EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0012(03)

Id-Deċiżjoni Nru 12/2005 tal-Qorti tal-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej tal- 10 ta' Marzu 2005 rigward l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Qorti tal-Awdituri

OJ C 67, 20.3.2009, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

20.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/1


Id-Deċiżjoni Nru 12/2005 (1) tal-Qorti tal-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej tal-10 ta' Marzu 2005 rigward l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Qorti tal-Awdituri

(2009/C 67/01)

IL-QORTI TAL-AWDITURI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat ir-Regoli ta' Proċedura tagħha (2), partikolarment l-Artikolu 30 tagħhom,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (3), u partikolarment l-Artikoli 143(2) u 144(1) tiegħu,

Filwaqt illi:

it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 1 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jħaddan il-kunċett tal-għamil bil-miftuħ, u jgħid illi t-Trattat jimmarka fażi ġdida fil-proċess li joħloq unjoni dejjem iktar mill-qrib bejn il-popli ta' Ewropa, fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu b'mod miftuħ u qrib iċ-ċittadin kemm jista' jkun;

fid-Dikjarazzjoni Konġunta (4) relatata mar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 rigward l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (5), il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni talbu lill-Isituzzjonijiet l-oħrajn sabiex jadottaw regoli interni dwar l-aċċess pubbliku għal dokumenti li jieħdu in konsiderazzjoni l-prinċipji u l-limiti ffissati f'dak ir-Regolament;

id-dispożizzjonijiet li jinsabu fid-Deċiżjoni Nru 18/97 tal-Qorti tal-Awdituri u li jistabbilixxu regoli interni għat-trattament ta' applikazzjonijiet għall-aċċess għal dokumenti miżmuma mill-Qorti (6) jippreċedu fid-data lir-Regolament Nru 1049/2001 u għandhom jiġu reveduti fid-dawl ta' dak ir-Regolament u tal-każistika tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim' Istanza;

l-għemil bil-miftuħ isaħħaħ il-leġittimità, l-effettività u r-responsabbiltà tal-amministrazzjoni u b'hekk isaħħaħ il-prinċipji ta' demokrazija. Għal dak il-għan għandha tiġi promossa prattika amministrattiva tajba dwar l-aċċess għal dokumenti;

madankollu, ċerti interessi pubbliċi u privati għandhom jiġu protetti permezz ta' eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti. Partikolarment, l-istandards internazzjonali tal-verifika li jikkonċernaw in-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni tal-verifika għandhom ikunu denjament rispettati,

IDDEĊIDIET B'DAN IL-MOD:

Artikolu 1

Skop

L-iskop ta' din id-Deċiżjoni huwa illi tiddefinixxi l-kondizzjonijiet, il-limiti u l-proċeduri li taħthom il-Qorti tal-Awdituri għandha tagħti aċċess pubbliku għal dokumenti li hija żżomm.

Artikolu 2

Benefiċjarji u ambitu

1.   Fil-qafas u fil-limiti tad-dispożizzjonijiet imniżżla f'din id-Deċiżjoni u tal-istandards internazzjonali li jirregolaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni tal-verifika kwalunkwe ċittadin tal-Unjoni u kwalunkwe persuna oħra naturali jew legali li tirrissjedi jew li għandha l-uffiċċju ta' reġistrazzjoni tagħha fi Stat Membru, għandha dritt ta' aċċess għad-dokumenti tal-Qorti tal-Awdituri, soġġetta għall-prinċipji, il-kondizzjonijiet u l-limitazzjonijiet definiti f'din id-Deċiżjoni.

2.   Il-Qorti tista', soġġetta għall-istess prinċipji, kondizzjonijiet u limitazzjonijiet, tagħti aċċess għal dokumenti lil kwalunkwe persuna naturali jew legali li ma tirrisjedix jew li m'għandiex l-uffiċċju ta' reġistrazzjoni tagħha ġewwa Stat Membru.

3.   Din id-Deċiżjoni tapplika għad-dokumenti kollha miżmuma mill-Qorti, jiġifieri, għad-dokumenti magħmula jew riċevuti minnha u li huma fil-pussess tagħha.

4.   Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għal drittijiet ta' aċċess pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-Qorti li jistgħu joħorġu minn strumenti tad-dritt internazzjonali jew minn atti Komunitarji li jimplimentawhom.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-fini ta' din id-Deċiżjoni:

(a)

“dokument” ifisser kwalunkwe kontenut ikun xi jkun l-istrument tiegħu (miktub fuq karta jew miżmum f'forma elettronika jew bħala reġistrazzjoni ta' ħoss, viżwali jew awdjoviżwali);

(b)

“terza parti” tfisser kwalunkwe persuna naturali jew legali, jew kwalunkwe entità barra l-Qorti tal-Awdituri, inklużi l-Istati Membri, istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Komunità jew li mhumiex u pajjiżi terzi.

Artikolu 4

Eċċezzjonijiet

1.   Il-Qorti għandha tirriffjuta l-aċċess għal dokument meta l-għoti ta’ informazzjoni jdgħajjef il-protezzjoni ta':

(a)

l-interess pubbliku inkluż:

is-sigurtà pubblika,

kwistjonijiet militari u ta' difiża,

ir-relazzjonijiet internazzjonali,

il-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Komunità jew ta' Stat Membru;

(b)

il-privatezza u l-integrità tal-individwu, partikolarment skont il-leġiżlazzjoni tal-Komunità rigward il-protezzjoni tad-data personali.

2.   Skont ir-regoli li jirregolaw il-kunfidenzjalità li jinsabu fl-Artikoli 143(2) u 144(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 u fir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej u fid-dispożizzjonijiet korrispondenti f'instrumenti oħrajn tal-liġi Komunitarja, il-Qorti se tirriffjuta l-aċċess għall-osservazzjonijiet tal-verifika tagħha. Hija tista' wkoll tirriffjuta l-aċċess għal dokumenti użati fil-preparazzjoni ta' dawn l-osservazzjonijiet.

3.   Il-Qorti għandha tirriffjuta l-aċċess għal dokument meta l-għoti ta’ informazzjoni jdgħajjef il-protezzjoni ta':

interessi kummerċjali ta' persuna naturali jew legali, inkluża l-proprjetà intellettwali,

proċeduri fil-qorti u parir legali,

spezzjonijiet, investigazzjonijiet u verifiki.

4.   L-aċċess għal dokument, magħmul mill-Qorti għal użu intern jew riċevut minnha, li jkollu x'jaqsam ma' materja fejn deċiżjoni ma tkunx għadha ttieħdet, għandu jiġi rrifjutat jekk il-kxif tad-dokument jikkomprometti il-proċess tat-teħid tad-deċiżjoni min-naħa tal-Qorti.

L-aċċess għal dokument li jkun fih opinjonijiet għal użu intern bħala parti minn deliberazzjonijiet u konsultazzjonijiet preliminari ġewwa l-Qorti, għandu jiġi rrifjutat anke wara li d-deċiżjoni kkonċernata tkun ittieħdet jekk il-kxif tad-dokument jikkomprometti l-proċess tat-teħid tad-deċiżjoni min-naħa tal-Qorti.

5.   Jekk l-applikazzjoni tkun tikkonċerna dokument miżmum mill-Qorti imma li l-Qorti mhijiex l-awtriċi tiegħu, il-Qorti għandha tikkonferma li rċeviet l-applikazzjoni u tagħti l-isem tal-persuna, istituzzjoni jew korp lil min l-applikazzjoni għandha tiġi indirizzata.

6.   Jekk partijiet biss tad-dokument mitlub ikunu koperti minn kwalunkwe mill-eċċezzjonijiet f'dan l-Artikolu, il-partijiet l-oħrajn għandhom jiġu rilaxxati.

7.   L-eċċezzjonijiet f'dan l-Artikolu għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess pubbliku għall-arkivji storiċi tal-Komunitajiet li jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 354/83 (7).

8.   Minkejja l-eċċezzjonijiet li jinsabu f'dan l-Artikolu, il-Qorti tista' tiddeċiedi li tippermetti l-aċċess għal dokument, totalment jew parzjalment, meta jkun hemm interess pubbliku li jipprevali fil-kxif tiegħu.

Artikolu 5

Applikazzjonijiet

L-applikazzjonjiet għall-aċċess għal dokument għandhom isiru bil-miktub (8), jew f'kopja stampata jew elettronika f'waħda mil-lingwi li hemm referenza għalihom f'Artikolu 314 tat-Trattat tal-KE (9) u għandhom ikunu magħmulin b'mod preċiż biżżejjed sabiex il-Qorti tkun tista' tidentifika d-dokument. L-applikant mhuwiex obbligat li jagħti r-raġunijiet għall-applikazzjoni.

Artikolu 6

Ipproċessar ta' applikazzjonijiet inizjali

1.   Applikazzjonijiet għall-aċċess għal dokumenti għandu jieħu ħsiebhom id-Direttur għas-Sostenn tal-verifika u l-komunikazzjoni. Huwa għandu jibgħat riċevuta lill-applikant, jeżamina l-applikazzjoni u jiddeċiedi x'azzjoni għandha tittieħed.

2.   Skont il-kontenut tal-applikazzjoni, id-Direttur għas-Sostenn tal-Verifika u l-Komunikazzjoni għandu jinforma u, fejn neċessarju, jikkonsulta mal-membru kkonċernat, mas-segretarju ġenerali, mas-servizz legali jew mal-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data qabel ma jiddeċiedi jekk id-dokument mitlub għandux jiġi rrilaxxat.

3.   Applikazzjoni għall-aċċess għal dokument għandha tiġi trattata minnufih. Fi żmien 15-il ġurnata ta' xogħol mir-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni, il-Qorti għandha jew tagħti l-aċċess għad-dokument mitlub u tipprovdi aċċess skont l-Artikolu 9 jew, b'risposta bil-miktub, tagħti r-raġunijiet għar-rifjut totali jew parzjali u tinforma lill-applikant bid-dritt tiegħu jew tagħha li jitlob lill-Qorti sabiex tirrikunsidra l-pożizzjoni tagħha skont l-Artikolu 7.

4.   F'każ ta' applikazzjoni li jkollha x'taqsam ma' dokument li huwa twil ħafna jew ma' numru kbir ħafna ta' dokumenti, il-Qorti tista' tikkonsulta mal-applikant informalment, bl-iskop li tinstab soluzzjoni xierqa. F'każijiet bħal dawn, il-limitu ta' żmien provdut f'paragrafu 3 jista' jiġi estiż bi 15-il ġurnata ta' xogħol, provdut illi l-applikant jiġi notifikat bil-quddiem u li jiġu mogħtija r-raġunijiet.

Artikolu 7

Rikonsiderazzjoni

1.   F'każ ta' rifjut totali jew parzjali, l-applikant jista', fi żmien 15-il ġurnata ta' xogħol minn meta jirċievi r-risposta tal-Qorti, jitlob lill-Qorti sabiex tirrikunsidra l-pożizzjoni tagħha.

2.   In-nuqqas min-naħa tal-Qorti li tagħti risposta fil-limitu taż-żmien preskritt jagħti wkoll id-dritt lill-applikant sabiex jitlob ir-rikonsiderazzjoni.

Artikolu 8

Ipproċessar ta' talbiet għar-rikonsiderazzjoni

1.   Talbiet għal rikonsiderazzjoni għandhom jiġu mressqa lill-President tal-Qorti. Skont il-kontenut ikkonċernat, il-President tal-Qorti għandu jikkonsulta mal-membru kkonċernat jew mas-segretarju ġenerali u, fejn hemm bżonn, jista' jikkonsulta jew mas-servizz legali jew mal-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data qabel ma jiddeċiedi jekk id-dokument mitlub għandux jiġi rrilaxxat.

2.   Talba għar-rikonsiderazzjoni għandha tiġi trattata minnufih. Sa 15-il ġurnata ta' xogħol mir-reġistrazzjoni ta' talba ta' dan it-tip, il-Qorti għandha jew tagħti aċċess għad-dokument mitlub u tipprovdi aċċess skont l-Artikolu 9 jew, b'risposta bil-miktub, tagħti r-raġunijiet għar-rifjut totali jew parzjali. F'każ ta' rifjut totali jew parzjali, il-Qorti għandha tinforma lill-applikant bir-rimedji li huma disponibbli għalih jew għaliha, u li huma li jistitwixxi proċeduri fil-qorti kontra l-Qorti u/jew iressaq ilment quddiem l-Ombudsman, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 230 u 195 tat-Trattat tal-KE, rispettivament.

3.   F'każijiet eċċezzjonali, pereżempju fil-każ ta' applikazzjoni li jkollha x'taqsam ma' dokument twil ħafna jew ma' numru kbir ħafna ta' dokumenti, il-limitu ta' żmien provdut f'paragrafu 2 jista' jiġi estiż b'15-il jum ta' xogħol, provdut illi l-applikant jiġi notifikat bil-quddiem u li jiġu mogħtija r-raġunijiet.

4.   In-nuqqas min-naħa tal-Qorti li tagħti risposta fil-limitu taż-żmien preskritt għandu jiġi kkunsidrat bħala risposta negattiva u jagħti d-dritt lill-applikant sabiex jirrikorri għar-rimedji li hemm referenza għalihom f'paragrafu 2.

Artikolu 9

Aċċess wara applikazzjoni

1.   L-applikant jista' jikkonsulta dokumenti li għalihom il-Qorti tkun tat l-aċċess, jew fil-bini tal-Qorti fil-Lussemburgu jew billi jirċievi kopja, inkluż, fejn din tkun disponibbli, kopja elettronika. Fl-ewwel każ, id-data u l-ħin tal-konsultazzjoni għandhom jiġu miftiehma bejn l-applikant u d-Direttur għas-Sostenn tal-Verifika u l-Komunikazzjoni.

2.   L-ispejjeż biex isiru u jintbagħtu kopji jistgħu jiġu mitluba li jitħallsu mill-applikant. Dan il-ħlas m'għandux jeċċedi l-ispiża reali tal-produzzjoni u tal-posta tal-kopji. Konsultazzjoni fuq il-post, kopji ta' inqas minn 20 paġna A4 u aċċess dirett f'forma elettronika għandhom ikunu bla ħlas.

3.   Jekk dokument ikun pubblikament aċċessibbli, il-Qorti tista' tissodisfa l-obligazzjoni tagħha li tagħti l-aċċess għad-dokument mitlub billi tinforma lill-applikant dwar kif dan jista' jiksbu.

4.   Id-dokumenti għandhom jiġu mogħtija f'verżjoni u f'format eżistenti (inkluż elettronikament jew f'format alternattiv) b'rigward għall-preferenza tal-applikant. Il-Qorti mhix obbligata li toħloq dokument ġdid jew li tiġbor informazzjoni fuq talba tal-applikant.

Artikolu 10

Riproduzzjoni ta' dokumenti

1.   Dokumenti rilaxxati skont din id-Deċiżjoni ma jistgħux jiġu riprodotti jew użati għal fini kummerċjali mingħajr l-awtorizazzjoni minn qabel u bil-miktub tal-Qorti.

2.   Din id-Deċiżjoni ma tippreġudikax kwalunkwe regoli li diġà jeżistu dwar il-copyright li jistgħu jillimitaw id-dritt ta' parti terza li tirripproduċi jew tisfrutta dokumenti rilaxxati.

Artikolu 11

Dispożizzjonijiet finali

1.   Deċiżjoni Nru 18/97 tal-Qorti tal-Awdituri tal-20 ta' Frar 1997 hija mħassra.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

3.   Hija għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tax-xahar li jsegwi l-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-10 ta' Marzu 2005.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Hubert WEBER

President


(1)  Kif emendata bid-deċiżjoni Nru 14/2009 adottata mill-Qorti fil-laqgħa tagħha tal-5 ta’ Frar 2009.

(2)  ĠU L 18, 20.1.2005, p. 1.

(3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 173, 27.6.2001, p. 5.

(5)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(6)  ĠU C 295, 23.9.1998, p. 1.

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 354/83 kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1700/2003 (ĠU L 243, 27.9.2003, p. 1).

(8)  Indirizzati lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, id-direttur għas-Sostenn tal-Verifika u l-komunikazzjoni, 12 rue Alcide De Gasperi, L-1615 Il-Lussemburgu. Fax: (+352) 43 93 42, e-mail: euraud@eca.europa.eu

(9)  Fil-preżent: il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ungeriż, l-Irlandiż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol u l-Iżvediż.


Top