EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018O0014

Linja Gwida (UE) 2018/797 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta' Mejju 2018 dwar il-forniment ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi f'euro mill-Eurosistema lill-banek ċentrali u pajjiżi li jinsabu barra ż-żona tal-euro u lil organizzazzjonijiet internazzjonali (BĊE/2018/14)

OJ L 136, 1.6.2018, p. 81–87 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2018/797/oj

1.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 136/81


LINJA GWIDA (UE) 2018/797 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-3 ta' Mejju 2018

dwar il-forniment ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi f'euro mill-Eurosistema lill-banek ċentrali u pajjiżi li jinsabu barra ż-żona tal-euro u lil organizzazzjonijiet internazzjonali (BĊE/2018/14)

(riformulazzjoni)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikoli 12.1, 14.3 u 23 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Linja Gwida BĊE/2006/4 (1) ġiet emendata sostanzjalment bosta drabi (2). Peress li jridu jsiru emendi ulterjuri, il-Linja Gwida BĊE/2006/4 għandha tiġi rriformulata fl-interess taċ-ċarezza.

(2)

Bis-saħħa tal-Artikolu 23 flimkien mal-Artikolu 42.4 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar 'il quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jistgħu jistabbilixxu relazzjonijiet ma' banek ċentrali u istituzzjonijiet finanzjarji f'pajjiżi oħra u, fejn xieraq, ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, u jwettqu kull tip ta' tranżazzjoni bankarja fir-relazzjonijiet tagħhom ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali

(3)

Meta tipprovdi servizzi ta' ġestjoni ta' riservi tal-Eurosistema lil klijenti, irrispettivament mill-bank ċentrali tal-Eurosistema li permezz tiegħu dawn is-servizzi jiġu pprovduti, l-Eurosistema għandha taġixxi bħala sistema waħda. Għal dan l-iskop, din il-Linja Gwida għandha l-għan, fost l-oħrajn, li s-servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi tal-Eurosistema jiġu pprovduti fuq bażi standardizzata skont termini u kundizzjonijiet armonizzati, illi l-BĊE jirċievi informazzjoni adegwata dwar dawn is-servizzi, u li jiġu identifikati il-karatteristiċi minimi komuni li huma meħtieġa f'arranġamenti kuntrattwali mal-klijenti.

(4)

L-informazzjoni, id-dejta u dokumenti kollha abbozzati minn u/jew skambjati bejn il-banek ċentrali tal-Eurosistema fil-kuntest tas-servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi tal-Eurosistema huma ta' natura kunfidenzjali u huma suġġetti għall-Artikolu 37 tal-Istatut tas-SEBĊ.

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din il-Linja Gwida:

(1)

“it-tipi kollha ta' tranżazzjonijiet bankarji” jinkludu l-forniment ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi tal-Eurosistema lill-klijenti;

(2)

“persunal awtorizzat tal-BĊE” tfisser il-persuni fi ħdan il-BĊE kif jiġu identifikati mill-Bord Eżekuttiv, minn żmien għal żmien, bħala dawk il-persuni awtorizzati biex jibagħtu u jirċievu l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fi ħdan il-qafas tas-servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi tal-Eurosistema,

(3)

“banek ċentrali” għandha tinkludi l-awtoritajiet monetarji,

(4)

“klijent” tfisser kwalunkwe bank ċentrali jew kwalunkwe pajjiż (inkluż kwalunkwe awtorità pubblika jew aġenzija tal-gvern) li jinsabu barra miż-żona tal-euro, jew kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali li għaliha huma pprovduti servizzi ta' ġestjoni ta' riserva tal-Eurosistema minn bank ċentrali tal-Eurosistema;

(5)

“bank ċentrali tal-Eurosistema” tfisser il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro;

(6)

“Servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi tal-Eurosistema” għandha tfisser is-servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi elenkati fl-Artikolu 2 li jistgħu jiġu pprovduti mill-membri tal-Eurosistema lil klijenti u li jħallu lill-klijenti biex jiġġestixxu b'mod komprensiv ir-riżervi tagħhom permezz ta' bank ċentrali wieħed tal-Eurosistema,

(7)

“Fornitur ta' servizzi tal-Eurosistema” (FSE) għandha tfisser bank ċentrali tal-Eurosistema li jipprovdi l-ġabra sħiħa ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi tal-Eurosistema;

(8)

“Fornitur ta' Servizzi Individwali” (FSI) għandha tfisser membru tal-Eurosistema li ma jipprovdix is-sett komplet ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi tal-Eurosistema,

(9)

“organizzazzjoni internazzjonali” għandha tfisser kull organizzazzjoni, minbarra l-istituzzjonjiet u l-korpi tal-Unjoni stabbiliti permezz jew taħt l-awtorità ta' trattat internazzjonali,

(10)

“klijent potenzjali” tfisser kwalunkwe bank ċentrali jew kwalunkwe pajjiż (inkluż kwalunkwe awtorità pubblika jew aġenzija governattiva) li jinsabu barra miż-żona tal-euro, jew kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali li bdiet negozjati ma' FSE jew FSI bl-intenzjoni li tiġi stabbilita relazzjoni ta' negozju u li tkun irċeviet kuntratt għal negozjar u firma possibbli;

(11)

“riżervi” tfisser l-attiv eliġibbli f'denominazzjoni tal-euro ta' klijent, jiġifieri flus kontanti u kull titolu finanzjarju li huma inklużi fil-lista tal-Eurosistema ta' attiv negozjabbli eliġibbli, kif ippubblikat u aġġornat kuljum fuq is-sit elettroniku tal-BĊE, ħlief għal:

(a)

titoli li jaqgħu taħt il-“kategorija haircut V” (titoli sostnuti minn assi);

(b)

attiv miżmum esklussivament bil-għan li jissodisfa l-pensjoni u obbligi relatati tal-klijent fir-rigward tal-persunal preċedenti jew eżistenti tiegħu;

(c)

attiv iddenominat f'euro miżmum f'kontijiet iddedikati miftuħa ma' bank ċentrali tal-Eurosistema minn klijent għal skopijiet ta' skedar mill-ġdid tad-dejn pubbliku fi ħdan il-qafas ta' ftehimiet internazzjonali;

(d)

attiv iddenominat f'euro tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) miżmum fil-Kontijiet Nru 1 u Nru 2 u fil-Kont ta' Titoli tal-IMF mal-banek ċentrali tal-Eurosistema; u

(e)

kull kategorija oħra ta' attiv iddenominat f'euro kif jiġi deċiż minn żmien għal żmien mill-Kunsill Governattiv.

Artikolu 2

Lista ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi tal-Eurosistema

Is-servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi tal-Eurosistema għandhom jikkonsistu f'dawn:

(1)

kontijiet ta' kustodja (għas-sigurtà) għar-riżervi;

(2)

is-servizzi ta' kustodju (għas-sigurtà) li ġejjin:

(a)

rendikonti ta' kustodja tal-aħħar tax-xahar, bil-possibilità li jingħataw rendikonti f'dati oħrajn skont kif jitlob il-klijent;

(b)

it-trażmissjoni ta' dikjarazzjonijiet permezz tas-SWIFT lill-klijenti kollha li jistgħu jirċievu rendikonti permezz tas-SWIFT, u permezz ta' mezzi oħra adattati għal dawk il-klijenti li ma jistgħux jużaw is-SWIFT;

(c)

notifika ta' azzjonijiet korporattivi (eż. ħlasijiet u fidi ta' kupuni) fir-rigward ta' investimenti f'titoli finanzjarji tal-klijenti;

(d)

l-ipproċessar ta' azzjonijiet korporativi f'isem il-klijenti;

(e)

l-iffaċilitar ta' arranġamenti bejn klijenti u aġenti bħala terzi, taħt ċerti restrizzjonijiet, għal dak li għandu x'jaqsam mat-tħaddim ta' programmi awtomatiċi ta' self ta' titoli;

(3)

is-servizzi ta' saldu li ġejjin:

(a)

servizzi bla ħlas/kunsinna kontra servizzi ta' saldu ta' ħlas għat-titoli denominati f'euro li għalihom huma pprovduti kontijiet ta' kustodja;

(b)

konferma tas-saldu ta' kull operazzjoni permezz tas-SWIFT (jew mezzi oħra adattati għal dawk il-klijenti li ma jistgħux jużaw is-SWIFT);

(4)

is-servizzi ta' flus kontanti/ta' investiment li ġejjin:

(a)

ix-xiri/il-bejgħ ta' valuti barranin għall-kontijiet tal-klijenti fuq bażi prinċipali, li jkopri x-xiri/il-bejgħ fil-pront ta' euro kontra l-valuti tal-Ġ10 barra ż-żona tal-euro bħala minimu;

(b)

servizzi ta' depożitu b'terminu fiss:

(i)

fuq bażi ta' aġenzija; jew

(ii)

fuq bażi prinċipali;

(c)

bilanċi ta' kreditu mil-lejl għan-nhar:

(i)

Grad 1 — investiment awtomatiku ta' ammont fiss u limitat għal kull klijent fuq bażi prinċipali;

(ii)

Grad 2 — possibbiltà ta' investiment ta' fondi ma' parteċipanti fis-suq fuq bażi ta' aġenzija;

(d)

l-eżekuzzjoni ta' investimenti għal klijenti skont l-istruzzjonijiet permanenti tagħhom u skont is-sett ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi tal-Eurosistema;

(e)

l-eżekuzzjoni tal-ordnijiet tal-klijenti għal xiri/bejgħ ta' titoli fis-suq sekondarju.

(5)

is-servizzi ta' flus kontanti li ġejjin:

(a)

eżekuzzjoni ta' tranżazzjonijiet ta' ħlas mingħajr flus kontanti li jidħlu u joħorġu b'konnessjoni ma' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi tal-Eurosistema

Artikolu 3

Forniment ta' servizzi minn FSE u FSI

1.   Fil-qafas tas-servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi tal-Eurosistema, banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jiġu kkunsidrati li huma jew FSE jew FSI.

2.   Minbarra s-servizzi indikati fl-Artikolu 2, kull FSE jista' joffri wkoll servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi lill-klijenti. L-FSE għandu jiddetermina dawn is-servizzi fuq bażi individwali u dawn is-servizzi m'għandhomx ikunu suġġetti għal din il-Linja Gwida.

3.   FSI huma suġġetti għal din il-Linja Gwida u l-ħtiġijiet tas-servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi tal-Eurosistema fir-rigward ta' servizz jew servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi tal-Eurosistema, jew parti minn dawn is-servizzi, li l-istess FSI jipprovdu u li jifformaw parti mis-sett komplet tas-servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi tal-Eurosistema. Barra minn hekk, kull FSI jista' joffri wkoll servizzi oħrajn ta' ġestjoni ta' riżervi lill-klijenti u għandhom jiddeterminaw dawn is-servizzi fuq bażi individwali. Dawn is-servizzi m'għandhomx ikunu suġġetti għal din il-Linja Gwida.

4.   Fir-rigward tas-servizzi ta' ġestjoni ta' riżerva pprovduti lill-klijenti, dawn il-klijenti jista' jkollhom arranġamenti ma' bosta banek ċentrali tal-Eurosistema.

Artikolu 4

Informazzjoni dwar is-servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi tal-Eurosistema

1.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jipprovdu lill-personal awtorizzat tal-BĊE b'kull informazzjoni relevanti dwar il-forniment ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi tal-Eurosistema lil klijenti ġodda u eżistenti u għandhom jgħarrfu lill personal awtorizzat tal-BĊE meta javviċinahom klijent potenzjali.

2.   Qabel mal-banek ċentrali tal-Eurosistema jikxfu l-identità ta' klijent eżistenti, ġdid jew potenzali, huma għandhom jippruvaw jiksbu l-kunsens tal-klijent għall-iżvelar.

3.   Jekk dan il-kunsens ma jingħatax, il-bank ċentrali tal-Eurosistema inkwistjoni għandu jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa lill-persunal awtorizzat tal-BĊE mingħajr ma jiżvela l-identità tal-klijent.

Artikolu 5

Projbizzjoni u sospensjoni ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi tal-Eurosistema

1.   Il-BĊE għandu jżomm għall-konsultazzjoni mill-membri tal-Eurosistema, lista ta' klijenti eżistenti, ġodda jew potenzjali li r-riżervi tagħhom huma milquta minn ordni ta' sekwestru jew xi miżura simili imposta jew minn wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Europea fuq il-bażi ta' riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Unjoni Ewropea.

2.   Jekk fuq il-bażi ta' miżura jew deċiżjoni, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1, adottati għal raġunijiet ta' politika nazzjonali jew ta' interess nazzjonali minn bank ċentrali tal-Eurosistema jew mill-Istat Membru fejn ikun jinsab il-bank ċentrali tal-Eurosistema, il-bank ċentrali tal-Eurosistema jissospendi l-forniment tas-servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi tal-Eurosistema lil klijent eżistenti jew jirrifjuta li jipprovdi dawn is-servizzi lil klijent ġdid jew potenzjali, dan il-bank ċentrali tal-Eurosistema għandu jinnotifika minnufih lill-persunal awtorizzat tal-BĊE dwar dan. Il-persunal tal-BĊE awtorizzat għandu jinforma minnufih b'dan lill-banek ċentrali l-oħra tal-Eurosistema. Kull miżura jew deċiżjoni ta' din ix-xorta m'għandhiex iżżomm lill-membri l-oħra tal-Eurosistema milli jipprovdu servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi tal-Eurosistema lil dawn il-klijenti.

3.   L-Artikolu 4(2) u (3) għandu japplika għal kwalunkwe żvelar tal-identità ta' klijent eżistenti, ġdid jew potenzjali magħmul skont il-paragrafu 2. Fin-nuqqas tal-kunsens ta' klijent, l-iżvelar tal-identità ta' klijent lill-banek ċentrali l-oħra tal-Eurosistema għandu jsir biss meta dan l-iżvelar ikun f'konformità mal-liġi applikabbli.

Artikolu 6

Responsabbilta' għall-forniment ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi tal-Eurosistema

1.   Kull bank ċentrali tal-Eurosistema għandu jkun responsabbli għall-eżekuzzjoni ta' kwalunkwe arranġament kuntrattwali mal-klijenti tiegħu li huwa jidhirlu li huwa xieraq għall-forniment ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi tal-Eurosistema.

2.   Bla ħsara għal kull dispożizzjoni speċifika u applikabbli, jew miftiehma minn bank ċentrali tal-Eurosistema, kull bank ċentrali tal-Eurosistema li jipprovdi servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi tal-Eurosistema jew xi parti minn dawn is-servizzi lill-klijenti tiegħu, għandu jkun responsabbli għal kull servizz ta' din ix-xorta li huwa jipprovdi.

Artikolu 7

Karatteristiċi minimi u komuni f'arranġamenti kuntrattwali mal-klijenti

Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jiżguraw illi l-arranġamenti kuntrattwali tagħhom mal-klijenti jkunu konsistenti ma' din il-Linja Gwida u mal-karatteristiċi minimi u komuni addizzjonali li ġejjin. L-arranġamenti kuntrattwali għandhom:

(a)

jiddikjaraw illi l-kontroparti tal-klijent huwa l-bank ċentrali tal-Eurosistema li miegħu dak il-klijent ikun ikkonkluda ftehim għall-forniment ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi tal-Eurosistema jew xi parti minnhom, u li dak l-arranġament fih innifsu ma joħloqx drittijiet tal-konsumatur jew jeddijiet fil-konfront ta' banek ċentrali oħrajn tal-Eurosistema.

(b)

jirreferu għall-konnessjonijiet li jistgħu jintużaw għas-saldu ta' titoli miżmuma minn kontropartijiet tal-klijenti u r-riskji relevanti tal-użu ta' konnessjonijiet mhux eliġibbli għal operazzjonijiet tal-politika monetarja;

(c)

jirreferu għall-fatt illi ċerti tranżazzjonijiet fi ħdan il-qafas ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi tal-Eurosistema għandhom jitwettqu fuq il-bażi tal-aħjar sforz;

(d)

jirreferu għall-fatt illi l-bank ċentrali tal-Eurosistema jista' jagħmel suġġerimenti lill-klijenti dwar l-għażla taż-żmien u l-eżekuzzjoni ta' tranżazzjoni sabiex jiġu evitati kunflitti mal-politika monetarja u tar-rata tal-kambju tal-Eurosistema, u li dak il-bank ċentrali tal-Eurosistema ma jkunx responabbli għall-konsegwenzi illi dawk is-suġġerimenti jista' jkollhom għall-klijent;

(e)

jirreferu għall-fatt illi t-tariffi li l-banek ċentrali tal-Eurosistema jitolbu lill-klijenti tagħhom għall-forniment ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi tal-Eurosistema ikunu suġġetti għal reviżjonijiet mill-Eurosistema u li l-klijenti għandhom, skont il-liġi applikabbli, ikunu marbuta bir-reviżjonijiet fit-tariffi li jistgħu jirriżultaw minn dawn ir-reviżjonijiet.

(f)

jiddikjaraw li l-klijent għandu jikkonferma lill-bank ċentrali tal-Eurosistema li jikkonforma mal-liġijiet kollha tal-Unjoni u nazzjonali għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu, sa fejn u sakemm applikabbli għalih, inklużi struzzjonijiet mogħtija minn awtoritajiet kompetenti, u li mhu involut fl-ebda forma ta' ħasil tal-flus jew ta' finanzjament tat-terroriżmu.

Artikolu 8

Rwol tal-BĊE

Il-BĊE għandu jikkoordina l-forniment ġenerali ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi tal-Eurosistema u l-qafas ta' informazzjoni relatat. Kull Membru tal-Eurosistema li jsir FSE jew li jtemm l-istatus tiegħu bħala FSE għandu jgħarraf lill-BĊE dwar dan.

Artikolu 9

Revoka

1.   Il-Linja Gwida BĊE/2006/4 kif emendata mil-Linji Gwida elenkati fl-Anness I hija mħassra b'effett mill-1 ta' Ottubru 2018.

2.   Ir-referenzi għal-Linja Gwida mħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din il-Linja Gwida u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum meta tiġi nnotifikata lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istat Membru li l-valuta tiegħu hija l-euro.

2.   Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jikkonformaw ma' din il-Linja Gwida mill-1 ta' Ottubru 2018.

Artikolu 11

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema.

Magħmul fi Frankfurt am Main, it-3 ta' Mejju 2018.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  Linja Gwida BĊE/2006/4 tas-7 ta' April 2006 dwar il-forniment ta' servizzi ta' ġestjoni ta' riżervi f'euro mill-Eurosistema għall-banek ċentrali u pajjiżi li jinsabu barra ż-żona tal-euro u għal organizzazzjonijiet internazzjonali (ĠU L 107, 20.4.2006, p. 54).

(2)  Ara l-Anness I.


ANNESS I

LINJA GWIDA MĦASSRA BIL-LISTA TAL-EMENDI SUCCESSIVI TAGĦHA

Linja Gwida BĊE/2006/4 (ĠU L 107, 20.4.2006, p. 54).

Linja Gwida BĊE/2009/11 (ĠU L 139, 5.6.2009, p. 34).

Linja Gwida BĊE/2013/14 (ĠU L 138, 24.5.2013, p. 19).


ANNESS II

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Linja Gwida BĊE/2006/4

Din il-Linja Gwida

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 8

Artikolu 9

Artikolu 9-11


Top