Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019DC0541

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill f'konformità mal-Artikolu -11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 dwar il-missjoni ta' sorveljanza msaħħa fir-Rumanija , tal-14 u l-15 ta' Marzu 2019

COM/2019/541 final

Brussell, 5.6.2019

COM(2019) 541 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill f'konformità mal-Artikolu -11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 dwar il-missjoni ta' sorveljanza msaħħa fir-Rumanija , tal-14 u l-15 ta' Marzu 2019


Dan ir-rapport dwar missjoni ta’ sorveljanza msaħħa fir-Rumanija jiġi trażmess lill-Kunsill f'konformità mal-Artikolu -11(4) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 1 . Kif previst mill-Artikolu -11(5) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97, is-sejbiet proviżorji ta’ din il-missjoni ġew trażmessi preċedentement lill-awtoritajiet Rumeni għall-kummenti tagħhom.

Ir-Rumanija – Proċedura ta’ Devjazzjoni Sinifikanti

missjoni ta’ sorveljanza msaħħa, 14-15 ta’ Settembru 2019

Rapport

1. Introduzzjoni

Ir-Rumanija ilha taħt il-proċeduri ta’ devjazzjoni sinifikanti mir-rebbiegħa tal-2017. Ir-Rumanija kienet l-ewwel Stat Membru soġġett għal proċedura ta’ devjazzjoni sinifikanti (PDS). L-ewwel PDS tnediet fir-rebbiegħa tal-2017 bħala konsegwenza tad-devjazzjoni sinifikanti osservata tar-Rumanija mill-objettiv baġitarju ta’ terminu medju (OTM) fl-2016, meta d-defiċit strutturali żdied għal 2,6 % tal-PGD, minn 0,6 % fl-2015. Fis-16 ta’ Ġunju tal-2017, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjoni fejn talab lir-Rumanija għal aġġustament strutturali ta’ 0,5 % tal-PGD fl-2017, li huwa r-rekwiżit ibbażat fuq il-matriċi tal-fergħa preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fi “żminijiet normali”. Fil-ħarifa tal-2017, il-Kunsill ikkonkluda li r-Rumanija ma ħaditx azzjoni effettiva b’reazzjoni għal dik ir-rakkomandazzjoni, bi sforzi ffukati biss fuq l-evitar tal-ksur ta’ 3 % tal-valur ta’ referenza tad-defiċit nominali tal-PGD. F’Diċembru 2017, il-Kunsill ħareġ verżjoni riveduta tar-rakkomandazzjoni tal-PDS li fiha talab għal aġġustament strutturali ta’ 0,8 % tal-PDG fl-2018. Fir-rebbiegħa tal-2018 il-Kunsill reġa’ kkonkluda li r-Rumanija ma kinitx ħadet azzjoni effettiva. Ir-Regolament (KE) Nru 1466/97 ma jipprevedix rakkomandazzjoni riveduta oħra taħt PDS waħda. Għaldaqstant, f’Ġunju 2018 dik il-PDS skadiet.

Immedjatament wara, tnediet PDS ġdida fl-2018 b’konsegwenza tad-devjazzjoni sinifikanti fl-2017 mill-pjan ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju. Fir-rakkomandazzjoni tiegħu tas-22 ta’ Ġunju 2018, il-Kunsill talab lir-Rumanija biex tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma taqbiżx it-3,3% fl-2018 u l-5,1% fl-2019, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,8% tal-PDG kemm fl-2018 kif ukoll fl-2019. Fl-4 ta’ Diċembru tal-2018, il-Kunsill ikkonkluda li l-awtoritajiet ma kellhomx l-intenzjoni li jieħdu azzjoni effettiva b’reazzjoni għal dik ir-rakkomandazzjoni, u l-isforzi tagħhom kienu ffukati biss fuq l-evitar tal-ksur ta’ 3 % tal-valur ta’ referenza tad-defiċit nominali tal-PGD. Fuq il-bażi ta’ dan, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjoni riveduta li fiha talab lir-Rumanija biex tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma taqbiżx l-4,5% fl-2019, li tikkorrispondi mal-aġġustament strutturali ta’ 1,0% tal-PDG fl-2019. Ir-Rumanija ntalbet tirrapporta sal-15 ta’ April 2019 lill-Kunsill dwar l-azzjoni meħuda, possibbilment bħala parti mill-Programm ta’ Konverġenza tagħha. Il-valutazzjoni li għamlet il-Kummissjoni tar-rapport mibgħut mir-Rumanija qed tiġi ppubblikata bħala parti mill-pakkett tas-Semestru Ewropew.

Dan ir-rapport jippreżenta s-sejbiet mill-missjoni ta’ sorveljanza msaħħa fir-Rumanija li saret fl-14 u l-15 ta’ Marzu 2019. Il-missjoni twettqet abbażi tal-Artikolu -11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. It-tim tal-missjoni ltaqa’ mal-Ministru tal-Finanzi, Eugen Teodorovici, il-gvernatur tal-Bank Nazzjonali tar-Rumanija (NBR), Mugur Isărescu, u l-kap tal-Kunsill Fiskali tar-Rumanija, Ionuţ Dumitru, akkumpanjati mill-persunal rispettiv tagħhom. L-istess bħal f’missjonijiet simili preċedenti, l-għan kien li jiġu diskussi l-miżuri fiskali ppjanati mill-awtoritajiet, tiġi enfasizzata l-eżistenza ta’ riskji fiskali, u tiġi inkoraġġita l-konformità tar-rakkomandazzjoni tal-PDS. Dan ir-rapport huwa bbażat fuq informazzjoni miksuba qabel u matul il-missjoni.

2. Is-sejbiet tal-missjoni

Id-defiċit nominali tal-2018 kien ta’ madwar 3 % tal-PDG, li jimplika li ma kien hemm l-ebda konformità mar-rekwiżit tal-konsolidazzjoni fiskali tal-2018. Id-defiċit pubbliku tal-2018 ammonta għal 2,9 % tal-PDG f’termini ta’ flus kontanti, żieda żgħira minn 2,8 % tal-PDG fl-2017. Id-defiċit f’termini ta’ dovuti (ESA), li huwa ċ-ċifra rilevanti taħt il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, kien se jkun disponibbli fit-23 ta’ April 2019. Xi entrati ta’ dħul, bħas-super dividendi minn kumpaniji tal-istat jew rimborżi (fi tmiem l-2018) tal-fondi tal-Unjoni għal proġetti mwettqa qabel l-2018, tejbu d-dħul ta’ flus kontanti tal-2018 iżda x’aktarx mhux se jkunu parti miċ-ċifri ta’ dovuti għall-2018. Mill-banda l-oħra, ir-rifużjonijiet tal-VAT kienu baxxi ħafna f’Jannar 2019, b’impatt pożittiv fuq id-dħul tal-2018 f’termini tad-dovuti (bis-saħħa tal-metodu tal-aġġustament ta’ xahar tad-data tal-flus kontanti), iżda b’impatt negattiv fuq l-2019. Barra minn hekk, jenħtieġ li d-differenza bejn it-tagħmir militari mħallas u kkonsenjat tnaqqas l-infiq tal-2018 f’termini ta’ dovuti. Il-Ministeru tal-Finanzi deher fiduċjuż li d-defiċit tal-2018 f’termini ta’ dovuti se jkun ta’ ftit inqas minn 3 % tal-PDG, filwaqt li l-Kunsill Fiskali enfasizza riskju li d-defiċit tal-2018 jaqbeż bi ftit dan il-limitu.

L-awtoritajiet jimmiraw lejn aġġustament strutturali marġinali fl-2019 u għalhekk ma għandhomx il-ħsieb li jaġixxu fuq ir-rakkomandazzjoni tal-PDS. Il-Ministru tal-Finanzi kkonferma li l-gvern ma għandu l-ebda intenzjoni li jikkonforma mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2018. L-awtoritajiet ikomplu jiffukaw fuq iż-żamma tad-defiċit nominali taħt it-3 % tal-limitu tat-Trattat tal-PDG, u b’hekk jimmiraw li jevitaw il-fergħa korrettiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-parlament adotta l-baġit tal-2019 u l-istrateġija fiskali pluriennali b’dewmien sostanzjali, fl-14 ta’ Marzu 2019. Il-baġit jimmira għal defiċit ta’ flus kontanti ta’ 2,76 % tal-PDG, 'il fuq mill-mira ta’ 2,55 % proposta inizjalment mill-gvern minħabba deċiżjoni tal-parlament li jżid l-infiq soċjali (allowance tat-tfal) mingħajr miżuri ta’ kumpens. Il-mira korrispondenti tad-defiċit fuq il-bażi tad-dovuti hija qrib il-2,8 % tal-PDG. Fuq il-bażi tal-istimi tal-gvern stess tul il-perjodu tal-missjoni, dan id-defiċit nominali jkun jinvolvi aġġustament strutturali ta’ madwar 0,1 % meta mqabbel mal-2018, sinifikattivament inqas mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (aġġustament strutturali ta’ 1 % tal-PDG).

Hemm riskji jekk tintlaħaq il-mira tal-baġit għall-2019. Il-Ministru tal-Finanzi ddikjara li l-amministrazzjoni tat-taxxa (ANAF) dalwaqt se tħabbar il-miżuri sottostanti għall-proġettazzjonijiet dwar id-dħul mit-taxxa mill-baġit tal-2019. Skont il-Ministru tal-Finanzi, il-gvern qed jaħdem fuq miżuri li jikkonċernaw il-kontroll doganali u l-ipprezzar ta’ trasferiment fuq in-naħa tad-dħul u kontroll akbar tal-infiq ta’ kull xahar mill-entitajiet tal-gvern fuq in-naħa tal-infiq. It-tim tal-missjoni fakkar lill-Ministru li jenħtieġ li r-rapport dwar l-azzjoni li ttieħdet, li għandu jidħol sat-15 ta’ April 2019, jinkludi d-dettalji tal-miżuri ppjanati u l-kwantifikazzjoni tal-impatt fiskali mistenni għal kull miżura, inkluż għall-miżuri biex titjieb il-konformità fiskali. Skont il-Kunsill Fiskali, is-suppożizzjonijiet makroekonomiċi dwar is-suq tax-xogħol (l-għadd ta’ impjegati u d-dinamika tal-paga grossa fis-settur privat) jidhru ottimistiċi ħafna, u jwasslu għal stima eċċessiva tad-dħul mill-kontribuzzjonijiet. Barra minn hekk, il-baġit jassumi titjib sinifikanti fil-konformità tal-VAT mingħajr ma jipprovdi miżuri speċifiċi li jappoġġaw it-titjib. Il-Kunsill Fiskali żied li, fuq in-naħa tal-infiq, il-pensjonijiet u l-kontribuzzjoni lejn l-UE jidhru li huma sottovalutati. Mill-banda l-oħra, il-baġit ma jinkludix dħul mit-taxxa l-ġdida fuq l-assi bankarji, u lanqas id-devjazzjoni tal-kontribuzzjonijiet soċjali mit-tieni pilastru tal-pensjonijiet. Il-Kunsill Fiskali argumenta li, jekk wieħed jassumi li l-politiki fiskali u baġitarji ma jinbidlux, il-bilanċ tar-riskju huwa inklinat ħafna lejn defiċits ħafna ogħla minn dawk previsti mill-gvern u ogħla b’mod sinifikanti mill-valur ta’ referenza tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG.

Il-liġi l-ġdida dwar il-pensjonijiet toħloq riskju sinifikanti 'l fuq għad-defiċit fiskali fl-2020 u lil hinn. Il-Ministru tal-Finanzi ddikjara li l-gvern qed jippjana aġġustament fiskali għall-2020 u lil hinn. L-istrateġija fiskali pluriennali li takkumpanja l-baġit tal-2019 timmira lejn defiċit nominali ta’ 2,3 % tal-PDG fl-2020 u 2,0 % tal-PDG fl-2021. Madankollu, il-Kunsill Fiskali qajjem tħassib dwar l-impatt fiskali tal-liġi tal-pensjoni adottata fi tmiem l-2018. Din iżżid il-punt tal-pensjoni (il-parametru ewlieni użat għall-indiċjar tal-pensjonijiet) bi 15 % f’Settembru 2019 u b’40 % f’Settembru 2020. Il-liġi tirrevedi wkoll il-parametri l-oħra tal-pensjoni 'l fuq mill-2021. Bħala tali, il-Kunsill Fiskali jipproġetta li d-defiċit nominali jiżdied għal madwar 4 % tal-PDG fl-2020 u 'l fuq minn 5 % tal-PDG fl-2021, xejra simili għall-proġettazzjoni tal-Kummissjoni u li tikkuntrasta mal-objettivi tal-Ministeru tal-Finanzi ta’ aġġustament fiskali f’dawk is-snin.

L-awtoritajiet qed jaħdmu fuq bidliet fit-taxxa l-ġdida fuq l-assi bankarji. Lejn l-aħħar ta’ Diċembru 2018, il-gvern adotta ordinanza ta’ emerġenza (GEO 114/2018) li fiha diversi miżuri fiskali, inkluża taxxa fuq l-assi tal-banek, bidliet sostanzjali lit-tieni pilastru tal-pensjonijiet u taxxi għall-kumpaniji tal-enerġija u tat-telekomunikazzjoni. It-taxxa l-ġdida fuq l-assi tal-banek (li l-gvern semma t-“taxxa fuq ir-regħba”) tiġi imposta fuq l-assi totali u hija marbuta mal-livell tar-rata interbankarja tal-imgħax (ROBOR). Il-missjoni kkomunikat tħassib li t-taxxa tista’ toħloq stress fuq l-istabbiltà finanzjarja, tnaqqas l-intermedjazzjoni tas-settur bankarju u indirettament taffettwa t-tmexxija normali u bla xkiel tal-politika monetarja. Il-Ministru tal-Finanzi informa lill-missjoni li, wara diskussjonijiet mal-partijiet interessati, it-taxxa fuq l-assi tal-banek se tiġi emendata qabel l-aħħar ta’ Marzu. L-NBR qabel mat-tħassib tal-Kummissjoni dwar it-taxxa fuq l-assi tal-banek u kkonferma li t-taxxa tista’ tkun soġġetta għal bidliet li jtaffu l-effetti negattivi tagħha.

Il-gvern għandu mnejn jimmodifika l-miżuri riċenti li jdgħajfu t-tieni pilastru tal-pensjonijiet. Fuq il-bażi ta’ riforma sistemika introdotta fl-2008, porzjon tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jiġi dirett lejn kontijiet individwali ffinanzjati (skema ta’ kontribuzzjoni definita) f’fondi tal-pensjonijiet ġestiti privatament (it-tieni pilastru tal-pensjonijiet). Il-kontribuzzjonijiet għat-tieni pilastru, li skont ir-riforma oriġinali kellhom jiżdiedu progressivament għal 6 % tal-pagi gross sal-2016, kienu biss 5,1% sal-2017 u tnaqqsu għal 3,75 % fl-2018. L-Ordinanza 114/2018 introduċiet aktar bidliet b’impatt wiesa’. Għamlet it-tieni pilastru fakultattiv, bil-possibbiltà ġdida li l-impjegati jagħżlu li ma jipparteċipawx wara li jikkontribwixxu għal ħames snin għat-tieni pilastru u jittrasferixxu kontribuzzjonijiet futuri għall-ewwel pilastru. Kumpaniji fis-settur tal-kostruzzjoni jistgħu jeżentaw għal kollox l-impjegati tagħhom mit-tieni pilastru tal-pensjonijiet. L-Ordinanza żiedet b’mod sinifikanti r-rekwiżiti kapitali minimi għall-kumpaniji ta’ ġestjoni tal-fondi tal-pensjonijiet għal ħafna aktar minn dawk fi Stati Membri oħra u naqqset it-tariffa amministrattiva imposta fuq il-kontribuzzjonijiet grossi. Dawn il-bidliet jagħmlu l-ambjent operattiv għall-kumpaniji ta’ ġestjoni tal-fondi tal-pensjonijiet imprevedibbli ħafna u jaffettwa b’mod negattiv ir-riżultati finanzjarji tagħhom. Is-seba’ kumpaniji maniġerjali kollha li joperaw fir-Rumanija f’xi punt ħabbru li qed jikkunsidraw li joħorġu mis-suq. Matul il-missjoni, il-Ministru tal-Finanzi qal li l-gvern qed jiddiskuti mal-partijiet interessati u li t-tariffi u r-rekwiżiti kapitali l-ġodda jistgħu jiġu emendati. Il-missjoni enfasizzat l-importanza tal-prevedibbiltà tat-tfassil tal-politika.

Il-gvern qed javvanza bil-pjan tiegħu li jistabbilixxi Fond Sovran għall-Iżvilupp u l-Investiment (FSII). Fit-8 ta’ Marzu 2019, il-gvern adotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-FSII. Il-FSII se jkollha taħlita ta’ flus kontanti u ekwità f’xi wħud mill-impriżi li huma proprjetà tal-Istat tar-Rumanija (State-owned enterprises, SOEs), bl-objettiv iddikjarat li jiġġeneraw dħul biex jgħinu fil-finanzjament tal-investiment domestiku. Il-missjoni tenniet it-tħassib tal-Kummissjoni dwar l-FSII. Dan it-tħassib jinkludi (i) sa liema punt ir-regoli ta’ governanza korporattiva se jiġu applikati għall-FSII stess u l-SOEs fil-portafoll tiegħu; (ii) nuqqas ta’ strateġija ta’ investiment ċara u (iii) r-riskji għall-baġit tal-Istat. Il-missjoni fakkret li, jekk l-FSII hija klassifikata ‘l barra mis-settur tal-Gvern Ġenerali, il-bilanċ ġenerali tal-gvern jonqos minħabba dividendi mitlufa minn SOEs trasferiti lejn l-FSII (li jammontaw għal madwar 0,4 % - 0,5 % tal-PDG kull sena). Il-Ministru ċċara li l-FSII mhux se tinħoloq qabel nofs l-2019 u għalhekk id-dividendi mitlufa mhux se jkollhom impatt sħiħ fuq id-defiċit tal-2019.

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika, ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1

Top