SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

4 ta’ Ġunju 2009 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikoli 28 KE, 43 KE u 49 KE — Direttiva 98/34/KE — Standards u regolamenti tekniċi — Leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għal-logħbiet tal-elettriku, elettromekkaniċi u elettroniċi għall-kompjuters — Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas — Nuqqas ta’ eżekuzzjoni — Artikolu 228 KE — Sanzjonijiet pekunjarji”

Fil-Kawża C-109/08,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 228 KE, ippreżentat fl-10 ta’ Marzu 2008,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Patakia u M. Konstantinidis, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn N. Dafniou u V. Karra, kif ukoll minn P. Mylonopoulos, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, J.-C. Bonichot, J. Makarczyk, P. Kūris (Relatur) u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Jannar 2009,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Marzu 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tikkonstata li, billi ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji sabiex teżegwixxi s-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-65/05, Ġabra p. I-10341), ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 28 KE, 43 KE u 49 KE, kif ukoll taħt l-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337) kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal- (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/34”);

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika sabiex tħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea”, pagamenti ta’ penalità fl-ammont ta’ EUR 31798.80għal kull ġurnata ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, b’effett mid-data tas-sentenza mogħtija fil-kawża preżenti u sal-ġurnata tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja;

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika sabiex tħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea”, somma f’daqqa ta’ EUR 9636 kuljum, b’effett mis-26 ta’ Ottubru 2006 sad-data tas-sentenza mogħtija fil-kawża preżenti jew sal-ġurnata tal-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, jekk hija tintervjeni qabel din id-data, u

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

Il-kuntest ġuridiku

2

Skont l-Artikolu 2(1) tal-Liġi 3037/2002 (FEK A’ 174/30.7.2002), intitolat “Projbizzjoni fuq l-użu u l-installazzjoni ta’ logħob”, l-użu ta’ logħob elettriku, elettromekkaniku u elettroniku “inklużi l-kompjuters, huwa pprojbit fil-postijiet pubbliċi inġenerali, bħal lukandi, kafetteriji, swali għal laqgħat li għandhom użu pubbliku ta’ kull tip u kull post pubbliku jew privat ieħor. L-installazzjoni ta’ dan il-logħob hija wkoll ipprojbita”.

3

L-Artikolu 3 tal-istess liġi, intitolat “Impriżi li jipprovdu servizzi tal-Internet”, jipprovdi li “[l]-installazzjoni u l-użu ta’ kompjuters fi stabbilimenti li jipprovdu servizzi tal-Internet ma humiex suġġetti għall-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 2. Madankollu, l-użu ta’ logħob fuq dawk il-kompjuters, indipendentement mill-metodu użat, huwa pprojbit”.

4

In-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-projbizzjonijiet twassal għas-sanzjonijiet kriminali previsti fl-Artikolu 4 tal-imsemmija liġi, kif ukoll għas-sanzjonijiet amministrattivi previsti fl-Artikolu 5 tagħha.

5

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 9(1) tal-istess liġi, id-dispożizzjonijiet tagħha “huma bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Liġi 2206/1994 kif ukoll għad-dispożizzjonijiet oħrajn dwar il-każinos”.

Is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja

6

Fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat u ddeċidiet:

“Billi, fl-Artikoli 2(1) u 3 tal-Liġi 3037/2002, introduċiet il-projbizzjoni, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali jew amministrattivi previsti fl-Artikoli 4 u 5 ta’ l-istess liġi, ta’ l-installazzjoni u l-użu ta’ kull logħba elettrika, elettromekkanika u elettronika, inklużi l-logħbiet kollha tal-kompjuter, fil-postijiet pubbliċi u privati kollha, bl-eċċezzjoni ta’ każinos, ir-Repubblika Ellenika naqset mill-obbligi imposti fuqha skond l-Artikoli 28 KE, 43 KE u 49 KE kif ukoll skond l-Artikolu 8 tad-direttiva [98/34].”

Il-proċedura prekontenzjuża

7

Mistoqsija mill-Kummissjoni fil-11 ta’ Diċembru 2006, dwar l-istat ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, ir-Repubblika Ellenika wieġbet permezz ta’ ittra tat-. F’din l-ittra, l-awtoritajiet Elleniċi ma pprovdew ebda informazzjoni konkreta dwar l-emenda tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni sabiex hija tkun konformi ma’ din is-sentenza. Min-naħa l-oħra, huma enfasizzaw l-importanza u l-kumplessità ta’ din l-emenda, filwaqt li affermaw li l-ministeri kompetenti kienu kkollaboraw sabiex tiġi stabbilita leġiżlazzjoni aċċettabbli li tirrispetta d-dritt Komunitarju u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

8

Peress li l-Kummissjoni kienet tal-fehma li r-Repubblika Ellenika ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, fit-23 ta’ Marzu 2007 hija bagħtet ittra ta’ intimazzjoni skont l-Artikolu 288 KE lil dan l-Istat Membru.

9

Peress li r-Repubblika Ellenika ma wiġbitx għal din l-ittra, fid-29 ta’ Ġunju 2007 il-Kummissjoni indirizzat lil dan l-Istat Membru opinjoni motivata li fiha talbitha tieħu l-miżuri neċessarji biex tiżgura l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din l-opinjoni.

10

Peress li r-Repubblika Ellenika la wieġbet lill-imsemmija opinjoni u lanqas ma nnotifikat lill-Kummissjoni bi kwalunkwe miżura leġiżlattiva intiża sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza msemmija, il-Kummissjoni, filwaqt li qieset li dan l-Istat Membru naqas milli jiżgura l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, ippreżentat dan ir-rikors.

L-iżviluppi li seħħew matul il-kawża preżenti

11

Ir-Repubblika Ellenika wieġbet lill-opinjoni motivata fit-12 ta’ Marzu 2008, jiġifieri jumejn wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors, filwaqt li indikat li kumitat għall-abbozzar tal-liġijiet kien twaqqaf sabiex jagħmel abbozz ta’ liġi li temenda l-liġi eżistenti.

12

Barra minn hekk, jirriżulta mid-dibattiti li r-Repubblika Ellenika, fis-7 ta’ Mejju 2008, bagħtet lill-Kummissjoni l-ewwel abbozz ta’ liġi li jemenda dik eżistenti, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34. Il-Kummissjoni mbagħad ifformulat osservazzjonijiet f’opinjoni motivata tal-, li r-Repubblika Ellenika ma wiġbitx għaliha. Għall-anqas, saret laqgħa bejn il-partijiet f’Ateni fl-.

13

Ir-rappreżentant tar-Repubblika Ellenika indika wkoll li, fi żmien qasir, kellu jiġi approvat mill-gvern Elleniku abbozz ġdid ta’ liġi li temenda dik eżistenti, qabel ma jintbagħat lill-Kummissjoni, u dan fid-dawl tal-eżami tad-dispożizzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34. Wara din il-proċedura dan l-abbozz kellu jgħaddi taħt vot mill-Parlament sabiex jiġi adottat.

Fuq in-nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu

14

Għalkemm l-Artikolu 228 KE ma jispeċifikax it-terminu li fih għandha sseħħ l-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-interess marbut ma’ applikazzjoni immedjata u uniformi tad-dritt Komunitarju jeżiġi li din l-eżekuzzjoni tibda immedjatament u tintemm fl-iqsar żmien possibbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza, C-121/07, Ġabra p. I-9159, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

15

Barra minn hekk, id-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 228 KE hija dik ta’ meta jagħlaq it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata maħruġa skont din id-dispożizzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-503/04, Ġabra p. I-6153, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

16

F’dan il-każ, huwa ċar li, fid-data meta skada t-terminu ta’ xahrejn mogħti fl-opinjoni motivata tad-29 ta’ Ġunju 2007, ir-Repubblika Ellenika ma kienet ħadet ebda miżura għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, peress li l-ewwel abbozz ta’ miżuri għall-eżekuzzjoni ġie kkomunikat lill-Kummissjoni biss fis-.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, kif wara kollox tammetti hija stess, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 228(1) KE.

Fuq is-sanzjonijiet pekunjarji

Fuq il-pagament ta’ penalità

L-argumenti tal-partijiet

18

Filwaqt li bbażat ruħha fuq il-metodu ta’ kalkolu li ddefiniet fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu 228 tat-Trattat KE [SEC (2005) 1658] tat-13 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni pproponiet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex timponi fuq ir-Repubblika Ellenika penalità fl-ammont ta’ EUR 31798.80għal kull ġurnata ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, b’effett mid-data li fiha tingħata s-sentenza fil-kawża preżenti, sal-ġurnata meta sseħħ l-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja.

19

Il-Kummissjoni tqis li l-impożizzjoni ta’ pagament ta’ penalità hija l-iktar strument xieraq sabiex ittemm, fl-iqsar żmien possibbli, il-ksur ikkonstatat u li, f’dan il-każ, pagament ta’ penalità ta’ EUR 3179880 għal kull ġurnata ta’ dewmien huwa adatt għall-gravità u għat-tul ta’ żmien tal-ksur, fid-dawl tal-ħtieġa li s-sanzjoni tkun effettiva. Dan l-ammont huwa kkalkolat bil-moltiplikazzjoni ta’ bażi uniformi ta’ EUR 600 għal koeffiċjent ta’ 11 (fuq skala minn 1 sa 20) fid-dawl tal-gravità tal-ksur, għal koeffiċjent ta’ 1.1 (fuq skala minn 1 sa 3) fid-dawl tat-tul ta’ żmien tal-ksur u għal koeffiċjent ta’ 4.38 (ibbażat fuq il-prodott gross domestiku tal-Istat Membru inkwistjoni u fuq in-numru ta’ voti fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea), li huwa meqjus li jirrappreżenta l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni.

20

Għal dak li jikkonċerna l-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni tirrileva li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tikser tlieta mill-erba’ libertajiet fundamentali tat-Trattat. Hija ssostni, barra minn hekk, li l-awtoritajiet Elleniċi ma ssodisfawx l-obbligi tagħhom skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 u li, barra minn hekk, ma kkooperawx kompletament mal-Kummissjoni matul il-fażi prekontenzjuża tal-proċeduri mibdija skont l-Artikolu 228 KE.

21

Ir-Repubblika Ellenika ssostni li dan il-koeffiċjent, li suppost huwa intiż għall-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, huwa estremament għoli u ma għandux ikun ogħla minn 4. F’dan ir-rigward, hija ssostni li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu affettwa biss settur żgħir ta’ attività, li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni kienet applikata mingħajr diskriminazzjoni u li kienet, barra minn hekk, is-soluzzjoni l-iktar xierqa sabiex tirrispondi għall-problemi ekonomiċi u soċjali kkawżati mill-użu ħażin u mhux ikkontrollat tal-logħob, b’mod li hija kienet iġġustifikata minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku. Barra minn hekk, filwaqt li tirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija ssostni li l-imsemmi koeffiċjent jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

22

Għal dak li jikkonċerna t-tul ta’ żmien tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-perjodu ta’ ħdax-il xahar sħaħ, li ddekorra mill-għoti tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, sas-17 ta’ Ottubru 2007, li hija l-ġurnata li fiha ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

23

Ir-Repubblika Ellenika titlob li dan il-koeffiċjent għandu jitnaqqas għal rata bażika. Hija ssostni li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu beda mal-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur stabbilit fl-ittra tal-11 ta’ Diċembru 2006, li biha l-Kummissjoni talbet l-informazzjoni fuq l-istat ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

24

Peress li kkonstatat li r-Repubblika Ellenika ma kkonformatx mas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 228(2) KE, tikkundanna lil dan l-Istat Membru għal ħlas ta’ somma f’daqqa jew għal pagamenti ta’ penalità.

25

F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li, f’kull kawża, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, is-sanzjonijiet pekunjarji li għandhom jiġu deċiżi (sentenza tal-10 ta’ Jannar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-70/06, Ġabra p. I-1, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

F’dan il-każ, kif ġie rrilevat fil-punt 18 tas-sentenza preżenti, il-Kummissjoni tipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li timponi, b’mod partikolari, penalità ta’ EUR 3179880 fuq ir-Repubblika Ellenika.

27

F’dan ir-rigward hemm lok, fl-ewwel nett, li jiġi rrilevat li l-proposti tal-Kummissjoni ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja u huma biss bażi ta’ riferiment utli (ara s-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2003, Il-Kummisjoni vs Spanja, C-278/01, Ġabra p. I-14141, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, il-linji gwida bħal dawk li jinsabu fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jikkontribwixxu sabiex jiżguraw it-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni mibdija mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-, Il-Kummissjoni vs Franza, C-304/02, Ġabra p. I-6263, punt 85, u tal-, Il-Kummissjoni vs Franza, C-177/04, Ġabra p. I-2461, punt 70).

28

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità u/jew ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa hija intiża sabiex tpoġġi, fuq Stat Membru inadempjenti, piż ekonomiku li jħajru jtemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat. Għalhekk is-sanzjonijiet pekunjarji imposti għandhom jiġu deċiżi skont il-livell ta’ persważjoni meħtieġ sabiex l-Istat Membru inkwistjoni jibdel l-aġir tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq tat-12 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, punt 91, u tal-, Il-Kummissjoni vs Franza, punti 59 u 60).

29

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li matul is-seduta tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Jannar 2009, l-aġent tar-Repubblika Ellenika kkonferma li sa dik il-ġurnata stess, ebda dispożizzjoni leġiżlattiva li ttemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, ma kienet għadha ġiet ivvotata u, a fortiori, ma kienet daħlet fis-seħħ.

30

Peress li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni kien għadu għaddej fid-data li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-fatti, l-impożizzjoni fuq ir-Repubblika Ellenika ta’ pagament ta’ penalità, propost mill-Kummissjoni, tikkostitwixxi mezz adatt sabiex tħajjar lil dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Sussegwentement, fir-rigward tal-modalitajiet ta’ kalkolu tal-ammont ta’ tali penalità, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha ta’ evalwazzjoni, li tistabbilixxi din il-penalità b’mod li din tkun, minn naħa, adatta għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonata għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, kif ukoll għall-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

F’din il-perspettiva, il-kriterji ta’ bażi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi żgurata n-natura koerċitiva tal-penalità fid-dawl tal-applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt Komunitarju huma, bħala prinċipju, il-grad ta’ gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, it-tul taż-żmien tiegħu, u l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni. Għall-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, hemm lok li jiġu kkunsidrati, b’mod partikolari, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fuq l-interessi privati u pubbliċi, kif ukoll l-urġenza mixtieqa sabiex l-Istat Membru kkonċernat jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitati iktar ’il fuq, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Għal dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, il-gravità tal-ksur, u b’mod partikolari, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, dwar l-interessi privati u pubbliċi, għandu jiġi kkonstatat li l-projbizzjoni tal-installazzjoni u l-użu ta’ kull logħba elettrika, elettromekkanika u elettronika, inklużi l-logħob kollu tal-kompjuter, fil-postijiet pubbliċi u privati kollha, bl-eċċezzjoni ta’ każinos, kif previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża li waslet għas-sentenza preżenti, tikser il-prinċipji tal-moviment liberu tal-merkanzija, tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment taħt l-Artikoli 28 KE, kif ukoll 43 KE u 49 KE.

34

Bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat fil-punti 29, 30, 51 u 55 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, din il-leġiżlazzjoni nazzjonali mhux biss wasslet għal tnaqqis fl-importazzjonij ta’ dan il-logħob li jiġi minn Stati Membri oħrajn, iżda fil-verità wasslet għal waqfien ta’ din l-importazzjoni sa mill-introduzzjoni tal-imsemmija projbizzjoni. Barra minn hekk, l-imsemmija leġiżlazzjoni tostakola l-operaturi ekonomiċi ta’ Stati Membri oħrajn milli jipprovdu s-servizzi tagħhom, u għalhekk milli jistabbilixxu ruħhom fil-Greċja għal dan il-għan.

35

Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-Repubblika Ellenika ma ħadet l-ebda miżura sabiex tissospendi l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, u għaldaqstant ippermettiet li, abbażi tagħha, xi operaturi ekonomiċi jġarrbu pieni ta’ priġunerija u sanzjonijiet pekunarji. Konsegwentement, hemm urġenza li r-Repubblika Ellenika temenda din il-leġiżlazzjoni.

36

Fl-aħħar nett, jista’ jiġi kkunsidrat ukoll il-fatt li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ notifika tar-regolamenti tekniċi previsti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34. Fil-fatt, l-osservanza ta’ dan l-obbligu speċifiku tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja sabiex jintlaħqu, b’mod sħiħ, l-għanijiet ta’ din id-direttiva kif iddefiniti fil-premessi 12 u 13, intiżi sabiex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

37

Barra minn hekk, l-għan ta’ din il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, kien il-ġlieda kontra l-problemi soċjali serji kkawżati mill-fatt li l-logħob ikkonċernat seta’ faċilment jiġi mibdul fl-logħob tal-azzard, li fil-Greċja huwa pprojbit barra mill-każinos. Fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li r-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali invokati mir-Repubblika Ellenika setgħu jiġġustifikaw ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija kkonstatat f’din is-sentenza. Fil-punt 41 tal-istess sentenza, hija għall-inqas ikkunsidrat li l-projbizzjoni tal-imsemmija logħob fil-postijiet pubbliċi jew privati kollha, bl-eċċezzjoni ta’ każinos, tikkostitwixxi miżura sproporzjonata fir-rigward tal-għanijiet li jridu jintlaħqu.

38

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-koeffiċjent li għandu jiġi ffissat għall-grad ta’ gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu jkun ta’ 8, sabiex jirrifletti b’mod xieraq il-karatteristiċi tal-ksur inkwistjoni.

39

Għal dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, it-tul ta’ żmien tal-ksur, dan għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-mument li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fatti fil-kuntest tal-proċeduri mibdija abbażi tal-Artikolu 228 KE, u mhux meta din tiġi adita mill-Kummissjoni (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

40

F’dan il-każ, in-nuqqas tar-Repubblika Ellenika li twettaq l-obbligu tagħha li teżegwixxi s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, ilu għaddej iktar minn sentejn, fid-dawl taż-żmien li għadda mis-26 ta’ Ottubru 2006, li hija d-data tal-imsemmija sentenza.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, koeffiċjent ta’ 1.5 (fuq skala gradwata ta’ bejn 1 sa 3) jidher iktar xieraq sabiex jiġi kkunsidrat it-tul taż-żmien tal-ksur.

42

Għal dak li jikkonċerna, fit-tielet lok, il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni, il-proposta tal-Kummissjoni li jinżamm koeffiċjent ibbażat fuq il-prodott gross domestiku ta’ dan l-Istat Membru u fuq in-numru ta’ voti li għandu fil-Kunsill, tikkostitwixxi, bħala prinċipju, mod xieraq li jirrifletti dan il-kriterju filwaqt li jżomm differenza raġonevoli bejn il-varji Stati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, iċċitati iktar ’il fuq, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

F’dan il-każ, il-koeffiċjent ta’ 4.38 propost mill-Kummissjoni u msemmi fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu 228 tat-Trattat KE tat-13 ta’ Diċembru 2005, jirrifletti b’mod xieraq l-iżvilupp tal-fatturi li huma l-bażi tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ ħlas tar-Repubblika Ellenika.

44

L-istess għandu jingħad għall-ammont ta’ bażi li fuqu jiġu applikati l-koeffiċjenti moltiplikaturi, li għandu jiġi ffissat għal EUR 600.

45

Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, il-moltiplikazzjoni ta’ ammont ta’ bażi ta’ EUR 600 bil-koeffiċjenti ffissati għal 8, skont il-gravità tal-ksur, għal 1.5, skont it-tul ta’ żmien tiegħu, u għal 4.38, skont il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat, jirriżulta f’dan il-każ f’ammont ta’ EUR 31536 għal kull ġurnata ta’ dewmien. Dan l-ammont għandu jitqies li huwa xieraq fid-dawl tal-finalitajiet tal-penalità, bħal dawk imsemmija fil-punt 28 ta’ din is-sentenza.

46

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, hemm lok li r-Repubblika Ellenika tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea”, penalità ta’ EUR 31536 għal kull ġurnata ta’ dewmien fl-implementazzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, b’effett mid-data tas-sentenza preżenti sal-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja.

Fuq il-ħlas ta’ somma f’daqqa

L-argumenti tal-partijiet

47

Il-Kummissjoni pproponiet li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ħlas ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 9636 għal kull ġurnata ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, mill-ġurnata li fiha ngħatat din is-sentenza, sal-ġurnata li fiha l-imsemmija sentenza tiġi eżegwita b’mod sħiħ jew sal-ġurnata li fiha tingħata s-sentenza fil-kawża preżenti, jekk l-imsemmija sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja ma tkunx għadha ġiet eżegwita b’mod sħiħ sa din id-data.

48

Dan l-ammont ta’ kuljum jirriżulta mill-moltiplikazzjoni ta’ ammont ta’ bażi ta’ EUR 200 bil-koeffiċjent tal-gravità tal-ksur, li f’dan il-każ huwa stmat għal 11 fuq skala minn 1 sa 20, u bil-koeffiċjent li jirrappreżenta l-kapaċità ta’ ħlas tar-Repubblika Ellenika ffissat għal 4.38.

49

L-ammont totali mitlub skont din il-moltiplikazzjoni huwa ta’ EUR 3420780, li jirriżulta mill-moltiplikazzjoni tal-ammont ta’ kuljum ta’ EUR 9636 għal 355, jiġifieri n-numru ta’ ġranet li għaddew bejn is-26 ta’ Ottubru 2006, id-data tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, u s- li hija d-data li fiha l-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

50

Ir-Repubblika Ellenika ssostni li ma għandhiex tiġi kkundannata tħallas somma f’daqqa, sa fejn din is-sanzjoni pekunjarja tippenalizza l-aġir passat tal-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, fil-fehma tagħha, l-ammont tas-somma f’daqqa propost mill-Kummissjoni huwa sproporzjonat fid-dawl tal-gravità, kif ukoll tat-tul taż-żmien tal-ksur u eċċessiv, b’mod partikolari, fid-dawl tan-natura problematika tal-leġiżlazzjoni dwar il-logħob fil-Greċja.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

51

Fir-rigward tal-impożizzjoni tal-ħlas ta’ somma f’daqqa, din għandha f’kull każ, tibqa’ tiġi deċiża skont l-elementi kollha rilevanti li jkollhom x’jaqsmu kemm mal-karatteristiċi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, kif ukoll mal-atteġġament tal-Istat Membru kkonċernat mill-proċeduri mibdija abbażi tal-Artikolu 228 KE (sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

52

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li timponi penalità jew il-ħlas ta’ somma f’daqqa, hija għandha, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, tiffissaha b’mod li tkun, minn naħa, adatta għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonata għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, kif ukoll għall-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru kkonċernat. Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, tal-impożizzjoni tal-ħlas ta’ somma f’daqqa, fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward jinsabu elementi bħat-tul taż-żmien tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu wara li ngħatat is-sentenza li kkonstatatu, kif ukoll l-interessi pubbliċi u privati inkwistjoni (ara s-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

F’sitwazzjoni bħal dik li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors, fid-dawl tal-persistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għal perjodu twil sa mid-data tas-sentenza li kkonstatatu inizjalment, tal-interessi pubbliċi u privati inkwistjoni, tan-nuqqas ta’ deċiżjoni li tissospendi l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni kkonċernata li tippermetti li ma jiġux implementati proċeduri kriminali, u tan-nuqqas ta’ bidu ta’ eżekuzzjoni reali ta’ din is-sentenza, għandu jkun hemm impożizzjoni ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa.

54

Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, tkun saret evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ jekk l-ammont tas-somma f’daqqa li għandu jitħallas mir-Repubblika Ellenika jiġi ffissat għal EUR 3 miljuni.

55

Għalhekk hemm lok li hija tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea”, somma f’daqqa ta’ EUR 3 miljuni.

Fuq l-ispejjeż

56

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Ellenika tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi

 

1)

Peress li ma emendatx l-Artikoli 2(1) u 3 tal-Liġi3037/2002 li tistabbilixxi projbizzjoni, taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali jew amministrattivi previsti fl-Artikoli 4 u 5 tal-istess liġi, fuq l-installazzjoni u l-użu ta’ kull logħba elettrika, elettromekkanika u elettronika, inklużi l-logħob għall-kompjuter, fil-postijiet pubbliċi jew privati kollha, bl-eċċezzjoni ta’ każinos, skont l-Artikoli 28 KE, 43 KE u 49 KE, kif ukoll l-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-Regolamenti Tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika, kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-, ir-Repubblika Ellenika naqset milli timplementa l-miżuri kollha għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tas-, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-65/05) u naqset minħabba dan il-fatt mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 228 KE.

 

2)

Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea”, penalità ta’ EUR 31536 għal kull ġurnata ta’ dewmien fl-implementazzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata iktar ’il fuq, b’effett mid-data tas-sentenza preżenti sal-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Greċja.

 

3)

Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni, fil-kont “Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea”, somma f’daqqa ta’ EUR 3 miljuni.

 

4)

Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.