Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015L2376

Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/2376 tat-8 ta' Diċembru 2015 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni

OJ L 332, 18.12.2015, p. 1–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2015/2376/oj

18.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 332/1


DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2015/2376

tat-8 ta' Diċembru 2015

li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 115 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (3),

Filwaqt li jaġixxi f'konformità ma' proċedura leġislattiva speċjali,

Billi:

(1)

L-isfida ppreżentata mill-evitar tat-taxxa, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-kompetizzjoni dannuża b'rabta mat-taxxa transkonfinali żdiedet b'mod konsiderevoli u saret punt fokali ta' tħassib fl-Unjoni u fil-livell globali. L-erożjoni tal-bażi tat-taxxa qed tnaqqas id-dħul nazzjonali mit-taxxi b'mod konsiderevoli, u dan ifixkel lill-Istati Membri fl-applikazzjoni ta' politiki fiskali li jgħinu fit-tkabbir. Il-ħruġ ta' deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem, li jiffaċilitaw l-applikazzjoni konsistenti u trasparenti tal-liġi, hija prattika komuni, inkluż fl-Unjoni. Billi tipprovdi ċertezza għan-negozju, il-kjarifika tal-liġi fiskali għall-kontribwenti tista' tħeġġeġ l-investiment u l-konformità mal-liġi u għalhekk tista' twassal għall-objettiv ta' żvilupp ulterjuri fis-suq uniku fl-Unjoni abbażi tal-prinċipji u l-libertajiet li jirfdu t-Trattati. Madankollu, id-deċiżjonijiet dwar l-istrutturi mmexxija mit-taxxa, f'ċertu każijiet, wasslu għal livell baxx ta' tassazzjoni ta' ammonti artifiċjalment għoljin ta' dħul fil-pajjiż li joħroġ, jemenda jew iġedded id-deċiżjoni antiċipata u ħallew ammonti artifiċjalment baxxi ta' dħul biex jiġu intaxxati f'xi pajjiżi oħra involuti. Għalhekk, hija meħtieġa żieda fit-trasparenza b'mod urġenti. Sabiex jinkiseb dan, jeħtieġ li jissaħħu l-għodod u l-mekkaniżmi stabbiliti bid-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE (4).

(2)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill Ewropew enfasizza l-ħtieġa urġenti biex isir progress fl-isforzi għall-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, kemm fil-livell globali u kif ukoll f'dak tal-Unjoni. Filwaqt li enfasizza l-importanza tat-trasparenza, il-Kunsill Ewropew laqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tressaq proposta dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar deċiżjonijiet b'rabta mat-taxxa fl-Unjoni.

(3)

Id-Direttiva 2011/16/UE tipprevedi l-iskambju spontanju u obbligatorju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri f'ħames każijiet speċifiċi u f'ċerti limiti ta' żmien. L-iskambju spontanju ta' informazzjoni f'każijiet fejn l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru wieħed ikollha raġunijiet biex taħseb li jista' jkun hemm telf ta' taxxa fi Stat Membru ieħor diġà japplika għad-deċiżjonijiet b'rabta mat-taxxa li Stat Membru joħroġ, jemenda jew iġedded lil kontribwent speċifiku f'dak li għandu x'jaqsam mal-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet tat-taxxa fil-futur u li għandhom dimensjoni transkonfinali.

(4)

Madankollu, l-iskambju effiċjenti u spontanju ta' informazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mad-deċiżjonijiet antiċipati transkonfinali u mal-arranġamenti preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment huwa mxekkel minn diversi diffikultajiet prattiċi u importanti bħad-diskrezzjoni permessa lill-Istat Membru emittenti li jiddeċiedi liema mill-Istati Membri l-oħra għandhom jiġu infurmati. Għaldaqstant, l-informazzjoni skambjata għandha, fejn xieraq, tkun aċċessibbli għall-Istati Membri l-oħra kollha.

(5)

L-ambitu tal-iskambju awtomatiku ta' deċiżjonijiet antiċipati transkonfinali u arranġamenti preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment, maħruġa, emendati jew imġedda lil persuna partikolari jew grupp ta' persuni li dik il-persuna jew grupp ta' persuni huwa intitolat li jinvoka, għandu jkopri kwalunkwe forma materjali (irrispettivament min-natura vinkolanti jew mhux vinkolanti tagħhom u l-mod li bih jinħarġu).

(6)

Għall-iskopijiet ta' ċertezza legali, id-Direttiva 2011/16/UE għandha tiġi emendata bl-inklużjoni ta' definizzjoni adatta ta' deċiżjoni antiċipata transkonfinali u arranġament preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment. L-ambitu ta' dawn id-definizzjonijiet għandu jkun ġenerali biżżejjed biex ikopri firxa wiesgħa ta' sitwazzjonijiet, inkluż iżda mhux limitat għat-tipi li ġejjin ta' deċiżjonijiet antiċipati transkonfinali u arranġamenti preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment:

arranġamenti u/jew deċiżjonijiet unilaterali preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment;

arranġamenti u/jew deċiżjonijiet bilaterali jew multilaterali preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment;

arranġamenti jew deċiżjonijiet li jiddeterminaw l-eżistenza jew in-nuqqas ta' stabbiliment permanenti;

arranġamenti jew deċiżjonijiet li jiddeterminaw l-eżistenza jew in-nuqqas ta' fatti b'impatt potenzjali fuq il-bażi tat-taxxa ta' stabbiliment permanenti;

arranġamenti jew deċiżjonijiet li jiddeterminaw l-istatus tat-taxxa ta' entità ibrida fi Stat Membru wieħed b'rabta ma' resident ta' ġurisdizzjoni oħra;

kif ukoll arranġamenti jew deċiżjonijiet fuq bażi ta' valutazzjoni għat-tniżżil fil-valur ta' ass fi Stat Membru wieħed li jinkiseb minn kumpannija fi grupp f'ġurisdizzjoni oħra.

(7)

Il-kontribwenti huma intitolati li jinvokaw deċiżjonijiet antiċipati transkonfinali jew arranġamenti preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment waqt, pereżempju, proċessi tat-tassazzjoni jew awditi tat-taxxa bil-kondizzjoni li l-fatti li fuqhom huma bbażati d-deċiżjonijiet antiċipati transkonfinali jew l-arranġamenti preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment ikunu ġew ippreżentati biċ-ċar u li l-kontribwenti jirrispettaw it-termini tad-deċiżjonijiet antiċipati transkonfinali jew tal-arranġamenti preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment.

(8)

L-Istati Membri ser jagħmlu skambju ta' informazzjoni irrispettivament minn jekk il-kontribwent jirrispettax it-termini tad-deċiżjoni antiċipata transkonfinali jew l-arranġament preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment.

(9)

L-għoti ta' informazzjoni m'għandux iwassal għall-iżvelar ta' sigriet kummerċjali, industrijali jew professjonali jew ta' proċess kummerċjali, jew l-iżvelar ta' informazzjoni li jmur kontra l-ordni pubbliku.

(10)

Sabiex jinkisbu l-benefiċċji tal-iskambju awtomatiku u obbligatorju tad-deċiżjonijiet antiċipati transkonfinali u tal-arranġament preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment, l-informazzjoni għandha tiġi kkomunikata minnufih wara li dawn jinħarġu, jiġu emendati jew jiġġeddu, u għalhekk għandhom jiġu stabbiliti intervalli regolari għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni. Għall-istess raġunijiet, huwa adatt ukoll li jiġi previst skambju awtomatiku u obbligatorju ta' deċiżjonijiet antiċipati transkonfinali jew arranġamenti preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment li nħarġu, ġew emendati jew iġġeddu f'perijodu li jibda minn ħames snin qabel id-data ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva u li għadhom validi fl-1 ta' Jannar 2014. Madankollu, il-persuni partikolari jew gruppi ta' persuni b'fatturat nett annwali fil-grupp kollu ta' inqas minn EUR 40 000 000 jistgħu jiġu esklużi, taħt ċerti kondizzjonijiet, minn tali skambju awtomatiku u obbligatorju.

(11)

Għal raġunijiet ta' ċertezza legali, huwa adatt, taħt sett ta' kondizzjonijiet stretti ħafna, li jiġu esklużi mill-iskambju awtomatiku obbligatorju arranġamenti bilaterali jew multilaterali preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment ma' pajjiżi terzi li jsegwu l-qafas tat-trattati internazzjonali eżistenti ma' dawk il-pajjiżi, fejn id-dispożizzjonijiet ta' dawk it-trattati ma jippermettux l-iżvelar ta' informazzjoni li tkun waslet taħt dak it-trattat lil pajjiż terz. Madankollu, f'dawn il-każijiet, għandha minflok tiġi skambjata l-informazzjoni identifikata fil-paragrafu 6 tal-Artikolu 8a b'rabta mat-talbiet li jwasslu għall-ħruġ ta' tali arranġamenti bilaterali jew multilaterali preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment. Għalhekk, f'każijiet bħal dawn, l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata għandha tinkludi l-indikatur li qed tingħata abbażi ta' talba bħal din.

(12)

L-iskambju awtomatiku u obbligatorju tad-deċiżjonijiet antiċipati transkonfinali u tal-arranġamenti preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment għandhom f'kull każ jinkludu l-komunikazzjoni ta' sett stabbilit ta' informazzjoni bażika li tkun aċċessibbli għall-Istati Membri kollha. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta l-arranġamenti prattiċi li hemm bżonn biex tistandardizza l-komunikazzjoni ta' informazzjoni ta' dan it-tip skont il-proċedura stabbilita fid-Direttiva 2011/16/UE (li tinvolvi l-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva għat-Tassazzjoni) għall-istabbiliment ta' formola standard li għandha tintuża għall-iskambju ta' informazzjoni. Dik il-proċedura għandha tintuża wkoll fl-adozzjoni ta' aktar arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tal-iskambju ta' informazzjoni, bħall-ispeċifikazzjoni tar-rekwiżiti lingwistiċi li jkunu applikabbli għall-iskambju tal-informazzjoni bl-użu ta' dik il-formola standard.

(13)

Fl-iżvilupp ta' tali formola standard għall-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni, huwa adatt li jittieħed kont tal-ħidma li saret mill-Forum dwar Prattiki Dannużi ta' Tassazzjoni tal-OECD, fejn formola standard għall-iskambju ta' informazzjoni qed tiġi żviluppata, fil-kuntest tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti. Huwa wkoll adatt li ssir ħidma mill-qrib mal-OECD, b'mod koordinat u mhux biss fil-qasam tal-iżvilupp ta' tali formola standard għall-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni. L-għan aħħari għandu jkun kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni globali, fejn l-Unjoni għandu jkollha rwol ta' tmexxija billi tippromwovi l-fatt li dak l-ambitu ta' informazzjoni dwar deċiżjonijiet antiċipati transkonfinali u arranġamenti antiċipati dwar il-prezzijiet li għandha tiġi skambjata awtomatikament għandu jkun pjuttost wiesa'.

(14)

L-Istati Membri għandhom jiskambjaw informazzjoni bażika, u sett limitat ta' informazzjoni bażika għandu wkoll jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni. Dan għandu jippermetti lill-Kummissjoni biex tkun tista' tissorvelja u tevalwa l-applikazzjoni effettiva tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet antiċipati transkonfinali u l-arranġamenti preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment f'kull ħin. L-informazzjoni li tasal mill-Kummissjoni m'għandhiex, madankollu, tintuża għal xi skop ieħor. Barra dan, komunikazzjoni ta' dan it-tip ma teżonerax lil xi Stat Membru mill-obbligi tiegħu li jinnotifika kull għajnuna mill-Istat lill-Kummissjoni.

(15)

Il-feedback mingħand l-Istat Membru li jkun qed jirċievi l-informazzjoni lill-Istat Membru li jibgħatha huwa element bżonnjuż tat-tħaddim ta' sistema effettiva ta' skambju awtomatiku tal-informazzjoni. Huwa għalhekk adatt li jiġi sottolinjat li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom, darba fis-sena, jibagħtu feedback dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra kkonċernati. Fil-prattika, dan il-feedback mandatorju għandu jsir b'arranġamenti maqbula b'mod bilaterali.

(16)

Fejn ikun meħtieġ, skont l-istadju tal-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni skont din id-Direttiva, Stat Membru għandu jkun jista' jinvoka l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2011/16/UE f'dak li għandu x'jaqsam mal-iskambju ta' informazzjoni dwar talba biex tinkiseb informazzjoni addizzjonali, inkluż it-test sħiħ tad-deċiżjonijiet antiċipati transkonfinali u l-arranġamenti preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment mill-Istat Membru li jkunu ħarġu deċiżjonijiet jew arranġamenti ta' dan it-tip.

(17)

Huwa adatt li jiġi mfakkar li l-Artikolu 21(4) tad-Direttiva 2011/16/UE tirregola r-rekwiżiti tal-lingwa u tat-traduzzjoni applikabbli għat-talbiet għal kooperazzjoni, inklużi talbiet għal notifika, u d-dokumenti mehmuża. Dik ir-regola għandha tkun applikabbli wkoll f'każijiet fejn l-Istati Membri jitolbu informazzjoni addizzjonali, skont l-istadju tal-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni bażika dwar deċiżjonijiet antiċipati transkonfinali u l-arranġamenti preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment.

(18)

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha meħtieġa sabiex iwarrbu kull ostaklu li jista' jfixkel l-iskambju awtomatiku u obbligatorju effettiv u l-aktar wiesgħa possibbli ta' informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet antiċipati transkonfinali u l-arranġamenti preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment.

(19)

Sabiex jitjieb l-użu effiċjenti tar-riżorsi, ikun iffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni u tiġi evitata l-ħtieġa li kull Stat Membru jagħmel żviluppi simili għas-sistemi tagħhom biex tinħażen l-informazzjoni, għandu jkun hemm dispożizzjoni speċifika għall-istabbiliment ta' direttorju ċentrali, aċċessibbli għall-Istati Membri kollha u għall-Kummissjoni, li fih l-Istati Membri jkunu jistgħu itellgħu u jaħżnu l-informazzjoni minflok ma jiskambjaw dik l-informazzjoni permezz tal-e-Mail sekurizzat. L-arranġamenti prattiċi meħtieġa għall-istabbiliment ta' direttorju bħal dan għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 2011/16/UE.

(20)

Meta wieħed jikkunsidra n-natura u l-firxa tat-tibdiliet introdotti bid-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE (5) u din id-Direttiva, il-perijodu ta' żmien għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni, l-istatistika u r-rapporti previst skont id-Direttiva 2011/16/UE għandu jiġi estiż. Estensjoni bħal din għandha tiggarantixxi li l-informazzjoni li trid tingħata tista' tirrifletti l-esperjenza li tirriżulta minn dawn il-bidliet. L-estensjoni għandha tapplika kemm għall-istatistika kif ukoll għal informazzjoni oħra li jridu jiġu ppreżentati mill-Istati Membri qabel l-1 ta' Jannar 2018 u għar-rapport u, jekk ikun hemm bżonn għall-proposta li trid tiġi ppreżentata mill-Kummissjoni qabel l-1 ta' Jannar 2019.

(21)

Id-dispożizzjonijiet eżistenti dwar il-kunfidenzjalità għandhom jiġu emendati biex jirriflettu l-estensjoni tal-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni għad-deċiżjonijiet antiċipati transkonfinali u l-arranġamenti preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment.

(22)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiggarantixxi rispett totali għad-dritt tal-protezzjoni tad-data personali u tal-libertà li wieħed imexxi negozju.

(23)

Minħabba li l-objettiv ta' din id-Direttiva, jiġifieri l-kooperazzjoni amministrattiva effiċjenti bejn l-Istati Membri skont kondizzjonijiet kompatibbli mat-tħaddim tajjeb tas-suq intern, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista', minħabba l-uniformità u l-effikaċja meħtieġa, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dan l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(24)

Id-Direttiva 2011/16/UE għalhekk għandha tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2011/16/UE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-punt 9 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“9.

‘skambju awtomatiku’ tfisser,

(a)

għall-finijiet tal-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 8a, il-komunikazzjoni sistematika ta' informazzjoni definita minn qabel lil Stat Membru ieħor, mingħajr talba minn qabel, f'intervalli regolari stabbiliti minn qabel. Għall-finijiet tal-Artikolu 8(1), referenza għal informazzjoni disponibbli għandha x'taqsam mal informazzjoni fil-fajls dwar it-taxxa tal-Istat Membru li jkun qed jikkomunika l-informazzjoni, li tista' tiġi rkuprata f'konformità mal-proċeduri għall-ġbir u l-ipproċessar tal-informazzjoni f'dak l-Istat Membru;

(b)

għall-finijiet tal-Artikolu 8(3a), il-komunikazzjoni sistematika ta' informazzjoni definita minn qabel dwar residenti fi Stati Membri oħrajn lill-Istat Membru rilevanti ta' residenza mingħajr talba minn qabel, f'intervalli regolari stabbiliti minn qabel. Fil-kuntest tal-Artikolu 8(3a), l-Artikolu 8(7a), l-Artikolu 21(2) u l-Artikolu 25(2) u (3) kull terminu kapitalizzat għandu jkollu t-tifsira li għandu skont id-definizzjonijiet korrispondenti stipulati fl-Anness I;

(c)

għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet kollha ta' din d-Direttiva minbarra l-Artikoli 8(1), 8(3a) u 8a, il-komunikazzjoni sistematika ta' informazzjoni definita minn qabel mogħtija skont il-punti (a) u (b) ta' dan il-punt;”;

(b)

Jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“14.

‘deċiżjoni antiċipata transkonfinali’ tfisser kull ftehim, komunikazzjoni, jew kull strument jew azzjoni oħra b'effetti simili, inkluża deċiżjoni maħruġa, emendata jew imġedda fil-kuntest ta' awditu tat-taxxa, u li tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

tkun maħruġa, emendata jew imġedda minn, jew f'isem, il-gvern jew l-awtorità tat-taxxa ta' Stat Membru jew is-subdiviżjonijiet territorjali jew amministrattivi tal-Istat Membru, inklużi l-awtoritajiet lokali, irrispettivament minn jekk din tintużax b'mod effettiv;

(b)

tkun maħruġa, emendata jew imġedda, għal persuna partikolari jew grupp ta' persuni, u li dik il-persuna jew grupp ta' persuni huwa intitolat li jinvoka;

(c)

tikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dispożizzjoni legali jew amministrattiva dwar l-amministrazzjoni jew l-infurzar tal-liġijiet nazzjonali relatati mat-taxxi tal-Istat Membru, jew is-subdiviżjonijiet territorjali jew amministrattivi tal-Istat Membru, inklużi l-awtoritajiet lokali;

(d)

tkun relatata ma' transazzjoni transkonfinali jew mal-kwistjoni dwar jekk l-attivitajiet imwettqa minn persuna f'ġurisdizzjoni oħra joħolqux stabbiliment permanenti jew le; u

(e)

issir qabel it-transazzjonijiet jew l-attivitajiet f'ġurisdizzjoni oħra li potenzjalment joħolqu stabbiliment permanenti jew qabel il-preżentazzjoni ta' dikjarazzjoni tat-taxxa li tkopri l-perijodu li fih it-transazzjoni jew is-serje ta' transazzjonijiet jew attivitajiet ikunu seħħew.

It-transazzjoni transkonfinali tista' tinvolvi t-twettiq ta' investimenti, il-provvista ta' prodotti, servizzi, finanzi jew l-użu ta' assi tanġibbli jew intanġibbli, iżda mhix ristretta għal dawn biss u tista' ma tinvolvix direttament lill-persuna li tirċievi d-deċiżjoni antiċipata transkonfinali;

15.

‘arranġament preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment’ tfisser kull ftehim, komunikazzjoni jew kwalunkwe strument jew azzjoni oħra b'effetti simili, inkluż arranġament maħruġ, emendat jew imġedded fil-kuntest ta' awditu tat-taxxa, u li tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikun maħruġ, emendat jew imġedded minn, jew f'isem, il-gvern jew l-awtorità tat-taxxa ta' Stat Membru wieħed jew aktar, inkluż kull subdiviżjoni territorjali jew amministrattiv tiegħu, inklużi l-awtoritajiet lokali, irrispettivament minn jekk dan jintużax b'mod effettiv;

(b)

ikun maħruġ, emendat jew imġedded, għal persuna partikolari jew grupp ta' persuni, u li dik il-persuna jew grupp ta' persuni huwa intitolat li jinvoka; u

(c)

jiddetermina b'mod antiċipat għat-transazzjonijiet transkonfinali bejn intrapriżi assoċjati, sett xieraq ta' kriterji għad-determinazzjoni tal-ipprezzar tat-trasferimenti għal dawk it-transazzjonijiet jew jiddetermina l-attribuzzjoni tal-profitti għal stabbiliment permanenti.

L-intrapriżi huma intrapriżi assoċjati meta intrapriża waħda li tipparteċipa direttament jew indirettament fil-ġestjoni, il-kontroll jew il-kapital ta' intrapriża oħra jew l-istess persuni jipparteċipaw, direttament jew indirettament, fil-ġestjoni, il-kontroll jew il-kapital tal-intrapriżi.

Il-prezzijiet ta' trasferiment huma l-prezzijiet li bihom intrapriża tittrasferixxi prodotti fiżiċi u proprjetà intanġibbli jew tipprovdi servizzi lil intrapriżi assoċjati, u ‘l-ipprezzar ta' trasferimenti’ għandu jiġi interpretat skont dan;

16.

Għall-fini tal-punt 14 ‘transazzjoni transkonfinali’ tfisser transazzjoni jew serje ta' transazzjonijiet fejn:

(a)

mhux il-partijiet kollha għat-transazzjoni jew għas-serje ta' transazzjonijiet ikunu residenti għal finijiet tat-taxxa fl-Istat Membru li joħroġ, jemenda jew iġedded id-deċiżjonijiet antiċipati transkonfinali;

(b)

kwalunkwe waħda mill-partijiet għat-transazzjoni jew għas-serje ta' transazzjonijiet tkun simultanjament residenti għal finijiet ta' taxxa f'aktar minn ġurisdizzjoni waħda;

(c)

waħda mill-partijiet għat-transazzjoni jew għas-serje ta' transazzjonijiet twettaq negozju f'ġurisdizzjoni oħra permezz ta' stabbiliment permanenti u t-transazzjoni jew is-serje ta' transazzjonijiet tifforma parti jew it-totalità tan-negozju tal-istabbiliment permanenti. transazzjoni jew serje ta' transazzjonijiet transkonfinali għandha tinkludi wkoll arranġamenti magħmula minn persuna fir-rigward ta' attivitajiet ta' negozju f'ġurisdizzjoni oħra li dik il-persuna twettaq permezz ta' stabbiliment permanenti; jew

(d)

tali transazzjonijiet jew serje ta' transazzjonijiet ikollhom impatt transkonfinali.

Għall-fini tal-punt 15, ‘transazzjoni transkonfinali’ tfisser transazzjoni jew serje ta' transazzjonijiet li jinvolvu intrapriżi assoċjati li mhux kollha jkunu residenti għall-finijiet tat-taxxa fit-territorju ta' ġurisdizzjoni waħda jew transazzjoni jew serje ta' transazzjonijiet li jkollhom impatt transkonfinali.

17.

Għall-fini tal-punt 15 u 16, ‘intrapriża’ tfisser kwalunkwe forma ta' eżerċizzju ta' negozju.”;

(2)

Fl-Artikolu 8, il-paragrafi 4 u 5 huma mħassra.

(3)

Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 8a

Kamp ta' applikazzjoni u kondizzjonijiet għall-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni dwar deċiżjonijiet antiċipati transkonfinali u arranġamenti preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment

1.   L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru fejn tkun ħarġet, ġiet emendata jew imġedda deċiżjoni antiċipata transkonfinali jew arranġament preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment wara l-31 ta' Diċembru 2016 għandha, permezz ta' skambju awtomatiku, tikkomunika l-informazzjoni dwar dan lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra kollha kif ukoll lill-Kummissjoni Ewropea, bil-limitazzjoni tal-każijiet stipulati fil-paragrafu 8b ta' dan l-Artikolu, f'konformità mal-arranġamenti prattiċi applikabbli adottati bis-saħħa tal-Artikolu 21.

2.   L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru għandha, f'konformità mal-arranġamenti prattiċi applikabbli adottati bis-saħħa tal-Artikolu 21, tikkomunika informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra kollha kif ukoll lill-Kummissjoni Ewropea, bil-limitazzjoni tal-każijiet stipulati fil-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu, dwar deċiżjonijiet antiċipati transkonfinali u arranġamenti preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment maħruġa, emendati jew imġedda fi żmien perijodu li jibda ħames snin qabel l-1 ta' Jannar 2017.

Jekk jinħarġu, jiġu emendati jew jiġġeddu deċiżjonijiet antiċipati transkonfinali u arranġamenti preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment bejn l-1 ta' Jannar 2012 u l-31 ta' Diċembru 2013, għandha ssir komunikazzjoni ta' dan it-tip bil-kondizzjoni li kienu għadhom validi fl-1 ta' Jannar 2014.

Jekk jinħarġu, jiġu emendati jew jiġġeddu deċiżjonijiet antiċipati transkonfinali u arranġamenti preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment, bejn l-1 ta' Jannar 2014 u l-31 ta' Diċembru 2016, għandha ssir komunikazzjoni ta' dan it-tip irrispettivament minn jekk dawn ikunux għadhom validi.

L-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-komunikazzjoni msemmija f'dan il-paragrafu, informazzjoni dwar deċiżjonijiet antiċipati transkonfinali u arranġamenti preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment maħruġa, emendati jew imġedda qabel l-1 ta' April 2016 għal persuna partikolari jew grupp ta' persuni, esklużi dawk li jwettqu prinċipalment attivitajiet finanzjarji jew tal-investiment, li bħala grupp ikollu fatturat nett annwali, kif definit fil-punt (5) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), ta' inqas minn EUR 40 000 000 (jew l-ammont ekwivalenti f'kwalunkwe munita oħra) fis-sena fiskali ta' qabel id-data tal-ħruġ, emenda jew tiġdid ta' dawk id-deċiżjonijiet antiċipati transkonfinali u arranġamenti preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment.

3.   Arranġamenti preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment bilaterali jew multilaterali ma' pajjiżi terzi għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tal-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni skont dan l-Artikolu fejn il-ftehim internazzjonali dwar it-taxxa li skontu kien ġie nnegozjat l-arranġament preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment ma jippermettix l-iżvelar tiegħu lil partijiet terzi. Dawn l-arranġamenti preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment bilaterali jew multilaterali ser jiġu skambjati skont l-Artikolu 9, fejn il-ftehim internazzjonali dwar it-taxxa li skontu l-arranġament preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment kien ġie nnegozjat jippermetti l-iżvelar tagħha, u l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz tagħti permess biex l-informazzjoni tiġi żvelata.

Madankollu, fejn l-arranġamenti preliminari bilaterali jew multilaterali ta' prezzijiet ta' trasferiment jiġu esklużi mill-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni skont l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, l-informazzjoni identifikata fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu msemmija fit-talba li wasslet għall-ħruġ ta' dan l-arranġament preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment bilaterali jew multilaterali għandha minflok tiġi skambjata skont il-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu.

4.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw f'każ fejn deċiżjoni antiċipata transkonfinali tikkonċerna u tinvolvi esklużivament l-affarijiet fiskali ta' persuna fiżika waħda jew aktar.

5.   L-iskambju ta' informazzjoni għandu jsir kif ġej:

(a)

fir-rigward tal-informazzjoni skambjata skont il-paragrafu 1-fi żmien tliet xhur wara li jkun intemm in-nofs tas-sena kalendarja li matulha jkunu ħarġu, ġew emendati jew imġedda d-deċiżjonijiet antiċipati transkonfinali jew l-arranġamenti preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment;

(b)

f'dak li għandu x'jaqsam mal-informazzjoni skambjata skont il-paragrafu 2 — qabel l-1 ta' Jannar 2018.

6.   L-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata minn Stat Membru skont il-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

l-identifikazzjoni tal-persuna, għajr persuna fiżika, u fejn xieraq il-grupp ta' persuni, li għaliha tappartjeni;

(b)

sommarju tal-kontenut tad-deċiżjoni antiċipata transkonfinali jew arranġament preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment, inkluża deskrizzjoni tal-attivitajiet rilevanti ta' negozju jew transazzjonijiet jew serje ta' transazzjonijiet provduti f'termini astratti, mingħajr ma jirriżulta fl-iżvelar ta' sigriet kummerċjali, industrijali jew professjonali jew ta' proċess kummerċjali, jew ta' informazzjoni li l-iżvelar tagħha jmur kontra l-ordni pubbliku;

(c)

id-dati tal-ħruġ, emenda jew tiġdid tad-deċiżjoni antiċipata transkonfinali jew arranġament preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment;

(d)

id-data tal-bidu tal-perijodu tal-validità tad-deċiżjoni antiċipata transkonfinali jew arranġament preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment, jekk tkun speċifikata;

(e)

id-data ta' tmiem il-perijodu ta' validità tad-deċiżjoni antiċipata transkonfinali jew arranġament preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment, jekk speċifikata;

(f)

it-tip tad-deċiżjoni antiċipata transkonfinali jew arranġament preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment;

(g)

l-ammont tat-transazzjoni jew serje ta' transazzjonijiet tad-deċiżjoni antiċipata transkonfinali jew arranġament preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment jekk tali ammont ikun imsemmi fid-deċiżjoni antiċipata transkonfinali jew arranġament preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment;

(h)

id-deskrizzjoni tas-sett ta' kriterji użati biex jiġi stabbilit l-ipprezzar ta' trasferiment jew il-prezz tat-trasferiment innifsu fil-każ ta' arranġament preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment;

(i)

l-identifikazzjoni tal-metodu użat biex jiġi stabbilit l-ipprezzar tat-trasferiment jew il-prezz tat-trasferiment innifsu fil-każ ta' arranġament preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment;

(j)

l-identifikazzjoni tal-Istati Membri l-oħra, jekk hemm, li x'aktarx ikunu kkonċernati mid-deċiżjoni antiċipata transkonfinali jew arranġament preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment;

(k)

l-identifikazzjoni ta' kwalunkwe persuna, għajr persuna fiżika, fl-Istati Membri l-oħra, jekk hemm, li x'aktarx ikunu milquta mid-deċiżjoni antiċipata transkonfinali jew arranġament preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment (fejn għandu jiġi indikat ma' liema Stati Membri l-persuni milquta huma marbuta); u

(l)

l-indikazzjoni jekk l-informazzjoni kkomunikata hijiex ibbażata fuq deċiżjoni antiċipata transkonfinali jew fuq arranġament antiċipat dwar il-prezzijiet innifsu jew wara t-talba msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

7.   Biex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni msemmi fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tadotta l-arranġamenti prattiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu, inklużi miżuri biex jiġu standardizzati l-komunikazzjoni tal-informazzjoni stipulata fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu, bħala parti mill-proċedura li tistabbilixxi l-formola standard prevista fl-Artikolu 20(5).

8.   L-informazzjoni kif definita skont il-punti (a), (b), (h) u (k) tal-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu ma għandhiex tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni Ewropea.

9.   L-awtorità kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati, identifikata skont il-paragrafu 6(j), għandha tikkonferma mingħajr dewmien, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn sebat ijiem tax-xogħol, u jekk possibbli permezz ta' mezzi elettroniċi, il-wasla tal-informazzjoni lill-awtorità kompetenti li tkun provdiet l-informazzjoni. Din il-miżura għandha tkun applikabbli sakemm id-direttorju msemmi fl-Artikolu 21(5) isir operattiv.

10.   L-Istati Membri jistgħu, f'konformità mal-Artikolu 5, u wara li jkunu kkunsidraw l-Artikolu 21(4), jitolbu informazzjoni addizzjonali, inkluż it-test sħiħ ta' deċiżjoni antiċipata transkonfinali jew arranġament preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment.

Artikolu 8b

Statistika dwar skambji awtomatiċi

1.   Qabel l-1 ta' Jannar 2018, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni fuq bażi annwali bi statistika dwar il-volum ta' skambji awtomatiċi skont l-Artikoli 8 u 8a u, sa fejn ikun possibbli, b'informazzjoni dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji amministrattivi u oħrajn rilevanti relatati mal-iskambji li jkunu saru u kull bidla potenzjali oħra, kemm għall-amministrazzjonijiet fiskali kif ukoll għall-partijiet terzi.

2.   Qabel l-1 ta' Jannar 2019, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport li jagħti ħarsa ġenerali u valutazzjoni tal-istatistika u l-informazzjoni riċevuta skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, dwar kwistjonijiet bħall-ispejjeż u l-benefiċċji amministrattivi u oħrajn rilevanti tal-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni, kif ukoll aspetti prattiċi marbuta ma' dawn. Jekk xieraq, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta lill-Kunsill dwar il-kategoriji u l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(1), inkluża l-kondizzjoni li l-informazzjoni li tikkonċerna lil residenti fi Stati Membri oħra trid tkun disponibbli, jew il-partiti msemmija fl-Artikolu 8(3a) jew it-tnejn li huma.

Meta jkun qed jeżamina proposta ppreżentata mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu jivvaluta t-tisħiħ ulterjuri tal-effiċjenza u l-funzjonament tal-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni u t-titjib tal-istandard tiegħu, bil-għan li jipprevedi li:

(a)

l-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru għandha, permezz ta' skambju awtomatiku, tikkomunika lill-awtorità kompetenti ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor, informazzjoni dwar perijodi taxxabbli mill-1 ta' Jannar 2019 li tikkonċerna residenti f'dak l-Istat Membru l-ieħor, dwar il-kategoriji kollha ta' dħul u ta' kapital elenkati fl-Artikolu 8(1), kif għandhom jinftiehmu skont il-leġislazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru li jikkomunika l-informazzjoni; u

(b)

il-listi ta' kategoriji u partiti stabbiliti fl-Artikoli 8(1) u 8(3a) jiġu estiżi biex jinkludu kategoriji u partiti oħra, inklużi d-drittijiet dovuti għall-użu ta' proprjetà.

(*)  Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta' ċerti tipi ta' impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).”."

(4)

Fl-Artikolu 20, jinżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Formola standard, inklużi arranġamenti lingwistiċi, għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2) qabel l-1 ta' Jannar 2017. L-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar deċiżjonijiet antiċipati transkonfinali u arranġamenti preliminari ta' prezzijiet ta' trasferiment skont l-Artikolu 8a għandu jsir bl-użu ta' dik il-formola standard. Din il-formola standard ma għandhiex teċċedi l-komponenti għall-iskambju tal-informazzjoni elenkati fl-Artikolu 8a(6) u oqsma oħra relatati marbuta ma' dawn il-komponenti meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi tal-Artikolu 8a.

L-arranġamenti lingwistiċi msemmija fl-ewwel subparagrafu m'għandhomx jipprekludu lill-Istati Membri milli jikkomunikaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8a fi kwalunkwe waħda mil-lingwi uffiċjali u ta' ħidma tal-Unjoni. Madankollu, dawk l-arranġamenti lingwistiċi jistgħu jipprevedu li l-elementi ewlenin ta' din l-informazzjoni għandhom jintbagħtu wkoll f'xi lingwa uffiċjali u ta' ħidma oħra tal-Unjoni.”.

(5)

L-Artikolu 21 hu emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Persuni debitament akkreditati mill-Awtorità ta' Akkreditament ta' Sigurtà tal-Kummissjoni jista' jkollhom aċċess għal dik l-informazzjoni biss sa fejn tkun meħtieġa għall-kura, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tad-direttorju msemmi fil-paragrafu 5 u tan-netwerk komuni ta' komunikazzjoni (NKK).”;

(b)

jinżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta' Diċembru 2017, tiżviluppa u tipprovdi appoġġ tekniku u loġistiku għal direttorju ċentrali sikur tal-Istati Membri dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni fejn l-informazzjoni li trid tiġi kkomunikata fil-qafas tal-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 8a għandha tiġi rreġistrata sabiex jiġi ssodisfat l-iskambju awtomatiku previst f'dawk il-paragrafi. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni rreġistrata f'dak id-direttorju. Il-Kummissjoni għandu jkollha wkoll aċċess għall-informazzjoni rreġistrata f'dak id-direttorju, iżda fil-limitazzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8a(8). L-arranġamenti prattiċi meħtieġa għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2).

Sakemm isir operattiv dak id-direttorju ċentrali sikur, l-iskambju awtomatiku previst fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 8a għandu jsir f'konformità mal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u l-arranġamenti prattiċi applikabbli.”.

(6)

L-Artikolu 23 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni valutazzjoni annwali dwar l-effettività tal-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni msemmi fl-Artikolu 8 u fl-Artikolu 8a kif ukoll ir-riżultati prattiċi miksuba. Il-forma u l-kondizzjonijiet ta' komunikazzjoni ta' dik il-valutazzjoni annwali għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2).”.

(b)

Il-paragrafi 5 u 6 huma mħassra.

(7)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 23a

Kunfidenzjalità tal-informazzjoni

1.   L-informazzjoni kkomunikata lill-Kummissjoni skont din id-Direttiva għandha tinżamm kunfidenzjali mill-Kummissjoni f'konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-awtoritajiet tal-Unjoni u ma jistgħux jintużaw għal kwalunkwe fini ieħor minn dawk meħtieġa biex jiġi ddeterminat jekk u sa liema punt l-Istati Membri jikkonformaw ma' din id-Direttiva.

2.   Informazzjoni kkomunikata lill-Kummissjoni minn Stat Membru skont l-Artikolu 23, kif ukoll kwalunkwe rapport jew dokument prodott mill-Kummissjoni li juża tali informazzjoni, jistgħu jiġu trasmessi lil Stati Membri oħrajn. Tali informazzjoni trasmessa għandha tkun koperta bl-obbligu ta' segretezza uffiċjali u għandha tgawdi l-protezzjoni mogħtija lil informazzjoni simili skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li jkun irċeviha.

Ir-rapporti u d-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni, imsemmijin fl-ewwel subparagrafu, jistgħu jintużaw mill-Istati Membri biss għal finijiet analitiċi, u ma għandhomx jiġu ppubblikati jew ikunu disponibbli għal ebda persuna jew korp ieħor mingħajr il-qbil espliċitu tal-Kummissjoni.”.

(8)

Fl-Artikolu 25, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 japplika għal kull proċessar ta' data personali skont din id-Direttiva mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni. Madankollu, għall-fini tal-applikazzjoni korretta ta' din id-Direttiva, il-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikolu 11, l-Artikolu 12(1), l-Artikoli 13 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 huwa ristrett għal dak li hemm bżonn biss sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 20(1) ta' dak ir-Regolament.”.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-31 ta' Diċembru 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-1 ta' Jannar 2017.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Diċembru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

P. GRAMEGNA


(1)  Opinjoni tas-27 ta' Ottubru 2015 (għandha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 332, 8.10.2015, p. 64.

(3)  Opinjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 (għandha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1).

(5)  Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE tad-9 ta' Diċembru 2014 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 359, 16.12.2014, p. 1).


Top