti – Libertà tal-Istati Membri fir-rigward tal-għażla tal-metodu ta’ provvista ta’ servizzi – Limiti – Obbligu ta’ motivazzjoni”
Fil-Kawża C‑11/19,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Jannar 2019, fil-proċedura
Azienda ULSS n. 6 Euganea
vs
Pia Opera Croce Verde Padova,
fil-preżenza ta’:
Azienda Ospedaliera di Padova,
Regione Veneto,
Croce Verde Servizi,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn S. Rodin, Preident tal-Awla, D. Šváby (Relatur) u N. Piçarra, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Pia Opera Croce Verde Padova, minn A. Veronese u R. Colagrande, avvocati, |
– |
għall-Gvern Rumen, minn C.‑R. Canţăr u S.‑A. Purza, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara, P. Ondrůšek u L. Haasbeek, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,
tagħti l-preżenti
Digriet
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(h) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65 u rettifika fil-ĠU 2015 L 275, p. 68), moqri flimkien mal-premessa 28 ta’ din id-direttiva, kif ukoll tal-Artikolu 12(4) tal-imsemmija direttiva. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, l-Azienda ULSS no6 Euganea (l-Aġenzija Unità Lokali Soċjali u tas-Saħħa Nru 6 Euganea, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“AULSS Nru 6”) u, min-naħa l-oħra, Pia Opera Croce Verde Padova (l-Organizzazzjoni tal-Karità tas-Salib l-Aħdar ta’ Padova, l-Italja) (iktar ’il quddiem “Croce Verde”) dwar l-għoti tas-servizz ta’ trasport mediku ta’ pazjenti bl-ambulanza u fuq emodijaliżi mill-AULSS Nru 6 għall-Azienda Ospedaliera di Padova (l-Isptar ta’ Padova, l-Italja). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 2014/24
3 |
Il-premessi 2, 5, 28, 31 u 33 tad-Direttiva 2014/24 jipprovdu:
[…]
[…]
[…]
[…]
|
4 |
Il-punt 4 tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-“organu rregolat mid-dritt pubbliku” f’dawn it-termini: “korpi li għandhom il-karatteristiċi kollha li ġejjin:
|
5 |
Intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet”, il-Kapitolu I tal-imsemmija direttiva jinkludi Taqsima 3 li tistabbilixxi l-“[e]sklużjonijiet”, li fiha l-Artikoli 7 sa 12 tal-istess direttiva. |
6 |
Intitolat “Esklużjonijiet speċifiċi għal kuntratti ta’ servizzi”, l-Artikolu 10(h) ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal kuntratti pubbliċi ta’ servizzi għal: […]
[…]” |
7 |
Intitolat “Kuntratti pubbliċi mogħtija bejn entitajiet fis-settur pubbliku”, l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “1. Kuntratt pubbliku mogħti minn awtorità kontraenti lil persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat jew mid-dritt pubbliku għandu jaqa’ ‘l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva meta jkunu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:
[…] 4. Kuntratt konkluż b’mod esklussiv bejn żewġ awtoritajiet kontraenti jew aktar għandu jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, meta jiġu sodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:
[…].” |
8 |
Is-sistema inqas stretta msemmija fil-premessa 28 tal-imsemmija direttiva hija ddefinita fl-Artikoli 74 sa 77 ta’ din id-direttiva. |
Id-dritt Taljan
9 |
L-Artikolu 15 tal-legge n. 241 ‑ Nuove norme in materia di procedimento amministrativo e di diritto di accesso ai documenti amministrativi (il-Liġi Nru 241, li Tistabbilixxi Regoli Ġodda dwar il-Proċedura Amministrattiva u d-Dritt ta’ Aċċess għal Dokumenti Amministrattivi), tas-7 ta’ Awwissu 1990 (GURI Nru 192, tat-18 ta’ Awwissu 1990), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 241/1990”), li jirrigwarda “[f]tehimiet bejn amministrazzjonijiet pubbliċi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Anki f’każijiet li ma humiex previsti fl-Artikolu 14, l-amministrazzjonijiet pubbliċi dejjem għandhom il-fakoltà li jikkonkludu bejniethom ftehimiet dwar kooperazzjoni f’attivitajiet li huma ta’ interess komuni.” |
10 |
Intitolat “Prinċipji komuni fil-qasam ta’ esklużjoni għall-konċessjonijiet, kuntratti pubbliċi u ftehimiet bejn organi pubbliċi u awtoritajiet kontraenti fil-kuntest tas-settur pubbliku”, l-Artikolu 5 tad-decreto legislativo n. 50 ‑ Codice dei contratti pubblici (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 50, Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi), tat-18 ta’ April 2016 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 91, tad-19 ta’ April 2016, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi”), jipprevedi, fil-paragrafu 6 tiegħu: “Kuntratt konkluż esklużivament bejn żewġ awtoritajiet kontraenti jew iktar ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kodiċi, meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
|
11 |
L-Artikolu 17 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Esklużjonijiet speċifiċi għall-kuntratti u konċessjonijiet ta’ servizzi”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kodiċi ma japplikawx għal kuntratti pubbliċi u konċessjonijiet ta’ servizzi relatati ma’: […]
[…]” |
12 |
L-Artikolu 57(1), intitolat “Servizz ta’ trasport mediku ta’ emerġenza estrema u ta’ emerġenza” tad-decreto legislativo n. 117 ‑ Codice del Terzo settore (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 117 li Jistabbilixxi Kodiċi tat-Tielet Settur) tat-3 ta’ Lulju 2017 (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 179, tat-2 ta’ Awwissu 2017) jipprovdi: “Is-servizzi ta’ trasport ta’ emerġenza estrema u ta’ emerġenza bl-ambulanza jistgħu jingħataw bħala prijorità, permezz ta’ ftehim, lil organizzazzjonijiet ta’ volontarjat irreġistrati għal mill-inqas sitt xhur fir-reġistru nazzjonali uniku tat-tielet settur, li jagħmel parti minn netwerk assoċjattiv imsemmi fl-Artikolu 41(2) u awtorizzati skont il-leġiżlazzjoni reġjonali applikabbli, skont il-każ, meta, minħabba n-natura speċifika tas-servizzi, l-għoti dirett jiżgura l-eżekuzzjoni tas-servizzi ta’ interess ġenerali fil-kuntest ta’ sistema li tikkontribwixxi effettivament għal għan soċjali u li għandha għanijiet ta’ solidarjetà, f’kundizzjonijiet ta’ effiċjenza ekonomika u ta’ adegwatezza, kif ukoll fl-osservanza tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ nondiskriminazzjoni.” |
13 |
Il-legge regionale n. 26 – Disciplina del sistema regionale di trasporto sanitario di soccorso ed emergenz (il-Liġi Reġjonali ta’ Veneto Nru 26 li Tirregola s-Sistema Reġjonali ta’ Trasport Mediku ta’ Sokkors u ta’ Intervent ta’ Emerġenza), tas-27 ta’ Lulju 2012 (Bollettino Ufficiale della Regione del Veneto no61, tat-3 ta’ Awwissu 2012, iktar ’il quddiem il-“Liġi Reġjonali Nru 26/2012”), tistabbilixxi s-“sistema reġjonali tat-trasport ta’ sokkors u ta’ emerġenza bl-ambulanza”. |
14 |
L-ewwel artikolu ta’ din il-liġi, intitolat “Għan u għanijiet”, jipprevedi: “1. Ir-reġjun tal-Veneto [(l-Italja)] jirregola s-sistema reġjonali tat-trasport ta’ sokkors u ta’ emerġenza bl-ambulanza billi jagħti lill-istabbilimenti tas-saħħa u lill-assoċjazzjonijiet awtorizzati u akkreditati l-possibbiltà li jipparteċipaw fl-eżekuzzjoni tal-attivitajiet tat-trasport ta’ sokkors u ta’ emerġenza ta’ natura intrinsikament medika, fid-dawl tat-tqassim ġeografiku tagħhom, tal-istabbiliment tagħhom fin-nisġa soċjali u medika tal-Veneto, kif ukoll tal-valuri ta’ effettività u ta’ kwalità tas-servizz mogħti, fl-interess ġenerali u b’osservanza tal-prinċipji ta’ universalità, ta’ solidarjetà, ta’ ekonomija u ta’ adegwatezza.” |
15 |
Intitolat “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 2 tal-imsemmija liġi jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Għall-finijiet ta’ din il-liġi, [‘]trasport ta’ sokkors u ta’ emerġenza bl-ambulanza[’] ifisser l-attività mwettqa permezz ta’ vetturi ta’ sokkors mill-persunal tas-saħħa jew persunal ieħor, responsabbli għal dan is-servizz, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet li ġejjin:
|
16 |
Skont l-Artikolu 4 tal-Liġi Reġjonali Nru 26/2012, li jikkonċerna l-“[l]ista reġjonali”: “1. Fi żmien 60 ġurnata mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, il-Kunsill Reġjonali għandu japprova lista reġjonali li fiha, fl-ewwel fażi, jiġu inklużi l-istabbilimenti tas-saħħa u assoċjazzjonijiet diġà awtorizzati li jwettqu l-attività ta’ trasport ta’ sokkors u ta’ emerġenza bl-ambulanza fit-territorju reġjonali matul tal-inqas ħames snin, f’isem [unità locali socio-sanitarie (Unitajiet Lokali Soċjali u tas-Saħħa) (ULSS)] li huma responsabbli fit-territorju, fuq il-bażi ta’ kuntratti u jew ta’ ftehimiet speċifiċi konklużi għal dan il-għan u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni indikati fil-[legge regionale n. 22 ‑ Autorizzazione e accreditamento delle strutture sanitarie, socio-sanitarie e sociali (il-Liġi Reġjonali Nru 22 dwar Awtorizzazzjoni u Akkreditament ta’ Stabbilimenti tas-Saħħa, Soċjali-Santarji u Soċjali), tas-16 ta’ Awwissu 2002 (Bollettino Ufficiale della Regione Veneto n. 82)] u fl-emendi suċċessivi tagħha, fl-osservanza tal-leġiżlazzjoni Ewropea fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-moviment liberu tas-servizzi. 2. Minbarra l-persuni msemmija fil-paragrafu 1, huma inklużi fil-lista reġjonali prevista fl-istess paragrafu l-kumitati tas-Salib l-Aħmar Taljan (CRI), wara ftehim speċifiku konkluż mal-Kumitat Reġjonali tal-Veneto tal-istess organizzazzjoni, kif ukoll l-Istituti Pubblici di Assistenza e Beneficienza (l-Istituzzjonijiet Pubbliċi ta’ Assistenza u Benefiċenza) (IPAB) li jwettqu attivitajiet ta’ trasport ta’ sokkors u ta’ emerġenza bl-ambulanza, abbażi ta’ ftehim u dikjarazzjoni sostituttiva fir-rigward tas-sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni previsti mil-Liġi Reġjonali [Nru 22] u mill-emendi suċċessivi tagħha kif ukoll kundizzjonijiet indikati mill-Kunsill Reġjonali, skont l-Artikolu 3(2), bl-osservanza tal-leġiżlazzjoni Ewropea fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-moviment liberu tas-servizzi. 3. Il-lista reġjonali msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi aġġornata kull sena, bl-inklużjoni ta’ stabbilimenti mediċi u assoċjazzjonijiet ġodda li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni u ta’ akkreditament previsti mil-Liġi Reġjonali[22] u l-emendi suċċessivi tagħha. 4. Il-persuni mniżżla fil-lista reġjonali huma suġġetti għal verifiki perijodiċi, bil-għan li jiġi stabbilit li dawn il-kundizzjonijiet ikunu dejjem ssodisfatti.” |
17 |
L-Artikolu 5 ta’ din il-liġi, dwar l-“[o]rganizzazzjoni tal-attività ta’ trasport ta’ sokkors u ta’ emerġenza bl-ambulanza”, jipprovdi: “1. L-attività ta’ trasport ta’ sokkors u ta’ emerġenza bl-ambulanza għandha ssir mill-[ULSS] kif ukoll mill-persuni mniżżla fil-lista reġjonali msemmija fl-Artikolu 4. 2. Ir-rapporti mal-[ULSS], kif ukoll il-modalitajiet li abbażi tagħhom il-persuni mniżżla fuq il-lista reġjonali msemmija fl-Artikolu 4 jipparteċipaw fl-attività ta’ sokkors u ta’ emerġenza huma rregolati minn ftehimiet speċifiċi, konklużi fuq il-bażi ta’ mudell standard approvat mill-Kunsill Reġjonali u ppubblikati skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u Ewropea fis-seħħ fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi. 3. Il-ftehimiet imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jipprevedu sistema ta’ baġit iddefinita skont kriterji bbażati fuq l-applikazzjoni ta’ spejjeż standard stabbiliti mill-Kunsill Reġjonali u aġġornati kull tliet snin. […] 5. Jekk l-attività ta’ trasport ta’ sokkors u ta’ emerġenza bl-ambulanza ma tkunx tista’ tiġi żgurata mill-persuni mniżżla fuq il-lista reġjonali msemmija fl-Artikolu 4, l-[ULSS] jistgħu jinkarigaw it-twettiq tagħha lil persuni speċifiċi, bi ħlas, permezz ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, b’osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u Ewropea fis-seħħ fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, li jissodisfaw ir-rekwiżiti li jippermettu li jiġu żgurati livelli adegwati ta’ kwalità u li jiġi vvalorizzat il-funzjoni soċjali tas-servizz.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
18 |
Fl-2017, l-AULSS Nru 6 nediet sejħa għal offerti għall-għoti, abbażi tal-kriterju tal-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, tal-kuntratt li jikkonċerna s-servizz ta’ trasport mediku ta’ pazjenti bl-ambulanza u fuq emodijaliżi għal perijodu ta’ ħames snin, b’sena supplimentari fakultattiva (iktar ’il quddiem is-“sejħa għal offerti kontenzjuża”). Il-valur annwali ta’ dan il-kuntratt kien stmat għal EUR 5043560, li jikkorrispondi, għall-perijodu ta’ ħames snin, għal EUR 25217800. |
19 |
Il-Croce Verde ikkontestat quddiem it-Tribunale amministrativo regionale del Veneto (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Veneto, l-Italja) id-deċiżjoni tal-AULSS Nru 6 li tagħżel li tagħti kuntratt pubbliku minflok sħubija bejn entitajiet li jappartjenu għas-settur pubbliku. Fil-fatt, meta l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-konklużjoni ta’ tali sħubija jkunu ssodisfatti, il-Liġi Reġjonali Nru 26/2012 timponi li jiġi konkluż ftehim irregolat mill-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24 u l-Artikolu 5(6) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, mal-organu pubbliku awtorizzat, mingħajr ma jkun hemm lok li jiġi kkunsidrat l-għoti ta’ kuntratt pubbliku, u saħansitra ta’ kuntratt pubbliku suġġett għas-sistema inqas stretta, kif previst fl-Artikolu 10(h) ta’ din id-direttiva u fl-Artikolu 17(1)(h) tal-imsemmi kodiċi. |
20 |
F’dan ir-rigward, il-Croce Verde issostni li hija ma hijiex sempliċi assoċjazzjoni rregolata mid-dritt privat li tagħmel il-volontarjat, iżda stabbiliment pubbliku mhux ekonomiku, b’mod iktar preċiż, IPAB. Fuq din il-bażi, hija ilha involuta iktar minn seklu fl-assistenza medika tal-abitanti tat-territorju ta’ Padova (l-Italja), billi tiżgura prinċipalment it-trasport, mingħajr skop ta’ lukru, ta’ feriti u morda. Barra minn hekk, hija ngħatat s-servizz ta’ emerġenza u ta’ emerġenza estrema medika tal-AULSS Nru 6 permezz ta’ ftehim konkluż fit-22 ta’ Diċembru 2017, skont il-Liġi Reġjonali Nru 26/2012. Barra minn hekk, wara sejħa għal offerti mnedija fl-2010, li kienet ġiet estiża darbtejn u li kienet skadiet fil-31 ta’ Marzu 2018, hija ngħatat ukoll is-servizz ta’ trasport ordinarju. |
21 |
It-Tribunale amministrativo regionale del Veneto (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Veneto) madankollu kkunsidrat li l-Artikoli 10 u 74 tad-Direttiva 2014/24 kif ukoll l-Artikolu 17(1)(h) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi kienu jipprevedu li jingħata l-kuntratt tat-trasport bl-ambulanza mhux ta’ emerġenza permezz ta’ sejħa għal offerti. |
22 |
Madankollu, peress li din il-qorti laqgħet il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni tal-AULSS Nru 6 sabiex torganizza s-sejħa għal offerti kontenzjuża, din tal-aħħar appellat mis-sentenza tat-Tribunale amministrativo regionale del Veneto (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Veneto) dwar dan il-punt, quddiem il-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja). |
23 |
Il-qorti tar-rinviju, li ċaħdet l-appell prinċipali, għad trid tiddeċiedi dwar l-appell inċidentali li fil-kuntest tiegħu l-Croce Verde tirrepeti l-argument li hija kienet qajmet fl-ewwel istanza. |
24 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li għandha ssir distinzjoni, minn naħa, bejn is-servizz ta’ għajnuna medika ta’ emerġenza estrema u, min-naħa l-oħra, is-servizz ta’ trasport bl-ambulanza. L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-premessa 28 ta’ din tal-aħħar, kif ukoll l-Artikolu 17(1)(h) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi jeskludu mir-regoli ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi s-servizz ta’ għajnuna medika ta’ emerġenza estrema, li jikkonsisti, għal organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru, fit-trasport bl-ambulanza u fil-provvista tal-ewwel għajnuna lil pazjent f’sitwazzjoni ta’ emerġenza estrema. Min-naħa l-oħra, is-servizz ta’ trasport bl-ambulanza li ma jkunx ta’ natura ta’ emerġenza, huwa, min-naħa tiegħu, suġġett għas-“sistema inqas stretta” stabbilita mill-Artikoli 74 sa 77 tad-Direttiva 2014/24 peress li, bħal fil-kawża prinċipali, il-valur tiegħu huwa tal-inqas ekwivalenti għal-limitu ta’ EUR 750000 previst mid-Direttiva 2014/24. |
25 |
Dan premess, l-Artikolu 5 tal-Liġi Reġjonali Nru 26/2012 jipprevedi li, meta ma jsirx direttament mill-ULSS, it-trasport “ta’ sokkors u ta’ emerġenza” bl-ambulanza għandu jsir minn persuni mniżżla fuq il-lista reġjonali msemmija fl-Artikolu 4 ta’ din il-liġi u li r-relazzjonijiet ma’ dawn l-ULSS kif ukoll il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmi servizz huma rregolati minn ftehimiet ad hoc. Barra minn hekk, il-kuntratt dwar l-attività ta’ trasport mediku ta’ sokkors u ta’ emerġenza bl-ambulanza jista’ jingħata biss wara sejħa pubblika għal offerti meta din l-attività ma tkunx tista’ tiġi żgurata mill-persuni mniżżla fuq l-imsemmija lista reġjonali. |
26 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2 tal-Liġi Reġjonali Nru 26/2012, is-sistema tal-għoti tal-kuntratt dwar is-servizz ta’ “trasport ta’ sokkors u ta’ emerġenza” għandha bħala kamp ta’ applikazzjoni l-attività eżerċitata permezz ta’ vetturi ta’ sokkors minn, fost oħrajn, persunal tas-saħħa, li jikkonsisti b’mod partikolari f’“servizzi ta’ trasport previsti fil-kuntest tal-(LEA) imwettqa permezz ta’ vetturi ta’ sokkors” kif ukoll f’“servizzi ta’ trasport li fil-kuntest tagħhom il-kundizzjonijiet kliniċi tal-pazjent jeħtieġu esklużivament l-użu ta’ vettura ta’ sokkors u, matul il-vjaġġ, il-ħtieġa ta’ assistenza ta’ persunal mediku jew ta’ persunal ieħor imħarreġ għal dan il-għan, kif ukoll il-garanzija tal-kontinwità tal-kuraa”. Skont il-qorti tar-rinviju, l-attivitajiet koperti mill-imsemmija sistema huma għalhekk attivitajiet, speċjalment fil-każ tal-aħħar, li jidhru li ma jaqgħux taħt it-trasport ta’ emerġenza iżda taħt it-trasport ordinarju ta’ pazjenti. |
27 |
Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tqis li s-servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jiġi kklassifikat bħala “servizz ta’ trasport ordinarju” jew bħala “servizz ta’ trasport mediku ta’ sokkors”, u mhux bħala “servizz ta’ trasport mediku ta’ emerġenza estrema”. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 5 tal-Liġi Reġjonali Nru 26/2012, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-awtorità kontraenti tista’ tirrikorri għal sejħa għal offerti biss f’każ li ma jkunx possibbli li jsir għoti dirett tal-kuntratt permezz ta’ ftehim. |
28 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-Artikolu 5 tal-Liġi Reġjonali Nru 26/2012, meta din id-dispożizzjoni tiġi applikata għal servizzi oħra minbarra s-servizzi ta’ trasport mediku ta’ sokkors u ta’ emerġenza. Dan id-dubju jikkonċerna wkoll barra minn hekk il-każ li fih l-għoti dirett tal-kuntratt jikkostitwixxi l-implimentazzjoni ta’ sħubija bejn awtoritajiet kontraenti. |
29 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont l-Artikolu 15 tal-Liġi Nru 241/1990, l-organi pubbliċi jistgħu dejjem jużaw l-istrument tal-ftehim sabiex jikkonkludu bejniethom ftehimiet intiżi sabiex jistabbilixxu qafas għall-iżvolġiment permezz ta’ kooperazzjoni tal-attività ta’ interess komuni. Madankollu, tali kollaborazzjoni bejn organi pubbliċi ma tistax tikkontesta l-għan prinċipali tar-regoli tal-Unjoni applikabbli fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, jiġifieri l-moviment liberu tas-servizzi u l-ftuħ għall-kompetizzjoni mhux distorta fl-Istati Membri kollha. |
30 |
L-Artikolu 5(6) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi jikkonferma l-esklużjoni tal-applikazzjoni tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi meta l-kundizzjonijiet li huwa jistabbilixxi jkunu ssodisfatti. Issa, dan huwa l-każ hawnhekk. Fil-fatt, l-AULSS Nru 6 u l-Croce Verde għandhom għanijiet komuni sabiex jinvolvu persuni inklużi fil-lista reġjonali msemmija fl-Artikolu 4 tal-Liġi Reġjonali Nru 26/2012 u li jinkoraġġixxu l-volontarjat. Barra minn hekk, l-Croce Verde hija inkluża fl-imsemmija lista reġjonali fil-kwalità tagħha ta’ IPAB. Fl-aħħar nett, hija teżerċita parti minima mill-attività tagħha fis-suq tas-servizz ta’ trasport mediku ta’ sokkors u ta’ emerġenza. |
31 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva madankollu li l-Artikolu 15 tal-Liġi Nru 241/1990 u l-Artikolu 5(6) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi sempliċement jippreżentaw is-sħubija bejn entitajiet li jappartjenu għas-settur pubbliku bħala alternattiva oħra minbarra l-għoti ta’ kuntratt pubbliku u li ma jistgħux jimponuha bħala metodu b’mod prijoritarju. Il-ftehim bejn l-amministrazzjonijiet kontraenti huwa għalhekk għażla miftuħa għall-awtoritajiet kontraenti u jirrikjedi l-formazzjoni ta’ akkordju bilaterali bejn il-partijiet kontraenti. Minn dan isegwi li awtorità kontraenti tista’ tesprimi biss ir-rieda tagħha li tikkonkludi tali sħubija, mingħajr ma tkun tista’ ġġiegħel awtorità kontraenti oħra li tagħżel din l-għażla. Il-qorti tar-rinviju tirrileva, f’dan ir-rigward li, f’dan il-każ, l-AULSS Nru 6 ma kellhiex l-intenzjoni li tuża din il-fakultà peress li hija ddeċidiet li tibda s-sejħa għal offerti kontenzjuża. |
32 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 5 tal-Liġi Reġjonali Nru 26/2012 ma jistax jobbliga lill-awtorità kontraenti li timmotiva l-għażla tagħha li tagħti l-kuntratt li jirrigwarda s-servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali permezz ta’ sejħa għal offerti. Fil-fatt, tali rekwiżit ta’ motivazzjoni huwa ġġustifikat biss fil-każ fejn l-awtorità kontraenti tkun biħsiebha tirrikorri għal għoti dirett, wara t-tmiem ta’ negozjati bilaterali, peress li tali approċċ ma jippermettix li jkun hemm elementi ta’ paragun intiżi sabiex tiġi identifikata l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament. |
33 |
Għall-kuntrarju, il-proċedura ta’ sejħa għal offerti tiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni li huma l-prinċipji ta’ imparzjalità, ta’ reklamar, ta’ trasparenza, ta’ parteċipazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament, permezz tal-paragun ta’ diversi offerti fid-dawl tal-kriterju tal-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament. |
34 |
Għalhekk, peress li d-dritt tal-Unjoni ma jikkwalifikax bħala interessi ġenerali differenti u konkomitanti, bħall-valorizzazzjoni tal-volontarjat, l-użu tal-għoti dirett tal-kuntratt permezz ta’ ftehim ma jistax jiġi ġġustifikat. Dan huwa l-każ f’din il-kawża peress li l-organizzazzjoni Croce Verde tallega li hija l-unika persuna awtorizzata fir-reġjun tal-Veneto li għandha l-kwalità ta’ stabbiliment pubbliku, li jeskludi kull kompetizzjoni u paragun bejn l-operaturi potenzjali kkonċernati mill-provvista tas-servizz inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Min-naħa l-oħra, bħall-organizzazzjonijiet l-oħra ta’ volontarjat inklużi fil-lista reġjonali msemmija fl-Artikolu 4 tal-Liġi Reġjonali Nru 26/2012, il-Croce Verde għandha d-dritt, bħala operatur ekonomiku, li tipparteċipa fis-sejħa għal offerti kontenzjuża u għalhekk tista’ ssostni f’dan il-kuntest in-natura vantaġġuża tal-offerta tagħha. |
35 |
Huwa f’dan il-kuntest li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
36 |
Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza, jew meta r-risposta għal tali domanda ma tħalli spazju għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat. |
37 |
Hemm lok li tiġi applikata din id-dispożizzjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża. |
Fuq l-ewwel domanda
38 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(h) u l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni reġjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ kuntratt pubbliku għall-fatt li sħubija bejn entitajiet tas-settur pubbliku ma tippermettix li jiġi żgurat is-servizz ta’ trasport mediku ordinarju. |
39 |
Kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Irgita (C‑285/18, iktar ’il quddiem is-sentenza Irgita, EU:C:2019:829, punt 41), id-Direttiva 2014/24 għandha l-għan, kif tindika l-premessa 1 tagħha, li tikkoordina l-proċeduri nazzjonali tal-għoti ta’ kuntratti li jeċċedu ċertu ammont. |
40 |
Mill-punt 43 tas-sentenza Irgita jirriżulta li l-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva, dwar operazzjonijiet interni, imsejħa wkoll “kuntratti in house”, li jillimita ruħu għalhekk sabiex jispeċifika l-kundizzjonijiet li awtorità kontraenti għandha tosserva meta tkun tixtieq tikkonkludi operazzjoni interna, għandu biss bħala effett li jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jeskludu tali operazzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24. |
41 |
Konsegwentement, din id-dispożizzjoni ma tistax iċċaħħad lill-Istati Membri mil-libertà li jipprivileġġaw metodu ta’ provvista ta’ servizzi, ta’ eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet jew ta’ provvista ta’ oġġetti għad-detriment tal-oħrajn. Fil-fatt, din il-libertà timplika għażla li ssir fi stadju qabel l-għoti ta’ kuntratt u li ma tistax, għaldaqstant, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 (sentenza Irgita, punt 44). |
42 |
Il-libertà tal-Istati Membri fir-rigward tal-għażla tal-metodu ta’ provvista ta’ servizzi li permezz tiegħu l-awtoritajiet kontraenti jaqdu l-bżonnijiet tagħhom tirriżulta wkoll mill-premessa 5 tad-Direttiva 2014/24, li tistabbilixxi li “xejn f’din id-Direttiva ma jobbliga lill-Istati Membri li għandhom jagħtu b’kuntratt jew jesternalizzaw il-forniment ta’ servizzi li jixtiequ jipprovdu huma stess jew li jorganizzaw b’mezzi oħra minbarra l-kuntratti pubbliċi skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva”, li tirrifletti, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja preċedenti għall-imsemmija direttiva (sentenza Irgita, punt 45). |
43 |
Għalhekk, bħalma d-Direttiva 2014/24 ma tobbligax lill-Istati Membri jirrikorru għal proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, hija lanqas ma tista’ ġġegħelhom jirrikorru għal operazzjoni interna meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12(1) ikunu ssodisfatti (sentenza Irgita, punt 46). |
44 |
Barra minn hekk, bħalma rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 47 tas-sentenza Irgita, il-libertà b’hekk mogħtija lill-Istati Membri hija ħafna iktar evidenti fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24, u ĠU 2018, L 82, p. 17), li jipprovdi: “Din id-Direttiva tirrikonoxxi l-prinċipju ta’ amministrazzjoni ħielsa mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali f’konformità mad-dritt nazzjonali u tal-Unjoni. Dawk l-awtoritajiet huma ħielsa li jiddeċiedi kif l-aħjar imexxu l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet jew il-provvista ta’ servizzi, biex jiġu żgurati b’mod partikolari livell għoli ta’ kwalità, sikurezza u affordabbiltà, trattament ugwali u l-promozzjoni ta’ aċċess universali u ta’ drittijiet tal-utent fis-servizzi pubbliċi. Dawk l-awtoritajiet jistgħu jagħżlu li jwettqu l-kompiti ta’ interess pubbliku tagħhom bir-riżorsi proprji tagħhom, jew f’kooperazzjoni ma’ awtoritajiet oħra jew li jgħadduhom lil operaturi ekonomiċi.” |
45 |
Il-libertà li għandhom l-Istati Membri fir-rigward tal-għażla tal-metodu ta’ ġestjoni li huma jqisu l-iktar xieraq għall-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet jew għall-provvista ta’ servizzi ma tistax madankollu tkun illimitata. Għall-kuntrarju, hija għandha tiġi eżerċitata b’osservanza tar-regoli fundamentali tat-Trattat FUE, b’mod partikolari l-moviment liberu tal-merkanzija, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif ukoll il-prinċipji li jirriżultaw minn dan, bħalma huwa l-ugwaljanza fit-trattament, in-nondiskriminazzjoni, ir-rikonoxximent reċiproku, il-proporzjonalità u t-trasparenza (sentenza Irgita, punt 48). |
46 |
Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, fil-punt 50 tas-sentenza Irgita, li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix regola nazzjonali li permezz tagħha Stat Membru jissuġġetta l-konklużjoni ta’ operazzjoni interna, b’mod partikolari, għall-kundizzjoni li l-għoti ta’ kuntratt pubbliku ma jkunx jippermetti li tiġi ggarantita l-kwalità tas-servizzi mwettqa, l-aċċessibbiltà tagħhom jew il-kontinwità tagħhom, sakemm l-għażla espressa favur metodu ta’ provvista ta’ servizzi b’mod partikolari, u mwettqa fi stadju preċedenti għal dak tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku, tkun tosserva l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ rikonoxximent reċiproku, ta’ proporzjonalità u ta’ trasparenza. |
47 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fl-ewwel lok, il-libertà tal-Istati Membri fir-rigward tal-għażla tal-metodu ta’ provvista ta’ servizzi li permezz tiegħu l-awtoritajiet kontraenti jaqdu l-bżonnijiet tagħhom, tawtorizzahom, mutatis mutandis, sabiex jissuġġettaw l-għoti ta’ kuntratt pubbliku għall-impossibbiltà li tiġi konkluża sħubija bejn awtoritajiet kontraenti, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24. |
48 |
Skont din id-dispożizzjoni, sħubija bejn awtoritajiet kontraenti tista’ tiġi konkluża biss jekk il-kuntratt jistabbilixxi jew jimplimenta kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti bil-għan li jiġi żgurat li s-servizzi pubbliċi li huma għandhom jiżguraw il-provvista tagħhom jitwettqu sabiex jintlaħqu l-għanijiet li għandhom komuni bejniethom, sakemm l-implimentazzjoni ta’ din il-kooperazzjoni ssegwi biss kunsiderazzjonijiet ta’ interess pubbliku, u sakemm l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti jwettqu fis-suq kompetittiv inqas minn 20 % tal-attivitajiet ikkonċernati mill-kooperazzjoni. |
49 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li, għalkemm il-Croce Verde tikkostitwixxi IPAB, ma huwiex ċert jekk din tikkostitwixxix “organu rregolat mid-dritt pubbliku” fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24. |
50 |
Hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li l-Artikolu 5(2) u (3) tal-Liġi Reġjonali Nru 26/2012 huwa effettivament ta’ natura li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ kooperazzjoni bejn awtoritajiet kontraenti peress li, skont din id-dispożizzjoni, ir-relazzjonijiet bejn l-ULSS u l-persuni inklużi fil-lista reġjonali msemmija fl-Artikolu 4 ta’ din il-liġi u li jipparteċipaw fl-attività ta’ sokkors u ta’ emerġenza, iridu jkunu rregolati minn ftehimiet speċifiċi, konklużi fuq il-bażi ta’ mudell standard approvat mill-Kunsill Reġjonali. |
51 |
Fit-tieni lok, il-libertà tal-Istati Membri fir-rigward tal-għażla tal-metodu ta’ provvista ta’ servizzi li permezz tiegħu l-awtoritajiet kontraenti jaqdu l-bżonnijiet tagħhom, tawtorizzahom, fil-kuntest ta’ servizzi ta’ difiża ċivili, ta’ protezzjoni ċivili u ta’ prevenzjoni tar-riskji, li jagħtu prijorità għall-għoti ta’ kuntratt, ma’ organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru, suġġett għas-sistema inqas stretta, iddefinita fl-Artikoli 74 sa 77 tad-Direttiva 2014/24, bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 10(h) ta’ din id-direttiva. |
52 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 10(h) tal-imsemmija direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-esklużjoni tal-applikazzjoni tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li dan jipprevedi tkopri l-assistenza ta’ pazjenti f’sitwazzjoni ta’ emerġenza f’vettura ta’ sokkors permezz ta’ tekniku mediku/paramediku koperta mill-kodiċi CPV 75252000–7 (servizzi ta’ sokkors) kif ukoll it-trasport bl-ambulanza kkwalifikat, kopert bil-kodiċi CPV 85143000–3 (servizzi tal-ambulanza), sa fejn, fir-rigward tat-trasport bl-ambulanza kkwalifikat, dan effettivament jitwettaq minn persunal imħarreġ fl-ewwel għajnuna u jkun jirreferi għal pazjent li għalih jeżisti riskju ta’ deterjorament tal-istat ta’ saħħa tiegħu matul dan it-trasport (sentenza tal-21 ta’ Marzu 2019, Falck Rettungsdienste et Falck, C‑465/17, EU:C:2019:234, punt 51). Il-benefiċċju ta’ din l-esklużjoni jippreżumi, barra minn hekk, li s-servizz tal-ambulanza jiġi pprovdut minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u li sitwazzjoni ta’ emerġenza hija kkaratterizzata (digriet tal-20 ta’ Ġunju 2019, Italy Emergenza u Associazione volontaria di Pubblica Assistenza Croce Verde, C‑424/18, EU:C:2019:528, punt 28). |
53 |
Fl-aħħar nett, fiż-żewġ każijiet imsemmija fil-punti 47 u 51 ta’ dan id-digriet, huma l-Istati Membri li, fl-eżerċizzju tal-libertà tagħhom ta’ għażla tal-mod ta’ kif jiġu pprovduti servizzi, li permezz tagħhom l-awtoritajiet kontraenti jaqdu l-bżonnijiet tagħhom, għandhom jiżguraw li jiġu osservati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ rikonoxximent reċiproku, ta’ proporzjonalità u ta’ trasparenza (sentenza Irgita, punt 48). |
54 |
Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(h) u l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni reġjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ kuntratt pubbliku għall-fatt li sħubija bejn entitajiet li jappartjenu għas-settur pubbliku ma tippermettix li jiġi żgurat is-servizz ta’ trasport mediku ordinarju, sakemm l-għażla espressa favur metodu ta’ provvista ta’ servizzi b’mod partikolari, u mwettqa fi stadju qabel dak tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku, tosserva l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ rikonoxximent reċiproku, ta’ proporzjonalità u ta’ trasparenza. |
Fuq it-tieni domanda
55 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(h) u l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni reġjonali li timponi fuq l-awtorità kontraenti li tagħti motivazzjoni għall-għażla tagħha li tagħti l-kuntratt dwar is-servizz ta’ trasport mediku ordinarju permezz ta’ sejħa għal offerti minflok ma tagħtiha direttament permezz ta’ ftehim konkluż ma’ awtorità kontraenti oħra. |
56 |
Kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, la l-Artikolu 10(h) u lanqas l-Artikolu 12(4) ta’ din id-direttiva ma jipprekludu leġiżlazzjoni reġjonali li tipprevedi l-għoti ta’ kuntratt pubbliku biss fuq bażi sussidjarja u ta’ deroga. |
57 |
Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 10(h) u l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24, ma jistax jipprekludi leġiżlazzjoni reġjonali li timponi fuq l-awtorità kontraenti li turi li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex issodisfatti. |
58 |
Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(h) u l-Artikolu 12(4) tad-Direttiva 2014/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni reġjonali li timponi fuq l-awtorità kontraenti li tagħti motivazzjoni għall-għażla tagħha li tagħti l-kuntratt dwar is-servizz ta’ trasport mediku ordinarju permezz ta’ sejħa għal offerti minflok milli tagħtiha direttament permezz ta’ ftehim konkluż ma’ awtorità kontraenti oħra. |
Fuq l-ispejjeż
59 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.