SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

11 ta’ Marzu 2020 ( *1 )

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 108(2) TFUE – Għajnuna għall-investiment – Għajnuna għat-tħaddim – Infrastrutturi tal-ajruporti – Finanzjament pubbliku mogħti mill-komuni ta’ Gdynia u ta’ Kosakowo favur il-konverżjoni tal-ajruport ta’ Gdynia‑Kosakowo – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea – Għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Ordni ta’ rkupru tal-għajnuna – Annullament mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea – Formalità essenzjali – Drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati”

Fil-Kawża C‑56/18 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fid-29 ta’ Jannar 2018,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Herrmann, D. Recchia u S. Noë, bħala aġenti,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Gmina Miasto Gdynia,

Port Lotniczy Gdynia Kosakowo sp. z o.o,

stabbiliti fi Gdynia (il-Polonja), irrappreżentati minn T. Koncewicz, adwokat, M. Le Berre, avukat, kif ukoll minn K. Gruszecka‑Spychała u P. Rosiak, radcowie prawni,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna u M. Rzotkiewicz, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, I. Jarukaitis, E. Juhász, M. Ilešič u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ April 2019,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Lulju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta’ Novembru 2017, Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo vs Il-Kummissjoni (T‑263/15, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2017:820), li permezz tagħha din tal-aħħar annullat l-Artikoli 2 sa 5 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1586 tas-26 ta’ Frar 2015 dwar il-miżura SA.35388 (13/C) (ex 13/NN u ex 12/N) – Il-Polonja – Konverżjoni tal-ajruport ta’ Gdynia‑Kosakowo (ĠU 2015, L 250, p. 165, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-kuntest ġuridiku

2

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), fis-seħħ fid-data tal-fatti, kien jipprovdi:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

[…]

h)

‘parti interessata’ għandha tfisser kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju ta’ l-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ.”

3

L-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Proċedura ta’ investigazzjoni formali”, jipprovdi:

“Id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiġbor fil-qosor l-kwistjonijiet relevanti tal-fatti u liġi, għandha tinkludi stima preliminari tal-Kummissjoni dwar il-karattru tal-miżura proposta u għandha tqiegħed id-dubji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq komuni. Id-deċiżjoni għandha ssejjaħ lill-Istat Membru kkonċernat u lil partijiet interessati oħra sabiex jissottomettu l-kummenti f’perjodu preskritt li normalment m’għandux ikun aktar minn xahar. F’każijiet ġustifikati, il-Kummissjoni għandha testendi l-perjodu preskritt.”

4

L-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, intitolat “Revoka ta’ deċiżjoni”, kien ifformulat kif ġej:

“Il-Kummissjoni tista’ tirrevoka deċiżjoni skond l-Artikolu 4(2) jew (3), jew l-Artikolu 7(2), (3), (4), wara li tkun tat lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità sabiex jissottometti l-kummenti tiegħu, fejn id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq informazzjoni skorretta provvduta waqt il-proċedura li kienet fattur determinanti għad-deċiżjoni. Qabel ma tirrevoka deċiżjoni u tieħu deċiżjoni ġdida, il-Kummisjoni għandha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skond l-Artikolu 4(4). L-Artikoli 6, 7 u 10, l-Artikolu 11(1), l-Artikoli 13, 14 u 15 għandhom jgħoddu mutatis mutandis.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

5

Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżultaw mill-punti 1 sa 25 tas-sentenza appellata, jistgħu jitqassru kif ġej.

6

F’Lulju 2007, il-Gmina Miasto Gdynia (il-komun ta’ Gdynia, il-Polonja) u l-Gmina Kosakowo (il-komun ta’ Kosakowo, il-Polonja), permezz ta’ kontribuzzjonijiet ta’ kapital ta’ 100 %, ħolqu l-Port Lotniczy Gdynia Kosakowo sp. z o.o. (iktar ’il quddiem il-“kumpannija PLGK”), bil-għan li tikkonverti, għal finijiet ċivili, l-ajruport militari ta’ Gdynia‑Oksywie (il-Polonja). Dawn il-kontribuzzjonijiet kellhom ikopru kemm l-ispejjeż ta’ investiment (iktar ’il quddiem l-“għajnuna għall-investiment”) kif ukoll l-ispejjeż tal-operat marbuta mal-funzjonament tal-ajruport fil-bidu tal-operat tiegħu (iktar ’il quddiem l-“għajnuna għall-operat”). Dan l-ajruport jinsab fit-territorju tal-komun ta’ Kosakowo fir-reġjun ta’ Pomorze, fit-Tramuntana tal-Polonja. Dan l-ajruport ċivili ġdid, li l-ġestjoni tiegħu ġiet fdata lill-kumpannija PLGK, kellu jsir it-tieni ajruport l-iktar importanti fir-reġjun ta’ Pomorze u kellu jservi prinċipalment għat-traffiku tal-ajru ġenerali, għal-linji tal-ajru low cost u għall-kumpanniji ta’ titjiriet charter.

7

Fis-7 ta’ Settembru 2012, ir-Repubblika tal-Polonja nnotifikat lill-Kummissjoni bil-miżura ta’ finanzjament tal-proġett ta’ konverżjoni tal-ajruport militari ta’ Gdynia‑Oksywie (iktar ’il quddiem il-“miżura ta’ għajnuna inkwistjoni”).

8

Fis-7 ta’ Novembru 2012 u fis-6 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Pollakki informazzjoni addizzjonali dwar il-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni. Din l-informazzjoni ġiet trażmessa lill-Kummissjoni fis-7 ta’ Diċembru 2012 u fil-15 ta’ Marzu 2013.

9

Fil-15 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Pollakki li hija kellha l-intenzjoni tittrasferixxi l-fajl dwar il-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni fir-reġistru tal-għajnuna mhux innotifikata, sa fejn il-parti l-kbira tal-finanzjament innotifikat kien diġà ngħata b’mod irrevokabbli.

10

Permezz tad-Deċiżjoni C(2013) 4045 final tagħha tat-2 ta’ Lulju 2013 dwar il-miżura SA.35388 (2013/C) (ex 2013/NN u ex 2012/N) – Il-Polonja – Konverżjoni tal-ajruport ta’ Gdynia‑Kosakowo (ĠU 2013, C 243, p. 25, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”), il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar il-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni, skont l-Artikolu 108(2) TFUE, u stiednet lill-partijiet interessati f’dan il-każ sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda osservazzjoni min-naħa ta’ dawn il-partijiet terzi.

11

Fit-30 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni talbet iktar informazzjoni mingħand l-awtoritajiet Pollakki. Din l-informazzjoni ġiet ipprovduta fl-4 u fil-15 ta’ Novembru 2013. Dawn l-awtoritajiet bagħtu informazzjoni oħra fit-3 ta’ Diċembru 2013 u fit-2 ta’ Jannar 2014.

12

Fil-11 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2014/883/UE, dwar il-miżura SA.35388 (13/C) (ex 13/NN u ex 12/N) – Il-Polonja – It-twaqqif tal-ajruport ta’ Gdynia‑Kosakowo (ĠU 2014, L 357, p. 51), li fiha ġie kkonstatat li l-proġett ta’ finanzjament ippjanat kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, b’mod partikolari minħabba l-fatt li, permezz tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni, mogħtija lill-kumpannija PLGK mill-komun ta’ Gdynia u mill-komun ta’ Kosakowo, din il-kumpannija kienet kisbet vantaġġ ekonomiku li hija ma kinitx tibbenefika minnu fiċ-ċirkustanzi normali tas-suq. Għaldaqstant, peress li qieset li l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, il-Kummissjoni ordnat lill-awtoritajiet Pollakki jirkupraw din l-għajnuna mħallsa lill-kumpannija PLGK.

13

Fit-8 u fid-9 ta’ April 2014 rispettivament, il-komun ta’ Gdynia, flimkien mal-kumpannija PLGK, u l-komun ta’ Kosakowo ppreżentaw rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni 2014/883 (Kawżi T‑215/14 u T‑217/14). Permezz ta’ atti separati ppreżentati fl-istess jum, huma talbu wkoll is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni (Kawżi T‑215/14 R u T‑217/14 R).

14

Fl-20 ta’ Awwissu 2014, il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talbiet għal miżuri provviżorji (digrieti tal-20 ta’ Awwissu 2014, Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo vs Il-Kummissjoni, T‑215/14 R, mhux ippubblikat, EU:T:2014:733, kif ukoll tal-20 ta’ Awwissu 2014, Gmina Kosakowo vs Il-Kummissjoni, T‑217/14 R, mhux ippubblikat, EU:T:2014:734).

15

Fis-26 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni pproċediet, fl-istess att, għall-irtirar tad-Deċiżjoni 2014/883 u għas-sostituzzjoni tagħha bid-deċiżjoni kkontestata.

16

Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jaqra kif ġej:

“Artikolu 1

Id-[Deċiżjoni 2014/883] hija rtirata.

Artikolu 2

1.   L-injezzjonijiet ta’ kapital favur [il-kumpannija PLGK] bejn it-28 ta’ Awwissu 2007 u s-17 ta’ Ġunju 2013 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li ddaħlet fis-seħħ b’mod illeċitu [mir-Repubblika tal‑]Polonja fi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-[TFUE] u li hija inkompatibbli mas-suq intern, għajr sa fejn dawn l-injezzjonijiet ta’ kapital ma ntefqux fuq investimenti neċessarji sabiex jitwettqu l-attivitajiet li abbażi tad-Deċiżjoni [ta’ ftuħ] iridu jiġi kkunsidrati li jaqgħu fl-ambitu ta’ ordni pubbliku.

2.   L-injezzjonijiet ta’ kapital li [r-Repubblika tal‑]Polonja qiegħda tippjana li timplimenta favur [il-kumpannija PLGK] wara s-17 ta’ Ġunju 2013 għall-konverżjoni tal-mitjar militari ta’ Gdynia‑Kosakowo f’ajruport tal-avjazzjoni ċivili jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li hija inkompatibbli mas-suq intern. Għalhekk, l-għajnuna mill-Istat ma tistax tiġi implimentata.

Artikolu 3

1.   [Ir-Repubblika tal‑]Polonja tirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2(1) mingħand il-benefiċjarju.

Artikolu 4

1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2(1) u tal-imgħax imsemmi fl-Artikolu 3(2) ikun immedjat u effettiv.

2.   [Ir-Repubblika tal‑]Polonja tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur wara d-data tan-notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

1.   Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, [ir-Repubblika tal‑]Polonja tippreżenta l-informazzjoni sussegwenti lill-Kummissjoni:

a)

l-ammont totali (il-prinċipal u l-imgħax ta’ rkupru) li għandu jiġi rkuprat mill-benefiċjarju;

b)

id-deskrizzjoni ddettaljata tal-miżuri li ttieħdu diġà u dawk ippjanati sabiex tikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni;

c)

id-dokumenti li juru li l-benefiċjarju kien ordnat iħallas lura l-għajnuna.

2.   [Ir-Repubblika tal-]Polonja żżomm lill-Kummissjoni mgħarrfa dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm jitlesta l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2(1) u tal-imgħax imsemmi fl-Artikolu 3(2). Din tippreżenta minnufih, fuq sempliċi talba mill-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri li ttieħdu diġà u dawk ippjanati sabiex tikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni. Din tipprovdi wkoll informazzjoni ddettaljata li tikkonċerna l-ammonti ta’ għajnuna u imgħax li jkunu diġà ġew irkuprati mill-benefiċjarju.

[…]”

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

17

Fit-23 ta’ April 2015, il-komun ta’ Kosakowo, rikorrent fil-Kawża T‑217/14, ippreżenta rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (Kawża T‑209/15).

18

Fil-15 ta’ Mejju 2015, il-komun ta’ Gdynia u l-kumpannija PLGK, rikorrenti fil-Kawża T‑215/14, ippreżentaw rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

19

Fit-30 ta’ Novembru 2015, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, permezz ta’ digriet, li ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikorsi ppreżentati fil-Kawżi T‑215/14 u T‑217/14 (digrieti tat-30 ta’ Novembru 2015, Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo vs Il-Kummissjoni, T‑215/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:965, kif ukoll tat-30 ta’ Novembru 2015, Gmina Kosakowo vs Il-Kummissjoni, T‑217/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:968).

20

Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2015, il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza lir-Repubblika tal-Polonja tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-komun ta’ Gdynia u tal-kumpannija PLGK fir-rikors tagħhom intiż għall-annullament tal-Artikoli 2 sa 5 tad-deċiżjoni kkontestata.

21

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fl-ewwel lok, is-sitt motiv ta’ dan ir-rikors ibbażat, b’mod partikolari, fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati f’dan il-każ. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha iktar, kif kienet għamlet fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura u fid-Deċiżjoni 2014/883, fuq il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat b’għan reġjonali għall-perijodu 2007–2013 (ĠU 2006, C 54, p. 13, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat b’għan reġjonali”) sabiex tanalizza jekk l-għajnuna għall-funzjonament kinitx kompatibbli mas-suq intern, iżda fuq il-prinċipji msemmija fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru” (ĠU 2014, C 99, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-2014”).

22

Fil-punt 73 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li, minbarra l-bidla magħmula bejn il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat b’għan reġjonali u l-Linji Gwida tal-2014, il-Kummissjoni wettqet ukoll bidla fid-deroga analizzata fir-rigward tal-Artikolu 107(3) TFUE. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, f’dan ir-rigward, li, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ u fid-Deċiżjoni 2014/883, il-Kummissjoni kienet poġġiet ruħha fil-kuntest tad-deroga prevista fl-Artikolu 107(3)(a) TFUE, filwaqt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-kompatibbiltà tal-għajnuna għall-funzjonament hija analizzata konformement mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

23

Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 78 tas-sentenza appellata, li s-sistema legali l-ġdida applikata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kienet tinkludi emendi sostanzjali meta mqabbla ma’ dik preċedentement fis-seħħ u kkunsidrata fid-deċiżjoni ta’ ftuħ kif ukoll fid-Deċiżjoni 2014/883.

24

Il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 79 ta’ dik is-sentenza, li, bejn id-data tal-pubblikazzjoni tal-Linji Gwida tal-2014 u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-partijiet interessati f’dan il-każ ma tqegħdux f’pożizzjoni li jippreżentaw b’mod effettiv l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-applikabbiltà u l-impatt eventwali tal-imsemmija linji gwida.

25

Fil-punt 81 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-kumpannija PLGK ma wrietx b’liema mod il-fatt li ma ġietx mistiedna tesprimi ruħha dwar l-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-2014 seta’ kellu effett fuq is-sitwazzjoni ġuridika tagħha, u lanqas b’liema mod il-possibbiltà li tesprimi ruħha f’dan ir-rigward setgħet twassal għal kontenut differenti tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq il-fatt li d-dritt tal-partijiet ikkonċernati li jkunu f’pożizzjoni li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom għandu n-natura ta’ formalità sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, li l-ksur tagħha, ikkonstatat mill-Qorti Ġenerali, iwassal għall-annullament tal-att ivvizzjat, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ effett fuq il-parti li tinvoka tali ksur u lanqas li l-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti.

26

Finalment, fil-punt 87 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-argument tal-Kummissjoni, ibbażat fuq il-fatt li l-kunsiderazzjoni li tgħid li l-għajnuna għall-operat hija inkompatibbli mas-suq intern sa fejn l-għajnuna għall-investiment innifisha kienet inkompatibbli mal-imsemmi suq tirriżulta minn bażi legali awtonoma li tirriżulta mit-Trattat FUE, kien tressaq għall-ewwel darba mill-Kummissjoni waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali u ma huwiex ibbażat fuq it-termini tad-Deċiżjoni 2014/883 jew tad-deċiżjoni kkontestata.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali laqgħet is-sitt motiv tar-rikors u għalhekk annullat l-Artikoli 2 sa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma eżaminat il-motivi l-oħra invokati insostenn ta’ dan ir-rikors.

It-talbiet tal-partijiet

28

Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiċħad it-tielet ilment tas-sitt motiv tar-rikors bħala infondat;

tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din teżamina l-ħames motivi l-oħra tar-rikors;

sussidjarjament,

tannulla s-sentenza appellata sa fejn il-punt 1 tad-dispożittiv jirrigwarda l-konklużjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata dwar l-għajnuna għall-investiment;

tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din teżamina l-ħames motivi l-oħra tar-rikors; u

f’kull każ:

tirriżerva l-ispejjeż relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza u mal-appell.

29

Il-komun ta’ Gdynia u l-kumpannija PLGK jitolbu li l-appell jiġi miċħud u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

30

Ir-Repubblika tal-Polonja titlob li dan l-appell jiġi miċħud.

Fuq l-appell

Fuq l-ammissibbiltà tal-appell

31

Mingħajr ma jinvokaw formalment l-inammissibbiltà tal-appell, il-komun ta’ Gdynia u l-kumpannija PLGK isostnu li l-portata u l-kontenut tad-diversi aggravji mqajma insostenn tiegħu ma humiex ċari biżżejjed. Dawn tal-aħħar huma fformulati b’mod differenti fil-punt 32 tal-appell, fis-sottotitoli li jippreċedu d-diversi lmenti u fil-kontenut stess ta’ dawn l-aggravji.

32

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li jkun qiegħed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali li jissostanzjaw b’mod speċifiku lil din it-talba. Fl-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa speċifikat li l-aggravji u l-argumenti fid-dritt invokati għandhom jidentifikaw bi preċiżjoni l-punti tal-motivi tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li jkunu qegħdin jiġu kkontestati (digriet tal-15 ta’ Jannar 2019, CeramTec vs EUIPO, C‑463/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:18, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-komun ta’ Gdynia u l-kumpannija PLGK sempliċement isostnu, b’mod għalkollox ġenerali, li l-aggravji tal-appell ma humiex ċari sa fejn jintużaw diversi formulazzjonijiet sabiex jiddeskrivuhom. Madankollu, huma ma jispjegawx kif tali differenzi jipprekludu li wieħed jifhem l-argumenti tal-Kummissjoni kif imressqa fl-appell. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tidentifika bi preċiżjoni, fil-kuntest ta’ kull wieħed mill-aggravji tal-appell tagħha, l-elementi kkritikati tas-sentenza appellata u tesponi fid-dettall l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku t-talba tagħha għall-annullament ta’ din is-sentenza, u b’hekk tippermetti lil kull parti normalment diliġenti tifhem il-kontenut tagħha u lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq l-istħarriġ tagħha tal-legalità (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Heli‑Flight vs AESA, C‑61/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:59, punt 77). L-argument żviluppat mill-komun ta’ Gdynia u mill-kumpannija PLGK fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom jixhed li huma kienu f’pożizzjoni li jifhmu l-aggravji tal-appell.

34

Għaldaqstant, dan tal-aħħar ma jistax jitqies li huwa inammissibbli fl-intier tiegħu.

35

Għandu jingħad ukoll li, sa fejn il-komun ta’ Gdynia u l-kumpannija PLGK iressqu argument distint intiż speċifikament sabiex jikkontesta l-ammissibbiltà tat-tieni aggravju, dan l-argument ser jiġi indirizzat fil-kuntest tal-eżami ta’ dan l-aggravju.

Fuq il-mertu

36

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka tliet aggravji, fejn l-ewwel wieħed huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi dwar il-portata tad-drittijiet li l-partijiet ikkonċernati f’dan il-każ jisiltu mill-Artikolu 108(2) TFUE, it-tieni wieħed huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata, u t-tielet wieħed, ippreżentat sussidjarjament, huwa bbażat fuq in-natura sproporzjonata tal-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

37

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 69 sa 89 tas-sentenza appellata, applikat b’mod żbaljat id-dritt mogħti lill-partijiet ikkonċernati mill-Artikolu 108(2) TFUE li jippreżentaw osservazzjonijiet, b’mod li jmur kontra s-sentenza tas-8 ta’ Mejju 2008, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (C‑49/05 P, mhux ippubblikata, EU:C:2008:259), billi kklassifikat b’mod żbaljat dan id-dritt, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, bħala “forma proċedurali sostanzjali”, li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu jwassal awtomatikament għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma huwa neċessarju li jintwera l-impatt ta’ dan il-ksur fuq is-sitwazzjoni tal-parti kkonċernata jew fuq il-konklużjonijiet deċiżi f’dik is-sentenza.

38

Il-Kummissjoni ssostni li l-konsegwenzi legali kollha li jirriżultaw mill-klassifikazzjoni żbaljata tad-dritt inkwistjoni bħala “forma proċedurali sostanzjali” huma wkoll ivvizzjati bi żball ta’ liġi. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonstatat, fil-punt 70 tas-sentenza appellata, li hija setgħet teżamina ex officio l-ksur ta’ din il-forma proċedurali sostanzjali bħala motiv ta’ ordni pubbliku.

39

Barra minn hekk, l-argument imressaq quddiem il-Qorti Ġenerali bbażat fuq tali ksur kien inammissibbli sa fejn kien jirrigwarda s-sistema legali użata fid-deċiżjoni kkontestata, peress li dan l-argument tqajjem mill-kumpannija PLGK biss fl-istadju tar-replika li din tal-aħħar ippreżentat fl-ewwel istanza.

40

Billi kklassifikat l-imsemmi argument, fil-punt 70 tas-sentenza appellata, bħala “amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament”, fir-rikors promotur u billi ġġudikatu ammissibbli, il-Qorti Ġenerali kisret ir-regola li tipprojbixxi l-produzzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża.

41

Sa fejn, f’dak ir-rikors, il-komun ta’ Gdynia u l-kumpannija PLGK ressqu motiv ibbażat fuq ksur tal-garanziji proċedurali tagħhom waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni peress li ma kellhomx l-okkażjoni li jippreżentaw osservazzjonijiet, huma kienu qegħdin jirreferu għall-assenza ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali ġdida qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, liema ftuħ kien jippermetti li jiġu eżaminati l-effetti legali tal-esklużjoni tal-ispejjeż marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ kompiti ta’ interess pubbliku mill-kamp tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni. Dan il-motiv kien għalhekk ibbażat fuq ġustifikazzjoni kompletament differenti minn dik dwar in-nuqqas ta’ konsultazzjoni tal-komun ta’ Gdynia u tal-kumpannija PLGK fir-rigward tal-Linji Gwida tal-2014.

42

Il-Kummissjoni żżid li, minkejja li huwa biss l-Istat Membru responsabbli mill-għoti tal-għajnuna li għandu drittijiet tad-difiża, madankollu, f’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Polonja ma ppreżentatx rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha jew tad-dritt tagħha għal dibattitu kontradittorju u, bħala intervenjent, hija ma tistax tinvoka tali motiv.

43

Il-komun ta’ Gdynia u l-kumpannija PLGK huma tal-fehma li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija infondata.

44

Fil-fehma tagħhom, il-Kummissjoni qiegħda tipprova timminimizza l-importanza tad-dritt tal-partijiet interessati f’dan il-każ li jippreżentaw osservazzjonijiet billi tinvoka ġurisprudenza stabbilita li tgħid li r-rwol tal-partijiet ikkonċernati fi proċedura ta’ investigazzjoni formali huwa biss li jservu bħala sors ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni. Issa, tali argumenti jmorru kontra l-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, peress li s-sentenzi ċċitati mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward ingħataw qabel id-dħul fis-seħħ tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

45

Issa, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni d-dritt għal smigħ tal-partijiet ikkonċernati qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni. Kuntrarjament għal dak li ssostni din tal-aħħar f’dan ir-rigward, il-komun ta’ Gdynia u l-kumpannija PLGK ma jsostnux li l-fatt li l-Karta tapplika b’mod sħiħ għall-proċeduri mibdija mill-Kummissjoni u li l-Artikolu 41(2)(a) tagħha, li jipprovdi li kull persuna għandha d-dritt li tinstema’ qabel ma tittieħed miżura individwali li taffettwaha b’mod sfavorevoli fir-rigward tagħha, japplika għall-benefiċjarju ta’ għajnuna bħall-kumpannija PLGK, ifisser li l-komun ta’ Gdynia u l-kumpannija PLGK jibbenefikaw, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Karta, minn dritt għal dibattitu kontradittorju mal-Kummissjoni.

46

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ġustament ċaħdet, fil-punt 70 tas-sentenza appellata, l-argument tagħha li jgħid li l-argument imressaq mill-kumpannija PLGK fir-replika tagħha, dwar l-emenda tas-sistema legali użata fid-deċiżjoni kkontestata, jikkostitwixxi aggravju ġdid. Barra minn hekk, il-fatt li l-Qorti Ġenerali ppreċiżat li hija setgħet tqajjem il-ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali ex officio ma jimplikax li, f’dan il-każ, hija eżaminat dan il-ksur ex officio.

47

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tiffoka fuq is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (C‑49/05 P, mhux ippubblikata, EU:C:2008:259), billi pproponiet interpretazzjoni restrittiva għaliha, filwaqt li l-Qorti Ġenerali rreferiet ukoll għal sentenzi oħra tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali u, b’mod partikolari, għas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Freistaat Sachsen (C‑334/07 P, EU:C:2008:709). Mill-punt 56 ta’ din l-aħħar sentenza jirriżulta li, meta s-sistema legali, li abbażi tagħha Stat Membru jkun ipproċeda bin-notifika ta’ għajnuna ppjanata, tinbidel qabel ma l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha, din għandha titlob lill-partijiet ikkonċernati jieħdu pożizzjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mar-regoli l-ġodda. L-obbligu li l-partijiet interessati jintalbu jieħdu pożizzjoni jibqa’ r-regola, ħlief jekk is-sistema legali l-ġdida ma tinkludix bidla sostanzjali meta mqabbla ma’ dik li kienet fis-seħħ qabel.

48

Is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (C‑49/05 P, mhux ippubblikata, EU:C:2008:259), ma tippermettix lill-Kummissjoni tfassal regoli universali, applikabbli għal kull sitwazzjoni, peress li l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza huma differenti minn dawk analizzati fis-sentenza appellata. B’mod partikolari, l-ewwel nett, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (C‑49/05 P, mhux ippubblikata, EU:C:2008:259), la l-partijiet u lanqas il-Qorti Ġenerali ma rrilevaw differenzi sinjifikattivi bejn id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura u d-deċiżjoni kkontestata, bħal dawk li l-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punti 67 sa 71 tas-sentenza appellata.

49

It-tieni nett, f’dan il-każ, id-Deċiżjoni 2014/883 li tagħlaq il-proċedura tal-Kummissjoni kienet diġà ġiet adottata u kienet is-suġġett ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u l-irtirar ulterjuri tagħha ġie immedjatament segwit minn għeluq ġdid tal-proċedura li kienet tkompliet, li ma kienx il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-8 ta’ Mejju 2008, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (C‑49/05 P, mhux ippubblikata, EU:C:2008:259).

50

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali indikat b’mod ċar, f’din l-aħħar sentenza, li l-prinċipji stabbiliti miż-żewġ sistemi legali tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni kienu essenzjalment identiċi. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll dan ix-xebh fl-imsemmija sentenza. Min-naħa l-oħra, fil-punti 67 sa 78 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wriet, bi preċiżjoni, li d-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-Linji Gwida tal-2014, applikati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, kienu għamlu modifiki sostanzjali meta mqabbla mas-sistema legali fis-seħħ preċedentement u li ttieħdet inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni ta’ ftuħ kif ukoll fid-Deċiżjoni 2014/883.

51

Il-komun ta’ Gdynia u l-kumpannija PLGK iqisu li dawn l-emendi kif ukoll l-obbligu tal-Kummissjoni li tiddefinixxi b’mod suffiċjenti l-kuntest tal-eżami tagħha wasslu lill-Qorti Ġenerali sabiex tikklassifika, f’dan il-każ, l-obbligu tal-Kummissjoni li tqiegħed lill-partijiet ikkonċernati f’pożizzjoni li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bħala “formalità sostanzjali”, konformement mal-punt 55 tas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Freistaat Sachsen (C‑334/07 P, EU:C:2008:709). Fil-fatt, emendi ta’ tali daqs probabbilment kienu jeħtieġu proċedura ta’ investigazzjoni formali ġdida skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 659/1999, ħaġa li dawn il-partijiet kienu ċertament jindikaw fl-osservazzjonijiet tagħhom kieku kellhom il-possibbiltà li jifformulawhom.

52

L-approċċ difiż mill-Kummissjoni jmur ukoll kontra l-pożizzjoni espressa fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑114/17 P, EU:C:2018:309), li tgħid li d-dritt tal-Istat Membru li jinstema’ mill-Kummissjoni f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, huwa forma proċedurali sostanzjali. Il-komun ta’ Gdynia u l-kumpannija PLGK jikkondividu wkoll l-opinjoni espressa f’dawn il-konklużjonijiet li tgħid li ma huwiex importanti li l-Istat Membru kkonċernat jirnexxilu juri konkretament li, fl-assenza ta’ ksur ta’ dan id-dritt mill-Kummissjoni, id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar dwar l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni kienet tkun differenti. Fil-fatt, tali kundizzjoni hija neċessarjament spekulattiva u jkun diffiċli li jiġi identifikat il-livell ta’ prova u l-livell ta’ preċiżjoni meħtieġ sabiex jintwera li d-deċiżjoni kkonċernata kienet effettivament tkun differenti.

53

Il-komun ta’ Gdynia u l-kumpannija PLGK jirrilevaw li, meta l-Kummissjoni adottat, fil-31 ta’ Marzu 2014, il-Linji Gwida tal-2014, hija stiednet kemm lill-Istati Membri kif ukoll lill-ajruporti benefiċjarji ta’ għajnuna sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-miżuri li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni kienet fetħet proċeduri ta’ investigazzjoni formali. F’din l-istedina jissemmew 23 proċedura li jikkonċernaw għajnuna mill-Istat lil ajruporti jew lil kumpanniji tal-ajru, iżda ma jissemmiex il-fajl dwar l-ajruport ta’ Gdynia‑Kosakowo, peress li dan ngħalaq bid-Deċiżjoni 2014/883. Dan il-metodu ta’ proċedura jista’ jiġi kklassifikat bħala “diskriminatorju”. Ftit jimporta f’dan ir-rigward li din id-deċiżjoni ġiet adottata, peress li din ġiet sussegwentement irtirata u peress li l-Kummissjoni kompliet il-proċedura amministrattiva f’din il-kawża sal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

54

Ir-Repubblika tal-Polonja tqis ukoll li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija infondata.

55

B’mod partikolari, hija ssostni li bl-ebda mod ma jirriżulta mis-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali tat drittijiet tad-difiża lill-partijiet interessati f’dan il-każ. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet obbligata li tistieden lil dawn tal-aħħar sabiex isostnu l-argumenti tagħhom qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-portata tal-emendi li saru permezz tal-Linji Gwida tal-2014. Id-dritt li jiġu fformulati osservazzjonijiet ma huwiex limitat biss għad-drittijiet tad-difiża, iżda għandu portata iktar wiesgħa. Dan jikkostitwixxi, b’mod partikolari, element essenzjali tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, previst fl-Artikolu 41 tal-Karta, li l-komun ta’ Gdynia u l-kumpannija PLGK jistgħu jinvokaw, kif ukoll id-dritt għall-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

56

Barra minn hekk, il-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni tista’ tippreġudika dawn id-drittijiet fundamentali, peress li, f’dan il-każ, minħabba d-differenzi fundamentali bejn il-Linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali u l-Linji Gwida tal-2014, huwa impossibbli li jintwera li l-fatt li l-partijiet fil-proċedura fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet kellu effett fuq l-eżitu ta’ din il-proċedura. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni tista’ tinjora l-obbligu li tisma’ lill-partijiet mingħajr biża’ ta’ konsegwenzi negattivi.

57

Il-Kummissjoni ma kkontestatx l-eżistenza ta’ differenzi fundamentali bejn il-Linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali u l-Linji Gwida tal-2014 u lanqas ma tikkontesta l-fatt li hija ma poġġietx lill-partijiet interessati f’din il-kawża f’pożizzjoni li jippreżentaw osservazzjonijiet qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

58

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma indikatx espliċitament fis-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (C‑49/05 P, mhux ippubblikata, EU:C:2008:259), li d-dritt li jiġu ppreżentati osservazzjonijiet kien jikkostitwixxi forma proċedurali sostanzjali, hija lanqas ma eskludietu. Fir-rigward tas-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Freistaat Sachsen (C‑334/07 P, EU:C:2008:709), il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-punt 55 ta’ din is-sentenza, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja indikat b’mod ċar li l-obbligu tal-Kummissjoni li tqiegħed lill-partijiet interessati f’pożizzjoni li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom huwa forma proċedurali sostanzjali. Il-Kummissjoni sempliċement semmiet il-punt 56 ta’ din is-sentenza, filwaqt li l-punti 55 u 56 tal-imsemmija sentenza kellhom jiġu interpretati flimkien.

59

Il-Kummissjoni lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑114/17 P, EU:C:2018:309), ġie propost li, sa fejn il-Kummissjoni kienet ibbażat id-deċiżjoni ta’ emenda tagħha fuq informazzjoni li fir-rigward tagħha parti ma kinitx f’pożizzjoni li tifformula osservazzjonijiet, hija kienet aġixxiet bi ksur tad-dritt għal smigħ ta’ din il-parti u, għaldaqstant, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

60

Barra minn hekk, indipendentement mill-ksur tad-dritt tar-rikorrenti li jippreżentaw osservazzjonijiet, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika tal-Polonja bħala Stat Membru destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata, hekk li pprekludietha milli ssostni l-argumenti tagħha qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Ir-Repubblika tal-Polonja, bħala intervenjenti, għandha d-dritt li tinvoka, f’din il-proċedura, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

61

L-argument ippreżentat mill-Kummissjoni, li permezz tiegħu din tal-aħħar tikkontesta l-possibbiltà għar-Repubblika tal-Polonja li tinvoka tali ksur, huwa inammissibbli minħabba t-tardività tiegħu, peress li l-Kummissjoni kkontestat għall-ewwel darba din il-possibbiltà biss fl-istadju tar-replika li hija ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li r-Repubblika tal-Polonja invokat l-imsemmi ksur sa mill-bidu tal-proċedura fl-ewwel istanza.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

62

Preliminarjament, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali eżaminat it-tielet ilment tas-sitt motiv tar-rikors quddiemha mhux mill-perspettiva tad-drittijiet tad-difiża, li huma biss l-Istati Membri, bħala partijiet fil-proċeduri ta’ eżami ta’ għajnuna mill-Istat, li jgawdu minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punti 80 sa 83), iżda fid-dawl tad-dritt li għandhom il-partijiet interessati, skont l-Artikolu 108(2) TFUE, li jippreżentaw osservazzjonijiet.

63

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 89 tas-sentenza appellata, peress li kkonstatat il-ksur ta’ dan l-aħħar dritt f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni, b’mod partikolari, dwar il-possibbiltà għall-komun ta’ Gdynia u għall-kumpannija PLGK li jinvokaw, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika tal-Polonja, li ġiet ukoll imressqa fin-nota ta’ intervent ta’ dan l-Istat Membru.

64

Konsegwentement, ma hemmx lok li jiġu eżaminati, f’dan l-istadju tal-proċedura, l-argumenti ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar, minn naħa, il-kwistjoni dwar jekk, bħala intervenjenti fl-ewwel istanza, ir-Repubblika tal-Polonja għandhiex id-dritt li tinvoka motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha jew tad-dritt tagħha għal dibattitu kontradittorju meta hija ma ppreżentatx rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata bbażat fuq ksur ta’ dawn id-drittijiet u, min-naħa l-oħra, dwar jekk tali ksur iwassalx għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Minn dan isegwi li ma hemmx iktar lok li jiġi evalwat, għall-finijiet tal-eżami ta’ dan l-appell, l-argument ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-imsemmi Stat Membru dwar in-natura inammissibbli tal-argument ippreżentat mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li permezz tiegħu l-Kummissjoni tikkontesta l-possibbiltà għar-Repubblika tal-Polonja li tinvoka tali ksur.

65

Fit-tieni lok, mis-sentenza appellata u, b’mod partikolari, mill-punt 89 tagħha jirriżulta li l-Qorti Ġenerali lanqas ma ddeċidiet fuq l-obbligu li għandha l-Kummissjoni li tistieden lill-partijiet interessati f’dan il-każ sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-bidliet fattwali mwettqa fid-deċiżjoni kkontestata, u għalhekk iffokat fuq dan l-obbligu sa fejn dan jikkonċerna s-sistema legali l-ġdida applikata fl-imsemmija deċiżjoni. Konsegwentement, lanqas ma hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina l-argument imressaq mill-komun ta’ Gdynia u mill-kumpannija PLGK li permezz tiegħu dawn jikkritikaw lill-Kummissjoni talli ma stednitx lill-partijiet interessati f’din il-kawża sabiex jippreżentaw il-perspettiva tagħhom fid-dawl tal-informazzjoni fattwali ġdida li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata.

66

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni espost fil-punti 39 sa 41 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul il-kawża sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv jew argument, li jikkostitwixxu estensjoni ta’ motiv imressaq preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkunu marbuta mill-qrib ma’ dan il-motiv għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli (sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il-Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

F’dan il-każ, huwa stabbilit li, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 70 tas-sentenza appellata, fir-rikors promotur tagħhom, il-komun ta’ Gdynia u l-kumpannija PLGK indikaw li huma kellu jkollhom il-possibbiltà li jesprimu ruħhom dwar l-argumenti l-ġodda u l-analiżi l-ġdida tal-Kummissjoni u li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li huma invokaw fuq dan il-punt jikkostitwixxi, bħala tali, ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. Il-Kummissjoni lanqas ma tikkontesta li, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali wkoll fl-imsemmi punt 70, il-punt II.14 tar-rikors, li jiġbor fil-qosor il-motivi mressqa insostenn tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, huwa intitolat b’mod partikolari “[k]sur tal-forom proċedurali sostanzjali fil-forma ta’ dritt tar-rikorrenti li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u jieħdu pożizzjoni”.

68

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fl-istess punt 70, li l-argument imqajjem fir-replika tal-kumpannija PLGK ibbażat fuq ksur tad-dritt tal-partijiet ikkonċernati li jippreżentaw osservazzjonijiet dwar ir-rilevanza tas-sistema legali l-ġdida, li permezz tiegħu din il-kumpannija kienet qiegħda tirreferi preċiżament għall-analiżi l-ġdida tal-Kummissjoni li saret fid-deċiżjoni inkwistjoni, jikkostitwixxi l-estensjoni tal-motiv imqajjem fir-rikors ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali dwar id-dritt tal-komun ta’ Gdynia u tal-kumpannija PLK li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

69

Peress li l-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat in-natura ammissibbli ta’ dan l-argument, hija setgħet ġustament teżamina l-mertu tiegħu, indipendentement mill-punt dwar jekk, kif irrilevat ukoll, fil-punt 70 tas-sentenza appellata, hija setgħetx tinvoka l-ksur li huwa s-suġġett tal-imsemmi argument ex officio bħala motiv ta’ ordni pubbliku.

70

Wara li saru dawn il-konstatazzjonijiet preliminari, għandu jitfakkar, f’dak li jikkonċerna d-dritt li l-ksur tiegħu ġie deċiż mill-Qorti Ġenerali bħala li jwassal għall-annullament tal-Artikoli 2 sa 5 tad-deċiżjoni kkontestata, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-impriżi potenzjalment benefiċjarji tal-għajnuna mill-Istat jitqiesu bħala partijiet interessati u li l-Kummissjoni għandha l-obbligu, matul il-fażi tal-eżami msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE, li tistedinhom jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni, C‑225/91, EU:C:1993:239, punt 16; tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 59; kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Ġermanja et vs Kronofrance, C‑75/05 P u C‑80/05 P, EU:C:2008:482, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

Għalkemm dawn il-partijiet ikkonċernati ma jistgħux jinvokaw id-drittijiet tad-difiża, huma għandhom, min-naħa l-oħra, id-dritt li jiġu assoċjati mal-proċedura amministrattiva segwita mill-Kummissjoni b’mod adegwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C‑49/05 P, mhux ippubblikata, EU:C:2008:259, punt 69).

72

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 108(2) TFUE, li l-pubblikazzjoni ta’ avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tikkostitwixxi mezz adegwat sabiex il-partijiet ikkonċernati kollha jsiru jafu bil-ftuħ ta’ proċedura. Din il-komunikazzjoni hija intiża sabiex tinkiseb, min-naħa ta’ dawn tal-aħħar, l-informazzjoni kollha intiża sabiex il-Kummissjoni jkollha għarfien ċar fl-azzjoni futura tagħha. Tali proċedura tagħti wkoll lill-Istati Membri l-oħra u lill-oqsma kkonċernati l-garanzija li jkunu jistgħu jinstemgħu (sentenza tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punt 80 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

73

Il-proċedura ta’ investigazzjoni tal-għajnuna mill‑Istati hija, fid-dawl tal-istruttura ġenerali tagħha, proċedura miftuħa fil-konfront tal-Istat Membru responsabbli, fid-dawl tal-obbligi tiegħu skont il-liġi tal-Unjoni, għall-għoti tal-għajnuna. Huwa għalhekk li, sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża, sa fejn dan l-Istat Membru ma ġiex awtorizzat jikkummenta dwar ċerta informazzjoni, il-Kummissjoni ma tistax teħodha inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni tagħha kontra dan l-Istat Membru (sentenza tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punt 81 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

74

Fil-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat, il-partijiet interessati minbarra l-Istat Membru kkonċernat għandhom biss ir-rwol imfakkar fil-punt 72 ta’ din is-sentenza u, f’dan ir-rigward, huma ma jistgħux jippretendu huma stess dibattitu kontradittorju mal-Kummissjoni, bħal dak miftuħ favur l-imsemmi Stat Membru (sentenza tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punt 82 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

75

Ebda dispożizzjoni tal-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat ma tirriżerva, fost il-partijiet interessati, rwol partikolari għall-benefiċjarju ta’ tali għajnuna. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-proċedura ta’ stħarriġ tal-għajnuna mill-Istat ma hijiex proċedura li tinfetaħ kontra l-benefiċjarju jew il-benefiċjarji tal-għajnuna li timplika li dan jew dawn tal-aħħar jistgħu jinvokaw drittijiet daqstant estiżi bħad-drittijiet tad-difiża fihom innifishom (sentenza tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punt 83).

76

Fir-rigward taċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ inkwistjoni, għandu jitfakkar li, fit-2 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni ta’ ftuħ li permezz tagħha din fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar il-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni, skont l-Artikolu 108(2) TFUE, u stiednet lill-partijiet interessati f’dan il-każ sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Permezz tad-Deċiżjoni 2014/883, il-Kummissjoni kkonstatat li l-proġett ta’ finanzjament inkwistjoni kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u li din kellha tiġi rkuprata mill-awtoritajiet Pollakki fl-ammont li din kienet tħallset. Sussegwentement, din id-deċiżjoni ġiet irtirata u ssostitwita bid-deċiżjoni kkontestata.

77

Barra minn hekk, mill-punt 79 tas-sentenza appellata, u ma huwiex ikkontestat fil-kuntest ta’ dan l-appell, jirriżulta li l-partijiet ikkonċernati f’dan il-każ ma ġewx mistiedna jippreżentaw b’mod utli l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-applikabbiltà u l-effett eventwali tal-Linji Gwida tal-2014 qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, minkejja li dawn il-linji gwida ġew ippubblikati fl-4 ta’ April 2014, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2014/883 u għalhekk wara l-għeluq inizjali tal-proċedura ta’ eżami.

78

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx ġustament tikkonstata, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, li d-dritt tal-partijiet interessati f’dan il-każ li jippreżentaw osservazzjonijiet dwar din is-sistema legali ġdida u, b’mod partikolari, dwar il-Linji Gwida tal-2014, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jikkostitwixxi forma proċedurali sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, li l-ksur tagħha jwassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi stabbilit li l-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti.

79

Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni ma tistax, mingħajr ma tikser id-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati, tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq prinċipji ġodda, introdotti minn sistema legali ġdida, mingħajr ma tistieden lil dawn tal-aħħar jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C‑49/05 P, mhux ippubblikata, EU:C:2008:259, punti 7071).

80

Madankollu, huwa prinċipju li irregolarità proċedurali twassal għall-annullament totali jew parzjali ta’ deċiżjoni biss jekk jiġi stabbilit li fl-assenza ta’ din l-irregolarità d-deċiżjoni kkontestata seta’ jkollha kontenut differenti (sentenza tat-23 ta’ April 1986, Bernardi vs Il-Parlament, 150/84, EU:C:1986:167, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81

B’mod iktar speċifiku, fir-rigward tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati, meta jkun hemm bidla fis-sistema legali wara li l-Kummissjoni tkun poġġiet lill-partijiet interessati f’pożizzjoni li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u qabel l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni dwar proġett ta’ għajnuna u meta l-Kummissjoni tibbaża din id-deċiżjoni fuq is-sistema legali l-ġdida mingħajr ma tistieden lil dawn il-partijiet jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuqha, is-sempliċi eżistenza ta’ differenzi bejn is-sistema legali li fuqha l-imsemmija partijiet tqiegħdu f’pożizzjoni li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u dik li fuqha hija bbażata l-imsemmija deċiżjoni ma tistax twassal, bħala tali, għall-annullament tal-istess deċiżjoni. Fil-fatt, minkejja li s-sistemi legali inkwistjoni nbidlu, tqum il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn is-sistemi li huma rilevanti għall-każ ineżami, l-imsemmija bidla setgħetx tbiddel is-sens tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C‑49/05 P, mhux ippubblikata, EU:C:2008:259, punti 78 sa 83).

82

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, meta ddeċidiet li d-dritt tal-partijiet ikkonċernati li jippreżentaw osservazzjonijiet f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża għandu n-natura ta’ forma proċedurali sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, li l-ksur tagħha jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi stabbilit li l-ksur ta’ dan id-dritt seta’ jaffettwa s-sens ta’ din id-deċiżjoni.

83

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi, fil-punt 83 ta’ din is-sentenza, meta ċaħdet l-argument tal-Kummissjoni li permezz tiegħu din riedet turi li d-deċiżjoni kkontestata kien ikollha kontenut identiku li kieku l-partijiet interessati f’dan il-każ kienu tqiegħdu f’pożizzjoni li jippreżentaw osservazzjonijiet fuq il-Linji Gwida tal-2014, peress li l-għajnuna għall-operat kienet fi kwalunkwe każ inkompatibbli mas-suq intern minħabba l-inkompatibbiltà tal-għajnuna għall-investiment ma’ dan is-suq. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument, minn naħa, billi bbażat ruħha b’mod żbaljat, kif jirriżulta mill-punt 82 ta’ din is-sentenza, fuq il-fatt li ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit li l-ksur ikkonstatat seta’ jaffettwa s-sens tad-deċiżjoni kkontestata.

84

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-modifiki sostanzjali li hija kienet identifikat bejn il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat b’għan reġjonali u l-Linji Gwida tal-2014, filwaqt li, bl-imsemmi argument, il-Kummissjoni kellha preċiżament l-intenzjoni li turi li, indipendentement mill-emendi introdotti mil-Linji Gwida tal-2014, il-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà tal-għajnuna għall-operat kienet ibbażata fuq bażi legali oħra indipendenti minn dawn il-linji gwida tal-aħħar, b’tali mod li din il-konstatazzjoni ma setgħetx tiġi affettwata fil-każ fejn il-partijiet interessati kienu tqiegħdu f’pożizzjoni li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwarha.

85

Fil-fatt, għalkemm, bħala prinċipju, modifiki sostanzjali ta’ bażi legali li fuqha hija bbażata deċiżjoni tal-Kummissjoni jistgħu jinfluwenzaw din id-deċiżjoni, dan ma huwiex il-każ jekk din id-deċiżjoni tkun ibbażata, barra minn hekk, fuq bażi legali awtonoma li ma tkunx ġiet mibdula u li, waħedha, tkun il-bażi tal-imsemmija deċiżjoni.

86

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali la setgħet, mingħajr ma tikser il-ġurisprudenza dwar id-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati kif esposta fil-punti 70 sa 75 kif ukoll 79 u 81 ta’ din is-sentenza, tikkonstata li ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat l-effett fuq id-deċiżjoni kkontestata tal-assenza ta’ stedina tal-partijiet ikkonċernati sabiex jesprimu ruħhom fuq il-Linji Gwida tal-2014 qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, u lanqas ma setgħet tikkonstata tali effett mingħajr ma teżamina l-argument tal-Kummissjoni intiż sabiex juri l-eżistenza ta’ bażi legali awtonoma u indipendenti li fuqha hija bbażata l-imsemmija deċiżjoni.

87

Il-konstatazzjoni esposta fil-punt preċedenti ma hijiex ikkontestata mill-argumenti l-oħra mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, fl-ewwel lok, minn dawk ibbażati fuq is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Freistaat Sachsen (C‑334/07 P, EU:C:2008:709). Ċertament, fil-punt 55 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, essenzjalment, li mill-Artikolu 108(2) TFUE kif ukoll mill-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/1999 jirriżulta li, meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ proġett ta’ għajnuna, hija għandha tqiegħed lill-partijiet ikkonċernati, fosthom lill-impriża jew lill-impriżi kkonċernati, f’pożizzjoni li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u li din ir-regola għandha n-natura ta’ forma proċedurali sostanzjali.

88

Madankollu, minn naħa, l-imsemmija sentenza tikkonċerna l-obbligi li jkollha l-Kummissjoni fid-data tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Min-naħa l-oħra, hija tqajjem il-kwistjoni tal-applikazzjoni ta’ regoli legali ġodda adottati wara n-notifika ta’ proġett ta’ għajnuna. Dawn huma għalhekk kwistjonijiet distinti minn dawk imqajma fil-kuntest ta’ dan l-appell, peress li d-dritt li jitqiegħdu f’pożizzjoni li jippreżentaw osservazzjonijiet li jibbażaw ruħhom fuqhom il-komun ta’ Gdynia u l-kumpannija PLGK hu dwar bidla fis-sistema legali li seħħet wara li l-imsemmija partijiet ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni.

89

Fit-tieni lok, il-konstatazzjoni esposta fil-punt 86 ta’ din is-sentenza lanqas ma hija kkontestata mill-argument ippreżentat kemm mill-komun ta’ Gdynia u mill-kumpannija PLGK kif ukoll mir-Repubblika tal-Polonja li jgħid li d-dritt tal-partijiet ikkonċernati li jitqiegħdu f’pożizzjoni li jippreżentaw osservazzjonijiet f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl tad-drittijiet fundamentali protetti mill-Karta u, b’mod partikolari, fid-dawl tad-dritt għal amministrazzjoni tajba previst fl-Artikolu 41 tagħha, li jikkostitwixxi wieħed mill-komponenti tiegħu.

90

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif issostni l-Kummissjoni, u kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dħul fis-seħħ tal-Karta ma bidilx in-natura tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 108(2) TFUE u lanqas ma għandu l-għan li jbiddel in-natura tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat stabbilit mit-Trattat.

91

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi r-Repubblika tal-Polonja permezz tal-affermazzjoni ġenerali li hija tagħmel, esposta fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, dwar eventwali ksur tad-drittijiet fundamentali, ma jistax jiġi kkonstatat, qabel kollox, li l-eżistenza tad-differenzi bejn iż-żewġ sistemi legali inkwistjoni f’dan il-każ tirrendi impossibbli li jintwera li l-fatt li l-partijiet ikkonċernati jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet fuq il-Linji Gwida tal-2014 jista’ jkollu effett fuq l-eżitu tal-proċedura. Għall-kuntrarju, huwa preċiżament, b’mod partikolari, minħabba tali differenzi li, jekk ikun il-każ, tali dimostrazzjoni tista’ ssir. Issa, il-kwistjoni dwar jekk in-nuqqas ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati f’dan il-każ fuq il-Linji Gwida tal-2014 jistax effettivament ikollu effett fuq il-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda l-mertu tat-tieni parti tal-ewwel aggravju u tat-tieni aggravju.

92

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argumenti esposti fil-punti 52 u 59 ta’ din is-sentenza u bbażati fuq il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑114/17 P, EU:C:2018:309), huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fis-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2018, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑114/17 P, EU:C:2018:753), il-Qorti tal-Ġustizzja ma segwietx l-istess raġunament bħal dak irrakkomandat f’dawk il-konklużjonijiet.

93

Fir-raba’ u l-aħħar lok, fir-rigward tal-argument espost fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, ibbażat fuq l-istedina magħmula fi proċeduri oħra lill-Istati Membri u lill-ajruporti benefiċjarji ta’ għajnuna sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt, jekk jitqies li huwa stabbilit, li l-Kummissjoni osservat id-drittijiet proċedurali tal-partijiet ikkonċernati, kif deskritti fil-punt 79 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest tat-23 proċedura li jirreferu għalihom il-komun ta’ Gdynia u l-kumpannija PLGK, ma jneħħi xejn mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 82 ta’ din is-sentenza, li minnhom jirriżulta li d-dritt li jinvokaw il-komun ta’ Gdynia u l-kumpannija PLGK fil-kuntest ta’ din il-kawża ma għandux in-natura ta’ forma proċedurali sostanzjali li s-sempliċi ksur tagħha jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

94

Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

95

Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 82 ta’ din is-sentenza, l-iżbalji kkonstatati fil-punti 82 sa 86 ta’ din is-sentenza jistgħu jwasslu għall-annullament tas-sentenza appellata, sa fejn il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata, biss fil-każ fejn id-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida tal-2014 li bbażat ruħha fuqhom il-Kummissjoni f’din id-deċiżjoni effettivament ma setgħux ibiddlu s-sens tal-imsemmija deċiżjoni. Issa, kif jirriżulta mill-punt 91 ta’ din is-sentenza, il-kwistjoni dwar jekk dan huwiex il-każ taqa’ taħt il-mertu tat-tieni parti tal-ewwel aggravju u tat-tieni aggravju tal-appell.

96

Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel aggravju u t-tieni aggravju għandhom jiġu eżaminati flimkien.

Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju u t-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

– L-argumenti tal-partijiet fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju

97

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 71 sa 89 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (C‑49/05 P, mhux ippubblikata, EU:C:2008:259), meta qieset li l-Kummissjoni kienet wettqet ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali, f’dan il-każ, billi ma tatx lill-komun ta’ Gdynia u lill-kumpannija PLGK il-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-Linji Gwida tal-2014.

98

Il-komun ta’ Gdynia u l-kumpannija PLGK isostnu li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta sostniet li d-deċiżjoni tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq intern ma kinitx ibbażata fuq il-Linji Gwida tal-2014. Kif uriet il-Qorti Ġenerali, fil-punt 84 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni semmiet espressament il-Linji Gwida tal-2014 fil-premessi 245 u 246 tad-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà tal-għajnuna għall-funzjonament mas-suq intern.

99

Barra minn hekk, kuntrarjament għas-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (C‑49/05 P, mhux ippubblikata, EU:C:2008:259), il-Kummissjoni ma tistax tippretendi, f’dan il-każ, li l-prinċipji u l-kriterji ta’ evalwazzjoni li jinsabu fil-Linji Gwida tal-2014 kienu essenzjalment identiċi għal dawk li jinsabu fis-sistema legali preċedenti.

100

Il-komun ta’ Gdynia u l-kumpannija PLGK jikkontestaw l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li, billi fil-punt 73 tas-sentenza appellata osservat li, fil-kuntest, minn naħa, tad-deċiżjoni ta’ ftuħ u tad-Deċiżjoni 2014/883 u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat għall-finijiet tal-analiżi tal-kompatibbiltà tal-għajnuna għall-funzjonament mas-suq intern, il-Qorti Ġenerali tat prova ta’ approċċ purament formalistiku. In-natura fundamentalment differenti tal-Linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali u tal-Linji Gwida tal-2014 tirriżulta, minn naħa, mill-fatt li tal-ewwel jikkonċernaw għajnuna reġjonali u tat-tieni jikkonċernaw għajnuna settorjali u, min-naħa l-oħra, minn diversi argumenti esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 67 sa 78 tas-sentenza appellata.

101

Skont il-komun ta’ Gdynia u l-kumpannija PLGK, xejn ma jista’ għalhekk jiġġustifika l-allegazzjoni li tgħid li s-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (C‑49/05 P, mhux ippubblikata, EU:C:2008:259), teħles lill-Kummissjoni mill-obbligu li tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati meta hija tqis li l-imsemmija konsultazzjoni ma tistax tbiddel id-deċiżjoni tagħha. Id-dritt tal-partijiet ikkonċernati li jkunu f’pożizzjoni li jippreżentaw osservazzjonijiet għandu, f’dan il-każ, in-natura ta’ forma proċedurali sostanzjali, li l-ksur tagħha, ikkonstatat f’dan il-każ, iwassal għall-annullament tal-att ivvizzjat, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi stabbilit li l-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti.

102

Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Kummissjoni tinjora l-espożizzjoni ddettaljata tal-Qorti Ġenerali dwar il-modifiki sostanzjali introdotti mil-Linji Gwida tal-2014. Il-fatt li dawn tal-aħħar huma essenzjalment differenti mis-sistema legali preċedenti jirriżulta mill-argument tal-Kummissjoni li jgħid li hija applikat biss l-ewwel kriterju tal-punt 113 tal-Linji Gwida tal-2014. Barra minn hekk, il-kriterju li jikkonsisti f’li jiġi ffaċilitat l-iżvilupp reġjonali, li jinsab fil-Linji Gwida tal-2014, huwa interpretat b’mod differenti minn dak tal-kriterju ta’ kontribuzzjoni għall-iżvilupp reġjonali previst mil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat b’għan reġjonali.

103

Ir-Repubblika tal-Polonja lanqas ma tista’ taċċetta l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li huwa irrilevanti li l-Linji Gwida tal-2014 ġew adottati skont dispożizzjoni tat-Trattat, jiġifieri l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, differenti mill-komunikazzjoni tagħha intitolata “Linji gwida tal-Komunità dwar il-finanzjament tal-ajruporti u l-għajnuna tal-bidu lill-kumpaniji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali” (ĠU 2005, C 312, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-2005”), jiġifieri l-Artikolu 107(3)(a) TFUE. Għalkemm dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tat-Trattat għandhom bħala punt komuni li jippermettu li tiġi approvata għajnuna maħsuba għall-iżvilupp ta’ ċerti reġjuni, huma jistabbilixxu kundizzjonijiet addizzjonali differenti ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna, billi jeżiġu, b’mod partikolari fl-Artikolu 107(3)(c) TFUE, li l-għajnuna mogħtija ma tbiddilx il-kundizzjonijiet ta’ skambju b’mod li jmur kontra l-interess komuni. Skont il-punti 131 u 132 tal-Linji Gwida tal-2014, sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna għall-funzjonament, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-effetti fuq il-kummerċ.

104

Dan ifisser li, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha tqiegħed lir-Repubblika tal-Polonja f’pożizzjoni li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-kwistjoni tal-limitazzjoni tad-distorsjonijiet eċċessivi tal-kompetizzjoni, peress li dan l-obbligu ġie introdott bil-Linji Gwida tal-2014. Dan juri kemm in-natura sostanzjali tal-emendi magħmula minn dawn tal-aħħar kif ukoll il-fatt li l-evalwazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata setgħet tkun differenti li kieku l-Kummissjoni poġġiet lir-Repubblika tal-Polonja f’pożizzjoni li tippreżenta osservazzjonijiet.

– L-argumenti tal-partijiet fuq it-tieni aggravju

105

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, b’mod żbaljat, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kkontestata kienet illegali billi bbażat ruħha fuq l-interpretazzjoni żbaljata ta’ din id-deċiżjoni u tad-Deċiżjoni 2014/883, esposta fil-punti 84 sa 87 ta’ din is-sentenza, u b’hekk żnaturat dawn iż-żewġ deċiżjonijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti ppreżentati mill-komun ta’ Gdynia u mill-kumpannija PLGK li permezz tagħhom dawn tal-aħħar għandhom l-intenzjoni li juru n-natura ineffettiva u inammissibbli tat-tieni aggravju.

106

Il-komun ta’ Gdynia u l-kumpannija PLGK jikkunsidraw li t-tieni aggravju huwa inammissibbli, peress li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-fatti u li l-Kummissjoni ma pproduċietx il-prova, kif jirriżulta mill-argumenti ppreżentati mill-komun ta’ Gdynia u mill-kumpannija PLGK fuq il-mertu tat-tieni aggravju, li, bl-evalwazzjoni tagħha ta’ dawn il-provi, il-Qorti Ġenerali żnaturat id-deċiżjoni inkwistjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li, sa fejn jikkonċernaw id-deċiżjoni kkontestata u d-Deċiżjoni 2014/883, il-punti 84 sa 87 tas-sentenza appellata, ikkontestati mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-tieni aggravju tal-appell, iqajmu diversi sensiliet ta’ punti ta’ dawn id-deċiżjonijiet, jiġifieri l-punti 196, 197, 198 sa 202, 245 u 246 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-punti 227 u 228 tad-Deċiżjoni 2014/883, dwar konstatazzjonijiet fattwali u mhux kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt.

107

Il-komun ta’ Gdynia u l-kumpannija PLGK iżidu li l-argument stess li jinsab fir-replika, li permezz tiegħu l-Kummissjoni tfittex li turi l-ammissibbiltà tat-tieni aggravju tal-appell, huwa inammissibbli, peress li l-Kummissjoni ma tindikax b’mod ċar is-silta mir-risposta li tirreferi għaliha għal dan il-għan.

108

Il-komun ta’ Gdynia u l-kumpannija PLGK isostnu li t-tieni motiv huwa wkoll ineffettiv. B’mod partikolari, il-motivi invokati mill-Qorti Ġenerali insostenn tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jinsabu fil-punti 62 sa 79 tas-sentenza appellata. Issa, dan l-ilment tal-Kummissjoni jikkonċerna l-punti 84 sa 87 ta’ dik is-sentenza, jiġifieri kunsiderazzjonijiet espressi mill-Qorti Ġenerali biss sussidjarjament, b’risposta għall-argumenti l-oħra tal-Kummissjoni. Dan jirriżulta mill-punt 80 tas-sentenza appellata li jgħid li “[l]-argumenti l-oħra tal-Kummissjoni ma jistgħux iqiegħdu inkwistjoni dawn il-konstatazzjonijiet”. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni sempliċement tindika n-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-interpretazzjoni magħmula mill-komun ta’ Gdynia u mill-kumpannija PLGK fir-rigward ta’ dawn it-termini.

109

Il-komun ta’ Gdynia u l-kumpannija PLGK iqisu li l-ewwel sentenza tal-punt 89 tista’ tiġi interpretata biss bħala konferma tal-fatt li l-argumenti tal-Kummissjoni, invokati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 81 sa 88 tas-sentenza appellata, bl-ebda mod ma jaffettwaw il-konstatazzjoni li tgħid li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi annullata abbażi tal-argumenti esposti fil-punti 62 sa 79 ta’ dik is-sentenza. Barra minn hekk, l-ewwel sentenza tal-punt 89 tal-imsemmija sentenza tirrifletti perfettament id-distinzjoni magħmula fil-punt 80 ta’ dik l-istess sentenza.

110

Il-komun ta’ Gdynia u l-kumpannija PLGK isostnu li t-tieni aggravju huwa, fi kwalunkwe każ, infondat. Il-Kummissjoni tidher li ssostni li l-konklużjoni li tinsab fil-premessa 244 tad-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi bażi legali indipendenti li serviet għall-konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna għall-operat mas-suq intern, minħabba l-espressjoni “bħala tali” li tinsab f’din il-premessa. Issa, l-użu ta’ tali formula jista’, l-iktar l-iktar, jitqies li huwa mod kif għandu jiġi ppreżentat ir-raġunament li jinsab f’din id-deċiżjoni u mhux bħala motiv sabiex tiġi stabbilita l-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern. Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat jikkostitwixxu tali bażi legali, li l-Qorti Ġenerali ġabret fil-qosor fl-aħħar sentenza tal-punt 87 tas-sentenza appellata.

111

Barra minn hekk, l-argument tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward ma huwiex ibbażat fuq il-kliem tal-imsemmija premessa. Apparti dan, mill-punt 87 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni saret fil-kuntest tal-Artikolu 107(3)(a) TFUE u tal-Linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali, fir-rigward tad-Deċiżjoni 2014/883, u fil-kuntest tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE kif ukoll tal-Linji Gwida tal-2014, fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna għall-funzjonament ma hijiex ibbażata fuq il-projbizzjoni ġenerali tal-għajnuna mill-Istat li tinsab fl-Artikolu 107(1) TFUE.

112

Il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet, fil-punt 84 tas-sentenza appellata, li l-konklużjoni li tgħid li għajnuna għall-funzjonament ma tistax tingħata għal infrastruttura ajruportwali ineżistenti tirriżulta mill-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-2014. Issa, din l-interpretazzjoni tal-imsemmi punt 84 hija żbaljata fid-dawl tal-kliem tiegħu.

113

Il-Kummissjoni tidher ukoll li qiegħda tallega, għalkemm dan ma jirriżultax mill-premessi 244 u 245 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-awtonomija tal-konklużjoni li tgħid li l-għajnuna għall-operat hija inkompatibbli mas-suq intern peress li l-għajnuna għall-investiment innifisha hija inkompatibbli ma’ dan is-suq tirriżulta mill-fatt li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 107(3) TFUE ma kinux issodisfatti. Madankollu, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet għandu jiġi interpretat f’dan il-każ bħala r-riżultat tal-assenza ta’ konformità mal-Linji Gwida tal-2014.

114

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkontradixxi lilha nnifisha u tirrikonoxxi li l-evalwazzjoni tal-għajnuna għall-operat kienet essenzjalment ibbażata fuq il-Linji Gwida tal-2014. Minn dan isegwi li l-allegazzjoni essenzjali li tgħid li l-fatt li l-partijiet interessati f’dan il-każ ikunu jistgħu jifformulaw l-opinjoni tagħhom fuq il-Linji Gwida tal-2014 fir-rigward tal-għajnuna għall-funzjonament ma kellhiex effett fuq il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata ma hijiex fondata.

115

Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li t-tieni aggravju huwa infondat. Sa fejn il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kkontestata kien ikollha kontenut identiku kieku l-partijiet interessati f’dan il-każ kienu ngħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet, il-Kummissjoni ma tistax tippreġudika l-portata tal-osservazzjonijiet li dawn il-partijiet interessati setgħu jippreżentaw li kieku kellhom il-possibbiltà.

116

Fil-premessi 196 u 197 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li hija kienet ser tapplika, f’dan il-każ, il-prinċipji stabbiliti fil-Linji Gwida tal-2014 fir-rigward tal-għajnuna għall-funzjonament. Fil-premessa 245 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet ukoll espressament għal-Linji Gwida tal-2014, billi indikat li l-fatt li l-għajnuna għall-operat kienet inkompatibbli mas-suq intern, peress li l-għajnuna għall-investiment innifisha kienet inkompatibbli mal-imsemmi suq, kien ukoll rilevanti fil-kuntest tal-Linji Gwida tal-2014. Kif osservat il-Qorti Ġenerali fil-punt 84 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni, barra minn hekk, applikat l-ewwel kriterju tal-Linji Gwida tal-2014 fil-premessa 246 tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li, fl-appell tagħha, il-Kummissjoni ssostni li hija applikat biss il-kriterju li jinsab fil-punt 113(a) tal-Linji Gwida tal-2014.

117

Ir-Repubblika tal-Polonja tqis għalhekk li t-tieni aggravju, sa fejn huwa bbażat fuq allegata bażi legali doppja tal-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, huwa infondat u jikkontradixxi l-allegazzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni, li jinsabu kemm fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fl-appell tagħha.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Fuq l-ammissibbiltà tat-tieni aggravju

118

Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-komun ta’ Gdynia u mill-kumpannija PLGK dwar l-argumenti tal-Kummissjoni żviluppati fir-replika tagħha u intiżi sabiex juru n-natura ammissibbli tat-tieni aggravju, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, anki jekk, fil-kuntest ta’ din l-argumentazzjoni, il-Kummissjoni rreferiet b’mod żbaljat għall-punti 35 u 36 tar-risposta tal-komun ta’ Gdynia u tal-kumpannija PLGK pjuttost milli għall-punti 34 u 35 ta’ din ir-risposta, tali nuqqas ta’ preċiżjoni ma għandux l-effett li jipprekludi la lill-partijiet l-oħra fl-appell li jidentifikaw il-punti li jinsabu fir-replika msemmija u li l-Kummissjoni tixtieq tagħti risposta għalihom u lanqas lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tadotta deċiżjoni dwar dan il-punt. Għaldaqstant, f’dan il-punt l-argument tal-Kummissjoni ma jistax jitqies li huwa tant ftit ċar li għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

119

L-argument espost fil-punt 107 ta’ din is-sentenza għandu għalhekk jiġi miċħud bħala infondat.

120

F’dak li jirrigwarda l-argument imsemmi fil-punt 106 ta’ din is-sentenza, kuntrarjament għal dak li jissuġġerixxu l-komun ta’ Gdynia u l-kumpannija PLGK, il-Kummissjoni ma tillimitax ruħha, fil-kuntest tat-tieni aggravju, li tikkontesta l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-konstatazzjonijiet fattwali li jinsabu fid-Deċiżjoni 2014/883 u fid-deċiżjoni kkontestata, iżda ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat dawn id-deċiżjonijiet billi ma rrikonoxxietx li l-konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna għall-funzjonament mas-suq intern li tinsab f’kull waħda minnhom hija bbażata fuq deċiżjoni awtonoma u indipendenti, fil-każ tad-Deċiżjoni 2014/883, mil-Linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali u, fil-każ tad-deċiżjoni kkontestata, mil-Linji Gwida tal-2014.

121

Issa, il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali interpretatx b’mod żbaljat l-imsemmija deċiżjonijiet bil-mod espost fil-punt preċedenti tikkostitwixxi kwistjoni ta’ liġi ammissibbli fl-istadju tal-appell, filwaqt li, kif jirriżulta mill-argumenti stess tal-komun ta’ Gdynia u tal-kumpannija PLGK, il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni rnexxilhiex turi n-natura żbaljata ta’ dawn l-interpretazzjonijiet fil-kuntest ta’ din il-kawża taqa’ taħt il-mertu tat-tieni aggravju.

122

Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jitqies li huwa ammissibbli.

– Fuq il-mertu

123

Preliminarjament, fir-rigward tal-argument imressaq mill-komun ta’ Gdynia u mill-kumpannija PLGK li jgħid li t-tieni aggravju huwa ineffettiv, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fis-sentenza appellata, wara li ġie deċiż li d-dritt tal-partijiet ikkonċernati li jippreżentaw osservazzjonijiet f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża kellu n-natura ta’ forma proċedurali sostanzjali li l-ksur tagħha jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u li ma tistax tiġi ppreġudikata l-portata ta’ dawn l-osservazzjonijiet, fid-dawl tal-bidliet introdotti mis-sistema legali l-ġdida, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, f’kull każ, l-argument tal-Kummissjoni intiż li juri li d-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida tal-2014 li din kienet ibbażat ruħha fuqhom fid-deċiżjoni kkontestata ma kinux tali li setgħu jinfluwenzawha. Fid-dawl ta’ dawn l-aħħar motivi żviluppati mill-Qorti Ġenerali, it-tieni aggravju ma jistax jiġi ddikjarat ineffettiv kollu kemm hu.

124

Fir-rigward tal-fondatezza tat-tieni parti tal-ewwel aggravju u tat-tieni aggravju, qabel kollox, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli estendiet indebitament is-suġġett tar-rikors, fl-aħħar parti tal-punt 86 tas-sentenza appellata, meta hija rrilevat li “d-Deċiżjoni 2014/883 ġiet irtirata u li l-kwistjoni ma hijiex tant dwar jekk il-partijiet interessati kinux f’pożizzjoni jagħmlu osservazzjonijiet fir-rigward ta’ din id-deċiżjoni, iżda jekk huma kinux f’pożizzjoni li jagħmlu dan fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Issa, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni kienet sempliċement indikat li, bħala prinċipju, għajnuna għall-operat hija kompatibbli mas-suq intern biss meta tosserva l-kriterji ddikjarati fil-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali”.

125

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, permezz ta’ tali konstatazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali riedet tikkunsidra li l-kwistjoni mqajma permezz tar-rikors kienet dwar jekk il-partijiet interessati ġewx mistiedna jippreżentaw osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar il-konstatazzjoni li tgħid li l-għajnuna għall-operat hija inkompatibbli mas-suq intern, sa fejn l-għajnuna għall-investiment stess hija inkompatibbli ma’ dan is-suq.

126

Madankollu, anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali kellha l-intenzjoni tiddefinixxi b’dan il-mod il-kwistjoni mqajma fil-kuntest tal-kawża li kellha quddiemha, xorta jibqa’ l-fatt li l-kwistjoni li l-Qorti Ġenerali effettivament eżaminat, fil-punti 63 sa 85, 87 u 88 tas-sentenza appellata, kienet tikkonċerna n-nuqqas ta’ konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati dwar il-Linji Gwida tal-2014 qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, indipendentement mill-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

127

Fil-fatt, fir-rigward tal-argument ippreżentat fl-ewwel istanza li jgħid li l-Kummissjoni kellha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, li, skont il-ġurisprudenza, il-proċedura intiża li tissostitwixxi att illegali tista’ titkompla mill-punt preċiż li fih seħħet l-illegalità, mingħajr ma l-Kummissjoni tkun obbligata terġa’ tibda l-proċedura billi tmur lura lil hinn minn dan il-punt preċiż u li din il-ġurisprudenza dwar is-sostituzzjoni ta’ att annullat mill-qorti tal-Unjoni tapplika wkoll, fin-nuqqas ta’ annullament tal-att inkwistjoni mill-qorti, meta jiġi rtirat jew issostitwit att illegali mill-awtur tiegħu. Fil-punt 63 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li l-fatt li l-Kummissjoni ma għandhiex obbligu terġa’ tibda l-proċedura billi tmur lura lil hinn mill-punt preċiż li fih seħħet l-illegalità ma jfissirx li hija ma għandhiex, bħala prinċipju, tintima lill-partijiet interessati jressqu osservazzjonijiet qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida.

128

Barra minn hekk, mill-punti tas-sentenza appellata msemmija fil-punt preċedenti, kif ukoll mill-punti 89 u 91 tagħha, jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li sostnew il-komun ta’ Gdynia u l-kumpannija PLGK waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata li hija ddeċidiet f’dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu tagħha li tqiegħed lill-partijiet interessati f’pożizzjoni li jesprimu ruħhom dwar il-Linji Gwida tal-2014 qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

129

Peress li l-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata hija għalhekk ibbażata fuq dan il-ksur u mhux fuq il-kwistjoni dwar jekk il-partijiet ikkonċernati ngħatawx il-possibbiltà li jesprimu ruħhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-argument tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward huwa ineffettiv.

130

Sussegwentement, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma tikkontestax li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija applikat il-Linji Gwida tal-2014 għall-finijiet tal-analiżi tagħha tal-kompatibbiltà tal-għajnuna għall-funzjonament mas-suq intern.

131

Min-naħa l-oħra, hija ssostni li, billi ċaħdet l-argument tagħha li jgħid li d-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida tal-2014, li hija effettivament applikat fid-deċiżjoni kkontestata, ma kellhomx l-effett li jbiddlu l-konklużjoni li waslet għaliha f’din id-deċiżjoni li tgħid li l-għajnuna għall-operat hija inkompatibbli mas-suq intern, il-Qorti Ġenerali marret kontra l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 81 ta’ din is-sentenza u żnaturat l-imsemmija deċiżjoni.

132

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 81 ta’ din is-sentenza, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tillimita ruħha li tidentifika emendi introdotti minn sistema legali ġdida sabiex tiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapplikaha, iżda għandha, barra minn hekk, tivverifika jekk il-bidla tas-sistema legali setgħetx tinfluwenza din id-deċiżjoni.

133

B’hekk, indipendentement mill-punt dwar sa fejn il-Linji Gwida tal-2014 jinkludu emendi fir-rigward tas-sistema legali li kienet fis-seħħ qabel u, b’mod partikolari, jekk il-kunsiderazzjonijiet esposti f’dan ir-rigward mill-Qorti Ġenerali fil-punti 72 sa 77 tas-sentenza appellata jissostanzjawx, ġustament, il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali, fil-punt 78 ta’ dik is-sentenza, li tgħid li tali emendi kienu sostanzjali, għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx ġustament tiċħad l-argumenti tal-Kummissjoni mressqa fl-ewwel istanza li saret referenza għalihom fil-punt 131 ta’ din is-sentenza, għal motivi differenti minn dawk li, hekk kif jirriżulta mill-punti 82 sa 86 ta’ din is-sentenza, ġew adottati b’mod żbaljat mill-Qorti Ġenerali.

134

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, hekk kif issostni ġustament il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha, essenzjalment, minn naħa, sabiex tesponi, b’mod partikolari fil-punti 69, 71 sa 78 u 88 tas-sentenza appellata, sa fejn is-sistema legali applikata fid-deċiżjoni kkontestata kienet differenti minn dik applikata fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura u fid-Deċiżjoni 2014/883 u, min‑naħa l-oħra, b’mod partikolari fil-punti 69, 71, 78 u 84 ta’ dik is-sentenza, sabiex tenfasizza li l-Kummissjoni effettivament applikat il-Linji Gwida tal-2014 fid-deċiżjoni kkontestata u għalhekk dispożizzjonijiet ġodda meta mqabbla ma’ dawk li l-partijiet interessati kellhom l-opportunità li jesprimu ruħhom fuqhom.

135

Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, mill-premessi 244 u 245 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna għall-operat mas-suq intern kienet ibbażata, barra minn hekk, fuq il-fatt li l-għajnuna għall-investiment innifisha kienet inkompatibbli mas-suq intern. B’mod partikolari, b’riferiment għall-premessa 227 tad-Deċiżjoni 2014/883, huwa rrilevat f’din il-premessa 244 li “l-għoti ta’ għajnuna operatorja sabiex jiġi żgurat l-operat ta’ proġett ta’ investiment li jibbenefika minn għajnuna għall-investiment inkompatibbli [mas-suq intern] huwa inerentement inkompatibbli mas-suq intern”. Il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll, fl-imsemmija premessa 244, li, “[m]ingħajr l-għajnuna għall-investiment inkompatibbli [mas-suq intern], l-ajruport ta’ Gdynia kieku ma jeżistix, peress li huwa ffinanzjat kollu kemm huwa permezz ta’ dik l-għajnuna, u l-għajnuna operatorja ma tistax tingħata għall-infrastruttura tal-ajruport li ma teżistix”.

136

Fil-premessa 245 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li “[d]ik il-konklużjoni skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005 hija valida bl-istess mod skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014 u biżżejjed biex ikun konstatat li l-għajnuna operatorja mogħtija lill-operatur tal-ajruport hija inkompatibbli mas-suq intern”.

137

Għalhekk, mill-premessi 244 u 245 tad-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, mit-terminu “inerentement”, li jinsab f’din l-ewwel premessa, kif ukoll mit-terminu “biżżejjed”, imsemmi f’din it-tieni premessa, jirriżulta li l-inkompatibbiltà tal-għajnuna għall-investiment mas-suq intern kienet tiġġustifika, waħedha, il-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà tal-għajnuna għall-operat mas-suq intern. Barra minn hekk, huwa stabbilit li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq il-Linji Gwida tal-2014 sabiex tikkonkludi, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-għajnuna għall-investiment hija inkompatibbli mas-suq intern, peress li din l-aħħar konklużjoni lanqas ma ġiet ikkontestata fil-kuntest ta’ dan l-appell.

138

Ċertament, hekk kif tirrileva l-Qorti Ġenerali fil-punt 84 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ppreċiżat, fil-premessa 245 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-konklużjoni li hija kienet siltet fil-premessa 244 ta’ din id-deċiżjoni hija wkoll rilevanti fil-kuntest tal-Linji Gwida tal-2014. Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, tali riferiment għal dawn il-linji gwida bl-ebda mod ma jista’ jiġi interpretat bħala li jimplika li hija applikat l-imsemmija linji gwida sabiex tasal għal din il-konklużjoni, iżda sempliċement li din tal-aħħar hija meħtieġa indipendentement minn dawn l-istess linji gwida u għalhekk ma tistax tiġi kkontestata minnhom.

139

Barra minn hekk, huwa minnu li, hekk kif tosserva l-Qorti Ġenerali, ukoll fil-punt 84 tas-sentenza appellata, immedjatament wara li esponiet il-kunsiderazzjonijiet dwar l-interdipendenza bejn il-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà tal-għajnuna għall-investiment mas-suq intern u dik tal-inkompatibbiltà tal-għajnuna għall-operat ma’ dan is-suq, il-Kummissjoni kompliet l-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà ta’ din l-aħħar għajnuna mal-imsemmi suq, fil-premessi 246 u 247 tad-deċiżjoni kkontestata, billi rrilevat li l-ewwel kundizzjoni ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna ma’ dan is-suq, iddefinita fil-Linji Gwida tal-2014, ma tiġix issodisfatta fil-każ tal-għajnuna għall-operat u li, konsegwentement, din hija inkompatibbli mas-suq intern anki għal din ir-raġuni.

140

Barra minn hekk, mill-premessa 254 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq żewġ bażijiet legali sabiex tikkonstata l-inkompatibbiltà tal-għajnuna għall-operat mas-suq intern, jiġifieri, l-ewwel nett, l-inkompatibbiltà tal-għajnuna għall-investiment ma’ dan tal-aħħar u, it-tieni nett, il-fatt li l-għajnuna għall-operat twassal għal sempliċi duplikazzjoni tal-infrastrutturi, u b’hekk ma tissodisfax għan leġittimu ta’ interess ġenerali ddefinit b’mod ċar kif teżiġi l-ewwel kundizzjoni ta’ kompatibbiltà tal-Linji Gwida tal-2014.

141

Madankollu, kif essenzjalment issostni l-Kummissjoni, minn qari flimkien tal-premessi 244 sa 254 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-premessi 244 u 245 tagħha kienu jagħtu bażi, waħedhom, għall-konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna għall-funzjonament mas-suq intern, indipendentement minn kull applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-2014 għal din l-għajnuna, peress li l-konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà tal-imsemmija għajnuna mas-suq intern magħmula fid-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq żewġ bażijiet legali awtonomi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Qorti Ġenerali stess irrikonoxxiet, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li l-kunsiderazzjoni li tgħid li l-għajnuna għall-operat hija inkompatibbli mas-suq intern sa fejn l-għajnuna għall-investiment innifisha kienet inkompatibbli mal-imsemmi suq ma tirriżultax minn kundizzjoni espressament prevista mil-Linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali jew mil-Linji Gwida tal-2014.

142

Fil-fatt, huwa inerenti għal-loġika tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Istati Membri ma jistgħux jiffinanzjaw proġetti li jeżistu biss permezz ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq intern. Minn dan isegwi neċessarjament li, kif essenzjalment issostni l-Kummissjoni, il-konklużjoni li waslet għaliha fid-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi kkontestata b’xi applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-2014 għall-għajnuna għall-funzjonament, peress li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ din l-aħħar għajnuna ma tistax tinjora l-proġett li l-imsemmija għajnuna hija intiża għalih.

143

Barra minn hekk, ċertament, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi tal-inqas impreċiżjoni dwar il-kuntest ġuridiku li fuqu kienet ibbażata l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-għajnuna għall-operat kienet inkompatibbli mas-suq intern sa fejn l-għajnuna għall-investiment innifisha kienet inkompatibbli ma’ dan is-suq. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali osservat li l-Kummissjoni kienet indikat, fil-premessa 245 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fid-Deċiżjoni 2014/883, din il-konstatazzjoni kienet ibbażata konformement mal-Linji Gwida tal-2005, filwaqt li mill-premessi 227 u 228 tad-Deċiżjoni 2014/883 jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward saret fil-kuntest tal-Linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali u abbażi tal-Artikolu 107(3)(a) TFUE.

144

Il-Qorti Ġenerali enfasizzat ukoll, fl-imsemmi punt 85, li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-għajnuna għall-operat kienet inkompatibbli mas-suq intern sa fejn l-għajnuna għall-investiment kienet hija stess inkompatibbli ma’ dan is-suq saret għal finijiet ta’ kompletezza fid-Deċiżjoni 2014/883 u tpoġġiet qabel il-konklużjoni adottata fil-premessa 228 ta’ din id-deċiżjoni li l-għajnuna għall-operat ma tissodisfax il-kriterji previsti mil-Linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali.

145

Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni, mis-sentenza appellata ma jirriżultax, u barra minn hekk, ma ntweriex fil-kuntest ta’ dan l-appell, kif tali impreċiżjoni tista’ tinfluwenza l-interpretazzjoni li għandha ssir tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari peress li l-konstatazzjoni esposta fil-punt 143 ta’ din is-sentenza għandha titqies li tirriżulta minn bażi legali awtonoma u indipendenti mil-Linji Gwida tal-2014.

146

Fir-rigward tan-natura superfluwa ta’ din il-konstatazzjoni kif tinsab fid-Deċiżjoni 2014/883, il-fatt li din ġiet imressqa sussidjarjament mill-Kummissjoni ma jneħħi xejn min-natura awtonoma tagħha sabiex tiġi stabbilita, f’din id-deċiżjoni, il-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-għajnuna għall-operat hija inkompatibbli mas-suq intern. Fil-fatt, l-awtonomija tal-konstatazzjoni msemmija f’dan ir-rigward tirriżulta, minn naħa, mit-terminu “inerentement”, użat fil-premessa 227 tal-imsemmija deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li tali konstatazzjoni hija inerenti fil-loġika stess tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, kif tfakkar fil-punt 142 ta’ din is-sentenza fir-rigward tal-konstatazzjoni analoga li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata.

147

Bl-istess mod, kif essenzjalment issostni l-Kummissjoni, il-fatt li hija kienet inkludiet din l-istess konstatazzjoni fil-premessa 227 tad-Deċiżjoni 2014/883 u għalhekk qabel il-konklużjoni tagħha, fil-premessa 228 ta’ din id-deċiżjoni, li tgħid li l-għajnuna għall-operat ma tosservax il-kriterji previsti fil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat b’għan reġjonali, jirriżulta minn għażla editorjali li ma tistax tpoġġi indiskussjoni l-interpretazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni kif esposta fil-punt preċedenti.

148

Barra minn hekk, sa fejn il-Qorti Ġenerali tenfasizza, fil-punti 81, 87 u 88 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà tal-għajnuna għall-operat mas-suq intern, applikat, fid-Deċiżjoni 2014/883, il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat b’għan reġjonali, li jimplimentaw l-Artikolu 107(3)(a) TFUE, filwaqt li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija applikat il-Linji Gwida tal-2014, li jimplimentaw dispożizzjoni differenti tat-Trattat, jiġifieri l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, biżżejjed li jiġi rrilevat li, hekk kif tosserva l-Kummissjoni, din iċ-ċirkustanza la taffettwa l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà tal-għajnuna għall-operat mas-suq intern f’din l-aħħar deċiżjoni tistrieħ fuq bażi legali awtonoma u indipendenti mil-Linji Gwida tal-2014, u lanqas il-fatt li, hekk kif jirriżulta mill-punt 142 ta’ din is-sentenza, din il-bażi legali żżomm il-validità tagħha tkun xi tkun l-eventwali applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-2014.

149

Il-Qorti Ġenerali enfasizzat ukoll, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li l-argument imressaq mill-Kummissjoni fl-ewwel istanza, ibbażat fuq il-fatt li l-konstatazzjoni li tgħid li l-għajnuna għall-operat hija inkompatibbli mas-suq intern sa fejn l-għajnuna għall-investiment innifisha kienet inkompatibbli ma’ dan is-suq tirriżulta minn bażi legali awtonoma li tirriżulta mit-Trattat, ma huwiex fondat fit-termini tad-Deċiżjoni 2014/883 jew tad-deċiżjoni kkontestata.

150

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-motivazzjoni pprovduta fil-premessi 244 u 245 tad-deċiżjoni kkontestata hija qasira, hija madankollu turi b’mod ċar li għajnuna għall-operat ma tistax titqies li hija kompatibbli mar-regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat jekk din ikollha biss l-għan li tiffinanzja proġett li jkun jeżisti biss permezz ta’ għajnuna li hija stess tkun inkompatibbli ma’ dawn ir-regoli.

151

Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni ma rreferietx speċifikament, f’dan il-kuntest, għat-Trattat FUE, mill-premessi msemmija fil-punt preċedenti jirriżulta neċessarjament li r-raġunament tagħha f’dan ir-rigward huwa bbażat fuq id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-trattat. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 107 TFUE kif ukoll mill-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ għajnuna bħal dik inkwistjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ dan l-artikolu.

152

Issa, peress li, kif ġie rrilevat fil-punti 142 u 146 ta’ din is-sentenza, huwa inerenti għal-loġika tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Istati Membri ma jistgħux jiffinanzjaw proġetti li jeżistu biss minħabba għajnuna inkompatibbli mas-suq intern, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li ma speċifikatx li l-evalwazzjoni esposta fil-premessi 244 u 245 tad-deċiżjoni kkontestata għandha bħala bażi l-imsemmija dispożizzjonijiet, u wisq inqas ma tista’ tiġi kkritikata li ma ċċitatx dispożizzjoni speċifika f’dan il-kuntest. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, sa fejn ikkunsidrat li l-konstatazzjoni li tgħid li l-għajnuna għall-operat hija inkompatibbli mas-suq intern sa fejn l-għajnuna għall-investiment innifisha kienet inkompatibbli ma’ dan is-suq ma hijiex ibbażata fuq it-termini tad-Deċiżjoni 2014/883 jew tad-deċiżjoni kkontestata.

153

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li, anki fil-każ li l-partijiet interessati f’dan il-każ kienu tqiegħdu f’pożizzjoni li jippreżentaw osservazzjonijiet fuq il-Linji Gwida tal-2014 qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u kieku rnexxielhom juru li l-għajnuna għall-operat kienet tissodisfa l-kriterji rilevanti previsti minn dawn il-linji gwida, il-Kummissjoni kienet, fi kwalunkwe każ, għar-raġunijiet esposti fil-premessi 244 u 245 tal-imsemmija deċiżjoni, tasal, ġustament, għall-konklużjoni li tgħid li din l-għajnuna hija inkompatibbli mas-suq intern. B’hekk, billi ċaħdet l-argument ippreżentat mill-Kummissjoni intiż sabiex juri li d-deċiżjoni kkontestata kien ikollha kontenut identiku li kieku l-partijiet interessati f’dan il-każ kienu ġew mistiedna jesprimu ruħhom dwar ir-rilevanza tal-Linji Gwida tal-2014, il-Qorti Ġenerali injorat il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 81 ta’ din is-sentenza u interpretat b’mod żbaljat id-deċiżjoni kkontestata.

154

Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li l-fatt li l-Kummissjoni ma poġġietx lill-partijiet interessati f’dan il-każ f’pożizzjoni li jippreżentaw osservazzjonijiet dwar ir-rilevanza tal-Linji Gwida tal-2014 qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jwassal għall-annullament tagħha u li, għaldaqstant, fil-punt 91 tas-sentenza appellata, hija laqgħet is-sitt motiv imressaq fl-ewwel istanza u annullat l-Artikoli 2 sa 5 ta’ din id-deċiżjoni.

155

Finalment, din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti l-oħra mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-kawża u, b’mod partikolari, fl-ewwel lok, mill-fatt enfasizzat mill-komun ta’ Gdynia kif ukoll mill-kumpannija PLGK u rrilevat ukoll mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li jgħid li l-Kummissjoni ressqet il-konstatazzjoni esposta fil-punt 143 ta’ din is-sentenza għall-ewwel darba waqt is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali.

156

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk jitqies li l-Kummissjoni kienet qajmet din il-konstatazzjoni biss fl-imsemmi stadju tal-proċedura tal-ewwel istanza, fi kwalunkwe każ, dan ma jaffettwax l-evalwazzjoni fiha nnifisha li għandha ssir tal-motivi mqajma mir-rikorrenti fl-ewwel istanza insostenn tar-rikors tagħhom u, b’mod partikolari, tal-kwistjoni dwar jekk il-ksur tad-dritt tal-partijiet interessati f’dan il-każ li jippreżentaw osservazzjonijiet fuq il-Linji Gwida tal-2014 iwassalx għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

157

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument espost fil-punt 104 ta’ din is-sentenza, huwa biżżejjed li jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 62 sa 64 ta’ din is-sentenza, l-argumenti ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali dwar id-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika tal-Polonja ma ġewx eżaminati minnha fis-sentenza appellata u għalhekk ma għandhomx ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan l-istadju tal-proċedura.

158

Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ewwel motiv u t-tieni motiv għandhom jintlaqgħu.

159

Minn dan isegwi li ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-argumenti tal-Kummissjoni, li permezz tagħhom hija tfittex li turi li, anki jekk jiġi preżunt li l-inkompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna għall-operat ma kinitx ibbażata fuq bażi legali indipendenti mil-Linji Gwida tal-2014, id-dispożizzjonijiet tagħhom applikati fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern kienu essenzjalment identiċi għal dawk tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat b’għan reġjonali applikati fid-Deċiżjoni 2014/883, b’tali mod li l-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati f’dan il-każ fir-rigward tal-Linji Gwida tal-2014 f’kull każ ma setgħux, f’dan ir-rigward, jinfluwenzaw ir-riżultat ta’ din l-ewwel deċiżjoni.

160

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata. Għaldaqstant, ma hemmx lok li t-tielet aggravju jiġi eżaminat.

Fuq li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali

161

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ jew taqta’ l-kawża definittivament hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tista’ tibgħatha lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

162

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi b’mod definittiv fuq l-argument imqajjem fil-kuntest tat-tielet ilment tas-sitt motiv tar-rikors, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati f’dan il-każ minħabba l-fatt li dawn ma tpoġġewx f’pożizzjoni li jesprimu ruħhom dwar ir-rilevanza tas-sistema legali l-ġdida qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv, peress li, għar-raġunijiet esposti fil-punti 70 sa 95 u fil-punti 132 sa 156 ta’ din is-sentenza, il-fatt li l-Kummissjoni ma stednitx lill-imsemmija partijiet sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet dwar ir-rilevanza tal-Linji Gwida tal-2014 għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna għall-funzjonament mas-suq intern ma jistax, fi kwalunkwe każ, iwassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

163

Għall-bqija, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża.

164

B’mod partikolari, minn naħa, fir-rigward tal-possibbiltà għall-komun ta’ Gdynia u għall-kumpannija PLGK li jinvokaw, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-Repubblika tal-Polonja kif ukoll il-possibbiltà għal din tal-aħħar, bħala intervenjenti fl-ewwel istanza, li tinvoka tali ksur, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-punti 62 u 63 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx fuq dawn iż-żewġ possibbiltajiet. Barra minn hekk, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm ir-Repubblika tal-Polonja esponiet ir-raġunijiet għalfejn għandha titqies bħala li għandha tali possibbiltà, il-Kummissjoni, essenzjalment, illimitat ruħha li ssostni, f’dan l-aħħar rigward, li r-Repubblika tal-Polonja ma ppreżentatx rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha jew tad-dritt tagħha għal dibattitu kontradittorju u li bħala intervenjenti, hija ma tistax tinvoka tali motiv.

165

Min-naħa l-oħra, l-ewwel sal-ħames motiv tar-rikors la ġew eżaminati mill-Qorti Ġenerali u lanqas diskussi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

166

Konsegwentement, hemm lok li l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar l-elementi tar-rikors li sar riferiment għalihom fil-punti 164 u 165 ta’ din is-sentenza.

Fuq l-ispejjeż

167

Peress li l-kawża għandha tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell għandhom jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta’ Novembru 2017, Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo vs Il-Kummissjoni (T‑263/15), hija annullata.

 

2)

It-tielet ilment tas-sitt motiv tar-rikors għal annullament huwa miċħud, sa fejn dan l-ilment huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati f’dan il-każ minħabba l-fatt li dawn tal-aħħar ma tpoġġewx f’pożizzjoni li jesprimu ruħhom, qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1586 tas-26 ta’ Frar 2015 dwar il-miżura SA.35388 (13/C) (ex 13/NN u ex 12/N) – Il-Polonja – It-twaqqif tal-ajruport ta’ Gdynia‑Kosakowo, dwar ir-rilevanza tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru”.

 

3)

Il-kawża qiegħda tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex din tiddeċiedi, minn naħa, dwar l-aspetti tat-tielet ilment tas-sitt motiv tar-rikors għal annullament li dwarhom ma tteħditx deċiżjoni fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta’ Novembru 2017, Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo vs Il-Kummissjoni (T‑263/15) u, min-naħa l-oħra, dwar l-ewwel sal-ħames motiv tar-rikors.

 

4)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.