SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

4 ta’ Ottubru 2012 ( *1 )

“Trasport bl-ajru — Regolament (KE) Nru 261/2004 — Kumpens tal-passiġġieri f’każ ta’ meta passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu — Kunċett ta’ ‘li ma jitħallewx jitilgħu’ — Kanċellazzjoni, mit-trasportatur, tal-karta ta’ imbarkazzjoni ta’ passiġġier minħabba dewmien allegat ta’ titjira preċedenti rreġistrata simultanjament għat-titjira inkwistjoni u operata mill-istess trasportatur”

Fil-Kawża C-321/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Mercantil no 2 de A Coruña (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Marzu 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Ġunju 2011, fil-proċedura

Germán Rodríguez Cachafeiro,

María de los Reyes Martínez-Reboredo Varela-Villamor

vs

Iberia, Líneas Aéreas de España SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský, E. Juhász, T. von Danwitz u D. Šváby (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Iberia, Líneas Aéreas de España SA, minn J. Bejerano Fernández, procurador,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u M. Perrot, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Simonsson u R. Vidal Puig, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(j), 3(2), u 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li [...] jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn G. Rodríguez Cachafeiro u M. Martínez-Reboredo Varela-Villamor, u l-kumpannija tal-ajru Iberia, Líneas Aéreas de España SA (iktar ’il quddiem “Iberia”), insegwitu ta’ rifjut minn din tal-aħħar li tikkumpensahom talli rrifjutatilhom l-imbarkazzjoni fuq it-titjira li tgħaqqad Madrid (Spanja) ma’ Santo Domingo (ir-Repubblika Dominikana).

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KEE) Nru 295/91

3

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 295/91, tal-4 ta’ Frar 1991, li jistabbilixxi regoli komuni għal sistema ta’ kumpens għal imbark miċħud fit-trasport bl-ajru skedat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 306) li kien fis-seħħ sas-16 ta’ Frar 2005, kien jgħid fl-Artikolu 1 tiegħu:

“Dan ir-regolament jistabbilixxi regoli minimi komuni applikabbli meta passiġġieri jiġu miċħuda aċċess għal titjira skedata li tkun overbooked li għaliha jkollhom biljett validu u riserva konfermata dwar tluq minn ajruport sitwat fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplika t-Trattat [KE], irrispettivament mill-Istat fejn it-trasportatur ta’ l-ajru ikun qiegħed, in-nazzjonalità tal-passiġġier u l-punt ta’ destinazzjoni.”

Ir-Regolament Nru 261/2004

4

Il-premessi 1, 3, 4, 9 u 10 tar-Regolament Nru 261/2004 jiddikjaraw:

“(1)

Azzjoni mil-Komunitá fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

[…]

(3)

Filwaqt li [r-Regolament Nru 295/91] ħoloq protezzjoni bażika għal passiġġieri, in-numru ta’ passiġġieri li ma tħallewx jitilgħu kontra l-volontá tagħhom tibqa’ għolja wisq, bħalma tibqa’ dik affettwata minn kanċellazzjonijiet mingħajr notifika minn qabel u dik affettwata minn dewmien twal.

(4)

Il-Komunitá għandha għalhekk togħla [tgħolli] l-istandards ta’ protezzjoni stabbiliti minn dak ir-Regolament kemm biex issaħħaħ id-drittijiet ta’ passiġġieri u biex tassigura li trasportaturi ta’ l-ajru jaħdmu taħt kondizzjonijiet armonizzati f’suq illiberalizzat.

[…]

(9)

In-numru ta’ passiġġieri li ma tħallewx jitilgħu kontra l-volontá tagħhom għandu jiġi mnaqqas billi l-trasportaturi ta’ l-ajru jiġu meħtieġa jsejħu volontarji biex jħallu r-reżervazzjonijiet tagħhom, bi skambju għal vantaġġi, minflok illi ma jħallux lill-passiġġieri jitilgħu, u billi jikkompensaw b’mod sħiħ dawk li fl-aħħar ma tħallewx jitilgħu.

(10)

Passiġġieri li ma tħallewx jitilgħu kontra l-volontá tagħhom għandhom jitħallew jew jikkanċellaw it-titjiriet tagħhom, b’rimbors tal-biljetti tagħhom, jew ikompluhom taħt kondizzjonijiet sodisfaċjenti, u ħsieb xieraq tagħhom għandu jiġi meħud filwaqt li qed jistennew titjira li ser isseħħ aktar tard.”

5

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Definizzjonijiet”, jgħid:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(j)

‘’il-fatt li persuna ma tħallietx titla’’ ifisser tiċħid għat-trasport ta’ passiġġieri fuq titjira, minkejja li ppreżentaw lilhom infushom biex jitilgħu taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2), ħlief għal fejn hemm raġunijiet raġonevoli biex ma jitħallewx jitilgħu, bħal raġunijiet ta’ saħħa, sigurezza u sigurtá, jew dokumentazzjoni ta’ l-ivjaġġar mhux xierqa;

[…]”

6

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Skop”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Il-paragrafu 1 għandu japplika fuq il-kondizzjoni li l-passiġġieri:

(a)

għandhom reżervazzjoni kkonfermata fuq it-titjira in kwistjoni u. ħlife fil-każ ta’ kanċellazzjoni msejħa fl-Artikolu 5, jippreżentaw lilhom infushom għal check-in,

kif stabbilit u fil-ħin indikat minn qabel u bil-miktub (inkluż permezz ta’ mezzi elettroniċi) mil-trasportatur ta’ l-ajru, l-operatur tat-tourjew l-aġent tal-vjaġġ awtorizzat,

jew, jekk l-ebda ħin hu indikat,

mhux aktar tard minn 45-il minuta qabel il-ħin tat-tluq ippubblikat; jew

[…]”

7

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Passiġġieri li ma tħallewx jitilgħu” jinqara kif ġej:

“1.   Meta trasportatur ta’ l-ajru li jopera jistenna b’mod raġonevoli li ma jħallix passiġġieri jitilgħu fuq titjira, għandu l-ewwel jagħmel sejħa għal voluntiera biex iħallu r-reżervazzjonijiet tagġhom bi skambju għal vantaġġi taħt kondizzjonijiet li għandhom jinftehmu bejn il-passiġġier in kwistjoni u l-trasportatur ta’ l-ajru li jopera. Voluntiera għandhom jiġu mogħtija għajnuna skond l-Artikolu 8, din l-assistenza hi addizzjonali għall-vantaġġi msemmijin f’dan il-paragrafu.

2.   Jekk ikun hemm numru mhux suffiċjenti ta’ voluntiera biex il-numru ta’ passiġġieri b’reżervazzjonijiet li jibqa’ ikunu jistgħu jitilgħu fuq it-titjira, il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera jista’ imbagħad ma jħallix jitilgħu passiġġieri kontra l-volontá tagħhom.

3.   Jekk passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu kontra l-volontá tagħhom, il-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu jagħtihom kumpens minnufih skond l-Artikolu 7 u jassistihom skond l-Artikoli 8 u 9.”

8

L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Dritt għall-kumpens”, fil-paragrafu 1 tiegħu jgħid:

“Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

(a)

EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

(b)

EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru:

(ċ)

EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

[…]”

9

L-Artikoli 8 u 9 tal-imsemmi regolament, moqrija flimkien mal-Artikolu 4 ta’ dan, jipprovdu dritt għar-rimbors jew għat-tqegħid fuq rotta differenti tal-passiġġieri kif ukoll dritt għal teħid ta’ ħsieb ta’ dawk li lilhom l-imbarkazzjoni ġiet irrifjutata.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

Kull wieħed minn G. Rodríguez Cachafeiro u M. Martínez-Reboredo Varela-Villamor, rikorrenti fil-kawża prinċipali, xtara mingħand Iberia biljett tal-ajru għall-vjaġġ La Coruña (Spanja) — Santo Domingo. Dan il-biljett kien magħmul minn żewġ titjiriet: it-titjira IB 513, La Coruña-Madrid, tal-4 ta’ Diċembru 2009 (13 h 30-14 h 40), u t-titjira IB 6501, Madrid — Santo Domingo, tal-istess jum (16 h 05-19 h 55).

11

Mad-desk ta’ reġistrazzjoni ta’ Iberia tal-ajruport ta’ La Coruña, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament 261/2004, irreġistraw il-bagalji tagħhom direttament għad-destinazzjoni finali tagħhom u huma ngħataw żewġ karti ta’ imbarkazzjoni li jikkorrispondu għaż-żewġ titjiriet suċċessivi.

12

L-ewwel titjira ġiet ittardjata b’siegħa u 25 minuta. Billi pprevediet li dan id-dewmien kien se jwassal għall-fatt li dawn iż-żewġ passiġġieri jitilfu l-korrispondenza tagħhom f’Marid, Iberia, fit-15 h 17, annullat il-karta tagħhom ta’ imbarkazzjoni għat-tieni titjira prevista għall-16 h 05. Il-qorti tar-rinviju rrilevat li, mal-wasla tagħhom f’Madrid, huma ppreżentaw irwieħhom fil-bieb ta’ imbarkazzjoni (boarding gate) fil-mument meta l-kumpannija għamlet l-aħħar sejħa għall-passiġġieri. Il-persunal ta’ Iberia, madankollu, impedixxielhom it-tlugħ fuq il-bażi li l-karti tal-imbarkazzjoni tagħhom kienu ġew annullati u l-postijiet tagħhom kienu ngħataw lil passiġġieri oħra.

13

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali stennew l-għada sabiex jiġu ttrasportati f’Santo Domingo permezz ta’ titjira oħra u huma laħqu d-destinazzjoni finali tagħhom b’27 siegħa ta’ dewmien.

14

Fit-23 ta’ Frar 2010, G. Rodríguez Cachafeiro u M. Martínez-Reboredo Varela-Villamor ressqu azzjoni quddiem il-Juzgado de lo Mercantil no 2 de A Coruña, filwaqt li talbu lil din tal-aħħar sabiex tikkundanna lil Iberia sabiex jingħatalhom kumpens ta’ EUR 600 kull wieħed għal meta passiġġieri “ma jitħallewx jitilgħu”, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4(3) u 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004. Iberia kkontestat dawn it-talbiet, bl-argument li l-fatti li fuqhom l-azzjoni kienet ġiet introdotta quddiem din il-qorti ma kinux jikkostitwixxu meta “persuni ma jitħallewx jitilgħu”, iżda kellhom jiġu analizzati bħala korrispondenza mitlufa, sa fejn id-deċiżjoni li ma jitħallewx jitilgħu ma kinitx dovuta għal riżervazzjonijiet żejda, imma kienet immotivata mid-dewmien tat-titjira ta’ qabel.

15

Il-qorti tar-rinviju rrilevat, barra minn hekk, li Iberia tat il-kumpens previst fl-Artikoli 4(3) u 7 tar-Regolament Nru 261/2004 lil seba’ passiġġieri li kienet irrifjutatilhom it-tlugħ għat-titjira Madrid — Santo Domingo inkwistjoni.

16

F’dan il-kuntest, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar jekk il-kunċett ta’ meta passiġġieri “ma jitħallewx jitilgħu” ikoprix esklużivament is-sitwazzjonijiet li fihom it-titjiriet kienu s-suġġett ta’ riżervazzjonijiet żejda fil-bidu jew jekk dan il-kunċett jistax jiġi estiż għal sitwazzjonijiet oħra, bħal dik tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Mercantil no 2 de A Coruña ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Jista’ jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ meta persuni ma jitħallewx jitilgħu msemmi fl-Artikolu 2(j) flimkien mal-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 4(3) tar-[Regolament Nru 261/2004] jinkludi s-sitwazzjoni fejn il-kumpannija tal-ajru li tiżgura t-trasport ma tħallix persuna titla’ minħabba dewmien fl-ewwel titjira inkluża fil-biljett minħabba tort tal-kumpannija u li din tipprevedi b’mod żbaljat li l-passaġġieri mhux se jaslu fil-ħin għat-tieni titjira, u għalhekk tippermetti li l-postijiet ta’ dawn il-passiġġieri fuq it-tieni titjira jittieħdu minn passiġġieri oħra?”

Fuq id-domanda preliminari

18

Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 3(2) ta’ dan, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ meta passiġġieri “ma jitħallewx jitilgħu” jinkludi s-sitwazzjoni fejn, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ trasport waħdieni li jinkludi diversi riżervazzjonijiet fuq titjiriet minnufih suċċessivi u rreġistrati simultanjament, trasportatur bl-ajru jirrifjuta t-tlugħ lil ċerti passiġġieri minħabba li l-ewwel titjira inkluża fir-riżervazzjoni tagħhom sofriet dewmien dovut lil dan it-trasportatur u li dan ippreveda b’mod żbaljat li dawn il-passiġġieri ma kinux ser jaslu fil-ħin sabiex jitilgħu għat-tieni titjira.

19

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004, il-klassifikazzjoni ta’ meta passiġġieri “ma jitħallewx jitilgħu” tfisser li trasportatur bl-ajru jiċħad it-trasport ta’ passiġġier fuq titjira, li għaliha dan kellu riżervazzjoni u ppreżenta lilu nnifsu biex jitla’ taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament, sakemm din iċ-ċaħda ma tkunx ġustifikata b’mod raġonevoli, b’mod partikolari għar-raġunijiet imsemmija fl-imsemmi Artikolu 2(j).

20

Fil-kawża prinċipali, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tibbaża fuq il-premessa li r-rikorrenti ppreżentaw irwieħhom għat-tlugħ għat-titjira Madrid — Santo Domingo skont il-kundizzjonijiet iddikjarati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 261/2004. Barra minn hekk, jirriżulta mill-proċess li dawn ir-rikorrenti kienu miżmuma milli jitilgħu abbord din it-titjira mhux minħabba allegat nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija kundizzjonijiet, iżda minħabba l-fatt li r-riżervazzjoni tagħhom kienet ġiet annullata minħabba dewmien irreġistrat fuq it-titjira tagħhom ta’ qabel, li tgħaqqad La Coruña ma’ Madrid.

21

Mingħajr ma jiġu ppreġudikati l-konsegwenzi eventwali li jintrabtu mal-fatt li, minħabba l-imsemmi dewmien, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali waslu fid-destinazzjoni finali tagħhom (Santo Domingo) 27 siegħa tard meta mqabbel mal-iskeda tar-riżervazzjoni tal-ivvjaġġar tagħhom, għandu jiġi osservat li, dwar il-kawża li wasslet sabiex trasportatur bl-ajru jirrifjuta t-tlugħ lil passiġġier li għandu riżervazzjoni u li ppreżenta ruħu b’mod regolari għat-tlugħ, il-kliem tal-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004 ma jorbotx din iċ-ċaħda ma’ sitwazzjoni ta’ “riżervazzjonijiet żejda” tat-titjira kkonċernata mwettqa mit-trasportatur inkwistjoni għal raġunijiet ekonomiċi.

22

Fir-rigward tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li hija tifforma parti minnha, jirriżulta mhux biss mill-premessi 3, 4, 9 u 10 tar-Regolament Nru 261/2004, iżda wkoll mix-xogħlijiet preparatorji dwar dan u b’mod partikolari l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli komuni fil-qasam tal-kumpens tal-passiġġieri tal-ajru u tal-assistenza f’każ li persuni ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew ta’ dewmien twil ta’ titjira, ippreżentata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fil-21 ta’ Diċembru 2001 [COM(2001) 784 finali], li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried, bl-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, li jitnaqqas in-numru ta’ passiġġieri li jinċaħdilhom it-tlugħ kontra l-volontà tagħhom, li dak iż-żmien kien għoli wisq, billi jimla l-lakuni tar-Regolament Nru 295/91, li kien limitat li jistabbilixxi, skont l-Artikolu 1 tiegħu, regoli minimi komuni applikabbli għall-passiġġieri li jinċaħdilhom it-tlugħ għal titjira regolari b’riżervazzjonijiet żejda.

23

Huwa f’dan il-kuntest li dan il-leġiżlatur, permezz tal-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004 neħħa mid-definizzjoni ta’ meta passiġġieri “ma jitħallewx jitilgħu” kull referenza għall-kawża li għaliha trasportatur jiċħad li jittrasporta passiġġier.

24

Meta għamel hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni estenda l-portata tal-imsemmija definizzjoni lil hinn mill-każ waħdieni ta’ meta passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu minħabba riżervazzjonijiet żejda deskritt qabel fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 295/91, u taha sens wiesa’ li jkopri s-suppożizzjonijiet kollha li fihom trasportatur bl-ajru jiċħad li jittrasporta passiġġier.

25

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-kostatazzjoni li tgħid li l-limitazzjoni tal-portata tal-kunċett ta’ meta passiġġieri “ma jitħallewx jitilgħu” għall-każijiet biss ta’ riżervazzjonijiet żejda għandha, fil-prattika, l-effett li tnaqqas b’mod sinjifikattiv il-protezzjoni mogħtija lill-passiġġieri skont ir-Regolament Nru 261/2004 u tmur, għaldaqstant, kontra l-għan ta’ dan, imsemmi fil-premessa 1 tiegħu, li huwa li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri, li jiġġustifika interpretazzjoni wiesgħa tad-drittijiet rikonoxxuti lilhom (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C-344/04, Ġabra p. I-403, punt 69, kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C-549/07, Ġabra p. I-11061, punt 18).

26

Minn dan isegwi li, li wieħed jaċċetta li huma biss il-każijiet ta’ meta jkunu saru riżervazzjonijiet żejda li huma inklużi fil-kunċett ta’ meta passiġġieri “ma jitħallewx jitilgħu” ikollu l-effett li jċaħħad lill-passiġġieri li jkunu fis-sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali minn kull protezzjoni, billi jċaħħadhom mill-possibbiltà li jagħmlu użu mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 261/2004, liema artikolu, fil-paragrafu 3 tiegħu, jagħmel riferiment għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament dwar id-drittijiet għal kumpens, għar-rimbors jew għat-tqegħid fuq rotta differenti kif ukoll għal appoġġ, hekk kif previst fl-Artikoli 7 sa 9 tal-istess regolament.

27

Fir-rigward ta’ dak li ntqal qabel, każ ta’ meta passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu li jkun oppost minn trasportatur bl-ajru fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu, inprinċipju, ikun inkluż fil-kunċett ta’ meta passiġġieri “ma jitħallewx jitilgħu” fis-sens tal-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004.

28

Għandu madankollu jiġi żgurat li, kif tipprevedi din id-dispożizzjoni, tali ċaħda ma tistax tkun raġonevolment iġġustifikata għal raġunijiet “[b’mod partikolari] bħal raġunijiet ta’ saħħa, sigurezza u sigurtá, jew dokumentazzjoni ta’ l-ivjaġġar mhux xierqa”.

29

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, bl-użu tal-kelma “bħal”, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jipprovdi lista mhux eżawrjenti tas-suppożizzjonijiet li fihom, il-fatt li passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu jista’ jkun raġonevolment iġġustifikat.

30

Madankollu, ma jistax jiġi dedott minn tali formulazzjoni li għandhom ikunu kkunsidrati bħala raġonevolment iġġustifikati rifjuti ta’ tlugħ għal raġuni operattiva bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

31

Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tqis il-fatt li, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ trasport waħdieni li jinkludi diversi riżervazzjonijiet fuq żewġ titjiriet minnufih suċċessivi u rreġistrati simultanjament, l-ewwel waħda minn dawn it-titjiriet sofriet dewmien dovut lit-trasportatur bl-ajru kkonċernat, u li dan ippreveda b’mod żbaljat li dawn il-passiġġieri ma kinux ser jaslu fil-ħin sabiex jitilgħu fuq it-tieni titjira u li huwa ppermetta, konsegwentement, lil passiġġieri oħra li jokkupaw, fuq it-tieni titjira, il-postijiet li kellhom jokkupaw il-passiġġieri li lilhom it-tlugħ kien ġie miċħud.

32

Issa, tali raġuni għal li passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu ma jistax jitqabbel ma’ dawk ċarament imsemmija fl-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004, peress li din ir-raġuni ma kienet b’ebda mod dovuta għal nuqqas min-naħa tal-passiġġier li lilu t-tlugħ ġie miċħud.

33

Barra minn hekk, ma jistax jiġi aċċettat li trasportatur bl-ajru jista’ jwessa’ b’mod sinjifikattiv is-suppożizzjonijiet li fihom huwa jkun fi dritt li jiċħad b’mod iġġustifikat passiġġier għat-tlugħ. Dan ikollu neċessarjament il-konsegwenza li tiċħad kull protezzjoni lil tali passiġġier, li tikkontradixxi l-għan tar-Regolament Nru 261/2004 intiż li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri permezz ta’ interpretazzjoni wiesgħa tad-drittijiet rikonoxxuti lilhom.

34

F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din twassal, barra minn hekk, għall-appoġġ għall-passiġġieri kkonċernati għad-diffikultajiet u l-inkonvenjenzi serji inerenti għal każ ta’ meta ma jitħallewx jitilgħu anki jekk dan ir-rifjut huwa dovut, fi kwalunkwe każ, għat-trasportatur biss, liema trasportatur jew ikkawża d-dewmien tal-ewwel titjira operata minnu stess, jew inkella kkunsidra, b’mod żbaljat, li l-passiġġieri kkonċernati ma humiex se jkunu jistgħu jippreżentaw irwieħhom fil-ħin għat-tlugħ għat-titjira ta’ wara, jew inkella wkoll biegħ biljetti għal titjiriet suċċessivi li għalihom il-ħin disponibbli sabiex tittieħed it-titjira ta’ wara kien insuffiċjenti.

35

Li passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu bħal kif inhu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għaldaqstant, ma jistax ikun iġġustifikat b’mod raġonevoli u għandu, konsegwentement, ikun ikklassifikat bħala meta passiġġieri “ma jitħallewx jitilgħu” fis-sens tal-Artikolu 2(j) tal-imsemmi regolament.

36

Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ meta passiġġieri “ma jitħallewx jitilgħu” jinkludi s-sitwazzjoni fejn, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ trasport waħdieni li jinkludi diversi riżervazzjonijiet fuq titjiriet minnufih suċċessivi u rreġistrati simultanjament, trasportatur bl-ajru jiċħad it-tlugħ lil ċerti passiġġieri minħabba li l-ewwel titjira inkluża fir-riżervazzjoni tagħhom sofriet dewmien dovut għal dan it-trasportatur u li dan ippreveda b’mod żbaljat li dawn il-passiġġieri ma kinux ser jaslu fil-ħin sabiex jitilgħu għat-tieni titjira.

Fuq l-ispejjeż

37

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 2(j) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li [...] jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, moqri flimkien mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 261/2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ meta passiġġieri “ma jitħallewx jitilgħu” jinkludi s-sitwazzjoni fejn, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ trasport waħdieni li jinkludi diversi riżervazzjonijiet fuq titjiriet minnufih suċċessivi u rreġistrati simultanjament, trasportatur bl-ajru jiċħad it-tlugħ lil ċerti passiġġieri minħabba li l-ewwel titjira inkluża fir-riżervazzjoni tagħhom sofriet dewmien dovut għal dan it-trasportatur u li dan ippreveda b’mod żbaljat li dawn il-passiġġieri ma kinux ser jaslu fil-ħin sabiex jitilgħu għat-tieni titjira.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.