This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32021R0888
Regulation (EU) 2021/888 of the European Parliament and of the Council of 20 May 2021 establishing the European Solidarity Corps Programme and repealing Regulations (EU) 2018/1475 and (EU) No 375/2014 (Text with EEA relevance)
Regolament (UE) 2021/888 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi l-Programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u li jħassar ir-Regolamenti (UE) 2018/1475 u (UE) Nru 375/2014 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Regolament (UE) 2021/888 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi l-Programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u li jħassar ir-Regolamenti (UE) 2018/1475 u (UE) Nru 375/2014 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
PE/30/2021/INIT
ĠU L 202, 08/06/2021, p. 32–54
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 08/06/2021
8.6.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 202/32 |
REGOLAMENT (UE) 2021/888 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-20 ta’ Mejju 2021
li jistabbilixxi l-Programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u li jħassar ir-Regolamenti (UE) 2018/1475 u (UE) Nru 375/2014
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 165(4), 166(4) u 214(5) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),
Billi:
(1) |
L-Unjoni hi mibnija fuq is-solidarjetà, fost iċ-ċittadini tagħha u fost l-Istati Membri. Dak il-valur universali u komuni jiggwida l-azzjonijiet tal-Unjoni u jipprovdi l-għaqda meħtieġa biex tlaħħaq mal-isfidi attwali u dawk tal-ġejjieni għas-soċjetà, li ż-żgħażagħ Ewropej għandhom ir-rieda li jgħinu biex jiġu indirizzati billi jesprimu s-solidarjetà tagħhom fil-prattika. L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jenfasizza s-solidarjetà bħala wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-Unjoni. Il-prinċipju ta’ solidarjetà huwa msemmi wkoll fl-Artikolu 21(1) TUE bħala wieħed mill-pedamenti tal-azzjoni esterna tal-Unjoni. |
(2) |
Minħabba ż-żieda sinifikanti fil-ħtiġijiet umanitarji globali u bil-ħsieb li tissaħħaħ il-promozzjoni tas-solidarjetà u l-viżibbiltà tal-għajnuna umanitarja fost iċ-ċittadini tal-Unjoni, hemm bżonn li tiġi żviluppata s-solidarjetà bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi milquta minn diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem. |
(3) |
L-azzjonijiet ta’ volontarjat ta’ għajnuna umanitarja jenħtieġ li jikkontribwixxu għal rispons umanitarju bbażat fuq il-ħtiġijiet u jkunu ggwidati mill-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja stabbilit fid-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea intitolata “Il-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja” (4). Il-liġi umanitarja internazzjonali u l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jenħtieġ li jiġu promossi. |
(4) |
Fejn xieraq, jenħtieġ li jitqies ir-rwol ċentrali u ġenerali ta’ koordinazzjoni tal-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) fil-promozzjoni ta’ rispons internazzjonali koerenti għall-kriżijiet umanitarji. |
(5) |
L-azzjonijiet ta’ volontarjat ta’ għajnuna umanitarja jenħtieġ li jikkontribwixxu għal rispons umanitarju adegwat li jsaħħaħ il-perspettiva tal-ġeneri fil-politika ta’ għajnuna umanitarja tal-Unjoni u li jippromwovu reazzjoni umanitarja adegwata għall-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa u tal-irġiel ta’ kull età. L-azzjonijiet ta’ volontarjat ta’ għajnuna umanitarja jenħtieġ li jqisu l-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet ta’ persuni li jinsabu fl-aktar sitwazzjonijiet vulnerabbli, fosthom in-nisa u t-tfal, u persuni l-aktar f’riskju. |
(6) |
L-azzjonijiet ta’ volontarjat ta’ għajnuna umanitarja jenħtieġ li jistinkaw biex jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-effikaċja u l-effiċjenza tal-għajnuna umanitarja tal-Unjoni, f’konformità mal-prinċipji ta’ Donazzjoni Umanitarja Tajba. |
(7) |
Id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-14 ta’ Settembru 2016 saħaq fuq il-bżonn li ninvestu fiż-żgħażagħ u ħabbar l-istabbiliment ta’ Korp Ewropew ta’ Solidarjetà bl-għan li jinħolqu opportunitajiet għaż-żgħażagħ madwar l-Unjoni biex dawn jagħtu kontribut sinifikanti lis-soċjetà, juru solidarjetà u jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom, biex ikunu jistgħu jiksbu mhux biss esperjenza ta’ xogħol iżda wkoll esperjenza umana imprezzabbli. |
(8) |
Fil-komunikazzjoni tagħha tas-7 ta’ Diċembru 2016 intitolata “Korp Ewropew ta’ Solidarjetà”, il-Kummissjoni saħqet fuq il-bżonn li jissaħħu l-pedamenti għall-ħidma ta’ solidarjetà madwar l-Ewropa, li ż-żgħażagħ jingħataw aktar opportunitajiet u opportunitajiet aħjar għal attivitajiet ta’ solidarjetà li jkopru firxa wiesgħa ta’ oqsma, u li jingħata appoġġ lill-atturi nazzjonali, reġjonali u lokali fl-isforzi tagħhom biex jindirizzaw sfidi u kriżijiet differenti. Dik il-Komunikazzjoni nediet l-ewwel fażi tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà li fiha ġew immobilizzati riżorsi taħt programmi differenti tal-Unjoni biex joffru opportunitajiet ta’ volontarjat, ta’ traineeships jew ta’ impjiegi liż-żgħażagħ madwar l-Unjoni. |
(9) |
Fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament, “solidarjetà” hija mifhuma bħala sens ta’ responsabbiltà individwali u kollettiva għall-ġid komuni, li jiġi espress permezz ta’ azzjoni konkreta. |
(10) |
Il-kontribut ta’ assistenza lil persuni u komunitajiet barra mill-Unjoni li jeħtieġu għajnuna umanitarja, fuq il-bażi tal-prinċipji fundamentali tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza, huwa espressjoni importanti ta’ solidarjetà. |
(11) |
Hemm bżonn li s-solidarjetà mal-vittmi ta’ kriżijiet u diżastri f’pajjiżi terzi tiġi żviluppata aktar u li jiżdiedu l-għarfien kif ukoll il-viżibbiltà tal-għajnuna umanitarja, u l-volontarjat b’mod ġenerali, bħala attività tul il-ħajja fost iċ-ċittadini tal-Unjoni. |
(12) |
L-Unjoni u l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jimplimentaw l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tagħha, kemm internament kif ukoll permezz ta’ azzjonijiet esterni. |
(13) |
Fil-konklużjonijiet tiegħu tad-19 ta’ Mejju 2017 dwar l-operazzjonalizzazzjoni tar-rabta bejn l-aspett umanitarju u l-iżvilupp, il-Kunsill irrikonoxxa l-ħtieġa li tissaħħaħ ir-reżiljenza permezz ta’ rabta aħjar bejn l-għajnuna umanitarja u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp u li jkomplu jissaħħu r-rabtiet operazzjonali bejn l-approċċi komplementari tal-għajnuna umanitarja, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-prevenzjoni tal-kunflitti. |
(14) |
Iż-żgħażagħ jenħtieġ li jiġu pprovduti b’opportunitajiet faċilment aċċessibbli u inklużivi biex jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ solidarjetà, li jistgħu jippermettulhom jesprimu l-impenn tagħhom li jkunu ta’ benefiċċju għall-komunitajiet filwaqt li jiksbu esperjenza, għarfien, ħiliet u kompetenzi siewja għall-iżvilupp personali, edukattiv, soċjali, ċiviku u professjonali tagħhom, u b’hekk itejbu l-impjegabbiltà tagħhom. Dawk l-attivitajiet jenħtieġ li jappoġġaw ukoll il-mobilità tal-voluntiera żgħażagħ, u l-għarfien interkulturali u d-djalogu interkulturali. |
(15) |
L-attivitajiet ta’ solidarjetà offruti liż-żgħażagħ jenħtieġ li jippermettu kontributi konkreti u ta’ benefiċċju miż-żgħażagħ. L-attivitajiet ta’ solidarjetà jenħtieġ li jwieġbu għall-ħtiġijiet mhux sodisfatti tas-soċjetà u jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-komunitajiet u l-parteċipazzjoni ċivika. L-attivitajiet ta’ solidarjetà jenħtieġ li joffru liż-żgħażagħ l-opportunità li jiksbu għarfien, ħiliet u kompetenzi siewja. L-attivitajiet ta’ solidarjetà jenħtieġ li jkunu finanzjarjament aċċessibbli għaż-żgħażagħ u jitwettqu f’kundizzjonijiet sikuri u tajbin għas-saħħa. |
(16) |
Il-Programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà (il-‘Programm’) jipprovdi punt ta’ dħul uniku għall-attivitajiet ta’ solidarjetà madwar l-Unjoni u lil hinn minnha. Sabiex il-finanzjament tal-Unjoni u l-impatt tal-Programm ikunu kemm jista’ jkun effikaċi, il-Kummissjoni jenħtieġ li tipprova tistabbilixxi sinerġiji fil-programmi rilevanti kollha b’mod koerenti, iżda mingħajr ma dawn is-sinerġiji jwasslu biex il-fondi jintużaw biex jintlaħqu objettivi għajr dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li jkunu żgurati l-konsistenza u l-komplementarjetà ma’ politiki rilevanti oħrajn tal-Unjoni, bħall-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ 2019-2027 (5), u programmi rilevanti oħrajn tal-Unjoni, b’mod partikolari l- l-Programm Erasmus+, stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6). Il-Programm huwa mibni fuq il-kwalitajiet tajbin u fuq is-sinerġiji tal-programmi preċedenti u dawk eżistenti, b’mod partikolari s-Servizz Volontarju Ewropew, stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), u l-inizjattiva tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE, stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 375/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Jenħtieġ li tiġi żgurata wkoll il-komplementarjetà ma’ networks eżistenti fil-livell tal-Unjoni li huma pertinenti għal attivitajiet tal-Programm, bħan-network Eurodesk. Barra minn hekk, jenħtieġ li tiġi żgurata l-komplementarjetà bejn l-iskemi relatati eżistenti, b’mod partikolari skemi ta’ solidarjetà nazzjonali bħall-volontarjat, is-servizz ċiviku u skemi ta’ mobilità għaż-żgħażagħ, u l-Programm, biex l-impatt u l-kwalitajiet ta’ dawn l-iskemi jissaħħu u jiġi arrikkiti reċiprokament u, fejn xieraq, issir ħidma fuq il-bażi ta’ prattiki tajbin. Jenħtieġ li l-Programm ma jiħux post skemi nazzjonali simili. Jenħtieġ li jiġi żgurat l-aċċess indaqs taż-żgħażagħ kollha għall-attivitajiet ta’ solidarjetà nazzjonali. |
(17) |
Sabiex id-durata tiegħu tiġi allinjata ma’ dik tal-qafas finanzjarju pluriennali għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027 (il-“QFP 2021-2027”) stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (9), jenħtieġ li l-Programm jiġi stabbilit għal perijodu ta’ seba’ snin. |
(18) |
Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-atti legali relatati tal-Unjoni, huwa xieraq li kemm l-attivitajiet ta’ volontarjat transfruntiera u l-volontarjat li jkompli jiġi appoġġat skont ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 jitqiesu ekwivalenti għall-volontarjat li jitwettaq taħt is-Servizz Volontarju Ewropew. |
(19) |
Il-Programm hu maħsub li jipprovdi opportunitajiet ġodda liż-żgħażagħ biex iwettqu attivitajiet ta’ volontarjat f’oqsma relatati mas-solidarjetà, kif ukoll biex ifasslu u jiżviluppaw proġetti ta’ solidarjetà fuq il-bażi tal-inizjattiva tagħhom stess. Dawk l-opportunitajiet jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-iżvilupp personali, edukattiv, soċjali, ċiviku u professjonali taż-żgħażagħ. Jenħtieġ li l-Programm jappoġġa wkoll attivitajiet ta’ networking għall-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet parteċipanti u miżuri li jiżguraw il-kwalità tal-attivitajiet appoġġati u li jsaħħu l-validazzjoni tal-eżiti ta’ tagħlim tal-parteċipanti. Il-Programm b’hekk għandu l-għan li jikkontribwixxi wkoll għall-kooperazzjoni Ewropea rilevanti għaż-żgħażagħ u s-sensibilizzazzjoni għall-impatt pożittiv tiegħu. Huwa xieraq li l-attivitajiet ta’ solidarjetà offruti jsegwu proċedura ċara u dettaljata indirizzata lill-parteċipanti u lill-organizzazzjonijiet parteċipanti, li tistabbilixxi l-passi tal-fażijiet kollha tal-attivitajiet ta’ solidarjetà. |
(20) |
L-attivitajiet ta’ solidarjetà jenħtieġ li jippreżentaw valur miżjud Ewropew potenzjali u jenħtieġ li jkunu għall-benefiċċju tal-komunitajiet, u jrawmu l-iżvilupp personali, edukattiv, soċjali, ċiviku u professjonali tal-parteċipanti., Jenħtieġ li l-attivitajiet ta’ solidarjetà jiġu żviluppati b’rabta ma’ oqsma differenti, bħal: l-edukazzjoni u t-taħriġ; il-ħidma fost iż-żgħażagħ; l-impjiegi; l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; l-intraprenditorija u, b’mod partikolari, l-intraprenditorija soċjali; iċ-ċittadinanza u l-parteċipazzjoni demokratika; l-għarfien interkulturali u d-djalogu interkulturali; l-inklużjoni soċjali; l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità; il-protezzjoni tal-ambjent u tan-natura; l-azzjoni klimatika; il-prevenzjoni ta’ diżastri, it-tħejjija għalihom u l-irkupru minnhom; l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali; il-forniment ta’ oġġetti tal-ikel u mhux tal-ikel; is-saħħa u l-benessri; il-kultura, inkluż il-wirt kulturali; il-kreattività; l-edukazzjoni fiżika u l-isport; l-assistenza soċjali u s-servizzi soċjali’ l-akkoljenza u l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, filwaqt li jitqiesu l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom persuni li ġejjin minn ambjent ta’ migrazzjoni; il-kooperazzjoni u l-koeżjoni territorjali; u l-kooperazzjoni minn naħa għal oħra tal-fruntieri. L-attivitajiet ta’ solidarjetà jenħtieġ li jinkludu dimensjoni soda ta’ tagħlim u ta’ taħriġ permezz ta’ attivitajiet rilevanti li jiġu offruti lill-parteċipanti qabel, matul u wara l-attività ta’ solidarjetà. |
(21) |
Il-volontarjat, kemm fi ħdan l-Unjoni kif ukoll lil hinn minnha, jikkostitwixxi esperjenza rikka f’kuntest ta’ tagħlim mhux formali u informali u jssaħħaħ l-iżvilupp personali, soċjoedukattiv u professjonali, iċ-ċittadinanza attiva, il-parteċipazzjoni ċivika u l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ. Il- volontarjat jenħtieġ li ma jkollux effett negattiv fuq impjieg bi ħlas potenzjali jew eżistenti u jenħtieġ li ma jitqiesx bħala sostitut għal dan. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkooperaw fir-rigward tal-politiki ta’ volontarjat fil-qasam taż-żgħażagħ permezz tal-metodu miftuħ ta’ kooperazzjoni. |
(22) |
L-ispirtu ta’ inizjattiva taż-żgħażagħ hu assi importanti għas-soċjetà u għas-suq tax-xogħol. Il-Programm jikkontribwixxi għat-trawwim ta’ dak l-ispirtu ta’ inizjattiva billi joffri l-opportunità liż-żgħażagħ li jfasslu u jimplimentaw il-proġetti ta’ solidarjetà tagħhom stess bil-għan li jindirizzaw sfidi speċifiċi għall-benefiċċju tal-komunitajiet lokali tagħhom. Il-proġetti ta’ solidarjetà huma opportunità biex jiġu ppruvati ideat li jikkonċernaw, u soluzzjonijiet innovattivi għal, sfidi komuni permezz ta’ approċċ minn isfel għal fuq u dawn jappoġġjaw liż-żgħażagħ biex ikunu huma stess xprun ta’ attivitajiet ta’ solidarjetà. Il-proġetti ta’ solidarjetà jservu wkoll bħala punt tat-tluq għal aktar involviment f’attivitajiet ta’ solidarjetà u huma l-ewwel pass biex il-parteċipanti jitħeġġu sabiex jinvolvu rwieħhom f’impjieg indipendenti u jkomplu jkunu ċittadini attivi bħala voluntiera, trainees jew impjegati f’assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet nongovernattivi jew korpi oħra attivi fis-settur tas-solidarjetà, ta’ organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u dak taż-żgħażagħ. |
(23) |
Il-parteċipanti fil-voluntarjt (“voluntiera”) jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-Unjoni li tipprovdi għajnuna umanitarja etika u bbażata fuq il-ħtiġijiet u jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tal-effikaċja tas-settur umanitarju dment li jkunu adegwatament magħżula, mħarrġa u mħejjija għall-mobilizzazzjoni sabiex jiġi żgurat li jkollhom il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa biex jgħinu lin-nies fil-bżonn bl-aktar mod effikaċi possibbli u dment li jkunu jistgħu jistrieħu fuq appoġġ u superviżjoni suffiċjenti fuq il-post. Għalhekk, ħarrieġa, mentors u esperti b’livell għoli ta’ ħiliet, taħriġ u esperjenza jaqdu rwol importanti billi dawn jikkontribwixxu għall-effikaċja tar-rispons umanitarju fuq il-post kif ukoll għall-appoġġ mogħti lill-voluntiera bħala parti mill-volontarjat. Tali ħarrieġa, mentors u esperti jistgħu jkunu involuti fil-volontarjat sabiex jiggwidaw u jakkumpanjaw lill-voluntiera u jgħinu biex jiġu appoġġati l-komponenti tal-iżvilupp u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal- volontarjat, biex b’hekk jissaħħu n-networks u l-komunitajiet lokali. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-kapaċità tal-organizzazzjonijiet ospitanti fil-pajjiżi terzi u l-ħtieġa li l-voluntarjat jiġi integrat fil-kuntest lokali u li tiġi ffaċilitata l-interazzjoni tal-voluntiera mal-atturi umanitarji lokali, il-komunità ospitanti u s-soċjetà ċivili. |
(24) |
Huwa importanti li l-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet parteċipanti jħossu li jappartjenu għal komunità ta’ individwi u ta’ entitajiet b’impenn li jsaħħu s-solidarjetà madwar l-Ewropa. Fl-istess ħin, l-organizzazzjonijiet parteċipanti jeħtieġu appoġġ biex isaħħu l-kapaċità tagħhom li joffru attivitajiet ta’ solidarjetà ta’ kwalità tajba lil numru dejjem jikber ta’ parteċipanti. Il-Programm jenħtieġ li jappoġġa l-attivitajiet ta’ networking li għandhom l-għan li jissaħħu l-involviment tal-parteċipanti u tal-organizzazzjonijiet parteċipanti f’tali komunità, li jitrawwem spirtu tal-Programm u li jitħeġġeġ l-iskambju ta’ prattiki u ta’ esperjenza siewja. L-attivitajiet ta’ networking jenħtieġ li jikkontribwixxu wkoll għas-sensibilizzazzjoni dwar il-Programm fost l-atturi pubbliċi u privati u għall-iffaċilitar tal-ġbir ta’ feedback mingħand il-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet parteċipanti dwar l-implimentazzjoni tal-Programm. |
(25) |
Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari biex jiġu żgurati l-kwalità tal-attivitajiet ta’ solidarjetà u l-opportunitajiet offruti taħt il-Programm, b’mod partikolari billi jiġu offruti taħriġ, appoġġ lingwistiku u appoġġ amministrattiv online jew offline lill-parteċipanti qabel, matul u wara l-attività ta’ solidarjetà inkwistjoni, kif ukoll assigurazzjoni, inkluż kopertura għal inċidenti, mard u responsabbiltà ta’ partijiet terzi. Jenħtieġ li tiġi żgurata l-validazzjoni tal-għarfien, tal-ħiliet u tal-kompetenzi miksuba mill-parteċipanti permezz tal-esperjenza tagħhom mill-Programm. Is-sigurtà u s-sikurezza tal-parteċipanti, tal-organizzazzjonijiet parteċipanti u tal-benefiċjarji fil-mira jibqgħu ta’ importanza kruċjali. Tali sigurtà u sikurezza jenħtieġ li tinkludi rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni xierqa għall-parteċipanti li jaħdmu ma’ gruppi vulnerabbli skont il-liġi nazzjonali applikabbli. L-attivitajiet kollha ta’ solidarjetà jenħtieġ li jikkonformaw mal-prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara” u jenħtieġ li jiġu implimentati b’kunsiderazzjoni mistħoqqa għall-impatt ta’ ċirkostanzi mhux previsti bħal kriżijiet ambjentali, kunflitti jew pandemiji. Jenħtieġ li l-voluntiera ma jintbagħtux jaħdmu f’operazzjonijiet li jitwettqu f’żoni ta’ kunflitti armati internazzjonali u mhux internazzjonali jew f’faċilitajiet li jmorru kontra l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem. |
(26) |
Il-Programm jenħtieġ li jirrispetta l-prinċipji stabbiliti fil-Linji Gwida tal-UE tal-2017 għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal u fl-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. |
(27) |
Biex jiġi żgurat l-impatt tal-attivitajiet tal-Programm fuq l-iżvilupp personali, edukattiv, soċjali, kulturali, ċiviku u professjonali tal-parteċipanti, jenħtieġ li l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi li jiffurmaw l-eżiti ta’ tagħlim tal-attività inkwistjoni jiġu identifikati u dokumentati sew. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jitħeġġeġ l-użu ta’ strumenti effettivi fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali għar-rikonoxximent ta’ tagħlim mhux formali u informali, bħall-Youthpass u l-Europass, kif xieraq, skont iċ-ċirkostanzi u l-ispeċifiċitajiet nazzjonali, kif rakkomandat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 (10). |
(28) |
Il-Kummissjoni u l-aġenziji nazzjonali jenħtieġ ukoll li jinkoraġġixxu lill-parteċipanti preċedenti biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom permezz ta’ networks taż-żgħażagħ, stabbilimenti edukattivi u sessjonijiet ta’ ħidma fi rwoli bħal ambaxxaturi jew bħala membri ta’ network.. Parteċipanti preċedenti jistgħu wkoll jagħtu kontribut għat-taħriġ tal-parteċipanti. |
(29) |
Tikketta tal-kwalità jenħtieġ li tiżgura li l-organizzazzjonijiet parteċipanti jikkonformaw mal-prinċipji u mar-rekwiżiti tal-Programm fir-rigward tad-drittijiet u tar-responsabbiltajiet tagħhom matul l-istadji kollha tal-esperjenza ta’ solidarjetà. |
(30) |
Kwalunkwe entità li tixtieq tieħu sehem fil-Programm jenħtieġ li tirċievi tikketta tal-kwalità dment li tikkonforma mal-kondizzjonijiet xierqa. Il-korpi ta’ implimentazzjoni tal-Programm jenħtieġ li jmexxu l-proċess li jwassal għall-attribuzzjoni ta’ tikketta tal-kwalità fuq bażi kontinwa. Il-korpi ta’ implimentazzjoni tal-Programm jenħtieġ li jirrivalutaw perjodikament jekk l-entitajiet jibqgħux jikkonformaw mal-kondizzjonijiet li wasslu għall-attribuzzjoni tat-tikketti tal-kwalità. It-tikketta tal-kwalità jenħtieġ li tiġi revokata fejn jinstab, fil-kuntest tal-verifiki mwettqa mill-korpi ta’ implimentazzjoni tal-Programm, li l-entità inkwistjoni ma għadhiex tikkonforma ma’ dawk il-kondizzjonijiet. Jenħtieġ li l-proċess amministrattiv għall-attribuzzjoni ta’ tikketta tal-kwalità jiqsar kemm jista’ jkun biex ma jaqtax qalb organizzazzjonijiet iżgħar. |
(31) |
Kwalunkwe entità li tixtieq tapplika għal finanzjament biex toffri attivitajiet ta’ solidarjetà mill-Programm jenħtieġ li l-ewwel tirċievi tikketta tal-kwalità. Jenħtieġ li tali prekondizzjoni ma tapplikax għal persuni fiżiċi li jitolbu appoġġ finanzjarju f’isem grupp informali ta’ parteċipanti għall-proġetti ta’ solidarjetà tagħhom. Il-kisba ta’ tikketta tal-kwalità, madankollu, jenħtieġ li ma twassalx b’mod awtomatiku għal finanzjament mill-Programm. |
(32) |
Bħala regola ġenerali, jenħtieġ li l-applikazzjonijiet għal għotjiet jintbagħtu lill-aġenzija nazzjonali tal-pajjiż fejn tkun ibbażata l-organizzazzjoni parteċipanti. L-applikazzjonijiet għal għotjiet għal attivitajiet b’dimensjoni tal-Unjoni kollha jew b’dimensjoni internazzjonali, fosthom attivitajiet ta’ solidarjetà ta’ tims ta’ volontarjat f’oqsma ta’ prijorità identifikati fil-livell tal-Unjoni u attivitajiet ta’ solidarjetà b’appoġġ għal operazzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja f’pajjiżi terzi, jistgħu jiġu mmaniġġati ċentralment jekk ikun xieraq. |
(33) |
L-organizzazzjonijiet parteċipanti jistgħu jwettqu bosta funzjonijiet fil-qafas tal-Programm. F’kapaċità ta’ ospitant, jenħtieġ li l-organizzazzjonijiet parteċipanti jwettqu attivitajiet marbuta mal-akkoljenza tal-parteċipanti, inkluż l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet u l-għoti ta’ gwida u appoġġ lill-parteċipanti waqt l-attività ta’ solidarjetà, kif xieraq. F’kapaċità ta’ appoġġ, jenħtieġ li huma jwettqu attivitajiet marbuta mal-mobilizzazzjoni tal-parteċipanti, kif ukoll mat-tħejjija tal-parteċipanti qabel, u mal-gwida tagħhom matul u wara l-attività ta’ solidarjetà, inkluż it-taħriġ tal-parteċipanti u l-gwida tagħhom lejn organizzazzjonijiet lokali wara l-attività ta’ solidarjetà sabiex jiżdiedu l-opportunitajiet għal esperjenzi oħra ta’ solidarjetà. It-tikketta tal-kwalità jenħtieġ li tirrifletti l-fatt li rekwiżiti speċifiċi jvarjaw skont it-tip ta’ attività ta’ solidarjetà pprovduta, u tiċċertifika li l-organizzazzjoni tkun kapaċi tiżgura l-kwalità tal-attivitajiet ta’ solidarjetà matul l-istadji kollha tal-esperjenza ta’ solidarjetà, f’konformità mal-prinċipji u l-objettivi tal-Programm. Kwalunkwe entità li sostanzjalment tbiddel l-attivitajiet tagħha jenħtieġ li tinforma lill-korp ta’ implimentazzjoni kompetenti tal-Programm, li jista’ jirrivaluta jekk dik l-entità għandhiex tikkonforma mal-kondizzjonijiet li wasslu għall-attribuzzjoni tat-tikketta kwalità. |
(34) |
Sabiex l-attivitajiet ta’ solidarjetà fost iż-żgħażagħ jingħataw appoġġ, jenħtieġ li l-organizzazzjonijiet parteċipanti jkunu entitajiet pubbliċi jew privati jew organizzazzjonijiet internazzjonali, sew bi skop ta’ qligħ u sew mingħajr, u jistgħu jinkludu organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, istituzzjonijiet reliġjużi, assoċjazzjonijiet tal-karità, organizzazzjonijiet umanistiċi sekulari, organizzazzjonijiet mhux governattivi jew atturi oħra mis-soċjetà ċivili. |
(35) |
Jenħtieġ li jiġi ffaċilitat it-tkabbir tal-proġetti tal-Programm. Jenħtieġ li jidħlu fis-seħħ miżuri speċifiċi li jgħinu lill-promoturi tal-Programm biex japplikaw għal għotjiet jew jiżviluppaw sinerġiji permezz ta’ appoġġ għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u l-programmi tal-Unjoni marbuta mal-migrazzjoni, is-sigurtà, il-ġustizzja u ċ-ċittadinanza, is-saħħa u l-kultura. |
(36) |
Iċ-Ċentri tar-Riżorsi tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jenħtieġ li jassistu lill-korpi ta’ implimentazzjoni tal-Programm, lill-organizzazzjonijiet parteċipanti u lill-parteċipanti sabiex titjieb il-kwalità tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-Programm u biex tissaħħaħ l-identifikazzjoni u l-validazzjoni tal-kompetenzi miksuba permezz ta’ dawk l-attivitajiet, inkluż permezz tal- Youthpass. |
(37) |
Il-Portal tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jenħtieġ li jibqa’ jiġi żviluppat b’mod kontinwu biex jiġi żgurat aċċess faċli għall-Programm f’konformità mal-istandards stabbiliti mid-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) u jiġi pprovdut punt ta’ kuntatt waħdieni kemm għall-individwi kif ukoll għall-organizzazzjonijiet interessati fir-rigward, fost oħrajn, tar-reġistrazzjoni, l-identifikazzjoni u t-tlaqqigħ tal-profili u tal-opportunitajiet, in-networking u l-iskambji virtwali, it-taħriġ online, l-appoġġ lingwistiku u ta’ wara l-attività u funzjonijiet utli oħra, li jistgħu jirriżultaw fil-ġejjieni. |
(38) |
Jenħtieġ li l-Portal tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jkompli jiġi żviluppat filwaqt li jitqies il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà, stabbilit fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Marzu 2017 intitolat “Il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà – Strateġija ta’ Implimentazzjoni”., li jipprovdi gwida speċifika dwar kif jitwaqqfu s-servizzi pubbliċi diġitali interoperabbli u li huwa implimentat fl-Istati Membri u membri oħra taż-Żona Ekonomika Ewropea permezz tal-oqfsa nazzjonali għall-interoperabbiltà. Il-qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà joffri lill-amministrazzjonijiet pubbliċi b’47 rakkomandazzjoni konkreta dwar kif itejbu l-governanza tal-attivitajiet ta’ interoperabbiltà tagħhom, jistabbilixxu r-relazzjonijiet fost l-organizzazzjonijiet, jissimplifikaw il-proċessi li jappoġġaw is-servizzi diġitali minn tarf sa tarf u jiżguraw li la l-atti legali eżistenti u lanqas dawk ġodda ma jikkompromettu l-isforzi ta’ interoperabbiltà. |
(39) |
Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) (ir-“Regolament Finanzjarju”) japplika għall-Programm. Ir-Regolament Finanzjarju jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, inklużi r-regoli dwar għotjiet, premjijiet, akkwist, ġestjoni indiretta, strumenti finanzjarji, garanziji baġitarji, assistenza finanzjarja u r-rimborż ta’ esperti esterni. |
(40) |
F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (14), (Euratom, KE) Nru 2185/96 (15) u (UE) 2017/1939 (16), l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jridu jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati, inkluż miżuri relatati mal-prevenzjoni, is-sejbien, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, inkluż frodi, mal-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod mhux korrett, u, fejn xieraq, mal-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi. B’mod partikolari, f’konformità mar-Regolamenti (Euratom, KE) Nru 2185/96, u (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għandu s-setgħa li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) għandu s-setgħa, skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, li li jinvestiga u jressaq għall-prosekuzzjoni reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17). F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi mill-Unjoni trid tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti tal-Awdituri u, fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, l-UPPE, u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti. |
(41) |
Il-Programm huwa mmirat għal żgħażagħ ta’ età bejn it-18 u t-30 sena. Sabiex jipparteċipaw fl-attivitajiet offruti mill-Programm, jenħtieġ li tali żgħażagħ ikunu meħtieġa li l-ewwel jirreġistraw fil-Portal tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. |
(42) |
Fid-dawl tal-isfidi speċifiċi tal-azzjoni umanitarja, il-parteċipanti li jkunu voluntiera b’appoġġ għal operazzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja jenħtieġ li jkollhom mill-inqas 18-il sena u ma jkollhomx aktar minn 35 sena. |
(43) |
Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari biex jiġi żgurat li l-attivitajiet ta’ solidarjetà jkunu aċċessibbli għaż-żgħażagħ kollha, u b’mod partikolari ż-żgħażagħ b’anqas opportunitajiet. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti miżuri speċjali biex jippromwovu l-inklużjoni soċjali u, b’mod partikolari, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ żvantaġġati, inkluż l-provvediment ta’ akkomodazzjoni raġonevoli li tippermetti l-parteċipazzjoni effettiva ta’ persuni b’diżabilità fuq bażi ugwali ma’ oħrajn f’konformità mal-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u mad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE (18). Tali miżuri speċjali jenħtieġ li jqisu r-restrizzjonijiet imposti mill-pożizzjoni remota ta’ għadd ta’ żoni rurali, tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej, u mill-faqar ta’ xi żoni periurbani. Bl-istess mod, l-Istati Membri, il-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej u l-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm jenħtieġ li jistinkaw biex jadottaw il-miżuri xierqa kollha biex ineħħu l-ostakli legali u amministrattivi għall-funzjonament xieraq tal-Programm. Jenħtieġ li l-miżuri jsolvu, fejn possibbli, u mingħajr preġudizzju għall-acquis ta’ Schengen u għal-liġi tal-Unjoni dwar id-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, kwistjonijiet amministrattivi li joħolqu diffikultajiet fil-kisba ta’ viżi u ta’ permessi ta’ residenza u, fil-każ ta’ attivitajiet transkonfinali fi ħdan l-Unjoni, il-kisba ta’ Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa. |
(44) |
Billi jirrifletti l-importanza li jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima f’konformità mal-impenji tal-Unjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Pariġi adottat taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima u biex jikseb l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, il-Programm huwa intiż li jikkontribwixxi għall-integrazzjoni tal-azzjonijiet klimatiċi u għall-kisba tal-mira kumplessiva ta’ 30 % tal-infiq tal-baġit tal-Unjoni li jappoġġa l-għanijiet klimatiċi. F’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew bħala pjan ta’ azzjoni għal tkabbir sostenibbli, l-azzjonijiet taħt dan ir-Regolament jenħtieġ li jirrispettaw il-prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara” mingħajr ma jbiddlu n-natura fundamentali tal-Programm. Matul l-implimentazzjoni tal-Programm, jenħtieġ li jiġu identifikati u stabbiliti azzjonijiet rilevanti u li dawn jiġu rivalutati fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet rilevanti u l-proċess ta’ rieżami. Huwa xieraq ukoll li jitkejlu l-azzjonijiet rilevanti li jikkontribwixxu għall-għanijiet klimatiċi, inkluż dawk maħsuba biex inaqqsu l-impatt ambjentali tal-Programm. |
(45) |
Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-Programm li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta’ referenza primarja, fi ħdan it-tifsira tal-Punt 18 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar ir-riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (19) għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali. |
(46) |
It-tipi ta’ finanzjament u l-metodi ta’ implimentazzjoni skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jintgħażlu abbażi tad-disponibbiltà tagħhom biex jinkisbu l-għanijiet speċifiċi tal-azzjonijiet u biex jinkisbu r-riżultati, filwaqt li jitqiesu, b’mod partikolari, il-kostijiet tal-kontrolli, il-piż amministrattiv, u r-riskju mistenni tan-nuqqas ta’ konformità. Meta tkun qed issir dik l-għażla marbuta mal-għotjiet, jenħtieġ li jiġu kkunsidrati somom f’daqqa, rati fissi u skali tal-kostijiet unitarji. |
(47) |
Il-pajjiżi terzi li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea jistgħu jieħdu sehem fil-programmi tal-Unjoni fil-qafas tal-kooperazzjoni stabbilit skont il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (20), li jipprevedi l-implimentazzjoni ta’ dawk il-programmi abbażi ta’ deċiżjoni adottata skont dak il-Ftehim. Pajjiżi terzi jistgħu wkoll jieħdu sehem abbażi ta’ strumenti ġuridiċi oħrajn. F’dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi introdotta dispożizzjoni speċifika li tirrikjedi li pajjiżi terzi jagħtu d-drittijiet u l-aċċess neċessarji meħtieġa biex l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli, l-OLAF u l-Qorti tal-Awdituri jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b’mod komprensiv. Il-parteċipazzjoni sħiħa tal-pajjiżi terzi fil-Programm jenħtieġ li tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehimiet speċifiċi li jkopru l-parteċipazzjoni tal-pajjiż terz ikkonċernat fil-Programm. Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni sħiħa tinvolvi l-obbligu li tiġi stabbilita aġenzija nazzjonali u li jiġu ġestiti wħud mill-azzjonijiet tal-Programm taħt ġestjoni indiretta. Entitajiet legali minn pajjiżi terzi li mhumiex assoċjati mal-Programm jenħtieġ li jkunu jistgħu jipparteċipaw f’uħud mill-azzjonijiet tal-Programm, kif definit fil-programmi ta’ ħidma u fis-sejħiet għal proposti ppubblikati mill-Kummissjoni. Meta jiġi implimentat il-Programm, jistgħu jiġu kkunsidrati arranġamenti speċifiċi fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ entitajiet legali minn -Andorra, Liechtenstein, Monaco, San Marino, u s-Santa Sede. |
(48) |
Sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-Programm, jenħtieġ li jsiru dispożizzjonijiet biex l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm u ma’ programmi oħra tal-Unjoni jitħallew jagħmlu finanzjament addizzjonali disponibbli f’konformità mar-regoli tal-Programm. |
(49) |
Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE (21), il-persuni u l-entitajiet stabbiliti f’pajjiżi u territorji extra-Ewropej huma eliġibbli għal finanzjament soġġett għar-regoli u l-għanijiet tal-Programm u l-arranġamenti possibbli applikabbli għall-Istat Membru li miegħu l-pajjiż jew it-territorju extra-Ewropew huwa marbut. |
(50) |
Fid-dawl tal-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u f’konformità mal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Ottubru 2017 intitolata “Sħubija strateġika aktar b’saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE”, il-Programm jenħtieġ li jqis is-sitwazzjoni speċifika tar-reġjuni ultraperiferiċi msemmija f’dak l-Artikolu. Jenħtieġ li jittieħdu miżuri biex tiżdied il-parteċipazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fl-azzjonijiet kollha, inkluż permezz ta’ appoġġ finanzjarju, fejn rilevanti, għal azzjonijiet ta’ mobbiltà. Jenħtieġ li jitrawmu l-iskambji tal-mobbiltà u l-kooperazzjoni bejn il-persuni u l-organizzazzjonijiet minn dawk ir-reġjuni u pajjiżi terzi, b’mod partikolari l-ġirien tagħhom. Tali miżuri jenħtieġ li jiġu mmonitorjati u evalwati regolarment. |
(51) |
F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta programmi ta’ ħidma u tinforma dwarhom lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Jenħtieġ li l-programmi ta’ ħidma jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom f’konformità mal-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Programm, mal-kriterji tal-għażla u tal-għoti għall-għotjiet, kif ukoll mal-elementi l-oħra kollha meħtieġa. Jenħtieġ li l-programmi ta’ ħidma u kwalunkwe emenda tagħhom jiġu adottati permezz ta’atti ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-proċedura ta’ eżami. |
(52) |
F’konformità mal-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (22), jenħtieġ li l-Programm jiġi evalwat abbażi tal-informazzjoni miġbura f’konformità mar-rekwiżiti ta’ monitoraġġ speċifiċi, filwaqt li jiġi evitat piż amministrattiv, b’mod partikolari fuq l-Istati Membri, u regolamentazzjoni żejda. Jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti, fejn xieraq, jinkludu indikaturi miżurabbli bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-Programm fuq il-post, fosthom l-effetti fuq l-isfidi tas-soċjetà u umanitarji. |
(53) |
Jenħtieġ li jiġu żgurati sensibilizzazzjoni, pubbliċità u disseminazzjoni xierqa tal-opportunitajiet u tar-riżultati tal-azzjonijiet appoġġati mill-Programm fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-intrapriżi soċjali, billi jitħeġġu biex jappoġġaw l-attivitajiet tal-Programm. L-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, ta’ pubbliċità u ta’ disseminazzjoni jenħtieġ li jibbażaw fuq il-korpi ta’ implimentazzjoni kollha tal-Programm u jenħtieġ li, fejn rilevanti, ikollhom l-appoġġ ta’ partijiet ikkonċernati ewlenin oħra. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinvolvi ruħha ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, inkluż l-organizzazzjonijiet parteċipanti, fuq bażi regolari tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-Programm, sabiex tiffaċilita l-kondiviżjoni ta’ prattiki tajbin u tar-riżultati tal-proġetti u tiġbor feedback dwar il-Programm. Jenħtieġ li l-aġenziji nazzjonali jiġu mistiedna jipparteċipaw f’ dak ilproċess. |
(54) |
Sabiex jintlaħqu aħjar l-għanijiet tal-Programm, jenħtieġ li, preferibbilment, il-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali u l-aġenziji nazzjonali jaħdmu flimkien u, fejn xieraq, fi sħubija ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi, intrapriżi soċjali, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw persuni b’ diżabilità, u partijiet ikkonċernati lokali li għandhom għarfien espert dwar l-azzjonijiet ta’ solidarjetà. |
(55) |
Sabiex tiġi żgurata effiċjenza akbar fil-komunikazzjoni lill-pubbliku ġenerali u sinerġiji aktar b’saħħithom bejn l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni mwettqa b’inizjattiva tal-Kummissjoni, ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-komunikazzjoni skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jikkontribwixxu wkoll biex ikopru l-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet ta’ politika tal-Unjoni, safejn dawk il-prijoritajiet ikunu relatati mal-għan ġenerali tal-Programm. |
(56) |
Sabiex jiġi żgurat li dan ir-Regolament jiġi impliment b’mod effiċjenti u effettiv, jenħtieġ li l-Programm jagħmel użu massimu mill-arranġamenti ta’ ġestjoni li diġà huma fis-seħħ. Għaldaqstant, l-implimentazzjoni ġenerali tal-Programm jenħtieġ li tiġi fdata f’idejn l-istrutturi eżistenti, jiġifieri l-Kummissjoni u l-aġenziji nazzjonali maħtura biex jimmaniġġjaw l-azzjonijiet imsemmija fil-kapitolu III tar-Regolament (UE) 2021/817. Azzjonijiet taħt il-fergħa “parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-għajnuna umanitarja relatata mal-attivitajiet ta’ solidarjetà”, mandankollu, jenħtieġ li jiġu primarjament immaniġġjati direttament. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkonsulta regolarment mal-partijiet ikkonċernati ewlenin, inkluż l-organizzazzjonijiet parteċipanti, dwar l-implimentazzjoni tal-Programm. |
(57) |
Sabiex jiġu żgurati l-ġestjoni finanzjarja tajba u ċ-ċertezza legali fl-Istati Membri u l-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm, jenħtieġ li kull awtorità nazzjonali taħtar korp indipendenti tal-awditjar. Meta dan ikun fattibbli, u sabiex tiġi mmassimizzata l-effiċjenza, il-korpi indipendenti tal-awditjar jenħtieġ li jkunu l-istess bħal dawk maħtura għall-azzjonijiet imsemmija fil-kapitolu dwar iż-żgħażagħ tar-Regolament (UE) 2021/817. |
(58) |
Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex jadottaw il-miżuri xierqa kollha biex ineħħu l-ostakli legali u amministrattivi għall-funzjonament xieraq tal-Programm. Dak jinkludi r-riżoluzzjoni, fejn possibbli u mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni dwar il-kwistjonijiet tad-dħul u tar-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li joħolqu diffikultajiet fil-kisba ta’ viżi u permessi ta’ residenza. |
(59) |
Is-sistema ta’ rapportar dwar il-prestazzjoni jenħtieġ li tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u tal-evalwazzjoni tal-Programm tinġabar b’mod effiċjenti, effettiv, u fil-ħin, u fil-livell xieraq ta’ dettall. Jenħtieġ li din id-data tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni b’tali mod li tikkonforma mar-regoli rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data. |
(60) |
Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23). |
(61) |
Sabiex jiġu ssimplifikati r-rekwiżiti għall-benefiċjarji, jenħtieġ li jintużaw kemm jista’ jkun għotjiet simplifikati fl-għamla ta’ somom f’daqqa, finanzjament b’rata fissa u kostijiet unitarji. L-għotjiet simplifikati biex jiġu appoġġati l-azzjonijiet ta’ mobbiltà tal-Programm, kif definit mill-Kummissjoni, jenħtieġ li jqisu l-għoli tal-ħajja u l-ispejjeż tal-għajxien u tas-sussistenza tal-pajjiż ospitanti. F’konformità mal-liġi nazzjonali, jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu mħeġġa wkoll biex jeżentaw lil dawk l-għotjiet minn kwalunkwe taxxa u imposti soċjali; għotjiet li jingħataw lil individwi minn entitajiet legali pubbliċi jew privati jenħtieġ li jiġu ttrattati bl-istess mod. |
(62) |
Sabiex tiġi żgurata valutazzjoni effettiva tal-progress tal-Programm lejn il-ksib tal-objettivi tiegħu, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE biex temenda l-Anness fir-rigward tal-indikaturi ta’ prestazzjoni tal-Programm. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati. |
(63) |
Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-‘Karta’), B’mod partikolari, dan ir-Regolament ifittex li jiżgura rispett sħiħ tad-dritt għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u d-dritt ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tas-sess, oriġini razzjali jew etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali, sfond soċjoekonomiku, u li jippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 21 u 23 tal-Karta. |
(64) |
Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 322 TFUE japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawk ir-regoli huma stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju u b’mod partikolari, jiddeterminaw il-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz ta’ għotjiet, akkwisti pubbliċi, premjijiet u implimentazzjoni indiretta, u jipprevedu għall-verifiki dwar ir-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 TFUE jinkludu wkoll reġim ġenerali ta’ kundizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni. |
(65) |
Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet f’attivitajiet ta’ solidarjetà aċċessibbli u ta’ kwalità għolja, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan. |
(66) |
F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, huwa possibbli li tingħata għotja għal azzjoni li tkun diġà bdiet, dment li l-applikant ikun jista’ juri l-ħtieġa li jibda l-azzjoni qabel il-firma tal-ftehim ta’ għotja. Madankollu, l-ispejjeż imġarrba qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal għotja mhumiex eliġibbli għal finanzjament tal-Unjoni, ħlief f’każijiet eċċezzjonali debitament ġustifikati. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil fl-appoġġ tal-Unjoni li jista’ jkun ta’ preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni, jenħtieġ li jkun possibbli li fid-deċiżjoni ta’ finanzjament, għal perijodu limitat ta’ żmien fil-bidu tal-QFP 2021-2027, u f’każijiet debitament ġustifikati biss, tkun prevista l-eliġibbiltà tal-attivitajiet u l-ispejjeż mill-1 ta’ Jannar 2021, anki jekk dawk l-attivitajiet ġew implimentati u dawk l-ispejjeż imġarrba qabel ma ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal għotja. |
(67) |
L-azzjonijiet jew l-inizjattivi li mhumiex appoġġati taħt dan ir-Regolament ma jistgħux jiġu inklużi fil-programmi ta’ ħidma. |
(68) |
Sabiex jiġi ottimizzat il-valur miżjud mill-investimenti ffinanzjati kompletament jew parzjalment permezz tal-baġit tal-Unjoni, jenħtieġ li jitfittxew sinerġiji b’mod partikolari bejn il-Programm u programmi oħra tal-Unjoni, inkluż Fondi implimentati taħt ġestjoni kondiviża. Sabiex jiġu massimizzati dawk is-sinerġiji, jenħtieġ li jiġu żgurati mekkaniżmi abilitanti ewlenin, inkluż finanzjament kumulattiv f’azzjoni mill-Programm u programm ieħor tal-Unjoni, sakemm tali finanzjament kumulattiv ma jaqbiżx l-ispejjeż eliġibbli totali tal-azzjoni. Għal dak il-għan, dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi regoli xierqa, b’mod partikolari dwar il-possibbiltà li tiġi ddikjarata l-istess spiża jew nefqa fuq bażi prorata lill-Programm u lil programm ieħor tal-Unjoni. |
(69) |
Ir-Regolament (UE) 2018/1475 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24) jenħtieġ li jitħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021. |
(70) |
Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fl-għoti ta’ appoġġ fil-qasam ta’ politika rilevanti u biex tkun tista’ ssir l-implimentazzjoni tal-Programm mill-bidu tal-QFP 2021-2027, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza u jenħtieġ li japplika, b’effett retroattiv, mill-1 ta’ Jannar 2021, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 1
Suġġett
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà (il-“Programm”) għall-perijodu tal-QFP 2021-2027.
2. Il-Programm jistabbilixxi żewġ fergħat ta’ azzjoni li ġejjin:
(a) |
il-fergħa “parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f’attivitajiet ta’ solidarjetà”; u |
(b) |
il-fergħa “parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f’attivitajiet ta’ solidarjetà relatati mal-għajnuna umanitarja” (il-“Korp Volontarju Ewropew ta’ Għajnuna Umanitarja”). |
3. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-għanijiet tal-Programm, il-baġit għall-perijodu mill-2021 sal-2027, il-forom ta’ finanzjament tal-Unjoni u r-regoli għall-għoti ta’ dan il-finanzjament.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“attività ta’ solidarjetà” tfisser attività inklużiva ta’ kwalità għolja li tindirizza sfidi importanti għas-soċjetà, li tikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet tal-Programm, li tieħu l-għamla ta’ volontarjat, proġett ta’ solidarjetà jew attività ta’ networking f’diversi oqsma, inkluż fil-qasam tal-għajnuna umanitarja, li tiżgura valur miżjud Ewropew u li tikkonforma mar-regolamenti dwar is-saħħa okkupazzjonali u s-sikurezza u r-regoli rilevanti dwar is-sigurtà; |
(2) |
“kandidat reġistrat” tfisser individwu ta’ bejn is-17 u t-30 sena jew, fil-każ ta’ volontarjat taħt il-Korp Volontarju Ewropew ta’ Għajnuna Umanitarja, bejn is-17 u l-35 sena li jirrisjedi legalment fi Stat Membru, f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew f’pajjiż parteċipant ieħor skont dan ir-Regolament u li jkun irreġistra ruħu fil-Portal tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà biex jesprimi l-interess tiegħu li jinvolvi ruħu f’attività ta’ solidarjetà iżda li jkun għadu mhux qed jipparteċipa f’tali attività; |
(3) |
“parteċipant” tfisser individwu ta’ bejn it-18 u t-30 sena jew, fil-każ ta’ volontarjat taħt il-Korp Volontarju Ewropew ta’ Għajnuna Umanitarja, bejn it-18 u l-35 sena li jirrisjedi legalment fi Stat Membru, f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew f’pajjiż parteċipant ieħor skontdan ir-Regolament, li jkun irreġistra ruħu fil-Portal tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u li jieħu sehem f’attività ta’ solidarjetà; |
(4) |
“żgħażagħ b’inqas opportunitajiet” tfisser żgħażagħ li għal raġunijiet ekonomiċi, soċjali, kulturali, ġeografiċi jew ta’ saħħa, minħabba fl-ambjent ta’ migrazzjoni tagħhom, jew għal raġunijiet bħal diżabilità jew diffikultajiet edukattivi jew għal kwalunkwe raġuni oħra, inkluż raġuni li tista’ tagħti lok għal diskriminazzjoni skont l-Artikolu 21 tal-Karta, jiffaċċaw ostakli li jżommuhom milli jkollhom aċċess effettiv għall-opportunitajiet fi ħdan il-Programm; |
(5) |
“organizzazzjoni parteċipanti” tfisser entità pubblika jew privata lokali, reġjonali, nazzjonali jew internazzjonali, sew jekk tagħmel il-qligħ sew jekk le, li tkun ingħatat tikketta tal-kwalità; |
(6) |
“volontarjat” tfisser attività ta’ solidarjetà li ssir, għal perijodu ta’ mhux aktar minn 12-il xahar, bħala attività volontarja mhux imħallsa li tikkontribwixxi għall-kisba tal-ġid komuni; |
(7) |
“proġett ta’ solidarjetà” tfisser attività ta’ solidarjetà mhux imħallsa li ssir għal perijodu ta’ mhux aktar minn 12-il xahar u li titwettaq minn gruppi ta’ mill-inqas ħames parteċipanti bl-għan li jiġu indirizzati sfidi ewlenin fi ħdan il-komunitajiet tagħhom filwaqt li jiġi ppreżentat valur miżjud Ewropew ċar; |
(8) |
“tikketta tal-kwalità” tfisser iċ-ċertifikazzjoni mogħtija, abbażi tar-rekwiżiti speċifiċi li jvarjaw skont it-tip ta’ attività ta’ solidarjetà pprovduta, lil organizzazzjoni parteċipanti li tixtieq tipprovdi attivitajiet ta’ solidarjetà fi ħdan il-Programm f’kapaċità ta’ ospitant, f’kapaċità ta’ sostenn, jew fiż-żewġ kapaċitajiet; |
(9) |
“Ċentri tar-Riżorsi tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà” tfisser il-funzjonijiet addizzjonali mwettqa minn aġenziji nazzjonali maħtura biex jappoġġaw l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-kwalità ta’ attivitajiet ta’ solidarjetà fi ħdan il-Programm kif ukoll l-identifikazzjoni tal-kompetenzi miksuba mill-parteċipanti permezz tal-attivitajiet ta’ solidarjetà tagħhom; |
(10) |
“Portal tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà” tfisser għodda interattiva bbażata fuq il-web, bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, amministrata taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni, li tipprovdi servizzi online rilevanti biex tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ kwalità tal-Programm, li tikkomplementa l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet parteċipanti, inkluż billi tipprovdi informazzjoni dwar il-Programm, li tirreġistra l-parteċipanti, li tfittex parteċipanti, li tirreklama u tfittex attivitajiet ta’ solidarjetà, li tfittex sħab potenzjali għall-proġetti, li tappoġġa l-istabbiliment ta’ kuntatti u l-offerti għal attivitajiet ta’ solidarjetà, attivitajiet ta’ taħriġ, ta’ komunikazzjoni u ta’ networking, li tinforma u tavża lill-utenti dwar opportunitajiet, li tipprovdi mekkaniżmu ta’ feedback rigward il-kwalità tal-attivitajiet ta’ solidarjetà u li tippermetti li jiżdiedu funzjonijiet oħra b’reazzjoni għal żviluppi rilevanti relatati mal-Programm; |
(11) |
“Għodda ta’ trasparenza u rikonoxximent tal-Unjoni” tfisser strument li jgħinu lill-partijiet ikkonċernati jifhmu, japprezzaw u, kif xieraq, jirrikonoxxu l-eżiti tat-tagħlim mhux formali u informali madwar l-Unjoni; |
(12) |
“attività ta’ għajnuna umanitarja” tfisser attività li tappoġġa l-operazzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja wara l-kriżijiet u fit-tul f’pajjiżi terzi, li tkun maħsuba biex tipprovdi assistenza bbażata fuq il-ħtiġijiet immirata għall-ħarsien tal-ħajja, il-prevenzjoni u t-taffija tat-tbatija umana, u ż-żamma tad-dinjità tal-bniedem meta jiġu ffaċċati kriżijiet magħmula mill-bniedem jew diżastri naturali, u dan jinkludi assistenza, għajnuna u operazzjonijiet ta’ protezzjoni fi kriżijiet umanitarji li jkunu għaddejjin jew wara li jseħħu, li tappoġġa miżuri biex jiġi żgurat l-aċċess għan-nies fil-bżonn u biex jiġi ffaċilitat il-fluss ħieles ta’ assistenza, u azzjonijiet li għandhom l-għan li jsaħħu t-tħejjija għad-diżastri u t-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri, li jgħaqqdu flimkien l-għajnuna, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp u jikkontribwixxu għat-tisħiħ tar-reżiljenza u l-kapaċità ta’ komunitajiet vulnerabbli jew affettwati minn diżastri biex ilaħħqu mal-kriżijiet u jirkupraw minnhom; |
(13) |
“pajjiż terz” tfisser pajjiż li mhuwiex membru tal-Unjoni. |
Artikolu 3
Għanijiet tal-programm
1. L-għan ġenerali tal-Programm hu li jissaħħaħ l-involviment taż-żgħażagħ u tal-organizzazzjonijiet f’attivitajiet ta’ solidarjetà aċċessibbli u ta’ kwalità għolja, primarjament il-volontarjat, bħala mezz biex tissaħħaħ il-koeżjoni, is-solidarjetà, id-demokrazija, l-identità Ewropea u ċ-ċittadinanza attiva fl-Unjoni u lil hinn minnha, filwaqt li jiġu indirizzati sfidi tas-soċjetà u umanitarji fuq il-post, b’attenzjoni partikolari għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, l-inklużjoni soċjali u l-opportunitajiet indaqs.
2. L-għan speċifiku tal-Programm hu li ż-żgħażagħ, inklużi iż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet, jingħataw opportunitajiet faċilment aċċessibbli għal involviment f’attivitajiet ta’ solidarjetà li jwasslu għal bidliet pożittivi fis-soċjetà fl-Unjoni u lil hinn minnha, filwaqt li jtejbu u jivvalidaw kif xieraq il-kompetenzi tagħhom, kif ukoll jiffaċilitaw l-involviment kontinwu tagħhom bħala ċittadini attivi.
3. L-għanijiet tal-Programm għandhom jiġu implimentati taħt il-fergħat ta’ azzjoni stabbiliti fl-Artikolu 1(2).
KAPITOLU II
Azzjonijiet tal-programm
Artikolu 4
Azzjonijiet tal-Programm
1. Il-Programm għandu jappoġġja l-azzjonijiet li ġejjin:
(a) |
il-volontarjat kif imsemmi fl-Artikoli 7 u 10; |
(b) |
proġetti ta’ solidarjetà kif imsemmi fl-Artikolu 8; |
(c) |
attivitajiet ta’ networking, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1); u |
(d) |
miżuri ta’ kwalità u ta’ appoġġ, kif imsemmi fl-Artikolu 5(2). |
2. Il-Programm għandu jappoġġa l-attivitajiet ta’ solidarjetà li jippreżentaw valur miżjud Ewropew ċar, pereżempju permezz:
(a) |
tal-karattru tranżnazzjonali tagħhom, partikolarment fir-rigward tal-mobbiltà għat-tagħlim u l-kooperazzjoni; |
(b) |
il-kapaċità tagħhom li jikkomplementaw programmi u politiki oħra fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali; |
(c) |
id-dimensjoni Ewropea tagħhom fir-rigward tat-temi u l-miri, l-approċċi, l-eżiti mistennija tagħhom u aspetti oħra ta’ dawk l-attivitajiet ta’ solidarjetà; |
(d) |
l-approċċ tagħhom li jinvolvu żgħażagħ minn ambjenti differenti; |
(e) |
il-kontribut tagħhom għall-użu effettiv tal-għodod ta’ trasparenza u rikonoxximent tal-Unjoni. |
3. Attivitajiet ta’ solidarjetà għandhom jiġu implimentati f’konformità mar-rekwiżiti speċifiċi stabbiliti għal kull tip ta’ attività mwettqa fil-qafas tal-Programm kif imsemmi fl-Artikoli 5, 7, 8 u 10, kif ukoll mal-oqfsa regolatorji applikabbli fl-Istati Membri u l-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm.
4. Ir-referenzi għas-Servizz Volontarju Ewropew fl-atti legali tal-Unjoni għandhom jinqraw bħala referenzi għal volontarjat skont kemm ir-Regolament(UE) Nru 1288/2013 kif ukoll dan ir-Regolament.
Artikolu 5
Azzjonijiet komuni għaż-żewġ fergħat
1. L-attivitajiet ta’ networking għandhom jitwettqu fil-pajjiż jew b’mod transfruntier u għandhom jimmiraw li:
(a) |
jsaħħu l-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet parteċipanti li joffru proġetti ta’ kwalità għolja, faċilment aċċessibbli għal għadd dejjem akbar ta’ parteċipanti; |
(b) |
jattiraw parteċipanti ġodda u organizzazzjonijiet parteċipanti ġodda; |
(c) |
jagħtu lill-parteċipanti u lill-organizzazzjonijiet parteċipanti opportunitajiet li jagħtu feedback dwar l-attivitajiet ta’ solidarjetà u li jippromwovu l-Programm; u |
(d) |
jikkontribwixxu għall-iskambju ta’ esperjenzi u t-tisħiħ tas-sens ta’ appartenenza fost il-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet parteċipanti, biex b’hekk jappoġġaw l-impatt pożittiv usa’ tal-Programm, inkluż permezz ta’ attivitajiet bħall-iskambju tal-aħjar prattiki u l-ħolqien ta’ networks. |
2. Il-miżuri ta’ kwalità u ta’ appoġġ għandhom jinkludu:
(a) |
miżuri xierqa biex jiġu pprovduti rekwiżiti ta’ approvazzjoni skont il-liġi nazzjonali applikabbli; |
(b) |
miżuri meħuda qabel, matul jew wara l-attivitajiet ta’ solidarjetà li jkollhom l-għan li jiżguraw il-kwalità u l-aċċessibbiltà ta’ dawk l-attivitajiet, inkluż taħriġ online u offline, li jkun adattat, fejn xieraq, għall-attivitajiet ta’ solidarjetà inkwistjoni u l-kuntest tagħha, appoġġ lingwistiku, assigurazzjoni, inkluż l-assigurazzjoni kontra l-inċidenti u l-mard, l-użu ulterjuri tal-Youthpass, li jidentifika u jiddokumenta l-kompetenzi miksuba mill-parteċipanti matul l-attivitajiet ta’ solidarjetà, tisħiħ tal-kapaċitajiet, u appoġġ amministrattiv għall-organizzazzjonijiet parteċipanti; |
(c) |
l-iżvilupp u ż-żamma ta’ tikketta tal-kwalità; |
(d) |
l-attivitajiet taċ-Ċentri tar-Riżorsi tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà biex tiġi appoġġata u tiżdied il-kwalità tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-Programm u tissaħħaħ il-validazzjoni tal-eżiti tagħhom; u |
(e) |
l-istabbiliment, iż-żamma u l-aġġornament ta’ Portal tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà aċċessibbli u ta’ servizzi online rilevanti oħra, kif ukoll sistemi ta’ appoġġ tat-teknoloġija tal-informazzjoni u għodod ibbażati fuq il-web neċessarji. |
KAPITOLU III
Parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f’attivitajiet ta’ solidarjetà
Artikolu 6
Skop u tipi ta’ azzjonijiet
1. L-azzjonijiet implimentati taħt il-fergħa “Parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f’attivitajiet ta’ solidarjetà” għandhom, b’mod partikolari, jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-koeżjoni, tas-solidarjetà, taċ-ċittadinanza attiva u tad-demokrazija fi ħdan l-Unjoni u ’l barra minnha, filwaqt li jirrispondu wkoll għal sfidi tas-soċjetà b’enfasi partikolari fuq il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-opportunitajiet indaqs.
2. Il-fergħa “Parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f’attivitajiet ta’ solidarjetà” għandha tappoġġa l-azzjonijiet li ġejjin:
(a) |
il-volontarjat kif stabbilit fl-Artikolu 7; |
(b) |
proġetti ta’ solidarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 8; |
(c) |
attivitajiet ta’ networking għall-individwi u l-organizzazzjonijiet li jipparteċipaw f’din il-fergħa kif stabbilit fl-Artikolu 5(1); |
(d) |
miżuri ta’ kwalità u ta’ appoġġ kif stabbiliti fl-Artikolu 5(2). |
Artikolu 7
Volontarjat taħt il-fergħa “Parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f’attivitajiet ta’ solidarjetà”
1. Il-volontarjat għandu:
(a) |
jinkludi komponent ta’ tagħlim u ta’ taħriġ; |
(b) |
ma jkunx sostitut għal traineeships jew impjiegi; |
(c) |
ma jitqiesx l-istess bħal impjieg, u |
(d) |
ikun ibbażat fuq ftehim ta’ volontarjat bil-miktub. |
Dak il-ftehim imsemmi fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu għandu jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet għall-ftehim, it-tul ta’ żmien u l-post tal-istazzjonament u deskrizzjoni tal-kompiti involuti. Tali ftehim għandu jirreferi għat-termini tal-kopertura tal-assigurazzjoni tal-parteċipanti u, fejn xieraq, għar-rekwiżiti rilevanti ta’ approvazzjoni, f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli.
2. Il-volontarjat jista’ jsir f’pajjiż li mhuwiex il-pajjiż tar-residenza tal-parteċipant (“il-volontarjat transfruntier”) jew fil-pajjiż tar-residenza tal-parteċipant (“il-volontarjat fil-pajjiż”). Il-volontarjat fil-pajjiż għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ kollha, b’mod partikolari taż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet.
Artikolu 8
Proġetti ta’ solidarjetà
Proġetti ta’ solidarjetà ma għandhomx ikunu sostitut għal traineeships jew impjiegi.
KAPITOLU IV
Korp volontarju ewropew ta’ għajnuna umanitarja
Artikolu 9
Skop, prinċipji u tipi ta’ azzjonijiet
1. L-azzjonijiet taħt il-Korp Volontarju Ewropew ta’ Għajnuna Umanitarja għandhom, b’mod partikolari, jikkontribwixxu biex tingħata għajnuna umanitarja bbażata fuq il-ħtiġijiet immirata għall-ħarsien tal-ħajja, il-prevenzjoni u t-taffija tat-tbatija umana u ż-żamma tad-dinjità tal-bniedem u biex jissaħħu l-kapaċità u r-reżiljenza ta’ komunitajiet vulnerabbli jew milquta minn diżastri.
2. L-azzjonijiet taħt il-Korp Volontarju Ewropew ta’ Għajnuna Umanitarja għandhom:
(a) |
jitwettqu f’konformità mal-prinċipji umanitarji tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza, kif ukoll mal-prinċipju “la tagħmilx ħsara”; |
(b) |
iwieġbu għall-ħtiġijiet umanitarji tal-komunitajiet lokali identifikati f’kooperazzjoni ma’ sħab umanitarji u sħab rilevanti oħra fil-pajjiż jew ir-reġjun ospitanti; |
(c) |
ikunu ppjanati abbażi ta’ valutazzjonijiet tar-riskju u jitwettqu b’mod li jiżgura li jkun hemm livell għoli ta’ sikurezza u sigurtà għall-voluntiera; |
(d) |
fejn rilevanti, jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mir-rispons umanitarju għal żvilupp sostenibbli u inklużiv fit-tul; |
(e) |
jiffaċilitaw l-involviment attiv tal-persunal lokali u l-voluntiera mill-pajjiżi u l-komunitajiet li fihom dawn jiġu implimentati; |
(f) |
kull fejn ikun rilevanti, iqisu l-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa u jipprovaw jinvolvu lin-nisa u l-gruppi u n-networks tan-nisa; u |
(g) |
jikkontribwixxu għall-isforzi biex jissaħħaħ il-livell ta’ tħejjija jew ir-rispons lokali għall-kriżijiet umanitarji. |
3. Il-Korp Volontarju Ewropew ta’ Għajnuna Umanitarja għandu jappoġġa l-azzjonijiet li ġejjin:
(a) |
il-volontarjat kif stabbilit fl-Artikolu 10; |
(b) |
attivitajiet ta’ networking għall-individwi u l-organizzazzjonijiet li jipparteċipaw fil- Korp Volontarju Ewropew ta’ Għajnuna Umanitarja kif stabbilit fl-Artikolu 5(1); |
(c) |
miżuri ta’ kwalità u ta’ appoġġ kif stabbilit fl-Artikolu 5(2), b’enfasi partikolari fuq miżuri li jiżguraw is-sigurtà u s-sikurezza tal-parteċipanti. |
Artikolu 10
Volontarjat taħt il-Korp Volontarju Ewropew ta’ Għajnuna Umanitarja
1. Il-volontarjat taħt il-Korp Volontarju Ewropew ta’ Għajnuna Umanitarja:
(a) |
għandu jinkludi komponent ta’ tagħlim u taħriġ, inkluż dwar il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 10(2), u, fejn xieraq, il-komponenti tal-iżvilupp u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet, bl-involviment ta’ ħarrieġa, mentors u esperti b’livell għoli ta’ ħiliet, imħarrġa ħafna u b’ħafna esperjenza; |
(b) |
ma għandux ikun sostitut għat-traineeships jew impjiegi; |
(c) |
ma għandux jitqies l-istess bħal impjieg; u |
(d) |
għandu jkun ibbażat fuq ftehim ta’ volontarjat bil-miktub. |
Il-ftehim imsemmi fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu għandu jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet għal dak il-ftehim, it-tul ta’ żmien u l-post tal-istazzjonament u deskrizzjoni tal-kompiti involuti. Tali ftehim għandu jirreferi għat-termini tal-kopertura tal-assigurazzjoni tal-parteċipanti u, fejn xieraq, għar-rekwiżiti rilevanti ta’ approvazzjoni, f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli.
2. Il-volontarjat taħt il-Korp Volontarju Ewropew ta’ Għajnuna Umanitarja jista’ jsir biss f’dawk ir-reġjuni tal-pajjiżi terzi li fihom:
(a) |
jitwettqu attivitajiet u operazzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja; u |
(b) |
ma jkun hemm għaddej ebda kunflitt armat internazzjonali jew mhux internazzjonali. |
KAPITOLU V
Dispożizzjonijiet finanzjarji
Artikolu 11
Baġit
1. Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perijodu mill-2021 sal-2027 għandu jkun ta’ EUR 1 009 000 000 fi prezzijiet kurrenti.
2. B’massimu ta’ 20 % għall-volontarjat fil-pajjiż, id-distribuzzjoni indikattiva tal-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għall-azzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 4(1) għandha tkun:
(a) |
94 % għall-volontarjat kif stabbilit fl-Artikolu 7 u l-proġetti ta’ solidarjetà; |
(b) |
6 % għall-volontarjat kif stabbilit fl-Artikolu 11. |
3. L-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 jista’ jintuża għall-assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-Programm, bħal attivitajiet ta’ tħejjija, monitoraġġ, kontroll, awditu u evalwazzjoni, inkluż sistemi korporattivi tat-teknoloġija tal-informazzjoni.
4. Ir-riżorsi allokati lill-Istati Membri taħt ġestjoni kondiviża jistgħu, fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, jiġu ttrasferiti lill-Programm, soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26 ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u regoli finanzjarji għal dawk u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ir-“Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għal 2021-2027”). Il-Kummissjoni għandha timplimenta dawk ir-riżorsi direttament f’konformità mal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju jew indirettament f’konformità mal-punt (c) ta’ dak is-subparagrafu. Dawk ir-riżorsi għandhom jintużaw għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat.
Artikolu 12
Forom ta’ finanzjament mill-Unjoni u metodi ta’ implimentazzjoni
1. Il-Programm għandu jiġi implimentat, b’mod konsistenti, taħt ġestjoni diretta f’konformità mal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju jew taħt ġestjoni indiretta flimkien mal-korpi kif imsemmi fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(1) ta’ dak ir-Regolament.
2. Il-Programm jista’ jipprovdi finanzjament fi kwalunkwe waħda mill-forom stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, b’mod partikolari għotjiet, premji u akkwist.
3. Il-kontribuzzjonijiet għal mekkaniżmu ta’ assigurazzjoni reċiproka jistgħu jkopru r-riskju assoċjat mal-irkupru ta’ fondi dovuti mir-riċevituri u għandhom jitqiesu bħala garanzija suffiċjenti skont ir-Regolament Finanzjarju. L-Artikolu 37(7) tar-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (25) għandu japplika.
4. Għall-għażliet taħt ġestjoni diretta u indiretta, il-membri tal-kumitat ta’ evalwazzjoni - jistgħu jkunu esperti esterni kif previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 150(3) tar-Regolament Finanzjarju.
KAPITOLU VI
Parteċipazzjoni fil-programm
Artikolu 13
Pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm
1. Il-Programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi terzi li ġejjin:
(a) |
membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea, f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea; |
(b) |
pajjiżi aderenti, pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, f’konformità mal-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni rispettivi jew fi ftehimiet simili u skont il-kondizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi; |
(c) |
pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, f’konformità mal-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jew fi ftehimiet simili u skont il-kondizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi; |
(d) |
pajjiżi terzi oħra, f’konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fi ftehim speċifiku li jkopri l-parteċipazzjoni tal-pajjiż terz fi kwalunkwe programm tal-Unjoni, dment li l-ftehim:
|
Il-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-punt (d)(ii) tal-ewwel subparagrafu għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat f’konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju.
2. Il-pajjiżi elenkati fil-paragrafu 1 jistgħu jipparteċipaw biss fil-Programm fl-intier tiegħu u dment li jissodisfaw l-obbligi kollha li dan ir-Regolament jimponi fuq l-Istati Membri.
Artikolu 14
Pajjiżi parteċipanti oħrajn
1. Il-Programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi u territorji extra-Ewropej.
2. F’każijiet debitament ġustifikati fl-interess tal-Unjoni, l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 u l-volontarjat kif imsemmi fl-Artikolu 7 jistgħu jinfetħu wkoll għall-parteċipazzjoni ta’ entitajiet legali ta’ pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm.
Artikolu 15
Parteċipazzjoni ta’ individwi
1. Żgħażagħ ta’ bejn is-17 u t-30 sena jew, fil-każ ta’ volontarjat taħt il-Korp Volontarju Ewropew ta’ Għajnuna Umanitarja kif stabbilit fl-Artikolu 10, bejn is-17 u l-35 sena li jixtiequ jipparteċipaw fil-Programm għandhom jirreġistraw fil-Portal tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.
2. Fil-mument li fih jibda l-volontarjat jew proġett ta’ solidarjetà taħt il-fergħa “parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f’attivitajiet ta’ solidarjetà”, parteċipant għandu jkollu tal-inqas 18-il sena u ma jkollux aktar minn 30 sena. Fil-mument li fih jibda l-volontarjat taħt il-Korp Volontarju Ewropew ta’ Għajnuna Umanitarja kif stabbilit fl-Artikolu 10, parteċipant għandu jkollu tal-inqas 18-il sena u ma jkollux aktar minn 35 sena.
Artikolu 16
Inklużjoni ta’ żgħażagħ b’inqas opportunitajiet
1. Fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm għandhom jiżguraw li jittieħdu miżuri speċifiċi u effettivi għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u kondizzjonijiet ta’ aċċess ugwali, b’mod partikolari għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet.
2. Il-Kummissjoni għandha, sad-9 ta’ Diċembru 2021, tiżviluppa qafas ta’ miżuri ta’ inklużjoni biex jiżdiedu r-rati ta’ parteċipazzjoni fost il-persuni b’inqas opportunitajiet u gwida għall-implimentazzjoni ta’ tali miżuri. Dik il-gwida għandha tiġi aġġornata kif meħtieġ tul iż-żmien tal-Programm. Abbażi tal-qafas ta’ miżuri ta’ inklużjoni, u b’attenzjoni partikolari għall-isfidi speċifiċi marbutin mal-aċċess għall-Programm fil-kuntesti nazzjonali, għandhom jiġu żviluppati pjanijiet ta’ azzjoni għall-inklużjoni u dawn għandhom jiffurmaw parti integrali mill-programmi ta’ ħidma tal-aġenziji nazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-implimentazzjoni ta’ dawk il-pjanijiet ta’ azzjoni għall-inklużjoni fuq bażi regolari.
3. Il-Kummissjoni għandha, fejn rilevanti, u filwaqt li tissalvagwardja l-ġestjoni finanzjarja tajba, tiżgura li jiġu stabbiliti miżuri ta’ appoġġ finanzjarju, inkluż prefinanzjament, biex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni ta’ żgħażagħ b’inqas opportunitajiet fil-Programm. Il-livell ta’ appoġġ għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi.
Artikolu 17
Organizzazzjonijiet parteċipanti
1. Il-Programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni ta’ entitajiet pubbliċi jew privati, sew jekk jagħmlu qligħ u sew jekk le, u organizzazzjonijiet internazzjonali, dment li dawn ikunu rċevew tikketta tal-kwalità.
2. Il-korp ta’ implimentazzjoni kompetenti tal-Programm għandu jivvaluta applikazzjoni minn entità biex issir organizzazzjoni parteċipanti abbażi tal-prinċipji ta’:
(a) |
trattament indaqs; |
(b) |
opportunitajiet indaqs u nondiskriminazzjoni; |
(c) |
l-evitar tas-sostituzzjoni tal-impjieg; |
(d) |
l-evitar ta’ attivitajiet ta’ ħsara; |
(e) |
il-forniment ta’ attivitajiet ta’ kwalità għolja, faċilment aċċessibbli u inklużivi b’dimensjoni ta’ tagħlim li tiffoka fuq l-iżvilupp personali, soċjoedukattiv u professjonali; |
(f) |
arranġamenti ta’ volontarjat xierqa; |
(g) |
ambjenti u kundizzjonijiet sikuri u diċenti, b’mekkaniżmi interni għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti biex jitħares il-parteċipant; u |
(h) |
“mingħajr qligħ”, f’konformità mar-Regolament Finanzjarju. |
Il-korp ta’ implimentazzjoni kompetenti tal-Programm għandu juża l-prinċipji msemmija fl-ewwel subparagrafu biex jaċċerta ruħu jekk l-attivitajiet tal-entità li qed tapplika biex issir organizzazzjoni parteċipanti jissodisfawx ir-rekwiżiti u l-għanijiet tal-Programm.
3. Bħala riżultat tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, l-entità tista’ tingħata tikketta tal-kwalità. Il-korp ta’ implimentazzjoni kompetenti tal-Programm għandu jirrivaluta perjodikament jekk l-entità tkomplix tikkonforma mal-kondizzjonijiet li wasslu għall-attribuzzjoni tat-tikketta ta’ kwalità. Meta l-entità ma tibqax tikkonforma ma’ dawk il-kondizzjonijiet li wasslu għall-għoti tagħha, il-korp ta’ implimentazzjoni kompetenti tal-Programm għandu jieħu miżuri ta’ rimedju sakemm jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti tal-kwalità. F’każ ta’ nuqqas kontinwu ta’ konformità ma’ dawk il-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti ta’ kwalità, it-tikketta tal-kwalità għandha tiġi revokata.
4. Kwalunkwe entità li tkun irċeviet tikketta tal-kwalità għandha tingħata aċċess għall-Portal tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà f’kapaċità ta’ ospitant, f’kapaċità ta’ appoġġ, jew fiż-żewġ kapaċitajiet, u għandha tkun tista’ tagħmel offerti ta’ attivitajiet ta’ solidarjetà lil kandidati rreġistrati.
5. It-tikketta tal-kwalità ma għandhiex twassal b’mod awtomatiku għal finanzjament taħt il-Programm.
6. L-attivitajiet ta’ solidarjetà u l-miżuri ta’ kwalità u ta’ appoġġ relatati offruti minn organizzazzjoni parteċipanti jistgħu jirċievu finanzjament taħt il-Programm jew minn sorsi oħra ta’ finanzjament li ma jiddependux fuq il-baġit tal-Unjoni.
7. Għall-organizzazzjonijiet parteċipanti taħt il-Korp Volontarju Ewropew ta’ Għajnuna Umanitarja, is-sigurtà u s-sikurezza tal-voluntiera, fuq il-bażi ta’ valutazzjonijiet tar-riskji, għandhom ikunu prijorità.
8. Wara t-tlestija tal-attività ta’ solidarjetà u jekk tintalab mill-parteċipant, organizzazzjoni parteċipanti għandha tipprovdi lill-parteċipant b’ċertifikazzjoni li tiddikjara l-eżiti tat-tagħlim tal-attività ta’ solidarjetà, u l-ħiliet żviluppati matulha, bħal Youthpass jew Europass.
Artikolu 18
Aċċess għall-finanzjament taħt il-Programm
Kwalunkwe entità pubblika jew privata stabbilita fi Stat Membru, pajjiż jew territorju extra-Ewropew jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm, kif ukoll kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali, tista’ tapplika għal finanzjament taħt il-Programm. Fil-każ tal-volontarjat kif stabbilit fl-Artikoli 7 u 10, l-organizzazzjoni parteċipanti għandha, bħala prekondizzjoni, tkun kisbet tikketta tal-kwalità sabiex tirċievi finanzjament taħt il-Programm. Fil-każ tal-proġetti ta’ solidarjetà msemmija fl-Artikolu 8, persuni fiżiċi jistgħu wkoll japplikaw għal finanzjament f’isem gruppi informali ta’ parteċipanti. Bħala regola ġenerali, l-applikazzjoni għal għotja għandha tiġi ppreżentata lill-aġenzija nazzjonali tal-pajjiż fejn tkun ibbażata l-entità, l-organizzazzjoni jew il-persuna fiżika.
KAPITOLU VII
Programmazzjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni
Artikolu 19
Programm ta’ ħidma
Il-Programm għandu jiġi implimentat permezz tal-programmi ta’ ħidma kif imsemmi fl-Artikolu 110 tar-Regolament Finanzjarju. Il-programmi ta’ ħidma għandhom jagħtu indikazzjoni tal-ammont allokat għal kull azzjoni u tad-distribuzzjoni tal-fondi bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm għall-azzjonijiet li jridu jiġu ġestiti permezz tal-aġenzija nazzjonali. Il-Kummissjoni għandha tadotta programmi ta’ ħidma permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 31.
Artikolu 20
Monitoraġġ u rapportar
1. Fl-Anness huma stabbiliti indikaturi għar-rapportar dwar il-progress tal-Programm għall-kisba tal-għanijiet ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3.
2. Sabiex tiġi żgurata l-valutazzjoni effettiva tal-progress tal-Programm lejn il-kisba tal-għanijiet tiegħu, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 30, biex temenda l-Anness fir-rigward tal-indikaturi, fejn jitqies meħtieġ, u biex tissupplimenta dan ir-Regolament b’dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni.
3. Is-sistema ta’ rapportar dwar il-prestazzjoni għandha tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u tar-riżultati tal-Programm tinġabar b’mod effiċjenti, effettiv, fil-ħin u fil-livell xieraq ta’ dettall.
Għal dak l-għan, għandhom jiġu imposti rekwiżiti ta’ rapportar proporzjonati fuq ir-riċevituri tal-fondi mill-Unjoni u, fejn xieraq, fuq l-Istati Membri.
Artikolu 21
Evalwazzjoni
1. Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjonijiet fil-ħin sabiex tikkontribwixxi għall-proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet.
2. Ladarba jkun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni tal-Programm, iżda, fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni interim tal-Programm. Dik l-evalwazzjoni interim għandha tkun akkumpanjata wkoll minn evalwazzjoni finali tal-Programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà 2018-2020, li għandha tikkontribwixxi għall-evalwazzjoni interim. L-evalwazzjoni interim tal-Programm għandha tivvaluta l-effikaċja u l-prestazzjoni ġenerali tal-Programm, kif ukoll it-twettiq tal-miżuri ta’ inklużjoni.
3. Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti stabiliti fil-Kapitolu IX u l-obbligi tal-aġenziji nazzjonali stabbiliti fl-Artikolu 24, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, sal-31 ta’ Mejju 2024, rapport dwar l-implimentazzjoni u l-impatt tal-Programm fit-territorji rispettivi tagħhom.
4. Fejn xieraq, u abbażi tal-evalwazzjoni interim, jenħtieġ li l-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva biex temenda dan ir-Regolament.
5. Wara l-31 ta’ Diċembru 2027, iżda, kif kwalunkwe każ, mhux aktar tard milll-31 ta’ Diċembru 2031, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni finali tar-riżultati u l-impatt tal-Programm.
6. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi kwalunkwe evalwazzjoni mwettqa taħt dan l-Artikolu, inkluż l-evalwazzjoni interim, flimkien mal-osservazzjonijiet tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.
KAPITOLU VIII
Informazzjoni, komunikazzjoni u disseminazzjoni
Artikolu 22
Informazzjoni, komunikazzjoni u disseminazzjoni
1. Ir-riċevituri tal-finanzjament mill-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini ta’ dawk il-fondi u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament mill-Unjoni, b’mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi, inkluż il-media u l-pubbliku.
2. Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni relatati mal-Programm, mal-azzjonijiet meħuda skont l-Programm u mar-riżultati miksuba. Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Programm għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva dwar il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, safejn dawk il-prijoritajiet ikunu relatati mal-għanijiet imsemmijin fl-Artikolu 3.
3. F’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, l-aġenziji nazzjonali għandhom jiżviluppaw strateġija konsistenti fir-rigward tas-sensibilizzazzjoni effettiva, u d-disseminazzjoni u l-isfruttament tar-riżultati ta’ attivitajiet appoġġati fil-qafas tal-azzjonijiet li jiġġestixxu fil-Programm. L-aġenziji nazzjonali għandhom jassistu lill-Kummissjoni fil-kompitu ġenerali tagħha ta’ disseminazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-Programm, inkluż informazzjoni dwar azzjonijiet u attivitajiet ġestiti fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni, u r-riżultati tiegħu. L-aġenziji nazzjonali għandhom jinfurmaw lill-gruppi fil-mira rilevanti dwar l-azzjonijiet u l-attivitajiet imwettqa fil-pajjiżi rispettivi tagħhom.
4. L-organizzazzjonijiet parteċipanti għandhom jużaw l-isem “Korp Ewropew ta’ Solidarjetà” għall-finijiet ta’ komunikazzjoni u disseminazzjoni ta’ informazzjoni relatata mal-Programm.
KAPITOLU IX
Sistema ta’ ġestjoni u ta’ awditjar
Artikolu 23
Awtorità nazzjonali
F’kull Stat Membru u pajjiż terz assoċjat mal-Programm, l-awtoritajiet nazzjonali maħtura għall-ġestjoni tal-azzjonijiet imsemmija fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2021/817 għandhom jaġixxu wkoll bħala awtoritajiet nazzjonali fil-qafas tal-Programm. L-Artikolu 26(1), (2), (6), (7), (9), (10), (11), (12), (13) u (14) tar-Regolament (UE) 2021/817 għandu japplika mutatis mutandis għall-awtoritajiet nazzjonali taħt il-Programm.
Artikolu 24
Aġenzija nazzjonali
1. F’kull Stat Membru u pajjiż terz assoċjat mal-Programm, l-aġenziji nazzjonali maħtura għall-ġestjoni tal-azzjonijiet imsemmija fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2021/817 fil-pajjiżi rispettivi tagħhom għandhom jaġixxu wkoll bħala aġenziji nazzjonali fil-qafas tal-Programm. L-Artikolu 27(1) u (2) u (4) sa (8) tar-Regolament (UE) 2021/817 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-aġenziji nazzjonali taħt il-Programm.
2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 27(2) tar-Regolament (UE) 2021/817, l-aġenzija nazzjonali għandha tkun responsabbli wkoll għall-ġestjoni tal-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ dawk l-azzjonijiet tal-Programm elenkati fl-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament, f’konformità mal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju.
3. Fejn aġenzija nazzjonali ma tkunx maħtura għal pajjiż terz kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-Regolament, din għandha tiġi stabbilita f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/817.
Artikolu 25
Kummissjoni Ewropea
1. Ir-regoli li japplikaw għar-relazzjoni bejn il-Kummissjoni u aġenzija nazzjonali għandhom jiġu stabbiliti, skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/817, f’dokument bil-miktub li għandu:
(a) |
jistabbilixxi l-istandards interni ta’ kontroll għall-aġenzija nazzjonali kkonċernata u r-regoli għall-ġestjoni mill-aġenziji nazzjonali tal-fondi mill-Unjoni għall-appoġġ b’għotja; |
(b) |
jinkludi l-programm ta’ ħidma tal-aġenzija nazzjonali li jinkludi l-kompiti ta’ ġestjoni tal-aġenzija nazzjonali li għalihom huwa pprovdut l-appoġġ mill-Unjoni; u |
(c) |
jispeċifika l-obbligi ta’ rapportar għall-aġenzija nazzjonali. |
2. Kull sena, il-Kummissjoni għandha tagħmel il-fondi li ġejjin disponibbli għall-aġenzija nazzjonali:
(a) |
fondi għal appoġġ b’għotja fl-Istat Membru jew il-pajjiż terz assoċjat mal-Programm ikkonċernat għal azzjonijiet tal-Programm li l-ġestjoni tagħhom tiġi fdata lill-aġenzija nazzjonali; |
(b) |
kontribuzzjoni finanzjarja b’appoġġ tal-kompiti ta’ ġestjoni tal-aġenzija nazzjonali, li għandha tiġi stabbilita f’konformità mal-arranġamenti stabbiliti fil-punt (b) tal-Artikolu 28(3) tar-Regolament (UE) 2021/817. |
3. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-programm ta’ ħidma tal-aġenzija nazzjonali. Il-Kummissjoni ma għandhiex tagħmel il-fondi tal-Programm disponibbli lill-aġenzija nazzjonali qabel ma tkun approvat b’mod formali l-programm ta’ ħidma tal-aġenzija nazzjonali.
4. Abbażi tar-rekwiżiti ta’ konformità għall-aġenziji nazzjonali msemmija fl-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) 2021/817, il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid is-sistemi nazzjonali ta’ ġestjoni u ta’ kontroll, id-dikjarazzjoni annwali ta’ ġestjoni tal-aġenzija nazzjonali u l-opinjoni tal-korp indipendenti tal-awditjar dwar din, filwaqt li tqis kif xieraq l-informazzjoni pprovduta mill-awtorità nazzjonali dwar l-attivitajiet tagħha ta’ monitoraġġ u ta’ superviżjoni fir-rigward tal-Programm.
5. Wara li tivvaluta d-dikjarazzjoni annwali ta’ ġestjoni u l-opinjoni dwarha tal-korp indipendenti tal-awditjar, il-Kummissjoni għandha tindirizza l-opinjoni u l-osservazzjonijiet tagħha lill-aġenzija nazzjonali u lill-awtorità nazzjonali.
6. Fil-każ li l-Kummissjoni ma tkunx tista’ taċċetta d-dikjarazzjoni annwali ta’ ġestjoni jew l-opinjoni tal-awditjar indipendenti dwarha, jew fil-każ ta’ implimentazzjoni mhux sodisfaċenti mill-aġenzija nazzjonali tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista’ timplimenta kwalunkwe miżura ta’ prekawzjoni u korrettiva meħtieġa biex tissalvagwardja l-interessi finanzjarji tal-Unjoni f’konformità mal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 131(3) tar-Regolament Finanzjarju.
Artikolu 26
Korp indipendenti tal-awditjar
1. Il-korp indipendenti tal-awditjar għandu joħroġ opinjoni tal-awditjar dwar id-dikjarazzjoni annwali ta’ ġestjoni msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 155(1) tar-Regolament Finanzjarju. Għandha tifforma l-bażi tal-assigurazzjoni kumplessiva skont l-Artikolu 127 tar-Regolament Finanzjarju.
2. Il-korp indipendenti tal-awditjar għandu:
(a) |
ikollu l-kompetenza professjonali meħtieġa biex jagħmel awditi tas-settur pubbliku; |
(b) |
jiżgura li l-awditi tiegħu jqisu l-istandards tal-awditjar aċċettati fil-livell internazzjonali; u |
(c) |
ma jkunx f’pożizzjoni ta’ kunflitt ta’ interess fir-rigward tal-entità ġuridika li tagħmel parti minnha l-aġenzija nazzjonali u għandu jkun indipendenti, f’termini tal-funzjonijiet tiegħu, mill-entità ġuridika li l-aġenzija nazzjonali tagħmel parti minnha. |
3. Il-korp indipendenti tal-awditjar għandu jagħti lill-Kummissjoni u lir-rappreżentanti tagħha u lill-Qorti tal-Awdituri aċċess sħiħ għad-dokumenti u għar-rapporti kollha b’appoġġ għall-opinjoni tal-awditjar li joħroġ dwar id-dikjarazzjoni annwali ta’ ġestjoni tal-aġenzija nazzjonali.
KAPITOLU X
Sistema ta’ kontroll
Artikolu 27
Prinċipji tas-sistema ta’ kontroll
1. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-kontrolli ta’ superviżjoni fir-rigward tal-azzjonijiet tal-Programm ġestiti mill-aġenziji nazzjonali. Għandha tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għall-kontrolli mill-aġenzija nazzjonali u mill-korp indipendenti tal-awditjar.
2. L-aġenziji nazzjonali għandhom ikunu responsabbli għall-kontrolli primarji tal-benefiċjarji tal-għotjiet għall-azzjonijiet tal-Programm li jiġu fdati lilhom. Dawk il-kontrolli għandhom jipprovdu assigurazzjoni raġonevoli li l-għotjiet mogħtija jkunu qed jintużaw kif kien intenzjonat u f’konformità mar-regoli applikabbli tal-Unjoni.
3. Fir-rigward tal-fondi tal-Programm ittrasferiti lill-aġenziji nazzjonali, il-Kummissjoni għandha tiżgura koordinazzjoni xierqa tal-kontrolli tagħha mal-awtoritajiet nazzjonali u l-aġenziji nazzjonali abbażi tal-prinċipju ta’ awditu wieħed u wara li ssir analiżi bbażata fuq ir-riskju. Dan il-paragrafu ma għandux japplika għall-investigazzjonijiet imwettqa mill- OLAF.
Artikolu 28
Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni
Meta pajjiż terz jipparteċipa fil-Programm permezz ta’ deċiżjoni adottata skont ftehim internazzjonali jew abbażi ta’ kwalunkwe strument legali ieħor, il-pajjiż terz għandu jagħti d-drittijiet neċessarji u l-aċċess meħtieġ lill-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli, lill-OLAF u lill-Qorti tal-Awdituri biex jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b’mod komprensiv. Fil-każ tal-OLAF, dawn id-drittijiet għandhom jinkludu d-dritt li jwettaq investigazzjonijiet, inkluż verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, kif previst fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.
KAPITOLU XI
Komplementarjetà
Artikolu 29
Komplementarjetà tal-azzjoni tal-Unjoni
1. L-azzjonijiet tal-Programm għandhom ikunu konsistenti u komplementari mal-politiki, l-istrumenti u l-programmi rilevanti fil-livell tal-Unjoni, b’mod partikolari l-programm Erasmus+, kif ukoll man-networks eżistenti fil-livell tal-Unjoni li huma rilevanti għall-attivitajiet tal-Programm.
2. L-azzjonijiet tal-Programm għandhom ukoll ikunu konsistenti u komplementari mal-politiki, il-programmi u l-istrumenti rilevanti fil-livell nazzjonali fl-Istati Membri u l-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali u l-aġenziji nazzjonali għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar skemi u prijoritajiet nazzjonali eżistenti relatati mas-solidarjetà u ż-żgħażagħ, minn naħa, u azzjonijiet taħt il-Programm, min-naħa l-oħra, bl-għan li jibnu fuq il-bażi ta’ prattiki tajba rilevanti u jiksbu effiċjenza u effettività.
3. Il-volontarjat kif stabbilit fl-Artikolu 10 għandu, b’mod partikolari, ikun konsistenti u komplementari ma’ oqsma oħra ta’ azzjoni esterna tal-Unjoni, b’mod partikolari l-politika tal-għajnuna umanitarja, il-politika tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-politika tat-tkabbir, il-politika tal-viċinat u l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili.
4. Azzjoni li tkun irċeviet kontribuzzjoni taħt il-Programm, tista’ tirċievi wkoll kontribuzzjoni minn programm ieħor tal-Unjoni, dment li l-kontribuzzjonijiet ma jkoprux l-istess kostijiet. Ir-regoli tal-programm rilevanti tal-Unjoni għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni korrispondenti għall-azzjoni. Il-finanzjament kumulattiv ma għandux jaqbeż it-total ta’ kostijiet eliġibbli għall-azzjoni. L-appoġġ mill-programmi differenti tal-Unjoni jista’ jiġi kkalkolat fuq bażi pro rata f’konformità mad-dokumenti li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-appoġġ.
5. Proposti għal proġetti jistgħu jirċievu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jew mill-Fond Soċjali Ewropew Plus, f’konformità mal-Artikolu 73(4) tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027, fejn ikunu ngħataw tikketta b’Siġill ta’ Eċċellenza taħt il-Programm permezz ta’ konformità mal-kondizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:
(a) |
ikunu ġew ivvalutati f’sejħa għal proposti skont il-Programm; |
(b) |
ikunu konformi mar-rekwiżiti minimi ta’ kwalità ta’ dik is-sejħa għal proposti; u |
(c) |
ma jistgħux jiġu ffinanzjati fil-qafas ta’ dik is-sejħa għal proposti minħabba limitazzjonijiet baġitarji. |
KAPITOLU XII
Dispożizzjonijiet tranżitorji u finali
Artikolu 30
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 20 għandha tingħata lill-Kummissjoni għat-tul ta’ żmien tal-Programm.
3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 20 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Qabel ma tadotta l-att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 20 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 31
Proċedura ta’ kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 32
Tħassir
Ir-Regolamenti (UE) 2018/1475 uu (UE) Nru 375/2014 huma mħassra b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021.
Artikolu 33
Dispożizzjonijiet tranżitorji
1. Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa t-tkomplija jew il-modifika tal-azzjonijiet li nbdew skont ir-Regolament (UE) 2018/1475 jew (UE) Nru 375/2014, li għandhom ikomplu japplikaw għal dawk l-azzjonijiet sal-għeluq tagħhom.
2. Il-pakkett finanzjarju għall-Programm jista’ jkopri wkoll l-ispejjeż tal-assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni bejn il-Programm u l-miżuri adottati skont ir-Regolament (UE) 2018/1475 jew (UE) Nru 375/2014.
3. F’konformità mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 193(2) tar-Regolament Finanzjarju, u b’deroga mill-Artikolu 193(4) ta’ dak ir-Regolament, f’każijiet debitament ġustifikati speċifikati fid-deċiżjoni ta’ finanzjament, l-attivitajiet appoġġati taħt dan ir-Regolament u l-kostijiet sottostanti li tnefqu fl-2021 jistgħu jiġu kkunsidrati eliġibbli mill-1 ta’ Jannar 2021, anke jekk dawk l-attivitajiet ġew implimentati u dawk il-kostijiet intefqu qabel ma ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għall-għotja.
4. Jekk meħtieġ, l-approprjazzjonijiet jistgħu jiddaħħlu fil-baġit tal-Unjoni lil hinn mill-2027 biex ikopru l-ispejjeż previsti fl-Artikolu 11(3) sabiex jippermettu l-ġestjoni ta’ azzjonijiet u attivitajiet li ma jitlestewx sal-31 ta’ Diċembru 2027.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw, fil-livell nazzjonali, it-tranżizzjoni bla xkiel bejn l-azzjonijiet implimentati taħt il-Programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà 2018-2020 u dawk implimentati taħt il-Programm.
Artikolu 34
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Mejju 2021.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
D.M. SASSOLI
Għall-Kunsill
Il-President
A.P. ZACARIAS
(1) ĠU C 62, 15.2.2019, p. 201.
(2) ĠU C 86, 7.3.2019, p. 282.
(3) Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2019 (ĠU C 23, 21.1.2021, p. 218) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-20 ta’ April 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Mejju 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(5) ĠU C 456, 18.12.2018, p. 1.
(6) Ir-Regolament (UE) 2021/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi Erasmus+: il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni u taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 (ĠU L 189, 28.5.2021, p. 1).
(7) Ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi “Erasmus+”: il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50).
(8) Ir-Regolament (UE) Nru 375/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-Korp Volontarju Ewropew ta’ Għajnuna Umanitarja (“l-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE”) (ĠU L 122, 24.4.2014, p. 1).
(9) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 11).
(10) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1).
(11) Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1).
(12) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
(13) Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).
(14) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).
(15) Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).
(16) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).
(17) Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).
(18) Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16).
(19) ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.
(21) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE tal-25 ta’ Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji barranin mal-Unjoni Ewropea (“Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Barranija”) (ĠU L 344, 19.12.2013, p. 1).
(22) ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(23) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(24) Ir-Regolament (UE) 2018/1475 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2018 li jistabbilixxi l-qafas legali tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1288/2013, ir-Regolament (UE) Nru 1293/2013 u d-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE (ĠU L 250, 4.10.2018, p. 1).
(25) Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).
ANNESS
Il-kejl tal-indikaturi kwantitattivi għandu jkun diżaggregat, fejn xieraq, skont il-pajjiż, l-ambjent professjonali, il-livell ta’ kisba edukattiva, il-ġeneru, u t-tip ta’ azzjoni u attività.
L-oqsma li ġejjin iridu jiġu ssorveljati:
(a) |
in-numru ta’ parteċipanti f’attivitajiet ta’ solidarjetà; |
(b) |
is-sehem ta’ parteċipanti b’inqas opportunitajiet; |
(c) |
in-numru ta’ organizzazzjonijiet li għandhom tikketta tal-kwalità; |
(d) |
in-numru ta’ parteċipanti li huma żgħażagħ b’inqas opportunitajiet; |
(e) |
is-sehem ta’ parteċipanti li jirrapportaw eżiti tat-tagħlim pożittivi; |
(f) |
is-sehem ta’ parteċipanti li l-eżiti tat-tagħlim tagħhom ikunu ġew dokumentati permezz ta’ għodda ta’ trasparenza u rikonoxximent tal-Unjoni bħal Youthpass, Europass jew għodda nazzjonali; |
(g) |
ir-rata ta’ sodisfazzjon ġenerali tal-parteċipanti fir-rigward tal-kwalità tal-attivitajiet; |
(h) |
is-sehem ta’ attivitajiet li jindirizzaw l-għanijiet klimatiċi; |
(i) |
il-livell ta’ sodisfazzjon tal-voluntiera mibgħuta jaħdmu fil-qasam tal-għajnuna umanitarja u tal-organizzazzjonijiet parteċipanti fir-rigward tal-kontribuzzjoni umanitarja effettiva tal-attivitajiet fuq il-post; |
(j) |
l-għadd ta’ attivitajiet fil-pajjiżi terzi li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-atturi lokali u l-komunitajiet lokali u jikkomplementaw il-volontarjat taħt il-Korp Volontarju Ewropew ta’ Għajnuna Umanitarja. |