Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31997R0338

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad— 9 ta' Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom

ĠU L 61, 03/03/1997, p. 1–69 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 20/05/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1997/338/oj

31997R0338



Official Journal L 061 , 03/03/1997 P. 0001 - 0069


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97

tad— 9 ta' Diċembru 1996

dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 130s (1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Waqt li jaġixxi skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 189c tat-Trattat [3],

(1) Billi r-Regolament (KEE) Nru 3626/82 [4] japplika l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċi fil-Periklu ta' Fawna u Flora Salvaġġi fil-Komunità b'effett mill-1 ta' Jannar 1984; billi l-iskop tal-Konvenzjoni huwa li jipproteġi l-ispeċi fil-periklu ta' fawna u flora salvaġġi permezz ta' kontrolli fiq il-kummerċ internazzjonali ta' kampjuni ta' dawk l-ispeċi;

(2) Billi, sabiex titjieb il-protezzjoni ta' l-ispeċi ta' fawna u flora salvaġġi li huma mhedda mill-kummerċ jew li x'aktarx jiġu mhedda, ir-Regolament (KEE) Nru 3626/82 għandu jkun sostitwit b'Regolament li jqis it-tagħrif xjentifiku akkwistat sa mill-adozzjoni tiegħu u l-istruttura tal-kummerċ fil-preżent; billi, aktar minn hekk, l-abolizzjoni ta' kontrolli fil-fruntieri interni li rriżultaw mis-Suq Wahdieni titlob l-adozzjoni ta' miżuri aktar stretti ta' kontroll fil-kummerċ fuq il-fruntieri esterni tal-Komunità, bid-dokumenti u oġġetti jkunu verifikati mill-uffiċċju doganali tal-fruntiera fejn dawn ikunu introdotti;

(3) Billi d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ma jippreġudikawx miżuri aktar stretti li jistgħu jittieħdu jew jinżammu fis-sehh minn Stati Membri, b'konformità mat-Trattat, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam maż-żamma ta' kampjuni ta' speċi koperti b'dan ir-Regolament;

(4) Billi huwa meħtieġ li jkunu stabbiliti kriterji oġġettivi dwar l-inklużjoni ta' speċi ta' fawna u flora salvaġġi fl-Annessi ta' dan ir-Regolament;

(5) Billi l-implimentazjoni ta' dan ir-Regolament titlob li jiġu applikati kondizzjonijiet komuni għall-ħruġ, użu u preżentazzjoni ta' dokumenti li għandhom x'jaqsmu ma' l-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fil-Komunità u ma' l-esportazzjoni jew ir-ri-esportazzjoni mill-Komunità tal-kampjuni ta' speċi koperti b'dan ir-Regolament; billi huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi li għandhom x'jaqsmu mal-ġarr ta' kampjuni fil-Komunità;

(6) Billi huwa għal awtorità amministrattiva ta' l-Istat Membru destinatarju, megħjun minn awtorità xjentifika ta' dak l-Istat Membru u, fejn xieraq, b'kunsiderazzjoni ta' kull opinjoni tal-Grupp ta' Reviżjoni Xjentifika, biex jiddeċiedi dwar talbiet għall-introduzzjoni ta' kampjuni fil-Komunità;

(7) Billi huwa meħtieġ li d-dispożizzjonijiet dwar ri-esportazzjoni ikunu supplimentati bi proċedura ta' konsultazzjoni, sabiex ikun limitat ir-riskju ta' ksur ta' regolamenti;

(8) Billi, biex tkun garantita l-protezzjoni aktar effettiva ta' l-ispeċi ta' fawna u flora salvaġġi, restrizzjonijiet addizzjonali jistgħu jkunu mposti fuq l-introduzzjoni ta' kampjuni fil-, u l-esportazjoni tagħhom mill-Komunità; billi, f'dak li għandu x'jaqsam ma' kampjuni ħajjin, dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu jkunu supplimentati b'restrizzjonijiet fil-livell ta' Komunità dwar iż-żamma jew il-moviment ta' kampjuni bħal dawn fil-Komunità;

(9) Billi huwa meħtieġ li jkunu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għal kampjuni li jkunu twieldu u trabbew fil-magħluq, jew ta' kampjuni mnissla artifiċjalment, għal kampjuni li huma oġġetti personali jew domestiċi, u għal self li ma jkunx kummerċjali, donazzjonijiet, skambji bejn xjenzjati reġistrati u istituzzjonijiet xjentifiċi;

(10) Billi hemm il-ħtieġa, sabiex tkun assigurata l-aktar protezzjoni wiesgħa possibbli għal kampjuni koperti b'dan ir-Regolament, li jkunu stabbiliti dispożizzjonijiet biex ikunu kontrollati l-kummerċ u l-moviment ta' kampjuni fil-Komunità, u l-kondizzjonijiet dwar fejn jinżammu dawn il-kampjuni; billi ċ-ċertifikati maħruġa permezz ta' dan ir-Regolament, li jikkontribwixxu għall-kontroll ta' dawn l-attivitajiet, għandhom ikunu regolati b'regoli komuni dwar il-ħruġ, validità u l-użu tagħhom;

(11) Billi għandhom jittieħdu miżuri biex jimminimizzaw l-effetti ħżiena fuq kampjuni ħajjin waqt it-trasport lejn id-destinazzjoni tagħhom, mill-u fil-Komunità;

(12) Billi, biex ikunu assigurati kontrolli effettivi u jkunu faċilitati proċeduri doganali, uffiċċji doganali għandhom ikunu nominati, b'persunal imħarreġ li jkun responsabbli għat-twettiq tal-formalitajiet meħtieġa u tal-verifiki korrispondenti meta kampjuni jkunu introdotti fil-Komunità, sabiex jingħatalhom trattament jew użu approvat mid-dwana fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità [5], jew meta dawn ikunu esportati jew ri-esportati mill-Komunità; billi għandu jkun hemm ukoll faċilitajiet biex jiggarantixxu li kampjuni ħajjin ikunu miżmuma kif xieraq u ndukrati;

(13) Billi l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament titlob ukoll in-nominazzjoni ta' awtoritajiet amministrattivi u xjentifiċi mill-Istati Membri;

(14) Billi l-fatt li jkun infurmat il-pubbliku u li jsir konxju tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, partikolarment fil-postijiet fejn jiltaqgħu il-fruntieri, x'aktarx jinkoraġġixxi l-konformità ma dawn id-dispożizzjonijiet;

(15) Billi, sabiex ikun assigurat it-twettiq effettiv ta' dan ir-Regolament, Stati Membri għandhom jissorveljaw mill-qrib il-konformità mad-dispożizzjonijiet tiegħu u, għal dak il-għan, jikkooperaw mill-qrib bejniethom u mal-Kummissjoni; billi dan jeħtieġ il-komunikazzjoni ta' informazjoni li għandha x'taqsam ma' l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament;

(16) Billi l-monitoraġġ tal-livelli tal-kummerċ fi speċi ta' fawna u flora salvaġġi koperti b'dan ir-Regolament huwa ta' importanza kruċjali għall-istudju dwar l-effetti fuq il-kummerċ u l-konservazzjoni ta' l-istatus ta' l-ispeċi; billi rapporti dettaljati annwali għandhom jittħejjew b'format komuni;

(17) Billi, sabiex tkun assigurata konformità ma dan ir-Regolament, huwa importanti li Stati Membri jimponu sanzjonijiet dwar xi ksur b'mod li jkun kemm suffiċjenti u kemm xieraq għan-natura u l-gravità tal-ksur;

(18) Billi huwa essenzjali li tkun stabbilita proċedura tal-Komunità li tawtorizza d-dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni u emendi għall-Annessi ta' dan ir-Regolament biex ikunu adottati fi żmien xieraq; billi Kumitat għandu jkun stabbilit biex johloq kooperazzjoni mill-qrib u effettiva bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni f'dan il-qasam;

(19) Billi l-kwantità ta' aspetti bijoloġiċi u ekoloġiċi li għandhom ikunu kkunsidrati fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament tinhtieġ il-holqien ta' Grupp ta' Reviżjoni Xjentifika, li l-opinjonijiet tiegħu għandhom ikunu mwassla mill-Kummissjoni lill-Kumitat u lill-korpi amministrattivi ta' l-Istati Membri, biex jgħinuhom jaslu għad-deċiżjonijiet tagħhom,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Għan

L-għan ta' dan ir-Regolament hu li jipproteġi l-ispeċi ta' fawna u flora salvaġġi u li jiggarantixxi l-konservazzjoni tagħhom billi jirregola l-kummerċ fihom skond l-Artikoli li ġejjin.

Dan ir-Regolament għandu japplika f'konformità ma' l-għanijiet, il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni imfissra fl-Artikolu 2.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament:

(a) "Kumitat" għandu jfisser il-Kumitat dwar il-Kummerċ ta' Fawna u Flora Salvaġġi, stabbilit bl-Artikolu 18;

(b) "Konvenzjoni" għandha tfisser il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fi Speċi fil-Periklu ta' Fawna u Flora Salvaġġi (Cites);

(ċ) "pajjiż ta' l-oriġini" għandu jfisser il-pajjiż li fih kampjun ikun ittieħed, twieled u trabba fl-ambjent naturali tiegħu jew tnissel artifiċjalment;

(d) "notifikazzjoni ta' importazzjoni" għandha tfisser in-notifika mogħtija mill-importatur jew l-aġent jew rappreżentant tiegħu, waqt l-introduzzjoni fil-Komunità ta' kampjun ta' speċi inkluża fl-Annessi C jew D, fuq formola preskritta mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18;

(e) "introduzzjoni mill-baħar" għandha tfisser l-introduzzjoni fil-Komunità ta' kull kampjun li jkun ittieħed fil-, u li jkun qiegħed jiġi ntrodott direttament mill-ambjent marittimu li ma jkunx taħt il-ġurisdizzjoni ta' xi Stat, inkluż l-ispazju ta' l-ajru ta' fuq il-baħar u l-qiegħ tal-baħar u s-sediment ta' taħt il-baħar;

(f) "il-ħruġ" għandu jfisser it-tkomplija tal-proċeduri kollha nvoluti fit-tħejjija u l-validazzjoni ta' permess jew ċertifikat u t-twassil tiegħu lill-applikant;

(g) "awtorità amministrattiva" għandha tfisser awtorità amministrattiva nazzjonali nominata, fil-każ ta' Stat Membru, skond l-Artikolu 13(1)(a) jew, fil-każ ta' Parti minn pajjiż terz tal-Konvenzjoni, skond l-Artikolu IX tal-Konvenzjoni;

(h) "Stat Membru destinatarju" għandu jfisser l-Istat Membru destinatarju msemmi fid-dokument użat għall-esportazzjoni jew ri-esportazzjoni ta' kampjun; fil-każ ta' imtroduzzjoni mill-baħar, għandu jfisser l-Istat Membru li fil-ġurisdizzjoni tiegħu jkun jinsab il-post tad-destinazzjoni tal-kampjun;

(i) "offerta għal bejgħ" għandha tfisser l-offerta għal bejgħ u kull azzjoni li raġonevolment tista tkun meqjusa bħala tali, inkluż ir-reklamanr jew kaġun ta' reklamar għal bejgħ u stedina għal trattament;

(j) "oġġetti personali jew domestiċi" għandha tfisser kampjuni mejta, partijiet jew derivattivi minnhom, li jkunu l-proprjetà ta' individwu privat u li jiffurmaw, jew li huma mahsuba biex jiffurmaw, parti mill-oġġetti u l-proprjetà mobbli tiegħu;

(k) "post destinatarju" għandu jfisser il-post mahsub li fih il-kampjuni għandhom normalment jinżammu fil-hin ta' l-introduzzjoni fil-Komunità; fil-każ ta' kampjuni ħajjin, dan għandu jkun l-ewwel post fejn il-kampjuni jkun mahsub li jinżammu wara xi perjodu ta' kwarantina jew xi għeluq iehor għal skopijiet ta' verifiki u kontrolli sanitarji;

(l) "popolazzjoni" għandha tfisser in-numru totali ta' individwi bijoloġikament jew ġeografikament distinti;

(m) "skopijiet primarjament kummerċjali" għandha tfisser l-iskopijiet kollha li l-aspetti mhux kommerċjali tagħhom ma jkunux jippredominaw b'mod ċar;

(n) "ri-esportazzjoni mill-Komunità" għandha tfisser esportazzjoni mill-Komunità ta' kull kampjun li jkun ġie introdott qabel;

(o) "introduzzjoni mill-ġdid fill-Komunità" għandha tfisser introduzzjoni fill-Komunità ta' xi kampjun li kien esportat jew ri-esportat qabel;

(p) "bejgħ" għandu jfisser kull tip ta' bejgħ. Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament, kiri, tpartit jew tibdil għandu jkun meqjus bħala bejgħ; espressjonijiet li jixxiebhu għandhom ikunu meqjusa bl-istess mod;

(q) "awtorità xjentifika" għandha tfisser awtorità xjentifika nominata, fil-każ ta' Stat Membru, skond l-Artikolu 13(1)(b) jew, fil-każ ta' Parti minn pajjiż terz tal-Konvenzjoni, skond l-Artikolu IX tal-Konvenzjoni;

(r) "Grupp ta' Reviżjoni Xjentifika" għandu jfisser korp kunsultattiv stabbilit skond l-Artikolu 17;

(s) "speċi" għandha tfisser speċi, sub-speċi jew il-popolazzjoni tagħhom;

(t) "kampjun" għandu jfisser kull annimal jew xitla, sew jekk haj/ħajja u sew jekk mejjet/mejta, ta' l-ispeċi elenkati fl-Annessi A sa D, xi parti jew derivattiva minnhom, kemm jekk tkun f'xi oġġetti ohra u kemm le, kif ukoll kull oġġett iehor li jitfaċċa minn xi dokument li jkun hemm magħhom, l-ippakkjar jew xi marka jew tikketta jew minn xi ċirkostanzi oħra, li huma jew li jkun fihom partijiet jew derivattivi ta' annimali jew pjanti ta' dawk l-ispeċi, sakemm dawk il-pjanti jew derivattivi ma jkunux speċifikament eżentati mid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jew minn xi dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-Anness li fih l-ispeċi kkonċernata hi elenkata permezz ta' indikazzjoni għal dak il-għan fl-Annessi konċernati.

Kampjun għandu jkun meqjus bħala kampjun ta' speċi elenkati fl-Annessi A sa D jekk ikun, jew jifforma parti minn jew ikun derivat minn, annimal jew pjanta li mill-anqas wieħed mill-"ġenituri" tiegħu/tagħha jkun mill-ispeċi hekk elenkata. Fil-każi fejn il-"ġenituri" ta' annimal jew pjanta bħal din huma ta' speċi elenkati f'L-Annessi diversi, jew ta' speċi li wieħed minnhom biss ikun elenkat, id-dispożizzjonijiet ta' l-Anness aktar restrittiv għandhom ikunu applikabbli. Madankollu, fil-każ ta' kampjuni ta' pjanti ibridi, jekk wieħed mill-"ġenituri" jkun ta' speċi elenkata fl-Anness A, id-dispożizzjonijiet ta' l-Anness l-aktar restrittiv għandhom ikunu applikabbli biss jekk dak l-ispeċi jkun annottat fl-Anness għal dak il-għan;

(u) "kummerċ" għandu jfisser l-introduzzjoni fil-Komunità, inkluża l-introduzzjoni mill-baħar, u l-esportazzjoni u ri-esportazzjoni minn hemm, kif ukoll l-użu, il-moviment u t-trasferiment tal-pussess fil-Komunità, inkluż fi Stat Membru, ta' kampjuni suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament;

(v) "ġarr" għandu jfisser it-trasport ta' kampjuni bejn żewġ postijiet barra mil-Komunità li jgħaddi minn gol-Komunità u li jkunu mibgħuta lil xi kunsinnatarju nominat u li matulu kull interruzzjoni fil-moviment tinholoq biss mill-arranġamenti meħtieġa għal dan it-tip ta' traffiku;

(w) "kampjuni maħduma li nkisbu aktar minn 50 sena qabel" għandha tfisser kampjuni li kienu nbidlu sostanzjalment mill-istat naturali tagħhom f'ġojjelli, tiżjin, arti, utilità, jew strumenti mużikali, aktar minn 50 sena qabel id-dħul fis-sehh ta' dan ir-Regolament u li kienu, għas-sodisfazzjoni ta' l-awtorità ta' l-amministrazzjoni ta' l-Istat Membru ikkonċernat, akkwistati b'dawk il-kondizzjonijiet. Kampjuni bħal dawn għandhom ikunu meqjusa bhala mahduma biss jekk ikun car li kienu f'waħda mill-kategoriji msemmija qabel u li ma jenħtiġux aktar tqattigħ, xogħol jew manifattura biex iwettqu l-iskop tagħhom;

(x) "verifiki filwaqt ta' l-introduzzjoni, esportazzjoni, ri-esportazzjoni u ġarr" għandha tffisser verifiki dokumentati taċ-ċertifikati, permessi u notifikazzjonijiet previsti f'dan ir-Regolament u — fil-każijiet fejn id-dispożizzjonijiet tal-Komunità hekk jiddisponu jew f'każijiet oħra b'kampjunarju rappreżentattiv tal-konsenji — eżami tal-kampjuni, meta jkun il-każ akkumpanjat bit-teħid ta' kampjuni bil-għan ta' analiżi u verifiki aktar dettaljati.

Artikolu 3

L-għan

1. L-Anness A għandu jkun fih:

(a) l-ispeċi elenkati fl-Appendiċi I tal-Konvenzjoni li dwarhom l-Istati Membri m'għamlux riserva;

(b) kull speċi:

(i) li tkun, jew li tista' tkun, fid-domanda għal utilizzazzjoni fil-Komunità jew għal kummerċ internazzjonali u li tkun jew mhedda bl-estinzjoni jew hekk rari li kull livell ta' kummerċ jista jipperikola s-sopravivenza ta' l-ispeċi;

jew

(ii) li tkun f'ġeneru li l-parti l-kbira ta' l-ispeċi tiegħu jew li tkun speċi li l-parti l-kbira tagħhom ikunu subspeċi elenkati fl-Anness A skond il-kriterji fis-subparagrafi (a) u (b) (i) u li l-elenku tagħhom fl-Anness ikun essenzjali għall-protezzjoni effettiva ta' dawk it-taxa.

2. L-Anness B għandu jkun fih:

(a) l-ispeċi elenkati fl-Appendiċi II tal-Konvenzjoni, għajr dawk elenkati fl-Anness A, li dwarhom l-Istati Membri ma kienux għamlu riserva;

(b) l-ispeċi elenkati fl-Appendiċi I tal-Konvenzjoni li dwarhom tkun saret riserva;

(ċ) xi speċi oħra li mhix elenkata fl-Appendiċi I jew II tal-Konvenzjoni:

(i) li tkunu suġġetta għal livelli ta' kummerċ internazzjonali li jistgħu ma jkunux kompatibbli:

- mas-sopravivenza tagħha jew mas-sopravivenza tal-popolazzjoni f'ċerti pajjiżi, jew

- maż-żamma tal-popolazzjoni totali f'livell konsistenti mar-rwol ta' l-ispeċi fl-eko-sistemi li fih tkun tinstab:

jew

(ii) li l-elenkar tagħha fl-Anness għal raġunijiet ta' xebh fid-dehra ma' speċi oħra elenkati fl-Anness A jew l-Anness B, ikun essenzjali sabiex ikunu assigurati l-kontrolli effettivi fuq il-kummerċ tal-kampjuni ta' speċi bħal dawk;

(d) speċi li dwarhom ikun ġie stabbilit li l-introduzzjoni ta' kampjuni ħajjin fl-ambjent naturali tal-Komunità tkun tohloq theddida ekoloġika għall-fawna u l-flora salvaġġi indiġeni tal-Komunità.

3. L-Anness C għandu jkun fih:

(a) l-ispeċi elenkati fl-Appendiċi III tal-Konvenzjoni, għajr dawk elenkati fl-Annessi A jew B, li dwarhom l-Istati Membri ma għamlux riserva;

(b) l-ispeċi elenkati fl-Appendiċi II tal-Konvenzjoni li dwarhom tkun saret riserva.

4. L-Anness D għandu jkun fih:

(a) speċi li mhumiex elenkati fl-Annessi A sa C li jkunu impurtati fil-Komunità fi kwantitajiet li jkunu jinħtieġu monitoraġġ;

(b) l-ispeċi elenkati fl-Appendiċi III tal-Konvenzjoni li dwarhom tkun saret riserva.

5. Fejn l-istatus ta' konservazzjoni ta' speċi koperti b'dan ir-Regolament jiġġustifika li jkunu inklużi f'wieħed mill-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni, l-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu għall-emendi meħtieġa.

Artikolu 4

Introduzzjoni fil-Komunità

1. L-introduzzjoni fil-Komunità ta' kampjuni ta' speċi elenkati fl-Anness A għandha tkun suġġetta għat-twettiq tal-verifiki meħtieġa u l-preżentazzjoni minn qabel, fl-uffiċċju doganali tal-fruntiera fil-post ta' l-introduzzjoni, ta' permess ta' importazzjoni maħruġ mill-awtorità amministrattiva ta' l-Istat Membru destinatarju.

Il-permess ta' importazzjoni jista jkun maħruġ biss skond ir-restrizzjonijiet stabbiliti skond il-paragrafu 6 u meta dawn il-kondizzjonijiet ikunu ġew imharsa:

(a) l-awtorità xjentifika kompetenti, wara li tkun ikkunsidrat kull opinjoni mill-Grupp Xjentifiku tar-Reviżjoni, tkun avżat li l-introduzzjoni fil-Komunità:

(i) ma jkollhiex effett ħażin fuq l-istatus ta' konservazzjoni ta' l-ispeċi jew fuq il-medda territorjali okkupata mill-popolazzjoni relevanti ta' l-ispeċi;

(ii) tkun qed isseħħ:

- għall wieħed mill-għanijiet imsemmijin fl-Artikolu 8(3)(e), (f) u (g), jew

- għal għanijiet oħra li ma jkunux detrimentali għas-sopravivenza ta' l-ispeċi konċernati;

(b) (i) l-applikant jipprovdi evidenza dokumentata li l-kampjuni nkisbu skond il-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni ta' l-ispeċi konċernati li, fil-każ ta' importazzjoni minn pajjiż terz ta' kampjun ta' speċi elenkati fl-Appendiċi tal-Konvenzjoni, għandha tkun permess ta'esportazzjoni jew ri-esportazzjoni, jew kopja tagħhom, maħruġ skond il-Konvenzjoni mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż esportatur jew ri-esportatur;

(ii) madankollu, il-ħruġ ta' permessi ta' importazzjoni għal speċi elenkati fl-Anness A skond l-Artikolu 3(1)(a) m'għandux jeħtieġ din l-evidenza dokumentata, imma l-oriġinali ta' kull permess ta' importazzjoni m'għandux jingħata lill-applikant qabel ma jkun ippreżentat il-permess ta' l-esportazzjoni jew iċ-ċertifikat tar-ri-esportazzjoni;

(ċ) l-awtorità xjentifika kompetenti tkun sodisfatta li l-post mahsub li fih ikun ser jinżamm il-kampjun ħaj fil-post destinatarju jkun mgħammar adegwatament biex ikun ikkonservat u mhares kif għandu jkun;

(d) l-awtorità amministrattiva tkun sodisfatta li l-kampjun ma jkunx użat primarjament għal skopijiet kummerċjali;

(e) l-awtorità amministrattiva tkun sodisfatta, wara konsultazzjoni ma' l-awtorità xjentifika kompetenti, li ma jkunx hemm fatturi oħra li għandhom x'jaqsmu mal-konservazzjoni ta' l-ispeċi li jkunu opposti għall-ħruġ tal-permess ta' importazzjoni; u

(f) fil-każ ta' introduzzjoni mill-baħar, l-awtorità amministrattiva tkun sodisfatta li kull kampjun ħaj ikun imħejji u mibgħut bil-bahar b'mod li jnaqqaslu kemm jista' jkun ir-riskju ta' hsara, dannu għas-saħħa jew trattament ħażin.

2. L-introduzzjoni fil-Komunità ta' kampjuni ta' l-ispeċi elenkati fl-Anness B għandha tkun suġġetta għat-twettiq tal-verifiki kollha meħtieġa u l-preżentazzjoni minn qabel, fl-uffiċju doganali tal-fruntiera fil-post ta' l-introduzzjoni, ta' permess ta' importazzjoni maħruġ mill-awtorità amministrattiva ta' l-Istat Membru destinatarju.

Il-permess ta' importazzjoni jista jinhareġ biss skond ir-restrizzjonijiet stabbiliti skond il-paragrafu 6 u meta:

(a) l-awtorità xjentifika kompetenti, wara li tkun eżaminat id — data disponibbli u kkkunsidrat kull opinjoni mill-Grupp ta' Reviżjoni Xjentifika, tkun ta' l-opinjoni li l-introduzzjoni fil-Komunità ma jkollhiex effetti ħżiena fuq l-istatus ta' konservazzjoni ta' l-ispeċi jew dwar il-medda territorjali okkupata mill-popolazzjoni relevanti ta' l-ispeċi, waqt li jkunu meqjusa l-livelli kummerċjali tal-preżent u tal-ġejjieni. Din l-opinjoni għandha tkun valida għal importazzjonijiet sussegwenti sakemm l-aspetti msemmija hawn fuq ma jkunux tbiddlu sinifikament;

(b) l-applikant jagħti evidenza dokumentata li l-post mahsub biex jinżamm fih il-kampjun ħaj fil-post destinatarju jkun mgħammar adegwatament biex ikun ikkonservat u mhares kif għandu jkun;

(ċ) il-kondizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 (b) (i), (e) u (f) ikunu ġew imharsa.

3. L-introduzzjoni fil-Komunità ta' kampjuni ta' speċi elenkati fl-Anness C għandha tkun suġġetta għat-twettiq tal-verifiki kollha meħtieġa u l-preżentazzjoni minn qabel, fl-uffiċċju doganali tal-fruntiera fil-post ta' l-introduzzjoni, ta' notifika ta' importazzjoni u:

(a) fil-każ ta' esportazzjoni minn pajjiż imsemmi f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-ispeċi kkonċernat fl-Anness C, l-applikant għandu jagħti evidenza dokumentata, permezz ta' permess ta' esportazzjoni maħruġ skond il-Konvenzjoni minn awtorità ta' dak il-pajjiż li tkun kompetenti għal dak il-għan, li l-kampjuni jkunu nkisbu skond il-leġislazzjoni nazzjonali dwar il-konservazzjoni ta' l-ispeċi ikkonċernati; jew

(b) fil-każ ta' esportazzjoni minn pajjiż li mhux imsemmi fir-rigward ta' l-ispeċi kkonċernati fl-Anness C jew ta' ri-esportazzjoni minn xi pajjiż, l-applikant għandu jippreżenta permess ta' esportazzjoni, ċertifikat ta' ri-esportazzjoni jew ċertifikat ta' oriġini maħruġ skond il-Konvenzjoni minn awtorità tal-pajjiż esportatur jew ri-esportatur li tkun kompetenti għal dak il-għan.

4. L-introduzzjoni fil-Komunità ta' kampjuni ta' l-ispeċi elenkati fl-Anness D għandha tkun suġġett għat-twettiq tal-verifiki kollha meħtieġa u l-preżentazzjoni minn qabel ta' notifika ta' importazzjoni fl-uffiċċju doganali tal-fruntiera fil-post ta' l-introduzzjoni.

5. Il-kondizzjonijiet għal ħruġ ta' permess ta' importazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 (a) u (d) u fil-paragrafu 2 (a), (b) u (c) m'għandhomx ikunu applikabbli għal kampjuni li dwarhom l-applikant ikun ta evidenza dokumentata:

(a) li kienu ġew introdotti legalment qabel fil-Komunità jew li nkisbu fiha u li dawn huma, sew jekk immodifikati u anki jekk le, qegħdin jerġgħu jiddaħhlu mill-ġdid fil-Komunità; jew

(b) li jkunu kampjuni maħduma li nkisbu aktar minn 50 sena qabel.

6. B'konsultazzjoni mal-pajjiżi ta' l-oriġini konċernati, skond il-proċeduri preskritti fl-Artikolu 18 u filwaqt li tkun ikkunsidrata kull opinjoni mill-Grupp ta' Reviżjoni Xjentifika, il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi restrizzjonijiet ġenerali, jew restrizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' ċerti pajjiżi ta' oriġini, dwar l-introduzzjoni fil-Komunità:

(a) fuq il-bażi tal-kondizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 (a) (i) jew (e), ta' kampjuni ta' speċi elenkati fl-Anness A;

(b) fuq il-bażi tal-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (e) jew paragrafu 2 (a), ta' kampjuni ta' speċi elenkati fl-Anness B; u

(ċ) ta' kampjuni ħajjin ta' speċi elenkati fl-Anness B li jkollhom rata għolja ta' mortalità waqt il-ġarr bil-bahar jew li dwarhom ikun ġie stabbilit li dawn aktarx ma jkampawx fil-magħluq għal proporzjon konsiderevoli tat-tul tal-ħajja potenzjali tagħhom; jew

(d) ta' kampjuni ħajjin ta' speċi li dwarhom ikun ġie stabbilit li l-introduzzjoni tagħhom fl-ambjent naturali tal-Komunità toħloq theddida ekoloġika għall-ispeċi ta' fawna u flora salvaġġi li jkunu indiġeni għall-Komunità.

Il-Kummissjoni għandha fuq bażi ta' kull tlett xhur tippubblika lista ta' restrizzjonijiet bħal dawn, jekk ikun hemm, fil-Gurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

7. Fil-każi speċjali meta trasbord, trasferiment bl-ajru jew trasport bil-ferrovija jseħħ wara l-introduzzjoni fil-Komunità, derogi mit-twettiq tal-verifiki u l-preżentazzjonijiet ta' dokumenti ta' importazzjoni fl-uffiċċju doganali tal-fruntiera fil-post ta' l-introduzzjoni msemmijin fil-paragrafi 1 sa 4 għandhom jingħataw skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 18, sabiex jippermettu li jsiru verifiki u preżentazzjonijiet bħal dawk f'uffiċċju doganali ieħor nominat skond l-Artikolu 12(1).

Artikolu 5

Esportazzjoni jew ri-esportazzjoni mill-Komunità

1. L-esportazzjoni jew ri-esportazzjoni mill-Komunità ta' kampjuni ta' l-ispeċi elenkati fl-Anness A għandhom ikunu suġġetti għat-twettiq tal-verifiki meħtieġa u l-preżentazzjoni minn qabel, fl-uffiċċju doganali li fihom ikunu saru l-formalitajiet ta' esportazzjoni, ta' permess ta' esportazzjoni jew ċertifikat ta' ri-esportazzjoni maħruġ minn awtorità amministrattiva ta' l-Istat Membru li fih jinsabu l-kampjuni.

2. Permess ta' esportazzjoni ta' kampjuni ta' l-ispeċi elenkati fl-Anness A jista jinħareġ biss meta l-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu mharsa:

(a) l-awtorità xjentifika kompetenti tkun avżat bil-miktub li l-qbid jew il-ġbir tal-kampjuni fl-ambjent naturali jew l-esportazzjoni tagħhom ma jkollux effett ħażin fuq l-istatus ta' konservazzjoni ta' l-ispeċi jew fuq il-medda territorjali okkupata mill-popolazzjoni relevanti ta' l-ispeċi;

(b) l-applikant jipproduċi evidenza dokumentata li l-kampjuni jkunu nkisbu skond il-leġislazzjoni fis-sehh dwar il-protezzjoni ta' l-ispeċi in kwistjoni; meta l-applikazzjoni ssir lil Stat Membru għajr l-Istat Membru ta' l-oriġini, evidenza dokumentata bħal din għandha tingħata permezz ta' ċertifikat li jgħid li l-kampjun kien ittiehed mill-ambjent naturali skond il-leġislazzjoni fis-sehh fit-territorju tiegħu;

(ċ) l-awtorità amministrattiva tkun sodisfatta li:

(i) kull kampjun ħaj ikun imħejji u mibgħut bil-bahar b'mod li jnaqqaslu r-riskju ta' ħsara, dannu għas-saħħa jew trattament ħażin; u

(ii) - il-kampjuni ta' speċi mhux elenkati fl-Anness I tal-Konvenzjoni ma jkunux sejrin jintużaw primarjament għal skopijiet kummerċjali, jew

- fil-każ ta' esportazzjoni lejn Stat li jkun Parti għall-Konvenzjoni ta' kampjuni ta' l-ispeċi msemmijin fl-Artikolu 3(1)(a) ta' dan ir-Regolament, permess ta' importazzjoni jkun inhareġ;

u

(d) l-awtorità amministrattiva ta' l-Istat Membru tkun sodisfatta, wara konsultazzjoni ma' l-awtorità xjentifika kompetenti, li ma jkunx hemm fatturi oħra li għandhom x'jaqsmu mal-konservazzjoni ta' l-ispeċi li jkunu opposti għall-ħruġ tal-permess ta' esportazzjoni.

3. Ċertifikat ta' ri-esportazzjoni jista jinħareġ biss meta l-kondizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 2 (c) u (d) ikunu tħarsu u meta l-applikant jipproduċi evidenza dokumentata li l-kampjuni:

(a) iddahhlu fil-Komunità skond id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament;

(b) jekk iddahhlu fil-Komunità qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, kienu ddaħħlu skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (EKE) Nru 3626/82; jew

(ċ) jekk iddaħħlu fil-Komunità qabel l-1984, daħlu fil-kummerċ internazzjonali skond id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni; jew

(d) kienu ddaħħlu legalment fit-territorju ta' Stat Membru qabel ma d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti msemmijin f' (a) u (b) tal-Konvenzjoni kienu saru applikabbli għalihom, jew li jkunu saru applikabbli f'dak l-Istat Membru.

4. L-esportazzjoni jew ri-esportazzjoni mill-Komunità ta' kampjuni ta' l-ispeċi elenkati fl-Annessi B u C għandhom ikunu suġġetti għat-twettiq tal-verifiki meħtieġa u l-preżentazzjoni minn qabel, fl-uffiċċju doganali li fih ikunu saru l-formalitajiet ta' l-esportazzjoni, ta' permess ta' esportazzjoni jew ċertifikat ta' ri-esportazzjoni maħruġ minn awtorità amministrattiva ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsabu l-kampjuni.

Permess ta' esportazzjoni jista jinħareġ biss meta l-kondizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 2 (a), (b), (c) (i) u (d) ikunu ġew imharsa.

Ċertifikat ta' ri-esportazzjoni jista jinħareġ biss meta l-kondizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 2 (c) u (d) u fil-paragrafu 3 (a) sa (d) jkunu ġew imharsa.

5. Meta applikazzjoni għal ċertifikat ta' ri-esportazzjoni tkun dwar kampjuni introdotti fil-Komunità permezz ta' permess ta' importazzjoni maħruġ minn xi Stat Membru ieħor, l-awtorità amministrattiva għandha l-ewwel tikkonsulta ma' l-awtorità amministrattiva li tkun ħarġet il-permess. Il-proċeduri ta' konsultazzjoni u l-każi li dwarhom tkun meħtieġa konsultazzjoni għandhom ikunu stabbiliti skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 18.

6. Il-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta' permess ta' esportazzjoni jew ċertifikat ta' ri-esportazzjoni kif imsemmijin fil-paragrafu 2 (a) u (c) (ii) m'għandhomx ikunu applikabbli għal:

(i) kampjuni mahduma li kienu nkisbu aktar minn 50 sena qabel; jew

(ii) kampjuni mejta u partijiet u derivattivi minnhom li dwarhom l-applikant jipproduċi evidenza dokumentata li dawn kienu nkisbu legalment qabel ma d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, jew tar-Regolament (KEE) Nru 3626/82 jew tal-Konvenzjoni, kienu saru applikabbli għalihom.

7. (a) L-awtorità xjentifika kompetenti ta' kull Stat Membru għandha timmonitorja l-ħruġ ta' permessi ta' esportazzjoni minn dak l-Istat Membru dwar kampjuni elenkati fl-Anness B u esportazzjonijiet attwali ta' dawk il-kampjuni. Kull meta awtorità xjentifika bħal din tiddeċiedi li l-esportazzjoni ta' kampjuni ta' xi speċi għandha tkun limitata sabiex dik l-ispeċi tinżamm fil-gruppi kollha tagħha f'livell konsistenti mar-rwol tagħha fl-eko-sistema li tkun fiha, u 'l fuq sew mill-livell li fih dik l-ispeċi tista' tkun eliġibbli biex tkun inkluża fl-Anness A skond l-Artikolu 3(1)(a) jew (b) (i), l-awtorità xjtentifika għandha tagħti parir lill-awtorità amministrattiva kompetenti, bil-miktub, dwar miżuri xierqa li għandhom jittieħdu biex tillimita l-ħruġ ta' permessi għal kampjuni ta' dak l-ispeċi.

(b) Kull meta awtorità amministrattiva tkun infurmata bil-miżuri msemmijin f'(a), din għandha tinforma u tibgħat kummenti lill-Kummissjoni li trid, jekk xieraq, tirrakkomanda restrizzjonijiet dwar esportazzjonijiet ta' l-ispeċi konċernata skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 18.

Artikolu 6

Rifjut ta' applikazzjonijiet għal permessi u ċertifikati imsemmijin fl-Artikoli 4, 5 u 10

1. Meta Stat Membru jirrifjuta applikazzjoni għal permess jew ċertifikat f'każ sinifikattiv rigward l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, hu għandu immedjatament jinforma lill-Kummissjoni bir-rifjut u r-raġunijiet tar-rifjut.

2. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-informazzjoni li tkun irċeviet skond il-paragrafu 1 lill-Istati Membri l-oħra sabiex tassigura li r-Regolament ikun applikat b'uniformità.

3. Meta ssir applikazzjoni għal permess jew ċertifikat li għandha x'taqsam mal-kampjuni li dwarhom applikazzjoni bħal din tkun ġiet miċħuda qabel, l-applikant għandu jinforma lill-awtorità kompetenti li jkun bgħatilha l-applikazzjoni dwar ir-rifjut ta' qabel.

4. (a) Stati Membri għandhom jirrikonoxxu r-rifjut ta' applikazzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-oħra, meta rifjuti bħal dawn ikunu ibbażati fuq id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

(b) Madankollu, dan m'għandux japplika bilfors meta ċ-ċirkostanzi jkunu nbidlu sinifikament jew meta evidenza ġdida ta' appoġġ għall-applikazzjoni tkun saret disponibbli. F'każi bħal dawn, jekk l-awtorità amministrattiva toħroġ permess jew ċertifikat, għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar dan, u tagħti r-raġunijiet għall-ħruġ.

Artikolu 7

Derogi

1. Kampjuni mwielda u mrobbija fil-magħluq jew imnissla artifiċjalment

(a) Ħlief meta l-Artikolu 8 ikun applikabbli, kampjuni ta' speċi elenkati fl-Anness A li kienu twieldu u trabbew fil-magħluq jew tnisslu artifiċjalment għandhom ikunu ttrattati skond id-dispożizzjonijiet applikabbli għal kampjuni ta' l-ispeċi elenkati fl-Anness B.

(b) Fil-każ ta' pjanti mnissla artifiċjalment, id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 4 u 5 jistgħu jitwarrbu permezz ta' kondizzjonijiet speċjali preskritti mill-Kummissjoni, li għandhom x'jaqsmu ma:

(i) l-użu ta' ċertifikati fitosanitarji;

(ii) negozju minn negozjanti kummerċjali reġistrati u mil-istituzzjonijiet xjentifiċi msemmijin fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu; u

(iii) negozju f'ibridi.

(ċ) Il-kriterji biex ikun determinat jekk kampjun ikunx twieled jew trabba fil-magħluq jew jekk ikunx tnissel artifiċjalment u jekk huwiex għal għanijiet kummerċjali, kif ukoll il-kondizzjonijiet speċjali msemmijin f'(b), għandhom ikunu speċifikati mill-Kummissjoni skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 18.

2. Transitu

(a) B'deroga mill-Artikolu 4, meta kampjun ikun fi transitu fil-Komunità, verifiki u preżentazzjoni fl-uffiċċju doganali tal-fruntiera fil-post ta' l-introduzzjoni preskritt fuq il-permessi, ċertifikati u notifiki m'għandhomx ikunu meħtieġa.

(b) Fil-każ ta' l-ispeċi elenkati fl-Annessi skond l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 3(2)(a) u (b), id-deroga msemmija f' (a) għandha tkun applikabbli biss meta dokument validu ta' esportazzjoni jew ri-esportazzjoni li hemm dispożizzjoni dwaru mill-Konvenzjoni, li għandu x'jaqsam ma kampjuni li jkunu flimkien miegħu u li jispeċifika d-destinazzjoni tal-kampjuni, ikun inhareġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz esportatur jew ri-esportatur.

(ċ) Jekk id-dokument imsemmi f' (b) ma jkunx inħareġ qabel l-esportazzjoni jew ri-esportazzjoni, il-kampjun għandu jinqabad u jista', fejn applikabbli, jiġi kkonfiskat sakemm id-dokument ma jintbgħatx retrospettivament bi qbil mal-kondizzjonijiet speċifikati mill-Kummissjoni skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 18.

3. Oġġetti personali jew domestiċi

B'deroga mil-Artikoli 4 u 5, id-dispożizzjonijiet li hemm fihom m'għandhomx ikunu applikabbli għal kampjuni mejta, partijiet u derivattivi ta' speċi msemmija fl-Annessi A sa D li jkunu oġġetti personali jew domestiċi li jkunu qed jiddaħħlu fil-Komunità, jew esportati jew ri-esportati minnha, b'konformità mad-dispożizzjonijiet li għandhom ikunu speċifikati mill-Kummissjoni skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 18.

4. Istituzzjonijiet xjentifiċi

Id-dokumenti msemmijin fl-Artikoli 4, 5, 8 u 9 m'għandhomx ikunu meħtieġa fil-każ ta' self mhux kummerċjali, donazzjonijiet u skambji bejn xjenzjati u istituzzjonijiet xjentifċi, reġistrati mill-awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istati li fihom ikunu jinsabu, ta' kampjuni ta' erbarju u kampjuni oħra priżervati, imnixxfa jew kampjuni mwaħħlin f'mużewijiet, u ta' materjal ħaj ta' pjanti, li jkollu tikketta, li l-mudell tagħha kien ġie determinat skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 18 jew tikketta simili maħruġa jew approvata mill-awtorità amministrattiva ta' pajjiż terz.

Artikolu 8

Dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-kontroll ta' attivitajiet kummerċjali

1. Ix-xiri, l-offerta għax-xiri, il-ksib għal għanijiet kummerċjali, il-wiri fil-pubbliku għal skopijiet kummerċjali, l-użu għal qliegħ u l-bejgħ kummerċjali, iż-żamma għall-bejgħ, l-offerta għal bejgħ jew it-trasport għal bejgħ ta' kampjuni ta' l-ispeċi elenkati fl-Anness A għandu jkun projbit.

2. Stati Membri jistgħu jipprojbixxu li wiehed iżomm kampjuni, partikolarment ta' annimali ħajjin ta' l-ispeċi elenkati fl-Anness A.

3. Skond il-ħtiġijiet ta' leġislazzjoni oħra tal-Komnunità dwar il-konservazzjoni ta' fawna u flora salvaġġi, eżenzjoni mill-projbizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 tista' tingħata bil-ħruġ ta' ċertifikat għal dak l-iskop mill-awtorità amministrattiva ta' l-Istat Membru li fih ikunu jinsabu l-kampjuni, fuq il-bażi ta' każ każ meta l-kampjuni:

(a) kienu nkisbu jew iddaħħlu fil-Komunità qabel ma d-dispożizzjonijiet dwar l-ispeċi elenkati fl-Appendiċi I tal-Konvenzjoni jew fl-Anness C1 tar-Regolament (KEE) Nru 3626/82 jew fl-Anness A, kienu saru applikabbli għall-kampjuni; jew

(b) huma kampjuni mahduma li kienu nkisbu aktar minn 50 sena qabel; jew

(ċ) kienu ġew introdotti fil-Komunità skond id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u li ser ikunu wżati għal skopijiet li mhumiex detrimentali għas-sopravivenza ta' l-ispeċi kkonċernati; jew

(d) kienu kampjuni li twieldu u trabbew fil-magħluq ta' speċi ta' annimali jew kampjuni ta' speċi mnisslin artifiċjalment jew partijiet jew derivattivi ta' kampjuni bħal dawk; jew

(e) ikunu meħtieġa f'ċirkostanzi eċċezzjonali għall-progress tax-xjenza jew għal skopijiet bijomediċi essenzjali skond id-Direttiva tal-Kunsill 86/609/KEE ta' l-24 ta' Nobembru 1986 dwar l-approssimazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri rigward il-protezzjoni ta' annimali użati għal għanijiet sperimentali u għanijiet xjentifiċi oħra [6] meta l-ispeċi in kwistjoni turi li tkun l-unika wahda addattata għal dawk l-għanijiet u meta ma jkunx hemm kampjuni ta' l-ispeċi li jkunu twieldu u trabbew fil-magħluq; jew

(f) ikunu mahsuba għal għanijiet ta' trobbija jew tnissil li bihom jiżdiedu l-benefiċċji ta' konservazzjoni għall-ispeċi kkonċernati; jew

(g) ikunu mahsuba għal riċerka jew edukazzjoni immirata lejn il-priservazzjoni jew konservazzjoni ta' l-ispeċi; jew

(h) joriġinaw fi Stat Membru u jkunu ttiehdu mill-ambjent naturali skond il-leġislazzjoni fis-seħħ ta' dak l-Istat Membru.

4. Derogi ġenerali mill-projbizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 ibbażati fuq il-kondizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 3, kif ukoll derogi ġenerali dwar speċi elenkati fl-Anness A skond l-Artikolu 3(1)(b) (ii) jistgħu jkunu definiti mill-Kummissjoni skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 18. Derogi bħal dawn għandhom ikunu skond il-ħtiġijiet ta' xi leġislazzjoni oħra tal-Komunità dwar il-konservazzjoni ta' fawna u flora salvaġġi.

5. Il-projbizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ukoll ikunu applikabbli għal kampjuni ta' l-ispeċi elenkati fl-Anness B ħlief meta jkun jista jiġi ppruvat għas-sodisfazzjon ta' l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru konċernat li dawk il-kampjuni kienu nkisbu u, jekk kienu joriġinaw minn barra l-Komunità, li kienu ġew introdotti fiha, skond il-leġislazzjoni fis-seħħ dwar il-konservazzjoni ta' fawna u flora salvaġġi.

6. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandu jkollhom id-diskrezzjoni li jbiegħu kull kampjun ta' l-ispeċi elenkati fl-Annessi B sa D li jkunu kkonfiskaw permezz ta' dan ir-Regolament, basta li b'hekk ma jerġax ikun mogħti lura lill-dik il-persuna jew entità li minn għandha jkun ġie kkonfiskat jew li kienet parti fl-offiża. Kampjuni bħal dawn jistgħu imbagħad ikunu kkunsidrati għall-għanijiet kollha bhallikieku kienu nkisbu legalment.

Artikolu 9

Moviment ta' kampjuni ħajjin

1. Kull moviment fil-Komunità ta' kampjuni ħajjin ta' xi speċi elenkati fl-Anness A mill-post indikat fil-permess ta' importazzjoni jew f'kull ċertifikat maħruġ skond dan ir-Regolament għandu jkun jeħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel ta' awtorità ta' amministrattiva ta' l-Istat Membru li l-kampjun ikun jinsab fih. F'każi oħra ta' moviment, il-persuna risponsabbli għall-moviment tal-kampjun għandha tkun tista', meta applikabbli, tipproduċi prova ta' l-oriġini legali tal-kampjun.

2. Awtorizzazzjoni bħal din għandha:

(a) tingħata biss meta l-awtorità xjentifika kompetenti ta' dak l-Istat Membru jew, meta l-moviment ikun lejn Stat Membru ieħor, l-awtorità xjentifika kompetenti ta' dan ta' l-aħħar, tkun sodisfatta li fejn se jinżamm il-kampjun ħaj fil-post destinatarju jkun mgħammar kif xieraq biex ikun ikkonservat u biex jingħata l-kura meħtieġa;

(b) tkun ikkonfermata bil-ħruġ ta' ċertifikat; u

(ċ) meta applikabbli, tkun immedjetament ikkomunikata lil xi awtorità amministrattiva ta' l-Istat Membru li l-kampjun ikun jinsab fih.

3. Madankollu, l-ebda awtorizzazzjoni bhal din m'għandha tkun meħtieġa jekk annimal ħaj ikun hemm bżonn li jiġi mċaqlaq għal skopijiet urġenti ta' trattament veterinarju u jkun mibgħut lura direttament lejn il-post awtorizzat tiegħu.

4. Meta kampjun ħaj ta' speċi elenkata fl-Anness B jiġi mċaqlaq fil-Komunità, id-detentur tal-kampjun jista jitilqu biss wara li jassigura li min ser jirċevih ikun infurmat adegwatament bl-akkomodazzjoni, tagħmir u prattiċi meħtieġa biex ikun żgurat li l-kampjun ikun imħares kif xieraq.

5. Meta xi kampjuni ħajjin jinġarru lejn, minn jew fil-Komunità jew ikunu miżmuma għal xi perjodu ta' transitu jew trasbord, dawn għandhom ikunu tħejjew, imċaqalqa u mogħtija lura b'mod li jnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju ta' ħsara, dannu għas-saħħa jew trattament ħażin u, fil-każ ta' annimali, skond il — leġislazzjoni tal-Komunità dwar il-protezzjoni ta' annimali waqt it-trasport.

6. Skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 18, il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi restrizzjonijiet dwar iż-żamma jew il-moviment ta' kampjuni ħajjin ta' speċi li fir-rigward tagħhom ir-restrizzjonijiet dwar l-introduzzjoni fil-Komunità jkunu ġew stabbiliti skond l-Artikolu 4(6).

Artikolu 10

Ċertifikati li għandhom jinħarġu

Meta tirċievi applikazzjoni, flimkien mad-dokumenti rekwiżiti ta' appoġġ, mill-persuna konċernata u sakemm il-kondizzjonijiet kollha li jirregolaw il-ħruġ tagħhom ikunu ġew imharsa, awtorità amministrattiva ta' Stat Membru tista toħroġ ċertifikat għall-għanijiet imsemmijin fl-Artikolu 5(2)(b), 5 (3) u (4), l-Artikolu 8(3) u l-Artikolu 9(2)(b).

Artikolu 11

Validità u kondizzjonijiet speċjali għal permessi u ċertifikati

1. Bla hsara għal miżuri aktar stretti li l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu fis-seħħ, permessi u ċertifikati maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri skond dan ir-Regolament għandhom ikunu validi fil-Komunità kollha.

2. (a) Madankollu, permess jew ċertifikat bħal dan, kif ukoll xi permess jew ċertifikat maħruġ fuq il-bażi tiegħu, għandu jkun meqjus li ma jiswiex jekk l-awtorità kompetenti jew il-Kummissjoni, b'konsultazzjoni ma' l-awtorità kompetenti li tkun ħarġet il-permess jew iċ-ċertifikat, tistabbilixxi li dan kien maħruġ fuq il-premessa falza li l-kondizzjonijiet għal-ħruġ tiegħu kienu ġew imharsa.

(b) Kampjuni li jinsabu fit-territorju ta' Stat Membru u koperti b'dokumenti bħal dawn għandom jiġu maqbuda mill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru u jistgħu jkunu kkonfiskati.

3. Kull permess jew ċertifikat maħruġ skond dan ir-Regolament jista' jistipula kondizzjonijiet u ħtiġijiet imposti mill-awtorità tal-ħruġ biex tkun assigurata l-konformità mad-dispożizzjonijiet tiegħu. Meta kondizzjonijiet jew ħtiġijiet bħal dawn ikun hemm il-bżonn li jiġu nkorporati fid-disinn tal-permessi jew ċertifikati, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw b'dan lill-Kummissjoni.

4. Kull permess ta' importazzjoni maħruġ fuq il-bażi ta' kopja ta' permess ta' l-esportazzjoni korrispondenti jew ta' ċertifikat ta' ri-esportazzjoni għandu jkun validu għall-introduzzjoni ta' kampjuni fil-Komunità biss meta jkollu miegħu l-oriġinal tal-permess validu ta' esportazzjoni jew taċ-ċertifikat ta' ri-esportazzjoni.

5. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-limiti taż-żmien għall-ħruġ ta' permessi u ċertifikati skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 18.

Artikolu 12

Postijiet ta' introduzzjoni u esportazzjoni

1. Stati Membri għandhom jinnominaw l-uffiċċji doganali għat-twettiq tal-verifiki u l-formalitajiet għall-introduzzjoni fil-u l-esportazzjoni mill-Komunità, sabiex jingħatalhom trattament jew użu approvat mid-dwana, fis-sens tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92, ta' kampjuni ta' speċi koperti b'dan ir-Regolament u għandhom jgħidu liema uffiċċji jkunu speċifikament mahsuba biex jiehdu hsieb kampjuni ħajjin.

2. L-uffiċji kollha nominati skond il-paragrafu 1 għandhom ikunu provduti b'numru suffiċjenti ta' persunal adegwatament imharrġa. Stati Membri għandhom jassiguraw li l-akkomodazzjoni tkun provduta skond il-leġislazzjoni relevanti tal-Komunità f'dak li għandu x'jaqsam mat-trasport u l-akkomodazzjoni ta' annimali ħajjin u li, fejn meħtieġ, passi adegwati jittiehdu dwar pjanti ħajjin.

3. L-uffiċċji kollha nominati skond il-paragrafu 1 għandhom ikunu notifikati lill-Kummissjoni li għandha tippubblika lista tagħhom fil-Gurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

4. F'każi eċċezzjonali u skond kriterji definiti bil-proċedura preskritta fl-Artikolu 18, awtorità amministrattiva tista' tawtorizza l-introduzzjoni fil-Komunità jew l-esportazzjoni jew ri-esportazzjoni minnha f' uffiċċju doganali barra minn dak nominat skond il-paragrafu 1.

5. Stati Membri għandhom jassiguraw li fil-postijiet minn fejn tinqasam il-fruntiera, il-pubbliku jkun infurmat bid-dispożizzjonijiet li jimplimentaw dan ir-Regolament.

Artikolu 13

Awtoritajiet amministrattivi u xjentifiċi u awtoritajiet kompetenti oħra

1. (a) Kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità amministrattiva b'risponsabbiltà primarja għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u għal komunikazzjoni mall-Kummissjoni.

(b) Kull Stat Membru jista' wkoll jinnomina awtoritajiet amministrattivi oħra u awtoritajiet kompetenti oħra biex jgħinu fl-implimentazzjoni, f'liema każ l-awtorità amministrattiva primarja għandha tkun responsabbli biex tipprovdi lil-awtoritajiet addizzjonali bl-informazzjoni kollha meħtieġa għall-applikazzjoni tajba ta' dan ir-Regolament.

2. Kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità xjentifika wahda jew aktar bi kwalifiki xierqa li d-doveri tagħhom għandhom ikunu separati minn dawk ta' kull awtorità amministrattiva innominata.

3. (a) Mhux aktar tard minn tlett xhur qabel id-data ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, Stati Membri għandhom jibagħtu l-ismijiet u l-indirizzi ta' l-awtoritajiet amministrattivi innominati, ta' xi awtoritajiet oħra kompetenti biex johorġu permessi jew ċertifikati u ta' awtoritajiet xjentifiċi lill-Kummissjoni, li għandha tippubblika din l-informazzjoni fil-Gurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, fi żmien xhar.

(b) Kull awtorità amministrattiva msemmija fil-paragrafu 1 (a) għandha, jekk tkun mitluba mill-Kummissjoni, tikkomunikalha fi żmien xahrejn l-ismijiet u kampjuni tal-firem tal-persuni awtorizzati li jiffirmaw il-permessi jew ċertifikati, u impressjonijiet tat-timbri, siġilli jew meżżi oħra wżati biex jawtentikaw il-permessi jew ċertifikati.

(ċ) Stati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni kull tibdiliet fl-informazzjoni diġà mogħtija, mhux aktar tard minn xahrejn wara l-implimentazzjoni ta' tibdil bħal dan.

Artikolu 14

Monitoraġġ dwar konformità u investigazzjonijiet ta' ksur ta' regolamenti

1. (a) L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw il-harsien tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

(b) Jekk, f'xi żmien., l-awtoritajiet kompetenti jkollhom għaliex jemmnu li dawn id-dispożizzjonijiet ikunu qegħdin jiġu miksura, għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jassiguraw konformità jew biex jiehdu azzjoni legali.

(ċ) Stati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u, fil-każ ta' speċi elenkati fl-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni, lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni, dwar xi passi meħuda mill-awtoritajiet kompetenti f'dak li għandu x'jaqsam ma ksur sinifikanti ta' dan ir-Regolament, inklużi qbid u konfiski.

2. Il-Kummissjoni għandha tiġbed l-attenzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri dwar materji li għalihom tħoss il-ħtieġa ta' investigazzjoni skond dan ir-Regolament. Stati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u, fil-każ ta' speċi elenkati fl-Appendiċi għall-Konvenzjoni, lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni, bir-riżultat ta' xi investigazzjoni sussegwenti.

3. (a) Grupp ta' infurzar għandu jkun stabbilit li jkun jikkonsisti f'rappreżentanti ta' l-awtoritajiet ta' kull Stat Membru b'responsabbiltà biex jassiguraw l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. Il-grupp għandu jkun taht il-preidenza tar-rappreżentant tal-Kummissjoni.

(b) Il-grupp ta' infurzar għandu jeżamina kull kwistjoni teknika li għandha x'taqsam ma' l-infurzar ta' dan ir-Regolament li titqajjem mill-president, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tal-membri tal-grupp jew tal-kumitat.

(ċ) Il-Kummissjoni għandha twassal l-opinjonijiet espressi fil-grupp ta' infurzar lill-kumitat.

Artikolu 15

Komunikazzjoni ta' informazzjoni

1. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkomunikaw lil xulxin l-informazzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jassiguraw li jittiehdu l-passi meħtieġa biex il-pubbliku jsir jaf u biex jinfurmawh bid-dispożizzjonijiet rigward l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni u ta' dan ir-Regolament u dwar il-miżuri ta' implimentazzjoni ta' dan ta' l-aħħar.

2. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika mas-Segretarjat tal-Konvenzjoni sabiex tassigura li l-Konvenzjoni tkun implimentata effettivament fit-territorju kollu li għalih japplika dan ir-Regolament.

3. parir mill-Grupp tar-Reviżjoni Xjentifika lill-awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istati Membri konċernati.

4. (a) L-awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni qabel il-15 ta' Ġunju ta' kull sena l-informazzjoni kollha dwar is-sena ta' qabel li tkun mehtieġa għat-tħejjija tar-rapporti msemmijin fl-Artikolu VIII.7 (a) tal-Konvenzjoni u informazzjoni ekwivalenti dwar kummerċ internazzjonali tal-kampjuni kollha ta' l-ispeċi elenkati fl-Annessi A, B u C u dwar l-introduzzjoni fil-Komunità ta' kampjuni ta' l-ispeċi elenkati fl-Anness D. L-informazzjoni li għandha tkun ikkomunikata u l-format tal-preżentazzjoni tagħha għandhom ikunu speċifikati mill-Kummissjoni skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 18.

(b) Fuq il-bażi ta' l-informazzjoni msemmija f' (a), il-Kummissjoni għandha tippubblika qabel il-31 ta' Ottubru ta' kull sena rapport statistiku dwar l-introduzzjoni fil-, u l-esportazzjoni u r-ri-esportazzjoni mill-, Komunità ta' kampjuni ta' l-ispeċi li għalihom japplika dan ir-Regolament u għandha tgħaddi lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni informazzjoni dwar l-ispeċi li l-Konvenzjoni tapplika għalihom.

(ċ) Bla hsara għall-Artikolu 20, l-awtoritajiet amministrattivi ta' l-Istati Membri għandhom, qabel il-15 ta' Ġunju ta' kull tieni sena, u għall-ewwel darba fl-1999, jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha li għandha x'taqsam mas-sentejn preċedenti li tkun meħtieġa biex jitħejjew ir-rapporti msemmijin fl-Artikolu VIII.7 (b) tal-Konvenzjoni u informazzjoni ekwivalenti dwar id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament li huma barra mill-iskop tal-Konvenzjoni. L-informazzjoni li għandha tkun ikkomunikata u l-format tal-preżentazzjoni tagħha għandhom ikunu speċifikati mill-Kummissjoni skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 18.

(d) Fuq il-bażi ta' l-informazzjoni msemmija f' (c), il-Kummissjoni għandha, qabel il-31 ta' Ottubru ta' kull tieni sena, u għall-ewwel darba fl-1999, tħejji rapport dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar ta' dan ir-Regolament.

5. Bil-għan tat-tħejjija ta' emendi għall-Annessi, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jgħaddu l-informazzjoni relevanti kollha lill-Kummissjoni. Il-Kumissjoni għandha tispeċifika l-informazzjoni kollha meħtieġa, skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 18.

6. Skond id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE tas-7 ta' Ġunju 1990 dwar l-aċċess liberu għal informazzjoni dwar l-ambjent [7], il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa biex tipproteġi l-konfidenzjalità ta' informazzjoni miksuba fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 16

Sanzjonijiet

1. Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jassiguraw l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet mill-anqas dwar il-ksur li ġej ta' dan ir-Regolament:

(a) l-introduzzjoni fil-, jew l-esportazzjoni jew ir-ri-esportazzjoni mill-Komunità ta' kampjuni mingħajr il-permess jew ċertifikat indikat jew b'xi permess jew ċertifikat falz, iffalzifikat jew invalidu jew wieħed li jkun alterat mingħajr awtorizzazzjoni ta' l-awtorità tal-ħruġ;

(b) nuqqas ta' konformità ma' l-istipulazzjonijiet speċifikati fuq xi permess jew ċertifikat maħruġ skond dan ir-Regolament;

(ċ) dikjarazzjoni falza jew l-għoti b'qerq ta' informazzjoni falza għall-ksib ta' permess jew ċertifikat;

(d) l-użu ta' permess jew ċertifikat falz, iffalzifikat jew invalidu jew wieħed li jkun alterat mingħajr awtorizzazzjoni bħala bażi għall-ksib ta' permess jew ċertifikat tal-Komunità jew għal xi skop uffiċjali ieħor b'konnessjoni ma' dan ir-Regolament;

(e) nuqqas ta' notifika ta' importazzjoni jew notifika falza ta' importazzjoni;

(f) tagħbija bil-bahar ta' kampjuni ħajjin li ma jkunux imħejjija kif xieraq biex jitnaqqsu r-riskji ta' ħsara, id-dannu għas-saħħa jew trattament ħażin;

(g) l-użu ta' kampjuni ta' speċi elenkati fl-Anness A li mhux skond l-awtorizzazzjoni mogħtija waqt il-ħruġ tal-permess ta' importazzjoni jew sussegwentament;

(h) in-negozju fi pjanti mnisslin artifiċjalment kuntrarju għad-dispożizzjonijiet preskritti skond l-Artikolu 7(1)(b);

(i) tagħbija ta' kampjuni fi, jew 'il barra minn, jew fi transitu fit-territorju tal-Komunità mingħajr il-permess jew ċertifikat mehtieġ maħruġ skond dan ir-Regolament u, fil-każ ta' esportazzjoni jew ri-esportazzjoni minn pajjiż terz Parti għall-Konvenzjoni, skond dan, jew mingħajr prova sodisfaċenti dwar l-eżistenza ta' permess jew ċertifikat bħal dak;

(j) ix-xiri, l-offerta għax-xiri, il-ksib għal skopijiet kummerċjali, l-użu għal qliegħ kummerċjali, il-wiri fil-pubbliku għal skopijiet kummerċjali, il-bejgħ, iż-żamma għall-bejgħ, l-offerta għal bejgħ jew it-trasport għal bejgħ ta' kampjuni b'kontravenzjoni ta' l-Artikolu 8;

(k) l-użu ta' permess jew ċertifikat għal xi kampjun għajr dak li għalih ikun inħareġ;

(l) il-falzifikazzjoni jew alterazzjoni ta' xi permess jew ċertifikat maħruġ skond dan ir-Regolament;

(m) in-nuqqas li jkun dikjarat ir-rifjut ta' applikazzjoni għal permess jew ċertifikat ta' importazzjoni fi, jew esportazzjoni jew ri-esportazzjoni mill-Komunità, skond l-Artikolu 6(3).

2. Il-miżuri msemmijin fil-paragrafu 1 għandhomn jixirqu lin-natura u l-gravità tal-ksur u għandhom jinkludu dispożizzjonijiet rgward il-qbid u, fejn xieraq, il-konfiska tal-kampjuni.

3. Meta kampjun ikun ikkonfiskat, dan għandu jitħalla f'idejn l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru tal-konfiska li:

(a) wara konsultazzjoni ma' l-awtorità xjentifika ta' dak l-Istat Membru, għandu jqiegħed jew b'mod ieħor jiddisponi minn kampjun taht kondizzjonijiet li hu jħoss li jkunu xierqa u konsistenti ma' l-iskopijiet u d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni u ta' dan ir-Regolament; u

(b) fil-każ ta' kampjun ħaj li jkun ġie introdott fil-Komunità, jista', wara konsultazzjoni ma' l-Istat esportatur, jibgħat il-kampjun lura lejn dak l-Istat spejjeż tal-persuna misjuba ħatja.

4. Meta kampjun ħaj ta' speċi elenkata fl-Anness B jew C jasal fil-post ta' l-introduzzjoni fil-Komunità mingħajr il-permess jew ċertifikat validu kif mehtieġ, il-kampjun għandu jinqabad u jista jkun ikkonfiskat jew, jekk il-kunsinnatarju jirrifjuta li jaċċetta l-kampjun, l-awtortajiet kompetenti ta' l-Istat Membru responsabbli għall-post ta' l-introduzzjoni jista', jekk ikun il-każ, jirrifjuta li jaċċetta l-konsenja u jobbliga lil min iġorr biex jieħu lura l-kampjun lejn il-post mnejn telqu.

Artikolu 17

Il-Grupp ta' Reviżjoni Xjentifika

1. Grupp ta' Reviżjoni Xjentifika huwa hawnhekk stabbilit, li jikkonsisti f'rappreżentanti ta' l-awtorità jew awtoritajiet xjentifiċi ta' kull Stat Membru u taht il-preidenza tar-rappreżentant tal-Kummissjoni.

2. (a) Il-Grupp ta' Reviżjoni Xjentifika għandu jeżamina kull kwistjoni xjentifika li għandha x'taqsam ma' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament — partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-Artikolu 4(1)(a), (2) (a) u (6) — li jitqajmu mill-president, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tal-membri tal-Grupp jew tal-Kunitat.

(b) Il-Kummissjoni għandha twassal l-opinjonijiet espressi fil-Grupp ta' Reviżjoni Xjentifika lill-Kumitat.

Artikolu 18

Il-Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat magħmul mir-rapreżentanti ta' l-Istati Membri taġt il-presidenza tar-rappreżentant tal-Kummissjoni.

Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jibgħat lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittiehdu. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fi żmien limitat li l-president jista jippreskrivi skond l-urġenza tal-materja. L-opinjoni għandha tkun mogħtija mill-maġġoranza kif preskritt fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ li jadotta dwar xi proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat għandhom jingħataw importanza skond kif indikat f'dak l-Artikolu. Il-president m'għandux jivvota.

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri maħsuba jekk dawn ikunu skond l-opinjoni tal-Kumitat.

Jekk il-miżuri maħsuba ma jkunux skond l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk l-ebda opinjoni ma tingħata, il-Kummissjoni għandha, bla ebda dewmien, tibgħat proposta lill-Kunsill dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata.

2. F'dak li jirrigwarda l-hidmiet tal-Kumitat imsemmijin fil-punti 1 u 2 ta' l-Artikolu 19, jekk, meta jiskadi l-perjodu ta' tlett xhur mid-data li fiha s-suġġett ikun ġie riferit lill-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx aġixxa, il-miżuri proposti għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni.

3. F'dak li għandu x'jaqsam mal-hidmiet tal-Kumitat imsemmijin fil-punti 3 u 4 ta' l-Artikolu 19 jekk, meta jiskadi l-perjodu ta' tlett xhur mid-data ta' meta jkun ġie riferit lill-Kunsill, il-Kunsill ikun għandu ma hax azzjoni, il-miżuri proposti għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni, ħlief meta l-Kunsill ikun iddeċieda kontra l-imsemmija miżuri b'maġġoranza sempliċi.

Artikolu 19

Skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 18, l-Kummissjoni għandha:

1. tippreskrivi kondizzjonijiet u kriterji uniformi dwar:

(i) il-ħruġ, il-validità u l-użu tad-dokumenti msemmijin fl-Artikoli 4, 5, 7 (4) u 10; hi għandha tiddetermina l-format tagħhom;

(ii) l-użu ta' ċertifikati fitosanitarji; u

(iii) l-istabbiliment ta' proċeduri, meta meħtieġ, biex ikunu mmarkati kampjuni sabiex tkun iffaċilitata l-identifikazzjoni u biex ikun assigurat l-infurzar tad-dispożizzjonijiet;

2. tadotta l-miżuri msemmijin fl-Artikolu 4(6) u (7), l-Artikolu 5(5) u (7) (b), l-Artikolu 7(1)(c), (2) (c) u (3), l-Artikolu 8(4), l-Artikolu 9(6), l-Artikolu 11(5), l-Artikolu 15(4)(a), (c) u (5) u l-Artikolu 21(3);

3. temenda l-Annessi A sa D ħlief fil-każ ta' emendi għall-Anness A li ma jirriżultawx minn deċiżjonijiet tal-Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni;

4. tadotta, meta meħtieġ, miżuri addizzjonali biex timplimenta riżoluzzjonijiet tal-Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni, deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni u rakkomandazzjonijiet tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni.

Artikolu 20

Dispożizzjonijiet Finali

Kull Stat Membri għandu jgħarraf lill-Kummissjoni u lis-Segretarjat tal-Konvenzzjoni bid-dispożizzjonijiet li hu jadotta speċifikament għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u bl-istrumenti legali kollha użati u l-miżuri meħuda għall-implimentazzjoni u l-infurzar tiegħu.

Il-Kummissjoni għandha tgħaddi din l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 21

1. Ir-Regolament (KEE) Nru 3626/82 huwa hawnhekk imħassar.

2. Sakemm il-miżuri previsti fil-punti 1 u 2 ta' l-Artikolu 19 ikunu ġew adottati, Stati Membri jistgħu iżommu fis-seħħ jew ikomplu japplikaw il-miżuri adottati skond ir-Regolament (KEE) Nru 3626/82 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3418/83 tat-28 ta' Novembru 1983 li jippreskrivu id-dispożizzjonijiet dwar il-ħruġ u l-użu uniformi ta' dokumenti meħtieġa għall-implimentazzjoni fil-Komunità tal-Konvenzjoni Internazzjonali tal-Kummerċ fi Speċi fil-Periklu ta' Fawna u Flora Salvaġġi [8].

3. Xahrejn qabel dan ir-Regolament ikun implimentat, il-Kummissjoni, skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 18 u b'konsultazzjoni mal-Grupp ta' Reviżjoni Xjentifika:

(a) għanduha tivverifika li ma jkun hemm l-ebda ġustifikazzjoni għal restrizzjonijiet dwar l-introduzzjoni fil-Komunità ta' l-ispeċi elenkati fl-Anness C1 tar-Regolament (KEE) Nru 3626/82 li ma jkunux inklużi fl-Anness A ta' dan ir-Regolament;

(b) għandha tadotta Regolament li jemenda l-Anness D f'lista rappreżentattiva ta' speċi li jissodisfaw il-kriterji preskritti fl-Artikolu 3(4)(a).

Artikolu 22

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Gurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu japplika mill-1 ta' Ġunju 1997.

L-Artikoli 12, 13, 14 (3), 16, 17, 18 19 u 21 (3) għandhom japlikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fid-9 ta' Diċembru 1996.

Għall-Kunsill

Il-President

B. Howlin

[1] ĠU C 26, tat-3.2.1992, p. 1, uĠU C 131, tat-12.5.1994, p. 1.

[2] ĠU C 223, tal-31.8.1992, p. 19.

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 1995 (ĠU C 17, tat-22.1.1996, p. 430). Pożizzjoni komuni tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 1996 (ĠU C 196, tas-6.7.1996, p. 58) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Settembru 1996 (ĠU C 320, tat-28.10.1996).

[4] ĠU L 384, tal-31.12.1982, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 558/95 (ĠU L. 57, tal- 15.3.1995, p. 1).

[5] ĠU L 302, tad-19.10.1992, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-1994.

[6] ĠU L 358, tat-18.12.1986, p. 1.

[7] ĠU L 158, tat-23.6.1990, p. 56.

[8] ĠU L 344, tas-7.12.1983, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

Dan l-Anness ġie mibdul bir-Regolament tal-Kummissjoni 1497/2003, ĠU L 215, 27.8.2003, p.3.

--------------------------------------------------

Top